SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
20 ta’ Settembru 2018 ( *1 )
“Appell – Għajnuna mill-Istat – Televiżjoni diġitali – Għajnuna għat-tnedija tat-televiżjoni diġitali terrestri fiż-żoni remoti u inqas urbanizzati tal-Comunidad Autónoma de Castilla-La Mancha (il-Komunità awtonoma ta’ Castilla-La Mancha, Spanja) – Sussidju favur operaturi ta’ pjattaformi tat-televiżjoni diġitali terrestri – Deċiżjoni li tiddikjara l-miżuri ta’ għajnuna parzjalment inkompatibbli mas-suq intern – Kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” – Vantaġġ – Servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali – Definizzjoni – Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri”
Fil-Kawża C‑114/17 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fit-3 ta’ Marzu 2017,
Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn M. J. García-Valdecasas Dorrego, bħala aġent,
rikorrent,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn E. Gippini Fournier, B. Stromsky u P. Němečková, bħala aġenti,
konvenuta fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, C. Vajda, E. Juhász, K. Jürimäe (Relatur) u C. Lycourgos, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Marzu 2018,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Mejju 2018,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tal-appell tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-15 ta’ Diċembru 2016, Spanja vs Il-Kummissjoni (T‑808/14, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, mhux ippubblikata, EU:T:2016:734), li permezz tagħha l-imsemmija qorti ċaħdet ir-rikors tiegħu intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 6846 finali tal-1 ta’ Ottubru 2014, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.27408 [(C 24/10) (ex NN 37/10, ex CP 19/09)] implimentata mill-awtoritajiet ta’ Castilla-La Mancha favur it-tnedija tat-televiżjoni diġitali terrestri f’żoni remoti u inqas urbanizzati. |
Il-kuntest ġuridiku
2 |
L-Artikolu 84 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-proċedura li wasslet għas-sentenza appellata (iktar ’il quddiem ir-“Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali”), intitolat “Motivi ġodda”, jipprevedi: “ 1. Ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat matul l-istanza, sakemm dan il-motiv ma jkunx ibbażat fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura. 2. Jekk ikun il-każ, il-motivi ġodda għandhom jiġu ppreżentati fit-tieni skambju ta’ noti u għandhom jiġu identifikati bħala tali. Meta l-punti ta’ liġi u ta’ fatt li jiġġustifikaw il-preżentazzjoni ta’ motivi ġodda jkunu magħrufa wara t-tieni skambju ta’ noti jew wara li jkun deċiż li ma jiġix awtorizzat tali skambju ta’ noti, il-parti prinċipali kkonċernata għandha tippreżenta l-motivi ġodda hekk kif issir taf b’dawn il-punti. 3. Bla ħsara għad-deċiżjoni li għad tkun trid tingħata mill-Qorti Ġenerali dwar l-ammissibbiltà tal-motivi ġodda, il-President għandu jagħti lill-partijiet l-oħra l-possibbiltà li jirribattu dawn il-motivi.” |
3 |
L-Artikolu 86 ta’ dawn ir-regoli intitolat “Adattament tar-rikors”, jipprovdi: “ 1. Meta att li jkun qiegħed jintalab l-annullament tiegħu jiġi ssostitwit jew emendat b’att ieħor li jkollu l-istess suġġett, ir-rikorrent jista’, qabel l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura jew qabel ma l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li taqtal-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura, jadatta r-rikors sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni dan l-element ġdid. 2. L-adattament tar-rikors għandu jsir permezz ta’ att separat u fit-terminu, previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li fih jista’ jintalab l-annullament tal-att li jiġġustifika l-adattament tar-rikors. […] 4. In-nota ta’ adattament għandha tinkludi:
5. In-nota ta’ adattament għandha jkollha magħha l-att li jiġġustifika l-adattament tar-rikors. Jekk dan l-att ma jiġix prodott, ir-Reġistratur għandu jiffissa għar-rikorrent terminu raġonevoli għall-produzzjoni tiegħu. Fin-nuqqas ta’ din ir-regolarizzazzjoni fit-terminu mogħti, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi jekk in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan ir-rekwiżit jimplikax l-inammissibbiltà tan-nota li tadatta r-rikors. 6. Bla ħsara għad-deċiżjoni li għad tkun trid tingħata mill-Qorti Ġenerali dwar l-ammissibbiltà tan-nota li tadatta r-rikors, il-President għandu jiffissa terminu għall-konvenut sabiex jippreżenta risposta għan-nota ta’ adattament. […]”. |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
4 |
Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti mill-Qorti Ġenerali fil-punti 1 sa 24 tas-sentenza appellata. Għall-finijiet ta’ din il-proċedura, dawn jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej. |
5 |
Din il-kawża tikkonċerna serje ta’ miżuri implimentati mill-awtoritajiet Spanjoli fil-kuntest tal-mogħdija mix-xandir analoġiku għax-xandir diġitali fi Spanja fil-Comunidad Autónoma de Castilla-La Mancha (il-Komunità Awtonoma ta’ Castilla-La Mancha, Spanja) (iktar ’il quddiem il-“miżura inkwistjoni”). |
6 |
Ir-Renju ta’ Spanja stabbilixxa qafas leġiżlattiv għall-promozzjoni tal-proċess ta’ tranżizzjoni mix-xandir analoġiku għax-xandir diġitali, b’mod partikolari bil-promulgazzjoni tal-Ley 10/2005 de Medidas Urgentes para el Impulso de la Televisión Digital Terrestri, de Liberalización de la Televisión por Cable y de Fomento del Pluralismo (il-Liġi 10/2005 li tistabbilixxi miżuri urġenti għall-iżvilupp tat-televiżjoni diġitali terrestri, għal-liberalizzazzjoni tat-televiżjoni bil-kejbil u għat-tħeġġiġ tal-pluraliżmu), tal-14 ta’ Ġunju 2005 (BOE Nru 142, tal-15 ta’ Ġunju 2005, p. 20562) u r-Real Decreto 944/2005 por el que se aprueba el Plan técnico nacional de la televisión digital terrestri (Digriet Irjali 944/2005 li japprova l-programm tekniku nazzjonali favur it-televiżjoni diġitali terrestri), tad-29 ta’ Lulju 2005 (BOE Nru 181, tat-30 ta’ Lulju 2005, p. 27006). Dan id-digriet irjali impona fuq ix-xandara nazzjonali privati u pubbliċi l-obbligu li jiżguraw li 96 % u 98 % rispettivament tal-popolazzjoni jirċievu t-televiżjoni diġitali terrestri (TDT). |
7 |
Sabiex jippermettu l-mogħdija mit-televiżjoni analoġika għat-TDT, l-awtoritajiet Spanjoli qasmu t-territorju Spanjol fi tliet żoni separati, rispettivament imsemmija “żona I”, “żona II” u “żona III”. Iż-żona II, inkwistjoni f’din il-kawża, tinkludi reġjuni inqas urbanizzati u mbiegħda li jirrappreżentaw 2.5 % tal-popolazzjoni Spanjola. F’din iż-żona, ix-xandara, fin-nuqqas ta’ interess kummerċjali, ma kinux investew fid-diġitalizzazzjoni, u dan wassal sabiex ikun hemm finanzjament pubbliku min-naħa tal-awtoritajiet Spanjoli. |
8 |
F’Settembru 2007, il-Consejo de Ministros (il-Kabinett, Spanja) adotta l-programm nazzjonali għall-mogħdija għat-TDT li l-għan tiegħu kien li r-rata ta’ kopertura tal-popolazzjoni Spanjola bis-servizz TDT tilħaq rata analoga għal dik milħuqa bit-televiżjoni analoġika fl-2007, jiġifieri iktar minn 98 % ta’ din il-popolazzjoni u 99.96 % tal-popolazzjoni tal-Komunità awtonoma ta’ Castilla-La Mancha. |
9 |
Sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ kopertura stabbiliti għat-TDT, l-awtoritajiet Spanjoli pprevedew l-għoti ta’ finanzjament pubbliku, b’mod partikolari insostenn tal-proċess ta’ diġitalizzazzjoni terrestri fiż-żona II u b’mod iktar partikolari fil-partijiet tal-Komunità awtonoma ta’ Castilla-La Mancha li jinsabu f’din iż-żona. |
10 |
Fi Frar 2008, il-Ministerio de Industria, Turismo y Comercio (il-Ministeru għall-Industrija, it-Turiżmu u l-Kummerċ, Spanja) (iktar ’il quddiem l-“MITC”) adotta deċiżjoni intiża sabiex itejjeb l-infrastrutturi tat-telekomunikazzjoni u tistabbilixxi l-kriterji kif ukoll it-tqassim tal-finanzjament tal-azzjonijiet favur l-iżvilupp tas-soċjetà tal-informazzjoni fil-kuntest ta’ pjan intitolat “Plan Avanza”. Il-baġit approvat abbażi ta’ din id-deċiżjoni ġie allokat parzjalment għad-diġitalizzazzjoni tat-televiżjoni fiż-żona II. |
11 |
Din id-diġitalizzazzjoni seħħet bejn Lulju u Novembru 2008. Il-MITC sussegwentement ittrasferixxa fondi lill-komunitajiet awtonomi, li impenjaw ruħhom li permezz tar-riżorsi baġitarji tagħhom stess ikopru l-ispejjeż l-oħra marbuta mal-operazzjoni. |
12 |
F’Ottubru 2008, il-kabinett Spanjol iddeċieda li jagħti fondi addizzjonali sabiex jestendi u jikkompleta l-kopertura tat-TDT fil-kuntest tal-proġetti ta’ mogħdija lejn id-diġitali li kellhom jiġu implimentati matul l-ewwel semestru tal-2009. |
13 |
Sussegwentement, il-komunitajiet awtonomi bdew il-proċess ta’ estensjoni. Għal dan il-għan huma organizzaw sejħiet għal offerti jew fdaw din l-estensjoni f’idejn impriżi privati. F’ċerti każijiet, il-komunitajiet awtonomi talbu lill-kunsilli jinkarigaw ruħhom mill-imsemmija estensjoni. |
14 |
B’differenza mill-parti l-kbira tal-komunitajiet awtonomi Spanjoli l-oħra, il-Komunità Awtonoma ta’ Castilla-La Mancha ma organizzatx sejħiet għal offerti għall-estenzjoni tal-kopertura tat-televiżjoni diġitali. L-awtoritajiet ta’ din il-komunità awtonoma applikaw proċedura speċjali, stabbilita bid-Decreto 347/2008 por el que se regula la concesión de subvenciones directas para la ejecución del plan de transición a la televisión digital terrestre en Castilla-La Mancha (id-Digriet 347/2008 li jirregola l-għoti ta’ sussidji diretti għall-eżekuzzjoni tal-pjan ta’ tranżizzjoni mit-televisión digital terrestri f’Castilla-La Mancha), tat-2 ta’ Diċembru 2008 (Diario oficial de Castilla-La Mancha no 250, tal-5 ta’ Diċembru 2008, p. 38834). |
15 |
Id-Digriet 347/2008 kien jipprevedi l-assenjazzjoni diretta tal-fondi neċessarji għad-diġitalizzazzjoni lis-sidien taċ-ċentri tat-trażmissjoni eżistenti. Meta ċ-ċentri tat-trażmissjoni kienu proprjetà ta’ kollettività territorjali, kienet din tal-aħħar li kienet tikkonkludi ftehim mal-Gvern ta’ Castilla-La Mancha sabiex tikseb il-finanzjament ta’ dawn iċ-ċentri. Il-kollettivitajiet lokali sussegwentement xtraw it-tagħmir diġitali lill-operatur ta’ telekomunikazzjonijiet tagħhom u ssubappaltaw l-installazzjoni, it-tħaddim u l-manutenzjoni tal-apparat lil dan l-operatur. Meta dawn iċ-ċentri tat-trażmissjoni kienu proprjetà ta’ operatur ta’ telekomunikazzjonijiet privat, dan tal-aħħar kien jikkonkludi ftehim mal-imsemmi gvern sabiex jikseb il-fondi neċessarji għad-diġitalizzazzjoni tat-tagħmir. Sa fejn kien neċessarju li jinbnew għoxrin ċentru tat-trażmissjoni ġodda, erbatax inbnew abbażi ta’ ftehimiet konklużi bejn l-imsemmi Gvern u l-kollettivitajiet lokali, filwaqt li sitta nbnew abbażi ta’ ftehim konkluż bejn l-istess Gvern u operatur ta’ telekomunikazzjonijiet. |
16 |
Il-Gvern ta’ Castilla-La Mancha ffinanzja x-xiri tal-apparat diġitali, l-installazzjoni, it-tħaddim u l-manutenzjoni tiegħu matul l-ewwel sentejn ta’ kull wieħed miċ-ċentri tat-trażmissjoni diġitalizzata. Għalhekk, erba’ mija u ħamsa u sebgħin ċentri tat-trażmissjoni kienu miżmuma mill-kollettivitajiet lokali, filwaqt li mija u wieħed u erbgħin ċentru kienu s-suġġett ta’ fondi mogħtija lil żewġ operaturi ta’ telekomunikazzjonijiet, jiġifieri Telecom CLM u Abertis Telecom Terrestre SA (iktar ’il quddiem “Abertis”). |
17 |
Fl-14 ta’ Jannar u fit-18 ta’ Mejju 2009, il-Kummissjoni Ewropea rċeviet żewġ ilmenti provenjenti, minn naħa, minn Radiodifusión Digital SL, operatur lokali ta’ telekomunikazzjonijiet u ta’ televiżjoni terrestri, u, min-naħa l-oħra, minn SES Astra SA. Dawn l-ilmenti kienu jirrigwardaw skema ta’ għajnuna min-naħa tal-awtoritajiet Spanjoli favur il-mogħdija mit-televiżjoni analoġika lejn it-TDT fiż-żona II. Skont il-lanjanti, din l-iskema kienet tinvolvi għajnuna mhux innotifikata li tista’ toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn il-pjattaforma ta’ xandir terrestri u dik tax-xandir satellitari. Barra minn hekk, Radiodifusión Digital sostniet li l-miżura inkwistjoni kienet toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn l-operaturi nazzjonali u l-operaturi lokali. |
18 |
Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Settembru 2010, il-Kummissjoni informat lir-Renju ta’ Spanja bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura msemmija fl-Artikolu 108(2) TFUE fir-rigward tal-miżura inkwistjoni fil-Komunità Awtonoma ta’ Castilla-La Mancha. Fl-istess jum, il-Kummissjoni informat lil dan l-Istat Membru bil-ftuħ ta’ proċedura separata relatata ma’ din l-iskema ta’ għajnuna fir-rigward tat-territorju Spanjol kollu, ħlef għall-Komunità Awtonoma ta’ Castilla-La Mancha (ĠU 2010, C 337, p. 17). |
19 |
Fid-19 ta’ Ġunju 2013 il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2014/489/UE dwar l-għajnuna mill-Istat SA.28599 (C 23/10 (ex NN 36/10, ex CP 163/09)) implimentata mir-Renju ta’ Spanja għat-tnedija tat-televiżjoni diġitali terrestri f’żoni remoti u inqas urbanizzati (’il barra minn Castilla-La Mancha) (ĠU L 217, 23.7.2014, p. 52). |
20 |
Il-Kummissjoni sussegwentement adottat id-Deċiżjoni C(2014) 6846 finali, li l-Artikolu 1 tagħha jipprevedi, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li l-għajnuna mill-Istat mogħtija lill-operaturi tal-pjattaforma ta’ televiżjoni terrestri Telecom CLM u Abertis għat-titjib taċ-ċentri tat-trażmissjoni, il-bini taċ-ċentri tat-trażmissjoni l-ġodda u l-provvista ta’ servizzi diġitali u/jew ta’ tħaddim u ta’ manutenzjoni fiż-żona II tal-Komunità Awtonoma ta’ Castilla-La Mancha ġiet implimentata bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 108(3) [TFUE], u li din hija inkompatibbli mas-suq intern. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni jiddikjara illegali u inkompatibbli l-għajnuna mill-Istat mogħtija għall-installazzjoni ta riċevituri satellitari għall-finijiet ta’ trażmissjoni ta’ sinjali ta’ Hispasat SA f’din iż-żona. |
21 |
Skont l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni C(2014) 6846 finali, il-Kummissjoni ordnat lir-Renju ta’ Spanja jirkupra mingħand Telecom CLM, Abertis u Hispasat l-għajnuna inkompatibbli mogħtija abbażi tal-miżura inkwistjoni. |
22 |
Fil-motivi ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni qieset, fl-ewwel lok, li d-diversi strumenti adottati fuq livell ċentrali u l-ftehimiet li kienu ġew konklużi bejn l-MITC u l-komunitajiet awtonomi kienu jikkostitwixxu l-bażi tal-iskema ta’ għajnuna għall-estensjoni tat-TDT fiż-żona II. Fil-prattika, il-komunitajiet awtonomi applikaw l-indikazzjonijiet tal-Gvern Spanjol dwar l-estensjoni tat-TDT. |
