Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0344

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-9 ta’ Marzu 2021.
    D. J. vs Radiotelevizija Slovenija.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Vrhovno sodišče Republike Slovenije.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal‑ħaddiema – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Direttiva 2003/88/KE – Artikolu 2 – Kunċett ta’ ‘ħin tax-xogħol’ – Perijodu ta’ stand by – Xogħol speċifiku li jikkonċerna l-manutenzjoni ta’ trażmettituri tat-televiżjoni li jinsabu ’l bogħod miż-żoni residenzjali – Direttiva 89/391/KEE – Artikoli 5 u 6 – Riskji psikosoċjali – Obbligu ta’ imputazzjoni.
    Kawża C-344/19.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:182

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

    9 ta’ Marzu 2021 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal‑ħaddiema – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Direttiva 2003/88/KE – Artikolu 2 – Kunċett ta’ ‘ħin tax-xogħol’ – Perijodu ta’ stand by – Xogħol speċifiku li jikkonċerna l-manutenzjoni ta’ trażmettituri tat-televiżjoni li jinsabu ’l bogħod miż-żoni residenzjali – Direttiva 89/391/KEE – Artikoli 5 u 6 – Riskji psikosoċjali – Obbligu ta’ imputazzjoni”

    Fil-Kawża C‑344/19,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Vrhovno sodišče (il-Qorti Suprema, is-Slovenja), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ April 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Mejju 2019, fil-proċedura

    D. J.

    vs

    Radiotelevizija Slovenija,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, A. Arabadjiev, A. Prechal, M. Vilaras u N. Piçarra, Presidenti ta’ Awla, T. von Danwitz, C. Toader, M. Safjan, D. Šváby, S. Rodin, F. Biltgen, K. Jürimäe, C. Lycourgos (Relatur) u L. S. Rossi, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

    Reġistratur: M. Longar, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Ġunju 2020,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal D. J., minn M. Šafar u P. Boršnak, odvetnika,

    għal Radiotelevizija Slovenija, minn E. Planinc Omerzel u G. Dernovšek, odvetnika,

    għall-Gvern Sloven, minn A. Grum u N. Pintar Gosenca, bħala aġenti,

    għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Rous Demiri, B.‑R. Killmann u M. van Beek, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Ottubru 2020,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn D. J. u Radiotelevizija Slovenija dwar is-salarju mitlub minn D. J. għas-servizzi ta’ stand by li dan tal-aħħar ipprovda. Qabelxejn huwa ppreċiżat li, fil-kuntest ta’ din is-sentenza, il-kelma “on call” tkopri, b’mod ġeneriku, il-perijodi kollha li matulhom il-ħaddiem jibqa’ għad-dispożizzjoni ta’ min iħaddmu sabiex ikun jista’ jiżgura provvista ta’ xogħol, għat-talba ta’ dan tal-aħħar, filwaqt li l-espressjoni “stand by” hija intiża għal dawk il-perijodi li matulhom il-ħaddiem ma huwiex ristrett li jibqa’ fuq il-post tax-xogħol tiegħu.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    Id-Direttiva 89/391/KEE

    3

    L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 349), jipprevedi:

    “Min iħaddem għandu jkollu l-obbligu li jiżgura s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema f’kull aspett relatat max-xogħol.”

    4

    L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

    “1.   Fi ħdan il-kuntest tar-responsabbilitajiet tiegħu, min iħaddem għandu jieħu l-miżuri meħtieġa għas-sigurtà u l-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema, inkluż il-prevenzjoni tar-riskji ikkaġunati mix-xogħol u l-għoti ta’ informazzjoni u taħriġ, kif ukoll ta’ l-għoti ta’ l-organizzazzjoni u mezzi meħtieġa.

    Min iħaddem għandu joqgħod attent għall-ħtieġa li jaġġusta dawn il-miżuri sabiex jagħtu kas taċ-ċirkostanzi li jinbidlu u jimmira għat-titjib tas-sitwazzjonijiet eżistenti.

    2.   Min iħaddem għandu jimplimenta l-miżuri li hemm riferenza għalihom fl-ewwel subparagrafu ta’ paragrafu 1 fuq il-bażi tal-prinċipji ġenerali ta’ prevenzjoni segwenti:

    (a)

    l-evitar ta’ riskji;

    (b)

    l-evalwar tar-riskji li ma jkunux jistgħu jiġu evitati:

    (ċ)

    il-ġlieda kontra r-riskji mis-sors;

    […]

    3.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din id-Direttiva, min iħaddem għandu, jagħti każ tan-natura ta’ l-attivitajiet ta’ l-intrapriża u/jew ta’ l-istabbiliment:

    (a)

    jevalwa r-riskji għas-sigurtà u għas-saħħa tal-ħaddiema, fosthom fl-għażla ta’ apparat tax-xogħol, is-sustanzi kimiċi jew preparazzjonijiet użati, u t-tfassil ta’ postijiet tax-xogħol.

    Wara din l-evalwazzjoni u kif ikun hemm bżonn, il-miżuri ta’ prevenzjoni u l-metodi ta’ xogħol u ta’ produzzjoni implimentati minn min iħaddem għandhom:

    - jassigura titjib fil-livell ta’ protezzjoni offruta lill-ħaddiema fir-rigward tas-sigurtà u s-saħħa,

    - ikunu integrati fl-attivitajiet kollha ta’ l-intrapriża u/jew stabbiliment u fil-livelli ġerarkiċi kollha;

    […]”

    Id-Direttiva 2003/88

    5

    L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/88 jipprovdi:

    “1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi ħtiġiet minimi tas-siġurtà u s-saħħa għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.

    2.   Din id-Direttiva tapplika għal:

    (a)

    il-perjodi minimi ta’ serħan ta’ kull jum, serħan ta’ kull ġimgħa u leave annwali, għal waqfien u ħin tax-xogħol massimu ta’ kull ġimgħa; u

    (b)

    ċerti aspetti tax-xogħol bil-lejl, ix-xogħol bix-shift u t-tendenzi tax-xogħol.

    […]”

    6

    L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

    “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    1.

    ‘ħin tax-xogħol’ ifisser kwalunkwe perjodu li matulu il-ħaddiem ikunu għax-xogħol, għad-disposizzjoni ta’ min jimpjegah u jwettaq l-attivitajiet jew id-doveri tiegħu, b’konformità mal-liġijiet nazzjonali u/jew prattiċi;

    2.

