EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CC0418

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Bobek, ippreżentati fid-29 ta’ Lulju 2019.
Patrick Grégor Puppinck et vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Dritt istituzzjonali – Inizjattiva taċ-ċittadini ‘Wieħed Minna’ – Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tippreżenta l-konklużjonijiet tagħha u r-raġunijiet għalfejn mhux ser jittieħdu l-azzjonijiet mitluba fl-inizjattiva taċ-ċittadini.
Kawża C-418/18 P.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:640

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fid‑29 ta’ Lulju 2019 ( 1 )

Kawża C‑418/18 P

Puppinck et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

(Appell – Dritt istituzzjonali – Inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (IĊE) – Artikolu 11(4) TUE – Finanzjament mill-Unjoni ta’ attivitajiet li jimplikaw il-qerda ta’ embrijuni umani – Politika ta’ riċerka – Saħħa pubblika – Kooperazzjoni fl-iżvilupp – IĊE li tkun ġabret in-numru ta’ firem meħtieġ – Komunikazzjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament (EU) Nru 211/2011 – Obbligi tal-Kummissjoni għal dak li jirrigwarda IĊE li tkun irnexxiet – Livell ta’ stħarriġ ġudizzjarju)

I. Introduzzjoni

1.

Patrick Gégor Puppinck u sitt persuni oħra (iktar ’il quddiem l-“appellanti”) jifformaw il-kumitat taċ-ċittadini tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej imsejħa “Uno di noi” (“One of Us” – “Wieħed Minna”) (iktar ’il quddiem l-“IĊE”). L-IĊE ġiet irreġistrata mill-Kummissjoni Ewropea. Imbagħad ġabret iktar minn miljun firma. Għalhekk hija laħqet il-limitu rilevanti u ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni, li rċeviet il-membri tal-kumitat taċ-ċittadini tal-IĊE. Ġiet organizzata seduta fil-Parlament Ewropew sabiex tiġi diskussa l-IĊE. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni li fiha hija spjegat li kienet iddeċidiet li ma tieħu ebda azzjoni sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-IĊE.

2.

L-appellanti talbu l-annullament ta’ dik il-komunikazzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali. Ma rnexxielhomx. Permezz ta’ dan l-appell huma qegħdin jikkontestaw is-sentenza tal-ewwel istanza tal-Qorti Ġenerali ( 2 ).

3.

L-IĊE hija waħda mill-innovazzjonijiet introdotti mit-Trattat ta’ Lisbona għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-ħajja demokratika tal-Unjoni Ewropea. Ir-Regolament (UE) Nru 211/2011 ( 3 ) jistabbilixxi l-qafas leġiżlattiv tal-IĊE. Dan l-istrument diġà kien is-suġġett ta’ diversi kawżi mressqa quddiem il-qrati tal-Unjoni relatati ma’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jiċħdu r-reġistrazzjoni ta’ IĊE ( 4 ).

4.

In-novità ta’ din il-kawża tinsab fil-fatt li hija l-ewwel kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li tirrigwarda s-segwitu mogħti mill-Kummissjoni fil-każ ta’ “IĊE li tkun irnexxiet” (jiġifieri li tkun laħqet il-limitu meħtieġ). Tabilħaqq, “One of Us” hija waħda minn erba’ IĊE biss li sal-lum laħqu n-numru ta’ firem meħtieġ ( 5 ). Dan imbagħad jagħti lok għal żewġ domandi importanti ta’ prinċipju mqajma f’din il-kawża: l-ewwel, il-Kummissjoni għandha l-obbligu tissottometti xi proposti leġiżlattivi konkreti wara li IĊE tkun irnexxiet? It-tieni, liema livell ta’ stħarriġ ġudizzjarju għandu jiġi applikat meta tiġi rriveduta l-pożizzjoni meħuda mill-Kummissjoni wara IĊE li tkun irnexxiet?

II. Il-kuntest ġuridiku tal-Unjoni

5.

Skont il-premessa 1 tar-Regolament IĊE, “[i]t-[Trattat TUE] jirrinforza ċ-ċittadinanza tal-Unjoni u jsaħħaħ aktar il-funzjonament demokratiku tal-Unjoni billi jipprovdi, inter alia, li kull ċittadin ikollu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni permezz ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej. Dik il-proċedura tagħti liċ-ċittadini l-possibbiltà li l-Kummissjoni tiġi avviċinata direttament b’talba li fiha jistednuha tippreżenta proposta għal att legali tal-Unjoni għall-għan tal-implimentazzjoni tat-Trattati b’mod simili għad-dritt mogħti lill-Parlament Ewropew skont l-Artikolu 225 [TFUE] u lill-Kunsill skont l-Artikolu 241 TFUE”.

6.

Il-premessa 20 tar-Regolament IĊE tgħid dan li ġej: “Il-Kummissjoni għandha teżamina inizjattiva taċ-ċittadini u tistipula l-konklużjonijiet legali u politiċi tagħha b’mod separat. Hija għandha tistipula wkoll l-azzjoni li tkun biħsiebha tieħu b’rispons għaliha, f’perijodu ta’ tliet xhur. Sabiex turi li inizjattiva taċ-ċittadini appoġġata minn tal-anqas miljun ċittadin tal-Unjoni u s-segwitu possibbli tagħha jiġu eżaminati bir-reqqa, il-Kummissjoni għandha tispjega b’mod ċar, li jinftiehem u b’mod dettaljat ir-raġunijiet għall-azzjoni li tkun biħsiebha tieħu, u għandha wkoll tagħti r-raġunijiet tagħha jekk ma tkun biħsiebha tieħu l-ebda azzjoni. Meta l-Kummissjoni tkun irċeviet inizjattiva taċ-ċittadini appoġġjata min-numru meħtieġ ta’ firmatarji li tkun tissodisfa r-rekwiżiti l-oħra ta’ dan ir-Regolament, l-organizzaturi għandhom ikunu intitolati li jippreżentaw dik l-inizjattiva waqt seduta tas-smigħ pubblika fil-livell tal-Unjoni.”

7.

Skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament IĊE “Inizjattiva taċ-ċittadini” tfisser “inizjattiva ppreżentata lill-Kummissjoni skont dan ir-Regolament, li tistieden lill-Kummissjoni, fl-ambitu tas-setgħat tagħha, biex tippreżenta kwalunkwe proposta adatta dwar kwistjonijiet fejn iċ-ċittadini jqisu li att legali tal-Unjoni hu meħtieġ għall-għan tal-implimentazzjoni tat-Trattati, li tkun irċeviet l-appoġġ ta’ mill-anqas miljun firmatarju eliġibbli li jkunu ġejjin minn kwart tal-Istati Membri kollha”.

8.

L-Artikolu 10 tar-Regolament IĊE jistabbilixxi l-proċedura għall-eżami ta’ inizjattiva taċ-ċittadini mill-Kummissjoni. Skont din id-dispożizzjoni:

“1.   Meta l-Kummissjoni tirċievi inizjattiva taċ-ċittadini skont l-Artikolu 9 hija għandha:

[…]

(c)

fi żmien tliet xhur, tistabbilixxi f’komunikazzjoni l-konklużjonijiet finali legali u politiċi tagħha dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini, l-azzjoni li biħsiebha tieħu, jekk ser tieħu, u r-raġunijiet għalfejn biħsiebha tieħu jew ma tieħux dik l-azzjoni.

2.   Il-komunikazzjoni msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 1 għandha tiġi notifikata lill-organizzaturi kif ukoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u għandha ssir pubblika.”

9.

Skont l-Artikolu 11 tar-Regolament IĊE, “[m]eta l-kondizzjonijiet tal-punti (a) u (b) tal-Artikolu 10(1) ikunu sodisfatti, u sal-iskadenza stipulata fil-punt (c) tal-Artikolu 10(1), l-organizzaturi għandhom jingħataw l-opportunità li jippreżentaw l-inizjattiva taċ-ċittadini waqt smigħ pubbliku. Il-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew għandhom jiżguraw li dan is-smigħ jiġi organizzat fil-Parlament Ewropew, jekk ikun xieraq flimkien ma’ istituzzjonijiet u korpi oħra tal-Unjoni li juru x-xewqa li jipparteċipaw, u li l-Kummissjoni tkun rappreżentata f’livell xieraq”.

III. Il-kuntest fattwali

10.

Fil-11 ta’ Mejju 2012, l-IĊE “One of Us” ġiet irreġistrata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament IĊE ( 6 ). Is-suġġett tal-IĊE huwa deskritt fir-reġistru online mqiegħed għad-dispożizzjoni mill-Kummissjoni kif ġej: “Protezzjoni ġuridika tad-dinjità, id-dritt għall-ħajja u l-integrità ta’ kull persuna umana mill-konċepiment f’dawk l-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-UE li fihom l-istess protezzjoni hija ta’ importanza relevanti”. L-għanijiet tal-IĊE kienu deskritti bil-kliem li ġej: “L-embrijun uman jistħoqqlu r-rispett għad-dinjità u l-integrità tiegħu. Dan kien konfermat fis-sentenza tal-[Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea] fil-każ ta’ Brustle vs. Greenpeace, li fiha l-embrijun uman ġie definit bħala l-bidu tal-iżvilupp tal-bniedem. Biex tiggarantixxi koerenza fis-setturi tal-kompetenza tagħha, fejn il-ħajja hija mhedda l-embriju uman, l-[Unjoni Ewropea] għandha tistabbilixxi projbizzjoni u twaqqaf darba għal dejjem il-finanzjament ta’ attivitajiet li jinvolvu qerda tal-embrijun uman, partikolarment f’oqsma ta’ riċerka, għajnuna għall-iżvilupp, u sanità pubblika.”

11.

L-organizzaturi identifikaw id-dispożizzjonijiet tat-Trattati li huma rilevanti għall-IĊE bħala li huma l-Artikoli 2 u 17 TUE u l-Artikoli 4(3) u (4), 168, 180, 182, 209, 210 u 322 TFUE.

12.

Anness mehmuż mal-IĊE kien fih abbozz ta’ att ġuridiku li kien jitlob, b’mod iktar speċifiku, tliet emendi għal atti eżistenti tal-Unjoni.

13.

L-ewwel nett, ġie propost li jiddaħħal artikolu ġdid fir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal‑25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej ( 7 ). Skont id-dispożizzjoni proposta, “[e]bda stanzjament mill-estimi m’għandu jkun imwettaq favur attivitajiet li jeqirdu l-embrijuni umani jew jippresupponi l-qerda tagħhom”.

14.

It-tieni nett, ġie propost li jiddaħħal subparagrafu ġdid fl-Artikolu 16(3) tal-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni – Orizzont 2020 (2014‑2020) ( 8 ). Dan is-subparagrafu ġdid ikun jimplika li jiġu esklużi minn finanzjament “attivitajiet ta’ riċerka li jeqirdu l-embrijuni umani, inklużi dawk intiżi għall-ksib ta’ ċelluli staminali, u attivitajiet ta’ riċerka li jinvolvu l-użi ta’ ċelluli staminali embrijonali umani fi stadji suċċessivi għall-kisba tagħhom”.

15.

It-tielet nett, ġie propost li jiddaħħal il-paragrafu 5 fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta’ finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp ( 9 ). Skont dan il-paragrafu propost: “L-assistenza da parti tal-Unjoni li tkun ibbażata fuq dan ir-Regolament m’għandhix tinttuża biex tiffinanzja l-abort, direttament jew indirettament, permezz tal-finanzjament ta’ organiżazzjonijiet li jipprattikaw jew jippromwovu l-abort. Ebda riferment f’dan ir-Regolament għas-saħħa riproduttiva u sesswali, għall-kura sanitarja, għad-drittijiet, għas-servizzi, għall-provvista, għall-edukazzjoni u għall-informazzjoni, għall-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp, għall-prinċipji tagħha u għall-Programm t’Azzjoni tagħha, għall-Aġenda tal-Kajr u għall-Obbjettivi għall-Iżvilupp tal-Millenju, partikolarment għall-OIM Nru 5 fuq is-saħħa u l-mortalità materna, m’għandhom ikunu interpretati bħala li jagħtu bażi ġuridika għall-użu ta’ fondi tal-UE biex jiffinanzjaw direttament jew indirettament l-abort.”

16.

Fit‑28 ta’ Frar 2014, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament IĊE, l-organizzaturi ppreżentaw l-IĊE lill-Kummissjoni. Sussegwentement, fid‑9 ta’ April 2014, ġew milqugħa mill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 10(1)(b) tar-Regolament IĊE. Fl‑10 ta’ April 2014, l-organizzaturi ppreżentaw l-IĊE waqt smigħ pubbliku organizzat fil-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 11 tar-Regolament IĊE.

17.

Fit‑28 ta’ Mejju 2014, abbażi tal-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament IĊE, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni dwar l-IĊE inkwistjoni ( 10 ) (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni”), li fiha ħabbret li ma kienet ser tadotta l-ebda proposta skont il-miżuri mitluba mill-IĊE.

18.

Il-kontenut tal-Komunikazzjoni jinsab fil-punti 13 sa 30 tas-sentenza appellata.

IV. Is-sentenza appellata u l-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

19.

Permezz ta’ rikors tal‑25 ta’ Lulju 2014, l-appellanti talbu l-annullament tal-Komunikazzjoni u, sussidjarjament, l-annullament tal-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament IĊE.

20.

Permezz ta’ digriet tas‑26 ta’ Novembru 2015 ( 11 ) il-Qorti Ġenerali laqgħet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà magħmula mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill u ċaħdet it-talba bħala inammissibbli sa fejn hija kienet diretta kontra l-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament IĊE, għar-raġuni li t-talba kienet saret wara l-iskadenza tat-terminu previst fl-Artikolu 263 TFUE.

21.

Għal dak li jirrigwarda l-Komunikazzjoni, ir-rikors qajjem ħames motivi għal annullament. Permezz tal-ewwel motiv tagħhom, l-appellanti allegaw ksur tal-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament IĊE għar-raġuni li l-Kummissjoni kienet naqset tippreżenta proposta għal att ġuridiku bħala tweġiba għall-IĊE. Permezz tat-tieni motiv tagħhom, imqajjem sussidjarjament, l-appellanti allegaw li dak in-nuqqas kien ifisser ksur tal-Artikolu 11(4) TUE. Permezz tat-tielet motiv tagħhom, l-appellanti sostnew li l-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament IĊE kien inkiser għaliex il-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet separatament, fil-Komunikazzjoni, il-konklużjonijiet legali u politiċi tagħha dwar l-IĊE. Ir-raba’ motiv allega li l-Kummissjoni kienet kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni. Bil-ħames motiv tagħhom, l-appellanti sostnew li l-Kummissjoni kienet għamlet għadd ta’ żbalji ta’ evalwazzjoni.

22.

Fis-sentenza tagħha One of Us et vs Il-Kummissjoni (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”) ( 12 ), il-Qorti Ġenerali ddikjarat, l-ewwel nett, li l-azzjoni kienet inammissibbli sa fejn hija kienet ġiet ippreżentata mill-entità magħrufa bħala “Europeans Citizens’ Initiative One of Us”, bla ħsara għall-ammissibbiltà ta’ dik l-azzjoni sa fejn hija kienet ukoll tressqet mis-seba’ persuni fiżiċi li jifformaw l-kumitat taċ-ċittadini tal-IĊE ( 13 ). It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Komunikazzjoni tikkostitwixxi att kontestabbli li kontrih setgħet titressaq azzjoni ta’ annullament ( 14 ). Fl-aħħar nett, hija ma laqgħetx il-ħames motivi għal annullament ippreżentati mill-appellanti u ċaħdet ir-rikors ( 15 ), u kkundannat lill-appellanti għall-ispejjeż tagħhom stess u għall-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni.

23.

Permezz ta’ dan l-appell, l-appellanti jsostnu li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tannulla l-Komunikazzjoni u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-appell u tal-proċedura fl-ewwel istanza.

24.

Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tagħha tal-portata u tat-tifsira tal-Artikolu 11(4) TUE u tar-Regolament IĊE. Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma kkonstatatx li l-Komunikazzjoni ma tistabbilixxix il-konklużjonijiet legali u politiċi tagħha separatament, kif mitlub mir-Regolament IĊE. Permezz tat-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali naqset milli tistħarreġ il-Komunikazzjoni fil-livell korrett ta’ skrutinju, peress li applikat test ta’ stħarriġ limitat, jiġifieri dak tal-iżball manifest. Permezz tar-raba’ aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li, anki jekk il-livell ta’ stħarriġ kien korrett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ma ddeċidietx li r-raġunijiet mogħtija fil-Komunikazzjoni kienu vvizzjati bi żbalji manifesti. Fl-aħħar nett, permezz tal-ħames aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ klassifikazzjoni għal dak li jirrigwarda l-għan tal-IĊE meta qalet li l-għan tagħha ma kienx il-protezzjoni tad-dinjità tal-embrijun bħala esseri uman.

25.

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad dan l-appell u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

26.

Il-partijiet ippreżentaw il-fehmiet tagħhom fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li saret fit‑25 ta’ Marzu 2019.

V. Analiżi

27.

F’dawn il-konklużjonijiet ser nittratta kull wieħed mill-ħames aggravji tal-appell fl-ordni li fih huma ġew ippreżentati mill-appellanti. Fl-ewwel lok, ser ninterpreta l-portata u t-tifisira tal-Artikolu 11(4) TUE u tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament IĊE (A). Fit-tieni lok, ser neżamina l-obbligu tal-Kummissjoni li tistabbilixxi konklużjonijiet legali u politiċi “separatament” (B). Fit-tielet lok, ser ngħaddi għall-kwistjoni tal-livell ta’ stħarriġ ġudizzjarju applikat mill-Qorti Ġenerali (C). Fir-raba’ lok, ser nittratta l-kwistjoni tal-eżistenza ta’ allegati żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (D). Fl-aħħar nett, ser nikkonkludi billi neżamina fil-qosor l-aggravju relatat mal-klassifikazzjoni żbaljata tal-għan tal-IĊE (E).