23 |
Fit-tieni lok, il-Kummissjoni kkonstatat li l-miżura inkwistjoni kellha titqies għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Skont din l-istituzzjoni, Abertis u Telecom CLM huma l-benefiċjarji diretti tal-għajnuna kkonċernata, sa fejn huma bbenefikaw minn vantaġġ ekonomiku meta rċevew fondi pubbliċi sabiex jiddiġitalizzaw l-apparat rispettiv tagħhom jew sabiex jibnu ċentri tat-trażmissjoni ġodda. Peress li l-muniċipalitajiet aġixxew fil-kwalità ta’operatur ta’ netwerk, anki huma kienu bbenefikaw direttament minn din l-għajnuna. Il-vantaġġ ta’ din il-miżura huwa selettiv, għaliex dan kien jikkonċerna biss l-impriżi attivi fis-suq tal-pjattaforma terrestri u l-operaturi ta’ netwerk ma ntgħażlux abbażi ta’ sejħa għall-offerti iżda abbażi ta’ proċedura speċifika. L-għażla diretta ta’ dawn l-operaturi wasslet għall-esklużjoni ta’ kull kompetitur potenzjali ieħor li jipproponi t-teknoloġija terrestri. Fid-dawl tal-fatt li l-pjattaforma satellitari u l-pjattaforma terrestri huma kompetituri, il-miżura inkwistjoni tikkawża b’mod partikolari distorzjoni tal-kompetizzjoni bejn dawn iż-żewġ pjattaformi. |
24 |
Fit-tielet lok, il-Kummissjoni qieset li l-miżura inkwistjoni ma setgħetx titqies li hija għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern, skont l-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE, minkejja l-fatt li din il-miżura kienet intiża li tilħaq għan ta’ interess komuni tabilħaqq speċifiku u li kien hemm nuqqasijiet fis-suq ikkonċernat. Skont il-Kummissjoni, ladarba l-imsemmija miżura ma kinitx tirrispetta l-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika, din il-miżura ma kinitx proporzjonali u ma kinitx tikkostitwixxi strument xieraq sabiex tiġi ggarantita l-kopertura tal-kanali FTA lir-residenti taż-żona II tal-Komunità Awtonoma ta’ Castilla-La Mancha |
25 |
Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni qieset li, fl-assenza ta’ definizzjoni preċiża biżżejjed tat-tħaddim ta’ pjattaforma terrestri inkwantu servizz pubbliku u ta’ att ta’ attribuzzjoni ta’ dan is-servizz pubbliku lil operatur ta’ pjattaforma speċifika, il-miżura inkwistjoni ma setgħetx tkun iġġustifikata abbażi tal-Artikolu 106(2) TFUE. |
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
26 |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Diċembru 2014, ir-Renju ta’ Spanja ressaq kawża għall-annullament tad-Deċiżjoni C(2014) 6846 finali. |
27 |
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja ressaq ħames motivi. L-ewwel motiv kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE sa fejn il-Kummissjoni b’mod żbaljat ikkonstatat l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat. It-tieni motiv, imressaq sussidjarjament, kien jirrigwarda l-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq intern. Dan il-motiv kien ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni previsti fl-Artikolu 106(2) TFUE u fl-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE. Permezz tat-tielet motiv, ir-Renju ta’ Spanja sostna ksur tar-regoli proċedurali. Ir-raba’ motiv, imqajjem sussidjarjament, jirrigwarda t-talba ta’ rkupru tal-għajnuna u kien ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ proporzjonalità u ta’ sussidjarjetà. Permezz tal-ħames motiv, ir-Renju ta’ Spanja sostna, sussidjarjament, ksur tad-dritt fundamentali għall-informazzjoni. |
28 |
Il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2015) 7193 finali, tal-20 ta’ Ottubru 2015, sabiex tikkoreġi żbalji li jinsabu fid-Deċiżjoni C(2014) 6846 finali, f’dak li jirrigwarda Hispasat. Wara din il-korrezzjoni, fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni C(2014) 6846 final, il-kliem “provvista ta’ servizzi” ġie ssostitwit bil-kliem “provvista ta’ tagħmil”. Barra minn hekk, il-Kummissjoni neħħiet it-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni C(2014) 6846 finali u emendat l-Artikolu 3(1) tal-istess deċiżjoni. Hija ma żammitx il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-istat illegali u inkompatibbli mas-suq intern mogħtija għall-installazzjoni ta’ riċevituri tas-satellita għall-finijiet tat-trażmissjoni tas-sinjali ta’ Hispasat fiż-żona II tal-Komunità Awtonoma ta’ Castilla-La Mancha u li kellha tiġi rkuprata mingħand dan l-operatur mill-lstat Membru kkonċernat. |
29 |
Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Diċembru 2015, ir-Renju ta’ Spanja indika li kien qed iqajjem motiv ġdid b’konsegwenza tal-emenda tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni C(2014) 6846 finali permezz tad-Deċiżjoni C(2015) 7193 finali, b’mod konformi mal-Artikolu 84 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Il-Kummissjoni bagħtet l-osservazzjonijiet tagħha dwar din l-ittra fit-28 ta’ Jannar 2016. |
30 |
Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, wara li ddikjarat li dan il-motiv kien ammissibbli, ċaħditu għaliex infondat. Hija ċaħdet ukoll il-ħames motivi tar-rikors għal annullament ippreżentati mir-Renju ta’ Spanja fir-rikors tiegħu tat-12 ta’ Diċembru 2014. |
It-talbiet tal-partijiet
31 |
Permezz tal-appell tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
32 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż. |
Fuq ir-rikors
33 |
Insostenn tal-appell tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jinvoka tliet aggravji. |
34 |
Matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Renju ta’ Spanja qajjem aggravju ġdid, abbażi tal-Artikolu 127 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
Fuq l-ammissibbiltà tal-aggravju l-ġdid ippreżentata matul is-seduta
35 |
Permezz tal-aggravju l-ġdid tiegħu, ippreżentat matul is-seduta, ir-Renju ta’ Spanja essenzjalment isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma evalwatx ex officio in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-Deċiżjoni C(2014) 6846 finali fir-rigward tan-natura selettiva tal-miżura inkwistjoni. |
36 |
Ir-Renju ta’ Spanja jibbaża dan l-aggravju ġdid fuq is-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Comunidad Autónoma de Galicia u Retegal vs Il-Kummissjoni (C‑70/16 P, EU:C:2017:1002), u jqis li dik is-sentenza tikkostitwixxi punt ta’ liġi li rriżulta matul il-proċedura, fis-sens tal-Artikolu 127 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li għaldaqstant jiġġustifika l-preżentata tal-imsemmi aggravju fil-mori tal-kawża. |
37 |
Il-Kummissjoni tqis li dan l-aggravju ġdid huwa inammissibbli. |
38 |
Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 127(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-preżentata ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża hija pprojbita, sa fejn dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ liġi jew ta’ fatt li jirriżultaw matul il-proċedura. |
39 |