    ‘perijodu ta’ serħan’ ifisser kwalunkwe perjodu li ma jkunx il-ħin tax-xogħol;

    […]”

    7

    Skont l-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva:

    “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali bil-ħlas ta’ mill-anqas erba’ ġimgħat b’konformità mal-kondizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’, leave bħal dan stabbilit bil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew bil-prattika.”

    Id-dritt Sloven

    8

    L-Artikolu 142 taż-Zakon o delovnih razmerjih (il-Liġi dwar ir-Relazzjonijiet tax-Xogħol) tal-5 ta’ Marzu 2013 (Uradni list RS, Nru 21/13) jipprovdi:

    “(1)   Il-ħin tax-xogħol jinkludi l-ħin tax-xogħol effettiv u l-perijodu ta’ mistrieħ fis-sens tal-Artikolu 154 ta’ din il-liġi kif ukoll il-perijodi ta’ assenza ġġustifikata mix-xogħol konformement mal-liġi u ma’ kuntratt ta’ xogħol kollettiv jew ma’ att ta’ portata ġenerali.

    (2)   Jikkostitwixxi ħin tax-xogħol effettiv kull perijodu li matulu l-impjegat jaħdem, peress li huwa mifhum bħala tali l-perijodu li matulu l-impjegat jibqa’ għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjega u jwettaq l-obbligi professjonali tiegħu skont il-kuntratt ta’ xogħol.

    (3)   Il-ħin tax-xogħol effettiv jikkostitwixxi l-bażi għall-kalkolu tal-produttività tax-xogħol”.

    9

    L-Artikolu 46 tal-Kolektivna pogodba za javni sektor (ftehim kollettiv għas-settur pubbliku), tal-5 ta’ Ġunju 2008 (Uradni list RS, Nru 57/08 et seq.), jipprevedi:

    “Il-membri tal-persunal fis-servizz pubbliku għandhom dritt għal suppliment għall-perijodi ta’ stand by sa 20 % tar-rata fis-siegħa tas-salarju bażiku. Il-perijodi ta’ stand by ma għandhomx jiġu kkunsidrati għall-membri tal-persunal fis-servizz pubbliku bħala ħin tax-xogħol.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    10

    Mill-1 ta’ Awwissu 2008 sal-31 ta’ Jannar 2015, D. J. eżerċita funzjonijiet ta’ tekniku speċjalizzat fiċ-ċentri ta’ trażmissjoni ta’ Pohorje (is-Slovenja), sussegwentement ta’ Krvavec (is-Slovenja). In-natura tax-xogħol, id-distanza bejn dawn iċ-ċentri ta’ trażmissjoni u d-domiċilju tiegħu kif ukoll id-diffikultajiet perjodiċi sabiex jaċċedi għal dawn tal-aħħar kienu jimponulu li jirrisjedi fil-viċinanzi tas-siti kkonċernati. Wieħed minn dawn iż-żewġ siti kien barra minn hekk daqstant imbiegħed mid-domiċilju ta’ D. J. li kien ikun impossibbli għalih li jivvjaġġa kuljum, anki fil-kundizzjonijiet meteoroloġiċi l-iktar favorevoli. Il-persuna li timpjega lil D. J. żviluppat, fil-bini taż-żewġ ċentri ta’ trażmissjoni, ir-residenza tiegħu u ta’ tekniku ieħor, it-tnejn li huma preżenti simultanjament f’kull wieħed mill-imsemmija ċentri ta’ trażmissjoni. Wara li jeżegwixxu l-obbligi professjonali tagħhom, iż-żewġ tekniċi setgħu għalhekk jistrieħu fil-kamra ta’ residenza jew jirrilassaw fl-inħawi.

    11

    Dawn iż-żewġ tekniċi wettqu x-xogħol tagħhom skont il-ħinijiet, wieħed mis-6 ta’ filgħodu sas-6 ta’ filgħaxija, u l-ieħor minn nofsinhar sa nofsillejl, b’D. J. ikollu l-parti l-kbira tal-ħin maħdum fit-tieni slot ta’ ħin. Ix-xogħol imwettaq f’dan is-slot ta’ ħin kien ta’ “xogħol ordinarju” li kien jeżiġi l-preżenza fil-post tax-xogħol.

    12

    Il-persuna li timpjega lil D. J. ikkalkolat is-salarju ta’ dan tal-aħħar abbażi ta’ dawn it-tnax‑il siegħa ta’ “xogħol ordinarju”, mingħajr ma ħallset il-perijodu ta’ mistrieħ, li kien jestendi, bħala regola ġenerali, minn nofsillejl sas-6 ta’ filgħodu, filwaqt li s-sitt sigħat li jifdal ġew ikkunsidrati bħala perijodu ta’ stand by.

    13

    Matul dan l-aħħar perijodu, l-impjegat seta’ jitlaq miċ-ċentru ta’ trażmissjoni kkonċernat. Madankollu, huwa kellu jiġi kkuntattjat bit-telefon u, jekk meħtieġ, jirritorna fil-post tax-xogħol tiegħu fi żmien siegħa. Huma biss l-attivitajiet urġenti li kellhom jitwettqu immedjatament, peress li l-attivitajiet l-oħra setgħu jitwettqu l-għada. Il-persuna li timpjega lil D. J. kienet tħallas lir-rikorrent fil-kawża prinċipali, għal dan il-perijodu ta’ stand by, allowance li tikkorrispondi għal 20 % tas-salarju ordinarju tiegħu. Madankollu, jekk, matul l-imsemmi perijodu, D. J. kellu jintervjeni, il-ħin meħtieġ għall-intervent tiegħu kien jingħadd u jitħallas bħala xogħol ordinarju.

    14

    D. J. ippreżenta rikors sabiex is-sigħat li matulhom huwa kien suġġett għal tali servizz ta’ stand by jitħallsu lilu bl-istess tariffa tas-sigħat ta’ xogħol maħduma lil hinn mill-ħin tax-xogħol regolari, indipendentement mill-fatt jekk wettaqx xogħol konkret matul dan is-servizz ta’ on call. Huwa bbaża r-rikors tiegħu fuq il-fatt li kien jgħix fuq il-post fejn kien iwettaq ix-xogħol tiegħu u li għalhekk, fil-fatt, kien preżenti fuq il-post tax-xogħol tiegħu 24 siegħa kuljum. Fid-dawl tan-natura tax-xogħol tiegħu u tal-fatt li kien jirrisjedi fiċ-ċentri ta’ trażmissjoni, D. J. qies li huwa ma setax liberament jiddisponi mill-ħin tiegħu, għar-raġuni, b’mod partikolari, li huwa kellu, meta kien f’perijodu ta’ stand by, iwieġeb għat-telefonati, f’każ ta’ bżonn, u jkun f’pożizzjoni li jingħaqad mal-post tax-xogħol tiegħu f’terminu ta’ siegħa. Fid-dawl tal-fatt li fis-sit taċ-ċentri ta’ trażmissjoni ma kienx hemm possibbiltajiet kbar ta’ attivitajiet ta’ rikreazzjoni, huwa kien, barra minn hekk, għadda l-parti l-kbira tal-ħin fi ħdan dawn iċ-ċentri ta’ trażmissjoni.

