Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CC0253

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fit-30 ta’ April 2020.
MH u NI vs OJ u Novo Banco SA.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal da Relação de Guimarães.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Proċeduri ta’ insolvenza – Regolament (UE) 2015/848 – Artikolu 3 – Ġurisdizzjoni internazzjonali – Ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur – Persuna fiżika li ma teżerċitax professjoni liberali jew attività oħra ta’ persuna li taħdem għal rasha – Preżunzjoni konfutabbli skont liema ċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ din il-persuna huwa r-residenza abitwali tagħha – Ikkonfutar tal-preżunzjoni – Sitwazzjoni li fiha l-unika proprjetà immobbli tad-debitur tinsab barra l-Istat Membru ta’ residenza abitwali.
Kawża C-253/19.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:328

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fit‑30 ta’ April 2020 ( 1 )

Kawża C‑253/19

MH,

NI

vs

OJ,

Novo Banco SA

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal da Relação de Guimarães (il-Qorti tal-Appell ta’ Guimarães, il-Portugall))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Proċeduri ta’ insolvenza – Ġurisdizzjoni internazzjonali – Ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur”

I. Introduzzjoni

1.

Il-kunċett ta’ “ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur” kien jikkostitwixxi l-pedament tas-sistema stabbilita mir-Regolament (KE) Nru 1346/2000 ( 2 ). Dan il-kunċett kien jinsab fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament u kien użat bħala kriterju ta’ rabta li jindika l-qrati li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiftħu l-proċedura ta’ insolvenza fil-konfront ta’ debitur. Il-mod kif dan il-kunċett kellu jiġi interpretat ġie kkjarifikat ħafna permezz tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-proċeduri miftuħa fil-konfront ta’ persuni ġuridiċi ( 3 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kien għad ma kellhiex l-okkażjoni tindirizza l-interpretazzjoni tal-imsemmi kunċett fil-kuntest tal-persuni fiżiċi li ma jeżerċitawx professjoni liberali, u lanqas kull attività oħra ta’ persuna li taħdem għal rasha, li jibbenefikaw mill-moviment liberu tal-persuni u tal-ħaddiema.

2.

Ir-Regolament Nru 1346/2000 tħassar bir-Regolament (UE) 2015/848 ( 4 ), li wkoll juża l-kunċett ta’ “ċentru tal-interessi prinċipali”. Fil-kuntest ta’ din il-kawża tqum id-domanda li ġejja: il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja żviluppata fil-kuntest tar-Regolament Nru 1346/2000 u dwar dan il-kunċett tista’ tiġi trasposta – u, jekk iva, sa fejn – għal proċedura miftuħa fil-konfront ta’ persuna fiżika li tinsab fis-sitwazzjoni msemmija iktar ’il fuq? Din il-kawża tagħti għalhekk l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar il-ġurisdizzjoni fil-qasam tal-insolvenza fir-rigward ta’ kull persuna li ma għandhiex attività indipendenti, li teżerċita d-dritt tagħha għal moviment liberu u li żżomm il-patrimonju tagħha fl-Istat Membru tar-residenza abitwali preċedenti tagħha.

II. Il-kuntest ġuridiku

3.

L-Artikolu 3 tar-Regolament 2015/848, intitolat “Ġurisdizzjoni internazzjonali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinsab iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni biex jiftħu l-proċedimenti tal-insolvenza (‘il-proċedimenti prinċipali ta’ insolvenza’). Iċ-ċentru tal-interessi prinċipali għandu jkun il-post fejn id-debitur iwettaq l-amministrazzjoni tal-interessi tiegħu fuq bażi regolari u li jista’ jiġi aċċertat minn partijiet terzi.

Fil-każ ta’ kumpannija jew persuna ġuridika, il-preżunzjoni tkun li l-post tal-uffiċċju rreġistrat ikun iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tiegħu fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja. Dik il-preżunzjoni għandha tapplika biss jekk l-uffiċċju rreġistrat ma jkunx iċċaqlaq għal Stat Membru ieħor fi żmien perjodu ta’ tliet xhur qabel it-talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza.

Fil-każ ta’ individwu li qed jeżerċita attività ta’ negozju jew professjonali indipendenti, iċ-ċentru tal-interessi prinċipali għandu jkun preżunt li hu l-post prinċipali tan-negozju ta’ dak l-individwu fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja. Dik il-preżunzjoni għandha tapplika biss jekk il-post prinċipali tan-negozju ta’ dak l-individwu ma jkunx iċċaqlaq għal Stat Membru ieħor fi żmien perjodu ta’ 3 xhur qabel it-talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza.

Fil-każ ta’ kwalunkwe individwu ieħor, iċ-ċentru tal-interessi prinċipali għandu jkun preżunt li hu l-post tar-residenza abitwali tal-individwu fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja. Din il-preżunzjoni għandha tapplika biss jekk ir-residenza abitwali ma tkunx iċċaqilqet għal Stat Membru ieħor fi żmien perjodu ta’ sitt xhur qabel it-talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza.”

III. Il-fatti tal-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

4.

Ir-rikorrenti, li huma miżżewġin, ilhom jirrisjedu mis-sena 2016 f’Norfolk (ir-Renju Unit) fejn jeżerċitaw attività bħala persuni impjegati. Il-koppja talbet lill-qrati Portugiżi sabiex jiddikjaraw l-insolvenza tagħhom. Il-qorti tal-ewwel istanza adita ddikjarat li ma kellhiex ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex tiddeċiedi dwar it-talba tagħhom, billi qieset li, skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848, iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tagħhom kien il-post ta’ residenza abitwali tagħhom, jiġifieri r-Renju Unit.

5.

Ir-rikorrenti appellaw minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, billi affermaw li din kienet ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tar-regoli stabbiliti mir-Regolament 2015/848. F’dan ir-rigward, huma sostnew li, sa fejn l-unika proprjetà immobbli li kienu proprjetarji tagħha kienet tinsab fil-Portugall, fejn saru t-tranżazzjonijiet kollha li wasslu għas-sitwazzjoni ta’ insolvenza tagħhom, iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tagħhom ma kienx il-post tar-residenza abitwali tagħhom, jiġifieri r-Renju Unit, iżda kien jinsab fil-Portugall. Inċidentalment, ma teżisti l-ebda rabta bejn il-post ta’ residenza attwali tagħhom u l-fatti li wasslu għall-insolvenza tagħhom, li seħħew kollha kemm huma fil-Portugall.

6.

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji fir-rigward tal-interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848 u tistaqsi, b’mod partikolari, dwar il-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni sempliċi prevista f’din id-dispożizzjoni għall-persuni fiżiċi li ma jeżerċitawx professjoni liberali jew attività oħra ta’ persuna li taħdem għal rasha, li tipprevedi li, għal tali persuni, iċ-ċentru tal-interessi prinċipali huwa preżunt, fl-assenza ta’ prova kuntrarja, li huwa r-residenza abitwali tal-persuna kkonċernata.

7.

F’dan ir-rigward, din il-qorti tenfasizza li l-premessa 30 ta’ dan ir-regolament tesponi li, fil-każ ta’ persuni fiżiċi li ma jeżerċitawx professjoni liberali jew kull attività oħra ta’ persuna li taħdem għal rasha, għandu jkun possibbli li din il-preżunzjoni tiġi kkonfutata, pereżempju jekk il-parti l-kbira tal-assi tad-debitur tkun tinsab barra l-Istat Membru tar-residenza abitwali tad-debitur.