A.   Fuq l-ewwel aggravju: l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(4) TUE u tar-Regolament IĊE

28.

Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet, fil-punti 118 u 125 tas-sentenza appellata, l-ewwel u t-tieni motiv tagħhom għal annullament, dwar il-portata u t-tifsira tal-Artikolu 11(4) TUE u tar-Regolament IĊE. Permezz tal-ewwel u tat-tieni motiv għal annullament, l-appellanti kienu sostnew quddiem il-Qorti Ġenerali li, meta hija naqset milli tissottometti proposta għal att ġuridiku bħala tweġiba għall-IĊE, il-Komunikazzjoni kisret l-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament IĊE u, sussidjarjament, l-Artikolu 11(4) TUE. Skont l-appellanti, barra mit-tliet sitwazzjonijiet eċċezzjonali, li ma ssemmewx f’dan il-każ, deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tieħu l-ebda azzjoni tikser l-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament IĊE ( 16 ).

29.

L-appellanti jressqu diversi argumenti sabiex isostnu l-ewwel aggravju tagħhom. L-ewwel nett, huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qalet, fil-punt 111 tas-sentenza appellata, li “l-kważi monopolju” ta’ inizjattiva leġiżlattiva mogħti mit-Trattati lill-Kummissjoni “ma huwiex affettwat mid-dritt […] ta’ numru minimu ta’ ċittadini, taħt ċerti kundizzjonijiet, li ‘jitolbu’ lill-Kummissjoni li tippreżenta proposta xierqa”. L-appellanti jsostnu li s-sentenza appellata ma tiħux inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi uniċi tal-IĊE. Dan in-nuqqas jidher fil-punt 113 tas-sentenza appellata fejn il-Qorti Ġenerali ddikjarat li “[l]-intenzjoni tas-setgħa kostituttiva tal-Unjoni li ma tagħtix setgħa ta’ inizjattiva leġiżlattiva lill-mekkaniżmu tal-IĊE hija kkonfermata fil-premessa 1 tar-Regolament Nru 221/2011, li tassimila, essenzjalment, id-dritt mogħti lill-IĊE ma’ dak mogħti lill-Parlament, skont l-Artikolu 225 TFUE, u lill-Kunsill, skont l-Artikolu 241 TFUE. Issa, talba li ġejja mill-Parlament jew mill-Kunsill ma ġġiegħelx lill-Kummissjoni li tissottometti proposta ta’ att ġuridiku […]”.

30.

It-tieni nett, skont l-appellanti, l-Artikolu 17(2) TUE, li jgħid li “atti leġislattivi ta’ l-Unjoni ma jistgħux jiġu adottati ħlief fuq proposta tal-Kummissjoni”, ma jfissirx li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali illimitata għal dak li jirrigwarda l-adozzjoni ta’ proposta dwar IĊE li tkun irnexxiet. L-appellanti jsostnu li s-setgħa diskrezzjonali li għandha l-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħa tagħha ta’ inizjattiva leġiżlattiva għandha tintuża għall-promozzjoni tal-għanijiet ta’ IĊE li tkun irnexxiet. B’analoġija mas-sentenza fil-kawża Il-Kunsill vs Il-Kummissjoni ( 17 ), l-appellanti jsostnu li deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tnedix proċedura leġiżlattiva fil-każ ta’ IĊE li tkun irnexxiet għandha tkun ibbażata fuq motivi li “għandhom ikunu sostnuti bi provi jew b’argumenti konvinċenti”, u li ma jkunux kuntrarji għall-għanijiet tal-IĊE. Skont l-appellanti, l-uniku mezz sabiex jiġi kkontrollat l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali huwa li jinħoloq kriterju ta’ ġustifikazzjoni b’riferiment għal politika ġenerali u għal għanijiet pubbliċi, u s-sentenza appellata naqset milli tindirizza u tiddetermina l-għanijiet ta’ politika pubblika tal-IĊE u r-relazzjoni bejn it-Titolu III TUE u l-Artikolu 24 TFUE, kif jippermetti r-Regolament IĊE.

31.

It-tielet nett, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punt 124 tas-sentenza appellata, meta qalet li l-għan tal-mekkaniżmu IĊE huwa li l-Kummissjoni tkun mistiedna tissottometti proposta ta’ att. Skont l-appellanti, kull persuna tista’ f’kull waqt tistieden lill-Kummissjoni tieħu kull azzjoni proposta, mingħajr il-ħtieġa tal-kundizzjoni li jinġabru miljun firma vverifikata. Huma jsostnu li IĊE ffirmata minn miljun ċittadin skont proċedura formali tqila bi spiża kunsiderevoli għandha tibbenefika minn status distint minn kull stedina li tiġi minn persuna weħidha jew minn lobbisti jew petizzjonanti. L-appellanti jsostnu li l-għan ta’ IĊE huwa li jiġi indirizzat in-nuqqas demokratiku tal-Unjoni Ewropea. Il-piż tal-ispejjeż u d-diffikultajiet involuti fl-organizzazzjoni ta’ IĊE jindikaw żball ta’ liġi fis-sentenza appellata, peress li naqset milli tattribwixxi status ogħla lill-IĊE minn dak ta’ sempliċi stedina. L-appellanti jsostnu, b’mod partikolari, li wara li kienu kisbu kważi żewġ miljun firma, huma ngħataw biss laqgħa bierda ta’ sagħtejn ma’ Kummissarju u smigħ fil-Parlament Ewropew li matulu l-Membri li intervjenew użaw il-parti l-kbira tal-ħin sabiex wieħed jitkellem billi qagħdu jippriedkaw milli jisimgħu. Skont l-appellanti, dan ma setax kien l-għan li l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni jagħti lill-IĊE. Fil-fehma tal-appellanti, is-sentenza appellata tibdel l-IĊE f’wegħda falza.

32.

Fil-punti li jmiss ser nispjega għaliex naħseb li l-ewwel aggravju huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 11(4) TUE u tar-Regolament IĊE. Il-proposti tal-appellanti dwar dan la ma huma sostnuti mill-formulazzjoni u mill-oriġini tad-dispożizzjonijiet rilevanti (a); la minn eżami sistematiku u kuntestwali tal-mekkaniżmu tal-IĊE fil-proċess deċiżjonali interistituzzjonali (b), u lanqas mill-għanijiet u mill-iskopijiet (identifikati b’mod korrett) tal-IĊE (c). Għaldaqstant, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

a) Il-formulazzjoni u l-oriġini tal-Artikolu 11(4) TUE u tar-Regolament IĊE

33.

L-appellanti jikkontestaw il-klassifikazzjoni tal-mekkaniżmu tal-IĊE fil-punt 124 tas-sentenza appellata bħala “stedina” lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta proposta ta’ att. F’dak il-punt, il-Qorti Ġenerali qalet li l-għan tal-mekkaniżmu tal-IĊE huwa “li jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-attribuzzjonijiet tagħha, li tissottometti proposta ta’ att”.

34.

Madankollu, fuq livell purament testwali, din id-dikjarazzjoni tirrifletti fedelment il-kliem tad-definizzjoni kostituzzjonali tal-IĊE skont il-liġi primarja tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 11(4) TUE, grupp ta’ ċittadini ta’ mhux inqas minn miljun jista’ jieħu l-inizjattiva li jistieden lill-Kummissjoni tissottometti kull proposta xierqa.

35.

Għalhekk, huwa ċar li l-kliem “jistgħu jieħdu l-inizjattiva” tal-Artikolu 11(4) TUE ma jirreferi għal ebda “obbligu ta’ preżentata”. L-istess jgħodd għall-verżjonijiet lingwistiċi oħra. Anki jekk dawn jużaw formulazzjonijiet iktar imperattivi, fis-sens ta’ “jitolbu” jew “iħeġġu”, xorta waħda ma jistgħux jinftehmu, fit-tifsira naturali tal-kliem, bħala li jagħtu ordni lill-Kummissjoni ( 18 ).

36.

Ċertament, il-kuntest ta’ test huwa importanti. Dan huwa speċjalment il-każ meta wieħed isib li jkun hemm nuqqas ta’ ċarezza testwali jew kliem ambigwu, fejn, skont il-kuntest, “stedina” tista’ tkun tfisser kollox, minn suġġeriment purament fakultattiv, ippreżentat għall-informazzjoni tal-persuna li lilha l-komunikazzjoni tkun indirizzata, sa saħansitra ordni moħbija, iżda fuq livell prattiku, ċara ( 19 ).

37.

Madankollu, din ix-xorta ta’ analiżi li dipendenti minn kuntest bilkemm hija rilevanti hawnhekk. L-ewwel nett, sakemm il-kuntest u l-għan għandhom jitħallew imorru lil hinn mit-tifsira naturali tal-kliem, “stedina” hija għażla: “seta’”, mhux “kellu”. Hija tagħti lok għal possibbiltà jew opportunità, iżda ma timponix obbligu li wieħed għandu jaġixxi. It-tieni nett, fi kwalunkwe każ ma hemm xejn li jistona bejn it-test, minn naħa, u l-kuntest u l-iskop, min-naħa l-oħra, f’dan il-każ. Il-kuntest u l-iskop tad-dispożizzjonijiet rilevanti fir-rigward kemm tal-liġi primarja kif ukoll ta’ dik sekondarja jikkonfermaw, iktar milli jikkontradixxu, li IĊE, bħala “inizjattiva ta’ stedina”, ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tinvolvi ordni li timponi fuq il-Kummissjoni obbligu li tikkonforma ma’ tali stedina.

38.

Il-ġenesi tal-Artikolu 11(4) TUE jikkonferma din l-interpretazzjoni. L-oriġini ta’ din id-dispożizzjoni tmur lura għall-Artikolu 46(4) tal-abbozz tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa ( 20 ). Ir-ratio legis ta’ din id-dispożizzjoni ma tirriżultax mil-ewwel mit-travaux préparatoires, peress li l-IĊE ma kinitx diskussa fil-kuntest tal-gruppi ta’ ħidma speċifiċi tal-Konvenzjoni dwar il-Futur tal-Ewropa. Hija daħlet fid-diskussjonijiet fi stadju iktar tard b’mod pjuttost uniku ( 21 ).

39.

Madankollu, mill-provi dokumentati disponibbli, jidher li, għad-differenza ta’ emendi oħra li kienu relatati ma’ strumenti ta’ demokrazija diretta u li kienu intiżi li jimponu obbligi ċari fuq il-Kummissjoni ( 22 ), l-emenda li eventwalment saret l-Artikolu 46(4) tal-abbozz tat-Trattat Kostituzzjonali kienet maħsuba bħala mekkaniżmu sabiex jiġu ppreżentati inizjattivi lill-Kummissjoni, iżda mingħajr ma timponi ebda obbligu fuq il-Kummissjoni li ssegwihom ( 23 ).

40.

Il-formulazzjoni leġiżlattiva ulterjuri tal-IĊE, magħmula skont l-Artikolu 24 TFUE fil-forma tar-Regolament IĊE, tibqa’ konformi ma’ dan l-approċċ. L-Artikolu 2(1) tar-Regolament IĊE jiddefinixxi “inizjattiva taċ-ċittadini” bħala “inizjattiva […], li tistieden lill-Kummissjoni […], biex tippreżenta kwalunkwe proposta adatta […]”. Għaldaqstant l-Artikolu 10(1)(c) jipprovdi li, bħala tweġiba għal IĊE li tkun irnexxiet, il-Kummissjoni hija obbligata tistabbilixxi f’komunikazzjoni l-azzjoni li tkun biħsiebha tieħu, jekk ser tieħu, kif ukoll ir-raġunijiet tagħha għalfejn biħsiebha tieħu jew ma tiħux dik l-azzjoni. Dan huwa ċċarat iktar bis-sentenza fil-premessa 20, introdotta wara emenda tal-Parlament ( 24 ), li tgħid li l-Kummissjoni għandha “tagħti r-raġunijiet tagħha jekk ma tkun biħsiebha tieħu l-ebda azzjoni”.

41.

Barra minn hekk, it-travaux préparatoires tar-Regolament IĊE jippreċiżaw b’mod espliċitu li dan huwa bbażat fuq mudell li ma jagħtix karattru vinkolanti lil IĊE li jkunu rnexxew, u jżomm il-“kważi monopolju” ta’ inizjattiva leġiżlattiva tal-Kummissjoni ( 25 ). Ir-rapport tal-Parlament Ewropew jista’ jiġi ċċitat bħala konferma partikolarment rilevanti ta’ din il-proposta. Ir-rapporteurs enfasizzaw li, “[s]abiex jiġu evitati d-diżappunt u l-frustrazzjoni (li jafu jkunu l-konsegwenza diretta tal-aspettattivi għoljin mistennija minn Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej)”, li “mhux l-Inizjattivi kollha ta’ suċċess jafu jispiċċaw bil-Kummissjoni li tressaq proposta leġiżlattiva. Verament, il-monopolju tal-Kummissjoni tal-inizjattivi leġiżlattivi isaltan u, fl-aħħar, hija se tkun dik li tiddeċiedi dwar is-segwitu li jrid isir għall-Inizjattivi taċ-Ċittadini b’suċċess.” ( 26 )

42.

Fil-qosor, il-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet fir-rigward kemm tal-liġi primarja u ta’ dik sekondarja, kif ukoll il-ġenesi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, jindikaw b’mod ċar li l-IĊE la kienet maħsuba u lanqas abbozzata b’tali mod li timponi obbligu fuq il-Kummissjoni li tadotta l-proposta mitluba. L-istess jirriżulta mill-kuntest sistemiku u istituzzjonali li fih tinsab l-IĊE, li issa ser ngħaddi għalih.

b) Il-kuntest sistemiku u istituzzjonali tal-IĊE

43.

Il-fatt li IĊE li tkun irnexxiet ma torbotx lill-Kummissjoni jirriżulta wkoll minn żewġ tipi ta’ argumenti sistemiċi: l-ewwel, dawk relatati mas-sistema tal-IĊE kif stabbilita mir-Regolament IĊE, u t-tieni, dawk relatati mas-sistema usa’ tal-liġi primarja, li tirrifletti l-integrazzjoni xierqa tal-IĊE fil-kuntest ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet interistituzzjonali.

44.

Għal dak li jirrigwarda s-sistema tar-Regolament IĊE, it-tifsila leġiżlattiva tal-IĊE tistrieħ fuq il-karattru mhux vinkolanti ta’ IĊE li tkun irnexxiet fir-rigward tal-Kummissjoni. L-ewwel nett, l-eżistenza biss tal-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament IĊE, li jgħid li d-dmir tal-Kummissjoni huwa li tieħu pożizzjoni, iżda mhux neċessarjament li ssegwi l-proposta jew proposti magħmula minn IĊE, hija fiha nnifisha indikazzjoni pjuttost ċara ta’ dan. It-tieni nett, il-karattru mhux vinkolanti ta’ IĊE li tkun irnexxiet hija wkoll fil-qalba tar-relazzjoni strutturali bejn din id-dispożizzjoni u l-Artikolu 4 tar-Regolament IĊE. Tabilħaqq, kieku IĊE li tkun irnexxiet kellha karattru vinkolanti, kien ikun dubjuż jekk il-leġiżlatura kinitx tant liberali f’dak li għandu x’jaqsam mal-kundizzjonijiet ta’ reġistrazzjoni li bħalissa jinsabu fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament IĊE. Dan l-artikolu jimponi fuq il-Kummissjoni obbligu li tirreġistra IĊE sakemm ma jkunx hemm raġunijiet “ċari” sabiex ma tagħmilx hekk, li jista’ jingħad li jammonta għal xi xorta ta’ approċċ ta’ “in dubio pro reġistrazzjoni” ( 27 ).

45.

Dwar il-kwistjoni usa’ tal-integrazzjoni tal-IĊE fis-sistema tal-liġi primarja tal-Unjoni, il-Qorti Ġenerali għamlet din l-analiżi sistematika fil-punti 107 sa 113 tas-sentenza appellata. L-appellanti essenzjalment ma jaqblux mal-konklużjonijiet li hemm fil-punt 111 ta’ dik is-sentenza, jiġifieri li l-“kważi monopolju” tal-inizjattiva leġiżlattiva tal-Kummissjoni ma huwiex affettwat mill-IĊE. L-appellanti huma tal-fehma li IĊE li tkun irnexxiet taffettwa s-setgħa ta’ inizjattiva tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tista’ tuża biss is-setgħa diskrezzjonali tagħha sabiex tippromwovi l-għanijiet tal-IĊE u tista’ biss tirrifjuta li ssegwi l-proposti tal-IĊE jekk tali rifjut ikun iġġustifikat bi provi jew argumenti konvinċenti, li ma jkunux kuntrarji għall-għanijiet tal-IĊE. L-appellanti jsostnu l-approċċ tagħhom billi jagħmlu riferiment b’analoġija għas-sentenza fil-kawża Il-Kunsill vs Il-Kummissjoni ( 28 ).

46.