    15

    Ir-rikors ta’ D. J. ġie miċħud fl-ewwel u fit-tieni istanza.

    16

    D. J. ippreżenta rikors għal reviżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju li fil-kuntest tiegħu sostna li l-persuna li timpjegah interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol effettiv”, fis-sens tal-Artikolu 142 tal-Liġi dwar ir-Relazzjonijiet tax-Xogħol. Fil-fatt, dan il-kunċett ikopri mhux biss il-ħin li matulu l-ħaddiem effettivament jipprovdi s-servizzi tiegħu, iżda wkoll il-ħin kollu li matulu huwa jkun preżenti fil-post tax-xogħol li l-persuna li timpjegah timponi fuqu. Issa, din tal-aħħar imponietlu perijodi ta’ servizz ta’ diversi jiem u abbużat mill-użu tal-perijodi ta’ stand by.

    17

    Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li s-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali huwa r-remunerazzjoni tas-servizzi ta’ stand by imwettqa minn D. J. Dik il-qorti tqis li, minkejja li tali kwistjoni ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88, hija tista’ tiddeċiedi fuq il-fondatezza tat-talba ta’ D. J. biss wara li tkun kisbet mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja ċerti preċiżazzjonijiet dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva.

    18

    F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li l-kawża pendenti quddiemha hija differenti mill-kawżi li diġà taw lok għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam.

    19

    Għalhekk, qabel kollox, kuntrarjament għall-kawża li tat lok għas-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2000, Simap (C‑303/98, EU:C:2000:528), il-preżenza fiżika ta’ D. J. fuq il-post tax-xogħol tiegħu, matul il-perijodi ta’ on call tiegħu, la kienet neċessarja u lanqas meħtieġa, ħlief fil-każ ta’ intervent, peress li tali perijodi ta’ on call kienu żgurati taħt stand by. Sussegwentement, b’differenza mill-kawża li wasslet għas-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2003, Jaeger (C‑151/02, EU:C:2003:437), huwa minħabba n-natura stess tal-post tax-xogħol tiegħu, u mhux minħabba n-neċessità li jista’ jiġi kkuntattjat, li l-possibbiltajiet għal D. J. li jamministra liberament il-ħin tiegħu u li jsegwi l-interessi tiegħu stess kienu iktar ristretti. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis, fid-dawl tas-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras (C‑266/14, EU:C:2015:578), li l-ispostamenti sabiex imorru għand il-klijenti ma jistgħux jitqiegħdu fuq l-istess livell tal-perijodu ta’ stand by. Fl-aħħar nett, hija tistabbilixxi differenza mill-kawża li tat lok għas-sentenza tal-21 ta’ Frar 2018, Matzak (C‑518/15, EU:C:2018:82), minħabba li D. J. ma kienx obbligat jibqa’ fiżikament preżenti fil-post iddeterminat mill-persuna li timpjegah u li l-ħin ta’ reazzjoni, li kien ingħatalu sabiex jingħaqad mal-post tax-xogħol tiegħu, kien sinjifikattivament itwal minn dak li kien inkwistjoni f’dik il-kawża.

    20

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Vrhovno sodišče (il-Qorti Suprema, is-Slovenja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża inkwistjoni għandu jitqies bħala ħin tax-xogħol il-perijodu ta’ stand by li matulu l-ħaddiem li jaħdem f’ċentru ta’ trażmissjoni tat-televiżjoni, meta jkun liberu (peress li l-preżenza fiżika tiegħu fuq il-post tax-xogħol ma tkunx neċessarja), għandu jkun jista’ jiġi kkuntattjat permezz tat-telefon u jirritorna fuq il-post tax-xogħol, fil-każ ta’ bżonn, fi żmien siegħa?

    2)

    Il-fatt li l-ħaddiem jirrisjedi f’residenza li tinsab fil-post fejn huwa jwettaq xogħlu (ċentru ta’ trażmissjoni tat-televiżjoni) peress li l-karatteristiċi ġeografiċi tal-post jirrendu impossibbli (jew iktar diffiċli) li huwa jirritorna kuljum ix-xogħol (“fil-wied”) għandu effett fuq id-definizzjoni tal-istand by fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża?

    3)

    Ir-risposta għad-domandi preċedenti hija differenti jekk il-post involut ikun wieħed fejn il-possibbiltajiet li jiġu eżerċitati attivitajiet rikreattivi jkunu limitati minħabba l-karatteristiċi ġeografiċi tal-imsemmi post u jekk il-ħaddiem ikun iktar limitat fil-ġestjoni ta’ ħinu u sabiex isegwi l-interessi proprji tiegħu (milli kieku jkun joqgħod f’daru)?”

    Fuq id-domandi preliminari

    21

    Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-perijodu ta’ on call li matulu ħaddiem għandu jiġi kkuntattjat bit-telefon u jista’ jingħaqad mal-post tax-xogħol tiegħu, f’każ ta’ bżonn, f’terminu ta’ siegħa jikkostitwixxi “ħin tax-xogħol”, fis-sens ta’ dan l-artikolu, u jekk it-tqegħid għad-dispożizzjoni, għall-benefiċċju ta’ dan il-ħaddiem, ta’ akkomodazzjoni għall-persunal, minħabba n-natura diffiċilment aċċessibbli tal-post tax-xogħol tiegħu, u n-natura ftit li xejn favorevoli għall-attivitajiet ta’ rikreazzjoni tal-ambjent immedjat ta’ dan il-post tax-xogħol għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ din il-kwalifika.

