EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0488

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-6 ta’ Settembru 2018.
Bundesverband Souvenir - Geschenke - Ehrenpreise eV vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO).
Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark verbali NEUSCHWANSTEIN – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Artikolu 7(1)(b) u (c) – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Karattru deskrittiv – Indikazzjoni ta’ oriġini ġeografika – Karattru distintiv – Artikolu 52(1)(b) – Mala fide.
Kawża C-488/16 P.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:673

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

6 ta’ Settembru 2018 ( *1 )

“Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark verbali NEUSCHWANSTEIN – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Artikolu 7(1)(b) u (c) – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Karattru deskrittiv – Indikazzjoni ta’ oriġini ġeografika – Karattru distintiv – Artikolu 52(1)(b) – Mala fide

Fil-Kawża C‑488/16 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-13 ta’ Settembru 2016,

Bundesverband SouvenirGeschenkeEhrenpreise eV, stabbilita f’Veitsbronn (il-Ġermanja), irrappreżentata minn B. Bittner, Rechtsanwalt,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża huma:

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn D. Botis, A. Schifko u D. Walicka, bħala aġenti,

konvenut fl-ewwel istanza,

Freistaat Bayern, irrappreżentat minn M. Müller, Rechtsanwalt,

intervenjent fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President ta’ Awla, E. Levits, A. Borg Barthet (Relatur), M. Berger u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Novembru 2017,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Jannar 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, Bundesverband Souvenir – Geschenke – Ehrenpreise eV qiegħda titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-5 ta’ Lulju 2016, Bundesverband Souvenir – Geschenke – Ehrenpreise vs EUIPO – Freistaat Bayern (NEUSCHWANSTEIN) (T-167/15, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2016:391), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tat-22 ta’ Jannar 2015 (Każ R 28/2014-5), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn l-appellanti u Freistaat Bayern (l-Istat Ħieles ta’ Bayern, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

Il-kuntest ġuridiku

2

L-Artikolu 7, intitolat “Raġunijiet assoluti għal rifjut”, tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] (ĠU 2009, L 78, p. 1), jipprevedi, fil-paragrafu 1(b) u (c) tiegħu:

“Dawn li ġejjin ma jistgħux jiġu rreġistrati:

[…]

(b)

trade marks li mhumiex ta’ karattru distintiv;

(c)

trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ingħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi;

[…]”

3

L-Artikolu 52, intitolat “Raġunijiet assoluti ta’ invalidità”, ta’ dan ir-regolament jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Trade mark [tal-Unjoni Ewropea] għandha tiġi ddikjarata bħala invalida wara applikazzjoni lill-Uffiċċju jew fuq il-bażi ta’ kontrotalba fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni,

(a)

meta t-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] tkun ġiet irreġistrata kuntrarju tad-disposizzjonijiet tal-Artikolu 7;

(b)

meta l-applikant jkun aġixxa morożament [in mala fide] meta jkun ippreżenta l-applikazzjoni għat-trade mark.”

Il-fatti li wasslu għat-tilwima

4

Fit-22 ta’ Lulju 2011, l-Istat Ħieles ta’ Bayern ippreżenta applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea quddiem l-EUIPO, skont r-Regolament Nru 207/2009.

5

It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali “NEUSCHWANSTEIN” (iktar ’il quddiem it-“trade mark ikkontestata”).

6

Il-prodotti u s-servizzi li fir-rigward tagħhom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 3, 8, 14 sa 16, 18, 21, 25, 28, 30, 32 sa 36, 38 u 44 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti:

klassi 3: “Oġġetti ta’ fwieħa, oġġetti għall-kura tal-ġisem u tas-sbuħija”;

klassi 8: “Skieken, frieket u mgħaref ta’ metall prezzjuż”;

klassi 14: “Oġġetti ta’ ġojjellerija; arloġġi u arloġġi tal-idejn”;

klassi 15: “Strumenti mużikali; kaxxi mużikali; strumenti mużikali elettriċi u elettroniċi”;

klassi 16: “Karta għal ittri u karti għat-teħid ta’ noti; lapsijiet u inka”;

klassi 18: “Ġilda u imitazzjoni tal-ġilda; umbrelel; basktijiet għall-ivvjaġġar; basktijiet li jinżammu fl-idejn; koperturi għal kostumi; basktijiet; basket għal dokumenti; basktijiet għal oġġetti ta’ iġjene personali (mingħajr dawn l-oġġetti); basktijiet żgħar għal oġġetti ta’ iġjene”;

klassi 21: “Oġġetti tal-ħġieg, tal-porċellana u tal-fajjenza li ma humiex inklużi fi klassijiet oħra, kontenituri fejn jitħejja t-te li ma humiex magħmula minn metalli prezzjużi”;

klassi 25: “Ħwejjeġ; żrabejn; kpiepel; artikli li jżommu l-kalzetti f’posthom; ċinturini; ċingi”;

klassi 28: “Logħob, ġugarelli; logħob ta’ fuq il-mejda”;

klassi 30: “Kafè; te; kawkaw; zokkor; għasel; xogħol tal-għaġina; kejkijiet; gallettini; ħelu; ġelati; xogħol tal-ħelu; ħwawar”;

klassi 32: “Xorb mingħajr alkoħol; birer”;

klassi 33: “Xorb alkoħoliku, bl-eċċezzjoni tal-birer”;

klassi 34: “Sulfarini; kaxxetti għas-sigaretti, kontenituri għall-irmied tas-sigaretti, oġġetti magħmula minn metalli mhux prezzjużi għal min ipejjep; sigaretti; tabakk”;

klassi 35: “Servizzi ta’ aġenziji ta’ pubbliċità”;

klassi 36: “Assigurazzjonijiet; finanzi; affarijiet monetarji; affarijiet marbuta ma’ proprjetà immobbli”;

klassi 38: “Servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet u ta’ komunikazzjonijiet”;

klassi 44: “Servizzi ta’ kura tal-iġjene u tas-sbuħija għall-irġiel”.

