EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CC0379

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati l-20 ta’ Ġunju 2018.
Kawża mressqa mis-Società Immobiliare Al Bosco Srl.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Terminu previst fid-dritt tal-Istat Membru mitlub sabiex jiġi eżegwit digriet li jordna s-sekwestru kawtelatorju – Applikabbiltà ta’ dan it-terminu għal strument li jordna s-sekwestru kawtelatorju miksub fi Stat Membru ieħor u ddikjarat eżekuttiv fl-Istat Membru mitlub.
Kawża C-379/17.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:472

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fl-20 ta’ Ġunju 2018 ( 1 )

Kawża C-379/17

Società Immobiliare Al Bosco Srl

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi – Terminu ta’ eżekuzzjoni previst fid-dritt tal-Istat mitlub għas-sekwestru ta’ beni – Applikabbiltà ta’ dan it-terminu għal strument adottat fi Stat Membru ieħor u ddikjarat eżekuttiv fl-Istat mitlub”

I. Introduzzjoni

1.

Fil-kuntest tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 ( 2 ), sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju mogħtija fi Stat Membru tista’, bħala regola, tiġi eżegwita fi Stat Membru ieħor wara li tkun ġiet iddikjarata eżekuttiva f’dan tal-aħħar. Madankollu, il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenzi li jordnaw is-sekwestru kawtelatorju għandhom differenzi sostanzjali. Għalhekk, ma huwiex faċli li jiġu stabbiliti liema dispożizzjonijiet tad‑dritt tal-Istat Membru li fih tintalab l-eżekuzzjoni huma applikabbli fil-mument tal-eżekuzzjoni ta’ sentenzi barranin. Din il-kawża taqa’ f’dan il‑kuntest.

2.

Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari ser jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-punt jekk, taħt is-sistema tar-Regolament Nru 44/2001, dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru li fih tintalab l-eżekuzzjoni, li tistabbilixxi t-terminu li fih kreditur għandu jipproċedi bl-eżekuzzjoni ta’ sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju, tapplikax għal tali sentenzi mogħtija fi Stati Membri oħra.

3.

B’mod iktar speċifiku, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l‑applikabbiltà ta’ dispożizzjoni tad-dritt Ġermaniż, jiġifieri l‑Artikolu 929(2) taż-Zivilprozessordnung (il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, iktar ’il quddiem iż-“ZPO”), fil-kuntest tal-kawża prinċipali li tirrigwarda l-eżekuzzjoni ta’ sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju mogħtija minn awtoritajiet Taljani ( 3 ).

4.

Madankollu, ir-rilevanza tas-sentenza li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tagħti f’din il-kawża tmur lil hinn mill-kuntest tal-Istati msemmija f’din il-kawża. Fil-fatt, din hija kwistjoni potenzjalment sinjifikattiva għall‑Istati Membri kollha li d-dritt nazzjonali tagħhom jipprevedi terminu sabiex titressaq talba għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza li tordna s‑sekwestru kawtelatorju. Barra minn hekk, din il-kwistjoni tqum ukoll fil‑kuntest tar‑Regolament (UE) Nru 1215/2012 ( 4 ), li ssostitwixxa r‑Regolament Nru 44/2001.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

1. Ir-Regolament Nru 44/2001

5.

Il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 44/2001, li jinkludi l‑Artikoli 32 sa 58 ta’ dan ir-regolament, essenzjalment jirregola r‑rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi mogħtija mill-qrati tal-Istati Membri, inkluż il-proċedura ta’ eżekuzzjoni.

6.

Skont l-Artikolu 38(1) tar-Regolament Nru 44/2001:

“Sentenza mogħtija fi Stat Membru u eżegwita f’dak l-Istat għandha tiġi eżegwita fi Stat Membru ieħor meta, fuq applikazzjoni ta’ parti nteressata, tkun ġiet dikjarata eżegwibbli hemmhekk.”

2. Ir-Regolament Nru 1215/2012

7.

Il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1215/2012 jinkludi l‑Artikoli 36 sa 57 u jirrigwarda r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi mogħtija mill-qrati tal-Istati Membri. Madankollu, waqt l‑adozzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012, il-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda li jintroduċi s-sistema tar-rikonoxximent u tal-eżekuzzjoni awtomatiċi. Għal dan il-għan, l-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprevedi li s-sentenzi mogħtija fi Stati Membri oħra jistgħu jiġu eżegwiti mingħajr ma tkun meħtieġa l-ebda dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà.

8.

Barra minn hekk, l-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprevedi dan li ġej:

“Soġġetta għad-dispożizzjonijiet ta’ din it-Taqsima, il-proċedura għall‑eżekuzzjoni ta’ sentenzi mogħtija fi Stat Membru ieħor għandha tkun irregolata mil-liġi tal-Istat Membru indirizzat. Sentenza mogħtija fi Stat Membru li hija eżegwibbli fl-Istat Membru indirizzat għandha tiġi eżegwita hemmhekk taħt l-istess kondizzjonijiet bħal sentenza mogħtija fl-Istat Membru indirizzat.”

B.   Id-dritt Ġermaniż

9.

L-Artikolu 929(2) taż-ZPO jipprevedi:

“L-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ sekwestru ma hijiex awtorizzata wara l‑iskadenza ta’ terminu ta’ xahar li jibda jiddekorri mid-data li fiha l-ordni tkun ingħatat jew ġiet innotifikata lill-parti li fuq it-talba tagħha tkun inħarġet.”

10.

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 932(1) u (3) taż-ZPO:

“(1)   L-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ sekwestru ta’ immobbli […] iseħħ permezz ta’ reġistrazzjoni ta’ ipoteka li tiggarantixxi l-kreditu […].

[…]

(3)   It-talba għar-reġistrazzjoni tal-ipoteka għandha titqies, fis-sens tal-Artikolu 929(2) u (3), bħala l-eżekuzzjoni tal-ordni ta’ sekwestru.”

III. Il-fatti tal-kawża prinċipali

11.

Fid-19 ta’ Novembru 2013, Società Immobiliare Al Bosco Srl, kumpanija rregolata mid-dritt Taljan, kisbet ordni ta’ sekwestru kawtelatorju (sequestro conservativo) quddiem it-Tribunale di Gorizia (il-Qorti ta’ Gorizia, l-Italja) fl-ammont ta’ miljun ewro fuq il-beni mobbli u immobbli ta’ Gunter Hober (iktar ’il quddiem il-“konvenut”).

12.

Permezz ta’ sentenza tat-22 ta’ Awwissu 2014, il-qorti kompetenti ddikjarat is-sentenza bħala eżekuttiva fil-Ġermanja.

13.

Iktar minn tmien xhur wara, fit-23 ta’ April 2015, ir-rikorrenti talbet, bħala garanzija tal-kreditu tagħha, ir-reġistrazzjoni ta’ ipoteka fuq proprjetà immobbli li tinsab fil-Ġermanja u li tappartjeni lill-konvenut.

14.

Din it-talba għal reġistrazzjoni ġiet miċħuda mill-qorti tal-ewwel istanza.

15.

Sussegwentement, il-qorti tal-appell ċaħdet l-appell ippreżentat mir-rikorrenti kontra din is-sentenza. Din il-qorti qieset li l-ipoteka ma kellhiex tiġi rreġistrata minħabba l-fatt li r-rikorrenti ma kinitx osservat it‑terminu ta’ xahar stabbilit fl-Artikolu 929(2) taż-ZPO.

16.

Skont il-qorti tal-appell, in-natura eżekuttiva mogħtija mill‑Artikolu 38 tar-Regolament Nru 44/2001 lil sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor tikkorrispondi, essenzjalment, għan-natura eżekuttiva mogħtija lil sentenza nazzjonali ekwivalenti. Barra minn hekk, l‑eżekuzzjoni nnifisha tas-sentenzi mogħtija fi Stati Membri oħra hija suġġetta għall-lex fori.

17.

Barra minn hekk, skont il-qorti tal-appell, is-sekwestru kawtelatorju skont id‑dritt Taljan (sequestro conservativo) u s-sekwestru kawtelatorju skont id-dritt Ġermaniż huma simili. Għalhekk, minħabba din is-similarità, fil‑kawża prinċipali għandhom jiġu osservati d-dispożizzjonijiet proċedurali applikabbli għal din it-tip ta’ sentenza u, konsegwentement l‑Artikolu 929(2) taż-ZPO.

18.

Permezz tal-appell tagħha fuq punt ta’ liġi awtorizzat mill-qorti tal-appell u ppreżentat quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal‑Ġustizzja, il-Ġermanja), ir-rikorrenti ssostni t-talba tagħha għal reġistrazzjoni tal-ipoteka bħala garanzija tal-kreditu.

IV. Id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal‑Ġustizzja

19.

