This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62018CJ0766
Judgment of the Court (Fifth Chamber) of 5 March 2020.#Foundation for the Protection of the Traditional Cheese of Cyprus named Halloumi v European Union Intellectual Property Office.#Appeal — EU trade mark — Regulation (EC) No 207/2009 — Opposition — Article 8(1)(b) — Likelihood of confusion — Criteria for assessment — Applicability in the case of an earlier collective mark — Interdependence between the similarity of the trade marks at issue and that of the goods or services covered by those marks.#Case C-766/18 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-5 ta’ Marzu 2020.
Foundation for the Protection of the Traditional Cheese of Cyprus named Halloumi vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO).
Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Oppożizzjoni – Artikolu 8(1)(b) – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Applikabbiltà fil-każ ta’ trade mark kollettiva preċedenti – Interdipendenza bejn ix-xebh tat-trade marks kunfliġġenti u dak tal-prodotti jew tas-servizzi koperti minn dawn it-trade marks.
Kawża C-766/18 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-5 ta’ Marzu 2020.
Foundation for the Protection of the Traditional Cheese of Cyprus named Halloumi vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO).
Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Oppożizzjoni – Artikolu 8(1)(b) – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Applikabbiltà fil-każ ta’ trade mark kollettiva preċedenti – Interdipendenza bejn ix-xebh tat-trade marks kunfliġġenti u dak tal-prodotti jew tas-servizzi koperti minn dawn it-trade marks.
Kawża C-766/18 P.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:170
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
5 ta’ Marzu 2020 ( *1 )
“Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Oppożizzjoni – Artikolu 8(1)(b) – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Applikabbiltà fil-każ ta’ trade mark kollettiva preċedenti – Interdipendenza bejn ix-xebh tat-trade marks kunfliġġenti u dak tal-prodotti jew tas-servizzi koperti minn dawn it-trade marks”
Fil-Kawża C‑766/18 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fil‑5 ta’ Diċembru 2018,
Foundation for the Protection of the Traditional Cheese of Cyprus named Halloumi, stabbilita f’Nikosija (Ċipru), irrappreżentata minn S. Malynicz, QC, S. Baran, barrister, V. Marsland, solicitor, u K. K. Kleanthous,
appellanti,
il-partijiet l-oħra fil-proċedura li huma:
L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn D. Gája, bħala aġent,
konvenut fl-ewwel istanza,
M. J. Dairies EOOD, stabbilita f’Sofija (il-Bulgarija), irrappreżentata minn D. Dimitrova u I. Pakidanska, advokati,
intervenjenti fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn E. Regan, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħda taġixxi bħala Mħallef tal-Ħames Awla, I. Jarukaitis, E. Juhász u M. Ilešič (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: M. Longar, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑12 ta’ Settembru 2019,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tas‑17 ta’ Ottubru 2019,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tal-appell tagħha, il-Foundation for the Protection of the Traditional Cheese of Cyprus named Halloumi titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑25 ta’ Settembru 2018, Foundation for the Protection of the Traditional Cheese of Cyprus named Halloumi vs EUIPO – M. J. Dairies (BBQLOUMI) (T‑328/17, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2018:594), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħha ppreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tas‑16 ta’ Marzu 2017 (Każ R 497/2016‑4), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”). |
Il-kuntest ġuridiku
2 |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] (ĠU 2009, L 78, p. 1), li kien ħassar u ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal‑20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), ġie emendat bir-Regolament (UE) 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2015 (ĠU 2015, L 341, p. 21, rettifiki fil-ĠU 2016, L 71, p. 322, fil-ĠU 2016, L 110, p. 4, u fil-ĠU 2016, L 267, p. 1), li daħal fis-seħħ fit‑23 ta’ Marzu 2016. Sussegwentement, dan ġie mħassar u ssostitwit, b’effett mill‑1 ta’ Ottubru 2017, bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1). Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti li taw bidu għall-kawża, dan l-appell għandu jiġi eżaminat fid-dawl tar-Regolament Nru 207/2009, fil-verżjoni inizjali tiegħu. |
3 |
L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 207/2009, intitolat “Raġunijiet assoluti għal rifjut”, kien jipprovdi: “1. Dawn li ġejjin ma jistgħux jiġu rreġistrati: […]
[…] 3. Il-paragrafu 1(b), (c) u (d) m’għandhomx japplikaw jekk it-trade mark tkun saret distintiva fir-rigward tal-prodotti jew is-servizzi li għalihom tkun qiegħda tintalab ir-reġistrazzjoni minħabba l-użu li jkun sar minn din it-trade mark.” |
4 |
Skont l-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Raġunijiet relattivi għal rifjut”: “1. Jekk issir oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark m’għandhiex tiġi milqugħa: […]
[…] 5. Barra minn hekk, malli ssir opposizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti […], it-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni m’għandhiex tiġi reġistrata jekk din tkun identika jew jekk tkun tixbah trade mark preċedenti, u għandha tiġi reġistrata għal prodotti jew servizzi li ma jixbħux lil dawk li għalihom tkun reġistrata it-trade mark preċedenti, meta f’każ ta’ [trade mark tal-Unjoni Ewropea] preċedenti it-trade mark għandha reputazzjoni [fl-Unjoni Ewropea] u, f’każ ta’ trade mark nazzjonali preċedenti, it-trade mark għandha reputazzjoni fl-Istat Membru konċernat, u dana meta l-użu mingħajr dritt tat-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni ikun jieħu vantaġġ inġust, jew ikun ta’ ħsara għall-karattru distintiv jew għar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti.” |