Issa, f’dan il-każ, is-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Comunidad Autónoma de Galicia u Retegal vs Il-Kummissjoni (C‑70/16 P, EU:C:2017:1002), ma tistax titqies li hija punt ta’ liġi li rriżulta matul il-proċedura. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 59 u 61 ta’ din is-sentenza, din sempliċement tikkonferma r-rekwiżiti relatati mal-motivazzjoni tal-eżami tar-rekwiżit relatat mas-selettività ta’ miżura ta’ għajnuna, li ġew stabbiliti fis-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck (C‑524/14 P, EU:C:2016:971), u Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group et (C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981), mogħtija qabel il-preżentata tal-appell tar-Renju ta’ Spanja. Issa, sentenza li sempliċement tikkonferma sitwazzjoni ġuridika magħrufa mir-rikorrent meta ppreżenta l-appell tiegħu ma tistax titqies li hija element li jippermetti l-invokazzjoni ta’ aggravju ġdid. |
40 |
Konsegwentement, l-aggravju ġdid invokat mir-Renju ta’ Spanja għandu jiġi miċħud għaliex inammissibbli. |
Fuq l-ewwel aggravju
L-argumenti tal-partijiet
41 |
Permezz tal-ewwel aggravju tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-punt 48 tas-sentenza appellata huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi, peress li f’dak il-punt il-Qorti Ġenerali indikat li d-Deċiżjoni C(2015) 7193 finali ma timponi l-ebda obbligu ġdid fuq l-Istat Membru. Din l-evalwazzjoni tmur kontra l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni C(2014) 6846 finali qabel ma ġiet emendata u tammonta għal żball ta’ liġi fir-rigward tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ċertezza legali, kif ukoll tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE. |
42 |
Fl-ewwel lok, ir-Renju ta’ Spanja jqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi sa fejn id-Deċiżjoni C(2015) 7193 finali tinvolvi emenda sostanzjali tad-Deċiżjoni C(2014) 6846 finali, b’tali mod li l-Qorti Ġenerali messha kkonstatat li d-Deċiżjoni C(2015) 7193 finali kienet imponiet obbligu ġdid fuq ir-Renju ta’ Spanja. |
43 |
F’dan ir-rigward, dan l-Istat Membru jsostni li l-elementi li fuqhom ibbażat ruħha l-Qorti Ġenerali ma jippermettux li tintlaħaq il-konklużjoni li għaliha waslet din tal-aħħar. L-ewwel nett, minn perspettiva terminoloġika, il-“provvista ta’ apparat diġitali” la taqa’ taħt il-kunċett ta’ “titjib taċ-ċentri tat-trażmissjoni” u lanqas taħt dak ta’ “bini ta’ ċentri tat-trażmissjoni ġodda”. Sussegwentement, sa fejn il-kunċett ta’ “provvista ta’ apparat diġitali” ma ġiex iddefinit fid-Deċiżjoni C(2014) 6846 finali, ma hiwiex possibbli li l-vantaġġ li operaturi kkonċernati allegatament irċevew abbażi ta’ dan jiġi kklassifikat. Fl-aħħar nett, din il-konklużjoni ma tirriżultax mill-premessa 197 ta’ din id-deċiżjoni. |
44 |
Fit-tieni lok, ir-Renju ta’ Spanja jqis li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ċertezza legali, meta ddeċidiet li l-emenda inkwistjoni ma timponi l-ebda obbligu ġdid fuq dan l-Istat Membru. Il-Qorti Ġenerali messha kkonstatat li l-Kummissjoni kienet obbligata tosserva d-dritt tal-imsemmi Stat Membru li jippreżenta kummenti qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni C(2015) 7193 finali, peress li l-Kummissjoni emendat id-deskrizzjoni tal-miżura inkwistjoni u peress li l-ammont li għandu jiġi rkuprat żdied minn Eur 11.3 miljuni għal EUR 43.8 miljuni. Barra minn hekk, kuntrarjament għar-regola tal-parallelliżmu formali imfakkra fil-punt 45 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni ma adottatx id-Deċiżjoni C(2015) 7193 finali skont l-istess regoli formali bħal dawk osservati għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni C(2014) 6846 finali. |
45 |
Fit-tielet lok, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-imsemmija emenda kienet ta’ preġudizzju gravi għas-sustanza nnifisha tal-miżura inkwistjoni, ikklassifikata bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE. |
46 |
Il-Kummissjoni ssostni li dan l-aggravju huwa ineffettiv, peress li dan ma jistax iwassal għall-annullament tas-sentenza appellata. Dan l-aggravju jista’ l-iktar l-iktar jwassal għall-annullament tad-Deċiżjoni C(2015) 7193 finali, fatt li ma jaffettwax id-Deċiżjoni C(2014) 6846 finali fil-verżjoni inizjali tagħha. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
47 |
Skont l-Artikolu 170(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell ma jistax jibdel is-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. |
48 |
Fir-rigward ta’ kwistjoni li tirrigwarda l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, din għandha titqajjem ex offiċio mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2007, Stadtwerke Schwäbisch Hall et vs Il-Kummissjoni, C-176/06 P, mhux ippubblikata, EU:C:2007:730, punt 18). Barra minn hekk, il-partijiet ġew mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din il-kwistjoni mqajma ex officio mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
49 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-eżami dwar l-osservanza tal-Artikolu 170(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jeħtieġ li jiġu evalwati l-portata tat-talbiet imressqa fl-ewwel istanza u s-suġġett tat-tilwima quddiem il-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2017, British Airways vs Il-Kummissjoni, C-122/16 P, EU:C:2017:861, punt 54). |
50 |
Fil-fatt, sa fejn, fir-rikors promotur tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-Renju ta’ Spanja kien talab l-annullament tad-Deċiżjoni C(2014) 6846 finali u sa fejn id-Deċiżjoni C(2015) 7193 finali ġiet adottata wara din it-talba, għandu jiġi ddeterminat jekk dan l-Istat Membru ppruvax jikseb ukoll l-annullament tad-Deċiżjoni C(2015) 7193 final permezz tal-adattament tar-rikors promotur tiegħu. |
51 |
Fil-punt 36 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali osservat li, permezz tal-motiv il-ġdid, ippreżentat abbażi tal-Artikolu 84 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-Renju ta’ Spanja kien ikkontesta l-emenda nnifisha tad-Deċiżjoni C(2014) 6846 finali permezz tad-Deċiżjoni C(2015) 7193 finali. Matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Renju ta’ Spanja indika li, bil-preżentata tal-motiv il-ġdid tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, l-intenzjoni ta’ dan l-Istat Membru kienet li jadatta t-talbiet tar-rikors tiegħu għall-annullament tad-Deċiżjoni C(2014) 6846 finali sabiex is-suġġett ta’ dan ir-rikors jiġi estiż għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni C(2015) 7193 finali. |
52 |
Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-talbiet tal-partijiet huma bħala prinċipju kkaratterizzati mill-immutabbiltà tagħhom. L-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, dwar l-adattament tar-rikors promotur, jikkostitwixxi kodifikazzjoni ta’ ġurisprudenza li kienet diġà teżisti dwar l-eċċezzjonijiet li jista’ jkun hemm għal dan il-prinċipju ta’ immutabbiltà (sentenza tad-9 ta’ Novembru 2017, HX vs Il-Kunsill, C-423/16 P, EU:C:2017:848, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
53 |
Dan l-Artikolu 86 jipprevedi li, meta att li jkun qiegħed jintalab l-annullament tiegħu jiġi ssostitwit jew emendat b’att ieħor li jkollu l-istess suġġett, ir-rikorrent jista’, qabel l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura jew qabel ma l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li taqtal-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura, jadatta r-rikors sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni dan l-element ġdid. |
