Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CC0402

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Pikamäe, ippreżentati fl-4 ta’ Marzu 2020.
    LM vs Centre public d'action sociale de Seraing.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour du travail de Liège.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Direttiva 2008/115/KE – Ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment – Ġenitur ta’ wild maġġorenni li jbati minn marda gravi – Deċiżjoni ta’ ritorn – Rimedju ġudizzjarju – Effett sospensiv ipso jure – Salvagwardji sakemm iseħħ ir-ritorn – Bżonnijiet bażiċi – Artikoli 7, 19 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
    Kawża C-402/19.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:155

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    PIKAMÄE

    ippreżentati fl‑4 ta’ Marzu 2020 ( 1 )

    Kawża C‑402/19

    LM

    vs

    Centre public d’action sociale de Seraing

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-cour du travail de Liège (il-Qorti Industrijali ta’ Liège, il-Belġju))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-immigrazzjoni – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment – Ġenitur ta’ wild minuri li jbati minn marda serja li sar maġġorenni matul il-proċedura tal-appell dwar iċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ residenza – Ordni ta’ tluq mit-territorju – Direttiva 2008/115 – Artikolu 13 – Azzjoni ġudizzjarja b’effett sospensiv – Artikolu 14 – Garanziji sakemm iseħħ ir-ritorn – Bżonnijiet bażiċi – Għoti ta’ għajnuna soċjali lill-ġenitur – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 7, 24 u 47 – Relazzjoni ta’ dipendenza bejn il-ġenitur u l-wild marid serjament”

    1. 

    It-teħid ta’ responsabbiltà għall-bżonnijiet bażiċi ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment u li jbati minn marda gravi, matul il-perijodu ta’ sospensjoni tat-tneħħija wara l-eżerċizzju ta’ rikors kontra d-deċiżjoni ta’ ritorn, għandu jiġi estiż favur missieru, ċittadin ta’ pajjiż terz li l-preżenza tiegħu maġenb il-wild tiegħu tqieset bħala indispensabbli għal raġunijiet mediċi?

    2. 

    Din hija, essenzjalment, id-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja li ser ikollha tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment ( 2 ), fir-rigward tal-effettività tar-rikors ippreżentat kontra deċiżjoni ta’ ritorn u l-garanziji sakemm iseħħ ir-ritorn, moqrija fid-dawl, b’mod partikolari, tal-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

    I. Il-kuntest ġuridiku

    A.   Id-dritt tal-Unjoni

    3.

    Il-premessa 12 tad-Direttiva 2008/115 hija redatta b’dan il-mod:

    “Għandha tiġi indirizzata s-sitwazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, iżda li għadhom ma jistgħux jiġu mneħħija. Il-kondizzjonijiet bażiċi tagħhom ta’ sussistenza għandhom jiġu definiti skond il-leġislazzjoni nazzjonali. […]”

    4.

    L-Artikolu 3(3) sa (5) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

    “Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni [id-direttiva] għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    […]

    (3)

    ‘ritorn’ tfisser il-proċess tat-tluq lura ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz – kemm jekk b’konformità volontarja ma’ obbligu ta’ ritorn kif ukoll jekk infurzat – għal:

    il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew tagħha, jew

    pajjiż ta’ transitu skond ftehim ta’ riamissjoni Komunitarja jew bilaterali jew arranġamenti oħra, jew

    pajjiż terz ieħor, li għalih iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat volontarjament jiddeċiedi li jirritorna u li fih hu jew hi ser jiġi aċċettat;

    (4)

    ‘deċiżjoni ta’ ritorn’ tfisser deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju, li jgħid jew jiddikjara li s-soġġorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz hija [huwa] illegali u li jimponi jew jiddikjara l-obbligu ta’ ritorn;

    (5)

    ‘tneħħija’ tfisser l-infurzar ta’ l-obbligu ta’ ritorn, jiġifieri t-trasport fiżiku barra mill-Istat Membru”

    5.

    L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva jippreċiża:

    “Fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont dovut ta’:

    (a)

    l-aħjar interessi tat-tfal,

    (b)

    il-ħajja familjari,

    […]”

    6.

    L-Artikolu 9 tal-istess direttiva jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-Istati Membri għandhom jipposponu t-tneħħija:

    “[…]

    (b)

    sakemm jingħata effett sospensiv skond l-Artikolu 13(2).”

    7.

    L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115 jistabbilixxi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

    “1.   Iċ-ċittadin konċernat ta’ pajjiż terz għandu jingħata dritt għal rimedju effettiv li jappella kontra jew li jitlob reviżjoni tad-deċiżjonijiet relatati mar-ritorn, kif imsemmi fl-Artikolu 12(1) quddiem awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva kompetenti jew korp kompetenti magħmul minn membri imparzjali u li jgawdu minn salvagwardji ta’ indipendenza.

    2.   L-awtorità jew il-korp imsemmijin fil-paragrafu 1 hawn fuq għandhom ikollhom is-setgħa li jirrivedu deċiżjonijiet relatati mar-ritorn, kif imsemmi fl-Artikolu 12(1), inkluża l-possibbiltà li jiġi sospiż temporanjament l-infurzar tagħhom, dment li ma tkunx diġà applikabbli sospensjoni temporanja taħt il-leġislazzjoni nazzjonali.”

    8.

    L-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

    “L-Istati Membri għandhom, bl-eċċezzjoni tas-sitwazzjoni koperta fl-Artikoli 16 u 17, jiżguraw li safejn ikun possibbli jiġu kkunsidrati l-prinċipji li ġejjin fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi matul il-perijodu għal tluq volontarju mogħti skond l-Artikolu 7 u matul perijodi li fihom it-tneħħija tkun ġiet posposta skond l-Artikolu 9:

    (a)

    tinżamm l-għaqda tal-familja ma’ membri tal-familja preżenti fit-territorju tagħhom;

    (b)

    jingħataw kura tas-saħħa f’emerġenza u trattament essenzjali ta’ mard;

    (c)

    jingħata aċċess lill-minuri għas-sistema bażika ta’ l-edukazzjoni soġġett għat-tul tas-soġġorn tagħhom;

    (d)

    jittieħed kont tal-bżonnijiet speċjali ta’ persuni vulnerabbli.”

    B.   Id-dritt Belġjan

    9.

    L-Artikolu 57(2) tal-loi organique du 8 juillet 1976 des centres publics d’action sociale (il-Liġi Organika tat‑8 ta’ Lulju 1976 taċ-Ċentri Pubbliċi ta’ Azzjoni Soċjali, Moniteur belge tal‑5 ta’ Awwissu 1976, p. 9876) jipprovdi:

    “Permezz ta’ deroga mid-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din il-liġi, il-missjoni taċ-ċentru pubbliku ta’ azzjoni soċjali hija limitata għal:

    1.

    l-għoti ta’ għajnuna medika urġenti, fil-konfront ta’ barrani li jirrisjedi irregolarment fir-Renju;

    […]”

    II. Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    10.

    Fl‑20 ta’ Awwissu 2012, LM ippreżenta, f’ismu u f’isem R, bintu minuri, applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ta’ residenza għal raġunijiet mediċi, immotivati mill-fatt li hija tbati minn diversi mardiet gravi.

    11.

    Din l-applikazzjoni ġiet iddikjarata ammissibbli fis‑6 ta’ Marzu 2013 u, għaldaqstant, LM ibbenefika mill-għajnuna soċjali mogħtija miċ-ċentru pubbliku ta’ azzjoni soċjali ta’ Seraing (iktar ’il quddiem iċ-“CPAS”).

    12.

    Sussegwentement, l-awtorità kompetenti adottat, u wara rtirat, tliet deċiżjonijiet li jiċħdu l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ta’ residenza ppreżentati minn LM. Fit‑8 ta’ Frar 2016, ġiet adottata r-raba’ deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ dawn l-applikazzjonijiet. Barra minn hekk, din id-deċiżjoni kienet akkumpanjata minn ordni ta’ tluq mit-territorju Belġjan.

    13.

    Fil‑25 ta’ Marzu 2016, LM ippreżenta rikors għal annullament u għal sospensjoni kontra l-aħħar deċiżjoni ta’ ċaħda u l-ordni ta’ tluq mit-territorju quddiem il-conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin, il-Belġju).

    14.

    Iċ-CPAS irtira lil LM il-benefiċċju tal-għajnuna soċjali mis‑26 ta’ Marzu 2016, data tal-iskadenza tat-terminu għal tluq volontarju li kien ingħatalu, peress li l-persuna kkonċernata kienet eliġibbli biss, fid-dawl tan-natura irregolari tar-residenza fit-territorju Belġjan, għall-għajnuna medika urġenti, li ngħatatilha mit‑22 ta’ Marzu 2016.

    15.

    Wara l-preżentata ta’ rikors għal miżuri provviżorji quddiem it-tribunal du travail de Liège (il-Qorti Industrijali ta’ Liège, il-Belġju) kontra d-deċiżjoni li tirtira lil LM il-benefiċċju tal-għajnuna soċjali, il-ħlas tagħha ġie stabbilit mill-ġdid.

    16.

    Permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet tas‑16 ta’ Mejju 2017, iċ-CPAS reġa’ rtira l-benefiċċju tal-għajnuna soċjali lil LM mill‑11 ta’ April 2017, minħabba li bintu kienet saret maġġorenni f’dik id-data. Sa mill‑11 ta’ April 2017, bint ir-rikorrent fil-kawża prinċipali tirċievi għajnuna soċjali ekwivalenti għar-rata iżolata tad-dħul ta’ integrazzjoni flimkien mal-benefiċċji tal-familja minħabba d-diżabbiltà tagħha.

    17.

    LM ippreżenta rikors kontra d-deċiżjonijiet taċ-CPAS tas‑16 ta’ Mejju 2017 quddiem it-tribunal du travail de Liège (il-Qorti Industrijali ta’ Liège). Permezz ta’ sentenza tas‑16 ta’ April 2018, din il-qorti kkunsidrat li l-irtirar tal-għajnuna soċjali kien legalment fondat mid-data li fiha R kienet saret maġġorenni, peress li l-applikant stess ma kienx fi stat ta’ saħħa li jiġġustifika l-esklużjoni tal-liġi Belġjana.

    18.

    Fit‑22 ta’ Mejju 2018, LM ippreżenta appell minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

    19.