    22

    B’mod iktar partikolari, mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-proċess li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rikorrent fil-kawża prinċipali huwa tekniku speċjalizzat li kien inkarigat, flimkien ma’ kollega, li jiżgura t-tħaddim, għal diversi jiem konsekuttivi, ta’ ċentru ta’ trażmissjoni li jinsab fil-quċċata ta’ muntanja. D. J. kien fis-servizz ta’ on call għal sitt sigħat kuljum. Dan is-servizz kien jitwettaq taħt stand by, li kien jimplika li, matul dan il-perijodu, u b’differenza minn perijodu on call li jinkludi l-obbligu li wieħed ikun fiżikament preżenti fuq il-post tax-xogħol tiegħu, il-persuna kkonċernata kellha biss tkun tista’ tiġi kkuntattjata f’kull ħin u tkun f’pożizzjoni li tingħaqad maċ-ċentru tat-trażmissjoni kkonċernat f’terminu ta’ siegħa f’każ ta’ bżonn.

    23

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tevalwa l-fatti fil-kawża prinċipali jew sabiex tapplika r-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar l-interpretazzjoni li ssirilha domanda għal miżuri jew għal sitwazzjonijiet nazzjonali, peress li dawn il-kwistjonijiet jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2013, Libert et, C‑197/11 u C‑203/11, EU:C:2013:288, punt 94). Madankollu, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti lill-qorti tar-rinviju risposta li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha billi tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għal dan il-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Settembru 2019, VIPA, C‑222/18, EU:C:2019:751, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    24

    Għalhekk, għalkemm fl-aħħar mill-aħħar hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk il-perijodi ta’ stand by inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhomx jiġu kklassifikati bħala “ħin tax-xogħol”, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88, xorta jibqa’ l-fatt li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tipprovdilha indikazzjonijiet dwar il-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt dan l-eżami.

    25

    Fid-dawl ta’ dawn il-preċiżazzjonijiet preliminari, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar, li d-Direttiva 2003/88 għandha l-għan li tistabbilixxi rekwiżiti minimi intiżi sabiex itejbu l-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tal-ħaddiema permezz tal-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar, b’mod partikolari, it-tul tal-ħin tax-xogħol. Din l-armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol hija intiża sabiex tiggarantixxi protezzjoni aħjar tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema, billi tiżgura li dawn jibbenefikaw minn perijodi minimi ta’ mistrieħ — b’mod partikolari ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa — kif ukoll minn perijodi ta’ pawża adegwati, u billi tipprevedi limitu massimu għat-tul ta’ xogħol fil-ġimgħa (sentenza tal-14 ta’ Mejju 2019, CCOO, C‑55/18, EU:C:2019:402, punti 3637 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    26

    Id-diversi rekwiżiti stabbiliti mid-Direttiva 2003/88 fil-qasam tat-tul massimu tax-xogħol u tal-ħin minimu ta’ mistrieħ jikkostitwixxu regoli tad-dritt soċjali tal-Unjoni li għandhom importanza partikolari li għandu jibbenefika minnhom kull ħaddiem (sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras, C‑266/14, EU:C:2015:578, punt 24) u li l-osservanza tagħhom ma tistax tkun suġġetta għal kunsiderazzjonijiet ta’ natura purament ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2003, Jaeger, C‑151/02, EU:C:2003:437, punti 6667).

    27

    Barra minn hekk, billi tistabbilixxi d-dritt ta’ kull ħaddiem għal limitazzjoni tal-ħin massimu tax-xogħol u għal perijodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa, id-Direttiva 2003/88 tippreċiża d-dritt fundamentali espressament stabbilit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u għandha, konsegwentement, tiġi interpretata fid-dawl ta’ dan l-Artikolu 31(2). Minn dan isegwi, b’mod partikolari, li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88 ma jistgħux jiġu interpretati b’mod restrittiv għad-detriment tad-drittijiet li l-ħaddiem għandu minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Mejju 2019, CCOO, C‑55/18, EU:C:2019:402, punti 30 sa 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    28

    Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol” bħala li jikkostitwixxi kull perijodu li matulu l-ħaddiem ikun għax-xogħol, għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjega u jwettaq l-attività jew id-doveri tiegħu, skont il-liġijiet u/jew il-prattiki nazzjonali. Skont il-punt 2 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, il-kunċett ta’ “perijodu ta’ serħan” ifisser kwalunkwe perijodu li ma jkunx il-ħin tax-xogħol.

    29

    Minn dan isegwi li dawn iż-żewġ kunċetti, li kienu ddefiniti bl-istess mod fid-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE tat-23 ta’ Novembru 1993 dwar xi aspetti ta’ l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 197), li ġiet issostitwita bid-Direttiva 2003/88, huma esklużivi waħda lill-oħra. Il-ħin on call ta’ ħaddiem għandu għalhekk jiġi kklassifikat jew bħala “ħin tax-xogħol” jew bħala “perijodu ta’ serħan” għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88, peress li din tal-aħħar ma tipprevedix kategorija intermedja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras, C‑266/14, EU:C:2015:578, punti 2526 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-21 ta’ Frar 2018, Matzak, C‑518/15, EU:C:2018:82, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    30

    Barra minn hekk, il-kunċetti ta’ “ħin tax-xogħol” u ta’ “perijodu ta’ serħan” jikkostitwixxu kunċetti tad-dritt tal-Unjoni li għandhom jiġu ddefiniti skont karatteristiċi oġġettivi, billi jsir riferiment għas-sistema u għall-għan tad-Direttiva 2003/88. Fil-fatt, hija biss tali interpretazzjoni awtonoma li hija ta’ natura li tiżgura lil din id-direttiva l-effikaċja sħiħa kif ukoll applikazzjoni uniformi ta’ dawn il-kunċetti fl-Istati Membri kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2003, Jaeger, C‑151/02, EU:C:2003:437, punt 58).

    31

    Għaldaqstant, minkejja r-riferiment għal-“liġijiet u/jew [għal] prattiċi nazzjonali” fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88, l-Istati Membri ma jistgħux jiddeterminaw unilateralment il-portata tal-kunċetti ta’ “ħin tax-xogħol” u ta’ “perijodu ta’ serħan”, billi jissuġġettaw għal xi kundizzjoni jew għal xi restrizzjoni d-dritt, irrikonoxxut direttament lill-ħaddiema minn din id-direttiva, li l-perijodi ta’ xogħol u, korrelattivament, dawk ta’ serħan jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni. Kull interpretazzjoni oħra għandha t-tendenza li tostakola l-effett utli tad-Direttiva 2003/88 u tmur kontra l-għan tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2003, Jaeger, C‑151/02, EU:C:2003:437, punt 59; tal-1 ta’ Diċembru 2005, Dellas et, C‑14/04, EU:C:2005:728, punt 45, kif ukoll id-digriet tal-11 ta’ Jannar 2007, Vorel, C‑437/05, EU:C:2007:23, punt 26).

