EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0611

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-30 ta’ April 2019.
Ir-Repubblika Taljana vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Rikors għal annullament – Politika komuni tas-sajd – Konservazzjoni tar‑riżorsi – Konvenzjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat‑Tonn tal‑Atlantiku – Qabda totali permissibbli (TAC) tal‑pixxispad tal‑Mediterran – Regolament (UE) Nru 2017/1398 – Stabbiliment tal-opportunitajiet tas‑sajd għas‑sena 2017 – Kompetenza esklużiva tal-Unjoni – Determinazzjoni tal‑perijodu ta’ referenza – Affidabbiltà tad-data bażika – Portata tal-istħarriġ ġudizzjarju – Artikolu 17 TUE – Ġestjoni tal-interessi tal‑Unjoni fi ħdan korpi internazzjonali – Prinċipju ta’ stabbiltà relattiva – Kundizzjonijiet għall‑applikazzjoni – Prinċipji ta’ nuqqas ta’ retroattività, ta’ ċertezza legali, ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ nondiskriminazzjoni.
Kawża C-611/17.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:332

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

30 ta’ April 2019 ( *1 )

“Rikors għal annullament – Politika komuni tas-sajd – Konservazzjoni tar‑riżorsi – Konvenzjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat‑Tonn tal‑Atlantiku – Qabda totali permissibbli (TAC) tal‑pixxispad tal‑Mediterran – Regolament (UE) Nru 2017/1398 – Stabbiliment tal-opportunitajiet tas‑sajd għas‑sena 2017 – Kompetenza esklużiva tal-Unjoni – Determinazzjoni tal‑perijodu ta’ referenza – Affidabbiltà tad-data bażika – Portata tal-istħarriġ ġudizzjarju – Artikolu 17 TUE – Ġestjoni tal-interessi tal‑Unjoni fi ħdan korpi internazzjonali – Prinċipju ta’ stabbiltà relattiva – Kundizzjonijiet għall‑applikazzjoni – Prinċipji ta’ nuqqas ta’ retroattività, ta’ ċertezza legali, ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ nondiskriminazzjoni”

Fil-Kawża C‑611/17,

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentat fit-23 ta’ Ottubru 2017,

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn F. Naert u E. Moro, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn:

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat inizjalment minn V. Ester Casas, sussegwentement minn M. J. García‑Valdecasas Dorrego, bħala aġenti,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Moro u A. Stobiecka‑Kuik, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi-President, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, E. Regan, C. Toader (Relatur) u C. Lycourgos, Presidenti tal-Awla, E. Juhász, M. Ilešič, J. Malenovský, E. Levits, L. Bay Larsen, P. G. Xuereb, N. Piçarra u L.S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, ir-Repubblika Taljana titlob l-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1398 tal-25 ta’ Lulju 2017 li jemenda r-Regolament (UE) 2017/127 fir-rigward ta’ ċerti opportunitajiet tas-sajd (ĠU 2017, L 199, p. 2, u rettifika ĠU 2017, L 238, p. 55, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”).

Il-kuntest ġuridiku

Il-Konvenzjoni ICCAT

2

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 86/238/KEE tad-9 ta’ Ġunju 1986 (ĠU 1986, L 162, p. 33) l-Unjoni Ewropea aderixxiet għall-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku, kif emendata bil-Protokoll mehmuż mal-Att Finali tal-Konferenza tal-Plenipotenzjari tal-Istati li jifformaw Parti mill-Konvenzjoni ffirmata f’Pariġi fl-10 ta’ Lulju 1984 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ICCAT”).

Ir-Regolament PKS

3

Skont il-premessi 35 sa 37 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU 2013, L 354, p. 22, iktar ’il quddiem ir-Regolament “PKS”):

“(35)

Minħabba l-qagħda ekonomika prekarja tal-industrija tas-sajd u d-dipendenza ta’ ċerti komunitajiet kostali fuq is-sajd, huwa neċessarju li tiġi żgurata l-istabbiltà relattiva tal-attivitajiet tas-sajd permezz tal-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd bejn l-Istati Membri, fuq il-bażi ta' sehem prevedibbli tal-istokkijiet għal kull Stat Membru.

(36)

Tali stabbiltà relattiva tal-attivitajiet tas-sajd, minħabba s-sitwazzjoni bijoloġika temporanja tal-istokkijiet, għandha tħares u tieħu kont sħiħ tal-ħtiġijiet partikolari ta’ reġjuni fejn il-komunitajiet lokali jiddipendu b'mod partikolari fuq is-sajd u l-attivitajiet relatati kif deċiż mill-Kunsill fir-Riżoluzzjoni tiegħu [,] tat-3 ta’ Novembru 1976[, dwar ċerti aspetti esterni tal-ħolqien ta' żona tas-sajd ta' 200 mil fil-Komunità b'effett mill-1 ta’ Jannar 1977 (ĠU 1981, C 105, p. 1)], u b’mod partikolari l-Anness VII tagħha.

(37)

Għalhekk, huwa f’dan is-sens li għandu jinftiehem il-kunċett ta’ stabbiltà relattiva.”

4

Taħt it-Titolu “Objettivi”, l-Artikolu 2 tar-Regolament PKS jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Il-[politika komuni tas-sajd (PKS)] għandha tiżgura li l-attivitajiet tas-sajd u l-akkwakultura huma ambjentalment sostenibbli fit-tul u huma ġestiti b’mod li huwa konsistenti mal-objettivi li jinkisbu benefiċċji ekonomiċi, soċjali u ta’ impjieg, u li jingħata kontribut għad-disponibbiltà ta’ provvisti tal-ikel.

2.   Il-PKS għandha tapplika l-approċċ prekawzjonarju għall-ġestjoni tas-sajd, u għandha tfittex li tiżgura li l-isfruttament ta’ riżorsi bijoloġiċi ħajjin tal-baħar jirripristina l-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet mistada u jżommhom ’il fuq minn livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli.”

5

L-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Opportunitajiet tas-sajd”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-opportunitajiet tas-sajd allokati lill-Istati Membri għandhom jiżguraw stabbiltà relattiva tal-attivitajiet tas-sajd ta’ kull Stat Membru għal kull stokk ta’ ħut jew żona tas-sajd. Għandhom jitqiesu l-interessi ta’ kull Stat Membru meta jiġu allokati l-opportunitajiet tas-sajd il-ġodda.”

Ir-Regolament Nru 2371/2002

6

Skont l-Artikolu 48 tar-Regolament PKS, dan ħassar ir-Regolament tal-Kunsill Nru 2371/2002 ta’ l-20 ta’ Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 5, p. 460). L-Artikolu 20 ta’ dan l-aħħar regolament, intitolat “Allokazzjoni ta’ opportunitajiet tas-sajd” kien jispeċifika:

“1.   Il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jiddeċiedi dwar il-limiti ta’ qbid u/jew opportunitajiet tas-sajd u dwar l-allokazzjoni ta’ opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri kif ukoll dwar il-kondizzjonijiet assoċjati ma’ dawk il-limiti. Opportunitajiet tas-sajd għandhom jitqassmu bejn l-Istati Membri b’mod li jassigura lil kull Stat Membru stabbilità relattiva ta’ attivitajiet tas-sajd għal kull ħażna jew żona tas-sajd.

2.   Meta l-Komunità tistabbilixxi opportunitajiet tas-sajd ġodda il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar l-allokazzjoni ta’ dawk l-opportunitajiet, waqt li jqis l-interessi ta’ kull Stat Membru.

[...]”

Ir-Regolament 2017/127

7

L-Anness I D, intitolat “Iż-Żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT”, tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/127 tal-20 ta’ Jannar 2017, li jistabbilixxi, għall-2017, l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni (ĠU 2017, L 24, p. 1, rettifika fil-ĠU 2017, L 80, p. 46), kien jispeċifika, qabel l-emenda tiegħu permezz tar-regolament ikkontestat, f’dak li jirrigwarda s-sajd tal-pixxispad fil-Baħar Mediterran (iktar ’il quddiem il-“pixxispad tal-Mediterran”), li “[i]t-totali [tal-qabda totali permissibbli (TAC)] adottati fil-qafas tal-[Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku] għall-pixxispad tal-Mediterran […] mhumiex allokati għall-[partijiet kontraenti u partijiet, entitajiet jew entitajiet tas-sajd mhux kontraenti tagħha li jikkooperaw magħha] tal-ICCAT u għalhekk is-sehem tal-Unjoni tagħhom mhuwiex determinat.” Dan l-anness kien jispeċifika wkoll li t-TAC relatata ma’ din l-ispeċi, kif stabbilita mill-ICCAT, kienet stabbilita għal 10500 tunnellata fis-sena.

Ir-regolament ikkontestat

8

Il-premessi 9 sa 12 tar-regolament ikkontestat huma fformulati b’dan il-mod:

“(9)

Fil-Laqgħa Annwali tagħha tal-2016, il-[ICCAT] adottat ir-Rakkomandazzjoni 16-05 (ir-‘Rakkomandazzjoni 16-05’) li tistabbilixxi t-TAC għall-pixxispad tal-Mediterran (Xiphias gladius) għal 10500 tunnellata, u li tistabbilixxi Grupp ta’ Ħidma sabiex tiġi stabbilita allokazzjoni ġusta u ekwa tal-iskema tat-TAC għall-pixxispad tal-Mediterran, u biex jiġu stabbiliti l-kwoti allokati għall-2017 lill-Partijiet Kontraenti u lill-Partijiet, lill-Entitajiet jew lill-Entitajiet tas-Sajd mhux Kontraenti li jikkooperaw u biex jiġi definit il-mekkaniżmu għall-ġestjoni tat-TAC.

(10)

Permezz ta’ ittra indirizzata lis-Segretarjat fit-23 ta’ Diċembru 2016, l-Unjoni kkonfermat li ser timplimenta r-Rakkomandazzjoni 16-05 mill-1 ta’ Jannar 2017. B’mod partikolari, l-Unjoni kkonfermat li ser timplimenta l-perijodu tal-għeluq għall-pixxispad tal-Mediterran imsemmi fil-paragrafu 11 tar-Rakkomandazzjoni 16-05 matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Marzu, li jibda fl-2017. Għalhekk, huwa xieraq li jiġi introdott it-tali għeluq bħala kundizzjoni funzjonalment marbuta mal-iffissar u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd għall-pixxispad tal-Mediterran.

(11)

Il-Grupp ta’ Ħidma stabbilit bir-Rakkomandazzjoni 16-05 iltaqa’ bejn l-20 u t-22 ta’ Frar 2017 u ppropona kriterju ta’ allokazzjoni, kif ukoll kompromess għall-ġestjoni tal-utilizzazzjoni tal-kwoti għall-2017. Bħala parti minn dak il-kompromess, is-sehem tal-Unjoni kien stabbilit għal 70,756 % tat-TAC tal-ICCAT, li jammonta għal 7410,48 tunnellata fl-2017. Għalhekk, huwa xieraq li s-sehem tal-Unjoni jiġi implimentat fil-liġi tal-Unjoni u li jiġu definiti l-kwoti għall-Istati Membri. L-allokazzjoni jenħtieġ li tkun ibbażata fuq il-qabdiet storiċi waqt il-perijodu ta’ referenza bejn l-2012 u l-2015.

(12)

Il-limiti tal-qbid previsti fir-Regolament [2017/127] japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2017. Għalhekk, jeħtieġ li d-dispożizzjonijiet introdotti minn dan ir-Regolament emendatorju dwar il-limiti tal-qbid japplikaw ukoll minn dik id-data. Tali applikazzjoni retroattiva hija mingħajr preġudizzju għall-prinċipji taċ-ċertezza legali u għall-protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi billi l-opportunitajiet tas-sajd ikkonċernati għadhom ma ġewx eżawriti.”

