EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62011CJ0197
Judgment of the Court (First Chamber), 8 May 2013.#Eric Libert and Others v Gouvernement flamand (C‑197/11) and All Projects & Developments NV and Others v Vlaamse Regering (C‑203/11).#Request for a preliminary ruling from the Cour constitutionnelle (Belgium).#Fundamental freedoms — Restriction — Justification — State aid — Concept of ‘public works contract’ — Land and buildings located in certain communes — National legislation making the transfer of land and buildings subject to the condition that there exists a ‘sufficient connection’ between the prospective buyer or tenant and the target commune — Social obligation on subdividers and developers — Tax incentives and subsidy mechanisms.#Joined Cases C‑197/11 and C‑203/11.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-8 ta’ Mejju 2013.
Eric Libert et vs Gouvernement flamand (C‑197/11) u All Projects & Developments NV et vs Vlaamse Regering (C‑203/11).
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour constitutionnelle (il-Belġju).
Libertajiet fundamentali — Restrizzjoni — Ġustifikazzjoni — Għajnuna mill-Istat — Kunċett ta’ ‘kuntratt pubbliku għal xogħlijiet’ — Artijiet u bini li jinsabu f’ċerti muniċipalitajiet — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta t-trasferiment tagħhom għall-eżistenza ta’ ‘rabta suffiċjenti’ tal-akkwirent jew tal-kerrej potenzjali mal-muniċipalità destinatarja — Obbligu soċjali impost fuq il-kuntratturi u l-iżviluppaturi — Inċentivi fiskali u skemi ta’ sussidju.
Kawżi magħquda C‑197/11 u C‑203/11.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-8 ta’ Mejju 2013.
Eric Libert et vs Gouvernement flamand (C‑197/11) u All Projects & Developments NV et vs Vlaamse Regering (C‑203/11).
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour constitutionnelle (il-Belġju).
Libertajiet fundamentali — Restrizzjoni — Ġustifikazzjoni — Għajnuna mill-Istat — Kunċett ta’ ‘kuntratt pubbliku għal xogħlijiet’ — Artijiet u bini li jinsabu f’ċerti muniċipalitajiet — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta t-trasferiment tagħhom għall-eżistenza ta’ ‘rabta suffiċjenti’ tal-akkwirent jew tal-kerrej potenzjali mal-muniċipalità destinatarja — Obbligu soċjali impost fuq il-kuntratturi u l-iżviluppaturi — Inċentivi fiskali u skemi ta’ sussidju.
Kawżi magħquda C‑197/11 u C‑203/11.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:288
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
8 ta’ Mejju 2013 ( *1 )
“Libertajiet fundamentali — Restrizzjoni — Ġustifikazzjoni — Għajnuna mill-Istat — Kunċett ta’ ‘kuntratt pubbliku għal xogħlijiet’ — Artijiet u bini li jinsabu f’ċerti muniċipalitajiet — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta t-trasferiment tagħhom għall-eżistenza ta’ ‘rabta suffiċjenti’ tal-akkwirent jew tal-kerrej potenzjali mal-muniċipalità destinatarja — Obbligu soċjali impost fuq il-kuntratturi u l-iżviluppaturi — Inċentivi fiskali u skemi ta’ sussidju”
Fil-Kawżi magħquda C‑197/11 u C‑203/11,
li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour constitutionnelle (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjonijiet tas-6 ta’ April 2011, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ April 2011, fil-proċeduri
Eric Libert,
Christian Van Eycken,
Max Bleeckx,
Syndicat national des propriétaires et copropriétaires ASBL,
Olivier de Clippele
vs
Gouvernement flamand,
fil-preżenza ta’:
Collège de la Commission communautaire française,
Gouvernement de la Communauté française,
Conseil des ministres (C‑197/11),
u
All Projects & Developments NV et
vs
Vlaamse Regering,
fil-preżenza ta’:
College van de Franse Gemeenschapscommissie,
Franse Gemeenschapsregering,
Ministerraad,
Immo Vilvo NV,
PSR Brownfield Developers NV (C‑203/11),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Tizzano (Relatur), President tal-Awla, M. Ilešič, E. Levits, J.-J. Kasel u M. Safjan, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Mazák,
Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Ġunju 2012,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal Libert, Van Eycken u Bleeckx, minn F. Gosselin, avukat, |
— |
għas-Syndicat national des propriétaires et copropriétaires ASBL, minn C. Lesaffer u E. Desair, avukati, |
— |
għal All Projects & Developments NV et, minn P. De Bandt u J. Dewispelaere, avukati, |
— |
għall-Vlaamse Regering, minn P. van Orshoven u A. Vandaele, avukati, |
— |
għall-Collège de la Commission communautaire française u l-gouvernement de la Communauté française, minn M. Uyttendaele u J. Sautois, avukati, |
— |
għal Immo Vilvo NV, minn P. Flamey u P. J. Vervoort, avukati, |
— |
għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u A. Wiedmann, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels, C. Schillemans u K. Bulterman, bħala aġenti, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn T. van Rijn, I. Rogalski, S. Thomas u F. Wilman, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-4 ta’ Ottubru 2012,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 21 TFUE, 45 TFUE, 49 TFUE, 56 TFUE u 63 TFUE kif ukoll tal-Artikoli 22 u 24 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46). |
2 |
Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwimiet bejn, rispettivament, E. Libert, C. Van Eycken, M. Bleeckx u O. de Clippele u kif ukoll is-Syndicat national des propriétaires et copropriétaires ASBL, kif ukoll All Projects & Developments NV u 35 kumpannija oħra, minn naħa waħda, u Vlaamse Regering, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet li jissuġġettaw it-trasferiment ta’ beni immobbli li jinsabu f’ċerti muniċipalitajiet indikati mill-Vlaamse Regering (iktar ’il quddiem il-“muniċipalitajiet destinatarji”) għal “kundizzjoni partikolari” li dawn il-beni jistgħu jiġu “ttrasferiti”, jiġifieri mibjugħa, mikrija għal iktar minn disa’ snin jew suġġetti għal dritt ta’ emfitewsi jew ta’ superfiċje biss lil persuni li, skont l-opinjoni ta’ kummissjoni ta’ evalwazzjoni provinċjali, għandhom “rabta suffiċjenti” ma’ dawn il-muniċipalitajiet. |
3 |
Barra minn hekk, fil-Kawża C‑23/11, il-Cour constitutionnelle tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-Artikoli 49 TFUE, 56 TFUE, 63 TFUE, 107 TFUE u 108 TFUE kif ukoll id-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, p. 36), u 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mir-Regolament (KE) Nru 596/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Ġunju 2009 (ĠU L 188, p. 14, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2004/18”), jipprekludux dispożizzjonijiet li jimponu, f’ċerti każijiet, “obbligu soċjali” fuq l-iżviluppaturi u l-kuntratturi, li jinvolvi, essenzjalment, li parti mill-proġett tagħhom ta’ kostruzzjoni tkun intiża għall-akkomodazzjoni soċjali jew il-ħlas ta’ kontribuzzjoni soċjali, li jippermetti lil dawn l-operaturi li jibbenefikaw, inkambju, minn diversi inċentivi fiskali u mekkaniżmi ta’ sussidju. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
4 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/18 jipprovdi: “1. Għall-għan ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet mdaħħla fil-paragrafi 2 sa 15 għandhom jgħoddu.
[...]” |
5 |
Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/38: “Din id-Direttiva tistabbilixxi:
|
6 |
L-Artikolu 3(1) ta’ din l-istess direttiva huwa redatt kif ġej: “Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru, u għall-membri tal-familja tagħhom kif imfissra fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom.” |
7 |
L-Artikolu 22 tal-istess direttiva, intitolat “Firxa territorjali”, jipprovdi: “Id-dritt ta’ residenza u d-dritt ta’ residenza permanenti għandhom ikopru t-territorju kollu ta’ l-Istat Membru ospitanti. L-Istati Membri jistgħu jimponu restrizzjonijiet territorjali fuq id-dritt ta’ residenza u fuq id-dritt ta’ residenza permanenti biss meta l-istess restrizzjonijiet japplikaw għaċ-ċittadini tagħhom.” |
8 |
L-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Trattament ugwali”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu: “Bla ħsara għal disposizzjonijiet speċifiċi kif previsti b’mod ċar fit-Trattat u fil-liġi sekondarja, iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jgħixu skond din id-Direttiva fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti għandhom igawdu trattament ugwali bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru fl-iskop tat-Trattat. Il-benefiċċju ta’ dan id-dritt għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru u li għandhom id-dritt ta’ residenza jew għandhom residenza permanenti.” |
9 |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/842/KE, tat-28 ta’ Novembru 2005, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) tat-Trattat rigward għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta’ kumpens għal servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati bil-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ĠU L 312, p. 67, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni SIEĠ”), tipprovdi fl-Artikolu 1 tagħha: “Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom għandha titqies bħala kompatibbli mas-suq komuni u eżenti mill-obbligu ta’ notifika kif stipulat fl-Artikolu 88(3) tat-Trattat [KE].” |
10 |
L-Artikolu 3 ta’ din id-deċiżjoni, intitolat “Kompatibbiltà u eżenzjoni min-notifika”, jipprovdi: “L-għajnujna mill-istat fil-forma ta’ kumpens ta’ servizz pubbliku li tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dn id-Deċiżjoni għandha tkun kumpatibbli mas-suq komuni u għandha tkun eżenti mill-obbligu ta’ notifika minn qabel kif stipulat fl-Artikolu 88(3) tat-Trattat, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet aktar stretti dwar obbligi ta’ servizz pubbliku li hemm fil-leġiżlazzjoni settorjali tal-Komunità.” |
11 |
Il-premessa 9 tad-Direttiva 2006/123 hija redatta kif ġej: “Din id-Direttiva tapplika biss għal ħtiġijiet li jaffettwaw l-aċċess għal, jew l-eżerċizzju ta’, attività ta’ servizz. Għalhekk, ma japplikax għal ħtiġijiet, bħal regoli tat-traffiku fit-triq, regoli dwar l-iżvilupp jew l-użu ta’ l-art, ippjanar urban jew rurali, standards tal-bini, [...]” |
12 |
L-Artikolu 2 tal-istess direttiva, intitolat “Kamp ta’ Applikazzjoni”, jipprovdi: “1. Din id-Direttiva għandha tapplika għal servizzi pprovduti mill-fornituri stabbiliti fi Stat Membru. 2. Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal dawn l-attivitajiet:
[...]
