Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CC0465

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Mengozzi, ippreżentati fit-3 ta’ Ottubru 2018.
    Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea vs Growth Energy u Renewable Fuels Association.
    Appell – Dumping – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 157/2013 – Importazzjonijiet tal-bijoetanol li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika – Dazju antidumping definittiv – Marġni ta’ dumping stabbilit fuq skala nazzjonali – Rikors għal annullament – Assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw produtturi mhux esportaturi u operaturi tas-suq/blenders – Locus standi – Inċidenza diretta – Inċidenza individwali.
    Kawża C-465/16 P.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:794

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    MENGOZZI

    ippreżentati fit‑3 ta’ Ottubru 2018 ( 1 )

    Kawża C‑465/16 P

    Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    vs

    Growth Energy,

    Renewable Fuels Association

    “Appell – Dumping – Importazzjonijiet tal-bijoetanol li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika – Dazju antidumping definittiv – Regolament (KE) Nru 1225/2009 – Locus standi ta’ assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw produtturi mhux esportaturi – Inċidenza diretta – Artikolu 9(5) – Impossibbiltà li jiġi impost dazju antidumping fuq kull fornitur – Impożizzjoni ta’ dazju antidumping fuq l-iskala tal-pajjiż fornitur – Artikoli 6.10 u 9.2 tal-Ftehim Antidumping tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) – Interpretazzjoni konformi”

    I. Introduzzjoni

    1.

    F’din il-kawża, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, sostnut mill-Kummissjoni Ewropea, jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Growth Energy u Renewable Fuels Association vs Il‑Kunsill (T‑276/13, EU:T:2016:340), li permezz tagħha din tal-aħħar annullat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 157/2013 tat‑18 ta’ Frar 2013 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-bijoetanol li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika ( 2 ) sa fejn dan jikkonċerna erba’ produtturi tal-bijoetanol irrappreżentati mill-assoċjazzjonijiet Growth Energy u Renewable Fuels Association.

    2.

    Min-naħa tagħhom, Growth Energy (iktar ’il quddiem “GE”) u Renewable Fuels Association (iktar ’il quddiem “RFA”) ippreżentaw appell inċidentali kontra l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li permezz tagħhom ikkonstatat l-inammissibbiltà parzjali tar-rikors tagħhom.

    3.

    Kif ser nesponi fl-analiżi tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tal-appell prinċipali, inqis li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset li r-rikors fl-ewwel istanza ta’ GE u RFA kien ammissibbli, peress li dan ġie ppreżentat f’isem l-erba’ produtturi Amerikani tal-bijoetanol fil-kampjun. Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata u r-rikors fl-ewwel istanza miċħud għal din ir-raġuni.

    4.

    Madankollu, din is-soluzzjoni ma teżonerax lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-eżami tal-appell inċidentali. F’dan ir-rigward, kif ser nuri, inqis li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset li GE u RFA ma kellhomx locus standi f’isem iż-żewġ operaturi tas-suq/blenders Amerikani tal-bijoetanol, jiġifieri l-kumpanniji Murex u CHS. Is-sentenza appellata għandha tiġi annullata wkoll minn dan l-angolu.

    5.

    Finalment, irrid nippreċiża li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-analiżi tiegħi u għalhekk tqis li r-rikors fl-ewwel istanza huwa perfettament u interament ammissibbli, ikun hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar l-aggravji fuq il-mertu mqajma mill-Kunsill insostenn tal-appell prinċipali, ibbażati fuq l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea ( 3 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”), moqri fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim fuq l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994 (GATT) ( 4 ) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim Antidumping tal-WTO”). Minkejja li, f’dan ir-rigward, is-sentenza appellata tħalli ftit perplessitajiet dwar ir-relazzjonijiet bejn “intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jeżegwixxi obbligu partikolari assunt fil-kuntest” tal-Ftehim Antidumping tal-WTO u “interpretazzjoni konformi” tar-Regolament bażiku mal-imsemmi ftehim, madankollu nqis li essenzjalment, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod korrett l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku.

    II. Il-fatti li wasslu għall-kawża u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali

    6.

    Il-Qorti Ġenerali esponiet il-fatti li wasslu għall-kawża fil-punti 1 sa 18 tas-sentenza appellata. Fl-argumenti li ġejjin ser jiġu riprodotti biss l-elementi indispensabbli sabiex jinftehmu l-argumenti mressqa mill-partijiet fil-kuntest tal-appell ippreżentat mill-Kunsill u tal-appell inċidentali ppreżentat minn GE u RFA.