    Din il-qorti tenfasizza li mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) jirriżulta li r-relazzjonijiet bejn ġenituri u tfal adulti jistgħu jiġu protetti mid-dritt għall-ħajja tal-familja meta tintwera l-eżistenza ta’ elementi addizzjonali ta’ dipendenza bejniethom. Hija tikkonstata li d-degradazzjoni prevedibbli tal-istat ta’ saħħa ta’ R f’każ ta’ ritorn lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha tidher li tikkorrispondi fil-punti kollha għal-livell ta’ gravità meħtieġ sabiex jiġi kkunsidrat li t-tneħħija tagħha tesponiha għal trattamenti inumani jew degradanti. Barra minn hekk, hija tirrileva li, fir-rigward ta’ dan l-istat ta’ saħħa, il-preżenza ta’ missierha maġenbha tibqa’ indispensabbli daqs meta kienet minuri.

    20.

    F’dan il-kuntest, hija tqis li, għalkemm ir-rifjut li tingħata għajnuna soċjali lil LM ma jistax jikkostitwixxi, bħala tali, ksur ta’ dan id-dritt, jibqa’ l-fatt li dan ir-rifjut huwa ta’ natura li jċaħħad lil LM mill-mezzi neċessarji sabiex ikompli jagħti l-għajnuna tiegħu u jżomm il-preżenza fiżika tiegħu maġenb R.

    21.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-cour du travail de Liège (il-Qorti Industrijali ta’ Liège) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “Il-punt 1 tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(2) tal-Liġi Belġjana tat‑8 ta’ Lulju 1976 bażika taċ-ċentri pubbliċi ta’ azzjoni soċjali, imur kontra l-Artikoli 5 u 13 tad-Direttiva [2008/115], moqrija fid-dawl tal-Artikoli 19(2), u 47 tal-[Karta], kif ukoll tal-Artikolu 14(1)(b) ta’ din id-direttiva u tal-Artikoli 7 u 21 tal-[Karta] kif interpretati mis-sentenza [tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Abdida (C‑562/13, EU:C:2014:2453)]:

    l-ewwel nett, sa fejn dan iwassal sabiex barrani li huwa ċittadin ta’ Stat terz u li jkun qiegħed jirrisjedi illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru jiġi mċaħħad mit-teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż, sa fejn huwa possibbli, tal-bżonnijiet bażiċi tiegħu matul l-eżerċizzju tar-rikors għal annullament u sospensjoni li jkun ippreżenta, f’ismu personali u bħala rappreżentant tal-wild tiegħu li f’dak iż-żmien ikun għadu minuri, kontra deċiżjoni li tkun ordnatilhom li jitilqu mit-territorju ta’ Stat Membru,

    filwaqt li, it-tieni nett, minn naħa, l-imsemmi wild li llum huwa maġġuri huwa milqut minn marda serja li l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni tista’ tesponi għal riskju serju ta’ deterjorament serju u irreversibbli tal-istat ta’ saħħa tiegħu u li, min-naħa l-oħra, il-preżenza ta’ dan il-ġenitur mal-wild maġġuri tiegħu titqies indispensabbli mill-korp mediku minħabba l-vulnerabbiltà tiegħu li tirriżulta mill-istat ta’ saħħa tiegħu (attakki rikorrenti taċ-ċelluli ‘sickle’ reċidivi u neċessità ta’ intervent kirurġiku sabiex tiġi evitata l-paraliżi)?”

    III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    22.

    Ġew ippreżentati osservazzjonijiet mill-Gvern Belġjan u minn dak Olandiż kif ukoll mill-Kummissjoni.

    IV. Analiżi

    A.   Fuq l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari

    23.

    Fl-ewwel lok, il-Gvern Belġjan isostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli, sa fejn tirrigwarda l-kompatibbiltà ta’ regola tad-dritt nazzjonali ma’ diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115 u tal-Karta meta ma teżisti l-ebda rabta bejn is-sitwazzjoni tar-rikorrent u d-dritt tal-Unjoni, peress li din tal-aħħar la taqa’ taħt l-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva u lanqas taħt l-Artikolu 19 tal-Karta.

    24.

    Għalkemm huwa veru li l-formulazzjoni tad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà bejn dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali u d-dritt tal-Unjoni, fatt li ma jaqax taħt il-ġurisdizzjoni tagħha fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li hija l-Qorti tal-Ġustizzja, f’tali sitwazzjoni, li għandha tipprovdi lill-qorti tar-rinviju l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jippermettulha tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ regola tad-dritt intern mad-dritt tal-Unjoni ( 3 ).

    25.

    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex, prinċipalment, li tiddetermina jekk is-sitwazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali taqax jew le taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/115. Għalhekk, l-argument tal-Gvern Belġjan dwar l-inapplikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni, u b’mod iktar ġenerali l-assenza ta’ kull rabta mad-dritt tal-Unjoni, huwa indissoċjabbilment marbut mar-risposta li għandha tingħata għall-imsemmija domanda fuq il-mertu u, għaldaqstant, ma jistax iwassal għall-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari ( 4 ).

    26.

    Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-Gvern Belġjan ippreċiża, fl-osservazzjonijiet tiegħu, li permess ta’ residenza, għal perijodu ta’ sena li jiġġedded, finalment ingħata lil LM u lil bintu fis‑17 ta’ Mejju 2019, filwaqt li l-imsemmi gvern ma jislet l-ebda konsegwenza minn din is-sitwazzjoni fir-rigward tal-ammissibbiltà tad-domanda preliminari.

    27.

    Skont ġurisprudenza stabbilita, kemm mill-kliem kif ukoll mill-istruttura tal-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li l-proċedura għal deċiżjoni preliminari tippreżupponi li effettivament ikun hemm tilwima pendenti quddiem il-qrati nazzjonali, li fil-kuntest tagħha huma jkunu msejħa jagħtu deċiżjoni li fiha jieħdu inkunsiderazzjoni s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija f’deċiżjoni preliminari. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tivverifika, anki ex officio, li t-tilwima fil-kawża prinċipali għadha teżisti ( 5 ).

    28.

    F’dan il-każ, huwa importanti li jiġi enfasizzat li t-talba għal deċiżjoni preliminari toriġina minn qorti soċjali adita b’rikors kontra d-deċiżjonijiet taċ-CPAS li jirtiraw lir-rikorrent fil-kawża prinċipali l-benefiċċju tal-għajnuna soċjali mill‑11 ta’ April 2017, data meta bintu laħqet l-età maġġuri. L-ebda element tal-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li r-regolarizzazzjoni tar-residenza ta’ LM u ta’ bintu daħlet fis-seħħ qabel is-17 ta’ Mejju 2019, data tal-ħruġ ta’ permess ta’ residenza lill-persuni kkonċernati, u kienet akkumpanjata minn rikonoxximent retroattiv tad-drittijiet soċjali ta’ LM mill‑11 ta’ April 2017, li seħħ permezz tal-ħlas ta’ arretrati ta’ allowances għall-perijodu bejn iż-żewġ dati msemmija iktar ’il fuq.

    29.

    Huwa possibbli, għalhekk, li jiġi kkunsidrat li għad hemm skop fil-kawża prinċipali, f’dan il-każ ir-rikonoxximent tal-kwalità ta’ LM bħala benefiċjarju tal-għajnuna soċjali mill‑11 ta’ April 2017, li l-qorti tar-rinviju hija mitluba tieħu deċiżjoni dwaru u li risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda magħmula tibqa’ utli għar-riżoluzzjoni ta’ din il-kawża ( 6 ). Għaldaqstant, hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari.

    30.

    Fit-tielet lok, huwa stabbilit li l-qorti tar-rinviju, fl-istess deċiżjoni, ifformulat domandi preliminari għall-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja iżda wkoll lill-Cour constitutionnelle belge (il-Qorti Kostituzzjonali Belġjana) sabiex tiġi evalwata l-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Belġjana inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-kostituzzjoni Belġjana, peress li d-domanda magħmula lill-qorti nazzjonali għandha natura prijoritarja skont il-kliem tad-deċiżjoni tar-rinviju. Għalhekk jidher li r-rikonoxximent tan-natura mhux kostituzzjonali tal-imsemmija leġiżlazzjoni huwa tali li jagħmel din il-kawża mingħajr skop. Għandu jiġi kkonstatat li, f’dan l-istadju tal-proċedura, ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni mill-Cour constitutionnelle belge (il-Qorti Kostituzzjonali Belġjana).

    B.   Fuq id-domanda preliminari

    31.

    L-ewwel qari tad-domanda preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja juri li l-qorti tar-rinviju tagħmel mistoqsija dwar il-kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni nazzjonali fir-rigward tal-kundizzjonijiet li fihom ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jibbenefika mill-garanziji li huma rrikonoxxuti lilu mid-dritt tal-Unjoni sakemm iseħħ ir-ritorn, f’dan il-każ fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/115, u, b’mod iktar partikolari, mit-teħid ta’ responsabbiltà għall-bżonnijiet bażiċi tiegħu matul il-perijodu ta’ eżami tar-rikors ippreżentat, f’ismu personali u f’isem dak tal-wild tiegħu li f’dak iż-żmien ikun għadu minuri, kontra deċiżjoni li tkun ordnatilhom li jitilqu mit-territorju ta’ Stat Membru.

    32.

    Id-determinazzjoni tal-portata eżatta tat-talba għal deċiżjoni preliminari, relattivament kumplessa fil-formulazzjoni tagħha, timponi madankollu li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni msemmija fiha, jiġifieri l-Artikoli 5, 13 u 14 tad-Direttiva 2008/115 u l-Artikoli 7, 12, 19 u 47 tal-Karta, kif ukoll is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Abdida (C‑562/13, EU:C:2014:2453), tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata wkoll.

    33.

    F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, minn naħa, li għandu jingħata effett sospensiv ipso jure lir-rimedju eżerċitat minn ċittadin ta’ pajjiż terz kontra deċiżjoni ta’ ritorn li l-eżekuzzjoni tagħha tista’ tesponi lil dan tal-aħħar għal riskju serju ta’ deterjorament gravi u irreversibbli tal-istat ta’ saħħa tiegħu u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmi ċittadin għandu jibbenefika minn teħid ta’ responsabbiltà għall-bżonnijiet bażiċi tiegħu matul il-posponiment tat-tneħħija wara l-eżerċizzju tal-imsemmi rikors.

    34.

    Għalhekk jidher li l-problema dwar il-garanziji sakemm iseħħ ir-ritorn iddefiniti fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/115 hija marbuta b’mod inseparabbli ma’ dik relatata mad-dritt għal rimedju effettiv kontra d-deċiżjoni ta’ ritorn previst fl-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, peress li r-rabta hija bbażata fuq il-kliem tal-Artikolu 9(1)(b) tal-imsemmija direttiva, li skontu l-Istati Membri għandhom jipposponu t-tneħħija sakemm jingħata effett sospensiv skont l-Artikolu 13(2) ta’ din id-direttiva.

    35.