[...]” |
Id-dritt Belġjan
13 |
Id-Digriet tar-Reġjun Fjamming, tas-27 ta’ Marzu 2009, dwar il-politika tal-artijiet u tal-immobbli (Moniteur belge tal-15 ta’ Mejju 2009, p. 37408, iktar ’il quddiem id-“Digriet Fjamming”) jinkludi l-Ktieb 4, li jirrigwarda l-miżuri dwar l-akkomodazzjoni affordabbli, li fih jinsab, taħt it-Titolu I, Kapitolu 3, intitolat “Obbligi soċjali”, li jinkludi l-Artikolu 4.1.16 li huwa redatt kif ġej: “§ 1. Meta proġett ta’ qsim ta’ artijiet jew proġett ta’ kostruzzjoni huwa suġġett għal standard kif iddefinit bit-Taqsima 2 tal-Kapitolu 2, obbligu soċjali huwa marbut ipso jure mal-permess ta’ qsim ta’ artijiet, jew il-permess għal kostruzzjoni rispettivament. Obbligu soċjali […] jobbliga lill-iżviluppatur jew lill-kuntrattur sabiex iwettaq l-atti sabiex tiġi offruta akkomadazzjoni soċjali li tkun fil-livell perċentwali applikabbli għall-proġett ta’ qsim ta’ artijiet jew għall-proġett ta’ kostruzzjoni. [...]” |
14 |
L-Artikolu 4.1.17 tal-imsemmi digriet, li jinsab fl-istess Kapitolu 3, jipprovdi: “L-iżviluppatur jew il-kuntrattur jista’ jeżegwixxi obbligu soċjali skont il-modalitajiet li ġejjin, fid-diskrezzjoni tiegħu:
|
15 |
Skont l-Artikolu 4.1.19 tad-Digriet Fjamming: “L-iżviluppatur jew il-kuntrattur jista’ jeżegwixxi obbligu soċjali in toto jew in parti permezz ta’ ħlas ta’ kontribuzzjoni soċjali lill-muniċipalità li fiha l-proġett ta’ qsim ta’ artijiet jew il-proġett ta’ kostruzzjoni jitwettaq. Il-kontribuzzjoni soċjali għandha tiġi kkalkolata billi jiġi mmultiplikat in-numru ta’ abitazzjonijiet soċjali jew ta’ artijiet soċjali li għandhom jitwettqu fil-prinċipju b’EUR 50 000, u billi dan l-ammont jiġi indiċjat abbażi tal-indiċi ABEX, bl-indiċi bażi jkun dak ta’ Diċembru 2008. [...]” |
16 |
L-Artikoli 4.1.20 sa 4.1.24 tad-Digriet Fjamming jipprovdu, favur l-impriżi privati li jwettqu l-“obbligu soċjali”in specie, l-inċentivi fiskali u l-iskemi ta’ sussidju bħalma huma l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa tat-taxxa fuq il-valur miżjud u ta’ rata mnaqqsa tad-drittijiet ta’ reġistrazzjoni (Artikolu 4.1.20 § 3(2)), garanzija tax-xiri ta’ postijiet ta’ akkomodazzjoni mibnija li ebda kumpannija ta’ akkomodazzjoni soċjali ma tkun disposta li tixtri (Artikolu 4.1.21) u sussidji tal-infrastruttura (Artikolu 4.1.23). |
17 |
Fi kliem l-Artikolu 4.1.22 ta’ dan id-digriet: “L-akkomodazzjonijiet soċjali għax-xiri u l-lottijiet soċjali magħmula fuq il-bażi tal-obbligu soċjali huma offruti f’isem u għan-nom tal-iżviluppatur jew il-kuntrattur minn kumpanija ta’ akkomodazzjoni soċjali li topera fil-muniċipalità. L-offerta ssir taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Gvern Fjamming għat-trasferiment ta’ beni immobbli mill-Vlaamse Maatschappij voor Sociaal Wonen u l-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni soċjali. L-iżviluppatur jew il-kuntrattur u l-kumpannija ta’ akkomodazzjoni soċjali għandhom għal dan il-għan jikkonkludu ftehim ta’ amministrazzjoni. Il-kumpannija ta’ akkomodazzjoni soċjali teżerċita, fir-rigward tal-akkomodazzjonijiet soċjali għax-xiri u l-lottijiet soċjali kkonċernati, id-drittijiet kollha ddefiniti minn jew ibbażati fuq il-Kodiċi tal-Akkomodazzjoni Fjamming, bħallikieku għamlithom hija stess.” |
18 |
Barra minn hekk, il-Ktieb 3 tad-Digriet Fjamming jipprovdi li għandhom jingħataw sussidji irrispettivament mill-eżekuzzjoni ta’ kull “obbligu soċjali”. B’mod partikolari, dawn huma sussidji għal “proġetti ta’ attivazzjoni” (Artikolu 3.1.2 ta’ dan id-digriet), it-tnaqqis tat-taxxa tad-dħul tal-persuni fiżiċi miksub fil-kuntest tal-konklużjoni ta’ ftehim ta’ rinnovazzjoni (Artikoli 3.1.3 et seq tal-istess digriet) u t-tnaqqis għal darba waħda tal-bażi suġġetta għal drittijiet ta’ reġistrazzjoni (Artikolu 3.1.10 tad-digriet imsemmi). |
19 |
Il-Ktieb 5 tad-Digriet Fjamming, intitolat “Abitazzjoni fiż-żona stess”, jipprovdi fl-Artikolu 5.2.1 tiegħu: “§ 1. Hemm kundizzjoni speċjali għat-trasferiment ta’ artijiet u ta’ kostruzzjonijiet mibnija fuqhom fir-reġjuni li jissodisfaw iż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija hawn taħt:
Il-kundizzjoni speċjali ta’ trasferiment timplika li l-artijiet u l-kostruzzjonijiet mibnija fuqhom jistgħu jiġu ttrasferiti biss lil persuni li għandhom, skont il-parir ta’ kummissjoni ta’ evalwazzjoni prinċipali, rabta suffiċjenti mal-muniċipalità. Fi ‘trasferimenti’, jidħlu: il-bejgħ, il-kiri għal iktar minn disa’ snin jew l-kostituzzjoni ta’ dritt ta’ emfitewsi jew ta’ superfiċje. [...] Il-kundizzjoni speċjali ta’ trasferiment tiskadi, b’mod definittiv u mingħajr ma tkun tista’ tiġġedded, wara għoxrin sena li jibdew mill-mument li fih it-trasferiment oriġinali suġġett għall-kundizzjoni ngħata data fissa. [...] § 2. Għall-applikazzjoni tat-tieni paragrafu tal-§ 1, persuna għandha rabta suffiċjenti mal-muniċipalità jekk hija tissodisfa waħda jew iktar mill-kundizzjonijiet li ġejjin:
[...]” |
20 |
Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-“muniċipalitajiet destinatarji”, b’mod konformi mal-Artikolu 5.1.1 tad-Digriet Fjamming, huma dawk fejn il-prezz medju tal-artijiet huwa l-ogħla għal kull m2 u fejn l-intensità ta’ migrazzjoni interna jew esterna hija l-ogħla. Mill-ordni tal-Gvern Fjamming tad-19 ta’ Ġunju 2009, li jistabbilixxi lista ta’ muniċipalitajiet fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5.1.1 tad-Digriet tas-27 ta’ Marzu 2009 dwar il-politika tal-artijiet u tal-bini (Moniteur belge tat-22 ta’ Settembru 2009, p. 63341), jirriżulta li n-numru ta’ muniċipalitajiet destinatarji huwa 69. |
21 |
Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 5.2.3 ta’ dan id-digriet, il-kummissjoni ta’ evalwazzjoni provinċjali u t-terzi affettwati jistgħu jitolbu n-nullità tat-trasferiment li jkun seħħ bi ksur tal-kundizzjoni speċjali. |
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
Il-Kawża C-197/11
22 |
F’din il-kawża, E. Libert, C. Van Eycken u M. Bleeckx, b’domiċilju fil-Belġju, kif ukoll is-Syndicat national des propriétaires et copropriétaires ASBL u O. de Clippele, nutar, talbu lill-Cour constitutionnelle sabiex tannulla d-dispożizzjonijiet tal-Ktieb 5 tad-Digriet Fjamming peress li dawn jillimitaw id-dritt ta’ akkwist jew ta’ bejgħ ta’ beni immobbli fil-muniċipalitajiet destinatarji. |
23 |
F’dan ir-rigward, fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, l-imsemmija qorti tirrileva li d-dispożizzjonijiet ikkontestati quddiemha, fl-ewwel lok, jipprekludu lill-persuni li ma għandhomx “rabta suffiċjenti” mal-muniċipalitajiet destinatarji, fis-sens tal-Artikolu 5.2.1 § 2 tal-imsemmi digriet, milli jakkwistaw, jikru għal iktar minn disa’ snin jew ukoll li jissuġġettaw għal dritt ta’ emfitewsi jew ta’ superfiċje, beni immobbli li jkunu jinsabu f’dawn il-muniċipalitajiet. Fit-tieni lok, dawn id-dispożizzjonijiet huma ta’ natura li jiskoraġġixxu liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li għandhom il-proprjetà ta’ beni jew jikru beni f’dawn il-muniċipalitajiet milli jitilqu minnhom u milli jirrisjedu fi Stat Membru ieħor jew milli jeżerċitaw fih attività professjonali inkwantu, wara ċertu żmien ta’ residenza barra minn dawn il-muniċipalitajiet, huma ma jkollhomx iktar “rabta suffiċjenti” magħhom. |
24 |
F’dan ir-rigward, il-Cour constitutionnelle tikkunsidra li, skont ix-xogħlijiet preparatorji tad-Digriet Fjamming, dan huwa intiż sabiex jissodisfa l-ħtiġijiet ta’ immobbli tal-popolazzjoni lokali f’ċerti muniċipalitajiet Fjammingi fejn il-prezz għoli tal-artijiet iwassal għal “ġentrifikazzjoni”, jiġifieri l-esklużjoni mis-suq tal-immobbli tal-popolazzjoni l-inqas ixxurtjata minħabba l-wasla ta’ persuni “finanzjarjament iktar b’saħħithom” li joriġinaw minn muniċipalitajiet oħra. Għalhekk, hija tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk tali għan jistax jitqies li jaqa’ taħt l-“interess ġenerali”, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u li għalhekk jiġġustifika l-miżuri restrittivi adottati mill-Gvern Fjamming u, fit-tieni lok, jekk dawn il-miżuri humiex neċessarji u proporzjonati sabiex jintlaħaq tali għan. |