    7.

    Wara lment, il-Kummissjoni ppubblikat, fil‑25 ta’ Novembru 2011, Avviż ta’ inizjazzjoni ta’ proċedura kontra s-sussidju [antidumping] fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-bijoetanol li joriġina[w] mill-Istati Uniti tal-Amerika ( 5 ), li fih ħabbret l-intenzjoni tagħha li tuża l-metodu ta’ teħid ta’ kampjuni sabiex tagħżel il-produtturi-esportaturi tal-Istati Uniti tal-Amerika koperti mill-investigazzjoni.

    8.

    Fis‑16 ta’ Jannar 2012, il-Kummissjoni nnotifikat ħames kumpanniji membri ta’ GE u ta’ RFA, jiġifieri Marquis Energy LLC ( 6 ), Patriot Renewable Fuels LLC, Plymouth Energy Company LLC, POET LLC u Platinum Ethanol LLC, li kienu ntgħażlu fil-kampjun tal-produtturi-esportaturi.

    9.

    Fl‑24 ta’ Awwissu 2012, il-Kummissjoni nnotifikat lil GE u lil RFA d-dokument ta’ informazzjoni provviżorju li ħabbar it-tkomplija tal-investigazzjoni, mingħajr adozzjoni ta’ miżuri provviżorji, u l-estensjoni tagħha għall-operaturi tas-suq/blenders. Dan id-dokument kien jindika li f’dak l-istadju ma kienx possibbli li jiġi evalwat jekk l-esportazzjonijiet tal-bijoetanol li joriġinaw mill-Istati Uniti kinux saru bi prezzijiet ta’ dumping, għar-raġuni li l-produtturi fil-kampjun ma kinux jagħmlu distinzjoni bejn il-bejgħ intern u l-bejgħ għall-esportazzjoni u peress li kienu jwettqu l-bejgħ kollu tagħhom lill-operaturi tas-suq/blenders indipendenti stabbiliti fl-Istati Uniti, li kienu sussegwentement iħalltu l-bijoetanol mal-fjuwil u kienu jbigħuh mill-ġdid.

    10.

    Fis‑6 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni kkomunikat id-dokument ta’ informazzjoni definittiv lil GE u RFA li fih hija eżaminat, abbażi tal-informazzjoni tal-operaturi tas-suq/blenders indipendenti, l-eżistenza ta’ dumping li jikkawża dannu lill-industrija tal-Unjoni Ewropea, u pprevediet l-impożizzjoni ta’ miżuri definittivi bir-rata ta’ 9.6 % fuq skala nazzjonali, għal perijodu ta’ tliet snin.

    11.

    Fit‑18 ta’ Frar 2013, il-Kunsill adotta, abbażi tar-Regolament bażiku, ir-Regolament kontenzjuż li impona dazju antidumping fuq il-bijoetanol, imsejjaħ “karburant etanol”, b’rata ta’ 9.5 % fuq skala nazzjonali għal perijodu ta’ ħames snin.

    12.

    Il-Qorti Ġenerali rrilevat ukoll, minn naħa, li fil-premessi 12 sa 16 tar-Regolament kontenzjuż, il-Kunsill kkonstata li l-investigazzjoni kienet uriet li ebda produttur fil-kampjun ma kien esporta l-bijoetanol fis-suq tal-Unjoni u li ma kinux il-produtturi Amerikani tal-bijoetanol iżda l-operaturi tas-suq/blenders li kienu l-esportaturi tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni, b’tali mod li, sabiex iwettaq investigazzjoni tajba dwar id-dumping, huwa bbaża ruħu fuq l-informazzjoni ta’ żewġ operaturi tas-suq/blenders li kienu aċċettaw li jikkooperaw (punt 16 tas-sentenza appellata). Min-naħa l-oħra, hija rrilevat li, fil-premessi 62 sa 64 tar-Regolament kontenzjuż, il-Kunsill spjega li huwa jqis opportun li jistabbilixxi marġni ta’ dumping fuq skala nazzjonali, peress li l-istruttura tal-industrija tal-bijoetanol u l-mod kif il-prodott ikkonċernat kien prodott u mibjugħ fis-suq tal-Istati Uniti u esportat lejn l-Unjoni kienu jirrendu imprattikabbli li jiġu stabbiliti marġni ta’ dumping individwali għall-produtturi tal-Istati Uniti (punt 17 tas-sentenza appellata).

