Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CC0564

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Bobek, ippreżentati fil-5 ta’ Diċembru 2019.
    LH vs Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-ażil – Proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32/UE – Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Artikolu 33(2) – Raġunijiet ta’ inammissibbiltà – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-inammissibbiltà tal-applikazzjoni jekk l-applikant wasal fl-Istat Membru kkonċernat minn pajjiż fejn ma huwiex espost għall-persekuzzjoni jew għar-riskju ta’ ħsara serja, jew jekk dan il-pajjiż jagħti protezzjoni suffiċjenti – Artikolu 46 – Dritt għal rimedju effettiv – Stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet amministrattivi dwar l-inammissibbiltà tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali – Terminu ta’ tmint ijiem sabiex tingħata deċiżjoni – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
    Kawża C-564/18.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:1056

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALIBOBEK

    ippreżentati fil-5 ta’ Diċembru 2019 ( 1 )

    Kawża C‑564/18

    LH

    v

    Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal

    (Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika komuni dwar l-ażil u l-protezzjoni sussidjarja – Proċeduri komuni għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32/UE – Artikolu 33 – Raġunijiet għal inammissibbiltà – Natura eżawrjenti – Artikolu 46(3) – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal rimedju effettiv – Terminu ta’ tmint ijiem sabiex il-qorti jew it-tribunal jiddeċiedu”

    I. Introduzzjoni

    1.

    Id-Direttiva 2013/32/UE ( 2 ) tispeċifika ħames sitwazzjonijiet li fihom applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tista’ titqies inammissibbli. Tnejn minn dawn is-sitwazzjonijiet huma rilevanti għall-każ preżenti: meta jista’ pajjiż terz jitqies li huwa “l-ewwel pajjiż ta’ ażil” jew il-“pajjiż terz bla perikolu” fir-rigward tal-applikant ikkonċernat.

    2.

    Stat Membru jista’ jadotta regola li tippermetti li l-awtoritajiet tiegħu jqisu bħala inammissibbli applikazzjonijiet imressqa minn applikanti li jaslu f’dan l-Istat Membru minn pajjiż terz li huwa kkunsidrat “pajjiż ta’ tranżitu bla perikolu”, u b’hekk effettivament iżidu kategorija oħra mal-lista li hemm fl-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32?

    3.

    Barra minn dan, l-eżami ġudizzjarju ta’ deċiżjonijiet amministrattivi li jqisu li applikazzjonijiet huma inammissibbli jista’ jkun suġġett għal terminu ta’ tmint ijiem?

    II. Il-kuntest ġuridiku

    A.   Id-dritt tal-Unjoni

    4.

    Skont il-premessa 43 tad-Direttiva 2013/32, “[l]-Istati Membri għandhom jeżaminaw l-applikazzjonijiet kollha fuq bażi sostanzjali [sostantiva], jiġifieri jivvalutaw jekk l-applikant ikkonċernat jikkwalifikax għall-protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva 2011/95/UE, ħlief fejn din id-Direttiva tkun tipprovdi mod ieħor, partikolarment fejn wieħed ikun jista’ raġonevolment jassumi li pajjiż ieħor ikun sejjer jagħmel l-eżami jew jipprovdi protezzjoni suffiċjenti. B’mod partikolari, l-Istati Membri ma għandhomx ikunu obbligati jivvalutaw is-sustanza ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fejn pajjiż ta’ asil preċedenti jkun ta lill-applikant l-istatus ta’ rifuġjat jew inkella protezzjoni suffiċjenti u l-applikant jiġi ammess mill-ġdid f’dak il-pajjiż.”

    5.

    Il-premessa 44 tad-Direttiva 2013/32 tiddikjara li “[l]-Istati Membri m’għandhomx ikunu obbligati li jivvalutaw is-sustanza ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fejn l-applikant, minħabba konnessjoni suffiċjenti ma’ pajjiż terz kif definit mil-liġi nazzjonali, jista’ jkun mistenni b’mod raġonevoli li jfittex protezzjoni f’dak il-pajjiż terz, u jkun hemm bażijiet għall-kunsiderazzjoni li applikant se jkun ammess jew ammess mill-ġdid f’dak il-pajjiż. L-Istati Membri għandhom jipproċedu biss fuq din il-bażi meta dan l-applikant partikolari jkun protett fil-pajjiż terz konċernat. Sabiex jiġu evitati movimenti sekondarji ta’ applikanti, għandhom jiġu stabbiliti prinċipji komuni għall-konsiderazzjoni jew indikazzjoni mill-Istati Membri ta’ pajjiżi terzi bħala bla periklu.”

    6.

    L-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32 jikkonċerna l-“Applikazzjonijiet inammissibbli”. Dan l-artikolu huwa fformulat kif ġej:

    “1.   Addizzjonalment għal każijiet fejn l-applikazzjoni ma’ tiġix eżaminata skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013, l-Istati Membri mhumiex obbligati jeżaminaw jekk l-applikant jikkwalifikax għal protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva 2011/95/UE fejn applikazzjoni tkun kunsidrata inammissibbli taħt dan l-Artikolu.

    2.   L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għall- protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli biss jekk:

    (a)

    il-protezzjoni internazzjonali tkun ġiet mogħtija minn Stat Membru ieħor;

    (b)

    pajjiż li ma jkunx Stat Membru jiġi kunsidrat bħala l-ewwel pajjiż ta’ asil għall-applikant, taħt l-Artikolu 35;

    (c)

    pajjiż li ma jkunx Stat Membru jiġi kkunsidrat bħala pajjiż terz bla periklu għall-applikant, taħt l-Artikolu 38;

    (d)

    l-applikazzjoni tkun applikazzjoni sussegwenti, fejn ebda elementi jew sejbiet ġodda relatati mal-eżami dwar jekk l-applikant jikkwalifikax bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva 2011/95/UE ma jkunu rriżultaw jew ġew ippreżentati mill-applikant;

    (e)

    persuna dipendenti fuq l-applikant jippreżenta applikazzjoni, wara li huwa kien ta l-kunsens tiegħu taħt l-Artikolu 7(2) sabiex il-każ tiegħu jkun parti minn applikazzjoni ppreżentata f’ismu, u ma jkunx hemm fatti relatati mas-sitwazzjoni tal-persuna dipendenti li jiġġustifikaw applikazzjoni separata.”

    7.

    L-Artikolu 35 tad-Direttiva 2013/32 jikkonċerna “Il-kunċett tal-ewwel pajjiż ta’ asil”. Dan l-artikolu jipprovdi:

    “Pajjiż jista’ jkun kunsidrat bħala l-ewwel pajjiż ta’ asil għal applikant partikolari jekk:

    (a)

    huwa kien ġie rikonoxxut f’dak il-pajjiż bħala rifuġjat u huwa għadu jista’ jirrikorri għal dik il-protezzjoni, jew

    (b)

    huwa jgawdi, diversament, protezzjoni suffiċjenti f’dak il-pajjiż, inkluż il-benefiċċju mill-prinċipju ta’ non-refoulement,

    sakemm huwa jerġa’ jitħalla jidħol f’dak il-pajjiż.

    Fl-applikazzjoni tal-kunċett tal-ewwel pajjiż ta’ asil għaċ-ċirkostanzi partikolari ta’ applikazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jieħdu kont tal-Artikolu 38(1). L-applikant għandu jitħalla jikkontesta l-applikazzjoni tal-kunċett tal-ewwel pajjiż ta’ asil għaċ-ċirkostanzi partiklari tiegħu.”

    8.

    L-Artikolu 38 jikkonċerna “Il-kunċett tal-pajjiż terz bla periklu”. Dan l-artikolu jipprovdi:

    “1.   L-Istati Membi jistgħu japplikaw il-kunċett ta’ pajjiż terz bla periklu biss fejn l-awtoritajiet kompetenti jkunu sodisfatti li persuna li tkun qiegħda tfittex protezzjoni internazzjonali tiġi trattata skont il-prinċipji li ġejjin fil-pajjiż terz kkonċernat:

    (a)

    il-ħajja u l-libertà ma jkunux mhedda minħabba r-razza, ir-reliġjon, in-nazzjonalità, is-sħubija f’xi grupp soċjali jew l-opinjoni politika;

    (b)

    ma hemmx riskju ta’ ħsara serja kif definit fid-Direttiva 2011/95/UE;

    (c)

    jiġi rispettat il-prinċipju ta’ non-refoulement skont il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra;

    (d)

    tkun rispettata l-projbizzjoni tal-espulsjoni ta’ persuna, bi ksur tad-dritt tal-libertà mit-tortura u minn trattament krudili, inuman jew degradanti kif stabbilit fid-dritt internazzjonali; kif ukoll

    (e)

    tkun teżisti l-possibbiltà li ssir talba għall-istatus ta’ rifuġjat u, jekk jinstab li l-persuna konċernata tkun rifuġjat, li din tirċievi protezzjoni skont il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra.