8.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju, permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Frar 2019, li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Marzu 2019, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Fil-kuntest tar-Regolament [2015/848], il-qorti ta’ Stat Membru għandha ġurisdizzjoni tipproċedi għall-ftuħ ta’ proċedimenti prinċipali ta’ insolvenza ta’ ċittadin li hemm għandu l-uniku proprjetà immobbli tiegħu, minkejja li għandu r-residenza abitwali tiegħu, flimkien mal-familja tiegħu, fi Stat Membru ieħor, fejn jinsab impjegat b’remunerazzjoni?”

9.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvern Portugiż u mill-Kummissjoni Ewropea. Peress li ħadd mill-partijiet ikkonċernati ma talab dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li taqta’ l‑kawża mingħajr ma żżomm seduta għas-sottomissjonijiet orali.

IV. Analiżi

10.

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-preżunzjoni stabbilita f’dan l-aħħar subparagrafu tista’ tiġi kkonfutata favur Stat Membru li fit-territorju tiegħu tkun tinsab l-unika proprjetà immobbli tad-debitur, persuna fiżika li ma teżerċitax professjoni liberali jew attività indipendenti oħra. Jekk dan ma jkunx il-każ, din il-qorti tixtieq tkun taf liema elementi għandhom jiġu ssodisfatti sabiex din il-preżunzjoni tiġi kkonfutata favur dan l-Istat Membru.

11.

Għandi nosserva li, fid-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju ma tippreċiżax id-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2015/848 li qiegħda tintalab l-interpretazzjoni tagħhom. Madankollu, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta b’mod ċar li din il-qorti għandha dubji dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-ewwel u lir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament. Għaldaqstant nipproponi li d-domanda preliminari għandha tinftiehem konformement mal-formulazzjoni li tinsab fil-punt 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li, jekk ikun il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha. Jista’ jkun meħtieġ ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha ( 5 ).

12.

F’dan il-kuntest, konformement mal-ewwel u mar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848, huma l-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinsab iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiftħu l-proċeduri ta’ insolvenza prinċipali ( 6 ). Fir-rigward tal-persuni fiżiċi li ma jeżerċitawx professjoni liberali jew kull attività oħra ta’ persuna li taħdem għal rasha, iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tagħhom huwa preżunt, fl-assenza ta’ prova kuntrarja, li huwa r-residenza abitwali tagħhom ( 7 ). Huwa stabbilit li r-rikorrenti jaqgħu taħt din il-kategorija ta’ persuni.

13.

Konsegwentement, jekk iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tar-rikorrenti jikkorrispondi għall-post tar-residenza abitwali tagħhom, jiġifieri r-Renju Unit, il-qrati Portugiżi ma jkollhomx ġurisdizzjoni għall-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza. Sabiex dawn ikollhom ġurisdizzjoni, jeħtieġ li l-preżunzjoni tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848 tiġi kkonfutata favur l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun tinsab l-unika proprjetà immobbli tar-rikorrenti, jiġifieri l-Portugall. Sabiex tingħata risposta utli għad-domanda preliminari, hemm lok, qabel kollox, li jiġi ddeterminat f’liema ċirkustanzi din il-preżunzjoni tista’ tiġi eskluża u, sussegwentement, li jiġi ddeterminat liema elementi għandhom jiġu ssodisfatti sabiex il-qrati ta’ Stat Membru li ma huwiex dak tar-residenza abitwali jkollhom ġurisdizzjoni skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament.

14.

Il-Gvern Portugiż iqis li l-fatt li wieħed ikun proprjetarju ta’ proprjetà immobbli waħda li tinsab fi Stat Membru ieħor ma jistax, bħala prinċipju, jitqies bħala element suffiċjenti sabiex tiġi kkonfutata din il-preżunzjoni. Il-Kummissjoni tqis li l-imsemmija preżunzjoni tista’ tiġi kkonfutata biss jekk l-unika proprjetà immobbli li d-debitur huwa proprjetarju tagħha tinsab fi Stat Membru ieħor u tikkostitwixxi l-parti l-kbira tal-assi tiegħu u jekk jeżistu fatturi predominanti li jindikaw b’mod ċar li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur jinsab f’dan l-Istat Membru.

15.

F’dan il-kuntest, filwaqt li l-Gvern Portugiż jibbaża ruħu fil-parti l-kbira fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-regolament li ppreċeda r-Regolament 2015/848, jiġifieri r-Regolament 1346/2000, il-Kummissjoni tidher li hija inqas lesta li taċċetta dan fir-rigward tat-trasponibbiltà ta’ din il-ġurisprudenza għaċ-ċirkustanzi tal-każ. Fil-fatt, il-Kummissjoni tindika li, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-preżunzjoni tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848 tistax tiġi kkonfutata, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza dwar il-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali ( 8 ). Essenzjalment, għandu jiġi eżaminat jekk jeżistux ċirkustanzi li jippermettu li jiġi stabbilit li sitwazzjoni għandha rabtiet iktar mill-qrib ma’ Stat Membru differenti minn dak kopert mill-preżunzjoni.

16.

Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, ser neżamina qabel kollox l-applikabbiltà tar-Regolament 2015/848 fil-proċedura fil-kawża prinċipali (Titolu A). Sussegwentement ser nindirizza t-trasponibbiltà tal-ġurisprudenza żviluppata fil-kuntest tar-Regolament Nru 1346/2000 għal dak tar-Regolament 2015/848 u għaċ-ċirkustanzi tal-każ (Titolu B). Finalment, ser neżamina jekk dawn iċ-ċirkustanzi jistgħux jeskludu l-preżunzjoni tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848 u jippermettu lill-qrati Portugiżi jiddikjaraw li għandhom ġurisdizzjoni skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament (Titolu C).

A.   Fuq l-applikabbiltà tar-Regolament 2015/848

17.

Il-qorti tar-rinviju tindika li r-Regolament 2015/848 għandu jiġi interpretat sabiex jiġi ddeterminat jekk il-qrati Portugiżi għandhomx ġurisdizzjoni sabiex jiftħu l-proċedura ta’ insolvenza fir-rigward tar-rikorrenti.

18.

F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 92 tiegħu, ir-Regolament 2015/848 japplika, bħala prinċipju, mis‑26 ta’ Ġunju 2017. Barra minn hekk, l-Artikolu 84(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tiegħu għandhom japplikaw biss għall-proċeduri ta’ insolvenza miftuħa wara din id-data.

19.

Il-kwistjoni dwar jekk kellhiex tinfetaħ proċedura ta’ insolvenza fuq talba tar-rikorrenti probabbilment qamet wara li dawn stabbilixxew ir-residenza abitwali tagħhom fir-Renju Unit, jiġifieri matul is-sena 2016. Għalhekk ma għandux jiġi eskluż, kif tikkunsidra l-qorti tar-rinviju, li r-Regolament 2015/848 japplika għat-talba mressqa mir-rikorrenti quddiem il-qorti Portugiża. Għalhekk, fl-assenza ta’ ċirkustanzi li jistgħu jissostanzjaw il-konklużjoni li skontha r-Regolament 2015/848 ma japplikax għall-kawża prinċipali u b’kunsiderazzjoni tat-tqassim tal-kompiti bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qorti tar-rinviju, inqis li huwa dan ir-regolament li għandu jkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni f’din il-kawża.

20.