F’dawn iċ-ċirkustanzi il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal‑Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda segwenti:

“Huwa kompatibbli mal-Artikolu 38(1) tar-Regolament Nru [44/2001], il-fatt li terminu, li huwa stabbilit fid-dritt tal-Istat fejn tintalab l‑eżekuzzjoni u li fuq il-bażi tiegħu strument ma jkunx jista’ jiġi eżegwit wara l-iskadenza ta’ perijodu partikolari, jiġi applikat ukoll għal strument komparabbli minn aspett funzjonali maħruġ fi Stat Membru ieħor u rrikonoxxut u ddikjarat bħala li jista’ jiġi eżegwit fl-Istat fejn tintalab l‑eżekuzzjoni?”

20.

It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal‑Ġustizzja fis-26 ta’ Ġunju 2017.

21.

Kienet il-Kummissjoni biss li ppreżentat sottomissjonijiet bil‑miktub. Il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni Ewropea pparteċipaw fis-seduta li nżammet fil-11 ta’ April 2018.

V. Analiżi

22.

Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk l-applikazzjoni ta’ terminu previst fid-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, li abbażi tiegħu sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju ma tistax tiġi eżegwita iktar wara li jiskadi ċertu żmien, fir-rigward ta’ sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju mogħtija fi Stat Membru ieħor hijiex konformi mal-Artikolu 38(1) tar‑Regolament Nru 44/2001.

23.

Sabiex tingħata risposta għad-domanda preliminari kif magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi stabbilit, essenzjalment, jekk dispożizzjoni tad-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, li abbażi tagħha sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju ma tistax tiġi eżegwita iktar wara li jiskadi ċertu żmien, hijiex marbuta man-natura eżekuttiva tas‑sentenza, li hija rregolata bid-dritt tal-Istat Membru li fih din is‑sentenza ngħatat (l‑Istat Membru ta’ oriġini), jew jekk din id‑dispożizzjoni għandhiex tiġi kkunsidrata bħala regola, marbuta mal‑eżekuzzjoni nnifisha, tad-dritt tal-Istat Membru li fih l-eżekuzzjoni tas-sentenza ntalbet (l-Istat Membru mitlub).

24.

Il-qorti tar-rinviju titlaq mill-premessa li s-sekwestru kawtelatorju Taljan għandu jiġi kkunsidrat, fid-dawl tal-funzjoni tiegħu, bħala sekwestru kawtelatorju fid-dritt Ġermaniż. F’dan il-kuntest, il-qorti tar‑rinviju għandha dubji dwar jekk, f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet tal‑eżekuzzjoni tas-sentenza Taljana fil-Ġermanja humiex irregolati minn dispożizzjonijiet Ġermaniżi fil-qasam tal-eżekuzzjoni tas-sentenzi li jordnaw is-sekwestru kawtelatorju.

25.

Il-qorti tar-rinviju tindika, minn naħa, li mill-perspettiva tat-teknika ġuridika, it-terminu previst fl-Artikolu 929(2) taż-ZPO ma huwiex marbut – kuntrarjament, pereżempju, għal dispożizzjoni dwar il‑preskrizzjoni ta’ drittijiet mogħtija b’sentenza – mad-dritt sostantiv. F’din il-perspettiva, dan it-terminu jidher li jista’ jaqa’ taħt id-dritt fil‑qasam ta’ eżekuzzjoni nnifisha, li ma huwiex irregolat bir-Regolament Nru 44/2001.

26.

Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tirrikonoxxi li l-applikazzjoni tat‑terminu previst fl-Artikolu 929(2) taż-ZPO għandu bħala konsegwenza li n-natura eżekuttiva tal-istrument tintemm meta jiskadi ċertu żmien. L-effett ta’ dan it-terminu ma huwiex, finalment, differenti minn dak ta’ annullament ta’ strument fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk tali limitazzjoni rationae temporis ta’ sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju skont id-dritt tal-Istat Membru mitlub tistax tkun inkompatibbli mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet proċedurali tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ma għandhiex tqiegħed inkwistjoni l‑prinċipji stabbiliti bir-Regolament Nru 44/2001.

A.   Il-pożizzjonijiet tal-partijiet

27.

Il-Gvern Ġermaniż jindika, fl-ewwel lok, li r-Regolament Nru 44/2001 jirrigwarda biss il-proċedura ta’ eżekuzzjoni. Min-naħa l‑oħra, l-eżekuzzjoni nnifisha tas-sentenzi ma hijiex irregolata b’dan ir‑regolament. Għalhekk, is-sentenzi li jaqgħu fir-Regolament Nru 44/2001 għandhom jiġu eżegwiti skont id-dispożizzjonijiet proċedurali tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru mitlub, bħall-Artikolu 929(2) taż-ZPO.

28.

Fit-tieni lok, il-Gvern Ġermaniż jirreferi għas-sentenzi Apostolides ( 5 ) u Prism Investments ( 6 ) u jfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà indikat li ma hemm l-ebda raġuni sabiex sentenza, fil-mument tal-eżekuzzjoni tagħha, tingħata effetti li sentenza tal-istess tip, mogħtija direttament fl‑Istat Membru mitlub, ma tipproduċix. Dan il-Gvern iqis li, fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, hemm lok li jiġi applikat it-terminu previst fl-Artikolu 929(2) taż-ZPO għas-sentenza li tordna s‑sekwestru kawtelatorju mogħtija fl-Italja minħabba l-fatt li sentenza simili, adottata fil-Ġermanja, ma tistax tiġi eżegwita wara l-iskadenza tat‑terminu ta’ xahar.

29.

Finalment, fit-tielet lok, il-Gvern Ġermaniż, filwaqt li jinvoka d‑dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1215/2012, iqis li l-kliem tat-tieni sentenza tal-Artikolu 41(1) ta’ dan ir-regolament jikkorrobora l‑pożizzjoni ppreżentata hawn fuq.

30.

Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni tqis li raġunament essenzjalment ibbażat fuq is-sentenza Prism Investments ( 7 ) ma jikkunsidrax debitament in-natura transkonfinali tal-kawża prinċipali.

31.

Il-Kummissjoni tfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat fil‑ġurisprudenza tagħha li d-distinzjoni bejn il-proċedura ta’ eżekuzzjoni u l-eżekuzzjoni nnifisha ma għandhiex tikser prinċipji fundamentali tar-Regolament Nru 1215/2012, b’mod partikolari dak tal-moviment liberu tas-sentenzi. Għalhekk, anki jekk il-proċedura ta’ eżekuzzjoni prevista bir-Regolament Nru 44/2001 kellha bħala effett li tintegra sentenza barranija fl-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru mitlub, applikazzjoni “għamja” tad-dritt ta’ dan l-Istat Membru ma tiħux inkunsiderazzjoni l-oriġini tal-istrument li għandu jiġi eżegwit. F’dan il-każ, jista’ jiġri li, minħabba l-applikazzjoni tal-Artikolu 929(2) taż-ZPO fil-mument tal-eżekuzzjoni tas-sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju tad‑dritt Taljan, l-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza ma tkunx iktar possibbli fl-Istat Membru mitlub, minkejja li tkun eżekuttiva fl-Istat Membru ta’ oriġini.

32.

Fid-dawl ta’ dawn id-dubji li għandha l-qorti tar-rinviju u tal‑argumenti mressqa mill-partijiet, qabel xejn ser nanalizza jekk regola li tistabbilixxi terminu sabiex titressaq it-talba għal eżekuzzjoni ta’ miżura kawtelatorja, bħall-Artikolu 929(2) taż-ZPO, għandhiex tiġi kklassifikata bħala dispożizzjoni proċedurali tal-lexi fori tal-Istat Membru mitlub. Sussegwentement, ser nerġa’ neżamina mill-ġdid it-tagħlimiet misluta minn dan l-eżerċizzju ta’ klassifikazzjoni fid-dawl tal‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mal-effetti prodotti mis‑sentenzi barranin fis-sistema tar-Regolament Nru 44/2001 fil-qasam tal-eżekuzzjoni. Finalment, ser inqabbel l-argumenti preċedenti mas‑soluzzjonijiet adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest tar‑Regolament Nru 1215/2012.

B.   Fuq l-eżerċizzju ta’ klassifikazzjoni

1. Osservazzjonijiet preliminari

33.

Infakkar, li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fil-kuntest tal‑Konvenzjoni ta’ Brussell ( 8 ), li din il-konvenzjoni tirregola biss il‑proċedura ta’ eżekuzzjoni ta’ strumenti eżekuttivi barranin u ma tirregolax l‑eżekuzzjoni nnifisha, li tibqa’ suġġetta għad-dritt nazzjonali tal-qorti adita ( 9 ). Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li din il‑ġurisprudenza kienet trasponibbli għar-Regolament Nru 44/2001 inkwantu dan kien jipprevedi wkoll il-proċedura ta’ eżekuzzjoni ( 10 ).

34.

F’dan il-kuntest ġurisprudenzjali, il-Gvern Ġermaniż jindika, bħall-qorti tar-rinviju, li l-Artikolu 929(2) taż-ZPO huwa kklassifikat, skont id-dritt Ġermaniż, bħala dispożizzjoni tad-dritt proċedurali. Konsegwentement, tal-anqas skont il-qorti tar-rinviju, it-terminu previst minn din id-dispożizzjoni jista’ jaqa’ fl-ambitu tad-dritt fil-qasam ta’ eżekuzzjoni nnifisha, li ma hijiex irregolata bir-Regolament Nru 44/2001.