9

Skont l-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament, l-Anness I D tar-Regolament 2017/127 huwa emendat fis-sens, b’mod partikolari, li t-tabella tal-opportunitajiet tas-sajd għall-pixxispad tal-Mediterran li kienet tinsab f’dan l-anness għandha tiġi ssostitwita b’tabella li tipprevedi, b’mod partikolari, li s-sehem tat-TAC għal din l-ispeċi rriżervat għall-Unjoni għas-sena 2017 huwa ta’ 7 410.48 tunnellati u li l-kwota għall-Italja tammonta għal 3 736.26 tunnellata.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

10

Sa tmiem is-sena 2016, ir-rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT fis-seħħ kienu jipprevedu biss, fir-rigward tal-pixxispad tal-Mediterran, miżuri tekniċi ta’ protezzjoni, mingħajr qatt ma jistabbilixxu TAC.

11

Wara x-xogħlijiet tal-laqgħa annwali tal-ICCAT li saret f’Novembru 2016, il-partijiet kontraenti u l-partijiet, l-entitajiet jew l-entitajiet tas-sajd mhux kontraenti tagħha li jikkooperaw magħha għall-Konvenzjoni ICCAT (iktar ’il quddiem il-“PKK”), fid-dawl tal-evalwazzjonijiet xjentifiċi l-iktar reċenti mwettqa fil-kuntest tal-Kumitat Permanenti dwar ir-Riċerka u l-Istatistika, li huwa wieħed mill-korpi tal-ICCAT, iddeċidew li jadottaw, skont ir-Rakkomandazzjoni 16‑05, pjan ġdid multiannwali għall-ġestjoni u għall-protezzjoni tal-istokk tal-pixxispad tal-Mediterran, permezz tal-introduzzjoni, mis-sena 2017, ta’ TAC stabbilita għal 10500 tunnellata, ikkalkolata abbażi tal-qabdiet storiċi, li jkopru s-snin 2010‑2015.

12

Fl-20 ta’ Frar 2017, infetħu f’Madrid (Spanja) in-negozjati internazzjonali, li fil-kuntest tagħhom l-Unjoni kienet irrappreżentata mid-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd tal-Kummissjoni. Dawn in-negozjati kienu konklużi permezz tad-deċiżjoni li tiġi prevista skema ta’ allokazzjoni ta’ TAC li tadotta bħala bażi ta’ kalkolu l-medja tal-livelli ta’ qabdiet tal-pixxispad tal-Mediterran matul is-snin 2010‑2014. Wara dawn in-negozjati, l-Unjoni kisbet, għas-sena 2017, kwota ta’ 70.756 % ta’ TAC ta’ 10500 tunnellata.

13

Fit-18 ta’ April 2017, il-proċedura bil-miktub permezz ta’ mezzi elettroniċi, li permezz tagħha l-PKK formalment approvaw id-distribuzzjoni ta’ din it-TAC, ingħalqet, u ġiet għalhekk ifformalizzata l-attribuzzjoni lill-Unjoni ta’ kwota ta’ qabdiet ta’ pixxispad tal-Mediterran ta’ 7 410.48 tunnellati għas-sena 2017.

14

Fit-18 ta’ Lulju 2017, il-Kummissjoni ħabbret lill-Istati Membri kkonċernati li l-votazzjoni kienet ġiet invalidata minħabba oġġezzjonijiet ta’ natura proċedurali u li, konsegwentement, kienet ser tiġi organizzata votazzjoni mill-ġdid.

15

Fil-25 ta’ Lulju 2017, il-Kunsill adotta r-regolament ikkontestat.

16

Fl-istess ġurnata, permezz ta’ ċirkulari indirizzata lill-PKK, is-Segretarjat tal-ICCAT uffiċjalment ħabbar li l-votazzjoni inizjali ma kinitx valida, filwaqt li ppospona għal data ulterjuri l-iffissar tad-data tal-votazzjoni mill-ġdid. Permezz ta’ ċirkolari tas-7 ta’ Awwissu 2017, din id-data kienet inizjalment stabbilita għat-2 ta’ Settembru, u sussegwentement ġiet posposta għat-2 ta’ Ottubru, minħabba l-assenza tal-kworum meħtieġ.

17

Fl-aħħar nett, fid-9 ta’ Ottubru 2017, permezz ta’ ċirkulari ġdida, is-Segretarjat tal-ICCAT ikkomunika lill-PKK li l-kworum kien intlaħaq u li, konsegwentement, il-ftehim ta’ tqassim tat-TAC, kif kienet ġiet stabbilita fit-tmiem tan-negozjati internazzjonali ta’ Madrid, kien ġie definittivament approvat.

It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

18

Ir-Repubblika Taljana titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla r-regolament ikkontestat, u b’mod partikolari, il-premessi 9 sa 12 tiegħu, l-Artikolu 1(2) tiegħu, sa fejn dan jemenda l-Anness I D tar-Regolament Nru 2017/127, kif ukoll il-punt 3 tal-anness tar-regolament ikkontestat, u

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

19

Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

prinċipalment, tiċħad ir-rikors;

sussidjarjament, jekk ir-regolament ikkontestat jiġi annullat fir-rigward tal-pixxispad tal-Mediterran, tordna ż-żamma tal-effetti ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, u

tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.

20

Permezz tad-deċiżjonijiet rispettivi tas-26 ta’ Jannar 2018 u tas-26 ta’ Frar 2018, ir-Renju ta’ Spanja u l-Kummissjoni ġew ammessi jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

21

Permezz ta’ talba tal-20 ta’ Awwissu 2018, ir-Repubblika Taljana, konformement mal-Artikolu 16(3) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, talbet l-allokazzjoni ta’ din il-kawża lill-Awla Manja.

Fuq ir-rikors

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 1 tad‑Deċiżjoni 86/238

L-argumenti tal-partijiet

22

Skont ir-Repubblika Taljana, ir-regolament ikkontestat huwa illegali sa fejn il-Kunsill qies li kien obbligat jadotta dan ir-regolament, minħabba li huwa kien marbut bid-deċiżjoni ta’ tqassim, bejn il-PKK, tat-TAC għall-pixxispad tal-Mediterran, adottata fi ħdan l-ICCAT. Madankollu, tali obbligu ma kienx jeżisti fid-data ta’ adozzjoni tar-regolament ikkontestat, peress li l-votazzjoni ta’ April 2017 għall-approvazzjoni ta’ dan it-tqassim kienet ġiet annullata mill-ICCAT f’Lulju tal-istess sena u li l-Kummissjoni kienet mgħarrfa b’dan il-fatt, peress li hija kienet informat lill-Istati Membri permezz tan-nota tat-18 ta’ Lulju 2017. Minn dan jirriżulta li, fil-proposta tagħha tar-Regolament tal-Kunsill, tat-3 ta’ Lulju 2017, li jemenda r-Regolament 2017/127 fir-rigward ta’ ċerti opportunitajiet tas-sajd (COM(2017) 356 finali, iktar ’il quddiem il-“proposta għal regolament”), il-Kummissjoni kienet tirreferi għal obbligu internazzjonali ineżistenti u li ma setax, għalhekk, jorbot lill-Kunsill.

23

Bl-adozzjoni tar-regolament ikkontestat abbażi ta’ din il-premessa żbaljata, il-Kunsill kiser id-Deċiżjoni 86/238 u l-atti internazzjonali li tirreferi għalihom. Fil-fatt, fl-assenza ta’ deċiżjoni tal-ICCAT regolarment approvata, l-Unjoni bl-ebda mod ma kienet obbligata tikkonforma ruħha ma’ proposti li kienu għadhom fil-proċess li jiġu approvati. Barra minn hekk, ir-Repubblika Taljana tosserva li l-premessa 11 ta’ dan ir-regolament ma tagħmilx riferiment għal tqassim regolarment approvat mill-ICCAT, iżda biss għall-proposta ta’ tqassim stabbilita fi tmiem il-laqgħa tal-grupp ta’ ħidma li saret mill‑20 sat‑22 ta’ Frar 2017.

24

Il-Kunsill isostni li kien fil-fatt jeżisti ftehim fi ħdan l-ICCAT, bejn il-PKK, dwar l-allokazzjoni tat-TAC għall-pixxispad tal-Mediterran. Għalkemm l-adozzjoni formali ta’ dan il-ftehim seħħet biss f’Ottubru 2017, xejn ma jindika li dan it-terminu kellu effett fuq il-kontenut ta’ dan it-tqassim, peress li d-deċiżjoni finali tal-ICCAT kienet barra minn hekk tirriproduċi l-istess tqassim. Barra minn hekk, kieku l-Kunsill kien stenna dan il-ftehim formali fi ħdan l-ICCAT sabiex jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd indikati fir-regolament ikkontestat, is-sajjieda kollha tal-Unjoni kienu jkunu jinsabu f’sitwazzjoni ta’ inċertezza, li setgħet iddum sa tmiem is-sena 2017. Din l-istituzzjoni setgħet għalhekk leġittimament tibbaża ruħha fuq dan it-tqassim saħansitra qabel l-adozzjoni formali tiegħu mill-ICCAT u qabel ma l-Unjoni kienet marbuta bid-deċiżjoni tal-ICCAT.

25

L-imsemmija istituzzjoni tosserva barra minn hekk, sostnuta fuq dan il-punt mir-Renju ta’ Spanja fin-nota ta’ intervent tiegħu, li l-Unjoni kienet tikser biss l-obbligi tagħha skont il-Konvenzjoni ICCAT u d-Deċiżjoni 86/238 li kieku hija kienet stabbilixxiet opportunitajiet tas-sajd li jaqbżu dawk allokati lill-Unjoni mill-ICCAT, li ma kienx il-każ.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

26

Qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(1)(d) TFUE, l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva fil-qasam tal-“konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar fil-qafas tal-politika komuni tas-sajd”.

27

Għandu jingħad ukoll li, fil-qasam tas-sajd, il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa, li tikkorrispondi għar-responsabbiltajiet politiċi li huma attribwiti lilu mill-Artikolu 40 TFUE sal-Artikolu 43 TFUE. Konsegwentement, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat għall-verifika dwar jekk il-miżura inkwistjoni hijiex ivvizzjata minn żball manifest jew minn użu ħażin ta’ poter jew jekk dan il-leġiżlatur eċċediex b’mod manifest il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu. Fil-fatt, hija biss in-natura manifestament mhux xierqa ta’ miżura deċiza f’dan il-qasam, fir-rigward tal-iskop li l-imsemmi leġizlatur irid jilħaq, li tista’ taffetwa l-illegalità ta’ tali miżura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2011, AJD Tuna, C‑221/09, EU:C:2011:153, punti 8081 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

28

F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi sostnut li l-Kunsill qies ruħu obbligat li jadotta r-regolament ikkontestat minħabba deċiżjoni legalment vinkolanti adottata fi ħdan l-ICCAT, peress li l-premessa 11 ta’ dan ir-regolament ma tagħmel l-ebda riferiment għal tali deċiżjoni, iżda biss, kif tirrileva barra minn hekk ir-Repubblika Taljana stess, għall-proposta ta’ tqassim li rriżultat mil-laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma li saret mill‑20 sat‑22 ta’ Frar 2017. Minn din il-premessa jirriżulta li l-Kunsill kellu l-intenzjoni li jantiċipa l-adozzjoni formali, mill-ICCAT, tad-deċiżjoni dwar it-tqassim tat-TAC bejn il-PKK.