Għal finijiet ta’ kompletezza, nirrileva li l-premessa 25 tar-Regolament 2015/848 tistabbilixxi li dan tal-aħħar japplika biss għall-proċeduri rigward debitur li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tiegħu jkun jinsab fl-Unjoni Ewropea. Fis-sentenza tagħha Schmid ( 9 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat in-natura vinkolanti ta’ dan il-prinċipju, li kien stabbilit fi premessa analoga tar-Regolament Nru 1346/2000. Minn dan jirriżulta li l-fatt li debitur ikollu r-residenza tiegħu fi Stat Membru li ma japplikax dan ir-regolament jew fi Stat terz ma jeskludix awtomatikament l-applikabbiltà ta’ dan ir-regolament fil-konfront ta’ dan id-debitur. Fi kwalunkwe każ, ir-Renju Unit ma kien jaqa’ taħt l-ebda waħda minn dawn il-kategoriji fir-rigward tad-data probabbli tal-kawża mressqa quddiem il-qorti Portugiża. Il-premessa 87 tar-Regolament 2015/848 tfakkar li r-Renju Unit ħa sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament ( 10 ).

B.   Fuq ir-rilevanza tal-ġurisprudenza preċedenti dwar ir-Regolament Nru 1346/2000 fir-rigward tar-Regolament 2015/848

21.

Fil-kuntest tar-Regolament 2015/848 kif ukoll tar-Regolament Nru 1346/2000, il-kunċett ta’ “ċentru tal-interessi prinċipali” jintuża bħala kriterju ta’ rabta tar-regola ta’ ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 3(1) ta’ dawn ir-regolamenti, li jippermetti li jiġu ddeterminati l-qrati li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiftħu l-proċedura prinċipali ta’ insolvenza. Barra minn hekk, fir-Regolament 2015/848, bħas-soluzzjoni adottata fil-kuntest tar-regolament li ppreċedieh, il-kriterju ta’ rabta li jikkostitwixxi ċ-ċentru tal-interessi prinċipali jiddetermina, b’mod indirett, il-liġi applikabbli għall-kwistjonijiet dwar l-insolvenza ( 11 ).

22.

Huwa stabbilit fil-ġurisprudenza li l-kunċett ta’ “ċentru tal-interessi prinċipali” li jinsab fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 għandu tifsira awtonoma u għandu għalhekk jiġi interpretat b’mod uniformi u indipendenti mil-liġijiet nazzjonali ( 12 ). Kif jirriżulta mill-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ir-Regolament 2015/848 jirriproduċi, għall-inqas f’termini ġenerali, is-soluzzjonijiet tar-Regolament Nru 1346/2000. Il-kunċett ta’ “ċentru tal-interessi prinċipali” għandu għalhekk jibqa’ jitqies bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni.

23.

F’dan il-kuntest, huwa ċertament veru li, b’differenza mill-predeċessur tiegħu, ir-Regolament 2015/848 ma japplikax biss għall-proċeduri li jinvolvu t-tneħħija tal-assi parzjali jew totali tad-debitur insolventi ( 13 ). Madankollu, b’kunsiderazzjoni tal-kontinwità bejn dawn iż-żewġ regolamenti, il-fatt li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament 2015/848 ġie estiż ma jistax ibiddel b’mod sinjifikattiv il-mod kif għandu jiġi interpretat il-kunċett ta’ “ċentru tal-interessi prinċipali”. Il-fatt li, xi kultant, jekk il-liġi applikabbli fil-qasam tal-insolvenza tipprevedi dan, in-natura tal-proċedura tista’ tinbidel matul l-iżvolġiment tagħha, jikkorrobora din l-interpretazzjoni. Fil-fatt, skont ir-regola msejħa tal-“prinċipju tal-perpetuatio fori”, dan il-fatt ma għandux jaffettwa l-ġurisdizzjoni tal-qorti adita.

24.

Min-naħa l-oħra, sa fejn ir-Regolament 2015/848 jikkonċerna lil persuna fiżika li ma teżerċitax attività indipendenti, is-soluzzjonijiet adottati fil-kuntest ta’ dan ir-regolament fir-rigward tal-preċiżazzjonijiet relatati mas-sens tal-kunċett ta’ “ċentru tal-interessi prinċipali” kif ukoll il-preżunzjonijiet previsti minn dan ir-regolament jistgħu jqajmu dubji dwar l-applikabbiltà tal-ġurisprudenza preċedenti fir-rigward tal-imsemmi regolament.

1. Il-kunċett ta’ “ċentru tal-interessi prinċipali”

25.

Ir-Regolament Nru 1346/2000 ma kienx jipprovdi definizzjoni tal-kunċett ta’ “ċentru tal-interessi prinċipali”. Taħt dan ir-regolament, il-portata ta’ dan il-kunċett kienet madankollu ċċarata mill-premessa 13 tal-imsemmi regolament, li skontha “[ċ]-‘ċentru prinċipali ta’ interessi’ [‘ċentru tal-interessi prinċipali’] għandu jikkoresspondi mal-post fejn id-debitur iwettaq l-amministrazzjoni ta’ l-interessi tiegħu fuq bażi regolari u huwa għalhekk aċċertabbli minn partijiet terzi”. Ir-Regolament 2015/848 a priori juża, fit-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tiegħu, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “ċentru tal-interessi prinċipali” li tinsab fil-premessa 13 tar-Regolament Nru 1346/2000.

26.

Issa, il-premessa 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 kienet tidher li tirrikonoxxi rabta bejn il-post fejn id-debitur iwettaq l-amministrazzjoni tal-interessi tiegħu fuq bażi regolari u l-fatt li dan il-post jista’ jiġi aċċertat minn terzi. Fil-fatt, din il-premessa kienet tipprevedi li “[ċ]-‘ċentru prinċipali ta’ interessi’ [‘ċentru tal-interessi prinċipali’] għandu jikkoresspondi mal-post fejn id-debitur iwettaq l-amministrazzjoni ta’ l-interessi tiegħu fuq bażi regolari u huwa għalhekk aċċertabbli minn partijiet terzi” ( 14 ). Min-naħa l-oħra, it-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848 ma rriproduċietx il-kelma “għalhekk” ( 15 ).

27.

Madankollu, ma naħsibx li din l-isfumatura tista’ tibdel b’mod kunsiderevoli l-mod kif għandu jiġi ddeterminat il-post taċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ debitur meta mqabbel ma’ dak miżmum taħt ir-Regolament Nru 1346/2000.

28.

Ir-riferiment għall-“post aċċertabbli minn partijiet terzi” kien jimplika li l-post fejn id-debitur iwettaq l-amministrazzjoni tal-interessi tiegħu fuq bażi regolari kellu jiġi identifikat skont kriterji oġġettivi, u dan kien neċessarju sabiex dan il-post ikun jista’ jiġi aċċertat minn terzi. F’din il-linja ta’ ħsieb, il-Qorti tal-Ġustizzja sa issa kkunsidrat, fil-ġurisprudenza tagħha dwar ir-Regolament Nru 1346/2000, li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali għandu jkun identifikat abbażi ta’ kriterji kemm oġġettivi kif ukoll aċċertabbli minn terzi ( 16 ).

29.

Fir-rigward tar-Regolament 2015/848, ir-rikors għall-kriterji oġġettivi jibqa’ kruċjali sabiex jiġi żgurat li regola ta’ ġurisdizzjoni tiggarantixxi ċ-ċertezza legali u l-prevedibbiltà tad-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni. Din iċ-ċertezza legali u din il-prevedibbiltà huma iktar u iktar importanti peress li, bħal fil-kuntest tar-Regolament Nru 1346/2000, id-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni twassal, konformement mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament 2015/848, għal dik tal-liġi applikabbli ( 17 ).