35.

F’dan ir-rigward, nosserva li l-maġġoranza tal-kunċetti użati mil‑leġiżlatur tal-Unjoni fl-atti li jaqgħu fil-kooperazzjoni ġudizzjarja fil‑qasam ċivili, inkluż ir-Regolament Nru 44/2001, għandhom natura awtonoma ( 11 ). Konsegwentement, il-klassifikazzjoni ta’ regoli bħall‑Artikolu 929(2) taż-ZPO fil-kuntest nazzjonali ma għandhiex tkun deċiżiva sabiex tiġi solvuta l-problema ġuridika mqajma fil-kuntest tad‑domanda preliminari.

36.

Barra minn hekk, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, il-klassifikazzjoni awtonoma bħala “regola tad-dritt proċedurali” li tingħata lill-Artikolu 929(2) taż-ZPO lanqas ma hija deċiżiva fir-rigward tar-risposta li għandha tingħata għad-domanda preliminari. F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li d-dritt Taljan jipprevedi wkoll terminu sabiex titressaq talba għal eżekuzzjoni ta’ sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju. Xejn ma jindika li dispożizzjoni li tipprevedi tali terminu ma tistax tiġi kklassifikata wkoll bħala “regola tad-dritt proċedurali”, l-istess bħall-Artikolu 929(2) taż‑ZPO. Fil-fatt, dak li huwa deċiżiv, huwa jekk, skont il‑klassifikazzjoni awtonoma, din id-dispożizzjoni taż-ZPO għandhiex tiġi applikata fil-mument tal-eżekuzzjoni fil-Ġermanja tas-sentenzi li jordnaw is‑sekwestru kawtelatorju mogħtija fi Stati Membri oħra ( 12 ).

37.

Il-qorti tar-rinviju tqis li ma hemmx lok li tiġi eżaminata l‑kwistjoni dwar jekk id-dritt Taljan jipprevedix ukoll terminu sabiex titressaq it-talba għal eżekuzzjoni ta’ sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju.

38.

B’mod iktar speċifiku, din il-qorti ssostni li, fil-kuntest tal-proċedura prinċipali, l-awtorità Ġermaniża inkarigata miż-żamma tar-Reġistru Pubbliku tal-Artijiet ma għandiex tiddetermina jekk id-dritt tal-Istat Membru li fih ingħatat is-sentenza jipprevedix terminu ta’ eżekuzzjoni, lanqas il-modalitajiet ta’ din l-eżekuzzjoni, u lanqas ma hija awtorizzata tapplika regola ta’ dritt barrani. Fir-rigward tal-proċedura segwita minn din l-awtorità, l-uniku element rilevanti huwa dak dwar jekk l-Artikolu 929(2) taż-ZPO għandux jiġi applikat jew le. Finalment, jekk, minħabba l-iskadenza tat-terminu previst fid-dritt Taljan, l-istrument ma jibqax iktar eżegwibbli b’mod furzat, id-debitur madankollu għandu jsostni dan l-aspett permezz ta’ rikors ippreżentat kontra d-dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni.

39.

B’hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li, barra mill-proċedura ta’ eżekuzzjoni, it-terminu previst fid-dritt Taljan huwa applikabbli wkoll għas-sentenza li tagħha ntalbet l-eżekuzzjoni fil-proċedura prinċipali. Minn dan isegwi li, fit-territorju Ġermaniż, sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju mogħtija barra mill-pajjiż hija suġġetta għaż-żewġ sistemi stabbiliti, minn naħa, mill-Istat Membru ta’ oriġini u, min-naħa l-oħra, mill-Istat Membru mitlub.

40.

F’dan il-kuntest, nistaqsi jekk l-osservanza ta’ dan ir-rekwiżit doppju mill-kreditur jurix il-punt dgħajjef tal-interpretazzjoni li l‑Artikolu 929(2) taż-ZPO għandu jiġi applikat bħala regola tal-lexi fori fil-qasam tal-eżekuzzjoni nnifisha tas-sentenzi barranin li jordnaw is‑sekwestru kawtelatorju. F’dan il-każ, minn naħa, id‑dispożizzjoni tad‑dritt Ġermaniż li tipprevedi terminu sabiex titressaq it-talba għal eżekuzzjoni hija applikata bħala dispożizzjoni li tirregola l‑eżekuzzjoni nnifisha. Min-naħa l-oħra, dispożizzjoni tad-dritt tal-Istat Membru ta’ oriġini li tistabbilixxi terminu simili hija applikata bħala regola li tistabbilixxi n-natura eżekuttiva ta’ deċiżjoni barranija ( 13 ).

41.

Fid-dawl ta’ din il-konstatazzjoni, għandi dubji, fl-ewwel lok, dwar l-artikolazzjoni bejn, minn naħa, in-natura eżekuttiva ta’ sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju, evalwata fid-dawl ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Istat Membru ta’ oriġini li tipprevedi terminu sabiex titressaq it-talba għall-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, limitazzjoni tal-eżekuzzjoni effettiva permezz ta’ terminu simili, prevista minn dispożizzjoni tal-Istat Membru mitlub.

42.

Fit-tieni lok, nistaqsi dwar il-punt jekk, f’perspettiva sistematika, dispożizzjoni bħall-Artikolu 929(2) taż-ZPO tistax tiġi applikata b’mod iżolat, irrispettivament mill-kuntest transkonfinali u mill-oriġini tas‑sentenza li tagħha ntalbet l-eżekuzzjoni fil-Ġermanja.

43.

Finalment, fit-tielet lok, nistaqsi dwar jekk l-għan ta’ din id-dispożizzjoni tad-dritt Ġermaniż jistax jiġi rrikonċiljat mal‑applikazzjoni tiegħu, li ma jikkunsidrax il-kuntest transkonfinali u l-oriġini ta’ sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju.

2. L-artikolazzjoni bejn in-natura eżekuttiva u limitazzjoni tal‑eżekuzzjoni effettiva

44.

Skont l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, għalkemm, fid-dritt Ġermaniż, is-sekwestru kawtelatorju jitlef il-validità ġuridika tiegħu minħabba l-iskadenza ta’ terminu, dan ma huwiex il-każ fid-dritt Taljan, li jipprevedi li huwa biss l-annullament formali ta’ dan is-sekwestru kawtelatorju li jneħħilu kull validità ġuridika. Barra minn hekk, filwaqt li, skont id-dritt Ġermaniż, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan it-terminu għandu jitqajjem ex officio, skont id-dritt Taljan, għandu jkun il-konvenut stess li jinvoka l-iskadenza ta’ dan it-terminu. L-eżekuzzjoni ta’ sekwestru kawtelatorju tad-dritt Taljan tibqa’ għalhekk bħala regola possibbli anki wara l-iskadenza tat-terminu.

45.

Għalhekk, huwa possibbli li l-forza eżekuttiva tas-sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju, li, skont it-termini tal-Artikolu 38 tar‑Regolament Nru 44/2001, tikkostitwixxi kundizzjoni tal-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni fl-Istat Membru mitlub ( 14 ), tkun kompromessa inkwantu kreditur ma jkunx jista’ jeżegwixxiha fil‑Ġermanja, irrispettivament min-natura eżekuttiva ta’ din id-deċiżjoni skont id-dritt tal-Istat Membru ta’ oriġini.

46.

Din l-osservazzjoni tista’ tikkostitwixxi indikazzjoni tal-fatt li l‑Artikolu 929(2) taż-ZPO ma jirrigwardax l-eżekuzzjoni ta’ miżura kawtelatorja, iżda pjuttost il-forza eżekuttiva tagħha, u dan tal-anqas bl-istess mod bħal dispożizzjoni simili tad‑dritt Taljan.

3. Ir-relazzjoni bejn il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ ordni ta’ sekwestru kawtelatorju u t-terminu għat-tressiq ta’ talba għal eżekuzzjoni ta’ miżura ta’ sekwestru

47.

Sekwestru kawtelatorju jikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola ġenerali li abbażi tagħha huma biss id-deċiżjonijiet li jittieħdu fit-tmiem tal-proċedura dwar il-mertu u li jsiru finali jistgħu jkunu s-suġġett tal-eżekuzzjoni forzata. Għalhekk, minkejja l-fatt li, minħabba n-natura eċċezzjonali tiegħu, sekwestru kawtelatorju ma jissodisfax lill‑kreditur ( 15 ), dan jista’ jiġi ordnat biss jekk jiġu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet.

48.

Huwa veru li, fil-maġġoranza tas-sistemi ġuridiċi, huwa l-fatt li l‑eżekuzzjoni ulterjuri ta’ sentenza dwar il-mertu tkun impossibbli li jikkostitwixxi tali kundizzjoni bażika. Madankollu, skont analiżi komparattivi, filwaqt li l-għan essenzjali tas-sekwestru kawtelatorju jiddetermina din il-kundizzjoni ġenerali, il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali huma differenti f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet iddettaljati li fihom sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju tista’ tiġi adottata ( 16 ).

