Kawża C-334/05 P

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern

(Trade marks u Disinni) (UASI)

vs

Shaker di L. Laudato & C. Sas

“Appell — Trade mark Komunitarja — Regolament (KE) Nru 40/94 — Artikolu 8(1)(b) — Probabbiltà ta’ konfużjoni — Applikazzjoni għal trade mark figurattiva Komunitarja li fiha l-elementi verbali ‘Limoncello della Costiera Amalfitana’ u ‘Shaker’ — Oppożizzjoni mill-proprjetarju tat-trade mark verbali nazzjonali ‘LIMONCHELO’”

Sommarju tas-Sentenza

Trade mark komunitarja – Definizzjoni u akkwist ta’ trade mark komunitarja – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew simili rreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew simili

[Regolament tal-Kunsill Nru 40/94,Artikolu 8(1)(b)]

Fil-kuntest ta’ l-eżami ta’ l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, fis-sens ta’ Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 fuq it-trade mark Komunitarja, l-evalwazzjoni tax-xebh bejn żewġ trade marks ma tistax tillimita ruħha b’mod li jittieħed biss in kunsiderazzjoni komponent ta’ trade mark kumplessa u li jiġi mqabbel ma’ trade mark oħra. Kuntrarjament, hemm lok li l-paragun isir billi jiġu eżaminati t-trade marks in kwistjoni, kull waħda kkunsidrata fit-totalità tagħha, li ma jeskludix li l-impressjoni ġenerali prodotta fil-memorja tal-pubbliku rilevanti minn trade mark kumplessa tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tkun dominata minn wieħed jew aktar mill-komponenti tagħha. F’dan ir-rigward, huwa biss jekk il-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark huma negliġibbli li l-evalwazzjoni tax-xebh tista’ ssir fuq il-bażi ta’ l-element dominanti biss.

(ara l-punti 41-42)













SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

12 ta’ Ġunju 2007 (*)

“Appell – Trade mark Komunitarja – Regolament (KE) Nru 40/94 – Artikolu 8(1)(b) – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Applikazzjoni għal trade mark figurattiva Komunitarja li fiha l-elementi verbali ‘Limoncello della Costiera Amalfitana’ u ‘Shaker ’ – Oppożizzjoni mill-proprjetarju tat-trade mark verbali nazzjonali ‘LIMONCHELO’ ”

Fil-kawża C‑334/05 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fid-9 ta’ Settembru 2005,

l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks      u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn O. Montalto u P. Bullock, bħala aġenti,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Shaker di L. Laudato & C. Sas, stabbilita f’Vietri sul Mare (l-Italja), irrappreżentata minn F. Sciaudone, avvocato,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Limiñana y Botella SL, stabbilita f’Monforte del Cid (Spanja),

parti fil-proċedimenti quddiem il-Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta’ l-Awla, J. Klučka, (Relatur), J. N. Cunha Rodrigues, U. Lõhmus u A. Ó Caoimh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ l-24 ta’ Jannar 2007,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Marzu 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Bl-Appell tiegħu, l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tal-15 ta’ Ġunju 2005, Shaker vs L-UASI - Limiñana y Botella (Limoncello della Costiera Amalfitana Shaker ) (T-7/04, Ġabra p. II–2305, iktar ’il quddiem is-“sentenza kkontestata”), li permezz tagħha laqgħet ir-rikors ta’ Shaker di L. Laudato & C. Sas (iktar ’il quddiem “Shaker”), billi annullat id-deċiżjoni tat-Tieni Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI, ta’ l-24 ta’ Ottubru 2003 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li ċaħdet lil din il-kumpannija r-reġistrazzjoni ta’ trade mark figurattiva Komunitarja li fiha l-elementi verbali “Limoncello della Costiera Amalfitana” u “Shaker ”.

