SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

5 ta’ Mejju 2015 ( *1 )

“Rikors għal annullament — Implementazzjoni ta’ kooperazzjoni msaħħa — Privattiva unitarja — Regolament (UE) Nru 1260/2012 — Dispożizzjonijiet fil-qasam ta’ traduzzjoni — Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni — Artikolu 291 TFUE — Delega ta’ poteri lil korpi esterni għall-Unjoni Ewropea — It-tieni paragrafu tal-Artikolu 118 TFUE — Bażi legali — Prinċipju ta’ awtonomija tad-dritt tal-Unjoni”

Fil-Kawża C‑147/13,

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentat fit-22 ta’ Marzu 2013,

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn E. Chamizo Llatas u S. Centeno Huerta, bħala aġenti,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn T. Middleton u F. Florindo Gijón kif ukoll minn M. Balta u L. Grønfeldt, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn:

Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn C. Pochet kif ukoll minn J.-C. Halleux u T. Materne, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn C. Thorning u M. Wolff, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn T. Henze u M. Möller kif ukoll minn J. Kemper, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues, F.‑X. Bréchot u D. Colas kif ukoll minn N. Rouam, bħala aġenti,

Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu,

L-Ungerija, irrappreżentata minn M. Fehér u K. Szíjjártó, bħala aġenti,

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn M. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn A. Falk u C. Meyer‑Seitz, bħala aġenti,

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn M. Holt, bħala aġent, assistit minn J. Stratford, QC, u minn T. Mitcheson, barrister,

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn M. Gómez‑Leal, U. Rösslein u M. Dean, bħala aġenti,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn I. Martínez del Peral kif ukoll minn T. van Rijn, B. Smulders u F. Bulst, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič (Relatur), A. Ó Caoimh, C. Vajda u S. Rodin, Presidenti ta’ Awla, A. Borg Barthet, J. Malenovský, E. Levits, E. Jarašiūnas, C. G. Fernlund u J. L. da Cruz Vilaça, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ Lulju 2014,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Novembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jitlob l-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1260/2012, tas-17 ta’ Diċembru 2012, li jimplimenta l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja fir-rigward tal-arranġamenti applikabbli għat-traduzzjoni (ĠU L 361, p. 89, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”).

2

Dan ir-regolament ġie adottat mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea wara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/167/UE, tal-10 ta’ Marzu 2011, li tawtorizza l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja (ĠU L 76, p. 53, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ kooperazzjoni msaħħa”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

Il-Konvenzjoni dwar il-Ħruġ ta’ Privattivi Ewropej

3

L-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni dwar il-Ħruġ ta’ Privattivi Ewropej, iffirmata f’München, fil-5 ta’ Ottubru 1973, u li daħlet fis-seħħ fis-7 ta’ Ottubru 1977, fil-verżjoni applikabbli għal din it-tilwima (iktar ’il quddiem, il-“Konvenzjoni dwar il-Privattiva Ewropea”), intitolat “Lingwi tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi, tat-talbiet għal privattiva Ewropea u dokumenti oħra”, jipprevedi:

“(1)   Il-lingwi uffiċjali tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi [(iktar ’il quddiem l-‘EPO’)] huma l-Ġermaniż, l-Ingliż u l-Franċiż.

(2)   Kull applikazzjoni għal privattiva Ewropea għandha tiġi ppreżentata f’waħda mil-lingwi uffiċjali jew, jekk tiġi ppreżentata f’lingwa oħra, tiġi tradotta f’waħda mil-lingwi uffiċjali, konformement mar-regolament ta’ implementazzjoni. Matul il-proċedimenti kollha quddiem l-[EPO], din it-traduzzjoni tista’ titqiegħed f’konformità mat-test tal-applikazzjoni hekk kif hija ġiet ippreżentata. Jekk it-traduzzjoni meħtieġa ma tiġix prodotta fit-termini stabbiliti, l-applikazzjoni titqies irtirata.

(3)   Il-lingwa uffiċjali tal-[EPO] li fiha l-applikazzjoni għal privattiva Ewropea ġiet ippreżentata jew tradotta għandha tintuża bħala l-lingwa tal-proċedimenti, ħlief jekk ir-regolament ta’ implementazzjoni jipprovdi mod ieħor, fil-proċeduri kollha quddiem l-[EPO].

(4)   Il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li għandhom id-domiċilju tagħhom jew is-sede tagħhom fi Stat kontraenti li għandu lingwa oħra barra mill-Ġermaniż, l-Ingliż jew il-Franċiż bħala lingwa uffiċjali, u persuni bin-nazzjonalità ta’ dan l-Istat li għandhom id-domiċilju tagħhom barra mill-pajjiż jistgħu jipproduċu, f’lingwa uffiċjali ta’ dan l-Istat, dokumenti li għandhom jiġu prodotti f’terminu determinat. Madankollu, huma obbligati li jipproduċu traduzzjoni f’lingwa uffiċjali tal-[EPO] konformement mar-regolament ta’ implementazzjoni. Jekk dokument ieħor minbarra dawk li jikkomponu l-applikazzjoni għal privattiva Ewropea ma jiġix prodott fil-lingwa mitluba jew jekk traduzzjoni meħtieġa ma tiġix prodotta fit-termini stabbiliti, id-dokument jitqies li ma ġiex prodott.

(5)   L-applikazzjonijiet għal privattiva Ewropea għandhom jiġu ppubblikati fil-lingwa tal-proċedimenti.

(6)   L-ispeċifikazzjonijiet tal-privattiva Ewropea għandhom jiġu ppubblikati fil-lingwa tal-proċedimenti u għandhom jinkludu traduzzjoni tat-talbiet fiż-żewġ lingwi l-oħra uffiċjali tal-[EPO].

[...]

(8)   L-iskrizzjonijiet fir-Reġistru Ewropew tal-Privattivi għandhom jitwettqu fit-tliet lingwi uffiċjali tal-[EPO]. F’każ ta’ dubju, l-iskrizzjoni fil-lingwa tal-proċedimenti hija dik awtentika.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4

L-Artikolu 142 tal-Konvenzjoni dwar il-Privattiva Ewropea, intitolat “Privattiva unitarja”, jipprevedi:

“(1)   Kull grupp ta’ Stati kontraenti li, fi ftehim speċjali, ikun ipprovda li l-privattivi Ewropej maħruġa għal dawk l-Istati għandu jkollhom karattru unitarju fit-territorji tagħhom kollha, jista’ jipprovdi li l-privattivi Ewropej jistgħu jinħarġu biss konġuntament għall-Istati kollha.

(2)   Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-parti huma applikabbli meta grupp ta’ Stati kontraenti jkun uża l-fakultà msemmija fil-paragrafu 1.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5

L-Artikolu 143 tal-Konvenzjoni dwar il-Privattiva Ewropea, intitolat “Dipartimenti Speċjali tal-[EPO]”, jipprevedi:

“(1)   Il-grupp ta’ Stati kontraenti jista’ jafda kompiti supplimentari lill-[EPO].

(2)   Jistgħu, għall-eżekuzzjoni ta’ dawn il-kompiti supplimentari, jinħolqu fl-[EPO] dipartimenti speċjali komuni għall-Istati li jagħmlu parti minn dan il-grupp. Il-President tal-[EPO] jassumi t-tmexxija ta’ dawn id-dipartimenti speċjali; id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10(2) u (3) huma applikabbli.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6

L-Artikolu 145 tal-Konvenzjoni dwar il-Privattiva Ewropea, intitolat “Kumitat magħżul tal-Kunsill Amministrattiv”, jipprevedi:

“(1)   

Il-grupp ta’ Stati kontraenti jista’ jwaqqaf Kumitat magħżul tal-Kunsill Amministrattiv sabiex jikkontrolla l-attività tad-dipartimenti speċjali maħluqa skont l-Artikolu 143(2); l-[EPO] jqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ dan il-kumitat il-persunal, il-bini u l-mezzi materjali meħtieġa għat-twettiq tal-missjoni tiegħu. Il-President tal-[EPO] huwa responsabbli għall-attivitajiet tad-dipartimenti speċjali quddiem il-Kumitat magħżul tal-Kunsill Amministrattiv.

(2)   Il-kompożizzjoni, il-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Kumitat magħżul huma stabbiliti mill-grupp ta’ Stati kontraenti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il-Ftehim dwar il-Qorti Unifikata tal-Privattivi

7

Il-Ftehim dwar il-Qorti Unifikata tal-Privattivi, iffirmat fi Brussell fid-19 ta’ Frar 2013 (ĠU C 175, p. 1, iktar ’il quddiem, il-“Ftehim QUP”) jipprevedi, fl-Artikolu 32(1)(i) tiegħu:

“Il-Qorti għandu jkollha kompetenza esklussiva fir-rigward ta’:

[...]

i)

azzjonijiet li jikkonċernaw id-deċiżjonijiet tal-[EPO] fit-twettiq tal-kompiti msemmijin fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1257/2012 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2012, li jimplimenta l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja (ĠU L 361, p. 1)].”