    Ir-risposta għad-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja timplika, konsegwentement, li jiġi ddeterminat, qabel kollox, jekk ir-rikors ippreżentat mill-ġenitur ta’ wild marid serjament kontra deċiżjoni ta’ ritorn, li l-eżekuzzjoni tagħha tista’ tesponi lil dan il-wild għal riskju serju ta’ deterjorament gravi u irreversibbli tal-istat ta’ saħħa tiegħu, għandux jingħata effett sospensiv ipso jure meta jiġi stabbilit li l-preżenza tiegħu maġenb il-wild hija indispensabbli ( 7 ).

    1. Fuq ir-rikonoxximent ta’ effett sospensiv ipso jure għar-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ ritorn mill-ġenitur ta’ wild marid serjament

    36.

    Qabel ma jiġu eżaminati l-bażijiet legali possibbli tar-rikonoxximent ta’ tali effett, għandhom jiġu analizzati l-osservazzjonijiet fuq il-mertu tal-Gvern Belġjan rigward din il-kwistjoni.

    a) Fuq l-osservazzjonijiet tal-Gvern Belġjan

    37.

    Fl-ewwel lok, qari tal-osservazzjonijiet tal-Gvern Belġjan, tat-tip letterali, juri r-rieda ta’ dan tal-aħħar li jistabbilixxi l-konformità sħiħa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni.

    38.

    Minn naħa, huwa allegat li l-Artikolu 57(2) tal-Liġi Organika tat‑8 ta’ Lulju 1976, kif interpretat mill-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali), ma jmurx kontra l-għanijiet tad-Direttiva 2008/115, peress li l-imsemmija qorti tipprevedi t-teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni tal-familja speċifika ta’ wild, minuri jew maġġorenni, fid-determinazzjoni tal-għoti ta’ għajnuna soċjali lill-persuna kkonċernata.

    39.

    Min-naħa l-oħra, huwa indikat li l-proċeduri interni jiżguraw rimedju effettiv fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, kif irrikonoxxiet il-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali) f’sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2019, fejn rikors b’urġenza estrema, sospensiv ipso jure, kontra l-miżuri ta’ tneħħija ta’ refoulement huwa, b’mod partikolari, miftuħ quddiem il-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin).

    40.

    Dan l-argument tal-Gvern Belġjan jitlob min-naħa tiegħi r-rimarki li ġejjin.

    41.

    Qabel kollox, nirrileva li mill-osservazzjonijiet tal-imsemmi gvern jirriżulta b’mod ċar li, fid-dritt nazzjonali, il-ġenitur li jkun qiegħed jirresjedi irregolarment ta’ wild minuri jew maġġorenni ma jistax jitlob, personalment, xi għajnuna soċjali jekk ma tkunx l-għajnuna medika urġenti. Issa, huwa preċiżament dwar il-konformità ta’ tali leġiżlazzjoni mad-dritt tal-Unjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistoqsija mill-qorti tar-rinviju fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ ġenitur ta’ wild marid serjament li jkun ippreżenta rikors, f’ismu personali u f’isem dak tal-wild, kontra d-deċiżjonijiet ta’ ritorn li jikkonċernawhom.

    42.

    Fir-rigward, sussegwentement, tar-referenzi għad-deċiżjonijiet tal-Cour constitutionnelle belge (il-Qorti Kostituzzjonali Belġjana), hija ġurisprudenza stabbilita li l-Artikolu 267 TFUE jagħti lill-qrati nazzjonali d-diskrezzjoni mill-iktar wiesgħa sabiex jirreferu kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk jikkunsidraw li kawża pendenti quddiemhom tqajjem kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni jew ta’ evalwazzjoni tal-validità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni neċessarji għal deċiżjoni dwar il-kawża mressqa quddiemhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet minn dan li regola ta’ dritt nazzjonali, li skontha l-qrati li ma jiddeċidux fl-aħħar istanza huma marbuta mill-evalwazzjonijiet magħmula mill-qorti superjuri, ma tistax iċċaħħad lil dawn il-qrati mill-possibbiltà li jirreferulha domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni kkonċernat minn tali evalwazzjonijiet fid-dritt. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-qorti li ma tiddeċidix bħala qorti tal-aħħar istanza, bħall-qorti tar-rinviju, għandha tkun ħielsa, jekk tikkunsidra li l-evalwazzjoni fid-dritt magħmula fi grad superjuri tista’ twassalha sabiex tagħti deċiżjoni kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li jħassbuha ( 8 ).

    43.

    Finalment, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma huwiex il-kompitu tagħha, fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, li tinterpreta d-dritt nazzjonali sabiex jiġi ddeterminat f’dan il-każ l-istat preċiż tad-dritt proċedurali Belġjan fil-qasam tar-rikorsi ppreżentati minn migranti sakemm isseħħ it-tneħħija.

    44.

    Għandu jitfakkar li l-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, prevista fl-Artikolu 267 TFUE, hija bbażata, skont ġurisprudenza stabbilita, fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, fejn din tal-aħħar għandha biss is-setgħa li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tal-atti tal-Unjoni msemmija f’dak l-artikolu. F’dan il-kuntest, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tevalwa l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali jew li tiddeċiedi jekk l-interpretazzjoni tagħhom li l-qorti nazzjonali tagħti hijiex korretta ( 9 ).

    45.

    Hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, meta d-domandi magħmula jkunu dwar l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni, dawn jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza u l-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni ( 10 ).

    46.

    Fit-tieni lok, mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Belġjan tista’ tiġi dedotta l-eżistenza ta’ argument dwar il-portata rationae temporis tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115.

    47.

    B’dan il-mod, il-Gvern Belġjan jallega ( 11 ) li mis-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Abdida (C‑562/13, EU:C:2014:2453), jirriżulta li l-garanzija ta’ effettività tar-rimedju għandha tiġi żgurata fil-mument tat-tneħħija, jiġifieri waqt l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn u josserva li LM ma kien preċiżament is-suġġett tal-ebda miżura ta’ eżekuzzjoni forzata tad-deċiżjoni ta’ ritorn li tikkonċernah. Dan l-approċċ iwassal għall-posponiment tal-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn fil-mument meta t-tneħħija tkun imminenti u, konsegwentement, l-applikazzjoni tal-garanziji sakemm iseħħ ir-ritorn previsti fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/115 lil hinn mill-preżentata tar-rikors kontra d-deċiżjoni ta’ ritorn.

    48.

    Tali argument ma jistax jintlaqa’, sa fejn dan jirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Abdida (C‑562/13, EU:C:2014:2453), u tad-dispożittiv implimentat mid-Direttiva 2008/115 sabiex tiġi żgurata politika effettiva ta’ tneħħija u ta’ ripatrijazzjoni fir-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali kif ukoll tad-dinjità tal-persuni kkonċernati. Għandu jiġi kkonstatat li l-Gvern Belġjan illimita ruħu li jenfasizza l-użu tat-terminu “eżekuzzjoni” fid-dispożittiv tal-imsemmija sentenza, filwaqt li naqas milli jifhem ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja li wassal għas-soluzzjoni li tinsab fid-dispożittiv u l-preċiżazzjonijiet mogħtija sussegwentement.

    49.

    Id-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja kienet, b’mod partikolari, dik tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115, fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-“karatteristiċi tal-appell li għandu jkun disponibbli minn deċiżjoni ta’ ritorn”, fis-sens tal-Artikolu 3(4) ta’ din id-direttiva, jiġifieri att amministrattiv li jiddikjara l-illegalità tar-residenza tal-migrant ikkonċernat u li jistabbilixxi obbligu ta’ ritorn identiku għal dak li LM kien suġġett għalih fit‑8 ta’ Frar 2016. Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li “[l]-effettività tal-appell minn deċiżjoni ta’ ritorn” li l-eżekuzzjoni tagħha tista’ tesponi liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz inkwistjoni għal riskju serju ta’ deterjorament gravi u irriversibbli tal-istat ta’ saħħa tiegħu teżiġi li l-imsemmi ċittadin ikun jista’ jippreżenta appell b’effett sospensiv, sabiex jiġi żgurat li “d-deċiżjoni ta’ ritorn” ma tiġix eżegwita qabel ma awtorità kompetenti jkollha l-possibbiltà teżamina lment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, moqri fid-dawl tal-Artikolu 19(2) tal-Karta ( 12 ).

    50.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat il-ġurisprudenza tagħha fis-sentenza Gnandi ( 13 ), billi tenniet l-obbligu li jiġi previst, f’ċerti ipoteżi, rimedju sospensiv ipso jure kontra d-deċiżjoni ta’ ritorn iżda żiedet ukoll li dan kien japplika “a fortiori fir-rigward ta’ deċiżjoni eventwali ta’ tneħħija fis-sens tal-Artikolu 8(3) [tad-Direttiva 2008/115]”. Mill-motivazzjoni tal-imsemmija sentenza jirriżulta li l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija hija prevista bħala sitwazzjoni inċerta u addizzjonali, li fid-dawl tagħha effett sospensiv ipso jure jista’ jiġi rrikonoxxut favur rikors ippreżentat miċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat.

    51.

    Dan l-approċċ huwa spjegat mill-fatt, minn naħa, li, konformement mal-kliem tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2008/115, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija hija ta’ natura ipotetika, b’mod differenti mid-deċiżjoni ta’ ritorn prevista fl-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, li din l-aħħar deċiżjoni tista’, fid-dawl tan-natura ġuridika tagħha kif iddefinita fl-Artikolu 3(4) tal-imsemmija direttiva, twassal, bħala tali, għat-tneħħija taċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat. L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115 jagħti lill-imsemmi ċittadin dritt għal rimedju effettiv sabiex jikkontesta d-deċiżjonijiet marbuta mar-ritorn, li huma stess huma ddefiniti fl-Artikolu 12(1), bħala li huma d-deċiżjonijiet ta’ ritorn u, “jekk [ikun il-każ]”, id-deċiżjonijiet ta’ projbizzjoni fuq id-dħul kif ukoll id-deċiżjonijiet ta’ tneħħija.

    52.

    Huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-garanzija ta’ effettività tar-rimedju, prevista fl-Artikolu 13 iċċitat iktar ’il fuq, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, timplika, mid-definizzjoni tagħha stess, l-adozzjoni ta’ att li jista’ jitressaq quddiem qorti sabiex tiġi kkontestata l-legalità tiegħu. Issa, minn qari flimkien tal-Artikoli 6, 8, 12(1) u 13(1) tad-Direttiva 2008/115 jirriżulta li dan l-att jista’ jkun ikkostitwit biss mid-deċiżjoni ta’ ritorn.

    53.