49.

Fil-fatt, il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ ordni ta’ sekwestru kawtelatorju huma stabbiliti mill-għażliet leġiżlattivi magħmula mill‑Istati Membri fit-tfittxija tagħhom tal-ekwilibriju bejn l-interessi ta’ kredituri u dawk tad-debituri. L-istabbiliment ta’ terminu għat-tressiq tat-talba għall-eżekuzzjoni ta’ miżura kawtelatorja mill-kreditur huwa wkoll effett ta’ din it-tfittxija.

50.

Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-għan li jrid jintlaħaq mill-Artikolu 929(2) taż-ZPO huwa l-protezzjoni tad-debitur. B’mod iktar speċifiku, skont il-qorti tar-rinviju, din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tipprekludi li sentenzi adottati wara proċedura ta’ miżuri provviżorji sommarja jibqgħu eżegwibbli u, għalhekk, jistgħu jkunu suġġetti għal eżekuzzjoni forzata matul perijodu relattivament twil u minkejja eventwali bidliet tas-sitwazzjoni. Bl-istess mod, il-Gvern Ġermaniż waqt is-seduta indika li t-terminu previst fl-Artikolu 929(2) taż-ZPO huwa intiż sabiex jipprekludi li sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju tista’ tiġi eżegwita wara l-iskadenza ta’ xahar anki jekk iċ‑ċirkustanzi jkunu nbidlu kunsiderevolment.

51.

Barra minn hekk, anki l-parti tad-duttrina li tqis li fuq kollox huma l-effetti tal-miżuri kawtelatorji li huma differenti ħafna, filwaqt li l-kundizzjonijiet għall-għoti tagħhom huma ħafna iktar simili ( 17 ), tqis li dawn il-kundizzjonijiet joħorġu mill-ġdid il-fatt li l-miżuri kawtelatorji huma marbuta b’mod profond mal-proċeduri li fihom ingħataw ( 18 ). Għalhekk jista’ jsir l-argument li, fil-kuntest transkonfinali, tali rabta teżisti bejn sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju u leġiżlazzjonijiet tal-Istat Membru ta’ oriġini.

52.

Qabel xejn, f’din il-perspettiva, l-istabbiliment ta’ terminu minn leġiżlatur bħal dak previst fl-Artikolu 929(2) taż-ZPO huwa b’xi mod komparabbli mas-sitwazzjoni li fiha l-qorti tispeċifika fis-sentenza tagħha t-terminu li matulu għandhom isiru azzjonijiet speċifiċi mill‑kreditur. Jekk sentenza jkun fiha tali spjegazzjoni, din bla dubju tkun element intrinsiku ta’ din is-sentenza.

53.

Konsegwentement, inqis li terminu bħal dak li huwa previst fl-Artikolu 929(2) taż-ZPO ma għandux jiġi sseparat mill‑kundizzjonijiet li fihom ordni ta’ sekwestru kawtelatorju tista’ tingħata u, b’mod ġenerali, mid-dritt tal-Istat Membru ta’ oriġini. Għalhekk, tali terminu ma għandux jiġi applikat bħala regola ta’ eżekuzzjoni nnifisha tal-lex fori fil‑kuntest tal-eżekuzzjoni tas-sentenzi barranin fil-Ġermanja ( 19 ).

4. L-għan ta’ dispożizzjoni li tipprevedi terminu għat-tressiq tat-talba għall-eżekuzzjoni ta’ miżura ta’ sekwestru

54.

Infakkar li, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-għan prinċipali tal-Artikolu 929(2) taż-ZPO huwa li jiżgura li miżura kawtelatorja ma tiġix eżegwita wara perijodu relattivament twil u minkejja tibdil fis-sitwazzjoni. Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda s-sentenzi barranin, mid-digriet tar-rinviju, kif ukoll mill-ispjegazzjonijiet tal-Gvern Ġermaniż, jirriżulta li dan it-terminu huwa kkalkolat b’effett mid-data tan-notifika ta’ dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni lil kreditur.

55.

Madankollu, kreditur ma huwiex obbligat iressaq talba għal eżekuzzjoni ta’ sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju immedjatament wara l-kisba ta’ din is-sentenza fl-Istat Membru ta’ oriġini. Huwa jista’ għalhekk jipposponi li jressaq tali talba, minkejja eventwali bidla fiċ‑ċirkustanzi li sseħħ wara l-għoti tas-sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju.

56.

B’hekk, is-soluzzjoni li l-Artikolu 929(2) taż-ZPO japplika bħala regola tal-lex fori tal-Istat Membru mitlub u li tipprevedi li t-terminu previst minn din id-dispożizzjoni huwa kkalkolat b’effett mid-data tan-notifika ta’ dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni tippermetti lil kreditur li b’mod sistematiku ma jikkunsidrax tali bidla fiċ-ċirkustanzi u jipproċedi bl-eżekuzzjoni ta’ miżura kawtelatorja.

57.

Għalhekk, inqis li l-applikazzjoni tal-Artikolu 929(2) taż-ZPO fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tas-sentenzi barranin ma tistax tkun irrikonċiljata mal-għan ta’ din id-dispożizzjoni, kif spjegat mill‑qorti tar-rinviju u l-Gvern Ġermaniż.

58.

Minn din l-analiżi jirriżulta, fl-ewwel lok, li dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 929(2) taż-ZPO tirrigwarda iktar l-forza eżekuttiva ta’ sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju milli l‑eżekuzzjoni nnifisha. Fit-tieni lok, tali terminu ma għandux jiġi applikat b’mod iżolat, indipendentement mill-oriġini ta’ sentenza li tagħha ntalbet l-eżekuzzjoni. Fit-tielet lok, kieku kellna naqblu mal-perspettiva tal‑qorti tar-rinviju u tal-Gvern Ġermaniż dwar l-għan tal‑Artikolu 929(2) taż-ZPO, din id-dispożizzjoni ma tkunx tista’ tissodisfa r-rwol tagħha li kieku kellha tiġi applikata għas-sentenzi barranin li l‑eżekuzzjoni tagħhom intalbet fil-Ġermanja.

59.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi terminu għat-tressiq tat-talba għal eżekuzzjoni mill-kreditur, bħall-Artikolu 929(2) taż-ZPO, ma għandhiex tkun ikklassifikata bħala regola ta’ proċedura li hija applikabbli fil-kuntest tal-eżekuzzjoni fil-Ġermanja ta’ sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju mogħtija fi Stat Membru ieħor.

C.   Fuq l-ekwivalenza tal-effetti tas-sentenzi nazzjonali u barranin

60.

Hija ġurisprudenza stabbilita, minn naħa, li ma hemm l‑ebda raġuni għalfejn sentenza mogħtija fi Stat Membru, waqt l‑eżekuzzjoni tagħha fi Stat Membru ieħor, tingħata drittijiet li ma japplikawx għaliha fl-Istat Membru ta’ oriġini ( 20 ). Dan huwa dak li ġeneralment tissejjaħ id‑duttrina tal-“estensjoni tal-effetti” ( 21 ). Mis‑sentenza Health Service Executive ( 22 ), mogħtija fil-kuntest tar‑Regolament (KE) Nru 2201/2003 ( 23 ) iżda li, fl-opinjoni tiegħi, tista’ tiġi trasposta għar-Regolament Nru 44/2001, jirriżulta li din il-limitazzjoni għandha tiġi mifhuma b’mod partikolari fis-sens li sentenza barranija tista’ biss isservi bħala bażi għall-eżekuzzjoni fl-Istat Membru mitlub fil-limitazzjonijiet li jirriżultaw mis-sentenza stess.

61.

Minn naħa l-oħra, ma teżisti l-ebda raġuni għalfejn tali sentenza għandha tingħata effetti li sentenza tal-istess tip mogħtija direttament fl‑Istat Membru mitlub ma tipproduċix ( 24 ). Din il-limitazzjoni fir-rigward tal-effetti ta’ sentenzi eżegwiti fl-Istat Membru mitlub hija msejħa “duttrina tal-ekwivalneza tal-effetti” ( 25 ).

62.

Filwaqt li jispira ruħu minn din il-ġurisprudenza, il-Gvern Ġermaniż iqis li, sabiex tkun żgurata l-ekwivalenza fit-trattament tas-sentenzi barranin u nazzjonali, l-Artikolu 929(2) taż-ZPO għandu jkun applikat fil-mument tal-eżekuzzjoni tas-sentenzi li jordnaw is-sekwestru kawtelatorju taħt id-dritt Taljan fil-Ġermanja.

63.