8

L-Artikolu 89(1) tal-Ftehim QUP jipprevedi:

“Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2014 jew fl-ewwel jum tar-raba’ xahar wara d-depożitu tat-tlettax-il strument ta’ ratifika jew ta’ adeżjoni f’konformità mal-Artikolu 84, inkluż it-tliet Stati Membri li fihom ħadu effett l-ogħla numru ta’ privattivi Ewropej fis-sena ta’ qabel is-sena li fiha jseħħ l-iffirmar tal-Ftehim jew fl-ewwel jum tar-raba’ xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-emendi għar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 dwar ir-relazzjoni tiegħu ma’ dan il-Ftehim, skont liema hija l-aktar tard.”

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 1257/2012

9

Il-premessi 9, 24 u 25 tar-Regolament (UE) Nru 1257/2012 huma fformulati kif ġej:

“(9)

Il-privattiva Ewropea b’effett unitarju [(iktar ’il quddiem il-‘PEEU’)] għandha tagħti d-dritt lill-proprjetarju tagħha li jipprevjeni kwalunkwe parti terza milli twettaq atti li kontrihom tipprovdi protezzjoni l-privattiva. Dan għandu jkun żgurat permezz tal-istabbiliment ta’ Qorti Unifikata tal-Privattivi. Fi kwistjonijiet mhux koperti minn dan ir-Regolament jew mir-Regolament [ikkontestat], għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-KEP, il-[Ftehim QUP], inklużi d-dispożizzjonijiet tiegħu li jiddefinixxu l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak id-dritt u l-limitazzjonijiet tiegħu, u l-liġi nazzjonali, inklużi r-regoli tal-liġi internazzjonali privata.

[...]

(24)

Il-ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ [PEEU] għandha tiġi stabbilita u rregolata minn strument li jistabbilixxi sistema unifikata għal-litigazzjoni dwar il-privattiva għall-privattivi Ewropej u għall-[PEEU].

(25)

It-twaqqif ta’ Qorti Unitarja tal-Privattiva biex tisma’ każijiet li jikkonċernaw il-[PEEU] hija essenzjali sabiex ikun żgurat il-funzjonament tajjeb ta’ dik il-privattiva, il-konsistenza ta’ ġurisprudenza u għaldaqstant ta’ ċertezza legali, u ta’ nfiq effettiv għall-propjetarji tal-privattiva. Għalhekk huwa tal-akbar importanza li l-Istati Membri parteċipanti jirratifikaw il-[Ftehim QUP] skont il-proċeduri kostituzzjonali u parlamentari nazzjonali tagħhom u jieħdu l-passi meħtieġa biex dik il-Qorti issir operazzjonali mill-aktar fis possibbli.”

10

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1257/2012 jipprevedi:

“1.   Dan ir-regolament jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni ta’ privattiva unitarja, kif awtorizzata permezz tad-Deċiżjoni [ta’ kooperazzjoni msaħħa].

2.   Dan ir-Regolament jikkostitwixxi ftehim speċjali fis-sens tal-Artikolu 142 tal-[Konvenzjoni dwar il-Privattiva Ewropea].”

11

L-Artikolu 2(e) tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

e)

‘Reġistru għall-protezzjoni tal-privattiva unitarja’ ifisser ir-reġistru li jikkonstitwixxi parti mir-Reġistru Ewropew tal-Privattiva fejn jiġu reġistrati l-effett unitarju u kull limitazzjoni, liċenzja, tresferiment, revoka jew skadenza ta’ [PEEU].”

12

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tal-istess regolament jipprevedi:

“Privattiva Ewropea mogħtija bl-istess sett ta’ talbiet fir-rigward tal-Istati Membri parteċipanti kollha għandha tibbenefika minn effett unitarju fl-Istati Membri parteċipanti sakemm l-effett unitarju tagħha jkun ġie reġistrata fir-Reġistru għall-protezzjoni ta’ privattiva unitarja.”

13

L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1257/2012, intitolat “Kompiti amministrattivi fil-qafas tal-Organizzazzjoni Ewropea tal-Privattivi”, jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri parteċipanti għandhom, fis-sens tal-Artikolu 143 tal-KEP, jagħtu lill-EPO l-kompiti li ġejjin, li jridu jitwettqu skont ir-regoli interni tal-EPO:

a)

jamminstra t-talbiet għal effett unitarju minn proprjetarji ta’ privattivi Ewropej;

b)

jinkludi r-Reġistru għal protezzjoni tal-privattiva unitarja fi ħdan ir-Reġistru Ewropew tal-Privattivi u biex jamministra r-Reġistru għal protezzjoni tal-privattiva unitarja;

c)

jirċievi u jirreġistra d-dikjarazzjonijiet dwar il-liċenzjar imsemmija fl-Artikolu 8, l-impenji tagħhom tal-iritirar u tal-liċenzjar meħuda mill-propjetarju tal-[PEEU] f’korpi internazzjonali ta’ standardizzazzjoni;

d)

tippubblika it-traduzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6 tar-Regolament [ikkontestat] matul il-perijodu tranżitorju msemmi f’dak l-Artikolu;

e)

il-ġbir u l-amminstrazzjoni tat-tariffi ta’ tiġdid għal [PEEU], fir-rigward tas-snin ta’ wara s-sena li fiha ir-referenza tal-għotja hija ippubblikata fil-Bulettin Ewropew tal-Privattiva; il-ġbir u l-amministrazzjoni ta’ tariffi addizzjonali għal ħlas tard tat-tariffi ta’ tiġdid fejn dan il-ħlas tard isir fi żmien sitt xhur mid-data meta suppost sar il-ħlas, kif ukoll id-distribuzzjoni ta’ parti mit-tariffi ta’ tiġdid miġbura lill-Istati Membri parteċipanti;

f)

jamministra skema ta’ kumpens għar-rimbors ta’ spejjeż ta’ traduzzjoni imsemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament [ikkontestat];

g)

jiżgura li talba għal effett unitarju mill-proprjetarju tal-privattiva Ewropea tiġi sottomessa fil-lingwa tal-proċeduri kif definit fl-Artikolu 14(3) tal-KEP mhux aktar tard minn xahar wara li r-referenza tal-għotja tiġi ppubblikata fil-Bulettin Ewropew tal-Privattiva; u

h)

jiżgura li l-effett unitarju jiġi indikat fir-Reġistru għall-protezzjoni tal-privattiva unitarja, fejn talba għal effett unitarju tkun ġiet ippreżentata u, matul il-perijodu transitorju previst fl-Artikolu 6 tar-Regolament [ikkontestat], tkun ġiet sottomessa flimkien mat-traduzzjonijiet msemmija f’dak l-Artikolu u li l-EPO jiġi infurmat bi kwalunkwe limitazzjoni, liċenzji, trasferimenti jew revoki ta’ [PEEU].

2.   L-Istati Membri parteċipanti għandhom jiżguraw il-konformità ma’ dan ir-Regolament huma u jissodisfaw l-obbligi internazzjonali tagħhom skont il-KEP u għandhom jikkooperaw għal dak il-għan. Fil-kapaċità tagħhom ta’ Stati kontraenti għall-KEP, l-Istati Membri parteċipanti għandhom jiżguraw il-governanza u s-sorveljanza tal-attivitajiet relatati mal-kompiti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u għandhom jiżguraw l-istabbiliment tal-livell tat-tariffi ta’ tiġdid skont l-Artikolu 12 ta’ dan ir-Regolament u s-sehem tad-distribuzzjoni tat-tariffi ta’ tiġdid skont l-Artikolu 13 ta’ dan ir-Regolament.

Għal dak il-għan, għandhom iwaqqfu kumitat magħżul tal-Kunsill Amministrattiv tal-Organizzazzjoni Ewropea tal-Privattivi (minn issa ’il quddiem ‘il-Kumitat Magħżul’) fis-sens tal-Artikolu 145 tal-KEP.

Il-Kumitat Magħżul għandu jkun kompost mir-rappreżentanti tal-Istati Membri parteċipanti u rappreżentant tal-Kummissjoni bħala osservatur, kif ukoll sostituti li jirrappreżentaw lil dawn fl-assenza tagħhom. Il-Membri tal-kumitat jistgħu jkunu megħjuna minn esperti jew konsulenti.

Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat Magħżul għandhom jittieħdu bil-kunsiderazzjoni dovuta għall-pożizzjoni tal-Kummissjoni skont it-regoli stipulati fl-Artikolu 35(2) tal-KEP.

3.   L-Istati Membri parteċipanti għandhom jiżguraw il-protezzjoni legali effettiva quddiem qorti kompetenti ta’ wieħed jew aktar mill-Istati Membri parteċipanti kontra d-deċiżjonijiet tal-EPO fit-twettiq tal-kompiti msemmija fil-paragrafu 1.”

Ir-regolament ikkontestat

14

Il-premessi 5, 6, 9 u 15 tar-regolament ikkontestat huma fformulati kif ġej:

“(5)

[L-]arranġamenti għat-traduzzjoni [tal-PEEU] għandhom jiżguraw ċertezza legali u jistimulaw l-innovazzjoni u għandhom, b’mod partikolari, ikunu ta’ benefiċċju għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs). Għandhom jagħmlu l-aċċess għall-[PEEU] u għas-sistema sħiħa tal-privattivi aktar faċli, inqas għali u legalment sikur.