 Il-Kuntest Ġuridiku

2        Is-seba’ premessa tar-Regolament (KE) Nru 40/94 ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 11, 1994, p. 1), jipprovdi:

“[…] il-protezzjoni mogħtija minn trade mark Komunitarja, li għandha l-funzjoni partikolari li tiggarantixxi t-trade mark bħala indikazzjoni ta’ oriġini, hija assoluta f’każ ta’ identiċità bejn il-marka u s-sinjal u l-prodotti jew is-servizzi; […] il-protezzjoni tapplika wkoll f’każijiet ta’ xebh bejn il-marka u s-sinjal u l-prodotti jew is-servizzi; […] [i]l-kunċett ta’ xebh għandu jingħata interpretazzjoni marbuta mal-possibiltà ta’ konfużjoni; […] il-possibilta’ ta’ konfużjoni, li l-apprezzament tagħha tiddependi fuq ħafna elementi u, b’mod partikolari, fuq l-għarfien tat-trade mark fuq is-suq, l-assoċjazzjoni li tista ssir bejn is-sinjal użat u dak registrat, il-livell ta’ xebh bejn it-trade mark u s-sinjal u bejn il-prodotti jew is-servizzi identifikati, tikkostitwixxi l-kundizzjoni speċifika għal tali protezzjoni”.

3        L-Artikolu 8(1)(b) ta’ l-imsemmi regolament jgħid hekk:

“Jekk issir opposizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark m’għandhiex tiġi milqugħa:

[…]

b)      jekk minħabba identiċità jew xebh bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabilta’ ta’ konfużjoni minn naħa tal-publiku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta; il-probabiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti”.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

4        Fl-20 ta’ Ottubru 1999, Shaker ippreżentat lill-UASI applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, bħala trade mark Komunitarja, tat-trade mark figurattiva rrappreżentata b’dan il-mod:

Image not found

5        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 29, 32 u 33 skond il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-Finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Nizza”).

6        Wara intervent ta’ l-UASI, Shaker limitat l-applikazzjoni tagħha għal-likur tal-lumi li ġej mill-Kosta Amalfitana, għal dak li għandu x’jaqsam mal-prodotti tal-klassi 33, li tikkorrispondi għall “[x]arbiet alkoħoliċi (bl-eċċezzjoni tal-birra)”.

7        Fl-1 ta’ Ġunju 2000, Limiñana y Botella SL ressqet oppożizzjoni skond l-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 40/94. Il-motif in sostenn għal din l-oppożizzjoni kien il-probabbiltà ta’ konfużjoni msemmija fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, bejn, minn naħa waħda, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni safejn din hija konnessa mal-prodotti tal-klassi 33 tal-Ftehim ta’ Nizza u, min-naħa l-oħra, it-trade mark verbali tal-parti li qed topponi li tikkonċerna wkoll il-prodotti tal-klassi 33, irreġistrata fl-1996 fl-Oficina Española de Patentes y Marcas du Ministerio de ciencia y tecnología (Uffiċċju Spanjol ta’ privattivi u trade marks), bl-isem: “LIMONCHELO”.

8        Permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Settembru 2002, id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni ta’ l-UASI laqgħet l-oppożizzjoni u, konsegwentement, irrifjutat ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

9        Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, it-Tieni Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI ċaħad l-appell ta’ Shaker. Essenzjalment, il-Bord ta’ l-Appell kien ta’ l-opinjoni li l-element dominanti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni kien il-kelma “limoncello” u li din it-trade mark u t-trade mark preċedenti kienu viżivament u fonetikament simili ħafna, b’tali mod li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn dawn iż-żewġ trade marks.

 Il-procedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza kkontestata

10      Fis-7 ta’ Jannar 2004, Shaker ippreżentat rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, billi invokat, fl-ewwel lok, il-ksur ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 490/94, fit-tieni lok, abbuż ta’ poter u, fit-tielet lok, il-ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet.

11      Fir-rigward ta’ l-ewwel motiv, il-Qorti tal-Prim’Istanza, wara li kkonstatat l-identiċità bejn il-prodotti in kwistjoni, iddeċidiet, għal dak li jirrigwarda s-sinjali in kwistjoni, fil-punti 53 u 54 tas-sentenza kkontestata:

“53      [I]l-Bord ta’ l-Appell kellu jeżamina liema komponent tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni jista’ jwassal, permezz tal-karatteristiċi viżwali, fonetiċi u kunċettwali tiegħu, biex waħdu jagħti impressjoni ta’ din it- trade mark li l-pubbliku kkonċernat iżomm f’moħħu, b’tali mod li l-komponenti l-oħra ta’ din ta’ l-aħħar jidhru ta’ importanza żgħira f’dan ir-rigward [...]

