EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0466

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tat-28 ta’ Jannar 2021.
Qualcomm Inc. u Qualcomm Europe Inc. vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Kompetizzjoni – Abbuż ta’ pożizzjoni dominanti – Suq tal-baseband chipsets UMTS – Regolament (KE) Nru 1/2003 – Artikolu 18(3) – Deċiżjoni li tintalab informazzjoni – Natura neċessarja tal-informazzjoni mitluba – Proporzjonalità – Oneru tal-prova – Awtoinkriminazzjoni.
Kawża C-466/19 P.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:76

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

28 ta’ Jannar 2021 ( *1 )

“Appell – Kompetizzjoni – Abbuż ta’ pożizzjoni dominanti – Suq tal-baseband chipsets UMTS – Regolament (KE) Nru 1/2003 – Artikolu 18(3) – Deċiżjoni li tintalab informazzjoni – Natura neċessarja tal-informazzjoni mitluba – Proporzjonalità – Oneru tal-prova – Awtoinkriminazzjoni”

Fil-Kawża C‑466/19 P,

li għandha bħala suġġett appell abbażi tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-18 ta’ Ġunju 2019,

Qualcomm Inc., stabbilita f’San Diego, California (l-Istati Uniti),

Qualcomm Europe Inc., stabbilita f’Sacramento (l-Istati Uniti), irrappreżentati minn M. Pinto de Lemos Fermiano Rato, avocat, u M. Davilla, dikigoros,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-proċedura li hija:

il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn H. van Vliet, G. Conte, M. Farley u C. Urraca Caviedes, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn N. Wahl, President tal-Awla, F. Biltgen u L. S. Rossi (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħhom, Qualcomm Inc. u Qualcomm Europe Inc. jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-9 ta’ April 2019, Qualcomm u Qualcomm Europe vs Il-Kummissjoni (T‑371/17, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2019:232), li permezz tagħha din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors tagħhom intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni C(2017) 2258 finali tal-Kummissjoni tal-31 ta’ Marzu 2017 dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18(3) u tal-Artikolu 24(1)(d) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 tal-Kunsill (Każ AT.39711 – Qualcomm (predazzjoni)) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

Il-kuntest ġuridiku

2

Skont kliem il-premessi 23 u 37 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205):

“(23)

Il-Kummissjoni [Ewropea] għandha jkollha is-saħħa madwar [l-Unjoni Ewropea kollha] li tirrekwiżixxi l-informazzjoni li tiġi mogħtija kif neċċessarju biex tiskopri xi ftehim, deċiżjonijiet jew prattiċi miftiehma projbiti mil-Artikolu [101 TFUE] jew xi abbuż ta’ posizzjonijiet dominanti projbiti mil-Artikolu [102 TFUE]. Meta qed taqbel ma deċiżjoni tal-Kummissjoni, l-impriża ma tistax tiġi infurżata [imġiegħla] li tammetti [li] sar xi ksur, imma huma obligati li jwieġbu għad-domandi b’mod fattwali u jipprovdu dokumenti, anki jekk din l-infromazzjoni tista tiġi użata biex jiġi stabbilit kontrijhom jew kontra xi impriża oħra l-eżistenza ta’ xi ksur.

[…]

(37)

Dan ir-Regolament jirrispetta id-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji magħrufin b’mod partikolari mil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea. B’ hekk, dan ir-Regolament għandu jiġi interpretat u applikat b’rispett ghal dawk id-drittijiet u il-prinċipji.”

3

L-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Talba għall-informazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

“1.   Sabiex tagħmel id-doveri assenjati lilha min dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ talba sempliċi jew ta’ deċiżjoni, tirrikjedi l-impriża u l-assoċjazzjoni ta’ l-impriża li tipprovdi l-informazzjoni kollha neċessarja

2.   Meta tintbagħat talba sempliċi għall-informazzjoni li xi impriża jew assoċjazzjoni ta’ l-impriża, il-Kummissjoni ħa ssemmi il-bażi legali u ir-raġuni għat-talba, tispeċifika liema informazzjoni hi rikjesta u twaħħal [tistabbilixxi] limitu ta’ ħin li fih l-informazzjoni għandha tiġi provduta, u il-pieni previsti mil-Artikolu 23 għal-fornitura inkorretta jew informazzjoni qarrieqa.

3.   Fejn il-Kummissjoni tirrikjedi l-impriża u l-assoċjazzjoni ta’ l-impriża biex tiffornixxi informazzjoni b’deċiżjoni, hi ħa tiddikjara il-bażi legali u ir-raguni għat-talba, tispeċifika liema inofrmazzjoni hi rikjesta u twaħħal il-limitu ta’ ħin li fiħ irrid jiġi provduta. Hi ħa tindika ukoll il-pieni previsti mil-Artikolu 23 u tindika jew timponi il-pieni previsti mil-Artikolu 24. Hi ħa tindika ukoll id-dritt ta’ reviżjoni tad-deċiżjoni mil-Qorti tal-Ġustizzja [tal-Unjoni Ewropea].”

4

L-Artikolu 24 tal-imsemmi regolament, intitolat “Perjodu ta’ pagamenti tal-pieni [Pagamenti ta’ penalità]”, jipprevedi:

“1.   Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ deċiżjoni, timponi fuq l-impriżi jew l-assoċjazzjoni ta’ l-impriża perjodu ta’ pagamenti tal-pieni [pagamenti ta’ penalità] li ma jeċċedux il-5 % tal-valur tal-bejgħ [dħul mill-bejgħ] normali ta’ kuljum fis-sena kummerċjali preċedenti u kalkulata sa mid-data maħtura bid-deċiżjoni, sabiex tordnhom [iġġielhom]:

[…]

d)

biex jiffornixxu l-informazzjoni kompluta u korretta li ġiet mitluba b’deċiżjoni meħuda skond l-Artikolu 17 jew l-Artikolu 18(3);

[…]

2.   Fejn l-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet tal-impriża sodisfaw l-obligu li l-perjodu ta’ pagamenti tal-pieni kienu intiżi li jiġu infurzati, il-Kummissjoni tista’ twaħħal [tistabbilixxi] l-ammont definittiv ta’ perjodu ta’ pagamenti tal-pieni għall-figura baxxa li tkun togħla taħt id-[iktar baxxa minn dik li tirriżulta mid-]deċiżjoni oriġinali. […]”

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża

5

Il-fatti li wasslu għall-kawża huma esposti fil-punti 1 sa 18 tas-sentenza appellata. Għall-ħtiġijiet ta’ din il-proċedura, dawn jistgħu jiġu miġbura fil-qosor kif ġej.

6

Qualcomm u Qualcomm Europe huma kumpanniji stabbiliti fl-Istati Uniti u huma attivi fis-settur tal-iddisinjar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-baseband chipsets.

7

Wara lment magħmul fit-8 ta’ April 2010 minn Icera Inc., li hija kumpannija oħra attiva f’dan is-settur, il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni dwar allegat abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, mill-appellanti, li jikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ prezzijiet predatorji fis-suq tal-baseband chipsets UMTS (Universal Mobile Telecommunications System). F’dan il-kuntest, bejn is-7 ta’ Ġunju 2010 u l-14 ta’ Jannar 2015, il-Kummissjoni bagħtet lill-appellanti diversi talbiet għal informazzjoni abbażi tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003.

8

Fit-8 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni indirizzat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-appellanti, wara l-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward tagħhom, fis-16 ta’ Lulju 2015. F’din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, hija waslet għall-konklużjoni preliminari li tgħid li l-appellanti kienu abbużaw mill-pożizzjoni dominanti tagħhom fis-suq tal-baseband chipsets UMTS billi kienu, matul il-perijodu ta’ bejn it-3 ta’ Frar 2009 u s-16 ta’ Diċembru 2011, ipprovdew ċerti kwantitajiet ta’ tlieta minn dawn iċ-chipsets lil tnejn mill-klijenti prinċipali tagħhom, Huawei u ZTE, bi prezzijiet inqas mill-ispejjeż, bil-għan li tneħħi lill-Icera, li kienet l-unika kompetitriċi tal-appellanti f’dan is-suq matul dan il-perijodu, mill-imsemmi suq. Fil-15 ta’ Awwissu 2016, l-appellanti ppreżentaw il-kummenti tagħhom dwar l-imsemmija dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

9

Fit-30 ta’ Jannar 2017, il-Kummissjoni indirizzat lill-appellanti talba għal informazzjoni abbażi tal-Artikolu 18(1) u (2) tar-Regolament Nru 1/2003. Fl-assenza ta’ risposta għal din it-talba għal informazzjoni, fil-31 ta’ Marzu 2017, il-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 18(3) ta’ dan ir-regolament, adottat id-deċiżjoni kontenzjuża.

10

Skont kliem l-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni, l-appellanti kellhom jipprovdu, f’ċerti termini, l-informazzjoni speċifikata fl-Anness I tagħha, u fin-nuqqas ta’ dan huma kienu ser jiġu suġġetti, abbażi tal-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni, għal pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 580000 għal kull ġurnata ta’ dewmien. L-appellanti bagħtu t-tweġiba tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula fit-termini imposti, li kienu sadattant ġew estiżi mill-Kummissjoni.

Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

11

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Ġunju 2017, l-appellanti ressqu rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, li insostenn tiegħu huma ressqu sitt motivi.

12

Preliminarjament, fil-punti 29 sa 33 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala ineffettiv l-ilment ibbażat fuq in-natura eċċessiva tat-tul tal-proċedura amministrattiva, sa fejn osservat li tali lment kien irrelevanti fil-kuntest tal-eżami ta’ rikors li s-suġġett tiegħu ma huwiex deċiżjoni ta’ konstatazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 102 TFUE, iżda deċiżjoni li tintalab informazzjoni.

13

Wara li esponiet dan, il-Qorti Ġenerali, fl-ewwel lok, ċaħdet it-tielet motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 47 sa 54 tas-sentenza appellata, li, sa fejn mid-deċiżjoni kontenzjuża kien jirriżulta b’mod ċar u inekwivokabbli l-preżunzjonijiet ta’ ksur li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tivverifika kif ukoll in-neċessità tal-informazzjoni mitluba sabiex tevalwa l-provi li hija kellha fid-dawl tal-argumenti invokati mill-appellanti wara li kienet intbagħtitilhom id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, din id-deċiżjoni kienet motivata suffiċjentement skont il-liġi, sa fejn il-Kummissjoni ma kinitx obbligata li tipprovdi motivazzjoni iktar iddettaljata dwar il-punt ta’ kif hija kellha l-intenzjoni li tuża din l-informazzjoni sabiex teżamina dawn l-argumenti.

14

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-ewwel żewġ partijiet tal-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ neċessità. Għall-ewwel, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punti 69 sa 91 tas-sentenza appellata, l-ewwel parti tal-ewwel motiv, intiża sabiex id-deċiżjoni kontenzjuża tiġi annullata għaliex din kienet tmur lil hinn mill-kuntest tal-investigazzjoni mibdija kif kien ġie ddefinit fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, billi talbet informazzjoni dwar iċ-ċipep li kienu jikkomponu ċ-chipsets li kienu kkonċernati minn din l-investigazzjoni u fir-rigward ta’ perijodi qrib il-perijodu tal-ksur iddefinit f’din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, qieset li l-Kummissjoni kellha d-dritt, sabiex b’mod partikolari tieħu inkunsiderazzjoni l-argumenti invokati mill-impriżi kkonċernati, li tkompli l-investigazzjoni tagħha wara l-adozzjoni tal-imsemmija dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, inkluż permezz ta’ talbiet għal informazzjoni supplimentari, mingħajr ma dan ma jirrendi t-talbiet illegali jew ma jikkonfuta, fih innifsu, in-natura neċessarja tal-informazzjoni hekk mitluba. Il-Qorti Ġenerali, min-naħa l-oħra, iddeċidiet li l-prerogattivi tal-Kummissjoni ma jistgħux ikunu limitati fir-rigward tal-kwistjonijiet li hija għandha l-intenzjoni li tqajjem, dejjem sakemm dawn jippermettu li tinkiseb informazzjoni neċessarja għall-investigazzjoni mibdija u sakemm il-Kummissjoni tagħti lill-impriżi kkonċernati l-possibbiltà li jinstemgħu. Il-Qorti Ġenerali kompliet tesponi li, f’kull każ, kien mingħajr ma wessgħet il-kuntest ta’ din l-investigazzjoni li l-Kummissjoni kienet talbet l-informazzjoni meħtieġa, sa fejn din mhux biss talli kienet rilevanti inkwantu element sabiex jinftiehem il-kuntest li minnu kien jifforma parti eventwali aġir li jikkostitwixxi ksur, iżda wkoll talli kienet neċessarja għall-applikazzjoni ta’ kriterju “relazzjoni bejn il-prezz u l-kost” xieraq.