(6)

Ladarba l-EPO huwa responsabbli għall-għoti tal-privattivi Ewropej, l-arranġamenti għat-traduzzjoni għall-[PEEU] għandhom jibnu fuq il-proċedura attwali fl-EPO. Dawk l-arranġamenti għandhom jimmiraw li jiksbu l-bilanċ meħtieġ bejn l-interessi tal-operaturi ekonomiċi u l-interess pubbliku, f’termini tal-ispejjeż tal-proċedimenti u d-disponibbiltà ta’ informazzjoni teknika.

[...]

(9)

Fil-każ ta’ tilwima li tikkonċerna talba għal ħsarat, il-qorti li tkun qed tisma’ t-tilwima għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-fatt, li qabel ma ġiet ipprovduta bi traduzzjoni fil-lingwa tiegħu, il-persuna li allegatament wettqet il-ksur setgħet aġixxiet in buona fede u setgħet ma kinitx taf jew ma kellhiex raġunijiet raġonevoli sabiex tkun taf li qed tikser il-privattiva. Il-qorti kompetenti għandha tivvaluta ċ-ċirkostanzi tal-każ individwali u, inter alia, għandha tqis jekk il-persuna li allegatament tkun wettqet il-ksur hijiex SME li topera biss fuq livell lokali, il-lingwa tal-proċedimenti quddiem l-EPO u, matul il-perijodu transitorju, it-traduzzjoni sottomessa flimkien mat-talba għal effett unitarju.

[...]

(15)

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-regoli li jirregolaw il-lingwi tal-Istituzzjonijiet tal-Unjoni stabbiliti skont l-Artikolu 342 [...] TFUE u għar-Regolament tal-Kunsill Nru. 1 tal-15 ta’ April 1958 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea [ĠU 17, 06.10.1958, p. 385/58]. Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq ir-reġim lingwistiku tal-EPO u m’għandux jitqies bħala li joħloq reġim lingwistiku speċifiku għall-Unjoni, jew li joħloq preċedent għal reġim limitat ta’ lingwa fi kwalunkwe strument legali futur tal-Unjoni.”

15

L-Artikolu 2(b) tar-Regolament ikkontestat jiddefinixxi l-“lingwa tal-proċedimenti”, għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, bħala “il-lingwa użati fil-proċedimenti quddiem l-EPO kif definita fl-Artikolu 14(3) tal- tal- [Konvenzjoni dwar il-Privattiva Ewropea]”.

16

L-Artikoli 3 sa 7 tar-regolament ikkontestat jipprevedu:

“Artikolu 3

Arranġamenti għat-traduzzjoni għall-[PEEU]

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 4 u 6 ta’ dan ir-Regolament, fejn l-ispeċifikazzjoni tal-privattiva Ewropea, li tibbenefika minn effett unitarju tkun ġiet ippubblikata skont l-Artikolu 14(6) tal-KEP, ma għandhux ikun hemm ħtieġa ta’ aktar traduzzjonijiet.

2.   Talba għal effett unitarju kif imsemmi fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1257/2012 għandha tiġi sottomessa fil-lingwa tal-proċedimenti.

Artikolu 4

Traduzzjoni fil-każ ta’ tilwima

1.   Fil-każ ta’ tilwima relatata ma’ allegat ksur tal-[PEEU], il-proprjetarju tal-privattiva għandu jipprovdi fuq it-talba u l-għażla tal-persuna li allegatament tkun wettqet il-ksur, traduzzjoni sħiħa tal-[PEEU] f’lingwa uffiċjali jew tal-Istat Membru parteċipanti fejn ikun seħħ l-allegat ksur jew tal-Istat Membru fejn tkun domiċiljata l-persuna li allegatament tkun wettqet il-ksur.

2.   Fil-każ ta’ tilwima relatata ma’ [PEEU], il-proprjetarju tal-privattiva għandu jipprovdi matul il-proċedimenti legali, fuq it-talba tal-qorti kompetenti fl-Istati Membri parteċipanti għal tilwim li jikkonċerna l-[PEEU], traduzzjoni sħiħa tal-privattiva fil-lingwa użata fil-proċedimenti ta’ dik il-qorti.

3.   L-ispejjeż tat-traduzzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jitħallsu mill-proprjetarju tal-privattiva.

4.   Fil-każ ta’ tilwima li tikkonċerna talba għal ħsarat, il-qorti li qed tisma’ t-tilwima għandha tevalwa u tqis, b’mod partikolari fejn il-persuna li allegatament tkun wettqet il-ksur tkun SME, persuna fiżika jew organizzazjoni mhux bi profitt, università jew organizzazjoni pubblika ta’ riċerka, jekk il persuna li allegatament tkun wettqet il-ksur aġixxiet mingħajr ma kienet taf jew mingħajr ma kellha raġunijiet raġonevoli sabiex tkun taf li hi qedha tikser il-[PEEU] qabel ma ġiet ipprovduta bit-traduzzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 5

Amministrazzjoni ta’ skema għal kumpens

1.   Minħabba li l-applikazzjonijiet għall-privattiva Ewropea jistgħu jiġu ppreżentati f’kull lingwa taħt l-Artikolu 14(2) tal-KEP, l-Istat Membru parteċipanti għandu skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1257/2012 jagħti lill-EPO, skont it-tifsira tal-Artikolu 143 tal-KEP, il-kompitu tal-amministrazzjoni għal skema ta’ kumpens ta’ rimbors għall-ispejjeż kollha ta’ traduzzjoni sa limitu, għall-applikanti li jippreżentaw applikazzjonijiet għall-privattiva fl-EPO f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni li mhijiex lingwa uffiċjali tal-EPO.

2.   L-iskema ta’ kumpens imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun iffinanzjata mit-tariffi imsemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 1257/2012 u għandu jkun disponibbli biss għal SMEs, persuni fiżiċi, organizzazjoni mhux bi profitt, universitajiet, u organizazzjonijiet pubbliċi ta’ riċerka li għandhom ir-residenza tagħhom u l-post prinċipali tan-negozju fi ħdan Stat Membru.

Artikolu 6

Miżuri transitorji

1.   Matul perijodu transitorju li jibda mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament talba għal effett unitarju kif imsemmi fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1257/2012 għandha tkun sottomessa flimkien ma’ dan li ġej:

a)

fejn il-lingwa tal-proċedimenti hija l-Franċiż jew il-Ġermaniż, traduzzjoni sħiħa tal-ispeċifikazzjonijiet tal-privattiva Ewropea bl-Ingliż; jew

b)

fejn il-lingwa tal-proċedimenti hija l-Ingliż, traduzzjoni sħiħa tal-ispeċifikazzjonijiet tal-privattiva Ewropea fi kwalunkwe lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni.

2.   Skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1257/2012, l-Istati Membri parteċipanti għandhom jagħtu lill-EPO, skont it-tifsira tal-Artikolu 143 tal-KEP, il-kompitu tal-pubblikazzjoni tat-traduzzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu mill-aktar fis possibbli wara d-data tas-sottomissjoni tat-talba għal effett unitarju kif imsemmi fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1257/2012. It-test ta’ dawn it-traduzzjonijiet m’għandu jkollu l-ebda effett legali u għandu jkun għall-finijiet ta’ informazzjoni biss.

3.   Sitt snin wara d-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u kull sentejn minn dak inhar, kumitat espert indipendenti għandu jwettaq evalwazzjoni oġġettiva tad-disponibbiltà ta’ traduzzjonijiet awtomatiċi ta’ kwalità għolja ta’ applikazzjonijiet tal-privattiva u speċifikazzjonijiet fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni kif żviluppata mill-EPO. Dan il-kumitat espert għandu jiġi stabbilit mill-Istati Membri parteċipanti fil-qafas tal-Organizzazzjoni Ewropea tal-Privattivi u għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-EPO u tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jirrappreżentaw utenti tas-sistema tal-privattiva Ewropea mistiedna mill-Kunsill Amministrattiv tal-Organizzazzjoni Ewropea tal-Privattivi bħala osservaturi skont l-Artikolu 30(3) tal-KEP.

4.   Abbażi tal-ewwel evalwazzjonijiet msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, u kull sentejn minn dak inhar abbażi tal-evalwazzjonijiet sussegwenti, il-Kummissjoni għandha tippreżenta, rapport lill-Kunsill u, jekk ikun adatt, tagħmel proposti għat-terminazzjoni tal-perijodu transitorju.

5.   Jekk il-perijodu transitorju ma jintemmx abbażi ta’ proposta tal-Kummissjoni, għandu jiskadi 12-il sena mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014 jew id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim [QUP], liema tiġi l-aħħar.”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

17

B’applikazzjoni ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Marzu 2013, ir-Renju ta’ Spanja ppreżenta dan ir-rikors.

18

B’deċiżjonijiet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Settembru 2013, ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, l-Ungerija, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju tal-Isvezja, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni tħallew jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kunsill, skont l-Artikolu 131(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

19

Ir-Renju ta’ Spanja jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla r-regolament ikkontestat;

sussidjarjament, tannulla l-Artikoli 4 sa 6(2), u 7(2) tal-imsemmi regolament, u

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

20

Il-Kunsill, li miegħu jingħaqdu l-partijiet intervenjenti kollha, jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad ir-rikors u

tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

Fuq ir-rikors

21

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jinvoka ħames motivi, ibbażati, rispettivament, fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba l-lingwa, fuq ksur tal-prinċipji stabbiliti fis-sentenza Meroni vs L-Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7), minħabba l-fatt tad-delega lill-EPO ta’ kompiti amministrattivi relatati mal-PEEU, fuq nuqqas ta’ bażi legali, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u fuq ksur tal-prinċipju ta’ awtonomija tad-dritt tal-Unjoni.

