EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0111

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-8 ta’ Ġunju 2017.
OL vs PQ.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Monomeles Protodikeio Athinon.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri – Ħtif internazzjonali ta’ minuri – Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-25 ta’ Ottubru 1980 – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Artikolu 11 – Talba għal ritorn – Kunċett ta’ ‘residenza abitwali’ ta’ tarbija – Minuri mwieled, konformement mar-rieda tal-ġenituri tiegħu, fi Stat Membru li ma huwiex dak tar-residenza abitwali tagħhom – Residenza kontinwa tal-minuri matul l-ewwel xhur tiegħu ta’ ħajja fl-Istat Membru fejn twieled – Deċiżjoni tal-omm li ma tirritornax fl-Istat Membru fejn kienet ir-residenza abitwali tal-koppja.
Kawża C-111/17 PPU.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:436

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

8 ta’ Ġunju 2017 ( *1 ) ( 1 )

[Test rettifikat permezz ta’ digriet tat-12 ta’Ġunju 2017]

[Test rettifikat permezz ta’ digriet tal-14 ta’ Settembru 2017]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri – Ħtif internazzjonali ta’ minuri – Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-25 ta’ Ottubru 1980 – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Artikolu 11 – Talba għal ritorn – Kunċett ta’ ‘residenza abitwali’ ta’ tarbija – Minuri mwieled, konformement mar-rieda tal-ġenituri tiegħu, fi Stat Membru li ma huwiex dak tar-residenza abitwali tagħhom – Residenza kontinwa tal-minuri matul l-ewwel xhur tiegħu ta’ ħajja fl-Istat Membru fejn twieled – Deċiżjoni tal-omm li ma tirritornax fl-Istat Membru fejn kienet ir-residenza abitwali tal-koppja”

Fil-Kawża C‑111/17 PPU,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Monomeles Protodikeio Athinon (qorti tal-prim’istanza b’imħallef uniku ta’ Ateni, il-Greċja), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Frar 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Marzu 2017, fil-proċedura

OL

vs

PQ,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça (Relatur), President tal-Awla, M. Berger, A. Borg Barthet, E. Levits u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: L. Hewlett,

wara li rat it-talba tal-qorti tar-rinviju tat-28 ta’ Frar 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Marzu 2017, li tressaq ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari għall-proċedura b’urġenza, skont l-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

wara li rat id-deċiżjoni tas-16 ta’ Marzu 2017 tal-Ħames Awla li din it-talba għandha tiġi milqugħa,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Mejju 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal OL, minn C. Athanasopoulos u A. Alexopoulou, avukati,

għal PQ, minn S. Sfakianaki, avukat,

għall-Gvern Elleniku, minn T. Papadopoulou, G. Papadaki u A. Magrippi, bħala aġenti,

[kif rettifikat b’digriet tal-14 ta’ Settembru 2017] għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Brandon, bħala aġent, assistit minn E. Devereaux, QC,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Konstantinidis u M. Wilderspin, kif ukoll A. Katsimerou, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Mejju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn OL u PQ fir-rigward ta’ talba għal ritorn, imressqa minn OL, tal-minuri tagħhom li jinsab fil-Greċja, Stat Membru fejn dan tal-aħħar twieled u qiegħed jgħix flimkien ma’ ommu, lejn l-Italja li huwa l-post tar-residenza abitwali tal-koppja qabel it-twelid tal-minuri.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

3

Il-Konvenzjoni dwar l-aspetti ċivili tal-ħtif internazzjonali ta’ minuri, konkluża f’Den Haag, fil-25 ta’ Ottubru 1980, (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980”), għandha bħala għan, kif jirriżulta mill-preambolu tagħha, li b’mod partikolari tipproteġi lill-minuri, fil-livell internazzjonali, mill-effetti dannużi ta’ tneħħija jew ta’ żamma illegali u li tistabbilixxi proċeduri bl-għan li jiġi ggarantit ir-ritorn immedjat tal-minuri fl-Istat ta’ residenza abitwali tiegħu. Din il-konvenzjoni ġiet irratifikata mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea.

4

L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 jistipula:

“L-għan ta’ din il-Konvenzjoni huwa:

a)

li jiġi żgurat ir-ritorn immedjat ta’ minuri mneħħija jew miżmuma illegalment f’xi Stat kontraenti;

b)

tiżgura li d-drittijiet ta’ kustodja jew ta’ aċċess taħt il-liġi ta’ Stat kontraenti jiġu rrispettati effettivament fl-Istati kontraenti l-oħra.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5

Skont l-Artikolu 3 ta’ din il-konvenzjoni:

“It-tneħħija jew iż-żamma ta’ minuri għandhom jitqiesu li huma illegali meta:

a)

iseħħu bi ksur ta’ dritt ta’ kustodja, vestit f’persuna, istituzzjoni jew organu ieħor, individwalment jew b’mod konġunt, mid-dritt tal-Istat fejn il-minuri kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma tiegħu; u

b)

dan id-dritt kien eżerċitat effettivament individwalment jew b’mod konġunt, fil-mument tat-tneħħija jew taż-żamma, jew kien ikun hekk eżerċitat li kieku ma seħħewx dawn l-avvenimenti.

Id-dritt tal-kustodja msemmi fil-punt a) jista’ jirriżulta b’mod partikolari ipso jure jew bis-saħħa ta’ deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva, jew bis-saħħa ta’ ftehim li jkollu effett legali skont il-liġi ta’ dan l-Istat.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6

L-Artikolu 5(a) ta’ din l-istess konvenzjoni jipprevedi li, fis-sens tagħha, id-“dritt tal-kustodja” jinkludi d-dritt li jirrigwarda l-kura tal-persuna tal-minuri, u b’mod partikolari li jiġi deċiż il-post ta’ residenza tiegħu.