15

Wara dan, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punti 98 sa 110 tas-sentenza appellata, it-tieni parti tal-ewwel motiv, intiża li tikkontesta n-natura neċessarja tal-informazzjoni mitluba fir-rigward tal-preżunzjonijiet li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tivverifika. Sabiex għamlet dan, il-Qorti Ġenerali essenzjalment osservat li, permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kienet ippruvat tikseb informazzjoni li tippermetti li jiġi stabbilit kriterju “relazzjoni bejn il-prezz u l-kost” abbażi tad-data li tirrifletti b’mod fidil is-sitwazzjoni matul il-perijodu tal-ksur, peress li, fid-dawl b’mod partikolari tal-kummenti magħmula mill-appellanti dwar id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, hija kienet qieset li d-data li fuqha hija kienet ibbażat ruħha għal dan il-għan f’din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma kinitx tirrifletti l-prezzijiet effettivament imħallsa mill-klijenti tal-appellanti u li dan l-element kien determinanti sabiex jiġi vverifikat jekk il-ksur kienx twettaq. L-informazzjoni mitluba kellha, konsegwentement, rabta ta’ korrelazzjoni mal-preżunzjonijiet ta’ ksur inkwistjoni u kellha titqies bħala neċessarja, u dan minkejja li l-Kummissjoni allegatament ipprovat tibdel jew tadatta l-metodoloġija tagħha wara li kienet bgħatet l-imsemmija dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

16

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat it-tieni motiv, li permezz tiegħu l-appellanti kienu qegħdin jikkontestaw in-natura proporzjonata tad-deċiżjoni kontenzjuża. Qabel kollox, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punti 118 sa 148 tas-sentenza appellata, l-ewwel parti ta’ dan il-motiv, li kienet interkonnessa mat-tielet parti tal-ewwel motiv u li kienet intiża sabiex tikkonfuta n-natura proporzjonata ta’ din id-deċiżjoni fi-dawl tal-volum ta’ xogħol li din kienet tinvolvi. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali qieset li dan il-volum ta’ xogħol, irrispettivament minn kemm kien kunsiderevoli, ma kienx ta’ natura żmiżurata fid-dawl tan-neċessitajiet tal-investigazzjoni relatata mal-preżunzjonijiet ta’ ksur li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tivverifika, u dan b’mod partikolari b’kont meħud tal-kummenti magħmula mill-appellanti dwar id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Skont il-Qorti Ġenerali, il-fatt li l-appellanti ma kinux iżommu l-informazzjoni mitluba fil-formati ta’ risposta proposta mill-Kummissjoni u l-fatt li l-arkivji tagħhom ma kinux ġew organizzati b’mod sistematiku kienu irrelevanti f’dan ir-rigward. Wara dan, il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala inammissibbli t-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq in-natura sproporzjonata tal-ammont tal-pagamenti ta’ penalità previst fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kontenzjuża. Wara li osservat li, permezz ta’ din il-parti, l-appellanti kienu qegħdin impliċitament jitolbu l-annullament ta’ dan l-artikolu, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 153 sa 159 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet ta’ natura preliminari meta mqabbla mal-eventwali deċiżjoni li tistabbilixxi definittivament l-ammont totali ta’ pagamenti ta’ penalità u, għaldaqstant, ma kinitx tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punti 164 sa 166 ta’ dik is-sentenza, it-tielet parti ta’ dan il-motiv, intiża sabiex tikkonfuta n-natura suffiċjenti tat-termini sabiex tingħata tweġiba previsti permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża.

17

Fir-raba’ lok, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-raba’ motiv, li permezz tiegħu l-appellanti kkritikaw lill-Kummissjoni talli invertiet indebitament l-oneru tal-prova billi eżiġiet li huma jwettqu atti li jammontaw għal kompilazzjoni ta’ fajl u, konsegwentement, li jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ din l-istituzzjoni, billi osservat, fil-punti 172 sa 175 tas-sentenza appellata, li dan il-motiv kien ir-riżultat ta’ interpretazzjoni żbaljata tad-deċiżjoni kontenzjuża. Minn naħa, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni ma kinitx fittxet li tivverifika l-kontabbiltà tal-appellanti, iżda sabiex ikollha l-elementi neċessarji sabiex tadatta l-metodoloġija tal-kriterju “relazzjoni bejn il-prezz u l-kost” b’mod li tittieħed inkunsiderazzjoni l-kritika li huma kienu fformulaw fil-kummenti tagħhom fuq id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni lanqas ma kienet talbet li l-appellanti juru li kienu konformi mal-liġi, iżda li jipprovdu dokumenti interni li jikkonfermaw id-dikjarazzjoni rispettiva tagħhom li tgħid li, fil-kuntest ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fil-qasam ta’ prezzijiet, huma kienu bbażaw ruħhom fuq il-ġurisprudenza rilevanti kif ukoll fuq il-linji gwida tal-Kummissjoni.

18

Fil-ħames lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat u sussegwentement ċaħdet, fil-punti 186 sa 195 tas-sentenza appellata, il-ħames motiv, intiż sabiex jikkonfuta d-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn din tikser id-dritt tal-appellanti li ma jinkriminawx ruħhom, billi timponilhom li jirrispondu mistoqsijiet li jmorru lil hinn mill-kuntest tal-produzzjoni ta’ elementi ta’ natura fattwali jew li juru li huma kienu konformi mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali b’mod partikolari osservat, l-ewwel nett, li l-informazzjoni mitluba kienet ta’ natura purament fattwali, it-tieni nett, li din l-informazzjoni kienet tirrigwarda data li għaliha l-appellanti biss seta’ jkollhom aċċess u li, għaldaqstant, dawn tal-aħħar kienu obbligati li jipprovduha anki jekk l-imsemmija informazzjoni setgħet isservi sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ aġir antikompetittiv u, it-tielet nett, li l-appellanti ma kinux urew li l-fatt li, sabiex jirrispondu għall-mistoqsijiet magħmula, huma kienu mġiegħla jifformalizzaw d-data fattwali mitluba f’dokument intiż li jiffaċilita l-fehma tagħhom mill-Kummissjoni, seta’ jikkostitwixxi, fir-rigward tagħhom, ksur ta’ dan id-dritt.

19

Fis-sitt lok, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punti 201 sa 203 tas-sentenza appellata, is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, fejn osservat li mill-eżami tal-ewwel sal-ħames motiv, li magħhom huma interkonnessi l-ilmenti invokati fil-kuntest tas-sitt motiv, kien jirriżulta li kien preċiżament sabiex tikkonforma ruħha mal-obbligi li jirriżultaw minn dan il-prinċipju li l-Kummissjoni kienet adottat id-deċiżjoni kontenzjuża.

It-talbiet tal-partijiet fl-appell

20

Qualcomm u Qualcomm Europe jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża;

sussidjarjament, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi konformement mal-punti ta’ liġi deċiżi mill-Qorti tal-Ġustizzja; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż li huma sostnew quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja.

21

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell;

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

22

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jressqu sitt aggravji.

Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq nuqqas li tittieħed deċiżjoni

L-argumenti tal-partijiet

23

Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli naqset milli tieħu deċiżjoni dwar il-motivi u l-argumenti kollha tagħhom.

24

Fl-ewwel lok, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali żbaljatament, fil-punti 29 sa 33, 101, 102, 110, 147 u 202 tas-sentenza appellata, naqset milli teżamina fuq il-mertu l-argumenti tagħhom li jgħidu li t-tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva kien ippreġudika d-drittijiet tad-difiża tagħhom, billi ċaħdithom bħala irrelevanti sa fejn dawn ma kinux jirrigwardaw deċiżjoni ta’ konstatazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 102 TFUE. Billi għamlet dan, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni b’analoġija għall-każ inkwistjoni tal-ġurisprudenza li rriżultat mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Ġunju 2008, Hoechst vs Il-Kummissjoni (T‑410/03, EU:T:2008:211, punt 227). Din il-ġurisprudenza ma tagħmel ebda distinzjoni skont jekk id-deċiżjoni inkwistjoni tikkonstatax l-eżistenza ta’ ksur jew jekk din tikkostitwixxix tip ieħor ta’ deċiżjoni finali u, għaldaqstant, l-imsemmija ġurisprudenza tippermetti li tiġi kkontestata n-natura raġonevoli tat-tul ta’ investigazzjoni fil-kuntest ta’ rikors imressaq kontra deċiżjonijiet finali tal-Kummissjoni li jimponu, jew li jheddu li jimponu, multi jew pagamenti ta’ penalità fuq l-impriża kkonċernata.

25

Għalhekk, kien ukoll b’mod żbaljat li l-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 110 tas-sentenza appellata, li kienet analizzat l-argumenti bbażati fuq it-tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva invokat fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tieni motiv. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha, fil-punt 147 ta’ din is-sentenza, li teżamina l-argumenti relatati mad-diffikultajiet li magħhom iltaqgħu l-appellanti sabiex jikkomunikaw informazzjoni relatata ma’ fatti li jmorru lura għal diversi snin u ma eżaminatx l-argumenti li jgħidu li t-tul eċċessiv tal-investigazzjoni mibdija affettwa l-kapaċità tagħhom li jiddefendu ruħhom b’mod effettiv.

26

Fit-tieni lok, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali żbaljatament astjeniet ruħha milli teżamina s-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, għar-raġuni li l-motivi l-oħra kienu ġew miċħuda. Sa fejn naqset, bi ksur tal-premessa 37 tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, milli tevalwa dan il-motiv u b’mod partikolari l-argumenti tal-appellanti li jgħidu li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet ir-riżultat ta’ investigazzjoni parzjali, filwaqt li ċaħdet dawn l-argumenti mingħajr spjegazzjoni xierqa u mingħajr motivazzjoni suffiċjenti, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

27

Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

28

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq nuqqas tal-Qorti Ġenerali li tieħu deċiżjoni, minn naħa, dwar l-argumenti tal-appellanti bbażati fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom minħabba t-tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva u, min-naħa l-oħra, fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Barra minn hekk, l-ewwel aggravju huwa bbażat ukoll fuq żball ta’ liġi, allegatament imwettaq mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-eżami ta’ dawn l-argumenti, fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-ġurisprudenza li rriżultat mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Ġunju 2008, Hoechst vs Il-Kummissjoni (T‑410/03, EU:T:2008:211).

29

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-allegat nuqqas li tingħata deċiżjoni dwar l-imsemmija argumenti u dwar is-sitt motiv, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li, hekk kif l-appellanti nfushom jammettu impliċitament, il-Qorti Ġenerali eżaminat, rispettivament fil-punti 29 sa 33 u fil-punti 198 sa 203 tas-sentenza appellata, l-istess argumenti u dan il-motiv, qabel ma ċaħdithom bħala li kienu, rispettivament, ineffettivi u infondati.

30

Wara dan, f’dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, l-allegat nuqqas li tingħata deċiżjoni dwar l-argumenti bbażati fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-appellanti minħabba t-tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva, għandu jiġi osservat li, peress li l-Qorti Ġenerali, preliminarjament, eżaminathom qabel ma ċaħdithom bħala ineffettivi, hija ma tistax tiġi kkritikata talli ma eżaminathomx mill-ġdid fil-kuntest tal-eżami tat-tieni parti tal-ewwel motiv. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 110 tas-sentenza appellata, ma indikatx li kienet analizzat dawn l-argumenti fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel parti tat-tieni motiv, iżda li qieset li l-argumenti tal-appellanti, ibbażati fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom minħabba d-diffikultajiet li dawn kellhom sabiex jikkomunikaw, fid-dawl tal-livell ta’ dettall meħtieġ, informazzjoni dwar fatti li jmorru lura għal diversi snin, kienu interkonnessi ma’ ċerti lmenti mqajma f’din il-parti u eżaminati fil-mertu fil-punt 147 tas-sentenza appellata.