54      Madankollu, jekk it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni hija trade mark kumplessa ta’ natura viżwali, l-evalwazzjoni ta’ l-impressjoni totali ta’ din it- trade mark kif ukoll id-determinazzjoni ta’ element dominanti eventwali ta’ din ta’ l-aħħar, trid issir fuq il-bażi ta’ analiżi viżwali. Għalhekk, f’ipoteżi tali, huwa biss meta element dominanti eventwali jinkludi xi aspetti semantiċi mhux viżwali li jkun hemm lok, jekk ikun il-każ, li wieħed jipproċedi għall-paragun bejn dan l-element, min-naħa waħda, u t-trade mark preċedenti, min-naħa l-oħra, b’kunsiderazzjoni wkoll ta’ dawk l-aspetti l-oħra semantiċi, bħal per eżempju aspetti fonetiċi jew kunċetti astratti relevanti”.

12      Skond dan il-metodu, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat, fil-punt 59 tas-sentenza kkontestata, li r-rappreżentazzjoni tal-platt tond imżejjen bil-lumi għandu jiġi kkunsidrat bħala li huwa ċarament il-komponent dominanti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Hija kkonstatat li l-elementi verbali ta’ din it-trade mark ma kinux dominanti fuq pjan viżiv u sostniet li ma kienx hemm lok li tanalizza l-karatteristiċi fonetiċi jew kunċettwali ta’ dawn l-elementi.

13      Konsegwentement, hija ddeċidiet fil-punt 65 ta’ l-istess sentenza li r-rappreżentazzjoni tal-platt tond m'għandha l-ebda punt komuni mat-trade mark preċedenti, li hija trade mark purament verbali.

14      Fil-punti 66 sa 69 ta’ l-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat:

“66      Konsegwentement m’hemmx probabbiltà li ssir konfużjoni bejn it-trade marks in kwistjoni. Id-dominanza tar-rappreżentazzjoni figurattiva ta’ platt tond imżejjen bil-lumi meta mqabbla ma' l-elementi l-oħra tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni timpeddixxi kull probabbiltà ta’ konfużjoni bbażata fuq l-eżistenza ta’ xebh viżwali, fonetiku u kunċettwali bejn il-kliem ‘limonchelo’ u ‘limoncello’ li jidhru fit-trade marks in kwistjoni.

67      Fil-kuntest ta’ evalwazzjoni ġenerali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, għandu jerġa’ jiġi mfakkar li l-konsumatur medju rarament għandu l-possibbiltà li jagħmel paragun dirett tat-trade marks differenti, imma jkollu jibbaża ruħu fuq l-immaġni imperfetta ta’ dawn li huwa jkollu f’moħħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C-342/97, Ġabra p. I3819, punt 26). Il-fatt li l-konsumatur medju jżomm f’moħħu biss immaġni imperfetta tat-trade mark jagħti importanza akbar lill-element dominanti tat-trade mark in kwistjoni [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Ottubru 2002, Oberhauser vs L-UASI - Petit Liberto (Fifties), T-104/01, Ġabra p. II4359, punt 47]. Għalhekk, l-element dominanti tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni li jikkonsisti f’platt tond imżejjen bil-lumi għandu importanza akbar fl-analiżi tat-totalità tas-sinjal minħabba li l-konsumatur li jara tikketta ta’ xarba alkoħolika qawwija jikkunsidra u jiftakar l-element predominanti tas-sinjal li jippermettilu, f’xirja ulterjuri, li jirrepeti l-esperjenza.

68      Il-predominanza tal-komponent figurattiv kostitwit minn platt tond imżejjen bil-lumi fit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni jrendi, fil-każ in kwistjoni, l-evalwazzjoni ta’ l-elementi distintivi tat-trade mark preċedenti mingħajr ebda effett fuq l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Fil-fatt, jekk l-importanza tal-karattru distintiv ta’ trade mark verbali preċedenti tista’ twassal biex tinfluwenza l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni […], dan il-kriterju jissupponi li jkun hemm, mill-inqas, ċertu tip ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark preċedenti u t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni. Madankollu, mill-evalwazzjoni tat-totalità tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks ikkonċernati jirriżulta li predominanza, fit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, ta’ platt tond imżejjen bil-lumi timpedixxi kull probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti. Konsegwentement, m'hemmx aktar bżonn li tittieħed deċiżjoni fuq il-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti […].