    2.   L-applikazzjoni tal-kunċett ta’ pajjiż terz bla periklu għandha tkun suġġetta għal regoli stabbiliti fil-liġi nazzjonali, inklużi:

    (a)

    regoli li jirrikjedu konnessjoni bejn l-applikant u l-pajjiż terz ikkonċernat li abbażi tagħha jkun raġonevoli li dik il-persuna tmur f’dak il-pajjiż;

    (b)

    regoli dwar il-metodoloġija li biha l-awtoritajiet kompetenti jissodisfaw ruħhom li l-kunċett tal-pajjiz terz bla periklu jista’ jiġi applikat għal xi pajjiż partikolari jew għal xi applikant partikolari. Tali metodoloġija għandha tinkludi l-konsiderazzjoni, każ b’każ, tas-sigurtà tal-pajjiż għal applikant partikolari u/jew l-indikazzjoni nazzjonali ta’ pajjiżi kkunsidrati bħala ġeneralment bla periklu;

    (c)

    regoli konformi mad-dritt internazzjonali, li jippermettu eżami individwali li jiddetermina jekk pajjiż terz konċernat huwiex bla periklu għal applikant partikolari u li, bħala minimu, għandu jippermetti lill-applikant jikkontesta l-applikazzjoni tal-kunċett tal-pajjiż terz bla periklu fuq il-bażi li l-pajjiż terz huwa ta’ periklu fiċ-ċirkustanzi partikolari tiegħu. L-applikant għandu jkun permess li jikkontesta l-eżistenza ta’ konnessjoni bejnu u l-pajjiż terz skont il-punt (a).

    […]”

    9.

    L-Artikolu 46 jikkonċerna “Id-dritt għal rimedju effettiv”. Dan l-artikolu huwa fformulat kif ġej:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti jkollhom id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal, kontra dawn li ġejjin:

    (a)

    deċiżjoni meħuda dwar l-applikazzjoni tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali, inkluża deċiżjoni:

    […]

    (ii)

    li tikkunsidra applikazzjoni bħala inammissibbli taħt l-Artikolu 33(2),

    […]

    […]

    3.   Sabiex ikunu konformi mal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li rimedju effettiv jipprovdi għal eżami sħiħ u ex nunc ta’ kemm il-fatti kif ukoll il-punti tal-liġi, inkluż fejn applikabbli eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva 2011/95/UE, ta’ mill-inqas fi proċeduri ta’ appell quddiem qorti jew tribunal ta’ prima istanza.

    […]

    10.   L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu limiti ta’ żmien għall-qorti jew tribunal skont il-paragrafu 1 sabiex tiġi eżaminata d-deċiżjoni tal-awtorità determinanti.

    […]”.

    B.   Id-dritt nazzjonali

    10.

    Skont l-Artikolu 51(2)(f) tal-menedékjogról szóló 2007. évi LXXX. törvény (il-Liġi Nru LXXX tal-2007 dwar id-Dritt għall-Ażil) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil”), applikazzjoni għandha tkun inammissibbli meta l-“applikant ikun wasal fl-Ungerija minn pajjiż fejn ma jkunx espost għal persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 6(1) jew għar-riskju ta’ dannu serju, fis-sens tal-Artikolu 12(1), jew fejn ikun iggarantit livell suffiċjenti ta’ protezzjoni”.

    11.

    L-Artikolu 53(4) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil jipprovdi li l-fażi ġudizzjarja tal-proċedura tal-ażil ma għandhiex iddum iktar minn tmint ijiem fil-każ ta’ applikazzjonijiet li jiġu ddikjarati inammissibbli.

    III. Il-fatti, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi magħmula

    12.

    Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali huwa ċittadin Sirjan ta’ etniċità Kurda, li ressaq applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fid-19 ta’ Lulju 2018.

    13.

    L-awtorità tal-ażil kompetenti, il-Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (l-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni u tal-Ażil, l-Ungerija) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju tal-Immigrazzjoni”), iddeċidiet li l-applikazzjoni kienet inammissibbli, u ddikjarat li l-prinċipju ta’ non-refoulement ma japplikax fil-każ tar-rikorrent. Hija ordnat li r-rikorrent jintbagħat lura mit-territorju tal-Unjoni Ewropea lejn it-territorju tar-Repubblika tas-Serbja u ordnat li din id-deċżjoni tkun infurzata bi tneħħija. Hija imponiet ukoll fuq ir-rikorrent projbizzjoni ta’ sentejn fir-rigward ta’ dħul u ta’ residenza.

    14.

    Ir-rikorrent ressaq azzjoni sabiex jikkontesta din id-deċiżjoni quddiem il-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), il-qorti tar-rinviju.

    15.

    Ir-rikkorrent jissottometti li d-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni hija illegali u għandha tkun annullata. Jissottometti wkoll li għandha tittieħed deċiżjoni fuq is-sustanza tal-applikazzjoni tiegħu għal status ta’ refuġjat, fid-dawl tal-fatt li l-Artikolu 51(2)(f) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, li b’konformità miegħu l-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni kklassifika l-applikazzjoni tieġħu bħala inammissibbli, jikser id-dritt tal-Unjoni Ewropea. Dan għaliex jikkostitwixxi raġuni oħra għal inammissibbiltà bbażata fuq il-kunċett ta’ “pajjiż ta’ tranżitu bla perikolu”, li ma hijiex prevista fl-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32.

    16.

    L-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni jargumenta, essenzjalment, li l-Artikolu 51(2)(f) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil għandu jkun evalwat fil-kuntest storiku tiegħu: il-leġiżlatur fittex li joħloq regoli li, fost l-oħrajn, setgħu jilqgħu għad-diffikultajiet li jirriżultaw minn kwantità kunsiderevoli ta’ applikanti.

    17.

    Barra minn dan, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar in-natura adegwata tat-terminu ta’ tmint ijiem li fih hija għandha tlesti l-istħarriġ tad-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni li tiddikjara l-applikazzjoni tar-rikorrent inammissibbli.

    18.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali tal-Belt ta’ Budapest) issospendiet il-proċedura u għamlet id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “(1)

    Id-dispożizzjonijiet dwar applikazzjonijiet inammissibbli tal-Artikolu 33 tad-[Direttiva 2013/32] jistgħu jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li skontha applikazzjoni hija inammissibbli fil-kuntest tal-proċedura ta’ ażil meta l-applikant ikun wasal f’dak l-Istat Membru, l-Ungerija, minn pajjiż fejn ma kienx espost għal persekuzzjoni jew għal riskju ta’ dannu serju, jew fejn huwa ggarantit livell adegwat ta’ protezzjoni?

    (2)

    L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali [tal-Unjoni Ewropea] u l-Artikolu 31 tad-[Direttiva 2013/32] – meta jitqiesu wkoll id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem – għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru hija konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet meta tipprevedi terminu obbligatorju ta’ tmient’ijiem għall-proċedura ġudizzjarja amministrattiva fir-rigward tal-applikazzjonijiet iddikjarati inammissibbli fil-proċeduri ta’ ażil?”

    19.

    Il-qorti tar-rinviju talbet li t-talba preżenti għal deċiżjoni preliminari tkun ikkunsidrata skont il-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. B’deċiżjoni tad-19 ta’ Settembru 2018, l-Awla magħżula tal-Qorti tal-Ġusitzzja ddeċidiet li ma tilqax din it-talba.

    20.

    Ir-rikorrent, il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Franċiż, il-Gvern Ungeriż u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Ħlief għall-Gvern Franċiż, huma ħadu sehem ukoll fis-seduta li nżammet fil-11 ta’ Settembru 2019.

    IV. Evalwazzjoni

    21.

    Fl-ewwel parti ta’ dawn il-konklużjonijiet, se nissuġġerixxi li l-lista ta’ raġunijiet għal inammissibbiltà (sostantivi) fl-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32 hija waħda eżawrjenti. Billi r-raġuni addizzjonali ta’ “pajjiż ta’ tranżitu bla perikolu” la tista’ tiġi inkorporata taħt il-kunċetti eżistenti ta’ “l-ewwel pajjiż ta’ ażil” u lanqas taħt dak ta’ “pajjiż terz bla perikolu”, inħoss li għandi nikkonkludi li l-Istati Membri huma tabilħaqq preklużi milli jadottaw tali raġuni addizzjonali għal inammissibbiltà (A).

    22.

    Fir-rigward tat-tieni domanda, b’raġunament li jixbah il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża PG vs Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Kawża C‑406/18) (iktar ’il quddiem il-“kawża PG”), f’dan il-każ se nissuġġerixxi li jekk it-terminu preskritt ta’ tmint ijiem huwiex adegwat jiddependi minn jekk jippermettix li d-drittijiet proċedurali tal-applikant ikunu ggarantiti. Dan għandu jkun evalwat mill-qorti nazzjonali mhux biss fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ, b’osservanza tal-obbligu tagħha li twettaq eżami sħiħ u ex nunc, imma wkoll fid-dawl taċ-ċirkustanzi u tal-kundizzjonijiet globali li fihom il-qorti hija mistennija li twettaq il-funzjonijiet ġudizzjarji tagħha. F’każ li l-qorti nazzjonali tasal għall-konklużjoni li, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, it-terminu inkwistjoni ma jistax ikun osservat, l-imsemmija qorti għandha tastjeni milli tapplika t-terminu applikabbli u ttemm l-eżami kemm jista’ jkun malajr wara li dan it-terminu jkunu skada (B).

