EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0393

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-1 taʼ Marzu 2012.
Dermod Patrick O’Brien vs Ministry of Justice, li kien id-Department for Constitutional Affairs.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court of the United Kingdom.
Ftehim Qafas dwar xogħol part-time — Kunċett ta’ ‛ħaddiema part-time li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ mpjieg’ — Imħallfin part-time li jitħallsu permezz ta’ onorarji għal kull ġurnata xogħol — Rifjut ta’ għoti ta’ pensjoni tal-irtirar.
Kawża C-393/10.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:110

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

1 ta’ Marzu 2012 ( *1 )

“Ftehim Qafas dwar xogħol part-time — Kunċett ta’ ‘ħaddiema part-time li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ mpjieg’ — Imħallfin part-time li jitħallsu permezz ta’ onorarji għal kull ġurnata xogħol — Rifjut ta’ għoti ta’ pensjoni tal-irtirar”

Fil-Kawża C-393/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supreme Court of the United Kingdom (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Lulju 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Awwissu 2010, fil-proċedura

Dermod Patrick O’Brien

vs

Ministry of Justice, li kien id-Department for Constitutional Affairs,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, U. Lõhmus, A. Rosas, A. Ó Caoimh u A. Arabadjiev (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Settembru 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal D. P. O’Brien, minn R. Allen, QC, u R. Crasnow, barrister,

għall-Council of Immigration Judges, minn I. Rogers, barrister,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Behzadi-Spencer, bħala aġent, assistita minn T. Ward, QC,

għall-Irlanda, minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn B. Doherty, barrister,

għall-Gvern Latvjan, minn M. Borkoveca u Z. Rasnača kif ukoll minn I. Kalniņš, bħala aġenti,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u N. Yerrell, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Novembru 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-klawżola 2.1 tal-Ftehim Qafas dwar xogħol part-time, konkluż fis-6 ta’ Ġunju 1997 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim Qafas dwar xogħol part-time”, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997, li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 267), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 98/23/KE, tas-7 ta’ April 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 278, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 97/81”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn D. P. O’Brien, Queen’s Counsel u ex recorder tal-Crown Court u l-Ministry of Justice, li kien id-Department for Constitutional Affairs, dwar ir-rifjut min-naħa ta’ dan tal-aħħar li jagħtih pensjoni tal-irtirar ikkalkolata prorata temporis tal-pensjoni tal-irtirar dovuta lil imħallef full-time li jirtira fl-età ta’ 65 sena u li jkun wettaq l-istess xogħol bħalu.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont id-Direttiva 98/23, li testendi d-Direttiva 97/81 għar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, it-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva mogħti lil dan l-Istat Membru skada fis-7 ta’April 2000.

4

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 97/81 jippreċiża li din hija intiża li timplementa l-Ftehim Qafas dwar xogħol part-time.

5

Il-premessa 11 ta’ din id-direttiva tipprovdi li:

“Billi l-partijiet firmatarji xtaqu li jikkonkludu ftehim qafas dwar xogħol part-time li jistabbilixxi il-prinċipji ġenerali u l-ħtiġiet minimi għal xogħol part-time; billi huma wrew ix-xewqa tagħhom li jistabbilixxu l-qafas ġenerali biex tiġi eliminata d-diskriminazjoni kontra ħaddiema part-time u biex jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ potenzjal ta’ xogħol part-time fuq bażi li hi aċċettabbli kemm għal min iħaddem [għall-persuni li jimpjegaw] u għall-ħaddiema”.

6

Il-premessa 16 tal-imsemmija direttiva hija fformulata kif ġej:

“Billi, fejn għandhom x’jaqsmu t-termini użati fil-Ftehim Qafas [dwar xogħol part-time] li mhumiex speċifikatament definiti hemmhekk, din id-Direttiva tħalli lill-Istati Membri liberi li jiddefinixxu dawk it-termini skond il-liġi u [/jew] l-prattika nazzjonali, kif inhu l-każ għal Direttivi oħrajn ta’ politika soċjali bl-użu ta’ kliem simili, kemm-il darba d-definizzjonijiet imsemmija jirrispettaw il-kontenut [ta’ dan il-]Ftehim Qafas”.

7

Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Qafas dwar xogħol part-time rilevanti għall-finijiet tal-kawża prinċipali huma dawn li ġejjin:

Il-Klawżola 1: L-iskop

L-iskop ta’ dan il-Ftehim Qafas hu:

a)

li jipprovdi għat-tneħħija tad-diskriminazzjoni kontra ħaddiema part-time u li jtejjeb il-kwalità ta’ xogħol part-time;

b)

li jiffaċilita l-iżvilupp ta’ xogħol part-time fuq bażi volontarja u li jikkontribwixxi għall-organizzazzjoni flessibbli ta’ ħin ta’ xogħol b’tali mod li jieħu in konsiderazzjoni il-bżonnijiet ta’ min iħaddem [tal-persuni li jimpjegaw] u tal-ħaddiema.

Il-Klawżola 2: L-Iskop [Il-kamp ta’ applikazzjoni]

1.

Dal-Ftehim japplika għal ħaddiema part-time li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ mpjieg kif definiti mil-liġi, mill-ftehim kollettiv[i] jew skond il-prattika fis-seħħ f’kull Stat Membru.

2.

L-Istati Membri, wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali skond il-liġi nazzjonali, ftehim kollettiv[i] jew prattika, u/jew il-parteċipanti soċjali fil-livell approprjat skond il-prattika fir-relazzjonijiet industrijali nazzjonali jistgħu, għal raġunijiet oġġettivi, jeskludu kompletament jew parzjalment mill-kond[i]zzjonijiet ta’ dan il-Ftehim ħaddiema part-time li jaħdmu fuq bażi każwali. Dawn l-esklużjonijiet għandhom jiġu rieżaminati perjodikament biex jiġi stabbilit jekk ir-raġunijiet oġġettivi biex saru baqgħux validi.

