EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CJ0528

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-30 ta’ Mejju 2013.
Zuheyr Frayeh Halaf vs Darzhavna agentsia za bezhantsite pri Ministerskia savet.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad.
Ażil — Regolament (KE) Nru 343/2003 — Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil ippreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz — Artikolu 3(2) — Setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri — Rwol tal-Kummissarjat Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati — Obbligu tal-Istati Membri li jistiednu lil din l-istituzzjoni tippreżenta opinjoni — Assenza.
Kawża C‑528/11.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:342

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

30 ta’ Mejju 2013 ( *1 )

“Ażil — Regolament (KE) Nru 343/2003 — Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil ippreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz — Artikolu 3(2) — Setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri — Rwol tal-Kummissarjat Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati — Obbligu tal-Istati Membri li jistiednu lil din l-istituzzjoni tippreżenta opinjoni — Assenza”

Fil-Kawża C‑528/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Ottubru 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Ottubru 2011, fil-proċedura

Zuheyr Frayeh Halaf

vs

Darzhavna agentsia za bezhantsite pri Ministerskia savet,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen (Relatur), President tal-Awla, J. Malenovský, U. Lõhmus, M. Safjan u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u N. Graf Vitzthum, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Urbani Neri, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Olandiż, minn J. Langer u C. Wissels, bħala aġenti,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn C. Murrell, bħala aġent, assistita minn R. Palmer, barrister,

għall-Gvern Svizzeru, minn D. Klingele, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande u V. Savov, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003, tat-18 ta’ Frar 2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109, iktar ’il quddiem ir-“Regolament”), u tal-Artikoli 18, 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Z. F. Halaf, ċittadin Iraqi, u d-Darzhavna agentsia za bezhantsite pri Ministerskia savet (l-Aġenzija nazzjonali għar-refuġjati mal-Kunsill tal-Ministri, iktar ’il quddiem id-“DAB”) dwar id-deċiżjoni meħuda minn din l-aġenzija li tirrifjuta li tibda proċedura għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat fir-rigward tiegħu u li tawtorizza t-trasferiment tiegħu lejn il-Ġreċja.

Il-kuntest ġuridiku

Il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra

3

Il-Konvenzjoni dwar l-istatus ta’ refuġjati, iffirmata f’Ġinevra fit-28 ta’ Lulju 1951 [Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954), iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Ġinevra”], daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954.

4

L-Istati Membri kollha huma partijiet kontraenti fil-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, bħalma huma wkoll ir-Repubblika tal-Islanda, il-Prinċipat tal-Liechtenstein, ir-Renju tan-Norveġja u l-Konfederazzjoni Svizzera. L-Unjoni Ewropea ma hijiex parti kontraenti fil-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, iżda l-Artikolu 78(1) TFUE u l-Artikolu 18 tal-Karta jirreferu għal din il-konvenzjoni.

5

Il-preambolu tal-imsemmija konvenzjoni jieħu nota tal-fatt li l-Kummissarjat Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR) għandu l-kompitu li jissorvelja l-applikazzjoni tal-konvenzjonijiet internazzjonali li jiżguraw il-protezzjoni tar-refuġjati u jirrikonoxxi li l-koordinazzjoni effettiva tal-miżuri meħuda biex tiġi riżolta din il-problema tiddependi mill-kooperazzjoni tal-Istati mal-UNHCR.

6

L-Artikolu 35(1) tal-istess konvenzjoni jaqra kif ġej:

“L-Istati Kontraenti jintrabtu li jikkooperaw mal-[UNHCR], jew ma’ kull istituzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti li jista’ jissuċċedih, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu u b’mod partikolari biex jiffaċilitaw il-kompitu tiegħu li jissorvelja l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament

7

Il-premessa 12 tar-Regolament tispeċifika li, fir-rigward tat-trattament ta’ persuni li jaqgħu fl-ambitu ta’ dan ir-regolament, l-Istati Membri huma marbuta bl-obbligi taħt l-istrumenti tal-liġi internazzjonali li huma partijiet fihom u li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni.

8

L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament jipprovdi b’mod partikolari:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

[...]