25 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour constitutionnelle ddeċidiet li tissospendi l-kawża quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikoli 21 [TFUE], 45 [TFUE], 49 [TFUE], 56 [TFUE] u 63 [TFUE] u l-Artikoli 22 u 24 tad-[Direttiva 2004/38] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-iskema stabbilita mill-Ktieb 5 tad-[Digriet Fjamming], li jissuġġetta, f’ċerti komuni [muniċipalitajiet] msejħa komuni mmirati [‘muniċipalitajiet destinatarji’], it-trasferiment ta’ artijiet u ta’ kostruzzjonijiet mibnija fuqhom għall-prova, mix-xerrej jew mill-kerrej, ta’ rabta suffiċjenti mal-komuni skont l-Artikolu 5.2.1(2) tad-Digriet?” |
Il-Kawża C-203/11
26 |
It-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda rikors għall-annullament ta’ diversi dispożizzjonijiet tad-Digriet Fjamming ippreżentat quddiem il-Cour constitutionnelle minn All Projects & Developments NV u 35 kumpannija oħra taħt il-liġi Belġjana li jeżerċitaw attività professjonali fis-settur tal-immobbli fir-Reġjun Fjamming. |
27 |
Dawn il-kumpanniji jsostnu, minn naħa, li l-obbligu soċjali li għalih huma suġġetti, skont il-Ktieb 4 tad-Digriet Fjamming, imur kontra d-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-libertà ta’ stabbiliment, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, il-moviment liberu tal-kapital, kif ukoll id-Direttivi 2006/123 u 2004/18, u li l-inċentivi fiskali u l-mekkaniżmi ta’ sussidju, previsti fl-istess Ktieb 4, li minnhom huma jibbenefikaw inkambju għall-obbligu soċjali impost fuqhom, jistgħu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat illegali li, inkwantu ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni Ewropea, tista’ tkun suġġetta għal deċiżjoni ta’ rkupru. |
28 |
Min-naħa l-oħra, dawn l-istess kumpanniji jsostnu li l-“kundizzjoni speċjali” fuq it-trasferiment ta’ beni, prevista fil-Ktieb 5 tad-Digriet Fjamming, tikkostitwixxi ostakolu għall-eżerċizzju tad-drittijiet rikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni u tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE, fid-dawl tal-fatt li, minħabba l-applikazzjoni ta’ din il-kundizzjoni, ikun hemm inqas xerrejja potenzjali għal-lottijiet u l-abitazzjonijiet li huma jiżviluppaw fil-muniċipalitajiet destinatarji. |
29 |
F’dan il-kuntest, peress li għandha dubji fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, il-Cour constitutionnelle ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
30 |
Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 2011, il-Kawżi C‑197/11 u C‑203/11 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali u kif ukoll tas-sentenza. |
Fuq id-domandi preliminari
Fuq id-domanda fil-Kawża C‑197/11 u t-tnax-il domanda fil-Kawża C‑203/11
31 |
Permezz ta’ dawn id-domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 21 TFUE, 45 TFUE, 49 TFUE, 56 TFUE u 63 TFUE, kif ukoll l-Artikoli 22 u 24 tad-Direttiva 2004/38, jipprekludux leġiżlazzjoni bħal dik prevista fil-Ktieb 5 tad-Digriet Fjamming, li tissuġġetta t-trasferiment ta’ beni immobbli li jinsabu fil-muniċipalitajiet destinatarji għall-verifika, minn kummissjoni ta’ evalwazzjoni provinċjali, tal-eżistenza ta’ “rabta suffiċjenti” bejn l-akkwirent jew il-kerrej potenzjali u dawn il-muniċipalitajiet. |
Osservazzjonijiet preliminari
32 |
Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li l-Gvern Fjamming isostni li ma hemmx lok li tingħata risposta għal dawn id-domandi minħabba l-fatt li dawn jikkonċernaw biss, fil-fehma tiegħu, sitwazzjoni purament interna li ma għandha ebda rabta mad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, it-tilwimiet fil-kawżi prinċipali, li jinvolvu ċittadini Belġjani b’domiċilju fil-Belġju jew impriżi stabbiliti fit-territorju Belġjan, huma limitati għal Stat Membru wieħed, b’tali mod li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni invokati ma humiex applikabbli. |
33 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regoli tat-Trattat fil-qasam tal-moviment liberu tal-persuni u l-atti adottati sabiex jiġu implementati dawn ir-regoli ma jistgħux jiġu applikati għal attivitajiet li ma jkollhom ebda fattur ta’ konnessjoni ma’ xi waħda mis-sitwazzjonijiet koperti mid-dritt tal-Unjoni u li l-elementi rilevanti kollha tagħhom ikunu limitati għal Stat Membru wieħed (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ April 2008, Gouvernement de la Communauté française u gouvernement wallon, C-212/06, Ġabra p. I-1683, punt 33, kif ukoll tal-5 ta’ Mejju 2011, McCarthy, C-434/09, Ġabra p. I-3375, punt 45). |
34 |
Ċertament huwa paċifiku li r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali għandhom nazzjonalità Belġjana u li l-elementi kollha tat-tilwimiet fil-kawżi prinċipali huma limitati għal Stat Membru wieħed. Madankollu, bl-ebda mod ma jista’ jiġi eskluż li ċittadini jew impriżi fi Stati Membri li ma jinkludux ir-Renju tal-Belġju jkollhom l-intenzjoni li jakkwistaw jew jikru beni immobbli li jinsabu fil-muniċipalitajiet destinatarji u jkunu għalhekk affettwati mid-dispożizzjonijiet tad-Digriet Fjamming inkwistjoni fil-kawżi prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Garkalns, C-470/11, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
35 |
Barra minn hekk, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 23 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-qorti tar-rinviju adixxiet lill-Qorti tal-Ġustizzja preċiżament fil-kuntest ta’ proċedura għall-annullament ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li japplikaw mhux biss għaċ-ċittadini Belġjani, iżda wkoll għaċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra. Konsegwentement, id-deċiżjoni li dik il-qorti tadotta wara li tingħata din is-sentenza jkollha effetti wkoll fil-konfront ta’ dawn iċ-ċittadini tal-aħħar. |
36 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok għall-Qorti tal-Ġustizzja li tippronunzja ruħha fuq iż-żewġ domandi hawn fuq previsti. |
Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE
37 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi ddeterminat jekk, u sa fejn, l-Artikoli 21 TFUE, 45 TFUE, 49 TFUE, 56 TFUE u 63 TFUE, kif ukoll l-Artikoli 22 u 24 tad-Direttiva 2004/38, jipprekludux leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali. |
38 |
Għandu, qabelxejn, jitfakkar li l-Artikolu 21 TFUE u, fil-qasam rispettiv tagħhom, l-Artikoli 45 TFUE u 49 TFUE, kif ukoll l-Artikoli 22 u 24 tad-Direttiva 2004/38, jipprojbixxu l-miżuri nazzjonali li jipprekludu jew jiskoraġġixxu liċ-ċittadini ta’ Stat Membru milli jitilqu minnu sabiex jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu fi ħdan l-Unjoni. Tali miżuri, anki jekk dawn japplikaw b’mod indipendenti min-nazzjonalità taċ-ċittadini kkonċernati, jikkostitwixxu restrizzjonijiet għal-libertajiet fundamentali ggarantiti minn dawn l-artikoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Jannar 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-152/05, Ġabra p. I-39, punti 21 u 22; tal-1 ta’ Diċembru 2011, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija, C-253/09, Ġabra p. I-12391, punti 46, 47 u 86, kif ukoll tal-21 ta’ Frar 2013, N., C‑46/12, punt 28). |
39 |
Fil-każ ineżami, kif il-Cour constitutionnelle rrilevat fid-deċiżjonijiet tar-rinviju tagħha, id-dispożizzjonijiet tal-Ktieb 5 tad-Digriet Fjamming jipprekludu lill-persuni li ma jkollhomx “rabta suffiċjenti” mal-muniċipalità destinatarja, fis-sens tal-Artikolu 5.2.1 § 2 ta’ dan id-digriet, milli jakkwistaw artijiet jew kostruzzjonijiet fuqhom, milli jikruhom għal żmien itwal minn disa’ snin jew ukoll milli jissuġġettawhom għal dritt ta’ emfitewsi jew ta’ superfiċje. |
40 |