Jiena ma naqbilx ma’ din l-opinjoni. Inqis, bħall‑Kummissjoni, li l-pożizzjoni tal-Gvern Ġermaniż ma tiħux inkunsiderazzjoni ċerti aspetti tan-natura transkonfinali tal-kawża prinċipali u tal-konsegwenzi tal-applikazzjoni tal-Artikolu 929(2) taż-ZPO fil-kuntest ta’ tali kawża. Barra minn hekk, inqis li din il‑pożizzjoni hija bbażata fuq qari inkomplet tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

1. Fuq l-eventwali nuqqas ta’ koerenza bejn ir-regoli proċedurali tal-Istat Membru ta’ oriġini u tal-Istat Membru mitlub

a) L-identifikazzjoni tal-problematika

64.

Mid-digriet tar-rinviju, kif ukoll mill-pożizzjoni tal-Gvern Ġermaniż li tressqet waqt is-seduta, jirriżulta li fis-sitwazzjonijiet nazzjonali, meta jkunu l-awtoritajiet Ġermaniżi li jagħtu sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju u sussegwentement jeżegwixxu din is‑sentenza, il-kreditur li ma jkunx osserva t-terminu previst fl‑Artikolu 929(2) taż-ZPO, jista’ jikseb mill-ġdid, mingħajr terminu, ordni ta’ sekwestru kawtelatorju.

65.

Madankollu, jekk, f’kuntest transkonfinali, l-Artikolu 929(2) taż-ZPO jiġi applikat bħala regola tal-lex fori tal-Istat Membru mitlub, ma hemmx risposta ċara għad-domanda dwar kif il-kreditur għandu jipproċedi meta ma jkunx osserva t-terminu previst minn din id‑dispożizzjoni.

66.

Jidhirli li huwa sintomatiku li la l-qorti tar-rinviju u lanqas il‑Gvern Ġermaniż ma ressqu l-argument li l-kreditur seta’ jressaq mill‑ġdid talba għal dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni fil-Ġermanja sabiex jerġa’ jiftaħ it-terminu previst fl-Artikolu 929(2) taż-ZPO. Nistaqsi jekk tali soluzzjoni hijiex konformi mal-ispirtu tal-Artikolu 929(2) taż-ZPO. Fi kwalunkwe każ, it-tiġdid tat-talba jippermetti li tiġi posposta b’mod indefinit id-data tar-reġistrazzjoni tal-ipoteka li tiggarantixxi l-kreditu abbażi tal-istess sentenza. Jidhirli li tali possibbiltà tmur kontra l-loġika ta’ din id-dispożizzjoni.

67.

Nosserva li, bħala tweġiba għal mistoqsija magħmula waqt is‑seduta, il-Gvern Ġermaniż iddikjara li kreditur jista’ jitlob mill-ġdid sekwestru kawtelatorju fl-Istat Membru ta’ oriġini, anki meta t-termini previsti f’dan l-Istat Membru jkunu skadew. Għall-kuntrarju, il‑Kummissjoni indikat li, f’dan il-każ, il-kreditur ma setax jitlob sentenza oħra fl-Italja, peress li s-sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju mogħtija inizjalment mill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru kienet għadha eżekuttiva għar-raġunijiet esposti fil-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

68.

Minn dawn l-osservazzjonijiet jirriżulta li kreditur li ma jkunx osserva t-terminu previst fl-Artikolu 929(2) taż-ZPO għandu probabbilment jindirizza ruħu lill-qrati tal-Istat Membru ta’ oriġini, f’dan il-każ il-qrati Taljani, sabiex jikseb tieni sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju.

b) L-artikulazzjoni bejn ir-regoli proċedurali tal-Istat Membru ta’ oriġini u dawk tal-Istat Membru mitlub

69.

Minkejja dawn il-kunsiderazzjonijiet, jidhirli li l-analiżi relatata mad-domanda preliminari rrinvijata lill-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tkun limitata għall-kuntest ta’ din il-kawża. F’dan il-każ, is‑sentenza li tagħha ntalbet l-eżekuzzjoni fil-Ġermanja ngħatat skont id‑dritt Taljan li jipprevedi terminu kważi simili għal dak previst fl‑Artikolu 929(2) taż-ZPO. Madankollu, inqis li l-istess dubji dwar l-applikazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni fil-kuntest tal‑eżekuzzjoni ta’ miżura kawtelatorju, iddikjarata eżekuttiva fil‑Ġermanja, japplikaw fir-rigward ta’ kwalunkwe sentenza li tordna s‑sekwestru kawtelatorju mogħtija fi Stati Membri oħra.

70.

Għalhekk, mingħajr ma rrid niddeċiedi dwar is-sitwazzjoni reali tar‑rikorrenti fir-rigward tad-dritt Taljan, jidhirli li, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, il-kreditur, bħala regola, ikun mitlub li juri mill‑ġdid, insostenn tat-tieni talba tiegħu mressqa quddiem l-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ oriġini, tal-anqas, il-plawżibbiltà taċ-ċirkustanzi li fihom sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju tista’ tingħata. Għalhekk, ma hijiex tieni deċiżjoni tal-istess sentenza, iżda l-adozzjoni ta’ sentenza ġdida abbażi ta’ evalwazzjoni ġdida tal-kundizzjonijiet kollha li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex jiġi ordnat sekwestru kawtelatorju.

71.

Barra minn hekk, ma tistax tiġi eskluża qabel xejn il-possibbiltà li d-dritt tal-Istat Membru ta’ oriġini ma jipprevedix, għal raġunijiet differenti, il-fakultà li titressaq effettivament talba ġdida għal sentenza. Pereżempju, fil‑perspettiva tal-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ oriġini, talba ġdida tista’ tkun inammissibbli sakemm is-sentenza preċedenti ma tkunx ġiet annullata jew ma tkunx tilfet il-validità ġuridika tagħha għal raġunijiet oħra ( 26 ).

72.

F’ċerti każijiet, jista’ jiġri li l-applikazzjoni tal-modalitajiet stabbiliti fl-Istat Membru mitlub, jiġifieri, f’dan il-każ, it‑terminu previst fl-Artikolu 929(2) taż-ZPO, waqt l-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor twassal għal diffikultajiet. B’mod partikolari, il-kreditur li ma osservax it-terminu previst f’din id‑dispożizzjoni ma jistax jipproċedi iktar għall-eżekuzzjoni ta’ din is‑sentenza fil-Ġermanja u, fl-istess ħin, ma jistax jitlob sentenza ġdida quddiem l-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ oriġini.

2. Fuq il-preżervazzjoni tal-effett utli tar-Regolament Nru 44/2001

a) Tfakkir tal-ġurisprudenza dwar il-preżervazzjoni tal-effett utli tar-Regolament Nru 44/2001

73.

Infakkar li, f’dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet tal‑Konvenzjoni ta’ Brussell, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l‑applikazzjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Istat Membru mitlub ma għandhiex tippreġudika l-effett utli tas-sistema prevista minn din il-konvenzjoni ( 27 ). Fis-sentenzi li jaqgħu f’din il-prattika ġurisprudenzjali, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll, fir-rigward b’mod iktar preċiż tar-regoli nazzjonali li jirregolaw l-eżekuzzjoni fiha nnifisha, li l-applikazzjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Istat Membru mitlub fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ma għandhiex tippreġudika l-effett utli tas-sistema tal-Konvenzjoni ta’ Brussell fil-qasam tal-eżekuzzjoni billi ma tapplikax il-prinċipji stabbiliti f’dan il-qasam, kemm jekk b’mod espress jew impliċitu, permezz tar‑Regolament Nru 44/2001 stess ( 28 ). Konsegwentement, il-Qorti tal‑Ġustizzja kkonfermat it-transponabbiltà ta’ din il-ġurisprudenza għar‑Regolament Nru 44/2001 ( 29 ).

74.

Barra minn hekk, nosserva li din il-loġika ispirat ukoll il‑ġurisprudenza relatata mal-ordnijiet li jipprojbixxu lil parti milli tressaq jew tkompli kawża quddiem qorti statali. Fil-fatt, il-Qorti tal‑Ġustizzja qieset li tali ordnijiet jistgħu jillimitaw l-applikazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni u jneħħu l-effett utli tal-mekkaniżmi speċifiċi previsti f’każ ta’ lis pendence u ta’ konnessjoni ( 30 ). Sussegwentement, il‑Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, billi jostakolaw il-qorti ta’ Stat Membru ieħor fl-eżerċizzju tas-setgħat li jagħtiha r-Regolament Nru 44/2001, tali ordnijiet, mogħtija fil-kuntest ta’ arbitraġġ, jagħlqu l‑aċċess ta’ rikorrent għall-qorti statali li huwa jkun ippreżenta rikors quddiemha skont ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti minn dan ir-regolament u jċaħħdu għalhekk lil dan ir-rikorrent minn forma ta’ protezzjoni ġudizzjarja li għandu dritt għaliha ( 31 ).

b) Applikazzjoni konkreta tal-ġurisprudenza relatata mal-preżervazzjoni tal-effett utli tar-Regolament Nru 44/2001

75.

F’dak li jirrigwarda l-miżuri kawtelatorji, inqis li l-fatt li l‑applikazzjoni ta’ regola, bħall-Artikolu 929(2) taż-ZPO, għas‑sentenzi barranin li jordnaw is-sekwestru kawtelatorju tista’ twassal għal diffikultajiet, kif ġie espost fil-punti 71 u 72 ta’ dawn il‑konklużjonijiet, jista’ jippreġudika l-effett utli tas‑sistema tar-Regolament Nru 44/2001.