31

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-allegat nuqqas li tingħata deċiżjoni dwar is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, għandu jingħad ukoll li l-Qorti Ġenerali mmotivat suffiċjentement għaliex dan il-motiv kien ġie miċħud. Fil-fatt, minn naħa, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 201 tas-sentenza appellata, osservat li l-argumenti tal-appellanti invokati fil-kuntest tal-imsemmi motiv kienu interkonnessi ma’ dawk li kienu ġew invokati insostenn tal-ewwel sal-ħames motivi u li kienu ġew miċħuda fil-kuntest tal-eżami ta’ dawk il-motivi. Min-naħa l-oħra, fl-imsemmi punt 201, il-Qorti Ġenerali qieset li mill-analiżi tal-imsemmija motivi kien jirriżulta li kien preċiżament sabiex tissodisfa l-obbligu tagħha li teżamina b’reqqa u imparzjalità, konformement mal-ġurisprudenza relatata mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba mfakkra fil-punt 200 tas-sentenza appellata, l-argumenti invokati mill-appellanti, b’mod partikolari fil-kuntest tal-kummenti tagħhom dwar id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, sabiex tħejji d-deċiżjoni finali tagħha dwar l-eventwali eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 102 TFUE bid-diliġenza kollha meħtieġa u abbażi tad-data kollha li jista’ jkollha effett fuqha, li l-Kummissjoni kienet adottat id-deċiżjoni kontenzjuża. Il-Qorti Ġenerali setgħet għalhekk ġustament tiddeċiedi, fil-punt 202 tas-sentenza appellata, li l-appellanti ma kienx irnexxielhom juru l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba minħabba aġir parzjali tal-Kummissjoni.

32

F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-iżball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-ġurisprudenza li rriżultat mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Ġunju 2008, Hoechst vs Il-Kummissjoni (T‑410/03, EU:T:2008:211, punt 227), huwa biżżejjed li jiġi osservat li minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ksur tal-prinċipju ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli jista’ jiġġustifika l-annullament biss ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur meħuda fi tmiem proċedura amministrattiva bbażata fuq l-Artikolu 101 jew 102 TFUE, meta jiġi stabbilit li dan il-ksur kien ippreġudika d-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, C‑105/04 P, EU:C:2006:592, punti 42 u 43, kif ukoll tad-9 ta’ Ġunju 2016, CEPSA vs Il-Kummissjoni, C‑608/13 P, EU:C:2016:414, punt 61 u tad-9 ta’ Ġunju 2016, PROAS vs Il-Kummissjoni, C‑616/13 P, EU:C:2016:415, punt 74).

33

Kien, għaldaqstant, mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 31 tas-sentenza appellata, d-duttrina li tirriżulta minn din il-ġurisprudenza, hekk kif ġiet riprodotta mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2008, Hoechst vs Il-Kummissjoni (T‑410/03, EU:T:2008:211). Wara dan, fil-punti 32 u 33 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kienet ukoll iġġustifikata li tapplika l-imsemmija ġurisprudenza għall-każ inkwistjoni, billi qieset li, sa fejn is-suġġett tar-rikors ippreżentat quddiemha ma kienx deċiżjoni ta’ konstatazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 102 TFUE, iżda deċiżjoni li tintalab informazzjoni adottata fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva li setgħet, jekk ikun il-każ, twassal għal tali deċiżjoni ta’ konstatazzjoni ta’ ksur, l-argumenti bbażati fuq in-natura eċċessiva tat-tul tal-proċedura amministrattiva kienu irrelevanti fil-kuntest tal-eżami ta’ dan ir-rikors u kellhom għalhekk jiġu miċħuda bħala ineffettivi.

34

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tieni aggravju, dwar l-evalwazzjoni tan-natura suffiċjentement motivata tad-deċiżjoni kontenzjuża

L-argumenti tal-partijiet

35

Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ fatt u ta’ liġi, kif ukoll żnaturament tal-provi relatati, u nuqqas ta’ motivazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni, fil-punti 35 sa 56 tas-sentenza appellata, tan-natura suffiċjentement motivata tad-deċiżjoni kontenzjuża.

36

Fl-ewwel lok, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli, b’mod partikolari fil-punti 81, 82, 85, 127, 132, 136, 137, 139 u 145 tas-sentenza appellata, relatati mal-evalwazzjoni tal-ewwel u tat-tieni motivi, ibbażati fuq ksur tal-prinċipji ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità, wettqet żbalji ta’ fatt kif ukoll żnaturament tal-provi prodotti minnhom.

37

Fit-tieni lok, l-appellanti jsostnu żnaturament ta’ dawn il-provi, sa fejn il-Qorti Ġenerali naqset, fil-punti 48 sa 53 ta’ din is-sentenza, milli tieħu inkunsiderazzjoni l-ittri li huma kienu skambjaw mal-Kummissjoni, qabel u wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, sabiex jitolbu l-iċċarar ta’ ċerti kwistjonijiet u tal-kuntest tal-investigazzjoni mibdija.

38

Fit-tielet lok, l-appellanti jikkuntestaw il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, fformulati fil-punt 52 tal-imsemmija sentenza, li jgħidu li n-natura suffiċjentement motivata tad-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx ikkonfutata mill-allegazzjonijiet tagħhom li jgħidu li l-Kummissjoni ma kinitx spjegat b’liema mod l-informazzjoni mitluba kellha tippermettilha tirrispondi għall-argumenti li huma invokaw fil-kuntest ta-kummenti tagħhom dwar id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jew tevalwa r-rilevanza tagħhom għall-investigazzjoni tagħha. Mhux biss talli dawn il-kunsiderazzjonijiet huma insuffiċjenti iżda talli huma manifestament infondati, minħabba żbalji mwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-punti 53 sa 55 tas-sentenza appellata u eżaminati fil-kuntest tal-eżami tat-tielet aggravju.

39

Il-Kummissjoni tqis li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, sa fejn l-appellanti ma indikawx b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza appellata u ma sostnewx b’mod iddettaljat l-argumenti tagħhom. Hija ssostni wkoll li, f’kull każ, dan l-aggravju huwa infondat.

40

Fir-replika tagħhom, l-appellanti jirribattu li, fir-rikors tagħhom fl-ewwel istanza, huma kienu esponew b’mod iddettaljat ir-raġunijiet li għalihom id-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx suffiċjentement motivata u, għal din ir-raġuni, kienu wrew, b’mod preċiż u ddettaljat, fl-appell tagħhom, l-iżbalji li l-Qorti Ġenerali wettqet meta kkonkludiet mod ieħor.

L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

41

It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi, kif ukoll fuq żnaturament tal-provi relatati, u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni allegatament imwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-evalwazzjoni, fil-punti 35 sa 56 tas-sentenza appellata, tan-natura suffiċjentement motivata tad-deċiżjoni kontenzjuża.

42

Issa, għandu jitfakkar, preliminarjament, li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, qabel kollox, meta l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss teżerċita, abbażi tal-Artikolu 256 TFUE, stħarriġ fuq il-klassifikazzjoni legali tagħhom u l-konsegwenzi legali li rriżultaw minnha. Għalhekk, l-evalwazzjoni tal-fatti, ħlief fil-każ tal-iżnaturament tal-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, ma tikkostitwixxix kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal-20 ta’ Settembru 2018, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑114/17 P, EU:C:2018:753, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

Wara dan, meta jallega żnaturament tal-provi mill-Qorti Ġenerali, appellant għandu, skont l-Artikolu 256 TFUE, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll skont l-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura, jindika b’mod preċiż il-provi li allegatament ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali u juri l-iżbalji ta’ analiżi li, fil-fehma tiegħu, wasslu lill-Qorti Ġenerali għal dan l-iżnaturament. Barra minn hekk żnaturament għandu jidher b’mod manifest mill-annessi tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2020, ĊSUE vs KF, C‑14/19 P, EU:C:2020:492, punt 105).

44

Barra minn hekk, għalkemm żnaturament tal-provi jista’ jikkonsisti f’interpretazzjoni ta’ dokument li tmur kontra l-kontenut tiegħu, din għandha tirriżulta b’mod manifest mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u dan jippreżupponi li l-Qorti Ġenerali marret manifestament lil hinn mil-limiti ta’ evalwazzjoni raġonevoli ta’ dawn il-provi. F’dan ir-rigward, ma huwiex biżżejjed li jintwera li dokument jista’ jkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni differenti minn dik magħżula mill-Qorti Ġenerali (sentenza tat-30 ta’ Jannar 2020, České dráhy vs Il-Kummissjoni, C‑538/18 P u C‑539/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:53, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Fl-aħħar nett, abbażi tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza li tagħha qiegħed jintalab l-annullament kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba. Ma jkunx jissodisfa r-rekwiżiti ta’ motivazzjoni li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet appell li, mingħajr ma biss jinkludi argument li speċifikament jidentifika l-iżball ta’ liġi li allegatament jivvizzja s-sentenza appellata, sempliċement jirrepeti jew jirriproduċi kelma b’kelma l-motivi u l-argumenti li jkunu diġà tressqu quddiem il-Qorti Ġenerali, inklużi dawk li kienu bbażati fuq fatti espressament miċħuda minn dik il-qorti. Fil-fatt, tali appell fil-verità jikkostitwixxi talba intiża sabiex jinkiseb sempliċi eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, ċirkustanza li ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Comunidad Autónoma de Galicia u Retegal vs Il-Kummissjoni, C‑70/16 P, EU:C:2017:1002, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

46

F’dan il-każ, f’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, it-tieni argument invokat mill-appellanti, imfakkar fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, li għandu jiġi eżaminat fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li dawn jillimitaw ruħhom li jagħmlu dan l-argument, billi jagħmlu riferiment għall-argumenti li huma kienu invokaw quddiem il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma juru bl-ebda mod l-iżbalji ta’ analiżi li, fil-fehma tagħhom, wasslu lil dik il-qorti għall-allegat żnaturament u, b’mod iktar partikolari, mingħajr ma juru b’liema mod l-allegata nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-ittri li huma kienu skambjaw mall-Kummissjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tan-natura suffiċjentement motivata tad-deċiżjoni kontenzjuża jikkostitwixxi żnaturament ta’ din il-prova. Minn dan isegwi li l-imsemmi argument ma jissodisfax manifestament ir-rekwiżiti msemmija fil-punti 42 sa 45 ta’ dik is-sentenza.

47

F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-ewwel u t-tielet argument invokati mill-appellanti, imfakkra fil-punti 36 u 38 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi osservat li dawn l-argumenti huma intiżi li jikkontestaw konstatazzjonijiet fattwali u kunsiderazzjonijiet imwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tan-natura neċessarja u proporzjonata tal-informazzjoni mitluba. L-imsemmija argumenti huma għalhekk interkonnessi ma’ ċerti argumenti magħmula fil-kuntest tat-tielet u tar-raba’ aggravju u ser jiġu, għaldaqstant, analizzati fil-kuntest tal-eżami tal-imsemmija aggravji.

48

Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli.

Fuq it-tielet aggravju, dwar l-evalwazzjoni tan-natura neċessarja tal-informazzjoni mitluba permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża

49

Permezz tat-tielet aggravju, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli wettqet żbalji ta’ liġi, kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni u żnaturat provi fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tan-natura neċessarja tal-informazzjoni mitluba permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża. Dan l-aggravju huwa kompost minn ħames partijiet.

Fuq l-ewwel sat-tielet parti

– L-argumenti tal-partijiet

50

Permezz tal-ewwel sat-tielet parti tat-tielet aggravju, l-appellanti jsostnu li d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jgħidu li, l-ewwel nett, id-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx biddlet il-kuntest tal-investigazzjoni, it-tieni nett, il-Kummissjoni kienet legalment awtorizzata li titlob informazzjoni relatata ma’ perijodi li jinstabu barra mill-kuntest tal-investigazzjoni, kif iddefinit bid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u, it-tielet nett, l-informazzjoni mitluba minn din id-deċiżjoni kienet neċessarja, huma vvizzjati bi żbalji ta’ liġi u ta’ fatt, kif ukoll minn żnaturament tal-provi relatati, u minn nuqqas ta’ motivazzjoni.

51

Permezz tal-ewwel parti, l-appellanti jallegaw li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet żbaljatament, fil-punti 81, 82 u 91 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx biddlet il-kuntest tal-investigazzjoni. Fil-fatt, qabel kollox, il-Qorti Ġenerali injorat l-ittri skambjati bejn l-appellanti u l-Kummissjoni li fihom dawn tal-ewwel talbu lil din tal-aħħar tikkonferma dan il-kuntest sabiex jifhmu l-portata tal-investigazzjoni mibdija. Wara dan, il-Qorti Ġenerali ma osservatx li, permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kienet wessgħet l-imsemmi kuntest billi rduppjat it-tul tiegħu u billi talbet għadd kunsiderevoli ta’ informazzjoni dwar seba’ komponenti taċ-chipsets minflok ta’ tliet chipsets, mingħajr ma dan kien neċessarju sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ teżamina l-argumenti invokati mill-appellanti. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ma osservatx li t-twessigħ tal-kuntest ta’ din l-investigazzjoni kien ikkonfermat mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali li, billi bbażat ruħha fuq data miksuba bis-saħħa tad-deċiżjoni kontenzjuża, ikkontribwixxiet għat-tfassil ta’ fajl kompletament ġdid kontra l-appellanti, ibbażat b’mod partikolari fuq kriterju “relazzjoni bejn il-prezz u l-kost” ġdid, “billi żammet biss il-‘qoxra’ tal-fajl ippreżentat fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet”.