30.

Barra minn hekk, għan speċifiku ieħor tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni u ta’ kunflitt tar-Regolament 2015/848 huwa, kif tistabbilixxi l-premessa 5 ta’ dan ir-regolament, li “jiġu evitati inċentivi għall-partijiet biex jittrasferixxu assi jew proċedimenti ġudizzjarji minn Stat Membru għall-ieħor, bil-ħsieb li jiksbu pożizzjoni legali aktar favorevoli għad-detriment tal-korp ġenerali tal-kredituri (forum shopping)”. Ir-rikors għall-kriterji oġġettivi sabiex jiġi ddeterminat il-post taċ-ċentru tal-interessi prinċipali jippermetti wkoll li jiġi limitat ir-rikors għal tali prattiki mid-debituri.

31.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, fil-kuntest tar-Regolament 2015/848, il-post fejn id-debitur iwettaq l-amministrazzjoni tal-interessi tiegħu fuq bażi regolari għandu jiġi ddeterminat abbażi ta’ kriterji oġġettivi li jistgħu jiġu aċċertati minn terzi.

2. Il-preżunzjonijiet previsti mir-Regolament 2015/848

32.

Il-leġiżlatur tal-Unjoni ma llimitax ruħu li jirriproduċi l-premessa 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 u li jagħtiha natura vinkolanti fil-kuntest tar-Regolament 2015/848. Fil-fatt, filwaqt li r-Regolament Nru 1346/2000 kien jipprevedi biss preżunzjoni dwar il-kumpanniji u l-persuni ġuridiċi, it-tieni sar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848 jistabbilixxu tliet preżunzjonijiet differenti li japplikaw fir-rigward ta’ tliet kategoriji ta’ debituri, jiġifieri, l-ewwel nett, il-kumpanniji u l-persuni ġuridiċi, it-tieni nett, il-persuni fiżiċi li jeżerċitaw professjoni liberali jew kull attività oħra ta’ persuna li taħdem għal rasha u, it-tielet nett, kull persuna fiżika oħra.

33.

Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni introduċa limitazzjonijiet li permezz tagħhom il-preżunzjonijiet tat-tieni sar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848 ma jiġux applikati matul il-perijodu ta’ wara t-trasferimenti tal-post preżunt li huwa ċ-ċentru tal-interessi prinċipali. Dan il-perijodu huwa ta’ sitt xhur fir-rigward tal-persuni fiżiċi li ma jeżerċitawx attività indipendenti u ta’ tliet xhur għaż-żewġ kategoriji l-oħra ta’ debituri. Jiena tal-opinjoni li din id-distinzjoni tirriżulta mill-fatt li huwa iktar faċli għal tali persuna fiżika li tittrasferixxi l-post preżunt taċ-ċentru tal-interessi prinċipali tagħha. Fi kwalunkwe każ, dawn il-limitazzjonijiet ma jidhrux li huma rilevanti fil-kuntest ta’ din il-kawża ( 18 ).

34.

Il-preżunzjoni dwar il-persuni fiżiċi li ma jeżerċitawx attività indipendenti, prevista fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848, tikkonsisti fil-fatt li, fl-assenza ta’ prova kuntrarja, iċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ tali persuna huwa preżunt li huwa r-residenza abitwali tagħha. Id-domanda preliminari tirrigwarda eżattament dan l-aspett, jiġifieri l-punt dwar jekk, b’kunsiderazzjoni tal-fatt li l-unika proprjetà immobbli tar-rikorrenti tinsab fil-Portugall, il-preżunzjoni tistax tiġi kkonfutata favur dan l-Istat Membru.

35.

F’dan il-kuntest, in-natura tal-preżunzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848, inkluża dik prevista fir-raba’ subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, tista’ tqajjem dubji b’kunsiderazzjoni tal-formulazzjoni tal-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, li jgħid li l-qorti adita b’talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza għandha teżamina ex officio jekk għandhiex ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament. Barra minn hekk, il-premessa 27 tal-istess regolament tindika li “[q]abel il-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza, il-qorti kompetenti għandha teżamina fuq inizjattiva tagħha jekk iċ-ċentru tal-interessi prinċipali jew l-istabbiliment tad-debitur jinsabx effettivament fil-ġurisdizzjoni tagħha”.

36.

Il-qari tal-premessi segwenti tar-Regolament 2015/848 jikkorrobora l-interpretazzjoni li tgħid li l-obbligu li l-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni tiġi eżaminata ex officio jaqa’ fuq il-qorti adita, anki fir-rigward tal-preżunzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, filwaqt li l-premessi 30 u 31 tar-Regolament 2015/848 jikkonċernaw il-preżunzjonijiet, il-premessa 32 ta’ dan ir-regolament tipprevedi li “[f]il-każijiet kollha, fejn iċ-ċirkostanzi tal-każ jagħtu lok għal dubju rigward il-ġurisdizzjoni tal-qorti, il-qorti għandha titlob lid-debitur iressaq evidenza addizzjonali biex jappoġġa dak li qed isostni u, fejn il-liġi applikabbli għall-proċedimenti ta’ insolvenza tippermetti dan, tagħti lill-kredituri tad-debitur l-opportunità li jippreżentaw il-fehmiet tagħhom dwar il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni” ( 19 ).

37.

Il-fatt li qorti tiġi obbligata teżamina fejn jinsab realment il-post taċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ debitur jidher a priori li huwa diffiċli li jiġi rrikonċiljat mal-kunċett tal-preżunzjonijiet sa fejn dawn jiġu introdotti, essenzjalment, sabiex il-qorti tiġi ddispensata mill-obbligu li teżamina ċ-ċirkustanzi tal-każ.

38.

Fid-dawl ta’ din il-kontradizzjoni evidenti, għandi nosserva li, għalkemm ir-Regolament Nru 1346/2000 ma kienx jinkludi dispożizzjoni analoga għall-Artikolu 4(1) tar-Regolament 2015/848, dan madankollu kien jipprevedi, bħar-Regolament 2015/848, preżunzjoni dwar iċ-ċentru tal-interessi prinċipali, li kienet tikkonċerna l-kumpanniji u l-persuni ġuridiċi.

39.

Dan ma pprekludiex lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tikkonkludi, fis-sentenza Eurofood IFSC ( 20 ), li huwa inerenti għall-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka li l-qorti ta’ Stat Membru adita b’talba għall-ftuħ ta’ proċedura prinċipali ta’ insolvenza tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha fid-dawl tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000, jiġifieri teżamina jekk iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur jinsabx f’dan l-Istat Membru.

40.

Minn dan jirriżulta li l-obbligu stabbilit fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament 2015/848 kien diġà jaqa’ fuq il-qrati tal-Istati Membri taħt ir-Regolament Nru 1346/2000, minkejja li dan kien jinkludi preżunzjoni dwar iċ-ċentru tal-interessi prinċipali. Din il-preżunzjoni tinsab ukoll fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848 flimkien maż-żewġ preżunzjonijiet l-oħra dwar il-persuni fiżiċi. Għaldaqstant, il-valur legali ta’ din il-preżunzjoni – kif ukoll tat-tnejn l-oħra previsti fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848 – fl-opinjoni tiegħi, jibqa’ l-istess meta mqabbel ma’ dak tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000.

41.