29

Barra minn hekk, fid-dawl tal-fatt li l-qasam irregolat mir-regolament ikkontestat jaqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, u li l-leġiżlatur ta’ din tal-aħħar għandu f’dan il-qasam setgħa diskrezzjonali wiesgħa, ma kienx, fi kwalunkwe każ, neċessarju li l-Kunsill jistenna l-adozzjoni formali ta’ deċiżjoni legalment vinkolanti tal-ICCAT qabel l-allokazzjoni tal-kwoti ta’ sajd lill-Istati Membri. Fil-fatt, peress li d-determinazzjoni ta’ dawn il-kwoti taqa’ taħt il-kompetenza tiegħu, dan tal-aħħar jista’ jadottahom.

30

Minn dan isegwi li, għalkemm huwa paċifiku li deċiżjoni tal-ICCAT ma kinitx tinkludi l-ġurnata tal-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, dan il-fatt ma kienx ta’ natura li jipprekludi lill-Kunsill, f’qasam li fih huwa għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa, milli jadotta l-miżuri li huwa kien iqis bħala indispensabbli għat-twettiq tal-għanijiet tal-PKK (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Jannar 2017, Spanja vs Il-Kunsill, C‑128/15, EU:C:2017:3, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

Fi kwalunkwe każ, kif ġustament josservaw il-Kunsill u r-Renju ta’ Spanja, il-Kunsill kien ikun kiser biss l-obbligi li jirriżultaw mid-Deċiżjoni 86/238 li kieku kien stabbilixxa opportunitajiet tas-sajd li jaqbżu dawk allokati lill-Unjoni mill-ICCAT, li ma huwiex il-każ hawnhekk.

32

Konsegwentement, l-ewwel motiv invokat mir-Repubblika Taljana għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tieni u l-ħames motiv, ibbażati fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tar‑regolament ikkontestat

L-argumenti tal-partijiet

33

Permezz ta’ dawn il-motivi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, ir-Repubblika Taljana ssostni li, kieku kellu jiġi kkunsidrat li l-Kunsill adotta r-regolament ikkontestat mhux għaliex kien obbligat jagħmel dan, iżda minħabba l-kompetenza tiegħu stess, dan ir-regolament kien ikun ivvizzjat minn nuqqas ta’ motivazzjoni.

34

F’dan ir-rigward, dan l-Istat Membru jsostni qabelxejn li, fid-dawl tal-prinċipju ta’ stabbiltà relattiva, il-Kunsill kellu jimmotiva b’mod adegwat il-ħsara fuq l-interessi tas-sajjieda tal-Unjoni bl-aċċettazzjoni ta’ sehem, għall-Unjoni, ta’ 70.756 % tat-TAC deċiża fi ħdan l-ICCAT, filwaqt li, għas-snin 2010‑2014, il-qabdiet tal-pixxispad tal-Mediterran attribwibbli għal dawn is-sajjieda kollha laħqu tal-inqas 75 % tal-qabdiet storiċi. Issa, ir-regolament ikkontestat ma fih ebda motivazzjoni f’dan ir-rigward, peress li l-premessa 11 tiegħu sempliċement tispeċifika li “s-sehem tal-Unjoni [għandu] jiġi implimentat fil-liġi tal-Unjoni u li [għandhom] jiġu definiti l-kwoti għall-Istati Membri”.

35

Sussegwentement, għalkemm, għall-iffissar tat-TAC għas-sena 2017 għal 10500 tunnellata għall-pixxispad tal-Mediterran, l-ICCAT ibbażat ruħha fuq il-qabdiet storiċi ta’ din l-ispeċi matul is-snin 2010‑2014, il-Kunsill kellu, f’konformità mar-rieda espressa tiegħu li jittrasponi d-deċiżjonijiet tal-ICCAT fid-dritt tal-Unjoni, jiddetermina t-tqassim bejn l-Istati Membri tas-sehem ta’ din it-TAC allokat lill-Unjoni, jiġifieri 7 410.48 tunnellati, abbażi tar-rati ta’ qabdiet storiċi miksuba minn kull Stat Membru matul dawn l-istess snin. Minn dan jirriżulta li r-regolament ikkontestat, sa fejn dan jipprovdi fil-premessa 11 tiegħu li l-perijodu ta’ referenza huwa kkostitwit mis-snin 2012‑2015, huwa vvizzjat minn nuqqas ta’ motivazzjoni.

36

Fl-aħħar nett, ir-regolament ikkontestat ma jispjegax għalfejn huwa biss dan l-aħħar perijodu ta’ referenza li kien meqjus bħala “affidabbli” mil-leġiżlatur tal-Unjoni, filwaqt li, fid-diskussjonijiet fi ħdan l-ICCAT, il-perijodu miżmum, bi qbil mal-Kummissjoni, kien ikkostitwit mis-snin 2010‑2014.

37

Il-Kunsill jikkunsidra li l-argumenti mressqa mir-Repubblika Taljana insostenn tat-tieni u tal-ħames motiv tagħha ma jurux nuqqas ta’ motivazzjoni tar-regolament ikkontestat, iżda, parzjalment, jikkritikawh fir-rigward tal-mertu. Dawn l-argumenti għandhom, għaldaqstant, jiġu ddikjarati bħala ineffettivi. Fi kwalunkwe każ, jirriżulta b’mod ċar mir-rikors promotur u mill-annessi tiegħu li r-Repubblika Taljana kienet perfettament konxja mid-diskussjonijiet kollha li wasslu għall-attribuzzjoni lill-Unjoni, għas-sena 2017, ta’ sehem ta’ 7 410.48 tunnellati minn TAC ta’ 10500 tunnellata għall-pixxispad tal-Mediterran, sussegwentement għat-tqassim ta’ dan is-sehem bejn l-Istati Membri, u li hija kienet taf ir-raġunijiet għal din l-attribuzzjoni kif ukoll għal dan it-tqassim.

38

Ir-Renju ta’ Spanja jispeċifika li r-Repubblika Taljana tista’ ma taqbilx mal-attribuzzjoni lill-Unjoni ta’ dan is-sehem tat-TAC minħabba li dan jirriżulta fi tnaqqis tal-opportunitajiet tas-sajd attribwiti lill-Unjoni fl-intier tagħha u għal dannu lir-Repubblika Taljana b’mod partikolari. Għall-kuntrarju, dan l-Istat Membru ma jistax validament isostni li din id-deċiżjoni tal-ICCAT hija nieqsa minn motivazzjoni, peress li r-raġunijiet jingħataw fil-premessi tar-regolament ikkontestat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

39

Permezz tat-tieni u tal-ħames motiv tagħha, ir-Repubblika Taljana ssostni li r-regolament ikkontestat huwa vvizzjat minn nuqqas ta’ motivazzjoni peress li, minn naħa, il-Kunsill ma spjegax ir-raġunijiet għalfejn aċċetta li l-opportunitajiet tas-sajd għall-Unjoni jkunu limitati għal 7 410.48 tunnellati ta’ TAC stabbilita għal 10500 tunnellata għall-pixxispad tal-Mediterran, filwaqt li din it-TAC ġiet stabbilita mill-ICCAT b’riferiment għall-perijodu 2010‑2014 u li l-perċentwali ta’ qabdiet ta’ pixxispad tal-Mediterran attribwibbli lis-sajjieda tal-Unjoni matul dan il-perijodu kien ogħla u, min-naħa l-oħra, peress li l-imsemmi regolament ma jindikax speċifikament għaliex is-sehem minn dawn is-7 410.48 tunnellati li ġie attribwit lill-Istati Membri ġie stabbilit fuq il-bażi tar-rati ta’ qabdiet għall-perijodu 2012‑2015, b’tali mod li jiġi kkawżat dannu sinjifikattiv lir-Repubblika Taljana.

40

Fl-ewwel lok, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-motivazzjoni meħtieġa mit-tieni paragrafu tall-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni li tkun adottat l-att, b’tali mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tiegħu u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenza tas-17 ta’ Marzu 2011, AJD Tuna, C‑221/09, EU:C:2011:153, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Dan japplika wisq iżjed meta l-Istati Membri kienu strettament assoċjati mal-proċess tal-preparazzjoni tal-att kontenzjuż u għaldaqstant jafu r-raġunijiet li fuqhom huwa bbażat dan l-att (sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2001, L-Italja vs Il-Kunsill, C‑120/99, EU:C:2001:567, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

Għaldaqstant, il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tiddependi min-natura tal-att inkwistjoni u, fir-rigward ta’ atti li jkollhom portata ġenerali, il-motivazzjoni tista’ sempliċement tindika, minn naħa, is-sitwazzjoni globali li wasslet għall-adozzjoni tiegħu u, min-naħa l-oħra, l-għanijiet ġenerali li dan l-att huwa intiż li jilħaq. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, b’mod partikolari, li jkun eċċessiv li tkun meħtieġa motivazzjoni speċifika għad-diversi għażliet tekniċi magħmula jekk l-att ikkontestat jirrifletti l-qofol tal-għan imfittex mill-istituzzjoni (sentenza tat-22 ta’ Novembru 2018, Swedish Match, C‑151/17, EU:C:2018:938, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

F’dan il-każ, minn naħa, għandu jiġi enfasizzat li l-premessi 9 sa 11 tar-regolament ikkontestat jirriflettu l-kuntest li fih l-allokazzjoni tat-TAC għall-Unjoni u t-tqassim tagħha bejn l-Istati Membri ġew deċiżi, b’riferiment espliċitu għax-xogħlijiet imwettqa fil-Grupp ta’ Ħidma tal-ICCAT sabiex tiġi stabbilita skema ta’ allokazzjoni ġusta u ekwa tat-TAC għall-pixxispad tal-Mediterran, kif ukoll l-impenn tal-Unjoni li tapplika r-riżultat tal-kompromess milħuq fi ħdan l-ICCAT dwar din l-allokazzjoni għas-sena 2017.

44

Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta fin-noti proċedurali tagħha, ir-Repubblika Taljana ġiet assoċjata mill-qrib mal-proċess deċiżjonali ta’ determinazzjoni u ta’ allokazzjoni tat-TAC ta’ 7 410.48 tunnellati għall-pixxispad tal-Mediterran kemm fl-ICCAT kif ukoll, fir-rigward tat-tqassim ta’ dan it-tunnellaġġ bejn l-Istati Membri, fi ħdan l-Unjoni. Matul id-diversi stadji ta’ dan il-proċess, b’mod partikolari bejn ix-xhur ta’ Frar u ta’ April 2017, id-delegazzjoni Taljana kellha, barra minn hekk, ukoll l-opportunità li tesprimi t-tħassib tagħha dwar l-għażla tal-kriterji ta’ tqassim previsti.

45

Fir-rigward tad-diskussjonijiet fl-ICCAT, jirriżulta, kif tfakkar fil-punt 12 ta’ din is-sentenza, mill-iskema ta’ allokazzjoni tat-TAC li tirriżulta min-negozjati, li twettqu f’Madrid (Spanja) matul is-sena 2017, fi ħdan grupp ta’ ħidma dwar il-pixxispad tal-Mediterran, li r-Repubblika Taljana kienet taf li t-tunnellaġġ li jirriżulta min-negozjati mal-PKK l-oħra kien qrib ħafna għal dak li jikkorrispondi għall-volum storiku tal-qabdiet ta’ pixxispad tal-Mediterran mis-sajjieda tal-Unjoni, u li l-varjazzjoni ta’ ftit punti ta’ dan it-tunnellaġġ ma’ dawn l-istatistiċi storiċi kienet iġġustifikata abbażi ta’ kriterji oħra kkunsidrati mill-ICCAT, inklużi b’mod partikolari l-isforzi mwettqa fil-passat mill-PKK għall-ġestjoni tas-sajd, inkluża l-applikazzjoni, f’ċerti każijiet, ta’ regoli iktar stretti minn dawk imposti mill-ICCAT, kif ukoll kunsiderazzjonijiet soċjoekonomiċi.