L-ewwel nett, sabiex jiġu indirizzati u finalment irrifjutati dawn l-argumenti jeħtieġ nibdew mis-setgħa ta’ inizjattiva tal-Kummissjoni. Din is-setgħa, mogħtija lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 17(2) TUE u l-Artikolu 289 TFUE, hija espressjoni tal-prinċipju ta’ bilanċ istituzzjonali ( 29 ). Dan il-bilanċ istituzzjonali huwa speċifiku u partikolari għall-Unjoni Ewropea. Il-“kważi monopolju” tas-setgħa ta’ inizjattiva tal-Kummissjoni, li juri differenza importanti bejn il-proċess leġiżlattiv tal-Unjoni u dak tal-Istati nazzjonali, huwa msejjes fuq l-ispeċifiċità tal-arkitettura istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea bħala kumpless ta’ Stati u popli, u huwa komponent kruċjali “tal-metodu komunitarju” ( 30 ). Storikament, dan il-“kważi monopolju” kien spjegat mill-ħtieġa li tingħata s-setgħa ta’ inizjattiva lil awtorità indipendenti li tkun kapaċi tidentifika l-interess ġenerali Ewropew u li ma taqax għal aġendi nazzjonali jew fazzjonijiet politiċi maqsuma bħal dibattiti politiċi nazzjonali; in-nuqqas ta’ ugwaljanza fil-piż tal-Istati Membri differenti fil-Parlament Ewropew; jew il-ħtieġa li wieħed joqgħod fuq il-kapaċità teknika ta’ amministrazzjoni supranazzjonali (u plurinazzjonali) speċjalizzata mogħnija b’mezzi xierqa ( 31 ).

47.

Mingħajr ma nixtieq nidħol f’ebda analiżi ta’ kemm huma (dejjem) f’lokhom jew le raġunijiet bħal dawn, dak li jgħodd fl-opinjoni (legali) tiegħi huwa l-fatt li, fuq il-livell tad-dritt pożittiv, huwa ċar li l-Kummissjoni ngħatat, ħlief għal xi eċċezzjonijiet, is-setgħa ta’ inizjattiva. Il-Parlament u l-Kunsill tradizzjonalment jaġixxu bħala “koleġiżlaturi”, iżda għandhom biss is-setgħa, fl-istadju ta’ “inizjazzjoni” tal-proċedura leġiżlattiva, li jitolbu lill-Kummissjoni tippreżenta proposti xierqa, skont l-Artikolu 225 TFUE u l-Artikolu 241 TFUE rispettivament.

48.

Mill-aspett tal-iskop materjali tagħha, is-setgħa ta’ inizjattiva tal-Kummissjoni, kif interpretata mill-ġurisprudenza, tinkludi d-deċiżjoni jekk tiġix sottomessa jew le proposta ta’ att leġiżlattiv, kif ukoll sabiex jiġi stabbilit is-suġġett, l-għan u l-kontenut ta’ kull proposta bħal din, f’konformità mad-dmir li jiġi segwit l-interess ġenerali skont l-Artikolu 17(1) TUE ( 32 ). Huwa minnu li l-ġurisprudenza tipprevedi l-possibbiltà li l-Kummissjoni tista’ tkun obbligata skont il-liġi tal-Unjoni tissottometti proposta f’ċirkustanzi speċifiċi ( 33 ). Madankollu, kif il-Kummissjoni sewwa nnotat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, din l-eċċezzjoni tirreferi għal każijiet fejn it-Trattati jobbligaw lill-istituzzjonijiet jagħmlu użu mis-setgħat tagħhom sabiex jilleġiżlaw ( 34 ). Tabilħaqq, bħala prinċipju, ma jistax jiġi eskluż li IĊE tista’ tkun dwar qasam fejn ikun hemm obbligu li tiġi adottata proposta sabiex jitħares il-mandat tat-Trattati. Madankollu, jekk tinqala’ din iċ-ċirkustanza, ikun dak il-mandat li finalment jifforma l-bażi tal-obbligu li tittieħed azzjoni, u mhux il-fatt li l-inizjattiva sabiex tiġi adottata proposta bħal dik ikun jirriżulta minn IĊE li tkun irnexxiet.

49.

Dawn il-karatteristiċi essenzjali tas-setgħa ta’ inizjattiva, li jinkludu l-għażla li tiġi ppreżentata proposta, l-għan tagħha u l-kontenut tagħha, huma elementi fundamentali tas-sistema ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Unjoni. Huma s-sisien tal-indipendenza tal-Kummissjoni u tal-mandat tagħha sabiex issegwi l-interess ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

50.

L-interpretazzjoni rrakkomandata mill-appellanti toħloq kunflitt mal-mandat tal-Kummissjoni, stabbilit fl-Artikolu 17(1) TUE, sabiex tippromwovi l-interess ġenerali tal-Unjoni Ewropea u tieħu l-inizjattivi xierqa għal dak l-għan. Din tkun timplika wkoll li l-Kummissjoni ma tkunx obbligata taġixxi b’indipendenza sħiħa fl-eżerċizzju tas-setgħa ta’ inizjattiva tagħha, skont l-Artikolu 17(3) TUE. Iż-żewġ dispożizzjonijiet jiddefinixxu l-mod li bih il-Kummissjoni għandha teżerċita s-setgħa ta’ inizjattiva tagħha ( 35 ).

51.

Tabilħaqq, jekk IĊE li tkun irċeviet l-appoġġ ta’ iktar minn miljun ċittadin tkun timponi fuq il-Kummissjoni obbligu li tippreżenta inizjattiva, il-Kummissjoni effettivament tkun imġiegħla ssegwi l-istruzzjonijiet ta’ għadd (potenzjalment kbir, iżda li n-numru totali tagħhom x’aktarx ikun pjuttost limitat) ta’ ċittadini tal-Unjoni. Dan mhux biss jikkontradixxi l-mandat tal-Artikolu 17(3) TUE sabiex tittieħed azzjoni b’indipendenza sħiħa, iżda jkun ifisser ukoll li l-Kummissjoni ma tkunx tista’ twettaq b’imparzjalità sħiħa l-evalwazzjoni tagħha stess sabiex tħares l-interess ġenerali, skont l-Artikolu 17(1) TUE. Ma hemmx dubju li dan l-aħħar obbligu jimplika wkoll li jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi oġġettivi u evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura teknika, kif ukoll l-interessi u l-kontribut ta’ ċittadini oħra u partijiet interessati, li jistgħu jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar l-għażliet ta’ politika previsti minn inizjattivi futuri bħala parti integrali mill-eżerċizzju tad-drittijiet demokratiċi tagħhom ( 36 ).

52.

Is-setgħa ta’ inizjattiva mogħtija lill-Kummissjoni tinkludi l-possibbiltà li dik l-istituzzjoni tidħol f’konsultazzjoni minn qabel u tiġbor l-informazzjoni kollha meħtieġa ( 37 ), li tista’ tinvolvi li jittieħdu inkunsiderazzjoni interessi u informazzjoni li jsostnu għażliet diverġenti mill-għanijiet segwiti minn IĊE partikolari li tkun irnexxiet. Il-multipliċità ta’ partijiet u kunsiderazzjonijiet li jistgħu jinfluwenzaw il-proċess deċiżjonali tal-Unjoni permezz tal-abbozzar ta’ proposti ma tistax titnaqqas u tkun limitata għall-IĊE bħala l-uniku mekkaniżmu demokratiku li jgħin il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini, kif jirriżulta b’mod ċar mill-Artikolu 11 TUE. Tabilħaqq, dan l-artikolu mhux biss jipprevedi l-IĊE, iżda jagħti wkoll mandat lill-istituzzjonijiet sabiex ċittadini u assoċjazzjonijiet rappreżentattivi jesprimu l-fehmiet tagħhom (paragrafu 1) u jżommu djalogu miftuħ, trasparenti u regolari ma’ assoċjazzjonijiet rappreżentattivi u mas-soċjetà ċivili (paragrafu 2), u sabiex il-Kummissjoni tagħmel konsultazzjonijiet wisgħin sabiex tiżgura li l-azzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jkunu koerenti u trasparenti (paragrafu 3).

53.

Għandu jiġi enfasizzat li ma jistax jiġi dedott mill-Artikolu 11(4) TUE jew mir-Regolament IĊE li l-Kummissjoni għandha tippromwovi l-għanijiet ta’ IĊE li tkun irnexxiet. Fid-dawl tal-partikolaritajiet tas-sistema istituzzjonali u deċiżjonali tal-Unjoni Ewropea u l-qafas kostituzzjonali attwali, dan ikolli l-effett li jfixkel il-kapaċità tal-Kummissjoni li twettaq b’mod konsistenti s-setgħa ta’ inizjattiva tagħha fil-qafas tal-programm leġiżlattiv tagħha. Tabilħaqq, kieku l-Kummissjoni kienet obbligata tagħti segwitu għal kull IĊE li tkun irnexxiet, ma jkunux jistgħu jiġu esklużi sitwazzjonijiet pjuttost irregolari, li fihom il-Kummissjoni tkun obbligata tissottometti proposti kunfliġġenti li jirriżultaw minn IĊE li jagħtu appoġġ lil fehmiet opposti, diverġenti jew li jikkoinċidu ( 38 ).

54.

Barra minn hekk, wieħed ma jistax ma jitħassibx dwar kif dan kollu, anki jekk possibbli bħala prinċipju, jaħdem fuq livell prattiku. Fis-seduta, l-appellanti sostnew li minkejja l-oppożizzjoni (potenzjalment politika) tal-Kummissjoni għal IĊE li tkun irnexxiet, din l-istituzzjoni għandha tabbozza l-proposta korrispondenti u tippreżentaha għal dibattitu parlamentari. Il-Kummissjoni tkun imbagħad obbligata tabbozza kull IĊE li tkun irnexxiet, inklużi IĊE b’suġġetti li jikkoinċidu iżda b’kontenut diverġenti? Il-Kummissjoni tkun marbuta mhux biss li tippreżenta proposta, iżda wkoll li tadotta approċċ speċifiku u li tinkludi l-elementi kollha tal-IĊE? Il-Kummissjoni tinbidel f’xorta ta’ “segretarjat għall-IĊE”? Kif u skont liema kriterji għandha tiġi evalwata l-“konformità” ta’ proposta tal-Kummissjoni mal-mandat tal-IĊE, peress li x’aktarx il-mandat sikwit ikun espress f’livell astratt relattivament għoli, bħala politika li tippermetti għadd ta’ għażliet leġiżlattivi oħra?

55.

Fit-tieni lok, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom, skont l-Artikolu 225 u l-Artikolu 241 TFUE, rispettivament, is-setgħa li jitolbu lill-Kummissjoni tissottometti kull proposta xierqa u jimponu fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tagħti raġunijiet jekk ma tissottomettix tali proposta. Huwa minnu li l-espressjoni “jistgħu jieħdu l-inizjattiva li jitolbu [jistiednu]” tal-Artikolu 11(4) TUE hija differenti mill-kelma “jitlob” użata fl-Artikoli 225 u 241 TFUE. Madankollu, minkejja n-nuqqas ta’ kliem identiku u l-possibbiltajiet ta’ interpretazzjoni li dan joħloq, ir-Regolament IĊE jesprimi, fl-ewwel premessa tiegħu, l-intenzjoni tal-leġiżlatura li tqiegħed l-IĊE fuq l-istess livell mal-Kunsill u l-Parlament billi tagħti liċ-ċittadini tal-Unjoni dritt simili għad-dritt mogħti lil dawn l-istituzzjonijiet.

56.

L-interpretazzjoni ssuġġerita mill-appellanti tħarbat dan il-bilanċ. Dan ikun ifisser li IĊE sostnut minn grupp ta’ iktar minn miljun ċittadin ikollha setgħa ta’ inizjattiva li tkun teċċedi dik tal-Parlament Ewropew elett direttament b’mod demokratiku, kif ukoll dik tal-Kunsill, leġittimizzat b’mod demokratiku għalkemm indirettament. Fil-prattika, frazzjoni (li ssemmi leħinha) ta’ ċittadini Ewropej tkun qiegħda tingħata iktar saħħa miż-żewġ istituzzjonijiet tal-Unjoni li huma direttament u indirettament leġittimizzati minn (potenzjalment) iċ-ċittadini Ewropej kollha.

57.

F’dan l-istadju, jeħtieġ li tingħad kelma ta’ kjarifika dwar kemm jinxtiebhu d-drittijiet ta’ inizjattiva tal-Parlament u tal-Kunsill, minn naħa, u dawk tal-IĊE, min-naħa l-oħra. F’digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar talba għal intervent f’kawża bejn Stat Membru u l-Kummissjoni, imressqa mill-kumitat taċ-ċittadini ta’ IĊE, ġie deċiż li IĊE proposta ma tstax tkun ittrattata bl-istess mod bħal proposti għall-adozzjoni ta’ atti legali mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li huma l-mira tad-dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-istituzzjonijiet li jinsabu fil-Kapitolu 1 tat-Titolu I tas-Sitt Parti tat-Trattat FUE u huma rregolati, għall-finijiet tal-adozzjoni tagħhom, mir-regoli tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja stabbilita fil-Kapitolu 2 ta’ dak it-Titolu I ( 39 ).

58.

Din id-dikjarazzjoni għandha tinqara u tinftiehem fil-kuntest eżatt tagħha. Hija kienet dwar l-interpretazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li li jgħid li persuni fiżiċi jew ġuridiċi ma għandhomx jintervjenu f’kawżi bejn Stati Membri u istituzzjonijiet tal-Unjoni. In-nuqqas ta’ xebh bejn id-drittijiet proċedurali li għandha IĊE u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni f’kawżi ta’ natura “kostituzzjonali” quddiem il-qrati tal-Unjoni huwa pjuttost kwistjoni differenti mill-funzjoni kostituzzjonali sistemika ġenerali tad-drittijiet rispettivi tagħhom ta’ inizjattiva. Fi kliem ieħor, il-fatt li, bl-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, japplikaw regoli differenti dwar locus standi u intervent għal tipi differenti ta’ entitajiet, bilkemm jista’ jingħad li hija dikjarazzjoni kostituzzjonali ġenerali dwar l-inkomparabbiltà tad-drittijiet tagħhom ta’ inizjattiva bħala tali.

59.

Fl-aħħar nett, sabiex isostnu l-argumenti tagħhom, l-appellanti jirreferu wkoll b’analoġija għas-sentenza fil-kawża Il-Kunsill vs Il-Kummissjoni ( 40 ). Huma jsostnu li nuqqas li titnieda proposta leġiżlattiva wara IĊE li tkun irnexxiet jista’ jkun iġġustifikat biss bi provi jew argumenti konvinċenti, li ma jkunux kuntrarji għall-għan tal-IĊE.

60.

Fil-kawża Il-Kunsill vs Il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li s-setgħa tal-Kummissjoni li tirtira proposta li tkun diġà ġiet ippreżentata u introdotta formalment fil-proċess leġiżlattiv ma tistax “tagħti lil din l-istituzzjoni dritt ta’ veto fl-iżvolġiment tal-proċess leġiżlattiv, li jkun kuntrarju għall-prinċipji ta’ attribuzzjoni ta’ kompetenzi u tal-bilanċ istituzzjonali”. Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet tgħid ukoll li “jekk il-Kummissjoni, wara li tkun ippreżentat proposta fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, tiddeċiedi li tirtira din il-proposta, hija għandha tesponi lill-Parlament u lill-Kunsill il-motivi ta’ dan l-irtirar, li, f’każ ta’ kontestazzjoni, għandhom ikunu sostnuti minn argumenti konvinċenti” ( 41 ).

61.

Għalhekk, għal dak li jirrigwarda l-fatti, il-kawża Il-Kunsill vs Il-Kummissjoni kienet dwar sitwazzjoni li fiha l-Kummissjoni talbet li tirtira proposta leġiżlattiva wara li hija stess kienet nediet il-proċess deċiżjonali. Ma nistax nifhem kif tista’ ssir xi analoġija ma’ dik il-kawża għall-finijiet ta’ din tal-lum, li hija dwar kwistjoni differenti u partijiet differenti. Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar IĊE li tkun irnexxiet, li tiġi qabel l-adozzjoni ta’ proposta tal-Kummissjoni u l-bidu tal-proċess leġiżlattiv hija, b’mod tassew loġiku, differenti mis-sitwazzjoni fejn il-Kummissjoni stess tkun diġà adottat proposta u bdiet il-proċedura deċiżjonali f’istituzzjonijiet oħra.

62.

Dawn il-kunsiderazzjonijiet jikkonfermaw, fl-opinjoni tiegħi, li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddikjarat, fil-punt 124 tas-sentenza appellata, li l-għan tal-mekkaniżmu tal-IĊE huwa li l-Kummissjoni tkun mistiedna, fil-qafas tas-setgħat tagħha, sabiex tissottometti proposta ta’ att, filwaqt li l-Kummissjoni titħalla jkollha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha ta’ inizjattiva leġiżlattiva. Il-Qorti Ġenerali lanqas ma wettqet żball meta, fil-punt 111 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li d-dritt tal-Kummissjoni ta’ inizjattiva leġiżlattiva ma kienx ġie affettwat bl-introduzzjoni tal-IĊE.

c) L-għan u l-iskop tal-IĊE

63.

L-appellanti jargumentaw ukoll li l-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata twassal sabiex l-IĊE ssir kliem fieragħ u ma jkollha ebda valur miżjud. L-appellanti effettivament jissuġġerixxu li jekk l-interpretazzjonijiet tagħhom tal-Artikolu 11(4) TUE u tar-Regolament IĊE ma jintlaqgħux (fi kliem ieħor, jekk jiġi kkonfermat li, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, IĊE li tkun irnexxiet ma timponix fuq il-Kummissjoni obbligu li tippreżenta proposta ta’ att ġuridiku), allura l-mekkaniżmu tal-IĊE jiġi mċaħħad minn kull effett utli.

64.