    Għalhekk jidher li l-argument tal-Gvern Belġjan, li skontu, taħt id-dritt tal-Unjoni, rimedju sospensiv ipso jure għandu jiġi offrut biss mill-mument meta t-tneħħija tkun imminenti u mhux minn meta tiġi adottata d-deċiżjoni ta’ ritorn, imur kontra l-istruttura ġenerali tad-Direttiva 2008/115 u, għaldaqstant, għandu jiġi miċħud.

    b) Fuq il-kuntest ġuridiku għall-analiżi

    54.

    Għalkemm il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja, kif jirriżulta mill-Artikolu 7 tal-Karta u mill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni tirreferi għal kull bażi legali oħra sabiex tikkonkludi li hemm ir-rikonoxximent neċessarju ta’ effett sospensiv ipso jure għar-rikors ippreżentat mir-rikorrent prinċipali.

    55.

    Hija tipproponi, essenzjalment, li jiġi implimentat raġunament b’analoġija mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-għoti lil ċittadin ta’ pajjiż terz, fuq il-bażi tal-Artikoli 20 u 21 TFUE, ta’ dritt ta’ residenza dderivat fit-territorju tal-Unjoni u dan, sabiex ma jiġix imċaħħad minn kull effett utli d-dritt ta’ residenza ta’ wild minuri, li jgawdi mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, fil-każ ta’ tneħħija ta’ dan iċ-ċittadin, ġenitur tal-wild. Konsegwentement, ikun hemm lok li jiġi rrikonoxxut effett sospensiv lir-rikors ippreżentat mir-rikorrent prinċipali sabiex is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn li tibbenefika minnha bintu ma tiġix imċaħħda minn effett utli, konformement mas-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Abdida (C‑562/13, EU:C:2014:2453).

    56.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja effettivament ikkunsidrat li dritt ta’ residenza għandu jingħata lil ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin, taħt piena li jiġi ppreġudikat l-effett utli taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, jekk, bħala konsegwenza tar-rifjut ta’ tali dritt, dan iċ-ċittadin jiġi mġiegħel, fil-fatt, jitlaq mit-territorju tal-Unjoni kkunsidrat kollu kemm hu, u b’hekk jiġi mċaħħad mit-tgawdija effettiva tad-drittijiet essenzjali mogħtija b’dan l-istatus. Hija ppreċiżat b’mod ċar li l-għan u l-ġustifikazzjoni tal-imsemmija drittijiet idderivati, li ma humiex drittijiet proprji tal-imsemmija ċittadini, huma bbażati fuq il-konstatazzjoni li r-rifjut tar-rikonoxximent tagħhom ikun ta’ natura li jippreġudika, b’mod partikolari, il-libertà ta’ moviment taċ-ċittadin tal-Unjoni ( 14 ).

    57.

    B’hekk jidher li l-ġurisprudenza eċċepita mill-Kummissjoni tagħmel parti minn kuntest ġuridiku u fattwali li huwa b’mod ċar differenti, kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni stess, minn din il-kawża kkaratterizzata mill-fatt li r-rikorrent fil-kawża prinċipali u bintu huma t-tnejn ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment u li huma s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, u dan jidhirli li jipprekludi applikazzjoni pura b’analoġija ta’ din il-ġurisprudenza.

    58.

    Nirrileva, madankollu, li l-kunċetti ta’ “protezzjoni tal-ħajja tal-familja” iżda wkoll tal-“aħjar interess tal-wild” jintużaw b’mod espliċitu mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala parametri għall-interpretazzjoni ta’ regoli differenti tad-dritt tal-Unjoni, li jaqgħu taħt id-dritt primarju jew sekondarju, u li jistgħu jkunu l-bażi tal-għoti lil ċittadin ta’ pajjiż terz ta’ dritt ta’ residenza dderivat fit-territorju tal-Unjoni jew jiggarantixxu l-effettività tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment fit-territorji tal-Istati Membri ( 15 ).

    59.

    Dawn il-kunsiderazzjonijiet speċifiċi tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 7 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 24 tal-imsemmija Karta, jistgħu, min-naħa l-oħra, jiġu trasposti fil-kuntest ta’ din il-kawża għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ bażi legali għar-rikonoxximent ta’ effett sospensiv ipso jure għar-rikors ippreżentat mir-rikorrent fil-kawża prinċipali, missier ta’ wild marid serjament, kontra d-deċiżjoni ta’ ritorn li tikkonċernah.

    c) Fuq ir-rikonoxximent ta’ effett sospensiv b’rispett tal-ħajja tal-familja

    60.

    Fir-rigward tal-karatteristiċi tar-rikors li għandu jkun jista’ jiġi eżerċitat kontra deċiżjoni ta’ ritorn bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-Artikolu 12(1) tagħha ( 16 ), jirriżulta li ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jkollu rimedju ġudizzjarju effettiv sabiex jikkontesta deċiżjoni ta’ ritorn meħuda fil-konfront tiegħu ( 17 ).

    61.

    Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 13(2) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-awtorità jew l-istanza li hija kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar dan ir-rikors tista’ tissospendi temporanjament l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn ikkontestata, sakemm sospensjoni temporanja ma tkunx diġà applikabbli bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Isegwi li l-imsemmija direttiva ma teżiġix li r-rimedju previst fl-Artikolu 13(1) tagħha jkollu neċessarjament effett sospensiv ( 18 ).

    62.

    Għandu jiġi enfasizzat, madankollu, li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115 għandha ssir, kif tfakkar il-premessa 2 tagħha, b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali u tad-dinjità tal-persuni kkonċernati ( 19 ).

    63.

    Il-karatteristiċi tar-rimedju previst fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115 għandhom għalhekk jiġu ddeterminati konformement ma’, minn naħa, l-Artikolu 47 tal-Karta li jikkostitwixxi riaffermazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u li jistabbilixxi li kull persuna li tkun ġarrbet ksur tad-drittijiet u tal-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni għandha dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skont il-kundizzjonijiet previsti fl-imsemmi artikolu u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 7 tal-Karta li jirrikonoxxi d-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja ( 20 ).

    64.

    L-Artikolu 7 tal-Karta għandu, min-naħa tiegħu, jinqara flimkien mal-obbligu li jittieħed inkunsiderazzjoni l-aħjar interess tal-wild, irrikonoxxut fl-Artikolu 24(2) tal-imsemmija Karta, u b’teħid inkunsiderazzjoni tad-dritt fundamentali ta’ wild għall-protezzjoni u għall-kura meħtieġa għall-ġid tiegħu kif ukoll għad-dritt li jkollu, regolarment, relazzjoni personali u kuntatt dirett mal-ġenituri tiegħu, li r-rispett tiegħu huwa inkontestabbilment marbut mal-aħjar interess tal-wild ( 21 ). Ir-rekwiżit ta’ interpretazzjoni tad-Direttiva 2008/115 fid-dawl tal-Artikolu 7 u tal-Artikolu 24 tal-Karta jirriżulta inċidentalment mill-kliem stess tal-Artikolu 5(a) u (b) ta’ din id-direttiva, li jeżiġi li l-Istati Membri jieħdu debitament inkunsiderazzjoni, meta jimplimentaw l-imsemmija direttiva, l-aħjar interess tal-wild u tal-ħajja tal-familja ( 22 ).

    65.

    Kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta ( 23 ), konformement mal-Artikolu 52(3) ta’ dan l-att, id-drittijiet iggarantiti fl-Artikolu 7 tagħha għandhom l-istess tifsira u l-istess portata bħal dawk iggarantiti fl-Artikolu 8 tal-KEDB, kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB ( 24 ).

    66.

    F’dan ir-rigward, il-Gvern Belġjan jafferma, fl-osservazzjonijiet tiegħu, li, meta ntalbet tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà mal-Artikolu 13 flimkien mal-Artikolu 8 tal-KEDB tas-sistema ta’ eċċezzjoni prevista għar-rikorsi kontra d-deċiżjonijiet ta’ akkumpanjament lejn il-fruntiera tal-Gujana (reġjun u territorju extra Ewropew Franċiż), il-Qorti EDB indikat, fis-sentenza De Souza Ribeiro vs Franza ( 25 ), li, “fir-rigward tat-tneħħija ta’ barranin ikkontestata fuq il-bażi ta’ allegat preġudizzju għall-ħajja privata u tal-familja, l-effettività ma teħtieġx li l-partijiet ikkonċernati jkollhom rimedju sospensiv ipso jure”. Fl-ipoteżi ta’ allegat preġudizzju għall-ħajja privata u tal-familja, il-kriterju ta’ effettività ma jeħtieġx għalhekk li l-persuni kkonċernati jkollhom rimedju sospensiv ipso jure, għall-kuntrarju tal-każijiet ta’ tneħħija kkontestati fuq il-bażi ta’ riskju ta’ trattamenti inumani jew degradanti li jmorru kontra l-Artikolu 3 tal-KEDB ( 26 ).

    67.

    Dan is-sempliċi riferiment għas-sentenza inkwistjoni tal-Qorti EDB ma jirriflettix id-diversità tal-ġurisprudenza ta’ din tal-aħħar fil-qasam tal-immigrazzjoni flimkien mal-protezzjoni tal-ħajja tal-familja ( 27 ). Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li ċ-ċirkustanzi li jikkaratterizzaw il-kawża li tat lok għas-sentenza ċċitata iktar ’il fuq huma sostanzjalment differenti minn dawk ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, u dan jagħmel l-imsemmi riferiment ġurisprudenzjali irrilevanti f’dan il-każ. Fil-fatt, il-kawża inkwistjoni kienet tikkonċerna individwu maġġorenni fil-mument tal-preżentata tat-talba għal miżuri provviżorji/ta’ sospensjoni tal-miżura ta’ tneħħija u tar-rikors fuq il-mertu, li kien jirrisjedi mal-familja tiegħu fil-Gujana u li kellu relazzjonijiet mal-membri ta’ din tal-aħħar li ma juru l-ebda sitwazzjoni partikolari jekk ma humiex rabtiet emozzjonali normali. Barra minn hekk, il-persuna kkonċernata setgħet tmur lura lejn il-Gujana xi żmien wara t-tkeċċija tagħha u tikseb permess ta’ residenza.

    68.

    Huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-problema legali mqajma minn din it-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-possibbiltà li jiġi rrikonoxxut effett sospensiv ipso jure għal rikors ippreżentat kontra deċiżjoni ta’ ritorn, fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115, u dan jimplika, fil-fehma tiegħi, l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tal-familja tar-rikorrent fil-kawża prinċipali u eventwali ksur tad-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja fid-data li fiha dan tal-aħħar ippreżenta l-imsemmi rikors.

    69.

