EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CJ0328

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-16 ta’ Jannar 2014.
Ralph Schmid vs Lilly Hertel.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 1346/2000 — Proċedimenti ta’ falliment — Azzjoni revokatorja bbażata fuq il-falliment — Domiċilju tal-konvenut fi Stat terz — Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat Membru taċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur.
Kawża C‑328/12.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:6

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

16 ta’ Jannar 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 1346/2000 — Proċedimenti ta’ falliment — Azzjoni revokatorja bbażata fuq il-falliment — Domiċilju tal-konvenut fi Stat terz — Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat Membru taċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur”

Fil-Kawża C‑328/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Ġunju 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Lulju 2012, fil-proċedura

Ralph Schmid, li jaġixxi bħala likwidatur fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ falliment fir-rigward tal-beni ta’ Aletta Zimmermann,

vs

Lilly Hertel,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, K. Lenaerts, viċi-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jaġixxi bħala Imħallef tal-Ewwel Awla, A. Borg Barthet, E. Levits u M. Berger (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ April 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal R. Schmid, li jaġixxi bħala likwidatur fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ falliment fir-rigward tal-beni ta’ A. Zimmermann, minn G. S. Mohnfeld, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Bogensberger u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Settembru 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191, iktar ’il quddiem ir-“Regolament”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn R. Schmid, li jaġixxi bħala likwidatur fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ falliment fir-rigward tal-beni ta’ A. Zimmermann (iktar ’il quddiem id-“debitriċi”), u L. Hertel, residenti fl-Isvizzera, fir-rigward ta’ azzjoni revokatorja.

Il-kuntest ġuridiku

3

Il-premessi 2 sa 4, 8, 12 u 14 tar-Regolament jipprovdu:

“(2)

Il-funzjonament xieraq tas-suq intern jeħtieġ illi l-proċedimenti ta’ falliment trans-fruntieri joperaw b’effiċjenza u b’effettività […]

(3)

L-attivitajiet tal-intrapriżi għandhom dejjem iżjed effetti trans-fruntieri u għalhekk jiġu dejjem aktar regolati bil-liġi tal-Komunità. Waqt li l-falliment ta’ dawn l-intrapriżi jeffettwa wkoll il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, hemm il-ħtieġa għal att tal-Komunità li jkun jeħtieġ il-koordinament tal-miżuri li għandhom jittieħdu rigward l-assi tad-debitur f’każ ta’ falliment.

(4)

Huwa meħtieġ għal funzjonament tajjeb tas-suq intern li jiġu evitati inċentivi għal partijiet li jittrasferixxu assi jew proċedimenti ġudizzjarji minn Stat Membru għall-ieħor, biex b’hekk ifittxu sitwazzjoni legali aktar favorevoli (forum shopping).

[…]

(8)

Sabiex jintlaħaq il-għan illi jinġiebu ’l quddiem l-effiċjenza u l-effettività ta’ proċedimenti ta’ falliment li għandhom effett trans-fruntier, huwa meħtieġ, u xieraq, li dispożizzjonijiet dwar ġurisdizzjoni, għarfien, u l-applikabilità tal-liġi f’dan il-qasam għandhom ikunu miġbura f’miżura ta’ liġi tal-Komunità li tkun torbot u tapplika direttament fi Stati Membri.

[…]

(12)

Dan ir-Regolament jawtoriżża l-proċedimenti prinċipali ta’ falliment li jinbdew fl-Istat Membru fejn id-debitur ikollu iċ-ċentru prinċipali ta’ l-interessi tiegħu. Dawn il-proċedimenti għandhom l-iskop universali u l-għan li jkopru l-assi kollha tad-debitur. […]

[…]

(14)

Dan ir-Regolament japplika biss għal proċedimenti fejn ikunu jinstabu fil-Komunità ċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali tad-debitur.”

4

Skont l-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għal proċedimenti kollettivi ta’ falliment li jinvolvu t-tneħħija tal-assi parzjali jew totali ta’ debitur u l-ħatra ta’ likwidatur.”