    32

    Fit-tielet lok, fir-rigward b’mod iktar preċiż tal-perijodi ta’ on call, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li perijodu li matulu ebda attività ma hija effettivament eżerċitata mill-ħaddiem għall-benefiċċju tal-persuna li timpjegah ma jikkostitwixxix neċessarjament “perijodu ta’ serħan”, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88.

    33

    B’hekk, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tal-perijodi ta’ xogħol ta’ on call mwettqa f’postijiet tax-xogħol li ma kinux jidħlu fid-domiċilju tal-ħaddiem, li l-fattur determinanti sabiex jiġi kkunsidrat li l-elementi karatteristiċi tal-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol”, fis-sens tad-Direttiva 2003/88, huma preżenti huwa l-fatt li l-ħaddiem huwa mġiegħel ikun fiżikament preżenti fil-post stabbilit mill-persuna li timpjegah u li joqgħod għad-dispożizzjoni ta’ dan tal-aħħar sabiex ikun jista’ jipprovdi s-servizzi tiegħu immedjatament f’każ ta’ bżonn (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2000, Simap, C‑303/98, EU:C:2000:528, punt 48; tad-9 ta’ Settembru 2003, Jaeger, C‑151/02, EU:C:2003:437, punt 63, kif ukoll tal-1 ta’ Diċembru 2005, Dellas et, C‑14/04, EU:C:2005:728, punt 48).

    34

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-post tax-xogħol għandu jinftiehem bħala kull post fejn il-ħaddiem huwa msejjaħ jeżerċita attività fuq ordni tal-persuna li timpjegah, inkluż meta dan il-post ma jkunx il-post fejn huwa abitwalment iwettaq l-attività professjonali tiegħu.

    35

    Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, matul tali perijodu ta’ on call, il-ħaddiem, obbligat li jibqa’ fil-post tax-xogħol tiegħu għad-dispożizzjoni immedjata tal-persuna li timpjegah, għandu jibqa’ mbiegħed mill-ambjent soċjali u familjari tiegħu u jibbenefika minn flessibbiltà żgħira sabiex jiġġestixxi l-ħin li matulu s-servizzi professjonali tiegħu ma humiex mitluba. Għaldaqstant, dan il-perijodu kollu għandu jiġi kklassifikat bħala “ħin tax-xogħol”, fis-sens tad-Direttiva 2003/88, indipendentement mill-provvisti ta’ xogħol realment imwettaq mill-ħaddiem matul l-imsemmi perijodu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2003, Jaeger, C‑151/02, EU:C:2003:437, punt 65); tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punt 93, kif ukoll tal-1 ta’ Diċembru 2005, Dellas et, C‑14/04, EU:C:2005:728, punti 4658).

    36

    Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li perijodu ta’ stand by, minkejja li ma jobbligax lill-ħaddiem jibqa’ fuq il-post tax-xogħol tiegħu, għandu wkoll jiġi kklassifikat, fl-intier tiegħu, bħala “ħin tax-xogħol”, fis-sens tad-Direttiva 2003/88, meta, fid-dawl tal-impatt oġġettiv u sinjifikattiv ħafna tar-restrizzjonijiet imposti fuq il-ħaddiem fuq il-possibbiltajiet, għal dan tal-aħħar, li jiddedika ruħu għall-interessi personali u soċjali tiegħu, huwa distint minn perijodu li matulu l-ħaddiem għandu biss ikun għad-dispożizzjoni ta’ min iħaddmu sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jingħaqad miegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Frar 2018, Matzak, C‑518/15, EU:C:2018:82, punti 63 sa 66).

    37

    Kemm mill-elementi rrilevati fil-punti 33 sa 36 ta’ din is-sentenza kif ukoll min-neċessità, imfakkra fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li l-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol”, fis-sens tad-Direttiva 2003/88, il-perijodi ta’ on call kollha, inklużi dawk ta’ stand by li matulhom ir-restrizzjonijiet imposti fuq il-ħaddiem huma ta’ natura tali li jaffettwaw b’mod oġġettiv u sinjifikattiv ħafna l-fakultà, għal dan tal-aħħar, li jamministra liberament, matul dawn il-perijodi, il-ħinijiet li matulhom is-servizzi tiegħu professjonali ma humiex mitlub u li jiddedika dan il-ħin għall-interessi tiegħu stess.

    38

    Għall-kuntrarju, meta r-restrizzjonijiet imposti fuq il-ħaddiem matul perijodu ta’ on call determinat ma jilħqux tali livell ta’ intensità u jippermettulu li jamministra l-ħin tiegħu u jiddedika ruħu għall-interessi tiegħu stess mingħajr limitazzjonijiet kbar, huwa biss il-ħin marbut mal-provvista tax-xogħol li huwa, jekk ikun il-każ, effettivament imwettaq matul tali perijodu li jikkostitwixxi “ħin tax-xogħol”, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2000, Simap, C‑303/98, EU:C:2000:528, punt 50, u tal-10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras, C‑266/14, EU:C:2015:578, punt 37).

    39

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat ukoll li huma biss ir-restrizzjonijiet li huma imposti fuq il-ħaddiem, kemm jekk mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, minn ftehim kollettiv jew mill-persuna li timpjegah, bis-saħħa, b’mod partikolari, tal-kuntratt ta’ xogħol, tar-regolament ta’ xogħol jew tas-sistema ta’ tqassim tas-servizzi ta’ on call bejn il-ħaddiema, li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk perijodu ta’ on call jikkostitwixxix “ħin tax-xogħol”, fis-sens tad-Direttiva 2003/88.

    40

    Min-naħa l-oħra, id-diffikultajiet organizzattivi li perijodu ta’ on call jista’ joħloq għall-ħaddiem u li ma jirriżultawx minn tali restrizzjonijiet, iżda li huma, pereżempju, il-konsegwenza ta’ elementi naturali jew tal-għażla libera tiegħu, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni.

    41

    B’hekk, minn naħa, id-distanza kbira li tissepara d-domiċilju magħżul liberament mill-ħaddiem mill-post li huwa għandu jkun f’pożizzjoni li jingħaqad f’ċertu terminu matul il-perijodu ta’ on call ma hijiex, bħala tali, kriterju rilevanti sabiex dan il-perijodu kollu jiġi kklassifikat bħala “ħin tax-xogħol”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88, tal-inqas meta dan il-post ikun il-post tax-xogħol abitwali tiegħu. Fil-fatt, f’każ bħal dan, dan il-ħaddiem kien f’pożizzjoni li jevalwa liberament id-distanza li tissepara l-imsemmi post mid-domiċilju tiegħu.(ara, a contrario, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras, C‑266/14, EU:C:2015:578, punt 44).