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta ’ nondiskriminazzjoni minħabba l-lingwa

L-argumenti tal-partijiet

22

Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li, billi adotta r-regolament ikkontestat, il-Kunsill kiser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, stabbilit fl-Artikolu 2 TUE, għaliex stabbilixxa, għall-PEEU, reġim lingwistiku li jippreġudika lill-persuni li l-lingwa tagħhom ma hijiex waħda mil-lingwi uffiċjali tal-EPO. L-imsemmi reġim joħloq inugwaljanza fit-trattament bejn, minn naħa, iċ-ċittadini u l-impriżi tal-Unjoni li għandhom mezzi biex jifhmu, b’ċertu grad ta’ kompetenza, dokumenti redatti f’dawn il-lingwi u, min-naħa l-oħra, dawk li ma għandhomx tali mezzi u għandhom jeffettwaw it-traduzzjonijiet bl-ispejjeż tagħhom. Kull limitu għall-użu tal-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni għandu jiġi debitament iġġustifikat, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

23

Fl-ewwel lok, l-aċċess għat-traduzzjonijiet tad-dokumenti li jagħtu drittijiet lill-pubbliku ma huwiex iggarantit. Dan jirriżulta mill-fatt li l-ispeċifikazzjoni ta’ PEEU ser tiġi ppubblikata fil-lingwa tal-proċedimenti u ser tinkludi t-traduzzjoni tat-talbiet fiż-żewġ lingwi uffiċjali oħra tal-EPO, mingħajr possibbiltà ta’ traduzzjoni oħra, li jirriżulta diskriminatorju u jikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali. Ir-regolament ikkontestat lanqas ma jippreċiża l-lingwa li biha ser tinħareġ il-PEEU u lanqas jekk dan l-element hux ser jiġi ppubblikat. Il-fatt li l-Kunsill ibbaża ruħu fuq is-sistema tal-EPO biex jistabbilixxi r-reġim lingwistiku tal-PEEU ma jiggarantixxix il-kompatibbiltà tiegħu mad-dritt tal-Unjoni.

24

Fit-tieni lok, ir-regolament ikkontestat huwa sproporzjonat u ma jistax jiġi ġġustifikat minħabba raġunijiet ta’ interess ġenerali. L-ewwel nett, ma huwiex previst li titqiegħed fid-dispożizzjoni traduzzjoni, mill-inqas, tat-talbiet, u dan jimplika inċertezza legali kbira u jista’ jkollu effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni. It-tieni nett, il-PEEU hija titolu ta’ proprjetà industrijali essenzjali għas-suq intern. It-tielet nett, dan ir-regolament ma jipprevedix sistema tranżitorja li tiggarantixxi konoxxenza xierqa tal-privattiva. La l-iżvilupp tat-traduzzjonijiet awtomatiċi u lanqas l-obbligu li tiġi ppreżentata traduzzjoni kompleta f’każ ta’ tilwima ma huma miżuri suffiċjenti f’dan ir-rigward.

25

Għaldaqstant l-introduzzjoni ta’ eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ ugwaljanza bejn il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni jmissha ġiet iġġustifikata permezz ta’ kriterji li ma humiex dawk, purament ekonomiċi, imsemmija fil-premessi 5 u 6 tar-regolament ikkontestat.

26

Il-Kunsill iwieġeb, fl-ewwel lok, li mit-Trattati wieħed ma jista’ jiddeduċi l-ebda prinċipju li l-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni għandhom jiġu, f’kull ċirkustanza, ittrattati b’mod ugwali, liema fatt huwa barra minn hekk ikkonfermat mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 118 TFUE, li ma jagħmilx sens jekk ikun hemm biss reġim lingwistiku uniku possibbli li jinkludi l-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni.

27

Fit-tieni lok, fis-sistema attwali, kull persuna fiżika jew ġuridika tista’ titlob privattiva Ewropea fi kwalunkwe lingwa, bil-kundizzjoni, madankollu, li tipproduċi, f’terminu ta’ xahrejn, traduzzjoni f’waħda mit-tliet lingwi uffiċjali tal-EPO li ssir il-lingwa tal-proċedimenti, u t-talbiet sussegwentement jiġu ppubblikati fiż-żewġ lingwi uffiċjali l-oħra tal-EPO. Għalhekk, applikazzjoni tiġi tradotta u ppubblikata fil-lingwa Spanjola biss jekk il-validazzjoni tal-privattiva tintalab għar-Renju ta’ Spanja.

28

Fit-tielet lok, l-assenza ta’ pubblikazzjoni fil-lingwa Spanjola għandha biss effett limitat. L-ewwel nett, ir-regolament ikkontestat jipprevedi skema għal kumpens tal-ispejjeż. It-tieni nett, il-privattivi huma ġeneralment amministrati minn konsulenti fil-proprjetà industrijali, li għandhom konoxxenza ta’ lingwi oħra tal-Unjoni. It-tielet nett, l-impatt fuq l-aċċess għall-informazzjoni xjentifika fil-lingwa Spanjola huwa limitat. Ir-raba’ nett, parti żgħira biss mill-applikazzjonijiet għal privattivi Ewropej hija attwalment tradotta fil-lingwa Spanjola. Il-ħames nett, ir-regolament ikkontestat jipprevedi l-implementazzjoni ta’ sistema ta’ traduzzjoni awtomatika ta’ kwalità għolja fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni. Fl-aħħar u s-sitt nett, l-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament jistabbilixxi limitu għar-responsabbiltà eventwali tal-impriżi żgħar u ta’ daqs medju, tal-persuni fiżiċi, tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru, tal-universitajiet u tal-organizzazzjonijiet pubbliċi ta’ riċerka.

29

Fir-raba’ lok, il-limitu tan-numru ta’ lingwi użati fil-kuntest tal-PEEU jsegwi skop leġittimu, relatat mal-ispiża raġonevoli ta’ din il-privattiva.

30

Il-partijiet intervenjenti jaqblu mal-argumenti tal-Kunsill. Huma jenfasizzaw li r-riċerka ta’ bilanċ bejn il-varji operaturi ekonomiċi kienet partikolarment diffiċli, peress li d-differenzi ta’ evalwazzjoni bejn l-Istati Membri fuq ir-reġim lingwistiku tellfu l-proġetti ta’ qabel kollha ta’ privattiva unitarja.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

31

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-riferimenti, fit-Trattati, għall-użu tal-lingwi fl-Unjoni ma jistgħux jitqiesu li huma l-manifestazzjoni ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jiggarantixxi lil kull ċittadin id-dritt li jkollu verżjoni ta’ kulma jista’ jaffettwa l-interessi tiegħu redatta fil-lingwa tiegħu f’kull ċirkustanza (sentenzi Kik vs UASI, C‑361/01 P, EU:C:2003:434, punt 82, u Polska Telefonia Cyfrowa, C‑410/09, EU:C:2011:294, punt 38).

32

F’dan il-każ, ma jistax jiġi kkontestat li r-regolament ikkontestat iwettaq trattament iddifferenzjat tal-lingwi uffiċjali tal-Unjoni. Fil-fatt, l-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament, li jiddefinixxi l-arranġamenti għat-traduzzjoni tal-PEEU, jirreferi għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-PEEU konformement mal-Artikolu 14(6) tal-Konvenzjoni dwar il-Privattiva Ewropea. Skont din id-dispożizzjoni u skont l-Artikolu 14(1) tal-Konvenzjoni dwar il-Privattiva Ewropea, l-ispeċifikazzjonijiet tal-privattiva Ewropea għandhom jiġu ppubblikati fil-lingwa tal-proċedimenti, li għandha tkun waħda mil-lingwi uffiċjali tal-EPO, jiġifieri l-lingwa Ġermaniża, Ingliża jew Franċiża, u għandhom jinkludu traduzzjoni tat-talbiet fiż-żewġ lingwi uffiċjali l-oħra tal-EPO. Jekk ikunu ġew issodisfatti r-rekwiżiti stabbiliti permezz ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar il-Privattiva Ewropea, l-ebda traduzzjoni oħra ma hija mitluba sabiex jiġi rrikonoxxut l-effett unitarju tal-privattiva Ewropea kkonċernata.

33

Sa fejn għan leġittimu ta’ interess ġenerali jkun jista’ jiġi invokat u l-eżistenza vera tiegħu murija, għandu jitfakkar li differenza fit-trattament minħabba l-lingwa għandha, barra minn hekk, tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità, jiġifieri li hija għandha tkun adatta sabiex tilħaq l-għan imfittex u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex l-imsemmi għan jintlaħaq (ara s-sentenzi L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑566/10 P, EU:C:2012:752, punt 93).