52

Billi għamlet dan, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 62 tas-sentenza appellata kif ukoll fil-punti 69 et seq. tagħha, allegatament kisret ġurisprudenza stabbilita li timponi li l-fajl jiġi evalwat fid-dawl tal-fatti kollha u tal-kuntest li minnu dan jifforma parti, u b’mod partikolari tal-fatt li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet ġiet adottata fi stadju avvanzat ħafna ta’ proċedura amministrattiva estremament twila u sentejn wara l-ħruġ tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Min-naħa l-oħra, billi invokat s-setgħa ta’ investigazzjoni wiesgħa tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali kkonfermat il-pożizzjoni ta’ din tal-aħħar, mingħajr ma vverifikat jekk din kinitx spjegat it-tweżin u l-evalwazzjoni tal-elementi meħudin inkunsiderazzjoni.

53

F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll, fil-punt 73 ta’ dik is-sentenza, żball ta’ liġi, billi bbażat ruħha, b’analoġija, fuq il-ġurisprudenza li rriżultat mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, (T‑191/98 u T‑212/98 à T‑214/98, EU:T:2003:245), sabiex tiddeċiedi li l-Artikolu 18(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003 ma jimponi l-ebda obbligu fuq il-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda d-data li fir-rigward tagħha hija tista’ tagħmel talbiet għal informazzjoni, li jfisser, effettivament, li l-Kummissjoni titħalla libera li tmexxi l-investigazzjonijiet tagħha dwar l-impriżi skont xewqitha u li tieħu ż-żmien li tixtieq biex tagħmel dan, bi ksur tal-prinċipji ta’ neċessità, ta’ proporzjonalità u ta’ amministrazzjoni tajba, tal-kliem jew tal-ispirtu tal-premessa 23 u tal-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament, kif ukoll tas-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2016, HeidelbergCement vs Il-Kummissjoni (C‑247/14 P, EU:C:2016:149).

54

Permezz tat-tieni parti, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali żnaturat, fil-punti 85, 88 u 127 tas-sentenza appellata, il-provi sa fejn hija interpretat b’mod żbaljat, minn naħa, it-tip ta’ data li kienet irreġistrata fis-sistema tal-kontabbiltà interna tagħhom u ta’ dik li fuqha l-Kummissjoni kienet ibbażat ruħha biex twettaq l-analiżi tar-“relazzjoni bejn il-prezz u l-kost” fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u, min-naħa l-oħra, il-kritika magħmula fir-rigward tal-metodu adottata f’din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

55

Barra minn hekk, l-appellanti jikkritikaw il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar in-neċessità li l-Kummissjoni titlob informazzjoni dwar perijodi preċedenti u sussegwenti għall-perijodu tal-ksur. F’dan ir-rigward, l-appellanti, minn naħa, jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli wettqet, fil-punt 86 tas-sentenza appellata, żball ta’ liġi billi applikat b’analoġija għall-każ inkwistjoni s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Marzu 2012, Slovak Telekom vs Il-Kummissjoni (T‑458/09 u T‑171/10, EU:T:2012:145, punt 51), sabiex tirrikonoxxi n-neċessità li l-Kummissjoni titlob informazzjoni dwar perijodu preċedenti għall-perijodu tal-ksur sabiex tippreċiża l-kuntest li fih kien seħħ aġir matul dan l-aħħar perijodu. Fil-fatt, skont l-appellanti, il-fatti inkwistjoni fis-sentenza msemmija l-aħħar kif ukoll fil-ġurisprudenza ċċitata fiha, li kienu jikkonċernaw deċiżjonijiet adottati qabel id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u intiżi sabiex jiġi ddeterminat il-kuntest li minnu kien jifforma parti l-aġir li jikkostitwixxi ksur, kienu differenti minn dawk inkwistjoni fil-kawża preżenti.

56

Min-naħa l-oħra, l-appellanti jikkontestaw il-konstatazzjonijiet, imwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-punti 87 u 90 tas-sentenza appellata, li jgħidu li l-Kummissjoni kellha d-dritt li titlob data dwar is-sena 2008 kif ukoll dwar is-sena finanzjarja 2013 tagħhom. Sabiex jagħmlu dan, huma jallegaw nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata f’dak li jirrigwarda dawn il-konstatazzjonijiet, sa fejn il-Qorti Ġenerali naqset milli tistabbilixxi r-rilevanza ta’ din id-data sabiex tevalwa l-allegat ksur.

57

Permezz tat-tielet parti, l-appellanti jikkritikaw, qabel kollox, lill-Qorti Ġenerali talli ma mmotivatx suffiċjentement skont il-liġi, fil-punti 99 sa 111 tas-sentenza appellata, b’liema mod l-informazzjoni mitluba permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża kienet neċessarja sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tistabbilixxi l-ilmenti fformulati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

58

Wara dan, l-appellanti jqisu li l-Qorti Ġenerali wettqet, b’mod partikolari fil-punti 98, 99 u 188 tas-sentenza appellata, żball ta’ fatt u żnaturat il-provi meta qieset li l-Kummissjoni kienet qiegħda titlob data addizzjonali sabiex tkun tista’ tibni l-prezzijiet effettivament imħallsa mill-klijenti tagħhom sabiex tkun tista’ twieġeb għall-kritika magħmula fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fil-fatt, fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-appellanti f’din risposta, din id-data la kienet neċessarja u lanqas ma kienet utli għal dan il-għan.

59

Fl-aħħar nett, l-appellanti jikkontestaw il-konstatazzjonijiet fattwali tal-Qorti Ġenerali, imwettqa fil-punti 105 sa 107 tas-sentenza appellata, li jgħidu li r-riferiment magħmul fid-deċiżjoni kontenzjuża għal anness tar-risposta għal talba għal informazzjoni preċedenti kellha tinftiehem bħala li tistedinhom jipproduċu data tal-istess natura, billi kkonfermat li, permezz ta’ dan ir-riferiment, il-Kummissjoni kienet stednithom jirrepetu x-xogħol ta’ kontabbiltà sabiex jivverifikaw mill-ġdid il-kontabbiltà tagħhom. Il-Qorti Ġenerali b’dan il-mod wettqet ukoll żball ta’ liġi meta qieset li l-informazzjoni mitluba kellha korrelazzjoni mal-ksur allegat, li huwa barra minn hekk ikkonfermat mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali.

60

Il-Kummissjoni tqis li l-ewwel sat-tielet parti tat-tielet aggravju għandhom jiġi miċħuda bħala inammissibbli. Fil-fatt, l-appellanti la indikaw b’mod suffiċjentement preċiż l-elementi li allegatament ġew żnaturati, la wrew l-iżbalji ta’ evalwazzjoni li allegatament wasslu għal tali żnaturament, u lanqas ma sostnew l-allegazzjonijiet tagħhom ibbażati fuq allegat nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata. Min-naħa l-oħra, huma llimitaw ruħhom li jirrepetu l-argumenti invokati quddiem il-Qorti Ġenerali, sabiex jiksbu eżami mill-ġdid tagħhom. Mill-kumplament, il-Kummissjoni ssostni li dawn il-partijiet huma, f’kull każ, infondati.

61

Fir-replika tagħhom, l-appellanti jirrepetu essenzjalment l-argumenti invokati fl-appell tagħhom u jsostnu li huma wrew l-iżbalji mwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-evalwazzjoni kemm tal-argumenti tagħhom invokati fl-ewwel istanza, kif ukoll f’dik tal-fatti tal-kawża preżenti.

– L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

62

L-ewwel sat-tielet parti tat-tielet aggravju, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, huma intiżi li jistabbilixxu li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi u ta’ fatt, kif ukoll żnaturament tal-provi relatati, u li hija ma mmotivatx suffiċjentement is-sentenza appellata meta ddeċidiet, l-ewwel nett, li d-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx bidlet il-kuntest tal-investigazzjoni mibdija, hekk kif dan kien ġie ddefinit fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, it-tieni nett, li l-Kummissjoni kienet legalment awtorizzata titlob informazzjoni relatata ma’ perijodi li jinstabu barra minn dan il-kuntest u, it-tielet nett, li l-informazzjoni mitluba f’din id-deċiżjoni kienet neċessarja.

63

Issa, f’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-allegati żbalji ta’ fatt u żnaturamenti tal-provi mwettqa mill-Qorti Ġenerali u mfakkra fil-punti 51, 54, 58 u 59 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi osservat li l-appellanti jillimitaw ruħhom li jindikaw dawn il-fatti u dawn il-provi allegatament żnaturati mill-Qorti Ġenerali, billi jirrepetu essenzjalment l-evalwazzjoni li huma kienu fformulaw fl-ewwel istanza, mingħajr madankollu ma jipproduċu ebda element li minnu jirriżultaw b’mod manifest l-iżbalji ta’ analiżi li allegatament wasslu lill-Qorti Ġenerali għal tali żnaturament, u mingħajr ma juru li din tal-aħħar kienet manifestament marret lil hinn mil-limiti ta’ evalwazzjoni raġonevoli tal-imsemmija provi.

64

Konsegwentement, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 42 sa 45 ta’ din is-sentenza, sa fejn l-ewwel sat-tielet parti tat-tielet aggravju huma intiżi sabiex juru li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ fatt u żnaturat il-provi relatati, dawn il-partijiet għandhom jiġu miċħuda bħala li huma manifestament inammissibbli.

65

F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-fondatezza tal-parti ta’ dawn il-partijiet li hija ammissibbli, għandu jiġi osservat li din hija essenzjalment intiża li tikkonfuta l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tan-natura neċessarja tal-informazzjoni mitluba permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża mill-perspettiva tal-portata ratione materiae u ratione temporis tagħha, billi tallega żbalji ta’ liġi kif ukoll nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata.

66

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, preliminarjament, li, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet hija dokument ta’ natura proċedurali u preparatorja li, sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża, tillimita s-suġġett tal-proċedura amministrattiva mibdija mill-Kummissjoni, billi din tal-aħħar tiġi prekluża milli tikkunsidra lmenti oħra fid-deċiżjoni tagħha li ttemm il-proċedura kkonċernata. Huwa għalhekk inerenti għan-natura ta’ din il-komunikazzjoni li tkun provviżorja u li tkun tista’ tiġi emendata matul l-evalwazzjoni li l-Kummissjoni tagħmel ulterjorment fuq il-bażi tal-kummenti li ġew ippreżentati lilha bħala tweġiba mill-partijiet kif ukoll minn konstatazzjonijiet fattwali oħra. Fil-fatt, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni elementi li jirriżultaw mill-proċedura amministrattiva kollha kemm sabiex tabbanduna l-ilmenti li huma fondati ħażin, kif ukoll sabiex tmexxi u ttemm, kemm fil-fatt kif ukoll fid-dritt, l-argument tagħha insostenn tal-ilmenti li hija tikkunsidra (sentenza tal-24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, C‑125/07 P, C‑133/07 P u C‑137/07 P, EU:C:2009:576, punti 310 u 311).

67

Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma hijiex marbuta mill-evalwazzjonijiet ta’ fatt jew ta’ liġi magħmula fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Bil-kontra ta’ dan, hija għandha timmotiva d-deċiżjoni finali tagħha permezz tal-evalwazzjonijiet definittivi tagħha msejsa fuq ir-riżultati tal-investigazzjoni sħiħa tagħha fl-istat li dawn ikunu fid-data tal-għeluq tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, mingħajr ma hija obbligata li tispjega l-eventwali differenzi li jeżistu meta mqabbla mal-evalwazzjonijiet proviżorji tagħha esposti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-18 ta’ Ġunju 1986, British American Tobacco u Reynolds Industries vs Il-Kummissjoni, 142/84, mhux ippubblikat, EU:C:1986:250, punt 15, u s-sentenza tas-17 ta’ Novembru 1987, British American Tobacco u Reynolds Industries vs Il-Kummissjoni, 142/84 u 156/84, EU:C:1987:490, punt 70).

68

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-unika ħaġa li tista’ tiġi mitluba mill-Kummissjoni hija l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni li tista’ tippermettilha li tivverifika l-preżunzjonijiet ta’ ksur li jiġġustifikaw il-kondotta tal-investigazzjoni u li huma indikati fit-talba għall-informazzjoni (sentenza tal-10 ta’ Marzu 2016, HeidelbergCement vs Il-Kummissjoni, C‑247/14 P, EU:C:2016:149, punt 23).