76.

Ċertament, bħall-Kummissjoni, inqis li ma għandux jiġi eskluż li, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, il-kreditur jista’ jitlob, skont l-Artikolu 31 ( 32 ) tar-Regolament Nru 44/2001, miżura kawtelatorja quddiem l-awtoritajiet tal-Istat Membru mitlub. Madankollu, dan il-kreditur isib ruħu f’sitwazzjoni sfavorevoli inkwantu jkun obbligat jirrikorri għall-qrati ta’ Stat Membru ieħor, bil‑konsegwenzi kollha li jirriżultaw minn dan ( 33 ). Fl-opinjoni tiegħi, dan jikkonferma l-possibbiltà li tinħoloq diffikultà minħabba l-applikazzjoni tal‑Artikolu 929(2) taż-ZPO fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tas-sentenza barranija.

77.

F’dan il-każ, minn naħa, jista’ jiġri li l-qrati ta’ Stat Membru, li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar il-mertu, ma jistgħux jiżguraw lil kreditur il-protezzjoni ġudizzjarja li għaliha għandu dritt fil-fażi tal-proċedura li twassal għall-adozzjoni tas-sentenza finali. Min-naħa l-oħra, il-ġurisdizzjoni ta’ dawn il‑qrati bbażata fuq id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 tiġi ppreġudikata jekk kreditur kien obbligat jirrikorri għall-qrati ta’ Stat Membru ieħor sabiex iressaq talba għal sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju filwaqt li huwa kien jixtieq, korrettament, iressaq din it-talba quddiem il‑qorti kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar il-mertu.

78.

Konsegwentement, fid-dawl tal-ġurisprudenza relatata mal‑preżervazzjoni tal-effett utli tar-Regolament Nru 44/2001, inqis li regola tal-Istat Membru mitlub, bħall‑Artikolu 929(2) taż-ZPO, ma tistax tiġi applikata fil-mument tal‑eżekuzzjoni ta’ sentenzi li jordnaw is-sekwestru kawtelatorju li ġejjin minn Stati Membri oħra.

c) Konklużjoni intermedjarja

79.

Infakkar li mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li dispożizzjoni bħall-Artikolu 929(2) taż-ZPO ma għandhiex tiġi kklassifikata bħala regola fil-qasam tal-eżekuzzjoni nnifisha tas-sentenzi barranin taħt is-sistema tar-Regolament Nru 44/2001 ( 34 ).

80.

Anki jekk kellu jitqies li din id-dispożizzjoni kellha tiġi kklassifikata bħala dispożizzjoni fil-qasam tal-eżekuzzjoni nnifisha tal‑lex fori tal-Istat Membru mitlub, hija ma għandhiex tiġi applikata fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ sentenzi barranin fil-Ġermanja inkwantu hija tippreġudika l-effett utli ta’ dan ir-regolament.

81.

Qabel xejn, fl-opinjoni tiegħi, il-loġika u l-effetti tal-applikazzjoni tal-ġurisprudenza relatata mal-preżervazzjoni tal-effett utli tar‑Regolament Nru 44/2001 ifakkru s-soluzzjoni reċentement adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha relatata mar-Regolament (UE) Nru 650/2012 ( 35 ). Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-klassifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali għall-finijiet tal-applikazzjoni tagħhom fis-sitwazzjonijiet li jaqgħu fir-Regolament Nru 650/2012 ma għandhiex tostakola t-twettiq tal-għanijiet ta’ dan ir-regolament kif ukoll l-effett utli tad-dispożizzjonijiet tiegħu ( 36 ). Konsegwentement, l-effett utli ta’ att tad‑dritt tal-Unjoni li jirrigwarda l-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam ċivili jista’ jkollu effett fuq il-klassifikazzjoni awtonoma, magħmula għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan l-att, tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Bl-istess mod, l‑Artikolu 929(2) taż-ZPO lanqas ma għandu jiġi kklassifikat bħala regola fil-qasam tal-eżekuzzjoni nnifisha inkwantu dan jista’ jippreġudika l‑effett utli tar-Regolament Nru 44/2001.

D.   Fuq l-effett tat-tneħħija tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni taħt is‑sistema tar-Regolament Nru 1215/2012 fuq il-kunsiderazzjonijiet preċedenti

82.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda biss ir‑Regolament Nru 44/2001. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li din id-domanda preliminari tqum bl-istess mod fil-kuntest tar‑Regolament Nru 1215/2012. Barra minn hekk, il-partijiet invokaw ukoll dan ir-regolament fl-osservazzjonijiet tagħhom ippreżentati waqt is-seduta.

83.

F’dan ir-rigward, inqis li t-tagħlimiet misluta mir‑Regolament Nru 1215/2012 ma jistgħux jikkontestaw il‑kunsiderazzjonijiet esposti hawn fuq.

84.

L-ewwel nett, għalkemm ir-Regolament Nru 44/2001 ma jirregolax b’mod espliċitu l-kwistjoni tar-rwol tal-lex fori tal-Istat Membru mitlub fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tas-sentenzi barranin, ir‑Regolament Nru 1215/2012 jipprevedi minn naħa tiegħu, fl-Artikolu 41(1), b’mod partikolari, li s-sentenzi barranin għandhom jiġu eżegwiti fl-Istat Membru mitlub fl-istess kundizzjonijiet bħal sentenza mogħtija f’dan l-Istat Membru ( 37 ).

85.

Madankollu, minkejja t-tneħħija tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni taħt is-sistema tar-Regolament Nru 1215/2012, id-distinzjoni bejn il-forza eżekuttiva u l-eżekuzzjoni nnifisha, irregolata bil-lex fori tal-Istat Membru mitlub, inżammet mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest ta’ dan ir-regolament ( 38 ).

86.

Hija wkoll l-interpretazzjoni mressqa mill-Gvern Ġermaniż li, filwaqt li twassal għal konklużjonijiet differenti, tikkonstata li t-tieni sentenza tal-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 tistabbilixxi l-prinċipji li kienu ġew applikati fil-kuntest tar-Regolament Nru 44/2001. Barra minn hekk, ċerti awturi jqisu li din id-dispożizzjoni tar‑Regolament Nru 1215/2012 tikkodifika l-prinċipji stabbiliti mill‑Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha relatata mar‑Regolament Nru 44/2001 ( 39 ).

87.

Konsegwentement, xejn ma jindika li d-dħul fis-seħħ tar‑Regolament Nru 1215/2012 jista’ jkollu effett fuq il-klassifikazzjoni ta’ dispożizzjoni bħall-Artikolu 929(2) taż-ZPO.

88.

It-tieni nett, inqis li, taħt is-sistema tar-Regolament Nru 1215/2012, il-problema ta’ diffikultà maħluqa bl-applikazzjoni ta’ regola nazzjonali, bħall-Artikolu 929(2) taż-ZPO, bħala regola tal‑Istat Membru mitlub tqum bl-istess mod. Għaldaqstant, il‑ġurisprudenza relatata mal-preżervazzjoni tal-effett utli tas-sistema tar-Regolament Nru 1215/2012 hija intiża li tapplika ( 40 ).

89.

Għal dawn ir-raġunijiet, inqis li la t-tagħlimiet misluta mit‑tneħħija tal-eżekuzzjoni u lanqas dawk misluta mill-introduzzjoni ta’ dispożizzjoni bħall-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 ma jistgħu jiġġustifikaw l-argument li, taħt is-sistema tar-Regolament Nru 44/2001, dispożizzjoni bħall-Artikolu 929(2) taż-ZPO tista’ tiġi applikata fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ sentenzi barranin fil-Ġermanja.

90.

Sabiex nikkonkludi, dispożizzjoni, l-ewwel nett, li ma taqax taħt l‑eżekuzzjoni ta’ sentenza barranija iżda iktar taħt il-proċedura ta’ eżekuzzjoni ( 41 ) u, it-tieni nett, li l-applikazzjoni tagħha fil-mument tal-eżekuzzjoni tippreġudika l-effett utli tas-sistema tar-Regolament Nru 44/2001 ma tikkostitwixxix regola tal-lex fori tal-Istat Membru mitlub fil‑qasam ta’ eżekuzzjoni ( 42 ). Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma għandhomx jiġu kkontestati mit-tagħlimiet misluta mill-analiżi tar-Regolament Nru 1215/2012. Dan ir-regolament la biddel il-loġika u lanqas il-prinċipji li jirregolaw il-limitazzjonijiet tal-applikazzjoni tal-lex fori tal-Istat Membru mitlub.