7

L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata ġiet ippubblikata fil-Bulletin des marques communautaires Nru 166/2011, tat-2 ta’ Settembru 2011, u t-trade mark ikkontestata ġiet irreġistrata fit-12 ta’ Diċembru 2011 bin-numru 10144392.

8

Fl-10 ta’ Frar 2012, l-appellanti ppreżentat talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, skont l-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(b) u (c) tal-istess regolament, kontra t-trade mark ikkontestata għall-prodotti u għas-servizzi kollha msemmija fil-punt 6 iktar ’il fuq.

9

Fil-21 ta’ Ottubru 2013, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-EUIPO ċaħdet din it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità billi kkonkludiet li t-trade mark ikkontestata la kienet tikkonsisti f’indikazzjonijiet li setgħu jindikaw l-oriġini ġeografika, u lanqas f’karatteristiċi oħra inerenti għall-prodotti u għas-servizzi kkonċernati, u li għalhekk ma kienx hemm ksur tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009. Barra minn hekk, hija kkunsidrat li, peress li t-trade mark inkwistjoni kienet distintiva għall-prodotti u għas-servizzi kkonċernati, ma kienx hemm ksur tal-Artikolu 7(1)(b) ta’ dan ir-regolament. Fl-aħħar nett, hija kkunsidrat li l-appellanti ma kinitx ipprovdiet prova li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata kienet saret b’mala fide u li għalhekk ma kienx hemm ksur tal-Artikolu 52(1)(b) tal-imsemmi regolament.

10

Fl-20 ta’ Diċembru 2013, l-appellanti ppreżentat appell quddiem l-EUIPO, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

11

Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO kkonferma d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u ċaħad l-appell tal-appellanti.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

12

B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ April 2015, l-appellanti ppreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

13

Insostenn tar-rikors tagħha, hija invokat tliet motivi, ibbażati fuq ksur, rispettivament, tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, tal-Artikolu 7(1)(c) ta’ dan ir-regolament u tal-Artikolu 52(1)(b) tal-imsemmi regolament.

14

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-tliet motivi invokati mill-appellanti u, għaldaqstant, ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu.

It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

15

Permezz tal-appell tagħha, l-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla r-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata, u

tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

16

L-EUIPO u l-Istat Ħieles ta’ Bayern jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

17

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka tliet aggravji bbażati fuq ksur, rispettivament, tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, tal-Artikolu 7(1)(b) tal-imsemmi regolament kif ukoll tal-Artikolu 52(1)(b) ta’ dan l-istess regolament.

Fuq l-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

18

Permezz tal-ewwel aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 meta ddeċidiet li t-trade mark ikkontestata ma kinitx deskrittiva tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati. Dan l-aggravju huwa essenzjalment maqsum f’żewġ partijiet.

19

Permezz tal-ewwel parti, l-appellanti tikkontesta ċerti evalwazzjonijiet li l-Qorti Ġenerali għamlet fil-punti 22, 26 u 27 tas-sentenza appellata.

20

B’hekk, fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali allegatament żbaljat meta qieset, fil-punt 22 tas-sentenza appellata, li, fir-rigward ta’ ċerti prodotti li jaqgħu fil-klassi 14, il-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti huwa ogħla. Skont l-appellanti, minkejja li din il-klassi ta’ prodotti tinkludi parzjalment prodotti għoljin, xorta waħda ma hemmx lok li jitqies, b’mod ġenerali, li l-livell ta’ attenzjoni ser ikun ogħla fir-rigward tagħhom, u dan sa fejn oġġetti ta’ ġojjellerija u arloġġi jistgħu jiġu proposti wkoll bi prezzijiet raġonevoli ħafna.

21

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali allegatament żbaljat meta qieset, fil-punt 26 tas-sentenza appellata, li l-isem “Neuschwanstein”, li litteralment ifisser il-“ġebla l-ġdida taċ-ċinju”, huwa isem fittizju u oriġinali li madankollu ma jippermettix lill-pubbliku rilevanti jistabbilixxi rabta mal-kategoriji ta’ prodotti u ta’ servizzi kkonċernati. Skont l-appellanti, din il-konstatazzjoni timplika analiżi tal-isem “Neuschwanstein” li ma titwettaqx mill-pubbliku rilevanti.

22

Fit-tielet lok, l-appellanti ssostni li l-punt 27 tas-sentenza appellata jinkludi kontradizzjoni sa fejn il-Qorti Ġenerali tammetti, minn naħa, li l-kastell ta’ Neuschwanstein jista’ jiġi llokalizzat minn perspettiva ġeografika, filwaqt li ssostni, min-naħa l-oħra, li ma jistax jitqies li huwa post ġeografiku.

23

Fir-raba’ u l-aħħar lok, l-appellanti tqis li l-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punt 27 tas-sentenza appellata, fis-sens li l-kastell ta’ Neuschwanstein huwa qabel kollox mużew, ma hijiex preċiża. Fil-fatt, l-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali allegatament tikkontradixxi ruħha sa fejn tindika, f’dan l-istess punt, li dan il-kastell huwa magħruf għall-arkitettura unika tiegħu, li ma huwiex il-każ għal mużew. It-tieni nett, skont l-appellanti, il-pubbliku rilevanti jipperċepixxi l-imsemmi kastell bħala bini li l-aspett partikolari tiegħu huwa marbut ukoll mas-sitwazzjoni ġeografika tiegħu u mhux bħala mużew. Fl-aħħar nett, l-importanza ta’ mużew tiġi evalwata fid-dawl tal-oġġetti li jkunu esposti fih. Issa, il-pubbliku jżur dan l-istess kastell sabiex jammira l-arkitettura unika tiegħu u mhux l-oġġetti li huma esposti fih.