69      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, hemm lok li jiġi kkonstatat li, minkejja l-identiċità tal-prodotti kkonċernati, il-livell ta’ xebh bejn it-trade marks in kwistjoni mhuwiex għoli biżżejjed biex ikun jista’ jiġi kkunsidrat li l-pubbliku Spanjol li qed issir riferenza għalih jista’ jemmen li l-prodotti konċernati joriġinaw mill-istess impriża jew, skond il-każ, minn impriżi marbuta ekonomikament. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li kkonkluda l-UASI fid-deċiżjoni [kkontestata], ma teżistix probabbiltà ta’ konfużjoni bejn dawn ta’ l-aħħar fis-sens ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94”.

15      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza laqgħet l-ewwel motiv, iddeċidiet li ma kienx hemm lok li teżamina l-motivi l-oħra tar-rikorrenti u annullat id-deċiżjoni kkontestata. Hija wkoll biddlet din ta’ l-aħħar fis-sens li r-rikors ippreżentat minn Shaker quddiem l-UASI huwa fondat u, konsegwentement, l-oppożizzjoni għandha tiġi miċħuda.

 Fuq l-appell

16      In sostenn ta’ l-appell tiegħu, l-UASI invoka żewġ motivi, iżda ċeda wieħed minnhom matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, wara rettifika mwettqa mill-Qorti tal-Prim’Istanza, permezz tad-Digriet tat-12 ta’ Ġunju 2006. Għaldaqstant, m'hemmx lok li tali motiv jiġi eżaminat.

 L-argumenti tal-partijiet

17      Il-motiv sostnut mill-UASI fil-kuntest ta’ l-appell tiegħu huwa bbażat fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

18      L-UASI jakkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza li eskludiet kull probabbiltà ta’ konfużjoni billi bbażat l-evalwazzjoni tagħha fuq il-perċezzjoni viżiva biss tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, mingħajr ma għamlet analiżi fonetika u kunċettwali ta’ l-elementi kollha li jikkostitwixxu t-trade marks in kwistjoni, liema fatt jivvizzja l-prinċipju ta’ l-evalwazzjoni ġenerali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, li jirriżulta b’mod partikolari mis-sentenza tal-11 ta’ Novembru 1997, SABEL (C‑251/95, Ġabra p. I‑6191).

19      Barra minn hekk, l-UASI jikkritika s-sentenza kkontestata f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-komponenti distintiv u dominanti tas-sinjali. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet fil-fatt attribwiet valur esklużiv u deċiżiv lir-rappreżentazzjoni ta’ platt imżejjen bil-lumi mingħajr ma rrikonoxxiet li l-komponenti l-oħra jistgħu jkollhom xi valur distintiv.

20      L-UASI jqis li l-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tevalwa l-impatt effettiv tat-terminu “Limoncello” fuq il-perċezzjoni tal-konsumatur medju tal-prodotti in kwistjoni, u tikkunsidra l-pubbliku ta’ referenza fil-kawża preżenti. Fir-rigward tax-xarbiet alkoħoliċi, il-konsumatur medju jagħti attenzjoni l-ewwel lill-komponent verbali, peress illi hija kategorija ta’ merkanzija komunament identifikata bl-isem tal-prodott aktar milli bl-elementi figurattivi li hemm fuq it-tikketta.

21      Billi naqset milli tevalwa l-karatteristiċi intrinsiċi ta’ l-ewwel trade mark, is-sentenza kkontestata qalbet il-proċedura li għandha twassal għall-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni. Il-Qorti tal-Prim’Istanza limitat ruħha għal analiżi sempliċi tas-sinjali, minflok ipproċediet għal evalwazzjoni ġenerali.

22      Min-naħa l-oħra, Shaker issostni, fl-ewwel lok, li l-appell huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza SABEL, iċċitata iktar ’il fuq. Ir-Regolament Nru 40/94 ma jipprovdix għall-eżami ta’ kull element viżiv, fonetiku u kunċettwali tat-trade marks in kwistjoni.