    A.   L-ewwel domanda: raġunijiet għal inammissibbiltà

    23.

    Skont l-Artikolu 51(2)(f) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, introdotta mill-1 ta’ Lulju 2018, applikazzjoni titqies li hija inammissibbli meta l-applikant jasal fl-Ungerija minn pajjiż terz fejn ma kienx espost għal persekuzzjoni jew għal riskju ta’ dannu serju jew “fejn ikun iggarantit livell suffiċjenti ta’ protezzjoni” ( 3 ). F’dawn il-konklużjonijiet, se nirreferi għal din bħala r-raġuni ta’ “pajjiż ta’ tranżitu bla perikolu”, b’xebh mal-espressjoni fil-qosor użata mill-qorti tar-rinviju, mir-rikorrent u mill-partijiet interessati.

    24.

    Il-Gvern Ungeriż iqis li din ir-raġuni hija kompatibbli mal-kunċett ta’ “pajjiż terz bla perikolu” skont l-Artikolu 33(2)(c) u l-Artikolu 38 tad-Direttiva 2013/32. Huwa jagħmel enfasi fuq id-diskrezzjoni tal-Istati Membri meta jittrasponu direttiva u jinnota li, fil-verżjoni preċedenti tagħha, il-leġiżlazzjoni nazzjonali segwiet mill-qrib it-test tad-Direttiva 2013/32, li, madankollu, ma kinitx sodisfaċenti, b’mod speċjali matul il-kriżi tal-migrazzjoni. Il-Gvern Ungeriż jiddikjara wkoll li l-leġiżlazzjoni attwali għandha l-għan li timpedixxi tentattiv li tingħażel l-iktar qorti favorevoli fil-qasam tal-ażil. Skont dan il-gvern, persuna li qed tfittex ażil għandha tapplika għall-ażil fl-ewwel pajjiż li jkun bla perikolu għaliha u mhux neċessarjament fil-pajjiż li hija tqis l-aħjar għaliha. Ir-raġuni ġdida inkwistjoni tirrifletti l-fatt li l-persuna li qed tfittex ażil ma tistax tagħżel li ma tapplikax għal protezzjoni internazzjonali f’pajjiż terz fejn tkun issoġġornat.

    25.

    Il-partijiet interessati l-oħra kollha (kif ukoll il-qorti tar-rinviju) josservaw li r-raġuni għal inammissibbiltà ta’ “pajjiż ta’ tranżitu bla perikolu” ma hijiex prevista fl-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32. Huma jissottomettu li l-lista f’dan l-artikolu hija b’mod ċar eżawrijenti u ma tippermettix li l-Istati Membri jżidu kategoriji addizzjonali.

    26.

    Jiena naqbel. Mandankollu, huwa importanti li nikkjarifikaw mill-ewwel li l-kunċett ta’ “inammissibbiltà” fl-Artikolu 33 tad-Direttva 2013/32, li qed niddiskutu fil-każ preżenti, jirreferi għal dak li forsi l-aħjar li tissejjaħ inammissibblità “sostantiva” b’kuntrast ma’ inammissibbiltà “proċedurali”.

    27.

    L-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32 jipprovdi li l-Istati Membri, f’ċerti ċirkustanzi, jistgħu jqisu li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hija inammissibbli (u għalhekk ma jeżaminawhiex fuq il-mertu). Is-sitwazzjonijiet previsti fil-punti (a) sa (e) ta’ dan l-artikolu kollha jiffokaw fuq sitwazzjonijiet li fihom ma tkunx meħtieġa evalwazzjoni (jew evalwazzjoni ġdida) tal-merti tal-applikazzjoni ( 4 ). Madankollu, tali inammissibbiltà “sostantiva” hija differenti minn kwistjonijiet ta’ inammissibbiltà proċedurali ġenerali, li jistgħu jinqalgħu f’diversi ċirkustanzi. Fi kliem ieħor, il-fatt li r-raġunijiet għal inammissibbiltà “sostantiva” ġew armonizzati permezz tad-Direttiva 2013/32, ma jfissirx li l-Istati Membri huma preklużi milli jżommu fis-seħħ jew jintroduċu regoli fir-rigward ta’ aspetti differenti ta’ (in)ammissibbiltà proċedurali, bħalma huma dawk marbuta mat-termini applikabbli li fihom għandha titressaq azzjoni, il-kundizzjonijiet biex tagħmel dan, il-locus standi tal-persuni, u l-bqija.

    28.

    Meta nħares speċifikament lejn ir-raġunijiet għal inammissibbiltà sostantiva, verament inħoss li għandi nikkonkludi li l-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32 jirrappreżenta lista eżawrijenti f’dan ir-rigward. Din il-konklużjoni b’mod ċar issegwi mhux biss mit-test ta’ din id-dispożizzjoni (“L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli biss jekk […]”), iżda wkoll mil-loġika u mis-sistema tad-Direttiva ( 5 ), u kienet ikkonfermata reċentement mill-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm f’kuntest kemxejn differenti ( 6 ).

    29.

    Għalhekk, il-kwistjoni li jonqos li tiġi kkunsidrata hija jekk ir-raġuni ta’ “pajjiż ta’ tranżitu bla perikolu” tistax tkun inkorporata taħt xi waħda mir-raġunijiet għal inammissibbiltà diġà elenkati fl-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32. Mill-ħames raġunijiet previsti, dawn it-tnejn li ġejjin biss jistgħu potenzjalment ikunu rilevanti fil-kuntest preżenti: “l-ewwel pajjiż ta’ ażil” u “pajjiż terz bla perikolu”, li huma ddefiniti b’iktar dettall fl-Artikoli 35 u 38, rispettivament, tad-Direttiva 2013/32.

    30.

    Issa se neżamina wara xulxin kull waħda minn dawn iż-żewġ raġunijiet.

    1. L-ewwel pajjiż ta’ ażil

    31.

    Il-kunċett ta’ “l-ewwel pajjiż ta’ ażil” huwa ddefinit fl-Artikolu 35 tad-Direttiva 2013/32. Huwa japplika għal żewġ sitwazzjonijiet.

    32.

    L-ewwel nett, l-Artikolu 35(a) tad-Direttiva 2013/32 ikopri pajjiż li fih l-applikant partikolari jkun ġie rrikonoxxut bħala refuġjat u jkun għadu jista’ jgawdi minn din il-protezzjoni. Din is-sitwazzjoni, li tinvolvi status ta’ refuġjat diġà mogħti lil applikant u li għadu disponibbli għalih, ovvjament ma tapplikax għar-raġuni ta’ pajjiż ta’ tranżitu bla perikolu u, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, ma hijiex rilevanti għas-sitwazzjoni tar-rikorrent.

    33.

    It-tieni nett, taħt l-Artikolu 35(b) tad-Direttiva 2013/32, il-kunċett tal-ewwel pajjiż ta’ ażil jista’ jikkonċerna pajjiż li fih l-applikant partikolari “jgawdi […] protezzjoni suffiċjenti”, “inkluż il-benefiċċju mill-prinċipju ta’ non-refoulement, sakemm huwa jerġa’ jitħalla jidħol f’dak il-pajjiż”.

    34.

    Id-Direttiva 2013/32 ma tispeċifikax xi tfisser “protezzjoni suffiċjenti”. Is-sentenza Alheto tal-Qorti tal-Ġustizzja madankollu tipprovdi xi ftit ta’ gwida f’dan ir-rigward. F’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja applikat il-kunċett ta’ “protezzjoni suffiċjenti”, fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 35(b) tad-Direttiva 2013/32, għas-sitwazzjoni ta’ applikanta Palestinjana ireġistrata mal-UNRWA ( 7 ), li kienet telqet mill-post tar-residenza abitwali tagħha fl-Istrixxa ta’ Gaża għar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan. Damet hemm għal żmien qasir ( 8 ) qabel ma vvjaġġat lejn Stat Membru u hemmhekk ressqet applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. L-UNRWA taħdem u hija rrikonoxxuta fit-territorju tal-Ġordan u l-kwistjoni kienet essenzjalment jekk il-Ġordan jistax jitqies bħala l-ewwel pajjiż ta’ ażil tal-applikant.

    35.

    F’dan il-kuntest speċifiku, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li din il-“protezzjoni suffiċjenti” fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 35(b) tad-Direttiva 2013/32 tista’ titqies li hija pprovduta lil persuna li qed tgawdi minn protezzjoni jew għajnuna tal-UNRWA jekk il-pajjiż involut “jimpenja ruħu li jerġa’ jdaħħal lill-parti kkonċernata wara li din tkun telqet mit-territorju tiegħu sabiex tapplika għal protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni Ewropea” u jekk dan il-pajjiż “jirrikonoxxi l-imsemmija protezzjoni jew assistenza tal-UNRWA u jaderixxi għall-prinċipju ta’ non-refoulement, li jippermetti b’dan il-mod lill-parti kkonċernata li tissoġġorna fit-territorju tiegħu f’sigurtà, f’kundizzjonijiet tal-ħajja dinjitużi u sakemm ir-riskji sostnuti fit-territorju tar-residenza abitwali tiegħu jagħmlu dan neċessarju” ( 9 ).

