SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

13 ta’ Ottubru 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Regoli tekniċi fis-settur tal-logħob tal-ażżard — Direttiva 98/34/KE — Kunċett ta’ ‘regola teknika’ — Obbligu tal-Istati Membri li jikkomunikaw lill-Kummissjoni Ewropea kull abbozz ta’ regolament tekniku — Inapplikabbiltà tar-regoli li jkunu tal-kwalità ta’ regoli tekniċi mhux innotifikati lill-Kummissjoni”

Fil-Kawża C‑303/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Łodzi (qorti reġjonali ta’ Łódź, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ April 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Ġunju 2015, fil-proċedura

Naczelnik Urzędu Celnego I w Ł.

vs

G. M.,

M. S.,

fil-preżenza ta’:

Colin Wiliams sp. z o.o.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President ta’ Awla, A. Arabadjiev, C. G. Fernlund, S. Rodin (Relatur) u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ April 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Naczelnik Urzędu Celnego I w Ł., minn M. Gruszka u M. Ziarko, bħala aġenti,

għal M., minn S. Sołtysik u M. Górski, avukati,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u D. Lutostańska, bħala aġenti,

għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck, M. Jacobs u C. Pochet, bħala aġenti, assistiti minn P. Vlaemminck u B. Van Vooren, avukati,

għall-Gvern Elleniku, minn K. Nasopoulou u S. Lekkou, bħala aġenti,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u P. Fragoso Martins, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braga da Cruz, kif ukoll minn A. Szmytkowska, H. Tserepa-Lacombe u A. Stobiecka-Kuik, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Lulju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337), kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Lulju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 8, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 98/34”).

2

Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta’ kawża bejn Naczelnik Urzędu Celnego I w Ł. (Direttur tal-Uffiċċju Doganali I f’Ł.) u G. M. u M. S. dwar ksur fiskali.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34 jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw it-tifsriet li ġejjin:

1.

‘prodott’, kull prodott fabbrikat b’mod industrijali u kull prodott agrikolu, inklużi prodotti mill-ħut;

2.

‘servizz”’, kull servizz tas-Soċjetà ta’ l-Informatika, jiġifieri kull servizz normalment provdut għal rimunerazzjoni, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ riċevitur tas-servizzi.

[...]

3.

‘speċifikazzjoni teknika’, speċifikazzjoni li tinsab f’dokument li jistabbilixxi l-karatteristiċi meħtieġa ta’ prodott bħalma huma l-livelli ta’ kwalità, ir-riżultat tal-ħidma, is-sigurtà jew id-dimensjonijiet, inklużi l-ħtiġiet li japplikaw għall-prodott rigward l-isem li bih il-prodott jinbiegħ, it-terminoloġija, is-simboli, l-eżaminazzjoni u l-metodi ta’ l-eżaminazzjoni, l-imballaġġ, l-immarkar jew l-ittikkettjar u l-proċeduri ta’ stima tal-konformità.

[…]

4.

‘ħtiġiet oħra’, ħtieġa, għajr speċifikazzjoni teknika, imposta fuq prodott bil-għan li tipproteġi, b’mod partikolari, il-konsumatur jew l-ambjent, u li taffettwa ċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu wara li jkun inħareġ fis-suq, bħalma huma l-kondizzjonijiet dwar l-użu, ir-riċiklaġġ, l-użu mill-ġdid jew ir-rimi, fejn dawn il-kondizzjonijiet jistgħu jinfluwenzaw b’mod sinifikanti l-kompożizzjoni jew in-natura tal-prodott jew il-bejgħ tiegħu fis-suq;

5.

‘regola dwar is-servizzi’, ħtieġa ta’ natura ġenerali li għandha x’taqsam mad-dħul u t-tkomplija ta’ attivitajiet ta’ servizzi fit-tifsira tal-punt 2, b’mod partikolari id-disposizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-fornitur tas-servizz, is-servizzi u r-riċevitur tas-servizzi, għajr kull regola li mhijiex speċifikament immirata lejn is-servizz ipprovdut f'dan il-punt.

