Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0260

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tal-25 ta’ Ottubru 2018.
    Anodiki Services EPE vs GNA, O Evangelismos – Ofthalmiatreio Athinon – Polykliniki et Geniko Ogkologiko Nosokomeio Kifisias – (GONK) « Oi Agioi Anargyroi ».
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2014/24/UE – Artikolu 10(g) – Esklużjonijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni – Kuntratti ta’ impjieg – Kunċett – Deċiżjonijiet ta’ sptarijiet irregolati mid-dritt pubbliku li jikkonkludu kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat għall-ħtiġijiet ta’ ristorazzjoni, ta’ provvista ta’ ikliet u ta’ tindif – Direttiva 89/665/KEE – Artikolu 1 – Dritt għal azzjoni legali.
    Kawża C-260/17.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:864

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

    25 ta’ Ottubru 2018 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2014/24/UE – Artikolu 10(g) – Esklużjonijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni – Kuntratti ta’ impjieg – Kunċett – Deċiżjonijiet ta’ sptarijiet irregolati mid-dritt pubblik li jikkonkludu kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat għall-ħtiġijiet ta’ ristorazzjoni, ta’ provvista ta’ ikliet u ta’ tindif – Direttiva 89/665/KEE – Artikolu 1 – Dritt għal azzjoni legali”

    Fil-Kawża C-260/17,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat, il-Greċja), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Mejju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑16 ta’ Mejju 2017, fil-proċedura

    Anodiki Services EPE

    vs

    GNA, O Evangelismos – Ofthalmiatreio Athinon – Polykliniki,

    Geniko Ogkologiko Nosokomeio Kifisias – (GONK) “Oi Agioi Anargyroi”,

    fil-preżenza ta’:

    Arianthi Ilia EPE,

    Fasma AE,

    Mega Sprint Guard AE,

    ICM – International Cleaning Methods AE,

    Myservices Security and Facility AE,

    Kleenway OE,

    GEN – KA AE,

    Geniko Nosokomeio Athinon “Georgios Gennimatas”,

    Ipirotiki Facility Services AE,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

    komposta minn C. Lycourgos, President tal-Għaxar, li qed jaġixxi bħala President tad-Disa’ Awla, E. Juhász u C. Vajda (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Anodiki Services EPE, minn Z. Zouganeli, dikigoros,

    għal GNA, O Evangelismos – Ofthalmiatreio Athinon – Polykliniki, minn G. Statharas, dikigoros,

    għal Geniko Nosokomeio Athinon “Georgios Gennimatas”, minn M. Antonopoulo u N. Nikolopoulos, dikigoroi,

    għal Fasma AE, minn N. Mourdoukoutas, dikigoros,

    għal Mega Sprint Guard AE, minn S. Konstantopoulos, N. Meligos u G. Christodoulopoulos, dikigoroi,

    għal ICM – International Cleaning Methods AE u Kleenway OE, minn E. Anagnostou, dikigoros,

    għal Myservices Security and Facility AE, minn A. Virvilios, dikigoros,

    għal GEN – KA AE, minn C. Pelekis, dikigoros,

    għall-Gvern Elleniku, minn M. Tassopoulou, A. Magreppi u E. Tsaousi, bħala aġenti,

    għall-Gvern Awstrijak, minn M. Fruhmann, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Patakia u P. Ondrůšek, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10(g) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65), kif emendata bir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/2170, tal‑24 ta’ Novembru 2015 (ĠU 2015, L 307, p. 5) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2014/24”), kif ukoll l-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal‑21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246), kif emendata bid-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑26 ta’ Frar 2014 (ĠU 2014, L 94, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 89/665”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ żewġ tilwimiet bejn Anodiki Services EPE u, fl-ewwel tilwima, GNA, O Evangelismos – Ofthalmiatreio Athinon – Polykliniki (iktar ’il quddiem, “GNA Evangelismos”) u, fit-tieni tilwima, Geniko Ogkologiko Nosokomeio Kifisias – (GONK) “Oi Agioi Anargyroi” (iktar ’il quddiem “GONK Agioi Anargyroi”) fir-rigward tad-deċiżjonijiet meħuda mill-bordijiet tad-diretturi ta’ dawn l-isptarijiet irregolati mid-dritt pubbliku li jikkonkludu numru ta’ kuntratti ta’ xogħol irregolati mid-dritt privat għal żmien determinat sabiex jissodisfaw il-ħtieġijiet tagħhom f’ristorazzjoni, fi provvista ta’ ikliet u f’tindif.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Il-premessa 5 tad-Direttiva 2014/24 tiddikjara:

    “Għandu jiġi mfakkar li xejn f’din id-Direttiva ma jobbliga lill-Istati Membri li għandhom jagħtu b’kuntratt jew jesternalizzaw il-forniment ta’ servizzi li jixtiequ jipprovdu huma stess jew li jorganizzaw b’mezzi oħra minbarra l-kuntratti pubbliċi skont it-tifsira ta’ din id-Direttiva. Ma għandux ikun kopert, il-forniment tas-servizzi bbażat fuq il-liġijiet, ir-regolamenti jew il-kuntratti ta’ impjiegi. F’xi Stati Membri, dan jista’ pereżempju jkun il-każ għal ċerti servizzi amministrattivi u governattivi bħal servizzi eżekuttivi u leġislattivi jew il-forniment ta’ ċerti servizzi lill-komunità, bħal servizzi tal-affarijiet barranin jew servizzi ġuridiċi jew servizzi tas-sigurtà soċjali obbligatorji.”