34

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-għan segwit mill-Kunsill, mill-premessa 16 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li l-għan ta’ dan huwa l-ħolqien ta’ sistema ssemplifikata u uniformi ta’ traduzzjoni għall-PEEU stabbilita permezz tar-Regolament Nru 1257/2012. Il-premessi 4 u 5 tar-regolament ikkontestat jispeċifikaw li, skont id-deċiżjoni ta’ kooperazzjoni msaħħa, l-arranġamenti għat-traduzzjoni tal-PEEU għandhom ikunu sempliċi u għandu jkollhom relazzjoni tajba bejn l-ispiża u l-effettività. Huma għandhom, barra minn hekk, jiggarantixxu ċ-ċertezza legali, jistimulaw l-innovazzjoni u għandhom, b’mod partikolari, ikunu ta’ benefiċċju għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju, kif ukoll jirrendu iktar faċli, inqas għali u legalment sigur l-aċċess għall-PEEU u għas-sistema ta’ privattiva b’mod ġenerali. Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li r-regolament ikkontestat huwa intiż sabiex jiffaċilita l-aċċess għall-protezzjoni offruta permezz tal-privattiva, b’mod partikolari għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju.

35

Il-leġittimità ta’ dan l-għan ma tistax tiġi kkontestata. Fost l-għażliet li jkollu inventur, fil-mument li fih ikun qiegħed jippjana li jikseb il-protezzjoni għall-invenzjoni tiegħu permezz tal-ħruġ ta’ privattiva, hija inkluża dik tal-portata territorjali tal-protezzjoni mixtieqa, li ssir abbażi ta’ evalwazzjoni globali tal-vantaġġi u tal-inkonvenjenzi ta’ kull għażla, li timplika, fost l-oħrajn, evalwazzjonijiet ekonomiċi u kumplessi marbuta mal-interess kummerċjali ta’ protezzjoni fid-diversi Stati meta mqabbel mal-ammont totali tal-ispejjeż marbuta mal-ħruġ ta’ privattiva f’dawn l-Istati, inklużi l-ispejjeż għat-traduzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza BASF, C‑44/98, EU:C:1999:440, punt 18).

36

Madankollu, is-sistema ta’ protezzjoni tal-privattiva Ewropea li tirriżulta mill-Konvenzjoni dwar il-Privattiva Ewropea hija kumplessa u tinvolvi spejjeż partikolarment għaljin għal applikant li jkun beħsiebu jikseb il-protezzjoni għall-invenzjoni tiegħu permezz tal-ħruġ ta’ privattiva li tkopri t-territorju tal-Istati Membri kollha. Din il-kumplessità u dawn l-ispejjeż, li jirriżultaw b’mod partikolari min-neċessità għall-proprjetarju ta’ privattiva Ewropea maħruġa mill-EPO, sabiex tiġi vvalidata din il-privattiva fit-territorju ta’ Stat Membru, li jissottometti traduzzjoni ta’ din tal-aħħar fil-lingwa uffiċjali ta’ dan l-Istat Membru, jikkostitwixxu ostakolu għall-protezzjoni permezz tal-privattiva fl-Unjoni.

37

Barra minn hekk, ma hemmx dubju li l-arranġamenti tas-sistema attwali ta’ protezzjoni ta’ privattivi li tirriżulta mill-Konvenzjoni dwar il-Privattiva Ewropea jipproduċu effetti negattivi fuq il-kapaċità ta’ innovazzjoni u ta’ kompetittività tal-impriżi Ewropej, fuq kollox tal-impriżi żgħar u ta’ daqs medju, li ma jistgħux jiżviluppaw teknoloġiji ġodda protetti permezz ta’ privattivi li jkopru l-Unjoni kollha mingħajr ma jkunu mġiegħla jsegwu proċeduri kumplessi u għaljin, filwaqt li r-reġim lingwistiku stabbilit permezz tar-regolament ikkontestat jista’ jirrendi iktar faċli, inqas għali u legalment iktar sigur l-aċċess għall-PEEU u għas-sistema tal-privattiva b’mod ġenerali.

38

Fit-tieni lok, għandu jiġi vverifikat jekk ir-reġim stabbilit permezz tar-regolament ikkontestat huwiex adatt sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-protezzjoni offruta permezz tal-privattiva.

39

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-regolament ikkontestat għandu l-għan li jiġu stabbiliti l-arranġamenti għat-traduzzjoni tal-privattivi Ewropej li lilhom jingħata effett unitarju bis-saħħa tar-Regolament Nru 1257/2012. Peress li l-EPO huwa responsabbli għall-ħruġ tal-privattivi Ewropej, ir-regolament ikkontestat huwa bbażat fuq l-arranġamenti għat-traduzzjoni fis-seħħ fl-EPO, li jipprevedu l-użu tal-lingwa Ġermaniża, dik Ingliża u dik Franċiża, madankollu l-imsemmi regolament ma jeżiġix traduzzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-privattiva Ewropea, jew mill-inqas tat-talbiet tagħha, fil-lingwa uffiċjali ta’ kull Stat li fih il-PEEU se tipproduċi l-effetti tagħha, bħalma huwa l-każ tal-privattiva Ewropea. Għaldaqstant, ir-reġim stabbilit permezz tar-regolament ikkontestat jippermetti effettivament li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-protezzjoni offruta permezz tal-privattiva billi jnaqqas l-ispejjeż marbuta mar-rekwiżiti ta’ traduzzjoni.

40

Fit-tielet lok, għandu jiġi vverifikat jekk ir-reġim stabbilit permezz tar-regolament ikkontestat imurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu segwit.

41

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, fil-punt 92 tas-sentenza Kik vs UASI (C‑361/01 P, EU:C:2003:434), il-bilanċ neċessarju li għandu jinżamm, minn naħa, bejn l-interessi tal-operaturi ekonomiċi u dawk tal-pubbliku f’dak li jirrigwarda l-ispiża tal-proċeduri u, min-naħa l-oħra, bejn l-interessi tal-applikanti għal drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u dawk tal-operaturi ekonomiċi l-oħra f’dak li jirrigwarda l-aċċess għat-traduzzjonijiet tad-dokumenti li jagħtu drittijiet jew il-proċeduri li jinvolvu diversi operaturi ekonomiċi.

42

Fir-rigward, l-ewwel nett, taż-żamma tal-bilanċ bejn l-interessi tal-operaturi ekonomiċi u dawk tal-pubbliku f’dak li jirrigwarda l-ispiża tal-proċedura ta’ rikonoxximent tal-effett unitarju tal-privattiva Ewropea, għandu jiġi osservat li minkejja li l-Unjoni hija marbuta maż-żamma tal-multilingwiżmu, li l-importanza tiegħu hija mfakkra fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(3) TUE u fl-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ġie osservat, fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, li l-ispejjeż għoljin marbuta mal-ħruġ ta’ privattiva Ewropea li tkopri t-territorju tal-Istati Membri kollha jikkostitwixxu ostakolu għall-protezzjoni permezz tal-privattiva fl-Unjoni, b’tali mod li kien indispensabbli li l-arranġamenti għat-traduzzjoni tal-PEEU jkollhom relazzjoni tajba bejn l-ispiża tagħhom u l-effettività tagħhom.

43

It-tieni nett, għandu jiġi enfasizzat li l-Kunsill ippreveda l-istabbiliment ta’ diversi mekkaniżmi sabiex jiġi ggarantit il-bilanċ neċessarju bejn l-interessi tal-applikanti għal PEEU u dawk tal-operaturi ekonomiċi l-oħra f’dak li jirrigwarda l-aċċess għat-traduzzjonijiet tad-dokumenti li jagħtu drittijiet jew il-proċeduri li jinvolvu diversi operaturi ekonomiċi.

44

B’dan il-mod, qabel kollox, sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-PEEU, u b’mod partikolari sabiex l-applikanti jingħataw il-possibbiltà li jippreżentaw quddiem l-EPO l-applikazzjonijiet tagħhom fi kwalunkwe lingwa tal-Unjoni, l-Artikolu 5 tar-regolament ikkontestat jipprevedi skema għal kumpens għar-rimbors tal-ispejjeż ta’ traduzzjoni sa ċertu limitu massimu għal ċerti applikanti, b’mod partikolari l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju, li jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom għal privattiva quddiem l-EPO f’lingwa uffiċjali tal-Unjoni differenti mil-lingwi uffiċjali tal-EPO.

45

Imbagħad, sabiex jiġu llimitati l-iżvantaġġi għall-operaturi ekonomiċi li ma jkollhomx mezzi biex jifhmu, b’ċertu grad ta’ perizja, dokumenti redatti fil-lingwa Ġermaniża, dik Ingliża jew dik Franċiża, il-Kunsill ippreveda, fl-Artikolu 6 tar-regolament ikkontestat, perijodu tranżitorju, ta’ tul massimu ta’ tnax-il sena, sakemm sistema ta’ traduzzjoni awtomatika ta’ kwalità għolja tkun disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni. Matul dan il-perijodu ta’ tranżizzjoni, kull applikazzjoni għal effett unitarju għandha ssir flimkien ma’ traduzzjoni fil-lingwa Ingliża tal-ispeċifikazzjoni kollha, jekk il-lingwa tal-proċedimenti tkun il-lingwa Franċiża jew il-lingwa Ġermaniża, jew inkella traduzzjoni tal-ispeċifikazzjoni kollha f’lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni, jekk il-lingwa tal-proċedimenti tkun il-lingwa Ingliża.