[…]

11.

‘regolament tekniku’, speċifikazzjonijiet tekniċi u ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi, inklużi d-disposizzjonijiet amministrattivi rilevanti, li l-osservanza tagħhom hija obbligatorja, de jure jew de facto, fil-każ tat-tqegħid fis-suq, il-forniment tas-servizz, l-istabbiliment ta’ operatur tas-servizz jew l-użu fi Stat Membru jew tal-parti l-kbira minnu, kif ukoll il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri, għajr dawk ipprovduti fl-Artikolu 10, li jipprojbixxu l-fabbrikazzjoni, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ prodott, jew li jipprojbixxu l-forniment jew l-użu ta’ servizz, jew l-istabbiliment ta’ fornitur tas-servizz.”

4

L-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva huwa redatt kif ġej:

“Soġġetti għall-Artikolu 10, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw fil-pront lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku, għajr fejn dan sempliċiment jittrasponi t-test ta’ standard internazzjonali jew Ewropew, f’liema każ l-informazzjoni li jkollha x’taqsam ma’ l-istandard relevanti tkun biżżejjed; għandhom ukoll iħallu lill-Kummissjoni tagħmel dikjarazzjoni dwar ir-raġunijiet li jagħmlu meħtieġa l-leġislazzjoni ta’ dan ir-regolament tekniku, fejn dawn ma jkunux diġà ġew magħmula ċari fl-abbozz.

[…]”.

Id-dritt Pollakk

5

L-Artikolu 6(1) tal-Ustawa r. o grach hazardowych, (liġi Pollakka dwar il-logħob tal-ażżard), tad-19 ta’ Novembru 2009 (Dz. U. tal-2009, Nru°201, pożizzjoni 1540), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-logħob tal-ażżard”), jipprovdi:

“L-organizzazzjoni tal-logħob tar-rulett, tal-logħob tal-karti, tal-logħob bid-dadi u tal-logħob permezz ta’ magni teħtieġ liċenzja għall-operat ta’ każinòs tal-logħob.”

6

L-Artikolu 14 tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“L-organizzazzjoni tal-logħob tar-rulett, tal-logħob tal-karti, tal-logħob bid-dadi u tal-logħob permezz ta’ magni hija permessa biss f’każinos tal-logħob.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

7

M. u S. ġew imħarrka mid-Direttur tal-Uffiċċju Doganali I f’Łódz quddiem is-Sąd Rejonowy dla Łodzi-Widzewa w Łodzi (qorti reġjonali ta’ Łódź, il-Polonja) peress li organizzaw, fil-perijodu ta’ bejn is-6 ta’ Lulju 2012 u t-23 ta’ Jannar 2013, logħob permezz ta’ magni mingħajr liċenzja għall-operat ta’ każinòs tal-logħob fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-liġi dwar il-logħob tal-ażżard. Tali akkadut jitqies li jikkostitwixxi ksur tar-regoli tad-dritt fiskali Pollakk.

8

Permezz ta’ digriet tat-13 ta’ Jannar 2015, is-Sąd Rejonowy dla Łodzi-Widzewa w Łodzi (qorti reġjonali ta’ Łódź) iddikjarat li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fil-proċedura mibdija kontra M. u S.

9

Fid-dawl tas-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Fortuna et (C‑213/11, C‑214/11 u C‑217/11, EU:C:2012:495), din il-qorti kkonstatat li peress li l-Artikolu 6(1) tal-liġi dwar il-logħob tal-ażżard, li jistabbilixxi li l-attivitajiet ta’ logħob permezz ta’ magni għandhom jiġu eżerċitati abbażi ta’ liċenzja għall-operat ta’ każinòs tal-logħob, kien ta’ natura teknika, u li, minħabba li dan l-artikolu ma ġiex innotifikat lill-Kummissjoni, dan ma setax jiġi invokat fil-konfront tal-persuni investigati.