    4

    L-Artikolu 1(4) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

    “Din id-Direttiva ma taffettwax il-libertà tal-Istati Membri li jiddefinixxu, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, x’jikkunsidraw bħala servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, kif dawk is-servizzi għandhom jiġu organizzati u ffinanzjati, skont ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat, u liema obbligi speċifiċi għandhom ikunu soġġetti għalihom. Bl-istess mod, din id-Direttiva ma taffettwax id-deċiżjoni tal-awtoritajiet pubbliċi jekk, kif u sa liema punt jixtiequ jwettqu l-funzjonijiet pubbliċi huma stess skont l-Artikolu 14 TFUE u l-Protokoll Nru 26.”

    5

    L-Artikolu 4(b) tal-imsemmija direttiva jiffissa limitu għall-applikazzjoni tagħha ta’ EUR 135000 għall-kuntratti pubbliċi ta’ provvisti u ta’ servizzi mogħtija minn awtoritajiet pubbliċi ċentrali u għall-kompetizzjonijiet organizzati minnhom. L-Artikolu 4(d) jiffissa limitu ta’ EUR 750000 għall-kuntratti pubbliċi ta’ servizzi li jirrigwardaw servizzi soċjali u servizzi speċifiċi oħra elenkati fl-Anness XIV ta’ din l-istess direttiva. Servizzi ta’ ristorazzjoni, b’mod partikolari, huma msemmija f’dan l-anness.

    6

    L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/24 jipprovdi:

    “Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal kuntratti pubbliċi ta’ servizzi għal:

    [...]

    g)

    kuntratti ta’ impieg;

    [...]”

    7

    Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665:

    “Din id-Direttiva tapplika għal kuntratti msemmija fid-[Direttiva 2014/24], sakemm tali kuntratti ma jkunx esklużi skont l-Artikoli 7, 8, 9, 10, 11, 12, 15, 16, 17 u 37 ta’ dik id-Direttiva.

    [...]

    Il-kuntratti skont it-tifsira ta’ din id-Direttiva jinkludu kuntratti pubbliċi, ftehimiet ta’ qafas, konċessjonijiet ta’ xogħlijiet u servizzi u sistemi dinamiċi ta’ xiri.

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi, rigward kuntratti [proċeduri] li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-[Direttiva 2014/24] [...], id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jistgħu jiġu riveduti b’mod effettiv u, b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun f’konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 2f ta’ din id-Direttiva, għar-raġuni li dawn id-deċiżjonijiet ikunu kisru l-liġi tal-Unjoni fil-qasam tal-akkwist pubbliku jew ir-regoli nazzjonali li jittrasponu dik il-liġi.”

    8

    L-Artikolu 2(1)(a) u (b), tad-Direttiva 89/665 jipprevedi:

    “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri meħuda fir-rigward tal-proċeduri ta’ reviżjoni speċifikati fl-Artikolu 1 ikunu jinkludu dispożizzjoni għas-setgħat li:

    a)

    jittieħdu, ma’ l-ewwel opportunità possibbli u permezz ta’ proċeduri interlokutorji, miżuri intermedji bil-għan li jiġi korrett il-ksur allegat jew li ma jsirx dannu ulterjuri lill-interessi kkonċernati, inklużi miżuri għas-sospensjoni jew sabiex tiġi żgurata s-sospensjoni tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku jew l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-awtorità kontraenti;

    b)

    jitwarrbu jew jiġi żgurat it-twarrib ta’ deċiżjonijiet meħuda illegalment, inkluż it-tneħħija ta’ speċifikazzjonijiet diskriminatorji tekniċi, ekonomiċi jew finanzjarji fis-sejħa għall-offerti, fid-dokumenti tal-kuntratt jew fi kwalunkwe dokument ieħor relatat mal-proċedura ta’ l-għoti ta’ kuntratt”.

    Id-dritt Grieg

    9

    L-Artikolu 103(2) tal-Kostituzzjoni jipprovdi:

    “Ħadd ma jista’ jinħatar bħala uffiċjal għal kariga pubblika li ma tkunx ġiet stabbilita bil-liġi. Liġi speċjali tista’ tipprevedi reklutaġġ bħala eċċezzjoni ta’ persunal bil-kuntratt taħt id-dritt privat għal żmien determinat, bil-għan li jiġu sodisfatti ħtiġijiet imprevisti u urġenti.”