24

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li naqset milli tosserva l-interess ġenerali li fuqu huwa bbażat l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 kif ukoll il-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenza tal-4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee (C‑108/97 u C‑109/97, EU:C:1999:230), meta ddeċidiet, fil-punt 27 tas-sentenza appellata, li peress li l-kastell ta’ Neuschwanstein ma huwiex post ta’ produzzjoni ta’ prodotti jew ta’ provvista ta’ servizzi bħala tali, it-trade mark ikkontestata ma setgħetx tkun indikattiva tal-oriġini ġeografika tal-prodotti u tas-servizzi koperti minnha.

25

Fil-fatt, skont l-appellanti, mis-sentenza tal-4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee (C‑108/97 u C‑109/97, EU:C:1999:230), jirriżulta li, fir-rigward tal-ismijiet ġeografiċi, jeżisti interess ġenerali li tkun ippreżervata d-disponibbiltà tagħhom b’mod partikolari minħabba l-kapaċità tagħhom li jinfluwenzaw il-preferenzi tal-konsumaturi, pereżempju billi jorbtu l-prodotti ma’ post li jista’ jqajjem sentimenti pożittivi. Skont l-appellanti, tali sentimenti pożittivi jistgħu jitqajmu b’mod partikolari permezz ta’ memorji ta’ btajjel, b’tali mod li l-pubbliku rilevanti jistabbilixxi rabta bejn il-prodotti u s-servizzi kkonċernati u l-post turistiku tal-kastell ta’ Neuschwanstein, u mhux bejn dawn il-prodotti u servizzi u impriża partikolari.

26

Dejjem skont l-appellanti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, fil-punt 37 tas-sentenza tal-4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee (C‑108/97 u C‑109/97, EU:C:1999:230), li r-rabta bejn prodott u post ġeografiku ma tiddependix neċessarjament mill-fabbrikazzjoni ta’ dan il-prodott f’dan il-post. Fil-każ ta’ ta’ suveniers, il-post ta’ kummerċjalizzazzjoni huwa determinanti għall-pubbliku rilevanti peress li tali oġġetti huma kkummerċjalizzati kważi esklużivament fil-madwar immedjat tas-sit turistiku kkonċernat. Għaldaqstant, il-post ta’ kummerċjalizzazzjoni għandu jitqies ukoll li huwa indikazzjoni ta’ oriġini ġeografika.

27

Barra minn hekk, l-appellanti ssostni li, billi bbażat ruħha, fil-punt 29 tas-sentenza appellata, esklużivament fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-imsemmija prodotti u servizzi mill-operatur tal-kastell stess, il-Qorti Ġenerali naqset milli tosserva l-interess ġenerali li jikkonsisti f’li tiġi ggarantita d-disponibbiltà tal-isem ta’ sit turistiku magħruf mad-dinja kollha fir-rigward ta’ suveniers.

28

L-EUIPO u l-Istat Ħieles ta’ Bayern iqisu, prinċipalment, li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. Fi kwalunkwe każ, huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod korrett il-ġurisprudenza rilevanti u l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

29

Fir-rigward tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 256 TFUE u mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell huwa limitat għal punti ta’ liġi. Il-Qorti Ġenerali għandha kompetenza esklużiva sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll sabiex tevalwa l-provi. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u ta’ dawn il-provi ma hijiex, ħlief fil-każ tal-iżnaturament tagħhom, punt ta’ liġi li huwa suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-2 ta’ Settembru 2010, Calvin Klein Trademark Trust vs UASI, C‑254/09 P, EU:C:2010:488, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

Issa, il-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 22, 26 u 27 tas-sentenza appellata, fis-sens li l-pubbliku rilevanti jagħti livell ta’ attenzjoni ogħla għall-prodotti u għas-servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 14 u 36, fis-sens li l-isem “Neuschwanstein” huwa isem fittizju u oriġinali, fis-sens li l-kastell li għandu dan l-isem ma jistax jitqies li huwa post ġeografiku u fis-sens li l-kastell huwa prinċipalment mużew, jikkostitwixxu tali evalwazzjonijiet fattwali.

31

Għandu jiġi kkonstatat li, permezz tal-argumenti li tressaq insostenn tal-ewwel parti, l-appellanti qiegħda sempliċement tikkontesta l-imsemmija evalwazzjonijiet fattwali mwettqa mill-Qorti Ġenerali u qiegħda fil-verità tipprova tikseb evalwazzjoni ġdida ta’ dawn il-fatti min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr madankollu ma qiegħda tallega xi tip ta’ żnaturament tagħhom.

32

Minn dan isegwi li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

33

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti ssostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali naqset milli tosserva l-interess ġenerali li fuqu huwa bbażat l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 kif ukoll is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee (C‑108/97 u C‑109/97, EU:C:1999:230), meta ddeċidiet, fil-punt 27 tas-sentenza appellata, li, peress li l-kastell ta’ Neuschwanstein ma huwiex post ta’ produzzjoni ta’ prodotti jew ta’ provvista ta’ servizzi bħala tali, it-trade mark ikkontestata ma tistax tkun indikattiva tal-oriġini ġeografika tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati.

34

Għaldaqstant, permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti qiegħda tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma kklassifikatx l-isem “Neuschwanstein” bħala indikazzjoni ta’ oriġini ġeografika tal-prodotti u tas-servizzi koperti mit-trade mark ikkontestata, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, b’tali mod li l-imsemmija parti tqajjem punt ta’ liġi, li huwa ammissibbli fil-kuntest ta’ appell.

