Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016TN0726

Kawża T-726/16: Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Ottubru 2016 – VFP vs Il-Kummissjoni

ĠU C 462, 12.12.2016, pp. 33–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 462/33


Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Ottubru 2016 – VFP vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-726/16)

(2016/C 462/43)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Vlaamse Federatie van Persverkopers VZW (VFP) (Antwerpen, il-Belġju) (rappreżentanti: P. de Bandt, J. Dewispelaere u J. Probst, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tiddikjara r-rikors ammissibbli;

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-3 ta’ Ġunju 2016, Għajnuna mill-Istat SA.42366 (2016/N) – il-Belġju – għajnuna mill-Istat sabiex bpost tipprovdi servizzi pubbliċi matul il-perijodu 2016-2020 (1);

tirreferi l-każ lura lill-Kummissjoni għal iktar investigazzjoni u għal deċiżjoni ġdida;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tar-rikorrenti; u

tieħu azzjonijiet oħra jew azzjonijiet addizzjonali hekk kif jista’ jkun meħtieġ.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv uniku li huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea kisret id-drittijiet proċedurali tagħha billi adottat id-deċiżjoni kkontestata u ma fetħietx il-proċedura formali prevista mill-Artikolu 108(2) TFUE.

F’dan il-motiv uniku huwa spjegat li, sa fejn il-Kummissjoni ltaqgħet ma’ diffikultajiet serji fir-rigward tal-kompatibbiltà eventwali mas-suq intern tal-kumpens għal dan is-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali (“SGEI”) ta’ distribuzzjoni tal-istampa, hija kellha l-obbligu skont il-liġi li tadotta d-deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Dan il-motiv uniku huwa maqsum f’erba’ partijiet. B’mod partikolari, qed jiġi argumentat li l-eżistenza tad-diffikultajiet serji jirriżultaw minn serje ta’ indizji konsistenti rigward (i) it-tul tal-eżami preliminari u taċ-ċirkustanzi speċjali li taħthom ingħatat l-għajnuna (l-ewwel parti), (ii) il-fatt li l-analiżi tal-Kummissjoni tal-kwalifika tad-distribuzzjoni ta’ gazzetti u ta’ perjodiċi rikonoxxuti bħala SGEI ma huwiex biżżejjed (it-tieni parti), (iii) il-fatt li l-analiżi tal-Kummissjoni tal-benefiċjarji tad-distribuzzjoni tal-istampa ma hijiex kompluta (it-tielet parti) u (iv) il-fatt li l-analiżi tal-Kummissjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni u tal-iżvilupp tal-kummerċ hija inkompleta u insuffiċjenti (ir-raba’ parti).


(1)  GU 2016, C341, p. 5.


Top