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil‑25 ta’ Marzu 2016, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta, f’ismu personali u fil-kwalità tiegħu ta’ rappreżentant legali ta’ bintu minuri, li dak iż-żmien kellha kważi 17‑il sena, rikors kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ residenza, flimkien ma’ ordni ta’ tluq mit-territorju ( 28 ), peress li ż-żewġ persuni kkonċernati kien ilhom jirrisjedu fil-Belġju mit‑8 ta’ April 2012 u kien ilhom jgħixu taħt l-istess saqaf minn dik id-data. Din is-sitwazzjoni tikkaratterizza inkontestabbilment l-eżistenza ta’ “ħajja tal-familja”, kif meħtieġa mill-Qorti EDB fil-ġurisprudenza tagħha dwar l-Artikolu 8 tal-KEDB, peress li għandu jiġi osservat li dan il-kunċett ta’ “ħajja tal-familja” jista’ jinkludi r-relazzjoni bejn wild leġittimu jew naturali u missieru, indipendentement mill-preżenza jew le fid-dar tal-omm, u li l-protezzjoni li tiggarantixxi din id-dispożizzjoni testendi għall-membri kollha tal-familja ( 29 ).

    70.

    Fil-kawżi li jgħaqqdu ħajja tal-familja u immigrazzjoni, li jirrigwardaw b’mod partikolari l-kwistjoni tat-tkeċċija tal-barranin, inkluż ta’ residenza irregolari, il-Qorti EDB tipproċedi għal ibbilanċjar tal-interessi kontrapposti, jiġifieri l-interess personali tal-individwi kkonċernati li jgħixu ħajja tal-familja f’territorju partikolari u l-interess ġenerali mfittex mill-Istat, f’dan il-każ il-kontroll tal-immigrazzjoni. Il-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni huma l-punt sa fejn effettivament ikun hemm ostakolu għall-ħajja tal-familja, il-portata tar-rabtiet li l-persuni kkonċernati għandhom fl-Istat kontraenti inkwistjoni, il-kwistjoni dwar jekk jeżistux jew le ostakoli insormontabbli li l-familja tgħix fil-pajjiż ta’ oriġini tal-barrani kkonċernat u dik dwar jekk jeżistux elementi li jolqtu l-kontroll tal-immigrazzjoni jew kunsiderazzjonijiet ta’ ordni pubbliku favur esklużjoni ( 30 ).

    71.

    Meta l-ulied ikunu kkonċernati, il-Qorti EDB tikkunsidra li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-aħjar interess tagħhom. Dwar dan il-punt partikolari, hija tfakkar li l-idea li skontha l-aħjar interess tat-tfal għandu jipprevali fid-deċiżjonijiet kollha li jikkonċernawhom hija s-suġġett ta’ qbil wiesa’, b’mod partikolari fid-dritt internazzjonali. Ċertament dawn l-interessi waħedhom ma humiex determinanti, iżda għandhom ċertament jingħataw piż sinjifikattiv. Huwa għalhekk li, fil-kawżi tar-riunifikazzjoni tal-familja, il-Qorti EDB tagħti attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni tal-minuri inkwistjoni, b’mod partikolari l-età tagħhom, is-sitwazzjoni tagħhom fil-pajjiż jew il-pajjiżi inkwistjoni u l-livell ta’ dipendenza tagħhom fuq il-ġenituri tagħhom ( 31 ).

    72.

    F’dan ir-rigward, nirrileva li huwa l-istess kunċett ta’ relazzjoni ta’ dipendenza li jintuża mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tistabbilixxi dritt ta’ residenza dderivat fit-territorju tal-Unjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz meta dan id-dritt jingħata lilu minn membru tal-familja tiegħu li jgawdi mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni skont l-Artikolu 20 TFUE. Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra, fil-fatt, li r-rifjut li jingħata dritt ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jqiegħed inkwistjoni l-effett utli taċ-ċittadinanza tal-Unjoni biss jekk ikun hemm, bejn dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u ċ-ċittadin tal-Unjoni, membru tal-familja tiegħu, relazzjoni ta’ dipendenza tali li dan tal-aħħar ikun imġiegħel jakkumpanja liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz inkwistjoni u jitlaq mit-territorju tal-Unjoni, meqjus kollu kemm hu ( 32 ).

    73.

    Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja, kif stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta, u dan l-artikolu għandu jinqara flimkien mal-obbligu li jittieħed inkunsiderazzjoni l-aħjar interess tal-wild, irrikonoxxut fl-Artikolu 24(2) tal-Karta. Il-konstatazzjoni ta’ relazzjoni ta’ dipendenza għandha tkun ibbażata fuq it-teħid inkunsiderazzjoni, fl-aħjar interess tal-wild ikkonċernat, taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, b’mod partikolari l-età tiegħu, l-iżvilupp fiżiku u emotiv tiegħu, il-livell tar-relazzjoni affettiva tiegħu kemm mal-ġenitur ċittadin tal-Unjoni kif ukoll mal-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz, kif ukoll ir-riskju li s-separazzjoni minn ma’ dan tal-aħħar tista’ toħloq għall-bilanċ ta’ dan il-wild. Għalhekk, il-fatt li l-ġenitur, ċittadin ta’ pajjiż terz, ikun jgħix mal-wild minuri, ċittadin tal-Unjoni, huwa wieħed mill-elementi rilevanti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ dipendenza bejniethom, mingħajr madankollu ma tkun tikkostitwixxi kundizzjoni neċessarja għal dan ( 33 ).

    74.

    Kif issemma iktar ’il fuq, dawn il-kunsiderazzjonijiet jistgħu jiġu trasposti fil-kuntest tal-problema ta’ eventwali ksur tad-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja, evalwat flimkien mal-aħjar interess tal-wild, taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, ġenitur ta’ wild marid serjament, fl-ipoteżi ta’ tneħħija tal-imsemmi ċittadin.

    75.

    F’dan il-każ, jidhirli li l-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja juri relazzjoni ġenwina ta’ dipendenza bejn ir-rikorrent fil-kawża prinċipali u bintu, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

    76.

    Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li bint LM tbati, minn naħa, minn attakk maġġuri taċ-ċelluli “sickle”, patoloġija ħarxa li tista’ twassal fi kwalunkwe mument għal attakk ta’ wġigħ li jista’ jikkomplika ruħu u jkun fatali, peress li diġà rrikjediet diversi dħul l-isptar tal-persuna kkonċernata matul episodji kritiċi u, min-naħa l-oħra, minn ċifożi sinjifikattiva li teħtieġ intervent kirurġiku, fin-nuqqas ta’ liema tirriskja paraliżi. Din is-sitwazzjoni wasslet lir-rikorrent fil-kawża prinċipali sabiex jitlaq mill-Kongo akkumpanjat minn bintu u jippreżenta quddiem l-awtoritajiet Belġjani kompetenti, fl‑20 ta’ Awwissu 2012, applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ residenza mmotivata mill-istat ta’ saħħa tagħha.

    77.

    Peress li ċ-ċellula tal-familja hija komposta biss mir-rikorrent u bintu, l-ewwel wieħed kien jirrappreżenta, fil-mument tal-preżentata tar-rikors, u għadu jirrappreżenta preżenza fiżika indispensabbli sabiex hija tiġi akkumpanjata matul id-diversi istanzi ta’ dħul l-isptar tagħha u għall-osservanza tat-trattament mediku kif ukoll bħala għajnuna emozzjonali sabiex jgħin psikoloġikament lil bintu tgħaddi mid-diversi perijodi diffiċli li għaddiet minnhom din tal-aħħar minħabba l-kundizzjonijiet li hija tbati minnhom. Huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-korp mediku indika b’mod ċar li bint ir-rikorrent fil-kawża prinċipali “għandha bżonn tkun akkumpanjata minn ġenitur li jgħix magħha u b’mod definittiv, minħabba l-istat ta’ saħħa tagħha (attakki rikorrenti taċ-ċelluli ‘sickle’ reċidivi)”.

    78.

    F’tali kuntest, it-tneħħija taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz inkwistjoni, missier wild marid serjament u li jibbenefika minn effett sospensiv ipso jure ta’ rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ ritorn li l-eżekuzzjoni tagħha tista’ tesponih għal riskju serju ta’ deterjorament gravi u irreversibbli tal-istat ta’ saħħa tiegħu, hija ta’ natura li tippreġudika, b’mod gravi u irreparabbli, il-protezzjoni tal-ħajja tal-familja stabbilita fl-Artikolu 7 tal-Karta, moqri flimkien mal-obbligu li jittieħed inkunsiderazzjoni l-aħjar interess tal-wild, irrikonoxxut fl-Artikolu 24(2) tal-Karta. Ir-ritorn forzat ta’ LM lejn il-Kongo jwassal sabiex bintu li tbati minn mard gravi tiġi mċaħħda mill-preżenza tiegħu maġenbha, minkejja li hija kkunsidrata bħala indispensabbli mill-korp mediku, bi ksur tad-dritt fundamentali ta’ wild għall-protezzjoni u għall-kura meħtieġa għall-ġid tiegħu kif ukoll tad-dritt li jkollu, regolarment, relazzjoni personali u kuntatt dirett mal-ġenituri tiegħu, stabbiliti fil-paragrafi 1 u 3 tal-istess Artikolu 24.

    79.

    L-effettività tar-rikors ippreżentat kontra deċiżjoni ta’ ritorn li l-eżekuzzjoni tagħha tista’ twassal għas-sitwazzjoni deskritta iktar ’il fuq teżiġi, f’dawn il-kundizzjonijiet, li dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun jista’ jippreżenta rikors b’effett sospensiv, sabiex jiġi żgurat li d-deċiżjoni ta’ ritorn ma tiġix eżegwita qabel ma awtorità kompetenti jkollha l-possibbiltà teżamina lment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7 u 24 tal-Karta ( 34 ). Dan japplika a fortiori fir-rigward ta’ deċiżjoni eventwali ta’ tneħħija fis-sens tal-Artikolu 8(3) ta’ din id-direttiva ( 35 ).

    80.

    Interpretazzjoni kuntrarja twassal, fil-fehma tiegħi, għal ksur tad-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-imsemmija dispożizzjonijiet tal-Karta, li lilha l-Artikolu 6(1) TUE jirrikonoxxi l-istess valur ġuridiku bħat-trattati, u li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura l-osservanza tagħha. Għandu jitfakkar li l-Istati Membri mhux biss għandhom jinterpretaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni, iżda għandhom ukoll jiżguraw li ma jibbażawx ruħhom fuq interpretazzjoni ta’ test tad-dritt sekondarju li jidħol f’kunflitt mad-drittijiet fundamentali protetti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ( 36 ).

    81.

    Nosserva, barra minn hekk, li l-istess konklużjoni tkun meħtieġa, fil-fehma tiegħi, fl-ipoteżi ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-okkorrenza tal-età maġġuri ta’ bint ir-rikorrent, fil‑11 ta’ April 2017, u ta’ analiżi li għandha ssir b’kunsiderazzjoni tal-eżistenza ta’ relazzjoni tal-familja bejn ġenitur u wild adult.

