EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CC0621

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Bobek, ippreżentati fil-25 ta’ Lulju 2018.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Taljana.
Appell – Sistema lingwistika – Kompetizzjonijiet ġenerali għar-reklutaġġ ta’ amministraturi – Avviżi ta’ kompetizzjonijiet – Amministraturi (AD 5) – Amministraturi (AD 6) fil-qasam tal-protezzjoni tad-data – Konoxxenzi lingwistiċi – Limitazzjoni tal-għażla tal-lingwa 2 tal-kompetizzjonijiet għal-lingwa Ingliża, Franċiża u Ġermaniża – Lingwa ta’ komunikazzjoni mal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) – Regolament Nru 1 – Regolamenti tal-Persunal – Diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa – Ġustifikazzjoni – Interess tas-servizz – Stħarriġ ġudizzjarju.
Kawża C-621/16 P.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:611

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fil-25 ta’ Lulju 2018 ( 1 )

Kawża C‑621/16 P

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika Taljana

“Appell — Is-sistema lingwistika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Avviżi ta’ kompetizzjoni ġenerali — Limitazzjoni tat-tieni lingwa ta’ kompetizzjoni u tal-lingwa ta’ komunikazzjoni bejn il-kandidati u l-EPSO għall-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż — Regolament Nru 1 — Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni — Reklutaġġ ta’ uffiċjali — Diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa — Ġustifikazzjonijiet”

I. Introduzzjoni

1.

Fl-2014, l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (iktar ’il quddiem l-“EPSO”) ippubblika żewġ avviżi ta’ kompetizzjoni ġenerali. Dawk l-avviżi ppermettew li l-kandidati jagħżlu biss l-Ingliż, il-Franċiż jew il-Ġermaniż bħala t-tieni lingwa għal dawk il-kompetizzjonijiet. Barra minn hekk, l-avviżi ppermettew biss l-użu ta’ dawn it-tliet lingwi għal komunikazzjoni bejn il-kandidati u l-EPSO.

2.

Permezz ta’ rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-Repubblika Taljana kkontestat il-legalità ta’ dik il-limitazzjoni doppja għal dawk it-tliet lingwi. Permezz tas-sentenza tagħha tal-15 ta’ Settembru 2016, L-Italja vs Il-Kummissjoni (T‑353/14 u T‑17/15, EU:T:2016:495), il-Qorti Ġenerali annullat iż-żewġ avviżi.

3.

Permezz ta’ dan l-appell il-Kummissjoni qiegħda tikkontesta s-sentenza tal-Qorti Ġenerali u għalhekk qed tistieden lil din il-qorti, għal darba oħra ( 2 ), biex tieħu pożizzjoni fuq il-limiti legali dwar restrizzjonijiet ta’ lingwi li l-EPSO tista’ timponi fuq il-kandidati li jixtiequ jieħdu sehem f’kompetizzjonijiet ġenerali.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt primarju

1. It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

4.

Bis-saħħa tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 24 TFUE “Kull ċittadin ta’ l-Unjoni jista’ jikteb lil kull waħda mill-istituzzjonijiet, korpi u organi imsemmija f’dan l-Artikolu jew fl-Artikolu 13 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea b’waħda mil-lingwi msemmija fl-Artikolu 55 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u jkollu tweġiba bl-istess lingwa”.

5.

L-Artikolu 342 TFUE jgħid li: “In-normi li jirregolaw il-lingwi ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni għandhom, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet previsti fl-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea, jiġu stabbiliti mill-Kunsill, b’mod unanimu permezz ta’ regolament.”

2. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

6.

Skont l-Artikolu 21(1) tal-Karta: “Kull diskriminazzjoni bbażata fuq […] il-lingwa […] għandha tkun projbita”.

7.

L-Artikolu 41(4) tal-Karta jgħid li ġej: “Kull persuna tista’ tikteb lill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni f’waħda mil-lingwi tat-Trattati u għandha tirċievi tweġiba bl-istess lingwa.”

B.   Id-dritt sekondarju

1. Ir-Regolament Nru 1

8.

L-Artikoli 1, 2, 5 u 6 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1 tal-15 ta’ April 1958 li jiddeterminaw il-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea ( 3 ), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 517/2013 tat-13 ta’ Mejju 2013 ( 4 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1”), jgħidu:

“Artikolu 1

Il-lingwi uffiċjali u l-lingwi ta’ ħidma tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom ikunu l-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Isvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż”

Artikolu 2

Id-dokumenti li Stat Membru jew persuna soġġetta għall-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru jibagħtu lill-istituzzjonijiet tal-[Unjoni] jistgħu jitfasslu f’kull waħda mil-lingwi uffiċjali magħżula minn min jibgħat. Ir-risposta għandha titfassal fl-istess lingwa.

[…]

Artikolu 5

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea għandu jkun ippubblikat fil-lingwi uffiċjali.

Artikolu 6

L-istituzzjonijiet tal-[Unjoni] jistgħu jistipulaw fir-regoli ta’ proċedura tagħhom liema minn dawn il-lingwi għandhom jintużaw f’każijiet speċifiċi.”

2. Ir-Regolamenti tal-Persunal.

9.

L-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-[Unjoni Ewropea] ( 5 ), kif emendat bir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 ( 6 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) huwa fformulat kif ġej:

“1.   Fl-applikazzjoni ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, kull diskriminazzjoni bbażata fuq kull raġuni, bħa[l-], lingwa […] hija pprojbita.

[…]

6.   Waqt li jkun irrispettat il-prinċipju tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni u l-prinċipju tal-proporzjonalità, kull limitazzjoni fl-applikazzjoni tagħhom trid tkun iġġustifikata fuq bażijiet oġġettivi u raġonevoli, u trid tkun immirata lejn oġġetti leġittimi fl-interess ġenerali fil-qafas tal-politika tal-persunal. […]”

10.

It-Titolu III tar-Regolamenti tal-Persunal huwa intitolat “Karriera ta’ uffiċjali”. Il-Kapitolu 1 tiegħu huwa intitolat “Kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ” u huwa kompost mill-Artikoli 27 sa 34.

11.

Bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal: “Ir-reklutaġġ għandu jkollu l-mira li jiżgura li l-istituzzjoni jkollha s-servizzi ta’ uffiċjali tal-ogħla livell ta’ kapaċità, effiċjenza u integrità, magħżula mill-aktar bażi ġeografika wiesgħa possibbli minn fost iċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni. L-ebda pożizzjoni ma tkun riservata għal ċittadini ta’ xi Stat Membru speċifiku”.

12.

L-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi:

“Uffiċjal jista’ jkun appuntat biss bil-kondizzjoni li:

(a)

huwa ċittadin ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni, sakemm eċċezzjoni ma tkunx awtorizzata mill-awtorità tal-ħatra, u jgawdi mid-drittijiet kollha tiegħu bħala ċittadin;

(b)

huwa jkun wettaq kull obbligu mpost fuqu mill-liġijiet dwar is-servizz militari;

(ċ)

huwa jipproduċi r-riferenzi ta’ karattru xierqa li juru li huwa tajjeb biex iwettaq id-dmirijiet tiegħu;

(d)

huwa, suġġett għall-Artikolu 29(2), għadda minn kompetizzjoni bbażata fuq jew kwalifiki jew eżamijiet, jew kemm kwalifiki kif ukoll eżamijiet, kif provdut fl-Anness III;

(e)

huwa fil-forma fiżika xierqa biex iwettaq id-dmirijiet tiegħu; u

(f)

jipproduċi evidenza ta’ għarfien komplut ta’ waħda mill-lingwi tal-Unjoni u ta’ għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa oħra tal-Unjoni sal-punt meħtieġ biex iwettaq id-dmirijiet tiegħu.”

13.

Skont l-Artikolu 30 tar-Regolamenti tal-Persunal:

“Għal kull kompetizzoni, għandu jinħatar kumitat ta’ selezzjoni mill-awtorità tal-ħatra. Dan il-kumitat għandu jħejji lista ta’ kandidati idonei.

L-awtorità tal-ħatra għandha tiddeċiedi liema minn dawn il-kandidati għandha taħtar għall-postijiet battala.

[…]”

14.

L-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal huwa intitolat “Kompetizzjonijiet”. L-Artikolu 1(1) tiegħu jipprovdi:

“L-avviż tal-kompetizzjonijiet jitħejja mill-awtorità tal-ħatra wara li jkun ikkonsultat il-Kumitat Konġunt.

Irid jispeċifika:

[…]

(f)

fejn applikabbli, l-għarfien tal-lingwi meħtieġa minħabba n-natura speċjali tal-posizzjonijiet li għandhom jimtlew;

[…]”.

15.

L-Artikolu 7(1) u (2) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal jgħid:

“L-istituzzjoniet għandhom, wara konsultazzjonijiet mal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal, jafdaw lill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (minn issa ’l-quddiem ‘l-Uffiċċju’;) bir- responsabbiltà biex jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li standards uniformi huma applikati fil-proċeduri ta’ l-għażla ta’ l-uffiċjali tal-Unjoni, u fl-istima u fil-proċeduri ta’ l-eżami, riferuti fl-Artikoli 45 u 45a tar-Regolamenti tal-Persunal.

2.   Il-kompitu ta’ l-Uffiċċju jkun li

(a)

jorganizza, fuq talba ta’ l-istituzzjonijiet individwali, kompetizzjonijiet individwali;

[…]”.

3. Id-Deċiżjoni 2002/620

16.

Bis-saħħa tal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 2002/620/KE, li tistabbilixxi l-EPSO: ( 7 )

“L-Uffiċċju għandu jeserċita s-setgħa ta’ l-għażla mogħti lilu taħt l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 30 tar-Regolamenti tal-Persunal u taħt l-Anness III tagħhom meta l-awtoritajiet tal-ħatra ta’ l-istituzzjonijiet jiffirmaw din id-deċiżjoni. F’każijiet eċċezzjonali biss u bil-kunsens ta’ l-Uffiċċju, l-istituzzjonijiet jistgħu jorganizzaw kompetizzjonijiet miftuħa tagħhom stess biex jilħqu ħtiġijiet speċifiċi għal persunal speċjalizzati ħafna”.

17.

L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2008/616 jipprovdi:

“Skond l-Artikolu 91a tar-Regolamenti tal-Persunal, talbiet u ilmenti li huma marbuta ma’ l-eżerċitazzjoni tal-poteri mogħtija fl-Artikolu 2(1) u (2) ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jiġu ppreżentati lill-Uffiċċju. Kull appell f’dawn l-oqsma għandu jitressaq kontra l-Kummissjoni.”

III. Il-fatti u l-kawża prinċipali

18.

Fit-13 ta’ Marzu 2014, l-EPSO ppubblika l-Avviż ta’ Kompetizzjoni Ġenerali EPSO/AD/276/14, sabiex tinħoloq lista ta’ riżerva ta’ amministraturi (AD 5) ( 8 ) (iktar ’il quddiem l-“avviż tal-kompetizzjoni ġenerali”).

19.

Fit-6 ta’ Novembru 2014, l-EPSO ppubblika l-avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/294/14, sabiex tinħoloq lista ta’ riżerva ta’ amministraturi (AD 6) fil-qasam tal-protezzjoni tad-dejta għall-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ( 9 ) (iktar ’il quddiem l-“avviż tal-kompetizzjoni dwar il-protezzjoni tad-data”).

20.

L-avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali u l-avviż tal-kompetizzjoni dwar il-protezzjoni tad-data (flimkien, iktar ’il quddiem, l-“avviżi kkontestati”) it-tnejn jgħidu fit-taqsima introduttorja li r-Regoli Ġenerali applikabbli għall-kompetizzjonijiet ġenerali (iktar ’il quddiem ir-“Regoli Ġenerali”) ( 10 ) huma “parti integrali” ta’ kull avviż ta’ kompetizzjoni.

21.

Ir-Regoli Ġenerali ġew ippubblikati mill-EPSO f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. It-taqsima introduttorja tar-Regoli Ġenerali tistipula li “[d]awn ir-regoli ġenerali huma parti integrali mill-avviż tal-kompetizzjoni, u flimkien mal-avviż, jiffurmaw il-qafas obbligatorju tal-proċedura tal-kompetizzjoni”.

22.

Fit-taqsima intitolata “Għarfien tal-lingwi”, wara li hemm indikat li “Sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor fl-avviż tal-kompetizzjoni, l-għażla tat-tieni lingwa normalment tkun limitata għall-Ingliż, il-Franċiż jew il-Ġermaniż”, ir-Regoli Ġenerali jipprovdu raġunijiet għal-limitazzjoni tat-tieni lingwa. Dik it-taqsima tar-Regoli Ġenerali tirreferi wkoll għal “Linji Gwida dwar l-użu tal-lingwi fil-kompetizzjonijiet tal-EPSO” adottati mill-Kulleġġ tal-Kapijiet tal-Amministrazzjoni fil-15 ta’ Mejju 2013 (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida ġenerali”). Il-Linji Gwida ġenerali huma annessi mar-Regoli Ġenerali u jipprovdu ġustifikazzjoni iktar speċifika għal-limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa għall-Ingliż, il-Franċiż jew il-Ġermaniż.

23.

F’kull avviż ikkontestat, it-Taqsima III dwar l-“Eliġibbiltà”, tistabbilixxi l-kundizzjonijiet ġenerali kif ukoll il-kundizzjonijiet speċifiċi. Il-kundizzjonijiet speċifiċi jinkludu l-ħtieġa ta’ għarfien ta’ żewġ lingwi: għarfien fil-fond ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, iddefinita bħala “lingwa prinċipali” jew il-“lingwa 1”, u għarfien sodisfaċenti tal-Ingliż, tal-Franċiż jew tal-Ġermaniż, iddefiniti bħala “t-tieni lingwa” jew il-“lingwa 2”. Din il-lingwa trid tkun differenti mil-lingwa 1.

24.

Dwar il-limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa, il-punt 2.3 tal-avviż tal-kompetizzjoni ġenerali jipprovdi:

“Skont is-sentenza [tas-27 ta’ Novembru 2012, L-Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑566/10 P, Ġabra, EU:C:2012:752)], l-Istituzzjonijiet tal-Unjoni jixtiequ, fil-qafas tal-kompetizzjoni preżenti, jistqarru r-raġunijiet għal-limitu tal-għażla tat-tieni lingwa għal numru limitat ta’ lingwi uffiċjali tal-Unjoni.

Għaldaqstant il-kandidati huma informati li l-għażliet tat-tieni lingwa aċċettati għal din il-kompetizzjoni ġew definiti b’konformità mal-interess tas-servizzi li jesiġi li dawk li jiġu rreklutati jkunu jistgħu jibdew jaħdmu mal-ewwel u jikkomunikaw b’mod effiċjenti fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum. Jekk dan ma jkunx il-każ, it-tħaddim effettiv tal-istituzzjonijiet jista’ jiġi affettwat ħażin ħafna.

Abbażi tal-prassi tal-Istituzzjonijiet tal-Unjoni li ilha titħaddem fir-rigward tal-lingwi użati għall-komunikazzjoni interna u b’kunsiderazzjoni wkoll tal-ħtiġijiet tas-servizzi dwar il-komunikazzjoni esterna u l-ipproċessar tal-fajls, l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż jibqgħu l-aktar lingwi użati. Barra minn hekk, l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż huma l-lingwi sekondarji l-aktar użati fl-Unjoni Ewropea u dawk l-aktar studjati bħala lingwi sekondarji. Dan jikkonferma l-livell ta’ edukazzjoni u l-kompetenzi professjonali li attwalment wieħed jista’ jistenna mill-kandidati f’pożizzjonijiet fl-Istituzzjonijiet tal-Unjoni, jiġifieri l-għarfien ta’ mill-inqas waħda minn dawn il-lingwi. Konsegwentement, meta wieħed iqabbel l-interess tas-servizz u l-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet tal-kandidati, meta jitqies il-qasam partikolari ta’ din il-kompetizzjoni, ikun ġust li jiġu organizzati eżamijiet f’dawn it-tliet lingwi sabiex jiġi żgurat li, tkun xi tkun l-ewwel lingwa uffiċjali tagħhom, il-kandidati kollha jkunu jafu tajjeb mill-inqas waħda minn dawn it-tliet lingwi uffiċjali fil-livell ta’ xogħol. Il-valutazzjoni tal-kompetenzi speċifiċi b’dan il-mod tippermetti lill-Istituzzjonijiet tal-Unjoni jevalwaw il-kapaċità tal-kandidati li jkunu jistgħu jaħdmu minnufih f’ambjent simili għal dak li jsibu fl-impjieg.

Għall-istess raġunijiet, huwa indikat li tiġi ristretta l-lingwa ta’ komunikazzjoni bejn il-kandidati u l-istituzzjoni, inkluża l-lingwa li biha jitfasslu l-applikazzjonijiet. Din l-eżiġenza tiżgura l-omoġeneità [fit-tqabbil tal-kandidati u fil-kontroll tal-applikazzjonijiet tagħhom].

Barra minn hekk, fl-interess ta’ trattament ugwali tal-kandidati kollha, inklużi dawk li l-ewwel lingwa uffiċjali tagħhom hija waħda minn dawn it-tlieta, kulħadd huwa meħtieġ li jagħmel ċerti eżamijiet fit-tieni lingwa tiegħu, magħżula minn fost dawn it-tliet lingwi.

Dawn id-dispożizzjonijiet ma jaffettwawx it-tagħlim ulterjuri tat-tielet lingwa ta’ ħidma, b’konformità mal-Artikolu 45(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.”

25.

Il-punt 2.3 tal-avviż tal-kompetizzjoni dwar il-protezzjoni tad-data huwa fformulat f’termini essenzjalment identiċi.

26.

Iż-żewġ avviżi kkontestati għalhekk jillimitaw il-lingwa li l-kandidati jistgħu jużaw biex jikkomunikaw mal-EPSO u li biha jiġu abbozzati l-applikazzjonijiet għat-tieni lingwa magħżula minn kull kandidat: l-Ingliż, il-Franċiż jew il-Ġermaniż.

27.