    10

    L-Artikolu 63(1) tal-Liġi 4430/2016 (FEK A’ 205) jipprevedi:

    “Permezz ta’ deċiżjoni tal-korp ta’ tmexxija kompetenti bis-saħħa ta’ membru uniku jew kollettiv, id-dipartimenti ċentrali, iddeċentralizzati u d-dipartimenti kollha b’mod ġenerali tal-ministeri kif ukoll il-persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku u dawk irregolati mid-dritt privat suġġetti għall-awtorità tal-ministeri jistgħu, sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ tindif tal-binjiet li tagħhom huma responsabbli u l-ispazji esterni kif ukoll il-ħtiġijiet ta’ ristorazzjoni, ta’ provvista ta’ ikliet u ta’ portinerija, jikkonkludu kuntratti ta’ xogħol individwali rregolati mid-dritt privat għal żmien determinat jekk il-persunal eżistenti ma jkunx suffiċjenti u fil-każ ta’ ċirkustanzi imprevisti jew ta’ urġenza. B’mod indikattiv, jitqiesu bħala tali ċ-ċirkustanzi li ġejjin: a) ostakolu ta’ liġi jew ta’ fatt għall-provvista mingħajr problemi ta’ servizzi minn persuni ġuridiċi jew fiżiċi terzi li ma huwiex dovut għad-destinatarji tal-imsemmija servizzi, b) it-twettiq ta’ ekonomiji baġitarji permezz tal-konklużjoni tal-kuntratti ta’ xogħol imsemmija f’din id-dispożizzjoni meta mqabbel ma’ mezzi oħra. Il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ ċirkustanzi imprevisti jew ta’ urġenza tirrikjedi evalwazzjoni mmotivata tal-amministrazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq. Il-kuntratti msemmija iktar ’il fuq għandhom jiġu konklużi konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu, b’deroga minn kull dispożizzjoni legali ġenerali jew speċjali oħra. Id-dispożizzjonijiet derogatorji ta’ dan l-artikolu jistgħu jiġu applikati sal‑31 ta’ Diċembru 2018.”

    11

    Bis-saħħa tal-Artikolu 63(2) ta’ din il-liġi, dawn il-kuntratti għandhom tul massimu ta’ 24 xahar u ma jistgħux jiġu mibdula f’kuntratti għal żmien indeterminat.

    12

    Skont l-Artikolu 63(3) tal-imsemmija liġi, għandha tiġi stabbilita klassifikazzjoni provviżorja għall-finijiet tal-għażla tal-persuni kkonċernati billi jiġu attribwiti punti lilhom skont it-tul tal-perijodu ta’ qgħad jew tal-esperjenza professjonali.

    13

    L-Artikolu 107(1) tal-Liġi 4461/2017 (FEK A’ 38) jirregola b’mod speċifiku ċerti kwistjonijiet relatati mal-applikazzjoni tal-Artikolu 63 tal-Liġi 4430/2016 lil persuni ġuridiċi, tkun liema tkun il-forma tagħhom, li jkunu suġġetti għall-awtorità tal-Ministeru għas-Saħħa, fir-rigward tal-għoti ta’ punti lill-kandidati skont it-tul tal-perijodu ta’ qgħad, l-eżistenza ta’ wlied minuri dipendenti u l-esperjenza professjonali.

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    14

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-impossibbiltà ta’ ħolqien ta’ postijiet ta’ xogħol statutorji konformement mal-Artikolu 103(2) tal-Kostituzzjoni, minħabba l-kriżi ekonomika fil-Greċja u l-impenji internazzjonali tagħha, wasslet lil dan l-Istat Membru jadotta ċerti dispożizzjonijiet legali awtonomi.

    15

    F’dan ir-rigward, il-Liġi 4430/2016 ġiet adottata sabiex jiġu indirizzati ċirkustanzi eċċezzjonali, meqjusa bħala “imprevisti” u “urġenti”, u fid-dawl tal-eżistenza ta’ disfunzjonamenti serji li jaffettwaw l-għoti u l-eżekuzzjoni ta’ kuntratti pubbliċi. Skont l-espożizzjoni tal-motivi tal-Liġi 4430/2016, hekk kif ġie riprodott fid-deċiżjoni tar-rinviju, din il-liġi hija intiża sabiex tiggarantixxi li vantaġġ finanzjarju għandu jirriżulta mit-tnaqqis kunsiderevoli fil-baġit tal-amministrazzjonijiet inkwistjoni, sabiex jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema fl-impriżi kkonċernati kif ukoll sabiex jiġu ssodisfatti l-ħtiġijiet urġenti jew imprevisti tad-destinatarji tas-servizzi, b’mod kompatibbli mal-Kostituzzjoni mad-dritt tal-Unjoni. L-Artikolu 63 tal-imsemmija liġi jipprevedi l-possibbiltà, għal persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku, li jikkonkludu kuntratti individwali rregolati mid-dritt privat għal żmien determinat sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom, b’mod partikolari, fil-qasam tar-ristorazzjoni, tal-provvista ta’ ikliet u tat-tindif.