46

F’dak li jikkonċerna t-tqassim, bejn l-Istati Membri, tas-sehem ta’ din it-TAC attribwit lill-Unjoni, ir-Repubblika Taljana kienet taf kemm ir-raġunijiet kif ukoll il-metodu. Għalhekk, fir-rigward b’mod partikolari tal-esklużjoni tas-snin 2010‑2011 mill-perijodu ta’ referenza, mir-rikors stess jirriżulta li r-Repubblika Taljana kienet informata bid-diskussjonijiet dwar il-kontestazzjonijiet li jikkonċernaw iċ-ċifri relatati ma’ dan il-perijodu, sa fejn dawn ma kinux ikkunsidrati bħala affidabbli minħabba indiċijiet ta’ qbid irregolari, u li hija esprimiet in-nuqqas ta’ qbil tagħha f’dan ir-rigward permezz ta’ ittra mibgħuta lill-Kummissjoni f’April 2017.

47

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Repubblika Taljana ma tistax tallega li ma tafx ir-raġunijiet li wasslu għal dawn il-proċessi deċiżjonali u, għaldaqstant, għall-adozzjoni tar-regolament ikkontestat.

48

Fit-tieni lok, sa fejn, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE jikkostitwixxi formalità sostanzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, li tikkonċerna l-legalità fil-mertu tal-att kontenzjuż (sentenza tas-17 ta’ Marzu 2011, AJD Tuna, C‑221/09, EU:C:2011:153, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata), u sa fejn uħud mill-argumenti mressqa mir-Repubblika Taljana insostenn tat-tieni u tal-ħames motivi ma humiex intiżi li jikkontestaw il-motivazzjoni tar-regolament ikkontestat, iżda l-fondatezza tal-għażla tal-perijodu ta’ referenza, l-imsemmija argumenti ser jiġu eżaminati fil-kuntest tas-sitt motiv.

49

Minn dan isegwi li t-tieni u l-ħames motiv għandhom jiġu miċħuda.

Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u ta’ evalwazzjoni żbaljata tal-fatti

L-argumenti tal-partijiet

50

Ir-Repubblika Taljana ssostni li, fil-każ li l-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni, indikata fil-premessa 11 tar-regolament ikkontestat, li jintuża perijodu ta’ referenza kkostitwit mis-snin 2012‑2015, sabiex jiġu ddeterminati l-opportunitajiet tas-sajd għall-pixxispad tal-Mediterran bejn l-Istati Membri kkonċernati, hija mmotivata mill-fatt li d-data dwar il-qabdiet li jikkonċernaw din l-ispeċi mwettqa matul dawn is-snin kienet ġiet invalidata, fir-rigward tal-Italja, din id-deċiżjoni hija, minn naħa, ivvizzjata minn ksur manifest tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, għalkemm jista’ jkun leġittimu li t-tqassim tal-kwoti bejn l-Istati Membri jkun ibbażat fuq data storika affidabbli dwar il-qabdiet, sa fejn dawn huma limitati għall-qabdiet “legali”, il-fatt li jiġu esklużi kompletament sentejn mill-perijodu ta’ referenza huwa sproporzjonat, peress li dan iwassal għall-esklużjoni tal-qabdiet legali kollha matul dan il-perijodu. Min-naħa l-oħra, il-premessa stess li abbażi tagħha d-data għas-snin 2010 u 2011 kienet żbaljata minħabba l-fatt li din kienet tinkludi l-qabdiet legali u illegali hija żbaljata, peress li din id-data ġiet aċċettata kemm mill-Kummissjoni kif ukoll mill-ICCAT.

51

Il-Kunsill isostni li, fin-nuqqas ta’ obbligu ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodu speċifiku, u peress li l-esklużjoni tas-snin 2010‑2011 tapplika għall-Istati Membri kollha kkonċernati, il-kwistjoni tal-proporzjonalità ma tqumx għal dawn is-snin. Imbagħad, ikun diffiċli li tiġi ddeterminata l-parti legali u l-parti illegali tal-qabdiet ta’ pixxispad tal-Mediterran li saru matul dawn is-snin. Fl-aħħar nett, jekk tiġi preżunta ċerta stabbiltà fil-qabdiet, il-parti legali tagħhom matul is-snin 2010 u 2011 ma għandhiex tkun sostanzjalment differenti mill-qabdiet legali matul is-snin sussegwenti. Peress li s-snin sussegwenti ttieħdu inkunsiderazzjoni, ir-riżultat ma għandux ikun sostanzjalment differenti. Għaldaqstant ma hemmx ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

52

Din l-istituzzjoni tindika wkoll li, fis-sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑249/08, mhux ippubblikata, EU:C:2009:672), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-Repubblika Taljana kienet kisret l-obbligi tagħha skont id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari bl-astensjoni tagħha milli tikkontrolla, tispezzjona u tissorvelja b’mod sodisfaċenti l-eżerċizzju tas-sajd, b’mod partikolari fir-rigward tal-osservanza tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw iż-żamma abbord jew l-użu tal-għeżula tat-tisqif, u billi ma żguratx b’mod sodisfaċenti li jittieħdu miżuri xierqa fil-konfront tal-awturi tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam ta’ żamma abbord u ta’ użu tal-għeżula tat-tisqif. Minkejja din is-sentenza, jeżistu indizji preċiżi u konkordanti li abbażi tagħhom dawn in-nuqqasijiet ippersistew matul is-snin 2010 u 2011.

53

Ir-Renju ta’ Spanja josserva li l-fatt li l-ICCAT adottat is-snin 2010‑2014 bħala perijodu ta’ referenza għall-attribuzzjoni tas-sehem tal-Unjoni tat-TAC għall-pixxispad tal-Mediterran ma kienx jobbliga lill-Kunsill sabiex jibbaża ruħu fuq l-istess perijodu sabiex iwettaq it-tqassim tal-kwoti bejn l-Istati Membri individwali. Barra minn hekk, ir-Repubblika Taljana naqset milli ssemmi l-fatt li, matul is-snin 2010 u 2011, ġiet osservata żieda fil-qabdiet tal-pixxispad tal-Mediterran fl-ilmijiet territorjali tagħha, minħabba l-użu ta’ apparat illegali, bħall-għeżula tat-tisqif, li mmotivat it-tnedija ta’ proċedura ta’ ksur mill-Kummissjoni, u, sussegwentement, li ntbagħtet lil dan l-Istat Membru ittra ta’ intimazzjoni għal din ir-raġuni fir-rigward ta’ dawn is-snin.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

54

Permezz tas-sitt motiv tagħha, ir-Repubblika Taljana tikkritika lill-Kunsill li kiser il-prinċipju ta’ proporzjonalità u wettaq evalwazzjoni żbaljata tal-fatti, bl-użu bħala bażi ta’ kalkolu, għat-tqassim, bejn l-Istati Membri, tat-TAC allokata lill-Unjoni għas-sena 2017, il-qabdiet storiċi tal-pixxispad tal-Mediterran matul perijodu ta’ referenza bejn is-snin 2012 u 2015, bl-esklużjoni tas-snin 2010 u 2011.

55

Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi li jridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, premess li, meta jkun hemm għażla bejn numru ta’ miżuri xierqa, għandha tiġi applikata dik li hija l-inqas oneruża, u li l-inkonvenjenti kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2017, Spanja vs Il-Kunsill, C‑128/15, EU:C:2017:3, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni ta’ dan il-prinċipju, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu l-leġiżlatur tal-Unjoni fil-qasam tal-politika komuni tas-sajd, hija biss in-natura manifestament mhux xierqa ta’ miżura deċiża f’dan il-qasam, meta mqabbla mal-għan li l-istituzzjoni kompetenti għandha l-intenzjoni li ssegwi, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura. Għalhekk, il-kwistjoni ma hijiex jekk il-miżura adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni kinitx l-unika jew l-aħjar possibbli, iżda jekk din kinitx manifestament inadegwata (sentenzi tat‑23 ta’ Marzu 2006, Unitymark u North Sea Fishermen’s Organisation, C‑535/03, EU:C:2006:193, punti 5758 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑11 ta’ Jannar 2017, Spanja vs Il-Kunsill, C‑128/15, EU:C:2017:3, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, meta l-Kunsill jiddetermina t-TAC u jqassam l-opportunitajiet tas-sajd bejn l-Istati Membri, huwa jintalab iwettaq l-evalwazzjoni ta’ sitwazzjoni ekonomika kumplessa, li għaliha huwa għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa. F’ċirkustanza bħal din, is-setgħa diskrezzjonali li minnha jgawdi l-Kunsill ma tirrigwardax esklużivament id-determinazzjoni tan-natura u tal-portata tad-dispożizzjonijiet li għandhom jittieħdu, iżda wkoll, sa ċertu punt, il-konstatazzjoni tad-data bażika. Fl-istħarriġ tal-eżerċizzju ta’ setgħa bħal din, il-qorti għandha tillimita ruħha li teżamina jekk dan l-eżerċizzju huwiex ivvizzjat bi żball manifest jew użu ħażin ta’ poter jew jekk l-awtorità inkwistjoni marritx manifestament lil hinn mil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha (sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2017, Spanja vs Il-Kunsill, C‑128/15, EU:C:2017:3, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

F’dan il-każ, fid-dawl ta’ din is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa, il-fatt li l-ICCAT kienet użat is-snin 2010‑2014 bħala perijodu ta’ referenza għall-attribuzzjoni tas-sehem tat-TAC tal-pixxispad tal-Mediterran allokat lill-Unjoni ma kienx jobbliga lill-Kunsill sabiex juża l-istess perijodu għat-twettiq tat-tqassim tal-kwoti bejn kull wieħed mill-Istati Membri kkonċernati.

59

Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà kkonstatat, fis-sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑249/08, mhux ippubblikata, EU:C:2009:672), li, matul perijodu inkluż bejn is-snin 1993 u 2005, ir-Repubblika Taljana kienet naqset, essenzjalment, milli tikkontrolla, tispezzjona u tissorvelja b’mod sodisfaċenti, fit-territorju tagħha u fl-ilmijiet li jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tagħha, l-eżerċizzju tas-sajd, b’mod partikolari fir-rigward tal-osservanza tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw iż-żamma abbord u l-użu tal-għeżula tat-tisqif, u milli tiżgura b’mod sodisfaċenti li jittieħdu miżuri xierqa fil-konfront tal-awturi ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam ta’ żamma abbord u ta’ użu ta’ għeżula tat-tisqif, b’mod partikolari permezz tal-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet dissważivi fil-konfront ta’ dawn l-awturi. Sussegwentement, sabiex tiġi vverifikata l-osservanza ta’ din is-sentenza mir-Repubblika Taljana, il-qabdiet relattivi għas-snin 2010 u 2011 kienu s-suġġett ta’ spezzjonijiet addizzjonali mwettqa mill-Kummissjoni. Minn dawn irriżulta li l-ksur identifikat fl-imsemmija sentenza kompla matul il-perijodu sussegwenti għall-għoti tagħha. Fuq il-bażi ta’ dawn l-ispezzjonijiet, il-Kummissjoni fetħet, matul is-sena 2011, proċedura ta’ ksur ġdida abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 260 TFUE, li wasslet b’mod partikolari għall-kunsinna, lir-Repubblika Taljana, ta’ ittra ta’ intimazzjoni f’Settembru 2011. Barra minn hekk, mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li huwa sabiex tivverifika l-garanziji mogħtija minn dan l-Istat Membru fil-kuntest ta’ din il-proċedura fir-rigward tat-titjib introdott fil-qasam ta’ sorveljanza u ta’ kontroll tal-osservanza tal-leġiżlazzjoni li tipprojbixxi l-użu u l-pussess ta’ għeżula tat-tisqif li l-Kummissjoni wettqet missjonijiet ġodda ta’ spezzjoni fuq il-post, matul is-snin 2012 u 2013. Dawn tal-aħħar, madankollu, ma rriżultaw fl-ebda każ ġdid ta’ ksur ta’ din il-leġiżlazzjoni u l-proċedura ngħalqet matul is-sena 2014.