Il-Klawżola 3: Tifsiriet

Għall-iskop ta’ dan il-ftehim:

1)

Il-kliem ‘ħaddiem part-time’ jirreferi għal ħaddiem li s-sigħat normali tax-xogħol tiegħu, ikkalkulati fuq bażi ta’ ġimgħa jew fuq medja għal perjodu ta’ impjieg sa sena, huma inqas mis-sigħat normali ta’ xogħol ta’ ħaddiem full-time ta’ l-istess tip;

2)

Il-kliem ‘ħaddiem full-time ta’ l-istess tip’ ifisser ħaddiem full-time fl-istess stabbiliment li għandu l-istess tip ta’ kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni, li hu mqabbad biex jaħdem fl-istess xogħol/okkupazzjoni simili, b’kont meħud tal-konsiderazzjonijiet l-oħra li jistgħu jinkludu l-anzjanità u l-kwalifikazzjoni/kapaċità.

[...]

Il-Klawżola 4: Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni

1.

Fejn għandhom x’jaqsmu il-kondizzjonijiet tax-xogħol, ħaddiema part-time m’għandhomx jiġu ttrattati b’manjiera inqas favorevoli minn ħaddiema full-time ta’ l-istess tip biss minħabba li huma jaħdmu part-time kemm-il darba dan it-trattament differenti mhuwiex oġġettivament ġustifikat.

2.

Meta approprjat, il-prinċipju tal-pro rata temporis għandu japplika.

3.

L-arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ din il-klawżola għandhom ikunu definiti mill-Istati Membri u/jew is-sieħba soċjali, b’kont meħud tal-leġiżlazzjoni Ewropea, il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv[i] u l-prattika [nazzjonali].

4.

Meta oġġettivament ġustifikat l-Istati Membri jistgħu wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv[i] jew il-prattika u/jew l-imsieħba soċjali jistgħu, meta approprjat, jikkondizzjonaw l-aċċess għal impjiegi partikolari bi kwalifiki ta’ perjodu ta’ servizz, ħin maħdum jew rati ta’ qligħ. Il-kwalifiki li għandhom x’jaqsmu ma’ l-aċċess ta’ ħaddiema part-time għal kondizzjonijiet ta’ l-impjieg partikolari għandhom jiġu ezaminati perjodikament b’kont meħud tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni espress fil-Klawżola 4.1.

[...]”

Id-dritt nazzjonali

8

Ir-Renju Unit implementa d-Direttiva 97/81 u l-Ftehim Qafas dwar xogħol part-time permezz tar-Regolament tas-sena 2000 dwar il-ħaddiema part-time (prevenzjoni ta’ trattament inqas favorevoli) [Part-time Workers (Prevention of Less Favourable Treatment) Regulations 2000, iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar il-ħaddiema part-time”], adottat fit-8 ta’ Ġunju 2000 u li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2000.

9

L-Artikolu 1(2) tar-Regolament dwar il-ħaddiema part-time jinkludi b’mod partikolari d-definizzjonijiet li ġejjin:

“Il-kliem ‘kuntratt tax-xogħol’ jfisser kuntratt ta’ servizz jew ta’ taħriġ, espliċitu jew impliċitu u (f’każ ta’ kuntratt espliċitu) stabbilit b’mod orali jew bil-miktub;

Il-kelma ‘ħaddiem’ tfisser kull persuna li bdiet taħdem, li taħdem, jew (ħlief meta jkun hemm dispożizzjoni kuntrarja għal dan ir-regolament) li, fil-każ fejn l-impjieg intemm, ħadmet taħt:

a)

kuntratt tax-xogħol; jew

b)

kwalunkwe forma oħra ta’ kuntratt, espliċitu jew impliċitu u (f’każ ta’ kuntratt espliċitu) stabbilit b’mod orali jew bil-miktub, fejn permezz tiegħu individwu jintrabat li jwettaq xogħol personalment jew jipprovdi servizzi għal parti oħra fil-kuntratt li l-istatus tiegħu ma huwiex, skont il-kuntratt, ta’ klijent tal-professjoni jew tal-attività kummerċjali eżerċitata mill-individwu.”

10

L-Artikolu 5 tar-Regolament dwar il-ħaddiema part-time jipprojbixxi t-trattament inqas favorevoli fir-rigward tal-ħaddiem part-time li ma huwiex iġġustifikat.

11

Taħt il-parti IV ta’ dan ir-regolament, intitolata “Kategoriji Partikolari ta’ Persuni”, l-Artikolu 12 tiegħu, li huwa intitolat “Impjiegi tal-Kuruna”, fil-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi li l-imsemmi regolament japplika għall-impjiegi tal-Kuruna u għall-persuni impjegati mill-Kuruna, bl-istess mod kif japplika għall-impjiegi l-oħra u għall-impjegati u ħaddiema l-oħra. L-Artikolu 12(2) jippreċiża li l-kliem “impjieg tal-Kuruna” jfisser l-impjieg għas-servizz jew għall-bżonnijiet ta’ Ministeru kif ukoll l-impjieg għas-servizz jew għall-bżonnijiet ta’ kwalunkwe uffiċjal jew dipartiment li jeżerċita, f’isem il-Kuruna, funzjonijiet fdati lilu mil-liġi.

12

Madankollu, l-Artikolu 17 tar-Regolament dwar il-ħaddiema part-time, intitolat “Persuni li jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji”, jipprovdi li dan ir-regolament ma japplikax “għal individwi li, għall-eżerċizzju ta’ funzjoni ġudizzjarja, jitħallsu onorarji għal kull ġurnata xogħol.”