Jekk wieħed jassumi li dan l-argument ma huwiex sempliċi estensjoni tal-argument preċedenti magħmul mill-appellanti, li tressaq mill-ġdid f’livell astratt ogħla, dan l-argument jonqos ukoll milli jikkonvinċi, għal raġuni pjuttost sempliċi: ebda għan bħal dan kif issuġġerit mill-appellanti qatt ma ntqal li jeżisti. Dak li allegatament jiġi ppreġudikat huwa, pjuttost, l-għan li l-appellanti jixtiequ li l-IĊE ssegwi, u mhux dak li, oġġettivament, kienet twaqqfet sabiex issegwi. Ngħiduha kif inhi, qiegħed jiġi ssuġġerit li ssir tranżizzjoni teleoloġika, billi wieħed jisħaq li l-effett utli ta’ fenek jitnaqqas jekk ma jiġix interpretat bħala ħamiema. Iżda, sakemm ġenwinament ma tintużax xi għamla ta’ maġija, u l-udjenza jirnexxielha tasal sabiex temmen li l-għan u l-iskop li wieħed iħares lejn fenek huwa li jara ħamiema, fenek jibqa’ fenek.

65.

L-għan li l-leġiżlatur (dak iż-żmien) kellu f’moħħu meta introduċa l-IĊE diġà ġie deskritt fil-qosor iktar ’il fuq ( 42 ). Anki jekk wieħed jassumi li huwa possibbli li testi kostituzzjonali u tad-dritt sekondarju relattivament ġodda jissostitwixxu r-rieda oriġinali tal-leġiżlatur bir-rieda kontemporanja (differenti u ġdida), xorta jibqa’ l-fatt li ma nistax nifhem għaliex l-għan tal-IĊE għandu jkun b’xi mod differenti llum.

66.

Sabiex jiġi evalwat l-għan tal-IĊE, għandu tingħata importanza lill-għanijiet usa’ tal-IĊE, kif jirriżulta mis-sistema tad-dritt primarju issa fis-seħħ.

67.

L-introduzzjoni tal-IĊE fit-Trattat ta’ Lisbona tqanqlet mid-dibattiti dwar il-Konvenzjoni għall-Futur tal-Ewropa u tagħmel parti minn tentattiv usa’ sabiex jiġi stabbilit il-prinċipju demokratiku, valur bażiku skont l-Artikolu 2 TUE, li huwa l-qofol tas-sistema istituzzjonali tal-Unjoni. It-Titolu II TUE, li jiġi qabel id-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-istituzzjonijiet tal-Unjoni koperti bit-Titolu III TUE, huwa ddedikat għal “dispożizzjonijiet dwar il-prinċipji demokratiċi”, li fosthom hemm l-Artikolu 11(4) TUE, il-pedament tal-IĊE.

68.

F’dan il-kuntest ġenerali, l-Artikolu 11(4) TUE jagħmel parti mis-sistema demokratika usa’ tal-Unjoni Ewropea, li tagħha huwa jikkostitwixxi wieħed mill-komponenti importanti. Skont l-Artikolu 10(1) TUE, il-funzjonament tal-Unjoni huwa bbażat fuq il-prinċipju ta’ demokrazija rappreżentattiva, biċ-ċittadini jkunu rappreżentati direttament fil-livell tal-Unjoni fil-Parlament Ewropew, kif jingħad fl-Artikolu 10(2) TUE.

69.

Din il-viżjoni ta’ demokrazija rappreżentattiva hija mbagħad ikkompletata u msaħħa, fid-dritt primarju, bil-ħolqien ta’ mezzi għal demokrazija parteċipattiva u deliberattiva permezz tal-Artikolu 10(3) TUE, u tal-Artikolu 11, li jistabbilixxi l-IĊE. B’mod partikolari, kif diġà jingħad fil-ġurisprudenza, l-IĊE tikkostitwixxi strument ta’ demokrazija parteċipattiva marbut mad-dritt ta’ parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika tal-Unjoni, li huwa rrikonoxxut fl-Artikolu 10(3) TUE ( 43 ).

70.

Bl-istess mod, fil-livell tad-dritt sekondarju, kif stabbilit fl-ewwel u fit-tieni premessa tar-Regolament IĊE, l-għan ta’ dan ir-regolament huwa li ċ-ċittadini jitħeġġu jipparteċipaw u li l-Unjoni Ewropea ssir iktar aċċessibbli għaċ-ċittadini tagħha ( 44 ).

71.

Madankollu, l-għan tal-IĊE li titrawwem il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess demokratiku u li jkun hemm il-promozzjoni tad-djalogu bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jimplikax li nitbiegħdu mill-elementi li diġà jeżistu li jsawru l-bilanċ istituzzjonali tal-proċess leġiżlattiv, u lanqas ma jfisser li jiġi abbandunat il-monopolju leġiżlattiv tal-Kummissjoni. It-tisħiħ u t-tħeġġiġ għal parteċipazzjoni fl-istrutturi demokratiċi eżistenti ma humiex l-istess bħal meta jinqabżu jew jinbidlu dawn l-istrutturi.

72.

Għalhekk, jidher li l-iskop ġenwin tal-mekkaniżmu tal-IĊE huwa pjuttost differenti minn dak issuġġerit mill-appellanti. Huwa biss wara li jkun ġie identifikat il-qafas kostituzzjonali u istituzzjonali korrett li l-“valur miżjud” u/jew l-effett utli tal-IĊE jistgħu jiġu evalwati sewwa.

73.

Jekk jiġi evalwat b’mod xieraq, il-mekkaniżmu tal-IĊE għadu ’l bogħod ħafna milli jkollu ebda impatt. Konformement mal-mandat tal-Artikolu 24 TFUE, ir-Regolament IĊE jartikola d-dritt ta’ iktar minn miljun ċittadin li jistiednu lill-Kummissjoni tadotta proposta ta’ att ġuridiku permezz ta’ sensiela ta’ dispożizzjonijiet li jinkludu obbligi konkreti u ddettaljati, b’mod partikolari għall-Kummissjoni, li jmorru lil hinn minn kull linja ta’ interazzjoni diġà eżistenti bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Għalhekk, il-valur miżjud tal-IĊE jinsab f’mill-inqas erba’ livelli distinti: (i) il-promozzjoni ta’ dibattitu pubbliku; (ii) prominenza aħjar ta’ ċerti suġġetti jew tħassib; (iii) aċċess ipprivileġġat għal istituzzjonijiet tal-Unjoni, sabiex dak it-tħassib ikun jista’ jiġi ppreżentat b’mod qawwi; u (iv) id-dritt għal tweġiba istituzzjonali motivata li tiffaċilita l-iskrutinju pubbliku u politiku.

74.

L-ewwel nett, l-IĊE tistabbilixxi mezz permanenti u uffiċjali għaċ-ċittadini sabiex jorganizzaw lilhom innifishom dwar kwistjoni partikolari. Toffrilhom mezz li bih huma jkunu jistgħu jniedu u jagħmlu pubblika inizjattiva u jiġbru appoġġ għal dik l-inizjattiva mingħand ċittadini oħra fi Stati Membri differenti. B’dan il-mod, hija sservi bħala mezz sabiex tgħaqqad flimkien kwistjonijiet ta’ interess komuni bejn iċ-ċittadini ta’ diversi Stati Membri, u sabiex jissaħħaħ iktar il-qasam pubbliku tal-Unjoni. It-tieni nett, ir-Regolament IĊE jiżgura wkoll it-trasparenza u l-viżibbiltà ta’ IĊE li tkun irnexxiet billi jagħmel obbligatorja l-pubblikazzjoni tagħha mingħajr dewmien fir-reġistru, skont l-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament IĊE. It-tielet nett, l-IĊE tagħti aċċess għall-istituzzjoni responsabbli sabiex jingħata bidu għall-proċess leġiżlattiv, jiġifieri l-Kummissjoni. L-Artikolu 10(1)(b) tar-Regolament IĊE jistabbilixxi li malli l-Kummissjoni taslilha inizjattiva taċ-ċittadini skont l-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament, hija tkun obbligata tilqa’ l-organizzaturi “f’livell xieraq” sabiex ikunu jistgħu jispjegaw l-IĊE fid-dettall. Skont l-Artikolu 11 tar-Regolament IĊE, l-organizzaturi ta’ IĊE jingħataw il-possibbiltà jippreżentawha waqt smigħ pubbliku fil-Parlament. Ir-raba’ nett, l-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament IĊE jimponi fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tistabbilixxi f’komunikazzjoni l-konklużjonijiet legali u politiċi tagħha dwar l-IĊE, l-azzjoni li tkun biħsiebha tieħu (jekk tkun ser tieħu), u l-motivazzjoni għall-pożizzjoni tagħha. Din il-komunikazzjoni għandha, skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament IĊE, tiġi nnotifikata lill-organizzaturi, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, u għandha ssir pubblika.

75.

L-appellanti jsostnu, madankollu, li l-IĊE għandha twassal għal dibattitu (dirett) fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva u, b’mod partikolari, quddiem l-istituzzjoni li jkollha leġittimità demokratika — il-Parlament.

76.

Diġà ddiskutejt f’ċertu dettall għaliex, fuq il-livell tal-istruttura kostituzzjonali u istituzzjonali tagħha, l-IĊE ma kinitx stabbilita bħala mezz sabiex jinqabeż il-proċess leġiżlattiv eżistenti, iżda bħala għodda li tmexxi ’l quddiem dak il-proċess ( 45 ). Meqjusa minn din il-perspettiva, l-IĊE toħloq mekkaniżmu istituzzjonali sabiex jidderiġi l-kontribut politiku taċ-ċittadini lejn l-istituzzjonijiet, li huma u jibqgħu responsabbli għall-proċess leġiżlattiv, inkluża t-tnedija tiegħu.

77.

L-argument tal-appellanti dwar (l-assenza ta’) aċċess dirett għal u relazzjoni diretta mal-istituzzjoni li għandha leġittimità demokratika, jiġifieri l-Parlament, huwa daqsxejn sorprendenti. Għandu jiġi enfasizzat għal darba oħra li l-konfigurazzjoni leġiżlattiva tal-IĊE tippermetti lill-membri tal-kumitat taċ-ċittadini ta’ IĊE li tkun irnexxiet li jkollhom aċċess dirett għall-Parlament. Skont l-Artikolu 11 tar-Regolament IĊE, dawn jingħataw il-possibbiltà li jippreżentaw l-inizjattiva tagħhom quddiem il-Parlament. Dan l-element speċifiku tal-proċedura ġie introdott permezz ta’ emenda tal-Parlament innifsu matul in-negozjati dwar ir-Regolament IĊE ( 46 ). Id-diskussjoni ta’ IĊE fil-Parlament tippermetti lil grupp ta’ ċittadini li joħolqu sensibilizzazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ interess għalihom quddiem dik l-istituzzjoni, sabiex b’hekk ikun hemm il-possibbiltà li l-inizjattiva tagħhom tintlaqa’ mill-Parlament jew minn xi wħud mill-Membri tiegħu. Il-Parlament jista’ jagħmel tiegħu l-għanijiet ta’ IĊE u jippromovihom permezz tas-setgħa tiegħu stess li jitlob inizjattiva, jekk jinkisbu l-maġġoranzi parlamentari meħtieġa ( 47 ).

78.

Għalhekk il-valur miżjud partikolari tal-IĊE jinsab mhux neċessarjament fiċ-ċertezza ta’ riżultat, iżda fil-mezzi u fl-opportunitajiet li hija toħloq. Hija toffri liċ-ċittadini l-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni billi tippreżenta l-inizjattiva tagħhom lill-Kummissjoni u fis-smigħ organizzat fil-Parlament Ewropew, u b’hekk jingħata bidu għal dibattitu politiku fl-istituzzjonijiet mingħajr il-ħtieġa li jistennew li titnieda proċedura leġiżlattiva ( 48 ). Għalhekk, is-suċċess ta’ IĊE jitkejjel mhux biss jekk hija tinbidilx fi proposta formali, iżda wkoll bid-dibattitu demokratiku li hija tibda ( 49 ).

79.

Fl-aħħar nett, bħala kumment komparattiv, nista’ nżid li l-assenza ta’ effetti vinkolanti ta’ IĊE fuq l-istituzzjoni destinatarja ma hijiex eċċezzjonali. Dan jaqbel sewwa mal-mudell ta’ inizjattivi li “jistabbilixxu aġenda”, li huma differenti minn sistemi ta’ “inizjattiva popolari diretta”, fejn il-proposta tiġi sottomessa direttament għal referendum lill-elettorat ( 50 ). Kif diġà ntqal fl-qosor iktar ’il fuq ( 51 ), it-tifsila istituzzjonali tal-IĊE minn dejjem kienet waħda minn dawk tal-ewwel kategorija, u mhux dik tat-tieni waħda. Tabilħaqq, filwaqt li inizjattivi nazzjonali li jistabbilixxu aġenda jistgħu jagħtu aċċess għal parlamenti nazzjonali fil-kapaċità tagħhom ta’ istituzzjonijiet nazzjonali li jkollhom id-dritt ta’ inizjattiva, fis-sistema sui generis tal-Unjoni Ewropea, l-IĊE hija indirizzata bl-istess mod lill-istituzzjoni li tkun ingħatat, kif ġie osservat iktar ’il fuq, is-setgħa ta’ inizjattiva.

80.

Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, huwa evidenti li l-IĊE hija ħafna iktar minn sempliċi tislima għad-demokrazija parteċipattiva. Hija tikkostitwixxi mezz istituzzjonali li jippermetti li jitqajmu kwistjonijiet ta’ politika ta’ interess għal grupp ta’ ċittadini. Hija tgħin tikkristallizza dawn il-kwistjonijiet bħala materji ta’ interess Ewropew li l-Istati Membri differenti jikkondividu bejniethom. Permezz tagħha jsiru magħrufa kwistjonijiet ta’ tħassib għaċ-ċittadini, li jistgħu ma jkunux diġà fuq l-aġenda tal-istituzzjonijiet jew saħansitra fuq l-aġenda tal-gruppi politiċi rrappreżentati fil-Parlament Ewropew. Hija tippermetti aċċess dirett għall-istituzzjoni li, fis-sistema partikolari istituzzjonali sui generis tal-Unjoni, ikollha s-setgħa ta’ inizjattiva leġiżlattiva. Barra minn hekk, hija tobbliga lil dik l-istituzzjoni — il-Kummissjoni — tikkunsidra serjament u tagħmel evalwazzjoni tal-proposti ta’ IĊE li tkun irnexxiet, u tagħmel hekk pubblikament u bla ħsara għal skrutinju pubbliku. Hija tiżgura li l-kontenut tal-IĊE jitqies u jiġi ddibattut pubblikament fil-Parlament Ewropew elett demokratikament. Dawn ir-raġunijiet kollha jenfasizzaw li, minkejja l-fatt li s-sistema tal-IĊE kif attwalment konċepita fid-dritt primarju u sekondarju ma twassalx għal obbligu li l-Kummissjoni tippreżenta proposta, bla dubju hija għandha valur miżjud bħala mekkaniżmu sui generis li jistabbilixxi aġenda.

81.

Is-sottomissjonijiet tal-appellanti jonqsu milli juru li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(4) TUE u tar-Regolament IĊE aċċettata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata hija kuntrarja għall-għan (iddefinit sewwa) jew għall-effett utli tal-mekkaniżmu tal-IĊE.

82.

L-argumenti mressqa mill-appellanti pjuttost jikxfu problema kemxejn differenti: wara li kien irnexxielhom jużaw il-mekkaniżmu tal-IĊE u, bħala riżultat, qabdu mal-istituzzjonijiet rilevanti, l-appellanti effettivament ma jaqblux fil-qofol mar-riżultat tal-esperjenza parteċipattiva tagħhom. Huma jibqgħu ma humiex issodisfatti mhux biss bl-għażla politika tal-Kummissjoni li ma tippreżentax proposta, iżda wkoll mad-diskussjoni li kien hemm waqt is-smigħ li ngħataw fil-Parlament. L-interazzjoni mal-Kummissjoni (laqgħa ma’ membru tal-Kummissjoni) hija deskritta, fi kliem l-appellanti ( 52 ), bħala bierda, filwaqt li l-membri tal-Parlament jingħad li kienu iktar interessati jagħtu lezzjoni milli jisimgħu. Jibqa’ dibattibbli f’dan l-istadju x’jimplikaw dikjarazzjonijiet bħal dawn dwar ir-rispett għall-qofol tad-demokrazija, jiġifieri li jista’ jkun hemm nuqqas ta’ qbil ma’ riżultat ta’ politika partikolari filwaqt li jkun irrispettat il-proċess deliberattiv u l-istituzzjonijiet tiegħu.

83.

Madankollu, il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jwasslu għall-konklużjoni li l-IĊE, skont interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 11(4) TUE u tar-Regolament IĊE, hija ’l bogħod minn “kliem fieragħ”. Il-formulazzjoni ta’ dawn l-istrumenti sempliċement tgħid xi ħaġa differenti minn dak li l-appellanti jixtiquha tgħid.

84.

Rimarka konklużiva tal-aħħar tkun flokha. L-analiżi tal-ewwel aggravju tal-appellanti wassal għall-interpretazzjoni, abbażi tat-test u tal-kuntest (storiku u attwali) tagħha, kif ukoll tal-għan u tal-iskop tagħha, tal-post xieraq tal-IĊE kif imfassla bħalissa fil-proċess leġiżlattiv tal-Unjoni Ewropea. Għalkemm jenfasizzaw b’mod pożittiv xi wħud mill-karatteristiċi ġodda tagħha, dawn il-konklużjonijiet tiegħi ċertament ma jissuġġerixxux li l-IĊE hija mekkaniżmu perfett li jipprovdi soluzzjoni mirakoluża għan-nuqqasijiet allegati jew reali tal-Unjoni Ewropea fuq il-livell tal-leġittimità demokratika, inkluż it-tnaqqis tad-distanza li allegatament hemm bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Tabilħaqq, l-għadd ta’ aspetti tat-tifsila istituzzjonali attwali tal-IĊE kien is-suġġett ta’ kritika akkademika (ftit jew wisq kostruttiva) ( 53 ). Reċentement, il-qafas leġiżlattiv tagħha kien ukoll is-suġġett ta’ diskussjonijiet istituzzjonali ( 54 ) u ta’ emenda ( 55 ). Dawn id-dibattiti mbagħad imorru lura u jingħaqdu b’mod loġiku mad-diskussjoni dwar bidliet li jista’ jkun hemm għall-funzjoni tal-Kummissjoni u għall-funzjoni tas-setgħa tagħha ta’ inizjattiva meta din tintalab minn istituzzjonijiet oħra.