Barra minn hekk, dawn id-dispożizzjonijiet jiskoraġġixxu liċ-ċittadini tal-Unjoni li huma proprjetarji jew inkwilini ta’ beni fil-muniċipalitajiet destinatarji milli jitilqu tali beni sabiex jirrisjedu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew sabiex jeżerċitaw fih attività professjonali. Fil-fatt, wara terminu partikolari ta’ residenza barra minn dawn il-muniċipalitajiet, dawn iċ-ċittadini ma jkollhomx iktar neċessarjament “rabta suffiċjenti” mal-muniċipalità kkonċernata meħtieġa mill-imsemmi Artikolu 5.2.1 § 2 għall-eżerċizzju tad-drittijiet imsemmija fil-punt preċedenti. |
41 |
Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet tal-Ktieb 5 tad-Digriet Fjamming jikkostitwixxu ċertament restrizzjonijiet għal-libertajiet fundamentali stipulati fl-Artikoli 21 TFUE, 45 TFUE u 49 TFUE, kif ukoll fl-Artikoli 22 u 24 tad-Direttiva 2004/38. |
42 |
Imbagħad, fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi stipulata fl-Artikolu 56 TFUE, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni tad-Digriet Fjamming jistgħu wkoll jostakolaw l-eżerċizzju tal-attivitajiet tal-impriżi attivi fis-settur tal-immobbli, kemm fir-rigward ta’ dawk li huma stabbiliti fit-territorju Belġjan u joffru s-servizzi tagħhom partikolarment lil persuni li ma humiex residenti kif ukoll dawk li huma stabbiliti fi Stati Membri oħra. |
43 |
Fil-fatt, skont dawn id-dispożizzjonijiet, il-beni immobbli li jinsabu f’muniċipalità destinatarja ma jistgħux jinbiegħu jew jinkrew lil kull ċittadin tal-Unjoni, iżda biss lil dawk li jistgħu juru li għandhom “rabta suffiċjenti” mal-muniċipalità kkonċernata, u dan jirrestrinġi manifestament il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tal-impriżi tal-immobbli inkwistjoni. |
44 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-moviment liberu tal-kapital, għandu jitfakkar li l-miżuri pprojbiti mill-Artikolu 63(1) TFUE bħala restrizzjonijiet fuq il-moviment tal-kapital, jinkludu wkoll dawk li huma ta’ natura li jiddisswadu lir-residenti ta’ Stat Membru milli jinvestu fil-proprjetà immobbli fi Stati Membri oħra (ara s-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2009, Woningstichting Sint Servatius, C-567/07, Ġabra p. I-9021, punt 21). |
45 |
B’mod partikolari, dan huwa l-każ ta’ miżuri nazzjonali li jissuġġettaw l-investimenti fil-proprjetà immobbli għal proċedura ta’ awtorizzazzjoni bil-quddiem, li bl-għan tagħhom stess jillimitaw il-moviment liberu tal-kapital (ara s-sentenza Woningstichting Sint Servatius, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
46 |
Issa, fil-kawżi prinċipali, huwa paċifiku li l-Ktieb 5 tad-Digriet Fjamming jipprovdi tali proċedura ta’ awtorizzazzjoni bil-quddiem intiża sabiex tivverifika l-eżistenza ta’ “rabta suffiċjenti” bejn l-akkwirent jew il-kerrej potenzjali ta’ beni immobbli u l-muniċipalità destinatarja kkonċernata. |
47 |
Għaldaqstant għandu jiġi konkluż li l-obbligu li wieħed joqgħod għal tali proċedura jista’ jiskoraġġixxi persuni mhux residenti milli jagħmlu investimenti fi proprjetà immobbli f’xi waħda mill-muniċipalitajiet destinatarji tar-Reġjun Fjamming u, għalhekk, tali obbligu jikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital skont l-Artikolu 63 TFUE. |
48 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet tal-Ktieb 5 tad-Digriet Fjamming jikkostitwixxu b’mod ċar restrizzjonijiet għal-libertajiet fundamentali ggarantiti mill-Artikoli 21 TFUE, 45 TFUE, 49 TFUE, 56 TFUE u 63 TFUE, kif ukoll mill-Artikoli 22 u 24 tad-Direttiva 2004/38. |
Fuq il-ġustifikazzjoni tal-miżuri stabbiliti mid-Digriet Fjamming
49 |
Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza ferm stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, miżuri nazzjonali li jistgħu jfixklu jew irendu inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE jistgħu madankollu jiġu ammessi bil-kundizzjoni li jkollhom għan ta’ interess ġenerali, li jkunu adegwati sabiex jiggarantixxu l-għan tagħhom u li ma jeċċedux dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Woningstichting Sint Servatius, punt 25, u Il-Kummissjoni vs L-Ungerija, punt 69). |
50 |
F’dan ir-rigward, il-Vlaamse Regering isostni li l-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ “rabta suffiċjenti” tal-akkwirent jew tal-kerrej potenzjali mal-muniċipalità kkonċernata hija ġġustifikata partikolarment mill-għan li jkunu sodisfatti l-ħtiġijiet ta’ immobbli tal-popolazzjoni lokali l-inqas sinjura, b’mod partikolari persuni soċjalment żvantaġġati u familji żgħażagħ kif ukoll persuni waħedhom li ma jkunux kapaċi jikkostitwixxu kapital suffiċjenti sabiex jakkwistaw jew jikru beni immobbli fil-muniċipalitajiet destinatarji. Din il-parti mill-popolazzjoni lokali hija, fil-fatt, eskluża mis-suq tal-immobbli minħabba l-wasla ta’ gruppi ta’ persuni b’kapaċità finanzjarja iktar b’saħħitha, li joriġinaw minn muniċipalitajiet oħra, li jistgħu jlaħħqu mal-prezz għoli tal-artijiet u tal-bini fil-muniċipalitajiet destinatarji. |
51 |
Is-sistema stabbilita mill-Ktieb 5 tad-Digriet Fjamming hija għalhekk intiża, b’għan ta’ ppjanar tat-territorju, sabiex tiżgura provvista ta’ postijiet ta’ akkomodazzjoni suffiċjenti għal persuni bi dħul baxx jew għal kategoriji żvantaġġati oħra tal-popolazzjoni lokali. |
52 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li tali rekwiżiti marbuta mal-politika tal-akkomodazzjoni soċjali ta’ Stat Membru jistgħu jikkostitwixxu raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali u, għalhekk, jiġġustifikaw restrizzjonijiet bħalma huma dawk stabbiliti mid-Digriet Fjamming (ara s-sentenzi Woningstichting Sint Servatius, iċċitata iktar ’il fuq, punti 29 u 30, kif ukoll tal-24 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-400/08, Ġabra p. I-1915, punt 74). |
53 |
Madankollu, għad għandu jiġi vverifikat jekk il-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ “rabta suffiċjenti” mal-muniċipalità destinatarja kkonċernata tikkostitwixxix miżura neċessarja u xierqa sabiex jintlaħaq l-għan invokat mill-Vlaamse Regering imsemmi fil-punti 50 u 51 ta’ din is-sentenza. |
54 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 5.2.1 § 2 tad-Digriet Fjamming jipprovdi tliet kundizzjonijiet alternattivi, li l-osservanza tagħhom għandha tiġi sistematikament ivverifikata mill-kummissjoni ta’ evalwazzjoni provinċjali, sabiex jiġi stabbilit li l-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ “rabta suffiċjenti” bejn l-akkwirent jew il-kerrej potenzjali u l-muniċipalità destinatarja kkonċernata tkun sodisfatta. L-ewwel kundizzjoni tikkonsisti fir-rekwiżit tar-residenza tal-persuna li lilha l-proprjetà immobbli għandha tiġi ttrasferita fil-muniċipalità destinatarja jew muniċipalità viċina għal mhux inqas minn sitt snin b’mod mhux interrott qabel it-trasferiment previst. Skont it-tieni kundizzjoni, dan l-akkwirent jew kerrej għandu, fid-data tat-trasferiment, ikun iwettaq attivitajiet fil-muniċipalità inkwistjoni, li għandhom tal-inqas jirrappreżentaw bħala medja nofs ġimgħa xogħol. It-tielet kundizzjoni tipprovdi li dan l-akkwirent jew kerrej ikun ħoloq ma’ din il-muniċipalità rabta professjonali, familjari, soċjali jew ekonomika minħabba ċirkustanza importanti u ta’ żmien twil. |
55 |
Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tiegħu, ebda waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma hija direttament relatata mal-aspetti soċjoekonomiċi marbuta mal-għan li tiġi protetta biss il-popolazzjoni lokali l-inqas sinjura fis-suq tal-immobbli invokat mill-Vlaamse Regering. Fil-fatt, dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jiġu sodisfatti mhux biss minn din il-popolazzjoni l-inqas sinjura, iżda wkoll minn persuni oħrajn b’riżorsi suffiċjenti u li, għalhekk, ma jkollhom ebda ħtieġa speċifika ta’ protezzjoni soċjali fl-imsemmi suq. Għalhekk, dawn il-miżuri jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex. |