L-avviżi kkontestati jipprevedu wkoll regoli dwar il-lingwa li għandha tintuża – il-lingwa prinċipali jew it-tieni lingwa – għal kull test u eżerċizzju tal-kompetizzjonijiet. Iż-żewġ kompetizzjonijiet kienu jikkonsistu minn għadd ta’ testijiet bil-kompjuter u għadd ta’ eżerċizzji li għandhom jiġu evalwati f’ċentru ta’ evalwazzjoni. L-avviż tal-kompetizzjoni ġenerali jiddetermina li l-kandidati kellhom jgħaddu wieħed mit-testijiet ibbażati fuq il-kompjuter (it-test tal-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni) u l-eżerċizzji kollha fiċ-ċentru ta’ evalwazzjoni fit-tieni lingwa magħżula. Imbagħad, l-avviż tal-kompetizzjoni dwar il-protezzjoni tad-data, min-naħa tiegħu, jistabbilixxi li l-kandidati kellhom jgħaddu mill-eżerċizzji kollha li ma kinux ibbażati fuq il-kompjuter fit-tieni lingwa magħżula.

IV. Is-sentenza appellata u l-proċeduri fil-Qorti tal-Ġustizzja

28.

Fit-23 ta’ Mejju 2014, ir-Repubblika Taljana ppreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali intiż għall-annullament tal-avviż tal-kompetizzjoni ġenerali (Kawża T‑353/14).

29.

Fil-15 ta’ Jannar 2015, ir-Repubblika Taljana ppreżentat rikors ieħor quddiem il-Qorti Ġenerali għall-annullament tal-avviż tal-kompetizzjoni dwar il-protezzjoni tad-data (Kawża T‑17/15). Ir-Repubblika tal-Litwanja ġiet ammessa tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Taljana.

30.

Quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kawżi T‑353/14 u T‑17/15 ingħaqdu flimkien kemm għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura kif ukoll tad-deċiżjoni finali.

31.

Essenzjalment, l-azzjonijiet imressqa mir-Repubblika Taljana kkontestaw il-legalità ta’ żewġ aspetti tas-sistema lingwistika prevista mill-avviżi kkontestati. L-ewwel aspett jirrigwarda l-fatt li l-kandidati setgħu jagħżlu biss l-Ingliż, il-Franċiż jew il-Ġermaniż bħala t-tieni lingwa fil-kompetizzjonijiet. It-tieni aspett ikkontestat kien il-limitazzjoni tal-lingwi ta’ komunikazzjoni bejn il-kandidati u l-EPSO għal dawn it-tliet lingwi.

32.

Fis-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, L-Italja vs Il-Kummissjoni (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”) ( 11 ), il-Qorti Ġenerali annullat l-avviżi kkontestati.

33.

Permezz ta’ dan l-appell, il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-istat tal-proċeduri jippermetti hekk, għandha tiċħad it-talbiet fl-ewwel istanza bħala infondati, tordna lir-Repubblika Taljana tbati l-ispejjeż sostnuti fl-ewwel istanza u fl-appell, u tordna lir-Repubblika tal-Litwanja tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

34.

Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tinvoka erba’ aggravji. L-ewwel aggravju jikkontesta l-ammissibbiltà tat-talbiet quddiem il-Qorti Ġenerali. It-tieni u t-tielet aggravji jirrigwardaw il-legalità tal-limitazzjoni, fl-avviżi kkontestati, tal-għażla tat-tieni lingwa għall-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż. Ir-raba’ aggravju jirrigwarda l-limitazzjoni tal-għażla tal-lingwa ta’ komunikazzjoni bejn il-kandidati u l-EPSO għal dawk it-tliet lingwi.

35.

Ir-Repubblika Taljana titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

36.

B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Marzu 2017, ir-Renju ta’ Spanja ġie awtorizzat jintervjeni sabiex isostni t-talbiet tar-Repubblika Taljana.

37.

Sottomissjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mir-Renju ta’ Spanja, mir-Repubblika Taljana u mill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet kollha interessati ressqu l-argument orali waqt is-seduta li saret fil-25 ta’ April 2018.

V. Evalwazzjoni

38.

F’dawn il-konklużjonijiet, ser neżamina kull wieħed mill-aggravji invokati mill-Kummissjoni wara xulxin (it-Taqsimiet A, B, C u D rispettivament). Li ser iwassalni biex nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad dan l-appell. Mhux neċessarjament naqbel mal-argumanti legali kollha magħmula mill-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari ma’ dawk li jikkonċernaw ir-raba’ aggravju. Madankollu, naqbel mal-annullament tal-avviżi kkontestati ordnat mill-Qorti Ġenerali u għalhekk mal-andament ġenerali tal-kawża.

39.

Il-minimaliżmu ġudizzjarju huwa virtù. Madankollu, nistaqsi sa fejn din id-dikjarazzjoni tibqa’ valida f’sitwazzjoni fejn l-Awla Manja terġa’ tintalab, fi żmien ftit snin biss, biex tindirizza l-kwistjoni tal-limitazzjonijiet għall-għażla tat-tieni lingwa f’avviżi ta’ kompetizzjoni. Hemm ukoll mill-inqas tużżana każijiet simili li huma jew pendenti jew li ġew deċiżi fil-Qorti Ġenerali ( 12 ), bit-tema rikorrenti tkun il-kwistjoni usa’ tas-sistema lingwistika tal-istituzzjonijiet ( 13 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, filwaqt li jitqies ukoll li hemm inkwistjoni l-ħajjiet, l-aspettattivi u l-karrieri individwali, jista’ jkun rakkomandabbli li tingħata mill-inqas xi gwida dwar x’jistgħu jagħmlu l-istituzzjonijiet meta jistabbilixxu limitazzjonijiet fir-rigward tal-użu ta’ lingwi ta’ ħidma bbażati fuq l-interessi tas-servizz (E).

A.   L-ewwel aggravju: fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet quddiem il-Qorti Ġenerali

40.

L-ewwel aggravju tal-Kummissjoni huwa maqsum f’erba’ partijiet. Permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, il-Kummissjoni ssostni li hemm żball ta’ liġi, fil-punti 45 sa 52 tas-sentenza appellata, fl-interpretazzjoni tan-natura ġuridika tar-Regoli Ġenerali peress li l-Qorti Ġenerali ma rrikonoxxietx l-effetti vinkolanti tagħhom.

41.

Bl-istess mod, permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 58 tas-sentenza appellata, wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li “r-regoli ġenerali u l-linji gwida ġenerali għandhom jiġu interpretati li jikkostitwixxu, l-iktar l-iktar, komunikazzjonijiet fis-sens tal-punt 91 tas-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C‑566/10 P, EU:C:2012:752), li jistipulaw kriterji li l-EPSO bi ħsiebu jimxi magħhom fl-għażla tas-sistema lingwistika tal-kompetizzjoni li huwa inkarigat li jorganizza”.

42.

Permezz tar-raba’ parti tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni ssostni li hemm żball ta’ liġi fil-punti 65 sa 71 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali eżaminat n-natura ġuridika tal-avviżi kkontestati. Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni billi naqset milli tevalwa jekk l-avviżi kkontestati jikkostitwixxux att konfermattiv.

43.

Fl-aħħar nett, permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni tallega żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal. Hija tikkontesta l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, fil-punti 53 sa 57 tas-sentenza appellata, li tgħid li dak l-artikolu “tippermetti biss li l-EPSO jingħata r-responsabbiltà li jieħu miżuri ta’ applikazzjoni ta’ regoli uniformi u mhux dik li jadotta regoli vinkolanti ġenerali u astratti”.

44.

Fil-fehma tiegħi, il-partijiet differenti tal-ewwel aggravju jqajmu essenzjalment żewġ kwistjonijiet. L-ewwel waħda tikkonċerna l-kwistjoni tan-natura ġuridika tar-Regoli Ġenerali (l-ewwel u t-tielet partijiet) u tal-avviżi kkontestati (ir-raba’ parti). It-tieni kwistjoni hija jekk l-EPSO kellux is-setgħa li jadotta r-Regoli Ġenerali (it-tieni parti).

45.

Madankollu, sabiex tiddeċiedi fuq l-ewwel aggravju, jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex għalfejn tindirizza dawn il-partijiet kollha. Il-kwistjoni prinċipali hija r-raba’ parti ta’ dan l-aggravju, li tirrigwarda n-natura ġuridika tal-avviżi kkontestati. Dawn l-avviżi huma, fil-fehma tiegħi, b’mod ċar vinkolanti, fihom u minnhom innifishom, irrispettivament min-natura ġuridika tar-Regoli Ġenerali (1). Sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tasal għall-istess konklużjoni dwar in-natura ġuridika ta’ dawn l-avviżi, l-argumenti l-oħra mressqa mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-ewwel aggravju jsiru sempliċiment ineffettivi (2 u 3).

1. Ir-raba’ parti tal-ewwel aggravju: in-natura ġuridika tal-avviżi kkontestati

46.

L-appell tal-Kummissjoni jsostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha billi naqset milli tevalwa jekk l-avviżi kkontestati kinux jikkostitwixxu atti konfermattivi. Il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma qabblitx il-kontenut tal-avviżi kkontestati mal-kontenut tar-Regoli Ġenerali li, sa fejn hija kkonċernata s-sistema lingwistika, kienu identiċi. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali kellha tikkonkludi li l-avviżi kkontestati kienu miżura li sempliċement ikkonfermat il-miżuri li għandhom effetti vinkolanti, jiġifieri r-Regoli Ġenerali.

47.

Fil-fehma tiegħi, l-avviżi kkontestati huma evidentement vinkolanti fihom u minnhom innifishom.

48.

L-ewwel nett, u minn perspettiva testwali, l-argument tal-Kummissjoni li l-avviżi kkontestati ma għandhomx effetti vinkolanti jidher li huwa kkontradett mir-Regoli Ġenerali stess, li t-taqsima introduttorja tagħhom tiddikjara li “[d]awn ir-regoli ġenerali huma parti integrali mill-avviż tal-kompetizzjoni, u flimkien mal-avviż, jiffurmaw il-qafas obbligatorju tal-proċedura tal-kompetizzjoni” (enfasi miżjuda).

49.

It-tieni nett, meta wieħed iħares lejn it-tħaddim tas-sistema, is-sistema lingwistika għal kull kompetizzjoni kienet komposta minn żewġ saffi: is-saff ġenerali kkostitwit mir-Regoli Ġenerali, u s-saff individwali magħmul minn kull avviż tal-kompetizzjoni. Għalhekk, dak li ddetermina s-sistema lingwistika f’kull każ individwali kien jew (i) l-avviż ta’ kompetizzjoni rilevanti, jew (ii) l-avviż ta’ kompetizzjoni rilevanti kkunsidrat flimkien mar-Regoli Ġenerali.

50.

Għalhekk, minn kwalsiasi qari u komprensjoni tas-sistema, l-avviżi jkunu dejjem inklużi fl-istabbiliment tas-sistema lingwistika għall-kompetizzjoni individwali. Lanjant potenzjali ( 14 ) li jixtieq jikkontesta l-legalità tal-għażla ta’ lingwi ddikjarati f’avviż ta’ kompetizzjoni kellhom jikkontestaw, bħala l-miżura vinkolanti, jew l-avviż jew l-avviż flimkien mar-Regoli Ġenerali. Fi kliem ieħor, jekk jixtieq jikkontesta parametri ta’ kompetizzjoni individwali, dak il-lanjant ma jistax jikkontesta r-Regoli Ġenerali biss. Fil-fatt, ir-Regoli Ġenerali jipprovdu speċifikament li sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor fl-avviż tal-kompetizzjoni, l-għażla tat-tieni lingwa normalment tkun limitata għall-Ingliż, il-Franċiż jew il-Ġermaniż (enfasi miżjuda).

51.

Għalhekk, peress li kien possibbli li kull avviż ta’ kompetizzjoni ma jużax it-tieni lingwa predefinita prevista mir-Regoli Ġenerali ( 15 ), jidhirli li huwa ċar li r-rekwiżiti lingwistiċi ta’ kull kompetizzjoni individwali ma jistgħux jitqiesu li huma ddefiniti b’mod sħiħ sakemm jiġi ppubblikat l-avviż tal-kompetizzjoni. Dan jikkonfermah ukoll l-Artikolu 1(1) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, li jelenka dak li għandu jissemma fl-avviżi tal-kompetizzjoni. Skont il-punt (f) ta’ din id-dispożizzjoni, l-avviżi tal-kompetizzjonijiet għandhom jiddikjaraw, “fejn applikabbli, l-għarfien tal-lingwi meħtieġa minħabba n-natura speċjali tal-posizzjonijiet li għandhom jimtlew”.

52.

Fl-aħħar nett, nixtieq inżid li l-opinjoni tal-Kummissjoni li l-avviżi kkontestati huma miżuri li sempliċement jikkonfermaw ir-Regoli Ġenerali tista’ twassal, jekk tittieħed fil-konklużjonijiet loġika kollha tagħha, għal numru ta’ riżultati assurdi.

53.

L-ewwel nett, f’termini prattiċi, rikorrenti individwali (mhux ipprivileġġjati) ma jkollhomx locus standi biex jikkontestaw xi ħaġa f’kompetizzjoni. Minn naħa, jidher li jkun pjuttost diffiċli jew kważi impossibbli għalihom biex jipprovaw li r-Regoli Ġenerali “jirrigward[awhom] direttament u individwalment”, kif meħtieġ skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Min-naħa l-oħra, huma lanqas ma jkunu jistgħu jikkontestaw l-avviż individwali, peress li jkun biss “konferma”. Għalhekk, il-protezzjoni ta’ individwi effettivament tispiċċa bejn żewġ alternattivi mhux sodisfaċenti, peress li l-individwu ma jkun jista’ jikkontesta xejn.

54.

It-tieni nett, it-terminu ta’ xahrejn biex tippreżenta azzjoni għal annullament, li jinsab fis-sitt subparagrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ikun impossibbli li jintlaħaq f’ħafna każijiet, għax wieħed jista’ liberament jassumi li l-biċċa l-kbira tal-avviżi tal-kompetizzjoni jkunu ppubblikati wara l-għeluq ta’ din id-data ta’ skadenza. Il-problemi kemm dwar il-locus standi kif ukoll dwar it-termini huma aggravati iktar minħabba l-fatt li, meta r-Regoli Ġenerali jiġu ppubblikati, individwu ma jistax ikun mistenni li jkun jaf jekk huwiex interessat jieħu sehem f’kompetizzjoni organizzata xhur jew saħansitra snin wara.

55.

It-tielet nett, l-approċċ propost mill-Kummissjoni jista’ wkoll ikun kompletament imprevedibbli. Il-possibbiltà li jiġu kkontestati r-Regoli Ġenerali tiddependi fuq l-għażla tal-lingwi offruta mill-EPSO f’kull avviż ta’ kompetizzjoni sussegwenti. Fil-fatt, dan l-approċċ ifisser effettivament li jekk l-avviż ta’ kompetizzjoni jillimita t-tieni lingwa għall-Ingliż, il-Franċiż jew il-Ġermaniż, dan l-avviż ma jistax jiġi kkontestat, peress li huwa biss miżura li tikkonferma r-regola predefinita tar-Regoli Ġenerali. Madankollu, jekk avviż ta’ kompetizzjoni stabbilixxa għażla differenti tat-tieni lingwi, dan jista’ jkun ikkontestat peress li ma jitqiesx bħala att konfermattiv ( 16 ).

56.

Fil-fehma tiegħi, dawn l-argumenti juru b’mod pjuttost ċar li kull avviż ta’ kompetizzjoni individwali huwa att li jista’ jiġi kkontestat fuq il-mertu tiegħu stess, irrispettivament minn jekk ir-rekwiżiti tat-tieni lingwa li jistabbilixxi jitbegħdux jew le mis-sistema predefinita prevista mir-Regoli Ġenerali. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonkludiet, fil-punt 70 tas-sentenza appellata, li “l-avviżi kkontestati jikkostitwixxu atti li għandhom effetti legali vinkolanti fir-rigward tas-sistema lingwistika tal-kompetizzjonijiet inkwistjoni u jikkostitwixxu, għalhekk, atti li jistgħu jiġu kkontestati”.

57.

Għaldaqstant, ir-raba’ parti tal-ewwel aggravju hija infondata.

58.

Kif diġà indikajt fil-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fid-dawl ta’ din il-konklużjoni, l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni fil-partijiet l-oħra tal-ewwel aggravju b’hekk isiru ineffettivi: peress li l-avviżi ta’ kompetizzjoni individwali setgħu fi kwalunkwe każ jiġu kkontestati b’mod indipendenti, il-kwistjonijiet tan-natura ġuridika tar-Regoli Ġenerali, u ta’ jekk dawn setgħux jiġu kkontestati jew le separatament, isiru irrilevanti għall-iskop ta’ dan l-appell.

59.

Għaldaqstant, nissuġġerixxi li ma hemmx ħtieġa għall-Qorti tal-Ġustizzja li tindirizza xi waħda mill-partijiet l-oħra tal-ewwel aggravju. Madankollu, għall-finijiet ta’ kompletezza, u sabiex nassisti lill-Qorti tal-Ġustizzja b’mod sħiħ fil-każ li tasal għal konklużjoni differenti dwar in-natura ġuridika tal-avviżi, issa ser nittratta b’mod konċiż it-tliet partijiet li fadal tal-ewwel aggravju.

2. L-ewwel u t-tielet partijiet tal-ewwel aggravju: in-natura ġuridika tar-Regoli Ġenerali

60.

Bl-ewwel u bit-tielet partijiet tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta interpretat in-natura ġuridika tar-Regoli Ġenerali. Il-Kummissjoni tqis li r-Regoli Ġenerali pproduċew effetti vinkolanti sa fejn stabbilew il-qafas legali lingwistiku applikabbli għall-kompetizzjonijiet, li l-avviżi ta’ kompetizzjoni sempliċement ikkonfermaw.

61.

Ikolli naqbel mal-ewwel parti tal-argument tal-Kummissjoni: jiġifieri li r-Regoli Ġenerali huma att ġuridiku li jista’ jiġi kkontestat fihom innifishom. Madankollu, b’kuntrast mat-tieni parti tal-argument tal-Kummissjoni, u għar-raġunijiet spjegati fit-taqsima preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, din id-dikjarazzjoni, fil-fehma tiegħi, bl-ebda mod ma tipprekludi l-fatt li anki avviżi ta’ kompetizzjoni individwali jistgħu jiġu kkontestati.

62.

Jidher, fid-dawl ta’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li r-Regoli Ġenerali tassew jistgħu jitqiesu bħala li jipproduċu effetti legali vinkolanti. Il-Qorti tal-Ġustizzja deċidiet b’mod kostanti, li kwalunkwe dispożizzjonijiet adottati mill-istituzzjonijiet, irrispettivament mill-forma tagħhom, li jkunu intiżi li jipproduċu effetti legali obbligatorji jitqiesu bħala “atti li jistgħu jiġu kkontestati” fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE ( 17 ). Sabiex tiddetermina jekk l-att ikkontestat jipproduċix effetti legali vinkolanti, huwa meħtieġ li tiġi eżaminata s-sustanza ta’ dak l-att u li dawn l-effetti jiġu evalwati fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, bħall-kontenut ta’ dak l-att, wara li jitqies, meta jkun meħtieġ, il-kuntest li fih ġie adottat u s-setgħat tal-istituzzjoni li adottat l-att ( 18 ).