    13.

    Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet dwar l-ammissibbiltà tar-rikors ta’ GE u ta’ RFA bħala assoċjazzjonijiet professjonali. Essenzjalment, il-Qorti Ġenerali ddistingwixxiet bejn tliet każijiet li fihom ir-rikors għal annullament ta’ assoċjazzjoni li għandha l-għan li tiddefendi l-interessi kollettivi tal-membri tagħha huwa ammissibbli, jiġifieri, l-ewwel nett, meta dispożizzjoni legali tkun tirrikonoxxi dan espressament, it-tieni nett, meta l-impriżi li l-assoċjazzjoni tirrappreżenta jew xi wħud minnhom ikollhom locus standi individwali jew, it-tielet nett, meta l-assoċjazzjoni tkun tista’ tinvoka interess individwali (punt 45 tas-sentenza appellata).

    14.

    Wara li kkonstatat li GE u RFA mkien ma kienu identifikaw dispożizzjoni legali speċifika li tawtorizzahom sabiex iressqu kawża, il-Qorti Ġenerali, billi għaddiet għat-tieni ipoteżi, eżaminat jekk GE u RFA setgħux iressqu kawża minħabba l-locus standi individwali tal-membri tagħhom.

    15.

    Skont ir-raġunament żviluppat fil-punti 51 sa 62 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat essenzjalment, minn naħa, li r-rikors għal annullament ta’ GE u ta’ RFA kien inammissibbli għar-raġuni li dawn kienu jirrappreżentaw lil Marquis Energy, peress li din tal-aħħar kienet ippreżentat hija stess rikors għal annullament (punt 51 tas-sentenza appellata) ( 7 ), u min-naħa l-oħra li l-assoċjazzjonijiet ma setgħux jirrappreżentaw b’mod validu lil Murex u CHS, żewġ operaturi tas-suq/blenders esportaturi tal-bijoetanol, għar-raġuni li waħda minn dawn il-kumpanniji kienet biss membru “assoċjat” ta’ GE u l-oħra kienet biss membru “assoċjat” ta’ RFA, mingħajr dritt li jivvotaw, u għalhekk f’impossibbiltà li jinvokaw l-interessi tagħhom matul eventwali rappreżentanza mill-assoċjazzjoni kkonċernata (punti 53 sa 55 tas-sentenza appellata). Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali eskludiet ukoll li GE u RFA setgħu jressqu kawża f’isem il-membri l-oħra kollha tagħhom minbarra l-erba’ produtturi Amerikani li kienu s-suġġett tat-teħid ta’ kampjuni fir-Regolament kontenzjuż. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma kienx intwera li dawn il-membri kienu direttament ikkonċernati mid-dazju antidumping stabbilit mill-imsemmi regolament (ara l-punti 151 sa 153 tas-sentenza appellata).

    16.

    Min-naħa l-oħra, skont ir-raġunament magħmul fil-punti 90 sa 149 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 150 ta’ din is-sentenza, li skont it-tieni ipoteżi msemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, GE u RFA kellhom locus standi sabiex jippreżentaw ir-rikors fl-ewwel istanza f’dak li jirrigwarda l-annullament tar-Regolament kontenzjuż sa fejn dan tal-aħħar jikkonċerna lill-erba’ produtturi Amerikani fil-kampjun. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali qieset, minn naħa, skont l-analiżi magħmula fil-punti 92 sa 117 tas-sentenza appellata, li l-erba’ produtturi Amerikani fil-kampjun kienu direttament ikkonċernati mir-Regolament kontenzjuż. Min-naħa l-oħra, hija kkonstatat ukoll li dawn l-istess produtturi kienu individwalment ikkonċernati mill-imsemmi regolament (ara l-punti 123 sa 145 tas-sentenza appellata).

    17.

    Fir-rigward tat-tielet ipoteżi, imsemmija fil-punt 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li tgħid li assoċjazzjoni għandha locus standi meta tista’ tinvoka interess individwali, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet dwar din il-kwistjoni fil-punti 77 sa 86 tas-sentenza appellata, billi ddeċidiet li GE u RFA kellhom locus standi individwali biss sa fejn ir-rikors tagħhom, fl-għaxar motiv tiegħu, kien ibbażat fuq il-protezzjoni tal-garanziji proċedurali mogħtija lilhom mid-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament bażiku (ara l-punti 85, 87 u t-tieni inċiż tal-punt 162 tas-sentenza appellata).