F’dan il-kuntest, fir-rigward tal-valur legali tal-preżunzjoni prevista favur l-uffiċċju rreġistrat ta’ kumpannija fir-Regolament Nru 1346/2000, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza Eurofood IFSC ( 21 ), li din il-preżunzjoni setgħet tiġi eskluża biss jekk elementi oġġettivi u aċċertabbli minn terzi kienu jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ sitwazzjoni reali differenti min dik li l-post tal-imsemmi uffiċċju rreġistrat kien mistenni li juri. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, f’dik is-sentenza, li l-imsemmija preżunzjoni setgħet tiġi eskluża meta d-debitur ma kienx jeżerċita attività fit-territorju tal-Istat fejn kien stabbilixxa l-uffiċċju rreġistrat tiegħu ( 22 ) u ddeċidiet, fis-sentenza Interedil ( 23 ), li dan kien ukoll il-każ meta l-post tal-amministrazzjoni ċentrali ta’ kumpannija ma kienx jinsab fl-uffiċċju rreġistrat.

42.

Minn dan niddeduċi li, fir-rigward tar-Regolament 2015/848 u l-preżunzjonijiet tiegħu, inkluża dik prevista fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tiegħu, il-post taċ-ċentru tal-interessi prinċipali preżunt jikkostitwixxi wkoll il-punt ta’ tluq tal-eżami mwettaq skont l-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament. Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, il-qorti adita b’talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza għandha tipproċedi għall-analiżi tal-elementi rilevanti kollha sabiex tiżgura li l-preżunzjoni stabbilita favur il-post tar-residenza abitwali ma ġietx ikkonfutata ( 24 ). Din il-preżunzjoni tista’ tiġi kkonfutata biss jekk dawn l-elementi, iddeterminati fuq il-bażi tal-kriterji li għandhom jiġu adottati fir-rigward ta’ persuna fiżika li ma teżerċitax attività indipendenti, jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ sitwazzjoni reali differenti minn dik li l-post tar-residenza abitwali huwa mistenni li juri.

43.

Għalhekk għandu jiġi eżaminat dak li r-residenza abitwali hija mistennija li turi bħala ċentru tal-interessi prinċipali preżunt, u sussegwentement li jiġu identifikati l-kriterji li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ sitwazzjoni reali differenti mir-riżultat ta’ dan l-eżami.

C.   Fuq l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza preċedenti dwar ir-Regolament Nru 1346/2000 fil-konfront tal-persuni fiżiċi li ma jeżerċitawx attività indipendenti

1. Ir-residenza abitwali bħala ċentru tal-interessi prinċipali preżunt

44.

Il-qorti tar-rinviju tindika li r-rikorrenti stabbilixxew ir-residenza abitwali tagħhom fir-Renju Unit. Mingħajr ma nfittex li niddetermina jekk dan il-fatt jikkorrispondix għall-kunċett ta’ “residenza abitwali” fis-sens tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848, nosserva li dan ir-regolament ma jiddefinixxix dan il-kunċett. Sa fejn ma hemm xejn li jindika li l-leġiżlatur ried jirreferi għad-dritt nazzjonali sabiex jiġi ddeterminat il-post tar-residenza abitwali, għandu jitqies li l-kunċett ta’ “residenza abitwali” jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni.

45.

Ċertament, dan il-kunċett huwa s-suġġett tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar, b’mod partikolari, ir-Regolament (KE) Nru 2201/2003 ( 25 ), li l-kuntest tiegħu jirrigwarda r-residenza abitwali ta’ wild. Madankollu, il-kriterji użati taħt dan ir-regolament sabiex jiġi identifikat il-post tar-residenza abitwali ma jidhirlix li jistgħu jiġu trasposti għar-Regolament 2015/848 sabiex jiġu ddeterminati r-raġunijiet għalfejn ir-residenza abitwali hija preżunta li hija ċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ debitur. F’dan il-kuntest, ma għandhiex tingħata prijorità lill-elementi li jirrigwardaw is-sitwazzjoni soċjali jew tal-familja ( 26 ) iżda dawk li jirrigwardaw is-sitwazzjoni patrimonjali ta’ debitur ( 27 ).

46.

Fil-fatt, fil-kuntest tar-Regolament 2015/848, il-post tar-residenza abitwali jikkostitwixxi l-post preżunt fejn jinsab iċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ debitur, u dan il-post għandu għalhekk ukoll – jew fuq kollox – jikkorrispondi għall-kriterji stabbiliti fit-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, jiġifieri jikkorrispondi għall-post fejn id-debitur iwettaq l-amministrazzjoni tal-interessi tiegħu fuq bażi regolari u li jista’ jiġi aċċertat minn terzi. Issa, is-sitwazzjoni soċjali jew tal-familja ta’ debitur ma tikkostitwixxix element li jista’ jiġi aċċertat faċilment minn terzi. Ċertament, dan ma huwiex il-każ fir-rigward tar-rabtiet interpersonali li għandhom implikazzjonijiet ekonomiċi, bħar-rabta konjugali jew ir-rabta bejn il-membri tal-istess familja. Tali rabtiet jistgħu jinfluwenzaw is-sitwazzjoni ta’ debitur fir-rigward tal-patrimonju tiegħu u, b’mod partikolari, jinkoraġġixxih jikkonkludi tranżazzjonijiet ma’ terzi. Madankollu, jiena tal-opinjoni li tali rabtiet ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni minħabba l-importanza suġġettiva tagħhom għal debitur, iżda minħabba l-implikazzjonijiet ekonomiċi tagħhom. Issa, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-qrati li għandhom ġurisdizzjoni skont il-post taċ-ċentru tal-interessi prinċipali, ir-relazzjoni bejn kumpannija omm u s-sussidjarja tagħha hija distinta b’mod ċar minn dik bejn persuni marbuta b’rabta ta’ parentela. Fil-każ ta’ persuna fiżika li ma teżerċitax attività indipendenti, il-fruntiera li tissepara s-sitwazzjoni ekonomika tagħha mis-sitwazzjoni tal-familja tagħha tispiċċa, filwaqt li, għall-kumpanniji, din il-kwistjoni ma tqumx.

47.

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-qari tar-rapport ta’ M. Virgós u E. Schmit ( 28 ), fejn huwa ġeneralment aċċettat li dan jikkostitwixxi sors ta’ indikazzjonijiet utli fir-rigward tal-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1346/2000 u, għaldaqstant, tar-Regolament 2015/848.

48.

Fil-punt 75 ta’ dan ir-rapport, l-awturi jispjegaw, f’formulazzjoni simili għal dik tal-premessa 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 u tat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848, li l-kunċett ta’ “ċentru tal-interessi prinċipali” għandu jiġi interpretat bħala li jirreferi għall-post fejn id-debitur jeżerċita b’mod abitwali, u għalhekk rikonoxxibbli minn terzi, l-amministrazzjoni tal-interessi tiegħu. Dawn l-awturi jżidu li, bl-użu tal-kelma “interessi”, l-intenzjoni ma kinitx li jiġu koperti biss attivitajiet ta’ natura kummerċjali, industrijali jew professjonali, iżda wkoll kull attività ekonomika inġenerali, b’mod li jiġu inklużi l-attivitajiet tal-individwi, b’mod partikolari dawk tal-konsumaturi. Għalhekk, anki fir-rigward tal-persuni fiżiċi li ma jeżerċitawx attività indipendenti (il-“konsumaturi”), ir-riferiment għall-interessi minbarra dawk li għandhom natura ekonomika ma kienx sar. Iċ-ċentru tal-interessi ekonomiċi għandu jiġi stabbilit prinċipalment abbażi tal-elementi li jirrigwardaw dawn l-interessi.