VI. Konklużjoni

91.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti r-risposta segwenti għad-domanda magħmula mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, Ġermanja):

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, u b’mod partikolari l-Artikolu 38(1) tiegħu għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Istat Membru mitlub, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi terminu għat-tressiq tat-talba għal eżekuzzjoni ta’ sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni nnifisha ta’ sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju li ngħatat minn Stat Membru ieħor.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Regolament tal-Kunsill, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

( 3 ) Sa fejn naf jien, din il-kawża tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex għat-tieni darba tinterpreta regoli fil-qasam tar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi barranin fil-kuntest ta’ kawża li fiha jistgħu jiġu applikati d-dispożizzjonijiet taż-ZPO li jirrigwardaw is-sekwestru kawtelatorju. Ara s-sentenza tal-10 ta’ Frar 1994, Mund & Fester (C‑398/92, EU:C:1994:52).

( 4 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il‑ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).

( 5 ) Sentenza tat‑28 ta’ April 2009, Apostolides (C‑420/07, EU:C:2009:271).

( 6 ) Sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Prism Investments (C‑139/10, EU:C:2011:653).

( 7 ) Sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Prism Investments (C-139/10, EU:C:2011:653).

( 8 ) Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tas‑sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32).

( 9 ) Ara s-sentenzi tat‑2 ta’ Lulju 1985, Deutsche Genossenschaftsbank (148/84, EU:C:1985:280, punt 19); tat‑3 ta’ Ottubru 1985, Capelloni u Aquilini (119/84, EU:C:1985:388, punt 16); u tal‑4 ta’ Frar 1988, Hoffmann (145/86, EU:C:1988:61, punt 27), u tad‑29 ta’ April 1999, Coursier (C‑267/97, EU:C:1999:213, punt 28).

( 10 ) Ara s-sentenzi tat‑28 ta’ April 2009, Apostolides (C‑420/07, EU:C:2009:271, punt 69), u tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Prism Investments (C‑139/10, EU:C:2011:653, punt 40).

( 11 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Mahnkopf (C‑558/16, EU:C:2017:965, punt 32). Ara, ukoll, il-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil-kawża Hőszig (C‑222/15, EU:C:2016:224, punti 3147).

( 12 ) F’dan ir-rigward nosserva li d-duttrina ma hijiex unanima fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprevedu terminu sabiex titressaq talba għal eżekuzzjoni ta’ miżura kawtelatorja fil-mument tal-eżekuzzjoni ta’ sentenzi barranin. Ċerti awturi jippreferu jqisu li tali dispożizzjonijiet ma jistgħux jiġu applikati f’dan il-każ. Ara, b’mod partikolari, Kropholler, J., von Hein, J., Europäisches Zivilprozessrecht: Kommentar zu EuGVO, Lugano-Übereinkommen, id-9 Edizzjoni, Verlag Recht und Wirtschaft, C.H. Beck, Frankfurt am Main, 2011, p. 615 u 616, punt 10. Ara, għall-kuntrarju, Schack, H., Internationales Zivilverfahrensrecht mit internationalem Insolvenz- und Schiedsverfahrensrecht, C.H. Beck, München, 2014, punt 1066.

( 13 ) Ara, f’dan is-sens, f’dak li jirrigwarda l-forza eżekuttiva ta’ sentenza li tagħha tintalab l-eżekuzzjoni taħt is-sistema tar-Regolament Nru 44/2001, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Prism Investments (C‑139/10, EU:C:2011:653, punti 3739).

( 14 ) F’dak li jirrigwarda n-natura eżekuttiva ta’ sentenza barranija, ara s-sentenzi tad‑29 ta’ April 1999, Coursier (C‑267/97, EU:C:1999:213, punt 23), u tat‑28 ta’ April 2009, Apostolides (C‑420/07, EU:C:2009:271, punti 6566). Nirrileva li, fid-duttrina, ġie sottomess ukoll li l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad‑dritt Spanjol, li tipprevedi terminu simili għal dak previst fl-Artikolu 929(2) taż-ZPO, fil-mument tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza barranija ma hijiex konformi mal‑Artikolu 38 tar-Regolament Nru 44/2001 inkwantu sentenza ma tistax tiġi eżegwita fl-Istat Membru mitlub irrispettivament min-natura eżekuttiva ta’ din is-sentenza skont id-dritt tal-Istat Membru ta’ oriġini. Ara Steinmetz, A., “Anwendbarkeit der Ausschlussfrist in der spanischen ZPO auch auf ausländische Vollstreckungstitel?”, Recht der internationalen Wirtschaft, Nru°5, 2009, p. 304.

( 15 ) Fil-fatt, inqis li sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju, bħal dik li tagħha ntalbet l-eżekuzzjoni fil-kawża prinċipali, tikkostitwixxi “miżura kawtelatorja” fis-sens tal‑Artikolu 31 tar-Regolament Nru 44/2001. Għalhekk din hija miżura intiża sabiex iżomm sitwazzjoni ta’ fatt jew ta’ dritt sabiex jiġu ssalvagwardjati drittijiet li r‑rikonoxximent tagħhom ġie wkoll mitlub mill-qorti adita mill-mertu. Ara s‑sentenza tas-26 ta’ Marzu 1992, Reichert u Kockler (C‑261/90, EU:C:1992:149, punt 34).

( 16 ) Ara, f’dan is-sens, Goldstein S., “Recent Developments and Problems in the Granting of Preliminary Relief: a Comparative Analysis”, Revue hellénique de droit international, 1987‑1988, l-40 u l-41 sena, p. 13. Jidhirli li l-kundizzjonijiet li fihom sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju tista’ tingħata jippreżentaw differenzi ta’ opinjonijiet, b’mod partikolari, tan-natura u l-gravità tat-theddida maħluqa minħabba n-nuqqas ta’ sekwestru. Ara, pereżempju, fid-dritt Ġermaniż, l-Artikolu 917 taż-ZPO, li jipprevedi li sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju tista’ tingħata meta l-eżekuzzjoni tas-sentenza finali hija impossibbli jew diffiċli ferm, fejn din l‑aħħar kundizzjoni hija deskritta mid-duttrina bħala kundizzjoni “ħafna iktar speċifika”. Ara Cuniberti, G., Les mesures conservatoires portant sur des biens situés à l’étranger, LGDJ, Pariġi, 2000, p. 267. Kundizzjoni simili hija prevista, pereżempju, fid-dritt Pollakk, fl-Artikolu 7301(2) tal-Kodeks postępowania cywilnego (il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) tas-17 ta’ Novembru 1964 (Dz. U. de 2014, pożizzjoni 101). F’dak li jirrigwarda d-dritt Taljan, l-Artikolu 671 tal-codice di procedura civile (il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) jipprevedi li sekwestru kawtelatorju jista’ jiġi awtorizzat meta jkun hemm riskju fir-rigward tal-ġbir tal-kreditu (periculum in mora). B’hekk, l-Artikolu 671 ta’ dan il-kodiċi ma jsemmix espliċitament il-każijiet li fihom in-nuqqas ta’ sekwestru jista’ joħloq diffikultajiet fil-mument tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni finali. Fuq is-sekwestru kawtelatorju tad-dritt Taljan, ara, ukoll, Crisofaro, M., “National Report – Italy”, in Harsági, V., Kengyel, M. (taħt id-direzzjoni ta’), Grenzüberschreitende Vollstreckung in der Europäischen Union, Sellier, München, 2011, p. 119. Madankollu, jiena konxju li hemm bżonn li jiġi kkunsidrat il-fatt li l‑kundizzjonijiet tal-għoti ta’ ordni ta’ sekwestru li jissemmew fit-testi ġuridiċi huma suġġetti għal żviluppi ġurisprudenzjali li jistgħu jkabbru jew jillimitaw id-differenzi bejn is-sistemi ġuridiċi tal-Istati Membri.

( 17 ) Cuniberti, G., Les mesures conservatoires portant sur des biens situés à l’étranger, LGDJ, Pariġi, 2000, p. 267

( 18 ) Cuniberti, G., op. cit. p. 255. F’dak li jirrigwarda l-miżuri kawtelatorji b’mod ġenerali, mingħajr ma tissemma l-kwistjoni tad-diversità tal-kundizzjonijiet għall-għoti, ara, f’dan is-sens, Hess, B., “The Brussels I Regulation: Recent Case Law of the Court of Justice and the Commission’s Proposed Recast”, Common Market Law Review 2012, p. 1098.

( 19 ) Ara, f’dan is-sens, Wittmann, J., “BGH, 11.05.2017 - V ZB 175/15: Anwendbarkeit der Vollziehungsfrist aus § 929 Abs. 2 ZPO bei Vollstreckung ausländischer Titel nach Maßgabe der EuGVVO”, Zeitschrift für Internationales Wirtschaftsrecht 2018, Nru 1, p. 42, li madankollu jenfasizza l-fatt li l-limitazzjoni rationae temporis imposta bl-Artikolu 929(2) taż-ZPO, ma hijiex ibbażata fuq il-proċedura ta’ eżekuzzjoni nnifisha, iżda fuq il-proċedura ta’ urġenza li twassal għall-eżekuzzjoni.