5 |
L-Artikolu 65 tal-imsemmi regolament kien jipprovdi: “1. Jistgħu jinfetħu kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell dwar appelli. 2. Il-kawża tista’ tinfetaħ fuq raġunijiet ta’ nuqqas ta’ kompetenza, vjolazzjoni ta’ rekwiżit proċedurali essenzjali, vjolazzjoni tat-Trattat, ta’ dan ir-Regolament jew ta’ kull regola tal-liġi li tirrigwarda l-applikazzjoni tagħhom jew abbuż ta’ poter. 3. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni li tannulla jew tbiddel id-deċiżjoni kontestata. […]” |
6 |
L-Artikolu 66 tar-Regolament Nru 207/2009, li jaqa’, bħall-Artikoli 67 sa 74 ta’ dan ir-regolament, taħt it-Titolu VIII tiegħu, intitolat “[It-trade marks] kollettivi [tal-Unjoni Ewropea]”, kien jipprovdi: “1. [Trade mark tal-Unjoni Ewropea] kollettiva hija [trade mark tal-Unjoni Ewropea] li hija hekk msejħa meta ssir l-applikazzjoni u li hija kapaċi tiddistingwi l-prodotti jew servizzi tal-membri tal-assoċjazzjoni li hija proprjetarja ta’ dik il-marka minn dawk ta’ impriżi oħrajn. Assoċjazzjonijiet ta’ fabbrikanti, produtturi, fornituri ta’ servizzi, jew negozjanti, skont il-liġi li tirregolahom, għandhom il-kapaċità li f’isimhom stess ikollhom drittijiet u obbligi ta’ kull xorta, li jidħlu f’kuntratti jew li jwettqu atti ġuridiċi oħra u li jfittxu u li jiġu mfittxa, kif ukoll persuni ġuridiċi regolati mil-liġi pubblika, jistgħu japplikaw għal [trade marks] kollettivi [tal-Unjoni Ewropea]. 2. B’deroga mill-Artikolu 7(1)(c), sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jservu, fil-kummerċ, sabiex jindikaw l-oriġini ġeografika tal-prodotti jew servizzi jistgħu jikkostitwixxu [trade marks tal-Unjoni Ewropea] kollettivi skont it-tifsira tal-paragrafu 1. Marka kollettiva ma tagħtix jedd lill-proprjetarju li jistabbilixxi lil terza persuna milli tuża fil-kummerċ dawn is-sinjali jew indikazzjonijiet, sakemm huwa jużahom skont il-prattika onesta fl-oqsma tal-industrija u tal-kummerċ; b’mod partikolari, din il-marka ma tistax tiġi invokata kontra terza persuna li hija intitolata li tuża isem ġeografiku. 3. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament japplikaw għal [trade marks] kolletivi [tal-Unjoni Ewropea], sakemm l-Artikoli 67 sa 74 ma jipprovdux mod ieħor.” |
7 |
Il-formulazzjoni tal-Artikolu 7(1)(b) sa (d), tal-Artikolu 7(3), tal-Artikolu 8(1) u (5), kif ukoll tal-Artikoli 65 u 66 tar-Regolament Nru 207/2009 kienet tikkorrispondi għal dik, rispettivament, tal-Artikolu 7(1)(b) sa (d), tal-Artikolu 7(3), tal-Artikolu 8(1) u (5), kif ukoll tal-Artikoli 63 u 64 tar-Regolament Nru 40/94, u ġiet riprodotta mingħajr emendi sostanzjali, rispettivament, fl-Artikolu 7(1)(b) sa (d), fl-Artikolu 7(3), fl-Artikolu 8(1) u (5), kif ukoll fl-Artikoli 72 u 74 tar-Regolament 2017/1001. |
Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża
8 |
Fid‑9 ta’ Lulju 2014, M. J. Dairies EOOD, kumpannija stabbilita fil-Bulgarija, talbet lill-EUIPO jirreġistra s-sinjal verbali u figurattiv segwenti bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem it-“trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni BBQLOUMI”): |
9 |
Il-prodotti u s-servizzi li għalihom saret din l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 29, 30 u 43 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Nice”), u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti:
|
10 |
L-applikazzjoni għal trade mark ġiet ippubblikata f’Il-Bulettin tat-Trade marks tal-Unjoni Ewropea fit‑12 ta’ Awwissu 2014. |
11 |
Fit‑12 ta’ Novembru 2014, l-appellanti ressqet oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni BBQLOUMI għall-prodotti u għas-servizzi kollha msemmija fil-punt 9 ta’ din is-sentenza. |
12 |
L-appellanti bbażat l-oppożizzjoni tagħha fuq it-trade mark kollettiva tagħha tal-Unjoni Ewropea HALLOUMI, irreġistrata fl‑14 ta’ Lulju 2000 għal prodotti fil-klassi 29 li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Ġobon”. |
13 |
Ir-raġunijiet invokati insostenn tal-oppożizzjoni kienu dawk imsemmija fl-Artikolu 8(1)(b) u fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009. |
14 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Jannar 2016, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-EUIPO ċaħdet l-oppożizzjoni. |
15 |
Ir-rikors ippreżentat mill-appellanti kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO (iktar ’il quddiem il-“Bord tal-Appell”). |
16 |
Sabiex jimmotiva din iċ-ċaħda, il-Bord tal-Appell l-ewwel nett espona li t-trade marks kollettivi preċedenti għandhom, fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, jiġu ttrattati bl-istess mod bħat-trade marks individwali preċedenti. Issa, il-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti inkwistjoni huwa dgħajjef, peress li t-terminu “halloumi” jindika, sempliċement, tip ta’ ġobon. Dan it-terminu jintuża biss bħala isem ġeneriku għal tip ta’ prodott. Anki fir-rigward ta’ Ċipru u tal-Greċja, l-appellanti ma pproduċietx elementi li jistgħu juru li l-pubbliku inġenerali jipperċepixxi t-trade mark HALLOUMI b’mod differenti minn dak ta’ deskrizzjoni ta’ tip ta’ ġobon. |
17 |
Sussegwentement, il-Bord tal-Appell qies li ma kienet teżisti l-ebda probabbiltà ta’ konfużjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, bejn it-trade mark preċedenti u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni BBQLOUMI. |
18 |
Ċertament, fir-rigward tal-klassi 29 tal-Ftehim ta’ Nice, il-prodotti koperti mit-trade marks kunfliġġenti fil-parti l-kbira huma identiċi jew jixxiebhu. Min-naħa l-oħra, jeżisti biss xebh viżiv dgħajjef bejn dawn it-trade marks. Barra minn hekk, fil-livell fonetiku u dak kunċettwali, ma hemmx xebh. |