(ċ)

‘applikazzjoni għall-ażil’ tfisser l-applikazzjoni magħmula minn ċittadin ta’ pajjiż terz li tista’ tiftiehem bħala talba għal protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru, taħt il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra. Kull applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hija preżunta li tkun applikazzjoni għall-ażil, sakemm ċittadin ta’ pajjiż terz ma jitlobx espliċitament għal xorta ta’ protezzjoni oħra li tkun tista’ ssir applikazzjoni għaliha separatament;

[...]”

9

L-Artikolu 3(1) u (2) tar-Regolament jistabbilixxi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jeżaminaw l-applikazzjoni ta’ ċittadin ta’ kull pajjiż terz li japplika fil-konfini jew fit-territorju tagħhom lil kull wieħed minnhom għall-ażil. L-applikazzjoni għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed, li għandu jkun dak li l-kriterji ddikjarati fil-Kapitolu III juru li huwa responsabbli.

2.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, kull Stat Membru jista’ jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata għandu minn ċittadin ta’ pajjiż terz, ukoll jekk eżami tali mhux ir-responsabbilta tiegħu taħt il-kriterji preskritti f’dan ir-Regolament. F’dan il-każ, dak l-Istat Membru għandu jsir l-Istat Membru responsabbli fit-tifsira ta’ dan ir-Regolament u għandu jassumi l-obbligi assoċjati ma’ dik ir-responsabbiltà. [...]”

10

Sabiex jiġi ddeterminat l-“Istat Membru responsabbli” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament, l-Artikoli 6 sa 14 tiegħu, li jinsabu fil-Kapitolu III tiegħu, jistabbilixxu lista ta’ kriterji oġġettivi elenkati f’ordni ġerarkiku.

11

L-Artikolu 15 tar-Regolament, li jikkostitwixxi l-uniku artikolu tal-Kapitolu IV tar-Regolament, intitolat “Klawsola umanitarja”, jipprovdi:

“1.   Kull Stat Membru, ukoll fejn ma jkunx responsabbli taħt il-kriterji ddikjarati f’dan ir-Regolament, jista’ jġib flimkien membri tal-familja, kif ukoll qraba oħra dipendenti, għal raġunijiet umanitarji bbażati b’mod partikulari fuq kunsiderazzjonijiet familjali u kulturali. [...]

2.   F’każijiet li fihom il-persuna kkonċernata hija dipendenti fuq l-assistenza ta’ l-oħra minħabba tqala jew tarbija tat-twelid, mard serju, diżabilita severa jew xjuħija, Stati Membri normalment għandhom iżommu jew iġibu flimkien il-persuna [li] tfittex l-ażil ma’ qarib ieħor preżenti fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri, sakemm l-irbit familjali kien jeħisti fil-pajjiż ta’ oriġini.

[...]”

12

Il-Kapitolu V tar-Regolament, intitolat “Teħid ta’ inkarigu u teħid lura”, jinkludi b’mod partikolari l-Artikolu 16 tar-Regolament, li l-paragrafu 1 tiegħu jaqra kif ġej:

“L-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil taħt dan ir-Regolament għandu jkun obbligat:

[...]

(ċ)

jieħu lura, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 20, applikant li l-applikazzjoni tiegħu tkun taħt eżami u li jkun fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr permess;

[...]”

13

L-Artikolu 20 tar-Regolament jipprovdi:

“1.   Persuna [li] tfittex l-ażil għandha tittieħed lura skond l-Artikolu 4(5) u l-Artikolu 16(1)(c), (d) u (e) kif ġej:

[...]

(b)

l-Istat Membru mitlub biex jieħu lura l-applikant għandhu jkun obbligat jagħmel il-kontrolli meħtieġa u jwieġeb għat-talba indirizzata lilu kemm jista’ jkun malajr u taħt ebda ċirkostanzi ma jeċċedi perjodu ta’ xahar mir-referenza. Meta t-talba tkun ibbażata fuq data miksuba mis-sistema Eurodac, dan il-limitu ta’ żmien jitnaqqas għal ġimagħtejn;

(ċ)

fejn l-Istat Membru li tkun saritlu t-talba ma jikkomunikax id-deċiżjoni tiegħu fil-perjodu ta’ xahar jew fil-perjodu ta’ ġimagħtejn imsemmi fis-subparagrafu (b), għandu jkun ikkonsidrat li jkun qabel li jieħu lura l-persuna [li] tfittex l-ażil;

[...]”