69

Fid-dawl tas-setgħa ta’ investigazzjoni wiesgħa mogħtija lill-Kummissjoni mir-Regolament Nru 1/2003, hija din tal-aħħar li għandha tevalwa jekk informazzjoni hijiex neċessarja sabiex tkun tista’ tiskopri ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Anki jekk hija diġà għandha xi indizji, jew saħansitra provi dwar l-eżistenza ta’ ksur, il-Kummissjoni tista’ leġittimament tqis li huwa neċessarju li titlob informazzjoni supplimentari li tippermettilha tevalwa aħjar il-portata tal-ksur, tiddetermina t-tul tiegħu jew tidentifika ċ-ċirku tal-impriżi involuti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 1989, Orkem vs Il-Kummissjoni, 374/87, EU:C:1989:387, punt 15 u tat-22 ta’ Ottubru 2002, Roquette Frères, C‑94/00, EU:C:2002:603, punt 78).

70

F’dak li jirrigwarda l-istħarriġ imwettaq mill-qorti tal-Unjoni fuq l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-natura neċessarja ta’ informazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din in-natura għandha tiġi evalwata meta mqabbla mal-għan imsemmi fit-talba għal informazzjoni, jiġifieri s-suspetti ta’ ksur li l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tivverifika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2016, HeidelbergCement vs Il-Kummissjoni, C‑247/14 P, EU:C:2016:149, punti 2425). Ir-rekwiżit ta’ korrelazzjoni bejn it-talba għal informazzjoni u l-ksur issuspettat hija ssodisfatta jekk il-Kummissjoni tista’ raġonevolment tippreżupponi, fid-data tat-talba, li din l-informazzjoni tista’ tgħinha tiddetermina l-eżistenza ta’ dan il-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Mejju 1994, SEP vs Il-Kummissjoni, C‑36/92 P, EU:C:1994:205, punt 21).

71

F’dan il-każ, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li l-Qorti Ġenerali ma wettqet, fil-punt 62 tas-sentenza appellata, ebda żball ta’ liġi meta fakkret, preliminarjament, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punti 69 u 70 ta’ din is-sentenza.

72

Wara dan, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi, meta qieset essenzjalment, fil-punti 69 sa 76 tas-sentenza appellata, li, sakemm l-informazzjoni mitluba hija neċessarja u sakemm it-talba għal informazzjoni tindika l-elementi neċessarji ddefiniti fl-Artikolu 18(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003, din id-dispożizzjoni ma tillimitax is-setgħa tal-Kummissjoni li tibgħat talbiet għal informazzjoni wara li tkun bagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, sa fejn il-Kummissjoni għandha d-dritt li tkompli l-investigazzjoni tagħha wara l-adozzjoni ta’ din id-dikjarazzjoni, b’mod partikolari sabiex tikseb kull kjarifika neċessarja dwar l-argumenti u l-elementi invokati mill-impriżi kkonċernati fir-risposta tagħhom għall-imsemmija dikjarazzjoni, mingħajr ma dan jirrendi dawn it-talbiet illegali jew mingħajr ma jikkonfuta, fiha nnifisha, n-natura neċessarja tal-informazzjoni mitluba.

73

Fil-fatt, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 66, 67 u 69 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, sa fejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet hija att provviżorju u li jista’ jiġi emendat, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta mill-evalwazzjonijiet ta’ fatt magħmula fiha. Bil-kontra ta’ dan, hija għandha l-obbligu li twettaq evalwazzjoni ta’ dawn l-evalwazzjonijiet abbażi tal-elementi li jirriżultaw mill-investigazzjoni sħiħa tagħha u, b’mod partikolari, mill-kummenti tal-partijiet, sabiex tadatta u tikkompleta l-argumenti tagħha insostenn tal-ilmenti li hija tikkunsidra. Il-Kummissjoni għandha għalhekk id-dritt li titlob informazzjoni supplimentari għal dan il-għan, b’mod partikolari sabiex tifhem aħjar il-portata tal-ksur, sakemm din tkun neċessarja, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 68 sa 70 ta’ din is-sentenza.

74

Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda n-neċessità tal-informazzjoni mitluba permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, għandu jiġi osservat li n-natura neċessarja ta’ din l-informazzjoni tirriżulta minn żewġ sensiliet ta’ konstatazzjonijiet fattwali, imwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-punti 85, 88 sa 90, 98 u 99 tas-sentenza appellata, li, hekk kif ġie deċiż fil-punti 63 u 64 ta’ din is-sentenza, l-appellanti ma rnexxilhomx jikkonfutaw.

75

Minn naħa, il-Qorti Ġenerali osservat li, wara, b’mod partikolari, il-kummenti tal-appellanti fuq id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni kienet qieset li d-data li fuqha hija kienet ibbażat ruħha sabiex tistabbilixxi l-kriterju “relazzjoni bejn il-prezz u l-kost” f’din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma kinitx tirrifletti l-prezzijiet effettivament imħallsa mill-klijenti tal-appellanti matul il-perijodu tal-ksur, minħabba l-prinċipji ta’ dħul fil-kontabbiltà tad-dħul applikati mill-appellanti, kif ġew imfakkar minnhom f’dawn il-kummenti, u minħabba l-fatt li ċ-chipsets inkwistjoni kienu ġew mibjugħa taħt konfigurazzjonijiet differenti. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali qieset li l-informazzjoni mitluba, inkluż dik dwar il-perijodi qrib il-perijodu tal-ksur, kienet speċifikament intiża sabiex tirrimedja tali diskrepanza, billi tinkiseb data li tirrifletti b’mod fidil is-sitwazzjoni matul dan il-perijodu sabiex jiġi stabbilit kriterju xieraq “relazzjoni bejn il-prezz u l-kost”, sa fejn dan tal-aħħar kien determinanti għall-verifika tas-suspetti ta’ ksur li kien hemm fir-rigward tal-appellanti.

76

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali la tista’ tiġi kkritikata talli wettqet żball ta’ liġi, u lanqas talli kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni, meta ddeċidiet, fil-punti 86, 87, 91, 100 u 103 tas-sentenza appellata, li, għalkemm il-Kummissjoni kienet ipprovat, billi tibbaża ruħha fuq l-informazzjoni mitluba, tibdel jew tadatta l-metodoloġija tagħha fid-dawl b’mod partikolari tal-kummenti tal-appellanti, din l-informazzjoni kienet neċessarja, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 68 sa 70 ta’ din is-sentenza, fis-sens li li l-Kummissjoni setgħet raġonevolment tippreżupponi li l-imsemmija informazzjoni kienet ser tgħinha tiddetermina l-eżistenza tal-allegat ksur.

77

Fid-dawl ta’ dak kollu li ġie espost iktar ’il fuq, l-ewwel sat-tielet parti tat-tielet aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala li huma, parzjalment, manifestament inammissibbli u, parzjalment, infondati.

Fuq ir-raba’ parti

– L-argumenti tal-partijiet

78

Permezz tar-raba’ parti tat-tielet aggravju, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli wettqet żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ċaħdet bħala ineffettiv, fil-punti 108 u 109 tas-sentenza appellata, abbażi b’mod partikolari tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Marzu 2012, Slovak Telekom vs Il-Kummissjoni (T‑458/09 u T‑171/10, EU:T:2012:145), l-argument tagħhom li jgħid li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali, adottata sussegwentement għad-deċiżjoni kontenzjuża, kienet tikkonferma n-nuqqas ta’ neċessità tagħha.

79

Fil-fatt, bil-kontra tat-talbiet għal informazzjoni li kienu s-suġġett ta’ din is-sentenza, din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sempliċement tikkonferma u tiżviluppa l-argumenti li huma kienu invokaw fir-rikors tagħhom. L-imsemmija dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienet għalhekk tikkostitwixxi prova addizzjonali tan-natura mhux neċessarja tad-deċiżjoni kontenzjuża, li, li kieku ttieħdet inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali, kienet twassal sabiex din tal-aħħar tiddeċiedi b’mod differenti.

80

Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

– L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

81

Ir-raba’ parti tat-tielet aggravju tirrigwarda allegat żball manifest ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 108 u 109 tas-sentenza appellata, billi ċaħdet bħala ineffettiv l-argument tal-appellanti li jgħid li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali tistabbilixxi li d-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx limitata għal dak li kien neċessarju għall-ilħuq tal-għan iddikjarat tagħha, sa fejn din id-dikjarazzjoni kienet ġiet adottata wara d-deċiżjoni kontenzjuża.

82

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed, minn naħa, li jiġi osservat, f’dak li jirrigwarda l-allegat żball manifest ta’ evalwazzjoni, li l-appellanti jillimitaw ruħhom li jsemmu dan l-iżball mingħajr ma jipprovaw dan. Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda l-allegata żball ta’ liġi, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-legalità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata skont il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li kienu jeżistu fid-data li fiha dan l-att ġie adottat, b’tali mod li atti sussegwenti għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ma jistgħux jaffettwaw il-validità tagħha (sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2019, Alcogroup u Alcodis vs Il-Kummissjoni, C‑403/18 P, EU:C:2019:870, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83

Għalhekk għandu jiġi deċiż li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ċaħdet bħala ineffettiv, fil-punt 109 tas-sentenza appellata, l-argumenti tal-appellanti intiżi li jikkonfutaw il-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża abbażi ta’ att sussegwenti għall-adozzjoni tagħha, bħalma hija d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali.

84

Ir-raba’ parti tat-tielet aggravju għandha, għaldaqstant, tiġi miċħuda bħala infondata.

Fuq il-ħames parti

– L-argumenti tal-partijiet

85

Permezz tal-ħames parti tat-tielet aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-provi kollha rilevanti, sa fejn hija rrifjutat li tinkludi fil-proċess ir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali.

86

B’mod partikolari, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli wettqet żball ta’ liġi meta qieset li tali prova addizzjonali kienet ġiet prodotta wara l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura u talli adottat “raġunament manifestament ivvizzjat u mhux xieraq” sabiex tiċħadha. Fil-fatt, l-appellanti jsostnu li huma kkomunikaw ir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali hekk kif din kienet ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni u li l-Qorti Ġenerali ma ġġustifikatx ir-rifjut tagħha li terġa’ tiftaħ l-imsemmija fażi orali.

87

Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

– L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

88

Il-ħames parti tat-tielet aggravju tirrigwarda żball ta’ liġi u nuqqas ta’ motivazzjoni allegatament imwettaq mill-Qorti Ġenerali sa fejn din tal-aħħar irrifjutat li r-risposta tal-appellanti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali tiġi annessa mal-proċess inkwantu prova.

89

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi u mmotivat debitament ir-rifjut tagħha li tinkludi fil-proċess inkwantu prova r-risposta tal-appellanti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ġustament osservat, fil-punt 24 tas-sentenza appellata, li l-produzzjoni ta’ din ir-risposta kienet seħħet wara l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura, qabel ma qieset, u l-appellanti ma jikkontestawx din l-evalwazzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-ebda wieħed mir-rekwiżiti previsti mir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura quddiem din tal-aħħar ma kien issodisfatt.

90

Għalhekk, il-ħames parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata u, għaldaqstant, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

Fuq ir-raba’ aggravju, dwar l-evalwazzjoni tan-natura proporzjonata tad-deċiżjoni kontenzjuża

91

Permezz tar-raba’ aggravju tagħhom, l-appellanti jinvokaw diversi żbalji ta’ fatt u ta’ liġi, kif ukoll żnaturament tal-provi relatati, li l-Qorti Ġenerali wettqet fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura proporzjonata tad-deċiżjoni kontenzjuża. Dan l-aggravju huwa kompost minn erba’ partijiet.

Fuq l-ewwel sat-tielet parti

– L-argumenti tal-partijiet

92

Permezz tal-ewwel sat-tielet parti tar-raba’ aggravju, l-appellanti jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali tan-natura proporzjonata tal-informazzjoni mitluba permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża.

93

Permezz tal-ewwel parti, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli ma rnexxilhiex tifhem, jew saħansitra interpretat ħażin, ċerti fatti essenzjali tal-kawża u żnaturat provi relatati. Minn naħa, il-Qorti Ġenerali ma osservatx, fil-punti 85 u 127 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx, fl-ebda stadju tal-investigazzjoni li wasslet għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, talbet d-data tal-kontabbiltà għall-kull wieħed mill-komponenti tat-tliett chipsets li kienu s-suġġett ta’ din l-investigazzjoni, u dan minkejja li l-Qorti Ġenerali ammettiet, fil-punt 85 ta’ dik is-sentenza, li hija setgħet tikseb din id-data f’kull mument.