19 |
Fl-aħħar nett, il-Bord tal-Appell ikkonstata li l-appellanti kienet irrinunzjat għall-motiv ta’ oppożizzjoni tagħha bbażat fuq l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009. |
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
20 |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑26 ta’ Mejju 2017, l-appellanti talbet l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. |
21 |
Insostenn ta’ dan ir-rikors, hija invokat motiv uniku, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, u maqsum f’erba’ partijiet. |
22 |
L-ewwel nett, l-appellanti kkritikat lill-Bord tal-Appell li kkaratterizza b’mod żbaljat il-portata u l-effetti tat-trade marks kollettivi tal-Unjoni Ewropea, billi rriproduċa r-raġunament, ukoll żbaljat, li jinsab fis-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2012, Organismos Kypriakis Galaktokomikis Viomichanias vs UASI – Garmo (HELLIM) (T‑534/10, EU:T:2012:292). |
23 |
It-tieni nett, hija sostniet li l-Bord tal-Appell kien kiser l-Artikoli 66 et seq. tar-Regolament Nru 207/2009, billi naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li t-trade marks kollettivi ma jippermettux li tiġi indikata oriġini kummerċjali waħda u jistgħu jindikaw oriġini ġeografika. |
24 |
It-tielet nett, il-Bord tal-Appell żbalja meta kklassifika t-trade mark preċedenti bħala ġenerika u għalhekk ċaħad il-karattru distintiv ta’ din it-trade mark. |
25 |
Ir-raba’ nett, il-Bord tal-Appell qies b’mod żbaljat li d-differenzi bejn it-trade marks kunfliġġenti jippermettu li tiġi evitata kull probabbiltà ta’ konfużjoni. |
26 |
Peress li l-ebda waħda mill-partijiet tal-motiv uniku ma ntlaqgħet, ir-rikors ġie miċħud. |
27 |
Permezz ta’ digriet tas‑17 ta’ Settembru 2019, il-Qorti Ġenerali rrettifikat il-punt 71 tas-sentenza appellata, fil-verżjoni tagħha fil-lingwa tal-kawża. Skont il-verżjoni hekk irrettifikata, il-Qorti Ġenerali qieset, minkejja l-fatt li l-prodotti koperti mit-trade marks kunfliġġenti huma parzjalment identiċi u sa ċertu livell parzjalment jixxiebhu, li ma tistax teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku rilevanti peress li l-eżistenza ta’ livell baxx ta’ xebh fil-livell viżiv, fonetiku u kunċettwali ma hijiex, fil-każ ta’ trade mark preċedenti li għandha tifsira deskrittiva u li għalhekk għandha karattru distintiv dgħajjef, suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni. |
28 |
Fil-punt 71 tas-sentenza appellata, fil-verżjoni tagħha fil-lingwa tal-kawża inizjalment ikkomunikata lill-partijiet u li saret pubblika, il-Qorti Ġenerali kienet qieset li, minkejja l-fatt li l-prodotti koperti mit-trade marks kunfliġġenti huma parzjalment identiċi u sa ċertu livell parzjalment jixxiebhu, ma tistax teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku rilevanti peress li l-eżistenza ta’ xebh fil-livell viżiv, fonetiku u kunċettwali ma hijiex, fil-każ ta’ trade mark preċedenti deskrittiva u li għandha karattru distintiv dgħajjef, suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li hemm preżunzjoni ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni. |
It-talbiet tal-partijiet fl-appell
29 |
L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
30 |
L-EUIPO jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
31 |
M. J. Dairies titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
Fuq it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura
32 |
Wara li ġew ippreżentati l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, l-appellanti, permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ Ottubru 2019, talbet li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
33 |
Skont din id-dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari jekk hija tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed, jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża għandha tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex ittrattat. |
34 |
Insostenn tat-talba tagħha, l-appellanti ssostni li l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali huma bbażati fuq qari żbaljat tal-aggravji u tal-argumenti mressqa insostenn tal-appell. Tali qari żbaljat jikkostitwixxi fatt ġdid u, barra minn hekk, joħloq riskju li l-kawża tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex ittrattat bejn il-partijiet. |
35 |
Madankollu, għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu jippreżenta pubblikament, bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, konformement mal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta b’dawn il-konklużjonijiet u lanqas bil-motivazzjoni li abbażi tagħha l-Avukat Ġenerali jasal għalihom (sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 2017, Federatie Nederlandse Vakvereniging et, C‑126/16, EU:C:2017:489, punt 31, kif ukoll tat‑13 ta’ Novembru 2019, College Pension Plan of British Columbia, C‑641/17, EU:C:2019:960, punt 39). |
36 |
Għandu jitfakkar ukoll li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura ma jipprevedux il-possibbiltà li jiġu ppreżentati osservazzjonijiet bi tweġiba għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali. In-nuqqas ta’ qbil mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ma jistax, konsegwentement, jikkostitwixxi fih innifsu raġuni li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali (sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Polbud – Wykonawstwo, C‑106/16, EU:C:2017:804, punti 23 u 24, kif ukoll tat‑13 ta’ Novembru 2019, College Pension Plan of British Columbia, C‑641/17, EU:C:2019:960, punt 40). |
37 |