35

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprojbixxi r-reġistrazzjoni ta’ trade marks tal-Unjoni Ewropea li jkunu kkostitwiti esklużivament minn sinjali jew minn indikazzjonijiet li jistgħu jservu, fil-kummerċ, sabiex tiġi indikata l-oriġini ġeografika tal-prodott jew tas-servizz li fir-rigward tagħhom tkun saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

36

Skont ġurisprudenza stabbilita, din id-dispożizzjoni għandha għan ta’ interess ġenerali, li jeżiġi li s-sinjali jew l-indikazzjonijiet deskrittivi tal-kategoriji ta’ prodotti jew ta’ servizzi li fir-rigward tagħhom tkun saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandhom ikunu jistgħu jintużaw b’mod liberu minn kulħadd, inklużi bħala trade marks kollettivi jew fi trade marks kumplessi jew grafiċi. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tipprekludi li tali sinjali jew indikazzjonijiet jiġu rriżervati għal impriża waħda minħabba r-reġistrazzjoni tagħhom bħala trade mark (sentenzi tal-4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee, C‑108/97 u C‑109/97, EU:C:1999:230, punt 25, kif ukoll tal-10 ta’ Lulju 2014, BSH vs UASI, C‑126/13 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2065, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, ta’ sinjali jew ta’ indikazzjonijiet li jistgħu jservu sabiex tiġi indikata l-oriġini ġeografika tal-kategoriji ta’ prodotti li fir-rigward tagħhom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala trade mark, b’mod partikolari l-ismijiet ġeografiċi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hemm interess ġenerali li tiġi ppreżervata d-disponibbiltà tagħhom b’mod partikolari minħabba l-kapaċità tagħhom mhux biss li eventwalment juru l-kwalità u karatteristiċi oħra tal-kategoriji tal-prodotti kkonċernati, iżda wkoll li jinfluwenzaw b’modi differenti l-preferenzi tal-konsumaturi, pereżempju billi jorbtu l-prodotti ma’ post li jista’ jqajjem sentimenti pożittivi (sentenza tal-4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee, C‑108/97 u C‑109/97, EU:C:1999:230, punt 26).

38

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li r-reġistrazzjoni ta’ sinjal tista’ tiġi rrifjutata fuq il-bażi tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 fil-każ biss li l-isem ġeografiku li għalih tkun saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala trade mark jindika post li, fil-mument tal-applikazzjoni, ikollu, f’għajnejn il-kategorija ta’ persuni kkonċernati, rabta mal-kategorija ta’ prodotti kkonċernati jew jekk ikun raġonevoli li jitqies li tali rabta tista’ tiġi stabbilita fil-futur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee, C‑108/97 u C‑109/97, EU:C:1999:230, punt 31, kif ukoll tat-12 ta’ Frar 2004, Koninklijke KPN Nederland, C‑363/99, EU:C:2004:86, punt 56).

39

Madankollu, għandu jiġi osservat li, bħala prinċipju, l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 ma jipprekludix ir-reġistrazzjoni ta’ ismijiet ġeografiċi li ma jkunux magħrufa mill-kategorija ta’ persuni kkonċernati jew, minn tal-inqas, li ma jkunux magħrufa bħala isem ta’ post ġeografiku jew inkella ta’ ismijiet li fir-rigward tagħhom, minħabba l-karatteristiċi tal-post identifikat, ma huwiex verosimili li l-kategorija ta’ persuna kkonċernati tista’ tqis li l-kategorija ta’ prodotti kkonċernata toriġina minn dan il-post (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee, C‑108/97 u C‑109/97, EU:C:1999:230, punt 33).

40

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali essenzjalment iddeċidiet, fil-punt 27 tas-sentenza appellata, li l-kastell ta’ Neuschwanstein huwa qabel kollox mużew, li l-funzjoni prinċipali tiegħu ma hijiex il-fabbrikazzjoni jew il-kummerċjalizzazzjoni ta’ suveniers jew il-provvista ta’ servizzi, iżda l-konservazzjoni tal-patrimonju u li dan il-kastell ma huwiex magħruf għas-suveniers li jbigħ jew għas-servizzi li joffri. Minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet li, peress li l-imsemmi kastell ma huwiex post ta’ produzzjoni ta’ prodotti jew ta’ provvista ta’ servizzi bħala tali, it-trade mark ikkontestata ma tistax tkun indikattiva tal-oriġini ġeografika tal-prodotti u tas-servizzi koperti minnha. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tivverifika jekk, kif qiegħda ssostni l-appellanti, din l-evalwazzjoni tirriżultax minn nuqqas ta’ osservanza tal-interess ġenerali li fuqu huwa bbażat l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009.

41

Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat l-argument tal-appellanti fis-sens li l-isem “Neuschwanstein” huwa deskrittiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, sa fejn il-memorja li għaliha jirreferi dan l-isem tirrifletti kwalità jew karatteristika essenzjali tal-prodotti u tas-servizzi koperti mit-trade mark ikkontestata ta’ natura li tippermetti lill-pubbliku rilevanti jistabbilixxi rabta bejn dawn il-prodotti u dawn is-servizzi u l-kastell ta’ Neuschwanstein.

42

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 39 tal-konklużjonijiet tiegħu, li ebda waħda mill-klassijiet fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice ma tikkonċerna “suveniers”. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kellha raġun meta qieset, kif jirriżulta mill-punti 22 u 27 tas-sentenza appellata, li l-prodotti koperti mit-trade mark ikkontestata huma prodotti ta’ konsum normali u li s-servizzi kkonċernati huma prestazzjonijiet tal-ħajja ta’ kuljum li jippermettu l-ġestjoni u l-operat tal-kastell.

43

Barra minn hekk, mill-proċess ma jirriżultax li l-imsemmija prodotti u servizzi intiżi għal użu ta’ kuljum għandhom karatteristiċi partikolari jew kwalitajiet speċifiċi li għalihom il-kastell ta’ Neuschwanstein huwa tradizzjonalment magħruf u li fir-rigward tagħhom huwa verosimili li l-pubbliku rilevanti jista’ jqis li ġejjin minn dan il-post jew li huma ffabbrikati jew ipprovduti hemmhekk.