13

L-Artikolu 21 tal-liġi tal-1971 dwar il-qrati (Courts Act 1971), fil-verżjoni oriġinali tiegħu, kien jipprovdi:

“1)   Il-Maestà tagħha tista’, fi kwalunkwe ħin, taħtar persuni kkwalifikati, imsejħa recorders, li jkunu jistgħu jaġixxu bħala imħallfin tal-Crown Court fuq bażi part-time u li jkunu jistgħu jeżerċitaw kull funzjoni ġudizzjarja oħra li tkun fdata lilhom skont din il-liġi jew kull dispożizzjoni oħra.

2)   Jistgħu biss jiġu maħtura bħala recorders il-barristers jew is-solicitors li jkollhom mill-inqas għaxar snin esperjenza u li huma rrakomandati lill-Maestà tagħha mil-Lord Chancellor.

3)   Meta persuna tinħatar bħala recorder, għandu jiġi ppreċiżat it-tul ta’ din il-ħatra kif ukoll il-frekwenza u t-tul tal-mumenti li matulhom din il-persuna għandha tkun disponibbli matul dan il-perijodu sabiex teżerċita l-funzjonijiet ta’ recorder.

[...]

7)   Ir-recorders għandhom jirċievu, mir-riżorsi mqiegħda għad-dispożizzjoni mill-Parlament, remunerazzjoni stabbilita mil-Lord Chancellor, bl-approvazzjoni tal-Ministru għas-Servizz Pubbliku.”

14

Hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-iskema tal-pensjoni tal-professjonijiet ġudizzjarji hija rregolata prinċipalment mil-Liġi tal-1981 dwar il-Pensjonijiet tal-Professjonijiet Ġudizzjarji (Judicial Pensions Act 1981), kif emendata bil-Liġi tal-1993 dwar il-Pensjonijiet u l-Irtirar tal-Professjonijiet Ġudizzjarji (Judicial Pensions and Retirement Act 1993). Skont l-Artikolu 1(6) ta’ din il-liġi, kif emendata, il-kliem “kariga ġudizzjarja li tissodisfa l-kundizzjonijiet rikjesti” għall-aċċess għall-iskema tal-pensjoni tal-professjonijiet ġudizzjarji jfisser kull kariga enumerata fl-Anness 1 tal-imsemmija liġi meta din il-kariga tiġi eżerċitata fuq bażi ta’ salarju. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li ma teżisti l-ebda dispożizzjoni espressa dwar il-pensjoni tar-recorders jew ta’ imħallfin oħra mħallsa fuq il-bażi ta’ onorarji għal kull ġurnata xogħol.

15

Mill-proċess jirriżulta li r-Renju Unit ma ħax miżuri skont il-klawżola 2.2 tal-Ftehim Qafas dwar xogħol part-time.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16

Mill-proċess tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fir-Renju Unit, l-imħallfin huma storikament deskritti bħala “persuni li jżommu kariga” u li jaħdmu barra mill-kuntest ta’ kuntratt.

17

Sa mil-liġi tal-1971 dwar il-qrati, in-numru ta’ mħallfin part-time żdied b’mod kunsiderevoli. Fosthom, għandha ssir distinzjoni bejn dawk li jitħallsu fuq bażi ta’ onorarji għal kull ġurnata xogħol, fosthom ir-recorders, bħalma huwa D. P. O’Brien, u dawk li jirċievu salarju. Ir-recorders jaħdmu prinċipalment fil-Crown Courts. Ir-remunerazzjoni tagħhom għal kull ġurnata xogħol hija ta’ 5 % tas-salarju ta’ Circuit Judge full-time. Kuntrarjament għall-imħallfin full-time u għall-imħallfin part-time li jitħallsu b’salarju, ir-recorders ma għandhomx dritt għal pensjoni tal-irtirar.

18

D. P. O’Brien ġie ammess fl-avukatura fis-sena 1962 u nħatar bħala Queen’s Counsel fis-sena 1983. Huwa ħadem bħala recorder mis-sena 1978 sal-irtirar tiegħu, fis-sena 2005, meta huwa għalaq 65 sena. Huwa f’dan iż-żmien li huwa talab, billi invoka d-Direttiva 97/81 kif ukoll ir-Regolament dwar il-ħaddiema part-time, pensjoni tal-irtirar ikkalkolata prorata temporis ta’ dik li jkollu dritt għaliha Circuit Judge full-time li jkun ħareġ bil-pensjoni fl-istess data. Id-Department for Consitutional Affairs ċaħadha, u dan billi kkunsidra li D. P. O’Brien ma kellux dritt għal pensjoni tal-irtirar.

19

Għaldaqstant, f’Settembru 2005, dan tal-aħħar beda proċedura quddiem l-Employment Tribunal. Huwa rebaħ quddiem din il-qorti iżda tilef fl-appell quddiem l-Employment Appeal Tribunal minħabba t-tardività tar-rikors tal-ewwel istanza. Iktar tard ġie ordnat li l-kwistjoni fuq il-mertu u dik fuq it-terminu jinstemgħu mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) flimkien, bħala kawża li toħloq preċedent (test case). F’Diċembru 2008, din il-qorti laqgħet l-appell ta’ D. P. O’Brien dwar il-kwistjoni tat-terminu, iżda tat istruzzjonijiet lill-Employment Tribunal sabiex jiċħad id-domanda dwar il-mertu. Għaldaqstant, D. P. O’Brien ippreżenta rikors quddiem il-qorti tar-rinviju.

20

Din il-qorti tirrileva li l-funzjoni ġudizzjarja hija waħda mill-iktar karigi qodma u importanti tad-dritt nazzjonali. Hija tenfasizza wkoll li recorder iżomm kariga li tagħtih livell għoli ta’ indipendenza tal-ġudizzju u ma huwiex suġġett għal istruzzjonijiet ta’ awtorità superjuri fir-rigward tal-mod ta’ kif iwettaq il-funzjoni tiegħu ta’ imħallef. Madankollu, is-Supreme Court of the United Kingdom tenfasizza li, fil-fehma tagħha, il-funzjoni ġudizzjarja għandha l-parti l-kbira tal-karatteristiċi tar-relazzjoni ta’ impjieg.