F’dan il-każ, peress li l-aggravji u l-argumenti mressqa insostenn tal-appell ġew ittrattati matul il-fażijiet bil-miktub u orali tal-proċedura, u peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex marbuta mid-deskrizzjoni ta’ dawn l-aggravji u ta’ dawn l-argumenti kif tinsab fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ma jeżistix riskju, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, li l-kawża tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex ittrattat bejn il-partijiet. |
38 |
Barra minn hekk, il-konstatazzjonijiet magħmula f’dawn il-konklużjonijiet, inklużi dawk dwar il-portata tal-aggravji u tal-argumenti mressqa insostenn tal-appell, bl-ebda mod ma jikkostitwixxu fatt ġdid ippreżentat minn parti wara l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura, fis-sens tal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura. |
39 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li nstemgħet l-Avukat Ġenerali, li hija għandha l-elementi neċessarji kollha sabiex tagħti deċiżjoni fuq l-appell. |
40 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura. |
Fuq l-appell
L-argumenti tal-partijiet
41 |
L-appellanti tqajjem erba’ aggravji insostenn tal-appell tagħha. |
42 |
Insostenn tal-ewwel aggravju tagħha, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 66 tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 74 tar-Regolament 2017/1001), l-appellanti ssostni li minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li t-trade marks kollettivi ma jistgħux, fir-rigward tal-karattru distintiv tagħhom, jiġu evalwati bl-istess mod bħat-trade marks individwali. F’dan ir-rigward, l-appellanti tenfasizza li mill-paragrafu 1 tal-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li l-funzjoni essenzjali ta’ indikazzjoni ta’ oriġini ta’ trade marks kollettivi hija li tiddistingwi l-prodotti jew is-servizzi li joriġinaw minn membru wieħed jew iktar ta’ assoċjazzjoni minn dawk ta’ impriżi oħra, u li mill-paragrafu 2 tal-istess dispożizzjoni jirriżulta li huwa permess, b’deroga mill-Artikolu 7(1)(c) tal-imsemmi regolament, li tali trade marks jindikaw l-oriġini ġeografika tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati. |
43 |
Issa, billi kkonfermat l-approċċ tal-Bord tal-Appell li jikkonsisti fid-deprezzament tal-karattru distintiv tat-trade mark HALLOUMI abbażi tal-fatt li t-terminu “halloumi” jindika tip ta’ ġobon prodott skont riċetta speċjali bbażata fuq il-ħalib ta’ Ċipru, il-Qorti Ġenerali evalwat il-karatteristiċi tat-trade mark kollettiva msemmija fl-Artikolu 66(1) u (2) tar-Regolament Nru 207/2009 b’mod żbaljat. |
44 |
Barra minn hekk, billi eżiġiet li, fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni, il-proprjetarju ta’ trade mark kollettiva għandu juri l-livell tal-karattru distintiv ta’ din it-trade mark, il-Qorti Ġenerali introduċiet oneru tal-prova li ma huwiex xieraq. Hija, essenzjalment, ibbażat ruħha fuq premessa ta’ karattru distintiv dgħajjef u eżiġiet li l-appellanti tiċħad din il-premessa. |
45 |
Permezz tat-tieni aggravju tagħha, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 66 tiegħu, l-appellanti ttenni, essenzjalment, l-istess argumenti bħal dawk ippreżentati fil-kuntest tal-ewwel aggravju u minn dan tiddeduċi li l-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tal-kriterju tal-“probabiltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-pubbliku”, stabbilit fl-imsemmi Artikolu 8(1)(b), il-karatteristiċi tat-trade mark kollettiva stabbiliti fl-imsemmi Artikolu 66. |
46 |
Permezz tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali, fl-applikazzjoni tagħha tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, evalwat il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar din id-dispożizzjoni b’mod żbaljat. |
47 |
Fl-ewwel lok, l-appellanti tenfasizza li s-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2012, Organismos Kypriakis Galaktokomikis Viomichanias vs UASI – Garmo (HELLIM) (T‑534/10, EU:T:2012:292), li rreferiet għaliha l-Qorti Ġenerali, ma ġietx ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Ċertament, l-appell ippreżentat kontra din is-sentenza ġie miċħud permezz tad-digriet tal‑21 ta’ Marzu 2013, Foundation for the Protection of the Traditional Cheese of Cyprus named Halloumi vs UASI (C‑393/12 P, mhux ippubblikat, EU:C:2013:207). Madankollu, f’dan id-digriet, il-Qorti tal-Ġustizzja llimitat ruħha sabiex tikkonstata li l-appellanti kienet qrat l-imsemmija sentenza b’mod żbaljat, mingħajr ma ddeċidiet il-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali kinitx applikat il-prinċipji rilevanti b’mod korrett. |
48 |
Fir-rigward tas-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, The Tea Board vs EUIPO (C‑673/15 P sa C‑676/15 P, EU:C:2017:702), imsemmija wkoll mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, l-appellanti tosserva li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat biss li l-probabbiltà ta’ konfużjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, għandha tiġi evalwata billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-funzjoni essenzjali ta’ trade mark kollettiva hija, bħal dik tat-trade marks individwali, li tindika l-oriġini kummerċjali tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati. |
49 |
Fir-rigward tas-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2012, Formula One Licensing vs UASI (C‑196/11 P, EU:C:2012:314), li tirreferi wkoll għaliha l-Qorti Ġenerali, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta, fil-punt 41 tas-sentenza appellata, iddeduċiet mill-imsemmija sentenza li huwa biss possibbli li jiġi rrikonoxxut ċertu livell ta’ karattru distintiv lil trade mark kollettiva tal-Unjoni Ewropea meta l-proprjetarju ta’ din it-trade mark jipproduċi provi f’dan ir-rigward. |
50 |