5

L-Artikolu 3 tar-Regolament, intitolat “Ġurisdizzjoni internazzjonali”, jistabbilixxi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-qrati ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinstab iċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali tad-debitur għandu jkollu l-ġurisdizzjoni biex jiftaħ il-proċedimenti ta’ falliment. […]”

6

L-Artikolu 5(1) tar-Regolament jipprovdi:

“Il-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ falliment m’għandux jaffettwa d-drittijiet in rem ta’ kredituri jew partijiet terzi rigward l-assi tanġibbli jew mhux tanġibbli, mobbli jew immobbli - it-tnejn assi speċifiċi u kollezzjonijiet ta’ assi indefiniti bħala massa li jinbidlu minn żmien għal żmien - li jappartieni għad-debitur li jkunu jinstabu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor fil-waqt tal-ftuħ tal-proċedimenti.”

7

Skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament:

“Il-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ falliment m’għandhomx jeffetwaw id-dritt tal-kredituri li jinsistu fuq kumpens b’bilanċ tat-talbiet tagħhom kontra t-talbiet tad-debitur, meta kumpens b’bilanċ ikun permissibli bil-liġi applikabbli għat-talbiet tad-debitur fallut.”

8

L-Artikolu 14 tar-regolament jipprovdi kif ġej:

“Meta, b’att konkluż wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment, id-debitur jiddisponi, għal konsiderazzjoni, minn:

xi assi immobbli, jew

vapur jew ajruplan soġġetti għal reġistrazzjoni f’reġistru pubbliku, jew

sigurtajiet li l-eżistenza tagħhom tippresuponi reġistrazzjoni f’reġistru rikjesti mill-liġi,

il-validità ta’ dak l-att għandha tiġi regolata bil-liġi ta’ l-Istat li fit-territorju tiegħu jkunu jinstabu l-assi immobli jew permezz ta’ l-awtorità li biha jinżamm ir-reġistru.”

9

L-Artikolu 25(1) tar-Regolament jipprovdi:

“1.   Sentenzi mgħotija minn qorti li l-ġudizzju tiegħu dwar il-ftuħ ta’ proċedimenti huwa rikonoxxut skond l-Artikolu 16 u li jikkonċernaw il-kors u l-egħluq ta’ proċedimenti ta’ falliment, u komposizzjonijiet approvati minn dik il-qorti għandhom ukoll ikunu rikonoxxuti mingħajr formalitajiet oħra. Sentenzi bħal dawk għandom jiġu eżegwiti skond l-Artikoli 31 sa 52, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 34(2), tal-Konvenzjoni ta’ Brussel dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali, kif emendata bil-Konvenzjoni tal-Adeżjoni ta’ din il-Konvenzjoni.

L-ewwel sub-paragrafu għandu wkoll japplika għal sentenzi li jirriżultaw direttament mill-proċedimenti ta’ falliment u li jkunu marbuta mill-qrib magħhom, anki jekk dawk kienu mgħotija minn qorti ieħor.

[…]”

10

Skont l-Artikolu 44(3)(a) tar-Regolament, dan ma għandux japplika “f’xi Stat Membru, sal-limitu li ma jkunx jaqbel ma’ l-obbligi li joriġinaw in relazzjoni ma’ falliment minn konvenzjoni konkluża minn dak l-Istat ma’ wieħed jew aktar pajjiżi terzi qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament”.

11

L-Anness A tar-Regolament jinkludi fih lista tal-proċedimenti ta’ falliment imsemmija fl-Artikolu 1(1) tiegħu.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

12

R. Schmid huwa l-likwidatur maħtur fil-proċedimenti ta’ falliment miftuħa fil-Ġermanja, fl-4 ta’ Mejju 2007, kontra d-debitriċi. Il-konvenuta, L. Hertel, tirrisjedi fl-Isvizzera. R. Schmid ħarrek lil din tal-aħħar quddiem il-qrati Ġermaniżi, permezz ta’ azzjoni revokatorja, fejn talab ir-reintegrazzjoni fil-patrimonju tad-debitriċi ta’ somma ta’ EUR 8 015.08, bl-interessi mhux inklużi. Din l-azzjoni ġiet miċħuda bħala inammissibbli fl-ewwel u fit-tieni istanzi minħabba nuqqas ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Ġermaniżi. Permezz ta’ appell għal “reviżjoni”, R. Schmid ressaq l-azzjoni revokatorja tiegħu quddiem il-Bundesgerichtshof.