Id-Direttiva 2005/85/KE

14

Il-premessa 29 tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE, tal-1 ta’ Diċembru 2005, dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat (ĠU L 175M, 29.6.2006, p. 168), tispeċifika li din id-direttiva ma tapplikax għall-proċeduri li huma rregolati mir-Regolament.

15

L-Artikolu 8(2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet mill-awtorità determinanti dwar applikazzjonijiet għall-ażil jiġu meħuda wara eżami adegwat. Għal dik il-fini, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li

[...]

(b)

tiġi miksuba informazzjoni preċiża u aġġornata minn sorsi varji, bħall-[UNHCR], rigward is-sitwazzjoni ġenerali li teżisti fil-pajjiżi ta’ origini ta’ l-applikanti għall-ażil u, fejn meħtieġ, f’pajjiżi li għaddew minnhom, u li tali informazzjoni issir disponibbli għall-persunal responsabbli mill-eżami ta’ l-applikazzjonijiet u mit-teħid ta’ deċiżjonijiet;

[...]”

16

L-Artikolu 21 tal-istess direttiva, intitolat “L-irwol ta’ l-UNHCR”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jippermettu li l-UNHCR:

[...]

(ċ)

tippreżenta l-fehmiet tagħha, fl-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet superviżorji tagħha taħt l-Artikolu 35 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, lil kull awtorità kompetenti dwar applikazzjonijiet individwali għall-ażil f’kull stadju tal-proċedura.

[...]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17

Z. F. Halaf huwa ċittadin Iraqi li, fl-1 ta’ Ġunju 2010, ippreżenta applikazzjoni għall-ażil fil-Bulgarija.

18

Billi riċerka magħmula fis-sistema Eurodac żvelat li, fis-6 ta’ Awwissu 2008, huwa kien diġà ppreżenta applikazzjoni għall-ażil fil-Greċja, fis-6 ta’ Lulju 2010, id-DAB talbet lill-awtoritajiet Griegi sabiex jieħduh lura, skont l-Artikolu 16(1)(ċ) tar-Regolament.

19

Minħabba li ma ngħatatx tweġiba għall-imsemmija talba fit-terminu ta’ ġimagħtejn stabbilit fit-tieni sentenza tal-Artikolu 20(1)(b), id-DAB ikkunsidrat, abbażi tal-Artikolu 20(1)(ċ) tar-Regolament, li r-Repubblika Ellenika kienet aċċettat it-teħid lura ta’ Z. F. Halaf.

20

B’deċiżjoni tal-21 ta’ Lulju 2010, id-DAB għalhekk irrifjutat li tibda proċedura għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat fir-rigward ta’ Z. F. Halaf u awtorizzat it-trasferiment tiegħu lejn il-Greċja.

21

Fl-1 ta’ Diċembru 2010, Z. F. Halaf ippreżenta rikors quddiem il-qorti tar-rinviju li bih talabha tannulla din id-deċiżjoni tad-DAB u tordna lil din tal-aħħar li tibda proċedura għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat. Huwa mmotiva dan ir-rikors, b’mod partikolari, billi invoka l-fatt li l-UNHCR appella lill-gvernijiet Ewropej sabiex jieqfu jibgħatu l-applikanti għall-ażil lura lejn il-Greċja.

22

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk huwiex possibbli li l-Artikolu 3(2) tar-Regolament jiġi applikat f’tali kuntest, fid-dawl tal-fatt li, fil-każ ta’ Z. F. Halaf, ebda ċirkustanza ma tippermetti l-applikazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, b’deċiżjoni tat-12 ta’ Ottubru 2011, l-Administrativen sad Sofia-grad iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel sitt domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

24

B’ittra tal-21 ta’ Diċembru 2011, ir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja bagħat lill-qorti tar-rinviju s-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (C-411/10 u C-493/10, Ġabra p. I-13905), filwaqt li stedinha tinformah jekk, fid-dawl ta’ din is-sentenza, xtaqitx iżżomm ir-rinviju tagħha għal deċiżjoni preliminari.