7

L-Artikolu 8 ta’ din l-istess konvenzjoni jistipula:

“Il-persuna, l-istituzzjoni jew il-korp li jsostni li minuri ġie mneħħi jew miżmum bi ksur tad-dritt ta’ kustodja jistgħu jmorru jew quddiem l-Awtorità ċentrali tar-residenza abitwali tal-minuri, jew quddiem dik ta’ kwalunkwe Stat kontraenti ieħor, għall-assistenza tagħhom sabiex ir-ritorn tal-minuri jiġi żgurat.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag 1980 jipprevedi li l-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi ta’ kull Stat kontraenti għandhom jipproċedu b’urġenza għar-ritorn tal-minuri.

Id-dritt tal-Unjoni

9

Il-premessi 12 u 17 tar-Regolament Nru 2201/2003 jistabbilixxu:

“(12)

Ir-raġunijiet ta’ l-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri stabbiliti fir-Regolament preżenti huma fformati fi ħdan l-aqwa interessi għall-minuri, u partikolarment dwar il-kriterju ta’ l-qrubija. Dan ifisser li l-ġurisdizzjoni għandha toqgħod l-ewwelnett ma’ l-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ l-minuri, ħlief għal ċerti każijiet fejn hemm tibdil fir-residenza ta’ l-minuri jew skond ftehim bejn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabilità.

[…]

(17)

F’każijiet ta’ tneħħija jew żamma nġusta ta’ minuri, ir-ritorn ta’ l-minuri għandu jinkiseb mingħajr dewmien, u għal dan il-għan għandha tkompli tapplika l-Konvenzjoni ta’ [Den Haag tal-1980] kif kumplementata mid-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, u partikolarrment l-Artikolu 11. […]”

10

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jagħti d-definizzjonijiet li ġejjin:

“[…]

7.

il-kliem ‘responsabbilità ta’ l-ġenituri’ għandhom ifissru d-drittijiet u r-responsabbilitajiet kollha dwar il-persuna jew il-proprjetà ta’ l-minuri li huma moghtija lil persuna jew persuna legali b’sentenza, bl-operazzjoni ta’ l-liġi [ipso jure] jew b’xi fteħim li għandu effetti legali. Il-kliem se jinkludu d-drittijiet ta’ kustodja u d-drittijiet ta’ l-aċċess;

8.

il-kliem ‘min għandu r-responsabilità ta’ l-ġenituri’ se tfisser kwalunkwe persuna li għandha r-responsabilità ta’ l-ġenituri fuq il-minuri;

9.

il-kliem ‘drittijiet ta’ kustodja’ għandhom jinkludu drittijiet u responsabbilitajiet dwar il-kura ta’ l-persuna ta’ l-minuri, u partikolarment id-drittijiet li jiddeterminaw il-post ta’ residenza ta’ l-minuri;

[…]

11.

il-kliem ‘tneħħija nġusta jew iż-żamma’ għandhom ifissru t-tneħħija tal-minuri jew iż-żamma fejn;

(a)

hemm ksur ta’ liġi tad-drittijiet ta’ kustodja akkwistati permezz ta’ sentenza jew b’operat ta’ liġi jew b’xi fteħim li għandu effett legali taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma;

u

(b)

iżda, f’dak iż-żmien tat-tneħħija jew iż-żamma, id-drittijiet ta’ kustodja kienu attwalment eżerċitati, konġuntament jew unikament, jew kieku kienu ikunu hekk eżerċitati minħabba t-tneħħija jew iż-żamma. Il-kustodja se tiġi kkunsidrata biex tiġi eżerċitata konġuntament meta, skond sentenza jew b’operat ta’ liġi, wieħed mill-ġenituri li għandu jew għandha r-responsabbilità ma tistax tiddeċiedi dwar il-post ta’ residenza ta’ l-minuri mingħajr il-kunsens ta’ persuna oħra li għandha r-responsabbilità ta’ l-ġenitur.”

11

Skont l-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-Ġurisdizzjoni ġenerali”:

“1.   Il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar minuri li huma abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru fiż-żmien li l-qorti tkun ħadet il-pussess [ġiet adita].

2.   Il-Paragrafu 1 għandu jkun bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 9, 10 u 12.”

12

L-Artikolu 10 tal-istess regolament, intitolat “Il-Ġurisdizzjoni f’każijiet ta’ ħtif ta’ minuri”, jipprevedi:

“F’każ ta’ tneħħija jew żamma nġusta [illegali] ta’ minuri, il-qrati ta’ l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta għandhom iżommu l-ġurisdizzjoni sakemm il-minuri jakkwistaw residenza abitwali fi Stat Membru ieħor u:

(a)

kull persuna, istituzzjoni jew xi korp ieħor li għandhom drittijiet ta’ kustodja taw il-kunsens tagħhom għat-tneħħija jew żamma;

jew

(b)

il-minuri kellhom residenza f’dak l-Istat Membru l-ieħor għall-perjodu ta’ mill-inqas sena wara li l-persuna, istituzzjoni jew xi korp ieħor li għandhom drittijiet ta’ kustodja kellhom jew setgħaw kellhom informazzjoni fejn qegħdin il-minuri u l-minuri ġew issistemati fl-ambjent ġdid tagħhom u mill-inqas waħda mill kondizzjonijiet segwenti ġiet milqugħa:

(i)

Fi żmien sena wara li l-pussessur tad-drittijiet ta’ kustodja kellu/ha jew seta’ kellu/ha nformazzjoni dwar fejn kienu l-minuri, ma saret l-ebda talba għar-ritorn ppreżentatquddiem l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru fejn il-minuri ġew imneħħija jew miżmuma;

(ii)

talba għar-ritorn reġistrata mill-pussessur tad-drittijiet ta’ kustodja ġiet irtirata u l-ebda talba ġdida ma ġiet ippreżentata fiż-żmien limitu skond il-paragrafu (i);

(iii)

każ quddiem qorti fl-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta ġiet magħluq skont l-Artikolu 11(7);

(iv)

sentenza dwar kustodja li ma tikkunsidrax li t-talba tar-ritorn ta’ l-minuri tkun inħarġet mill-qrati ta’ l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija nġusta jew iż-żamma.”