63.

Fl-ewwel lok, fir-rigward ta’ kliemhom, ir-Regoli Ġenerali huma msejħa “regoli”, mhux “prinċipji” jew “qafas” jew kwalunkwe terminu ieħor li jirreferi għal sempliċi rakkomandazzjoni. Huma fformulati wkoll f’termini pjuttost obbligatorji ( 19 ), u b’mod ċar imorru lil hinn minn kull stedina jew suġġeriment. It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-kontenut tagħhom, il-parti introduttorja tar-Regoli Ġenerali tiddikjara b’mod espliċitu li dawn jikkostitwixxu (flimkien mal-avviż ta’ kompetizzjoni), “il-qafas obbligatorju tal-proċedura tal-kompetizzjoni”.

64.

It-tielet nett, fuq il-livell sistemiku, in-natura vinkolanti tar-Regoli Ġenerali tista’ tiġi dedotta wkoll mill-fatt li, fil-prattika u, tal-inqas, dawn joħolqu obbligi li jaqgħu fuq l-EPSO nnifsu. Fil-fatt, ir-Regoli Ġenerali jimponu fuq l-EPSO – jew, skont kif ikun il-każ, fuq istituzzjoni speċifika li torganizza kompetizzjoni ġenerali – obbligu ta’ motivazzjoni biex wieħed jitbiegħed mir-regoli tas-sistema predefinita għall-għażla tat-tieni lingwa. Dan id-dover li espressament ikun hemm deroga jew “nonparteċipazzjoni” fir-Regoli Ġenerali f’avviż ta’ kompetizzjoni speċifiku sabiex tiġi stabbilita għażla tal-lingwi differenti neċessarjament timplika li r-Regoli Ġenerali huma vinkolanti. Kieku ma kinux vinkolanti, ma jkunx jeżisti obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni li ma jiġux segwiti r-Regoli Ġenerali.

65.

Barra minn hekk, ma hemm l-ebda dubju li dik id-dimensjoni istituzzjonali, fejn in-natura vinkolanti tar-Regoli Ġenerali tistabbilixxi l-obbligu ta’ motivazzjoni għal kwalunkwe devjazzjoni minn dawn ir-regoli, għandha riperkussjonijiet usa’. Billi stabbilixxa din is-sistema predefinita fir-Regoli Ġenerali, l-EPSO ħoloq aspettattivi leġittimi għal kandidati fir-rigward tar-regoli li suppost jiġu segwiti mhux biss mill-kandidati, imma wkoll mill-EPSO nnifsu. Kwalunkwe strument bħal dak adottat minn istituzzjonijiet jew korpi tal-Unjoni għalhekk jista’ raġonevolment jitqies bħala (awto)limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-diskrezzjoni tagħhom stess fil-futur ( 20 ), u b’hekk b’mod ċar tissaħħaħ ir-rilevanza normattiva ta’ kwalunkwe dokument bħal dan.

66.

Fi ftit kliem, il-kliem u l-kontenut tar-Regoli Ġenerali, flimkien mal-kuntest tagħhom u mal-intenzjoni tal-EPSO meta abbozzahom, kollha jindikaw id-direzzjoni li jiġu rrikonoxxuti l-effetti legali vinkolanti taghħom, bħala s-sistema predefinita li għandha tiġi applikata għal kompetizzjonijiet kollha, ħlief jekk l-EPSO jagħżel b’mod ċar biex ma japplikahomx speċifikament, ħaġa li trid tkun immotivata f’kull każ individwali.

67.

Din il-konklużjoni bl-ebda mod ma hija kkontestata mill-fatt li, kif diġà indikajt fil-punti 53 u 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet, it-tressiq ta’ talba għal annullament direttament u esklużivament kontra r-Regoli Ġenerali x’aktarx li tkun problematika f’termini ta’ locus standi u ta’ termini ta’ dekadenza. Tabilħaqq, fuq livell individwali, ikun pjuttost diffiċli għal applikant futur f’kompetizzjoni li tkun ġejja li jipprova li huwa direttament u individwalment ikkonċernat mir-Regoli Ġenerali biex iressaq talba bħal dik, kif meħtieġ fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Madankollu, Stat Membru – bħar-Repubblika Taljana f’din il-kawża – jew rikorrent privileġġat ieħor, ma għandu għalfejn jipprova l-ebda interess bħal dan ( 21 ).

68.

Madankollu, għalkemm il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma rrikonoxxietx l-effetti vinkolanti tar-Regoli Ġenerali, l-ewwel u t-tielet partijiet tal-ewwel aggravju huma ineffettivi. Fil-fatt, peress li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-avviżi kkontestati kellhom effetti vinkolanti u b’hekk b’mod korrett ippermettiet l-eżami ġudizzjarju tagħhom, il-fatt li hija ma rrikonoxxietx ukoll il-forza legali vinkolanti tar-Regoli Ġenerali ma kellu l-ebda impatt fuq id-dispożittiv tas-sentenza tagħha.

3. It-tieni parti tal-ewwel aggravju: is-setgħat tal-EPSO

69.

Fl-aħħar nett, permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni tinvoka żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, li jistabbilixxi s-setgħat tal-EPSO, sa fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet is-setgħa tal-EPSO li jadotta “regoli vinkolanti ġenerali u astratti”.

70.

Għal darba oħra, ma jidhirlix li huwa meħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tindirizza din il-parti tal-ewwel aggravju. Fil-fatt, peress li l-argumenti ewlenin tal-Qorti Ġenerali għall-annullament tal-avviżi kkontestati kienu ta’ natura differenti, ma narax kif il-kontestazzjoni ta’ kumment inċidentali mill-Qorti Ġenerali tista’ twassal għall-annullament tas-sentenza appellata. Din il-parti tal-ewwel aggravju hija għalhekk ineffettiva.

71.

Madankollu, nixtieq nenfasizza li, kieku tali argument kellu jiġu evalwat, tkun meħtieġa diskussjoni ferm iktar dettaljata sabiex jiġi interpretat b’mod korrett l-Artikolu 7(1) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal u jiġi evalwat ir-rwol tar-Regoli Ġenerali fid-dawl tas-setgħat mogħtija lill-EPSO permezz ta’ din id-dispożizzjoni.

72.

L-Artikolu 7(1) jiddikjara li l-EPSO huwa fdat bir-responsabbiltà biex jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li standards uniformi jkunu applikati fil-proċeduri tal-għażla tal-uffiċjali tal-Unjoni.

73.

Meta wieħed iħares lejn it-test u l-kuntest u l-loġika tiegħu, jien ma naqbilx, minn naħa, mal-konstatazzjoni kemxejn ġenerali u kategorika tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 56 tas-sentenza appellata, li skont l-Artikolu 7(1) l-EPSO ma jista’ qatt jiġi permess li jadotta “regoli vinkolanti ġenerali u astratti”. Jekk l-EPSO jrid jiżgura li standards uniformi jiġu applikati fil-proċeduri tal-għażla, jiġifieri fil-kompetizzjonijiet kollha, dan neċessarjament jimplika li għandu jkollu s-setgħa li jadotta regoli ġenerali li jistgħu jiġu applikati għal kompetizzjonijiet futuri, kif indikat ġustament il-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha.

74.

Madankollu, min-naħa l-oħra, u b’kuntrast mal-Kummissjoni, jien inqis li l-kamp ta’ applikazzjoni sostantiv tas-setgħat mogħtija lill-EPSO minn din id-dispożizzjoni huwa ferm inqas ċar. L-EPSO jista’ ċertament jadotta “regoli vinkolanti ġenerali u astratti” – jew, fil-kliem l-Artikolu 7(1), “standards uniformi” – rigward l-organizzazzjoni teknika ta’ kompetizzjonijiet, bħal, pereżempju, deċiżjoni prospettiva u ġenerali dwar it-tip ta’ testijiet jew mistoqsijiet li għandhom isiru, l-użu (jew in-nuqqas ta’ użu) tal-kompjuters, il-ħin permess biex jitwettqu t-testijiet, u l-bqija.

75.

Madankollu, l-EPSO jista’, bl-istess mod, jiddeċiedi effettivament dwar il-futur tas-sistema lingwistika fi ħdan l-istituzzjonijiet? Huwa verament possibbli li jiġi sostnut li l-għażla ta’ lingwi tal-kompetizzjonijiet, li bla dubju ser ikollhom impatt fuq il-lingwi użati sussegwentement fi ħdan l-istituzzjonijiet, hija biss sempliċi regola teknika jew organizzattiva għal proċedura ta’ għażla għal uffiċjali, li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “standard uniformi”, fis-sens tal-Artikolu 7(1) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal?

76.

Mingħajr ma jiġi ssuġġerit li hemm xi ħsieb li jsir dan, li tali possibbiltà tkun permessa jwassal biex is-sitwazzjoni toqrob ħafna b’mod perikoluż għall-evitar tar-Regolament Nru 1 u tal-Artikolu 342 TFUE, li jipprovdi li r-regoli li jirregolaw il-lingwi tal-istituzzjonijiet għandhom, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet previsti fl-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ( 22 ), jiġu stabbiliti mill-Kunsill li jaġixxi b’mod unanimu. Din il-kwistjoni għandha wkoll dimensjoni ratione temporis qawwija ħafna. Anki devjazzjoni temporanja mis-sistema lingwistika li għandha tiġi applikata (korrettament) għal kompetizzjonijiet x’aktarx li jkollha effetti fit-tul fuq il-bilanċ lingwistiku futur fi ħdan l-istituzzjonijiet. Il-preżent jifforma l-futur, u għalhekk il-futur hekk ifformat dalwaqt jibda jiddefinixxi l-ħtiġijiet attwali oġġettivi tal-istituzzjonijiet f’termini ta’ lingwi.

77.

B’hekk, anki kieku fil-fatt tikkontesta dak il-kumment inċidentali tal-Qorti Ġenerali, inkun pjuttost sorpriż jekk il-Kummissjoni verament xtaqet tindirizza din il-kwistjoni (kostituzzjonali) sinjifikattiva fil-kuntest ta’ dan l-appell. Hu x’inhu l-każ, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja issolvi din il-parti tal-ewwel aggravju sempliċement billi tiddeċiedi li, fid-dawl tat-talbiet tal-Kummissjoni fil-kuntest ta’ dan l-appell, din il-parti tal-ewwel aggravju hija ineffettiva.

B.   It-tieni aggravju

78.

Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, il-Kummissjoni ssostni li, fil-punti 91 u 92 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal. Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali kienet żbaljata meta sostniet, fuq il-bażi tal-punt 102 tas-sentenza tat-27 ta’ Novembru 2012, L-Italja vs Il-Kummissjoni (iktar ’il quddiem is-“sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni I”) ( 23 ), li l-limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa kienet tikkostitwixxi, fiha nnifsha, diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa. Il-Kummissjoni ssostni li dak il-punt irrefera għall-obbligu ta’ pubblikazzjoni ta’ avviżi ta’ kompetizzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali fil-lingwi uffiċjali kollha. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet, fil-punt 92 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal jipprojbixxi d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa. Il-Kummissjoni targumenta li din id-dispożizzjoni tippermetti differenzi fit-trattament taħt ċerti kundizzjonijiet.

79.

Fil-fehma tiegħi, din il-parti tat-tieni aggravju hija infondata.

80.

L-ewwel nett, ir-riferiment li sar mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 91 tas-sentenza appellata, għas-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni I, kien riferiment addizzjonali magħmul f’konklużjoni ta’ argument u introdotti minn “ara f’dan is-sens”. Jirriżulta b’mod ċar li dik iċ-ċitazzjoni ma kinitx tikkostitwixxi bażi għall-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, f’dak il-punt, li l-limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa kienet tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa. Ir-raġunijiet għal din il-konklużjoni huma indikati fil-punti ta’ qabel ir-riferiment ikkontestat fil-punt 91. Permezz ta’ dan l-argument, il-Kummissjoni tidher għal darba oħra li qed tikkontesta riferiment inċidentali imma mhux ir-raġunijiet sostantivi għal kumment tal-Qorti Ġenerali.

81.

It-tieni nett, meta ddikjarat, fil-punt 92 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal jipprojbixxi kull diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa, ma jsegwix li l-Qorti Ġenerali kellha l-intenzjoni li teskludi l-possibbiltà li tiġġustifika tali diskriminazzjoni taħt ċerti kundizzjonijiet. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali kkonstatat espressament, fil-punt 88 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 1d jippermetti limitazzjonijiet għall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

82.

Jien għalhekk nikkunsidra li, fil-punt 92 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sempliċement fakkret li l-prinċipju ġenerali tal-Artikolu 1d huwa l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni għal kwalunkwe raġuni bħal, inter alia, il-lingwa. Madankollu, meta wieħed jaqra t-taqsima kollha tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali, minn din id-dikjarazzjoni ma jistax jiġi dedott li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Artikolu 1d ma jippermettix li tali diskriminazzjoni tkun iġġustifikata taħt ċerti kundizzjonijiet.

83.

Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-punti 98 sa 104 tas-sentenza appellata jikkostitwixxu motivazzjoni żbaljata, peress li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx jekk ir-Regoli Ġenerali kinux “komunikazzjonijiet” jew “atti oħrajn” fis-sens tal-punt 91 tas-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni I. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-motivazzjoni tas-sentenza appellata hija insuffiċjenti peress li l-Qorti Ġenerali eżaminat biss il-ġustifikazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa li tinsab fl-avviżi kkontestati, imma mhux il-ġustifikazzjoni tagħha li tinsab fir-Regoli Ġenerali.

84.

Fil-fehma tiegħi, anki din il-parti tat-tieni aggravju hija infondata.

85.

Huwa minnu li fil-punt 91 tas-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni I, il-Qorti tal-Ġustizzja nnutat, l-ewwel nett, li l-istituzzjonijiet ikkonċernati mill-kompetizzjonijiet inkwistjoni f’dik il-kawża qatt ma kienu adottaw regoli ta’ proċedura skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1. Hija mbagħad żiedet tgħid li “l-Kummissjoni lanqas ma invokat l-eżistenza ta’ atti oħrajn, bħal komunikazzjonijiet li jistipulaw il-kriterji għal limitazzjoni tal-għażla ta’ lingwa bħala t-tieni lingwa għall-parteċipazzjoni għall-kompetizzjonijiet” (enfasi miżjuda). Fl-aħħar nett, innotat li l-avviżi tal-kompetizzjoni kkontestati f’dik il-kawża “ma [kien] fihom l-ebda motivazzjoni li tiġġustifika l-għażla tat-tliet lingwi inkwistjoni”. Din l-aħħar sentenza kienet attwalment fil-qalba tal-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali, sa fejn hija ddeċidiet, fil-punt 90 ta’ dik is-sentenza, ir-“regoli li jillimitaw l-għażla tat-tieni lingwa għandhom jipprevedu kriterji ċari, oġġettivi u prevedibbli sabiex il-kandidati jkunu jistgħu jsiru jafu suffiċjentement bil-quddiem liema eżiġenzi lingwistiċi huma meħtieġa, u dan sabiex ikunu jistgħu jippreparaw ruħhom għall-kompetizzjonijiet fl-aħjar kundizzjonijiet”.

86.

Madankollu, ma nistax nara kif din il-motivazzjoni speċifika tal-Qorti tal-Ġustizzja jkollha l-konsegwenzi li l-Kummissjoni donnha qed tattribwilha. Ma jidhirlix li fil-punt 91 tas-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet xi kriterji li abbai tagħhom għandha tiġi evalwata n-natura ġuridika ta’ dawk il-komunikazzjonijiet, u wisq inqas li qalet li t-tali evalwazzjoni, fil-fatt, ikollha titwettaq sabiex “tattiva” dak li ġie ddikjarat fil-punt 91. Ir-riferiment għal “atti oħrajn, bħal komunikazzjonijiet” sempliċement ifisser, fil-fehma tiegħi, li dik l-istituzzjoni għandha tadotta kull att (ġeneriku ta’ kwalunkwe tip) bħal dan sabiex il-kandidati jistgħu jkunu jafu minn qabel x’se jkun mitlub minnhom. Għaldaqstant, il-fatt li l-Qorti Ġenerali, fis-sentenza appellata, ma eżaminatx jekk ir-Regoli Ġenerali kinux jikkostitwixxu tali komunikazzjonijiet għall-finijiet tal-kumment tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 91 bl-ebda mod ma jivvizzja l-motivazzjoni tagħha.

87.

Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx il-ġustifikazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa stabbilita mir-Regoli Ġenerali. Sa fejn, kif donnha tirrikonoxxi l-Kummissjoni stess, ma hemmx sovrapożizzjoni bejn dan l-argument u l-kwistjonijiet imqajjma u trattat taħt l-ewwel aggravju ( 24 ), huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li fis-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali eżaminat il-ġustifikazzjoni li hemm mhux biss fl-avviżi kkontestati, imma wkoll fir-Regoli Ġenerali (il-punt 115) u fil-Linji Gwida Ġenerali (il-punt 116).

88.

B’konsegwenza ta’ dan, l-argumenti kollha mressqa mill-Kummissjoni fil-kuntest tat-tieni aggravju huma infondati.

C.   It-tielet aggravju

89.

It-tielet aggravju jirrigwarda l-legalità tal-limitazzjoni għall-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż bħala l-għażliet tat-tieni lingwa għall-kompetizzjonijiet. L-ewwel parti ta’ dan l-aggravju hija relatata mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal u r-relazzjoni preċiża tiegħu mal-Artikolu 28(f) tiegħu (1). It-tieni u t-tielet partijiet jirrigwardaw il-parametri magħżula mill-Qorti Ġenerali sabiex tistħarreġ il-legalità tal-avviżi ta’ kompetizzjoni u l-intensità tal-istħarriġ li hija wettqet (2).

1. L-ewwel parti tat-tielet aggravju: ir-relazzjoni bejn l-Artikolu 27 u l-Artikolu 28(f) tar-Regolamenti tal-Persunal - il-lingwa hija kapaċità?

90.