    36.

    Hekk, bħal fis-sitwazzjoni taħt l-Artikolu 35(a) tad-Direttiva 2013/32, is-sitwazzjoni taħt il-punt (b) tal-istess dispożizzjoni tistrieħ fuq il-premessa li l-applikant partikolari jista’ diġà jgawdi ċertu ammont ta’ protezzjoni, li għadha tista’ tkun disposnibbli għalih ( 10 ).

    37.

    Din id-dimensjoni pjuttost “retrospettiva” tal-protezzjoni internazzjonali li diġà qiegħdha tingħata lill-applikant (u li għadha disponibbli għalih) fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 35(b), tkompli tiġi kkonfermata mit-titolu tad-dispożizzjoni sħiħa (l-ewwel pajjiż ta’ ażil) u mill-ispjegazzjonijiet pprovduti f’dan ir-rigward fil-premessa 43 tad-Direttiva 2013/32.

    38.

    Dawn l-elementi jagħmluha ċara li l-kunċett ta’ “l-ewwel pajjiż ta’ ażil” taħt l-Artikolu 35(b) tad-Direttiva 2013/32 jirreferi għal xi ħaġa pjuttost differenti mill-kunċett ta’ “pajjiż ta’ tranżitu bla perikolu”.

    39.

    L-ewwel nett, huwa minnu li t-terminu pjuttost ġenerali ta’ “protezzjoni suffiċjenti”, li huwa wieħed mill-elementi bażiċi ta’ “l-ewwel pajjiż ta’ ażil” taħt l-Artikolu 35(b) tad-Direttiva 2013/32, huwa msemmi wkoll fid-definizzjoni ta’ “pajjiż ta’ tranżitu bla perikolu” taħt id-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni. B’dan premess, l-Artikolu 51(2)(f) tal-Liġi dwar id-Dritt għal Ażil ma jirrikjedix espliċitament li l-prinċipu ta’ non-refoulement għandu jkun iggarantit fil-pajjiż terz inkwistjoni.

    40.

    It-tieni nett, u b’mod iktar fundamentali, jiena nsibha diffiċli li nara kif is-sempliċi fatt li jkun possibbli li applikant jgħaddi minn pajjiż jagħtih xi protezzjoni effettiva, li fuqha l-istess applikant ikun jista’ jerġa’ jorbot meta (u jekk) jitħalla jerġa’ jidħol. Il-possibbiltà biss li dan l-applikant jista’ japplika b’mod prospettiv għal protezzjoni internazzjonali f’dan il-pajjiż hija differenti ħafna minn protezzjoni li diġà ngħatat u li għadha tista’ tingħata, xi ħaġa li hija inerenti fil-kunċett ta’ “l-ewwel pajjiż ta’ ażil”.

    41.

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nikkonkludi li l-kunċett ta’ “pajjiż ta’ tranżitu bla perikolu” ma jistax jitqies li jaqa’ taħt jew li huwa konformi mal-kunċett ta’ “l-ewwel pajjiż ta’ ażil” fi ħdan it-tifsira tal-Artikoli 33(2)(b) u 35 tad-Direttiva 2013/32.

    2. Pajjiż terz bla perikolu

    42.

    L-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “pajjiż terz bla perikolu” taħt l-Artikoli 33(2)(c) u 38 tad-Direttiva 2013/32 hija suġġetta għal tliet kategoriji ġenerali ta’ kundizzjonijiet li jistgħu essenzjalment ikunu deskritti bħala prinċipji, regoli u garanziji.

    43.

    L-ewwel nett, skont l-Artikolu 38(1)(a) sa (e) tad-Direttiva 2013/32, l-Istat Membru jrid ikun sodisfatt li l-prinċipji espliċitament iddikjarati jkunu rrispettati fil-konfront tal-applikant ikkonċernat. Dawn huma li l-ħajja u l-libertà ma jkunux mhedda minħabba r-razza, ir-reliġjon, in-nazzjonalità, is-sħubija fi grupp soċjali partikolari jew opinjoni politika; li ma jkunx hemm riskju ta’ dannu gravi kif iddefinit fid-Direttiva 2011/95/UE ( 11 ); ikun irrispettat il-prinċipju ta’ non-refoulement b’konformità mal-Konvenzjoni ta’ Genève ( 12 ); ir-rispett għall-projbizzjoni tat-tneħħija, bi ksur tad-dritt għall-ħelsien mit-tortura u minn trattament krudil, inuman jew degradanti kif stabbilit fid-dritt internazzjonali; u li tkun teżisti l-possibbiltà li ssir talba għall-istatus ta’ refuġjat u, jekk jinstab li l-persuna kkonċernata tkun refuġjat, li din tirċievi protezzjoni b’konformità mal-Konvenzjoni ta’ Genève.

    44.

    It-tieni nett, l-Istati Membri għandhom jipprovdu regoli li jispeċifikaw li, skont l-Artikolu 38(2)(a), għandu jkun hemm rabta bejn l-applikant u l-pajjiż terz ikkonċernat li abbażi tagħha ikun raġonevoli li din il-persuna tmur f’dak il-pajjiż. Skont l-Artikolu 38(2)(b) tad-Direttiva 2013/32, dawn ir-regoli għandhom jispeċifikaw ukoll il-metodoloġija li permezz tagħha l-awtoritajiet kompetenti jkunu sodisfatti li l-kunċett ta’ pajjiz terz bla perikolu jkun jista’ jiġi applikat għal pajjiż partikolari jew għal applikant partikolari. Fl-aħħar nett, taħt l-Artikolu 38(2)(c), għandhom ikunu stabbiliti regoli li jkunu konformi mad-dritt internazzjonali, li jkunu jippermettu eżami individwali ta’ jekk il-pajjiż terz ikkonċernat huwiex bla perikolu għal applikant partikolari.

    45.

    It-tielet nett, fir-rigward tal-garanziji, l-Artikolu 38(2)(c) jiddikjara li, “bħala minimu”, ir-regoli fis-seħħ għandhom jippermettu li l-applikant jikkontesta l-applikazzjoni tal-kunċett tal-pajjiż terz bla perikolu għar-raġuni li l-pajjiż terz ma jkunx bla perikolu fiċ-ċirkustanzi partikulari tiegħu. L-applikant għandu wkoll jitħalla jikkontesta l-eżistenza ta’ rabta bejnu u l-pajjiż terz. Minbarra dan, skont l-Artikolu 38(3), meta Stat Membru jieħu deċiżjoni bbażata biss fuq il-kunċett ta’ pajjiż terz bla perikolu, huwa għandu jinforma b’dan lill-applikant u jipprovdih b’dokument, miktub bil-lingwa ta’ dan il-pajjiż terz, li jgħarraf lill-awtoritajiet ta’ dan il-pajjiż li l-applikazzjoni ma kinitx eżaminata fuq bażi sostantiva. Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 38(4), fejn il-pajjiż terz ma jippermettix li l-applikant jidħol fit-territorju tiegħu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jingħata aċċess għal proċedura skont il-prinċipji u l-garanziji bażiċi deskritti fil-Kapitolu II tad-Direttiva 2013/32.

    46.

    Matul is-seduta, saret diskussjoni dwar jekk il-fatt li persuna tgħaddi minn pajjiż speċifiku jistax jitqies bħala “konnessjoni bejn l-applikant u l-pajjiż terz ikkonċernat li abbażi tagħha jkun raġonevoli li dik il-persuna tmur f’dak il-pajjiż”, fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 38(2)(a).

    47.

    Jiena ma naħsibx li tista’.

    48.

    Nammetti li t-test tal-Artikolu 38(2)(a) tad-Direttiva 2013/32 ma tantx jipprovdi gwida fir-rigward tat-tifsira tal-frażi “konnessjoni bejn l-applikant u l-pajjiż terz ikkonċernat li abbażi tagħha jkun raġoneveli li dik il-persuna tmur f’dak il-pajjiż”. Il-premessa 44 tirreferi għal definizzjoni li trid tkun adottata mid-dritt nazzjonali.

    49.

    Madankollu, meta neżamina l-kuntest immedjat ta’ dan il-kunċett ta’ “konnessjoni”, ninnota li l-Artikolu 38(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2013/32 jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jadottaw regoli li jkunu jirrikjedu l-eżistenza ta’ din il-konnessjoni, u li jistabblixxu metodoloġija sabiex issir evalwazzjoni tas-sitwazzjoni fir-rigward ta’ applikant partikolari. Kieku l-fatt biss ta’ sempliċi tranżitu huwa biżżejjed sabiex tkun stabbilita tali konnessjoni, għalfejn ir-rekwiżiti elaborati fir-rigward tal-prinċipji, regoli u garanijzi?

    50.