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kisret ir-regoli fundamentali, stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dwar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, fir-rigward tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni. L-appellanti tirreferi, f’dan ir-rigward, għas-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2016, BSH vs EUIPO (C‑43/15 P, EU:C:2016:837), b’mod partikolari għall-punti 61 sa 64 tagħha, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tenniet dawn ir-regoli, billi enfasizzat b’mod partikolari li, anki fil-preżenza ta’ trade mark preċedenti b’karattru distintiv dgħajjef, jista’ jkun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni minħabba xebh tat-trade marks kunfliġġenti u tal-prodotti jew tas-servizzi koperti. |
51 |
L-appellanti ssostni li l-punt 71 tas-sentenza appellata huwa manifestament inkompatibbli ma’ din il-ġurisprudenza, peress li fih il-Qorti Ġenerali eskludiet l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni mingħajr ma debitament wettqet evalwazzjoni globali ta’ din il-probabbiltà billi ħadet inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha u l-interdipendenza bejniethom. |
52 |
Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) u tal-Artikolu 65(2) tar-Regolament Nru 207/2009, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma bagħtitx il-kawża lura quddiem l-EUIPO, minkejja l-fatt li kkonstatat li l-Bord tal-Appell kien wettaq żbalji. |
53 |
Skont l-EUIPO u M. J. Dairies, il-Bord tal-Appell u l-Qorti Ġenerali ma wettqux żball ta’ liġi meta kkonkludew li, fil-kuntest tal-eżami tal-probabbiltà ta’ konfużjoni msemmija fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, il-karattru distintiv tat-trade mark HALLOUMI kellu jiġi kklassifikat bħala dgħajjef. |
54 |
Huma jfakkru li, bħall-funzjoni essenzjali ta’ trade mark individwali, dik ta’ trade mark kollettiva hija li tindika l-oriġini kummerċjali tal-prodotti u tas-servizzi li hija tkopri. Il-karattru distintiv ta’ tali trade mark kollettiva ma għandux għalhekk jiġi evalwat skont kriterji differenti minn dawk li jiġu applikati meta t-trade mark preċedenti hija trade mark individwali. |
55 |
Konsegwentement, l-ewwel u t-tieni aggravju tal-appell għandhom jiġu miċħuda. |
56 |
It-tielet aggravju huwa wkoll infondat. F’dan ir-rigward, l-EUIPO u M. J. Dairies josservaw li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet li ma kienx hemm probabbiltà ta’ konfużjoni billi bbażat ruħha mhux biss fuq il-karattru distintiv dgħajjef tat-trade mark preċedenti, iżda wkoll fuq fatturi rilevanti oħra, b’mod partikolari fuq il-livell baxx ta’ xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti. Is-sentenza appellata, inkluż il-punt 71 tagħha, hija għaldaqstant kompatibbli mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. |
57 |
Fir-rigward tar-raba’ aggravju, l-EUIPO u M. J. Dairies iqisu li l-Qorti Ġenerali setgħet ġustament tikkonkludi li ma hemmx probabbiltà ta’ konfużjoni minkejja l-iżbalji mwettqa mill-Bord tal-Appell matul il-paragun fonetiku u kunċettwali tas-sinjali kunfliġġenti. |
L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
58 |
Għalkemm l-oppożizzjoni magħmula mill-appellanti kontra t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni BBQLOUMI kienet ibbażata kemm fuq l-Artikolu 8(1)(b) kif ukoll fuq l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, huwa stabbilit li din l-oppożizzjoni setgħet, fir-rigward tal-motivi u tal-argumenti ppreżentati sussegwentement, tiġi eżaminata mill-Bord tal-Appell u mill-Qorti Ġenerali mill-perspettiva tal-imsemmi Artikolu 8(1)(b) biss. |
59 |
Skont din l-aħħar dispożizzjoni, li hija, fl-assenza ta’ dispożizzjoni kontrarja prevista fl-Artikoli 67 sa 74 tar-Regolament Nru 207/2009, applikabbli għat-trade marks kollettivi tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 66(3) ta’ dan ir-regolament (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, The Tea Board vs EUIPO, C‑673/15 P sa C‑676/15 P, EU:C:2017:702, punt 46), ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha tiġi rrifjutata meta, minħabba l-identiċità tagħha jew ix-xebh tagħha mat-trade mark preċedenti u minħabba l-identiċità jew ix-xebh tal-prodotti jew tas-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u mit-trade mark preċedenti, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku tat-territorju li fih it-trade mark preċedenti hija protetta. |
60 |
F’dan il-każ, it-trade mark preċedenti hija t-trade mark kollettiva tal-Unjoni Ewropea HALLOUMI, li l-appellanti rreġistrat għal ġobon. Ma hijiex ikkontestata l-evalwazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell u kkonfermata mill-Qorti Ġenerali li tipprovdi li l-pubbliku rilevanti huwa, minħabba l-fatt li l-prodotti koperti jiġu kkonsmati regolarment, ikkostitwit mill-pubbliku ġenerali tal-Unjoni. |
61 |
Madankollu, l-appellanti ssostni, permezz tal-ewwel sat-tielet aggravju tagħha, li l-Qorti Ġenerali evalwat il-kriterji li fir-rigward tagħhom għandha tiġi evalwata l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, b’mod żbaljat. Dawn l-aggravji jirrigwardaw għalhekk il-prinċipji legali applikabbli għall-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti, u dan jikkostitwixxi kwistjoni ta’ liġi li tista’ titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2016, BSH vs EUIPO, C‑43/15 P, EU:C:2016:837, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
62 |
Dawn it-tliet aggravji għandhom jiġu ttrattati flimkien, sabiex jiġu eżaminati, qabel kollox, il-kwistjoni dwar liema kriterji japplikaw u, imbagħad, dik dwar jekk il-Qorti Ġenerali osservatx dawn il-kriterji. |
63 |