    16

    Permezz ta’ deċiżjonijiet meħuda fix-xahar ta’ Novembru 2016, il-bordijiet tad-diretturi ta’ GNA Evangelismos u GONK Agioi Anargyroi ddeċidew li jikkonkludu ċertu numru ta’ kuntratti tax-xogħol individwali rregolati mid-dritt privat għal żmien determinat taħt l-imsemmi Artikolu 63 sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet rispettivi fil-qasam tar-ristorazzjoni u fil-provvista ta’ ikliet u fil-qasam tat-tindif fi ħdan l-isptarijiet li huma jamministraw.

    17

    Anodiki Services ippreżentat rikorsi kontra l-imsemmija deċiżjonijiet quddiem il-qorti tar-rinviju, is-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat, il-Greċja). Hija ssostni li dawn tal-aħħar jirrigwardaw il-provvista ta’ servizzi li jmisshom kienu suġġetti għal proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi msemmija mid-Direttiva 2014/24. F’dan ir-rigward, hija tosserva li l-valur tal-kuntratti li huma l-oġġett ta’ dawn l-istess deċiżjonijiet, jiġifieri bejn EUR 1 894 402.56 u EUR 2 050 418.16 fuq 24 xahar fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ GNA Evangelismos u EUR 550000 fis-sena fir-rigward ta’ dik ta’ GONK Agioi Anargyroi, huwa ogħla mil-limiti rilevanti ffissati fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva.

    18

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk kuntratti bħal dawk imsemmija mid-deċiżjonijiet tal-bordijiet tad-diretturi ta’ GNA Evangelismos u ta’ GONK Agioi Anargyroi jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “kuntratti ta’ impieg”, taħt l-Artikolu 10(g) tad-Direttiva 2014/24, b’tali mod li l-kuntratti pubbliċi li għandhom bħala suġġett il-konklużjoni tagħhom huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

    19

    Hija tistaqsi wkoll jekk l-Artikolu 63 tal-Liġi 4430/2016, sa fejn jippermetti l-konklużjoni ta’ tali kuntratti mingħajr l-użu tal-proċeduri previsti mid-Direttiva 2014/24, huwiex kuntrarju għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, għal dawk tat-Trattat FUE ddedikati għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, għall-Artikoli 16 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta) kif ukoll għall-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ trasparenza u ta’ proporzjonalità. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li, fid-dawl tal-oġġett u tal-istima tal-ispiża tal-kuntratti tax-xogħol, ma jistax jiġi kkontestat li l-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi li għandha l-istess oġġett tkun suġġetta għal interess transkonfinali.

    20

    Barra minn hekk l-imsemmija qorti tixtieq tkun taf jekk id-deċiżjoni ta’ awtorità pubblika li ma tirrikorrix għal proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi konformement mad-Direttiva 2014/24, minħabba l-fatt li l-kuntratt inkwistjoni ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, tistax tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju taħt id-Direttiva 89/665.

    21

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Għall-finijiet tal-Artikolu 10(g) tad-Direttiva [2014/24] hija raġuni suffiċjenti, għall-klassifikazzjoni ta’ kuntratt bħala ‘kuntratt ta’ impjieg’ kopert b’din id-dispożizzjoni, li jikkostitwixxi kuntratt ta’ xogħol b’impjieg , jew huwa neċessarju li dan il-kuntratt ikollu ċerti karatteristiċi partikolari (pereżempju, fir-rigward għan-natura tax-xogħol, it-termini tal-kuntratt, il-kwalifiki tal-kandidati, ir-regoli proċedurali għall-għażla tagħhom), sabiex l-għażla ta’ kull ħaddiem għandha tkun ir-riżultat ta’ ġudizzju individwalizzat u ta’ evalwazzjoni suġġettiva tal-kwalitajiet personali tiegħu jew tagħha mill-persuna li timpjega?

    Kuntratti ta’ xogħol b’terminu fiss [żmien determinat] li jingħataw abbażi ta’ kriterji oġġettivi, bħal ma huwa t-tul ta’ żmien li l-kandidat dam qiegħed, l-esperjenza preċedenti tal-kandidat jew in-numru ta’ ulied minuri tiegħu, bħala r-riżultat ta’ eżami formali tad-dokumenti ta’ sostenn u skont proċedura stabbilita minn qabel ta’ għoti ta’ punti skont il-kriterji msemmija iktar 'il fuq, bħalma huma l-kuntratti taħt koperti bl-Artikolu 63 tal-Liġi 4430/2016, jistgħu jitqiesu bħala ‘kuntratti ta’ impjieg’ fis-sens tal-Artikolu 10(g) tad-Direttiva 2014/24?

    2)

    Għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/24 (Artikoli 1(4), 18(1) u (2), 19(1), 32 u 57, moqrija flimkien mal-premessa 5 tagħha), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (Artikoli 49 u 56) u tal-[Karta] (Artikoli 16 u 52), kif ukoll tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ trasparenza u ta’ proporzjonalità, huwa permezz għall-awtoritajiet pubbliċi li jirrikorru għal mezzi oħra, inklużi kuntratti ta’ impjieg, b’esklużjoni ta’ kuntratti pubbliċi, sabiex jiġu ssodisfatti l-istess rekwiżiti ta’ interess pubbliku, u jekk ikun il-każ, f'liema kundizzjonijiet, meta dan ir-rimedju ma għandux l-għan ta’ organizzazzjoni permanenti tas-servizz pubbliku, iżda – bħal fil-każ tal-Artikolu 63 tal-Liġi 4430/2016 – iseħħ għal perijodu definit ta’ żmien u sabiex jittratta ċirkustanzi eċċezzjonali, kif ukoll għal raġunijiet li jirrigwardaw għall-effettività tal-kompetizzjoni jew tal-leġittimità tal-operazzjonijiet tal-azjendi li huma attivi fis-suq tal-kuntratti pubbliċi?