60

Għaldaqstant, minkejja l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kkonstatatx, fuq il-bażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 260 TFUE, li r-Repubblika Taljana ma kinitx ħadet, matul is-snin 2010 u 2011, il-miżuri għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑249/08, mhux ippubblikata, EU:C:2009:672), il-kuntest imfakkar fil-punt preċedenti jimplika li huwa mingħajr ma jeċċedi s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu f’dan il-qasam li l-Kunsill seta’ jikkunsidra li indizji ta’ irregolaritajiet kienu jikkompromettu d-data tal-qbid għall-imsemmija snin u għalhekk għamel l-għażla li ma jikkunsidrax din id-data għat-tqassim bejn l-Istati Membri tat-TAC allokata lill-Unjoni għas-sena 2017.

61

Barra minn hekk, l-ilmenti dwar l-esklużjoni tas-snin 2010 u 2011 ma jistgħux, waħedhom, jikkontestaw il-legalità tal-għażla magħmula mill-Kunsill tal-perijodu bejn is-snin 2012 u 2015, peress li r-Repubblika Taljana ma ressqet l-ebda argument li jista’ jistabbilixxi li dan il-perijodu huwa, bħala tali, manifestament inadegwat għall-finijiet tat-tqassim tal-kwoti bejn kull wieħed mill-Istati Membri kkonċernati.

62

Minn dan isegwi li l-perijodu ta’ referenza magħżul mill-Kunsill sabiex jiddetermina t-tqassim, bejn l-Istati Membri, tas-sehem tat-TAC allokat lill-Unjoni għas-sena 2017 ma jistax jiġi kkunsidrat li huwa manifestament inadegwat.

63

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, is-sitt motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tielet u t-tmien motiv, ibbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 17 TUE u tal-Artikolu 16 tar-Regolament PKS, kif ukoll tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

L-argumenti tal-partijiet

64

Permezz ta’ dawn il-motivi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, ir-Repubblika Taljana tikkunsidra, fl-ewwel lok, li r-regolament ikkontestat jikser l-Artikolu 17 TUE. Fil-fatt, dan ir-regolament jikser l-interess komuni tal-Unjoni peress li kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Kunsill jinvokaw “kompromess” milħuq fil-kuntest tal-ICCAT, iżda ma jispeċifikawx liema benefiċċju kisbet l-Unjoni bl-aċċettazzjoni tat-tnaqqis drastiku tal-opportunitajiet tas-sajd tagħha f’dak li jirrigwarda l-pixxispad tal-Mediterran. Issa, l-eżistenza ta’ kompromess tippreżupponi neċessarjament ir-rinunzja għal benefiċċju fuq livell wieħed sabiex jinkiseb ieħor fuq livell differenti. F’dan il-każ, l-imsemmi regolament ma huwiex ir-riżultat ta’ kompromess, iżda tas-sagrifiċċju unilaterali tal-interessi tal-Unjoni.

65

Fit-tieni lok, ir-Repubblika Taljana ssostni li l-prinċipju speċifiku ta’ stabbiltà relattiva, imsemmi fl-Artikolu 16 tar-Regolament PKS u ddefinit fil-premessi 35 sa 37 ta’ dan l-istess regolament, japplika fiċ-ċirkustanzi tal-każ. Issa, minn dan il-prinċipju jirriżulta li, meta tiġi stabbilita kwota għall-protezzjoni ta’ speċi ta’ ħut u l-opportunitajiet tas-sajd futuri, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ekonomika ġeneralment dgħajfa li fiha jinsabu l-komunitajiet li jiddependu partikolarment mis-sajd ta’ din l-ispeċi. Għal dan il-għan, għandu jinstab bilanċ bejn in-neċessità li jiġi limitat is-sajd tal-imsemmija speċi, għall-irkupru tal-istokk, u l-problemi soċjoekonomiċi li dawn il-limitazzjonijiet jistgħu jġibu, li, f’dan il-każ u fir-rigward tal-pixxispad tal-Mediterran, ma seħħx. Barra minn hekk, peress li t-tnaqqis tas-sehem storiku attribwit lil kull Stat Membru ġie impost fl-istess ħin tal-introduzzjoni tat-TAC ta’ 10500 tunnellata kif ukoll ta’ kwota vinkolanti ġdida, is-sajjieda ġew miċħuda minn kull possibbiltà li jżidu l-produzzjoni tagħhom lil hinn minn dan il-limitu globali, b’tali mod li kien indispensabbli, tal‑inqas, li tinżamm, għas-settur tas-sajd tal-Unjoni, ir-rata preċedentement miksuba.

66

Fit-tielet lok, kien hemm ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, peress li miżura li tikkawża daqshekk dannu bħar-regolament ikkontestat ma kellhiex tiġi adottata mingħajr ma ssir evalwazzjoni teknika bir-reqqa li turi li kienet biss l-għażla tas-snin 2012‑2015 bħala perijodu ta’ referenza li setgħet tippermetti li jiġi ddeterminat it-tqassim tas-sehem tat-TAC allokat lill-Unjoni fuq il-bażi ta’ data affidabbli, u li, għaldaqstant, id-dannu li rriżulta minn dan għar-Repubblika Taljana kien inevitabbli.

67

Skont il-Kunsill, qabelxejn, għalkemm huwa minnu li huwa fl-interess tal-Unjoni li jiġu kkunsidrati biss iċ-ċifri tal-qabdiet imwettqa matul il-perijodu ta’ referenza, indipendentement mil-legalità ta’ dawn il-qabdiet jew ta’ fatturi rilevanti oħra, il-Grupp ta’ Ħidma tal-ICCAT ħa inkunsiderazzjoni, ukoll, elementi oħra. F’dan ir-rigward, il-pjan ta’ rkupru adottat mill-ICCAT jinkludi riferiment espliċitu għall-konsegwenzi soċjoekonomiċi. Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li rkupru tal-istokkijiet tal-pixxispad tal-Mediterran huwa l-aħjar mod sabiex jiġi żgurat sajd sostenibbli u profittabbli fil-futur.

68

Sussegwentement, fir-rigward tal-prinċipju ta’ stabbiltà relattiva, din l-istituzzjoni tikkunsidra, bħar-Renju ta’ Spanja u l-Kummissjoni, li ż-żewġ sentenzi inklużi fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament PKS ikopru żewġ każijiet differenti. Fil-fatt, l-ewwel sentenza tistabbilixxi l-prinċipju ta’ stabbiltà relattiva għall-opportunitajiet tas-sajd eżistenti. Għall-kuntrarju, it-tieni sentenza tikkonċerna t-tqassim tal-opportunitajiet ġodda tas-sajd. Meta jiġu stabbiliti opportunitajiet ġodda, għandu jiġi ddeterminat, għall-ewwel darba, kriterju ta’ tqassim, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi ta’ kull Stat Membru. Barra minn hekk, dan il-prinċipju jikkonċerna t-tqassim tal-opportunitajiet tas-sajd bejn l-Istati Membri u mhux it-tqassim ta’ tali opportunitajiet bejn l-Unjoni u partijiet oħra. Għalhekk, l-imsemmi prinċipju ma japplikax f’dan il-każ.

69

Fl-aħħar nett, peress li l-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-għażla tal-perijodu ta’ referenza, bl-ebda mod ma kellu juri li l-perijodu magħżul kien l-uniku wieħed li jippermetti li jiġi ddeterminat it-tqassim tas-sehem tat-TAC allokat lill-Unjoni bejn id-diversi Stati Membri abbażi ta’ data affidabbli, iżda l-iktar li l-għażla ta’ dan il-perijodu kienet tippermetti li jintlaħaq dan l-għan.

70

Ir-Renju ta’ Spanja huwa tal-opinjoni li r-raġunijiet tal-għażla tas-snin 2012‑2015 bħala perijodu ta’ referenza, kif ukoll l-esklużjoni korrispondenti tas-snin 2010 u 2011 diġà ġew suffiċjentement spjegati, u li r-Repubblika Taljana ma wrietx li l-Kunsill kiser il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu f’dawn l-oqsma, jew li huwa wettaq abbuż ta’ poter.

71

Il-Kummissjoni tqis li bl-ebda mod hija ma rrinunzjat unilateralment għall-interessi tal-Unjoni fil-kuntest ta’ dawn in-negozjati u li l-proposta għal regolament ma tistax tiġi kkunsidrata bħala dannuża għall-interessi tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, hija tikkunsidra li ppromwoviet b’mod korrett l-interess ġenerali tal-Unjoni billi wettqet in-negozjati fi ħdan l-ICCAT b’mod konformi mal-mandat mogħti u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi prevalenti tal-Unjoni, bħall-istabbiliment mill-ġdid malajr kemm jista’ jkun tal-istokk tal-pixxispad tal-Mediterran, skont l-obbligu previst fl-Artikolu 17 TUE.

72

Fir-replika tagħha, ir-Repubblika Taljana tinsisti fuq il-fatt li l-Artikolu 16 tar-Regolament PKS għandu jinqara fit-totalità tiegħu u li, għalkemm il-prinċipju ta’ stabbiltà relattiva għandu jiddetermina b’mod esklużiv l-opportunitajiet tas-sajd eżistenti, dan għandu jingħaqad għall-kuntrarju ma’ interessi oħra sabiex tittieħed deċiżjoni dwar l-opportunitajiet tas-sajd ġodda.

73

Fil-kontroreplika tiegħu, il-Kunsill jispeċifika li huwa fil-mument meta tiġi introdotta TAC li huwa neċessarju li jiġi ddeterminat, għall-ewwel darba, kriterju ta’ tqassim b’teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi ta’ kull Stat Membru. L-introduzzjoni ta’ TAC timplika għaldaqstant, mingħajr l-iċken dubju, l-attribuzzjoni ta’ “opportunitajiet tas-sajd il-ġodda” fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament PKS. Din l-istituzzjoni żżid barra minn hekk li, peress li t-tqassim tal-opportunitajiet tas-sajd bejn l-Unjoni u l-pajjiżi terzi jiddependi fuq ftehim ma’ dawn il-pajjiżi, huwa impossibbli li jiġi applikat il-prinċipju ta’ stabbiltà relattiva, fi ħdan l-Unjoni, fir-relazzjonijiet esterni tagħha. Il-Kunsill jikkunsidra li dan il-prinċipju la japplika għat-tqassim tal-opportunitajiet tas-sajd bejn l-Unjoni u l-PKK l-oħra fl-ICCAT u lanqas għat-tqassim tagħhom bejn l-Istati Membri fi ħdan l-Unjoni fl-okkażjoni tal-introduzzjoni ta’ TAC ġdida.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

74

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 17 TUE, għandu jitfakkar li l-ewwel paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni jipprovdi li l-Kummissjoni tippromwovi l-interess ġenerali tal-Unjoni u tieħu l-inizjattivi adegwati għal dan il-għan u li hija teżerċita l-funzjonijiet tagħha ta’ koordinazzjoni, ta’ eżekuzzjoni u ta’ ġestjoni skont il-kundizzjonijiet previsti mit-Trattati.