13

L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2201/2003, intitolat “Ir-Ritorn ta’ l-minuri”, jiddisponi:

“1.   Fejn persuna, istituzzjoni jew xi korp ieħor li għandhom id-drittijiet ta’ kustodja japplika ma’ l-awtoritajiet kompetenti fi Stat Membru biex joħroġu sentenza dwar il-bażi ta’ l-Konvenzjoni ta’ [Den Haag tal-1980], ħalli tikseb ir-ritorn ta’ l-minuri li ġew inġustament imneħħija jew miżmuma fi Stat Membru barra dak li huwa l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta, għandhom japplikaw paragrafi 2 sa 8.

[…]

3.   Qorti li fiha hemm applikazzjoni għar-ritorn ta’ l-minuri kif imsemmija fil-paragrafu 1 għandha taġixxi bil-ħeffa fil-proċedimenti dwar l-applikazzjoni, billi tuża l-aktar proċedimenti ħfief fix-xogħol li huma disponibbli fil-liġi nazzjonali.

Mingħajr preġudizzju għall-ewwel subparagrafu, il-qorti għandha, ħlief fejn ċirkustanzi eċċezzjonali jagħmlu dan impossibli, taqta’ is-sentenza tagħha sa mhux aktar tard minn sitt gimgħat wara li l-applikazzjoni tkun ġiet irreġistrata.

[…]”

Id-dritt Grieg

14

Mill-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju, jirriżulta li fil-Greċja, talba għal ritorn fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, għandha tiġi mressqa quddiem il-Monomeles Protodikeio (qorti tal-prim’istanza b’Imħallef uniku) tal-post fejn il-minuri kkonċernat ikun wara l-ħtif tiegħu jew dak tad-domiċilju tal-awtur ta’ dan il-ħtif. Tali talba tista’ tiġi mressqa jew mill-ministeru tal-ġustizzja – li f’dan l-Istat Membru huwa l-awtorità ċentrali responsabbli ta’ talbiet għal ritorn – jew direttament mill-persuna, istituzzjoni jew korp li tqis li għandha dritt ta’ kustodja fir-rigward tal-minuri. Din it-talba hija ttrattata bħala proċedura għal miżuri provviżorji, iżda d-deċiżjoni mogħtija mill-qorti adita taqta’ l-kawża b’mod definittiv fir-rigward tar-ritorn tal-minuri.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

15

Mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-osservazzjonijiet bil-miktub u orali ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li OL, ċittadin Taljan, u PQ, ċittadina Griega, iżżewġu fl-Italja fl-1 ta’ Diċembru 2013, Stat Membru li fih huma għexu flimkien, fil-komun ta’ Sassoferrato.

16

Meta PQ kienet tmien xhur tqila, il-konjuġi qablu li hija twelled lill-wild tagħhom f’Ateni (il-Greċja) fejn hija tkun tista’ tibbenefika mill-għajnuna tal-familja ta’ missierha u li, wara dan, PQ tirritorna mal-wild tagħhom fid-dar matrimonjali fl-Italja.

17

Għalhekk il-koppja marru Ateni fejn fit-3 ta’ Frar 2016 PQ welldet tifla, li minn dakinhar baqgħet tgħix ma’ ommha. Sussegwentement, OL irritorna l-Italja. Skont dan tal-aħħar, huwa kien ta l-kunsens tiegħu sabiex il-minuri tgħix fil-Greċja sax-xahar ta’ Mejju 2016, żmien meta kien qed jistenna r-ritorn ta’ martu u tat-tarbija fl-Italja. Madankollu, f’Ġunju 2016, PQ kienet iddeċidiet unilateralment li tibqa’ l-Greċja mal-minuri.

18

Skont PQ, il-konjuġi ma kinux iddeterminaw b’mod preċiż id-data tar-ritorn fl-Italja. PQ issostni, b’mod partikolari, li fix-xahar ta’ Mejju 2016 u, sussegwentement, fix-xahar ta’ Ġunju tal-istess sena, OL kien żarhom fil-Greċja. Barra minn hekk, huma kienu qablu li jqattgħu flimkien il-vaganzi tas-sajf f’dan l-Istat Membru.

19

Fl-20 ta’ Lulju 2016, OL ressaq talba għad-divorzju quddiem it-Tribunale ordinario di Ancona (qorti ta’ Ancona, l-Italja). F’dan il-kuntest, huwa b’mod partikolari talab li jingħata l-kustodja esklużiva tal-minuri, li l-omm tingħata dritt ta’ aċċess, li l-qorti tordna r-ritorn tal-minuri fl-Italja u li jingħata manteniment għall-minuri. B’deċiżjoni tas-7 ta’ Novembru 2016, din il-qorti ddeċidiet li ma kienx hemm lok li tagħti deċiżjoni fuq it-talbiet relatati mar-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward tal-minuri, peress li din tgħix, sa mit-twelid tagħha, fi Stat Membru ieħor li ma huwiex l-Italja. OL appella din d-deċiżjoni, li ġiet ikkonfermata, fl-20 ta’ Jannar 2017, mill-Corte d’appello d’Ancona (qorti tal-appell ta’ Ancona). Barra minn hekk, permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Jannar 2017, it-Tribunale ordinario di Ancona (qorti ta’ Ancona) irrifjutat li tagħti deċiżjoni fuq it-talba għal manteniment, dejjem peress li r-residenza abitwali tal-minuri ma kinitx fl-Italja. Fl-aħħar nett, fit-23 ta’ Frar 2017, din il-qorti ddikjarat id-divorzju ta’ OL u PQ, mingħajr ma ddeċidiet fuq ir-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward tal-minuri.