85.

Għalhekk, fil-kuntest ta’ dibattiti dwar it-tfassil u l-istruttura istituzzjonali li jista’ jkun hemm għall-ġejjieni, jistgħu jkunu previsti għadd ta’ alternattivi oħra, forsi anki aħjar, li jsegwu l-istess għanijiet jew anki għanijiet differenti. Madankollu, dan il-każ huwa dwar il-mekkaniżmu tal-IĊE fit-tifsila istituzzjonali tiegħu kif iddefinita fit-TUE u kif żviluppat iktar bir-Regolament IĊE. Nagħlaq bil-metafora li diġà semmejt: huwa l-leġiżlatur li jiddeċiedi, jekk ikun jixtieq, li ma jkunx hemm iktar fenek, iżda tabilħaqq ħamiema, jew saħansitra qattus jew baliena, jekk niġu f’dan.

86.

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, fil-fehma tiegħi l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu bħala infondat.

B.   Fuq it-tieni aggravju: distinzjoni bejn raġunijiet legali u raġunijiet politiċi

87.

Permezz tat-tieni aggravju, l-appellanti jsostnu li, filwaqt li ammettiet li l-Kummissjoni naqset milli tiddistingwi fil-Komunikazzjoni bejn raġunijiet “legali” u “politiċi”, kif titlob il-premessa 20 tar-Regolament IĊE, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 128 u 132 tas-sentenza appellata, li l-premessa 20 kienet irrilevanti. L-appellanti jsostnu li l-premessi għandhom funzjoni fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet sostantivi tad-dritt tal-Unjoni. Il-premessa 20 tinterpreta l-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament IĊE u ma hijiex inkonsistenti ma’ dik id-dispożizzjoni. Id-differenza bejn konklużjonijiet legali u politiċi hija, barra minn hekk, importanti sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tistħarreġ dawk iż-żewġ kategoriji.

88.

Il-Kummissjoni ssostni li s-sentenza appellata ma fiha ebda żball ta’ liġi u targumenta, sussidjarjament, li l-Komunikazzjoni stabbilixxiet fil-fatt il-konklużjonijiet legali u politiċi tagħha separatament.

89.

Fil-punt 128 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali osservat li, skont il-ġurisprudenza stabbilita, il-preambolu ta’ att tal-Unjoni ma għandux saħħa legali vinkolanti u wieħed la seta’ jistrieħ fuqu bħala raġuni sabiex jidderoga mid-dispożizzjonijiet attwali ta’ att u lanqas sabiex jinterpretahom b’mod li jkun manifestament kuntrarju għall-kliem tagħhom ( 56 ).

90.

Abbażi ta’ din il-ġurisprudenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat fil-punti 129 u 130 tas-sentenza tagħha li, peress li l-obbligu li jiġu stabbiliti konklużjonijiet legali u politiċi separati msemmija fil-premessa 20 tar-Regolament IĊE ma jerġax jissemma fl-Artikolu 10(1)(c), il-Kummissjoni ma għandhiex tali obbligu meta tabbozza l-komunikazzjoni prevista f’dik id-dispożizzjoni. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali żiedet tgħid, fil-punt 131 tas-sentenza appellata, li, f’kull każ, jekk wieħed jassumi li l-Kummissjoni kienet legalment obbligata tistabbilixxi separatament dawk il-konklużjonijiet legali u politiċi, tali obbligu, li huwa purament formali, ma setax iwassal għall-annullament tal-komunikazzjoni.

91.

Fil-fehma tiegħi, il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-applikazzjoni f’dan il-każ tal-ġurisprudenza dwar il-funzjoni ta’ premessi fl-interpretazzjoni ta’ atti legali tal-Unjoni hija tabilħaqq vizzjata minn żball ta’ liġi. Madankollu, dan l-iżball ma għandu l-ebda effett fuq id-dispożittiv tas-sentenza, li jista’ jinżamm b’mod korrett abbażi tal-motivi legali addizzjonali msemmija fil-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali.

92.

Huwa minnu li, skont il-ġurisprudenza stabbilita li fuqha straħet is-sentenza appellata, il-premessi ma jistgħux jidderogaw mid-dispożizzjonijiet innifishom li huma suppost jinterpretaw, jew iservu bħala l-bażi għal interpretazzjoni li b’mod ċar tikkontradixxi kliemhom, billi jżidu, pereżempju, rekwiżiti ġodda li ma jkunux maħsuba fil-parti operattiva ta’ att ġuridiku. Għalhekk, il-premessi naturalment ma humiex, fihom innifishom, dispożizzjonijiet legali operattivi.

93.

Madankollu, lil hinn minn dawn iż-żewġ kategoriji ċari (assenza ta’ “dispożizzjoni mera” u kontradizzjoni ċara), il-premessi huma ġeneralment element importanti ta’ interpretazzjoni, li jistabbilixxu b’mod awtorevoli r-rieda tal-leġiżlatur, li topera b’rabta mad-dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkorrispondu magħha. Għalhekk, dawn ta’ spiss jintużaw għall-finijiet ta’ interpretazzjoni teleoloġika sabiex jiċċaraw jew joffru interpretazzjoni iktar preċiża ta’ dispożizzjoni legali li jkun hemm fit-test legali ( 57 ). Madankollu, jekk jintużaw b’dan il-mod, ma jistax jinħeba l-fatt li d-differenza bejn interpretazzjoni u li ma jiżdidux obbligi ġodda abbażi ta’ premessa tista’ tkun perikolożament imċajpra ( 58 ).

94.

F’dan il-każ l-unika differenza kruċjali bejn il-kliem tal-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament IĊE u l-premessa 20 hija li l-kliem “b’mod separat”, li jidher fil-premessa 20, ma jintużax fit-test tal-artikolu inkwistjoni. Il-bqija, madankollu, huwa prattikament l-istess (il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-konklużjonijiet legali u politiċi tagħha fi żmien tliet xhur).

95.

Għalhekk, hemm differenza sottili fil-kliem. Iżda minħabba l-iskop loġiku tar-regoli inkwistjoni, din bilkemm tikkwalifika bħala kontradizzjoni bejn il-premessa u l-artikolu. Fin-nuqqas ta’ kontradizzjoni, u meqjusa l-prattika tal-Qorti tal-Ġustizzja kif għadu kif ġie deskritt fil-qosor, ma jkunx inkonċepibbli li l-kliem “b’mod separat” jiġi interpretat li jinsab fit-test tal-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament IĊE.

96.

Madankollu, ma naħsibx li dan għandu jsir għar-raġunijiet li ġejjin.

97.

Il-kliem “b’mod separat” jista’ jinftiehem f’żewġ modi differenti: jew li jfisser li għandu jkun hemm il-kunsiderazzjonijiet kemm legali kif ukoll dawk politiċi u/jew li huma t-tnejn mhux biss għandhom ikunu inklużi, iżda wkoll separati fiżikament fit-test tal-komunikazzjoni ( 59 ).

98.

Il-premessa 20 iddaħħlet permezz ta’ emenda tal-Parlament Ewropew waqt in-negozjati għar-Regolament IĊE, flimkien mar-referenza, fl-Artikolu 10, għal konklużjonijiet “legali u politiċi”. Il-ġustifikazzjoni li kien hemm għal dik l-emenda sempliċement tindika l-fatt li “r-reazzjoni tal-Kummissjoni […] għandha tkun iġġustifikata kemm legalment kif ukoll politikament” ( 60 ).

99.

Fid-dawl tal-kuntest u tal-iskop tagħha, il-premessa 20 tista’ tabilħaqq tinftiehem bħala li tenfasizza l-obbligu tal-Kummissjoni li tiddikjara b’mod ċar il-konklużjonijiet tagħha ta’ natura legali u politika, b’tali mod li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jifhmu n-natura distinta ta’ tali kunsiderazzjonijiet. B’dan il-mod, l-obbligu li hemm fl-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament IĊE li l-konklużjonijiet legali u politiċi jsiru b’mod espliċitu huwa marbut mal-kwalità u mal-kontenut tal-motivazzjoni fir-reazzjoni tal-Kummissjoni għal IĊE li tkun irnexxiet. Dan huwa konformi mal-ħtieġa, kif deskritta fil-premessa 20, li l-Kummissjoni “tispjega b’mod ċar, li jinftiehem u b’mod dettaljat ir-raġunijiet għall-azzjoni li tkun biħsiebha tieħu” u bl-istess mod li “tagħti r-raġunijiet tagħha jekk ma tkun biħsiebha tieħu l-ebda azzjoni”. Tabilħaqq, tali obbligu iktar qawwi li jingħadu raġunijiet, minbarra li huwa rekwiżit formali essenzjali, huwa l-garanzija u l-prova ta’ kunsiderazzjoni sħiħa, serja u ddettaljata ta’ IĊE li tkun irnexxiet.

100.

B’dan il-mod, l-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament IĊE interpretat flimkien mal-premessa 20 sempliċement ifisser li kunsiderazzjonijiet kemm legali kif ukoll politiċi għandhom jinsabu fil-motivazzjoni tal-Kummissjoni, u li qarrej għandu jkun jista’ jiddeċifra ħaġa minn oħra. Madankollu, għandi diffikultà nżomm ma’ interpretazzjoni formalista li tissuġġerixxi li, lil hinn minn dan ir-rekwiżit, il-Kummissjoni hija obbligata tirristruttura l-komunikazzjoni tagħha f’taqsimiet differenti li bilfors ikollhom iġibu titoli “kunsiderazzjonijiet legali” u “kunsiderazzjonijiet politiċi”, u li jekk ma jsirx hekk iwassal għall-annullament awtomatiku tal-komunikazzjoni.

101.

Hemm raġuni oħra, ta’ natura prammatika: is-separazzjoni fiżika ta’ konklużjonijiet legali u politiċi f’dan l-istadju tal-proċess tal-IĊE hija kemxejn artifiċjali u tista’ tkun diffiċli sabiex tinkiseb.

102.

L-ewwel nett, l-evalwazzjoni legali ta’ IĊE proposta ssir primarjament fiż-żmien tar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 4(2), meta l-Kummissjoni teżamina l-konformità mal-valuri tal-Artikolu 2 TUE, kif ukoll mas-setgħat tagħha stess li tissottometti l-proposta mitluba. Peress li dan l-eżami jista’ jwassal biss għal ċaħda tar-reġistrazzjoni f’ċerti ċirkustanzi “manifesti”, jibqa’ lok għal analiżi legali fl-istadju meta l-komunikazzjoni ssir skont l-Artikolu 10(1)(c). Din l-analiżi legali tista’, barra minn hekk, teżamina l-kompatibbiltà ma’ atti ġuridiċi oħra tal-Unjoni. Madankollu, f’dan l-istadju, huwa naturali li l-parti l-kbira tal-evalwazzjoni li jkun hemm fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni aktarx li tkun ta’ natura politika, minħabba li d-deċiżjoni dwar dak li jkun sar wara IĊE li tkun irnexxiet tkun essenzjalment waħda politika. Għalhekk, konklużjonijiet legali f’dan l-istadju aktarx li jkunu limitati għal preżentazzjoni deskrittiva tal-liġi fis-seħħ, li sservi bħala l-kuntest neċessarju ta’ referenza sabiex jiġu żviluppati l-konklużjonijiet politiċi.

103.

It-tieni nett, anki jekk dan ma jkunx il-każ u n-natura tal-konklużjonijiet legali tista’ tiġi interpretata li tkun usa’, fl-istadju finali ta’ IĊE, fejn il-Kummissjoni tkun obbligata tittratta l-merti tal-IĊE f’ċertu dettall, jista’ jkun diffiċli jingħad kategorikament liema mill-argumenti jkunu legali u liema jkunu politiċi. Sakemm il-kunċett ta’ “kunsiderazzjonijiet legali” ma jkunx limitat għal dikjarazzjoni xotta mill-ġdid tal-liġi rilevanti u ta’ obbligi internazzjonali (li l-interpretazzjoni tagħhom jista’ f’kull każ jingħad li tkun diġà tinkludi xi evalwazzjoni politika), għadd tajjeb tal-argumenti mressqa f’dan l-istadju tal-evalwazzjoni sostantiva aktarx li jkunu transittivi.

104.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-Komunikazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 10(1)(c), interpretat flimkien mal-premessa 20. Hija tippreżenta l-konklużjonijiet tagħha b’mod li tħalli lil dak li jkun jifhem in-natura legali u politika tal-kunsiderazzjonijiet li fiha. Kif il-Kummissjoni tinnota, it-Taqsima 2 tal-Komunikazzjoni, intitolata “Is-sitwazzjoni attwali”, hija mogħtija għad-deskrizzjoni tal-istat tad-dritt. It-Taqsima 3, intitolata “Valutazzjoni tat-talbiet tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej”, tispjega l-evalwazzjoni politika tal-IĊE. Barra minn hekk, l-appellanti fl-ebda waqt ma sostnew li ma setgħux jidentifikaw in-natura politika jew legali tal-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni.

105.

Fil-punti 128 sa 131 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tistrieħ fuq interpretazzjoni tal-premessa 20 li tgħid li din timponi rekwiżit formali u, abbażi ta’ dan, jidher li hemm kontradizzjoni bejn il-premessa 20 u l-Artikolu 10(1)(c). Għar-raġunijiet mogħtija iktar ’il fuq fil-punti 92 sa 96 ta’ dawn il-konklużjonijiet, nissuġġerixxi li tali motivazzjoni hija vvizzjata bi żball ta’ liġi.

106.

Madankollu, huwa ċar ukoll li d-dispożittiv tas-sentenza appellata għadu validu, peress li huwa fondat fuq il-motivi legali spjegati fil-punti 97 sa 105 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

107.

B’riżultat ta’ dan, peress li d-dispożittiv tas-sentenza appellata jibqa’ fondat, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

C.   Fuq it-tielet aggravju: stħarriġ ġudizzjarju

108.

Permezz tat-tielet aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punt 170 tas-sentenza appellata, fejn qalet li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tissottomettix proposta leġiżlattiva abbażi tal-IĊE hija suġġetta biss għal stħarriġ limitat mill-Qorti tal-Ġustizzja, fejn biss l-żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni jistgħu jivvizzjaw deċiżjoni bħal din.

109.

L-appellanti jsostnu li ma huwiex possibbli jkun magħruf jekk il-Komunikazzjoni hijiex ħielsa minn żbalji manifesti peress li ma hemmx kriterju offrut li jiddistingwi bejn żbalji manifesti u żbalji li ma humiex manifesti. Fil-fehma tagħhom, il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet il-linja baxxa wisq u żammet għaliha nnifisha d-dritt li tiddetermina liberament jekk it-test ikunx irnexxa jew le. L-appellanti jsostnu wkoll li hemm paradoss jekk jitqies li l-motivi tal-Komunikazzjoni għandhom ikunu jistgħu jiġu mistħarrġa jekk il-livell ta’ stħarriġ ikun tant baxx u oskur. Barra minn hekk, huma jsostnu li dan il-każ huwa differenti minn dak tal-kawża Rica Food ( 61 ), iċċitata mill-Qorti Ġenerali bħala preċedent rilevanti għall-applikazzjoni tat-test ta’ “żbalji manifesti”. Dik il-kawża kienet tirrigwarda drittijiet ta’ dawk li ma jkunux ċittadini fir-rigward ta’ interessi finanzjarji dubjużi, mhux bħal f’din il-kawża, li hija dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni fir-rigward ta’ dritt demokratiku ddefinit b’mod ċar. L-appellanti jiġbru fil-qosor il-pożizzjoni tal-Qorti Ġenerali kif ġej: “peress li l-Komunità għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward taz-zokkor mill-Antilli, hija għandha jkollha wkoll setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiċħad IĊE li hija ma jkollhiex simpatija għaliha”.

110.

Il-Kummissjoni ssostni li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat. Huwa biss stħarriġ ġudizzjarju limitat li huwa kompatibbli mas-setgħa ta’ inizjattiva tal-Kummissjoni. Billi rreferiet għas-sentenza fil-kawża Schönberger vs Il-Parlament ( 62 ), il-Kummissjoni ssostni wkoll li jkun inkonsistenti jekk komunikazzjoni adottata skont l-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament IĊE kellha tkun suġġetta għal stħarriġ sħiħ, filwaqt li deċiżjonijiet meħuda mill-Parlament dwar kif għandha tiġi ttrattata petizzjoni ma jkunu suġġetti għal ebda stħarriġ ġudizzjarju.

111.

Dan l-aggravju jqajjem il-kwistjoni kruċjali dwar il-livell ta’ skrutinju li l-qrati tal-Unjoni għandhom japplikaw għal komunikazzjoni li tkun tinkludi d-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar is-segwitu mogħti lil IĊE li tkun irnexxiet. Din il-kwistjoni hija neċessarjament marbuta mal-kwistjonijiet li l-ewwel aggravju qajjem, li l-eżami tiegħu kkonferma li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata tadotta proposta ta’ att ġuridiku propost minn IĊE li tkun irnexxiet.

112.