    Fir-rigward tal-kuntest usa’ tal-Artikolu 38(2)(a), ninnota li l-kunċett ta’ “pajjiż terz bla perikolu” huwa wieħed mit-tliet kategoriji ta’ pajjiżi (flimkien ma’ “Stat Membru ieħor” u “l-ewwel pajjiż ta’ ażil”) li lejhom applikant jista’ jintbagħat sabiex tkun eżaminata l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali. Fi kliem ieħor, dawn il-kunċetti jippermettu li l-awtoritajiet tal-Istati Membri li jirċievu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jgħaddu r-responsabbiltà tal-eżami tal-ħtiġijiet tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali fuq pajjiż ieħor.

    51.

    L-ewwel nett, din hija eċċezzjoni għar-regola ġenerali li skontha, bħala prinċipju, l-applikazzjonijiet kollha għandhom ikunu eżaminati ( 13 ). Bħal kull eċċezzjoni oħra, din għandha tkun interpretata b’mod strett ( 14 ).

    52.

    It-tieni nett, it-tliet kategoriji ta’ pajjiżi ma humiex kwalunkwe pajjiżi oħrajn, imma pajjiżi li joffru garanziji speċifiċi, li l-eżistenza tagħhom hija jew preżunta (fir-rigward tal-Istati Membri) ( 15 ) jew inkella vverifikata skont ir-regoli speċifikati. Fid-dawl tal-ordinament proċedurali pjuttost iddettaljat stabbilit bl-Artikolu 38(2) tad-Direttiva 2013/32, jiena tal-fehma li, kieku l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jiddefinixxi l-konnessjoni li hija element essenzjali tal-kunċett ta’ “pajjiż terz bla perikolu” billi jirreferi għal sempliċi tranżitu, tali intenzjoni kienet tkun iddikjarata b’mod ċar. Mill-ġdid, kieku dan kien il-każ, kieku l-ordinament proċedurali dettaljat li qed jintuża bħalissa kien ikun għal kollox superfluwu.

    53.

    It-tielet nett, l-aħħar sentenza tal-Artikolu 38(2)(c) tipprovdi li l-applikant għandu jkollu l-possibbiltà “li jikkontesta l-eżistenza ta’ konnessjoni bejnu u l-pajjiż terz”. Sabiex dan id-dritt ikun jagħmel sens, il-konnessjoni inkwistjoni għandha tkun tfisser xi ħaġa iktar mis-sempliċi fatt ta’ tranżitu, għax inkella d-diskussjoni probabbilment tkun limitata għal liema tip ta’ tranżitu huwa deċiżiv, jekk hux bil-mixi, bil-karozza, bil-karozza tal-linja jew bl-ajruplan u jekk, pereżempju, waqfa ta’ għoxrin minuta li matulha l-applikant potenzjali seta’ avviċina l-uffiċjali tal-pajjiż inkwistjoni hijiex biżżejjed biex tinħoloq il-konnessjoni rilevanti.

    54.

    Hemm aspett ieħor tal-kunċett ta’ “pajjiż ta’ tranżitu bla perikolu” skont l-Artikolu 51(2)(f) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, jiġifieri r-rekwiżit ta’ “protezzjoni suffiċjenti”.

    55.

    Bħalma diġà ntqal, b’differenza mill-kunċetti ta’ “l-ewwel pajjiż ta’ ażil” u ta’ “pajjiż terz bla perikolu”, l-Artikolu 51(2)(f) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil ma jirrikjedix espliċitament li l-“pajjiżi ta’ tranżitu bla perikolu” jiggarantixxu l-prinċipju ta’ non-refoulement, li l-osservanza tiegħu hija mitluba taħt il-Konvenzjoni ta’ Gèneve u għalhekk loġikament ukoll taħt id-dritt tal-Unjoni ( 16 ).

    56.

    Għalhekk, ir-raġuni ta’ pajjiż ta’ tranżitu bla perikolu kif iddefinita mid-dritt nazzjonali inkwistjoni tbaxxi l-istandards applikabbli taħt żewġ aspetti: fir-rigward tas-saħħa tal-konnessjoni li għandħa teżisti bejn l-applikant u l-pajjiż terz ikkonċernat, u fir-rigward tal-livell ta’ protezzjoni li dan il-pajjiż għandu joffri. Jiena tal-fehma li għal dawn iż-żewġ raġunijiet, ir-raġuni ta’ “pajjiż ta’ tranżitu bla perikolu” ipprovduta taħt l-Artikolu 51(2)(f) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, ma tistax titqies bħala li tikkorrispondi għall-kunċett ta’ “pajjiż terz bla perikolu” elenkat fl-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32.

    57.

    Din il-konklużjoni ma hijiex affettwata mill-fatt li l-proposta reċenti tal-Kummissjoni Ewropea għal regolament dwar proċedura ta’ ażil ( 17 ) sabiex tiġi ssostitwita d-Direttiva 2013/32 tissuġġerixxi, fl-abbozz tal-Artikolu 45(3)(a) fir-rigward tal-kunċett ta’ pajjiż terz bla perikolu, li “[l]-awtorità determinanti għandha tqis li pajjiż terz huwa pajjiż terz bla periklu għal applikant partikolari, wara eżami individwali tal-applikazzjoni, biss meta hi tkun sodisfatta bis-sigurtà tal-pajjiż terz għal applikant partikolari skont il-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1 u tkun stabbiliet li: (a) ikun hemm konnessjoni bejn l-applikant u l-pajjiż terz inkwistjoni li abbażi tagħha ikun raġonevoli għal dik il-persuna li tmur f’dak il-pajjiż, inkluż minħabba li l-applikant ikun għadda in tranżitu minn dak il-pajjiż terz li jkun ġeografikament viċin tal-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant […]” ( 18 ).

    58.

    L-ewwel nett, dan it-test jibqa’ proposta leġiżlattiva. Għadu ma huwiex (għalissa) att vinkolanti tad-dritt tal-Unjoni.

    59.

    It-tieni nett, meta wieħed iqis il-kontenut tal-abbozz tat-test dwar il-kunċett ta’ pajjiż terz bla perikolu, il-proposta mressqa ftit li xejn tista’ tidher bħala kjarifika jew kodifikazzjoni tal-liġi attwali f’dan il-qasam. Pjuttost, u l-Kummissjoni qablet fuq hekk waqt is-seduta, jekk tkun adottata tkun tirrappreżenta bidla ċara fl-ordinament legali.

    60.

    It-tielet nett, il-fatt li l-verżjoni proposta tikkunsdira bidla sostanzjali li tmur lil hinn minn sempliċi kjarifika tal-kunċett eżistenti jidher li ħoloq interess fil-proċess leġislattiv, li matulu intwerew dubji dwar jekk il-proposta tal-Kummissjoni taqbilx mal-loġika ġenerali li fuqha huwa bbażat il-kunċett ta’ pajjiż terz bla perikolu.

    61.

    F’dan ir-rigward, ninnota li l-Kumitat rilevanti tal-Parlament Ewropew ippropona li l-abbozz tat-test imsemmi iktar ’il fuq ikun emendat kif ġej: “(a) ikun hemm konnessjoni suffiċjenti bejn l-applikant u l-pajjiż terz li abbażi tagħha ikun raġonevoli għal dik il-persuna li tmur f’dak il-pajjiż; dan ifisser l-eżistenza ta’ residenza jew soġġorn preċedenti f’dak il-pajjiż, fejn, minħabba t-tul u n-natura ta’ dik ir-residenza jew soġġorn, applikant jista’ raġonevolment ikun mistenni li jfittex protezzjoni f’dak il-pajjiż, u jkun hemm raġunijiet biex jitqies li l-applikant jitħalla jidħol mill-ġdid f’dak il-pajjiż […]” ( 19 ).

    62.

    Bl-istess mod, il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (iktar ’il quddiem l-“UNHCR”) iqis li l-kunċett ta’ “pajjiż terz bla perikolu” ma għandux ikun iddefinit bil-mod kif issuġġeriet il-Kummissjoni fil-proposta ( 20 ). L-UNHCR jirrikonoxxi li filwaqt li “id-dritt internazzjonali ma jeħtieġx l-eżistenza ta’ rabta jew konnessjoni sostanzjali, il-UNHCR konsistentement jippromwovi l-eżistenza ta’ tali konnessjoni sostanzjali, li tagħmilha raġonevoli u sostenibbli li persuna tapplika għal ażil f’pajjiż ieħor” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 21 ). Huwa jissuġġerixxi wkoll li “il-fatt li jittieħdu inkunsiderazzjoni t-tul u n-natura ta’ kwalunkwe soġġorn, u l-konnessjonijiet ibbażati fuq il-familja jew fuq rabtiet mill-qrib oħra jżid il-vijabbiltà tar-ritorn jew tat-trasferiment mill-perspettiva kemm tal-individwu kif ukoll tal-pajjiż terz. Bħala tali, dan il-fatt inaqqas ir-riskju ta’ tkomplija irregolari ta’ moviment, jevita l-ħolqien ta’ sitwazzjonijiet ‘ta’ orbitu’ u jrawwem kooperazzjoni internazzjonali u kondiviżjoni ta’ responsabbiltà” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 22 ).

    63.