13

Din l-aħħar qorti tosserva li l-kwistjoni fil-kawża prinċipali tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni materjali tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament. F’dan ir-rigward, din tirreferi għas-sentenza tat-12 ta’ Frar 2009, Seagon (C-339/07, Ġabra p. I-767), u tfakkar li, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-qrati tal-Istat Membru li fuq it-territorju tiegħu tressqu l-proċedimenti ta’ falliment huma kompetenti sabiex jiddeċiedu dwar azzjoni revokatorja diretta kontra konvenut stabbilit fi Stat Membru ieħor.

14

Madankollu, għadha ma hijiex stabbilita l-kwistjoni jekk l-Artikolu 3(1) tar-Regolament japplikax ukoll meta l-proċedimenti ta’ falliment ikunu nfetħu fi Stat Membru, iżda meta l-konvenut fl-azzjoni revokatorja jkollu r-residenza jew l-uffiċċju rreġistrat tiegħu mhux fi Stat Membru iżda fi Stat terz.

15

Il-qorti tar-rinviju tqis li, skont il-kliem tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni huwa biżżejjed li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur ikun jinsab fi Stat Membru. Madankollu, peress li l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament tippresupponi l-preżenza ta’ element ta’ estranjetà, ma huwiex ċar jekk dan għandux ikun relatat ma’ Stat Membru ieħor jew ma’ Stat terz.

16

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Il-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu nfetħet il-proċedura ta’ insolvenza li tirrigwarda l-patrimonju tad-debitur għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu azzjoni ta’ revoka bis-saħħa tal-insolvenza kontra persuna li ma għandhiex ir-residenza tagħha jew l-uffiċċju rreġistrat tagħha fit-territorju ta’ Stat Membru?”

Fuq id-domanda preliminari

17

Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 3(1) tar-Regolament għandux jiġi interpretat fis-sens li l-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu nfetħu l-proċedimenti ta’ falliment għandhom il-ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar azzjoni revokatorja bbażata fuq il-falliment u intiża kontra konvenut li ma jkunx residenti fit-territorju ta’ Stat Membru.

18

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu qabel kollox jitfakkar li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament jillimita ruħu li jistabbilixxi li għandhom ġurisdizzjoni biex jiftħu proċedimenti ta’ falliment kontra debitur il-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab iċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ dan id-debitur. Fil-każ tal-kawża prinċipali, iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur jinsab fil-Ġermanja.

19

Madankollu, preliminarjament, għandu jiġi ddeterminat jekk, meta l-uniku element ta’ estranjetà li jkun fiha s-sitwazzjoni inkwistjoni jkun jikkonċerna r-relazzjoni bejn Stat Membru u Stat terz, il-proċedimenti ta’ falliment ikunux taħt il-ġurisdizzjoni ta’ dan l-Istat Membru abbażi tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament jew jekk, min-naħa l-oħra, din il-kwistjoni ta’ kompetenza internazzjonali għandhiex tiġi riżolta bl-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru.

20

Fir-rigward tal-kwistjoni, li tqum fil-kuntest ta’ din id-determinazzjoni, jekk l-applikazzjoni tar-regolament tippresupponix, f’kull każ, l-eżistenza ta’ elementi ta’ estranjetà fis-sens li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament biss is-sitwazzjonijiet li għandhom rabtiet ma’ żewġ Stati Membri jew iktar, għandu jiġi osservat li tali kundizzjoni ġenerali u assoluta ma tirriżultax mill-kliem tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament.