56 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li miżuri oħra inqas restrittivi minn dawk stabbiliti mid-Digriet Fjamming huma ta’ natura li jirrispondu għall-għan imfittex minn dan id-digriet mingħajr ma neċessarjament iwasslu, de facto, għal projbizzjoni ta’ akkwist jew kiri fil-konfront ta’ kull akkwirent jew kerrej potenzjali li ma jissodisfax dawn il-kundizzjonijiet. Pereżempju, jista’ jkun previst li jiġu pprovduti inċentivi għax-xiri jew tipi oħra ta’ sussidji maħsuba speċifikament għal persuni inqas sinjuri sabiex ikunu jistgħu, speċjalment dawk li jistgħu juru li għandhom dħul baxx, jakkwistaw jew jikru beni immobbli fil-muniċipalitajiet destinatarji. |
57 |
Finalment, għandu jitfakkar fir-rigward b’mod partikolari tat-tielet kundizzjoni msemmija fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, li teħtieġ li tkun stabbilita rabta professjonali, familjari, soċjali jew ekonomika bejn l-akkwirent jew il-kerrej potenzjali u l-muniċipalità kkonċernata minħabba ċirkustanza importanti u ta’ żmien twil, li sistema ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel ma tistax tilleġittima mġiba diskrezzjonali min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali, ta’ natura li ċċaħħad id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk marbuta ma’ libertà fundamentali, mill-effettività tagħhom. Barra minn hekk, sabiex tali sistema tkun iġġustifikata anki meta din tidderoga minn tali libertà fundamentali, hija għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, nondiskriminatorji u magħrufa minn qabel, li jiżguraw li din tkun xierqa sabiex tillimita suffiċjentement l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Woningstichting Sint Servatius, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
58 |
Issa, minħabba n-natura vaga ta’ din il-kundizzjoni u n-nuqqas ta’ speċifikazzjoni tas-sitwazzjonijiet li fihom hija għandha titqies sodisfatta fil-każijiet konkreti, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5.2.1 tad-Digriet Fjamming ma jirrispondix għal dawn ir-rekwiżiti. |
59 |
Konsegwentement, sistema ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel, bħal dik inkwistjoni fit-tilwimiet fil-kawżi prinċipali, ma tistax titqies li hija bbażata fuq kundizzjonijiet li jistgħu jillimitaw suffiċjentement l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-kummissjoni ta’ evalwazzjoni provinċjali u, għalhekk, tali sistema ma tistax tiġġustifika deroga minn libertà fundamentali ggarantita mid-dritt tal-Unjoni. |
60 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għad-domanda fil-Kawża C-197/11 u għat-tnax-il domanda fil-Kawża C-203/11 għandha tingħata r-risposta li l-Artikoli 21 TFUE, 45 TFUE, 49 TFUE, 56 TFUE u 63 TFUE, kif ukoll l-Artikoli 22 u 24 tad-Direttiva 2004/38, jipprekludu leġiżlazzjoni bħal dik prevista fil-Ktieb 5 tad-Digriet Fjamming, li tissuġġetta t-trasferiment ta’ beni immobbli li jinsabu fil-muniċipalitajiet destinatarji għall-verifika minn kummissjoni ta’ evalwazzjoni provinċjali tal-eżistenza ta’ “rabta suffiċjenti” bejn l-akkwirent jew il-kerrej potenzjali u dawn il-muniċipalitajiet. |
Fuq it-tieni, id-disa ’ u l-għaxar domandi fil-Kawża C‑203/11
61 |
B’dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 49 TFUE, 56 TFUE u 63 TFUE jipprekludux leġiżlazzjoni bħal dik stabbilita fil-Ktieb 4 tad-Digriet Fjamming li tipprovdi għall-impożizzjoni ta’ “obbligu soċjali” fuq ċerti operaturi ekonomiċi mal-għoti lil dawn tal-aħħar ta’ permess tal-bini jew tal-qsim tal-art f’lottijiet. |
62 |
Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu, qabelxejn, jiġi kkonstatat li, minkejja li l-imsemmija leġiżlazzjoni tista’ taqa’ taħt it-tliet libertajiet fundamentali invokati mill-qorti tar-rinviju, jibqa’ xorta waħda l-fatt li, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 68 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi jikkostitwixxu, fil-kawża prinċipali, konsegwenza inevitabbli tar-restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital u ma jiġġustifikawx, għalhekk, eżami awtonomu tal-istess leġiżlazzjoni fid-dawl tal-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2009, Glaxo Wellcome, C-182/08, Ġabra p. I-8591, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
63 |
Minn dan isegwi li s-sistema prevista fil-Ktieb 4 tad-Digriet Fjamming għandu jiġi eżaminat esklużivament fid-dawl tal-moviment liberu tal-kapital. |
64 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-miżuri pprojbiti mill-Artikolu 63(1) TFUE jinkludu dawk li huma ta’ natura li jiskoraġġixxu lir-residenti ta’ Stat Membru milli jinvestu fil-proprjetà immobbli fi Stati Membri oħra. B’mod partikolari, dan huwa l-każ ta’ miżuri nazzjonali li jissuġġettaw l-investimenti fil-proprjetà immobbli għal proċedura ta’ awtorizzazzjoni bil-quddiem, li bl-għan tagħhom stess jillimitaw il-moviment liberu tal-kapital (ara s-sentenza Woningstichting Sint Servatius, iċċitata iktar ’il fuq, punti 21 u 22). |
65 |
Fil-kawża prinċipali, huwa paċifiku li, skont id-dispożizzjonijiet tal-Ktieb 4 tad-Digriet Fjamming, ċerti żviluppaturi jew kuntratturi, sabiex jiksbu permess tal-bini jew tal-qsim tal-art f’lottijiet, huma marbuta li jissottomettu ruħhom għal proċedura li fl-ambitu tagħha huma għandhom jeżegwixxu obbligu soċjali, li huwa dak li jassenjaw parti mill-proġett tagħhom għall-kostruzzjoni ta’ postijiet ta’ akkomodazzjoni soċjali jew li jagħmlu kontribuzzjoni finanzjarja lill-muniċipalità fejn isir il-proġett. |
66 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li, ladarba l-investituri inkwistjoni ma humiex f’pożizzjoni, kif il-Cour constitutionnelle tirrileva fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, li jużaw liberament l-artijiet għall-iskopijiet li għalihom huma jintendu jagħmlu l-akkwist tagħhom, is-sistema stabbilita mill-Ktieb 4 tad-Digriet Fjamming tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital. |
67 |
Madankollu, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, l-obbligu tal-imsemmija operaturi ekonomiċi li jissodisfaw l-obbligu soċjali previst mill-imsemmi digriet, sa fejn dan huwa intiż sabiex jiżgura provvista suffiċjenti ta’ postijiet ta’ akkomodazzjoni lil persuni bi dħul baxx jew lil kategoriji żvantaġġati oħra tal-popolazzjoni lokali, jista’ jiġi ġġustifikat minn rekwiżiti marbuta mal-politika tal-akkomodazzjoni soċjali ta’ Stat Membru, bħala raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali. |
68 |
Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, jekk tali obbligu jissodisfax il-kriterju ta’ proporzjonalità, jiġifieri jekk dan huwiex neċessarju u xieraq sabiex jintlaħaq l-għan imfittex. |
69 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għat-tieni, id-disa’ u l-għaxar domandi fil-Kawża C‑203/11 għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni bħal dik adottata fil-Ktieb 4 tal-imsemmi Digriet tar-Reġjun Fjamming, li tipprovdi għall-impożizzjoni ta’ “obbligu soċjali” fuq ċerti operaturi ekonomiċi meta dawn tal-aħħar jingħataw permess tal-bini jew tal-qsim tal-art f’lottijiet, sa fejn ikun ikkonstatat mill-qorti tar-rinviju li din il-leġiżlazzjoni hija neċessarja u xierqa sabiex jintlaħaq l-għan li tiġi żgurata provvista ta’ postijiet ta’ akkomodazzjoni suffiċjenti għal persuni bi dħul baxx jew għal kategoriji żvantaġġati oħra tal-popolazzjoni lokali. |
Fuq l-ewwel domanda fil-Kawża C-203/11
70 |
B’din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk, fid-dawl tal-Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE, moqrija flimkien mad-Deċiżjoni SIEĠ, l-inċentivi fiskali u l-mekkaniżmi ta’ sussidju previsti fid-Digriet Fjamming għandhomx jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat suġġetta għal obbligu ta’ notifika lill-Kummissjoni. |
71 |