    18.

    Fil-qosor, il-Qorti Ġenerali ddikjarat għalhekk ammissibbli r-rikors għal annullament ta’ GE u ta’ RFA biss sa fejn dan kien ġie ppreżentat (a) f’isem l-erba’ produtturi Amerikani fil-kampjun, li kienu direttament u individwalment ikkonċernati mir-Regolament kontenzjuż u (b) b’mod individwali, fir-rigward tal-għaxar motiv biss, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet proċedurali tagħhom matul il-proċedura antidumping.

    19.

    Dwar il-mertu, għalkemm il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-għaxar motiv imressaq minn GE u RFA (ara l-punti 250 sa 343 tas-sentenza appellata), min-naħa l-oħra, hija laqgħet it-tieni parti tal-ewwel motiv imqajjem minn GE u RFA f’isem l-erba’ produtturi fil-kampjun u annullat ir-Regolament kontenzjuż, mingħajr ma ddeċidiet la dwar il-partijiet l-oħra tal-imsemmi motiv u lanqas dwar it-tmien motivi l-oħra mqajma insostenn tar-rikors tagħhom (ara l-punt 246 tas-sentenza appellata).

    20.

    Essenzjalment, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kunsill żbalja meta qies li skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, huwa kien awtorizzat li jistabbilixxi marġni ta’ dumping fuq skala nazzjonali u għalhekk ma kienx obbligat jikkalkula marġni ta’ dumping individwali għal kull produttur Amerikan inkluż fil-kampjun tar-Regolament kontenzjuż.

    21.

    Sabiex tikkonkludi f’dan is-sens, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fl-ewwel lok, li permezz tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jeżegwixxi obbligu partikolari assunt fil-kuntest tal-WTO, li jinsab f’dan il-każ fl-Artikoli 6.10 u 9.2 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO; u għalhekk l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku kellu jiġi interpretat b’konformità mal-imsemmija artikoli (ara l-punti 180 sa 184 tas-sentenza appellata).

    22.

    Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali qieset li bħala prinċipju l-Kunsill kellu, skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, jikkalkula marġni ta’ dumping individwali kif ukoll jistabbilixxi dazji antidumping individwali għal kull wieħed mill-erba’ produtturi fil-kampjun peress li, billi qiesu lil dawn tal-aħħar bħala membri tal-kampjun tal-produtturi u tal-esportaturi Amerikani, l-istituzzjonijiet kienu rrikonoxxew li dawn kienu “fornituri” tal-prodott li huwa s-suġġett tad-dumping, fis-sens tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku (ara l-punti 194 u 201 tas-sentenza appellata).

    23.

    Fit-tielet u l-aħħar lok, il-Qorti Ġenerali qieset li, għalkemm teżisti, skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, eċċezzjoni għal kalkolu individwali tal-ammont tad-dazju impost meta “dan mhux prattikabbli”, li jawtorizza għalhekk li jiġi indikat sempliċement l-isem tal-pajjiż fornitur, jiġifieri l-impożizzjoni ta’ dazju antidumping fuq skala nazzjonali, it-terminu “mhux prattikabbli” għandu jiġi interpretat b’konformità mat-terminu analogu użat fl-Artikoli 6.10 u 9.2 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO (ara, f’dan is-sens, il-punti 228 u 232 tas-sentenza appellata). Issa, fid-dawl ta’ dawn l-aħħar dispożizzjonijiet, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku ma jippermetti ebda eċċezzjoni għall-obbligu li jiġi stabbilit dazju antidumping individwali għal produttur fil-kampjun li jkun ikkoopera fl-investigazzjoni, meta l-istituzzjonijiet iqisu li ma humiex f’pożizzjoni li jistabbilixxu fil-konfront tiegħu prezz għall-esportazzjoni individwali (ara l-aħħar sentenza tal-punt 232 tas-sentenza appellata). Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li, fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-istitutazzjonijiet, il-Kunsill qies b’mod żbaljat li l-istabbiliment ta’ dazji antidumping individwali għall-membri tal-kampjun tal-esportaturi Amerikani kien “mhux prattikabbli”, fis-sens tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku (punt 241 tas-sentenza appellata), u l-fatt li l-istituzzjonijiet qiesu li kien hemm diffikultajiet sabiex jirrikostitwixxu l-perkors tal-bejgħ individwali jew sabiex jipparagunaw il-valuri normali mal-prezzijiet għall-esportazzjoni korrispondenti, għall-produtturi fil-kampjun, ma kienx suffiċjenti sabiex jiġġustifika l-użu ta’ din l-eċċezzjoni (ara, f’dan is-sens, il-punti 242 sa 244 tas-sentenza appellata). Il-Qorti Ġenerali annullat għalhekk ir-Regolament kontenzjuż minħabba ksur tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku u sa fejn dan kien jikkonċerna lill-erba’ produtturi Amerikani fil-kampjun irrappreżentati minn GE u RFA.