44

B’mod partikolari, fir-rigward tal-prodotti koperti mit-trade mark ikkontestata, għandu jiġi enfasizzat li l-fatt li dawn jinbiegħu bħala suveniers ma huwiex rilevanti sabiex jiġi evalwat il-karattru deskrittiv tal-isem “Neuschwanstein”. Fil-fatt, il-funzjoni ta’ suvenier attribwita lil prodott ma tikkostitwixxix karatteristika oġġettiva u inerenti għan-natura tal-prodott peress li din il-funzjoni tiddependi mir-rieda ħielsa tax-xerrej u tiddependi biss mill-intenzjonijiet tiegħu.

45

Sa fejn l-isem “Neuschwanstein” jidentifika l-kastell b’dan l-isem, għandu jitqies li s-sempliċi tqegħid ta’ dan l-isem, b’mod partikolari fuq il-prodotti kkonċernati, jippermetti lill-pubbliku rilevanti jqis li dawn il-prodotti, ta’ konsum normali, huma wkoll suveniers. Il-fatt li dawn jikkostitwixxu suveniers bis-sempliċi tqegħid ta’ dan l-isem ma jikkostitwixxix, fih innifsu, karatteristika essenzjali deskrittiva tal-imsemmija prodotti.

46

Għaldaqstant, ma huwiex raġonevoli li jitqies li, f’għajnejn il-pubbliku rilevanti, il-memorja li għaliha jirreferi l-isem “Neuschwanstein” tirrifletti kwalità jew karatteristika essenzjali tal-prodotti u tas-servizzi koperti mit-trade mark ikkontestata.

47

Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat l-argument tal-appellanti fis-sens li l-isem “Neuschwanstein” huwa deskrittiv tal-oriġini ġeografika tal-prodotti u tas-servizzi koperti mit-trade mark ikkontestata sa fejn il-post ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn il-prodotti u servizzi għandu jitqies li huwa element ta’ rabta tagħhom mal-kastell ta’ Neuschwanstein.

48

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fis-sentenza tagħha tal-4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee (C‑108/97 u C‑109/97, EU:C:1999:230, punt 36), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għalkemm huwa minnu li l-indikazzjoni ta’ oriġini ġeografika ta’ prodott hija, fil-każijiet normali, l-indikazzjoni tal-post fejn dan il-prodott ġie ffabbrikat jew jista’ jiġi ffabbrikat, ma jistax jiġi eskluż li r-rabta bejn prodott u post ġeografiku tiddependi minn elementi ta’ rabta oħra, pereżempju mill-fatt li dan il-prodott ġie ppjanat u ddisinjat f’dan il-post ġeografiku.

49

Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma llimitatx l-elementi ta’ rabta għall-post ta’ fabbrikazzjoni tal-prodotti kkonċernati. Madankollu, kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan ma jimplikax neċessarjament li l-post ta’ kummerċjalizzazzjoni jista’ jservi bħala element ta’ rabta bejn il-prodotti u s-servizzi koperti mit-trade mark ikkontestata u l-post ikkonċernat, u dan anki għal oġġetti mibjugħa bħala suveniers.

50

Fil-fatt, is-sempliċi fatt li l-imsemmija prodotti u servizzi huma offruti f’post partikolari ma jistax jikkostitwixxi indikazzjoni deskrittiva tal-oriġini ġeografika tagħhom, sa fejn il-post ta’ bejgħ tal-imsemmija prodotti u servizzi ma jistax, bħala tali, jidentifika karatteristiċi, kwalitajiet jew partikolaritajiet speċifiċi marbuta mal-oriġini ġeografika tagħhom, bħalma huma artiġġjanat, tradizzjoni jew klima li jikkaratterizzaw post partikolari, kif osserva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tiegħu.

51

F’dan il-każ, kif qieset il-Qorti Ġenerali fil-punti 27 u 29 tas-sentenza appellata, il-kastell ta’ Neuschwanstein ma huwiex magħruf għas-suveniers li jbigħ jew għas-servizzi li joffri, iżda huwa magħruf għall-arkitettura unika tiegħu. Barra minn hekk, mill-proċess ma jirriżultax li t-trade mark ikkontestata tintuża sabiex jiġu kkummerċjalizzati suveniers speċifiċi u sabiex jiġu proposti servizzi partikolari li għalihom din it-trade mark hija tradizzjonalment magħrufa.

52

Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 41 tas-sentenza appellata, is-servizzi kollha koperti mit-trade mark ikkontestata ma humiex offruti direttament fuq is-sit tal-kastell ta’ Neuschwanstein. Fir-rigward tal-prodotti kkonċernati, kif tammetti l-appellanti stess fl-appell tagħha, ma huwiex eskluż li dawn jinbiegħu lil hinn mill-madwar ta’ dan il-kastell.

53

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex raġonevoli li jitqies li, f’għajnejn il-pubbliku rilevanti, il-post ta’ kummerċjalizzazzjoni, bħala tali, li għalih jirreferi l-isem “Neuschwanstein”, jikkostitwixxi deskrizzjoni ta’ kwalità jew ta’ karatteristika essenzjali tal-prodotti u tas-servizzi koperti mit-trade mark ikkontestata.

54

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 27 tas-sentenza appellata, li, peress li l-kastell ta’ Neuschwanstein ma huwiex post ta’ produzzjoni ta’ beni jew ta’ provvista ta’ servizzi bħala tali, it-trade mark ikkontestata ma setgħetx tkun indikattiva tal-oriġini ġeografika tal-prodotti u tas-servizzi koperti minnha.