    Raġunijiet ta’ dan it-tip, kif ukoll ċirkustanzi bħalma huma l-impossibbiltà ta’ eżekuzzjoni ta’ bla xkiel tal-kuntratti pubbliċi jew it-twettiq ta’ benefiċċju finanzjarju ikbar ipparagunat ma’ dak li jirriżulta minn kuntratt pubbliku, jistgħu jitqiesu bħala raġunijiet imperattivi fl-interess pubbliku li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ miżura li twassal għal restrizzjoni serja, fil-portata u ż-żmien tagħha, fuq l-attività kummerċjali fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi?

    3)

    Għall-finijiet tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665 [...] il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni teskludi l-protezzjoni ġudizzjarja kontra d-deċiżjoni tal-awtorità pubblika, bħalma huma d-deċiżjonijiet fit-tilwima fil-kawża prinċipali, fir-rigward tal-għoti tal-kuntratti li jitqiesu bħala li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ttad-Direttiva 2014/24 (pereżempju, bħala ‘kuntratt ta’ impjieg’), meta titressaq kawża minn operatur ekonomiku li jkollu interess ġuridiku sabiex jingħata kuntratt pubbliku li għandu l-istess oġġett u li jkun qed jallega li d-Direttiva 2014/24 ma ġietx implementata, b’mod illegali, abbażi tal-fatt li n-nuqqas ta’ implementazzjoni tagħha kien meqjus bħala permess?”

    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    22

    Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju talbet l-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Din it-talba ġiet miċħuda permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑13 ta’ Lulju 2017Anodiki Services (C‑260/17, mhux ippubblikat, EU:C:2017:560).

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    23

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10(g) tad-Direttiva 2014/24 għandux jiġi interpretat fis-sens li kuntratti tax-xogħol, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri kuntratti tax-xogħol għal żmien determinat li huma konklużi ma’ persuni magħżula fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, bħat-tul tal-perijodu ta’ qgħad, l-esperjenza preċedenti u n-numru ta’ wlied minuri dipendenti tagħhom, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “kuntratti ta’ impjieg” imsemmi f’din id-dispożizzjoni.

    24

    Jeħtieġ li jiġi osservat li, filwaqt li, konformement mal-Artikolu 10(g) tad-Direttiva 2014/24, il-kuntratti pubbliċi għal servizzi li għandhom bħala oġġett il-kuntratti ta’ impjieg huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, il-kunċett ta’ “kuntratti ta’ impjieg”, hekk kif jirriżulta f’din id-dispożizzjoni, ma huwiex iddefinit minn din id-direttiva. Barra minn hekk, l-imsemmija dispożizzjoni ma tinkludi ebda riferiment għad-dritt tal-Istati Membri għal dak li jikkonċerna tali definizzjoni.

    25

    Issa, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mir-rekwiżit ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta li, sa fejn dispożizzjoni tiegħu ma tagħmilx riferiment għad-dritt tal-Istati Membri f’dak li jirrigwarda kunċett partikolari, dan tal-aħħar għandu jingħata, fl-Unjoni Ewropea kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi. Din l-interpretazzjoni għandha titfittex billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kliem tad-dispożizzjoni inkwistjoni kif ukoll il-kuntest tagħha u l-għan li għandu jintlaħaq mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Fish Legal u Shirley, C‑279/12, EU:C:2013:853, punt 42, kif ukoll tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Baumeister, C‑15/16, EU:C:2018:464, punt 24).

    26

    F’dan ir-rigward, minn naħa, mill-premessa 5 tad-Direttiva 2014/24 jirriżulta li din ma tobbligax lill-Istati Membri jafdaw lil terzi jew jesternalizzaw il-provvista ta’ servizzi li jkunu jixtiequ jipprovdu huma stess jew li jorganizzaw metodu ieħor li ma jkunx dak tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku fis-sens ta’ din id-direttiva, u li l-provvista ta’ servizzi bbażati fuq il-leġiżlazzjoni, ir-regolamentazzjoni jew fuq kuntratti ta’ impjieg ma għandhiex tintlaqat minn din id-direttiva. Minn dan jirriżulta li l-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ impjieg tikkostitwixxi mezz għall-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri sabiex jipprovdu servizzi huma stess u, b’hekk, din hija eskluża mill-obbligi relatati mal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi msemmija mill-imsemmija direttiva.