20

Fl-istess waqt li kienu għaddejjin dawn il-proċeduri quddiem il-qrati Taljani, fl-20 ta’ Ottubru 2016, OL adixxa lill-Monomeles Protodikeio Athinon (qorti tal-prim’istanza b’Imħallef uniku ta’ Ateni, il-Greċja), b’talba għal ritorn fir-rigward tal-minuri.

21

F’dan ir-rigward, din il-qorti hija tal-fehma li, għalkemm il-minuri ċertament ma kinitx “imneħħija” fis-sens tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 jew tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, minn Stat Membru għal ieħor, madankollu, hija ġiet miżmuma illegalment minn ommha fil-Greċja, mingħajr ma l-missier kien ta l-kunsens sabiex ir-residenza abitwali ta’ din il-minuri tkun hemm stabbilita, peress li l-ġenituri flimkien jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fuq il-minuri.

22

Din il-qorti tqis li s-sitwazzjonijiet li fihom minuri jitwieled f’post li ma huwiex relatat mar-residenza abitwali tal-ġenituri tiegħu – pereżempju, għal raġunijiet aċċidentali jew ta’ forza maġġuri, bħal vjaġġ tal-ġenituri tiegħu f’pajjiż barrani – u sussegwentement ikun inġustament imneħħi jew miżmum minn wieħed minnhom, dan iwassal għal ksur flagranti tad-drittijiet tal-ġenituri u għal tneħħija vera tal-minuri mill-post li, fil-kors normali tal-affarijiet, kellu jkun ir-residenza abitwali tiegħu. Tali sitwazzjonijiet għandhom, għal dawn ir-raġunijiet, jaqgħu taħt il-proċedura għal ritorn prevista mill-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 u mir-Regolament Nru 2201/2003.

23

Il-preżenza fiżika tal-minuri f’post speċifiku għalhekk ma għandux ikun prerekwiżit sabiex jiġi kkunsidrat bħala r-“residenza abitwali” tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2201/2003. Fil-fatt, b’mod partikolari fir-rigward tat-trabi tat-twelid u tat-trabi, il-fatturi li normalment jiddeterminaw ir-residenza abitwali jitilfu r-rilevanza tagħhom minħabba fid-dipendenza totali ta’ dawn il-minuri ta’ età żgħira fir-rigward tal-persuni li għandhom il-kustodja tagħhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra hija stess li l-kundizzjoni relatata mal-preżenza fiżika tal-minuri hija ta’ inqas importanza fir-rigward ta’ trabi, hekk kif iddeċidiet fis-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Mercredi (C‑497/10 PPU, EU:C:2010:829), fejn sabet li l-fatt li tali tarbija għexet għal ftit jiem biss f’post speċifiku, flimkien ma’ elementi oħra, kien biżżejjed sabiex tiġi stabbilita r-residenza abitwali tagħha.

24

Skont il-qorti tar-rinviju, sabiex tiddetermina r-residenza abitwali ta’ tarbija tat-twelid jew ta’ tarbija, ikun aħjar li tuża bħala fattur ewlieni l-intenzjoni komuni tal-ġenituri li huma responsabbli minnha, li jista’ jiġi dedott mill-preparazzjonijiet li saru sabiex jilqgħu lill-minuri, bħaċ-ċertifikat tat-twelid ta’ dan mar-reġistru pubbliku tal-post tar-residenza abitwali tagħhom, ix-xiri tal-ħwejjeġ li huma meħtieġa jew tal-għamara intiża għalih, it-tħejjija ta’ kamartu jew ukoll il-kiri ta’ dar ikbar.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Monomeles Protodikeio Athinon (qorti tal-prim’istanza b’Imħallef uniku ta’ Ateni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Liema interpretazzjoni għandha tingħata lill-kliem ‘[residenza abitwali]’, fis-sens tal-Artikolu 11(1) [tar-Regolament Nru 2201/2003], fil-każ ta’ tarbija li, minħabba raġunijiet fortuwiti jew ta’ forza maġġuri, tkun twieldet f’post differenti minn dak li l-ġenituri tagħha, li jeżerċitaw fuqha l-kustodja parentali konġunta, kienu jintendu li jagħżlu għaliha bħala post ta’ residenza abitwali u li, minn dakinhar, inżammet b’mod illegali minn wieħed mill-ġenituri tagħha fl-Istat fejn twieldet jew ġiet ittrasferita lejn Stat terz? B’mod iktar partikolari, il-preżenza fiżika hija, fi kwalunkwe każ, prerekwiżit neċessarju u evidenti għall-istabbiliment tar-residenza abitwali ta’ persuna u, senjatament, ta’ tarbija tat-twelid?”

Fuq il-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari

26

Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

27

Insostenn ta’ din it-talba, din il-qorti ssostni li l-kawża prinċipali tikkonċerna minuri ta’ ftit iktar minn sena, imbiegħda minn missierha għal iktar minn disa’ xhur, mingħajr ma dan tal-aħħar għandu l-possibbiltà li jikkomunika magħha, u li tali sitwazzjoni eżistenti tista’ taffettwa b’mod serju r-relazzjoni futura tal-minuri ma’ missierha.

28

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003 li ġie adottat fuq il-bażi, b’mod partikolari, tal-Artikolu 61(c) KE, issa l-Artikolu 67 TFUE, li jinsab fit-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat TFUE dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Konsegwentement, huwa għalhekk suxxettibbli li jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

29

Fit-tieni lok, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-minuri kkonċernata hija sseparata minn missierha f’età delikata għall‑iżvilupp tagħha u li t-titwil tas-sitwazzjoni attwali tista’ taffettwa serjament ir-relazzjoni futura ta’ din il-minuri ma’ missierha.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Ħames Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-16 ta’ Marzu 2017, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju intiża sabiex dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jinstema’ bil-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

Fuq id-domanda preliminari

31

L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li ċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali huma parzjalment differenti minn dawk ikkontemplati fid-domanda preliminari.