25

B’deċiżjoni tal-24 ta’ Jannar 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Jannar 2012, l-Administrativen sad Sofia-grad irtirat l-ewwel u t-tielet domandi tagħha u żammet biss l-erba’ domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 3(2) tar-Regolament [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li Stat Membru jieħu r-responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil meta ma jkun hemm ebda fatt ta’ natura personali li jimplika l-applikazzjoni tal-klawżola umanitarja li tinsab fl-Artikolu 15 tar-regolament [...] għall-persuna li tkun qiegħda tfittex l-ażil u meta l-Istat Membru responsabbli taħt l-Artikolu 3(1) tar-regolament [...] ma jkunx wieġeb għat-talba sabiex jieħu [lura r-]responsabbiltà skont l-Artikolu 20(1) tar-regolament [...], fid-dawl tal-fatt li dan ir-regolament ma jinkludix dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-osservanza tal-prinċipju ta’ solidarjetà stabbilit fl-Artikolu 80 TFUE?

2)

X’inhu l-kontenut tad-dritt għal ażil taħt l-Artikolu 18 tal-Karta [...], ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 53 ta’ din il-[K]arta, kif ukoll mad-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(ċ) u mal-premessa 12 tar-Regolament [...]?

3)

L-Artikolu 3(2) tar-Regolament [...], ikkunsidrat flimkien mal-obbligu taħt l-Artikolu 78(1) TFUE li jiġu osservati l-istrumenti ta’ dritt internazzjonali fil-qasam tal-ażil, għandu jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-Istati Membri jitolbu opinjoni mingħand [l-UNHCR] fil-kuntest tal-proċedura għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli skont ir-Regolament, meta f’dokumenti ta’ din l-organizzazzjoni huma esposti fatti u misluta konklużjonijiet fis-sens li l-Istat Membru responsabbli skont l-Artikolu 3(1) tar-regolament [...] jikser id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-ażil?

[4)]

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għal din [it-tielet] domanda, [...] [i]l-fatt li din l-opinjoni ma tintalabx mingħand [l-UNHCR] jikkostitwixxi ksur sostanzjali tal-proċedura għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli skont l-Artikolu 3 tar-regolament [...] u ksur tad-drittijiet għal amministrazzjoni tajba u għal rimedju effettiv stabbiliti fl-Artikoli 41 u 47 tal-Karta [...], u dan fid-dawl ukoll tal-Artikolu 21 tad-Direttiva [2005/85] li jawtorizza lil din l-organizzazzjoni tagħti l-opinjoni tagħha fir-rigward ta’ kull applikazzjoni għall-ażil?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

26

Mingħajr ma jqajjem espressament eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-Gvern tar-Renju Unit isostni li d-domandi preliminari huma ta’ natura teoretika.

27

Fil-fatt, huwa jqis li, mis-sentenza N. S. et, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta li t-trasferiment ta’ applikant għall-ażil lejn il-Greċja jagħti lok għal riskju reali ta’ ksur tal-Artikolu 4 tal-Karta u li l-awtoritajiet kompetenti Bulgari għalhekk għandhom issa jkunu jistgħu jiddeterminaw l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil billi jibbażaw ruħhom fuq din is-sentenza.

28

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tkun tressqet il-kawża u li għandha r-responsabbiltà li tagħti d-deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer, C-169/07, Ġabra p. I-1721, punt 24, u tad-19 ta’ Lulju 2012, Garkalns, C‑470/11, punt 17).

29

Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenzi tal-1 ta’ Ġunju 2010, Blanco Pérez u Chao Gómez, C-570/07 u C-571/07, Ġabra p. I-4629, punt 36, u tal-5 ta’ Lulju 2012, Geistbeck, C‑509/10, punt 48).

30

Għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju qiegħda tagħmel domandi dwar l-interpretazzjoni ta’ regoli tad-dritt tal-Unjoni. Is-sempliċi fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà tat interpretazzjoni ta’ wħud minn dawn ir-regoli fis-sentenza N. S. et, iċċitata iktar ’il fuq, ma jfissirx li l-imsemmija domandi issa huma ta’ natura teoretika jew ipotetika.

