Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CN0430

    Kawża C-430/16 P: Appell ippreżentat fit-2 ta’ Awwissu 2016 minn Bank Mellat mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fit-2 ta’ Ġunju 2016 fil-Kawża T-160/13, Bank Mellat vs Il-Kunsill

    ĠU C 371, 10.10.2016, p. 7–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    10.10.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 371/7


    Appell ippreżentat fit-2 ta’ Awwissu 2016 minn Bank Mellat mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fit-2 ta’ Ġunju 2016 fil-Kawża T-160/13, Bank Mellat vs Il-Kunsill

    (Kawża C-430/16 P)

    (2016/C 371/09)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Appellant: Bank Mellat (rappreżentanti: S. Zaiwalla, P. Reddy, Z. Burbeza, Solicitors, M. Brindle QC, R. Blakeley, J. MacLeod, Barristers)

    Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq

    Talbiet

    tannulla s-sentenza;

    tannulla l-Artikolu 1(15) tar-Regolament Nru 1263/2012 (1) kollu kemm hu jew sa fejn japplika għar-rikorrent;

    tiddikjara li l-Artikolu 1(6) tad-Deċiżjoni 2012/635/PESK (2) ma huwiex applikabbli għar-rikorrent;

    tikkundanna lill-Kunsill ibati l-ispejjeż tal-appell u tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    1.

    Ir-rikorrent, Bank Mellat (iktar ’il quddiem il-“Bank”), jappella mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla), tat-2 ta’ Ġunju 2016, fil-Kawża T-160/13, Bank Mellat vs Il-Kunsill (iktar ’il quddiem is-“sentenza”). Fil-qosor, il-Bank isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ma laqgħetx ir-rikors tagħha intiż sabiex diversi dispożizzjonijiet li jikkostitwixxu “embargo finanzjarju” fuq il-Bank jiġu annullati jew iddikjarati inapplikabbli fil-konfront tagħha, jiġifieri:

    1)

    l-Artikolu 1(15) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1263/2012;

    2)

    l-Artikolu 1(6) tad-Deċiżjoni 2012/635/PESK.

    2.

    B’mod partikolari, il-Bank identifika tliet aggravji li jirrigwardaw żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-fondatezza tar-rikors tal-Bank:

    1)

    il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tar-rekwiżit ta’ “ħtieġa” fl-Artikolu 215 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem it-“TFUE”) (l-ewwel aggravju);

    2)

    il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkonstatat li l-embargo finanzjarju kien proporzjonat, u dan wassal għal numru ta’ żbalji ta’ liġi speċifiċi oħra (it-tieni aggravju);

    3)

    il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ddikjarat li l-embargo finanzjarju kien konformi mal-prinċipji ġenerali l-oħra tad-dritt tal-Unjoni Ewropea (it-tielet aggravju).

    3.

    Il-Bank identifika wkoll żewġ aggravji wiesgħa li jirrigwardaw żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-ammissibbiltà ta’ partijiet mir-rikors tal-Bank:

    1)

    il-Qorti Ġenerali żbaljat meta sseparat elementi tal-embargo finanzjarju u ddikjarat ir-rikors tal-Bank fir-rigward tagħhom inammissibli (ir-raba’ aggravju);

    2)

    il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkonstatat b’mod partikolari li ma kellhiex ġurisdizzjoni, abbażi tal-Artikolu 275 TFUE, sabiex tiddetermina l-kontestazzjoni mill-Bank tal-Artikolu 1(6) tad-Deċiżjoni 2012/635/PESK (il-ħames aggravju).

    4.

    Il-Bank jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tannulla s-sentenza u tilqa’ t-talbiet tagħha.


    (1)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1263/2012, tal-21 ta’ Diċembru 2012, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2012, L 356, p. 34).

    (2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/635/PESK, tal-15 ta’ Ottubru 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2012, L 282, p. 58).


    Top