( 20 ) Ara, f’dan is-sens, taħt is-sistema tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, is-sentenza tal‑4 ta’ Frar 1988, Hoffmann (145/86, EU:C:1988:61, punt 11). F’dak li jirrigwarda r-Regolament Nru 44/2001, ara s-sentenzi tat‑28 ta’ April 2009, Apostolides (C‑420/07, EU:C:2009:271, punt 66); tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Prism Investments (C‑139/10, EU:C:2011:653, punt 40), u tal‑15 ta’ Novembru 2012, Gothaer Allgemeine Versicherung et (C‑456/11, EU:C:2012:719, punt 34).

( 21 ) Ara, f’dan is-sens, Miguel Asensio, P.A., “Recognition and Enforcement of Judgments in Intellectual Property Litigation: the Clip Principles”, f’Basedow, J., Kono, T., u Metzger, A. (taħt id-direzzjoni ta’), Intellectual Property in the Global Arena – Jurisdiction, Applicable Law, and the Recognition of Judgments in Europe, Japan and the US, Mohr Siebeck, Tübingen, 2010, p. 251; Requejo Isidro, M., “The Enforcement of Monetary Final Judgments Under the Brussels Ibis Regulation (A Critical Assessment”, f’V. Lazić, Stuij S. (taħt id-direzzjoni ta’), Brussels Ibis Regulation: Changes and Challenges of the Renewed Procedural, Springer, Den Haag, 2017, p. 88.

( 22 ) Sentenza tas‑26 ta’ April 2012, Health Service Executive (C‑92/12 PPU, EU:C:2012:255, punti 141143).

( 23 ) Regolament tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r‑rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243).

( 24 ) Ara s-sentenzi tat‑28 ta’ April 2009, Apostolides (C-420/07, EU:C:2009:271, punt 66), u tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Prism Investments (C-139/10, EU:C:2011:653, punt 40). Għandu jiġi rrilevat li din il-limitazzjoni fir-rigward tal-effetti mogħtija lil sentenza barranija ġiet introdotta mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha ħafna iktar tard mill-ewwel limitazzjoni, relatata mad-duttrina tal-estensjoni tal‑effetti, li kienet diġà ġiet stabbilita bis-sentenza tal‑4 ta’ Frar 1988, Hoffmann (145/86, EU:C:1988:61, punt 11). Nosserva li, fil-konklużjonijiet tiegħu ppreżentati fil-kawża li wasslet għal dik is-sentenza, l-Avukat Ġenerali Darmon kien ikkunsidra wkoll din it-tieni limitazzjoni. Huwa qies li din il-limitazzjoni kienet spjegata bil-ħtieġa li jiġu armonizzati l-interpretazzjonijiet u x-xewqa li ma jkunx hemm użu eċċessiv tal-klawżola ta’ ordni pubbliku. Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Darmon fil-kawża Hoffmann (145/86, mhux ippubblikati, EU:C:1987:358, punt 20). Madankollu, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma humiex riflessi fis-sentenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja.

( 25 ) Ara l-pubblikazzjonijiet ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21.

( 26 ) Qabel xejn, jista’ jkun li l-adozzjoni ta’ tieni sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju fl-Istat Membru ta’ oriġini twassal għall-annullament tas-sentenza preċedenti. B’hekk, fis-sitwazzjoni li fiha kreditur ikun preċedentement iffriża assi tad-debitur li jinsabu fl-Istat Membru ta’ oriġini abbażi ta’ din is-sentenza, l-adozzjoni ta’ tieni sentenza tkun tista’ tannulla l-effetti ta’ dan l-iffriżar.

( 27 ) Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet proċedurali li jirregolaw il-portata tal-istħarriġ imwettaq mill-Qorti tal-Kassazzjoni, ara s-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 1983, Duijnstee (288/82, EU:C:1983:326, punti 1314). Fir-rigward tar-regoli proċedurali relatati mal-ammissibbiltà tat-talbiet, ara s-sentenza tal‑15 ta’ Mejju 1990, Hagen (C‑365/88, EU:C:1990:203, punti 2122).

( 28 ) Ara s-sentenzi tat‑3 ta’ Ottubru 1985, Capelloni u Aquilini (119/84, EU:C:1985:388, punt 21), u tal‑4 ta’ Frar 1988, Hoffmann (145/86, EU:C:1988:61, punt 29).

( 29 ) Sentenza tat‑28 ta’ April 2009, Apostolides (C‑420/07, EU:C:2009:271, punt 69).

( 30 ) Ara s-sentenza tas‑27 ta’ April 2004, Turner (C‑159/02, EU:C:2004:228, punti 2930).

( 31 ) Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Frar 2009, Allianz u Generali Assicurazioni Generali (C‑185/07, EU:C:2009:69, punt 31).

( 32 ) Skont l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 44/2001, il-miżuri provviżorji jew kawtelatorji previsti mil-liġi ta’ Stat Membru jistgħu jintalbu lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ dan l-Istat, anki jekk, skont dan ir-regolament, qorti ta’ Stat Membru ieħor ikollha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-mertu.

( 33 ) Fi kwalunkwe każ, din hija talba ġdida, ibbażata fuq iċ-ċirkustanzi attwali u eżaminata mill-ġdid mill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru ieħor. Barra minn hekk, huma biss il‑miżuri previsti bil-liġi ta’ dan l-Istat Membru li jistgħu jintalbu. Barra minn hekk, il-kreditur huwa obbligat isegwi l-proċedura stabbilita mid-dritt ta’ dan l-Istat Membru. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, skont l-Istati Membri kontraenti tal‑Konvenzjoni ta’ Brussell, ir-regoli li jorganizzaw il-proċeduri nazzjonali għal miżuri provviżorji jistgħu jvarjaw iktar minn dawk li jorganizzaw il-proċeduri fuq il-mertu. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2002, Italian Leather (C‑80/00, EU:C:2002:342, punt 42).

( 34 ) Ara l-punti 33 sa 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 35 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar il‑ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l‑aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (ĠU 2012, L 201, p. 107).

( 36 ) Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2018, Mahnkopf (C‑558/16, EU:C:2018:138). Ara, ukoll, il-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil-kawża Mahnkopf (C‑558/16, EU:C:2017:965, punti 101102). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2017, Kubicka (C‑218/16, EU:C:2017:755, punt 56).

( 37 ) Qabel xejn, fid-duttrina ġie sostnut li r-riferiment għall-“istess kondizzjonijiet”, fl‑Artikolu 41(1) ta’ dan ir-regolament, ma jkoprix biss ir-rwol tal-lexi fori, iżda jistabbilixxi wkoll il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni tas-sentenzi barranin. Ara, f’dan is-sens, Grzegorczyk, P., “Wykonywanie w Polsce orzeczeń pochodzących z państw członkowskich Unii Europejskiej objętych reżimem automatycznej wykonalności”, f’Marciniak, A. (taħt id-direzzjoni ta’), Egzekucja sądowa w świetle przepisów z zakresu międzynarodowego postępowania cywilnego, Currenda, Sopot, 2015, p. 142. Barra minn hekk, riferiment għall-“istess kondizzjonijiet” jinsab ukoll fl-Artikolu 47(2) tar-Regolament Nru 2201/2003. Fis-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, Povse (C‑211/10 PPU, EU:C:2010:400), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li dan ir‑riferiment kellu jiġi interpretat b’mod ristrett. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dan ir-riferiment għandu jkopri biss il-modalitajiet proċedurali li skonthom l-eżekuzzjoni għandha sseħħ. Barra minn hekk, dan ir-riferiment ma jista’ fl-ebda każ jipprovdi motiv sostantiv sabiex jopponi għad-deċiżjoni inkwistjoni minħabba l-fatt li ċ-ċirkustanzi nbidlu wara l-adozzjoni tagħha. Ir-raġuni msemmija kienet għalhekk ibbażata fuq l‑istess loġika bħall-Artikolu 929(2) taż-ZPO, jiġifieri, skont il-qorti tar-rinviju u l‑Gvern Ġermaniż, li tiġi prekluża l-eżekuzzjoni minħabba bidla potenzjali taċ‑ċirkustanzi.

( 38 ) Ara, f’dan is-sens, Cuniberti, G., Rueda, I., “European Commentaries on Private International Law”, Vol. I, Brussels Ibis Regulation, Magnus, U., u Mankowski, P. (taħt id-direzzjoni ta’), Otto Schmidt, Köln, 2016, p. 846; Hartley, T., Civil Jurisdiction and Judgments in Europe. The Brussels I Regulation, the Lugano Convention, and the Hague Choice of Court Convention, Oxford University Press, Oxford, 2017, p. 302; Kramer, X., “Cross-Border Enforcement and the Brussels I‑bis Regulation: Towards a New Balance between Mutual Trust and National Control over Fundamental Rights”, Netherlands International Law Review, 2013, Nru 60(3), p. 360; Nuyts, A., “La refonte du règlement Bruxelles I”, Revue critique de droit international privé, 2013, Nru°1, p. 1. et seq., punt 15.

( 39 ) Kramer, X., op. cit., p. 360.

( 40 ) Ara l-punti 73 sa 77 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 41 ) Ara l-punti 33 sa 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 42 ) Ara l-punti 75 sa 77 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

Top