46

Fl-aħħar nett, sabiex jiġu protetti l-operaturi ekonomiċi li ma jkollhomx mezzi biex jifhmu, b’ċertu grad ta’ perizja, waħda mil-lingwi uffiċjali tal-EPO, il-Kunsill ippreveda, fl-Artikolu 4 tar-regolament ikkontestat, diversi dispożizzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ tilwima, li huma intiżi, minn naħa, sabiex jippermettu lil tali operaturi, meta huma jkunu ssuspettati bi ksur, jiksbu, fil-kundizzjonijiet previsti minn dan l-artikolu, traduzzjoni sħiħa tal-PEEU u, min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ tilwima rigward talba għad-danni, sabiex jiġi żgurat li l-qorti adita tevalwa u tieħu inkunsiderazzjoni jekk il-persuna li allegatament wettqet il-ksur kinitx qed taġixxi in bona fide.

47

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, għandu jitqies li r-regolament ikkontestat iżomm il-bilanċ neċessarju bejn id-diversi interessi inkwistjoni u, għaldaqstant, ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu segwit. Għaldaqstant, kif l-Avukat Ġenerali osserva essenzjalment fil-punti 61 sa 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-għażla tal-Kunsill, fil-kuntest tal-istabbiliment tal-arranġamenti għat-traduzzjoni tal-PEEU, li jwettaq trattament iddifferenzjat tal-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, limitat għal-lingwa Ġermaniża, dik Ingliża u dik Franċiża, hija xierqa u proporzjonata għall-għan leġittimu segwit permezz ta’ dan ir-regolament.

48

Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji stabbiliti fis-sentenza Meroni vs L-Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7)

L-argumenti tal-partijiet

49

Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li, peress li ddelega lill-EPO, fl-Artikoli 5 u 6(2) tar-regolament ikkontestat, il-ġestjoni tal-iskema għal kumpens għar-rimbors tal-ispejjeż ta’ traduzzjoni u l-pubblikazzjoni tat-traduzzjonijiet fil-kuntest tas-sistema tranżitorja, il-Kunsill kiser il-prinċipji stabbiliti fis-sentenza Meroni vs L-Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7), ikkonfermata permezz tas-sentenzi Romano (98/80, EU:C:1981:104) u Tralli vs BĊE (C‑301/02 P, EU:C:2005:306).

50

Fl-ewwel lok, la l-premessi tar-Regolament Nru 1257/2012 u lanqas il-premessi tar-regolament ikkontestat ma jinkludu ġustifikazzjoni oġġettiva għal din id-delega ta’ poteri.

51

Fit-tieni lok, mis-sentenza Meroni vs L-Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7) jirriżulta li d-delega tista’ biss tkun ta’ setgħat ta’ implementazzjoni ddefiniti b’mod ċar, li għalihom ma jeżisti l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni u li l-użu tagħhom, għal din ir-raġuni, jista’ jkun suġġett għal stħarriġ rigoruż fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi stabbiliti mill-awtorità li tagħmel id-delega. Madankollu, dan ma huwiex il-każ hawnhekk.

52

L-ewwel nett, l-Artikolu 5 tar-regolament ikkontestat jafda l-ġestjoni tal-iskema għal kumpens lill-EPO, li jista’ jiddeċiedi b’mod diskrezzjonali fuq l-applikazzjoni tad-dritt għar-rimbors tal-ispejjeż ta’ traduzzjoni li din l-iskema tipprevedi. Barra minn hekk, jekk, skont ir-Renju ta’ Spanja, l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 1257/2012 jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li tiġi ggarantita protezzjoni ġudizzjarja effettiva fir-rigward tad-deċiżjonijiet adottati mill-EPO fl-eżerċizzju tal-kompiti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni, u jekk din il-kompetenza hija fdata b’mod esklużiv lill-Qorti Unifikata tal-Privattivi fl-Artikolu 32(1)(i) tal-Ftehim QUP, l-Organizzazzjoni Ewropea tal-Privattivi għandha l-privileġġ ta’ immunità ta’ ġurisdizzjoni u ta’ eżekuzzjoni u, għaldaqstant, l-atti tal-EPO ma jistgħu jkunu suġġetti għal ebda stħarriġ ġudizzjarju.

53

It-tieni nett, il-kompitu li jiġu ppubblikati t-traduzzjonijiet, previst fl-Artikolu 6(2) tar-regolament ikkontestat, huwa attività li fir-rigward tagħha ma teżisti l-ebda setgħa diskrezzjonali. Madankollu ma huwa suġġett għal ebda stħarriġ ġudizzjarju.

54

Il-Kunsill josserva, b’mod preliminari, li r-Renju ta’ Spanja ma jikkontestax li huma l-Istati Membri parteċipanti, permezz tal-intermedjarju tal-EPO, li għandhom r-responsabbiltà tal-ġestjoni tal-iskema għal kumpens u l-kompitu li jippubblikaw it-traduzzjonijiet. Issa, l-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni tappartjeni, fl-ewwel lok, lill-Istati Membri u, għall-kompiti dwar l-iskema għal kumpens u l-pubblikazzjoni tat-traduzzjonijiet, ma huwiex neċessarju li jkun hemm kundizzjonijiet uniformi għall-implementazzjoni fis-sens tal-Artikolu 291(2) TFUE. Il-prinċipji stabbiliti fis-sentenzi Meroni vs L-Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7), Romano (98/80, EU:C:1981:104) u Tralli vs BĊE (C-301/02 P, EU:C:2005:306) ma humiex rilevanti. Fi kwalunkwe każ, dawn il-prinċipji huma osservati.

55

Il-partijiet intervenjenti jingħaqdu mal-argumenti tal-Kunsill.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

56

Għandu jiġi osservat, b’mod preliminari, li mis-sottomissjonijiet bil-miktub tar-Renju ta’ Spanja jirriżulta li dan l-Istat Membru jsostni li l-kundizzjonijiet li jippermettu l-allegata delega ta’ poteri mwettqa mill-Kunsill fl-Artikoli 5 u 6(2) tar-regolament ikkontestat ma humiex issodisfatti, u dan jikkostitwixxi ksur tal-prinċipji stabbiliti fis-sentenza Meroni vs L-Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7).

57

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Artikoli 5 u 6(2) tar-regolament ikkontestat jistiednu lill-Istati Membri parteċipanti, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1257/2012, jafdaw il-kompiti stabbiliti f’dawk l-artikoli lill-EPO, fis-sens tal-Artikolu 143 tal-Konvenzjoni dwar il-Privattiva Ewropea.

58

Kif jirriżulta mill-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1257/2012, dan ir-regolament jikkostitwixxi ftehim speċjali fis-sens tal-Artikolu 142 tal-Konvenzjoni dwar il-Privattiva Ewropea, b’tali mod li huma applikabbli għal tali ftehim id-dispożizzjonijiet tal-Parti IX ta’ din il-konvenzjoni, dwar ftehimiet speċjali, li tinkludi l-Artikoli 142 sa 149 ta’ din.

59

Skont l-Artikoli 143 u 145 tal-Konvenzjoni dwar il-Privattiva Ewropea, grupp ta’ Stati kontraenti li jagħmel użu mid-dispożizzjonijiet tal-Parti IX tal-Konvenzjoni dwar il-Privattiva Ewropea jista’ jafda kompiti lill-EPO.

60

Huwa sabiex jiġu implementati l-imsemmija dispożizzjonijiet li l-Artikolu 9(1)(d) u (f) tar-Regolament Nru 1257/2012 jipprevedi li l-Istati Membri parteċipanti għandhom jagħtu lill-EPO l-kompiti, minn naħa, tal-pubblikazzjoni tat-traduzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6 tar-regolament ikkontestat matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni msemmi f’dan l-istess artikolu u, min-naħa l-oħra, tal-ġestjoni tal-iskema għal kumpens għar-rimbors tal-ispejjeż ta’ traduzzjoni msemmija fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament.

61

Madankollu, dawn il-kompiti huma marbuta b’mod intrinsiku mal-implementazzjoni tal-protezzjoni unitarja mogħtija permezz ta’ privattiva, maħluqa bir-Regolament Nru 1257/2012 u li l-arranġamenti għat-traduzzjoni tagħha huma stabbiliti permezz tar-regolament ikkontestat.

62

Għaldaqstant, għandu jitqies li l-fatt li l-EPO jiġi fdat b’kompiti supplimentari jirriżulta mill-konklużjoni mill-Istati Membri parteċipanti, fil-kwalità tagħhom ta’ Stati partijiet għall-Konvenzjoni dwar il-Privattiva Ewropea, ta’ ftehim speċjali fis-sens tal-Artikolu 142 ta’ din il-konvenzjoni.

63

Peress li, bil-kontra ta’ dak li jafferma r-Renju ta’ Spanja, il-Kunsill ma ddelegax lill-Istati Membri parteċipanti jew lill-EPO setgħat ta’ implementazzjoni li huma tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni, il-prinċipji żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Meroni vs L-Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7) ma humiex applikabbli.

64

Għaldaqstant it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq nuqqas ta ’ bażi legali tal-Artikolu 4 tar-regolament ikkontestat

L-argumenti tal-partijiet

65

Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-bażi legali użata sabiex jiġi introdott l-Artikolu 4 fir-regolament ikkontestat hija żbaljata, peress li din id-dispożizzjoni ma tirrigwardax ir-“reġim lingwistiku” ta’ dritt Ewropew, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 118 TFUE, iżda tinkorpora ċerti garanziji proċedurali fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja, li ma jistgħux jiġu bbażati fuq din id-dispożizzjoni tat-Trattat FUE.