49.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li sitwazzjoni reali hija differenti minn dik li l-post tar-residenza abitwali huwa mistenni li juri, meta r-residenza abitwali ma tissodisfax ir-rwol tagħha bħala post tat-teħid tad-deċiżjonijiet ekonomiċi ta’ debitur, bħala post fejn il-maġġoranza tad-dħul tiegħu jiġi rċevut u minfuq jew bħala post fejn tinsab il-parti l-kbira tal-assi tiegħu. Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-preżunzjoni tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848 tista’ tiġi kkonfutata.

50.

F’dan il-kuntest, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-unika proprjetà immobbli tar-rikorrenti li tinsab fil-Portugall tikkostitwixxix il-parti l-kbira tal-assi ta’ dawn tal-aħħar. Jekk dan huwa l-każ, il-preżunzjoni tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848 tista’ tiġi kkonfutata u din il-qorti għandha tiddetermina jekk dan l-element huwiex suffiċjenti sabiex jitqies li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tar-rikorrenti jinsab f’dan l-Istat Membru.

51.

Għalhekk jibqa’ biss li jiġu identifikati l-elementi li jistgħu jikkonfutaw din il-preżunzjoni favur l-Istat Membru fejn tinsab l-unika proprjetà immobbli ta’ debitur.

2. L-elementi li jistgħu jikkonfutaw il-preżunzjoni

52.

B’riferiment għas-sentenza Interedil ( 29 ), il-Gvern Portugiż isostni li, fil-każ ta’ persuni fiżiċi, iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tagħhom jikkorrispondi għall-post fejn tinsab il-parti l-kbira tal-patrimonju tagħhom jew għall-post fejn tinsab il-parti l-kbira tar-rabtiet ekonomiċi, soċjali u tal-familja tagħhom, skont evalwazzjoni globali, u billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-perspettiva tal-kredituri attwali jew potenzjali. F’din il-linja ta’ ħsieb, id-duttrina, min-naħa tagħha, tindika li qorti adita għandha tieħu inkunsiderazzjoni diversi kriterji, bħall-eżistenza ta’ kuntratt ta’ kera jew ta’ titolu ta’ proprjetà, id-daqs tar-residenza, il-konsum tal-elettriku, l-ispejjeż tal-ħajja ta’ kuljum, il-preżenza jew le tal-familja fil-post, il-kuntratt ta’ xogħol, l-għarfien tal-lingwa jew anki l-post fejn jinsabu d-djun u l-assi tal-persuna ( 30 ).

53.

Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti, dwar l-elementi li jistgħu jkunu rilevanti waqt l-eżami mwettaq skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament 2015/848, jitolbu, fl-opinjoni tiegħi, xi preċiżazzjonijiet importanti.

54.

Fl-ewwel lok, huwa ċertament veru li l-leġiżlatur tal-Unjoni ppreċiża l-preżunzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848, inkluża dik dwar il-persuni fiżiċi li ma jeżerċitawx attività indipendenti, bl-ispjegazzjonijiet li jinsabu fil-premessa 30 ta’ dan ir-regolament. Din il-premessa tistabbilixxi, b’mod partikolari, li “[f]il-każ ta’ [tali] individwu [persuna fiżika] […], għandu jkun possibbli li din il-preżunzjoni tiġi kkontestata pereżempju jekk il-parti l-kbira tal-assi tad-debitur tkun tinsab barra l-Istat Membru tar-residenza abitwali tad-debitur […]” ( 31 ). Filwaqt li jirreferu għal din is-silta, ir-rikorrenti jsostnu li din tagħti f’dan il-każ il-ġurisdizzjoni lill-qrati Portugiżi sabiex jieħdu konjizzjoni tal-kawża mressqa minnhom.

55.

Madankollu, kif jenfasizzaw il-Gvern Portugiż u l-Kummissjoni, is-sitwazzjonijiet koperti minn din il-premessa jikkostitwixxu biss eżempji tas-sitwazzjonijiet li fihom il-preżunzjoni tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848 tista’ (“għandu jkun possibbli li”) tiġi kkonfutata ( 32 ). Min-naħa l-oħra, is-sempliċi fatt li ċ-ċirkustanzi msemmija f’din il-premessa huma ssodisfatti ma jimplikax li l-preżunzjoni tiġi awtomatikament ikkonfutata favur Stat Membru. Minn dan jirriżulta li l-post fejn jinsabu l-assi tad-debitur jikkostitwixxi wieħed mill-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-eżami tal-kwistjoni dwar jekk il-preżunzjoni tistax tiġi kkonfutata favur Stat Membru jew le.

56.

Effettivament, il-fatt li jitqies li proprjetà waħda tista’ tittrasferixxi ċ-ċentru tal-interessi prinċipali jmur kontra wieħed mill-għanijiet tar-Regolament 2015/848, jiġifieri dak li jiġi prekluż il-“forum shopping”. Dejjem f’dan il-kuntest, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-implikazzjonijiet tal-interpretazzjoni li tgħid li l-preżunzjoni tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848 għandha tiġi kkonfutata favur l-Istat li fit-territorju tiegħu tkun tinsab l-unika proprjetà immobbli tad-debitur. Fil-fatt, din l-interpretazzjoni jkollha l-konsegwenza li, f’dak li jikkonċerna l-każ ta’ persuna li għandha r-residenza abitwali tagħha fi Stat Membru, fejn hija tinsab impjegata b’remunerazzjoni, iżda li hija proprjetarja ta’ proprjetà immobbli li tinsab fi Stat terz, il-qrati tal-Istati Membri ma jkollhomx ġurisdizzjoni sabiex jiftħu proċedura ta’ insolvenza ( 33 ).

57.

Fit-tieni lok, riferimenti utli jistgħu jiġu dedotti mill-formulazzjoni tat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848, moqri fid-dawl tar-raba’ subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni u b’kunsiderazzjoni tal-ispeċifiċità tas-sitwazzjoni tal-persuni fiżiċi li ma jeżerċitawx attività indipendenti.

58.

Minn naħa, minn dan jista’ jiġi dedott li, konformement mat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848, iċ-ċentru tal-interessi prinċipali jikkorrispondi għall-post fejn id-debitur iwettaq l-amministrazzjoni tal-interessi tiegħu fuq bażi regolari u li dan il-post għandu jkun ikkaratterizzat minn grad suffiċjenti ta’ stabbiltà ( 34 ). Kif jirriżulta mill-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-fatt li dan huwa ċentru stabbli ta’ ġestjoni tal-interessi għandu jiġi stabbilit abbażi ta’ elementi oġġettivi, li jistgħu jiġu aċċertati minn terzi.

59.

Min-naħa l-oħra, mill-formulazzjoni tat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848 jirriżulta wkoll li l-fatt li l-post fejn id-debitur iwettaq l-amministrazzjoni tal-interessi tiegħu fuq bażi regolari għandu jkun jista’ jiġi aċċertat mit-terzi jimplika, min-naħa tiegħu, li hija d-dehra maħluqa mill-elementi oġġettivi kollha li hija determinanti f’dan il-kuntest ( 35 ).

60.