32

Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-minuri ta’ OL u PQ twieldet fil-Greċja, mhux “għal raġunijiet aċċidentali jew ta’ forza maġġuri”, iżda konformement mar-rieda komuni tal-ġenituri tagħha, sabiex PQ tista’ tibbenefika mill-għajnuna tal-familja ta’ missierha qabel it-twelid u fl-ewwel xhur tal-ħajja tal-minuri. Għalhekk, minn dan huwa manifestament ċar li ma kinitx “ġiet ittrasferita lejn Stat terz”. Barra minn hekk, minkejja li fid-domanda tagħha l-qorti tar-rinviju tirreferi kemm għal “tarbija tat-twelid” kif ukoll għal “tarbija”, għandu jiġi kkonstatat li, mill-mument tal-allegata żamma illegali, jiġifieri mix-xahar ta’ Ġunju 2016, din il-minuri diġà kellha ħames xhur, u għalhekk il-kawża prinċipali tikkonċerna tarbija.

33

Issa, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, ma huwiex għall-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti opinjonijiet konsultattivi dwar domandi ġenerali jew ipotetiċi (sentenza tas-16 ta’ Lulju 1992, Meilicke, C‑83/91, EU:C:1992:332, punt 25, u d-digriet tal-11 ta’ Jannar 2017, Boudjellal, C‑508/16, mhux ippubblikat, EU:C:2017:6, punt 32).

34

Madankollu, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita bl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha. Minn din il-perspettiva, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, skont il-każ, li għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li huma mressqa quddiemha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2016, M. u S., C‑303/15, EU:C:2016:771, punt 16 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35

Għalhekk, id-domanda magħmula għandha tinftiehem fis-sens li l-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-kunċett ta’ “residenza abitwali” fis-sens tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, sabiex jiġi ddeterminat jekk qed tittratta “żamma illegali”, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, li fiha minuri twieldet u għexet ma’ ommha mingħajr interruzzjoni għal diversi xhur, konformement mar-rieda komuni tal-ġenituri tagħha, fi Stat Membru li ma jkunx dak li fih kellhom ir-residenza abitwali tagħhom qabel it-twelid tagħha. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, f’sitwazzjoni bħal din, l-intenzjoni oriġinali tal-ġenituri dwar ir-ritorn tal-omm flimkien mal-minuri f’dan l-Istat Membru huwiex fattur ewlieni sabiex jiġi kkunsidrat li din il-minuri għandha hemm ir-“residenza abitwali” tagħha, fis-sens ta’ dan ir-regolament, indipendentement mill-fatt li hija qatt ma kienet preżenti fiżikament f’dan l-Istat Membru.

36

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont id-definizzjoni mogħtija fil-punt 11 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2201/2003, li t-termini tagħha huma simili ħafna għal dawk tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, il-kunċett ta’ “tneħħija nġusta jew iż-żamma [ta’ minuri]” jirreferi għat-tneħħija jew għaż-żamma ta’ minuri li tkun seħħet bi ksur ta’ dritt ta’ kustodja li jirriżulta minn deċiżjoni ġudizzjarja, mill-operat tal-liġi jew minn ftehim fis-seħħ, bis-saħħa tad-dritt “taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma”.

37

Barra minn hekk, l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprevedi li d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu għandhom japplikaw meta d-detentur tal-kustodja jitlob lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jagħtu deċiżjoni abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 bil-għan li jikseb ir-ritorn ta’ minuri li jkun tneħħa jew inżamm illegalment fi “Stat Membru barra dak li huwa l-Istat Membru fejn il-minuri kien abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta”.

38

Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-kunċett ta’ “residenza abitwali” jikkostitwixxi element ċentrali għall-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-mertu ta’ talba għal ritorn. Fil-fatt, tali talba tista’ biss tirnexxi jekk il-minuri kellu, minnufih qabel l-allegat tneħħija jew iż-żamma, ir-residenza abitwali tiegħu fl-Istat Membru li fih huwa mitlub ir-ritorn.

39

Fir-rigward ta’ dak li jfisser it-terminu “residenza abitwali” tal-minuri, għandu jiġi mfakkar li r-Regolament Nru 2201/2003, bħall-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, ma jiddefinixxix dan il-kunċett. L-artikoli ta’ dan ir-regolament, li jevokaw dan, lanqas ma jinkludu referenzi espliċiti għad-dritt tal-Istati Membri sabiex is-sens u l-portata jiġu ddefiniti.

40

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li dan huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, li għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-kuntest tad-dispożizzjonijiet li jsemmu dan u l-għanijiet tar-Regolament Nru 2201/2003, b’mod partikolari dak li jirriżulta mill-premessa 12, li jgħid li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni li huwa jistabbilixxi huma mfassla skont l-aħjar interessi tal-minuri u, b’mod partikolari, tal-kriterju tal-prossimità (ara s-sentenzi tat-2 ta’ April 2009, A, C‑523/07, EU:C:2009:225, punti 3435, kif ukoll tat-22 ta’ Diċembru 2010, Mercredi, C‑497/10 PPU, EU:C:2010:829, punti 44 sa 46).

41

Barra minn hekk, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “residenza abitwali” għandu jkollu sinjifikat uniformi fir-Regolament Nru 2201/2003. Għalhekk, l-interpretazzjoni mogħtija lil dan il-kunċett fil-kuntest tal-Artikoli 8 u 10 ta’ dan ir-regolament, li jirrigwardaw il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, jista’ jiġi traspost għall-Artikolu 11(1) ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens is-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2014, C, C‑376/14 PPU, EU:C:2014:2268, punt 54).

42

Skont din l-istess ġurisprudenza, ir-“residenza abitwali” tal-minuri tikkorrispondi għall-post li jirrifletti ċerta integrazzjoni ta’ dan f’ambjent soċjali u familjari. Dan il-post għandu jiġi stabbilit mill-qrati nazzjonali fir-rigward taċ-ċirkustanzi kollha ta’ fatt speċifiċi ta’ kull każ (sentenzi tat-2 ta’ April 2009, A, C‑523/07, EU:C:2009:225, punti 4244, kif ukoll tat-22 ta’ Diċembru 2010, Mercredi, C‑497/10 PPU, EU:C:2010:829, punt 47).