21

Is-Supreme Court of the United Kingdom tiddeduċi mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li ma teżistix definizzjoni univoka tal-kunċett ta’ “ħaddiem”. Hija tosserva wkoll li l-effett tal-klawżola 2.1 tal-Ftehim Qafas dwar xogħol part-time, moqrija flimkien mal-premessa 16 tad-Direttiva 97/81, huwa li jħalli f’idejn id-dritt nazzjonali sabiex jinterpreta l-kunċett ta’ “ħaddiem”, iżda li d-dritt nazzjonali ma jistax jieħu post il-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni b’mod li jipreġudikaw dan il-kunċett.

22

Din il-qorti tistaqsi jekk hemmx lok li tiġi evalwata l-ammissibbiltà ta’ diskrepanza bejn id-dritt nazzjonali u norma eventwali tad-dritt tal-Unjoni skont uħud mill-kunsiderazzjonijiet li ġejjin jew skont kollha kemm huma, jiġifieri, l-ewwel nett, in-numru ta’ persuni affettwati, it-tieni nett, il-pożizzjoni speċjali tal-ġudikatura, li għaliha l-indipendenza tal-ġudizzju hija element essenzjali, u t-tielet nett, in-natura xi ftit jew wisq volontarja ta’ din id-diskrepanza. Fir-rigward ta’ dak li għadu kif ingħad, is-Supreme Court of the United Kingdom tosserva li l-esklużjoni, bl-Artikolu 17 tar-Regolament dwar il-ħaddiema part-time, tal-imħallfin part-time imħallsa permezz ta’ onorarji għall kull ġurnata xogħol tidher li hija esklużjoni intenzjonali ta’ kategorija partikolari, filwaqt li l-kollegi tagħhom li jwettqu l-istess xogħol jew xogħol simili, fuq bażi full-time jew part-time iżda bis-salarju, għandhom dritt għal pensjoni tal-irtirar.

23

Kien f’dan il-kuntest li s-Supreme Court of the United Kingdom iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Hija l-liġi nazzjonali li għandha tiddetermina jekk imħallfin, b’mod ġenerali, humiex jew le ‘ħaddiema li għandhom kuntratt jew relazzjoni tal-impjieg’ fis-sens tal-klawsola 2.1 tal-ftehim qafas, jew teżisti regola Komunitarja li taħtha għandha tiġi deċiża din il-kwistjoni?

2)

Jekk l-imħallfin, b’mod ġenerali, huma ħaddiema li għandhom kuntratt jew relazzjoni tal-impjieg fis-sens tal-klawsola 2.1 tal-ftehim qafas, il-liġi nazzjonali tista’ tiddistingwi (a) bejn imħallfin full-time u imħallfin part-time, jew (b) bejn imħallfin part-time taħt sistemi differenti għad-definizzjoni tad-drittijiet għall-pensjoni?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

24

Il-Gvern Latvjan jiddubita dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Il-fatt li jiġi kkunsidrat li d-Direttiva 97/81 tista’ tapplika għall-fatti li seħħew prinċipalment qabel id-dħul fis-seħħ tagħha fir-Renju Unit u li damu sa ftit wara d-dħul fis-seħħ tagħha, ikun imur kontra l-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali, speċjalment minħabba li d-dritt għall-pensjoni tal-irtirar invokat minn D. P. O’Brien ġie fis-seħħ wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva.

25

Fir-rigward tal-applikabbiltà ratione temporis tal-imsemmija direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat li regola ġdida hija immedjatament applikabbli, sakemm ma jkunx hemm deroga, għall-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li nħolqot taħt ir-regola l-qadima. Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizza kkonkludiet li l-kalkolu tal-anzjanità meħtieġa sabiex jinkiseb id-dritt għal pensjoni tal-irtirar huwa rregolat mid-dispożizzjonijiet tal-istess direttiva, u dan anki fir-rigward tal-perijodi ta’ attività preċedenti għad-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija direttiva (sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2010, Bruno et, C-395/08 u C-396/08, Ġabra p. I-5119, punti 53 sa 55).

26

Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi ddikjarata ammissibbli.

Fuq il-mertu

Fuq l-ewwel domanda

27

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu l-kunċett ta’ “ħaddiema [...] li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ mpjieg” li jidher fil-klawżola 2.1 tal-Ftehim Qafas dwar xogħol part-time.

28

Għandu jiġi rrilevat li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-Ftehim Qafas dwar xogħol part-time huwa ddefinit fil-klawżola 2.1 ta’ dan il-ftehim. Skont din id-dispożizzjoni, l-imsemmi ftehim japplika “għal ħaddiema part-time li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ mpjieg kif definiti mil-liġi, mill-ftehim kollettiv[i] jew skond il-prattika fis-seħħ f’kull Stat Membru”. La d-Direttiva 97/81 u lanqas il-Ftehim Qafas dwar xogħol part-time ma fihom id-definizzjoni tal-frażijiet “ħaddiem”, “kuntratt ta’ impjieg” jew “relazzjoni ta’ mpjieg”.

29

Il-premessa 16 tad-Direttiva 97/81 tipprovdi li, f’dak li jikkonċerna l-frażijiet użati fil-Ftehim Qafas dwar xogħol part-time u li ma humiex iddefiniti b’mod speċifiku fih, id-Direttiva 97/81 tħalli f’idejn l-Istati Membri sabiex jieħdu ħsieb jiddefinixxu dawn il-frażijiet b’mod konformi mad-dritt u/jew il-prattiki nazzjonali, kif inhu l-każ għal direttivi oħra adottati fil-qasam soċjali li jużaw frażijiet simili, bil-kundizzjoni li l-imsemmija definizzjonijiet ikunu josservaw il-kontenut ta’ dan il-Ftehim Qafas.