Permezz tal-ewwel parti tat-tielet aggravju, il-Kummissjoni ssostni li s-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 28(f) tar-Regolamenti tal-Persunal li jinsab fil-punt 106 ta’ din is-sentenza. F’dak il-punt, il-Qorti Ġenerali qalet li huwa biss l-għan li jkun hemm kandidati li jistgħu jaħdmu immedjatament li jista’ jiġġustifika diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwi. B’kuntrast ma’ dan, il-Qorti Ġenerali nnotat li l-għan ta’ reklutaġġ ta’ uffiċjali tal-ogħla standard ta’ kapaċità, effiċjenza u integrità ma jistax jiġġustifika tali diskriminazzjoni. Dan minħabba li dawk il-kwalitajiet huma manifestament indipendenti minn għarfien lingwistiku.

91.

Il-Kummissjoni ssostni li, skont l-Artikolu 28(f) tar-Regolamenti tal-Persunal, l-għarfien tal-lingwi huwa waħda mill-kundizzjonijiet sabiex wieħed jiġi rreklutat f’pożizzjoni fl-istituzzjonijiet. Għaldaqstant tikkunsidra li dan l-għarfien huwa parti mir-rekwiżiti ta’ “kapaċità” fis-sens tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal.

92.

Jista’ jingħad li, minn perspettiva testwali, il-kunċett ta’ “kapaċità” kif użat fl-Artikolu 27 jista’ jiġi ddefinit bħala “li jkollok l-mezzi jew il-ħila li tagħmel xi ħaġa” ( 25 ) jew bħala “kompetenza biex tagħmel xi ħaġa” [traduzzjoni libera] ( 26 ). Din l-idea ta’ “kapaċità” peress li hija relatata ma’ “kompetenza” jew li jkun hemm il-ħila li “tagħmel” xi ħaġa hija kkonfermata wkoll minn verżjonijiet lingwistiċi oħra tar-Regolamenti tal-Persunal, li jużaw it-termini “compétence” ( 27 ) (bil-Franċiż), “Befähigung” ( 28 ) (bil-Ġermaniż), “competenza” ( 29 ) (bit-Taljan), “competencia” ( 30 ) (bl-Ispanjol) jew “způsobilost” ( 31 ) (biċ-Ċek).

93.

It-tifsira preċiża tal-kunċett ta’ “kapaċità” użat fl-Artikolu 27 tista’ tiġi vvalutata wkoll b’mod sistematiku, b’riferiment għall-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal. L-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi l-“kondizzjoni” sabiex jinħatar uffiċjal, inkluż, fil-punt (f), il-kundizzjoni li l-kandidat “jipproduċi evidenza ta’ għarfien komplut ta’ waħda mill-lingwi tal-Unjoni u ta’ għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa oħra tal-Unjoni sal-punt meħtieġ biex iwettaq id-dmirijiet tiegħu”.

94.

Madankollu, l-Artikolu 28 fih taħlita ta’ elementi differenti. Xi wħud minn dawn l-elementi jistgħu jiġu kklassifikati bħala kundizzjonijiet ta’ “eliġibbiltà”, bħal pereżempju, il-kundizzjoni li tkun ċittadin ta’ wieħed mill-Istati Membri u li tgawdi minn drittijiet sħaħ bħala ċittadin (punt a), tkun issodisfajt kwalunkwe obbligu tas-servizz militari (punt b), u li tkun fiżikament b’saħħtek biex twettaq id-dmirijiet tiegħek (punt e). Min-naħa l-oħra, elementi oħra jidhru li huma kundizzjonijiet li jirrigwardaw il-“kompetenza” tal-uffiċjal, bħalma huwa li jiġu prodotti r-referenzi adegwati dwar il-karattru dwar l-adegwatezza tiegħu għall-qadi ta’ dmirijietu (punt c) jew li jkun għadda minn kompetizzjoni bbażata fuq jew kwalifiki jew eżamijiet, jew kemm kwalifiki kif ukoll eżamijiet (punt d).

95.

Fid-dawl ta’ din it-taħlita ta’ elementi differenti, nikkunsidra li ftit li xejn jista’ wieħed jasal għal konklużjoni, jekk hemm, b’mod ċar minn tali argument sistematiku u r-relazzjoni bejn l-Artikoli 27 u 28 tar-Regolamenti tal-Persunal għad-diskuzzjoni dwar jekk dik il-lingwa għandhiex tiġi kkwalifikata bħala “għarfien” jew bħala “kapaċità” fis-sens tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal.

96.

Barra minn hekk, ma hemmx gwida ċara dwar din il-kwistjoni li tista’ tiġi dedotta mill-punt 94 tas-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni I, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huma l-istituzzjonijiet li għandhom “jibbilanċjaw l-għan leġittimu li jiġġustifika l-limitazzjoni tan-numru ta’ lingwi tal-kompetizzjonijiet u l-għan li jiġu identifikati l-kandidati li għandhom l-ogħla kwalitajiet ta’ kompetenza” ( 32 ).

97.

Fl-aħħar nett, huwa ċar ukoll li wieħed jifhem li l-kunċett ta’ “kapaċità” fir-rigward ta’ għarfien lingwistiku jista’ sa ċertu punt jiddependi mill-kuntest, b’mod partikolari fid-dawl tal-pożizzjoni rreklamata. Pereżempju, fil-każ ta’ kariga ta’ traduttur, interpretu, jew ġurista lingwista, għarfien ta’ lingwi jistgħu iktar faċilment jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “kapaċità” jew “kompetenza” milli għal karigi oħra li jkunu jiddependu inqas fuq il-lingwa ( 33 ).

98.

Personalment, ma nsib ebda diffikultà kbira, fuq il-bażi tat-tifsira naturali tal-kliem użat, li l-għarfien lingwistiku jiddaħħal taħt il-kunċett ta’ “kapaċità” fis-sens tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal ( 34 ). Madankollu, fil-fatt għandi ftit iktar diffikultà biex nara għaliex tali element anċillari tal-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali, magħmul fil-punt 106 tas-sentenza appellata, għandu jkun ta’ importanza kbira fil-kuntest ta’ dan l-appell. Fil-fehma tiegħi, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha ssib li l-għarfien ta’ lingwa, kif meħtieġ mill-Artikolu 28(f), jista’ jiġi kklassifikat bħala “kapaċità” fis-sens tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal, dan xorta waħda ma jwassal bl-ebda mod għall-annullament tas-sentenza appellata ( 35 ).

99.

Fil-fatt, l-avviżi kkontestati ġew annullati essenzjalment minħabba nuqqas ta’ ġustifikazzjoni suffiċjenti tal-limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa. Madankollu, il-punt 106 tas-sentenza appellata ma jirrigwardax din il-kwistjoni. Għalhekk, l-ewwel parti tat-tielet aggravju tidher li hija ineffettiva.

2. It-tieni u t-tielet partijiet tat-tielet aggravju: il-kuntest u l-intensità tal-istħarriġ tal-legalità tal-avviżi ta’ kompetizzjoni

100.

Permezz tat-tieni parti tat-tielet aggravju, il-Kummissjoni tikkontesta l-parametri jew il-kriterji użati mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 107 sa 117 tas-sentenza appellata, biex tistħarreġ il-legalità tal-avviżi ta’ kompetizzjoni. Hija ssostni li s-sentenza hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-portata tas-setgħa diskrezzjonali li l-EPSO jgawdi fid-determinazzjoni tal-kriterji ta’ kapaċità li l-kandidati għandhom jissodisfaw. Il-Kummissjoni tfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ħtieġet biss, fil-punt 90 tas-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni I, li “r-regoli li jillimitaw l-għażla tat-tieni lingwa għandhom jipprevedu kriterji ċari, oġġettivi u prevedibbli sabiex il-kandidati jkunu jistgħu jsiru jafu suffiċjentement bil-quddiem liema eżiġenzi lingwistiċi huma meħtieġa, u dan sabiex ikunu jistgħu jippreparaw ruħhom għall-kompetizzjonijiet fl-aħjar kundizzjonijiet” (enfasi miżjuda). Madankollu dan ma jiġġustifikax il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 152 tas-sentenza appellata, fis-sens li l-EPSO kellu jipproduċi “elementi konkreti u verifikabbli”.

101.

Permezz tat-tielet parti tat-tielet aggravju, il-Kummissjoni tikkritika wkoll l-intensità tal-istħarriġ magħmul mill-Qorti Ġenerali fil-punti 120 sa 144 tas-sentenza appellata. Hija tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali marret lil hinn mil-limiti tas-setgħa ta’ stħarriġ ġudizzjarju tagħha u ssostitwixxiet ruħha għall-amministrazzjoni meta evalwat id-data prodotta mill-Kummissjoni u kkonkludiet li dik id-data ma kinitx kapaċi ssostni l-argumenti li jiġġustifikaw il-limitazzjoni tat-tieni lingwa.

102.

Il-Kummissjoni, kemm bit-tieni kif ukoll bit-tielet partijiet tat-tielet aggravju, essenzjalment qiegħda tissuġġerixxi li l-Qorti Ġenerali qabżet il-limiti tas-setgħa tagħha ta’ stħarriġ ġudizzjarju u, bl-istess mod, injorat id-diskrezzjoni wiesgħa li l-EPSO jgawdi meta jiddefinixxi, f’isem l-istituzzjonijiet, il-kriterji ta’ kapaċità (lingwistika) li l-kandidati għandhom jissodisfaw.

103.

Jiena ma naqbilx.

104.

Għandu jitfakkar mill-bidu li l-istħarriġ tal-ewwel istanza quddiem il-qrati tal-Unjoni huwa stħarriġ ġudizzjarju sħiħ. Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li l-istħarriġ ta’ legalità previst fl-Artikolu 263 TFUE jinvolvi stħarriġ fir-rigward kemm ta’ liġi kif ukoll ta’ fatti, li jfisser li l-qorti kompetenti tal-Unjoni għandha s-setgħa, inter alia, sabiex tevalwa l-provi ( 36 ). Għalhekk, il-fatti kollha affermati minn istituzzjoni insostenn tad-deċiżjoni tagħha jistgħu jiġu evalwati mill-Qorti Ġenerali.

105.

Għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-parti l-kbira tar-raġunijiet li jirrigwardaw il-limitazzjoni tat-tieni lingwa li jinsabu fl-avviżi kkontestati u fir-Regoli Ġenerali, jiġifieri dawk l-elementi ta’ ġustifikazzjoni magħżula u offruti mill-EPSO insostenn tad-deċiżjoni tiegħu, huma dikjarazzjonijiet fattwali.

106.

Fost elementi oħra, l-avviżi kkontestati jinvokaw ( 37 ) l-eżistenza ta’ prassi twila “tal-Istituzzjonijiet tal-Unjoni li ilha titħaddem fir-rigward tal-lingwi użati għall-komunikazzjoni interna u b’kunsiderazzjoni wkoll tal-ħtiġijiet tas-servizzi dwar il-komunikazzjoni esterna u l-ipproċessar tal-fajls, l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż jibqgħu l-aktar lingwi użati”. Huma jżidu jgħidu “l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż huma l-lingwi sekondarji l-aktar użati fl-Unjoni Ewropea u dawk l-aktar studjati bħala lingwi sekondarji”. Skont l-avviżi, il-limitazzjoni tal-lingwi li għandhom jintużaw fiċ-ċentri ta’ evalwazzjoni, fejn jiġu evalwati l-kompetenzi speċifiċi, tippermetti “lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jevalwaw il-kapaċità tal-kandidati li jkunu jistgħu jaħdmu minnufih f’ambjent simili għal dak li jsibu fl-impjieg”.

107.

Ir-Regoli Ġenerali, kif ukoll il-Linji Gwida Ġenerali annessi magħhom, prinċipalment jagħtu ġustifikazzjonijiet simili ħafna, li huma wkoll ta’ natura fattwali. Barra minn hekk, il-Linji Gwida Ġenerali jistabbilixxu iktar elementi, billi jingħad li l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż intużaw tradizzjonalment “fil-laqgħat tal-membri tal-istituzzjonijiet”. Huma jsostnu li l-fatt li dawn huma l-“lingwi l-iktar użati ta’ sikwit għall-komunikazzjoni kemm interna kif ukoll esterna […] huwa ppruvat mill-istatistika dwar il-lingwi sors tat-testi tradotti mis-servizzi tat-traduzzjoni tal-istituzzjonijiet.” Din l-għażla tal-lingwi hija wkoll “iġġustifikata min-natura tat-testi involuti”, li huma “metodi ta’ evalwazzjoni bbażati fuq il-kompetenzi”. Il-Linji Gwida Ġenerali jgħidu wkoll li dawn it-tliet lingwi, apparti li huma l-iktar lingwi mitgħalma bħala lingwi barranin, huma wkoll “l-lingwi li n-nies jemmnu li huma l-aktar utli biex wieħed jitgħallimhom”. Fl-aħħar nett, huma jinvokaw ukoll l-istatistika li jgħidu li dawn il-lingwi kienu l-iktar lingwi magħżula bħala t-tieni lingwi minn kandidati tal-kompetizzjonijiet li saru fl-2005 kif ukoll fl-2010.

108.

Min-natura tagħhom, dawn id-dikjarazzjonijiet kollha huma fattwali li naturalment jistgħu, u jekk ikunu invokati bħala r-raġunijiet għal ċerta deċiżjoni amministrattiva, għandhom jiġu mistħarrġa ġudizzjarjament jekk dawn ikunu kkontestati quddiem il-qrati tal-Unjoni. Għaldaqstant jiena tal-fehma li l-Qorti Ġenerali ċertament ma wettqitx żball ta’ liġi meta hija għamlet evalwazzjoni ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet fattwali li jinsabu fl-avviżi kkontestati, fir-Regoli Ġenerali u fil-Linji Gwida Ġenerali.

109.

Ukoll, il-Qorti Ġenerali lanqas ma wettqet żball ta’ liġi meta stħarrġet iktar il-provi prodotti mill-Kummissjoni matul il-proċedura tal-ewwel istanza, għal darba oħra fil-forma ta’ dikjarazzjonijiet fattwali. Permezz ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet addizzjonali, il-Kummissjoni ssuġġeriet li l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż huma: (i) it-tliet lingwi prinċipali fid-deliberazzjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni; (ii) il-lingwi li fihom kważi d-dokumenti kollha huma tradotti mid-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni tagħha; (iii) il-lingwi l-iktar mitkellma mill-uffiċjali u mill-aġenti tagħha; u (iv) il-lingwi studjati u mitkellma l-iktar spiss bħala lingwi barranin fl-Istati Membri. L-evalwazzjoni ta’ tali dikjarazzjonijiet fattwali fid-dawl tal-provi prodotti mill-partijiet hija għal darba oħra eżattament dak li suppost jagħmlu l-qrati tal-Unjoni fil-proċeduri tal-ewwel istanza ( 38 ).

110.

Jidhirli li fl-interpretazzjoni tagħha tal-kunċett ta’ “marġni ta’ diskrezzjoni”, il-Kummissjoni qed tħallat ma’ xulxin żewġ kwistjonijiet differenti: il-fatt li istituzzjoni hija libera, fi ħdan il-limiti ta’ legalità, li tagħżel x’tixtieq tagħmel, il-mod kif hija tixtieq taġixxi, u mbagħad liema raġunijiet hija tixtieq tinvoka pubblikament u tistqarr għal dik id-deċiżjoni, ċertament ma jfissirx li, ladarba dawn l-għażliet ġew eżerċitati, ir-raġunijiet li jingħataw ma jistgħux jiġu mistħarrġa.

111.

Marġni (wiesa’) ta’ diskrezzjoni jimplika, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ċerta libertà fl-evalwazzjoni tal-fatti u x’deduzzjonijiet għandhom jirriżultaw minnhom, b’mod partikolari dawk li huma tekniċi jew politiċi ħafna ( 39 ). Madankollu, kif ġie kkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ għadd ta’ oqsma sostantivi tad-dritt, bħad-dritt tal-kompetizzjoni ( 40 ), l-għajnuna mill-Istat ( 41 ), jew il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni ( 42 ), il-fatt li l-amministrazzjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni ma jipproteġix id-dikjarazzjonijiet fattwali magħmula fit-teħid ta’ deċiżjoni f’dawk l-oqsma mill-istħarriġ ġudizzjarju potenzjali, b’mod partikolari mill-evalwazzjoni ta’ jekk il-fatti li fuqhom ġiet ibbażata d-deċiżjoni kkontestata humiex iddikjarati b’mod preċiż u jippermettux li ssir tali konklużjoni. Fl-aħħar nett, hemm oqsma oħra, bħat-trasport ( 43 ) jew l-agrikoltura ( 44 ), fejn il-marġni ta’ diskrezzjoni usa’ rikonoxxut jista’ tabilħaqq ifisser li jista’ jingħad li l-intensità tal-istħarriġ hija iktar baxxa. F’dawn l-oqsma, il-qorti tal-Unjoni tivverifika biss jekk l-eżerċizzju ta’ dik id-diskrezzjoni jinvolvix żball manifest jew jikkostitwixxix abbuż ta’ poter jew jekk l-istituzzjoni qabżitx b’mod ċar il-limiti tad-diskrezzjoni tagħha. Madankollu, anki f’dawk il-każijiet, l-istħarriġ bl-ebda mod ma huwa eskluż.

112.

Fil-qosor, il-marġni ta’ diskrezzjoni li tgawdi l-amministrazzjoni f’dan il-każ ċertament jinkludi l-għażla ta’ jekk u kif potenzjalment jiġi llimitat l-użu tat-tieni lingwa fil-kompetizzjonijiet. Din inkludiet ukoll l-għażla tat-tip ta’ argumenti li jistgħu jiġu invokati fir-rigward ta’ dak it-tip ta’ limitazzjonijiet potenzjali ( 45 ). Madankollu, ladarba l-EPSO ddeċieda li jimmotiva ċerta għażla tat-tieni lingwa fuq il-bażi ta’ sett ta’ dikjarazzjonijiet fattwali dwar kif dawk il-lingwi ntużaw u qed jintużaw fl-Ewropa, kemm fi ħdan l-istituzzjonijiet kif ukoll barra, dawk it-tipi ta’ dikjarazzjonijiet invokati fl-avviżi, ir-Regoli Ġenerali u l-Linji Gwida Ġenerali jistgħu jiġu mistħarrġa kompletament mill-qrati tal-Unjoni. Fit-twettiq ta’ dan l-istħarriġ, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma ssostitwixxiet l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-amministrazzjoni: hija sempliċement stħarrġet l-argumenti ppreżentati għal dik l-evalwazzjoni mill-amministrazzjoni.

113.