54 |
Inkwantu eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ immutabbiltà tal-istanza, l-imsemmi Artikolu 86 għandu, konsegwentement, jiġi interpretat b’mod strett. |
55 |
F’dan il-każ, mill-punt 33 tas-sentenza appellata jirriżulta li, wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni C(2015) 7193 finali, ir-Renju ta’ Spanja ppreżenta motiv ġdid, abbażi tal-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Madankollu, huwa paċifiku li dan l-Istat Membru ma talabx l-adattament tar-rikors tiegħu abbażi tal-Artikolu 86 ta’ dawn ir-Regoli. |
56 |
Hekk kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tagħha, filwaqt li l-Artikolu 84 tal-imsemmija regoli jippermetti biss li r-rikorrent jippreżenta motivi ġodda bbażati fuq id-dritt, l-Artikolu 86 tal-istess Regoli jippermetti, min-naħa l-oħra, il-bdil tas-suġġett tar-rikors, jiġifieri li t-talbiet jiġu fformulati mill-ġdid, mata, bħal f’dan il-każ, l-att li tiegħu jkun qed jintalab l-annullament jiġi ssostitwit jew annullat permezz ta’ att ieħor li jkollu l-istess suġġett. |
57 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li jiġi aċċettat li r-Renju ta’ Spanja adatta r-rikors tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, permezz tal-preżentazzjoni ta’ motiv ġdid abbażi tal-Artikolu 84 tal-istess Regoli, ikun ifisser li l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet tiġi mċaħħda mis-sustanza tagħha. |
58 |
Din il-konklużjoni ma hijiex ikkonfutata mill-argument, magħmul matul is-seduta mir-Renju ta’ Spanja, li jgħid li dan il-motiv il-ġdid kien jirrispetta, f’kull każ, ir-rekwiżiti formali relatati mal-adattament tar-rikors, previsti fl-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. |
59 |
Fil-fatt, hekk kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tagħha, l-adattament tar-rikors jeżiġi li r-rikorrent jindika, b’mod univoku u suffiċjentement ċar u preċiż, is-suġġett tat-tilwima u t-talbiet tiegħu, b’tali mod li l-Qorti Ġenerali ma tiddeċidix ultra petita. Għal dan il-għan, nota ta’ adattament għandha, b’mod konformi mal-Artikolu 86(4)(a) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tkun tinkludi, b’mod partikolari, it-talbiet adattati. |
60 |
Issa, il-motiv il-ġdid ippreżentat mir-Renju ta’ Spanja quddiem il-Qorti Ġenerali, li huwa espliċitament ibbażat fuq l-Artikolu 84 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u mhux fuq l-Artikolu 86 ta dawn ir-Regoli, manifestament ma josservax ir-rekwiżiti msemmija fil-punt preċedenti tas-sentenza preżenti. Fil-fatt, hekk kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tagħha, fl-ittra tiegħu tat-23 ta’ Diċembru 2015 li permezz tagħha ppreżenta l-motiv inkwistjoni, ir-Renju ta’ Spanja żamm espliċitament it-talbiet inizjali tiegħu, jiġifieri l-annullament tad-Deċiżjoni C(2014) 6846 finali. |
61 |
Minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li, fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 36 tas-sentenza appellata, li, permezz tal-preżentazzjoni tal-motiv ġdid tiegħu abbażi tal-Artikolu 84 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-Renju ta’ Spanja kien talab l-annullament tad-Deċiżjoni C(2015) 7193 final. Minn dan hija ddeduċiet żbaljatament, fil-punt 37 tas-sentenza appellata, li dan il-motiv ġdid kien ammissibbli. |
62 |
Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali ma huwiex tali li jinvalida s-sentenza appellata jekk id-dispożittiv tagħha jidher fondat fid-dawl ta’ raġunijiet oħra ta’ dritt (sentenza tal-21 ta’ Settembru 2017, Easy Sanitary Solutions u EUIPO vs Group Nivelles, C-361/15 P u C-405/15 P, EU:C:2017:720, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
63 |
F’dan il-każ, peress li r-Renju ta’ Spanja ma setax jadatta r-rikors tiegħu abbażi tal-Artikolu 84 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-motiv ġdid li huwa ressaq quddiem il-Qorti Ġenerali, li kien jirrigwarda d-Deċiżjoni C(2015) 7193 finali, kellu jiġi miċħud minn din tal-aħħar għaliex inammissibbli, peress li dan il-motiv il-ġdid ma ġiex ippreżentat insostenn tat-talbiet validament adattati. Minn dan isegwi li d-dispożittiv tas-sentenza appellata jidher li huwa bbażat fuq motivi oħra ta’ liġi. |
64 |
Fit-tieni lok, sa fejn ir-Renju ta’ Spanja ma adattax it-talbiet tiegħu għal annullament magħmula quddiem il-Qorti Ġenerali biex jestendihom għad-Deċiżjoni C(2015) 7193 finali, l-ewwel aggravju, li huwa essenzjalment intiż li jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma annullatx din id-deċiżjoni, jestendi s-suġġett tat-tilwima quddiem il-Qorti Ġenerali bi ksur tal-Artikolu 170(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
65 |
Għaldaqstant, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud għaliex inammissibbli. |
Fuq it-tieni aggravju
66 |
It-tieni aggravju huwa maqsum f’żewġ partijiet. |
Fuq l-ewwel parti
– L-argumenti tal-partijiet
67 |
Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-analiżi tal-Qorti Ġenerali esposta fil-punti 89 sa 107 tas-sentenza appellata hija żbaljata, sa fejn hija kkonkludiet li l-ewwel kriterju li jirriżulta mis-sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C-280/00, EU:C:2003:415) (iktar ’il quddiem l-“ewwel kriterju Altmark”) ma kienx issodisfatt. |
68 |
L-ewwel nett, ir-Renju ta’ Spanja jqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-leġiżlazzjoni Spanjola ma kinitx tiddefinixxi b’mod ċar is-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali (SIEĠ) inkwistjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali analizzat il-qafas ġuridiku iżda l-evalwazzjoni tagħha hija manifestament żbaljata, peress li l-Ley 32/2003, General de Telecomunicaciones (il-Liġi Ġenerali 32/2003 dwar it-telekomunikazzjonijiet), tat-3 ta’ Novembru 2003 (BOE no 264, tal-4 ta’ Novembru 2003, p. 38890, iktar ’il quddiem il-“Liġi 32/2003”), tikkwalifika espliċitament it-tħaddim tan-netwerks ta’ xandir bir-radju u bit-televiżjoni bħala “servizz ta’ interess ġenerali”. |
69 |
L-ewwel nett, il-konstatazzjoni li tinsab fil-punt 102 tas-sentenza appellata, li tgħid li d-definizzjoni tas-servizz inkwistjoni bħala SIEĠ ma hijiex suffiċjentement ċara, għaliex din id-definizzjoni tapplika għall-operaturi kollha tas-settur tat-telekomunikazzjonijiet u mhux għal uħud minnhom, hija żbaljata. Din il-konstatazzjoni tikkuntrasta mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali li taċċetta l-possibbiltà li tali servizz jingħata lill-operaturi kollha ta’ settur. Wara dan, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-atti kollha li permezz tagħhom l-awtoritajiet Spanjoli fdaw lill-operaturi kkonċernati b’obbligi ta’ servizz pubbliku, b’mod partikolari d-Digriet 347/2008 u l-ftehimiet ta’ sħubija li jiddefinixxu l-obbligi ta’ servizz pubbliku fil-Komunità Awtonoma ta’ Castilla-La Mancha. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali kienet żbaljata meta kkonkludiet, fil-punt 102 tas-sentenza appellata, li r-responsabbiltà tal-ġestjoni tas-SIEĠ kellha tiġi fdata lil ċerti impriżi, peress li l-ħatra ta’ dawn l-impriżi tista’ sseħħ iktar tard, f’att separat. Iktar minn hekk, teżisti kontradizzjoni bejn il-punt 104 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li d-definizzjoni bħala SIEĠ ta’ pjattaforma speċifika tikkostitwixxi żball manifest ta’ evalwazzjoni, u l-punt 105 ta’ dik is-sentenza, sa fejn il-Qorti Ġenerali ikkonvalidat l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-assenza ta’ definizzjoni ċara tas-servizz inkwistjoni bħala SIEĠ. |