21

Fil-fatt, kif fakkar l-Avukat Ġenerali fil-punt 25 tal-konklużjonijiet tiegħu, la l-Artikolu 1 tar-Regolament, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, u lanqas l-Anness A tar-Regolament li fih lista ta’ proċedimenti ta’ falliment imsemmija f’din l-ewwel dispożizzjoni, ma jirrestrinġu l-applikazzjoni tar-Regolament għall-proċeduri li għandhom element ta’ estranjetà fis-sens imsemmi fil-punt preċedenti. L-istess japplika fir-rigward tal-premessa 14 tar-Regolament, li tgħid li l-applikazzjoni tiegħu hija eskluża biss fil-każ fejn iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur ikun jinsab barra mill-Unjoni Ewropea.

22

Ċertament, l-applikazzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet tar-Regolament tippresupponi l-preżenza ta’ elementi marbuta mat-territorju jew mas-sistema legali ta’ mill-inqas żewġ Stati Membri, kif inhu l-każ tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament, li jipprovdi regola dwar id-drittijiet reali ta’ terzi fuq beni tad-debitur li jkunu jinsabu, fil-mument tal-ftuħ tal-proċedura, fit-territorju ta’ “Stat Membru ieħor”, jew tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tar-Regolament, li jirrigwarda l-“proċedimenti sekondarji ta’ falliment”, li jirrigwardaw biss lill-proċeduri sekondarji li jkunu nfetħu fi Stat Membru ieħor.

23

Madankollu, dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament, bħall-Artikoli 6 u 14 tiegħu, ma fihomx tali restrizzjonijiet espressi. Barra minn hekk, l-Artikolu 44(3)(a) tar-Regolament jipprovdi li dan ma japplikax, f’kull Stat Membru, sa fejn ma jkunx kompatibbli mal-obbligi dwar il-falliment li jirriżultaw minn konvenzjoni konkluża preċedentement għad-dħul fis-seħħ tiegħu minn dan l-Istat Membru ma’ Stat terz wieħed jew iktar. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tkun fil-prinċipju superfluwa kieku r-Regolament inkwistjoni ma kienx japplika għar-relazzjonijiet bejn Stat Membru u Stat terz.

24

F’dan il-kuntest, f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet tar-Regolament li ma jipprevedux espressament element ta’ estranjetà li jinvolvi lil mill-inqas żewġ Stati Membri, għandu jiġi kkonstatat li l-għanijiet imfittxija mir-Regolament, hekk kif b’mod partikolari jirriżultaw mill-premessi tiegħu, lanqas ma jinsistu favur interpretazzjoni stretta tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament, u b’hekk jippresupponu l-preżenza neċessarja ta’ tali element.

25

Fil-fatt, għalkemm mill-premessi 2 sa 4 tar-Regolament jirriżulta li l-għan tiegħu huwa, b’mod partikolari, li jiżgura l-“funzjonament xieraq tas-suq intern”, madankollu, mill-premessa 4 jirriżulta li dan l-għan jeżiġi, b’mod partikolari, “li jiġu evitati inċentivi għal partijiet li jittrasferixxu assi jew proċedimenti ġudizzjarji minn Stat Membru għall-ieħor, biex b’hekk ifittxu sitwazzjoni legali aktar favorevoli (forum shopping)”. Il-premessa 8 tar-Regolament issemmi l-għan li “jinġiebu ’l quddiem l-effiċjenza u l-effettività ta’ proċedimenti ta’ falliment li għandhom effett trans-fruntier”, u l-premessa 12 tar-Regolament jipprovdi li l-proċedimenti ta’ falliment li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament “għandhom l-iskop universali u l-għan li jkopru l-assi kollha tad-debitur”. Dawn l-aħħar għanijiet jistgħu jinkludu mhux biss ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, iżda, min-natura u skont il-kliem tagħhom, kull sitwazzjoni transkonfinali.

26

Finalment, mill-għanijiet speċifiċi tal-Artikolu 3(1) innifsu tar-Regolament lanqas ma tirriżulta limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament għal sitwazzjonijiet li neċessarjament jinvolvu lil mill-inqas żewġ Stati Membri.