30

Minbarra l-partijiet fil-kawża prinċipali, il-gvernijiet kollha li ppreżentaw xi osservazzjonijiet u l-Kummissjoni Ewropea jaqblu li l-kunċett ta’ ħaddiem fid-dritt tal-Unjoni ma huwiex univoku, iżda jvarja skont il-qasam ta’ applikazzjoni kkunsidrat (sentenzi tat-12 ta’ Mejju 1998, Martínez Sala, C-85/96, Ġabra p. I-2691, punt 31, u tat-13 ta’ Jannar 2004, Allonby, C-256/01, Ġabra p. I-873, punt 63).

31

F’dan il-każ hemm lok li jiġi kkonstatat li, hekk kif jirriżulta mill-premessa 11 tad-Direttiva 97/81, il-Ftehim Qafas dwar xogħol part-time ma għandux l-għan li jarmonizza r-regoli nazzjonali kollha li jirrigwardaw il-kuntratti ta’ impjieg jew ir-relazzjonijiet ta’ impjieg part-time, iżda huwa intiż biss, billi jiffissa prinċipji ġenerali u l-ħtiġiet minimi, li “jistabbilixx[i] qafas ġenerali biex tiġi eliminata d-diskriminazzjoni kontra ħaddiema part-time”.

32

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li meta adotta din id-direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li l-kunċett ta’ “ħaddiema part-time li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ mpjieg” kellu jiġi interpretat fis-sens tad-dritt nazzjonali.

33

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat dan l-approċċ billi fakkret li ħaddiem jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim Qafas dwar xogħol part-time jekk huwa jkollu kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg iddefinit mil-leġiżlazzjoni, mill-ftehim kollettivi jew mill-prattiki fis-seħħ fl-Istat Membru kkonċernat (ara s-sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2004, Wippel, C-313/02, Ġabra p. I-9483, punt 40).

34

Madankollu, is-setgħa ta’ diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri bid-Direttiva 97/81 sabiex jiddefinixxu l-kunċetti użati fil-Ftehim Qafas dwar xogħol part-time ma huwiex illimitat. Hekk kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punti 36 u 37 tal-konklużjonijiet tagħha, ċerti frażijiet użati f’dan il-Ftehim Qafas jistgħu jiġu ddefiniti b’konformità mad-dritt u/jew il-prattiki nazzjonali bil-kundizzjoni li l-effett utli ta’ din id-direttva u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni jiġu osservati.

35

Fil-fatt, l-Istati Membri ma jistgħux japplikaw leġiżlazzjoni li tista’ tipperikola t-twettiq tal-għanijiet imfittxija minn direttiva u, għalhekk, li tista’ ċċaħadha mill-effett utli tagħha (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ April 2011, El Dridi, C-61/11 PPU, Ġabra p. I-3015, punt 55).

36

B’mod partikolari, Stat Membru ma jistax iċaħħad minn rajh, bi ksur tal-effett utli tad-Direttiva 97/81, ċerti kategoriji ta’ persuni mill-benefiċċju tal-protezzjoni maħsuba minn din id-direttiva u l-Ftehim Qafas dwar xogħol part-time [ara, b’analoġija mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim Qafas dwar xogħol għal żmien determinat”), sentenza tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso, C-307/05, Ġabra p. I-7109, punt 29].

37

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mid-dispożizzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ atti, li ma jinkludu l-ebda indikazzjoni li tippermetti li jiġi inferit li ċerti kategoriji ta’ impjiegi huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. Għall-kuntrarju, hekk kif jirriżulta mill-kliem stess tal-klawżola 2.1 tal-Ftehim Qafas dwar xogħol part-time, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-ftehim huwa maħsub b’mod wiesa’, li jkopri b’mod ġenerali l-ħaddiema part-time li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definiti fil-liġi, fil-ftehim kollettivi jew fil-prattiki fis-seħħ f’kull Stat Membru. Id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “ħaddiema part-time” fis-sens ta’ dan il-Ftehim Qafas, kif jissemma fil-klawżola 3.1 tagħha, tinkludi lill-ħaddiema kollha, mingħajr ma tagħmel distinzjoni fuq il-bażi tal-karattru pubbliku jew privat tal-persuna li timpjega li magħha huma marbuta (ara, b’analoġija mal-Ftehim Qafas dwar xogħol għal żmien determinat, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C-444/09 u C-456/09, Ġabra p. I-14031, punti 39 u 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

38

Għandu jiġi kkunsidrat, hekk kif sostniet il-Kummissjoni, li d-definizzjoni ta’ “ħaddiema [...] li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ mpjieg”, għall-finijiet tal-klawżola 2.1 tal-Ftehim Qafas dwar xogħol part-time ikollha effett fuq il-portata u l-effett utli tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-imsemmi ftehim qafas.

39

F’dan il-każ, skont il-Gvern tar-Renju Unit, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali ilu jiġi rikonoxxut għal żmien twil li l-imħallfin, li għandhom kariga ġudizzjarja, ma humiex ingaġġati b’kuntratt tax-xogħol, u li dan id-dritt lanqas ma jirrikonoxxi kategorija ta’ “relazzjoni ta’ mpjieg” li hija distinta mir-relazzjoni maħluqa permezz ta’ kuntratt. Għal dawn ir-raġunijiet, skont il-Ministry of Justice u dan il-Gvern, il-kategorija ta’ imħallfin, b’mod ġenerali, ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 97/81. Konsegwentement, l-eżistenza tal-Artikolu 17 tar-Regolament dwar il-ħaddiema part-time, li jippreċiża li dan ir-regolament ma japplikax għall-imħallfin part-time li jitħallsu permezz ta’ onorarji għal kull ġurnata xogħol, hija superfluwa.