Nixtieq nenfasizza li dan ma jfissirx neċessarjament li naqbel mal-osservazzjonijiet kollha li l-Qorti Ġenerali għamlet matul l-evalwazzjoni robusta u bir-reqqa tagħha tal-argumenti mressqa mill-Kummissjoni. Dan ukoll ma huwiex, wara kollox, meħtieġ, peress li l-evalwazzjoni tal-fatti hija tabilħaqq il-kompitu tal-qorti tal-ewwel istanza ( 46 ). Madankollu ċertament naqbel mal-eżitu globali tal-kawża fis-sens tal-annullament tal-avviżi kkontestati.

114.

Jista’ jingħad ukoll, b’mod sussidjarju, li l-istess riżultat jista’ fil-fatt ukoll jintlaħaq kieku kellu jsir stħarriġ ta’ inqas intensità, kif issuġġeriet il-Kummissjoni (quod non). Il-verità sempliċi tibqa’ li meta kkunsidrati flimkien, id-dikjarazzjonijiet individwali tal-EPSO sempliċiment jiġbdu f’direzzjonijiet differenti. Għalhekk, huma inkonsistenti f’dak li jirrigwarda l-limitazzjoni eżatta tat-tieni lingwa għal kompetizzjoni għall-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż, għal darba oħra fuq il-livell ta’ dikjarazzjonijiet fattwali li jindikaw eżattament u dejjem dawk it-tliet lingwi. Xi wħud minn dawn l-argumenti jiġġustifikaw l-għażla ta’ waħda minn dawn il-lingwi (l-Ingliż), filwaqt li oħrajn jiġġustifikaw l-għażla ta’ iktar minn waħda, imma mhux dejjem l-istess lingwi.

115.

Għalhekk, inqis li l-Qorti Ġenerali ma qabżitx il-limiti tas-setgħat ta’ stħarriġ ġudizzjarju tagħha meta evalwat id-dikjarazzjonijiet fattwali kontra l-provi prodotti insostenn tagħhom. Għaldaqstant, it-tieni u t-tielet partijiet tat-tielet aggravju huma infondati.

D.   Ir-raba’ aggravju: il-limitazzjoni tal-lingwi ta’ komunikazzjoni bejn il-kandidati u l-EPSO - ir-relazzjoni bejn ir-Regolament Nru 1 u r-Regolamenti tal-Persunal

116.

Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1, fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk il-limitazzjoni tal-lingwi ta’ komunikazzjoni bejn il-kandidati u l-EPSO kinitx diskriminatorja. Il-Kummissjoni tikkritika l-interpretazzjoni, fil-punti 183 sa 185 tas-sentenza appellata, tas-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni I. B’mod iktar speċifiku, il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali ma kellhiex tiddeduċi mill-punti 68 u 69 tas-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni I li r-Regolament Nru 1 huwa applikabbli għal kandidati. Skont il-Kummissjoni, dawn il-punti jirrigwardaw l-obbligu li jiġu ppubblikati l-avviżi ta’ kompetizzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali bil-lingwi uffiċjali kollha. F’din il-kawża, l-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal huwa applikabbli u għalhekk iservi bħala bażi legali tal-limitazzjoni tal-lingwi ta’ komunikazzjoni bejn il-kandidati u l-EPSO.

117.

Għalhekk, dan l-aggravju essenzjalment iqajjem il-kwistjoni dwar jekk ir-Regolamenti tal-Persunal japplikawx għall-kandidati għal kompetizzjoni u, jekk dan ikun il-każ, minn liema mument. Sabiex tingħata risposta għal din il-kwistjoni, madankollu, għandha l-ewwel tiġi indirizzata kwistjoni iktar ġenerali: x’inhi r-relazzjoni bejn ir-Regolament Nru 1 u r-Regolamenti tal-Persunal?

118.

F’din it-taqsima, l-ewwel ser neżamina l-argumenti tal-partijiet dwar l-applikabbiltà ta’ kull wieħed minn dawn ir-regolamenti għall-kandidati f’kompetizzjoni (1), qabel ma niċċara kif naħseb li l-punti 68 u 69 tas-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni I għandhom jiġu interpretati (2). Imbagħad ser nindirizza l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal (3) u nissuġġerixxi li dawn japplikaw għal kandidati meta dawn jissottomettu applikazzjoni għal kompetizzjoni speċifika (4). Madankollu, ir-Regolament Nru 1, bħala l-qafas leġiżlattiv ġenerali dwar il-lingwi, għandu ċertu rwol fil-qafas tal-kompetizzjonijiet u anki iktar tard (5). Dawk il-kunsiderazzjonijiet iwasslu għall-konklużjoni li r-raba’ aggravju tal-Kummissjoni huwa fondat sew. Madankollu, peress li dan il-fatt ma jbiddilx l-eżitu tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tipproċedi, fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-raba’ aggravju, għal sostituzzjoni tal-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali (6).

1. L-argumenti tal-partijiet dwar ir-regoli applikabbli għall-kandidati

119.

Il-Kummissjoni sostniet waqt is-seduta li, fil-mument tal-pubblikazzjoni tal-avviżi ta’ kompetizzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali, ir-Regolament Nru 1 u r-Regolamenti tal-Persunal japplikaw flimkien. Dan jista’ jiġi ġġustifikat mill-fatt li, minn naħa, ir-Regolamenti tal-Persunal jiddikjaraw li l-avviżi ta’ kompetizzjoni ġenerali għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u, min-naħa l-oħra, ir-Regolament Nru 1 jipprovdi li Il-Ġurnal Uffiċjali għandu jiġi ppubblikat fil-lingwi uffiċjali (kollha). Madankollu, il-Kummissjoni ssuġġeriet ukoll li ladarba kandidat jissottometti applikazzjoni, ir-Regolament Nru 1 ma jibqax japplika għall-kandidat, li jsir suġġett biss għar-Regolamenti tal-Persunal.

120.

Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika Taljana u r-Renju ta’ Spanja sostnew li l-kompetizzjonijiet huma rregolati bir-Regolament Nru 1 biss. Ir-Regolamenti tal-Persunal jistgħu jsiru applikabbli f’data iktar tard li ma tkunx ġiet identifikata minn dawn iż-żewġ partijiet, iżda fi kwalunkwe każ ma jkunux japplikaw għal kandidati, li jkunu b’hekk suġġetti biss għar-Regolament Nru 1. B’implikazzjoni, nassumi loġikament li skont din il-pożizzjoni, il-proċedura tal-għażla kollha għandha tkun irregolata mir-Regolament Nru 1 u r-Regolamenti tal-Persunal isiru applikabbli biss ladarba uffiċjal jidħol fil-kariga.

2. Is-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni I

121.

L-ewwel nett, fid-dawl tal-argumenti mressqa mill-Kummissjoni insostenn ta’ dan l-aggravju, huwa importanti li tiġi ċċarata t-tifsira u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 68 u 69 tas-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni I. Fil-punt 68, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fl-assenza ta’ regoli speċifiċi adottati, b’mod partikolari, bis-saħħa tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1, ma kien hemm ebda dokument li “jwassal għall-konklużjoni li r-relazzjonijiet bejn [l]-istituzzjonijiet u l-uffiċjali u l-membri tal-persunal tagħhom huma totalment esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1”. Fil-punt 69, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet tgħid: “dan huwa l-istess għal dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet bejn istituzzjonijiet u kandidati għall-kompetizzjoni esterna li, fil-prinċipju, la huma uffiċjali u lanqas membri tal-persunal”.

122.

Sabiex jiġu evalwati t-tifsira u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, u speċjalment tal-punt 69, huwa importanti li jitqiegħdu fil-kuntest tas-sezzjoni xierqa tal-motivazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li fihom saru. Fis-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni I, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat l-obbligu dwar il-pubblikazzjoni tal-avviżi ta’ kompetizzjoni, fil-kuntest ta’ każ fejn l-avviżi ta’ kompetizzjoni kkontestati ġew ippubblikati b’mod sħiħ biss fil-verżjoni Ingliża, f’dik Franċiża u f’dik Ġermaniża ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali. Id-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1 għall-kandidati għal kompetizzjoni esterna għalhekk saret fir-rigward tal-obbligu għall-pubblikazzjoni tal-avviżi ta’ kompetizzjoni, u mhux dwar l-għażla tat-tieni lingwa, li ġiet indirizzata f’taqsima differenti tas-sentenza (punti 79 et seq).

123.

Barra minn hekk, l-argument prinċipali fir-rigward ta’ dik il-kwistjoni legali lanqas biss kien, fil-fehma tiegħi, imressaq fil-punt 69 tas-sentenza, dwar l-inklużjoni ta’ kandidati għal kompetizzjonijiet esterni fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1. Minflok, l-argument konklużiv għall-konstazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-obbligu li jkunu ppubblikati l-avviżi ta’ kompetizzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali (skont l-Artikolu 1(2) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal) fil-lingwi uffiċjali kollha (kif meħtieġ mill-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1) kien jinsab fil-punti 70 u 71 tas-sentenza.

124.

B’konsegwenza ta’ dan, dak li jsegwi mis-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni I huwa li avviżi ta’ kompetizzjoni għandhom jiġu ppubblikati fil-lingwi uffiċjali kollha. Huwa wkoll pjuttost ċar li f’dak il-mument preċiż u f’dak li jirrigwarda l-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali, japplika r-Regolament Nru 1. Madankollu, din is-sentenza, fil-fehma tiegħi, ma tatx tweġiba għall-mistoqsija dwar jekk il-kandidati għal kompetizzjoni humiex suġġetti għar-Regolamenti tal-Persunal.

3. Ir-Regolamenti tal-Persunal japplikaw għall-kandidati?

125.

Sabiex wieħed jifhem ir-relazzjoni bejn ir-Regolament Nru 1 u r-Regolamenti tal-Persunal, għandu jiġi analizzat l-ewwel il-kamp ta’ applikazzjoni taż-żewġ miżuri.

126.

Huwa pjuttost ċar li r-Regolament Nru 1 huwa s-sistema ġenerali, li fih regoli predefiniti li jirregolaw il-lingwi tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Jekk u sakemm ma jkunx hemm espressament deroga minnha, din is-sistema tibqa’ applikabbli.

127.

Madankollu, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal huwa kemxejn inqas ċar.

128.

Minn naħa, hemm l-Artikolu 1 tar-Regolamenti tal-Persunal, li, jekk jinqara waħdu, jista’ jipprovdi risposta pjuttost ċara u sempliċi. Dan jgħid li r-Regolamenti tal-Persunal “japplikaw għall-uffiċjali tal-Unjoni”. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 1a(1) jiddefinixxi l-kunċett ta’ “uffiċjali tal-Unjoni” bħala “kull persuna li kien maħtur […] għal posizzjoni stabbilita fil-persunal ta’ waħda mill-istituzzjonijiet”.

129.

Min-naħa l-oħra, dispożizzjonijiet oħra tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll għadd ta’ kunsiderazzjonijiet sistemiċi oħra jidher li jwasslu għal konklużjoni differenti, tista’ tgħid iktar sfumata.

130.

L-ewwel nett, hemm ħafna appoġġ testwali u sistemiku għall-argument li ratione materiae, ir-Regolamenti tal-Persunal huma applikabbli għall-proċess ta’ reklutaġġ. Ir-Regolamenti tal-Persunal fihom kapitolu (sħiħ) intitolat “Reklutaġġ”, jiġifieri l-Kapitolu 1 tat-Titolu III, li jinkludi l-Artikoli 27 sa 34. Dan il-kapitolu mhux biss jittratta l-aħħar stadju tal-proċess ta’ reklutaġġ, jiġifieri l-proċedura amministrattiva ta’ ħatra ta’ uffiċjal għal pożizzjoni partikolari fi ħdan istituzzjoni, iżda jipprovdi wkoll, fl-Artikolu 30, li l-awtorità tal-ħatra għandha taħtar kumitat ta’ selezzjoni għal kull kompetizzjoni. Barra minn hekk, l-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal għandu t-titolu “Kompetizzjonijiet” u fih sett komprensiv ta’ regoli f’dan il-qasam. Dawn jinkludu l-għażla tal-awtorità inkarigata mit-tfassil tal-avviż tal-kompetizzjoni, il-kontenut tal-avviż ta’ kompetizzjoni jew l-obbligu li l-avviżi ta’ kompetizzjoni jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali (l-Artikolu 1); l-obbligi tal-kandidati sabiex jissottomettu applikazzjoni (l-Artikolu 2); il-kompożizzjoni tal-Bordijiet tal-Għażla (l-Artikolu 3); il-proċedura li għandha tiġi segwita minn Bordijiet tal-Għażla sabiex titħejja lista ta’ kandidati xierqa (l-Artikolu 5); u l-bqija.

131.

It-tieni nett, anki fil-kuntest ta’ rimedji, ir-Regolamenti tal-Persunal jidhru li huma applikabbli għall-kandidati. Hi x’inhi l-utilità ta’ tali (awto)perċezzjoni, il-kandidati għandhom id-dritt li jindirizzaw lid-Direttur tal-EPSO, bħala l-awtorità tal-ħatra, ilment amministrattiv skont ir-Regolamenti tal-Persunal ( 47 ). Barra minn hekk, il-kandidati għandhom ukoll id-dritt li jippreżentaw rikors quddiem il-qrati tal-Unjoni skont l-Artikolu 270 TFUE (li jagħti ġurisdizzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għal “kull tilwima bejn l-Unjoni u l-aġentit agħha, fil-limiti u taħt il-kondizzjonjijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet ta’ l-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-oħra ta’ l-Unjoni”) u l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal ( 48 ). Sa fejn ir-Regolamenti tal-Persunal jippermettu li dawn l-ilmenti u l-appelli jitressqu minn “kull persuna li għaliha japplikaw ir-Regolamenti [tal-Persunal]”, jidher li huwa raġonevoli li wieħed jiddeduċi li l-kandidati jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal.

132.

It-tielet nett, u forsi iktar importanti minn hekk, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma li r-Regolamenti tal-Persunal ma japplikawx esklużivament għal uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u lanqas esklużivament għall-persunal ta’ istituzzjonijiet u korpi oħra. Pereżempju, fir-rigward tal-kunċett ta’ “[k]ull persuna li għaliha japplikaw dawn ir-Regolamenti tal-Persunal” fis-sens tal-Artikoli 90 u 91 tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dawn id-dispożizzjonijiet “ma jippermettux, fihom infushom, li ssir distinzjoni skont jekk ir-rikors tressaqx minn uffiċjal jew minn kwalunkwe persuna oħra li għalihom japplikaw dan ir-regolamenti” u kkonkludiet li t-“Tribunal għas-Servizz Pubbliku huwa kompetenti ratione personae sabiex jieħu konjizzjoni mhux biss ta’ rikorsi ppreżentati mill-uffiċjali iżda wkoll ta’ rikorsi ppreżentati minn kwalunkwe persuna oħra li għaliha japplikaw l-imsemmija regolamenti” ( 49 ).

133.

B’mod simili, għalkemm issa istituzzjonalment obsoleta ( 50 ), il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonċerna l-ġurisdizzjoni ratione personae tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għadha rilevanti sa fejn hija tikkonferma li kandidati għal kompetizzjoni jistgħu jippreżentaw appell quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi tad-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikolu 270 TFUE u tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal ( 51 ), pjuttost milli permezz ta’ dispożizzjonijiet oħra, iktar ġenerali, bħalma huma l-Artikolu 263 jew l-Artikolu 268 TFUE.

134.

Kollox ma’ kollox, hemm, minn naħa, id-dikjarazzjoni pjuttost iżolata fl-Artikolu 1 tar-Regolamenti tal-Persunal, u, min-naħa l-oħra, l-argumenti sodi ħafna intrasistemiċi li jirreferu għad-dispożizzjonijiet l-oħra tar-Regolamenti tal-Persunal li jgħidu xi ħaġa kemxejn differenti, flimkien ma’ kunsiderazzjonijiet sistemiċi usa’.

135.

F’dan il-kuntest, nista’ biss nikkonkludi li r-Regolamenti tal-Persunal japplikaw għal kandidati għal kompetizzjoni, naturalment sa fejn dawn fihom dispożizzjonijiet li jistgħu jiġu applikati b’mod sostantiv għas-sitwazzjoni ta’ dawk il-kandidati.

4. Minn liema mument?

136.

Dan, naturalment, iqajjem il-kwistjoni dwar meta eżattament jibdew japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal għall-kandidati għal kompetizzjoni. Hemm żewġ punti fiż-żmien li jiffurmaw il-“punti ta’ barra” loġiċi: minn naħa, dan ma tantx jista’ jkun qabel ma jiġi ppubblikat l-avviż għal din il-kompetizzjoni. Min-naħa l-oħra, għandu jkun mhux aktar tard minn meta jinħatar l-uffiċjal kif previst fir-Regolamenti tal-Persunal.

137.

Fil-fehma tiegħi, għall-finijiet tal-applikabbiltà potenzjali tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolamenti tal-Persunal, il-mument ewlieni huwa meta l-applikant individwali, permezz tal-azzjonijiet tiegħu stess, jiddistingwi lilu nnifsu mill-pubbliku inġenerali u jidħol fil-proċess ta’ applikazzjoni. B’hekk, huwa jidħol ukoll fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal. Metaforikament, persuna ssir kandidat għaliex toħroġ minn fost il-pubbliku ġenerali u tidħol fil-“mina” tal-kompetizzjoni f’tarf wieħed, bit-tama li toħroġ fuq in-naħa l-oħra bħala l-uffiċjal maħtur. Kif spjegat fit-taqsima preċedenti, ir-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll dispożizzjonijiet oħra tal-liġi tal-Unjoni b’mod ċar jiddikjaraw li huma applikabbli wkoll għal, u ġewwa, dik il-“mina” msejħa “il-proċess ta’ reklutaġġ”.

138.

Membru tal-pubbliku ġenerali jsir kandidat mill-mument meta jissottometti applikazzjoni għal kompetizzjoni speċifika, u b’hekk, b’mod ċar u inekwivoku, jiddikjara l-intenzjoni tiegħu li jipparteċipa f’din il-kompetizzjoni u jiġi ttrattat bħala kandidat. Bħala prinċipju, applikazzjoni titqies li ġiet ssottomessa ladarba l-kandidat ikun ivvalidaha, għaliex minn dak il-mument ’il quddiem ma jkun jista’ jagħmel ebda tibdil fiha ( 52 ).

139.