Xi wħud mill-miżuri inkwistjoni huma speċifikament intiżi sabiex jikkumpensaw għall-obbligu soċjali li għalih huma suġġetti l-iżviluppaturi kif ukoll il-kuntratturi u jikkonsistu, fl-ewwel lok, fl-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa tat-taxxa fuq il-valur miżjud fuq il-bejgħ ta’ postijiet ta’ akkomodazzjoni u ta’ rata mnaqqsa tad-drittijiet ta’ reġistrazzjoni għax-xiri ta’ art għal kostruzzjoni (Artikolu 4.1.20 § 3(2) tad-Digriet Fjamming), fit-tieni lok, f’garanzija ta’ xiri fir-rigward tal-postijiet ta’ akkomodazzjoni mibnija (Artikolu 4.1.21 ta’ dan id-digriet) u, fit-tielet lok, f’sussidji tal-infrastruttura (l-Artikolu 4.1.23 tal-istess digriet). |
72 |
Miżuri oħra jimmiraw li “jattivaw mill-ġdid” artijiet u immobbli u jikkonsistu fi tnaqqis tat-taxxa fuq il-persuni fiżiċi miksuba fl-ambitu tal-konklużjoni ta’ ftehim ta’ rinnovazzjoni (Artikoli 3.1.3 et seq tal-istess digriet) u tnaqqis għal darba waħda tal-bażi suġġetta għal drittijiet ta’ reġistrazzjoni (Artikolu 3.1.10 tad-digriet hawn fuq imsemmi). Kif speċifikat mill-Cour constitutionnelle fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, minkejja li l-benefiċjarju ta’ tali miżuri huwa persuna fiżika, xorta waħda jibqa’ l-fatt li dawn jipprovdu indirettament benefiċċju lill-impriżi attivi fis-settur tar-rinnovazzjoni tal-immobbli. |
73 |
Għall-finijiet tar-risposta għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑203/11, il-qorti tar-rinviju għandha tiġi pprovduta bl-elementi ta’ interpretazzjoni li jippermettulha tiddetermina jekk il-miżuri deskritti fil-żewġ punti preċedenti jistgħux jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2010, Fallimento Traghetti del Mediterraneo, C-140/09, Ġabra p. I-5243, punti 23 u 24). |
74 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, il-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat teħtieġ li l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin jiġu sodisfatti. B’dan il-mod, l-ewwel nett, għandu jkun hemm intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, dan l-intervent għandu jkun ta’ natura li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet nett, l-intervent għandu jagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tiegħu. Ir-raba’ nett, dan għandu jwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenzi Fallimento Traghetti del Mediterraneo, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad-29 ta’ Marzu 2012, 3M Italia, C‑417/10, punt 37). |
75 |
Fil-kawża prinċipali, minkejja li l-qorti tar-rinviju tqis li l-miżuri stabbiliti mid-Digriet Fjamming jissodisfaw l-ewwel u r-raba’ kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti, hija għandha dubji fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, dwar l-impatt ta’ tali miżuri fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, u tat-tielet kundizzjoni, dwar in-natura selettiva tagħhom. |
76 |
Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, għandu jitfakkar li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala għajnuna mill-Istat, hemm lok mhux li jiġi stabbilit effett reali tal-għajnuna fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni, iżda biss li jiġi eżaminat jekk din l-għajnuna tistax taffettwa lil dan il-kummerċ u toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 2005, Unicredito Italiano, C-148/04, Ġabra p. I-11137, punt 54, kif ukoll tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et, C-222/04, Ġabra p. I-289, punt 140). |
77 |
B’mod partikolari, meta għajnuna mogħtija minn Stat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ impriża meta mqabbla mal-pożizzjoni ta’ impriżi kompetituri oħra fil-kummerċ intra-Komunitarju, dawn tal-aħħar għandhom jitqiesu li huma affettwati mill-għajnuna (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Unicredito Italiano, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Cassa di Risparmio di Firenze et, punt 141). |
78 |
F’dan ir-rigward, ma huwiex neċessarju li l-impriża benefiċjarja tipparteċipa hija stess fil-kummerċ intra-Komunitarju. Fil-fatt, meta Stat Membru jagħti għajnuna lil impriża, l-attività interna tista’ ssib ruħha miżmuma jew miżjuda, bil-konsegwenza li l-possibbiltajiet tal-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra li jippenetraw is-suq ta’ dan l-Istat Membru jonqsu. Minbarra dan, rinforz ta’ impriża li, sa dak iż-żmien, ma kinitx tipparteċipa fil-kummerċ intra-Komunitarju jista’ jqiegħdha f’sitwazzjoni li tippermettilha li tippenetra s-suq ta’ Stat Membru ieħor (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Unicredito Italiano, punt 58, kif ukoll Cassa di Risparmio di Firenze et, punt 143). |
79 |
Fil-Kawża C‑203/11, ma jistax jiġi eskluż li l-miżuri stabbiliti mid-Digriet Fjamming isaħħu l-pożizzjoni tal-impriżi benefiċjarji meta mqabbla mal-pożizzjoni ta’ impriżi kompetituri oħra attivi fil-kummerċ intra-Komunitarju. Barra minn hekk, il-vantaġġ, f’termini ta’ kompetittività, mogħti permezz tas-sussidji mogħtija lill-operaturi kkonċernati jista’ jkun tali li jrendi iktar diffiċli l-penetrazzjoni fis-suq Belġjan minn operaturi stabbiliti fi Stati Membri għajr dak tar-Renju tal-Belġju u anki jiffaċilita l-penetrazzjoni ta’ swieq oħra mill-operaturi Belġjani inkwistjoni. |
80 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkunsidrat li miżura nazzjonali li permezz tagħha l-awtoritajiet pubbliċi jagħtu lil ċerti impriżi eżenzjoni fiskali li, għalkemm ma tinvolvix trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, tqiegħed lill-benefiċjarji f’sitwazzjoni finanzjarja iktar favorevoli mill-kontribwenti l-oħra tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara s-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2006, Air Liquide Industries Belgium, C-393/04 u C-41/05, Ġabra p. I-5293, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
81 |
Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, skont il-premessa 8 u l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006, tal-15 ta’ Diċembru 2006, dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli [87 KE] u [88 KE] dwar l-għajnuna de minimis (ĠU L 379, p. 5), l-għajnuna li ma teċċedix limitu ta’ EUR 200 000 fuq perijodu ta’ tliet snin hija meqjusa li ma taffettwax il-kummerċ bejn l-Istati Membri u ma toħloqx distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni. Tali miżuri huma esklużi mill-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat u ma humiex għalhekk suġġetti għall-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 108(3) TFUE. |
82 |
Fit-tilwima tal-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa fil-fatt, fid-dawl tal-elementi ta’ interpretazzjoni premessi u fuq il-bażi taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ ineżami, jekk il-kummerċ bejn l-Istati Membri jistax jiġi affettwat mill-miżuri stabbiliti mid-Digriet Fjamming u jekk ir-Regolament Nru 1998/2006 huwiex applikabbli fil-każ ineżami. |
83 |
Fir-rigward tat-tielet kundizzjoni msemmija fil-punt 74 ta’ din is-sentenza, dwar in-natura vantaġġuża tal-imsemmija miżuri, għandu jitfakkar li huma kkunsidrati għajnuna l-interventi li, taħt kwalunkwe forma, jistgħu jiffavorixxu direttament jew indirettament lil impriżi jew li għandhom jitqiesu li huma vantaġġ ekonomiku li l-impriża benefiċjarja ma kinitx tikseb taħt kundizzjonijiet normali tas-suq (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-30 ta’ Marzu 2006, Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, C-451/03, Ġabra p. I-2941, punt 59). |
84 |
Min-naħa l-oħra, sa fejn intervent mill-Istat għandu jitqies bħala kumpens inkambju għas-servizzi pprovduti mill-impriżi benefiċjarji sabiex jeżegwixxu obbligi ta’ servizz pubbliku, b’tali mod li dawn l-impriżi ma jgawdux, fil-fatt, minn vantaġġ finanzjarju u li l-imsemmi intervent ma għandux għaldaqstant bħala effett li jqiegħed lil dawn l-impriżi f’pożizzjoni kompetittiva iktar favorevoli meta mqabbla mal-impriżi kompetituri, tali intervent ma jaqax taħt l-Artikolu 107(1) TFUE (sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C-280/00, Ġabra p. I-7747, punt 87). |
85 |