    82.

    Għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB fil-qasam tal-immigrazzjoni, din tal-aħħar aċċettat f’ċertu numru ta’ kawżi li jikkonċernaw żgħażagħ li kienu għadhom ma bnewx il-familja tagħhom stess li r-rabtiet tagħhom mal-ġenituri tagħhom u ma’ membri oħra tal-familja qrib tagħhom kienu jiġu analizzati wkoll bħala “ħajja tal-familja” ( 37 ). Din il-qorti indikat li ma hemmx “ħajja tal-familja” bejn ġenituri u tfal adulti sakemm ma tintweriex l-eżistenza ta’ elementi addizzjonali ta’ dipendenza, minbarra rabtiet emozzjonali normali ( 38 ).

    83.

    Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha, imfakkra preċedentement, tal-eżistenza ta’ relazzjoni stabbli bħala kundizzjoni għar-rikonoxximent ta’ dritt ta’ residenza dderivat skont l-Artikolu 20 TFUE favur ċittadini ta’ pajjiżi terzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel ukoll distinzjoni bejn il-minuri u l-individwi adulti, li, bħala prinċipju, jistgħu jwasslu għal eżistenza indipendenti mill-membri tal-familja tagħhom. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li r-rikonoxximent, bejn żewġ adulti, membri tal-istess familja, ta’ relazzjoni ta’ dipendenza, ta’ natura li toħloq tali dritt, ma tistax tiġi prevista ħlief f’każijiet eċċezzjonali, li fihom, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti, il-persuna kkonċernata ma tkun tista’ bl-ebda mod tiġi sseparata mill-membru tal-familja tagħha li minnu tiddependi ( 39 ).

    84.

    Jidhirli li anki hawn, dawn il-kunsiderazzjonijiet jistgħu jiġu trasposti fil-kuntest ta’ din il-kawża u li l-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jippermetti li jiġi kkunsidrat li hemm każ eċċezzjonali. Il-konstatazzjonijiet fattwali dwar is-sitwazzjoni medika ta’ bint ir-rikorrent fil-kawża prinċipali u l-konsegwenzi tagħha fuq in-natura tar-relazzjoni bejn dawn iż-żewġ persuni jwassluni sabiex nikkonkludi li jeżistu kemm ħajja tal-familja li jistħoqqilha protezzjoni, peress li r-relazzjonijiet kkonċernati jaqbżu r-rabtiet emozzjonali normali, kif ukoll relazzjoni ta’ dipendenza tali li l-wild adult ma jista’, bl-ebda mod, jiġi sseparat minn missieru li minnu jiddependi, skont il-konklużjonijiet stess tal-korp mediku.

    2. Fuq it-teħid ta’ responsabbiltà għall-bżonnijiet bażiċi tal-ġenitur ta’ wild marid serjament sakemm isseħħ it-tneħħija

    85.

    Huwa stabbilit li, sabiex tiġi evitata lakuna ġuridika għal dawn il-persuni, il-Kummissjoni kienet inizjalment ipproponiet li tipprovdi livell minimu ta’ kundizzjonijiet ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jirrisjedu irregolarment sakemm isseħħ it-tneħħija billi rreferiet għal sensiela ta’ kundizzjonijiet, li jmorru lil hinn mis-sempliċi kura medika urġenti u l-bżonnijiet bażiċi, diġà stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 2003/9/KE tas‑27 ta’ Jannar 2003 li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil ( 40 ).

    86.

    Għandu jiġi kkonstatat li t-test finali tad-Direttiva 2008/115 ma għadux jirreferi għad-Direttiva 2003/9 u dan wara t-tħassib imqajjem matul il-proċess leġiżlattiv fir-rigward tal-fatt li l-imsemmi riferiment jista’ jiġi pperċepit bħala “titjib” tas-sitwazzjoni tal-migranti f’sitwazzjoni irregolari u għalhekk jibgħat messaġġ politiku mhux xieraq. L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/115 isemmi sempliċement li “[l]-Istati Membri għandhom […] jiżguraw li safejn ikun possibbli jiġu kkunsidrati [ċerti]prinċipji” filwaqt li l-premessa 12 ta’ din id-direttiva tenfasizza li l-bżonnijiet bażiċi tal-migranti sakemm isseħħ it-tneħħija “għandhom jiġu definiti skond il-leġislazzjoni nazzjonali”.

    87.

    Permezz ta’ interpretazzjoni dinamika magħquda tal-Artikoli 9 u 14 tad-Direttiva 2008/115, li tieħu inkunsiderazzjoni l-istruttura ġenerali ta’ din tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Abdida ( 41 ), irrikonoxxiet qabel kollox portata wiesgħa lill-Artikolu 9(1)(b) ta’ din id-direttiva, li jipprevedi l-posponiment tat-tneħħija sakemm jingħata effett sospensiv skont l-Artikolu 13(2) tal-imsemmija direttiva, billi kkunsidrat li l-ewwel dispożizzjoni ċċitata kellha tkopri “s-sitwazzjonijiet kollha” li fihom Stat Membru għandu jissospendi l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn wara li jkun ġie ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni. Sussegwentement, minn dan hija ddeduċiet li l-Istati Membri “għandhom” joffru lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jbati minn marda serja, li jkun ippreżenta rikors kontra deċiżjoni ta’ ritorn li l-eżekuzzjoni tagħha tista’ tesponih għal riskju serju ta’ deterjorament gravi u irreversibbli tal-istat ta’ saħħa tiegħu, il-garanziji sakemm iseħħ ir-ritorn li huma stabbiliti fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/115.

    88.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, fiċ-ċirkustanzi partikolari msemmija iktar ’il fuq, l-Istat Membru kkonċernat kien marbut, b’applikazzjoni tal-Artikolu 14(1)(b) tad-Direttiva 2008/115, jipprovdi, sa fejn huwa possibbli, il-bżonnijiet bażiċi lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jbati minn marda serja sakemm isir l-eżami tar-rikors li huwa ppreżenta kontra deċiżjoni ta’ ritorn, fil-każ li dan iċ-ċittadin ma jkollux il-mezzi li jipprovdi għall-bżonnijiet tiegħu, fejn il-motivazzjoni ta’ dan l-obbligu hija l-garanzija ta’ effett reali għall-provvista ta’ kura medika urġenti u ta’ trattament indispensabbli tal-mard previsti fl-artikolu ċċitat iktar ’il fuq ( 42 ).

    89.

    Għalhekk jidher li, wara raġunament deduttiv ibbażat fuq il-kliem tal-Artikoli 9 u 14 tad-Direttiva 2008/115, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li r-rikonoxximent tal-effett sospensiv ipso jure għar-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ ritorn kellu bħala konsegwenza obbligatorja l-benefiċċju għall-awtur tagħha tal-garanziji ta’ ritorn, peress li t-teħid ta’ responsabbiltà għall-bżonnijiet bażiċi kien neċessarju sabiex ma tiġix imċaħħda minn effett reali l-garanzija speċifika marbuta mal-istat ta’ saħħa degradat tal-migrant ikkonċernat.

    90.

    F’dan il-kuntest, ir-rikonoxximent minn qabel ta’ effett sospensiv ipso jure għar-rikors ippreżentat mir-rikorrent fil-kawża prinċipali kontra d-deċiżjoni ta’ ritorn li tikkonċernah jidhirli neċessarjament li jwassal għall-konklużjoni li l-Istat Membru kkonċernat huwa obbligat li joffri lill-persuna kkonċernata l-garanziji sakemm iseħħ ir-ritorn stabbiliti fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/115 ( 43 ). Fir-rigward tat-teħid ta’ responsabbiltà mill-Istat Membru kkonċernat, sa fejn huwa possibbli, għall-bżonnijiet bażiċi ta’ LM, għandu jiġi mistoqsi jekk il-loġika li fuqha bbażat ruħha l-Qorti tal-Ġustizzja sabiex timponi l-imsemmi teħid ta’ responsabbiltà favur persuna marida serjament tistax tiġi applikata fir-rigward tal-ġenitur li minnu tiddependi din tal-aħħar.

    91.

    F’dan ir-rigward, fost il-lista tal-prinċipji msemmija fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/115 hemm iż-żamma tal-unità tal-familja mal-membri tal-familja preżenti fit-territorju kif ukoll it-teħid inkunsiderazzjoni tal-bżonnijiet partikolari tal-persuni vulnerabbli li l-implimentazzjoni effettiva tagħhom tiġġenera wkoll, fil-fehma tiegħi, rekwiżit konkomitanti tat-teħid ta’ responsabbiltà għall-bżonnijiet bażiċi tar-rikorrent fil-kawża prinċipali.

    92.

    Indipendentement mill-okkorrenza tal-età maġġuri ta’ bint ir-rikorrent fil-kawża prinċipali fil‑11 ta’ April 2017, jidhirli, fil-fatt, li s-sitwazzjoni medika partikolarment gravi tagħha u l-eżistenza korrelattiva ta’ relazzjoni ta’ dipendenza miżmuma ma’ missierha huma ta’ natura li jiġġustifikaw il-konklużjoni li skontha kemm iż-żamma tal-unità tal-familja mal-membri tal-familja preżenti fit-territorju kif ukoll it-teħid inkunsiderazzjoni tal-bżonnijiet partikolari tal-persuni vulnerabbli, kategorija li taħtha jaqa’ l-wild marid serjament, jistgħu jiġu mċaħħda minn effett reali jekk ma jkunux akkumpanjati minn teħid ta’ responsabbiltà għall-bżonnijiet bażiċi tal-imsemmi rikorrent, b’tali mod li jkun jista’ jiekol, jilbes u jkollu fejn joqgħod ( 44 ).

    93.

    Fil-fatt, kif jista’ wieħed jikkonċepixxi, fil-prattika, iż-żamma ta’ unità tal-familja u t-teħid inkunsiderazzjoni tal-bżonnijiet partikolari ta’ wild f’sitwazzjoni ta’ dipendenza li tirriżulta minn marda gravi jekk is-sitwazzjoni materjali ta’ wieħed miż-żewġ membri biss ta’ din l-unità, li għandu jagħti ta’ kuljum għajnuna indispensabbli lil din il-persuna, bl-ebda mod ma tittieħed inkunsiderazzjoni? Fi kliem ieħor, is-sodisfazzjon tal-bżonnijiet bażiċi tar-rikorrent fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi forma ta’ prerekwiżit għall-implimentazzjoni effettiva tal-garanziji sakemm iseħħ ir-ritorn imsemmija fl-Artikolu 14(1)(a) u (d) tad-Direttiva 2008/115, li għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 7 tal-Karta.

    94.