Il-punt 170 tas-sentenza appellata, li huwa s-suġġett ta’ kritika b’rabta ma’ dan l-aggravju, huwa inkluż fl-eżami mill-Qorti Ġenerali tal-ħames motivi għal annullament magħmula mill-appellanti fl-ewwel istanza. Wara li nnotat li l-Kummissjoni għandu jkollha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fil-kuntest tas-setgħa ta’ inizjattiva leġiżlattiva tagħha u, konsegwentement, meta tiddeċiedi jekk tiħux azzjoni wara IĊE li tkun irnexxiet ( 63 ), il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet, fil-punt 170 tas-sentenza appellata, l-iskop u l-livell ta’ stħarriġ ġudizzjarju applikabbli għall-Komunikazzjoni. Skont dak il-punt, il-komunikazzjoni “għandha tkun is-suġġett ta’ stħarriġ ristrett min-naħa tal-Qorti Ġenerali, intiż sabiex jiġi vverifikat, minbarra s-suffiċjenza tal-motivazzjoni tagħha, l-eżistenza, b’mod partikolari, ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li jivvizzjaw din id-deċiżjoni”. Sabiex waslet għal din id-dikjarazzjoni, il-Qorti Ġenerali rreferiet b’analoġija għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Rica Foods ( 64 ) bħala l-ġurisprudenza rilevanti.

113.

Fil-fehma tiegħi, l-argumenti tal-appellanti ma wrew ebda żball ta’ liġi fil-punt tas-sentenza appellata li għadu kif ġie kkwotat.

114.

Qabel ma nanalizza l-livell ta’ stħarriġ ġudizzjarju applikat fis-sentenza appellata, jeħtieġ li nibda billi nfakkar l-iskop tal-istħarriġ ġudizzjarju li jirriżulta minn dik is-sentenza.

115.

Fil-punt ikkontestat mill-appellanti, il-Qorti Ġenerali ddikjarat b’qawwa li l-Komunikazzjoni hija suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju. Jista’ jingħad li din il-konferma ssaħħaħ b’mod kunsiderevoli l-pożizzjoni tal-IĊE li tkun irnexxiet. Hija tipprovdi garanzija ġudizzjarja li IĊE li tkun irnexxiet titqies b’mod adegwat mill-Kummissjoni. Jista’ sempliċement jingħad ukoll li tali konstatazzjoni kienet ferm ’il bogħod minn konklużjoni mistennija, kif tixhed diskussjoni akkademika preċedenti dwar l-istess kwistjoni ( 65 ).

116.

Barra minn hekk, is-sentenza appellata stabbilixxiet il-possibbiltà li jiġi mistħarreġ kemm jekk tkunx adegwata l-motivazzjoni tal-Komunikazzjoni kif ukoll l-evalwazzjoni li ssawwar il-bażi tal-kontenut sostantiv tagħha.

117.

Kif tinnota l-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet tagħha, din il-pożizzjoni hija f’kuntrast mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-istħarriġ ġudizzjarju tal-pożizzjoni tal-Parlament dwar kif għandha tiġi ttrattata petizzjoni. Tabilħaqq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dik il-pożizzjoni ma setgħetx tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju minħabba s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa ta’ natura politika li għandu l-Parlament ( 66 ). Min-naħa l-oħra, minkejja li tirrikonoxxi s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward, is-sentenza appellata ma tqisx li l-evalwazzjoni li hemm fil-Komunikazzjoni hija deċiżjoni ta’ natura politika protetta kontra stħarriġ ġudizzjarju ( 67 ).

118.

Fil-fehma tiegħi, bir-raġun. Dan l-approċċ qawwi jirrifletti sewwa s-sistema u l-għanijiet tal-IĊE. L-importanza kruċjali tal-mekkaniżmu tal-IĊE bħala espressjoni tal-prinċipju demokratiku, ir-rekwiżiti stretti sabiex tali IĊE tirnexxi, u l-garanziji proċedurali stabbiliti mir-Regolament IĊE, kollha jiġġustifikaw li, anki meta jkun hemm setgħa diskrezzjonali kunsiderevoli ta’ natura politika, l-istħarriġ mill-qrati tal-Unjoni jkopri mhux biss l-adegwatezza tal-motivazzjoni, iżda wkoll il-verifika tal-merti li fuqhom tkun ibbażata d-deċiżjoni tal-Kummissjoni ( 68 ).

119.

Tabilħaqq, il-possibbiltà li komunikazzjonijiet adottati skont l-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament IĊE jiġu mistħarrġa hija marbuta intrinsikament mal-obbligi imposti fuq il-Kummissjoni mir-Regolament IĊE f’dan l-aħħar stadju tal-proċess ta’ IĊE. Il-Kummissjoni hija obbligata tipproduċi dikjarazzjoni ċara, iddettaljata u sħiħa tar-raġunijiet għall-pożizzjoni tagħha. Id-dikjarazzjoni għandha jkollha kunsiderazzjonijiet kemm legali kif ukoll politiċi. Madankollu, l-obbligi imposti mill-Artikolu 10 tar-Regolament IĊE ma humiex biss ta’ natura proċedurali, iżda jinkludu l-obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni kif imiss u fil-fond il-proposti ta’ IĊE li tkun irnexxiet.

120.

Dwar l-livell ta’ stħarriġ, is-sentenza appellata tadotta żewġ approċċi differenti. L-ewwel nett, hija tgħid li l-qrati tal-Unjoni għandhom jivverifikaw kemm tkun adegwata l-motivazzjoni. L-istħarriġ ta’ dan l-element, li huwa, kif ġie nnotat iktar ’il fuq, obbligu istituzzjonali kruċjali li jinbeda permezz ta’ IĊE li tkun irnexxiet ( 69 ), ma huwiex limitat għall-“iżbalji manifesti”. Għalhekk huwa stħarriġ sħiħ. It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali tgħid li l-istħarriġ għandu jkopri, barra minn hekk, il-verifika ta’ jekk ikunx hemm żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li jivvizzjaw dik id-deċiżjoni.

121.

Dwar dan, l-appellanti jikkontestaw il-livell ta’ stħarriġ applikat għal dan it-tieni element, jiġifieri, l-evalwazzjoni materjali li hemm fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni. B’mod partikolari, l-appellanti jikkonċentraw il-kritika tagħhom fuq il-ġurisprudenza msemmija fis-sentenza appellata, li sservi bħala referenza għal-livell ta’ stħarriġ ġudizzjarju adottat. Huma jinsistu dwar id-differenzi bejn is-sitwazzjoni inkwistjoni u dik tas-sentenza fil-kawża Rica Foods, sabiex jikkritikaw l-livell ta’ stħarriġ ġudizzjarju offrut mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata.

122.

Il-kritika tal-appellanti f’dan ir-rigward hija, fil-fehma tiegħi, żbaljata.

123.

Għandu jiġi enfasizzat li l-livell ta’ stħarriġ ġudizzjarju limitat għall-verifika ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni japplika għas-sitwazzjonijiet fejn istituzzjonijiet tal-Unjoni jkollhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa, b’mod partikolari, meta jadottaw miżuri “f’oqsma li jinvolvu għażliet, min-naħa tagħhom, ta’ natura politika” ( 70 ). Tabilħaqq, hija ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-intensità tal-istħarriġ tagħha tvarja skont id-diskrezzjoni mogħtija lill-istituzzjonijiet ( 71 ).

124.

Kien f’dan il-kuntest, jiġifieri, meta ssemma l-livell ta’ stħarriġ xieraq, li saret referenza għall-kawża Rica Foods bħala ġurisprudenza rilevanti. F’dan il-kuntest, ir-referenza hija kompletament flokha, peress li, għall-kuntrarju ta’ dak li jissuġġerixxu l-appellanti, ftit għandha x’taqsam mas-suġġett tal-importazzjonijiet f’dik il-kawża, iżda tissemma bħala indikazzjoni tal-livell xieraq ta’ stħarriġ b’mod ġenerali. Jista’ jingħad ukoll, għal li jista’ jkun, li r-referenza għal dik il-kawża partikolari kienet magħżula sewwa, minħabba li dik il-kawża wasslet sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-kwistjoni speċifika tal-livell ta’ stħarriġ tad-diskrezzjoni politika adottata minn dik li kienet il-Qorti tal-Prim’Istanza, kif jidher ċar mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger f’dik il-kawża ( 72 ).

125.

Għalhekk, b’mod ġenerali, f’oqsma fejn is-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni tkun wiesgħa ħafna, kif ġie innotat b’rabta mal-ewwel aggravju, il-livell ta’ stħarriġ ġudizzjarju huwa wieħed limitat. Din id-diskrezzjoni hija, fuq kollox, ta’ natura politika, iżda tista’ tinvolvi wkoll li l-Kummissjoni tagħmel evalwazzjonijiet kumplessi meta tiddeċiedi li tuża (jew li ma tużax) is-setgħa ta’ inizjattiva tagħha.

126.

F’kull każ, fid-dawl tal-fatt li l-qofol tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, li hemm fil-Komunikazzjoni, li ma tiġix adottata l-proposta mitluba mill-IĊE jiddependi qabel kollox minn evalwazzjoni ta’ natura politika ( 73 ), u jekk wieħed jassumi li tali deċiżjoni intrinsikament politika għandha tkun suġġetta wara kollox għal stħarriġ ġudizzjarju, ma narax kif tali evalwazzjoni tista’ tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju strett mingħajr ma taqbeż il-limiti imposti mill-prinċipju ta’ bilanċ istituzzjonali, b’mod partikolari bejn l-eżekuttiv Ewropew u l-qrati tal-Unjoni.

127.

Tabilħaqq, ikun meħtieġ livell limitat ta’ stħarriġ mill-aspett politiku tas-setgħa ta’ inizjattiva tal-Kummissjoni, li intrinsikament tinvolvi r-rikonċiljazzjoni ta’ interessi diverġenti u l-għażla ta’ alternattivi ta’ politika. Dan l-aspett jirriżulta wkoll min-natura politika tal-evalwazzjoni bażika fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar kif u jekk għandhomx jiġu segwiti IĊE li jirnexxu, bħala parti mis-setgħa ta’ inizjattiva tagħha. Il-qrati tal-Unjoni ma jistgħux jissostitwixxu l-evalwazzjoni politika magħmula mill-Kummissjoni, li għandha tiċċara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar jekk għandux jinbeda jew le l-proċess deċiżjonali billi teżerċita s-setgħa ta’ inizjattiva tagħha.

128.

Għalhekk it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

D.   Fuq ir-raba’ aggravju: żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni

129.

Permezz tar-raba’ aggravju, l-appellanti jsostnu li anki kieku l-livell ta’ stħarriġ applikat mill-Qorti Ġenerali kien korrett, il-Qorti Ġenerali naqset tgħid li r-raġunijiet mogħtija mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni jissodisfaw it-test ta’ żball manifest.

130.

L-appellanti jikkontestaw ħames punti tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li, fil-fehma tagħhom, huma vvizzjati minn żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni bħal dawn.

131.

Fl-ewwel lok, l-appellanti jsostnu, billi jibbażaw ruħhom fuq is-sentenza fil-kawża Brüstle ( 74 ), li huwa manifestament inkonsistenti li jiġi pprojbit l-għoti ta’ privattiva lil invenzjonijiet li jippresupponu l-qerda ta’ embrijuni umani u fl-istess waqt li tiġi ffinanzjata dik l-istess riċerka.

132.

L-inferenzi li l-appellanti jnisslu mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Brüstle jmorru wisq lil hinn mill-portata proprja ta’ dik il-kawża.

133.

Kif sewwa tinnota l-Kummissjoni, dik is-sentenza kienet esklużivament dwar il-kwistjoni jekk kellhiex tingħata privattiva. Tabilħaqq, id-Direttiva 98/44/KE ( 75 ), li kienet is-suġġett ta’ interpretazzjoni f’dik il-kawża, “ma għandhiex l-għan li tirregola l-użu tal-embrijuni umani fil-kuntest tar-riċerki xjentifiċi. L-għan tagħha huwa sempliċement il-possibbiltà għal privattiva tal-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi” ( 76 ). L-esklużjoni tal-possibbiltà għal privattiva ma hijiex relatata mal-projbizzjoni ta’ riċerka xjentifika jew mal-finanzjament tagħha f’qasam partikolari ( 77 ). Tabilħaqq, esklużjoni speċifika tal-possibbiltà għal privattiva f’qasam partikolari tfisser li jkun impossibbli jiġi stabbilit dritt esklużiv ta’ operat kummerċjali, li huwa differenti ħafna mill-kwistjonijiet imqajma mir-riċerka xjentifika fl-applikazzjonijiet differenti tagħha.

134.

Il-Qorti Ġenerali, għalhekk, ma żbaljatx meta qalet, fil-punt 173 tas-sentenza appellata, li l-konklużjoni tal-Kummissjoni fil-punt 2.1 in fine tal-Komunikazzjoni, li tgħid li s-sentenza fil-kawża Brüstle ma kinitx tittratta l-kwistjoni dwar jekk setgħetx issir u tiġi ffinanzjata tali riċerka, ma kinitx ivvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni.

135.

Fit-tieni lok, l-appellanti jsostnu li huwa ovvju minnu nnifsu li huwa impossibbli li jinstab bilanċ bejn id-dritt għall-ħajja tal-embrijun u l-interessi tar-riċerka dwar iċ-ċellola staminali embrijonali tal-bniedem. Il-kunċett ta’ dinjità umana jipprojbixxi li jinstab bilanċ bħal dan. Għaldaqstant, l-appellanti jsostnu li l-Komunikazzjoni kienet manifestament żbaljata meta qalet li ma kienx meħtieġ jiġi ċċarat l-istat legali tal-embrijun.

136.

Naqbel mal-Kummissjoni li dan l-argument huwa ineffettiv. Ma huwiex dirett lejn punt fil-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali fejn hija analizzat l-allegati żbalji ta’ evalwazzjoni msemmija mill-appellanti fil-ħames aggravju għal annullament, iżda kontra waħda mid-dikjarazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar ir-raba’ aggravju għal annullament, relatata mal-allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Tabilħaqq, fil-punt 156 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-adegwatezza tal-motivazzjoni.

137.

Fit-tielet lok, l-appellanti ressqu sensiela ta’ argumenti li essenzjalment ma jaqblux mal-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar ir-riċerka dwar iċ-ċellola staminali embrijonali tal-bniedem. L-appellanti jsostnu li d-dikjarazzjoni fil-Komunikazzjoni li tgħid li s-sistema “triple lock” tipprovdi kriterju etikament korrett għall-evalwazzjoni ta’ proġett ta’ riċerka tikkostitwixxi żball manifest ta’ evalwazzjoni. L-argument tal-Kummissjoni li jgħid li sistema bħal din, li tippermetti l-finanzjament ta’ proġetti ta’ riċerka li huma illegali f’27 minn 28 Stat Membru, hija standard għoli, huwa mhux biss żball manifest iżda għalkollox assurd. F’dan ir-rigward, l-appellanti jsostnu li l-approċċ tal-Qorti Ġenerali għal etiċi differenti jammonta għal żball ta’ liġi peress li ma hijiex il-funzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ IĊE li tkun irnexxiet li tiddetermina l-merti ta’ kwistjonijiet soċjoetiċi f’kompetizzjoni bejniethom, liema kwistjoni ma hijiex waħda għall-ġudikatura iżda għall-proċess politiku. L-appellanti jsostnu wkoll li l-pożizzjoni tal-Qorti Ġenerali minnha nnifisha tmur kontra l-etika. Hija adottat approċċ ta’ suġġettiviżmu pur li jipprova jagħti natura inkonfutabbli lill-fehmiet tal-Kummissjoni. Fl-aħħar nett, l-appellanti jsostnu li l-istħarriġ imwettaq mill-Qorti Ġenerali ma huwiex komplut minħabba li ma jeżaminax l-iżbalji kollha ta’ evalwazzjoni allegati mill-appellanti. Dwar dan, l-appellanti jilmentaw li, minkejja l-fatt li ġiet diskussa l-kawża Brüstle, is-sentenza appellata ma tiddiskuti xejn iktar dwar l-asserzjonijiet tal-Kummissjoni dwar is-sistema “triple lock”.

138.

L-argumenti magħmula mill-appellanti deskritti fil-qosor iktar ’il fuq huma infondati. Dawn l-argumenti jidhru li huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali.

139.

Fil-punt 176 tas-sentenza appellata, li fuqu hija ffokata l-kritika tal-appellanti fl-argument tagħhom, il-Qorti Ġenerali, l-ewwel nett, spjegat fil-qosor il-karatteristiċi essenzjali tal-approċċi etiċi differenti tal-IĊE u tal-Kummissjoni, billi indikat li “[l]-approċċ etiku tal-IĊE kontenzjuża hija dik li l-embrijun uman huwa bniedem li għandu jibbenefika mid-dinjità tal-bniedem u mid-dritt għall-ħajja, filwaqt li l-approċċ etiku tal-Kummissjoni, kif jirriżulta mill-komunikazzjoni kkontestata, jieħu inkunsiderazzjoni d-dritt għall-ħajja u d-dinjità tal-bniedem tal-embrijuni umani, iżda, fl-istess ħin, jieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-bżonnijiet tar-riċerka fuq iċ-[ċellola staminali embrijonali tal-bniedem], li tista’ sservi għat-trattament ta’ mard attwalment inkurabbli jew li jipperikola l-ħajja […]”. Hija mbagħad ikkonkludiet li “[g]ħaldaqstant, ma jidhirx li l-approċċ etiku segwit mill-Kummissjoni huwa vvizzjat minn żball manifest ta’ evalwazzjoni fuq dan il-punt u l-argumenti tar-rikorrenti, li huma bbażati fuq approċċ etiku differenti, ma jurux l-eżistenza ta’ tali żball”.

140.

