Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CB0853

    Kawża C-853/19: Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tat-2 ta’ Lulju 2020 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Okresný súd Poprad – is-Slovakkja) – IM vs Sting Reality s.r.o. (Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 53(2) u Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 2005/29/KE – Prattiki kummerċjali żleali tal-inpriżi fil-konfront tal-konsumaturi – Artikoli 8 u 9 – Prattiki kummerċjali aggressivi – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti mal-konsumatur – Klawżola li hija s-suġġett ta’ negozju individwali – Setgħat tal-qorti nazzjonali)

    ĠU C 287, 31.8.2020, p. 25–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    31.8.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 287/25


    Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tat-2 ta’ Lulju 2020 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Okresný súd Poprad – is-Slovakkja) – IM vs Sting Reality s.r.o.

    (Kawża C-853/19) (1)

    (Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Artikolu 53(2) u Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja - Protezzjoni tal-konsumaturi - Direttiva 2005/29/KE - Prattiki kummerċjali żleali tal-inpriżi fil-konfront tal-konsumaturi - Artikoli 8 u 9 - Prattiki kummerċjali aggressivi - Direttiva 93/13/KEE - Klawżoli inġusti fil-kuntratti mal-konsumatur - Klawżola li hija s-suġġett ta’ negozju individwali - Setgħat tal-qorti nazzjonali)

    (2020/C 287/37)

    Lingwa tal-kawża: is-Slovakk

    Qorti tar-rinviju

    Okresný súd Poprad

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrent: IM

    Konvenuta: Sting Reality s.r.o.

    Dispożittiv

    1)

    L-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kwalifika ta’ prattika kummerċjali bħala aggressiva, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, teħtieġ li sseħħ evalwazzjoni konkreta u speċifika, fid-dawl tal-kriterji msemmija mid-dispożizzjonijiet imsemmija, taċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw lil din il-prattika. Fil-każ li l-kuntratt ikun ġie konkluż minn persuna anzjana, li tbati minn diżabbiltà serja u li għandha dħul limitat li ma jippermettilhiex tirrimborsa d-dejn akkumulat minnha, il-fatt li l-kuntratt konkluż ikollu l-effett li jippermetti li tiġi evitata dispożizzjoni nazzjonali ta’ protezzjoni tal-konsumaturi huwa ħjiel li l-kummerċjant ikkonċernat kellu l-intenzjoni li jabbuża b’għarfien sħiħ tas-serjetà partikolari tas-sitwazzjoni li kienet tinsab fiha l-persuna msemmija, bil-għan li jinfluwenza d-deċiżjoni tagħha, liema ħaġa għandha tiġi evalwata mill-qorti tar-rinviju.

    2)

    L-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti nazzjonali adita b’talba biex teżamina n-natura inġusta tal-klawżoli ta’ kuntratt bejn konsumatur u kummerċjant hija marbuta, fil-każ li dan tal-aħħar jirrifjuta, minkejja talba li tkun saritlu f’dan is-sens, li jikkomunika l-kuntratti simili li dan ikun ikkonkluda ma’ konsumaturi oħra, li timplimenta r-regoli proċedurali nazzjonali li għandha għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tevalwa jekk il-klawżoli ta’ tali kuntratt kinux is-suġġett ta’ negozju individwali.

    3)

    It-tielet domanda mressqa mill-Okresný súd Poprad (Qorti Distrettwali ta’ Poprad, is-Slovakkja) hija manifestament inammissibbli.


    (1)  ĠU C 36, 03.02.2020.


    Top