10

Id-Direttur tal-Uffiċċju Doganali I f’Ł. appella mid-digriet tas-Sąd Rejonowy dla Łodzi-Widzewa w Łodzi (qorti reġjonali ta’ Łódź) quddiem il-qorti tar-rinviju.

11

Peress li l-magni tal-logħob inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu nxtraw fir-Repubblika Ċeka, din il-qorti tinteressa ruħha fil-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ notifikazzjoni tal-Artikolu 6(1) tal-liġi dwar il-logħob tal-ażżard lill-Kummissjoni.

12

Minn naħa, il-qorti tar-rinviju ma tinjorax il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tistabbilixxi li l-ksur tal-obbligu ta’ notifikazzjoni tar-regoli tekniċi jirrendi l-imsemmija regoli mingħajr effett, b’tali mod li ma jkunux jistgħu jiġu invokati fil-konfront ta’ terzi. Min-naħa l-oħra, din il-qorti tfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tistabbilixxi li l-Istati Membri huma liberi li jistabbilixxu l-għanijiet tal-linji politiċi tagħhom fil-qasam tal-organizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard. Barra minn hekk, l-imsemmija qorti tosserva li, skont l-istess ġurisprudenza, ir-restrizzjonijiet imposti għandhom jiġu evalwati biss fid-dawl tal-għanijiet segwiti mill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat u tal-livell ta’ protezzjoni mfittex, u għandhom ukoll jissodisfaw il-kundizzjonijiet derivanti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-proporzjonalità tagħhom.

13

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li l-kawża prinċipali hija differenti mill-kawżi li taw lok għas-sentenzi tat-30 ta’ April 1996, CIA Security International (C‑194/94, EU:C:1996:172), u tat-8 ta’ Settembru 2005, Lidl Italia (C‑303/04, EU:C:2005:528), minħabba l-fatt li d-dispożizzjonijiet tekniċi li ma ġewx innotifikati fl-imsemmija kawżi kienu jikkonċernaw leġiżlazzjonijiet li ma kinux suġġetti għall-istess restrizzjonijiet bħal-logħob tal-ażżard. Din il-qorti tqis li huwa, għaldaqstant, neċessarju li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/34 jiġi interpretat b’tali mod li jiġi stabbilit jekk dan jistax jinftiehem bħala li, fid-dawl tal-Artikolu 36 TFUE, huwa permess li titwettaq evalwazzjoni tad-dispożizzjonijiet mhux innotifikati fid-dawl ta’ dan l-artikolu u li tiġi rrifjutata l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet mhux innotifikati unikament meta dawn ma jkunux jikkostitwixxu restrizzjoni kompatibbli mal-imsemmi artikolu tat-Trattat FUE.

14

Finalment, l-imsemmija qorti tosserva li huwa diffiċli li tiġi aċċettata mingħajr riżerva n-natura kundizzjonali tal-konsegwenza tan-nuqqas ta’ notifikazzjoni tar-regoli tekniċi mingħajr il-possibbiltà li jiġi evalwat jekk dawn jibqgħux fil-limiti iddefiniti fl-Artikolu 36 TFUE. Skont il-qorti tar-rinviju, l-inapplikabbiltà awtomatika ta’ tali regoli twassal għal-libertà totali fl-organizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard. In-natura inkondizzjonali fil-konsegwenza tan-nuqqas ta’ notifikazzjoni tista’, skont din il-ġurisdizzjoni, ukoll twassal għal żbilanċ fil-linja politika ta’ Stat Membru f’oqsma oħra.