55

Minn dan isegwi li t-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata u li l-ewwel aggravju għandu għalhekk jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq it-tieni aggravju

L-argumenti tal-partijiet

56

It-tieni aggravju huwa kkostitwit minn żewġ partijiet. Permezz tal-ewwel parti, l-appellanti ssostni, l-ewwel nett, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 sa fejn, sabiex tevalwa l-karattru distintiv tat-trade mark ikkontestata, affermat biss, fil-punti 41 u 42 tas-sentenza appellata, li s-sempliċi tqegħid tal-isem “Neuschwanstein” fuq il-prodotti u s-servizzi kkonċernati jippermetti li dawn jiġu distinti minn dawk mibjugħa jew ipprovduti f’żoni kummerċjali jew turistiċi oħra. Skont l-appellanti, din il-konstatazzjoni ma tippermettix li tinstilet konklużjoni fir-rigward tal-karattru distintiv tat-trade mark ikkontestata. Fil-fatt, oġġett li jkollu fuqu l-indikazzjoni “Munich” huwa neċessarjament distint minn oġġett li jkollu fuqu l-isem “Hamburg”, u dan sa fejn il-konsumaturi jistgħu jassumu li l-ewwel oġġett ġie ffabbrikat fi Munich u t-tieni wieħed f’Hamburg.

57

It-tieni nett, fil-punt 41 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tadotta, skont l-appellanti, raġunamenti ċirkolari meta ssostni li s-sinjal “NEUSCHWANSTEIN ” ma jidentifikax biss il-kastell ta’ Neuschwanstein fil-kwalità tiegħu ta’ mużew, iżda wkoll it-trade mark ikkontestata stess. B’hekk, il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali tantiċipa d-deċiżjoni dwar jekk l-imsemmi sinjal jistax jikkostitwixxi trade mark jew le.

58

Fl-aħħar nett, l-appellanti ssostni li l-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fil-punt 42 tas-sentenza appellata, fis-sens li t-trade mark ikkontestata tippermetti, taħt is-sinjal tagħha, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti jew il-provvista ta’ servizzi li l-Istat Ħieles ta’ Bayern jista’ jikkontrolla l-kwalità tagħhom, ma hijiex indizju tal-karattru distintiv tas-sinjal “NEUSCHWANSTEIN”, iżda hija konsegwenza tar-reġistrazzjoni tiegħu bħala trade mark.

59

Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kien imissha ħadet inkunsiderazzjoni, minn tal-inqas b’mod indikattiv, id-digriet tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) tat-8 ta’ Marzu 2012, li annulla r-reġistrazzjoni bħala trade mark nazzjonali tas-sinjal “NEUSCHWANSTEIN”.

60

L-EUIPO u l-Istat Ħieles ta’ Bayern iqisu li l-ewwel parti tat-tieni aggravju hija inammissibbli u li t-tieni parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

61

Fir-rigward tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, għandu jiġi osservat li, għalkemm il-formulazzjoni tal-appell ma hijiex ċara f’dan ir-rigward, mill-argumenti tal-appellanti jista’ jiġi dedott li din qiegħda ssostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali mmotivat b’mod insuffiċjenti l-evalwazzjoni tagħha tal-karattru distintiv tat-trade mark ikkontestata.

62

Meta takkuża lill-Qorti Ġenerali li mmotivat b’mod insuffiċjenti l-konstatazzjoni li t-trade mark ikkontestata għandha karattru distintiv, l-appellanti tqajjem punt ta’ liġi li jista’, bħala tali, jiġi invokat fil-kuntest ta’ appell (sentenza tal-5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI, C‑263/09 P, EU:C:2011:452, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-Qorti Ġenerali jirrikjedi li din tindika b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament segwit minnha, b’mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jagħrfu l-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni meħuda u b’mod li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (sentenza tal-24 ta’ Jannar 2013, 3F vs Il‑Kummissjoni, C‑646/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:36, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, wara li fakkret, fil-punti 36 sa 39 tas-sentenza appellata, il-ġurisprudenza rilevanti sabiex jiġi evalwat il-karattru distintiv tat-trade mark ikkontestata, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 41 tas-sentenza appellata, li l-prodotti u s-servizzi kkonċernati huma prodotti maħsuba għall-konsum normali, mingħajr ma kien meħtieġ li ssir distinzjoni għal dawk li jistgħu jaqgħu f’kategoriji ta’ suveniers tipiċi, kif ukoll ta’ servizzi tal-ħajja ta’ kuljum, li huma distinti minn suveniers jew minn servizzi oħra relatati ma’ attività turistika minħabba s-sempliċi isem tagħhom, sa fejn dan l-isem ma jidentifikax biss il-kastell fil-kwalità tiegħu ta’ mużew iżda wkoll it-trade mark ikkontestata stess. Il-Qorti Ġenerali żiedet li l-prodotti kkonċernati ma humiex iffabbrikati fis-sit stess tal-kastell iżda sempliċement jinbiegħu hemmhekk u li, għalkemm uħud mis-servizzi kienu intiżi għall-ġestjoni tal-kastell, mhux kollha kienu offruti fuq il-post.

65

Fil-punt 42 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-element verbali li jikkostitwixxi t-trade mark ikkontestata, li huwa identiku għall-isem tal-kastell, huwa isem ta’ fantażija mingħajr rabta deskrittiva mal-prodotti u mas-servizzi kkummerċjalizzati jew offruti. Fil-fatt, skont il-Qorti Ġenerali, peress li l-isem “Neuschwanstein” ifisser il-“ġebla l-ġdida taċ-ċinju”, is-sempliċi tqegħid tat-trade mark ikkontestata fuq l-oġġetti mibjugħa u s-servizzi offruti jippermetti li dawn il-prodotti u servizzi jiġu distinti minn dawk, li wkoll ikunu ta’ konsum normali, mibjugħa jew ipprovduti f’żoni kummerċjali jew turistiċi oħra. Il-Qorti Ġenerali żiedet li t-trade mark ikkontestata tippermetti, taħt is-sinjal tagħha, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti u l-provvista ta’ servizzi li l-Istat Ħieles ta’ Bayern jista’ jikkontrolla l-kwalità tagħhom, irrispettivament minn jekk jagħmilx dan direttament jew indirettament fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ liċenzja.