40

Skont l-interpretazzjoni li saret mid-dritt nazzjonali tal-kunċett ta’ “ħaddiema [...] li għandhom impjieg jew relazzjoni ta’ mpjieg”, kif issuġġerita mill-Gvern tar-Renju Unit, l-eżerċizzju ta’ kariga ġudizzjarja teskludi sa mill-bidu l-eżistenza ta’ kuntratt jew ta’ relazzjoni ta’ impjieg, u għalhekk iċċaħħad lill-imħallfin mill-benefiċċju tal-protezzjoni maħsuba mid-Direttiva 97/81 u mill-Ftehim Qafas dwar xogħol part-time.

41

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-fatt biss li l-imħallfin jikkwalifikaw sabiex iżommu kariga ġudizzjarja ma huwiex biżżejjed, bħala tali, sabiex dawn tal-aħħar jiġu mċaħħda mill-benefiċċju tad-drittijiet previsti minn dan il-Ftehim Qafas.

42

Fil-fatt, mill-punti 34 sa 38 ta’ din is-sentenza u, b’mod partikolari, mill-ħtieġa li jiġi ssalvagwardjat l-effett utli tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit bl-imsemmi Ftehim Qafas jirriżulta li tali esklużjoni tista’ tiġi aċċettata biss, sakemm ma titqiesx bħala arbitrarja, jekk in-natura tar-relazzjoni ta’ impjieg inkwistjoni hija sostanzjalment differenti minn dik li torbot mal-persuni li jimpjegawhom, l-impjegati li skont id-dritt nazzjonali jaqgħu taħt il-kategorija tal-ħaddiema.

43

Għandha tkun il-qorti tar-rinviju li fl-aħħar mill-aħħar teżamina sa fejn ir-relazzjoni li tgħaqqad lill-imħallfin mal-Ministry of Justice hija, min-natura tagħha stess, sostanzjalment differenti minn relazzjoni ta’ impjieg li tgħaqqad lil persuna li timpjega ma’ ħaddiem. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tindika lill-qorti tar-rinviju xi prinċipji u kriterji li din għandha tieħu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tagħha.

44

F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat, hekk kif għamlet l-Avukat Ġenerali fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tagħha, li, meta jkun qiegħed isir eżami sabiex jiġi stabbilit jekk in-natura tal-imsemmija relazzjoni hijiex sostanzjalment differenti minn dik tar-relazzjoni ta’ impjieg li torbot lill-impjegati li, skont id-dritt nazzjonali, jaqgħu taħt il-kategorija tal-ħaddiema, mal-persuni li jimpjegawhom, il-qorti tar-rinviju għandha, b’mod konformi mal-ispirtu u l-għan tal-Ftehim Qafas dwar xogħol part-time, tieħu inkunsiderazzjoni d-distinzjoni bejn din il-kategorija u dik tal-professjonijiet li ma jitħallsux b’salarju.

45

F’din il-perspettiva, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-modalitajiet tal-ħatra u tat-tneħħija tal-imħallfin, iżda wkoll il-mod ta’ organizzazzjoni tax-xogħol tagħhom. F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-imħallfin huma mistennija jaħdmu skont ħinijiet u matul perijodi ddefiniti b’mod ċar, minkejja li dawn jistgħu iqassmu xogħolhom b’mod iktar flessibbli milli l-membri ta’ professjonijiet oħra.

46

Barra minn hekk u kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, għandu jiġi kkonstatat li l-imħallfin għandhom dritt li jitħallsu fil-każ ta’ mard, li jitħallsu allowance ta’ maternità jew paternità kif ukoll li jitħallsu benefiċċji oħra simili.

47

Għandu jiġi osservat li l-fatt li l-imħallfin huma suġġetti għal modalitajiet ta’ servizz u li huma jistgħu jitqiesu bħala ħaddiema, fis-sens tal-klawżola 2.1 tal-Ftehim Qafas dwar xogħol part-time, bl-ebda mod ma jippreġudika l-prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura u l-fakultà tal-Istat Membri li jipprovdu għall-eżistenza ta’ statut partikolari li jirregola l-ġudikatura.

48

Hekk kif is-Supreme Court of the United Kingdom enfasizzat fil-punt 27 tad-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, l-imħallfin jibqgħu indipendenti fl-eżerċizzju tal-funzjoni ġudizzjarja bħala tali, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

49

Dawn il-konstatazzjonijiet ma humiex ikkontestati bl-argument tal-Gvern Latvjan, li jgħid li l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għall-ġudikatura tkun timplika n-nuqqas ta’ osservanza tal-identitajiet nazzjonali tal-Istati Membri, nuqqas ta’ osservanza li huwa kuntrarju għall-Artikolu 4(2) TUE. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-applikazzjoni, fir-rigward tal-imħallfin part-time li jitħallsu permezz ta’ onorarji għal kull ġurnata xogħol, tad-Direttiva 97/81 u tal-Ftehim Qafas dwar xogħol part-time ma għandhiex taffettwa l-identità nazzjonali iżda hija maħsuba biss li tippermettilhom li jibbenefikaw mill-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament, prinċipju li huwa wieħed mill-għanijiet ta’ dawn it-testi, u għalhekk sabiex tipproteġihom mid-diskriminazzjonijet fir-rigward tal-ħaddiema part-time.

50

Dan jgħodd ukoll fir-rigward tal-argument li l-imħallfin, ġeneralment, ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 97/81 u tal-Ftehim Qafas dwar xogħol part-time peress li, skont l-Artikolu 51 TFUE, il-moviment liberu tal-ħaddiema ma japplikax għall-attivitajiet li jipparteċipaw fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat li dan il-Ftehim Qafas ma jirrigwardax il-moviment liberu tal-ħaddiema.