31

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali. Għalhekk l-argument imqajjem mill-Gvern tar-Renju Unit ma huwiex biżżejjed biex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni ta’ rilevanza msemmija fil-punt 29 ta’ din is-sentenza.

32

Għaldaqstant, id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju għandhom jiġu ddikjarati ammissibbli.

Fuq l-ewwel domanda

33

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 3(2) tar-Regolament għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil Stat Membru, li l-kriterji msemmija fil-Kapitolu III tar-Regolament ma jindikawx bħala responsabbli, jeżamina applikazzjoni għall-ażil meta ma tkun teżisti ebda ċirkustanza li tirrendi applikabbli l-klawżola umanitarja li tinsab fl-Artikolu 15 tar-Regolament, billi l-Istat Membru responsabbli skont l-imsemmija kriterji ma jkunx wieġeb għal talba għat-teħid lura tal-applikant għall-ażil ikkonċernat.

34

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament jipprovdi li applikazzjoni għall-ażil għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed, li għandu jkun dak li l-kriterji msemmija fil-Kapitolu III jindikaw bħala responsabbli.

35

Madankollu, l-Artikolu 3(2) tar-Regolament jipprovdi espressament li, b’deroga mill-Artikolu 3(1), kull Stat Membru jista’ jeżamina applikazzjoni għall-ażil ippreżentata lilu minn ċittadin ta’ pajjiż terz, anki jekk dan l-eżami ma jaqax taħt ir-responsabbiltà tiegħu skont il-kriterji stabbiliti f’dan ir-regolament.

36

Għaldaqstant, mill-formulazzjoni nfisha tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament, jirriżulta ċar li l-eżerċizzju ta’ din il-possibbiltà ma huwa suġġett għal ebda kundizzjoni partikolari.

37

Barra minn hekk, din il-konklużjoni hija kkorroborata mix-xogħol preparatorju tar-Regolament. Fil-fatt, il-proposta tal-Kummissjoni li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament [COM(2001) 447 finali] tispeċifika li r-regola li tinsab fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament iddaħħlet biex tippermetti li kull Stat Membru jiddeċiedi b’mod sovran, abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet politiċi, umanitarji jew prattiċi, li jaċċetta li jeżamina applikazzjoni għall-ażil anki jekk ma jkunx responsabbli biex jagħmel dan skont il-kriterji previsti fir-Regolament.

38

Għaldaqstant, fid-dawl tal-portata tas-setgħa diskrezzjonali hekk mogħtija lil kull Stat Membru, il-kwistjoni jekk Stat Membru responsabbli skont il-kriterji msemmija fil-Kapitolu III tar-Regolament weġibx jew le għal talba għat-teħid lura ta’ applikant għall-ażil, ma għandhiex impatt fuq il-possibbiltà għal Stat Membru ieħor li jeżamina applikazzjoni għall-ażil abbażi tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament.

39

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(2) tar-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li Stat Membru, li ma huwiex dak indikat bħala responsabbli skont il-kriterji msemmija fil-Kapitolu III tar-Regolament, jeżamina applikazzjoni għall-ażil anki jekk ma tkun teżisti ebda ċirkustanza li tirrendi applikabbli l-klawżola umanitarja li tinsab fl-Artikolu 15 tar-Regolament. Din il-possibbiltà ma hijiex suġġetta għall-fatt li l-Istat Membru responsabbli skont l-imsemmija kriterji ma jkunx wieġeb għal talba għat-teħid lura tal-applikant għall-ażil ikkonċernat.

Fuq it-tieni domanda

40

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi x’inhu l-kontenut tad-dritt għall-ażil skont l-Artikolu 18 tal-Karta, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 53 tagħha, kif ukoll mad-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(ċ) u mal-premessa 12 tar-Regolament.

41

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din it-tieni domanda hija mmotivata mill-premessa li, meta tkun eskluża l-applikazzjoni tal-klawżola umanitarja li tinsab fl-Artikolu 15 tar-Regolament, Stat Membru jista’ jeżamina applikazzjoni għall-ażil abbażi tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament biss jekk jiġi pprovat li d-dritt mogħti lill-applikanti għall-ażil bl-Artikolu 18 tal-Karta ma huwiex irrispettat mill-Istat Membru responsabbli skont il-kriterji msemmija fil-Kapitolu III tar-Regolament.