Huwa ċertament veru li t-terminu “terzi” huwa kunċett estremament wiesa’. Il-premessa 28 tar-Regolament 2015/848 tiċċara li “[m]eta jkun qed jiġi determinat jekk iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur jistax jiġi aċċertat minn partijiet terzi, għandha tingħata kunsiderazzjoni speċjali lill-kredituri u l-perċezzjoni tagħhom dwar fejn debitur iwettaq l-amministrazzjoni tal-interessi tiegħu”. Barra minn hekk, fis-sentenza tagħha Interedil ( 36 ), il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li r-rekwiżit ta’ oġġettività u l-possibbiltà ta’ verifika li l-premessa 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 tagħmel riferiment għalihom huma ssodisfatti meta l-elementi materjali meħuda inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit il-post fejn il-kumpannija debitriċi normalment tamministra l-interessi tagħha kienu s-suġġett ta’ pubblikazzjoni jew, għall-inqas, kienu mdawra bi trasparenza biżżejjed sabiex it-terzi, jiġifieri b’mod partikolari l-kredituri ta’ din il-kumpannija, setgħu jkunu jafu bihom.

61.

F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li d-domanda preliminari kif ifformulata tirreferi biss għall-fatt li d-debitur huwa proprjetarju ta’ proprjetà immobbli li tinsab fi Stat Membru li ma huwiex dak tar-residenza abitwali tiegħu, fejn huwa jinsab impjegat b’remunerazzjoni. Madankollu, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti allegaw ukoll, b’mod partikolari, li huwa fil-Portugall li twettqu t-tranżazzjonijiet kollha u ġew konklużi l-kuntratti kollha li wasslu għas-sitwazzjoni ta’ insolvenza tagħhom.

62.

Fid-dawl ta’ dan, fir-rigward tal-persuni fiżiċi li ma jeżerċitawx attività indipendenti, ma naħsibx li għandha tingħata importanza deċiżiva lill-impressjoni globali prodotta preċedentement mis-sitwazzjoni ta’ debitur fil-konfront tal-kredituri tiegħu.

63.

Fil-fatt, fl-Unjoni, il-mobbiltà ta’ dawn il-persuni hija sinjifikattiva. Il-kredituri tagħhom jistgħu dejjem jantiċipaw it-trasferiment taċ-ċentru tal-interessi ta’ debitur u, skont il-premessa 27 tar-Regolament 2015/848, iċ-ċentru tal-interessi prinċipali jew l-istabbiliment tad-debitur għandu jkun realment fil-ġurisdizzjoni ta’ qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tat-talba għall-ftuħ ta’ proċedura prinċipali ta’ insolvenza. Barra minn hekk, dan ir-regolament jipprevedi biżżejjed garanziji intiżi sabiex jipprekludu t-tfittxija frawdolenti jew abbużiva tal-qorti l-iktar favorevoli. Konsegwentement, mingħajr preġudizzju għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-garanziji, għandha tingħata importanza fuq kollox lill-elementi oġġettivi li jistgħu jiġu aċċertati minn terzi (kredituri attwali u potenzjali) meta titressaq tali talba.

D.   Kunsiderazzjonijiet finali

64.

Sabiex niġbor fil-qosor l-analiżi tiegħi, il-preżunzjoni prevista fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848 tista’ tiġi eskluża fil-każ fejn il-post tar-residenza abitwali ta’ persuna fiżika li ma teżerċitax attività indipendenti ma jissodisfax ir-rwol tiegħu bħala post tat-teħid tad-deċiżjonijiet ekonomiċi ta’ debitur, bħala post fejn il-maġġoranza tad-dħul tiegħu jiġi rċevut u minfuq jew bħala post fejn tinsab il-parti l-kbira tal-assi tiegħu. Madankollu, din il-preżunzjoni ma tistax tiġi kkonfutata favur l-Istat li fit-territorju tiegħu tinsab l-unika proprjetà immobbli, fl-assenza ta’ elementi oħra li jindikaw li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ dan id-debitur jinsab f’dan l-Istat Membru. Din iċ-ċirkustanza tista’ tiġi stabbilita abbażi ta’ elementi oġġettivi u li jistgħu jiġu aċċertati mit-terzi (kredituri attwali u potenzjali) li huma marbuta mal-interessi ekonomiċi ta’ dan id-debitur.

V. Konklużjoni

65.

Għal dawn ir-raġunijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta li ġejja għad-domanda preliminari magħmula mit-Tribunal da Relação de Guimarães (il-Qorti tal-Appell ta’ Guimarães, il-Portugall):

L-ewwel u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-preżunzjoni li tgħid li r-residenza abitwali ta’ debitur, persuna fiżika li ma teżerċitax attività indipendenti, hija preżunta li hija l-post taċ-ċentru tal-interessi prinċipali tiegħu tista’ tiġi eskluża fil-każ fejn il-post tar-residenza abitwali ma jissodisfax ir-rwol tiegħu bħala post tat-teħid tad-deċiżjonijiet ekonomiċi ta’ debitur, bħala post fejn il-maġġoranza tad-dħul tiegħu jiġi rċevut u minfuq jew bħala l-post fejn tinsab il-parti l-kbira tal-assi tiegħu.

Madankollu, din il-preżunzjoni ma tistax tiġi kkonfutata favur l-Istat li fit-territorju tiegħu tinsab l-unika proprjetà immobbli ta’ debitur, fl-assenza ta’ elementi oħra li jindikaw li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tiegħu jinsab f’dan l-Istat Membru. Din iċ-ċirkustanza tista’ tiġi stabbilita abbażi ta’ elementi oġġettivi u li jistgħu jiġu aċċertati mit-terzi (kredituri attwali u potenzjali) li huma marbuta mal-interessi ekonomiċi ta’ dan id-debitur.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Regolament tal-Kunsill tad‑29 ta’ Mejju 2000 dwar proċedimenti ta’ falliment (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191).

( 3 ) Ara s-sentenzi tat‑2 ta’ Mejju 2006, Eurofood IFSC (C‑341/04, EU:C:2006:281); tal‑20 ta’ Ottubru 2011, Interedil (C‑396/09, EU:C:2011:671); u tal‑15 ta’ Diċembru 2011, Rastelli Davide u C. (C‑191/10, EU:C:2011:838).

( 4 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza (ĠU 2015, L 141, p. 19, rettifika fil-ĠU 2016, L 349, p. 9).

( 5 ) Ara, bħala eżempju, is-sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2017, Neto de Sousa (C‑506/16, EU:C:2017:642, punt 23), u tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Aqua Pro (C‑407/16, EU:C:2017:817, punt 26).

( 6 ) Ara l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848.

( 7 ) Ara r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848.

( 8 ) Konvenzjoni miftuħa għall-firma f’Ruma fid‑19 ta’ Ġunju 1980 (ĠU 1980, L 266, p. 1).

( 9 ) Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2014 (C‑328/12, EU:C:2014:6, punt 21).

( 10 ) Konsegwentement, l-irtirar tar-Renju Unit mill-Unjoni ma jipprekludix, bħala prinċipju, lill-qrati Portugiżi milli jieħdu konjizzjoni tat-talba tar-rikorrenti.

( 11 ) L-Artikolu 7(1) tar-Regolament 2015/848 jipprevedi li “[ħ]lief fejn ipprovdut b’ mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għal proċedimenti ta’ insolvenza u l-effetti tagħhom għandha tkun dik tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinfetaħ tali proċedura, (l-‘Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti’)”.