    42

    Min-naħa l-oħra, in-natura ftit favorevoli għall-attivitajiet ta’ rikreazzjoni taż-żona li l-ħaddiem ma jistax, fil-prattika, jitbiegħed minnha matul perijodu ta’ stand by, bħan-natura diffiċilment aċċessibbli tal-post tax-xogħol tiegħu lanqas ma jikkostitwixxu ċirkustanza rilevanti sabiex dan il-perijodu jiġi kklassifikat bħala “ħin tax-xogħol”, fis-sens tad-Direttiva 2003/88.

    43

    Barra minn hekk, jekk il-post tax-xogħol jinkludi jew jingħaqad mad-dar tal-ħaddiem, is-sempliċi fatt li, matul perijodu ta’ on call partikolari, dan tal-aħħar għandu jibqa’ fuq il-post tax-xogħol tiegħu sabiex ikun jista’, fil-każ ta’ bżonn, ikun disponibbli għall-persuna li timpjegah ma huwiex biżżejjed sabiex dan il-perijodu jiġi kklassifikat bħala “ħin tax-xogħol”, fis-sens tad-Direttiva 2003/88. Fil-fatt, f’dan il-każ, il-projbizzjoni imposta fuq il-ħaddiem milli jitlaq mill-post tax-xogħol tiegħu ma timplikax neċessarjament li huwa għandu jibqa’ mbiegħed mill-ambjent familjari u soċjali tiegħu. Barra minn hekk, tali projbizzjoni, fiha nnifisha, inqas tista’ tostakola l-possibbiltà ta’ dan il-ħaddiem li jamministra liberament, matul dan il-perijodu, iż-żmien li matulu s-servizzi professjonali tiegħu ma humiex mitluba (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2003, Jaeger, C‑151/02, EU:C:2003:437, punt 65).

    44

    Għandu jingħad ukoll li, meta, minħabba n-natura stess tal-post tax-xogħol, il-ħaddiem ma jkollux, fil-prattika, il-possibbiltà realistika li jitlaq minn dan il-post wara li jkun wettaq is-sigħat ta’ xogħol tiegħu, huma biss il-perijodi li matulhom jibqa’ suġġett għal restrizzjonijiet oġġettivi u sinjifikattivi ħafna bħall-obbligu li jkun immedjatament disponibbli għall-persuna li timpjegah li għandhom jiġu awtomatikament ikklassifikati bħala “ħin tax-xogħol”, fis-sens tad-Direttiva 2003/88, bl-esklużjoni tal-perijodi li matulhom l-impossibbiltà li jitlaq mill-post tax-xogħol tiegħu tirriżulta mhux minn tali obbligu, iżda biss min-natura partikolari ta’ dan il-post.

    45

    Meta, minħabba l-assenza ta’ obbligu li wieħed jibqa’ fuq il-post tax-xogħol, perijodu ta’ on call ma jistax awtomatikament jiġi kklassifikat bħala “ħin tax-xogħol”, fis-sens tad-Direttiva 2003/88, huma wkoll il-qrati nazzjonali li għandhom jivverifikaw jekk tali klassifikazzjoni hijiex madankollu meħtieġa, minħabba l-konsegwenzi li r-restrizzjonijiet kollha imposti fuq il-ħaddiem joħolqu fuq il-possibbiltà tiegħu li jamministra liberament, matul dan il-perijodu, il-ħin li matulu s-servizzi professjonali tiegħu ma jkunux mitluba u li jiddedika ruħu għall-interessi tiegħu stess.

    46

    F’din il-perspettiva, jeħtieġ, b’mod partikolari, li jittieħed inkunsiderazzjoni t-terminu li għandu l-ħaddiem, matul il-perijodu ta’ on call tiegħu, sabiex ikompli bl-attivitajiet professjonali tiegħu, mill-mument meta l-persuna li timpjegah titlobha, flimkien, jekk ikun il-każ, mal-frekwenza medja tal-interventi li dan il-ħaddiem ikun effettivament mitlub jiżgura matul dan il-perijodu.

    47

    Għalhekk, l-ewwel nett, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 98 sa 100 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-qrati nazzjonali għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi li joħolqu, fuq il-possibbiltà għall-ħaddiem li jamministra liberament il-ħin tiegħu, il-qosor tat-terminu li fih huwa għandu, f’każ ta’ intervent neċessarju, imur lura għax-xogħol, fatt li, bħala regola ġenerali, jimponilu li jingħaqad mal-post tax-xogħol tiegħu.

    48

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li perijodu tal-għassa li matulu ħaddiem jista’, fid-dawl tat-terminu raġonevoli mogħti lilu sabiex ikompli l-attivitajiet professjonali tiegħu, jippjana l-attivitajiet personali u soċjali tiegħu ma jikkostitwixxix, a priori, il-“ħin tax-xogħol”, fis-sens tad-Direttiva 2003/88. Għall-kuntrarju, perijodu ta’ on call li matulu t-terminu impost fuq il-ħaddiem sabiex jerġa’ jibda jaħdem huwa limitat għal ftit minuti għandu, bħala prinċipju, jitqies fl-intier tiegħu bħala “ħin tax-xogħol”, fis-sens ta’ din id-direttiva, peress li l-ħaddiem huwa, fil-prattika, jiddisswadi ħafna milli jippjana kwalunkwe attività ta’ serħan, anki għal żmien qasir.

    49

    Xorta jibqa’ l-fatt li l-impatt ta’ tali terminu ta’ reazzjoni għandu jiġi evalwat wara evalwazzjoni konkreta, li tieħu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, restrizzjonijiet oħra imposti fuq il-ħaddiem, bħall-faċilitajiet li jingħatawlu, matul il-perijodu ta’ on call tiegħu.

    50

    Fir-rigward tal-fatt li l-persuna li timpjega tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-ħaddiem, minħabba n-natura partikolari tal-post tax-xogħol, akkomodazzjoni għall-persunal li tinsab fuq dan il-post tax-xogħol jew fil-viċinanza immedjata tiegħu, dan ma jikkostitwixxix, bħala tali, element determinanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ perijodi ta’ stand by bħala “ħin tax-xogħol”, fis-sens tad-Direttiva 2003/88, peress li dan il-ħaddiem ma huwiex suġġett, matul dawn il-perijodi, għal restrizzjonijiet tali li l-possibbiltà tiegħu li jiddedika ruħu għall-interessi privati tiegħu tkun oġġettivament u b’mod sinjifikattiv ħafna affettwata.

