EUR-Lex El acceso al Derecho de la Unión Europea

Volver a la página principal de EUR-Lex

Este documento es un extracto de la web EUR-Lex

Documento 62019TN0045

Kawża T-45/19: Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Jannar 2019 — Acron et vs Il-Kummissjoni

ĠU C 122, 1.4.2019, p. 20/21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

1.4.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 122/20


Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Jannar 2019 — Acron et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-45/19)

(2019/C 122/23)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Acron OAO (Veliky Novgorod, ir-Russja), Dorogobuzh OAO (Dorogobuzh, ir-Russja), Acron Switzerland AG (Baar, l-Isvizzera) (rappreżentanti: T. De Meese, J. Stuyck u A. Nys, lawyers)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1703 tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Novembru 2018 (1);

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-kovenuta kisret l-obbligi internazzjonali tagħha, fatt li jikkonstitwixxi ksur tat-Trattat, u naqset milli tipproduċi raġunijiet suffiċjenti, billi kkonstatat li l-Federazzjoni tar-Russja ma kinitx qiegħda tosserva l-obbligi tagħha fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (iktar il-quddiem il-“WTO”).

Ir-rikorrenti jsostnu li l-konvenuta naqset milli tqis l-adeżjoni tal-Federazzjoni tar-Russja Fédération fil-WTO, bħala rilevanti għall-finijiet tal-kalkolu tal-marġni ta’ dumping tar-rikorrenti. Il-konvenuta kienet obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-impenji meħuda mill-Federazzjoni tar-Russja inkonnessjoni mal-prezz tal-gass billi twettaq eżami mill-ġdid intermedjarju tad-dazji applikabbli fuq l-importazzjoni tan-nitrat tal-ammonju. Peress li l-konvenuta sostniet li l-Federazzjoni tar-Russja ma osservatx il-protokoll tagħha ta’ adeżjoni, il-konvenuta aġixxiet bi ksur tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ u tal-Artikolu II tal-Ftehiom antidumping tal-WTO. Billi dan ma wettqitux, il-konvenuta naqset mill-obbligi internazzjonali tagħha, fatt li jekwivali għal ksur tat-Trattat.

2.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-konvenuta wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u naqset milli tipproduċi raġunijiet suffiċjenti, fatt li wassal għal ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, billi kkonstatat li t-tibdil taċ-ċirkustanzi invokat mir-rikorrenti ma kienx ta’ natura dejjiema.

Ir-rikorrenti jsostnu li, fil-kuntest tat-tieni motiv, kienu jeżistu żewġ raġunijiet differenti għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Dawn iż-żewġ raġunijiet huma marbuta mal-konklużjoni żbaljata li t-tibdil taċ-ċirkustanzi ma kienx ta’ natura dejjiema.

Fi kwalunkwe każ, il-konvenuta naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 296 TFUE, billi naqset milli tipprovi motivazzjoni ċara u inekwivoka għad-deċiżjoni kkontestata.

3.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-konvenuta kisret l-Artikolu 19(2) u l-Artikolu 20(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), kif ukoll id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, u ħolqot nuqqas ta’ ċertezza legali, billi naqset li tipprovdi l-kalkolu ta’ dumping tagħha.

Il-konvenuta naqset milli tikkomunika l-kalkolu finali tal-marġni ta’ dumping lir-rikorrenti, minkejja li dan il-kalkolu serva bħala bażi għall-konklużjonijiet marbuta mal-kontinwazzjoni u mal-eżistenza ta’ dumping, għan-natura dejjiema tat-tibdil taċ-ċirkustanzi u għall-għeluq tal-eżami mill-ġdid intermedjarju parzjali. Kieku l-konvenuta kkomunikat l-imsemmi kalkolu, dan kien jippermetti lir-rikorrenti jiddefendu d-drittijiet tagħhom b’mod iktar effikaċi, fir-rigward tal-kalkolu tad-dumping u tal-konstatazzjonijiet tad-dumping fl-intier tagħhom, inkluż l-argument marbut mal-metodoloġija tal-kalkolu implementata fl-investigazzjoni inizjali, fatt li setgħa inċida kunsiderevolment fuq is-sitwazzjoni legali tagħhom.

Ir-rikorrenti jsostnu li l-konvenuta kisret l-Artikolu 19(2) u l-Artikolu 20(2) tar-Regolament 2016/1036, id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u l-prinċipju ta’ ċertezza legali, billi naqset milli tipprovdi lir-rikorrenti sinteżi serju tal-provi miġbura matul l-investigazzjoni jew kunsiderazzjonijiet li abbażi tagħhom l-imsemmija konvenuta kienet tipprevedi li tbiddel il-marġni antidumping tar-rikorrenti. Ir-rikorrenti jsostnu li billi rrifjutat li tikkomunikalhom il-kalkolu tagħha tal-marġni ta’ dumping, il-konvenuta kisret id-drittijiet tad-difiża tagħhom u ppreġudikat il-prinċipju ta’ ċertezza legali.


(1)  Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1703 tat-12 ta’ Novembru 2018 li ttemm ir-rieżami interim parzjali dwar l-importazzjonijiet ta' nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja (ĠU 2018, L 285, p. 97).

(2)  Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21).


Arriba