    27

    Kuntrarjament għal dak li ssostni Anodiki Services fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, din il-possibbiltà għall-awtoritajiet pubbliċi li jissodisfaw minn rajhom għal uħud mill-ħtiġijiet tagħhom permezz tal-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ impjieg ma hijiex limitata għall-każijiet imsemmija fl-aħħar sentenza tal-imsemmija premessa. F’dan ir-rigward, il-fatt li din il-premessa tippreċiża, fejn tidħol din il-possibbiltà li suppost għandhom l-awtoritajiet pubbliċi, li “dan jista’ pereżempju jkun il-każ għal” servizzi li hija telenka wara din il-parti tas-sentenza, juri suffiċjentement li dan l-elenku huwa ta’ natura mhux eżawrjenti.

    28

    Min-naħa l-oħra, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ impjieg tagħti lok, min-natura tiegħu, għal relazzjoni ta’ xogħol bejn l-impjegat u l-persuna li timpjega. Fil-kuntest usa’ tad-dritt tal-Unjoni, hija ġurisprudenza stabbilita li l-karatteristika tar-relazzjoni tax-xogħol hija ċ-ċirkustanza li persuna twettaq matul perijodu ta’ żmien, favur persuna oħra u taħt id-direzzjoni tagħha, servizzi li b’korrispettiv tagħhom hija tirċievi remunerazzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑3 ta’ Lulju 1986, Lawrie‑Blum, 66/85, EU:C:1986:284, punt 17, kif ukoll tad‑19 ta’ Lulju 2017, Abercrombie & Fitch Italia, C‑143/16, EU:C:2017:566, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    29

    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-kunċett ta’ “kuntratti ta’ impjieg”, fis-sens tal-Artikolu 10(g) tad-Direttiva 2014/24, jirrigwarda l-kuntratti kollha li permezz tagħhom awtorità pubblika timpjega lil persuni fiżiċi sabiex hija stess tipprovdi servizzi u li jagħtu lok għal relazzjoni ta’ xogħol li permezz tagħha dawn il-persuni jwettqu għal ċertu żmien, favur din l-awtorità pubblika u taħt id-direzzjoni tagħha, servizzi li b’korrispettiv tagħhom huma jirċievu remunerazzjoni.

    30

    Għall-finijiet ta’ din id-definizzjoni, il-mod li bih l-imsemmija persuni jiġu impjegati huwa għalhekk nieqes minn rilevanza. B’mod partikolari, għalkemm, ċertament, relazzjoni ta’ xogħol tista’ tistrieħ, hekk kif tosserva Anodiki Services fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, fuq relazzjoni ta’ fiduċja bejn il-persuna li timpjega u l-ħaddiem, b’ebda mod ma jirriżulta li huma biss il-kuntratti konklużi fuq il-bażi ta’ kriterji suġġettivi fir-rigward tal-persuni impjegati, bl-esklużjoni ta’ dawk li jirriżultaw minn selezzjoni magħmula skont kriterji purament oġġettivi, jikkostitwixxu “kuntratti ta’ impjieg”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

    31

    Barra minn hekk, sa fejn, konformement mad-definizzjoni tar-“relazzjoni ta’ xogħol” imfakkra fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, il-ħaddiem iwettaq servizzi favur il-persuna li timpjegah, taħt id-direzzjoni tagħha, “matul perijodu ta’ żmien”, il-kuntratti ta’ xoħgol għal żmien determinat ma jistgħux jiġu esklużi mill-kunċett ta’ “kuntratti ta’ impjieg”, fis-sens tal-Artikolu 10(g) tad-Direttiva 2014/24, minħabba li t-tul tar-relazzjoni ta’ xogħol li dawn jistabbilixxu huwa limitat ratione temporis.

    32

    Fl-aħħar mill-aħħar, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jekk il-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxux “kuntratti ta’ impjieg” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. B’mod partikolari, kif irrilevat il-Kummissojni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, hemm lok li jiġi vverifikat jekk dawn humiex kuntratti tax-xogħol individwali reali, konklużi bejn l-isptarijiet irregolati mid-dritt pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali u l-persuni rreklutati. Madankollu, fil-fajl sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja ma hemm ebda indikazzjoni li dan ma huwiex il-każ.

    33

    Fid-dawl tal-punti preċedenti, jeħtieġ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-Artikolu 10(g) tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li kuntratti tax-xogħol bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri kuntratti tax-xogħol individwali għal żmien determinat li huma konklużi ma’ persuni magħżula fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi bħat-tul tal-perijodu ta’ qgħad, l-esperjenza preċedenti u n-numru ta’ wlied dipendenti tagħhom jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “kuntratti ta’ impjieg” imsemmi f’din id-dispożizzjoni.

    Fuq it-tieni domanda

    34

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/24, l-Artikoli 49 u 56 TFUE, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ trasparenza u ta’ proporzjonalità kif ukoll l-Artikoli 16 u 52 tal-Karta jipprekludux deċiżjoni minn awtorità pubblika sabiex tikkonkludi kuntratti ta’ impjieg bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sabiex tissodisfa ċerti impenji li jirriżultaw mill-obbligi tagħha ta’ interess pubbliku.