51

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għall-ewwel domanda magħmulha għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu l-kunċett ta’ “ħaddiema [...] li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ mpjieg” li jidher fil-klawżola 2.1 tal-Ftehim Qafas dwar xogħol part-time, u, b’mod partikolari, li jiddeterminaw jekk l-imħallfin jaqgħux taħt dan il-kunċett, bil-kundizzjoni li dan ma jwassalx għal esklużjoni arbitrarja ta’ din il-kategorija ta’ persuni mill-benefiċċju tal-protezzjoni offruta mid-Direttiva 97/81 u minn dan il-Ftehim Qafas. Esklużjoni tal-benefiċċju ta’ din il-protezzjoni tista’ tiġi aċċettata biss jekk ir-relazzjoni li tgħaqqad lill-imħallfin mal-Ministry of Justice hija, min-natura tagħha stess, sostanzjalment differenti minn dik li torbot lill-impjegati li, skont id-dritt nazzjonali, jaqgħu taħt il-kategorija ta’ ħaddiema, mal-persuni li jimpjegawhom.

Fuq it-tieni domanda

52

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, fl-ipoteżi fejn, skont id-dritt nazzjonali, l-imħallfin ikunu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “ħaddiema [...] li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ mpjieg”, li jinsab fil-klawżola 2.1 tal-Ftehim Qafas dwar xogħol part-time, jekk dan tal-aħħar għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li, għall-finijiet ta’ aċċess għall-iskema ta’ pensjoni tal-irtirar, id-dritt nazzjonali jistabbilixxix distinzjoni bejn l-imħallfin full-time u l-imħallfin part-time, jew bejn l-imħallfin part-time li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom skont sistemi differenti.

53

Hekk kif jirriżulta mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, din il-kwistjoni toħroġ miċ-ċirkustanza li l-Artikolu 17 tar-Regolament dwar il-ħaddiema part-time espressament jipprovdi li dan tal-aħħar ma japplikax għal min iżomm kariga ġudizzjarja mħallsa permezz ta’ onorarji għal kull ġurnata xogħol, bħalma huma r-recorders. Għaldaqstant, dawn ma jistgħux jinvokaw l-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, li jipprojbixxi trattament inqas favorevoli fir-rigward tal-ħaddiema part-time li ma huwiex iġġustifikat, b’mod li, kuntrarjament għall-imħallfin full-time u l-imħallfin part-time li jitħallsu b’salarju, huma ma jistgħux jidħlu fl-iskema ta’ pensjoni tal-professjonijiet ġudizzjarji u jibbenefikaw minn pensjoni taħt l-imsemmija skema meta dawn jirtiraw.

54

Skont il-klawżola 4.1 tal-Ftehim Qafas dwar xogħol part-time, huwa pprojbit f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tax-xogħol, li l-ħaddiema part-time jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiema full-time paragunabbli għar-raġuni biss li huma jaħdmu part-time, dejjem sakemm dan it-trattament differenti ma jkunx iġġustifikat permezz ta’ raġunijiet oġġettivi. Skont il-klawżola 4.2 ta’ dan il-Ftehim Qafas, il-prinċipju ta’ prorata temporis għandu japplika fejn dan ikun xieraq.

55

Għandu jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ “kondizzjonijiet tax-xogħol” li jinsab fil-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas dwar xogħol part-time ikopri l-pensjonijiet ta’ rtirar ibbażati fuq relazzjoni ta’ impjieg bejn ħaddiem u l-persuna li timpjegah (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Bruno et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

56

Id-differenza fit-trattament li jġarrbu l-imħallfin part-time li jitħallsu permezz ta’ onorarji għal kull ġurnata xogħol tirriżulta mill-fatt li, minħabba l-mod ta’ kif huma jiġu rremunerati, huma la jistgħu jibbenefikaw minn pensjoni skont l-iskema ta’ pensjoni tal-professjonijiet ġudizzjarji meta dawn jirtiraw u lanqas mill-protezzjoni offruta mill-Artikolu 17 tar-Regolament dwar il-ħaddiema part-time.

57

F’dan ir-rigward, il-Gvern tar-Renju Unit isostni li d-Direttiva 97/81 u l-Ftehim Qafas dwar xogħol part-time jirrigwardaw biss id-diskriminazzjoni bejn l-imħallfin part-time u l-imħallfin full-time, u mhux bejn il-kategoriji differenti ta’ ħaddiema part-time li jeżerċitaw l-attività tagħhom skont sistemi differenti.

58

F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif il-Gvern tar-Renju Unit stess osserva matul is-seduta, fiż-żmien meta r-regolament dwar il-ħaddiema part-time ġie adottat, l-imħallfin part-time kollha, minbarra xi ftit eċċezzjonijiet, kienu jitħallsu permezz ta’ onorarji għal kull ġurnata xogħol. Huwa għaldaqstant f’dan il-kuntest li s-sitwazzjoni tal-imħallfin part-time li jitħallsu fuq tali bażi għandha tinftiehem. Għalhekk, meta d-dispożizzjonijiet nazzjonali jirriżervaw id-dritt lill-impjegati sabiex jissieħbu fi skema ta’ pensjoni tal-professjonijiet ġudizzjarji, dan ifisser li dan id-dritt jiġi rriżervat għall-imħallfin full-time u ma jkunx disponibbli għall-imħallfin part-time, peress li dawn jitħallsu, minbarra xi ftit eċċezzjonijiet, permezz ta’ onorarji għal kull ġurnata xogħol.

59

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-imħallfin part-time li jitħallsu b’salarju huma ttrattati bl-istess mod, fir-rigward tad-drittijiet għal pensjoni tal-irtirar, bħall-imħallfin full-time ma huwiex rilevanti. Għaldaqstant ma hemmx lok li jiġi eżaminat jekk id-Direttiva 97/81 u l-Ftehim Qafas dwar xogħol part-time jawtorizzawx id-distinzjonijiet introdotti mid-dritt nazzjonali, għad-definizzjoni tad-drittijiet għall-pensjoni tal-irtirar, bejn l-imħallfin part-time li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom skont sistemi differenti.

60

Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk ir-rifjut li tingħata pensjoni tal-irtirar lill-imħallfin part-time li jitħallsu permezz ta’ onorarji għal kull ġurnata xogħol iwassalx sabiex dawn tal-aħħar jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli mill-ħaddiema full-time f’sitwazzjoni paragunabbli.