Adita b’kawżi dwar oppożizzjonijiet ibbażati fuq trade marks preċedenti individwali, il-Qorti tal-Ġustizzja repetutament iddeċidiet li l-probabbiltà ta’ konfużjoni tinftiehem bħala l-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jemmen li l-prodotti jew is-servizzi koperti mit-trade mark preċedenti u dawk koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni joriġinaw mill-istess impriża jew, jekk ikun il-każ, minn impriżi marbuta ekonomikament (sentenzi tat‑12 ta’ Ġunju 2007, UASI vs Shaker, C‑334/05 P, EU:C:2007:333, punt 33; tat‑8 ta’ Mejju 2014, Bimbo vs UASI, C‑591/12 P, EU:C:2014:305, punt 19; u tat‑12 ta’ Ġunju 2019, Hansson, C‑705/17, EU:C:2019:481, punt 40). |
64 |
Madankollu, fil-każ, bħal dak hawnhekk, fejn it-trade mark preċedenti hija trade mark kollettiva, li l-funzjoni essenzjali tagħha hija, konformement mal-Artikolu 66(1) tar-Regolament Nru 207/2009, li tiddistingwi l-prodotti jew is-servizzi tal-membri tal-assoċjazzjoni li hija l-proprjetarja ta’ din it-trade mark minn dawk ta’ impriżi oħra (sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2017, The Tea Board vs EUIPO, C‑673/15 P sa C‑676/15 P, EU:C:2017:702, punt 63, u tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Der Grüne Punkt vs EUIPO, C‑143/19 P, EU:C:2019:1076, punt 52), il-probabbiltà ta’ konfużjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, għandha tinftiehem bħala l-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jemmen li l-prodotti jew is-servizzi koperti mit-trade mark preċedenti u dawk koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni joriġinaw kollha minn membri tal-assoċjazzjoni li hija l-proprjetarja tat-trade mark preċedenti jew, jekk ikun il-każ, minn impriżi marbuta ekonomikament ma’ dawn il-membri jew ma’ din l-assoċjazzjoni. |
65 |
Għalkemm hemm lok, fil-każ ta’ oppożizzjoni magħmula mill-proprjetarju ta’ trade mark kollettiva, li tittieħed inkunsiderazzjoni l-funzjoni essenzjali ta’ dan it-tip ta’ trade mark, kif stabbilita fl-Artikolu 66(1) tar-Regolament Nru 207/2009, sabiex jinftiehem dak li għandu jitqies bħala probabbiltà ta’ konfużjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) ta’ dan ir-regolament, xorta jibqa’ l-fatt li l-ġurisprudenza li tistabbilixxi l-kriterji li fir-rigward tagħhom għandu jiġi evalwat b’mod konkret jekk teżistix tali probabbiltà hija trasponibbli għall-kawżi li jikkonċernaw trade mark kollettiva preċedenti. |
66 |
Fil-fatt, l-ebda waħda mill-karatteristiċi tat-trade marks kollettivi tal-Unjoni Ewropea ma tiġġustifika li ssir deroga, fil-każ ta’ oppożizzjoni bbażata fuq tali trade mark, mill-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni li jirriżultaw minn din il-ġurisprudenza. |
67 |
Skont l-imsemmija ġurisprudenza, l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata b’mod globali, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni (sentenzi tat‑12 ta’ Ġunju 2007, UASI vs Shaker, C‑334/05 P, EU:C:2007:333, punt 34; tat‑2 ta’ Settembru 2010, Calvin Klein Trademark Trust vs UASI, C‑254/09 P, EU:C:2010:488, punt 44; u tat‑8 ta’ Mejju 2014, Bimbo vs UASI, C‑591/12 P, EU:C:2014:305, punt 20). |
68 |
Fir-rigward tax-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tat-trade marks kunfliġġenti, din l-evalwazzjoni għandha tkun ibbażata fuq l-impressjoni ġenerali prodotta minnhom fost il-pubbliku rilevanti (sentenzi tat‑12 ta’ Ġunju 2007, UASI vs Shaker, C‑334/05 P, EU:C:2007:333, punt 35; tat‑2 ta’ Settembru 2010, Calvin Klein Trademark Trust vs UASI, C‑254/09 P, EU:C:2010:488, punt 45; u tat‑8 ta’ Mejju 2014, Bimbo vs UASI, C‑591/12 P, EU:C:2014:305, punt 21). |
69 |
L-imsemmija evalwazzjoni timplika, barra minn hekk, ċerta interdipendenza bejn il-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni u, b’mod partikolari, bejn ix-xebh tat-trade marks u dak tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati. Għalhekk, livell baxx ta’ xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti jista’ jiġi paċut b’livell għoli ta’ xebh bejn it-trade marks, u viċi versa (sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2008, Les Éditions Albert René vs UASI, C‑16/06 P, EU:C:2008:739, punt 46, u tat‑12 ta’ Ġunju 2019, Hansson, C‑705/17, EU:C:2019:481, punt 43). |
70 |
Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li l-livell tal-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti, li jiddetermina l-portata tal-protezzjoni mogħtija minnha, jidher fost il-fatturi rilevanti tal-każ inkwistjoni. Meta l-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti jkun sinjifikattiv, dan il-fatt jista’ jżid il-probabbiltà ta’ konfużjoni. Madankollu, l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni ma hijiex eskluża meta l-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti jkun dgħajjef (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Novembru 2016, BSH vs EUIPO, C‑43/15 P, EU:C:2016:837, punti 61 u 62, kif ukoll tat‑12 ta’ Ġunju 2019, Hansson, C‑705/17, EU:C:2019:481, punti 42 u 44). |
71 |
L-argument tal-appellanti li l-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti għandu, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009, jiġi evalwat b’mod differenti meta t-trade mark preċedenti tkun trade mark kollettiva tal-Unjoni Ewropea ma jistax jintlaqa’. |
72 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fl-assenza ta’ dispożizzjoni kuntrarja prevista fl-Artikoli 67 sa 74 tar-Regolament Nru 207/2009, l-Artikolu 7(1)(b) u l-Artikolu 7(3) ta’ dan ir-regolament japplikaw għat-trade marks kollettivi tal-Unjoni Ewropea. Konsegwentement, dawn tal-aħħar għandhom fi kwalunkwe każ, kemm jekk intrinsikament jew permezz tal-użu, ikollhom karattru distintiv. |
73 |