    35

    Fl-ewwel lok, fid-dawl tar-risposta mogħtija fl-ewwel domanda, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/24 ma japplikawx għal kuntratti ta’ impjieg, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    36

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-Artikoli 49 u 56 TFUE kif ukoll tal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni msemmija fit-tieni domanda, hemm lok li jitfakkar li, għalkemm, fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-espressjonijiet speċifiċi tiegħu li huma l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità kif ukoll l-Artikoli 49 u 56 TFUE japplikaw fil-każ fejn awtorità pubblika tafda l-provvista ta’ attivitajiet ekonomiċi lil terzi, ma hemmx lok, min-naħa l-oħra, li jiġi applikat id-dritt tal-Unjoni dwar il-kuntratti pubbliċi għall-każ fejn awtorità pubblika twettaq l-impenji ta’ interess pubbliku imposti fuqha bil-mezzi tagħha stess, amministrattivi, tekniċi u oħrajn, mingħajr ma tirrikorri għal entitajiet esterni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Jannar 2005, Stadt Halle u RPL Lochau, C‑26/03, EU:C:2005:5, punt 48, kif ukoll tat‑13 ta’ Ottubru 2005, Parking Brixen, C‑458/03, EU:C:2005:605, punt 61).

    37

    Minn dan jirriżulta li l-imsemmija dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE u l-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni ma humiex applikabbli għaċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, inkwantu l-isptarijiet irregolati mid-dritt pubbliku inkwistjoni f’din il-kawża ddeċidew li jissodisfaw minn rajhom uħud mill-ħtiġijiet tagħhom fil-kuntest tat-twettiq tal-impenji ta’ interess pubbliku imposti fuqhom, billi jirrikorru għall-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ impjieg.

    38

    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-Artikoli 16 u 52 tal-Karta, jeħtieġ li jiġi osservat li d-dispożizzjonijiet tagħha huma indirizzati, bis-saħħa tal-Artikolu 51(1) tagħha, għall-Istati Membri biss fejn jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni. Bis-saħħa tal-Artikolu 51(2) tagħha, il-Karta ma testendix il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi tal-Unjoni u lanqas ma toħloq kompetenza jew kompitu ġdid għall-Unjoni, u ma timmodifikax il-kompetenzi u l-kompiti ddefiniti fit-Trattati. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tinterpreta, fid-dawl tal-Karta, id-dritt tal-Unjoni fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha (sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2012, Iida, C‑40/11, EU:C:2012:691, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    39

    Issa, kif jirriżulta mill-punti 35 sa 37 ta’ din is-sentenza, id-deċiżjonijiet tal-isptarijiet irregolati mid-dritt pubbliku li jikkonkludu l-kuntratti ta’ impjieg inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma humiex dovuti għall-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51 tal-Karta, fejn għalhekk il-konformità ta’ dawn id-deċiżjonijiet mad-drittijiet fundamentali ma tistax tiġi eżaminata fid-dawl tad-drittijiet introdotti minn din tal-aħħar.

    40

    Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/24, l-Artikoli 49 u 56 TFUE, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ trasparenza u ta’ proporzjonalità kif ukoll l-Artikoli 16 u 52 tal-Karta ma humiex applikabbli fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ awtorità pubblika li tirrikorri għall-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ impjieg bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sabiex tissodisfa ċerti impenji li jirriżultaw mill-obbligi tagħha ta’ interess pubbliku.

    Fuq it-tielet domanda

    41

    Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 għandux jiġi interpretat fis-sens li deċiżjoni ta’ awtorità kontraenti li tikkonkludi kuntratti ta’ impjieg ma’ persuni fiżiċi għall-provvista ta’ ċerti servizzi mingħajr ma tirrikorri għal proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi konformement mad-Direttiva 2014/24, minħabba li, fil-fehma tagħha, dawn il-kuntratti ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, tista’ tkun suġġetta għal azzjoni taħt l-imsemmija dispożizzjoni, ippreżentata minn operatur ekonomiku li jkollu interess li jipparteċipa f’kuntratt pubbliku li jkollu l-istess oġġett bħall-imsemmija kuntratti u li jqis li dawn jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva.

    42

    Il-formulazzjoni tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 tippresupponi, bl-użu tal-kliem “rigward kuntratti [proċeduri]”, li kull deċiżjoni ta’ awtorità kontraenti li taqa’ taħt ir-regoli li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi u li għandha mnejn tiksirhom hija suġġetta għall-istħarriġ ġudizzjarju previst fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) tal-istess direttiva. Għalhekk din id-dispożizzjoni tirreferi b’mod ġenerali għad-deċiżjonijiet ta’ awtorità kontraenti, mingħajr ma tagħmel distinzjoni bejn dawn id-deċiżjonijiet fuq il-bażi tal-kontenut tagħhom jew fuq il-mument tal-adozzjoni tagħhom (sentenza tal‑5 ta’ April 2017, Marina del Mediterráneo et, C‑391/15, EU:C:2017:268, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    43