    51

    It-tieni nett, flimkien mat-terminu li għandu l-ħaddiem sabiex jerġa’ jibda l-attività professjonali tiegħu, il-frekwenza medja tas-servizzi effettivi li normalment jitwettqu minn dan il-ħaddiem, matul kull wieħed mill-perijodi ta’ on call tiegħu, għandha, meta din tista’ tkun is-suġġett ta’ stima oġġettiva, tittieħed inkunsiderazzjoni mill-qrati nazzjonali.

    52

    Fil-fatt, meta ħaddiem jintalab, bħala medja, jintervjeni diversi drabi matul perijodu ta’ on call, huwa għandu inqas libertà sabiex jamministra liberament il-ħin tiegħu matul il-perijodi ta’ inattività tiegħu, fid-dawl tal-interruzzjoni frekwenti tagħhom. Dan japplika iktar u iktar meta l-interventi normalment meħtieġa mill-ħaddiem, matul il-perijodu ta’ on call tiegħu, ikunu ta’ tul sinjifikattiv.

    53

    Minn dan isegwi li, għalkemm il-ħaddiem huwa, bħala medja, spiss imsejjaħ sabiex jipprovdi servizzi matul il-perijodi ta’ on call tiegħu, servizzi li, bħala regola ġenerali, ma humiex għal żmien qasir, dawn il-perijodi kollha jikkostitwixxu, bħala prinċipju, “ħin tax-xogħol”, fis-sens tad-Direttiva 2003/88.

    54

    Madankollu, il-fatt li, bħala medja, il-ħaddiem rarament jintalab jintervjeni matul il-perijodi ta’ on call ma jistax iwassal sabiex dawn tal-aħħar jitqiesu li huma “perijodi ta’ serħan”, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88, meta l-impatt tat-terminu impost fuq il-ħaddiem sabiex ikompli l-attivitajiet professjonali tiegħu huwa tali li jkun biżżejjed sabiex jirrestrinġi, b’mod oġġettiv u sinjifikattiv ħafna, il-fakultà li huwa għandu li jamministra liberament, matul dawn il-perijodi, iż-żmien li matulu s-servizzi professjonali tiegħu ma jkunux mitluba.

    55

    F’dan il-każ, għandu jitfakkar li, skont il-qorti tar-rinviju, matul il-perijodi ta’ stand by inkwistjoni fil-kawża prinċipali, D. J. kien obbligat biss li jista’ jiġi kkuntattjat immedjatament u li jista’ jingħaqad mal-post tax-xogħol tiegħu f’terminu ta’ siegħa f’każ ta’ bżonn. Mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li ġew imposti restrizzjonijiet oħra fuq dan il-ħaddiem, u lanqas li, matul dawn il-perijodi, il-frekwenza medja tal-interventi li jeħtieġu li huwa jingħaqad mal-post tax-xogħol tiegħu f’dan it-terminu kienet għolja. Barra minn hekk, l-imsemmi ħaddiem kellu akkomodazzjoni fil-post tax-xogħol tiegħu, fejn madankollu huwa ma kienx obbligat jibqa’ permanenti matul l-imsemmija perijodi.

    56

    Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, jekk D. J. kienx suġġett, matul il-perijodi ta’ stand by tiegħu, għal restrizzjonijiet ta’ intensità tali li affettwaw, oġġettivament u b’mod sinjifikattiv ħafna, il-fakultà tiegħu li jamministra liberament, matul dawn il-perijodi, iż-żmien li matulu s-servizzi professjonali tiegħu ma kinux mitluba u li jiddedika dan il-ħin għall-interessi tiegħu stess.

    57

    Fir-raba’ lok, għandu jitfakkar li, bl-eċċezzjoni tal-ipoteżi partikolari dwar il-leave annwali mħallas, imsemmija fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, din id-direttiva sempliċement tirregola ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema, b’tali mod li, bħala prinċipju, hija ma tapplikax għar-remunerazzjoni tal-ħaddiema (sentenza tal-20 ta’ Novembru 2018, Sindicatul Familia Constanţa et, C‑147/17, EU:C:2018:926, punt 35).

    58

    Għaldaqstant, il-metodu ta’ remunerazzjoni tal-ħaddiema għall-perijodi ta’ on call ma jaqax taħt id-Direttiva 2003/88, iżda taħt id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali. Konsegwentement, din id-direttiva ma tipprekludix, l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, ta’ ftehim kollettiv ta’ xogħol jew ta’ deċiżjoni ta’ persuna li timpjega li, għall-finijiet tar-remunerazzjoni ta’ servizz ta’ on call, tieħu inkunsiderazzjoni b’mod differenti l-perijodi li matulhom effettivament twettqu servizzi ta’ xogħol u dawk li matulhom ebda xogħol effettiv ma jitwettaq, anki meta dawn il-perijodi għandhom jitqiesu, fl-intier tagħhom, bħala “ħin tax-xogħol” għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-11 ta’ Jannar 2007, Vorel, C‑437/05, EU:C:2007:23, punt 35).

    59

    Bl-istess mod, id-Direttiva 2003/88 ma tipprekludix tali leġiżlazzjoni, ftehim kollettiv ta’ xogħol jew deċiżjoni tal-persuna li timpjega li, fir-rigward ta’ perijodi ta’ on call li għandhom jitqiesu kompletament bħala li ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol” għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-direttiva, tipprevedi madankollu l-ħlas lill-ħaddiem ikkonċernat ta’ somma intiża sabiex tikkumpensa l-inkonvenjenzi li jikkawżawlu dawn il-perijodi ta’ on call fil-ġestjoni tal-ħin u tal-interessi privati tiegħu.

    60

    Fil-ħames u l-aħħar lok, mill-punt 29 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-perijodi ta’ on call li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet sabiex jiġu kklassifikati bħala “ħin tax-xogħol”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88, għandhom jiġu kkunsidrati, bl-eċċezzjoni tal-ħin marbut mal-provvisti ta’ xogħol effettivament imwettqa matul dawn il-perijodi, bħala “perijodi ta’ serħan”, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tagħha, u, bħala tali, jiġu kkalkolati fil-kalkolu tal-perijodi minimi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u fil-ġimgħa stabbiliti fl-Artikoli 3 u 5 ta’ din id-direttiva.

