Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CA0452

    Kawża C-452/18: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tad-9 ta’ Lulju 2020 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Juzgado de Primera Instancia e Instrucción n° 3 de Teruel – Spanja) – XZ vs Ibercaja Banco, SA (Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Kuntratt ta’ self ipotekarju – Klawżola ta’ limitazzjoni tal-varjabbiltà tar-rata ta’ interessi (klawżola “ta’ rata minima”) – Kuntratt ta’ novazzjoni – Rinunzja għal azzjonijiet ġudizzjarji kontra l-klawżoli ta’ kuntratt – Assenza ta’ natura obbligatorja)

    ĠU C 287, 31.8.2020, p. 2–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    31.8.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 287/2


    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tad-9 ta’ Lulju 2020 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Juzgado de Primera Instancia e Instrucción no 3 de Teruel – Spanja) – XZ vs Ibercaja Banco, SA

    (Kawża C-452/18) (1)

    (Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Protezzjoni tal-konsumaturi - Direttiva 93/13/KEE - Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi - Kuntratt ta’ self ipotekarju - Klawżola ta’ limitazzjoni tal-varjabbiltà tar-rata ta’ interessi (klawżola “ta’ rata minima”) - Kuntratt ta’ novazzjoni - Rinunzja għal azzjonijiet ġudizzjarji kontra l-klawżoli ta’ kuntratt - Assenza ta’ natura obbligatorja)

    (2020/C 287/02)

    Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

    Qorti tar-rinviju

    Juzgado de Primera Instancia e Instrucción no 3 de Teruel

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrent: XZ

    Konvenuti: Ibercaja Banco, SA

    Dispożittiv

    1)

    L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li klawżola ta’ kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur li n-natura inġusta tagħha tista’ tiġi kkonstatata minn qorti, tista’ effettivament tkun is-suġġett ta’ kuntratt ta’ novazzjoni bejn dan il-bejjiegħ jew fornitur u dan il-konsumatur, li permezz tiegħu l-konsumatur jirrinunzja għall-effetti li twassal għalihom id-dikjarazzjoni tan-natura inġusta ta’ din il-klawżola, bil-kundizzjoni li din ir-rinunzja ssir b’kunsens liberu u informat tal-konsumatur, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika.

    2)

    L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola ta’ kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur bil-għan li tiġi modifikata klawżola potenzjalment inġusta ta’ kuntratt preċedenti konkluż bejn dawn jew li tirregola l-konsegwenzi tan-natura inġusta ta’ din il-klawżola l-oħra tista’ hi stess tiġi kkunsidrata li ma hijiex negozzjata individwalment u, jekk ikun il-każ, tiġi ddikkjarata inġusta.

    3)

    L-Artikolu 3(1), l-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-rekwiżit ta’ trasparenza li għandu fornitur jew bejjiegħ abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jimplika li, meta dan jikkonkludi kuntratt ta’ self ipotekarju b’rata varjabbli, li jistabbilixxi klawżola “ta’ rata minima”, il-konsumatur għandu jitqiegħed f’pożizzjoni li jifhem il-konsegwenzi ekonomiċi li jirriżultaw għalih mill-mekkaniżmu stabbilit minn din il-klawżola “ta’ rata’ minima”, grazzi għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ informazzjoni relatata mal-evoluzzjoni fil-passat tal-indiċi li abbażi tiegħu hija kkalkolata r-rata ta’ interessi.

    4)

    L-Artikolu 3(1), moqri flimkien mal-punt 1(q) tal-anness, kif ukoll l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

    il-klawżola stipulata f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur sabiex tiġi riżolta tilwima eżistenti, li permezz tagħha dan il-konsumatur jirrinunzja sabiex isostni quddiem qorti nazzjonali t-talbiet li seta’ jsostni fl-assenza ta’ din il-klawżola, tista’ tiġi kkwalifikata bħala “inġusta”, b’mod partikolari, jekk l-imsemmija konsumatur ma setax ikollu informazzjoni rilevanti li jippermettulu li jifhem il-konsegwenzi legali li kienu jirriżultaw minnha għalih;

    il-klawżola li permezz tagħha l-istess konsumatur jirrinunzja, f’dak li jikkonċerna tilwim futuri, għall-azzjonijiet ġudizzjarji bbażati fuq id-drittijiet li għandu abbażi tad-Direttiva 93/13, ma jorbtux lill-konsumatur.


    (1)  ĠU C 381, 22.10.2018


    Top