23      Barra minn hekk, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Frar 2005, Cervecería Modelo vs L-UASI – Modelo Continente Hipermercados (NEGRA MODELO) (T 169/02, Ġabra p. II 505), invokata mill-UASI u li fiha ġie deċiż, fil-punt 40, li l-identiċità fonetika u kunċettwali bejn l-element dominanti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark preċedenti tinnewtralizza d-differenzi viżivi li jirriżultaw mill-partikolarijiet grafiċi, mhijiex rilevanti. Din is-sentenza tirrigwarda żewġ trade marks figurattivi u l-valur newtralizzanti tax-xebh fonetiku u kunċettwali kien jikkoinċidi ma' l-element dominanti tal-komponenti kunċettwali u tas-smigħ komuni għaż-żewġ trade marks. Skond Shaker, it-teżi proposta mill-UASI għandha bħala konsegwenza li xebh fonetiku u kunċettwali jista’ jinnewtralizza l-element viżiv dominanti, u b’hekk titneħħa għalhekk l-importanza tal-karattru dominanti fl-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni.

24      Fit-tieni lok, Shaker tirrileva li, billi jsostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza tat valur esklużiv u deċiżiv lir-rappreżentazzjoni ta’ platt imżejjen bil-lumi, l-UASI jitlob fir-realtà lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkontrolla l-evalwazzjoni ta’ l-elementi ta’ fatt imwettqa mill-Qorti tal-Prim’Istanza, filwaqt li tali evalwazzjoni ma tistax titqiegħed taħt il-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja.

25      Konsegwentement, dan l-argument huwa inammissibbli u, f’kull każ, infondat sa fejn l-UASI ma jistax jakkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza b’evalwazzjoni parzjali ta’ l-elementi ta’ fatt, meta huwa stess wettaq tali evalwazzjoni. L-eżami għandu jitwettaq fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Ottubru 2002, Matratzen Concord vs L-UASI – Hukla Germany (MATRATZEN) (T 6/01, Ġabra p. II 4335), ikkonfermata fid-Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ April 2004, Matratzen Concord vs L-UASI (C 3/03 P, Ġabra p. I 3657), li ma teskludix li l-impressjoni ġenerali prodotta fil-memorja tal-pubbliku rilevanti minn trade mark kumplessa tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tiġi ddominata minn waħda jew diversi komponenti tagħha.

26      Fit-tielet lok, Shaker tinvoka l-inammissibbiltà ta’ l-argumenti ta’ l-UASI dwar il-fatt li ġew ikkunsidrati b’mod inadegwat il-konsumatur medju u l-prinċipju ta’ interdipendenza, billi dawn l-argumenti jwasslu sabiex jitolbu mill-Qorti tal-Ġustizzja evalwazzjoni ġdida tal-fatti mwettqa mill-Qorti tal-Prim’Istanza. Barra minn hekk, Shaker tirrileva li s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza invokati mill-UASI mhumiex rilevanti, peress li ċ-ċirkustanzi li fihom ingħataw mhumiex l-istess bħal dawk tal-kawża preżenti.

27      Fir-rigward tal-pubbliku ta’ referenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat ġustament il-konsumaturi medji Spanjoli, billi għamlet referenza speċifika għalihom sabiex tevalwa l-probabbiltà ta’ konfużjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 Fuq l-ammissibbiltà

28      Fir-rigward ta’ l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma minn Shaker kontra l-motiv invokat mill-UASI, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikoli 225(1) KE u l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 58 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell huwa limitat għal kwistjonijiet ta’ dritt. Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim’Istanza hija biss kompetenti sabiex tikkonstata l-fatti rilevanti kif ukoll sabiex tevalwa l-elementi ta’ prova. Il-konstatazzjoni ta’ dawn il-fatti u l-evalwazzjoni ta’ dawn l-elementi ma jikkostitwixxux għaldaqstant, ħlief f’każ tad-distorsjoni tagħhom, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2002, DKV vs L-UASI, C-104/00 P, Ġabra p. I-7561, punt 22; tat-12 ta’ Jannar 2006, Deutsche SiSi-Werke vs L-UASI, C-173/04 P, Ġabra p. I-551, punt 35, u tat-22 ta’ Ġunju 2006, Storck vs L-UASI, C-25/05 P, Ġabra p. I-5719, punt 40).