75

Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament PKS, fis-settur tas-sajd, l-interess tal-Unjoni huwa b’mod partikolari li jiġu żgurati l-isfruttament u l-ġestjoni sostenibbli, u l-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar u tal-ambjent tal-baħar, sabiex jerġgħu jiġu stabbiliti b’mod progressiv u jinżammu l-popolazzjonijiet tal-istokkijiet tal-ħut ’il fuq mil-livelli ta’ bijomassa li kapaċi jipproduċu rendiment massimu sostenibbli. Dawn l-għanijiet huma segwiti mill-Unjoni, b’mod partikolari, bl-adozzjoni mill-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, ta’ miżuri dwar l-istabbiliment u t-tqassim tal-opportunitajiet tas-sajd, bħal dawk adottati permezz tar-Regolament 2017/127 u r-regolament ikkontestat.

76

L-ilħiq ta’ dawn l-għanijiet għandu wkoll jiġi kkunsidrat fil-kuntest tar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni fil-qasam tas-sajd, jiġifieri fil-kuntest tan-negozjati mwettqa fi ħdan organizzazzjonijiet reġjonali. Dan huwa l-każ fejn l-Unjoni hija mitluba tesprimi pożizzjoni fil-kuntest tan-negozjati fl-ICCAT, organizzazzjoni responsabbli għall-adozzjoni ta’ miżuri li jiżguraw il-konservazzjoni fit-tul u l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona taħt ir-responsabbiltà tagħha.

77

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, kif issostni l-Kummissjoni, li l-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan l-ICCAT tikkonsisti fl-appoġġ tal-adozzjoni ta’ miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni tal-istokkijiet tal-ħut fiż-żona tal-Konvenzjoni ICCAT, inklużi t-TAC, ibbażati fuq l-aqwa pariri xjentifiċi disponibbli, sabiex jintlaħaq l-għan imsemmi fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament PKS, jiġifieri l-istabbiliment mill-ġdid u ż-żamma tal-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet maqbuda ’l fuq minn livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli. Fl-ICCAT, il-ħtieġa li tiġi indirizzata s-sitwazzjoni tas-sajd eċċessiv ta’ dan l-istokk tal-ħut ġiet irrikonoxxuta bl-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni 16‑05, li kienet tipprevedi l-applikazzjoni, mis-sena 2017, ta’ pjan ta’ rkupru fuq perijodu ta’ ħmistax-il sena u l-introduzzjoni, għal din l-istess sena, ta’ TAC ta’ 10500 tunnellata, li l-prinċipju tagħha u l-valur ġew sussegwentement inklużi fir-Regolament 2017/127. Din ir-rakkomandazzjoni, li jirreferu għaliha l-premessi 9 sa 11 tar-regolament ikkontestat, kienet tipprevedi, barra minn hekk, li d-determinazzjoni tal-kriterju ta’ tqassim ta’ din it-TAC bejn il-PKK kellha ssir abbażi ta’ kriterji trasparenti u oġġettivi, inklużi dawk ta’ natura ambjentali u soċjoekonomika, kif ukoll kriterji previsti mir-Riżoluzzjoni tal-ICCAT 15‑13, dwar it-tqassim tal-opportunitajiet tas-sajd.

78

Min-naħa l-oħra, il-mandat mogħti lill-Kummissjoni sabiex tinnegozja, f’isem l-Unjoni, fl-ICCAT, irrikonoxxielha ċertu flessibbiltà għal dak il-għan. Madankollu, l-għan tal-Kummissjoni kien li jinkiseb, għall-Unjoni u għas-sena 2017, tal‑inqas 70 % tat-TAC għall-pixxispad tal-Mediterran. Issa, skont il-kompromess li ntlaħaq mill-PKK, l-Unjoni ġiet allokata kwota ta’ 70.756 % tat-TAC ta’ 10500 tunnellata.

79

Għalhekk, ir-riżultat tan-negozjati mwettqa mill-Kummissjoni juri mhux biss li din ma eċċedietx il-limiti tal-mandat tagħha, iżda li hija użat ukoll il-marġni ta’ manuvra tagħha billi enfasizzat il-ħtieġa li r-riżorsi tal-pixxispad tal-Mediterran jiġu ġestiti b’mod sostenibbli, għall-benefiċċju tal-partijiet ikkonċernati kollha, b’tali mod li din l-istituzzjoni ma kisritx l-Artikolu 17 TUE matul dawn in-negozjati.

80

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ilmenti tar-Repubblika Taljana li jirrigwardaw il-prinċipju ta’ stabbiltà relattiva, għandu jitfakkar li dan il-prinċipju jirrifletti kriterju ta’ tqassim bejn l-Istati Membri tal-opportunitajiet tas-sajd tal-Unjoni fil-forma ta’ kwoti allokati lill-imsemmija Stati. Għalhekk, l-imsemmi prinċipju ma jagħti lis-sajjieda ebda garanzija ta’ qbid ta’ kwantità stabbilita ta’ ħut, peress li r-rekwiżit ta’ stabbiltà relattiva għandu jinftiehem bħala li jfisser biss iż-żamma ta’ dritt għal perċentwali fiss għal kull Stat Membru f’dan it-tqassim (sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2007, Cofradía de pescadores San Pedro de Bermeo et vs Il-Kunsill, C‑6/06 P, mhux ippubblikata, EU:C:2007:702, punt 53).

81

F’dan il-każ, ir-Repubblika Taljana tikkunsidra li l-prinċipju ta’ stabbiltà relattiva japplika, minn naħa, fl-Unjoni u fir-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi terzi, u, min-naħa l-oħra, kemm għat-tqassim tal-opportunitajiet tas-sajd eżistenti, iżda wkoll għal “opportunitajiet tas-sajd il-ġodda”. Għall-kuntrarju, il-Kunsill, sostnut f’dan is-sens mill-Kummissjoni u mir-Renju ta’ Spanja, huwa tal-opinjoni li dan il-prinċipju japplika biss fil-livell intern tal-Unjoni u għall-opportunitajiet tas-sajd eżistenti.

82

Fir-rigward tal-applikabbiltà tal-prinċipju ta’ stabbiltà relattiva għas-sehem tat-TAC allokat globalment mill-ICCAT lill-Unjoni, għandu jitfakkar li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament PKS jispeċifika li l-opportunitajiet tas-sajd allokati “lill-Istati Membri” għandhom jiżguraw stabbiltà relattiva tal-attivitajiet tas-sajd “ta’ kull Stat Membru” għal kull stokk ta’ ħut jew sajd. Barra minn hekk, mill-premessa 35 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li, fid-dawl, b’mod partikolari, tad-dipendenza ta’ ċerti komunitajiet kostali fuq is-sajd, huwa neċessarju li tiġi żgurata stabbiltà relattiva tal-attivitajiet tas-sajd permezz tal-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd “lill-Istati Membri”, fuq il-bażi ta’ sehem prevedibbli tal-istokkijiet “għal kull Stat Membru”.

83

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-prinċipju ta’ stabbiltà relattiva japplika biss f’dak li jirrigwarda t-tqassim tal-opportunitajiet tas-sajd fi ħdan l-Unjoni u mhux fil-kuntest tar-relazzjonijiet esterni tagħha.

84

F’dak li jirrigwarda l-applikabbiltà ta’ dan il-prinċipju għall-“opportunitajiet tas-sajd il-ġodda”, qabel kollox għandu jiġi enfasizzat li t-tieni sentenza tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament PKS tipprovdi li l-interessi ta’ kull Stat Membru jittieħdu inkunsiderazzjoni “meta jiġu allokati l-opportunitajiet tas-sajd il-ġodda”.

85

Sussegwentement, għandu jitfakkar li, f’dak li jirrigwarda r-Regolament Nru 2371/2002, li kien preċedenti għar-Regolament PKS, u b’mod partikolari l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2371/2002, dwar, bħall-Artikolu 16 tar-Regolament PKS, l-attribuzzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċediet li għandha ssir distinzjoni bejn l-“opportunitajiet tas-sajd eżistenti” u l-“opportunitajiet tas-sajd il-ġodda”, rispettivament indikati fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Il-Kunsill, C‑141/05, EU:C:2007:653, punt 85).

86

Filwaqt li l-“opportunitajiet ta’ sajd eżistenti” jikkorrispondu għall-opportunitajiet tas-sajd li diġà ġew allokati bejn l-Istati Membri, l-“opportunitajiet tas-sajd il-ġodda” huma dawk li għandhom jiġu allokati għall-ewwel darba bejn dawn tal-aħħar.

87

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li r-rekwiżit ta’ stabbiltà relattiva għandu jinftiehem li jfisser iż-żamma ta’ perċentwali fissa għal kull Stat Membru u jimplika li l-kriterju ta’ tqassim inizjalment stabbilit għandu jkompli japplika sakemm jiġi adottat regolament emendatorju (sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Il-Kunsill, C‑141/05, EU:C:2007:653, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan ir-rekwiżit japplika għalhekk biss meta jkun jeżisti tqassim tal-opportunitajiet tas-sajd, jiġifieri fir-rigward tal-“opportunitajiet tas-sajd eżistenti”.

88

Għall-kuntrarju, dan ma jistax japplika meta l-ebda kriterju ta’ tqassim ma jkun għadu ġie stabbilit bejn l-Istati Membri. F’dan il-każ, jiġifieri waqt it-tqassim ta’ “opportunitajiet tas-sajd il-ġodda”, it-tieni sentenza tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament PKS tipprevedi biss li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni “l-interessi ta’ kull Stat Membru”, peress li l-kunċett ta’ interess jista’ jinkludi l-bżonn li tiġi ppreżervata l-istabbiltà relattiva tal-attivitajiet tas-sajd, iżda ma huwiex limitat għal dan il-bżonn (sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Il-Kunsill, C‑141/05, EU:C:2007:653, punt 87).

89

F’dan il-każ, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni li tillimita l-opportunitajiet tas-sajd tal-pixxispad tal-Mediterran qabel l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, għandu jiġi kkunsidrat li dan tal-aħħar stabbilixxa “opportunitajiet tas-sajd il-ġodda,” fis-sens tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament PKS.

90

Minn dan jirriżulta li l-prinċipju ta’ stabbiltà relattiva, kif espress fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament PKS, japplika biss għall-opportunitajiet tas-sajd eżistenti fl-Unjoni u, konsegwentement, ma japplikax għat-tqassim tal-opportunitajiet tas-sajd bejn l-Unjoni u l-PKK fl-ICCAT u għat-tqassim tal-opportunitajiet tas-sajd ġodda bejn Stati Membri fl-Unjoni meta, bħal fiċ-ċirkustanzi tal-każ, tiġi introdotta TAC ġdida.

91

Għaldaqstant, permezz tal-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill ma setax jikser dan il-prinċipju.

92

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, kif espress fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ir-raġunijiet għall-għażla magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni tas-snin 2012‑2015 bħala perijodu ta’ referenza, bl-esklużjoni tas-snin 2010 u 2011, diġà ġew indikati fil-punti 45, 46 u 60 ta’ din is-sentenza.

93

Fi kwalunkwe każ, skont ġurisprudenza stabbilita, u kif jirriżulta mill-punt 57 ta’ din is-sentenza, tali għażla taqa’ fis-setgħa diskrezzjonali tal-Kunsill, kemm fir-rigward tad-determinazzjoni tan-natura u tal-portata tad-dispożizzjonijiet li għandhom jittieħdu, iżda wkoll, sa ċertu punt, fir-rigward tad-data bażika. F’dan il-kuntest, l-istħarriġ ġudizzjarju għandu jkun limitat għall-verifika dwar jekk l-att ikkontestat huwiex ivvizzjat minn żball manifest jew minn użu ħażin ta’ poter jew dwar jekk l-awtorità inkwistjoni tkunx manifestament eċċediet il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha.

