EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018TN0010

Kawża T-10/18: Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Jannar 2018 – Eesti Apteekide Ühendus vs Il-Kummissjoni

ĠU C 104, 19.3.2018, p. 43–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 104/43


Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Jannar 2018 – Eesti Apteekide Ühendus vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-10/18)

(2018/C 104/56)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Eesti Apteekide Ühendus MTÜ (Laagri, l-Estonja) (rappreżentanti: K. Paas-Mohando, u I. Kangur, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni SA.42028 (2017/NN) adottata fit-23 ta’ Ottubru 2017 (1);

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Eesti Apteekide Ühendus [l-Assoċjazzjoni tal-Ispiżeriji fl-Estonja] għandha locus standi biex tippreżenta rikors għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni SA.42028 (2017/NN).

B’konformità mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-313/90 (2), deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet adottati wara proċedura preliminari huma suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju;

L-Eesti Apteekide Ühendus [l-Assoċjazzjoni tal-Ispiżeriji fl-Estonja] għandha locus standi biex tippreżenta rikors għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni SA.42028 (2017/NN) quddiem il-Qorti Ġenerali bħala parti interessata skont l-Artikolu 108(2) TFUE u skont l-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 2015/1589 (3).

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kellha l-obbligu li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE abbażi tat-test ta’ diffikultajiet serji. Il-fatt li l-Kummissjoni kellha diffikultajiet serji biex tadotta d-deċiżjoni kkontestata u għaldaqstant il-fatt li kien hemm ksur tal-garanziji proċedurali previsti fl-Artikolu 108(2) TFUE jirriżultaw minn dan li ġej:

Il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li ma hemm l-ebda vantaġġ minn riżorsi tal-Istat, minħabba li l-Kummissjoni injorat il-fatt li l-Finlandja abbużat mid-diskrezzjoni regolatorja tagħha, fatt li wassal, min-naħa tiegħu, għal rinunzja għal riżorsi tal-Istat;

Il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li ma hemm l-ebda vantaġġ selettiv, minħabba li l-Kummissjoni naqset milli tikkwalifika b’mod xieraq il-“kompiti speċjali” bħala SGEI;

Il-Kummissjoni naqset milli tiġbor informazzjoni materjali fil-kuntest tal-proċedura preliminari;

Il-proċedura preliminari kienet irraġonevolment twila (madwar tletin xahar);

Il-Kummissjoni użat id-definizzjoni legali ġdida “kompiti speċjali”;

Il-Finlandja emendat l-Att dwar l-Universitajiet tagħha matul il-proċeduri preliminari, att li abbażi tiegħu il-Finlandja kienet tħallas lura t-taxxa fuq il-kumpanniji u l-miżata tal-ispiżeriji mħallsa minn Yliopiston Apteekki Oy lill-Università ta’ Helsinki, u li kien il-leġiżlazzjoni ċentrali għal waħda mill-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat li fir-rigward tagħhom sar rapport.


(1)  ĠU 2017, C 422, p. 10.

(2)  Sentenza tal-24 ta’ Marzu 1993, Comité International de la Rayonne et des Fibres Synthétiques et vs Il-Kummissjoni, C-313/90, EU:C:1993:111.

(3)  Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) (ĠU 2015, L 248, p. 9).


Top