Jidher li l-Qorti Ġenerali ma kkonfermat ebda pożizzjoni jew ma ħadet ebda pożizzjoni etika li setgħet tiġi kkritikata bħala “ġuridifikazzjoni” ta’ għażliet politiċi. Għall-kuntrarju tal-argument tal-appellanti, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tippreserva b’mod preċiż id-diskrezzjoni politika, li, skont l-istruttura attwali istituzzjonali ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, hija tal-Kummissjoni, inkluż meta IĊE tkun irnexxiet. Meta stħarrġet jekk il-Komunikazzjoni kienx fiha xi żball manifest ta’ evalwazzjoni, hija indikat biss il-fatt li l-appellanti jadottaw pożizzjoni etika differenti minn dik li taqbel magħha l-Kummissjoni.

141.

Din il-motivazzjoni ma tistax tiġi kkritikata. Kif ġustament innotat il-Kummissjoni, f’konformità mal-livell applikabbli ta’ stħarriġ ġudizzjarju, dan l-approċċ jagħti prominenza lid-diskrezzjoni politika tal-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tagħha ta’ kemm huwa suffiċjenti u adegwat il-qafas legali attwali, bħala wieħed mill-elementi ta’ motivazzjoni li jsostnu d-deċiżjoni tagħha li ma teżerċitax id-diskrezzjoni tagħha li tuża s-setgħa ta’ inizjattiva tagħha kif propost mill-IĊE inkwistjoni.

142.

Il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punti 176 u 177 tas-sentenza appellata, għalhekk, tkopri b’mod adegwat, fil-fehma tiegħi, l-argumenti magħmula mill-appellanti. Ma narax raġuni sabiex inkompli nespandi fuq dawn l-argumenti, minħabba li huma jew jikkritikaw l-għażliet ta’ valuri espressi mill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tad-diskrezzjoni tagħha, jew jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli ma adottatx pożizzjonijiet etiċi u talli ma tatx is-sostenn tagħha għal ċerti valuri, minkejja li ma kellha l-ebda raġuni biex tagħmel dan.

143.

Fir-raba’ lok, l-appellanti jsostnu li l-asserzjoni, mingħajr ebda prova, li meta jitħalla jsir abort iffinanzjat minn dawk fl-Unjoni li jħallsu t-taxxi dan inaqqas l-aborti hija manifestament paradossali.

144.

Dan l-argument huwa ineffettiv, peress li ma jaffettwax il-punt ewlieni tal-argument tal-Qorti Ġenerali sabiex twieġeb għall-ilmenti tal-appellanti dwar il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni relatati mal-kooperazzjoni għall-żvilupp ( 78 ). F’kull każ, dan l-argument jidher li huwa bbażat fuq interpretazzjoni pjuttost dubjuża tal-Komunikazzjoni, minħabba li fiha ma jingħad xejn dwar dan ( 79 ).

145.

Fil-ħames lok, l-appellanti jsostnu li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali żnaturat l-argumenti tagħhom billi qalet, fil-punt 164 tas-sentenza appellata, li “[i]r-rikorrenti jsostnu li l-MDGs u l-programm ta’ azzjoni tal-KIPI ma jikkostitwixxux impenji legalment vinkolanti, iżda għanijiet politiċi.”. Minflok, l-appellanti riedu jqajmu l-punt li l-Kummissjoni kienet sostniet b’mod falz li dawk id-dokumenti kienu jimponu obbligi legali vinkolanti, li kien żball manifest tal-Kummissjoni.

146.

Anki jekk dan l-argument jinftiehem fis-sens li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ma ddeċidietx li d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li l-MDGs u l-programm tal-KIPI jinkludu obbligi legali kienet manifestament żbaljata, dan l-argument ma jistax jirnexxi peress li, tabilħaqq, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ma fihiex tali proposta. Għalhekk, dan l-argument ma jiżvelax żball ta’ liġi meta l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-argumenti tal-appellanti ppreżentati fil-punt 164 tas-sentenza appellata ma jurux li kien hemm żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

147.

Bħala riżultat ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud, fil-fehma tiegħi, bħala parzjalment ineffettiv u parzjalment infondat.

E.   Fuq il-ħames aggravju: klassifikazzjoni żbaljata tal-IĊE

148.

Permezz tal-ħames aggravju, l-appellanti jsostnu li s-sentenza appellata fiha żball ta’ liġi fil-punt 156 tagħha, fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma kienx hemm ħtieġa li jiġi indirizzat l-argument dwar jekk l-embrijun uman huwiex esseri uman.

149.

L-appellanti jsostnu li l-iskop, l-għan u l-loġika tal-IĊE jirriżultaw b’mod ċar mis-suġġett, li huma jiddeskrivu bħala “il-protezzjoni ġuridika tad-dinjità, tad-dritt għall-ħajja u għall-integrità ta’ kull esseri uman mill-konċepiment […]” Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali waslet għal din il-konklużjoni peress li kklassifikat b’mod żbaljat l-iskop tal-IĊE billi qieset li l-għan tagħha ma huwiex il-protezzjoni tal-embrijun bħala esseri uman, iżda sempliċement il-promulgazzjoni tat-tliet proposti magħmula lil-leġiżlatur tal-Unjoni.

150.

Skont il-Kummissjoni, l-interpretazzjoni ta’ dokument li jinħareġ minn parti privata tirrigwarda l-evalwazzjoni ta’ fatti u ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ tal-iżnaturament tal-provi, punt ta’ dritt, li huwa suġġett għal stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja f’appell ( 80 ).

151.

Ma iniex konvint dwar kemm ikun f’loku li l-kwistjoni tad-definizzjoni tas-suġġett ta’ IĊE (li tkun irnexxiet) tiġi kklassifikata bħala punt ta’ fatt, simili għal dokument ta’ parti privata. Filwaqt li, naturalment, dak li jkun inkiteb hemmhekk ikun kwistjoni ta’ fatt, huwa ċar li l-klassifikazzjoni legali immedjata ta’ dawk il-fatti, għall-finijiet ta’ “possibbiltà ta’ reġistrazzjoni” skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament IĊE, kif ukoll ta’ stadji sussegwenti ta’ IĊE, ma hijiex biss fattwali. Barra minn hekk, ftit li xejn jista’ jiġi ssuġġerit li IĊE hija simili għal kuntratt innegozjat bejn żewġ partijiet privati u mbagħad meqjus mill-qrati tal-Unjoni f’kuntest, pereżempju, ta’ liġi dwar il-kompetizzjoni. Fil-kuntest ta’ IĊE, ikun hemm skambju kontinwu u evalwazzjoni kontinwa ta’ (effettivament sensiela ta’) atti minn partijiet privati mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

152.

Madankollu, tkun kemm tkun ġeneralment affaxxinanti diskussjoni dwar id-differenza bejn fatti u liġi, naħseb li fil-kuntest ta’ dan il-każ, tkun kompletament żejda. Is-sentenza bl-ebda mod ma kklassifikat b’mod żbaljat l-iskop tal-IĊE.

153.

L-argument tal-appellanti fil-qofol isostni li l-Kummissjoni ma kellhiex tinterpreta l-IĊE bħala li kien meħtieġ biss dak li kien intalab speċifikament (it-tliet proposti leġiżlattivi konkreti fl-anness), iżda kellha wkoll tinterpreta s-suġġett tal-IĊE bħala talba speċifika sabiex tiġi adottata pożizzjoni legali espliċita dwar in-natura umana tal-embrijuni.

154.

Ma naqbilx.

155.

Skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament IĊE, sabiex tintalab ir-reġistrazzjoni ta’ IĊE, l-organizzaturi għandhom jipprovdu l-informazzjoni rilevanti stabbilita fl-Anness II. Dan l-anness jitlob li jingħata titolu f’mhux iktar minn mitt karattru (punt 1); is-suġġett, f’mhux f’iktar minn mitejn karattru (punt 2); u deskrizzjoni tal-għanijiet, f’mhux iktar minn ħames mitt karattru (punt 3). Barra minn hekk, u fuq bażi mhux obbligatorja, l-organizzaturi jistgħu, jekk ikunu jixtiequ, jissottomettu abbozz ta’ att ġuridiku.

156.

Fl-IĊE inkwistjoni, l-għanijiet speċifiċi skont il-punt 3 huma identifikati b’mod ċar bħala proposta li tistabbilixxi “projbizzjoni u twaqqaf darba għal dejjem il-finanzjament ta’ attivitajiet li jinvolvu qerda tal-embrijun uman, partikolarment f’oqsma ta’ riċerka, għajnuna għall-iżvilupp, u sanità pubblika” ( 81 ). Ma’ dawn l-għanijiet ġie mehmuż abbozz ta’ att ġuridiku speċifiku.

157.

B’rabta ma’ dan, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat, għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ IĊE proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament IĊE, dwar l-importanza ta’ eżami bir-reqqa u imparzjali mill-Kummissjoni tal-elementi kollha msemmija mill-organizzaturi ta’ IĊE, meta huma jehmżu, bħala anness mal-proposta tagħhom, informazzjoni iktar iddettaljata dwar is-suġġett, l-għanijiet u l-kuntest tal-proposta tagħhom ( 82 ). Barra minn hekk, dawn l-elementi kollha għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni debitament għall-finijiet tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament IĊE.

158.

F’dawn iż-żewġ stadji, l-għanijiet ta’ IĊE loġikament jibqgħu l-istess. F’dan il-każ, il-Kummissjoni interpretat l-għanijiet b’riferiment għall-proposti speċifiċi magħmula mill-IĊE, u b’hekk ikkonkludiet li huma setgħu jiġu rreġistrati, peress li kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 4 tar-Regolament IĊE. Insib li huwa stramb ħafna l-argument li l-Kummissjoni missha, simultanjament (jew addizzjonalment), interpretat l-għanijiet tal-IĊE ukoll b’riferiment għas-suġġett imsemmi iktar ’il fuq, peress li dan seta’ possibbilment ifisser li l-għan ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament IĊE.

159.

Għalhekk, fi ftit kliem, il-Kummissjoni qiegħda effettivament tiġi kkritikata talli ma interpretatx, minbarra l-għanijiet speċifiċi ddikjarati b’mod ċar tal-IĊE, għan ieħor meħud mit-titolu tal-IĊE. Tali interpretazzjoni tal-ICE kien probabbilment ikun ta’ detriment għaliha, peress li l-għan (jew potenzjalment l-IĊE kollha) kien ikollu jiġi eskluż mir-reġistrazzjoni. Personalment ikolli nammetti li nsibha xi ftit diffiċli nidentifika setgħa tal-Kummissjoni li tintitolaha tippreżenta proposta ta’ att ġuridiku tal-Unjoni Ewropea li jsolvi l-kwistjoni dwar jekk l-embrijun uman huwiex esseri uman, skont l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament IĊE.

160.

F’dawk iċ-ċirkustanzi, ma jistax jingħad li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punt 156 tas-sentenza appellata fejn iddeċidiet li l-għan tal-IĊE inkwistjoni ma kienx id-definizzjoni jew il-kjarifika tal-istatus legali tal-embrijun uman, iżda l-preżentazzjoni mill-Kummissjoni ta’ dawk it-tliet proposti lil-leġiżlatur tal-Unjoni.

161.

Fil-fehma tiegħi, għalhekk, il-ħames aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud bħala infondat.

VI. Spejjeż

162.

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għal appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

163.

Il-Kummissjoni talbet li l-appellanti jiġu kkundannati għall-ispejjeż. Fil-fehma tiegħi, l-appellanti tilfu l-kawża. Għaldaqstant, l-appellanti għandhom jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż relatati ma’ din il-proċedura ta’ appell.

VII. Konklużjoni

164.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad l-appell;

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż tagħhom stess u għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Sentenza tat‑23 ta’ April 2018, One of Us et vs Il-Kummissjoni (T‑561/14, EU:T:2018:210).

( 3 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (ĠU 2011, L 65, p. 1, rettifika fil-ĠU 2012, L 94, p. 49) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament IĊE”).

( 4 ) Ara s-sentenzi tat‑12 ta’ Settembru 2017, Anagnostakis vs Il-Kummissjoni (C‑589/15 P, EU:C:2017:663) u tas‑7 ta’ Marzu 2019, Izsák u Dabis vs Il-Kummissjoni (C‑420/16 P, EU:C:2019:177), kif ukoll is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad‑19 ta’ April 2016, Costantini et vs Il-Kummissjoni (T‑44/14, EU:T:2016:223); tat‑3 ta’ Frar 2017, Minority SafePack – one million signatures for diversity in Europe vs Il-Kummissjoni (T‑646/13, EU:T:2017:59); tal‑5 ta’ April 2017, HB et vs Il-Kummissjoni (T‑361/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:252); u tal‑10 ta’ Mejju 2017, Efler et vs Il-Kummissjoni (T‑754/14, EU:T:2017:323).

( 5 ) It-tliet IĊE l-oħra li rnexxew sa issa huma Right2Water, Stop vivisection u Ban glyphosate. Ara http://ec.europa.eu/citizens-initiative/public/initiatives/successful.

( 6 ) IĊE (2012) 000005.

( 7 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74.

( 8 ) COM(2011) 809 final.

( 9 ) ĠU 2006, L 378, p. 41.

( 10 ) COM(2014) 355 final.

( 11 ) Digriet tas‑26 ta’ Novembru 2015, One of Us vs Il-Parliament et (T‑561/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:917).

( 12 ) Sentenza tat‑23 ta’ April 2018 (T‑561/14, EU:T:2018:210).

( 13 ) Punti 53 sa 65 tas-sentenza appellata.

( 14 ) Punti 66 sa 101 tas-sentenza appellata.

( 15 ) Punt 102 et seq. tas-sentenza appellata.

( 16 ) Dawn it-tliet sitwazzjonijiet jissemmew fil-punt 103 tas-sentenza appellata: “[…] fl-ewwel lok, meta l-miżuri mitluba fil-kuntest tal-IĊE ma humiex iktar neċessarji, peress li dawn kienu ġew adottati filwaqt li l-IĊE kienet għadha fis-seħħ jew li l-problema mqajma minnha kienet sparixxiet jew ukoll li kienet ġiet solvuta b’mod ieħor b’mod sodisfaċenti, fit-tieni lok, meta l-adozzjoni tal-miżuri mitluba fil-kuntest tal-IĊE tkun saret impossibbli wara r-reġistrazzjoni tagħha u, fit-tielet lok, meta l-inizjattiva taċ-ċittadini ma tinkludix proposta ta’ azzjoni speċifika, iżda sempliċement tavża bl-eżistenza ta’ problema li għandha tiġi solvuta, u tħalli lill-Kummissjoni l-kompitu li tiddetermina, skont il-każ, l-azzjoni li tista’ tittieħed.”

( 17 ) Sentenza tal‑14 ta’ April 2015 (C‑409/13, EU:C:2015:217, punti 7576).

( 18 ) Ara, pereżempju: bil-Ġermaniż “[…] können die Initiative ergreifen und die Europäische Kommission auffordern”; bl-Ispanjol “[…] podrá tomar la iniciativa de invitar a la Comisión Europea”; bit-Taljan “[…] possono prendere l’iniziativa d’invitare la Commissione europea”; bl-Olandiż “kunnen zij het initiatief nemen de Europese Commissie te verzoeken”; bil-Portugiż “pode tomar a iniciativa de convidar a Comissão Europeia” u biċ-Ċek “se může ujmout iniciativy a vyzvat Evropskou komisi”.

( 19 ) Għal eżempju, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (C‑16/16 P, EU:C:2017:959, punti 114 sa 115 u 140 sa 141).

( 20 ) ĠU 2003 C 169, p. 1. Din id-dispożizzjoni taqra kif ġej: “Mhux inqas minn miljun ċittadin li jkunu ġejjin minn għadd sinjifikattiv ta’ Stati Membri jistgħu jistiednu lill-Kummissjoni tissottometti kull proposta xierqa dwar kwistjonijiet fejn ċittadini jqisu li jkun meħtieġ att ġuridiku tal-Unjoni għall-implimentazzjoni tal-Kostituzzjoni. Liġi Ewropea għandha tiddetermina d-dispożizzjonijiet għall-proċeduri u l-kundizzjonijiet speċifiċi meħtieġa għal inizjattiva taċ-ċittadini bħal din.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

( 21 ) Ara, pereżempju, Morelli, M., La democrazia parteciativa nella governance dell’Unione europea, Giuffrè editore, Milano, 2011, p. 55 et seq.

( 22 ) Ara, għal emendi relatati li huma bbażati fuq elementi tal-inizjattiva taċ-ċittadini, tar-referendum Ewropew u tad-dritt ta’ petizzjoni, Lamassoure, A., “Proposition d’amendement à l’Article 34 (bis)”, fejn hemm obbligu li l-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta, u Einem, C., u Berger, M. “Suggestion for amendment of Article: 34°”, dwar obbligu li jsir referendum. L-emendi jistgħu jiġu kkonsultati fi: http://european-convention.europa.eu/EN/amendemTrait/amendemTrait2352.html?lang=EN.

( 23 ) Ara, Meyer, J., “Suggestion for amendment of Article: I-46, part I, title VI (CONV 724/03)”. Skont l-ispjegazzjoni għal dik l-emenda, “Hija ser testendi d-dritt eżistenti ta’ petizzjoni għal dritt taċ-ċittadini li jippreżentaw proposti leġiżlattivi lill-Kummissjoni tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha, imbagħad, tiddeċiedi jekk tadottax jew le miżuri leġiżlattivi.” [traduzzjoni libera]

( 24 ) Emenda 19, Rapport I dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (COM (2010) 0119 – C7‑0089/2010 – 2010/0074 (COD)), Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali A7‑0350/2010.

( 25 ) Dwar id-dibattitu tal-Parlament Ewropew, ara Szeligowska, D., u Mincheva, E., “The European Citizens’ Initiative – Empowering European Citizens within the Institutional Triangle: A Political and Legal Analysis”, Perspectives on European Politics and Society, Vol. 13, 2012, ħarġa 3, p. 270 sa 284, f’p. 274.