70 |
It-tieni nett, fil-punt 98 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali allegatament wettqet interpretazzjoni formalista ż-żejjed tas-sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C-280/00, EU:C:2003:415), sa fejn qieset li kien neċessarju li tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ att uffiċjali, li jiddetermina espliċitament l-eżistenza ta’ servizz pubbliku u li jindika kemm in-natura u t-tul tal-obbligi ta’ servizz pubbliku kif ukoll l-impriżi u t-territorju kkonċernati minn dawn l-obbligi. Minn dan tirriżulta interpretazzjoni żbaljata tal-imsemmija sentenza, li teżiġi biss li l-obbligi ta’ servizz pubbliku “jirriżultaw b’mod ċar” mid-dritt nazzjonali. Iktar minn hekk, l-approċċ formalista magħżul mill-Qorti Ġenerali jiżnatura l-marġni ta’ diskrezzjoni li l-Istati Membri għandhom biex jiddefinixxu SIEĠ. |
71 |
Ir-Renju ta’ Spanja jenfasizza li, f’kull każ, huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jiddetermina l-modalitajiet ta’ provvista ta’ SIEĠ, b’mod konformi mal-marġni ta’ diskrezzjoni li huwa għandu. Id-definizzjoni ta’ SIEĠ tista’ għalhekk titwettaq permezz ta’ att wieħed jew ta’ atti distinti u suċċessivi. |
72 |
It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx l-elementi rilevanti kollha tal-kawża u ma mmotivatx b’mod suffiċjenti s-sentenza appellata. Hija injorat il-fatt li, fil-kuntest tal-eżami tal-miżura inkwistjoni, il-Kummissjoni nnifisha qieset li l-ftehimiet konklużi mill-Consejería de industria, energía y medio ambiente (is-Segretarjat responsabbli għall-industrija, għall-enerġija u għall-ambjent) ta’ Castilla-La Mancha kienu jifformaw parti integrali minn din il-miżura, hekk kif dan jirriżulta mill-premessa 39 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Eżami bir-reqqa u imparzjali tal-elementi kollha rilevanti tal-kawża preżenti kien ikun jeżiġi li l-Kummissjoni tevalwa wkoll dawn il-ftehimiet. Konsegwentement, il-konstatazzjoni li tinsab fil-punt 100 tas-sentenza appellata tikkonstitwixxi żball ta’ liġi. Barra minn hekk, għalkemm il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 106 tas-sentenza appellata, li nuqqasijiet fis-suq kienu insuffiċjenti sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ SIEĠ, hija ma kinitx, skont ir-Renju ta’ Spanja, eżentata mill-obbligu tagħha li twettaq eżami ddettaljat tal-kwistjoni tal-eżistenza ta’ SIEĠ. |
73 |
Il-Kummissjoni tqis li din l-ewwel parti tat-tieni aggravju hija inammissibbli u ineffettiva. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
74 |
Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja essenzjalment isostni li l-eżami tal-Qorti Ġenerali, f’dak li jirrigwarda l-ewwel kriterju Altmark, huwa vvizzjat b’diversi żbalji ta’ liġi. |
75 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-allegat żball li l-Qorti Ġenerali wettqet fl-evalwazzjoni tad-dritt nazzjonali, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss teżerċita, abbażi tal-Artikolu 256 TFUE, stħarriġ fuq il-klassifikazzjoni legali tagħhom u l-konsegwenzi legali li rriżultaw minnha. Għalhekk, l-evalwazzjoni tal-fatti, ħlief fil-każ tal-iżnaturament tal-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, ma tikkostitwixxix kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, fir-rigward tal-eżami, fil-kuntest ta’ appell, tal-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fid-dawl tad-dritt nazzjonali, il-Qorti Ġenerali tista’ biss tivverifika jekk kienx hemm żnaturament ta’ dan id-dritt. F’dan ir-rigward, żnaturament għandu jidher b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (sentenza tas-26 ta’ April 2018, Cellnex Telecom u Telecom Castilla-La Mancha vs Il-Kummissjoni, C-91/17 P u C-92/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:284, punti 67 sa 69, u l-ġurisprudenza ċċitata). |
76 |
F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, l-evalwazzjoni tal-Liġi 32/2003, il-Qorti Ġenerali osservat, fil-punt 102 tas-sentenza appellata, li l-klassifikazzjoni ta’ servizz ta’ interess ġenerali li tinsab f’din il-liġi tikkonċerna s-servizzi kollha ta’ telekomunikazzjonijiet, inklużi in-netwerks ta’ xandir bir-radju u bit-televiżjoni. Hija ddeċidiet li s-sempliċi fatt li servizz huwa indikat bħala li huwa ta’ interess ġenerali fid-dritt nazzjonali ma jimplikax li kull operatur li jwettqu huwa inkarigat mill-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku ddefiniti b’mod ċar, fis-sens tas-sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C-280/00, EU:C:2003:415). Barra minn hekk, hija kkonstatat, minn naħa, li mil-Liġi 32/2003 ma kienx jirriżulta li s-servizzi kollha ta’ telekomunikazzjonijiet fi Spanja kellhom in-natura ta’ SIEĠ fis-sens ta’ din is-sentenza u, min-naħa l-oħra, li din il-liġi kienet espliċitament tipprevedi li s-servizzi ta’ interess ġenerali fis-sens tal-imsemmija liġi kellhom jiġu pprovduti fil-kuntest ta’ sistema ta’ kompetizzjoni libera. |
77 |
Għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li r-Renju ta’ Spanja ma pproduċa ebda element li juri b’mod manifest li b’dan il-mod il-Qorti Ġenerali żnaturat il-kontenut tal-Liġi 32/2003. Min-naħa l-oħra, sa fejn dan l-Istat Membru jikkritika l-konklużjoni li l-Qorti Ġenerali siltet min-natura ġenerali ta’ din il-liġi, jiġifieri li din ma kinitx tippermetti li jiġi konkluż li l-operaturi li jħaddmu netwerk terrestri kienu ġew maħtura jwettqu obbligi ta’ servizz pubbliku ddefiniti b’mod ċar, konformament mal-ewwel kriterju Altmark, għandu jiġi osservat li, fid-dawl tal-elementi ekwivokabbli tal-imsemmija liġi msemmija fil-punt 76 ta’ din is-sentenza, din il-konklużjoni ma hija vvizzjata minn ebda żball ta’ liġi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ April 2018, Cellnex Telecom u Telecom Castilla-La Mancha vs Il-Kummissjoni, C-91/17 P u C-92/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:284, punti 71 u 72). |
78 |
It-tieni nett, l-argument, ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali allegatament żnaturat id-dritt nazzjonali sa fejn hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni id-Digriet 347/2008 u l-ftehimiet imsemmija fil-punt 72 tas-sentenza preżenti, ma jistax jiġi milqugħ. |
79 |
Fil-fatt, l-ewwel nett, għalkemm ir-Renju ta’ Spanja jipprovdi, fl-appell tiegħu, sunt ġenerali ħafna tal-kontenut ta’ dan id-digriet u ta’ dawn il-ftehimiet, huwa ma jindikax fiex kien jikkonsisti konkretament l-iżnaturament tad-dritt nazzjonali. Min-naħa l-oħra, minn dan is-sunt ma jirriżultax b’mod manifest li l-Qorti Ġenerali żnaturat id-dispożizzjonijiet tal-Liġi 32/2003. |
80 |