66

Fil-punt 43 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, barra minn hekk, qieset b’mod partikolari li t-trade mark ikkontestata tippermetti lill-pubbliku rilevanti, permezz tan-natura tal-isem tagħha, mhux biss li jirreferi għal żjara fil-kastell iżda wkoll li jiddistingwi l-oriġini kummerċjali tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati, b’tali mod li jikkonkludi li l-prodotti u s-servizzi kollha identifikati permezz tat-trade mark ikkontestata ġew iffabbrikati, ikkummerċjalizzati jew ipprovduti taħt il-kontroll tal-Istat Ħieles ta’ Bayern, li jista’ jitqies li huwa responsabbli għall-kwalità tagħhom.

67

Mill-punti 41 sa 43 tas-sentenza appellata jirriżulta li, sabiex tevalwa l-karattru distintiv tat-trade mark ikkontestata, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-prodotti u s-servizzi koperti minnha u evalwat l-element verbali li jikkostitwixxi l-imsemmija trade mark, li, skont il-Qorti Ġenerali, huwa isem ta’ fantażija mingħajr rabta deskrittiva mal-prodotti u mas-servizzi kkonċernati.

68

F’dan id-dawl, għandu jiġi osservat li l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li t-trade mark ikkontestata ma hijiex deskrittiva tal-oriġini ġeografika tal-imsemmija prodotti u servizzi mhijex deċiżjoni antiċipata tal-karattru distintiv tagħha, iżda tikkostitwixxi għall-kuntrarju kundizzjoni neċessarja għall-possibbiltà li tiġi rreġistrata trade mark li ma hijiex mingħajr karattru distintiv. Huwa preċiżament minħabba l-assenza ta’ karattru deskrittiv tat-trade mark ikkontestata li huwa possibbli li entità, bħall-Istat Ħieles ta’ Bayern, tapplika għar-reġistrazzjoni bħala trade mark tal-Unjoni tal-isem tal-mużew li huwa l-proprjetà tagħha, peress li r-Regolament Nru 207/2009, bħala prinċipju, ma jipprekludix dan. Għaldaqstant, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali ma jistax jitqies li huwa raġunament ċirkolari f’dan ir-rigward, kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punti 55 u 56 tal-konklużjonijiet tiegħu.

69

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li, meta temmet l-evalwazzjoni tagħha tal-karattru distintiv tat-trade mark ikkontestata mwettqa fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 36 tas-sentenza appellata li tipprovdi li l-karattru distintiv ta’ trade mark ifisser li din it-trade mark tippermetti li l-prodotti u s-servizzi li fir-rigward tagħhom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jiġu identifikati bħala li joriġinaw minn impriża partikolari, il-Qorti Ġenerali mmotivat, b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi, l-eżistenza tal-imsemmi karattru distintiv billi affermat li s-sempliċi tqegħid tal-imsemmija trade mark fuq il-prodotti u s-servizzi kkonċernati jippermetti lill-pubbliku rilevanti jiddistingwixxihom minn dawk mibjugħa jew ipprovduti f’żoni kummerċjali jew turistiċi oħra.

70

Għall-kuntrarju, sa fejn l-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punt 42 tas-sentenza appellata, fis-sens li t-trade mark ikkontestata tippermetti, taħt is-sinjal tagħha, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti u l-provvista ta’ servizzi li l-Istat Ħieles ta’ Bayern jista’ jikkontrolla l-kwalità tagħhom, tikkostitwixxi motiv superfluwu, għandu jitqies li l-argumenti tal-appellanti kontra dan il-motiv huma ineffettivi (sentenza tal-1 ta’ Frar 2018, Kühne + Nagel International et vs Il‑Kummissjoni, C‑261/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:56, punt 69, kif ukoll digriet tal-14 ta’ Jannar 2016, Royal County of Berkshire Polo Club vs UASI, C‑278/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:20, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71

Minn dan isegwi li l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment infondata u parzjalment ineffettiva.

72

Fir-rigward tat-tieni parti tat-tieni aggravju, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-deċiżjonijiet li l-Bordijiet tal-Appell ikunu meħtieġa jieħdu, skont ir-Regolament Nru 207/2009, fir-rigward tar-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark tal-Unjoni, jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta’ kompetenza limitata u mhux taħt setgħa diskrezzjonali, b’tali mod li l-legalità tad-deċiżjonijiet ta’ dawn l-istess bordijiet tal-appell għandha tiġi evalwata biss fuq il-bażi ta’ dan ir-regolament, kif interpretat mill-qorti tal-Unjoni (sentenza tad-19 ta’ Jannar 2012, UASI vs Nike International, C‑53/11 P, EU:C:2012:27, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 44 tas-sentenza appellata, is-sistema tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea hija sistema awtonoma, ikkostitwita minn grupp ta’ regoli, li ssegwi għanijiet speċifiċi għaliha, u għalhekk l-applikazzjoni tagħha hija indipendenti minn kull sistema nazzjonali (sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, Rivella International vs UASI, C‑445/12 P, EU:C:2013:826, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73

Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma kinitx meħtieġa tieħu inkunsiderazzjoni d-digriet tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) tat-8 ta’ Marzu 2012. Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

74

Għaldaqstant, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq it-tielet aggravju

L-argumenti tal-partijiet

75

It-tielet aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, huwa kkostitwit minn żewġ partijiet. Permezz tal-ewwel parti, l-appellanti ssostni, l-ewwel nett, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 55 tas-sentenza appellata, li mill-atti fil-proċess ma jirriżultax li t-trade mark ikkontestata kienet intużat, sa minn qabel id-data tar-reġistrazzjoni tagħha, għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ suveniers speċifiċi u għall-proposta ta’ servizzi partikolari. Fil-fatt, minn naħa, hija allegatament ippreżentat diversi eżempji ta’ suveniers bl-indikazzjoni “Neuschwanstein” bħala annessi mar-rikors promotur tagħha. Min-naħa l-oħra, l-Istat Ħieles ta’ Bayern, bħala l-proprjetarju tal-kastell, għandu preżenza fuq il-post u kellu jkun jaf bil-kummerċjalizzazzjoni ta’ suveniers li għandhom dan l-isem.