    Barra minn hekk, jekk jiġi riprodott direttament l-istess raġunament bħal dak segwit fis-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Abdida (C‑562/13, EU:C:2014:2453), hemm lok li jiġi kkunsidrat, fil-fehma tiegħi, li l-iżgurar tal-kura medika urġenti u tat-trattament indispensabbli tal-mard, previst fl-Artikolu 14(1)(b) tad-Direttiva 2008/115 u li minnu tibbenefika l-bint marida serjament tar-rikorrent fil-kawża prinċipali matul il-perijodu ta’ sospensjoni tat-tneħħija wara l-eżerċizzju ta’ rikors li għandu effett sospensiv kontra d-deċiżjoni ta’ ritorn, jista’ jiġi mċaħħad minn effett reali li kieku ma kienx akkumpanjat minn teħid ta’ responsabbiltà għall-bżonnijiet bażiċi minn missierha, ċittadin ta’ pajjiż terz li jibbenefika mill-istess sospensjoni u li l-preżenza tiegħu maġenb bintu ġiet meqjusa bħala indispensabbli għal raġunijiet mediċi ( 45 ).

    95.

    Huwa importanti, madankollu, li jiġi enfasizzat li, fir-rigward tal-obbligu ta’ teħid ta’ responsabbiltà mill-Istati Membri għall-bżonnijiet bażiċi taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed jirrisjedi irregolarment u sakemm isseħħ it-tneħħija, il-Qorti tal-Ġustizzja introduċiet żewġ karatteristiċi fis-sentenza ċċitata iktar ’il fuq.

    96.

    L-ewwel waħda hija li dan it-teħid ta’ responsabbiltà jiddependi mill-konstatazzjoni tal-inkapaċità għall-migrant ikkonċernat li jissodisfa huwa stess il-bżonnijiet tiegħu ( 46 ), u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju f’dan il-każ, minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ madankollu tipprovdi indikazzjonijiet dwar l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ tali eżami.

    97.

    Il-kwistjoni essenzjali hija evidentement dik dwar jekk il-persuna kkonċernata għadx għandha sors ta’ dħul, fejn jidher li għandha tiġi dedotta risposta negattiva mid-deċiżjoni tar-rinviju. Għalhekk huwa stabbilit li, sa mill‑11 ta’ April 2017, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma jibbenefikax iktar minn għajnuna soċjali finanzjarja ekwivalenti għad-dħul ta’ integrazzjoni kkalkolata sal-ammont mogħti lill-persuni li jgħixu ma’ wild minuri dipendenti u li l-għajnuna soċjali mogħtija lill-persuna kkonċernata hija limitata minn dik id-data għal għajnuna medika urġenti.

    98.

    Għandha tiġi vverifikata wkoll il-possibbiltà ta’ aċċess tar-rikorrent fil-kawża prinċipali għas-suq regolari tax-xogħol fit-territorju Belġjan. F’dan ir-rigward, għalkemm l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Ġunju 2009 li tipprevedi standards minimi għal sanzjonijiet u miżuri kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b’residenza illegali ( 47 ), jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu l-impjieg ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi f’soġġorn illegali, il-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu jistabbilixxi li “Stat Membru jista’ jiddeċiedi li ma japplikax il-projbizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’soġġorn illegali li t-tneħħija tagħhom tkun ġiet posposta u li jkollhom permess jaħdmu konformement mal-liġijiet nazzjonali” ( 48 ). Barra minn hekk, il-kwistjoni tal-aċċess tar-rikorrent fil-kawża prinċipali għal impjieg ma hijiex limitata għad-dimensjoni legali tiegħu iżda għandha tiġi evalwata in concreto, fid-dawl tal-kwalità ta’ għajnuna tal-persuna kkonċernata u tad-disponibbiltà li din is-sitwazzjoni tirrikjedi.

    99.

    It-tieni karatteristika tikkorrispondi għall-indikazzjoni espliċita tal-Qorti tal-Ġustizzja li huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw l-għamla li fiha l-bżonnijiet bażiċi taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ser tittieħed responsabbiltà tagħhom ( 49 ).

    100.

    Din il-preċiżazzjoni tfakkar il-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-Istati Membri mid-Direttiva 2008/115 dwar il-bżonnijiet bażiċi tal-migranti sakemm isseħħ it-tneħħija, mill-inqas fir-rigward tal-mod kif l-imsemmija bżonnijiet jistgħu jiġu ssodisfatti. Minn dan hemm lok li jiġi dedott, fil-fehma tiegħi, li l-konklużjoni li skontha l-Istat Membru kkonċernat huwa marbut jieħu r-responsabbiltà, sa fejn huwa possibbli, għall-bżonnijiet bażiċi tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, li kieku kellu jiġi preżunt li huwa ma huwiex kapaċi jissodisfa huwa stess il-bżonnijiet tiegħu stess, ma tfissirx neċessarjament li l-persuna kkonċernata għandha tibbenefika minn allowance fil-forma ta’ benefiċċju fi flus, bħal dak mitlub quddiem il-qorti tar-rinviju.

    101.

    Nirrileva, f’dan ir-rigward, li l-Gvern Belġjan jafferma, fl-osservazzjonijiet tiegħu, li bint ir-rikorrent fil-kawża prinċipali qiegħda tirċievi għajnuna soċjali adattata li r-rata tagħha tieħu inkunsiderazzjoni l-preżenza tal-ġenitur tagħha maġenbha. Id-deċiżjoni tar-rinviju tgħarraf li ż-żagħżugħa tirċievi, sa mill-età maġġuri tagħha, għajnuna soċjali ekwivalenti għar-rata “iżolata” tad-dħul ta’ integrazzjoni flimkien mal-benefiċċji tal-familja li hija tista’ titlob minħabba d-diżabbiltà tagħha.

    102.

    Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, it-teħid ta’ responsabbiltà għall-bżonnijiet bażiċi tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, li jgħix flimkien ma’ bintu, huwiex effettiv, u b’hekk jippermetti, fl-affermattiv, li jiġi konkluż li l-leġiżlazzjoni Belġjana hija konformi mad-dritt tal-Unjoni ( 50 ).

    V. Konklużjoni

    103.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej lill-cour du travail de Liège (il-Qorti Industrijali ta’ Liège, il-Belġju):

    L-Artikoli 5 u 13 tad-Direttiva 2008/115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 7, 24 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll l-Artikoli 9 u 14(1)(b) ta’ din id-direttiva, moqrija f’korrelazzjoni mal-Artikoli 7 u 24 tal-imsemmija Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali:

    li ma tagħtix effett sospensiv lil rikors ippreżentat kontra deċiżjoni ta’ ritorn u/jew ta’ tneħħija minn ċittadin ta’ pajjiż terz, ġenitur ta’ wild li jbati minn marda gravi u li jibbenefika minn effett sospensiv ipso jure tar-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni ċċitata iktar ’il fuq li tikkonċernah u li l-eżekuzzjoni tagħha tista’ tesponih għal riskju serju ta’ deterjorament gravi u irreversibbli tal-istat ta’ saħħa tiegħu, meta teżisti relazzjoni ta’ dipendenza bejn il-ġenitur u l-wild minuri jew maġġorenni tiegħu, u

    li ma tipprevedix it-teħid ta’ responsabbiltà, sa fejn huwa possibbli, għall-bżonnijiet bażiċi tal-imsemmi ċittadin ta’ pajjiż terz, sabiex jiġi żgurat li jkunu effettivament żgurati, minn naħa, iż-żamma tal-unità tal-familja mal-membri tal-familja preżenti fit-territorju kif ukoll it-teħid inkunsiderazzjoni tal-bżonnijiet partikolari tal-persuni vulnerabbli u, min-naħa l-oħra, il-kura medika urġenti u t-trattament indispensabbli tal-mard li jaffettwa lill-wild minuri jew maġġorenni tal-imsemmi ċittadin, matul il-perijodu li matulu l-Istat Membru huwa marbut jipposponi t-tneħħija tal-istess ċittadin ta’ pajjiż terz wara l-eżerċizzju ta’ dan ir-rikors, bla ħsara għall-possibbiltà għall-imsemmi ċittadin li jipprovdi huwa stess għall-bżonnijiet tiegħu.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) ĠU 2008, L 348, p. 98.

    ( 3 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Mejju 2014, Almos Agrárkülkereskedelmi (C‑337/13, EU:C:2014:328, punt 18).

    ( 4 ) Sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2019, KPMG Baltics (C‑639/17, EU:C:2019:31, punt 11 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 5 ) Sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi (C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 31).

    ( 6 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2017, Chavez‑Vilchez et (C‑133/15, EU:C:2017:354, punt 51).

    ( 7 ) F’dan ir-rigward, ma nistax naqbel mal-interpretazzjoni tal-portata tad-domanda preliminari żviluppata mill-Gvern Olandiż fl-osservazzjonijiet tiegħu, peress li dan tal-aħħar jikkunsidra li l-kwistjoni tar-rikonoxximent ta’ effett sospensiv ma tqumx, peress li l-kliem tad-deċiżjoni tar-rinviju juri li dan ir-rikonoxximent kien inkiseb. Ir-riferimenti espliċiti fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115, dwar l-effettività tar-rikors offrut lill-migranti, għall-Artikolu 47 tal-Karta, li jikkostitwixxi affermazzjoni mill-ġdid tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif ukoll għas-sentenza Abdida jikkontradixxu din l-interpretazzjoni, fejn il-kontenut tal-imsemmija sentenza juri n-neċessità tal-eżami minn qabel tal-kwistjoni tar-rikonoxximent tal-effett sospensiv tar-rimedju għar-riżoluzzjoni ta’ dik tal-benefiċċju tal-garanziji ta’ ritorn u tal-kopertura tal-bżonnijiet bażiċi taċ-ċittadin ikkonċernat.

    ( 8 ) Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli (C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363, punti 4142 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 9 ) Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Mejju 2014, Érsekcsanádi Mezőgazdasági (C‑56/13, EU:C:2014:352, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 10 ) Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et (C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 11 ) Ara l-punt 65 tal-osservazzjonijiet.

    ( 12 ) Ara s-sentenza tat-18 ta’ Diċembru, Abdida (C‑562/13, EU:C:2014:2453, punt 50).

    ( 13 ) Sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi (C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 56).

    ( 14 ) Sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2018, K.A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju) (C‑82/16, EU:C:2018:308, punti 5051 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 15 ) Ara s-sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín (C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 66); tat‑8 ta’ Mejju 2018, K.A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju) (C‑82/16, EU:C:2018:308, punt 71); tal‑4 ta’ Marzu 2010, Chakroun (C‑578/08, EU:C:2010:117, punt 44) kif ukoll tas‑6 ta’ Diċembru 2012, O. u S. (C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:776, punti 75 sa 80), fejn l-aħħar żewġ referenzi jikkonċernaw id-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat‑22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224).