    Dan is-sens wiesa’ tal-kunċett ta’ “deċiżjoni” ta’ awtorità kontraenti huwa kkonfermat mill-fatt li d-dispożizzjoni tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 ma tipprevedi l-ebda restrizzjoni f’dak li jirrigwarda n-natura u l-kontenut tad-deċiżjonijiet li għalihom dan jirreferi. Barra minn hekk, interpretazzjoni restrittiva ta’ dan il-kunċett tkun inkompatibbli mad-dispożizzjoni tal-Artikolu 2(1)(a) tagħha li jimponi lill-Istati Membri jipprevedu proċeduri ta’ miżuri provviżorji fir-rigward ta’ kull deċiżjoni adottata mill-awtoritajiet kontraenti (sentenza tal‑5 ta’ April 2017, Marina del Mediterráneo et, C‑391/15, EU:C:2017:268, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    44

    Barra minn hekk, jeħtieġ li jitfakkar li kull att ta’ awtorità kontraenti, adottat b’rabta ma’ kuntratt pubbliku għal servizzi li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2014/24 u li jista’ jkollu effetti ġuridiċi, jikkostitwixxi deċiżjoni li tista’ tiġi kkontestata, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dan l-att huwiex adottat barra minn proċedura formali ta’ għoti ta’ kuntratti jew fil-kuntest tagħha (sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2005, Stadt Halle u RPL Lochau, C‑26/03, EU:C:2005:5, punt 34).

    45

    F’dan ir-rigward, meta awtorità kontraenti tiddeċiedi li ma tibdiex proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt peress li s-suq inkwistjoni, fl-opinjoni tagħha, ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni rilevanti, tali deċiżjoni tista’ tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2005, Stadt Halle u RPL Lochau, C‑26/03, EU:C:2005:5, punt 33).

    46

    Fil-fatt, approċċ li skontu d-Direttiva 89/665 ma tirrikjedix protezzjoni ġudizzjarja lil hinn minn proċedura formali ta’ għoti ta’ kuntratti, b’tali mod li la d-deċiżjoni ta’ awtorità kontraenti li ma tibdiex tali proċedura u lanqas dik intiża li tikkonstata jekk kuntratt pubbliku jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni rilevanti ma jistgħu jkunu suġġetti għal azzjoni, ikollu bħala konsegwenza li l-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni rilevanti ssir fakultattiva, skont il-fehma ta’ kull awtorità kontraenti, meta din l-applikazzjoni hija madankollu obbligatorja meta l-kundizzjonijiet previsti fihom jiġu sodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2005, Stadt Halle u RPL Lochau, C‑26/03, EU:C:2005:5, punti 3637).

    47

    Konsegwentement, jeħtieġ li r-risposta għat-tielet domanda tkun li l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-deċiżjoni ta’ awtorità kontraenti li tikkonkludi kuntratti ta’ impjieg ma’ persuni fiżiċi għall-provvista ta’ ċerti servizzi mingħajr ma tirrikorri għal proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi konformement mad-Direttiva 2014/24, għar-raġuni li, fil-fehma tagħha, dawn il-kuntratti ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, tista’ tkun suġġetta għal azzjoni taħt l-imsemmija dispożizzjoni, ippreżentata minn operatur ekonomiku li jkollu interess li jipparteċipa f’kuntratt pubbliku li jkollu l-istess oġġett bħall-imsemmija kuntratti u li jqis li dawn jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva.

    Fuq l-ispejjeż

    48

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 10(g) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE, kif emendata bir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/2170, tal‑24 ta’ Novembru 2015, għandu jiġi interpretat fis-sens li kuntratti tax-xogħol bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri kuntratti tax-xogħol individwali għal żmien determinat li huma konklużi ma’ persuni magħżula fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi bħat-tul tal-perijodu ta’ qgħad, l-esperjenza preċedenti u n-numru ta’ wlied dipendenti tagħhom jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “kuntratti ta’ impjieg” imsemmi f’din id-dispożizzjoni.

     

    2)

    Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/24, kif emendata bir-Regolament ta’ Delega 2015/2170, l-Artikoli 49 u 56 TFUE, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ trasparenza u ta’ proporzjonalità kif ukoll l-Artikoli 16 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ma humiex applikabbli fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ awtorità pubblika li tirrikorri għall-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ impjieg bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sabiex tissodisfa ċerti impenji li jirriżultaw mill-obbligi tagħha ta’ interess pubbliku.

     

    3)

    L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal‑21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet], kif emendata bid-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑26 ta’ Frar 2014, għandu jiġi interpretat fis-sens li d-deċiżjoni ta’ awtorità kontraenti li tikkonkludi kuntratti ta’ impjieg ma’ persuni fiżiċi għall-provvista ta’ ċerti servizzi mingħajr ma tirrikorri għal proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi konformement mad-Direttiva 2014/24, kif emendata bir-Regolament ta’ Delega 2015/2170, għar-raġuni li, fil-fehma tagħha, dawn il-kuntratti ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, tista’ tkun suġġetta għal azzjoni taħt l-imsemmija dispożizzjoni, ippreżentata minn operatur ekonomiku li jkollu interess li jipparteċipa f’kuntratt pubbliku li jkollu l-istess oġġett bħall-imsemmija kuntratti u li jqis li dawn jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top