29      Fil-kawża preżenti, il-motiv imqajjem mill-UASI huwa bbażat fuq kwistjoni ta’ dritt, safejn huwa intiż sabiex juri li l-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli tagħraf il-portata ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, fil-każ fejn hija limitat ruħha għal analiżi viżiva tat-trade marks in kwistjoni u ma wettqitx analiżi fonetika u kunċettwali ta’ dawn it-trade marks.

30      Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi kkunsidrat bħala ammissibbli.

 Fuq il-mertu

31      Fir-rigward tal-fondatezza tal-motiv ibbażat fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata ta’ l-Artikolu 8(1)(b) għandu jiġi mfakkar li, skond din id-dispożizzjoni, jekk issir oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark ma tiġix milqugħa fejn, minħabba identiċità jew xebh mat-trade mark preċedenti jew l-identiċità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta. Tali probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.

32      Fuq dan il-punt, il-leġiżlatur Komunitarju ppreċiża fis-seba’ premessa tar-Regolament Nru 40/94, li l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni tiddependi minn numru ta’ fatturi, u b’mod partikolari mill-għarfien li l-pubbliku għandu tat-trade mark fis-suq in kwistjoni, ta’ l-assoċjazzjoni li tista’ ssir mas-sinjal użat jew irreġistrat, tal-grad ta’ xebh bejn it-trade mark u s-sinjal kif ukoll bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti.

33      F’dan ir-rigward, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li tikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni, fis-sens ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, il-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni jkunu ġejjin mill-istess impriża jew, skond il-każ, minn impriżi marbuta ekonomikament [ara, f’dan is-sens, fir-rigward ta’ l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 40,  1989, p. 1), is-sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C‑342/97, Ġabra p. I-3819, punt 17, u tas-6 ta’ Ottubru 2005, Medion, C‑120/04, Ġabra p. I-8551, punt 26].

34      Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku trid tiġi evalwata b’mod ġenerali billi jittieħdu in kunsiderazzjoni l-fatturi kollha rilevanti ta’ l-każ partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi SABEL, iċċitata iktar ’il fuq,punt 22; Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitat iktar ’il fuq, punt 18, u tat-22 ta’ Ġunju 2000, Marca Mode, C-425/98, Ġabra p. I-4861, punt 40; id-Digriet Matratzen Concord vs L-UASI, iċċitat iktar ’il fuq, punt 28; is-sentenza Medion, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27, u tat-23 ta’ Marzu 2006, Mülhens vs L-UASI , C-206/04 P, Ġabra p. I-2717, punt 18).

35      Skond ġurisprudenza daqstant stabbilita, l-evalwazzjoni ġenerali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni trid, għal dak li jirrigwarda x-xebh viżiv, fis-smigħ jew kunċettwali tat-trade marks in kwistjoni, tkun ibbażata fuq l-impressjoni ġenerali prodotta minnhom, fejn tingħata attenzjoni partikolari għall-elementi distintivi u dominanti tagħhom. Il-perċezzjoni tat-trade marks li l-konsumatur medju għandu tal-prodotti jew tas-servizzi in kwistjoni tilgħab rwol determinanti fl-evalwazzjoni ġenerali ta’ din il-probabbiltà. F’dan ir-rigward, il-konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark fit-totalità tagħha u ma joqgħodx jeżamina d-dettalji differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq SABEL, punt 23, Lloyd Schuhfabrik Meyer, punt 25, Medion, punt 28 u Mülhens vs L-UASI, punt 19, kif ukoll id-digriet iċċitat iktar ’il fuq Matratzen Concord vs L-UASI, punt 29).

36      Għandu jingħad ukoll li, sabiex jiġi evalwat il-livell ta’ xebh li jeżisti bejn it-trade marks ikkonċernati, għandu jiġi stabbilit il-livell tagħhom ta’ xebh viżiv, ta’ smigħ u kunċettwali u, jekk ikun il-każ, għandha tiġi evalwata l-importanza li għandha tingħata lil dawn l-elementi differenti, billi tittieħed in kunsiderazzjoni l-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi kkonċernati u l-kundizzjonijiet li skondhom huma kummerċjalizzati (sentenza Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).

37      Fil-kawża preżenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza enfasizzat, fil-punt 49 tas-sentenza kkontestata, il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 35 tal-kawża preżenti li tgħid li l-evalwazzjoni ġenerali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tkun ibbażata fuq il-perċezzjoni ġenerali prodotta mis-sinjali in kwistjoni.