Madankollu, sabiex, f’każ konkret, tali kumpens ikun jista’ jiġi eskluż mill-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat, ċertu numru ta’ kundizzjonijiet għandhom jiġu sodisfatti (sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, iċċitata iktar ’il fuq, punt 88). |
86 |
Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, qabel ma jiġu eżaminati dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi speċifikat li l-ġurisprudenza msemmija fil-punt preċedenti tista’ tiġi applikata biss għall-miżuri stabbiliti fil-Ktieb 4 tad-Digriet Fjamming, imsemmija fil-punt 71 ta’ din is-sentenza, li għandhom biss l-għan li jikkumpensaw għall-obbligu soċjali li għalih l-iżviluppaturi u l-kuntratturi huma suġġetti. |
87 |
Fir-rigward tal-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti sabiex dawn il-miżuri ma jaqgħux taħt il-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li l-impriża li tibbenefika minn tali kumpens għandha fil-fatt tkun responsabbli mill-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku u dawn l-obbligi għandhom ikunu ddefiniti b’mod ċar (sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, iċċitata iktar ’il fuq, punt 89). |
88 |
F’dan ir-rigward, fid-dawl b’mod partikolari tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-Istati Membri għandhom, ma jistax jiġi eskluż li s-servizzi tal-akkomodazzjoni soċjali jistgħu jiġu kklassifikati taħt is-“servizz pubbliku”. F’dan ir-rigward, il-fatt, imsemmi mill-qorti tar-rinviju, li l-obbligu soċjali ma jibbenefikax direttament lill-individwi, l-applikanti għall-akkomodazzjoni soċjali, iżda lill-kumpanniji tal-akkomodazzjoni soċjali, ma għandu l-ebda effett fuq il-klassifikazzjoni tas-servizz inkwistjoni. |
89 |
Fit-tieni lok, il-parametri li jintużaw bħala bażi għall-kalkolu tal-kumpens għandhom jiġu stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti, sabiex jiġi evitat li huwa jagħti vantaġġ ekonomiku li jista’ jiffavorixxi l-impriża benefiċjarja meta mqabbla ma’ impriżi kompetituri (sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, iċċitata iktar ’il fuq, punt 90). |
90 |
F’dan ir-rigward, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, jidher li, minkejja li d-dispożizzjonijiet tad-Digriet Fjamming jippermettu li jiġu identifikati l-benefiċjarji tal-miżuri stabbiliti minnu, dawn ma jippermettux, madankollu, li jiġu ddeterminati b’mod suffiċjentement oġġettiv u trasparenti l-parametri li fuq il-bażi tagħhom il-kumpens huwa kkalkolat. |
91 |
Fit-tielet lok, il-kumpens ma jistax jeċċedi dak li huwa neċessarju sabiex tiġi koperta t-totalità jew parti mill-ispejjeż inkorsi fl-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, billi jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul marbut magħhom kif ukoll profitt raġonevoli għall-eżekuzzjoni ta’ dawn l-obbligi (sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, iċċitata iktar ’il fuq, punt 92). |
92 |
Fir-raba’ lok, dan il-kumpens għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi ta’ analiżi tal-ispejjeż inkorsi minn impriża ta’ daqs medju, amministrata tajjeb u li għandha l-mezzi neċessarji xierqa sabiex tkun tista’ tissodisfa r-rekwiżiti ta’ servizz pubbliku, għall-eżekuzzjoni ta’ dawn l-obbligi, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dħul marbut magħhom kif ukoll profitt raġonevoli għall-eżekuzzjoni ta’ dawn l-obbligi (sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, iċċitata iktar ’il fuq, punt 93). |
93 |
L-eżami ta’ dawn iż-żewġ kundizzjonijiet tal-aħħar jeħtieġu evalwazzjoni tal-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali. |
94 |
Issa, anki jekk wieħed jassumi li l-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha l-elementi neċessarji sabiex twettaq din l-evalwazzjoni, li ma huwiex il-każ f’din il-kawża, għandu jitfakkar li hija ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tevalwa l-fatti fil-kawża prinċipali jew sabiex tapplika għal miżuri jew għal sitwazzjonijiet nazzjonali r-regoli tad-dritt tal-Unjoni li tagħhom hija tat l-interpretazzjoni, peress li dawn il-kwistjonijiet jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qorti nazzjonali (ara s-sentenza Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, iċċitata iktar ’il fuq, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
95 |
Għalhekk, huwa l-kompitu tal-Cour constitutionnelle li tevalwa, fid-dawl tal-elementi ta’ interpretazzjoni premessi, jekk il-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhomx jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. |
96 |
Fil-każ li hija tasal għal tali konklużjoni fir-rigward tal-miżuri li jikkumpensaw l-obbligu soċjali li l-kuntratturi u l-iżviluppaturi għandhom jissodisfaw, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk dawn il-miżuri jistgħux ikunu eżentati, skont id-Deċiżjoni SIEĠ, mill-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 108(3) TFUE. |
97 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(1)(b) tad-Deċiżjoni SIEĠ, din tapplika partikolarment għall-għajnuna mill-Istat mogħtija fil-forma ta’ kumpens għas-servizz pubbliku mogħti lill-impriżi tal-akkomodazzjoni soċjali li jeżerċitaw attivitajiet ikklassifikati bħala servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali mill-Istat Membru kkonċernat. |
98 |
Kif tipprovdi l-premessa 7 ta’ din id-deċiżjoni, l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tad-definizzjoni ta’ servizzi li jistgħu jiġu kklassifikati bħala servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali. |
99 |
L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni SIEĠ jistipula li għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens għal servizz pubbliku mogħti lil impriżi fdati bl-operazzjoni ta’ tali servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali huma kompatibbli mas-suq komuni u eżenti mill-obbligu ta’ notifika minn qabel sakemm dawn jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 4 sa 6 ta’ din id-deċiżjoni. |
100 |
Kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 61 tal-konklużjonijiet tiegħu, dawn il-kundizzjonijiet huma bbażati fuq dawk stabbiliti mis-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, iċċitata iktar ’il fuq, partikolarment l-ewwel tlieta minnhom, li fir-rigward tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tippronunzja ruħha f’din is-sentenza, kif diġà ntqal fil-punt 94 ta’ din is-sentenza. |
101 |
Għalhekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-eċċezzjoni għall-obbligu ta’ notifika lill-Kummissjoni fis-sens tad-Deċiżjoni SIEĠ hijiex applikabbli fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex sodisfatti f’dak li jirrigwarda l-miżuri stabbiliti fil-Ktieb 4 tad-Digriet Fjamming, imsemmija fil-punt 71 ta’ din is-sentenza. |
102 |
Għalhekk, hemm lok li għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑203/11 tingħata r-risposta li l-inċentivi fiskali u l-mekkaniżmi ta’ sussidju previsti fid-Digriet Fjamming jistgħu jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tevalwa jekk il-kundizzjonijiet marbuta mal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat humiex sodisfatti u, fil-każ affermattiv, fir-rigward tal-miżuri previsti fil-Ktieb 4 tad-Digriet Fjamming intiżi sabiex jikkumpensaw għall-obbligu soċjali li għalih huma suġġetti l-kuntratturi u l-iżviluppaturi, li tivverifika jekk id-Deċiżjoni SIEĠ tapplikax xorta waħda għal tali miżuri. |
Fuq it-tielet sat-tmien domandi fil-Kawża C‑203/11
103 |
B’dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2006/123 hijiex applikabbli f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali u, fil-każ affermattiv, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta diversi dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. |
104 |
Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu jitfakkar li, kif ipprovdut fil-premessa 9 ta’ din id-direttiva, din ma hijiex applikabbli, inter alia, “għal ħtiġijiet, bħal regoli […] dwar l-iżvilupp jew l-użu ta’ l-art, ippjanar urban jew rurali, standards tal-bini […]”. |