61

F’dan ir-rigward, il-klawżola 3 tal-Ftehim Qafas dwar xogħol part-time tipprovdi kriterji ta’ definizzjoni tal-“ħaddiem full-time ta’ l-istess tip”. Fl-ewwel paragrafu tal-klawżola 3.2 dan huwa ddefinit bħala “ħaddiem full-time fl-istess stabbiliment li għandu l-istess tip ta’ kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni, li hu mqabbad biex jaħdem fl-istess xogħol/okkupazzjoni simili, b’kont meħud tal-konsiderazzjonijiet l-oħra li jistgħu jinkludu l-anzjanità u l-kwalifikazzjoni/kapaċità”. Għandu jiġi kkonstatat li dawn il-kriterji huma bbażati fuq il-kontenut tal-attività tal-persuni kkonċernati.

62

Għaldaqstant ma jistax jiġi argumentat li l-imħallfin full-time u r-recorders ma humiex f’sitwazzjoni paragunabbli minħabba li dawn għandhom karrieri differenti, dan billi dawn tal-aħħar għandhom dejjem il-possibbiltà li jeżerċitaw il-funzjoni ta’ avukat. Fil-fatt, l-iktar fattur importanti huwa li essenzjalment dawn jeżerċitaw l-istess attività. F’dan ir-rigward, matul is-seduta l-partijiet ikkonċernati, inkluż il-Gvern tar-Renju Unit, spjegaw li r-recorders u l-imħallfin full-time jeżerċitaw l-istess funzjonijiet. Fil-fatt, ġie ppreċiżat li xogħolhom huwa identiku, jiġi eżerċitat fl-istess qrati u matul l-istess seduti.

63

Skont il-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas dwar xogħol part-time u l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, it-trattament differenti ta’ ħaddiem part-time meta mqabbel ma’ ħaddiem full-time paragunabbli jista’ biss jiġi ġġustifikat b’raġunijiet oġġettivi.

64

Issa, il-kunċett ta’ “oġġettivament [raġunijiet oġġettivi]” fis-sens tal-klawżola 4.1 tal-Ftehim Qafas dwar xogħol part-time, għandu jinftiehem li ma jawtorizzax ġustifikazzjoni ta’ differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema part-time u l-ħaddiema full-time minħabba l-fatt li din tal-aħħar hija prevista minn regola ġenerali u astratta. Għall-kuntrarju, l-imsemmi kunċett jeżiġi li l-inugwaljanza fit-trattament inkwistjoni tkun tissodisfa bżonn ġenwin, tkun xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u tkun meħtieġa għal dan l-iskop [ara, b’analoġija mal-klawżola 5.1(a) tal-Ftehim Qafas dwar xogħol għal żmien determinat, is-sentenza Del Cerro Alonso, iċċitata iktar ’il fuq, punti 57 u 58].

65

Billi l-ebda motiv ta’ ġustifikazzjoni ma ġie invokat matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk l-inugwaljanza fit-trattament bejn l-imħallfin full-time u l-imħallfin part-time li jitħallsu permezz ta’ onorarji għall kull ġurnata xogħol tistax tiġi ġġustifikata.

66

Għandu jitfakkar li l-kunsiderazzjonijiet baġitarji ma jistgħux jiġġustifikaw diskriminazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 2003, Schönheit u Becker, C-4/02 u C-5/02, Ġabra p. I-12575, punt 85, kif ukoll tat-22 ta’ April 2010, Zentralbetriebsrat der Landeskrankenhäuser Tirols, C-486/08, Ġabra p. I-3527, punt 46).

67

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Ftehim Qafas dwar xogħol part-time għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li, għall-finijiet tal-aċċess għall-iskema ta’ pensjoni tal-irtirar, id-dritt nazzjonali jistabbilixxi distinzjoni bejn l-imħallfin full-time u l-imħallfin part-time li jitħallsu permezz ta’ onorarji għal kull ġurnata xogħol, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw tali differenza fit-trattament, fatt li għandu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju.

Fuq l-ispejjeż

68

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu l-kunċett ta’ “ħaddiema [...] li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ mpjieg” li jidher fil-klawżola 2.1 tal-Ftehim Qafas dwar xogħol part-time, konkluż fis-6 ta’ Ġunju 1997, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997, li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 98/23/KE, tas-7 ta’ April 1998 u, b’mod partikolari, li jiddeterminaw jekk l-imħallfin jaqgħux taħt dan il-kunċett, bil-kundizzjoni li dan ma jwassalx għal esklużjoni arbitrarja ta’ din il-kategorija ta’ persuni mill-benefiċċju tal-protezzjoni offruta mid-Direttiva 97/81, kif emendata bid-Direttiva 98/23, u minn dan il-Ftehim Qafas. Esklużjoni tal-benefiċċju ta’ din il-protezzjoni tista’ tiġi aċċettata biss jekk ir-relazzjoni li tgħaqqad lill-imħallfin mal-Ministry of Justice hija, min-natura tagħha stess, sostanzjalment differenti minn dik li torbot lill-impjegati li, skont id-dritt nazzjonali, jaqgħu taħt il-kategorija ta’ ħaddiema, mal-persuni li jimpjegawhom.

 

2)

Il-Ftehim Qafas dwar xogħol part-time, konkluż fis-6 ta’ Ġunju 1997, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva 97/81, kif emendata bid-Direttiva 98/23, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li, għall-finijiet tal-aċċess għall-iskema ta’ pensjoni tal-irtirar, id-dritt nazzjonali jistabbilixxi distinzjoni bejn l-imħallfin full-time u l-imħallfin part-time li jitħallsu permezz ta’ onorarji għal kull ġurnata xogħol, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw tali differenza fit-trattament, fatt li għandu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top