27

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni tillimita ruħha biex tistabbilixxi regola ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali, li tgħid li “[i]l-qrati ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinstab iċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali tad-debitur għandu jkollu l-ġurisdizzjoni biex jiftaħ il-proċedimenti ta’ falliment”. B’hekk, moqri fid-dawl tal-premessa 8 tar-Regolament, l-Artikolu 3(1) tiegħu huwa intiż biex iħeġġeġ il-prevedibbiltà u, għalhekk, iċ-ċertezza legali f’dak li jikkonċerna l-kompetenzi ġurisdizzjonali fil-qasam tal-falliment.

28

Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, sabiex tiġi ddeterminata l-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni biex tiftaħ il-proċedimenti ta’ falliment, iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur għandu jiġi ddeterminat fid-data tat-talba tal-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment (ara s-sentenza tas-17 ta’ Jannar 2006, Staubitz‑Schreiber, C-1/04, Ġabra p. I-701, punt 29). Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 29 tal-konklużjonijiet tiegħu, f’dan l-istadju prematur, l-eżistenza ta’ eventwali element ta’ estranjetà tista’ ma tkunx magħrufa. Madankollu, id-determinazzjoni tal-qorti kompetenti ma tistax tiġi ddifferita sakemm jiġu individwati d-diversi aspetti tal-proċedura minbarra ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur, bħar-residenza ta’ konvenut potenzjali għal azzjoni aċċessorja. Fil-fatt, jekk ikun hemm waqfien sakemm ikunu magħrufa dawn l-elementi, jiġu ppreġudikati l-għanijiet li jikkonsistu fit-titjib tal-effiċjenza u tal-effettività tal-proċedimenti ta’ falliment li għandhom effetti transkonfinali.

29

Għalhekk, l-applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament ma tistax, bħala regola ġenerali, tiddependi mill-eżistenza ta’ rabta ta’ estranjetà li tinvolvi lil Stat Membru ieħor.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fir-rigward tal-punt speċifiku dwar jekk il-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu nfetħu l-proċedimenti ta’ falliment humiex kompetenti biex jisimgħu azzjoni revokatorja bbażata fuq il-falliment kontra konvenut li ma huwiex residenti fit-territorju ta’ Stat Membru, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 21 tas-sentenza Seagon, iċċitata iktar ’il fuq, iddeċidiet li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li jattribwixxi lill-qrati tal-Istat Membru kompetenti biex jiftħu proċedimenti ta’ falliment anki ġurisdizzjoni internazzjonali biex jisimgħu azzjonijiet derivanti direttament minn din il-proċedura u li huma relatati mill-qrib.

31

Għaldaqstant, fil-punt 25 tas-sentenza msemmija, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li dawn il-qrati għandhom, għalhekk, ġurisdizzjoni biex jiddeċiedu dwar azzjoni revokatorja bbażata fuq il-falliment u diretta kontra konvenut li għandu l-uffiċċju rreġistrat fi Stat Membru ieħor.

32

Madankollu, is-sempliċi fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja, f’din l-istess sentenza, llimitat ruħha biex tikkonstata l-ġurisdizzjoni tal-qorti fejn infetħet il-proċedura li tiddeċiedi dwar l-azzjonijiet diretti kontra l-konvenuti stabbiliti fi Stat Membru ieħor, ma jippermettix li jiġi konkluż li tali ġurisdizzjoni tiġi a priori eskluża fil-każ fejn il-konvenut ikkonċernat ikun stabbilit fi Stat terz, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx mitluba tiddeċiedi dwar din il-kwistjoni. Fil-fatt, il-konvenut fil-kawża li wasslet għas-sentenza Seagon, iċċitata iktar ’il fuq, kien stabbilit fi Stat Membru.

33

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 3(1) tar-Regolament, li jikkonsistu, kif tfakkar fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, fit-tħeġġiġ tal-prevedibbiltà tal-kompetenzi ġurisdizzjonali fil-qasam tal-falliment u, għalhekk, taċ-ċertezza legali, huma intiżi favur interpretazzjoni fis-sens li din id-dispożizzjoni toħloq ukoll ġurisdizzjoni biex tingħata deċiżjoni dwar azzjoni revokatorja bbażata fuq il-falliment u diretta kontra konvenut residenti fi Stat terz. Fil-fatt, armonizzazzjoni, fl-Unjoni, tar-regoli tal-ġurisdizzjoni għall-azzjonijiet revokatorji bbażati fuq il-falliment, tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet, indipendentement mill-punt jekk il-konvenut huwiex residenti fi Stat Membru jew fi Stat terz.