    L-argument li tali konnessjoni tista’ titqies li teżisti fil-preżenza ta’ ċerti rabtiet speċifiċi tal-applikant, imma li ċertament imorru lil hinn minn sempliċi tranżitu, hija riflessa wkoll f’pożizzjonijiet li l-UNHCR adotta preċedentement f’dan il-qasam ( 23 ).

    64.

    Ma huwiex ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi opinjonijiet fuq abbozz ta’ legiżlazzjoni. Madankollu, jekk il-kunċett ta’ pajjiż terz bla perikolu għandu jkollu xi tifsira indipendenti, l-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett ma tistax twassal għat-tneħħija kważi awtomatika ta’ applikanti lejn pajjiżi li jkunu għaddew minnhom, b’mod li jinħoloq effett ta’ domino fejn il-mertu ta’ applikazzjoni partikolari qatt ma jkun eżaminat x’imkien ( 24 ).

    65.

    B’hekk, fid-dawl ta’ dan, l-ewwel konklużjoni provviżorja tiegħi hija li l-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li applikazzjoni għandha titqies li hija inammissibbli meta l-applikant ikun wasal f’dan l-Istat Membru minn pajjiż terz fejn ma jkunx espost għal persekuzzjoni jew għal riskju ta’ dannu serju, jew fejn ikun iggarantit livell suffiċjenti ta’ protezzjoni.

    B.   It-tieni domanda: in-natura adegwata tat-terminu ta’ tmint ijiem

    66.

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) ( 25 ), jipprekludix leġiżlazzjoni li tistabbilixxi terminu mandatorju ta’ tmint ijiem sabiex qorti jew tribunal itemmu l-istħarriġ ta’ deċiżjoni amministrattiva li tiddikjara applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali inammissibbli.

    67.

    Nittratta l-kwistjoni tat-termini applikabbli għal stħarriġ minn qorti jew tribunal fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali b’mod ġenerali fil-konklużjonijiet paralleli tiegħi fil-kawża PG, mogħtija fl-istess jum bħal dawn il-konklużjonijiet. Fil-fehma tiegħi, il-proposti espressi hemmhekk fir-rigward ta’ terminu ta’ 60 jum għal stħarriġ ta’ deċiżjonijiet fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali fuq il-mertu huma applikabbli ukoll, u f’ħafna każijiet anki a fortiori, għal terminu ta’ tmint ijiem għal deċiżjonijiet fuq inammissibbiltà.

    68.

    F’dawn il-konklużjonijiet, għalhekk, se niffoka biss fuq l-elementi li jiddistingwu din il-kawża mill-kawża PG, filwaqt li nirreferi, għall-bqija, għall-analiżi tiegħi f’dawk il-konklużjonijiet. Se nenfasizza b’mod partikolari li anki meta tkun adottata fi proċeduri speċifiċi u mħaffa, deċiżjoni li tapplika waħda mir-raġunijiet għal inammissabbiltà ma tistax twassal għal standard “iktar baxx” ta’ stħarriġ (1). Dan il-fatt, flimkien ma’ kunsiderazzjonijiet strutturali li jixbhu lil dawk fil-kawża PG, iwassluni għall-konklużjoni li, li kieku l-qorti tar-rinviju kellha tosserva li, fit-tilwima fil-kawża prinċipali, it-terminu ta’ tmint ijiem jagħmilha impossibbli li jitwettaq stħarriġ sħiħ u ex nunc filwaqt li jiġi ggarantit li l-applikant igawdi d-drittijiet tiegħu li jirriżultaw b’mod partikolari mid-Direttiva 2013/32, dik il-qorti għandha tastjeni milli tapplika d-dispożijoni rilevanti tad-dritt nazzjonali u twettaq l-eżami ġudizzjarju kemm jista’ jkun malajr wara li t-terminu jkun skada (2).

    1. Il-karatteristiċi speċifiċi (limitati) ta’ stħarriġ għal raġuni ta’ inammissibbiltà

    69.

    Fid-digriet tar-rinviju, il-qorti nazzjonali tinnota li f’ħafna okkażjonijiet it-terminu ta’ tmint ijiem ma jkunx jista’ jiġi osservat, jew inkella jkun jista’ jiġi osservat biss b’diffikultà kbira. Ma jippermettix li l-qorti tiċċara l-fatti skont l-istandard mitlub. Għalhekk iwassal għal ksur tar-rekwiżit li jsir stħarriġ eżawrijenti. It-tlestija tal-proċedura fi ħdan it-terminu inkwistjoni hija partikolarment diffiċli fil-kuntest ta’ applikazzjonijiet meqjusa inammissibbli minħabba li l-oneru tal-prova jaqa’ kważi esklużivament fuq l-applikanti, li jkunu diġà f’qagħda vulnerabbli. Il-qorti tar-rinviju tenfasizza wkoll il-fatt li d-deċiżjoni tagħha ma tistax tiġi appellata.

    70.

    Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, il-partijiet jesprimu fehmiet diverġenti dwar jekk it-terminu ta’ tmint ijiem huwiex adegwat.

    71.

    Ir-rikorrent jaqbel mal-qorti tar-rinviju li fil-prattika huwa impossibbli li wieħed jirrispetta t-terminu inkwistjoni. Huwa josserva li l-applikazzjoni fil-kawża prinċipali kienet ipproċessata skont regoli speċifiċi applikabbli f’sitwazzjoni ta’ kriżi, u li aspetti oħrajn tal-proċedura jagħmluha diffiċli li d-drittijiet tal-applikant jiġu infurzati. Huwa jirreferi għat-terminu ta’ 3 ijiem sabiex titressaq azzjoni u għall-fatt li, fil-prattika, huwa impossibli li jinkiseb smigħ quddiem ġudikant għaliex tali smigħ ikun irid isir fiż-żona ta’ tranżitu permezz ta’ mezzi ta’ telekomunikazzjoni li l-ġudikant ma għandux għad-dispożizzjoni tiegħu. Ir-rikorrent iżid jenfasizza li appell kontra deċiżjoni amministrattiva ma għandux effett ta’ sospensjoni jekk wieħed ma japplikax għalih, li ma huwiex fattibbli mingħajr assistenza legali. Huwa jirreferi wkoll għall-ħtieġa li l-applikant jingħata żmien biżżejjed sabiex jissottometti l-fatti u għall-fatt li fir-rigward ta’ ċerti lingwi jaf ikun hemm interpretu wieħed biss fil-pajjiż kollu. Huwa josserva wkoll li l-qorti għandha taċċerta li d-deċiżjoni fin-negattiv u t-tneħħija tal-applikant ma jwasslux għall-ksur tal-Artikolu 3 tal-KEDB. Huwa jikkonkludi li filwaqt li t-terminu inkwistjoni bħala tali ma huwiex inkompatibbli mar-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, l-inkompatibbiltà tirriżulta mill-fatt li ma jistax ikun estiż.

    72.

    Skont il-Gvern Ungeriż, fl-assenza ta’ regoli komuni, huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu t-termini applikabbli, b’konformità mal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali. Hemm għan ġenerali li l-applikazzjonijiet ikunu ttrattati bil-ħeffa. Barra dan, li tittratta każijiet bħal dan preżenti malajr jippermetti li l-qrati jiffokaw iktar fuq il-każijiet li jkunu eżaminati fuq il-mertu. Dan il-gvern iqis li t-terminu inkwistjoni huwa raġonevoli għaliex f’każijiet ta’ ammissibbiltà, il-merti ma jiġux diskussi u l-kwistjonijiet ittrattati ma jeħtiġux li tiġi prodotta evidenza fit-tul.

    73.

    Il-Kummissjoni tosserva li minħabba li d-Direttiva 2013/32 ma fihiex regoli komuni dwar termini, il-kwistjoni taqa’ fi ħdan l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri. F’dan il-kuntest, hija tqis li ir-rekwiżit ta’ effikaċja mhux qiegħed ikun osservat minħabba li t-terminu inkwistjoni ma jippermettix li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi individwali. Il-Kummissjoni tirreferi iktar speċifikament għall-abbozz tal-Artikolu 55 li jinsab fil-proposta tagħha għal regolament li jissostitwixxi d-Direttiva attwali 2013/32 ( 26 ), li fiha hija tissuġġerixxi li, f’sitwazzjonijiet bħal dik fil-kawża prinċipali, terminu ta’ xahrejn ikun jista’ jiġi estiż bi 3 xhur oħra. Huwa fid-dawl ta’ din il-proposta li l-Kummissjoni tqis li tmint ijiem ma humiex adegwati.

    74.

    L-ewwel nett, jidher li t-terminu ta’ tmint ijiem huwa tal-istess natura proċedurali bħat-terminu ta’ 60 jum inkwistjoni fil-kawża PG ( 27 ).

    75.

    It-tieni nett, it-terminu inkwistjoni huwa differenti u b’mod sinjifikattiv iqsar mit-terminu ta’ 60 jum inkwistjoni fil-kawża PG. Din id-differenza, irrispettivament mit-tul preċiż, ma hijiex fiha nnifisha problematika. F’kuntest simili, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal termini differenti li fihom l-applikant għandu jressaq azzjoni, dejjem skont jekk tali deċiżjoni speċifika tiġix adottata fi proċedura ordinarja jew inkella fi proċedura mħaffa ( 28 ).