105 |
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 2(2)(j), l-imsemmija direttiva ma tapplikax għal servizzi relatati mal-akkomodazzjoni soċjali jew mal-assistenza lill-persuni li huma b’mod permanenti jew temporanju f’sitwazzjoni ta’ bżonn li huma pprovduti mill-Istat jew minn fornituri li għandhom mandat mill-Istat. |
106 |
Issa, kif jirriżulta mill-punti 50 u 51 ta’ din is-sentenza, id-Digriet Fjamming jipprevedi għanijiet ta’ ppjanar tat-territorju u tal-akkomodazzjoni soċjali. |
107 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 2006/123 ma tapplikax għal leġiżlazzjoni bħalma huwa d-Digriet Fjamming u li, għalhekk, ma hemmx ħtieġa li tingħata risposta għat-tielet sat-tmien domandi li saru fil-Kawża C‑203/11. |
Fuq id-domanda ħdax fil-Kawża C‑203/11
108 |
B’din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-bini tal-postijiet ta’ akkomodazzjoni soċjali li għandhom sussegwentement jinbiegħu, bi prezzijiet limitati, lil organizzazzjoni pubblika tal-akkomodazzjoni soċjali jew permezz tas-sostituzzjoni ta’ din l-organizzazzjoni għall-fornitur ta’ servizzi li bena dawn il-postijiet ta’ akkomodazzjoni jaqax taħt il-kunċett ta’ “kuntratt pubbliku għal xogħlijiet” iddefinit fl-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 2004/18. |
109 |
Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 2004/18, moqri flimkien mal-punt (a) tal-istess artikolu, kuntratt pubbliku għal xogħlijiet jirriżulta mill-adempiment ta’ erba’ kriterji, jiġifieri kuntratt konkluż bil-miktub, b’titolu oneruż, bejn operatur ekonomiku u awtorità kontraenti, filwaqt li dan il-kuntratt għandu jkollu bħala għan l-eżekuzzjoni, jew il-ħolqien u l-eżekuzzjoni flimkien, ta’ xogħlijiet marbuta ma’ waħda mill-attivitajiet imsemmija fl-Anness I ta’ din id-direttiva jew ta’ xogħol, jew it-twettiq, bi kwalunkwe mezz li jkun, ta’ xogħol li jikkorrispondi għall-ħtiġijiet speċifikati mill-awtorità kontraenti. |
110 |
Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex tkun tista’ tivverifika jekk dawn il-kriterji humiex sodisfatti fil-kawża prinċipali, hija għalhekk se tillimita ruħha, f’din is-sentenza, sabiex tipprovdi lill-qorti tar-rinviju elementi li jistgħu jkunu utli għaliha sabiex tagħmel din il-evalwazzjoni. |
111 |
Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-eżistenza ta’ kuntratt bil-miktub, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Cour constitutionnelle donnha għandha dubji dwar jekk dan il-kriterju huwiex sodisfatt fil-każ ineżami, inkwantu l-obbligu soċjali impost, li jikkonsisti fil-bini ta’ postijiet ta’ akkomodazzjoni soċjali, ma kienx verament l-għan ta’ ftehim bejn l-amministrazzjoni u l-operatur ekonomiku. Fil-fatt, l-obbligu soċjali huwa impost fuq il-kuntratturi u l-iżviluppaturi direttament permezz tad-Digriet Fjamming u japplika għalihom sempliċement minħabba li dawn huma proprjetarji tal-artijiet li għalihom huma jitolbu permess tal-bini jew tal-qsim tal-art f’lottijiet. |
112 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sabiex jiġi konkluż li hemm relazzjoni kuntrattwali bejn suġġett li jista’ jiġi kklassifikat bħala awtorità kontraenti u kuntrattur jew żviluppatur, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja teħtieġ, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 86 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-konklużjoni ta’ ftehim ta’ qsim tal-art f’lottijiet bejn l-amministrazzjoni u l-operatur ekonomiku kkonċernat bl-iskop li jiġu ddeterminati x-xogħlijiet li dan tal-aħħar għandu jwettaq u kif ukoll il-kundizzjonijiet marbuta magħhom. |
113 |
Meta jkun ġie ffirmat tali ftehim, il-fatt li l-bini ta’ postijiet ta’ akkomodazzjoni soċjali jkun impost direttament mir-regolamentazzjoni interna u li l-kontraenti tal-amministrazzjoni jkun neċessarjament il-persuna li għandha l-proprjetà tal-artijiet għall-bini ma huwiex suffiċjenti għall-esklużjoni tan-natura kuntrattwali tar-relazzjoni stabbilita bejn l-amministrazzjoni u l-iżviluppatur ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2001, Ordine degli Architetti et, C-399/98, Ġabra p. I-5409, punti 69 u 71). |
114 |
Issa, filwaqt li huwa veru li d-Digriet Fjamming jirrikjedi espressament, fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4.1.22, il-konklużjoni ta’ ftehim bejn il-kuntrattur jew l-iżviluppatur u l-kumpannija tal-akkomodazzjoni soċjali, xorta waħda jibqa’ l-fatt li dan il-ftehim, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, ma jirregolax, bħala prinċipju, ir-relazzjonijiet bejn l-awtorità kontraenti u l-operatur ekonomiku kkonċernat. Barra minn hekk, jidher li tali ftehim ma jirrigwardax il-bini tal-postijiet ta’ akkomodazzjoni soċjali iżda biss il-fażi sussegwenti, jiġifieri dik ta’ meta dawn jitqiegħdu fis-suq. |
115 |
Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, filwaqt li tqis il-leġiżlazzjonijiet applikabbli kollha kif ukoll iċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ fil-kawża prinċipali, jekk il-bini tal-postijiet ta’ akkomodazzjoni soċjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqax fl-ambitu ta’ relazzjoni kuntrattwali bejn awtorità kontraenti u operatur ekonomiku u jekk dan jissodisfax il-kriterji l-oħra msemmija fil-punt 109 ta’ din is-sentenza. |
116 |
F’dan il-kuntest, huwa importanti wkoll li jitfakkar li, minn naħa waħda, l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/18 għal kuntratt pubbliku għal xogħlijiet hija madankollu suġġetta għall-kundizzjoni li l-valur stmat tiegħu jilħaq il-limitu ta’ applikazzjoni previst fl-Artikolu 7(ċ) ta’ din id-direttiva u li, min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, żewġ tipi ta’ kuntratti konklużi minn entitajiet pubbliċi ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi. |
117 |
Dawn huma, fl-ewwel lok, kuntratti konklużi minn entità pubblika ma’ persuna ġuridikament distinta minnha meta, fl-istess ħin, din l-entità teżerċita fuq din il-persuna kontroll analogu għal dak li hija teżerċita fuq is-servizzi tagħha stess u dik il-persuna twettaq parti sostanzjali mill-attivitajiet tagħha mal-entità jew l-entitajiet li tagħmel parti minnhom (ara s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Ordine degli Ingegneri della Provincia di Lecce et, C-159/11, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
118 |
Fit-tieni lok, dawn huma kuntratti li jistabbilixxu kooperazzjoni bejn entitajiet pubbliċi li għandhom l-għan li jiżguraw l-implementazzjoni ta’ servizz pubbliku li huwa komuni għalihom. F’dan il-każ, ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi ma humiex applikabbli sa fejn: barra minn hekk, tali kuntratti jkunu konklużi esklużivament minn entitajiet pubbliċi, mingħajr il-parteċipazzjoni ta’ parti privata; ebda fornitur privat ma jitqiegħed f’pożizzjoni privileġġata meta mqabbel mal-kompetituri tiegħu; u l-kooperazzjoni li huma jistabbilixxu tkun irregolata biss minn kunsiderazzjonijiet u rekwiżiti xierqa għat-tfittxija tal-għanijiet ta’ interess pubbliku (ara s-sentenza Ordine degli Ingegneri della Provincia di Lecce et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 34 u 35). |
119 |
Fid-dawl tal-osservazzjonijiet preċedenti, għad-domanda ħdax fil-Kawża C‑203/11 għandha tingħata r-risposta li l-bini ta’ postijiet ta’ akkomodazzjoni soċjali li mbagħad jinbiegħu, bi prezzijiet limitati, lil organizzazzjoni pubblika tal-akkomodazzjoni soċjali jew permezz tas-sostituzzjoni tal-fornitur tas-servizzi li bena dawn il-postijiet ta’ akkomodazzjoni b’din l-organizzazzjoni jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “kuntratt pubbliku għal xogħlijiet” iddefinit fl-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 2004/18 meta l-kriterji previsti f’din id-dispożizzjoni huma sodisfatti, li huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika. |
Fuq l-ispejjeż
120 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwi tal-kawża: il-Franċiż u l-Olandiż.