66

Il-Kunsill isostni li r-regolament ikkontestat jistabbilixxi effettivament reġim lingwistiku, għaliex jiddetermina t-traduzzjonijiet li huma mitluba wara l-ħruġ u r-reġistrazzjoni tal-effett unitarju ta’ PEEU. B’dan il-mod, l-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi r-reġim lingwistiku tal-PEEU filwaqt li jispeċifika, fir-rigward tas-sitwazzjoni wara r-reġistrazzjoni tal-effett unitarju, li meta l-ispeċifikazzjoni tal-privattiva Ewropea tkun ġiet ippubblikata skont il-Konvenzjoni dwar il-Privattiva Ewropea, l-ebda traduzzjoni oħra ma hija mitluba. L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament jimla lakuna ġuridika, peress li r-reġim lingwistiku previst mill-Konvenzjoni dwar il-Privattiva Ewropea ma jirregolax ir-rekwiżiti lingwistiċi fil-każ ta’ tilwima. Barra minn hekk, peress li r-regoli proċedurali tal-Istati Membri ma ġewx armonizzati mid-dritt tal-Unjoni, huwa neċessarju li jiġi żgurat li l-persuna li allegatament wettqet il-ksur jkollha dejjem id-dritt li tikseb traduzzjoni sħiħa tal-PEEU kkonċernata.

67

Il-partijiet intervenjenti jingħaqdu mal-argumenti tal-Kunsill.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

68

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-għażla tal-bażi legali ta’ att tal-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, li fosthom hemm, b’mod partikolari, l-għan u l-kontenut ta’ dan l-att (sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑377/12, EU:C:2014:1903, punt 34, u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, C‑81/13, EU:C:2014:2449, punt 35).

69

F’dan il-każ, fir-rigward tal-għan tar-regolament ikkontestat, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, dan huwa intiż sabiex jimplementa l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni unitarja mogħtija permezz ta’ privattiva f’dak li jirrigwarda l-arranġamenti applikabbli fil-qasam tat-traduzzjoni. Kif jirriżulta mill-premessa 16 tar-regolament ikkontestat, l-għan ta’ dan huwa l-ħolqien ta’ sistema ta’ traduzzjoni ssemplifikata u uniformi għall-PEEU.

70

Fir-rigward tal-kontenut tar-regolament ikkontestat, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li, mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet dwar it-traduzzjonijiet fil-każ ta’ tilwima u għad-dispożizzjonijiet tranżitorji, meta l-ispeċifikazzjoni ta’ privattiva Ewropea li għandha effett unitarju tkun ġiet ippubblikata skont l-Artikolu 14(6) tal-Konvenzjoni dwar il-Privattiva Ewropea, l-ebda traduzzjoni oħra ma hija mitluba. Skont id-dispożizzjoni msemmija l-aħħar, l-ispeċifikazzjonijiet tal-privattiva Ewropea għandhom jiġu ppubblikati fil-lingwa tal-proċedimenti u għandhom jinkludu traduzzjoni tat-talbiet fiż-żewġ lingwi uffiċjali l-oħra tal-EPO.

71

Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li r-regolament ikkontestat jistabbilixxi, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 118 TFUE, ir-reġim lingwistiku għall-PEEU, iddefinit b’riferiment għall-Artikolu 14(6) tal-Konvenzjoni dwar il-Privattiva Ewropea.

72

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 118 TFUE ma jeskludix, fid-determinazzjoni tar-reġim lingwistiku ta’ dritt Ewropew, li jsir riferiment għar-reġim lingwistiku tal-organizzazzjoni li jaqa’ taħtu l-korp inkarigat li joħroġ id-dritt li ser jingħata effett unitarju. Barra minn hekk, huwa irrilevanti li r-regolament ikkontestat ma jistabbilixxix leġiżlazzjoni eżawrjenti tar-reġim lingwistiku applikabbli għall-PEEU. Fil-fatt, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 118 TFUE ma jeżiġix li l-Kunsill jarmonizza l-aspetti kollha tar-reġim lingwistiku tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali maħluq abbażi tal-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu.

73

Fir-rigward tal-Artikolu 4 tar-regolament ikkontestat, għandu jiġi kkonstatat li dan jaqa’ direttament taħt ir-reġim lingwistiku tal-PEEU, sa fejn jiddefinixxi r-regoli speċjali li jirregolaw it-traduzzjoni tal-PEEU fil-kuntest speċifiku ta’ tilwima. Fil-fatt, peress li r-reġim lingwistiku tal-PEEU huwa ddefinit mid-dispożizzjonijiet kollha tar-regolament ikkontestat u b’mod iktar preċiż minn dawk tal-Artikoli 3,4 u 6, intiżi sabiex jirregolaw sitwazzjonijiet differenti, l-Artikolu 4 tar-Regolament ma jistax jinfired, fir-rigward tal-bażi legali, mill-bqija tad-dispożizzjonijiet ta’ dan.

74

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, l-argument tar-Renju ta’ Spanja fis-sens li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 118 TFUE ma jistax iservi bħala bażi legali tal-Artikolu 4 tar-regolament ikkontestat, għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud.

75

Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

Fuq ir-raba ’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta ’ ċertezza legali

L-argumenti tal-partijiet

76

Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Kunsill kiser il-prinċipju ta’ ċertezza legali. Qabel kollox, ir-regolament ikkontestat jillimita l-possibbiltajiet ta’ informazzjoni tal-operaturi ekonomiċi, għaliex l-ispeċifikazzjoni tal-PEEU tiġi ppubblikata biss fil-lingwa tal-proċedimenti, bl-esklużjoni tal-lingwi uffiċjali l-oħra tal-EPO. Imbagħad, dan ir-regolament ma jipprevedix l-arranġamenti, b’mod partikolari lingwistiċi, tal-għoti tal-PEEU. Barra minn hekk, huwa ma jindikax, fil-kuntest tal-ġestjoni tal-iskema għal kumpens, il-limitu massimu tal-ispejjeż u lanqas il-metodu sabiex dan jiġi ffissat. Minbarra dan, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament ma humiex suffiċjenti sabiex jagħmlu tajjeb għall-assenza ta’ informazzjoni dwar il-PEEU. Fil-fatt, it-traduzzjoni tal-PEEU pprovduta fil-każ ta’ tilwima ma għandhiex valur legali u din id-dispożizzjoni ma tipprevedix il-konsegwenzi konkreti tal-ipoteżi li fiha persuna li twettaq ksur tkun aġixxiet in bona fide. Fl-aħħar nett, is-sistema ta’ traduzzjoni awtomatika ma kinitx teżisti fil-mument li fih ġie adottat ir-regolament ikkontestat u ma hemmx garanzija li din tkun tista’ taħdem f’qasam fejn ir-rigorożità tat-traduzzjoni hija primordjali.

77

Il-Kunsill iqis li l-allegazzjonijiet tar-Renju ta’ Spanja jiksru l-prinċipji tal-amministrazzjoni indiretta u ta’ sussidjarjetà, li fuqhom huwa bbażat id-dritt tal-Unjoni. Ir-regolament ikkontestat iħalli f’idejn l-Istati Membri sabiex jadottaw regoli speċifiċi fuq aspetti bħall-iskema għal kumpens jew it-traduzzjonijiet awtomatiċi. Il-prinċipju ta’ ċertezza legali ma jeżiġix li r-regoli kollha jiġu stabbiliti sal-inqas dettall fir-regolament bażiku, għaliex ċerti regoli jistgħu jiġu stabbiliti mill-Istati Membri jew iddefiniti f’atti ddelegati jew atti ta’ implementazzjoni. Minbarra dan, l-Artikolu 4(4) ta’ dan ir-regolament jiffissa l-elementi essenzjali u l-kriterji għall-applikazzjoni tagħhom mill-qorti nazzjonali.

78

Il-partijiet intervenjenti jingħaqdu mal-argumenti tal-Kunsill.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

79

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jitlob li r-regoli tad-dritt ikunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effett tagħhom, sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jorjentaw ruħhom f’sitwazzjonijiet u f’relazzjonijiet legali li jagħmlu parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara s-sentenzi France Télécom vs Il-Kummissjoni, C‑81/10 P, EU:C:2011:811, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll LVK – 56, C‑643/11, EU:C:2013:55, punt 51).

80

L-ewwel nett, l-argument tar-Renju ta’ Spanja li r-regolament ikkontestat jillimita l-possibbiltajiet ta’ informazzjoni tal-operaturi ekonomiċi jammonta għal kontestazzjoni tar-reġim lingwistiku stabbilit permezz tal-imsemmi regolament, sa fejn ma jipprevedix it-traduzzjoni tal-PEEU fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni. Tali argument diġà ġie miċħud fil-kuntest tal-ewwel motiv.

81

It-tieni nett, fir-rigward tal-argument fis-sens li r-regolament ikkontestat ma jipprevedix l-arranġamenti, b’mod partikolari lingwistiċi, tal-għoti tal-effett unitarju, qari konġunt tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-regolament u tar-Regolament Nru 1257/2012 jippermetti li jiġi eskluż kull ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

82

Fil-fatt, l-Artikolu 3(2) tar-regolament ikkontestat jipprevedi li kull applikazzjoni għal effett unitarju msemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1257/2012 għandha tiġi ppreżentata fil-lingwa tal-proċedimenti. F’dan ir-rigward, il-lingwa tal-proċedimenti hija ddefinita fl-Artikolu 2(b) tar-regolament ikkontestat bħala l-lingwa tal-proċedimenti quddiem l-EPO, fis-sens tal-Artikolu 14(3) tal-Konvenzjoni dwar il-Privattiva Ewropea.