15

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Rejonowy dla Łodzi-Widzewa w Łodzi (qorti reġjonali ta’ Łódź) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34/KE [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ notifikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet li jitqiesu li huma ta’ natura teknika, konsegwenzi differenti jkunu possibbli, jiġifieri, għal dak li jirrigwarda dispożizzjonijiet li jikkonċernaw libertajiet li ma humiex suġġetti għar-restrizzjonijiet previsti fl-Artikolu 36 [TFUE], in-nuqqas ta’ notifikazzjoni għandu jkollu bħala konsegwenza l-inapplikabbiltà tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati fil-kawża speċifikament inkwistjoni, filwaqt li, għal dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw libertajiet li huma suġġetti għar-restrizzjonijiet previsti fl-Artikolu 36 [TFUE], il-qorti nazzjonali, li fl-istess waqt hija qorti tal-Unjoni, hija awtorizzata tevalwa jekk, minkejja n-nuqqas ta’ notifikazzjoni, dawn id-dispożizzjonijiet humiex konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 36 [TFUE] u humiex suġġetti għas-sanzjoni tal-inapplikabbiltà?”

Fuq id-domanda preliminari

16

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita permezz tal-Artikolu 267 TFUE, hija l-kompetenza ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. F’dan id-dawl, huwa obbligu, jekk inhu l-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu ġew sottomessi lilha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ April 2016, Oniors Bio, C‑233/15, EU:C:2016:305, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fid-domanda tagħha (Digriet tal-14 ta’ Lulju 2016, BASF, C‑456/15, li ma ġietx ippubblikata, EU:C:2016:567, punt 15, u l-ġurisprudenza ċċitata).

17

F’dan ir-rigward, hemm lok li liġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju tibda mill-premessa li regola bħal dik stabbilita fl-Artikolu 6(1) tal-liġi dwar il-logħob tal-ażżard taqa’ taħt il-kunċett ta’ “regola teknika”, fis-sens tad-Direttiva 98/34, u hija suġġetta għall-obbligu ta’ notifikazzjoni skont l-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva, il-ksur ta’ liema huwa ssanzjonat bl-inapplikabbiltà ta’ tali regola.

18

Jeħtieġ li jitfakkar f’dan il-kuntest li l-kunċett ta’ “regola teknika” tkopri erba’ kategoriji ta’ miżuri, jiġifieri, fl-ewwel lok, “speċifikazzjoni teknika”, fis-sens tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 98/34, fit-tieni lok, “ħti[e]ġ[a] oħra”, kif iddefinita fl-Artikolu 1(4) ta’ din id-direttiva, fit-tielet lok, ir-“regola dwar is-servizzi”, imsemmija fl-Artikolu 1(5) tal-imsemmija direttiva u, fir-raba’ lok, il-“liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri [...] li jipprojbixxu l-fabbrikazzjoni, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ prodott, jew li jipprojbixxu l-forniment jew l-użu ta’ servizz, jew l-istabbiliment ta’ fornitur tas-servizz”, fis-sens tal-Artikolu 1(11) tal-istess direttiva (ara s-sentenza tal-4 ta’ Frar 2016, Ince, C‑336/14, EU:C:2016:72, punt 70).

19

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, jeħtieġ li jitfakkar li l-kunċett ta’ “speċifikazzjoni teknika” jippreżumi li miżura nazzjonali tagħmel riferiment neċessarjament għal prodott jew għall-imballaġġ tiegħu bħala tali u b’hekk jistabbilixxi waħda mill-karatteristiċi rikjesti ta’ prodott. Għall-kuntrarju, meta miżura nazzjonali tistipula xi kundizzjonijiet għat-twaqqif ta’ impriżi, bħal dispożizzjonijiet li jissoġġettaw l-eżerċizzju ta’ attività professjonali għal approvazzjoni minn qabel, dawn il-kundizzjonijiet ma jikkostitwixxux speċifikazzjonijiet tekniċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ April 2005, Lindberg, C‑267/03, EU:C:2005:246, punti 5759 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