76

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali, skont l-appellanti, wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 57 tas-sentenza appellata, li l-intimazzjoni mibgħuta fit-12 ta’ Ġunju 2008, mill-Istat Ħieles ta’ Bayern, lill-kumpannija N. ma turix l-intenzjoni ħażina ta’ dan l-Istat li jirreġistra t-trade mark ikkontestata sabiex jipprekludi lil terzi milli jużaw is-sinjal “NEUSCHWANSTEIN”. L-appellanti tiċċita, f’dan ir-rigward, dikjarazzjoni tal-kelliem tal-Istat Ħieles ta’ Bayern li hija attestazzjoni ta’ din l-intenzjoni.

77

Permezz tat-tieni parti tat-tielet aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta, fil-punt 58 tas-sentenza appellata, eskludiet il-mala fide tal-Istat Ħieles ta’ Bayern għar-raġuni li kien qiegħed isegwi l-għan leġittimu ta’ konservazzjoni u ta’ preżervazzjoni tal-mużew. L-appellanti tqis li s-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (C‑529/07, EU:C:2009:361), li għaliha tirreferi l-Qorti Ġenerali, ma tippermettix li jiġi konkluż li għan leġittimu jeskludi l-mala fide. Sabiex tiġi evalwata din tal-aħħar, hemm lok li wieħed jibbaża ruħu fuq il-mezzi implimentati għal dan il-għan.

78

L-EUIPO u l-Istat Ħieles ta’ Bayern isostnu li t-tielet aggravju huwa inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

79

Fir-rigward tal-ewwel parti tat-tielet aggravju, għandu jiġi osservat li, fil-punt 55 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat b’mod partikolari li l-appellanti ma pproduċietx provi li jippermettu li jiġu ġġustifikati ċ-ċirkustanzi oġġettivi li fihom l-Istat Ħieles ta’ Bayern kien jaf bl-eżistenza tal-kummerċjalizzazzjoni mill-appellanti jew minn terzi oħra ta’ wħud mill-prodotti u mis-servizzi kkonċernati. Fil-punt 57 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-intimazzjoni mibgħuta fit-12 ta’ Ġunju 2008 mill-Istat Ħieles ta’ Bayern lill-kumpannija N. u osservat, f’dan ir-rigward, li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark nazzjonali verbali NEUSCHWANSTEIN, ippreżentata minn din il-kumpannija, kellha d-data tal-15 ta’ Jannar 2008. Issa, il-Qorti Ġenerali osservat li l-Istat Ħieles ta’ Bayern kien ippreżenta, minn naħa, applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark nazzjonali verbali NEUSCHWANSTEIN fit-28 ta’ Jannar 2005 quddiem id-Deutsches Patent- und Markenamt (l-Uffiċċju Ġermaniż tal-Privattivi u tat-Trade Marks), li rreġistraha fl-4 ta’ Ottubru 2005, u, min-naħa l-oħra, applikazzjoni għar-reġistrazzjoni għat-trade mark tal-Unjoni Ewropea figurattiva fil-11 ta’ Lulju 2003 quddiem l-EUIPO, li rreġistraha fl-14 ta’ Settembru 2006. Għaldaqstant, minn dan il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li kienet il-kumpannija N. li kellha għarfien minn qabel tat-trade mark tal-Istat Ħieles ta’ Bayern u mhux il-kuntrarju, u, għalhekk, li dan l-Istat ma kienx aġixxa in mala fide.

80

Issa, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tal-argumenti mressqa insostenn tal-ewwel parti tat-tielet aggravju, l-appellanti qiegħda fil-verità tipprova ddaħħal inkwistjoni mill-ġdid l-evalwazzjonijiet tal-provi magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 55 u 57 tas-sentenza appellata, mingħajr madankollu ma tinvoka xi żnaturament tagħhom.

81

F’dawn iċ-ċirkustanzi, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, l-ewwel parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

82

Fir-rigward tat-tieni parti tat-tielet aggravju, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti tal-appellanti huma bbażati fuq qari żbaljat tas-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (C‑529/07, EU:C:2009:361).

83

Fil-fatt, f’dik is-sentenza, li għaliha tirreferi l-Qorti Ġenerali fil-punt 58 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment iddeċidiet, fir-rigward tal-intenzjoni tal-applikant fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, li, anki fil-każ li dan ikun ippreżenta applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ sinjal bl-uniku skop li jikkompeti b’mod żleali ma’ kompetitur li juża sinjal simili, ma jistax jiġi eskluż li l-applikant ikun qiegħed isegwi, permezz tar-reġistrazzjoni ta’ dan is-sinjal, għan leġittimu. Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li dan seta’ jkun il-każ b’mod partikolari meta l-applikant ikun jaf, fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, li terz, li jkun operatur reċenti fis-suq, ikun qiegħed jipprova jibbenefika mill-imsemmi sinjal billi jikkopja l-preżentazzjoni tiegħu, li jwassal lill-applikant sabiex jirreġistrah bil-għan li jipprekludi l-użu ta’ din il-preżentazzjoni (sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli, C‑529/07, EU:C:2009:361, punti 47 sa 49). Għaldaqstant, minn din is-sentenza ma jirriżultax li l-evalwazzjoni tal-mala fide għandha tkun ibbażata neċessarjament fuq il-mezzi implimentati sabiex jintlaħaq tali għan.

84

Minn dan isegwi li t-tieni parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata u li, għaldaqstant, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud.

85

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

86

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li Bundesverband Souvenir – Geschenke – Ehrenpreise eV tilfet fir-rigward tal-aggravji tagħha, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-EUIPO u mill-Istat Ħieles ta’ Bayern.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Bundesverband Souvenir – Geschenke –Ehrenpreise eV hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top