34

Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed indiskussjoni mill-fatt, enfasizzat mill-gvern Ġermaniż waqt is-seduta, li l-konvenut fil-kuntest ta’ tali azzjoni revokatorja jitressaq quddiem qorti stabbilita fi Stat differenti minn fejn ikun residenti.

35

Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-kriterju, stabbilit mir-Regolament, biex tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni għal deċiżjoni dwar din l-azzjoni, jiġifieri dak taċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur, huwa normalment prevedibbli għall-konvenut li, jista’ jieħdu inkunsiderazzjoni mill-mument meta jipparteċipa, mad-debitur, f’att li jista’ jiġi annullat fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ falliment. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-għanijiet ta’ prevedibbiltà tal-ġurisdizzjoni f’każijiet ta’ falliment u ta’ ċertezza legali, li jirriżultaw mill-premessa 8 tar-Regolament, kif ukoll, jekk ikun il-każ, dak li jiġu evitati inċentivi għal partijiet li jittrasferixxu assi jew proċedimenti ġudizzjarji minn Stat Membru għall-ieħor, biex b’hekk ifittxu sitwazzjoni legali iktar favorevoli, imsemmi fil-premessa 4 tar-Regolament, jirbħu fuq il-kwistjoni li jiġi evitat li l-konvenut jitressaq quddiem qorti barranija.

36

Bl-istess mod, ma jistax jirnexxi l-argument ibbażat fuq il-fatt li l-qrati ta’ Stat terz ma huma b’ebda mod marbuta li jirrikonoxxu jew li jeżegwixxu deċiżjoni mogħtija minn qorti li għandha ġurisdizzjoni fi ħdan l-Unjoni jew, fi kliem ieħor, l-argument li l-applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament, fil-każ fejn il-konvenut ikun residenti fi Stat terz, titlef l-effett utli tagħha.

37

Fil-fatt, hekk kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 36 u 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, in-nuqqas ta’ opponibbiltà fl-Istati terzi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament relattivi għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet mogħtija mill-qorti li fetħet il-proċedimenti ta’ falliment ma jipprekludix l-applikazzjoni tar-regola ta’ ġurisdizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-Regolament. Barra minn hekk, anki jekk ma jkunx possibbli, f’każ konkret, li r-Regolament stess jintuża bħala bażi fi kwistjonijiet ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, xi kultant huwa possibbli li jinkiseb, permezz ta’ ftehim bilaterali, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija mill-qorti kompetenti.

38

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, anki fin-nuqqas tar-rikonoxximent u tal-eżekuzzjoni, abbażi ta’ ftehim bilaterali, ta’ tali sentenza mill-Istat fejn tinsab ir-residenza tal-konvenut, din is-sentenza tista’ tiġi rikonoxxuta u eżegwita mill-Istati Membri l-oħra abbażi tal-Artikolu 25 tar-Regolament, b’mod partikolari fil-każ fejn parti mill-patrimonju ta’ dan il-konvenut tkun tinsab fit-territorju ta’ wieħed minn dawn l-Istati.

39

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domanda li tressqet għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu nfetħu l-proċedimenti ta’ falliment għandhom il-ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar azzjoni revokatorja bbażata fuq il-falliment u intiża kontra konvenut li ma jkunx residenti fit-territorju ta’ Stat Membru.

Fuq l-ispejjeż

40

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qrati tal-Istati Membri li fit-territorju tagħhom jinfetħu l-proċedimenti ta’ falliment għandhom ġurisdizzjoni biex jisimgħu azzjoni revokatorja bbażata fuq il-falliment kontra konvenut li ma huwiex residenti fit-territorju ta’ Stat Membru.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top