20

Fit-tieni lok, sabiex tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “ħti[e]ġ[a] oħra”, fis-sens tal-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 98/34, miżura nazzjonali għandha tikkostitwixxi “kondizzjoni” li tista’ tinfluwenza b’mod sinjifikattiv il-kompożizzjoni, in-natura jew il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Fortuna et, C‑213/11, C‑214/11 u C‑217/11, EU:C:2012:495, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk tali miżura għandhiex tiġi kklassifikata bħala “kondizzjoni” marbuta mal-użu tal-prodott ikkonċernat jew jekk għall-kuntrarju din hijiex miżura nazzjonali li tappartjeni lil kategorija ta’ regoli tekniċi msemmija fl-Artikolu 1(11) tad-Direttiva 98/34. L-appartenenza għal waħda jew l-oħra minn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ regoli tekniċi ta’ miżura nazzjonali tiddependi mill-portata tal-interdizzjoni stabbilita minn din il-miżura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ April 2005, Lindberg, C‑267/03, EU:C:2005:246, punti 7374).

21

Fit-tielet lok, il-kunċett ta’ “regola teknika”, imsemmi fl-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 98/34, ikopri unikament ir-regoli marbuta mas-servizzi tas-soċjetà tal-informatika, jiġifieri ma’ kull servizz ipprovdut b’mezz elettroniku u fuq talba individwali ta’ destinatarju tas-servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2005, Mediakabel, C‑89/04, EU:C:2005:348, punt 19).

22

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preliminari, jeħtieġ li d-domanda magħmula tinftiehem fis-sens li l-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34 għandux jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, taqa’ taħt il-kunċett ta “regola teknika”, fis-sens ta’ din id-direttiva.

23

Qabel xejn, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li tali dispożizzjoni, li tissuġġetta l-eżerċizzju tal-attivitajiet tal-logħob tar-rulett, tal-logħob tal-karti, tal-logħob bid-dadi u tal-logħob permezz ta’ magni għal liċenzja għall-operat ta’ każinòs tal-logħob, ma tikkostitwixxix “speċifikazzjoni teknika” fis-sens tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 98/34, peress li din ma tagħmilx riferiment għall-prodott jew għall-imballaġġ tiegħu bħala tali u ma tistabbilixxix waħda mill-karatteristiċi rikjesti ta’ prodott.

24

Sussegwentement, l-imsemmija dispożizzjoni ma taqax taħt il-kategorija ta’ “regol[i] dwar is-servizzi” tas-soċjetà tal-informatika, fis-sens tal-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 98/34, peress li din ma tikkonċernax “servizzi tas-soċjetà tal-informatika”, fis-sens tal-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva.

25

Fl-aħħar, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 6(1) tal-liġi dwar il-logħob tal-ażżard jaqax taħt l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 98/34 jew inkella taħt l-Artikolu 1(11) ta’ din id-direttiva, hemm lok li jiġi vverifikat jekk tali dispożizzjoni tistax tinċidi b’mod sinjifikattiv fuq il-kompożizzjoni, in-natura u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott ikkonċernat, f’dan il-każ tal-magni tal-logħob, bħala “kondizzjoni” marbuta mal-użu tal-prodott ikkonċernat, jew jekk hijiex miżura nazzjonali li tappartjeni lill-kategorija ta’ projbizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(11) tal-imsemmija direttiva.

26

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li huwa l-Artikolu 14(1) tal-liġi dwar il-logħob tal-ażżard li jissuġġetta l-organizzazzjoni tal-logħob tar-rulett, tal-logħob tal-karti, tal-logħob bid-dadi u tal-logħob permezz ta’ magni għal liċenzja għall-operat ta’ każinòs tal-logħob. Din id-dispożizzjoni ġiet innotifikata lill-Kummissjoni bħala “regola tenika”, fid-dawl tal-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, minn naħa, li miżura nazzjonali li tirriżerva l-operat ta’ ċertu logħob tal-ażżard għal każinòs biss tikkostitwixxi “regola teknika”, fis-sens tal-Artikolu 1(11) tad-Direttiva 98/34, sa fejn din tista’ tinċidi b’mod sinjifikattiv fuq in-natura jew il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti użati f’dan il-kuntest u, min-naħa l-oħra, li projbizzjoni tal-offerta ta’ ċerti prodotti barra minn każinòs tista’ tinċidi b’mod sinjifikattiv fuq il-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn il-prodotti, billi tnaqqas il-kanali tal-operat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Berlington Hungary et, C‑98/14, EU:C:2015:386, punti 9899).