43

Għal dan il-għan, minbarra l‑preżenza fiżika tal‑minuri fi Stat Membru, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fatturi oħra li jistgħu jindikaw li din il‑preżenza bl‑ebda mod ma hija waħda ta’ natura temporanja jew okkażjonali u li r‑residenza tal‑minuri tirrifletti tali integrazzjoni f’ambjent soċjali u familjari (sentenza tat-2 ta’ April 2009, A, C‑523/07, EU:C:2009:225, punt 38).

44

Fost dawn il-fatturi hemm it-tul, ir-regolarità, il-kundizzjonijiet u r-raġunijiet tar-residenza tal-minuri fit-territorju ta’ Stat Membru, kif ukoll in-nazzjonalità tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ April 2009, A, C‑523/07, EU:C:2009:225, punt 39). Barra minn hekk, il-fatturi rilevanti ivarjaw skont l-età tal-minuri kkonċernat (sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Mercredi, C‑497/10 PPU, EU:C:2010:829, punt 53).

45

Meta l-minuri inkwistjoni hija tarbija, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-ambjent ta’ madwarha hija essenzjalment il-familja tagħha, li hija ddeterminata mill-persuna jew mill-persuni ta’ referenza li magħhom tgħix, li jrabbuha u jieħdu ħsiebha, u li neċessarjament jaqsmu l-ambjent soċjali u familjari ta’ din il-persuna jew ta’ dawn il-persuni. Konsegwentement, meta, bħal fil-kawża prinċipali, l-omm effettivament għandha l-kustodja tat-tarbija tagħha, fi Stat Membru differenti minn dak fejn normalment il-missier huwa residenti, għandu b’mod partikolari jittieħed inkunsiderazzjoni, minn naħa, it-tul, ir-regolarità, il-kundizzjonijiet u r-raġunijiet tar-residenza ta’ din fit-territorju tal-ewwel Stat Membru u, min-naħa l-oħra, l-oriġini ġeografiċi u familjari tal-omm kif ukoll ir-relazzjonijiet familjari u soċjali tal-omm u tal-minuri f’dan l-istess Stat Membru (ara s-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Mercredi, C‑497/10 PPU, EU:C:2010:829, punti 54 sa 56).

46

Fir-rigward tal-intenzjoni tal-ġenituri li jistabbilixxu ruħhom mal-minuri fi Stat Membru, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li dan wkoll jista’ jiġi kkunsidrat, meta dan ikun espress permezz ta’ ċerti miżuri tanġibbli, bħax-xiri jew il-kiri ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ April 2009, A, C‑523/07, EU:C:2009:225, punt 40).

47

[Kif rettifikat b’digriet tat-12 ta’ Ġunju 2017] Għalhekk, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-intenzjoni tal-ġenituri ma hijiex, bħala prinċipju, waħedha deċiżiva għad-determinazzjoni tar-residenza abitwali ta’ minuri, fis-sens tar-Regolament Nru 2201/2003, iżda tikkostitwixxi “indikazzjoni” li tikkomplementa sensiela ta’ elementi konkordanti.

48

Ċertament, il-piż li għandu jingħata lill din il-kunsiderazzjoni, sabiex jiġi ddeterminat il-post tar-residenza abitwali tal-minuri, jiddependi miċ-ċirkustanzi proprji għal kull każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Mercredi, C‑497/10 PPU, EU:C:2010:829, punti 5051).

49

Madankollu, għandu jiġi mfakkar li fil-kawża prinċipali, hekk kif ġie enfasizzat fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, il-minuri twieldet fi Stat Membru speċifiku konformement mar-rieda komuni tal-ġenituri tagħha, u li, immedjatament qabel l-allegat żamma, hija kienet għexet hemm ma’ ommha għal ħames xhur konsekuttivi, mal-familja ta’ missier l-omm, mingħajr ma qatt ħalliet it-territorju ta’ dan l-Istat.

50

F’ċirkustanzi bħal dawn, li żżomm l-intenzjoni oriġinarjament espressa mill-ġenituri dwar ir-ritorn tal-omm flimkien mal-minuri fit-tieni Stat Membru, li kien dak tar-residenza abitwali tagħhom qabel it-twelid tal-minuri, bħala l-kunsiderazzjoni ewlenija, li fil-fatt toħloq regola ġenerali u astratta li r-residenza abitwali ta’ tarbija hija neċessarjament dik tal-ġenituri tagħha, tmur lil hinn mil-limiti tal-kunċett ta’ “residenza abitwali” fis-sens tar-Regolament Nru 2201/2003 u tmur kontra l-ekonomija, l-effiċjenza kif ukoll l-għan tal-proċedura għal ritorn. Fl-aħħar nett, l-aħjar interessi tal-minuri ma jeħtieġux interpretazzjoni bħal dik proposta mill-qorti tar-rinviju.

51

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li l-kunċett ta’ “residenza abitwali”, fis-sens tar-Regolament Nru 2201/2003, jirrifletti essenzjalment kwistjoni ta’ fatt. Huwa għaldaqstant diffiċli li jiġi rrikonċiljat ma’ dan il-kunċett li jiġi kkunsidrat li l-intenzjoni oriġinali tal-ġenituri li l-minuri jgħix f’post speċifiku jingħata prijorità fuq il-fatt li huwa jibqa’ jgħix mingħajr interruzzjoni fi Stat ieħor sa mit-twelid.

52

It-tieni nett, fir-rigward tal-ekonomija tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 u tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, l-argument li l-ġenituri jeżerċitaw b’mod konġunt id-dritt ta’ kustodja u li għalhekk l-omm ma setgħetx tiddeċiedi waħedha l-post ta’ residenza tal-minuri ma jistax ikun determinanti sabiex tiġi stabbilita r-“residenza abitwali” ta’ dan, fis-sens ta’ dan ir-regolament.