94

Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali injorat il-fatt li, sabiex jirkupraw d-data meħtieġa, l-appellanti kienu obbligati li jidentifikaw, isibu u janalizzaw madwar 25000 paġna ta’ dokumenti maħżuna f’binjiet ta’ ħażna esterni u li huma ma kellhomx l-obbligu li jżommu.

95

Permezz tat-tieni parti, l-appellanti jikkontestaw id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tgħid li l-format propost mill-Kummissjoni sabiex tingħata tweġiba għal ċerti mistoqsijiet ma kienx vinkolanti. F’dan ir-rigward, qabel kollox, huma jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli, fil-punt 131 tas-sentenza appellata, wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-ġurisprudenza dwar il-kunċett ta’ “informazzjoni”. Fil-fatt, mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża HeidelbergCement vs Il-Kummissjoni (C‑247/14 P, EU:C:2015:694, punti 106 u 107) kien jirriżulta li l-impriża tista’ biss tiġi suġġetta għall-obbligu li tipprovdi l-informazzjoni, u mhux dak li twettaq kompiti li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Kummissjoni meta din tkun qiegħda tibni fajl, u li bħala prinċipju l-Kummissjoni ma hijiex awtorizzata li timponi fuq id-destinatarju ta’ deċiżjoni li tintalab informazzjoni, l-obbligu li jippreżenta fiċ-ċirkustanzi kollha din l-informazzjoni skont format speċifiku.

96

L-appellanti jsostnu barra minn hekk li, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi meta kkwalifikat l-informazzjoni mitluba mingħandhom bħala fatti jew dokumenti, filwaqt li din kienet pjuttost tikkonsisti f’kalkoli, f’dettalji, f’kodiċijiet u fi prezzijiet ipotetiċi għal prodotti li ma jikkostitwixxux inċentiv finanzjarju partikolari miftiehem mal-klijent kif ukoll f’analiżi u f’interpretazzjonijiet ta’ suppożizzjonijiet magħmula diversi snin qabel minn ex impjegati.

97

Wara dan, l-appellanti jikkontestaw il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, esposti rispettivament fil-punti 132 u 133 tas-sentenza appellata, li jgħidu li l-formati proposti permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża sabiex tingħata tweġiba għal ċerti mistoqsijiet magħmula ma kinux vinkolanti u kienu ta’ natura li jiffaċilitawlhom xogħolhom. B’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda l-ewwel konstatazzjoni, huma jsostnu li huma kienu mġiegħla jimlew folja ta’ kalkolu mehmuża ma’ din id-deċiżjoni, li ma kinitx stabbilita fil-kuntest normali tal-attivitajiet tagħhom, u dan ikkawżalhom diffikultajiet li kienu s-suġġett ta’ diskussjonijiet mal-Kummissjoni.

98

Fl-aħħar nett, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat, fil-punt 135 tas-sentenza appellata, li l-fatt li l-Kummissjoni kellha tipprovdi linji gwida dwar il-mod li bih kellha tingħata tweġiba għad-deċiżjoni kontenzjuża ma kienx ta’ natura li juri n-natura sproporzjonata tal-volum ta’ xogħol li kien ġie b’dan il-mod impost fuqhom sabiex iwieġbu għall-mistoqsijiet magħmula permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża.

99

Permezz tat-tielet parti, l-appellanti jikkontestaw il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar l-obbligu li huma għandhom li jżommu d-data u d-dokumenti mitluba. Qabel kollox, l-appellanti essenzjalment jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli, fil-punti 87, 136, 137 u 139 tas-sentenza appellata, wettqet żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset, l-ewwel nett, li huma kienu obbligati li jżommu data preċiża dwar il-prezzijiet u dwar l-ispejjeż sa mis-sena 2008, it-tieni nett, li l-fajls tagħhom fl-arkivji kienu “diżorganizzati” u, it-tielet nett, li l-Kummissjoni kienet talbet biss dik l-informazzjoni li kienet aċċessibbli biss għall-appellanti.

100

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, l-appellanti josservaw, minn naħa, li huma ma kinux legalment obbligati li jżommu t-tip ta’ data rikjesta permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża u, min-naħa l-oħra, li huma kienu saru konxji mill-ilment li kien ta’ lok għall-ftuħ tal-investigazzjoni, li fiha l-allegat ksur kien jirrappreżenta parti negliġibbli, biss b’effett mis-sena 2010. Huma jkomplu jesponi li kien biss f’Lulju 2013 li l-Kummissjoni talbithom, għall-ewwel darba informazzjoni dwar il-prezzijiet u l-ispejjeż, u li kien biss b’effett minn Lulju 2014 li din l-istituzzjoni kienet informathom li l-investigazzjoni mibdija kienet issa ffokata fuq il-predazzjonijiet allegati. It-tieni nett, l-appellanti jsostnu li l-fajls tagħhom fl-arkivji ma kinux “diżorganizzati” u li huma kienu f’pożizzjoni li jipprovdu l-informazzjoni mitluba biss bis-saħħa tal-fatt li kienu jżommu dokumenti li ma kinux obbligati li jżommu. It-tielet nett, l-appellanti essenzjalment josservaw li mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u mill-punt 145 tas-sentenza appellata jirriżulta li d-data mitluba permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża kienet ġiet ikkomunikata lilhom mill-klijenti tagħhom, b’tali mod li l-Kummissjoni setgħet titlobha mingħand dawn tal-aħħar.

101

Wara dan, l-appellanti jqisu li, billi qieset, fil-punti 136 et seq. tas-sentenza appellata, li l-informazzjoni mitluba kienet proporzjonata fid-dawl tal-volum ta’ xogħol li dan kien jinvolvi għalihom, filwaqt li l-fatti tal-kawża jippruvaw, b’mod abbundanti, l-oppost, il-Qorti Ġenerali nnifisha kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

102

Fl-aħħar nett, l-appellanti jsostnu li l-punt 147 tas-sentenza appellata, li fih il-Qorti Ġenerali eżaminat l-allegazzjoni tagħhom li tgħid li huwa diffiċli li tiġi kkomunikata informazzjoni dwar fatti li jmorru lura għal diversi snin, kif ukoll ir-rifjut tagħhom li jiddepożitaw fil-proċess ir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali, huwa vvizzjat bi żbalji ta’ liġi u ta’ fatt, żbalji eżaminati fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel aggravju u tar-raba’ parti tat-tielet aggravju.

103

Il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel parti kif ukoll uħud mill-argumenti invokati fil-kuntest tat-tieni u tat-tielet parti u ppreżentati, rispettivament, fil-punti 96, 98 u 101 ta’ din is-sentenza għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli. Fil-fatt, l-appellanti kkuntentaw ruħhom li jirrepetu l-argumenti li huma kienu invokaw fl-ewwel istanza u la ddeterminaw l-elementi li allegatament ġew żnaturati, u lanqas ma wrew l-iżbalji allegatament imwettaq mill-Qorti Ġenerali. Għall-kumplament, il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tal-appellanti.

104

Fir-replika tagħhom, l-appellanti jirribattu li stabbilixxew b’mod ċar, fl-appell tagħhom, il-fatti u l-provi li ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali, kif ukoll l-effett tagħhom fuq l-evalwazzjoni tan-natura proporzjonata tad-deċiżjoni kontenzjuża.

– L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

105

L-ewwel sat-tielet parti tar-raba’ aggravju, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, huma intiżi li juru li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ fatt, żnaturamenti tal-provi relatati kif ukoll nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura proporzjonata tal-informazzjoni mitluba permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża.

106

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-ammissibbiltà ta’ dawn il-partijiet, għandu jiġi osservat li, sa fejn, permezz tagħhom, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli interpretat b’mod żbaljat ċerti fatti u talli wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, żbalji ta’ liġi u żnaturament tal-provi relatati, l-imsemmija partijiet għandhom jiġu miċħuda bħala manifestament inammissibbli, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 42 sa 45 ta’ din is-sentenza.

107

Fil-fatt, minn naħa, f’dak li jirrigwarda l-iżbalji ta’ evalwazzjoni u l-iżnaturamenti tal-provi msemmija fil-punti 93 u 96 ta’ din is-sentenza, l-appellanti jillimitaw ruħhom li jsemmu dawn l-allegati żbalji ta’ fatt u żnaturamenti, mingħajr ma juruhom b’xi mod. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-iżbalji ta’ evalwazzjoni u ta’ liġi msemmija fil-punti 98 u 101 ta’ din is-sentenza, l-appellanti jillimitaw ruħhom, rispettivament, li jirrepetu l-argumenti invokati quddiem il-Qorti Ġenerali u bbażati fuq fatti espliċitament imwarrba minn din tal-aħħar kif ukoll li, essenzjalment, jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-fatti mwettqa mill-Qorti Ġenerali mingħajr, madankollu, ma jinvokaw l-iżnaturament tagħhom.

108

F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-fondatezza tal-parti ammissibbli tal-ewwel sat-tielet parti, għandu, qabel kollox, jitqies li l-ewwel waħda minn dawn il-partijiet għandha tiġi kkunsidrata bħala intiża li tikkonfuta l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tan-natura proporzjonata tal-informazzjoni mitluba permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, tal-volum ta’ xogħol meħtieġ sabiex jinstabu u jiġu analizzati d-dokumenti b’tali mod li tkun tista’ tiġi pprovduta din l-informazzjoni.

109

Issa, mill-punt 122 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet espliċitament id-daqs ta’ dan il-volum ta’ xogħol. Madankollu, il-Qorti Ġenerali fakkret ukoll, fil-punt 121 ta’ dik is-sentenza, li, skont il-ġurisprudenza, li ma hijiex ikkontestata mill-appellanti, in-natura proporzjonata ta’ talba għal informazzjoni għandha tiġi evalwata b’riferiment għan-neċessitajiet tal-investigazzjoni, u s-sempliċi fatt li tali talba timponi volum ta’ xogħol kunsiderevoli fuq l-impriża ma huwiex biżżejjed, waħdu, sabiex juri li din hija ta’ natura sproporzjonata. F’dan ir-rigward, fil-punti 124 sa 128 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, osservat li l-allegata prattika li kienet is-suġġett tal-investigazzjoni mibdija kienet ta’ natura li tiġġustifika l-fatt li jiġi pprovdut ammont kunsiderevoli ta’ informazzjoni u, min-naħa l-oħra, tfakkar li din kienet neċessarja fid-dawl tal-għan ta’ din l-investigazzjoni. Il-Qorti Ġenerali kienet għalhekk iġġustifikata meta, fil-punt 123 tal-istess sentenza, iddeċidiet li l-volum ta’ xogħol meħtieġ sabiex tiġi pprovduta l-informazzjoni mitluba ma kienx ta’ natura sproporzjonata fid-dawl tan-neċessitajiet tal-investigazzjoni marbuta mal-preżunzjonijiet ta’ ksur allegati, u dan b’mod partikolari meqjusa r-risposti tal-appellanti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

110

Wara dan, f’dak li jirrigwarda lt-tieni parti, li permezz tagħha l-appellanti jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali tan-natura mhux vinkolanti tal-format propost mill-Kummissjoni sabiex tingħata tweġiba għal ċerti mistoqsijiet magħmula permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, għandu jitqies li, fid-dawl tal-formulazzjoni ta’ dawn il-mistoqsijiet kif ukoll f’dak tal-osservazzjonijiet introduttorji sabiex dawn jitwieġbu, annessi ma’ din id-deċiżjoni, l-appellanti ma rnexxilhomx juru li l-Qorti Ġenerali kienet manifestament qabżet il-limiti ta’ evalwazzjoni raġonevoli tal-imsemmija deċiżjoni, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, meta qieset, fil-punti 132 u 133 tas-sentenza appellata, minn naħa, li mill-imsemmija deċiżjoni bl-ebda mod ma kien jirriżulta li l-format propost mill-Kummissjoni sabiex tingħata tweġiba għall-imsemmija mistoqsijiet kien vinkolanti u li l-appellanti ma kellhomx il-possibbiltà li jadattawh jekk dan jirriżulta iktar xieraq u, min-naħa l-oħra, li dan il-format kien pjuttost ta’ natura li jiffaċilita l-kompitu tal-appellanti.