Sussegwentement, sa fejn l-argument tar-Renju ta’ Spanja għandu jinftiehem bħala li jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma indikatx ir-raġunijiet li għalihom hija ma għamlitx riferiment għall-punti ta’ liġi msemmija fil-punt 78 tas-sentenza preżenti, għandu jitfakkar li hija biss il-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa l-provi prodotti quddiemha. Il-Qorti Ġenerali ma tistax, bla ħsara għall-obbligu li jiġu osservati l-prinċipji ġenerali u r-regoli tal-proċedura fil-qasam tal-oneru u tal-amministrazzjoni tal-prova u li ma jiġux żnaturati l-provi, tkun obbligata timmotiva b’mod espliċitu l-evalwazzjonijiet tagħha fir-rigward tal-valur ta’ kull prova prodotta quddiemha, b’mod partikolari meta hija tqis li dawn huma bla interess jew neqsin minn rilevanza għas-soluzzjoni tat-tilwima (sentenza tas-26 ta’ April 2018, Cellnex Telecom u Telecom Castilla-La Mancha vs Il-Kummissjoni, C-91/17 P u C-92/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:284, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
81 |
Issa, ir-Renju ta’ Spanja bl-ebda mod ma jsostni li l-Qorti Ġenerali interpretat ħażin l-obbligu li tosserva l-prinċipji ġenerali u r-regoli tal-proċedura fil-qasam tal-oneru u tal-amministrazzjoni tal-prova f’dak li jirrigwarda l-elementi msemmija fil-punt 78 tas-sentenza preżenti. |
82 |
Fl-aħħar nett, anki l-argument tar-Renju ta’ Spanja, ibbażat fuq żball ta’ liġi allegatament imwettaq mill-Qorti Ġenerali fil-punt 100 tas-sentenza appellata, għandu jiġi miċħud. |
83 |
Fil-fatt, minn naħa, il-fatt li jeżistu, f’dan il-każ, nuqqasijiet fis-suq ikkonċernat ma huwiex, bil-kontra ta’ dak li jsostni r-Renju ta’ Spanja, ċirkustanza li tista’ taffettwa l-marġni li l-Qorti Ġenerali għandha f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni u r-rilevanza tal-provi prodotti quddiemha, b’mod konformi mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 80 tas-sentenza preżenti. |
84 |
Min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ tali nuqqasijiet ma hijiex rilevanti biex jiġi ddeterminat jekk l-impriżi kkonċernati ġewx effettivament inkarigati mill-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku permezz ta’ att pubbliku u jekk dawn l-obbligi humiex iddefiniti b’mod ċar fih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Comunidad Autónoma del País Vasco et vs Il-Kummissjoni, C‑66/16 P sa C-69/16 P, EU:C:2017:999, punt 75). |
85 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li l-argument tar-Renju ta’ Spanja, ibbażat fuq il-fatt li, fil-punt 98 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tat interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C-280/00, EU:C:2003:415), ma huwiex fondat. |
86 |
Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ewwel kriterju Altmark jirrikjedi li ma jiġix iddeterminat biss jekk l-impriża benefiċjarja ġietx effettivament inkarigata mill-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, iżda wkoll jekk dawn l-obbligi humiex iddefiniti b’mod ċar fid-dritt nazzjonali. Dan il-kriterju għandu għan ta’ trasparenza u ta’ ċertezza legali li jeżiġi li jkunu ssodisfatti kriterji minimi li jirrigwardaw l-eżistenza ta’ att jew ta’ diversi atti ta’ awtorità pubblika li jiddefinixxu b’mod suffiċjentement preċiż minn tal-inqas in-natura, it-tul u l-portata tal-obbligi ta’ servizz pubbliku li għandhom jitwettqu mill-impriżi inkarigati mit-twettiq ta’ dawn l-obbligi. Fl-assenza ta’ definizzjoni ċara ta’ tali kriterji oġġettivi, ma jkunx possibbli li jiġi mistħarreġ jekk attività partikolari tistax taqa’ taħt il-kunċett ta’ SIEĠ (sentenza tas-26 ta’ April 2018, Cellnex Telecom u Telecom Castilla-La Mancha vs Il-Kummissjoni, C-91/17 P u C-92/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:284, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
87 |
Issa, minn dan isegwi li r-Renju ta’ Spanja ma jistax jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli adottat approċċ formalista fil-punt 98 tas-sentenza appellata, billi eżiġiet il-preżenza ta’ att ta’ awtorità pubblika li jagħti lill-operaturi inkwistjoni missjoni ta’ SIEĠ u n-natura universali u vinkolanti ta’ din il-missjoni, kif ukoll l-indikazzjoni tan-natura u tat-tul tal-obbligi ta’ servizz pubbliku u tal-impriżi u tat-territorju kkonċernati. |
88 |
Fit-tielet lok, fr-rigward tal-argument tar-Renju ta’ Spanja, ibbażat fuq żball ta’ liġi allegatament imwettaq mill-Qorti Ġenerali fil-punt 102 tas-sentenza appellata, sa fejn hija tat interpretazzjoni ħażina tal-fatt li l-mandat li jagħti l-missjoni ta’ servizz pubbliku jista’ jiġi ddefinit f’diversi atti separati, dan huwa l-frott ta’ qari żbaljat ta’ dan il-punt. Fil-fatt, minn dan il-punt bl-ebda mod ma jirriżulta li l-Qorti Ġenerali eskludiet din il-possibbiltà. |
89 |
Bl-istess mod, ir-Renju ta’ Spanja jagħmel qari żbaljat tal-punt 104 tas-sentenza appellata, peress li l-Qorti Ġenerali sempliċement tikkonstata, f’dan il-punt, li l-premessa 183 tad-deċiżjoni kontenzjuża, f’dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ żball manifest imwettaq mill-awtoritajiet Spanjoli fl-għażla ta’ pjattaforma speċifika, ma ġietx ikkontestata minn dan l-Istat Membru. Għaldaqstant, l-argument tar-Renju ta’ Spanja, ibbażat fuq allegata kontradizzjoni bejn il-punti 104 u 105 tas-sentenza appellata ma huwiex fondat. |
90 |
Konsegwentement, l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda għaliex infondata. |
Fuq it-tieni parti
– L-argumenti tal-partijiet
91 |
It-tieni parti tat-tieni aggravju tirrigwarda l-analiżi tar-raba’ kriterju li jirriżulta mis-sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C-280/00, EU:C:2003:415) (iktar ’il quddiem ir-“raba’ kriterju Altmark”), li jinsab fil-punti 108 sa 113 tas-sentenza appellata. Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-punt 110 tas-sentenza appellata huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi sa fejn fih il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-paragun mat-teknoloġija satellitari ma huwiex suffiċjenti sabiex jintwera li l-impriża pubblika inkwistjoni kienet l-iktar waħda effiċjenti. |
92 |
Il-Qorti Ġenerali naqset milli tivverifika jekk, hekk kif tirrikjedi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni eżaminatx, b’mod diliġenti u imparzjali, l-elementi rilevanti kollha tal-proċedura amministrattiva, sabiex issawwar id-deċiżjoni tagħha dwar in-nuqqas ta’ osservanza tar-raba’ kriterju Altmark. B’mod partikolari, ir-Renju ta’ Spanja jindika li sostna quddiem il-Qorti Ġenerali li l-konklużjonijiet li l-Kummissjoni siltet mill-istudju soċjoekonomiku komparattiv tal-għażliet teknoloġiċi relatat mal-estenzjoni tal-kopertura tas-sinjal tat-TDT fil-Komunità Awtonoma ta’ Castilla-La Mancha, tad-9 ta’ Settembru 2008 (iktar ’il quddiem l-“istudju komparattiv tal-2008”), kienu żbaljati, peress li, skont dan l-Istat Membru dan l-istudju kien ikkonkluda li kien jidher raġonevoli li l-estenzjoni tas-servizz tat-TDT f’din il-komunità awtonoma titwettaq permezz tat-teknoloġija terrestri. Barra minn hekk, dan l-Istat Membru jsostni li stħarriġ korrett tal-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu, f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni tas-servizz pubbliku inkwistjoni, jikkonsisti fil-verifikazzjoni ta’ jekk l-aġġudikatarji kinux intgħażlu fil-kuntest ta’ proċedura ta’ kuntratt pubbliku u jekk il-livell ta’ remunerazzjoni kienx xieraq. |
93 |