38      Madankollu, hija ppreċiżat, fil-punt 54 tas-sentenza kkontestata li, jekk it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija trade mark kumplessa ta’ natura viżiva, l-evalwazzjoni ta’ l-impressjoni ġenerali ta’ din it-trade mark kif ukoll id-determinazzjoni ta’ element dominanti eventwali ta’ din ta’ l-aħħar għandhom isiru fuq il-bażi ta’ analiżi viżiva. Għalhekk, f’ipoteżi tali, huwa biss meta element dominanti eventwali jinkludi xi aspetti semantiċi mhux viżivi li jkun hemm lok, jekk ikun il-każ, li wieħed jipproċedi għall-paragun bejn dan l-element, minn naħa waħda, u t-trade mark preċedenti, min-naħa l-oħra, billi jittieħdu in kunsiderazzjoni wkoll dawk l-aspetti l-oħra semantiċi, bħal per eżempju aspetti fonetiċi jew kunċetti astratti rilevanti.

39      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tas-sinjali in kwistjoni, ikkunsidrat qabel kollox li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fiha element dominanti kkostitwit mir-rappreżentazzjoni ta’ platt tond imżejjen bil-lumi. Hija qalet għaldaqstant, fil-punti 62 sa 64 tas-sentenza kkontestata, li ma kienx hemm lok li jiġu analizzati l-karatteristiċi fonetiċi jew kunċettwali ta’ l-elementi l-oħra ta’ din it-trade mark. Fl-aħħar nett, hija kkonkludiet, fil-punt 66 ta’ l-istess sentenza, li d-dominanza tar-rappreżentazzjoni figurattiva ta’ platt tond imżejjen bil-lumi meta mqabbla ma' l-elementi l-oħra ta’ l-imsemmija trade mark timpeddixxi kull probabbiltà ta’ konfużjoni bbażata fuq l-eżistenza ta’ xebh viżiv, fonetiku u kunċettwali bejn il-kliem “limonchelo” u “limoncello” li jidhru fit-trade marks in kwistjoni.

40      Issa, billi pproċediet hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza me wettqitx evalwazzjoni ġenerali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni tat-trade marks in kwistjoni.

41      Fil-fatt, huwa importanti li jiġi enfasizzat li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ l-eżami ta’ l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, l-evalwazzjoni tax-xebh bejn żewġ trade marks ma tistax tillimita ruħha b’mod li jittieħed biss in kunsiderazzjoni komponent ta’ trade mark kumplessa u li jiġi mqabbel ma’ trade mark oħra. Kuntrarjament, hemm lok li l-paragun isir billi jiġu eżaminati t-trade marks in kwistjoni, kull waħda kkunsidrata fit-totalità tagħha, li ma jeskludix li l-impressjoni ġenerali prodotta fil-memorja tal-pubbliku rilevanti minn trade mark kumplessa tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tkun dominata minn wieħed jew aktar mill-komponenti tagħha (ara, f’dan is-sens, id-Digriet Matratzen Concord vs l-UASI , iċċitat iktar ’il fuq, punt 32, u s-sentenza Medion, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).

42      Kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 21 tal-Konklużjonijiet tiegħu, huwa biss jekk il-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark huma negliġibbli li l-evalwazzjoni tax-xebh tista’ ssir fuq il-bażi ta’ l-element dominanti biss.

43      Minn dan jirriżulta li l-Qorti tal-Prim’Istanza applikat ħażin l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

44      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-UASI huwa fondat li jsostni li s-sentenza kkontestata hija vvizzjata minn żball ta’ dritt.

45      Jirriżulta minn dak li ntqal qabel li s-sentenza kkontestata għandha tiġi annullata.

46      Skond it-tieni sentenza ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 61 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fil-każ ta’ l-annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, taqta’ definittivament il-kawża meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

47      Fil-kawża preżenti hemm lok li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u li l-ispejjeż jiġu rriżervati.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tal-15 ta’ Ġunju 2005, Shaker vs L-UASI – Limiñana y Botella (Limoncello della ostiera Amalfitana Shaker ) (T‑7/04), hija annullata.

2)      Il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej.

3)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.