Apparti li huwa l-iktar mument raġonevoli, l-istess fehma hija appoġġjata ulterjorment b’żewġ dispożizzjonijiet tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal. L-ewwel nett, l-Artikolu 2 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal jiddikjara li l-“kandidati għandhom jimlew formola preskritta mill-awtorità tal-ħatra. Jistgħu jkunu meħtieġa jipprovdu dokumenti jew informazzjoni addizzjonali”. Din id-dispożizzjoni għalhekk tirreferi għal formola li l-kandidati potenzjali għandhom jimlew sabiex jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom. It-tieni nett, l-Artikolu 4 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li l-“awtorità tal-ħatra għandha tħejji lista tal-kanndidati li jaqgħu taħt il-kondizzjonijiet imniżżla fl-Artikolu 28(a), (b) u (ċ) tar-Regolamenti tal-Persunal u għandha tibgħatha, flimkien mal-fajls tal-kandidati, lill-president tal-Bord ta’ l-Għażla”. Għalhekk, kandidat għal kompetizzjoni li diġà ssottometta u vvalida applikazzjoni (iżda li għadu ma ġiex evalwat minn bord tal-għażla) jista’ tassew jitqies bħala “persuna oħra li għalihom japplikaw dan ir-regolamenti [tal-Persunal]” fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u, bħala konsegwenza, bħala persuna li għaliha japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal.

140.

Il-konklużjoni li kandidat jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal ladarba huwa jissottometti u jivvalida l-applikazzjoni tiegħu għal kompetizzjoni speċifika tidher raġonevoli wkoll meta jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fażijiet sussegwenti tal-proċedura ta’ għażla u, aktar minn hekk, il-lingwi li ser jintużaw ladarba l-kandidat jinħatar. Ma naħsibx li jagħmel iktar sens li l-lingwi li jistgħu jintużaw matul il-proċedura tal-għażla kollha jinżammu separati mil-lingwi li ser jintużaw iktar tard, wara li l-kandidat ikun għadda b’suċċess mill-kompetizzjoni ( 53 ). Naturalment, dan ikun il-każ biss sakemm ikun possibbli, skont l-Artikolu 1d(6) tar-Regolamenti tal-Persunal (jew, jekk kellu jintuża, permezz tal-implimentazzjoni ta’ derogi fuq il-bażi tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1), li jiġi limitat l-użu tal-lingwi. Jekk wieħed jassumi (imma bl-ebda mod ma wieħed jiġġudika minn qabel) li dan huwa possibbli, imbagħad kif jew meta għandu, jew anki jista’, jiġi eżaminat l-għarfien lingwistiku tal-kandidati?

5. L-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1 għall-kandidati (u l-uffiċjali)

141.

Ġie ssuġġerit li r-Regolamenti tal-Persunal jibdew japplikaw fil-konfront ta’ kandidati għal kompetizzjoni mill-mument meta huma jidħlu f’kompetizzjoni speċifika. Madankollu, ir-Regolament Nru 1, bħala s-sistema ġenerali u awtomatiku, huwa applikabbli wkoll għal dawn il-kandidati ( 54 ).

142.

Minn naħa, jista’ jitfakkar li r-Regolament Nru 1 jistabbilixxi l-qafas lingwistiku ġenerali ( 55 ) applikabbli għall-istituzzjonijiet u r-relazzjonijiet tagħhom mal-Istati Membri kif ukoll il-persuni suġġetti għall-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru. L-Artikolu 2 tiegħu jipprovdi li d-dokumenti mibgħuta lil istituzzjoni jistgħu jiġu fformulati fi kwalunkwe waħda mil-lingwi uffiċjali magħżula minn min jibgħat u li r-risposta għandha tiġi fformulata fl-istess lingwa. L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1 jippermetti possibbiltà limitata għal deroga minn dan il-prinċipju, fejn jingħad li l-istituzzjonijiet jistgħu jistipulaw fir-regoli ta’ proċedura tagħhom liema minn dawn il-lingwi għandhom jintużaw f’każijiet speċifiċi ( 56 ).

143.

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal jipprojbixxi, fil-paragrafu 1, kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata, inter alia, fuq il-lingwa. Madankollu, il-paragrafu 6 ta’ din id-dispożizzjoni jippermetti limitazzjoni tal-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità sa fejn din tkun “iġġustifikata fuq bażijiet oġġettivi u raġonevoli” u “immirata lejn oġġetti leġittimi fl-interess ġenerali fil-qafas tal-politika tal-persunal”.

144.

Skont il-prinċipju lex specialis derogat legi generali, dispożizzjonijiet speċjali jipprevalu fuq regoli ġenerali f’sitwazzjonijiet li huma jridu li jirregolaw speċifikament ( 57 ). Meta żewġ regoli konfliġġenti jkunu intiżi biex jirregolaw l-istess sitwazzjoni, dak il-prinċipju jippermetti li wieħed jagħżel ir-regola li għandha tintuża abbażi tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ kull regola. Għalhekk, id-dispożizzjoni speċjali tipprevali fuq dik ġenerali.

145.

F’dak li jirrigwarda s-sistema lingwistika, ir-Regolament Nru 1 huwa, bla dubju, id-dispożizzjoni ġenerali, filwaqt li r-Regolamenti tal-Persunal għandhom kamp ta’ applikazzjoni iktar speċifiku. Ir-Regolamenti tal-Persunal b’hekk jiffunzjonaw b’mod effettiv, mill-mument li dawn isiru applikabbli għal kandidati, bħala lex specialis li tipprevali fuq ir-Regolament Nru 1.

146.

Billi r-Regolamenti tal-Persunal jiddikjaraw b’mod ċar li dawn huma r-regoli li japplikaw fil-proċess ta’ reklutaġġ, ladarba persuna tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom billi tagħżel li ssir kandidat, tkun dik is-sistema lingwistika speċifika li ssir applikabbli għaliha għall-finijiet ta’ u fi ħdan il-kuntest ta’ dan il-proċess ta’ reklutaġġ.

147.

Dan premess, nixtieq inżid żewġ kjarifiki inkonklużjoni dwar ir-rilevanza kontinwa tar-Regolament Nru 1 għal kandidati għal kompetizzjoni, minkejja l-applikabbiltà tar-Regolamenti tal-Persunal bħala lex specialis.

148.

L-ewwel nett, il-fatt li minn mument partikolari fiż-żmien, ir-Regolamenti tal-Persunal isiru lex specialis f’termini ta’ lingwa ta’ komunikazzjoni bejn l-istituzzjonijiet u l-kandidati jista’ japplika b’żewġ modi: minn naħa, ifisser li dawn isiru tbegħid awtorizzat. Min-naħa l-oħra, bħal kull eċċezzjoni, tbegħid, jew deroga, ir-Regolament Nru 1 xorta jibqa’ rilevanti bħala l-qafas globali jew predefinit li minnu kien hemm tbegħid. Għalhekk iservi bħala kejl f’termini ta’ jekk it-tbegħid u d-deroga kinux limitati għal dak li kien tabilħaqq meħtieġ, proporzjonat u raġonevoli.

149.

Fi kliem ieħor, il-fatt li r-Regolamenti tal-Persunal bħala lex specialis jippermettu tbegħid mir-Regolament Nru 1 ma għandux jinftiehem bħala li jimplika għażla binarja, fejn l-applikazzjoni tar-regola speċjali kompletament teskludi l-applikabbiltà tar-regola ġenerali. Għandu jkun tbegħid raġonevoli u proporzjonat. Jekk immorru lura għall-metafora msemmija iktar ’il fuq ta’ “mina tar-reklutaġġ”, meta tidħol f’mina (ċertament miftuħa) il-livell tad-dawl ukoll ma huwiex binarju, fejn jinbidel f’daqqa minn kompletament dawl għal dlam ċappa. Hemm, pjuttost, skurar gradwali, li jiżdied ma’ kull pass li jittieħed iktar ’il ġewwa fil-mina. B’mod simili, kwalunkwe deroga potenzjali mir-Regolament Nru 1 għandha tiġi implimentata wkoll b’mod raġonevoli u proporzjonat. Jekk ikun meħtieġ, wieħed jista’ jimmira għal tnaqqis li jagħmel sens u gradwali fin-numru ta’ lingwi disponibbli, pjuttost milli qabża bipolari minn 24 lingwa uffiċjali għal, pereżempju, waħda biss.

150.

It-tieni nett, huwa wkoll pjuttost ċar li l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1 għandu jkompli japplika għal kwalunkwe komunikazzjoni tal-kandidat li ma tkunx relatata ma’ din il-kompetizzjoni, u f’dan is-sens, għal kwalunkwe komunikazzjoni magħmula minn uffiċjal jew membru tal-persunal ieħor ta’ istituzzjoni barra mill-kuntest tar-relazzjoni tiegħu ta’ subordinazzjoni. L-eżistenza ta’ tali relazzjoni u r-regoli dwar il-komunikazzjoni fi ħdan dak il-qafas, jew b’estensjoni dawk li jiżvolġu fil-“mina” li wasslu għal dak l-istatus, huma wara kollox l-elementi li jiddefinixxu t-tip ta’ komunikazzjoni li tippermetti li tiġi attivata r-regola lex specialis (u b’hekk jiddelimita l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha).

151.

Għalhekk, kwalunkwe komunikazzjoni li ssir qabel dak il-mument (bħal persuna li beħsiebha tapplika wara li jkun ippubblikat avviż ta’ kompetizzjoni iżda qabel ma tippreżenta applikazzjoni u/jew talba għal aktar informazzjoni) jew tabilħaqq kwalunkwe sitwazzjoni li sseħħ wara imma mhux relatata ma’ dik ir-relazzjoni ta’ subordinazzjoni (bħal, pereżempju, uffiċjal li jaħdem mal-Parlament Ewropew li jikteb ittra fil-kapaċità personali tiegħu bħala ċittadin tal-Unjoni Ewropea lill-Kummissjoni) xorta tkun koperta bi sħiħ mir-regoli tar-Regolament Nru 1.

6. Konklużjoni provviżorji dwar ir-raba’ aggravju

152.

Fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ffokat esklużivament fuq l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1, filwaqt li injorat ir-relazzjoni sistemika eżistenti bejn ir-Regolamenti tal-Persunal u r-Regolament Nru 1. Madankollu nikkunsidra li l-avviżi kkontestati ġew annullati ġustament għar-raġuni li l-EPSO ma ġġustifikax korrettament il-limitazzjoni tat-tieni lingwa. Għalhekk, peress li dan l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma jaffettwa d-dispożittiv tas-sentenza appellata, nissuġġerixxi li fir-rigward ta’ dan l-aggravju, il-Qorti tal-Ġustizzja tipproċedi għas-sostituzzjoni parzjali tal-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali.

E.   Nota addizzjonali

153.

Din il-kawża hija waħda minn, bħalissa, lista twila ta’ kawżi pendenti jew magħluqa li qajmu (għall-inqas parzjalment) l-istess kwistjonijiet. Il-Qorti Ġenerali riċentement tat diversi sentenzi li annullaw numru ta’ avviżi ta’ kompetizzjoni għal raġunijiet lingwistiċi ( 58 ). Barra minn hekk, bħalissa hemm pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali każijiet oħra simili ( 59 ). Fir-rigward ta’ din il-Qorti tal-Ġustizzja, din hija t-tieni darba wara li ngħatat is-sentenza kważi omonima L-Italja vs Il-Kummissjoni I ( 60 ) li l-Awla Manja hija msejħa tindirizza essenzjalment l-istess kwistjonijiet ( 61 ).

154.

Sfortunatament, minkejja dawn il-każijiet kollha, u anki wara li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet imqajma minn dan l-appell, il-qofol ta’ din il-kwistjoni jidher li għadu ’l bogħod milli jissolva. Fil-kawża L-Italja vs Il-Kummissjoni I, il-problema (fil-qosor) kienet li ma ngħatat ebda raġuni biex jiġu limitati l-lingwi f’kompetizzjoni. Il-problema ta’ din il-kawża hija, għal darba oħra fi kliem sempliċi, li ngħataw wisq raġunijiet internament kontradittorji.

155.

Ottimista li jara l-proċess ġudizzjarju bħala proċess dijalettiku progressiv ta’ sperimentazzjoni jista’ jsib konsolazzjoni fil-fatt li, f’termini ta’ ammont ta’ raġunijiet mogħtija, il-kawża li jmiss x’aktarx li ssib ruħha preżumibbilment x’imkien fin-nofs. Ir-realista ftit inqas ottimista jista’ jkun kemxejn imħasseb dwar il-fatt li kwistjonijiet ewlenin ġenwini, bħal x’tip ta’ raġunijiet għandhom jingħataw u, jekk tali limitazzjoni hijiex attwalment permissibbli, ma ġew indirizzati fl-ebda kawża minn dawn, inklużi f’dan l-appell. Ċiniku estrem jista’ jipprova jissuġġerixxi li l-fatt li l-ebda waħda minn dawn il-kwistjonijiet ma ġiet attwalment ikkontestata f’xi waħda minn dawn il-kawżi ma kienx b’kumbinazzjoni.

156.

Fil-fehma tiegħi, huma kemm huma kurjużi l-istudju tal-proċess ġudizzjarju, il-psikoloġija, u l-politika interistituzzjonali, il-problema ġenwina li dawn il-kawżi jqajmu hija l-ispiża (l-ispejjeż) umani involuti: l-aspettattivi, il-ħolm, u l-karrieri tal-individwi involuti f’dawk il-każijiet kollha matul is-snin. Fin-nuqqas ta’ risposta ċara għad-domanda tal-limiti tal-lingwa fix-xogħol tal-istituzzjonijiet, bil-mod kif jiġu organizzati kompetizzjonijiet li jinbidel b’mod ripetittiv, jista’ jkun pjuttost diffiċli li wieħed jippjana u jħejji, jekk wieħed jixtieq, għal karriera f’istituzzjoni Ewropea.

157.

Il-problema umana tista’ tiggrava iktar pjuttost malajr jekk, f’termini ta’ rimedji pprovduti, kellha tinbidel il-politika ġudizzjarja minn, fi kliem skjett, “dan kien żbaljat, iżda minħabba l-aspettattivi leġittimi r-riżultati ma humiex se jiġu annullati” għal “dan kien żbaljat, u kollha ser jiġu annullati, inklużi l-listi individwali, il-ħatriet, jew kuntratti ta’ xogħol”. F’dan ir-rigward, nikkondividi għal kollox it-tħassib tal-abbli kollega tiegħi l-Avukat Ġenerali Sharpston fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża (parallela) Spanja vs Il-Parlament, fejn hija tipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla mhux biss is-sejħa għal espressjonijiet ta’ interess ikkontestata, imma wkoll id-database ta’ kandidati potenzjali stabbilita abbażi ta’ dik is-sejħa għal espressjonijiet ta’ interess ( 62 ). Fil-fatt ta’ min jinnota dan il-punt: jekk istituzzjoni tibqa’ tinjora d-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, ikunu jenħtieġu miżuri aktar stretti. Wieħed jista’ jżid jgħid li jkun hemm ħtieġa ikbar għal dik l-azzjoni jekk, b’mod purament ipotetiku, istituzzjoni tkun qed tipprova ġġib bidla fis-sistema attwali billi deliberatament tinjora d-dritt attwali sabiex iġġib bidla fattwali għall-futur, li mbagħad dan ikollu jiġi aċċettat bħala r-regola l-ġdida. Ex injuria non oritur ius.

158.

Dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jwassluni sabiex nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi tal-inqas ċerti linji gwida fuq il-kwistjoni ġenwina sottostanti għal dan l-appell: huwa possibbli u, jekk iva, kif għandhom jiġu limitati l-lingwi tal-ħidma interna tal-istituzzjonijiet? Il-punti tal-għeluq ta’ dawn il-konklużjonijiet jagħtu ftit suġġerimenti f’dan ir-rigward.

159.

Bħala punt ta’ tluq, naħseb li jkun importanti li ssir distinzjoni bejn lingwa(i) esterna(i) u interna(i) (ta’ ħidma) ta’ istituzzjoni.

160.

B’lingwi ta’ ħidma “interni”, nagħmel riferiment għal lingwi li huma użati għal komunikazzjonijiet orali kif ukoll bil-miktub li ma humiex suppost li jħallu l-isfera interna ta’ istituzzjoni (jew, skont il-każ, ta’ żewġ istituzzjonijiet jew iktar, pereżempju fil-qafas ta’ diskussjonijiet fil-laqgħat interistituzzjonali jew bil-miktub). Barra minn hekk, b’laqgħat interni jew interistituzzjonali jew tipi simili ta’ avvenimenti, nifhem li dan ifisser biss dawk il-laqgħat li għalihom ma jkun preżenti l-ebda membru tal-pubbliku ġenerali. Dan jeskludi avvenimenti bħal seduti ta’ smigħ jew sessjonijiet magħmula fil-Parlament Ewropew, kif ukoll seduti pubbliċi quddiem il-Qorti Ġenerali jew quddiem din il-Qorti tal-Ġustizzja, li min-natura tagħhom huma “esterni”.

161.

Bil-lingwi ta’ ħidma “esterni”, qed nirreferi għal lingwi użati għal kull tip ta’ komunikazzjoni orali u bil-miktub ma’ individwi li ma humiex konnessi mal-istituzzjonijiet, inklużi uffiċjali u persunal ieħor tal-istituzzjonijiet, sakemm dawn jimpenjaw ruħhom f’komunikazzjoni orali jew bil-miktub ma’ istituzzjoni fil-kapaċità privata tagħhom ( 63 ).

162.

Għall-komunikazzjonijiet esterni, ir-regoli attwali dwar il-multilingwiżmu għandhom jibqgħu kompletament applikabbli mingħajr kompromessi jew derogi. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat, l-Unjoni Ewropea hija impenjata li tippreserva l-multilingwiżmu, li l-importanza tiegħu hija ddikjarata fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(3) TUE u fl-Artikolu 22 tal-Karta ( 64 ). L-obbligu li l-Unjoni Ewropea tirrispetta d-diversità lingwistika tagħha, li jirriżulta minn dawn id-dispożizzjonijiet, jipprova l-valur għoli tal-multilingwiżmu bħala wieħed mill-valuri bażiċi tal-Unjoni Ewropea. Ċertament, l-obbligu ta’ multilingwiżmu ma huwiex assolut u mingħajr xkiel, peress li ma jeżisti ebda prinċipju ta’ dritt tal-Unjoni li jagħti “dritt lil kull ċittadin li jkollu verżjoni ta’ kwalunkwe ħaġa li tista’ taffettwa l-interessi tiegħu fformulata fil-lingwa tiegħu f’kull ċirkustanza” ( 65 ). Madankollu, il-qofol ta’ dan l-obbligu ma jistax, fil-fehma tiegħi, jintmiss. Dan il-qofol jinkludi, b’mod partikolari, l-atti kollha vinkolanti li għandhom jiġu infurzati kontra persuni fiżiċi u ġuridiċi ta’ Stat Membru ( 66 ), kif ukoll dokumenti oħra mhux vinkolanti sa fejn jimponu, direttament jew indirettament, obbligi fuq l-individwi ( 67 ).