94

F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-punti 58 sa 62 ta’ din is-sentenza, il-Kunsill ma jistax jiġi kkritikat li wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddeċieda li jaqsam, bejn l-Istati Membri, is-sehem tat-TAC allokat lill-Unjoni għas-sena 2017 fuq il-bażi tal-qbid storiku tal-pixxispad tal-Mediterran matul perijodu ta’ referenza inkluż bejn is-snin 2012 u 2015.

95

F’dan il-kuntest, il-Kunsill ma jistax jiġi akkużat li kiser il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba peress li naqas milli jiġġustifika l-għażla ta’ tali perijodu ta’ referenza fuq il-bażi ta’ “studju tekniku rigoruż”, peress li kien jirriżulta, speċifikament, mid-data teknika pprovduta mill-Kummissjoni li t-tunnellati ta’ qbid matul is-snin 2010 u 2011 ma setgħux jiġu kkunsidrati.

96

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet u t-tmien motiv għandhom jiġi miċħuda bħala infondati.

Fuq ir-raba’ u l-għaxar motiv, ibbażati fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ nuqqas ta’ retroattività, ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi

L-argumenti tal-partijiet

97

Permezz ta’ dawn il-motivi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, ir-Repubblika Taljana ssostni li r-regolament ikkontestat jikser il-prinċipji ta’ nuqqas ta’ retroattività, ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi, sa fejn ġie adottat fl‑aħħar ta’ Lulju 2017 u pproduċa l-effetti tiegħu sa mill‑1 ta’ Jannar 2017, filwaqt li l-istaġun tas-sajd għall-pixxispad tal-Mediterran, li jestendi mill‑1 ta’ April sal‑31 ta’ Diċembru, kien diġà nofsu għadda. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li tindika l-premessa 12 tar-regolament ikkontestat, dan tal-aħħar, għall-ewwel darba meta mqabbla mal-prattika tad-deċennji preċedenti, introduċa fl-istess ħin TAC vinkolanti, tnaqqis drastiku tal-perċentwali ta’ din it-TAC allokata lill-Unjoni meta mqabbel mal-livell milħuq fis-snin preċedenti u tqassim tas-sehem tal-Unjoni bejn l-Istati Membri. Tali “rivoluzzjoni” fil-kundizzjonijiet ta’ produzzjoni fis-settur tas-sajd tal-Unjoni kellha tkun ippreparata u ppreżentata suffiċjentement bil-quddiem, sabiex tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jadattaw ruħhom għaliha.

98

Il-leġiżlatur tal-Unjoni kiser ukoll il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi, peress li huwa kruċjali għal kull operatur ekonomiku fis-settur ikkonċernat li jkun jista’ joqgħod fuq qafas regolatorju stabbli u li l-bidliet eventwali tiegħu jkunu, tal‑inqas, prevedibbli.

99

Il-Kunsill jindika, minn naħa, li kienet diġà ġiet stabbilita TAC għall-pixxispad tal-Mediterran, f’dan il-każ fir-Regolament 2017/127, li ġie adottat f’Jannar 2017, u dan minkejja li ftehim dwar tqassim ta’ din it-TAC fi ħdan l-ICCAT kien għadu ma ntlaħaqx f’dan il-mument, u, min-naħa l-oħra, li l-istaġun tas-sajd għall-pixxispad tal-Mediterran jestendi mill‑1 ta’ April sal‑31 ta’ Diċembru.

100

Skont din l-istituzzjoni, huwa evidenti li din it-TAC kellha tiġi sussegwentement emendata sabiex titnaqqas skont is-sehem tat-TAC allokat lill-Unjoni, ladarba tkun ġiet stabbilita mill-ICCAT. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma setax ikun hemm aspettattivi leġittimi abbażi tal-fatt li kwota speċifika tkun ġiet allokata lir-Repubblika Taljana. Bl-istess mod, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jista’ jiġi invokat b’mod utli biss ladarba t-TAC kif ukoll is-sehem tagħha allokat lill-Unjoni jkunu ġew stabbiliti u jkun twettaq it-tqassim tagħha bejn l-Istati Membri. Fil-frattemp, għal kull attività tas-sajd imwettqa qabel id-determinazzjoni ta’ dawn il-kwoti, kellu jittieħed inkunsiderazzjoni ċertu grad ta’ inċertezza u ta’ prudenza, b’tali mod li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi ma humiex issodisfatti.

101

Barra minn hekk, li kieku l-Kunsill stenna d-deċiżjoni finali tal-ICCAT, kien ikun biss f’Ottubru 2017 li huwa kien ikun jista’ jistabbilixxi l-kwoti allokati lill-Istati Membri għas-sena 2017. Issa, deċiżjoni, li tkun ittieħdet fi tmiem din l-istess sena, iżda li kienet tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar tagħha, u li abbażi tagħha kien ikun hemm lok li jitnaqqsu l-qabdiet tal-pixxispad tal-Mediterran, kienet tkun ċertament iktar dannuża mill-perspettiva taċ-ċertezza legali.

102

Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-applikazzjoni retroattiva ta’ atti tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tas-sajd hija totalment normali.

103

Il-Kummissjoni tqis li d-data ta’ qabdiet fil-livell tal-Unjoni fir-rigward tal-pixxispad tal-Mediterran tindika total ta’ 5125 tunnellata għas-sena 2016 u 4 793.4 tunnellata għas-sena 2017, is-sena li fiha l-kwota allokata lill-Unjoni kienet ta’ 7410 tunnellati. Dan it-tnaqqis tal-qabdiet irreġistrat matul is-sena 2017 huwa parzjalment dovut għall-impożizzjoni tal-perijodu ta’ għeluq tas-sajd matul l-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena u parzjalment għal tnaqqis ta’ qabdiet meta mqabbla mas-sena 2016 osservat mix-xahar ta’ April 2017, li huwa dak tal-ftuħ tal-istaġun tas-sajd għall-pixxispad tal-Mediterran.

104

Issa, dan it-tnaqqis tal-aħħar ma jista’ bl-ebda mod ikun marbut direttament mat-tnaqqis, ta’ inqas minn 600 tunnellata, impost wara d-deċiżjoni tal-ICCAT li s-sehem tat-TAC allokat lill-Unjoni jkun stabbilit għal 70.756 % tagħha. Fil-fatt, il-qabdiet tal-pixxispad tal-Mediterran imwettqa matul is-sena 2017 baqgħu ferm inqas minn dawk awtorizzati taħt ir-regolament ikkontestat.

105

Barra minn hekk, mill-bidu tas-sena 2017, il-qabdiet naqsu minn dawk tas-sena ta’ qabel. Din it-tendenza kompliet matul l-istaġun kollu tas-sajd tal-2017, anki wara d-dħul fis-seħħ tar-regolament ikkontestat, sal-aħħar ta’ Lulju 2017. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi validament sostnut li d-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet tar-regolament ikkontestat kiser il-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi jew ta’ ċertezza legali.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

106

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-effett retroattiv tar-regolament ikkontestat, għandu jitfakkar li, għalkemm, bħala regola ġenerali, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludi li l-portata ratione temporis ta’ att tal-Unjoni tibda tiddekorri minn data li tkun preċedenti għal dik tal-pubblikazzjoni tiegħu, madankollu jista’ jkun hemm eċċezzjonijiet meta għan ta’ interess ġenerali jeżiġi dan jew meta l-aspettattivi leġittimi tal-partijiet interessati jiġu debitament osservati kif ukoll, sa fejn jirriżulta b’mod ċar mill-kliem, mill-għan jew mill-istruttura tar-regoli kkonċernati, li tali effett għandu jiġi attribwit lilhom (sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2009, Mitsui & Co. Deutschland, C‑256/07, EU:C:2009:167, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

107

Huwa paċifiku li l-istabbiliment ta’ TAC għall-pixxispad tal-Mediterran kien diġà previst mir-Regolament 2017/127, mill‑1 ta’ Jannar 2017, għal 10500 tunnellata. Għalhekk, minkejja li t-tqassim, bejn l-Istati Membri, tas-sehem ta’ din it-TAC attribwit lill-Unjoni kien għad kellu jiġi ddeterminat, il-prinċipju tal-introduzzjoni ta’ opportunitajiet tas-sajd ġodda kien inkiseb minn Jannar 2017, jiġifieri qabel il-bidu tal-istaġun tas-sajd għall-pixxispad tal-Mediterran, fl‑1 ta’ April 2017. Minn dan isegwi li, kif taqbel ir-Repubblika Taljana, it-tnaqqis tas-sehem storiku ġie deċiż b’mod korrelattiv għall-introduzzjoni tat-TAC.

108

Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessi 9 sa 11 tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill ipprova, b’mod partikolari, li jikkonforma ruħu mas-sehem ta’ TAC għall-pixxispad tal-Mediterran stabbilit fi ħdan l-ICCAT għas-sena 2017. Madankollu, peress li l-approvazzjoni formali tat-tqassim tat-TAC għal din l-ispeċi seħħet biss fit-18 ta’ April 2017, dan l-għan seta’ jintlaħaq biss billi jiġi previst li r-regolament ikkontestat ikun applikabbli b’effett retroattiv, mill‑1 ta’ Jannar ta’ din l-istess sena.

109

Barra minn hekk, kif issostni l-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li, fil-mument tad-dħul fis-seħħ tar-regolament ikkontestat, fit‑30 ta’ Lulju 2017, l-opportunitajiet tas-sajd għall-pixxispad tal-Mediterran ma kienu bl-ebda mod eżawriti. Fil-fatt, matul il-perijodu mill‑1 ta’ April 2017, id-data li fiha jibda l-istaġun tas-sajd għal din l-ispeċi, sal‑aħħar ta’ Lulju 2017, ftit iktar minn 2 298.3 tunnellata pixxispad tal-Mediterran kienu nqabdu fl-Unjoni mis-7 410 tunnellati li jikkorrispondu għas-sehem tat-TAC attribwit lil din tal-aħħar għas-sena 2017. Matul l-istess perijodu, mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li s-sajjieda Taljani qabdu madwar 1 271.3 tunnellata ta’ pixxispad tal-Mediterran, minn kwota ta’ 3736 tunnellata allokata lir-Repubblika Taljana permezz tar-regolament ikkontestat.

110

Għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi rrilevat li din l-aħħar kwota ma kinitx intlaħqet fil‑31 ta’ Diċembru 2017, peress li s-sajjieda Taljani kienu qabdu biss 2 285.3 tunnellata pixxispad tal-Mediterran, jiġifieri 61.16 % tal-imsemmija kwota.