    61

    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-klassifikazzjoni ta’ perijodu ta’ on call bħala “perijodu ta’ serħan”, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88, hija bla ħsara għall-obbligu ta’ min iħaddem li josserva l-obbligi speċifiċi imposti fuqu, skont id-Direttiva 89/391, sabiex jipproteġi s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema tiegħu. Fil-fatt, din l-aħħar direttiva tapplika b’mod sħiħ fil-qasam ta’ perijodi minimi ta’ serħan ta’ kuljum, ta’ serħan fil-ġimgħa u tat-tul massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet iktar vinkolanti u/jew speċifiċi li jinsabu fid-Direttiva 2003/88 (sentenza tal-14 ta’ Mejju 2019, CCOO, C‑55/18, EU:C:2019:402, punt 61).

    62

    Issa, l-ewwel nett, mill-Artikolu 5(1) u mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 89/391 jirriżulta li min iħaddem għandu l-obbligu li jevalwa u jipprevjeni r-riskji għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema marbuta mal-ambjent tax-xogħol tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Novembru 2001, Il‑Kummissjoni vs L-Italja, C‑49/00, EU:C:2001:611, punti 1213, kif ukoll tal-14 ta’ Ġunju 2007, Il‑Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑127/05, EU:C:2007:338, punt 41), li fosthom hemm ċerti riskji psikosoċjali, bħall-istress jew l-eżawriment professjonali.

    63

    It-tieni nett, kif enfasizzat il-Kummissjoni Ewropea, anki meta ma jikkostitwixxux “ħin tax-xogħol”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88, is-servizzi ta’ on call jippreżumu neċessarjament li l-obbligi professjonali jiġu imposti fuq il-ħaddiem u konsegwentement jaqgħu, b’mod strett, taħt l-ambjent tax-xogħol tagħhom, fis-sens wiesa’.

    64

    Issa, meta tali servizzi ta’on call jestendu, mingħajr ma jispiċċaw, fuq perijodi twal jew li jseħħu f’intervalli frekwenti ħafna, b’tali mod li jimponu, b’mod rikorrenti, piż psikoloġiku, anki ta’ intensità baxxa, fuq il-ħaddiem, jista’ fil-prattika jsir diffiċli ħafna, għal dan tal-aħħar, li jevita kompletament l-ambjent tax-xogħol tiegħu għal numru suffiċjenti ta’ sigħat konsekuttivi, li jippermettulu jinnewtralizza l-effetti tax-xogħol fuq is-sigurtà u s-saħħa tiegħu. Dan japplika iktar u iktar meta dawn is-servizzi ta’ on call jseħħu matul il-lejl.

    65

    Minn dan isegwi li, fid-dawl tal-obbligu tagħhom li jipproteġu lill-ħaddiema kontra r-riskji psikosoċjali li jistgħu jippreżentaw ruħhom fl-ambjent tax-xogħol ta’ dawn tal-aħħar, il-persuni li jimpjegaw ma jistgħux jistabbilixxu perijodi ta’ on call f’dan il-punt twal jew frekwenti li jikkostitwixxu riskju għas-sigurtà jew għas-saħħa tagħhom, indipendentement mill-fatt li dawn il-perijodi jiġu kklassifikati bħala “perijodi ta’ serħan”, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu, fid-dritt nazzjonali tagħhom, il-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ dan l-obbligu.

    66

    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li perijodu ta’ stand by, li matulu ħaddiem għandu biss jiġi kkuntattjat bit-telefon u jkun jista’ jingħaqad mal-post tax-xogħol tiegħu, f’każ ta’ bżonn, f’terminu ta’ siegħa, filwaqt li jkun jista’ jirrisjedi f’akkomodazzjoni għall-persunal imqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħu, mill-persuna li timpjegah fuq dan il-post tax-xogħol, mingħajr ma jkun obbligat li jibqa’ hemmhekk, jikkostitwixxi, fl-intier tiegħu, ħin tax-xogħol, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, biss jekk jirriżulta minn evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, b’mod partikolari tal-konsegwenzi ta’ tali terminu u, jekk ikun il-każ, tal-frekwenza medja tal-interventi matul dan il-perijodu, li r-restrizzjonijiet imposti fuq dan il-ħaddiem matul l-imsemmi perijodu huma ta’ natura tali li jaffettwaw oġġettivament u b’mod sinjifikattiv ħafna l-fakultà għal dan tal-aħħar li jamministra liberament, matul l-imsemmi perijodu, il-ħin li matulu s-servizzi professjonali tiegħu ma jkunux mitluba u li jiddedika dan il-ħin għall-interessi tiegħu stess. In-natura ftit favorevoli għar-rikreazzjoni tal-ambjent immedjat tal-post ikkonċernat hija irrilevanti għall-finijiet ta’ tali evalwazzjoni.

    Dwar l-ispejjeż

    67

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    Il-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol għandu jiġi interpretat fis-sens li perijodu ta’ stand by, li matulu ħaddiem għandu biss jiġi kkuntattjat bit-telefon u jkun jista’ jingħaqad mal-post tax-xogħol tiegħu, f’każ ta’ bżonn, f’terminu ta’ siegħa, filwaqt li jkun jista’ jirrisjedi f’akkomodazzjoni għall-persunal imqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħu, mill-persuna li timpjegah fuq dan il-post tax-xogħol, mingħajr ma jkun obbligat li jibqa’ hemmhekk, jikkostitwixxi, fl-intier tiegħu, ħin tax-xogħol, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, biss jekk jirriżulta minn evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, b’mod partikolari tal-konsegwenzi ta’ tali terminu u, jekk ikun il-każ, tal-frekwenza medja tal-interventi matul dan il-perijodu, li r-restrizzjonijiet imposti fuq dan il-ħaddiem matul l-imsemmi perijodu huma ta’ natura tali li jaffettwaw oġġettivament u b’mod sinjifikattiv ħafna l-fakultà għal dan tal-aħħar li jamministra liberament, matul l-imsemmi perijodu, il-ħin li matulu s-servizzi professjonali tiegħu ma jkunux mitluba u li jiddedika dan il-ħin għall-interessi tiegħu stess. In-natura ftit favorevoli għar-rikreazzjoni tal-ambjent immedjat tal-post ikkonċernat hija irrilevanti għall-finijiet ta’ tali evalwazzjoni.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: is-Sloven.

    Top