53

Fil-fatt, konformement mad-definizzjoni ta’ “tneħħija nġusta jew iż-żamma [ta’ minuri]” li tinsab fil-punt 11 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament u mal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, imfakkar fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, il-legalità jew l-illegalità ta’ tneħħija jew ta’ żamma ssir skont id-drittijiet ta’ kustodja mogħtija taħt il-liġi tal-Istat Membru tar-residenza abitwali tal-minuri qabel it-tneħħija jew iż-żamma tiegħu. Għalhekk, fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ talba għal ritorn, id-determinazzjoni tal-post tar-residenza abitwali tal-minuri għandha ssir qabel l-identifikazzjoni tad-drittijiet ta’ kustodja li setgħu ġew miksura.

54

Konsegwentement, il-kunsens jew in-nuqqas ta’ kunsens tal-missier, fl-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu ta’ kustodja, sabiex il-minuri jistabbilixxi ruħu f’post wieħed ma jistax ikun fattur deċiżiv għad-determinazzjoni tar-“residenza abitwali” ta’ dan il-minuri, fis-sens tar-Regolament Nru 2201/2003, li huwa konsistenti, barra minn hekk, mal-idea li dan il-kunċett jirrifletti essenzjalment kwistjoni ta’ fatt.

55

Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, li jindirizza preċiżament is-sitwazzjoni li fiha l-minuri jikseb residenza abitwali ġdida wara tneħħija jew żamma illegali.

56

It-tielet nett, f’kawża bħal dik prinċipali, li tikkunsidra l-intenzjoni oriġinali tal-ġenituri bħala fattur ewlieni sabiex tiddetermina r-residenza abitwali tal-minuri jmur kontra l-effettività tal-proċedura ta’ ritorn u taċ-ċertezza legali.

57

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li proċedura ta’ ritorn hija min-natura tagħha proċedura mħaffa, peress li timmira li tiżgura, kif previst mill-preambolu tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 u mill-premessa 17 tar-Regolament Nru 2201/2003, ir-ritorn immedjat tal-minuri. Il-leġiżlatur tal-Unjoni barra minn hekk ikkonkretizza dan ir-rekwiżit, peress li fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 2201/2003, impona fuq il-qrati aditi minn talbiet għal ritorn li jagħtu d-deċiżjoni tagħhom, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, f’mhux iktar minn sitt ġimgħat minn meta jiġu aditi.

58

Talba għal ritorn għandha għalhekk tkun ibbażata fuq elementi li jistgħu jiġu vverifikati malajr u faċilment u, sa fejn ikun possibbli, mingħajr ambigwità. Issa, f’kawża bħal dik prinċipali, jista’ jkun diffiċli jew impossibbli li jiġi stabbilit lil hinn minn kull dubju raġonevoli, b’mod partikolari, id-data oriġinarjament prevista mill-ġenituri dwar ir-ritorn tal-omm fl-Istat Membru tar-residenza abitwali tagħhom, u jekk id-deċiżjoni tal-omm li tibqa’ fl-Istat Membru tat-twelid tal-minuri huwa l-kawża jew, għall-kuntrarju, il-konsegwenza tat-talba għal divorzju mill-missier quddiem il-qrati tal-ewwel Stat.

59

Fil-qosor, f’tali kuntest, li tagħmel użu minn interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “residenza abitwali” tal-minuri fis-sens tar-Regolament Nru 2201/2003, bħal li l-intenzjoni oriġinali tal-ġenituri dwar il-post li “kellu jkun” dak tar-residenza huwa l-fattur ewlieni, dan iwassal lill-qrati nazzjonali sabiex jew ikollhom jiġbru numru kbir ta’ provi u ta’ xhieda sabiex jiddeterminaw b’ċertezza l-imsemmija intenzjoni, li ma tantx huwa kompatibbli man-natura mħaffa tal-proċedura ta’ ritorn, jew sabiex jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom mingħajr ma jkollhom l-elementi kollha rilevanti, li jwassal għal inċertezza legali.

60

Ir-raba’ nett, f’kawża bħal dik prinċipali, interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “residenza abitwali” kif issuġġerita mill-qorti tar-rinviju tkun kuntrarja għall-għan tal-proċedura ta’ ritorn.

61

Fil-fatt, jirriżulta mir-rapport ta’ spjega tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 li waħda mill-għanijiet ta’ din il-konvenzjoni u, b’estensjoni, tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2201/2003, huwa l-istabbiliment mill-ġdid ta’ statu quo ante, jiġifieri tas-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel it-tneħħija jew iż-żamma illegali tal-minuri. Għalhekk il-proċedura ta’ ritorn għandha l-għan li tqiegħed lill-minuri fl-ambjent li huwa l-iktar familjari u b’dan il-mod tistabbilixxi mill-ġdid il-kontinwità tal-kundizzjonijiet għall-eżistenza u għall-iżvilupp tiegħu.

62

Issa, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, konformement ma’ dan l-għan, l-allegat aġir illegali ta’ wieħed mill-ġenituri ma jistax waħdu jiġġustifika li tintlaqa’ talba għal ritorn u li minuri titneħħa mill-Istat Membru fejn twieldet u għexet regolarment b’mod kontinwu lejn Stat Membru li ma hijiex familjari miegħu.

63

Ċertament, il-proċedura ta’ ritorn prevista mill-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 u mir-Regolament Nru 2201/2003 għandha l-għan ukoll li tiżgura li wieħed mill-ġenituri ma jkunx jista’ jsaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu dwar il-kwistjoni tal-kustodja tal-minuri billi jevita, permezz ta’ att abbużiv, il-ġurisdizzjoni tal-qrati li huma bħala prinċipju magħżula, konformement mar-regoli previsti b’mod partikolari minn dan ir-regolament, sabiex jiddeċiedu dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri ta’ dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Diċembru 2009, Detiček, C‑403/09 PPU, EU:C:2009:810, punt 49, u tad-9 ta’ Ottubru 2014, C, C‑376/14 PPU, EU:C:2014:2268, punt 67).