( 12 ) Ara s-sentenzi tat‑2 ta’ Mejju 2006, Eurofood IFSC (C‑341/04, EU:C:2006:281, punt 31); tal‑20 ta’ Ottubru 2011, Interedil (C‑396/09, EU:C:2011:671, punt 43); kif ukoll tal‑15 ta’ Diċembru 2011, Rastelli Davide u C. (C‑191/10, EU:C:2011:838, punt 31).

( 13 ) Ir-Regolament 2015/848 jiġbor proċeduri mwettqa għall-finijiet ta’ rkupru, ta’ aġġustament tad-dejn jew ta’ riorganizzazzjoni kif ukoll ta’ proċeduri ta’ qabel l-insolvenza. Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża A (C‑716/17, EU:C:2019:262, punt 25). Ara wkoll, Hess, B., Oberhammer, P., Bariatti, S., Koller, Ch., Laukemann, B., Requejo Isidro, M., Villata, F.C. (edituri), The Implementation of the New Insolvency Regulation: Improving Cooperation and Mutual Trust, Nomos, Baden‑Baden, 2017, p. 52; Sautonie-Laguionie, L., “L’extension du champ d’application du règlement (UE) no 2015/848 par une définition vaste des ‘procédures d’insolvabilité’”, Le nouveau droit européen des faillites internationales, taħt id-direzzjoni ta’ Cotiga-Raccah, A., Sautonie-Laguionie, L., Bruylant, Brussell, 2018, p. 66 et seq.

( 14 ) Enfasi miżjuda minni.

( 15 ) Ara Andrianesis, A.P., “The Opening of Multijurisdictional Insolvencies Through the Prism of the Recast Regulation 848/2015”, European Company Law, 2017, vol. 14(1), p. 9; Mucciarelli, F.M., “Private International Law Rules in the Insolvency Regulation Recast: A Reform or a Restatement of the Status Quo?”, European Company Law, 2016, vol. 1, pp. 14 u 15; u Vallens, J.L., “Le règlement (UE) no 2015/848 du 20 mai 2015: une avancée significative du droit européen de l’insolvabilité”, Revue Lamy Droit des Affaires, 2015, nru 106, p. 18.

( 16 ) Ara s-sentenzi tat‑2 ta’ Mejju 2006, Eurofood IFSC (C‑341/04, EU:C:2006:281, punt 33), u tal‑20 ta’ Ottubru 2011, Interedil (C‑396/09, EU:C:2011:671, punt 49). Ara wkoll id-digriet tal‑24 ta’ Mejju 2016, Leonmobili u Leone (C‑353/15, mhux ippubblikat, EU:C:2016:374, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 17 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2006, Eurofood IFSC (C‑341/04, EU:C:2006:281, punt 33) li tikkonċerna r-Regolament Nru 1346/2000. Fil-fatt, l-għan fundamentali tar-regoli ta’ kunflitt huwa li tiġi ggarantita l-prevedibbiltà tal-liġi applikabbli għall-evalwazzjoni ta’ sitwazzjoni fattwali partikolari, anki fir-rigward tal-applikazzjoni tal-liġi tal-forum. Ara, b’mod partikolari, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża KP (C‑83/17, EU:C:2018:46, punt 81).

( 18 ) Huwa stabbilit li, mis-sena 2016, ir-rikorrenti jirrisjedu abitwalment fir-Renju Unit. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet, sabiex ir-Regolament 2015/848 ikun jista’ japplika għall-proċedura fil-kawża prinċipali, il-proċedura ta’ insolvenza kellha tinfetaħ wara s‑26 ta’ Ġunju 2017. Fi kwalunkwe każ, il-formulazzjoni użata mill-qorti tar-rinviju fid-domanda tagħha timplika li din il-qorti teskludi l-possibbiltà li tiġi eskluża l-preżunzjoni tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament minħabba t-trasferiment tar-residenza abitwali tar-rikorrenti matul il-perijodu ta’ sitt xhur.

( 19 ) Enfasi miżjuda minni.

( 20 ) Ara s-sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2006 (C‑341/04, EU:C:2006:281, punt 41). Fir-rigward tal-implikazzjonijiet ta’ din l-interpretazzjoni, ara Van Calster, G., European Private International Law, Hart Publishing, Oxford, Portland, 2016, p. 298.

( 21 ) Ara s-sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2006, Eurofood IFSC (C‑341/04, EU:C:2006:281, punt 34).

( 22 ) Ara s-sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2006, Eurofood IFSC (C‑341/04, EU:C:2006:281, punt 35).

( 23 ) Sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2011, Interedil (C‑396/09, EU:C:2011:671, punt 51).

( 24 ) Ara, f’dan is-sens, Cuniberti, G., Nabet, P., Raimon, M., Droit européen de l’insolvabilité. Règlement (UE) 2015/848 du 20 mai 2015 relatif aux procédures d’insolvabilité, LGDJ, Issy-les-Moulineaux, 2017, p. 116, punt 197.

( 25 ) Regolament tal-Kunsill tas‑27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243, rettifika fil-ĠU 2013, L 82, p. 63).

( 26 ) Ara, a contrario sensu, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Mercredi (C‑497/10 PPU, EU:C:2010:829, punti 4748).

( 27 ) Ara Jault‑Seseke, F., “Le règlement 2015/848: le vin nouveau et les vieilles outres”, Revue critique de droit international privé, 2016, punt 27.

( 28 ) Rapport ta’ M. Virgós u E. Schmit dwar il-Konvenzjoni dwar il-proċeduri ta’ insolvenza, tat‑3 ta’ Mejju 1996 (dokument tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Nru 6500/96, DRS 8 (CFC)); il-verżjoni definittiva tat-test sħiħ bl-Ingliż tinsab fix-xogħol ta’ Moss, G., Fletcher, I. F., Isaacs, S., The EC Regulation on Insolvency proceedings: A Commentary and Annotated Guide, it-tieni edizzjoni, Oxford University Press, Oxford, 2009, pp. 381 et seq.

( 29 ) Sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2011 (C‑396/09, EU:C:2011:671, punt 52).

( 30 ) Ara Cuniberti, G., Nabet, P., Raimon, M, op. cit., p. 76, punt 145.

( 31 ) Ċertament, il-premessa 30 tar-Regolament 2015/848 issemmi sitwazzjoni oħra li tippermetti li tiġi kkonfutata l-preżunzjoni, jiġifieri meta “r-raġuni ewlenija għaċ-ċaqliq [tad-debitur] kienet li jagħmel rikors għall-proċedimenti ta’ insolvenza fil-ġurisdizzjoni l-ġdida u jekk dan ir-rikors ikunx ta’ ħsara materjali għall-interessi tal-kredituri li n-negozju tagħhom mad-debitur ikun seħħ qabel ir-rilokazzjoni”. Madankollu, ma huwiex allegat li r-rikorrenti ttrasferixxew ir-residenza abitwali tagħhom b’tali intenzjoni u, fi kwalunkwe każ, il-qorti tar-rinviju ma tidhirx li tikkunsidra din l-ipoteżi.

( 32 ) Ara wkoll il-punt 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 33 ) Ara l-punt 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 34 ) Fabriès‑Lecéa, E., “Règlement (UE) no 2015/848 du 20 mai 2015 relatif aux procédures d’insolvabilité. Commentaire article par article”, taħt id-direzzjoni ta’ Sautonie‑Laguionie, S., Société de législation comparée, Pariġi, 2015, p. 61.

( 35 ) Ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-fatt li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali għandu jkun jista’ jiġi aċċertat mit-terzi, Jault‑Seseke, F., op. cit.

( 36 ) Sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2011 (C‑396/09, EU:C:2011:671, punt 49).

Top