83

Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru1257/2012, l-effett unitarju għandu jiġi rreġistrat fir-Reġistru għall-protezzjoni ta’ privattiva unitarja mogħtija permezz ta’ privattiva, u tali reġistru jagħmel parti, skont l-Artikolu 2(e) ta’ dan ir-regolament, mir-Reġistru Ewropew tal-Privattiva, li jinżamm mill-EPO. L-iskrizzjonijiet fir-Reġistru Ewropew tal-Privattiva jsiru fit-tliet lingwi uffiċjali tal-EPO, skont l-Artikolu 14(8) tal-Konvenzjoni dwar il-Privattiva Ewropea.

84

It-tielet nett, fir-rigward tal-allegata assenza ta’ limitu massimu tal-ispejjeż jew ta’ metodu għall-iffissar tal-imsemmi limitu massimu, biżżejjed jiġi kkonstatat, kif osserva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 110 u 111 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1257/2012, l-Istati Membri parteċipanti, fil-kapaċità tagħhom ta’ Stati kontraenti għall-Konvenzjoni dwar il-Privattiva Ewropea, għandhom jiżguraw il-governanza u s-sorveljanza tal-attivitajiet relatati mal-kompiti msemmija fl-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-regolament u, għal dan l-għan, għandhom iwaqqfu kumitat magħżul tal-Kunsill Amministrattiv tal-Organizzazzjoni Ewropea tal-Privattivi, fis-sens tal-Artikolu 145 tal-Konvenzjoni dwar il-Privattiva Ewropea, b’tali mod li deċiżjoni dwar il-limitu massimu tal-ispejjeż jew dwar il-metodu għall-iffissar tal-imsemmi limitu massimu għandha ssir mill-Istati Membri parteċipanti fil-kuntest ta’ tali kumitat magħżul. L-ebda ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali ma jista’, għaldaqstant, jiġi kkonstatat f’dan il-każ.

85

Ir-raba’ nett, il-fatt li hija biss il-privattiva fil-lingwa li hija nħarġet li tipproduċi effetti legali u mhux it-traduzzjoni li, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament ikkontestat, għandha tiġi pprovduta fil-każ ta’ tilwima, ma joħloq l-ebda inċertezza legali, għaliex jippermetti lill-operaturi inkwistjoni li jkunu jafu b’ċertezza l-lingwa awtentika sabiex tiġi evalwata l-portata tal-protezzjoni mogħtija permezz tal-PEEU.

86

Il-ħames nett, l-assenza ta’ indikazzjoni tal-konsegwenzi konkreti tal-ipoteżi li fiha persuna li allegatament wettqet ksur kinitx tkun aġixxiet in bona fide lanqas ma tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali. Bil-kontra, kif jirriżulta mill-premessa 9 tar-regolament ikkontestat, din iċ-ċirkustanza tippermetti lill-qorti kompetenti tipproċedi b’analiżi fuq bażi individwali billi teżamina, b’mod partikolari, jekk il-persuna li allegatament wettqet il-ksur hijiex impriża żgħira jew ta’ daqs medju li teżerċita attivitajiet biss fuq il-livell lokali u billi tieħu inkunsiderazzjoni l-lingwa tal-proċedimenti quddiem l-EPO u, matul il-perijodu tranżitorju, it-traduzzjoni li takkumpanja l-applikazzjoni għal effett unitarju.

87

Is-sitt nett, fir-rigward tal-allegazzjonijiet tar-Renju ta’ Spanja dwar l-assenza ta’ garanzija ta’ funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ traduzzjoni awtomatika, li ma kinitx qed topera fil-mument tal-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, għandu jiġi osservat li dak li huwa kkontestat, fil-fatt, huwa l-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jipprevedi perijodu tranżitorju ta’ tnax-il sena għall-istabbiliment tal-komponent tar-reġim lingwistiku marbut mat-traduzzjoni awtomatika tal-applikazzjonijiet għal privattivi u tal-ispeċifikazzjonijiet fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni. Minkejja li huwa minnu li garanzija għall-funzjonament tajjeb tal-imsemmija sistema, li ser topera fi tmiem il-perijodu tranżitorju, hija nieqsa, dan ma huwiex bażi suffiċjenti biex jiġi annullat r-regolament ikkontestat għal ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, sa fejn tali garanzija ma tistax tingħata. Għaldaqstant, l-argument tar-Renju ta’ Spanja għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

88

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ebda ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali ma jista’ jiġi kkonstatat.

89

Għaldaqstant, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta ’ awtonomija tad-dritt tal-Unjoni

L-argumenti tal-partijiet

90

Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Artikolu 7 tar-regolament ikkontestat imur kontra l-prinċipju ta’ awtonomija tad-dritt tal-Unjoni, għaliex jagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, id-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament u, min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni ta’ dan, billi jiffissa din id-data għall-1 ta’ Jannar 2014 filwaqt li jindika li din id-data ser tiġi posposta jekk il-Ftehim QUP ma jkunx daħal fis-seħħ skont l-Artikolu 89(1) tiegħu. F’dan il-każ, il-partijiet kontraenti fil-Ftehim QUP ingħataw is-setgħa li jiddeterminaw id-data għall-applikabbiltà ta’ norma tal-Unjoni u, għaldaqstant, l-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha. Ir-Renju ta’ Spanja jżid li l-eżempji tal-Kunsill dedotti mill-prattika leġiżlattiva ma humiex rilevanti.

91

Il-Kunsill jafferma li minn qari konġunt tal-premessi 9, 24 u 25 tar-Regolament Nru 1257/2012 jirriżulta li l-għażla politika magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex jiġi ggarantit il-funzjonament tajjeb tal-PEEU, il-koerenza tal-ġurisprudenza u, għaldaqstant iċ-ċertezza legali, kif ukoll relazzjoni tajba bejn l-ispiża u l-effettività għall-proprjetarji ta’ privattivi kienet li jorbot il-PEEU mal-funzjonament ta’ korp ġudizzjarju distint, li kellu jiġi stabbilit qabel ma tinħareġ l-ewwel PEEU. F’dan ir-rigward, ma jeżisti l-ebda ostakolu legali għall-istabbiliment ta’ rabta bejn il-PEEU u l-Qorti Unifikata tal-Privattivi, li huwa mmotivat suffiċjentement fil-premessi 24 u 25 tar-Regolament Nru 1257/2012. Barra minn hekk jeżistu, fil-prattika leġiżlattiva, diversi eżempji ta’ rabtiet bejn l-applikabbiltà ta’ att tal-Unjoni u avveniment li ma jkollux x’jaqsam ma’ dan l-att.

92

Il-partijiet intervenjenti jingħaqdu mal-osservazzjonijiet tal-Kunsill.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

93

Għandu jiġi osservat li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament ikkontestat jipprevedi li huwa “għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014 jew id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim [QUP], liema tiġi l-aħħar”.

94

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-applikabbiltà diretta ta’ regolament, prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, titlob li d-dħul tiegħu fis-seħħ u l-applikazzjoni tiegħu favur jew kontra individwi jitwettqu mingħajr ebda miżura ta’ riċezzjoni fid-dritt nazzjonali, ħlief jekk ir-regolament inkwistjoni jħalli f’idejn l-Istati Membri nfushom li jadottaw il-miżuri leġiżlattivi, regolatorji, amministrattivi u finanzjarji neċessarji sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament (ara s-sentenzi Bussone, 31/78, EU:C:1978:217, punt 32, kif ukoll ANAFE, C‑606/10, EU:C:2012:348, punt 72 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

95

Dan huwa l-każ hawnhekk, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni ħalla, huwa nnifsu, f’idejn l-Istati Membri, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-regolament ikkontestat, minn naħa, il-kompitu li jadottaw diversi miżuri fil-qafas ġuridiku ffissat permezz tal-Konvenzjoni dwar il-Privattiva Ewropea u, min-naħa l-oħra, il-kompitu li jistabbilixxu l-Qorti Unifikata tal-Privattivi, li, kif imfakkar fil-premessi 24 u 25 tar-Regolament Nru 1257/2012, hija essenzjali sabiex jiġi ggarantit il-funzjonament tajjeb ta’ din il-privattiva, il-koerenza tal-ġurisprudenza u, għaldaqstant, iċ-ċertezza legali, kif ukoll ta’ nfiq effettiv għall-proprjetarji tal-privattivi.

96

Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

97

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, għandhom jiġu miċħuda r-rikors kollu kemm hu kif ukoll it-talba għall-annullament parzjali tar-regolament ikkontestat magħmula b’mod sussidjarju mir-Renju ta’ Spanja.

Fuq l-ispejjeż

98

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Renju ta’ Spanja tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti mill-Kunsill, kif mitlub minn dan tal-aħħar.

99

Skont l-Artikolu 140(1) tal-istess Regoli, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tiegħu, dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

 

3)

Ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, l-Ungerija, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju tal-Isvezja, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.