    76.

    Din l-osservazzjoni tista’ tkun applikata mutatis mutandis għad-differenzi li jista’ jkun hemm bejn it-termini li fihom il-qorti trid twettaq l-eżami tagħha ta’ każ skont jekk il-qorti tistħarriġx l-evalwazzjoni magħmula mill-korp amministrattiv fuq il-mertu jew inkella għal ragunijiet ta’ inammissibbiltà biss. Ċertament, mhux il-każijiet kollha huma l-istess.

    77.

    It-tielet nett, u forsi l-iktar importanti fil-kuntest tal-każ preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li billi jipprovdi għal raġunijiet ta’ inammissibbiltà, il-leġiżlatur ipprova “iħaffef l-obbligu tal-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali” ( 29 ). Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja iddikjarat li “[…] l-eżami sħiħ u ex nunc li għandha twettaq il-qorti [taħt l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32] ma għandux neċessarjament jirrigwarda l-eżami fil-mertu tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali u li għaldaqstant jista’ jirrigwarda l-ammissibbiltà tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, meta d-dritt nazzjonali jippermetti dan, skont l-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32” ( 30 ).

    78.

    Madankollu, li taqbel li l-eżami ta’ deċiżjonijiet amministrattivi jista’ ma jirrigwardax eżami sħiħ fil-mertu fejn il-kontestazzjoni tirrigwarda l-kwistjoni speċifika tal-ammissibbiltà ta’ applikazzjoni, hija ħaġa waħda. Hija għalkollox ħaġa differenti li tissuġġerixxi li, f’każ bħal dan, l-istandard ta’ stħarriġ u d-drittijiet proċedurali mogħtija lill-applikanti mid-Direttiva 2013/32 ma għadhomx japplikaw.

    79.

    Għalhekk, meta niġu għad-dritt li persuna jkollha l-każ tagħha eżaminat minn qorti jew tribunal fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 46 ta’ din id-direttiva, bħala prinċipju, l-applikanti għandhom l-istess drittijiet kemm jekk l-applikazzjoni tagħhom tkun mistħarrġa fir-rigward tal-ammissibbiltà tagħha u kemm jekk fil-mertu ( 31 ). Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċifiċi tad-Direttiva 2013/32, l-unika ħaġa li tinbidel hija x’jista’ jkun mistħarreġ, imma mhux il-kwalità ta’ dan l-istħarriġ.

    2. Approċċ orjentat lejn id-drittijiet sabiex tkun evalwata n-natura adegwata ta’ terminu

    80.

    Fuq l-istess linja tas-suġġeriment fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża PG ( 32 ), it-terminu ta’ tmint ijiem għandu jiġi eżaminat fil-kuntest tal-istandard ta’ stħarriġ meħtieġ u tad-drittijiet proċedurali speċifiċi li l-applikanti għandhom ikunu jistgħu jgawdu taħt id-dritt tal-Unjoni.

    81.

    Fil-kuntest tal-każ preżenti, ir-rikorrent jissuġġerixxi li t-terminu inkwistjoni għandu jkun evalwat fil-kuntest tal-proċedura kollha kemm hi. Huwa jagħmel enfasi partikolari fuq it-terminu ta’ tlett ijiem li fi ħdanhom l-applikanti għandhom iressqu azzjoni quddiem il-qorti waqt li jkunu f’żona ta’ tranżitu. Dan il-fatt addizzjonali jkompli jillimita, fl-opinjoni tiegħu, il-possibbiltà li wieħed jakkwista għajnuna legali jew smigħ personali mal-ġudikant, li fil-prattika qatt ma jiġri minħabba li l-qorti ma hijiex attrezzata bil-mezzi ta’ komunikazzjoni meħtieġa.

    82.

    Filwaqt li hija l-qorti tar-rinviju li trid tevalwa dawn l-elementi, huwa ċar li kundizzjonijiet bħal dawn, li minħabba fihom il-każ ta’ applikant ma jkunx suġġett biss għal terminu wieħed imma apparentement għal sensiela ta’ termini stretti, neċessarjament se jaffettwaw il-kwalità tas-sottomissjoni. Li min-naħa tagħha taffettwa l-ħidma tal-qorti ( 33 ), li hija madankollu obbligata tagħmel stħarriġ sħiħ u ex nunc ( 34 ).

    83.

    Barra minn hekk, l-applikanti għandhom jingħataw l-opportunità li jikkontestaw l-applikazzjoni tal-kunċetti ta’ “l-ewwel pajjiż ta’ ażil” jew ta’ “pajjiż terz bla perikolu” għaċ-cirkustanzi partikolari tagħhom ( 35 ), li jfisser li l-applikazzjoni ta’ dawn il-kunċetti għandha tkun dejjem evalwata fuq bażi ta’ każ b’każ fid-dawl tas-sitwazzjoni speċifika tal-applikant.

    84.

    Ir-raba’, u l-aħħar nett, f’dan il-każ il-qorti tar-rinviju ma ssemmix jekk, bħala riżultat tat-terminu inkwistjoni ( 36 ), inkisrux xi wħud mid-drittijiet iggarantiti, partikolarment, taħt l-Artikolu 12(1)(b) sa (e), moqri flimkien mal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2013/32, jew taħt l-Artikoli 20, 22, 24 jew 25 tal-istess direttiva.

    85.

    Meta nqis dawn l-elementi kollha flimkien, għalhekk, it-tweġiba li nissuġġerixxi għat-tieni domanda magħmula fil-każ preżenti tixbah lil dik mogħtija fil-kawża PG: jekk, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-qorti nazzjonali tara li huwa impossibbli li twettaq l-istħarriġ meħtieġ fi ħdan it-terminu preskritt, filwaqt li tirrispetta d-drittijiet tal-applikant iggarantiti taħt id-dritt tal-Unjoni, dik il-qorti għandha tastjeni milli tapplika d-dispożizzjoni rilevanti tad-dritt nazzjonali u twettaq l-eżami kemm jista’ jkun malajr wara li t-terminu jkun skada ( 37 ).

    86.

    Madankollu, għandu jingħad ukoll li fil-kawża PG, taħt ċerti kundizzjonijiet (bħal meta l-volum ta’ xogħol tal-qorti jew tal-ġudikant ikun ħafif u l-mezzi tekniċi neċessarji kollha jkunu disponibbli għall-qorti), in-natura adegwata tat-terminu ta’ 60 jum tista’ tkun suġġett ta’ diskussjoni ( 38 ). B’kuntrast, terminu ta’ tmint ijiem iqajjem dubji iktar serji fir-rigward tan-natura adegwata tiegħu, anki jekk il-ġudikant ikollu “biss” jistħarreġ l-evalwazzjoni li tkun saret mill-awtorità kompetenti fir-rigward ta’ waħda mill-ħames raġunijiet għal inammissibbiltà.

    87.

    Ċertament, is-sempliċi reġistrazzjoni ta’ kawża ma’ qorti tieħu ż-żmien, segwit mill-ħin metħieġ sabiex il-ġudikant jiffamiljarizza ruħu mal-proċess u jagħti l-istruzzjonijiet meħtieġa, bħalma huma li jiżgura għajnuna legali u faċilità ta’ interpretazzjoni fejn metħieġ, li jorganizza smigħ jekk ikun hemm bżonn, kif ukoll li jikseb it-tagħrif meħtieġ fir-rigward tal-pajjiżi terzi rilevanti u ċ-ċirkustanzi partikolari tal-applikant. Filwaqt li ċertament ma niddubitax mill-effiċjenza ta’ proċeduri ġudizzjarji organizzati tajjeb, il-kapaċità li wieħed jagħmel dan kollu flimkien mal-eżami sussegwenti tal-każ sal-istandard xieraq fi żmien tmint ijiem, filwaqt li naturalment ikollu għadd ta’ kawżi oħrajn għaddejjin fl-istess ħin, tkun biżżejjed sabiex iġġiegħel li anki Mħallef Erkole jibda jbati minn kumpless ta’ inferjorità.

    88.

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, it-tieni konklużjoni provviżorja tiegħi hija li l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kwistjoni ta’ jekk it-terminu għall-istħarriġ stabbilit fil-leġiżlazzjoni nazzjonali huwiex adegwat fil-kawża pendenti quddiem il-qorti nazzjonali għandha tiġi evalwata mill-qorti nazzjonali, fid-dawl tal-obbligu tagħha li twettaq eżami sħiħ u ex nunc, li jinkludi, fejn ikun il-każ, eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva 2011/95, filwaqt li jiġu ggarantiti d-drittijiet tal-applikant kif iddefiniti, b’mod partikolari, fid-Direttiva 2013/32. Jekk il-qorti nazzjonali tqis li dawn id-drittijiet ma jistgħux jiġu ggarantiti, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ jew fid-dawl tal-kundizzjonijiet ġenerali li fihom il-qorti għandha twettaq il-kompiti tagħha, bħal pereżempju l-fatt li fl-istess ħin jiġi ppreżentat numru partikolarment kbir ta’ applikazzjonijiet, l-imsemmija qorti għandha tastjeni milli tapplika t-terminu applikabbli, meta dan ikun meħtieġ, u għandha tispiċċa l-eżami malajr kemm jista’ jkun wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu.