64

F’dan ir-rigward, madankollu għandu jiġi enfasizzat li, fir-rigward tal-kawża prinċipali, ma ġiet ipprovduta l-ebda indikazzjoni li taf tindika r-rieda min-naħa tal-omm li tevita r-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti minn dan ir-regolament fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri.

65

Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li deċiżjoni dwar ir-ritorn jew iż-żamma tal-minuri ma ssolvix il-kwistjoni tal-kustodja ta’ dan. F’dan is-sens, l-impossibbiltà li tibbenefika minn proċedura ta’ ritorn fil-kawża prinċipali hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-missier li jasserixxi d-drittijiet tiegħu fuq il-minuri permezz ta’ proċedura fuq il-mertu tar-responsabbiltà tal-ġenituri, miġjuba quddiem il-qrati kompetenti skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2201/2003, li matulha jista’ jsir eżami bir-reqqa taċ-ċirkustanzi kollha, inkluż l-aġir tal-ġenituri (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2010, McB, C‑400/10 PPU, EU:C:2010:582, punt 58).

66

Fl-aħħar nett, sa fejn, hekk kif ġie indikat fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, il-kunċett ta’ “residenza abitwali” fis-sens tar-Regolament Nru 2201/2003, għandu jiġi interpretat skont l-aħjar interessi tal-minuri, għandu jiġi enfasizzat li din il-kunsiderazzjoni primarja ma tirrikjedix, f’din il-kawża, interpretazzjoni bħal dik proposta mill-qorti tar-rinviju. B’mod partikolari, id-dritt tal-minuri li jkollu relazzjonijiet personali u kuntatti dirett maż-żewġ ġenituri, imsemmi fl-Artikolu 24(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ma jimponix it-tluq tal-minuri lejn l-Istat Membru fejn il-ġenituri kellhom ir-residenza qabel it-twelid tal-minuri. Fil-fatt, dan id-dritt fundamentali jista’ jiġi ssalvagwardjat fil-kuntest ta’ proċedura fuq il-mertu tad-dritt ta’ kustodja, kif previst fil-punt preċedenti, fejn il-kwistjoni tal-kustodja tista’ tiġi evalwata mill-ġdid u, fejn xieraq, jiġu possibbilment stabbiliti drittijiet ta’ aċċess.

67

Huwa madankollu iktar konsistenti mal-kriterju ta’ prossimità, iffavorit mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest tar-Regolament Nru 2201/2003, preċiżament sabiex jiġi żgurat it-teħid inkunsiderazzjoni tal-aħjar interessi tal-minuri, li kull deċiżjoni sussegwenti li tikkonċernah għandha tittieħed mill-qrati tal-Istat Membru fejn il-minuri jgħix b’mod kontinwu sa mit-twelid tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Diċembru 2009, DetičekC‑403/09 PPU, EU:C:2009:810, punt 36, u tal-15 ta’ Lulju 2010, Purrucker, C‑256/09, EU:C:2010:437, punt 91).

68

Fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha l-ebda prova li tindika li fiċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża prinċipali, l-aħjar interessi tal-minuri sejrin jiġu affettwati.

69

Għal dawn ir-raġunijiet, f’kawża bħal dik prinċipali, l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li, immedjatament qabel iż-żamma, allegata mill-missier, il-minuri kellha r-“residenza abitwali” tagħha fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, fl-Istat Membru tar-residenza abitwali tal-ġenituri tagħha qabel it-twelid tagħha. Għalhekk, ir-rifjut tal-omm li tirritorna flimkien mal-minuri f’dan l-Istat ma jistax jikkostitwixxi “tneħħija nġusta jew iż-żamma” tal-minuri, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

70

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni, bħal dik fil-kawża prinċipali, li fiha minuri twieldet u għexet b’mod kontinwu ma’ ommha għal diversi xhur, konformement mar-rieda komuni tal-ġenituri tagħha, fi Stat Membru li ma huwiex dak li fih dawn kellhom ir-residenza abitwali tagħhom qabel it-twelid tagħha, l-intenzjoni oriġinali tal-ġenituri dwar ir-ritorn tal-omm, flimkien mal-minuri, f’dan l-Istat Membru tal-aħħar ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li din il-minuri għandha r-“residenza abitwali” tagħha hemm, fis-sens ta’ dan ir-regolament.

71 Konsegwentement, f’sitwazzjoni bħal din, ir-rifjut tal-omm li tirritorna flimkien mal-minuri f’dan l-istess Stat Membru ma għandux jiġi kkunsidrat bħala “tneħħija nġusta jew iż-żamma” tal-minuri, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 11(1).

Fuq l-ispejjeż

72

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 11(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni, bħal dik fil-kawża prinċipali, li fiha minuri twieldet u għexet b’mod kontinwu ma’ ommha għal diversi xhur, konformement mar-rieda komuni tal-ġenituri tagħha, fi Stat Membru li ma huwiex dak li fih dawn kellhom ir-residenza abitwali tagħhom qabel it-twelid tagħha, l-intenzjoni oriġinali tal-ġenituri dwar ir-ritorn tal-omm, flimkien mal-minuri, f’dan l-Istat Membru tal-aħħar ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li din il-minuri għandha r-“residenza abitwali” tagħha hemm, fis-sens ta’ dan ir-regolament.

 

Konsegwentement, f’sitwazzjoni bħal din, ir-rifjut tal-omm li tirritorna flimkien mal-minuri f’dan l-istess Stat Membru ma għandux jiġi kkunsidrat bħala “tneħħija nġusta jew iż-żamma” tal-minuri, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 11(1).

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.

( 1 ) Fil-parti introduttiva ta’ dan it-test saret modifika ta’ natura lingwistika, wara li li kien tqiegħed online għal-ewwel darba.

Top