42

Issa peress li, mir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda diġà jirriżulta li l-eżerċizzju tal-possibbiltà mogħtija lill-Istati Membri bl-Artikolu 3(2) tar-Regolament ma hija suġġetta għal ebda kundizzjoni partikolari, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq it-tielet domanda

43

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Istat Membru li fih jinsab l-applikant għall-ażil huwiex obbligat, matul il-proċess għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, li jitlob opinjoni mingħand l-UNHCR meta mid-dokumenti ta’ din l-organizzazzjoni jirriżulta li l-Istat Membru indikat bħala responsabbli skont il-kriterji msemmija fil-Kapitolu III tar-Regolament jikser ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar l-ażil.

44

Preliminarjament, għandu jitfakkar li d-dokumenti maħruġa mill-UNHCR jifformaw parti mill-istrumenti li jistgħu jippermettu li l-Istati Membri jevalwaw il-funzjonament tas-sistema tal-ażil fl-Istat Membru indikat bħala responsabbli skont il-kriterji msemmija fil-Kapitolu III tar-Regolament u, għaldaqstant, li jevalwaw ir-riskji reali li jkollu jiffaċċja applikant għall-ażil fil-każ li jiġi ttrasferit lejn dan l-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza N. S. et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 90 u 91). Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, l-imsemmija dokumenti għandhom rilevanza partikolari fid-dawl tar-rwol mogħti lill-UNHCR mill-Konvenzjoni ta’ Ġinevra li b’mod konsistenti magħha għandhom jiġu interpretati r-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar l-ażil (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi N. S. et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 75, u tad-19 ta’ Diċembru 2012, Abed El Karem El Kott et, C‑364/11, punt 43).

45

Madankollu, għalkemm l-Artikoli 8(2)(b) u 21 tad-Direttiva 2005/85 jipprovdu diversi forom ta’ kooperazzjoni bejn l-UNHCR u l-Istati Membri meta dawn tal-aħħar jeżaminaw applikazzjoni għall-ażil, dawn ir-regoli ma japplikawx fil-proċess ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli rregolat mir-Regolament, kif tispeċifika l-premessa 29 tad-Direttiva 2005/85.

46

F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat li xejn ma jżomm Stat Membru milli jitlob opinjoni mingħand l-UNHCR jekk jidhirlu li dan ikun opportun, b’mod partikolari, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

47

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Istat Membru li fih jinsab l-applikant għall-ażil ma huwiex obbligat, matul il-proċess għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, li jitlob opinjoni mingħand l-UNHCR meta mid-dokumenti ta’ din l-organizzazzjoni jirriżulta li l-Istat Membru indikat bħala responsabbli skont il-kriterji msemmija fil-Kapitolu III tar-Regolament jikser ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar l-ażil.

Fuq ir-raba ’ domanda

48

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tielet domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ domanda.

Fuq l-ispejjeż

49

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003, tat-18 ta’ Frar 2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li Stat Membru, li ma huwiex dak indikat bħala responsabbli skont il-kriterji msemmija fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament, jeżamina applikazzjoni għall-ażil anki jekk ma tkun teżisti ebda ċirkustanza li tirrendi applikabbli l-klawżola umanitarja li tinsab fl-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament. Din il-possibbiltà ma hijiex suġġetta għall-fatt li l-Istat Membru responsabbli skont l-imsemmija kriterji ma jkunx wieġeb għal talba għat-teħid lura tal-applikant għall-ażil ikkonċernat.

 

2)

L-Istat Membru li fih jinsab l-applikant għall-ażil ma huwiex obbligat, matul il-proċess għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, li jitlob opinjoni mingħand il-Kummissarjat Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati meta mid-dokumenti ta’ din l-organizzazzjoni jirriżulta li l-Istat Membru indikat bħala responsabbli skont il-kriterji msemmija fil-Kapitolu III tar-Regolament Nru 343/2003 jikser ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar l-ażil.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.

Top