163.

L-obbligu li jiġi rrispettat il-multilingwiżmu strettament japplika wkoll, skont l-Artikolu 41(4) tal-Karta, l-Artikolu 20(2)(d) ul-Artikolu 24 TFUE u l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1, kull meta individwu jikteb lill-istituzzjonijiet jew b’xi mod ieħor jindirizzahom, li mbagħad jinħoloq id-dritt li jirċievi tweġiba bl-istess lingwa użata minn dak l-individwu.

164.

Għall-kuntrarju, għal komunikazzjonijiet interni, l-għażla tal-lingwi disponibbli u, b’mod iktar ġenerali, ir-regoli tal-lingwa applikabbli fi ħdan jew bejn l-istituzzjonijiet għandha tkun iktar flessibbli. Din il-flessibbiltà u l-potenzjal għal limitazzjonijiet mhux neċessarjament jirriżultaw minn kunsiderazzjonijiet ta’ natura baġitarja ( 68 ), imma pjuttost mill-imperattiv ta’ operabbiltà istituzzjonali interna raġonevoli. Din hija raġuni valida li fil-fehma tiegħi tista’ tiġi invokata taħt l-Artikolu 1d(6) tar-Regolamenti tal-Persunal u tista’ titqies li hija oġġettivament iġġustifikata jekk tiġi applikata b’mod raġonevoli u proporzjonat, kif mitlub mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 88 tas-sentenza L-Italja v Il-Kummissjoni I.

165.

Kwalunkwe għażla bħal din tkun tabilħaqq inerentement diskrezzjonali u politika għal żewġ raġunijiet: ċertament fil-livell ta’ jekk u b’liema mod għandha ssir din l-għażla iżda wkoll, ladarba din l-għażla tkun saret, fil-livell ta’ liema raġunijiet preċiżi għandhom jintużaw biex jiġġustifikaw dan. Għalhekk, għaż-żewġ raġunijiet l-istituzzjonijiet ikollhom marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni. F’dan ir-rigward speċifiku, madankollu, nixtieq nagħmel kjarifika doppja.

166.

L-ewwel nett, għandha l-ġustifikazzjoni tas-sistema lingwistika tkun ġenerali u komprensiva jew pjuttost individwali u fuq bażi ta’ każ b’każ? Ir-Repubblika Taljana u r-Renju ta’ Spanja insistew dwar il-ħtieġa li tiġi ġġustifikata kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa fuq bażi individwali, mhux biss fil-qafas ta’ kull kompetizzjoni, imma wkoll, jekk ikun meħtieġ, fir-rigward ta’ kull pożizzjoni li għandha timtela.

167.

Madankollu, jidhirli li l-prevedibbiltà u l-possibbiltà għal kandidati biex iħejju ruħhom minn qabel għall-kompetizzjonijiet jixhed pjuttost favur politika iktar ġenerali. Jista’ jerġa’ jitfakkar li fil-punt 90 tas-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni I, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li “r-regoli li jillimitaw l-għażla tat-tieni lingwa għandhom jipprevedu kriterji ċari, oġġettivi u prevedibbli sabiex il-kandidati jkunu jistgħu jsiru jafu suffiċjentement bil-quddiem liema eżiġenzi lingwistiċi huma meħtieġa, u dan sabiex ikunu jistgħu jippreparaw ruħhom għall-kompetizzjonijiet fl-aħjar kundizzjonijiet”.

168.

Mhux għalkollox ċert kif dan ir-rekwiżit jista’ jiġi ssodisfatt billi l-EPSO – jew, skont il-każ, awtorità tal-ħatra individwali – jiġi obbligat jimmotiva kull każ individwali mill-ġdid u mill-bidu nett. Dik is-sentenza minflok teħtieġ li tingħata tweġiba strutturata li tippermetti li l-kandidati jipprevedu s-sistema lingwistika li x’aktarx tapplika fil-futur – u mhux biss fil-futur qrib, iżda wkoll f’terminu ta’ żmien medju. Fl-aħħar nett, f’termini prattiċi, li wieħed jinsisti għal motivazzjoni għal kull każ individwali mill-ġdid (mingħajr ma jkun hemm verament l-ebda fattur ta’ distinzjoni) jirriżulta biss f’ripetizzjoni formalistika tal-istess ġustifikazzjoni, li x’aktarx tirriżulta f’sempliċi kkuppjar u ppejstjar tar-Regoli Ġenerali f’kull avviż individwali, mingħajr l-ebda ġustifikazzjoni individwali reali.

169.

B’hekk, minn din il-perspettiva, ikolli nammetti li approċċ ikkombinat li jkun hemm sett ta’ linji gwida ġenerali, li jista’ jkun hemm tbegħid minnhom f’każijiet individwali meta jkun iġġustifikat f’dak il-każ partikolari, jidhirli li huwa pjuttost mod raġonevoli kif tiġi prevista sistema ligwistika għall-kompetizzjonijiet ( 69 ).

170.

It-tieni nett, il-ġustifikazzjoni tas-sistema lingwistika għandha tkun orjentata lejn il-passat u fattwali, jew pjuttost prospettiva u normattiva? L-iktar kwistjoni importanti f’din il-kawża tidher li hija preċiżament dik: x’tip ta’ ġustifikazzjoni trid tiġi pprovduta sabiex tiġi limitata (it-tieni) lingwa disponibbli għal kandidati f’kompetizzjoni? Din il-kwistjoni ewlenija hemm riferiment għaliha b’mod indirett ħafna fil-kuntest tat-tieni u tat-tielet partijiet tat-tielet aggravju, moħbija fil-kwistjoni tal-limiti u tal-intensità tal-istħarriġ eżerċitat mill-Qorti Ġenerali: x’suppost stħarrġet il-Qorti Ġenerali u kif suppost eżerċitat dan l-istħarriġ?

171.

Imma huwa preċiżament meta wieħed jistaqsi din il-mistoqsija rilevanti li d-diskrepanza fl-ideat u fl-aspettattivi ta’ xi jfisser li wieħed ikollu marġni ta’ diskrezzjoni ssir pjuttost evidenti. Dak li EPSO – jew, possibbilment, l-istituzzjonijiet li huma rrappreżentati fil-Bord tat-Tmexxija tal-EPSO – apparentement xtaq iwettaq kienet ċerta għażla (politika) f’termini ta’ lingwi li għandhom jintużaw għal operazzjoni interna tal-istituzzjonijiet, bl-għażla ta’ għadd ta’ lingwi li huma jemmnu b’mod raġonevoli li jippermettu l-funzjonament intern tagħhom. Din hija għażla normattiva, prospettiva jew orjentata lejn il-futur. Imma minħabba li jidher li tali għażla ma tistax issir b’mod miftuħ (jew, fi kwalunkwe każ, billi l-istituzzjonijiet ma xtaqux jgħiduh fil-miftuħ, għal kwalunkwe raġuni), dak li effettivament ġie ppreżentat bħala argumenti għal dik l-għażla kienu dikjarazzjonijiet orjentati lejn il-passat dwar fatti (statistiċi u oħrajn) u ċerti użanzi u prattiki fi ħdan l-istituzzjonijiet.

172.

Naturalment, ir-riżultat huwa diskrepanza bejn ir-raġunijiet (fattwali, orjentati lejn il-passat) invokati mill-EPSO biex jiġġustifikaw l-għażla tal-lingwi u r-raġunijiet (normattivi, orjentati lejn il-futur) li jirriżultaw minn din l-għażla. Din id-diskrepanza mmanifestat ruħha b’mod ċar fis-seduta orali, meta xi wħud mill-argumenti mressqa mill-Kummissjoni kellhom loġika ta’ ċirkolarità distinta “Back to the Future IV”: ċerta perċezzjoni tal-passat għandha tiddetermina għal dejjem il-futur, dawn huma l-passat u l-preżent li għandu jkun hemm għaliex dan huwa l-futur mixtieq, u peress li l-passat ma jistax jinbidel, lanqas jista’ l-futur.

173.

Għalhekk, biex tiġi evitata r-rikorrenza ta’ fenomenu bħal dan fil-kawża L-Italja vs il-Kummissjoni III, l-EPSO – u, impliċitament, l-istituzzjonijiet li huma rappreżentati fil-Bord Amministrattiv tiegħu – għandu jiddeċiedi b’mod ċar kif jixtieq jipproċedi f’termini ta’ għażla ta’ lingwi u kif jixtieq jimmotiva kull limitazzjoni potenzjali: jew permezz ta’ ġustifikazzjonijiet fattwali, orjentati lejn il-passat jew permezz ta’ dawk normattivi, orjentati lejn il-futur. Jista’ jkun mistenni li l-asserzjonijiet fattwali bbażati fuq il-passat u l-preżent jerġgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarja sħiħ. B’kuntrast, għażliet normattivi u orjentati lejn il-futur dwar is-sistema lingwistika tal-istituzzjonijiet forsi inqas minn hekk, sakemm jibqgħu kompatibbli mal-qafas legali validu, għax fil-fatt dawn x’aktarx ikunu ta’ natura inerentement politika. Fuq kollox, ladarba ssir dik l-għażla, l-istituzzjonijiet inkwistjoni għandhom ikunu miftuħa u konsistenti fir-rigward tal-ġustifikazzjonijiet sottostanti.

174.

Fl-aħħar nett, tkun xi tkun l-għażla tal-lingwa finali, fil-fehma tiegħi hemm żewġ limiti oħra dwar kif tali għażla għandha titwettaq f’termini prattiċi, meta jkunu qed jiġu tradotti f’qafas proċedurali.

175.

L-ewwel nett, l-għażla tal-lingwi disponibbli għandha tkun ċara, oġġettiva u prevedibbli għall-kandidati, kif meħtieġ mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 90 tas-sentenza L-Italja v Il-Kummissjoni I. Jekk xi ħadd ikun qed jikkontempla karriera fl-istituzzjonijiet Ewropej, huwa għandu jkun kapaċi jipprepara għal kompetizzjonijiet futuri. Dan bilfors jimplika ċertu grad ta’ stabbiltà: il-lingwi li se jkun permess li jagħżel ma għandhomx jinbidlu kull sena. Għalhekk, approċċ flessibbli, fejn il-lingwi meħtieġa jistgħu jiġu adattati relattivament ta’ spiss biex jissodisfaw it-talbiet ta’ kandidati, bilkemm jista’ jilħaq r-rekwiżit tal-prevedibbiltà, li tippermetti li – fi kliem il-Qorti tal-Ġustizzja – “il-kandidati jkunu jistgħu jsiru jafu suffiċjentement bil-quddiem liema eżiġenzi lingwistiċi huma meħtieġa, u dan sabiex ikunu jistgħu jippreparaw ruħhom għall-kompetizzjonijiet fl-aħjar kundizzjonijiet”.

176.

It-tieni nett, tkun xi tkun l-għażla magħmula, għandhom ikunu ggarantiti l-usa’ ugwaljanza u newtralità fil-mod kif isiru l-kompetizzjonijiet. Fi kliem sempliċi: jekk ma tistax titratta lil kulħadd bl-istess mod (li jfisser li kull persuna tista’ tiġi eżaminata fil-lingwi tal-għażla tagħhom), mela ttrattahom kollha ħażin bl-istess mod (kulħadd għandu jikkompeti bl-istess żvantaġġ). F’termini prattiċi, nista’ naħseb mill-inqas f’żewġ eżempji tal-applikazzjoni ta’ din ir-regola.

177.

Min-naħa, jekk hemm aktar minn lingwa waħda disponibbli bħala t-tieni lingwa, li fiha jidher li l-parti deċiżiva tal-kompetizzjonijiet isseħħ fil-prattika, għandu jkun iggarantit (sa fejn hu possibbli) li l-kandidati kollha jkunu obbligati li jagħżlu l-lingwa mhux nattiva tagħhom bħala dik it-tieni lingwa. Il-kandidati ma jistgħux jitħallew jiksbu vantaġġ fuq dawk li l-ilsien nattiv tagħhom ma jidhirx fost dawk magħżula, billi jiddikjaraw b’mod strateġiku l-ilsien nattiv tagħhom bħala t-tieni lingwa tagħhom.

178.

Min-naħa l-oħra, bl-implimentazzjoni tal-istess loġika, il-kandidati kollha għandhom ikunu obbligati jikkomunikaw mal-EPSO, inkluż il-mili tal-formola tal-applikazzjoni u jibagħtu d-dokumenti rilevanti, għal darba oħra fuq l-istess livell. Kwalunkwe vantaġġ indirett għandu jiġi evitat anki f’dan ir-rigward. Għalhekk, pereżempju, jekk il-lingwi uffiċjali kollha ma humiex disponibbli għal komunikazzjoni ma’ u s-sottomissjoni ta’ applikazzjonijiet jew dokumenti oħra lill-EPSO, u komunikazzjoni oħra fil-proċedura ta’ għażla sussegwenti, allura kandidati li l-lingwa nattiva tagħhom hija waħda mil-lingwi disponibbli ma għandhomx jitħallew jużawha. Għalhekk, għal darba oħra, ma jiksbux vantaġġ indirett billi jkollhom l-opportunità li jissottomettu dokumentazzjoni relevanti u kruċjali għall-proċess ta’ għażla fl-ilsien nattiv tagħhom.

179.

Fi ftit kliem, tkun xi tkun l-għażla li ssir, is-sistema għandha tkun iddisinjata b’tali mod li l-fatt li ċerta lingwa se tiġi offruta ma jkun jista’ jagħti lill-kelliema nattivi ta’ dik il-lingwa (u b’hekk, fil-maġġoranza l-kbira tal-każijiet, ċittadini ta’ Stat Membru partikolari) ebda vantaġġ dirett jew indirett fil-proċess tal-għażla.

VI. Konklużjoni

180.

Fid-dawl tal-kunsiderazzonijiet li ssemmew iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell;

tordna lill-Kummissjoni Ewropea tbati l-ispejjeż tagħha stess u dawk tar-Repubblika Taljana.

tordna li r-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika tal-Litwanja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Ara s-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C‑566/10 P, EU:C:2012:752).

( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 5.

( 4 ) Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 517/2013 tat-13 ta’ Mejju 2013 li jadatta ċerti regolamenti u deċiżjonijiet fl-oqsma tal-moviment liberu tal-merkanzija, il-moviment liberu tal-persuni, d-dritt soċjetarju, il-politika tal-kompetizzjoni, l-agrikoltura, is-sikurezza tal-ikel, il-politika veterinarja u fitosanitarja, il-politika tat-trasport, l-enerġija, it-tassazzjoni, l-istatistika, in-netwerks trans-Ewropej, id-drittijiet ġudizzjarji u fundamentali, il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà, l-ambjent, l-unjoni doganali, ir-relazzjonijiet esterni, il-politika barranija, ta’ sigurtà u ta’ difiża u l-istituzzjonijiet, minħabba l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja (ĠU 2013 L 158, p. 1.)

( 5 ) Regolament Nru 31 (KEE)/11 (KEEA), li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Komunità Ekonomika Ewropea u tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 1962, 45, p. 1385)

( 6 ) ĠU 2013 L 287, p. 15.

( 7 ) Id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Qorti ta’ l-Awdituri, tal-Kmitat Ekonomiku u Soċjali, tal-Kumitat u tar-Reġjuni u tal-Ombudsman Ewropew tal-25 ta’ Lulju 2002 li tistabbilixxi Uffiċċju għas-Selezzjoni tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 46).

( 8 ) ĠU 2014 C 74 A, p. 4.

( 9 ) ĠU 2014 C 391 A, p. 1.

( 10 ) ĠU 2014 C 60 A, p. 1.

( 11 ) T‑353/14 u T‑17/15, EU:T:2016:495.

( 12 ) Ikkwotati iktar ’l isfel fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 58 u 59.

( 13 ) Barra mill-kawżi kkwotati fil-partijiet li ġejjin ta’ dawn il-konklużjonijiet, nirreferi għall-kawża parallela li għadha pendenti quddiem l-Awla Manja li tindirizza kwistjonijiet simili ħafna, jiġifieri Spanja vs Il-Parlament (C‑377/16). Il-konklużjonijiet illuminanti tal-kollega erudita tiegħi l-Avukat Ġenerali Sharpston f’dik il-kawża, li kelli l-benefiċċju naqra f’abbozz, għandhom jingħataw fl-istess data bħal dawn il-konklużjonijiet.

( 14 ) Jista’ jiġi enfasizzat li b’dan irrid infisser kwalunkwe rikorrent, irrispettivament minn jekk dan huwiex individwu jew Stat Membru. Jidher li l-assunzjoni impliċita fl-argumenti tal-Kummissjoni hija li peress li r-Repubblika Taljana hija Stat Membru, li huwa applikant privileġġat skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, u x’aktarx li jkollu locus standi biex jikkontesta r-Regoli Ġenerali direttament, hija kellha tagħmel hekk u mhux “stenniet” biex dawn “jiġu implimentati fil-prattika” minn avviż ta’ kompetizzjoni individwali. Għal darba oħra, huwa biżżejjed li ngħid li dak li r-Repubblika Taljana għażlet li tikkontesta ma kinux ir-Regoli Ġenerali, imma l-kompetizzjonijiet individwali kif stabbiliti fl-avviżi individwali.

( 15 ) Dan huwa l-każ mhux biss għal kompetizzjonijiet b’rekwiżiti lingwistiċi speċifiċi, bħal kompetizzjonijiet għal ġuristi lingwisti, imma wkoll, pereżempju, għal kompetizzjonijiet għal aġenziji speċifiċi tal-Unjoni li għandhom numru limitat ta’ lingwi ta’ ħidma. Jista’ jkun ukoll il-każ għal kompetizzjonijiet għal aġenziji jew korpi oħra li jinsabu fi Stat Membru li l-lingwa uffiċjali tiegħu hija differenti mit-tliet lingwi predefiniti, fejn l-għarfien ta’ dik il-lingwa huwa meħtieġ biex jitwettqu l-kompiti tal-aġenzija jew tal-korp.