111

Konsegwentement, peress li l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali mfakkra fil-punt 110 ta’ din is-sentenza kienu suffiċjenti sabiex jiġi miċħud l-argumenti tal-appellanti li jgħidu li l-fatt li jiġi impost format vinkolanti ta’ tweġiba għad-deċiżjoni kontenzjuża kien ta’ natura li juri li l-informazzjoni mitluba minnha kienet tmur lil hinn minn dak li kien neċessarju fid-dawl tal-għan tal-investigazzjoni, l-iżball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-ġurisprudenza dwar il-kunċett ta’ “informazzjoni” li bih jista’ jkun ivvizzjat il-punt 131 tas-sentenza appellata, jekk jiġi stabbilit, ma jkunx jista’, f’kull każ, iwassal għall-annullament tas-sentenza appellata. Il-kritika tal-appellanti f’dan ir-rigward hija, għalhekk, ineffettiva u, għaldaqstant, għandha tiġi miċħuda (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2018, Makhlouf vs Il-Kunsill, C‑458/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:441, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-14 ta’ Marzu 2019, Meta Group vs Il-Kummissjoni, C-428/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:201, punt 44).

112

Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-tielet parti, għandu jiġi osservat, minn naħa, li sa fejn din tirrigwarda l-punt 147 tas-sentenza appellata, l-argumenti invokati insostenn tagħha huma interkonessi b’mod partikolari ma’ dawk invokati fil-kuntest tar-raba’ parti tat-tielet aggravju u għandhom għalhekk jiġu miċħuda għall-istess raġunijiet bħal dawk elaborati fil-punti 82 sa 84 ta’ din is-sentenza. Min-naħa l-oħra, sa fejn it-tielet parti tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli wettqet żbalji ta’ liġi u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fid-determinazzjoni tal-portata tad-dmir tal-appellanti li jżommu d-data u d-dokumenti mitluba permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll tal-portata tad-data li huma kellhom, għandu jiġi osservat li din il-parti hija r-riżultat ta’ interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza appellata u għandha, għalhekk, tiġi miċħuda bħala infondata.

113

Fil-fatt, għandu jiġi osservat li l-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali kkritikati mill-appellanti ġew elaborati fil-kuntest tal-evalwazzjoni, esposta fil-punti 136 sa 141 tas-sentenza appellata, tal-fondatezza ta’ żewġ argumenti invokati sabiex tiġi kkonfutata n-natura proporzjonata tal-informazzjoni mitluba. Dawn l-argumenti huma bbażati, rispettivament, fuq id-diffikultajiet prattiċi li l-appellanti allegatament iltaqgħu magħhom sabiex jiġbru ċerta minn din l-informazzjoni u fuq il-fatt li huma ġew imġiegħla jagħmlu xogħol għall-Kummissjoni bil-għan li jerġgħu jeżaminaw dokumenti li hija diġà kellha sabiex jiġi ddeterminat b’mod partikolari liema mill-imsemmija informazzjoni ma kinitx diġà ġiet ipprovduta.

114

F’dan il-kuntest, minn naħa, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx, fil-punti 136 u 137 tas-sentenza appellata, evalwazzjonijiet fuq eventwali obbligu tal-appellanti li jżommu data jew dokumenti. Bil-kontra ta’ dan, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet li, bħala prinċipju, l-impriżi ma jistgħux jiġu suġġetti għall-obbligu li jipprovdu lill-Kummissjoni dokumenti li ma għadhomx fil-pussess tagħhom u li huma ma kinux iktar legalment obbligati li jżommu, filwaqt li qieset li madankollu l-appellanti kellhom, minn tal-inqas b’effett mill-ewwel talbiet għal informazzjoni mibgħuta mill-Kummissjoni fix-xahar ta’ Ġunju 2010, jaġixxu b’diliġenza ikbar u jieħdu l-miżuri utli kollha sabiex jippreżervaw il-provi li huma seta raġonevolment ikollhom. Il-Qorti Ġenerali barra minn hekk ma qisitx, mingħajr kontestazzjoni min-naħa tal-appellanti, li l-fajls tagħhom fl-arkivji kienu “diżorganizzati”, iża li l-modalitajiet li bihom huma kienu jżommuhom ma humiex rilevanti għall-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tad-deċiżjoni kontenzjuża.

115

Min-naħa l-oħra, il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, imwettqa fil-punt 139 tas-sentenza appellata, li tgħid li minn din id-deċiżjoni ma jirriżultax li l-Kummissjoni titlob informazzjoni oħra għajr dik li kienet aċċessibbli biss għall-appellanti, ma għandhiex titqies bħala li hija intiża li tiddikjara li l-informazzjoni mitluba ma setgħetx tiġi pprovduta mill-klijenti tal-appellanti, iżda li teskludi li din l-informazzjoni kienet kompletament fil-pussess tal-Kummissjoni, b’tali mod li hija ma kinitx f’pożizzjoni li twettaq hija nnifisha dan ix-xogħol ta’ analiżi.

116

Fid-dawl ta’ dak kollu li ġie espost iktar ’il fuq, l-ewwel sat-tielet parti tar-raba’ aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala li huma, parzjalment, manifestament inammissibbli, parzjalment, ineffettivi u, parzjalment, infondati.

Fuq ir-raba’ parti

– L-argumenti tal-partijiet

117

Permezz tar-raba’ parti tar-raba’ aggravju, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli, fil-punti 150 sa 159 tas-sentenza appellata, wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità previst fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kontenzjuża kien proporzjonali.

118

L-appellanti jsostnu li huma kienu fil-verità imġiegħla jwieġbu għal din id-deċiżjoni taħt piena li jkollhom iħallsu pagamenti ta’ penalità ta’ ammont estremament għoli u li, fid-dawl tad-diffikultajiet li ltaqgħu magħhom sabiex jissodisfaw it-talbiet kunsiderevoli li jinstabu fl-imsemmija deċiżjoni, kien jeżisti riskju konkret li din it-theddida tikkonkretizza ruħha, b’tali mod li t-talba tagħhom għall-annullament ta’ din id-dispożizzjoni minħabba ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità ma kinitx prematura.

119

Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

– L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

120

Ir-raba’ parti tar-raba’ aggravju tirrigwarda żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet meta ċaħdet bħala inammissibbli l-argumenti bbażata fuq in-natura sproporzjonata tal-ammont tal-pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum previst fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kontenzjuża.

121

Issa, hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-iffissar ta’ pagamenti ta’ penalità abbażi tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1/2003 jinvolvi neċessarjament żewġ fażijiet. Permezz tal-ewwel deċiżjoni, adottata abbażi tal-Artikolu 24(1) ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni timponi pagamenti ta’ penalità. Jekk din id-deċiżjoni ma tiddeterminax l-ammont totali tal-pagamenti ta’ penalità, din ma tistax tiġi implimentata. Dan l-ammont jista’ jiġi stabbilit definittivament biss permezz ta’ deċiżjoni ġdida, adottata iktar ’il quddiem abbażi tal-Artikolu 24(2) tal-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs Il-Kummissjoni, 46/87 u 227/88, EU:C:1989:337, punt 55).

122

Kien għaldaqstant mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali, qabel kollox, qieset, fil-punti 155 u 156 tas-sentenza appellata, li, sa fejn din tikkostitwixxi biss fażi tal-proċedura li fi tmiemha l-Kummissjoni eventwalment tadotta deċiżjoni li tistabbilixxi definittivament l-ammont totali tal-pagamenti ta’ penalità u li għalhekk tkun tifforma titolu eżekuttiv, id-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 1/2003 hija ta’ natura preliminari f’din il-proċedura u ma tipproduċix, konsegwentement, effetti ġuridiċi vinkolanti. Sussegwentement, wara li osservat li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet dik li timponi pagamenti ta’ penalità, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, fatt li barra minn hekk ma huwiex ikkontestat mill-appellanti, il-Qorti Ġenerali setgħet ġustament tiddeċiedi, fil-punti 157 u 158 ta’ din is-sentenza, li l-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni ma kienx jipproduċi effetti ġuridiċi vinkolanti.

123

Għalhekk huwa wkoll ġustament li l-Qorti Ġenerali, fl-aħħar nett, fil-punt 159 tal-imsemmija sentenza, ddeċidiet li l-argumenti tal-appellanti bbażati fuq in-natura sproporzjonata tal-ammont tal-pagamenti ta’ penalità previst f’dan l-artikolu ma kinux jirrigwardaw att li jista’ jiġi kkontestat u, għaldaqstant, kienu inammissibbli. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, bħala prinċipju, jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati dawk il-miżuri li jistabbilixxu b’mod definittiv il-pożizzjoni ta’ istituzzjoni, ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni fi tmiem proċedura amministrattiva u li jkunu intiżi sabiex jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, bl-esklużjoni, b’mod partikolari, ta’ miżuri intermedjarji li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw id-deċiżjoni finali, li ma għandhomx tali effetti (sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2020, ĊSUE vs KF, C-14/19 P, EU:C:2020:492, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

124

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-raba’ parti tar-raba’ aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata u, għaldaqstant, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

Fuq il-ħames aggravju, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tar-regoli dwar l-oneru tal-prova

L-argumenti tal-partijiet

125

Permezz tal-ħames aggravju tagħhom, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli applikat b’mod żbaljat ir-regoli li jirregolaw l-oneru tal-prova fir-rigward ta’ ksur tal-Artikolu 102 TFUE, billi ċaħdet il-motiv tagħhom ibbażat fuq inverżjoni indebita ta’ dan l-oneru.

126

Minn naħa, l-appellanti jikkontestaw il-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali, esposti fil-punti 173 u 174 tas-sentenza appellata, li jgħidu li l-Kummissjoni ma kinitx qed tfittex li tivverifika l-kontijiet tagħhom, iżda li jkollha l-elementi neċessarji sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-kritika li huma kienu fformulaw fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u li, billi għamlet dan, il-Kummissjoni ma talbitx lill-appellanti jwettqu kompitu għaliha. F’dan ir-rigward, l-appellanti jsostnu li l-informazzjoni mitluba la kienet rilevanti u lanqas ma kienet neċessarja u li l-Qorti Ġenerali ma solvietx il-kwistjoni ta’ jekk, permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kinitx qed teżiġi mingħandhom li jwettqu kompiti li jammontaw għal kompilazzjoni ta’ fajl u, għaldaqstant, li jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ din l-istituzzjoni. Fil-fatt, l-appellanti jsostnu li, billi talbithom jivverifikaw il-kontabbiltà kollha tagħhom, din id-deċiżjoni effettivament “esternalizzat”, fil-konfront tagħhom, il-kompilazzjoni ta’ fajl ġdid, mingħajr ma dan kien neċessarju sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tirrispondi għall-argumenti tagħhom.

127

Min-naħa l-oħra, l-appellanti jqisu li l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, imwettqa fil-punt 175 tas-sentenza appellata, li, permezz tal-imsemmija deċiżjoni l-Kummissjoni kienet illimitat ruħha li titlobhom jipprovdu dokumenti li jikkonfermaw id-dikjarazzjoni rispettiva tagħhom li tgħid li huma kienu bbażaw ruħhom fuq il-ġurisprudenza rilevanti u fuq il-linji gwida ta’ din l-istituzzjoni, ma hijiex suffiċjentement motivata u jerġgħu jsostnu li, permezz tal-istess deċiżjoni, l-imsemmija istituzzjoni kienet qed titlobhom jipprovaw li huma kienu aġixxew b’mod konformi mal-liġi, u dan jammonta għal inverżjoni “intollerabbli” tal-oneru tal-prova.

128

Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

129

Permezz tal-ħames aggravju tagħhom, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli żbaljatament ċaħdet ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq inverżjoni tal-oneru tal-prova, sa fejn il-Kummissjoni kienet eżiġiet mingħandhom li jwettqu kompitu li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħha.

130

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-argumenti invokati sabiex jiġu kkontestati l-punti 173 u 174 tas-sentenza appellata, għandu jiġi enfasizzat, minn naħa, li dawn il-punti jirreferu għall-analiżi mwettqa mill-Qorti Ġenerali, rispettivament fil-punti 106 u 107 tas-sentenza appellata kif ukoll fil-punti 138 sa 140 tagħha, fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel u tat-tieni motivi li jirrigwardaw rispettivament in-natura neċessarja u proporzjonata tal-informazzjoni mitluba permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, analiżi li l-appellanti ma rnexxilhomx jikkonfutaw permezz tat-tielet u tar-raba’ aggravju tagħhom. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li dawn l-argumenti huma essenzjalment ibbażati fuq l-istess kunsiderazzjonijiet bħal dawk li saru u li ġew miċħuda fil-kuntest tal-eżami tat-tielet parti tat-tielet aggravju u tat-tielet parti tar-raba’ aggravju. L-imsemmija argumenti għandhom, għalhekk, jiġu miċħuda bħala infondati.

