Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CN0920

    Kawża C-920/19: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesverwaltungsgericht Steiermark (l-Awstrija) fis-16 ta’ Diċembru 2019 – Fluctus s.r.o. et

    ĠU C 161, 11.5.2020, p. 17–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    11.5.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 161/17


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesverwaltungsgericht Steiermark (l-Awstrija) fis-16 ta’ Diċembru 2019 – Fluctus s.r.o. et

    (Kawża C-920/19)

    (2020/C 161/26)

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Qorti tar-rinviju

    Landesverwaltungsgericht Steiermark

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: Fluctus s.r.o., Fluentum s.r.o., KI

    Konvenut: Landespolizeidirektion Steiermark

    Parti oħra: Finanzpolizei Team 96 für das Finanzamt Deutschlandsberg Leibnitz Voitsberg

    Domandi preliminari

    1)

    L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, kif ikkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza stabbilita tagħha fir-rigward ta’ monopolju nazzjonali tal-logħob tal-ażżard, fl-evalwazzjoni ta’ prattiċi pubbliċitarji illegali ta’ detentur ta’ liċenzja, huwa rilevanti jekk kienx hemm effettivament tkabbir ekonomiku tas-suq tal-logħob tal-ażżard fil-perijodu rilevanti, jew huwa suffiċjenti li r-reklamar ikun intiż għal parteċipazzjoni attiva fil-logħob tal-ażżard billi pereżempju jnaqqas in-natura serja tal-logħob tal-ażżard, billi jattribbwixxilu immaġni pożittiva minħabba li d-dħul mil-logħob tal-ażżard jintuża għall-interess pubbliku, jew billi jżid l-attrattività tiegħu permezz ta’ messaġġi pubbliċitarji attraenti li jinċitaw prospetti ta’ rebħ sostanzjali?

    2)

    Barra minn hekk, l-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ tal-eżistenza ta’ prattiċi pubbliċitarji ta’ detentur ta’ liċenzja monopolista, dawn madankollu jeskludu l-koerenza ta’ sistema ta’ monopolju jew, fil-każ ta’ attivitajiet pubbliċitarji minn fornitur privat, il-parteċipazzjoni attiva fil-logħob tal-ażżard tista’ tiġi inċitata minn detentur ta’ liċenzja monopolista billi titnaqqas in-natura serja tal-logħob tal-ażżard, billi tiġi attribwita immaġni pożittiva minħabba li d-dħul mil-logħob tal-ażżard jintuża għall-interess pubbliku, jew billi tiżdied l-attrattività tiegħu permezz ta’ messaġġi pubbliċitarji attraenti li jinċitaw prospetti ta’ rebħ sostanzjali?

    3)

    Qorti nazzjonali li, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha tintalab tapplika l-Artikolu 56 TFUE sabiex tagħti effett sħiħ lil dawn in-normi, tista’ ex officio ma tapplikax dispożizzjoni kunfliġġenti tad-dritt nazzjonali, anki jekk il-konformità ta’ tali dispożizzjoni mad-dritt tal-Unjoni tkun ġiet ikkonfermata fi proċedura kostituzzjonali?


    Top