27

Għall-kuntrarju, l-Artikolu 6(1) ta’ din il-liġi, li jipprovdi li hija neċessarja liċenzja għall-operat ta’ każinòs tal-logħob għall-eżerċizzju tal-attivitajiet tal-logħob tar-rulett, tal-logħob tal-karti, tal-logħob bid-dadi u tal-logħob permezz ta’ magni, ma ġiex innotifikat.

28

It-teżi tal-Kummissjoni, li teżisti rabta mill-qrib bejn iż-żewġ dispożizzjonijiet nazzjonali kkonċernati li twassal għall-impossibbiltà li jiġi injorat l-Artikolu 14(1) tal-liġi dwar il-logħob tal-ażżard inkonnessjoni mal-Artikolu 6(1) ta’ din il-liġi, ma tistax tintlaqa’. Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 38 sa 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 6(1) tal-imsemmija liġi u l-Artikolu 14(1) tal-istess liġi għandhom funzjonijiet u kampijiet ta’ applikazzjoni differenti. L-element deskrittiv li jinsab fl-Artikolu 6(1) ta’ din il-liġi, li jservi sabiex tiġi ddeżinjata l-liċenzja inkwistjoni bħala liċenzja “għall-operat ta’ każinòs tal-logħob”, ma jibdilx din il-konklużjoni.

29

Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 6(1) tal-liġi dwar il-logħob tal-ażżard ma jistax jitqies bħala “ħti[e]ġ[a] oħra” fis-sens tal-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 98/34, peress li l-liċenzja rikjesta minn din id-dispożizzjoni nazzjonali għall-organizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard tikkostitwixxi kundizzjoni imposta fir-rigward tal-attività tal-organizzazzjoni ta’ tali logħob, b’mod differenti mill-Artikolu 14(1) ta’ din il-liġi, li jistabbilixxi kundizzjonijiet fir-rigward tal-prodotti kkonċernati billi jipprojbixxi l-operat tagħhom barra minn każinòs.

30

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, dispożizzjonijiet nazzjonali li sempliċiment jistabbilixxu kundizzjonijiet għall-istabbiliment ta’ impriżi jew il-provvista ta’ servizzi minn dawn tal-aħħar, bħad-dispożizzjonijiet li jissuġġettaw l-eżerċizzju ta’ attività professjonali għal awtorizzazzjoni minn qabel, ma jikkostitwixxux regoli tekniċi fis-sens tal-Artikolu 1(11) tad-Direttiva 98/43 (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Frar 2016, Ince, C‑336/14, EU:C:2016:72, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li dispożizzjoni, bħall-Artikolu 6(1) tal-liġi dwar il-logħob tal-ażżard, ma tikkostitwixxix “regola teknika” fis-sens tad-Direttiva 98/34.

32

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li jiġu eżaminati l-konsegwenzi tal-ksur tal-obbligu ta’ notifikazzjoni ta’ regola teknika.

33

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li għandha tingħata risposta għad-domanda magħmula li l-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34 għandu jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma taqax taħt il-kunċett ta’ “regola teknika”, fis-sens ta’ din id-direttiva, li huwa suġġett għall-obbligu ta’ notifikazzjoni skont l-Artikolu 8(1) tal-imsemmija direttiva, li l-inosservanza tiegħu hija ssanzjonata permezz tal-inapplikabbiltà ta’ tali regola.

Fuq l-ispejjeż

34

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 1, tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika, kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Lulju 1998, għandu jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma taqax taħt il-kunċett ta’ “regola teknika”, fis-sens ta’ din id-direttiva, li huwa suġġett għall-obbligu ta’ notifikazzjoni skont l-Artikolu 8(1) tal-imsemmija direttiva, li l-inosservanza tiegħu hija ssanzjonata permezz tal-inapplikabbiltà ta’ tali regola.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.