    ( 16 ) L-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2008/115 jistabbilixxi dan li ġej: “Deċiżjonijiet ta’ ritorn u, jekk maħruġa, deċiżjonijiet ta’ projbizzjoni fuq id-dħul u deċiżjonijiet ta’ tneħħija, għandhom jinħarġu bil-miktub u jagħtu raġunijiet fil-fatt u fid-dritt kif ukoll informazzjoni dwar ir-rimedji legali disponibbli. L-informazzjoni dwar ir-raġunijiet tista’ fil-fatt tkun limitata fejn il-liġi nazzjonali tippermetti li d-dritt għall-informazzjoni jiġi ristrett, b’mod partikolari sabiex tiġi salvagwardjata s-sigurtà nazzjonali, id-difiża, is-sigurtà pubblika u l-prevenzjoni, l-investigazzjoni, id-detenzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali.”

    ( 17 ) Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Abdida (C‑562/13, EU:C:2014:2453, punt 43).

    ( 18 ) Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Abdida (C‑562/13, EU:C:2014:2453, punt 44).

    ( 19 ) Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Abdida (C‑562/13, EU:C:2014:2453, punt 42).

    ( 20 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Abdida (C‑562/13, EU:C:2014:2453, punt 45).

    ( 21 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Diċembru 2012, O. u S. (C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:776, punt 76) u tal‑5 ta’ Ottubru 2010, McB. (C‑400/10 PPU, EU:C:2010:582, punt 60). Nirrileva li t-test tal-Artikolu 24(3) tal-Karta jsemmi ż-“żewġ” ġenituri, sa fejn din id-dispożizzjoni tirrigwarda b’mod partikolari l-ipoteżi ta’ kunflitt parentali li tista’ twassal għal tneħħija illegali tal-wild u għas-separazzjoni forzata minn wieħed mill-ġenituri. Jibqa’ l-fatt li l-imsemmi test jidhirli li huwa bbażat fuq il-kunsiderazzjoni ġenerali li skontha l-bilanċ u l-iżvilupp tal-wild jimplika li dan tal-aħħar jikber f’ambjent tal-familja, flimkien mal-ġenituri tiegħu u ma jkunx isseparat minn dawn tal-aħħar kontra r-rieda tiegħu. L-element essenzjali tal-ħajja tal-familja huwa d-dritt għall-ħajja flimkien b’tali mod li r-relazzjonijiet tal-familja jkunu jistgħu jiżviluppaw normalment u li l-membri ta’ familja jkunu jistgħu jkunu flimkien (Qorti EDB, 13 ta’ Ġunju 1979, Marckx vs Il‑Belġju, CE:ECHR:1979:0613JUD000683374, punt 31, u Olsson vs L‑Isvezja (Nru 1), 24 ta’ Marzu 1988, CE:ECHR:1988:0324JUD001046583, punt 59).

    ( 22 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, O. u S. (C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:776, punt 80).

    ( 23 ) ĠU 2007, C 303, p. 17.

    ( 24 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Marzu 2019, SM (Wild imqiegħed taħt kafala Alġerina) (C‑129/18, EU:C:2019:248, punt 65) u tal‑15 ta’ Novembru 2011, Dereci et (C‑256/11, EU:C:2011:734, punt 70).

    ( 25 ) Qorti EDB, 13 ta’ Diċembru 2012, De Souza Ribeiro vs Franza, CE:ECHR:2012:1213JUD002268907, punt 83.

    ( 26 ) Fil-fehma tiegħi, huwa inkontestabbli li s-sitwazzjoni ta’ LM, li l-ebda element tal-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li huwa marid serjament, ma taqax taħt l-Artikolu 19(2) tal-Karta li skontu ħadd ma jista’ jitneħħa lejn Stat fejn hemm riskju serju li jkun suġġett għal trattamenti inumani jew degradanti. Din id-dispożizzjoni, li fid-dawl tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 sabiex tibbaża s-soluzzjoni adottata fis-sentenza Abdida u li hija msemmija wkoll mill-qorti tar-rinviju fid-domanda preliminari, hija f’dan il-każ irrilevanti.

    ( 27 ) Nirrileva li l-Qorti EDB, b’mod partikolari, iddikjarat li s-separazzjoni tal-membri ta’ familja tista’ tikkawżalhom danni irreversibbli, li jinvolvu riskju ta’ ksur tal-Artikolu 8 tal-KEDB, li għandu jiġi evitat bl-indikazzjoni ta’ miżura provviżorja skont l-Artikolu 39 tar-regolament tal-Qorti EDB (ara Qorti EDB, 6 ta’ Lulju 2010, Neulinger u Shuruk vs L‑Isvizzera, u 28 ta’ Ġunju 2011, Nunez vs In‑Norveġja, CE:ECHR:2011:0628JUD005559709).

    ( 28 ) Għandu jiġi rrilevat li, b’kunsiderazzjoni tal-assenza ta’ effett sospensiv fid-dritt Belġjan marbut mar-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ ritorn, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali seta’ jkun is-suġġett ta’ miżura ta’ tneħħija sa mill‑25 ta’ Marzu 2016, data ta’ skadenza tat-terminu ta’ 30 jum għal tluq volontarju flimkien mal-ordni ta’ tluq mit-territorju Belġjan, fejn din tal-aħħar kienet takkumpanja d-deċiżjoni li tirrifjuta l-ħruġ ta’ permess ta’ residenza bid-data tad‑9 ta’ Frar 2016, innotifikata fil‑25 ta’ Frar tal-istess sena. Il-fatt li bint ir-rikorrent fil-kawża prinċipali saret maġġorenni, fil‑11 ta’ April 2017, jew matul il-proċedura ta’ eżami tar-rikors kontra d-deċiżjoni ta’ ritorn (li inċidentalment ma kienet wasslet għal ebda deċiżjoni fid-data tad-deċiżjoni tar-rinviju) u dik dwar il-kontenzjuż tal-benefiċċju tal-għajnuna soċjali lill-imsemmi rikorrent, huwa, fil-fehma tiegħi, irrilevanti.

    ( 29 ) Qorti EDB, 3 ta’ Ottubru 2014, Jeunesse vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi, CE:ECHR:2014:1003JUD001273810, punt 117.

    ( 30 ) Ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, 3 ta’ Ottubru 2014, Jeunesse vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi, CE:ECHR:2014:1003JUD001273810, punt 107.

    ( 31 ) Qorti EDB, 3 ta’ Ottubru 2014, Jeunesse vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi, CE:ECHR:2014:1003JUD001273810, punti 109 u 118.

    ( 32 ) Sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2018, K.A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju) (C‑82/16, EU:C:2018:308, punt 52).

    ( 33 ) Sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2018, K.A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju) (C‑82/16, EU:C:2018:308, punti 71 sa 73).

    ( 34 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Abdida (C‑562/13, EU:C:2014:2453, punt 50).

    ( 35 ) Sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi (C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 56).

    ( 36 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, O. u S. (C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:776, punti 7778).

    ( 37 ) Qorti EDB, 23 ta’ Ġunju 2008, Maslov vs L‑Awstrija, CE:ECHR:2008:0623JUD000163803, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 38 ) Qorti EDB, 30 ta’ Ġunju 2015, A.S vs L‑Isvizzera CE:ECHR:2015:0630JUD003935013, punt 49, u l-Qorti EDB, 23 ta’ Ottubru 2018, Levakovic vs Id‑Danimarka, CE:ECHR:2018:1023JUD000784114, punti 35 u 44.

    ( 39 ) Sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2018, K.A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju) (C‑82/16, EU:C:2018:308, punt 65).

    ( 40 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 101.

    ( 41 ) Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Abdida (C‑562/13, EU:C:2014:2453, punti 54 sa 58).

    ( 42 ) Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Abdida (C‑562/13, EU:C:2014:2453, punti 5960).

    ( 43 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Abdida (C‑562/13, EU:C:2014:2453, punt 58).

    ( 44 ) Il-bżonnijiet bażiċi mediċi huma meħuda inkunsiderazzjoni fl-Artikolu 14(1)(b) tad-Direttiva 2008/115.

    ( 45 ) Għal finijiet ta’ kompletezza, nindika li interpretazzjoni tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/115, moqri fid-dawl tal-Artikoli 1, 2 u 3 tal-Karta, li jistabbilixxu r-rispett għad-dinjità tal-bniedem kif ukoll għad-drittijiet għall-ħajja u għall-integrità tal-persuna, u tal-Artikolu 4 tal-Karta dwar il-projbizzjoni ta’ trattamenti inumani jew degradanti, tista’ wkoll tkun ta’ bażi għall-obbligu ta’ teħid ta’ responsabbiltà għall-bżonnijiet bażiċi tar-rikorrent fil-kawża prinċipali mill-Istat Membru kkonċernat. Din l-ipoteżi ġiet esposta b’mod ġust mill-Avukat Ġenerali Bot fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Abdida (C‑562/13, EU:C:2014:2167, punti 147, 148, 154155), li għalihom sar riferiment minħabba l-konkordanza sħiħa ta’ opinjoni dwar dan il-punt.

    ( 46 ) Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Abdida (C‑562/13, EU:C:2014:2453, punt 59).

    ( 47 ) ĠU 2009, L 168, p. 24, rettifika fil-ĠU 2012, L 208, p. 22.

    ( 48 ) Huwa indikat, fid-deċiżjoni tar-rinviju (paġna 22) li, għalkemm gradwat u għandu esperjenza professjonali mhux negliġibbli, LM, li għadu fl-età li jaħdem, huwa eskluż mis-suq tax-xogħol minħabba s-sitwazzjoni attwali tiegħu ta’ irregolarità ta’ residenza, mingħajr preċiżazzjonijiet oħra. Din l-indikazzjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni, mid-definizzjoni tagħha, il-fatt li t-tneħħija ta’ LM għandha tiġi posposta wara l-effett sospensiv tar-rikors tiegħu.

    ( 49 ) Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Abdida (C‑562/13, EU:C:2014:2453, punt 61).

    ( 50 ) Nosserva, finalment, li l-qorti tar-rinviju semmiet, fid-domanda preliminari tagħha, l-Artikolu 12 tal-Karta, ċitazzjoni bbażata b’mod manifest fuq żball materjali kif juri l-qari tal-paġna 25 tad-deċiżjoni tar-rinviju li tirreferi b’mod ċar għall-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, prevista fl-Artikolu 21 tal-Karta. Għandu jiġi kkonstatat, fi kwalunkwe każ, li l-qorti tar-rinviju ma pprovdiet l-ebda indikazzjoni ta’ natura li tista’ tikkunsidra, f’dan il-każ, trattament iddifferenzjat ta’ sitwazzjonijiet oġġettivament komparabbli.

    Top