( 16 ) Bħala punt ta’ kuntest, mingħajr ebda konklużjoni minn dak il-fatt għal din il-kawża, jista’ jiġi nnotat li l-EPSO neħħa l-prattika li jippubblika r-Regoli Ġenerali b’mod separat u li jagħmel riferiment għalihom f’kull avviż ta’ kompetizzjoni. Ir-Regoli Ġenerali issa jidhru li huma sistematikament integrati bħala anness f’kull avviż ta’ kompetizzjoni. Ara, pereżempju, l-avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/338/17 biex titħejja lista ta’ riserva ta’ amministraturi (AD 5) (ĠU 2017 C 99 A, p. 1), l-avviż ta’ kompetizzjonijiet ġenerali EPSO/AD/354/17 biex titħejja lista ta’ riserva ta’ ġuristi lingwisti Latvjani (AD 7) u EPSO/AD/355/17 biex titħejja lista ta’ riserva ta’ ġuristi lingwisti Maltin (AD 7) (ĠU 2017 C 418 A, p. 1), jew l-avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/356/18 biex titħejja lista ta’ riserva ta’ amministraturi (AD 5) (ĠU 2018 C 88 A, p. 1) (iktar ’il quddiem l-“avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali tal-2018”).

( 17 ) L-iktar riċenti, ara s-sentenza tal-20 ta’ Frar 2018, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (C‑16/16 P, EU:C:2018:79, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 18 ) Sentenza tal-20 ta’ Frar 2018, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (C‑16/16 P, EU:C:2018:79, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 19 ) Ir-Regoli Ġenerali jgħidu li “[s]akemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor fl-avviż tal-kompetizzjoni, l-għażla tat-tieni lingwa normalment tkun limitata għall-Ingliż, il-Franċiż jew il-Ġermaniż” u sussegwentement jistabblixxu li “huwa meħtieġ li jagħmel it-testijiet fit-tieni lingwa tiegħu, magħżula minn fost dawn it-tliet lingwi.” (enfasi miżjuda). Il-Linji Gwida Ġenerali jibdew billi jiddikjaraw li “[h]uwa kkonfermat li, bħala regola ġenerali, l-użu tal-lingwi fil-kompetizzjonijiet tal-EPSO jkun kif ġej”, u wara jingħad li “ċ-ċentri ta’ evalwazzjoni jsiru biss fit-tieni lingwa tal-kandidat, magħżula minn fost l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż” (enfasi miżjuda).

( 20 ) Ara b’mod partikolari s-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2012, Expedia (C‑226/11, EU:C:2012:795, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 21 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-5 ta’ Settembru 2012, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑355/10, EU:C:2012:516, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). Kif diġà indikat iktar ’il fuq, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, madankollu dan il-fatt ma jistax jiddawwar b’tali mod li jiġi ssuġġerit li peress li Stat Membru potenzjalment diġà kien ikkontesta r-Regoli Ġenerali, dan ibiddel l-avviżi f’sempliċi “atti konfermattivi” (imma preżumibbilment fir-rigward biss ta’ dak l-Istat Membru speċifiku?).

( 22 ) Artikolu 64 tal-Protokoll (Nru 3) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

( 23 ) C‑566/10 P, EU:C:2012:752.

( 24 ) Indirizzati iktar ’il fuq, fil-punti 46 sa 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 25 ) Concise Oxford English Dictionary, Ħdax-il edizzjoni., Editur Soanes, C., u Stevenson, A., Oxford University Press, Oxford, 2004.

( 26 ) Online Merriam-Webster Dictionary (disponibbli fi https://www.merriam-webster.com).

( 27 ) “Capacité reconnue en telle ou telle matière en raison de connaissances possédées et qui donne le droit d’en juger”: Le petit Larousse illustré, Larousse, Pariġi, 2011.

( 28 ) “Das Befähigtsein; Eignung; Tauglichkeit; Begabung”: Duden. Deutches Universalwörterbuch, is-Sitt Edizzjoni, Dudenverlag, Mannheim, Leipzig, Vjenna, Zürich, 2006.

( 29 ) “L’essere competente”, bid-definizzjoni ta’ “competente” mbagħad tkun “che ha la capacità, le qualità, le conoscenze, l’esperienza necessarie a fare bene qualcosa, a ben valutare, giudicare e sim.; esperto”: Dizionario italiano Garzanti, Garzanti Linguistica, Milano, 2005.

( 30 ) “Pericia, aptitud o idoneidad para hacer algo o intervenir en un asunto determinado”: Diccionario de la lengua española, it-Tlieta u għoxrin edizzjoni, Real Academia Española, Espasa Libros, Barcelona, 2014.

( 31 ) Slovník spisovné češtiny, ir-Raba’ Edizzjoni, Akademia, Praga, 2009, tiddefinixxi “způsobilý” bħala “mající k něčemu potřebné schopnosti, předpoklady”.

( 32 ) Jidhirli li l-frażi l-“kandidati li għandhom l-ogħla kwalitajiet ta’ kompetenza”, fir-rigward tas-sustanza tad-dikjarazzjoni, kellu suppost ifisser “il-kandidati li għandhom l-ogħla livell ta’ ħila”, billi f’verżjonijiet lingwistiċi oħra tas-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja użat l-istess kliem li jidher fil-verżjoni lingwistika rispettiva tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal (pereżempju, “ayant les plus hautes qualités de compétence” fil-verżjoni Franċiża, jew “dotati delle più alte qualità di competenza” fil-verżjoni Taljana, li kienet il-lingwa tal-kawża).

( 33 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, L-Italja vs Il-Kummissjoni (T‑510/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:1001, punt 102).

( 34 ) Madankollu, anki jekk l-għarfien tal-lingwa jista’ jitqies bħala kapaċità li tiġi evalwata fiż-żmien tal-ħatra tal-uffiċjal, naturalment ma hijiex kapaċità li għandha tkun eżaminata esklużivament f’dak iż-żmien. Dan huwa ppruvat bl-Artikolu 45(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, li jgħid li l-uffiċjali huma meħtieġa juru qabel l-ewwel promozzjoni tagħhom il-ħila li jaħdmu fit-tielet lingwa. Għalhekk, l-għarfien tal-lingwi hija kapaċità li tista’ tinkiseb. Madankollu, fih u minnu nnifsu, dan ma jeskludix il-possibbiltà li jiġu evalwati l-lingwi fil-qafas ta’ kompetizzjoni: fil-fatt, kif innutat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-paragrafu 97 tas-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni I, huwa “l-obbligu tal-istituzzjonijiet li jibbilanċjaw l-għan leġittimu li jiġġustifika l-limitazzjoni tan-numru ta’ lingwi tal-kompetizzjonijiet u l-possibbiltajiet ta’ tagħlim mill-uffiċjali impjegati, fi ħdan l-istituzzjonijiet, tal-lingwi neċessarji għall-interess tas-servizz” (enfasi miżjuda).

( 35 ) Fil-fehma tiegħi, il-kwistjoni kruċjali marbuta mal-punt 106 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tkun pjuttost x’tip ta’ motivi (oġġettivi u raġonevoli) jistgħu jiġu attwalment invokati għall-impożizzjoni ta’ limitazzjonijiet fuq lingwi fil-proċess ta’ reklutaġġ, kif ukoll il-konnessjoni sistemika bejn l-Artikolu 27 u l-Artikolu 1d(6) tar-Regolamenti tal-Persunal. Imma dawk il-kwistjonijiet ma humiex qed jitqajmu mill-appell preżenti.

( 36 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni (C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata); ara wkoll is-sentenzi tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il-Kummissjoni (C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 67) u tas-6 ta’ Novembru 2012, Otis et (C‑199/11, EU:C:2012:684, punt 63).

( 37 ) Għat-test sħiħ tal-ġustifikazzjoni pprovduta mill-avviż ġenerali tal-kompetizzjoni, ara l-punt 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Is-sezzjoni ekwivalenti tal-avviż tal-kompetizzjoni dwar il-protezzjoni tad-data hija abbozzata f’termini essenzjalment identiċi.

( 38 ) Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni (C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata), “il-Qorti tal-Unjoni għandha twettaq l-istħarriġ tal-legalità abbażi tal-elementi prodotti mir-rikorrent insostenn tal-motivi invokati, u ma tistax tibbaża ruħha fuq il-marġni diskrezzjonali li għandha l-Kummissjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ dawn l-elementi sabiex tirrinunzja milli teżerċita stħarriġ approfondit kemm ta’ dritt kif ukoll ta’ fatt”.

( 39 ) Ara, pereżempju, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża Rica Foods vs Il-Kummissjoni (C‑40/03 P, EU:C:2005:93, punti 45 sa 49).

( 40 ) Ara s-sentenza tal-15 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni vs Tetra Laval (C‑12/03 P, EU:C:2005:87, punt 39); ara wkoll is-sentenzi tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il-Kummisjoni (C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 54), u tal-10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni (C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 54).

( 41 ) Pereżempju, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2003, L-Italja u SIM 2 Multimedia vs Il-Kummissjoni (C‑328/99 u C‑399/00, EU:C:2003:252, punt 39).

( 42 ) Pereżempju, is-sentenza tal-21 ta’ April 2015, Anbouba vs Il-Kunsill (C‑605/13 P, EU:C:2015:248, punti 4145).

( 43 ) Pereżempju, is-sentenza tas-16 ta’ April 1991, Schiocchet vs Il-Kummissjoni (C‑354/89, EU:C:1991:149, punt 14).

( 44 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2001, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kunsill (C‑301/97, EU:C:2001:621, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 45 ) Jista’ jerġa’ jiġi mfakkar li r-rekwiżit stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża L-Italja vs Il-Kummissjoni I (iktar ’il fuq, punt 85) kien li għandu jkun hemm kriterji ċari, oġġettivi u prevedibbli li l-kandidati jistgħu jkunu jafu minn qabel. Xejn ma ntqal fir-rigward ta’ liema tipi ta’ argumenti jistgħu jiġu invokati biex jiġu stabbiliti dawk il-kriterji.

( 46 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet konsistentement li ladarba l-appell huwa limitat għal punti ta’ liġi, il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni esklużiva biex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti u biex tevalwa l-evidenza. L-evalwazzjoni ta’ dawk il-fatti u l-evalwazzjoni ta’ dik l-evidenza b’hekk ma jikkostitwixxux, ħlief fejn il-fatti u l-evidenza huma distorti, punt ta’ liġi li huwa suġġett, bħala tali, għal stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell: ara, pereżempju, is-sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 177) u tat-28 ta’ Frar 2018, mobile.de vs EUIPO (C‑418/16 P, EU:C:2018:128, punt 65).

( 47 ) Ara l-punt 3.4.4.1 tar-Regoli Ġenerali, li jirreferi għall-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, għalkemm jidher li għandu jinqara flimkien mal-Artikolu 90c, sa fejn l-EPSO huwa korp interistituzzjonali li lilu diversi istituzzjonijiet fdaw l-eżerċizzju ta’ wħud mis-setgħat mogħtija lill-Awtorità tal-Ħatra, fis-sens tal-Artikolu 2(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. Ara wkoll l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2002/620, li jipprovdi li t-talbiet u l-ilmenti relatati mal-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lill-EPSO għandhom jitressqu lill-EPSO skont l-Artikolu 91a tar-Regolamenti tal-Persunal. Nemmen li r-riperiment preċiż għandu jkun għall-Artikolu 90ċ pjuttost milli għall-Artikolu 91a, sa fejn dan tal-ewwel jirreferi għal “talbiet u l-ilmenti” u tal-aħħar għal “appell” (lil qrati tal-Unjoni).

( 48 ) Ara l-punt 3.4.4.2 tar-Regoli Ġenerali. Għal kompetizzjoni iktar reċenti, ara l-punt 4.3.2 tal-Anness II tal-avviż tal-kompetizzjoni ġenerali tal-2018.

( 49 ) Sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Review Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (C‑417/14 RX‑II, EU:C:2015:588, punt 33). F’dak il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għall-Artikolu 73(2)(a) tar-Regolamenti tal-Persunal, li b’mod espliċitu jidentifika d-“dixxe[n]denti” u l-“qraba ta’ warajh [axxendenti]” tal-uffiċjal, sabiex tiġġustifika l-ġurisdizzjoni ratione personae tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku f’azzjoni li tikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk il-missier u t-tfal ta’ uffiċjal deċedut kellhomx id-dritt għall-ħlasijiet iggarantiti mill-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal. Ara wkoll is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2013, de Pretis Cagnodo u Trampuz de Pretis Cagnodo vs Il-Kummissjoni (F‑104/10, EU:F:2013:64, punt 51).

( 50 ) Regolament (UE, Euratom) 2016/1192 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2016 dwar it-trasferiment lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-ġuriżdizzjoni fl-ewwel istanza f’tilwimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-membri tal-persunal tagħha (ĠU 2016 L 200, p. 137).

( 51 ) Fis-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Review Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (C‑417/14 RX‑II, EU:C:2015:588, punt 30), il-Qorti tal-Ġustizzja nnutat li l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal jimplimentaw l-Artikolu 270 TFUE.

( 52 ) Ara l-punt 2.1.6 tar-Regoli Ġenerali. Għal kompetizzjoni iktar reċenti, ara t-taqsima intitolata “Kif nintgħażel?” tal-avviż tal-kompetizzjoni ġenerali tal-2018.

( 53 ) Ċertament jista’ jiġi ssuġġerit, fuq livell pjuttost astratt u normattiv, li r-regoli tal-lingwa għal proċedura ta’ għażla huma u għandhom ikunu separati mir-rekwiżiti lingwistiċi għall-eżerċizzju sussegwenti tal-impjieg. F’dak il-każ, l-għażla u l-ġustifikazzjoni potenzjali għal dik l-għażla tal-lingwi fil-proċess tal-għażla jkunu mbagħad ukoll separati mill-kundizzjonijiet applikabbli iktar tard fl-eżerċizzju tal-impjieg inkwistjoni.

( 54 ) Kif osservat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 68 tas-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni I, ir-relazzjoni bejn l-istituzzjonijiet u l-kandidati għal kompetizzjoni esterna ma hijiex “totalment eskluż[a] mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1”.

( 55 ) Iktar ’il fuq, il-punt 126.

( 56 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja nnutat fil-punt 67 tas-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni I li l-istituzzjonijiet ma kinux użaw dan l-artikolu. Dan ġie kkonfermat ukoll mill-Kummissjoni waqt is-smigħ tal-kawża preżenti. Bħala regola ġenerali dan jidher li huwa preċiż, forsi bl-eċċezzjoni parzjali tal-Artikolu 14 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Kunsill (ĠU L 325, p. 36), li jidher li ġie adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1, kif innutat fil-Kummenti dwar ir-Regoli tal-Proċedura tal-Kunsill ippubblikati mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, p. 48 (disponibbli fuq http://www.consilium.europa.eu/media/29824/qc0415692enn.pdf). Il-Qorti tal-Ġustizzja indirizzat din id-dispożizzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill fis-sentenza tagħha tas-6 ta’ Settembru 2017, Is-Slovakkja u L-Ungerija vs Il-Kunsill (C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631, punti 200 sa 204), iżda ma indirizzatx il-kwistjoni dwar jekk din ġietx adottata bis-saħħa tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1.

( 57 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tad-19 ta’ Ġunju 2003, Mayer Parry Recycling (C‑444/00, EU:C:2003:356, punt 57); tat-30 ta’ April 2014, Barclays Bank (C‑280/13, EU:C:2014:279, punt 44); u tat-12 ta’ Frar 2015, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑48/14, EU:C:2015:91, punt 49).

( 58 ) Sentenzi tal-24 ta’ Settembru 2015, L-Italja u Spanja vs Il-Kummissjoni (T‑124/13 u T‑191/13, EU:T:2015:690); tas-17 ta’ Diċembru 2015, L-Italja vs Il-Kummissjoni (T‑275/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:1000); tas-17 ta’ Diċembru 2015, L-Italja vs Il-Kummissjoni (T‑295/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:997); u tas-17 ta’ Diċembru 2015, L-Italja vs Il-Kummissjoni (T‑510/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:1001).

( 59 ) Dawn huma l-kawżi L-Italja vs Il-Kummissjoni (T‑313/15), L-Italja vs Il-Kummissjoni (T‑317/15), Spanja vs Il-Kummissjoni (T‑401/16), L-Italja vs Il-Kummissjoni (T‑437/16), L-Italja vs Il-Kummissjoni (T‑443/16), Calhau Correia de Paiva vs Il-Kummissjoni (T‑202/17) u Spanja vs Il-Kummissjoni (T‑704/17).

( 60 ) Fil-fatt għalkemm l-isem ta’ din il-kawża huwa L-Italja vs Il-Kummissjoni, il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali li wasslet għas-sentenza appellata kienet L-Italja vs Il-Kummissjoni. Għalhekk, fid-dawl ta’ dan din il-kawża tista’ tassew tissejjaħ “L-Italja vs Il-Kummissjoni II”.

( 61 ) Flimkien mal-kawża parallela Spanja vs Il-Parlament (C‑377/16), imsemmija iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13.

( 62 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-Kawża C‑377/16, Spanja vs Il-Parlament, punti 156 sa 161, 163 u 164.

( 63 ) Kif diskuss iktar ’il fuq fil-punt 151.

( 64 ) Sentenza tal-5 ta’ Mejju 2015, Spanja vs Il-Kunsill (C‑147/13, EU:C:2015:299, punt 42).

( 65 ) Sentenza tad-9 ta’ Settembru 2003, Kik vs UASI (C‑361/01 P, EU:C:2003:434, punt 82).

( 66 ) Ara s-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2007, Skoma-Lux (C‑161/06, EU:C:2007:773, punti 3738); ara wkoll is-sentenza tal-12 ta’ Lulju 2012, Pimix (C‑146/11, EU:C:2012:450, punt 33).

( 67 ) Ara s-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Polska Telefonia Cyfrowa (C‑410/09, EU:C:2011:294, punt 34).

( 68 ) Fil-fatt, kif irrilevat ġustament ir-Repubblika Taljana waqt is-seduta, kunsiderazzjonijiet baġitarji ma jistgħux jiġġustifikaw diskriminazzjoni: ara per eżempju s-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2012, O’Brien (C‑393/10, EU:C:2012:110, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 69 ) Filwaqt li, nixtieq nerġa’ nirrepeti, bl-ebda mod ma tiġi ġġudikata minn qabel il-kwistjoni dwar jekk l-EPSO jkollux is-setgħa li jadotta kwalunkwe Regoli Ġenerali bħal dawn, imħollija miftuħa espressament iktar ’il fuq fil-punti 69 sa 77 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

Top