Fl-aħħar nett, ir-Renju ta’ Spanja josserva li hemm kontradizzjoni bejn is-sentenza appellata u s-sentenzi tas-26 ta’ Novembru 2015, Abertis Telecom u Retevisión I vs Il-Kummissjoni (T-541/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:898), u Comunidad Autónoma de Cataluña u CTTI vs Il-Kummissjoni (T-465/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:900), fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx iġġustifikat suffiċjentement skont il-liġi n-nuqqas ta’ osservanza tar-raba’ kriterju Altmark. Minn dan jirriżulta ksur, mill-Qorti Ġenerali, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. |
94 |
Il-Kummissjoni tindika li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tiċħad l-ewwel parti tat-tieni aggravju, it-tieni parti tal-istess aggravju ssir, f’kull każ, ineffettiva, peress li l-kriterji li jirriżultaw mis-sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C-280/00, EU:C:2003:415), huma kumulattivi. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
95 |
Peress li din il-parti tat-tieni aggravju tirrigwarda allegat żball imwettaq mill-Qorti Ġenerali f’dak li jirrigwarda l-eżami tar-raba’ kriterju Altmark, għandu jiġi osservat li, fid-dawl tan-natura kumulattiva tal-kriterji li jirriżultaw mis-sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415), il-fatt li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tgħid li wieħed minn dawn il-kriterji ma huwiex issodisfatt tkun żbaljata ma jistax iwassal għall-annullament tas-sentenza appellata, jekk, barra minn hekk, hija ma wettqet ebda żball ta’ liġi f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni ta’ wieħed minn dawn il-kriterji l-oħra (sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑81/16 P, EU:C:2017:1003, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
96 |
Issa, mill-eżami tal-ewwel parti tat-tieni aggravju jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ċaħdet l-argumenti tar-Renju ta’ Spanja li jikkontestaw il-premessi tad-deċiżjoni kontenzjuża li fihom il-Kummissjoni ddeċidiet li l-ewwel kriterju Altmark ma kienx issodisfatt. |
97 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda għaliex infondata. |
Fuq it-tielet aggravju
L-argumenti tal-partijiet
98 |
Permezz tat-tielet aggravju tiegħu r-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 139 tas-sentenza appellata, li l-miżura inkwistjoni ma kinitx kompatibbli mas-suq intern, peress li din ma kinitx tosserva l-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika. Il-Qorti Ġenerali kienet żbaljata meta waslet għal tali deċiżjoni, peress li l-istudju komparattiv tal-2008 jwettaq paragun bejn l-ispejjeż tal-pjattaforma satellitari u dawk tal-pjattaforma terrestri. |
99 |
Hekk kif jirriżulta mill-punti 132 sa 138 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni qieset li minn dan l-istudju ma kinitx tirriżulta diskrepanza sinjifikattiva fl-ispejjeż bejn dawn iż-żewġ pjattaformi u li r-riżultati tal-imsemmi studju ma kinux affidabbli. Billi kkonfermat l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ newtrlità teknoloġika, il-Qorti Ġenerali ma eżerċitatx l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha b’mod konformi mal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal-15 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni vs Tetra Laval (C-12/03 P, EU:C:2005:87, punt 39). B’mod partikolari, ir-Renju ta’ Spanja essenzjalment isostni li fil-verità n-“nuqqasijiet” tal-istudju komparattiv tal-2008 identifikat mill-Qorti Ġenerali fil-punti 143, 145 u 148 tas-sentenza appellata jirriżultaw mill-postulati metodoloġiċi żbaljati tal-Kummissjoni, li l-Qorti Ġenerali ma vverifikatx. Minn dan, l-imsemmi Stat Membru jikkonkludi li l-approċċ adottat minn dan l-istudju kien korrett u li kien fundamentali, sabiex wieħed jifhem ir-raġunijiet li għalihom il-pjattaforma satellitari kienet tinvolvi iktar spejjeż mill-pjattaforma terrestri, b’mod partikolari minħabba l-preżenza ta’ infrastruttura terrestri li kienet diġà teżisti. |
100 |
Il-Kummissjoni ssostni li l-argumenti invokati insostenn tat-tielet aggravju huma inammissibbli jew ineffettivi u, f’kull każ, bla bażi. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
101 |
Permezz tat-tielet aggravju tiegħu r-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Qorti Ġenerali ma eżerċitatx korettament l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha meta ddeċidiet, fil-punt 139 tas-sentenza appellata, li l-argumenti ta’ dan l-Istat Membru, ibbażati fuq l-istudju komparattiv tal-2008, ma kinux juru li l-Kummissjoni kienet żbaljatament iddeċidiet li l-miżura inkwistjoni ma kinitx kompatibbli mas-suq intern. |
102 |
Għandu jiġi kkonstatat li, permezz tal-argumenti insostenn ta’ dan l-aggravju, ir-Renju ta’ Spanja jsostni, fil-verità, li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx debitament inkunsiderazzjoni l-istudju komparattiv tal-2008, u dan jammonta għal kontestazzjoni tal-evalwazzjoni tal-provi magħmula mill-Qorti Ġenerali. |
103 |
Issa, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi ma tikkostitwixxix, bla ħsara għal każ tal-iżnaturament tagħhom, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Comunidad Autónoma de Galicia u Retegal vs Il-Kummissjoni, C-70/16 P, EU:C:2017:1002, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
104 |
F’kull każ, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-istħarriġ li l-qrati tal-Unjoni jeżerċitaw fuq l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi mwettqa mill-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni bl-evalwazzjoni tagħha. Madankollu, il-qorti tal-Unjoni għandha b’mod partikolari tivverifika mhux biss l-eżattezza materjali, l-affidabbiltà u l-koerenza tal-provi invokati, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux l-informazzjoni kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk dawn il-provi humiex tali li jissostanzjaw il-konklużjonijiet li jirriżultaw minnhom (sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑81/16 P, EU:C:2017:1003, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata |
105 |
Issa, għalkemm ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx l-istħarriġ tagħha tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, f’dak li jirrigwarda l-affidabbiltà tal-istudju komparattiv tal-2008, b’mod konformi ma’ din il-ġurisprudenza, għandu jiġi kkonstatat li, billi jillimita ruħu li jiddikjara li n-nuqqasijiet tal-istudju komparattiv tal-2008 huma l-frott ta’ għażla metodoloġika tal-awtoritajiet Spanjoli, dan l-Istat Membru ma jipproduċi l-ebda element konkret li jista’ jsostni l-allegazzjoni tiegħu. |
106 |
Għaldaqstant, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud għaliex inammissibbli u, f’kull każ, infondat. |
107 |
Peress li l-ebda wieħed mill-aggravji invokati mir-Renju ta’ Spanja insostenn tal-appell tiegħu ma ġie milqugħ, hemm lok li l-appell jiġi miċħud fl-intier tiegħu. |
Fuq l-ispejjeż
108 |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tal-istess Regoli, jipprevedi li l-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. |
109 |
Peress li r-Renju ta’ Spanja tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.