EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CA0679

Kawża C-679/18: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-5 ta’ Marzu 2020 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Okresní soud v Ostravě – ir-Repubblika Ċeka) – OPR-Finance s.r.o. vs GK (Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 2008/48/KE – Kuntratti ta’ kreditu għall-konsumatur – Artikolu 8 – Obbligu tal-kreditur li jivverifika l-affidabbiltà kreditizja tal-konsumatur – Leġiżlazzjoni nazzjonali – Possibbiltà li tiġi invokata l-preskrizzjoni kontra l-eċċezzjoni ta’ nullità tal-kuntratt imqajma mill-konsumatur – Artikolu 23 – Sanzjonijiet – Natura effettiva, proporzjonata u dissważiva – Qorti nazzjonali – Eżami ex officio tal-osservanza tal-imsemmi obbligu)

ĠU C 137, 27.4.2020, p. 17–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

27.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 137/17


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-5 ta’ Marzu 2020 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Okresní soud v Ostravě – ir-Repubblika Ċeka) – OPR-Finance s.r.o. vs GK

(Kawża C-679/18) (1)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Protezzjoni tal-konsumaturi - Direttiva 2008/48/KE - Kuntratti ta’ kreditu għall-konsumatur - Artikolu 8 - Obbligu tal-kreditur li jivverifika l-affidabbiltà kreditizja tal-konsumatur - Leġiżlazzjoni nazzjonali - Possibbiltà li tiġi invokata l-preskrizzjoni kontra l-eċċezzjoni ta’ nullità tal-kuntratt imqajma mill-konsumatur - Artikolu 23 - Sanzjonijiet - Natura effettiva, proporzjonata u dissważiva - Qorti nazzjonali - Eżami ex officio tal-osservanza tal-imsemmi obbligu)

(2020/C 137/21)

Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek

Qorti tar-rinviju

Okresní soud v Ostravě

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: OPR-Finance s.r.o.

Konvenuta: GK

Dispożittiv

L-Artikoli 8 u 23 tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jeżiġu li qorti nazzjonali teżamina ex officio l-eżistenza ta’ ksur tal-obbligu prekuntrattwali tal-kreditur li jevalwa l-affidabbiltà kreditizja tal-konsumatur, previst fl-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, u li tiddeduċi l-konsegwenzi kollha li jirriżultaw, skont id-dritt nazzjonali, minn ksur ta’ dan l-obbligu, bil-kundizzjoni li s-sanzjonijiet jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-imsemmi Artikolu 23. L-Artikoli 8 u 23 tad-Direttiva 2008/48 għandhom ukoll jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu sistema nazzjonali bis-saħħa ta’ liema l-ksur mill-kreditur tal-obbligu prekuntrattwali tiegħu li jevalwa l-affidabbiltà kreditizja tal-konsumatur huwa ssanzjonat bin-nullità tal-kuntratt ta’ kreditu, flimkien mal-obbligu għal dan il-konsumatur li jirrimborsa lill-kreditur is-somma prinċipali f’perijodu proporzjonat mal-kapaċità finanzjarja tiegħu, biss bil-kundizzjoni li l-imsemmi konsumatur jinvoka din in-nullità, u dan f’terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin.


(1)  ĠU C 25, 21.1.2019.


Top