131

F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-argumenti bbażati fuq allegat nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni, esposta fil-punt 175 tas-sentenza appellata, li tgħid li l-Kummissjoni ma kinitx talbet lill-appellanti juru li huma kienu kkonformaw ruħhom mal-liġi, għandu jiġi osservat li, permezz ta’ dawn l-argumenti, l-appellanti fil-verità jridu jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali f’dak li jirrigwarda l-kontenut tad-deċiżjoni kontenzjuża, mingħajr madankollu ma jallegaw żnaturament tagħha. Huma jillimitaw ruħhom min-naħa l-oħra li jirrepetu l-argumenti invokati fil-kuntest tar-raba’ motiv tagħhom fl-ewwel istanza u bbażati fuq interpretazzjoni ta’ din id-deċiżjoni li ġiet espliċitament miċħuda mill-Qorti Ġenerali. Konsegwentement, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 42 sa 45 ta’ din is-sentenza, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda bħala manifestament inammissibbli.

132

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ħames aggravju għandu jiġi miċħud bħala, parzjalment, manifestament inammissibbli u, parzjalment, infondat.

Fuq is-sitt aggravju, dwar l-evalwazzjoni ta’ ksur tad-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu

L-argumenti tal-partijiet

133

Permezz tas-sitt aggravju tagħhom, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli wettqet żbalji ta’ liġi u ta’ fatt, kif ukoll żnaturament tal-provi relatati, u nuqqas ta’ motivazzjoni fl-evalwazzjoni tagħha tal-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu.

134

Qabel kollox, l-appellanti jsostnu li l-punt 186 tas-sentenza appellata, li fih il-Qorti Ġenerali osservat preliminarjament li l-appellanti kienu llimitaw ruħhom li jinvokaw b’mod astratt dan il-ksur, huwa vvizzjat bi żbalji, hekk kif jirriżulta mill-argumenti li huma kienu invokaw fl-ewwel istanza.

135

Wara dan, l-appellanti jsostnu li, għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fir-rigward tal-punt 175 ta’ dik is-sentenza, il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali esposta fil-punt 190 tal-imsemmija sentenza, li tgħid li d-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx timponi fuq l-appellanti l-obbligu li jwettqu evalwazzjonijiet ta’ natura li jwassluhom jammettu li aġixxew bi ksur tal-Artikolu 102 TFUE, ma hijiex suffiċjentement motivata.

136

Fl-aħħar nett, l-appellanti jsostnu li d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, esposta fil-punt 192 tas-sentenza appellata, li tiċħad l-argumenti tagħhom li jgħidu li d-deċiżjoni kontenzjuża tikkostitwixxi ksur tad-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu peress li din iġġegħelhom jipprovdu dokumenti li ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “diġà eżistenti”, hija vvizzjata bi żbalji ta’ liġi u ta’ fatt.

137

B’mod partikolari, minn naħa, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tas-sentenza tat-28 ta’ April 2010, Amann & Söhne u Cousin Filterie vs Il-Kummissjoni (T‑446/05, EU:T:2010:165, punt 328), meta kkonkludiet li talba għal produzzjoni ta’ dokument li ma jistax jiġi kklassifikat bħala “diġà eżistenti” ma tiksirx neċessarjament id-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu, filwaqt li dik is-sentenza tillimita ruħha li tindika li s-sempliċi obbligu li tingħata tweġiba għal mistoqsijiet purament fattwali ma jistax jikser id-drittijiet tad-difiża jew id-dritt għal smigħ xieraq.

138

Min-naħa l-oħra, il-punt 192 tas-sentenza appellata huwa msejjes fuq żball ta’ fatt, sa fejn, permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni talbet lill-appellanti jipprovdu informazzjoni li ma tistax tiġi kklassifikata bħala fatti jew bħala dokumenti, kif ukoll li juru li huma adottaw miżuri proattivi biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, l-assenza ta’ tali turija jagħtu lil wieħed x’jifhem li huma ma osservawx l-obbligi tagħhom.

139

Il-Kummissjoni ssostni li, peress li l-appellanti llimitaw ruħhom li jirreferu lill-Qorti tal-Ġustizzja għall-argumenti li huma kienu esponew quddiem il-Qorti Ġenerali, l-argumenti invokati kontra l-punti 186 u 192 tas-sentenza appellata u esposti fil-punti 134 u 138 ta’ din is-sentenza għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli u li s-sitt aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat għall-kumplament. Fir-replika tagħhom, l-appellanti jirribattu li huwa speċifikament dan ir-riferiment li jagħmel lill-imsemmija argumenti ammissibbli.

L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

140

Permezz tas-sitt aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ fatt u ta’ liġi, kif ukoll żnaturament tal-provi relatati, u nuqqas ta’ motivazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-allegata ksur, imwettaq mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża, tad-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu.

141

F’dak li jirrigwarda l-ammissibbiltà ta’ dan l-aggravju, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 42 sa 45 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, sa fejn l-argumenti dwar il-punt 186 tas-sentenza appellata huma bbażati biss fuq l-argumenti invokati fl-ewwel istanza, li għalihom l-appellanti jillimitaw ruħhom li jagħmlu riferiment, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda bħala manifestament inammissibbli. L-istess jgħodd fir-rigward tal-argumenti bbażati fuq żball ta’ fatt imwettaq mill-Qorti Ġenerali fil-punt 192 tas-sentenza appellata, peress li, minn naħa, dawn l-argumenti huma msejsa fuq l-istess kunsiderazzjonijiet bħal dawk esposti fil-punt 96 ta’ din is-sentenza u li ġew miċħuda bħala inammissibbli fil-punt 107 tagħha u, min-naħa l-oħra, li l-appellanti jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar il-kontenut tad-deċiżjoni kontenzjuża mingħajr madankollu ma jinvokaw żnaturament tagħha.

142

F’dak li jirrigwarda l-mertu tal-parti ammissibbli tal-imsemmi aggravju, għandu jitfakkar, preliminarjament, li, abbażi tal-premessa 23 tar-Regolament Nru 1/2003, meta jikkonformaw ruħhom ma’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li titlob informazzjoni, l-impriżi ma jistgħux jiġu mġiegħla jammettu li huma wettqu ksur, iżda huma jinstabu f’kull każ obbligati li jwieġbu għall-mistoqsijiet fattwali u li jipproduċu dokumenti, anki jekk din l-informazzjoni tista’ sservi sabiex tiġi stabbilita, fir-rigward tagħhom jew fil-konfront ta’ impriża oħra, l-eżistenza ta’ ksur.

143

Din id-dispożizzjoni tirriproduċi, essenzjalment, ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tgħid li l-Kummissjoni għandha d-dritt li tobbliga lil impriża tipprovdi l-informazzjoni kollha neċessarja dwar fatti li hija tista’ tkun taf bihom u li tibgħatilha, jekk ikun hemm bżonn, id-dokumenti li hija għandha u li huma relatati, anki jekk dawn jistgħu jservu sabiex tiġi stabbilita, fir-rigward tagħha jew fil-konfront ta’ impriża oħra, l-eżistenza ta’ aġir antikompetittiv. Għalkemm il-Kummissjoni ma tistax timponi fuq din l-impriża l-obbligu li tipprovdi risposti li permezz tagħhom hija tkun imġiegħla tammetti l-eżistenza tal-ksur li l-prova tiegħu għandha tiġi stabbilita mill-Kummissjoni, l-imsemmija l-impriża madankollu ma tistax tevita li tissodisfa talbiet ta’ produzzjoni ta’ dokumenti minħabba li, billi tissodisfa dawn it-talbiet, hija tiġi mġiegħla tixhed kontriha nnifisha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 1989, Orkem vs Il-Kummissjoni, 374/87, EU:C:1989:387, punti 27, 34 u 35 kif ukoll tad-29 ta’ Ġunju 2006, Il-Kummissjoni vs SGL Carbon, C‑301/04 P, EU:C:2006:432, punti 41 sa 44 u 48).

144

Issa, f’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-argumenti bbażati fuq allegat nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni meħuda fil-punt 190 tas-sentenza appellata, li tgħid li, billi talbet lill-appellanti jipprovdu dokumenti li jikkonfermaw id-dikjarazzjoni rispettiva tagħhom li huma kienu bbażaw ruħhom fuq il-ġurisprudenza rilevanti u fuq il-linji gwida tal-Kummissjoni, din ma kinitx imponiet fuq l-appellanti l-obbligu li jwettqu evalwazzjonijiet ta’ natura li jġegħluhom jammettu li aġixxew bi ksur tal-Artikolu 102 TFUE, għandu jiġi osservat li dawn l-argumenti huma bbażati fuq l-istess ilmenti bħal dawk imqajma fir-rigward tal-punt 175 ta’ dik is-sentenza u għandhom, għaldaqstant, għall-istess raġunijiet bħal dawk stipulati fil-punt 131 ta’ din is-sentenza, jiġu miċħuda.

145

F’kull każ, għandu jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali mmotivat suffiċjentement skont il-liġi d-deċiżjoni meħuda fil-punt 190 tas-sentenza appellata. Fil-fatt, qabel kollox, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punti 180, 182 u 183 ta’ dik is-sentenza, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 143 ta’ din is-sentenza. Wara dan, billi bbażat ruħha b’mod partikolari fuq il-ġurisprudenza tagħha stess, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 184 u 185 tas-sentenza appellata, li, minn naħa, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tivverifika, fil-każ ta’ kontestazzjoni tal-portata ta’ mistoqsija magħmula f’talba għal informazzjoni, jekk tweġiba tad-destinatarju tkunx effettivament ekwivalenti għal ammissjoni li twettaq ksur u li, min-naħa l-oħra, it-tweġibiet ta’ natura purament fattwali ma jistgħux, bħala prinċipju, jitqiesu bħala li jistgħu jġiegħlu lid-destinatarju jammetti t-twettiq ta’ ksur. Huwa għaldaqstant abbażi tal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, li barra minn hekk ma hijiex ikkontestata mill-appellanti, li l-Qorti Ġenerali setgħet tiddeċiedi, fil-punti 187 u 190 tas-sentenza appellata, li, sa fejn l-informazzjoni mitluba permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża hija ta’ natura purament fattwali, li kienet tikkonsisti b’mod partikolari f’talba ta’ produzzjoni ta’ dokumenti interni, il-provvista ta’ din l-informazzjoni ma kinitx timponi fuq l-appellanti l-obbligu li jwettqu evalwazzjonijiet ta’ natura li jwassluhom jammettu li aġixxew bi ksur tal-Artikolu 102 TFUE.

146

F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-argumenti bbażati fuq l-iżball ta’ liġi allegatament imwettaq mill-Qorti Ġenerali fil-punt 192 tas-sentenza appellata, għandu jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod korrett il-ġurisprudenza li rriżultat mis-sentenza tat-28 ta’ April 2010, Amann & Söhne u Cousin Filterie vs Il-Kummissjoni (T‑446/05, EU:T:2010:165, punt 328), fis-sens li, inkwantu hija teskludi li l-fatt li wieħed jiġi obbligat jipproduċi dokumenti diġà eżistenti jista’ jikser id-drittijiet tad-difiża, din il-ġurisprudenza ma tistax tiġi interpretata, bil-kontra ta’ dan, bħala li tfisser li kull talba għal produzzjoni ta’ dokument li ma jistax jiġi kklassifikat bħala diġà eżistenti tikser neċessarjament dawn id-drittijiet, b’mod partikolari d-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu.

147

Fil-fatt, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 143 ta’ din is-sentenza jirriżulta li huwa biss fil-każ li impriża tiġi obbligata tipprovdi tweġibiet li permezz tagħhom hija tiġi mġiegħla tammetti l-eżistenza tal-ksur li din l-impriża tista’ tevita l-obbligu li tibgħat l-informazzjoni kollha neċessarja, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 68 sa 70 ta’ din is-sentenza. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali qieset, mingħajr kontestazzjoni min-naħa tal-appellanti, li dan ma kienx il-każ, sa fejn dawn ma kienu invokaw l-ebda argument konkret li jista’ juri li l-fatt li jiġu mġiegħla, sabiex iwieġbu l-mistoqsijiet tal-Kummissjoni, jifformalizzaw id-data fattwali mitluba f’dokument intiż li jiffaċilita l-fehma tagħhom minn din l-istituzzjoni, seta’ fih innifsu jikkostitwixxi ksur tad-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu.

148

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sitt aggravju għandu jiġi miċħud bħala, parzjalment, manifestament inammissibbli u, parzjalment, infondat.

149

Peress li l-aggravji kollha ġew miċħuda, l-appell għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

150

Abbażi tal-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont kliem l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell abbażi tal-Artikolu 184(1) tagħhom, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn jintalbu.

151

Peress li Qualcomm u Qualcomm Europe tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn ir-raġunijiet, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Qualcomm Inc. u Qualcomm Europe Inc. huma kkundannati għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top