L-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009 ma jikkostitwixxix eċċezzjoni għal dan ir-rekwiżit ta’ karattru distintiv. Għalkemm din id-dispożizzjoni tawtorizza, b’deroga mill-Artikolu 7(1)(c) ta’ dan ir-regolament, ir-reġistrazzjoni bħala trade marks kollettivi tal-Unjoni Ewropea ta’ sinjali li jistgħu jservu sabiex jindikaw l-oriġini ġeografika ta’ prodotti jew ta’ servizzi, madankollu hija ma tippermettix li s-sinjali hekk irreġistrati jkunu nieqsa minn karattru distintiv. Meta assoċjazzjoni titlob ir-reġistrazzjoni, bħala trade mark kollettiva tal-Unjoni Ewropea, ta’ sinjal li jista’ jindika oriġini ġeografika, hija għandha għalhekk tiżgura li dan is-sinjal ikollu elementi li jippermettu lill-konsumatur jiddistingwi l-prodotti jew is-servizzi tal-membri tagħha minn dawk ta’ impriżi oħra. |
74 |
Għaldaqstant, anki jekk jiġi preżunt li t-trade mark kollettiva tal-Unjoni Ewropea HALLOUMI tirreferi impliċitament, kif tafferma l-appellanti, għall-oriġini ġeografika Ċiprijotta tal-prodotti koperti, din it-trade mark xorta waħda għandha tissodisfa l-funzjoni essenzjali tagħha, jiġifieri li tiddistingwi l-prodotti jew is-servizzi tal-membri tal-assoċjazzjoni li hija l-proprjetarja tagħha minn dawk ta’ impriżi oħra, u l-livell ta’ karattru distintiv tal-imsemmija trade mark huwa, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 70 ta’ din is-sentenza, fattur rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk teżistix probabbiltà ta’ konfużjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, bejn din it-trade mark u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni BBQLOUMI. |
75 |
Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta wettqet evalwazzjoni tal-livell tal-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti HALLOUMI u meta inkludiet dan il-fattur fl-evalwazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni. |
76 |
Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, ma jidhirx li l-Qorti Ġenerali, matul din l-evalwazzjoni, “iddeprezzat” il-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti HALLOUMI jew li din ibbażat ruħha fuq premessa ta’ karattru distintiv dgħajjef li kien l-obbligu tal-appellanti li tikkonfuta. Għall-kuntrarju, mill-punti 42 u 70 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali oġġettivament ikkonstatat, bħall-Bord tal-Appell wara t-twettiq tal-analiżi tal-provi prodotti mill-appellanti, li t-terminu “halloumi”, l-uniku element li minnu hija kkostitwita din it-trade mark preċedenti, jindika tip partikolari ta’ ġobon prodott skont riċetta speċjali u li l-karattru distintiv ta’ tali trade mark, li sempliċement jindika tip ta’ prodott, huwa dgħajjef. Din l-evalwazzjoni tal-livell ta’ karattru distintiv tat-trade mark preċedenti ma tistax, fl-assenza ta’ lment preċiż ibbażat fuq żnaturament manifest tal-provi, tiġi kkontestata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, The Tea Board vs EUIPO, C‑673/15 P sa C‑676/15 P, EU:C:2017:702, punt 41). |
77 |
Il-Qorti Ġenerali lanqas ma evalwat b’mod żbaljat il-portata tas-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2012, Formula One Licensing vs UASI (C‑196/11 P, EU:C:2012:314). Fil-punti 41 sa 47 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, waqt l-eżami ta’ oppożizzjoni bbażata fuq trade mark nazzjonali, għandu jiġi rrikonoxxut “ċertu livell ta’ karattru distintiv” lil din tal-aħħar. Indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk din il-ġurisprudenza tistax tiġi trasposta għal dan il-każ, fi kwalunkwe każ mis-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali, billi kkonstatat li t-trade mark HALLOUMI għandha karattru distintiv dgħajjef, irrikonoxxiet “ċertu livell ta’ karattru distintiv” lil din it-trade mark u għalhekk ma evalwatx l-imsemmija sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja b’mod żbaljat. |
78 |
Għalkemm mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-ewwel u t-tieni aggravju huma infondati u li l-argumenti, ippreżentati fil-kuntest tat-tielet aggravju, ibbażati fuq evalwazzjoni żbaljata tal-portata tas-sentenzi tal‑24 ta’ Mejju 2012, Formula One Licensing vs UASI (C‑196/11 P, EU:C:2012:314), u tal‑20 ta’ Settembru 2017, The Tea Board vs EUIPO (C‑673/15 P sa C‑676/15 P, EU:C:2017:702), għandhom ukoll jiġu miċħuda, madankollu għad irid jiġi eżaminat l-argument, imressaq ukoll insostenn ta’ dan it-tielet aggravju, li l-Qorti Ġenerali naqset milli twettaq evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni li tieħu inkunsiderazzjoni, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatturi rilevanti kollha u l-interdipendenza bejniethom. |
79 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 62 sa 69 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Bord tal-Appell kien ikkonkluda b’mod żbaljat favur l-assenza, fil-livell fonetiku u kunċettwali, ta’ xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti. Il-Qorti Ġenerali qieset, għall-kuntrarju, li dawn it-trade marks, f’livell ċertament dgħajjef, jixxiebhu kemm fil-livell viżiv kif ukoll fil-livell fonetiku u dak kunċettwali. |
80 |
Il-Qorti Ġenerali kkonstatat ukoll, fil-punt 70 ta’ din is-sentenza, li t-trade mark preċedenti HALLOUMI għandha karattru distintiv dgħajjef u, fil-punt 71 tal-imsemmija sentenza, li l-prodotti koperti mit-trade marks kunfliġġenti huma parzjalment identiċi u sa ċertu livell parzjalment jixxiebhu. |
81 |
Peress li dawn id-diversi fatturi ġew għalhekk evalwati mill-Qorti Ġenerali, hija kellha, konformement mal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, kif interpretat mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 67 sa 70 ta’ din is-sentenza, tintegrahom f’evalwazzjoni globali, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-interdipendenza li teżisti bejn l-imsemmija fatturi, b’mod partikolari bejn ix-xebh tat-trade marks u dak tal-prodotti jew tas-servizzi koperti, peress li livell baxx ta’ xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti jista’ jiġi paċut b’livell għoli ta’ xebh bejn it-trade marks u viċi versa. |
82 |
Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali kellha teżamina, minn tal-inqas, jekk il-fatt li t-trade mark HALLOUMI u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni BBQLOUMI, skont l-evalwazzjoni tagħha, jixxiebhu biss b’mod dgħajjef fil-livell viżiv, fonetiku u kunċettwali huwiex paċut, b’mod partikolari, bl-identiċità tal-prodotti koperti minn kull waħda minn dawn it-trade marks, jiġifieri l-ġobon. Konformement mal-prinċipji stabbiliti mill-imsemmija ġurisprudenza, li teżiġi evalwazzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-interdipendenza bejn il-fatturi rilevanti, tali eżami kien neċessarju sabiex jiġi ddeterminat jekk jeżistix jew le riskju li l-pubbliku inġenerali jista’ jemmen b’mod żbaljat li l-prodotti jew is-servizzi offruti taħt it-trade mark BBQLOUMI ġejjin minn impriża affiljata mal-assoċjazzjoni proprjetarja tat-trade mark HALLOUMI. |
83 |
Issa, filwaqt li fakkret l-imsemmija prinċipji fil-punt 56 tas-sentenza appellata u ddikjarat fil-punt 69 ta’ dik is-sentenza li hija ser twettaq, fil-bqija tal-imsemmija sentenza, evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha, fil-punti 70 u 71 tal-istess sentenza, li tesponi l-konstatazzjonijiet tagħha fir-rigward tal-livell ta’ karattru distintiv tat-trade mark preċedenti u tal-livell ta’ xebh kemm tat-trade marks kunfliġġenti kif ukoll tal-prodotti koperti minnhom, u li tqis, b’mod astratt, li ma tistax teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku rilevanti peress li l-eżistenza, bejn trade marks kunfliġġenti, ta’ livell – f’dan il-każ dgħajjef – ta’ xebh fil-livell viżiv, fonetiku u kunċettwali ma hijiex, fl-ipoteżi ta’ trade mark preċedenti li għandha karattru distintiv dgħajjef, suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni. Huwa biss fuq din il-bażi li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 72 tas-sentenza appellata, li l-Bord tal-Appell, filwaqt li wettaq l-iżbalji kkonstatati fil-punti 62 sa 69 ta’ dik is-sentenza, kien ġustament ikkonkluda li ma kienx hemm probabbiltà ta’ konfużjoni. |
84 |
Għalhekk, minn ebda wieħed mill-motivi tas-sentenza appellata ma jirriżulta li l-Qorti Ġenerali eżaminat debitament l-interdipendenza tal-fatturi rilevanti. Anki jekk jiġi preżunt li hija fittxet jekk il-livell baxx ta’ xebh tat-trade marks kunfliġġenti setax jiġi paċut bil-livell nettament ogħla tax-xebh tal-prodotti koperti minn dawn it-trade marks, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ma esponietx, fis-sentenza appellata, ir-raġunijiet li għalihom hija qieset li dan ma kienx il-każ. |
85 |
Pjuttost, mill-punt 71 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq il-premessa li, fil-każ ta’ karattru distintiv dgħajjef tat-trade mark preċedenti, l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi eskluża mill-mument fejn jirriżulta li x-xebh tat-trade marks kunfliġġenti ma jippermettix, waħdu, li tali probabbiltà tiġi stabbilita. |
86 |
Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 69 u 70 ta’ din is-sentenza, tali premessa hija żbaljata, peress li l-fatt li l-karattru distintiv ta’ trade mark preċedenti huwa dgħajjef ma jeskludix l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni. Sabiex jiġi ddeterminat jekk tali probabbiltà teżistix jew le, kien neċessarju, fid-dawl tal-kriterju tal-interdipendenza stabbilit f’din il-ġurisprudenza, li jiġi eżaminat jekk il-livell baxx tax-xebh tat-trade marks kunfliġġenti huwiex paċut bil-livell ogħla ta’ xebh, jew saħansitra mill-identiċità, tal-prodotti koperti minn dawn it-trade marks. Issa, l-evalwazzjoni li wettqet il-Qorti Ġenerali ma tinkludi l-ebda eżami konkret f’dan ir-rigward. |
87 |
Dan il-qari tas-sentenza appellata jeħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni l-verżjoni inizjali ta’ dik is-sentenza jew dik li tirriżulta mid-digriet ta’ rettifika tas‑17 ta’ Settembru 2019. Peress li r-rettifika tal-Qorti Ġenerali għalhekk ma kellhiex konsegwenza fuq l-evalwazzjoni ta’ dan l-appell, ma hemmx lok li tiġi eżaminata l-kwistjoni, ittrattata bejn il-partijiet waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, dwar jekk tali rettifika, imħabbra mill-Qorti Ġenerali lill-partijiet ftit żmien qabel din is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kinitx kompatibbli mar-regoli tal-proċedura applikabbli. |
88 |
Peress li l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali ma tissodisfax, għar-raġunijiet esposti fil-punti 82 sa 87 ta’ din is-sentenza, ir-rekwiżit ta’ evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni l-interdipendenza ta’ fatturi rilevanti, għandu jiġi konkluż li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kriterji li fir-rigward tagħhom għandha tiġi evalwata l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, u, billi għamlet hekk, wettqet żball ta’ liġi. |
89 |
Minn dan isegwi li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata, mingħajr ma hemm lok li jiġi eżaminat ir-raba’ aggravju. |
Fuq li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali
90 |
Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ taqta’ l-kawża hija stess b’mod definittiv, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tista’ tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha. |
91 |
F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli twettaq evalwazzjoni globali skont il-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. |
92 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali, sabiex din tkun tista’ twettaq tali evalwazzjoni u, għalhekk, sabiex tkun tista’ twettaq eżami ġdid tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni. |
Fuq l-ispejjeż
93 |
Peress li l-kawża qiegħda tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali, hemm lok li l-ispejjeż jiġu rriżervati. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l‑Ingliż.