( 26 ) Nota spjegattiva, Rapport I dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (COM(2010) 0119 – C7‑0089/2010 – 2010/0074 (COD)), Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali A7‑0350/2010.

( 27 ) L-approċċ wiesa’ dwar l-ammissibbiltà fl-istadju ta’ reġistrazzjoni huwa kkonfermat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li sa issa interpretat biss il-kriterju tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament IĊE. Dwar dan, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li l-Kummissjoni, malli tirċievi proposta IĊE “hija obbligata tinterpreta u tapplika l-imsemmija kundizzjoni għal reġistrazzjoni [tal-Artikolu 4(2)(b)] b’mod li tiżgura aċċessibbiltà faċli għall-IĊE u li l-Kummissjoni tista’ tirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ din il-proposta fil-każ biss li tkun manifestament taqa’ barra mill-qafas tal-kompetenzi tagħha”. Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Settembru 2017, Anagnostakis vs Il-Kummissjoni (C‑589/15 P, EU:C:2017:663, punti 4950) u tas‑7 ta’ Marzu 2019, Izsák u Dabis vs Il-Kummissjoni (C‑420/16 P, EU:C:2019:177, punt 64).

( 28 ) Sentenza tal‑14 ta’ April 2015 (C‑409/13, EU:C:2015:217, punti 7576).

( 29 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Is-Slovakkja u L-Ungerija vs Il-Kunsill (C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631, punt 146).

( 30 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Il-Kunsill vs Il-Kummissjoni (C‑409/13, EU:C:2014:2470, punti 4445).

( 31 ) Ara, dwar dan id-dibattitu, Ponzano, P., “Le droit d’initiative de la Commission européenne: théorie et pratique”, Revue des affaires européennes, 2009-2010/1, p. 27 sa 35; Ponzano, P., Hermanin, C., u Corona, D., The Power of Initiative of the European Commission: A Progressive Erosion?, Notre Europe, 2012, p. 7; jew von Buttlar, C., Das Initiativrecht der Europäischen Kommission, Duncker & Humblot, Berlin, 2003, p. 17.

( 32 ) Sentenzi tal‑14 ta’ April 2015, Il-Kunsill vs Il-Kummissjoni (C‑409/13, EU:C:2015:217, punt 70), u tas‑6 ta’ Settembru 2017, Is-Slovakkja u L-Ungerija vs Il-Kunsill (C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631, punt 146).

( 33 ) Sentenza tal‑14 ta’ April 2015, Il-Kunsill vs Il-Kummissjoni (C‑409/13, EU:C:2015:217, punt 70).

( 34 ) Kif kien il-każ dwar politika komuni ta’ trasport skont l-Artikoli 74 u 75 tat-Trattat KEE. Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Mejju 1985, Il-Parliament vs Il-Kunsill (13/83, EU:C:1985:220, b’mod partikolari l-punti 64 sa 68).

( 35 ) F’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fakkret b’mod konsistenti li “ir-regoli li jiddeterminaw il-mod kif l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jaslu għad-deċiżjonijiet tagħhom huma stabbiliti mit-Trattati u ma jaqgħux fid-diskrezzjoni la tal-Istati Membri u lanqas tal-istituzzjonijiet stess”. Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑363/14, EU:C:2015:579, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 36 ) Ara, f’dan is-sens, dwar l-importanza ta’ aċċess għal dokumenti, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il-Kummissjoni (C‑57/16 P, EU:C:2018:660, punt 108).

( 37 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2004, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑233/02, EU:C:2004:173, punt 51).

( 38 ) Huwa minnu li, f’demokrazija, ċertament jista’ jkun hemm ipproċessar u diskussjoni b’mod simultanju ta’ inizjattivi li jkollhom kontenut differenti jew oppost. Tista’ faċilment issir analoġija mal-livell nazzjonali, fejn jistgħu jitressqu diversi proposti b’mod simultanju u jiġu diskussi f’parlament. Madankollu, din l-analoġija ma hijiex kompletament rilevanti minħabba li, fil-livell nazzjonali, sitwazzjonijiet bħal dawn ikunu marbuta b’mod inerenti mad-dritt ta’ inizjattiva ta’ membri individwali ta’ parlament, ta’ gruppi parlamentari jew ta’ gruppi politiċi f’parlament, li mbagħad x’aktarx li jkunu f’kunflitt bejniethom jew ma’ proposta governattiva diġà mressqa. Analoġija aħjar dwar dan tkun ma’ sitwazzjoni li fiha l-istess gvern jibgħat proposti kontradittorji lill-parlament nazzjonali fl-istess waqt, li bilkemm tista’ tissejjaħ governanza effettiva (jew saħansitra demokratika), fi kwalunkwe livell.

( 39 ) Digriet tal‑5 ta’ Settembru 2018, Minority SafePack - one million signatures for diversity in Europe vs Il-Kummissjoni, (C‑717/17 P(I), mhux ippubblikata, EU:C:2018:691, punt 31).

( 40 ) Sentenza tal‑14 ta’ April 2015 (C‑409/13, EU:C:2015:217).

( 41 ) Sentenza tal‑14 ta’ April 2015 (C‑409/13, EU:C:2015:217, punti 7576).

( 42 ) Ara l-punti 38 sa 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 43 ) Sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2017, Anagnostakis vs Il-Kummissjoni (C‑589/15 P, EU:C:2017:663, punt 24).

( 44 ) Sentenzi tat‑12 ta’ Settembru 2017, Anagnostakis vs Il-Kummissjoni (C‑589/15 P, EU:C:2017:663, punt 49) u tas‑7 ta’ Marzu 2019, Izsák u Dabis vs Il-Kummissjoni (C‑420/16 P, EU:C:2019:177, punt 53).

( 45 ) Ara l-punti 39 sa 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 46 ) Emenda 52, Rapport I dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (COM(2010) 0119 – C7‑0089/2010 – 2010/0074 (COD)), Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali A7-0350/2010.

( 47 ) Jista’ jingħad ukoll li l-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea (ĠU 2010, L 304, p. 47) jistabbilixxi, fil-punt 16, rabta importanti bejn dak li jsir wara talba mill-Parlament skont l-Artikolu 225 TFUE u l-IĊE. Il-Kummissjoni għandha tintrabat li tirrapporta dwar is-segwitu li jkun ingħata fi żmien tliet xhur mir-riżoluzzjoni u, jekk ma tissottomettix proposta, hija jkollha tagħti “spjegazzjonijiet dettaljati” tar-raġunijiet. B’mod partikolari, il-Kummissjoni “għandha wkoll timpenja ruħha favur kooperazzjoni mill-qrib u bikrija mal-Parlament dwar kull talba ta’ inizjattiva leġiżlattiva minn inizjattivi taċ-ċittadini”. Ara, dwar l-interazzjoni mal-Parlament Ewropew, Karatzia, A., “The European Citizens’ Initiative and the EU Institutional Balance: On realism and the possibilities of affecting EU law-making”, Common Market Law Review, Vol. 54, 2017, p. 177, f’p. 187 sa 190.

( 48 ) Ara, dwar dan, is-sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2017, Efler et vs Il‑Kummissjoni (T‑754/14, EU:T:2017:323, punt 45).

( 49 ) Kif ġie osservat fid-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew li temmet l-inkjesta OI/9/2013/TN li kienet inbdiet b’inizjattiva tagħha stess dwar il-Kummissjoni Ewropea tal‑4 ta’ Marzu 2015, punt 20.

( 50 ) Għal diskussjoni dwar sistemi oħra ta’ inizjattiva minn perspettiva komparattiva, ara Cuesta López, V., “A Comparative approach to the Regulation on the European Citizens’ Initiative”, Perspectives on European Politics and Society, 13, 2012, p. 257 sa 269, f’p. 263; Petropoulos, E., “Die Europäische Bürgerinitiative im paneuropäischen Kontext: Wo steht die direckte Demokratie in der EU im Vergleich zu ihren Mitgliedstaaten?”, Saar Blueprints, 11/2016; Qvortrup, M., “The Legislative Initiative: A comparative Analysis of the Domestic Experiences in EU Countries”, f’Dougan, M., Nic Shuibhne, N., u Spaventa, E., Empowerment and Disempowerment of the European Citizen, Hart, Oxford, 2012, p. 291 sa 304.

( 51 ) Ara l-punti 39 u 71 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 52 ) Ara l-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 53 ) Pereżempju, Organ, J., “Decommissioning Direct Democracy? A Critical Analysis of Commission Decision-Making on the Legal Admissibility of European Citizens Initiative Proposals”, European Constitutional Law Review, vol. 10/nru. 3, 2014, p. 422 sa 443; Guilloud-Colliat, L., “La mise en oeuvre de l’initiative citoyenne européenne: anatomie d’un échec”, Revue du droit de l’Union européenne, vol. 4, 2008, p. 175 sa 200 u Bouza Garcia, L., u Del Río Villar, S., “The ECI as a Democratic Innovation: Analysing its Ability to Promote Inclusion, Empowerment and Responsiveness in European Civil Society”, Perspectives on European Politics and Society, 13(3), 2012, p. 312 sa 324.

( 54 ) Ara r-Rapporti tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (COM(2015) 145 final u COM(2018) 157 final) u d-dokument “The European Citizens’ Initiative: the experience of the first three years. European Implementation Assessment”, European Parliamentary Research Service, p. 27 et seq. u r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew iċċitati hemmhekk.

( 55 ) Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (ĠU 2019, L 130, p. 55). Ir-regolament il-ġdid ma jbiddilx in-natura mhux vinkolanti ta’ IĊE li tkun irnexxiet fuq il-Kummissjoni. Madankollu, huwa jintroduċi f’dan ir-rigward bidliet relatati ma’ superviżjoni politika mill-Parlament ta’ dak li l-Kummissjoni tagħmel wara (Artikolu 16), u l-obbligu tal-Parlament li wara s-smigħ jivvaluta l-appoġġ politiku għall-inizjattiva (Artikolu 14(3)).

( 56 ) B’riferiment għas-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 1998, Nilsson et (C‑162/97, EU:C:1998:554, punt 54); tal‑25 ta’ Novembru 1998, Manfredi (C‑308/97, EU:C:1998:566, punt 30) u tal‑24 ta’ Novembru 2005, Deutsches Milch-Kontor (C‑136/04, EU:C:2005:716, punt 32).

( 57 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2005, Alliance for Natural Health et (C‑154/04 u C‑155/04, EU:C:2005:449, punti 9192); tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Ziolkowski u Szeja (C‑424/10 u C‑425/10, EU:C:2011:866, punti 4243); jew tal‑25 ta’ Lulju 2018, Confédération paysanne et (C‑528/16, EU:C:2018:583, punt 44 sa 4651).

( 58 ) L-eżempji testwali klassiċi f’din il-kategorija huma sitwazzjonijiet fejn l-iskop ta’ kunċett legali mhux iddefinit jew indeterminat li jkun fl-artikoli ta’ att ġuridiku jiġi interpretat b’mod strett jew wiesa’ minħabba premessa. B’dan il-mod, jista’ jkun impost obbligu fuq parti, jew dritt mogħti lil parti oħra, formalment ovvjament abbażi ta’ artikolu ta’ att ġuridiku, iżda fir-realtà abbażi ta’ premessa li tista’ tibdel b’mod kunsiderevoli l-iskop tal-kunċett ġuridiku inkwistjoni.

( 59 ) Ma nixtieqx nidħol f’“interpretazzjoni retroattiva”, iżda ta’ min jinnota li l-kliem “b’mod separat” għeb mill-premessa 28 tar-Regolament 2019/788, li tikkorrispondi mal-premessa 20 tar-Regolament IĊE.

( 60 ) Ara l-ġustifikazzjoni għall-Emenda 19, Rapport I dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (COM(2010) 0119 – C7‑0089/2010 – 2010/0074 (COD)), Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali A7–0350/2010. Bl-istess mod, l-Emenda 52 tindika li “il-Kummissjoni għandha tasal għal konklużjonijiet legali u politiċi dwar l-inizjattiva. Il-komunikazzjoni għandu jkollha ż-żewġ tipi ta’ konklużjonijiet”.

( 61 ) Sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2005, Rica Foods vs Il-Kummissjoni (C‑40/03 P, EU:C:2005:455).

( 62 ) Sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2014 (C‑261/13 P, EU:C:2014:2423).

( 63 ) Punt 169 tas-sentenza appellata.

( 64 ) Sentenza tal-14 ta’ Lulju 2005, Rica Foods vs Il-Kummissjoni (C‑40/03 P, EU:C:2005:455, punti 53 sa 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 65 ) Ara, dwar id-dibattitu li jirrigwarda kemm tkun iġġustifikata l-komunikazzjoni dwar xi jsir wara IĊE li tkun irnexxiet, pereżempju: Dougan, M., “What are we to make of the citizens’ initiative?”, Common Market Law Review, 48, 2011, p. 1807 sa 1848, f’p. 1839; Vogiatzis, N., “Between discretion and control: Reflections on the institutional position of the Commission within the European citizens’ initiative process”, European Law Journal, 23, 2017, p. 250 sa 271, f’p. 257.

( 66 ) Sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2014, Schönberger vs Il-Parliament (C‑261/13 P, EU:C:2014:2423, punt 24).

( 67 ) Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma teskludi bl-ebda mod l-istħarriġ ġudizzjarja b’riferiment għall-eżistenza ta’ “kwistjoni politika”, li setgħet kienet, f’xi livell, konċepibbli wkoll. Jekk jiġi rrikonoxxut li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali politika dwar jekk hija għandhiex tagħti segwitu jew le lil IĊE li tkun irnexxiet, imbagħad x’jibqa’ x’tistħarreġ? Gosti, twemmin, u konvinzjonijiet politiċi ftit li xejn jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju (razzjonali). Ara, dwar dan id-dibattitu b’mod ġenerali, Butler, G., “In search of the Political Question Doctrine in EU law”, Legal Issues of Economic Integration, Vol. 45, Nruo4, 2018, p. 329 sa 354.

( 68 ) B’hekk tirrifletti, fuq livell ieħor, id-diskussjoni dwar “valur miżjud”, iktar ’il fuq fil-punti 73 u 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 69 ) Ara l-punt 100 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 70 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Is-Slovakkja u L-Ungerija vs Il-Kunsill (C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631, punt 124 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 71 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑18 ta’ Marzu 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑427/12, EU:C:2014:170, punt 40); tal‑11 ta’ Diċembru 2018, Weiss et (C‑493/17, EU:C:2018:1000, punt 24) jew tat‑30 ta’ April 2019, L-Italja vs Il-Kunsill (Kwota ta’ qabdiet ta’ pixxispad tal-Mediterran) (C‑611/17, EU:C:2019:332, punti 57120).

( 72 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża Rica Foods vs Il-Kummissjoni (C‑40/03 P, EU:C:2005:93, punti 45 sa 50).

( 73 ) Ara l-punt 103 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 74 ) Sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2011 (C‑34/10, EU:C:2011:669).

( 75 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Lulju 1998 dwar il-protezzjoni legali ta’ l-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 395).

( 76 ) Sentenzi tat‑18 ta’ Ottubru 2011, Brüstle (C‑34/10, EU:C:2011:669, punt 40) u tat‑18 ta’ Diċembru 2014, International Stem Cell Corporation (C‑364/13, EU:C:2014:2451, punt 22).

( 77 ) Ara, dwar dan, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Brüstle (C‑34/10, EU:C:2011:138, punt 44), fejn jisħaq li ma jidhirlux li “l-possibbiltà għal privattiva u r-riċerka ma jistgħux jiġu sseparati minn xulxin.”

( 78 ) Ara l-punti 179 u 180 tas-sentenza appellata.

( 79 ) Il-Komunikazzjoni, fil-punt 3.3., fiha biss id-dikjarazzjoni li ġejja: “F’pajjiżi sħab li qed jiżviluppaw u li l-UE qed tappoġġa s-settur tas-saħħa tagħhom, l-UE tagħti assistenza lis-sistemi tal-kura tas-saħħa, billi tappoġġa l-provdiment ta’ servizz integrat li jkun jinkludi servizzi tas-saħħa sesswali, riproduttiva, materna, tat-twelid u tal-ulied fl-ispettru tal-kura, jew billi tagħti appoġġ baġitarju biex tgħin lill-pajjiżi jtejbu l-għoti tas-servizzi nazzjonali tas-saħħa. Minnha nnifisha, din l-assistenza tgħin direttament jew indirettament lill-ispettru kollu tas-servizzi tas-saħħa li joffru l-pajjiżi sħab, li jaf ikunu jinkludu jew ma jinkludux servizzi relatati mal-abort biex isalvaw ħajjet l-omm. Dan l-appoġġ komprensiv tal-UE jgħin bil-bosta biex jonqos l-għadd ta’ abort għax iżid l-aċċess għal servizzi sikuri u ta’ kwalità, inklużi l-ippjanar sod tal-familja, firxa wiesgħa ta’ metodi kontraċettivi, il-kontraċezzjoni ta’ emerġenza u l-edukazzjoni komprensiva tas-sesswalità.”

( 80 ) Il-Kummissjoni semmiet is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2006, Il-Kummissjoni vs Volkswagen (C‑74/04 P, EU:C:2006:460, punti 49 sa 53) biex issostni dan l-argument.

( 81 ) Ara l-punt 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 82 ) Ara s-sentenzi tat‑12 ta’ Settembru 2017, Anagnostakis vs Il-Kummissjoni (C‑589/15 P, EU:C:2017:663, punti 35 u 45), u tas‑7 ta’ Marzu 2019, Izsák u Dabis vs Il-Kummissjoni (C‑420/16 P, EU:C:2019:177, punt 51).

Top