    V. Konklużjoni

    89.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti din ir-risposta lill-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija):

    1.

    L-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li applikazzjoni hija inammissibbli meta l-applikant ikun wasal f’dan l-Istat Membru minn pajjiż fejn ma jkunx espost għal persekuzzjoni jew għal riskju ta’ dannu serju, jew fejn ikun iggarantit livell suffiċjenti ta’ protezzjoni.

    2.

    L-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kwistjoni ta’ jekk it-terminu għall-istħarriġ stabbilit fil-leġiżlazzjoni nazzjonali huwiex adegwat fil-kawża pendenti quddiem il-qorti nazzjonali għandha tiġi evalwata mill-qorti nazzjonali, fid-dawl tal-obbligu tagħha li twettaq eżami sħiħ u ex nunc, li jinkludi, fejn ikun il-każ, eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, filwaqt li jiġu ggarantiti d-drittijiet tal-applikant kif iddefiniti, b’mod partikolari, fid-Direttiva 2013/32. Jekk il-qorti nazzjonali tqis li dawn id-drittijiet ma jistgħux jiġu ggarantiti, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ jew fid-dawl tal-kundizzjonijiet ġenerali li fihom il-qorti għandha twettaq il-kompiti tagħha, bħal pereżempju l-fatt li fl-istess ħin jiġi ppreżentat numru partikolarment kbir ta’ applikazzjonijiet, l-imsemmija qorti għandha tastjeni milli tapplika t-terminu applikabbli, meta dan ikun meħtieġ, u għandha tispiċċa l-eżami malajr kemm jista’ jkun wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).

    ( 3 ) Enfasi miżjuda.

    ( 4 ) Ara l-punt 6 iktar ’il fuq.

    ( 5 ) B’mod sistematiku, kif ikkonfermat mill-premessa 43 tad-Direttiva 2013/32, “[l]-Istati Membri għandhom jeżaminaw l-applikazzjonijiet kollha fuq bażi sostanzjali”, li jindika li l-każijiet li fihom huwa possibbli li ma jitwettaqx dan l-obbligu għandhom jiġu ttrattati bħala eċċezzjonijiet u interpretati b’mod ristrettiv.

    ( 6 ) Sentenza tad-19 ta’ Marzu 2019, Ibrahom et (C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219, punt 76).

    ( 7 ) Aġenzija ta’ Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib.

    ( 8 ) Tlieta u għoxrin jum. Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Alheto (C‑585/16, EU:C:2018:327, punt 85).

    ( 9 ) Sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Alheto (C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 143).

    ( 10 ) Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Alheto (C‑585/16, EU:C:2018:327, punt 84).

    ( 11 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).

    ( 12 ) Il-Konvenzjoni dwar l-Istatus ta’ Refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 (United Nations Treaty Series, Vol. 189, p. 137, Nru 2545 (1954)), li daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954. Issupplimentata u emendata bil-Protokoll dwar l-Istatus ta’ Refuġjati, konkluż f’New York fil-31 ta’ Jannar 1967, li daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Ottubru 1967 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”).

    ( 13 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 iktar ’il fuq.

    ( 14 ) Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Alheto (C‑585/16, EU:C:2018:327, punt 78) f’dak li jirrigwarda l-predeċessur legali tad-Direttiva 2013/32.

    ( 15 ) Sentenza tad-19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et (C‑297/17, C‑318/17, C319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 16 ) Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Ara l-Artikolu 78(1) TFUE u l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/95.

    ( 17 ) Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi proċedura komuni għal protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni u li jħassar id-Direttiva 2013/32/UE (COM/2016/0467).

    ( 18 ) Enfasi miżjuda.

    ( 19 ) Rapport dwar proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi proċedura komuni għal protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni u li jħassar id-Direttiva 2013/32/UE, il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, 22 ta’ Mejju 2018 (COM(2016)0467 – C8-0321/2016 – 2016/0224(COD)).

    ( 20 ) Il-Kummenti tal-UNHCR dwar il-Proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal Regolament dwar il-Proċeduri tal-Ażil (COM(2016)0467), April 2019. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja osservat fil-kuntest tad-Direttiva 2011/95, “id-dokumenti maħruġa mill-[UNHCR] huma ta’ rilevanza partikolari għar-rwol mogħti lill-UNHCR mill-Konvenzjoni ta’ Genève”. Sentenza tat-23 ta’ Mejju 2019, Bilali (C‑720/17, EU:C:2019:448, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Halaf (C‑528/11, EU:C:2013:342, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 21 ) Il-Kummenti tal-UNHCR dwar il-Proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal Regolament dwar il-Proċeduri tal-Ażil (COM(2016)0467), April 2019, p. 42.

    ( 22 ) Ibid.

    ( 23 ) Ara, pereżempju, UNCHR, Legal Considerations regarding access to protection and a connection between the refugees and the third country in the context of return or transfer to safe countries, April 2018, u Guidance note on bilateral and/or multilateral transfer agreements of asylum-seekers, Mejju 2013.

    ( 24 ) Ara wkoll il-premessa 44 tad-Direttiva 2013/32 li twissi kontra movimenti sekondarji ta’ applikanti (li jseħħu meta applikanti għal protezzjoni internazzjonali jiċċaqilqu mill-pajjiż fejn ikunu waslu inizjalment sabiex japplikaw għal protezzjoni f’pajjiż ieħor).

    ( 25 ) Fit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-Artikolu 31 tad-Direttiva 2013/32, kif ukoll għall-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Madankollu, fid-dawl tal-fatti tal-każ (kawża quddiem qorti) u tal-fatt li l-Unjoni Ewropea ma hijiex parti fil-KEDB, ser ninterpreta din id-domanda fis-sens li tirreferi għall-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32 (li jikkonċerna l-eżami mwettaq minn qorti) u mhux għall-Artikolu 31 (li jikkonċerna l-eżami fuq livell amministrattiv), u għall-Artikolu 47 tal-Karta interpretat, bis-saħħa tal-Artikolu 52(3), fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-KEDB u tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”).

    ( 26 ) COM(2016)0467. Bħalissa pendenti bħala l-proċedura 2016/0224/COD.

    ( 27 ) Ara iktar kjarifiki fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża PG, punti 43 sa 47.

    ( 28 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li jista’ jkun hemm l-intenzjoni li applikazzjonijiet għall-ażil li jkunu inammissibbli jiġu pproċessati iktar malajr bil-“għan li jippermettu proċessar iktar effikaċji tal-applikazzjonijet ippreżentati mill-persuni li huma adatti li jibbenefikaw mill-istatus ta’ refugjat”. Sentenza tat-28 ta’ Lulju 2011, Samba Diouf (C‑69/10, EU:C:2011:524, punti 65 sa 66).

    ( 29 ) Sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Mirza (C‑695/15 PPU, EU:C:2016:188, punt 43).

    ( 30 ) Sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Alheto (C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 115).

    ( 31 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Alheto (C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 115).

    ( 32 ) Ara l-punti 59 sa 63 ta’ dawn il-konklużjonijet.

    ( 33 ) Ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 2 ta’ Frar 2012, I.M. vs Franza, (CE:ECHR:2012:0202JUD000915209, punt 155).

    ( 34 ) Ara s-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Alheto (C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 115).

    ( 35 ) Fir-rigward tal-kunċett ta’ “l-ewwel pajjiż ta’ ażil”, l-aħħar sentenza tal-Artikolu 35 tad-Direttiva 2013/32 tipprovdi li “[l]-applikant għandu jitħalla jikkontesta l-applikazzjoni tal-kunċett tal-ewwel pajjiż ta’ asil għaċ-ċirkostanzi partiklari tiegħu”. Fir-rigward tal-kunċett ta’ “pajjiż terz bla perikolu”, skont l-Artikolu 38(2)(c) tad-Direttiva 2013/32, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli “konformi mad-dritt internazzjonali, li jippermettu eżami individwali li jiddetermina jekk pajjiż terz konċernat huwiex bla periklu għal applikant partikolari u li, bħala minimu, għandu jippermetti lill-applikant jikkontesta l-applikazzjoni tal-kunċett tal-pajjiż terz bla periklu fuq il-bażi li l-pajjiż terz huwa ta’ periklu fiċ-ċirkustanzi partikolari tiegħu. L-applikant għandu jkun permess li jikkontesta l-eżistenza ta’ konnessjoni bejnu u l-pajjiż terz skont il-punt (a)”.

    ( 36 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża PG, punt 64.

    ( 37 ) Sa fejn il-kjarifiki pprovduti fil-punt 71 ta’ dawk il-konklużjonijiet jgħoddu wkoll f’dan il-każ. Ninnota li kemm l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 u l-Artikolu 47 tal-Karta għandhom effett dirett. Ara s-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Torubarov (C‑556/17, EU:C:2019:626, punti 5673), jew (biss f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 47 tal-Karta) is-sentenzi tas-17 ta’April 2018, Egenberger (C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 78), u tad-19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 162).

    ( 38 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża PG, punti 65 sa 69.

    Top