111

F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-prinċipju ta’ ċertezza legali kif ukoll tal-aspettattivi leġittimi, għandu jiġi osservat li l-ewwel wieħed jeżiġi, b’mod partikolari, li d-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effetti tagħhom, b’mod partikolari meta dawn jista’ jkollhom konsegwenzi sfavorevoli għall-individwi u għall-impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2018, Klohn, C‑167/17, EU:C:2018:833, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

112

Korollarju tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, id-dritt li wieħed jitlob il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jestendi għal kull individwu li jinsab f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni tal-Unjoni nisslet fih aspettattivi fondati. Tikkostitwixxi garanzija li tista’ tnissel tali aspettattivi, irrispettivament mill-forma li fiha tiġu kkomunikata, informazzjoni preċiża, inkundizzjonata u koerenti li toriġina minn sorsi awtorizzati u affidabbli. Għall-kuntrarju, ħadd ma jista’ jinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju fl-assenza ta’ garanziji preċiżi li jkunu ngħatawlu mill-amministrazzjoni. Bl-istess mod, meta operatur ekonomiku prudenti u informat ikun f’pożizzjoni fejn jista’ jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżura tal-Unjoni ta’ natura tali li taffettwa l-interessi tiegħu, huwa ma jistax jinvoka l-benefiċċju ta’ tali prinċipju meta din il-miżura tiġi adottata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2011, AJD Tuna, C‑221/09, EU:C:2011:153, punti 71 sa 73 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

113

F’dan il-każ, l-operaturi ekonomiċi tas-settur tas-sajd Taljan ma setgħux jinvokaw ksur tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi minħabba li dawn tal-aħħar kienu f’pożizzjoni, minħabba l-istabbiliment ta’ TAC għall-pixxispad tal-Mediterran mill-pubblikazzjoni tar-Regolament 2017/127, jipprevedu li opportunitajiet tas-sajd ġodda kienu ser jiġu stabbiliti sabiex is-sehem tagħha allokat lill-Unjoni jinqasam, min-naħa tiegħu, bejn l-Istati Membri. Kif tfakkar fil-punt 107 ta’ din is-sentenza, il-prinċipju ta’ allokazzjoni ta’ opportunitajiet tas-sajd ġodda, għalkemm il-livell eżatt tagħhom kien għad kellu jiġi ddeterminat, kien magħruf fil-bidu tal-istaġun tas-sajd għall-pixxispad tal-Mediterran.

114

Barra minn hekk, il-Kunsill ma jistax jiġi kkritikat li pprovda lill-operaturi ekonomiċi tas-settur tas-sajd Taljan l-ebda garanzija fir-rigward taċ-ċifra eżatta tal-kwota tas-sajd li kienet ser tkun irriżervata għalihom fir-regolament ikkontestat.

115

Fl-aħħar nett, kif ġustament isostni l-Kunsill, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jista’ jiġi invokat b’mod utli biss wara li jkun twettaq it-tqassim tat-TAC bejn l-Istati Membri, li ma kienx il-każ qabel id-dħul fis-seħħ tar-regolament ikkontestat.

116

Minn dan jirriżulta li r-raba’ u l-għaxar motivi għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 258 TFUE u tal-Artikolu 260 TFUE

L-argumenti tal-partijiet

117

Ir-Repubblika Taljana tosserva li l-proċedura ta’ ksur mibdija mill-Kummissjoni, matul is-sena 2011, fuq il-bażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 260 TFUE, minħabba l-allegat użu ta’ għeżula tat-tisqif mis-sajjieda Taljani, ingħalqet minn din l-istituzzjoni matul is-sena 2014. Bħala konsegwenza, l-għażla li jiġu esklużi s-snin 2010 u 2011 mill-perijodu ta’ referenza intiż sabiex jiġu stabbiliti l-kwoti attribwiti lill-Istati Membri tfisser li l-Kunsill kellu, fil-prattika, l-intenzjoni li jadotta sanzjoni kontra r-Repubblika Taljana talli naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li tistħarreġ il-projbizzjoni tal-użu ta’ tali tagħmir. Madankollu, l-Artikoli 258 u 260 TFUE jirriżervaw lill-Kummissjoni l-kompetenza sabiex tħarrek in-nuqqasijiet tal-Istati Membri, filwaqt li l-Kunsill ma għandu l-ebda kompetenza biex jadotta, anki fil-forma ta’ regolament, miżuri li jissanzjonaw lill-Istati Membri għal nuqqasijiet fit-twettiq tal-obbligi tagħhom skont id-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, ir-regolament ikkontestat huwa vvizzjat bi ksur tal-Artikoli 258 u 260 TFUE.

118

Il-Kunsill iqis li dan l-argument jinjora n-natura u l-għan tar-regolament ikkontestat. Huwa meħtieġ li jintlaħaq ftehim mal-PKK l-oħra dwar it-TAC kif ukoll dwar is-sehem minnha allokat lill-Unjoni u li jiġi stabbilit perijodu ta’ referenza sabiex tkun tista’ tittieħed deċiżjoni dwar it-tqassim ta’ dan is-sehem bejn l-Istati Membri fuq il-bażi ta’ data affidabbli. Fir-rigward tad-determinazzjoni tas-sehem tat-TAC tal-Unjoni għall-pixxispad tal-Mediterran, l-ICCAT ma bbażatx ruħha biss fuq iċ-ċifri tal-qabdiet, iżda wkoll fuq kriterji oħra. Dan is-sehem kien, minkejja kollox, qrib dawn iċ-ċifri (madwar 70 % tat-TAC, minflok 75 %). Għalhekk, dan ma huwa bl-ebda mod sanzjoni meħuda kontra r-Repubblika Taljana, peress li r-riżultat ta’ dawn in-negozjati fl-ICCAT kellhom impatt ukoll fuq l-Istati Membri l-oħra kkonċernati.

119

Fir-rigward tat-tqassim, bejn l-Istati Membri, tas-sehem tat-TAC attribwit lill-Unjoni, l-għażla ta’ perijodu reċenti ta’ erba’ snin, jiġifieri s-snin 2012 sa 2015, hija, a priori għażla perfettament raġonevoli, fl-assenza ta’ regola li timponi perijodu determinat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

120

Kif tfakkar fil-punti 56, 69 u 93 ta’ din is-sentenza, fil-qasam tas-sajd, il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa li tikkorrispondi għar-responsabbiltajiet politiċi li l-Artikoli 40 TFUE sa 43 TFUE jattribwixxulu, u l-istħarriġ tal-qorti għandu jkun limitat għall-verifika dwar jekk il-miżura inkwistjoni hijiex ivvizzjata bi żball manifest jew b’użu ħażin ta’ poter jew jekk l-istituzzjoni kkonċernata eċċedietx b’mod manifest il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha.

121

Fir-rigward, qabelxejn, tal-għażla tal-perijodu ta’ referenza 2012‑2015, għandu jitfakkar li, kif ġie deċiż fil-punti 58 sa 62 ta’ din is-sentenza, il-Kunsill ma jistax jiġi kkritikat li, b’dan il-mod, wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni.

122

Sussegwentement, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tiddeċiedi, tnaqqis tal-opportunitajiet tas-sajd ma jista’ jiġi assimilat għal ebda forma ta’ sanzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2001, L-Italja vs Il-Kunsill, C‑120/99, EU:C:2001:567, punt 75).

123

Fl-aħħar nett, u fi kwalunkwe każ, id-determinazzjoni, mill-Kunsill, tal-kriterji ta’ tqassim għal opportunitajiet tas-sajd ġodda ma tistax tiġi assimilata għas-setgħat li għandha l-Kummissjoni skont l-Artikoli 258 u 260 TFUE.

124

Għaldaqstant, is-seba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq id-disa’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 18 TFUE

L-argumenti tal-partijiet

125

Ir-Repubblika Taljana ssostni li r-regolament ikkontestat, sa fejn huwa jippenalizza s-sajjieda Taljani bit-tnaqqis ta’ diversi mijiet ta’ tunnellati tal-opportunitajiet tas-sajd tagħhom f’dak li jirrigwarda l-pixxispad tal-Mediterran għas-sena 2017, iwassal għal diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità. Fil-fatt, huma biss is-sajjieda Taljani li kienu suġġetti għal din il-miżura ta’ tnaqqis, filwaqt li l-adozzjoni tal-perijodu ta’ referenza 2012‑2015 ma ppenalizzatx is-sajjieda tal-Istati Membri l-oħra.

126

Il-Kunsill jindika li l-introduzzjoni tat-TAC li tirrigwarda din l-ispeċi, tas-sehem attribwit lill-Unjoni u, konsegwentement, tal-kwoti allokati lill-Istati Membri, jistabbilixxu neċessarjament limitazzjoni għall-opportunitajiet tas-sajd, iżda li din il-limitazzjoni tapplika għall-Istati Membri kollha kkonċernati. Konsegwentement, ma jistax ikun hemm ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

127

Il-Kummissjoni ssostni li, minbarra l-fatt li r-rata ta’ eżawriment tal-kwota allokata ma qabżitx 61.16 % ta’ din il-kwota għas-sena 2017 u li l-impatt tal-miżura ta’ tnaqqis ikkonċernata kien għalhekk relattiv, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tas‑16 ta’ Ġunju 1987, Romkes (46/86, EU:C:1987:287), diġà ddeċidiet li l-użu ta’ metodu bħal dak użat għall-istabbiliment tal-kwoti inkwistjoni f’dan il-każ ma huwiex inkompatibbli mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

128

Ir-Renju ta’ Spanja josserva li kemm il-proċedura ta’ allokazzjoni ta’ dan is-sehem tat-TAC fi ħdan l-ICCAT kif ukoll it-tqassim sussegwenti tiegħu bejn id-diversi Stati Membri kkonċernati, imwettaq mir-regolament ikkontestat u li huwa applikabbli b’mod uniformi fi ħdan l-Unjoni, ma joħolqu l-ebda trattament differenti favur jew kontra wieħed jew ieħor minn dawn l-Istati.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

129

Skont ġurisprudenza stabbilita, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 40(2) TFUE, moqri flimkien mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 38(1) TFUE, li jistabbilixxi l-projbizzjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni fil-kuntest tal-politika komuni tal-agrikoltura u tas-sajd, huwa biss l-espressjoni speċifika tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza, li jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali sakemm distinzjoni ma tkunx oġġettivament iġġustifikata (sentenzi tat‑8 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Il-Kunsill, C‑141/05, EU:C:2007:653, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑11 ta’ Jannar 2017, Spanja vs Il-Kunsill, C‑128/15, EU:C:2017:3, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

130

Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-metodu użat għall-istabbiliment tal-perċentwali attribwiti lill-Istati Membri abbażi tal-kwantitajiet li jkunu nqabdu mill-flotot rispettivi tagħhom matul perijodu ta’ referenza ma huwiex inkompatibbli mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, peress li dan il-metodu jeżiġi mis-sajjieda ta’ kull Stat Membru sforzi ta’ limitazzjoni proporzjonati għall-kwantitajiet li jkunu nqabdu qabel id-dħul fis-seħħ tal-att tad-dritt tal-Unjoni li jillimita l-opportunitajiet tas-sajd (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 1987, Romkes, 46/86, EU:C:1987:287, punt 23).

131

Minn dan isegwi li, għalkemm, fil-kuntest ta’ deċiżjonijiet dwar kawżi simili għal dik li hija s-suġġett ta’ dan ir-rikors, b’mod partikolari fil-punt 113 tas-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2011, AJD Tuna (C‑221/09, EU:C:2011:153), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat illegali differenza fit-trattament bejn l-Istati Membri, jiġifieri, fil-kawża li wasslet għal din l-aħħar sentenza, abbażi tal-bandiera jew tal-Istat ta’ reġistrazzjoni ta’ operaturi, ir-Repubblika Taljana ma tipprovdi, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, l-ebda prova li turi li s-sajjieda Taljani ġew ittrattati b’mod inqas favorevoli mis-sajjieda ta’ Stati Membri oħra li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli.

132

Għaldaqstant, id-disa’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

133

Peress li l-ebda wieħed mill-motivi invokati mir-Repubblika Taljana insostenn ta’ dan ir-rikors ma ntlaqa’, dan ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

134

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika Taljana tilfet, din tal-aħħar għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kunsill.

135

Skont l-Artikolu 140(1) tal-istess regoli, ir-Renju ta’ Spanja u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom bħala intervenjenti fil-kawża.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Ir-Repubblika Taljana hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

 

3)

Ir-Renju ta’ Spanja kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top