    III. It-talbiet tal-partijiet

    A.   It-talbiet tal-partijiet fil-kuntest tal-appell prinċipali

    24.

    Fil-kuntest tal-appell prinċipali, il-Kunsill jitlob prinċipalment li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza appellata;

    tiċħad ir-rikors ippreżentat fl-ewwel istanza minn GE u RFA;

    tikkundanna lil GE u lil RFA għall-ispejjeż sostnuti minnu fil-proċedura fl-ewwel istanza u fil-proċedura tal-appell.

    25.

    Sussidjarjament, il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali għal eżami mill-ġdid;

    tirriżerva l-ispejjeż relatati mal-proċedura fl-ewwel istanza u mal-proċedura tal-appell.

    26.

    Il-Kummissjoni titlob prinċipalment li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza appellata;

    tiddikjara r-rikors fl-ewwel istanza inammissibbli;

    tikkundanna lil GE u lil RFA għall-ispejjeż relatati mal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    27.

    Sussidjarjament, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza appellata;

    tiċħad it-tieni parti tal-ewwel motiv imqajjem minn GE u RFA fl-ewwel istanza, u fir-rigward tal-partijiet l-oħra tal-ewwel motiv u tal-motivi l-oħra, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal eżami mill-ġdid;

    tirriżerva l-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

    28.

    GE u RFA jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tiċħad l-appell fl-intier tiegħu u tikkonferma l-ewwel punt tad-dispożittiv tas-sentenza appellata;

    tikkundanna lill-Kunsill ibati l-ispejjeż sostnuti minnhom fil-proċedura tal-ewwel istanza u fil-proċedura tal-appell.

    B.   It-talbiet tal-partijiet fil-kuntest tal-appell inċidentali

    29.

    Fil-kuntest tal-appell inċidentali tagħhom, GE u RFA jitolbu prinċipalment li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla t-tieni punt tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, sa fejn dan jiċħad (il-kumplament) tar-rikors għal annullament tagħhom;

    tannulla r-Regolament kontenzjuż fl-intier tiegħu, sa fejn jaffettwa lilhom u lill-membri tagħhom;

    tikkundanna lill-Kunsill, minn naħa, għall-ispejjeż sostnuti minnhom fl-ewwel istanza quddiem il-Qorti Ġenerali u fil-kuntest tal-appell prinċipali u tal-appell inċidentali ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u, min-naħa l-oħra, għall-ispejjeż tiegħu stess.

    30.

    Sussidjarjament u fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqies li l-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża, GE u RFA jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar l-ewwel disa’ motivi ta’ annullament li huma qajmu b’mod individwali u dwar il-motivi ta’ annullament kollha li huwa qajmu f’isem il-membri tagħhom minbarra l-erba’ produtturi Amerikani fil-kampjun;

    tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż sostnuti minnhom sa issa fil-proċedura fl-ewwel istanza u fil-proċeduri tal-appell prinċipali u tal-appell inċidentali u tirriżerva l-ispejjeż relatati mal-bqija tal-proċedura.

    31.

    Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tiċħad l-appell inċidentali fl-intier tiegħu u tikkonferma t-tieni punt tad-dispożittiv tas-sentenza appellata;

    tikkundanna lil GE u lil RFA għall-ispejjeż sostnuti minnu kemm fl-ewwel istanza quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll fil-kuntest tal-appell prinċipali u tal-appell inċidentali kif ukoll għall-ispejjeż tagħhom stess.

    32.

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tiċħad l-appell inċidentali bħala inammissibbli u sussidjarjament bħala infondat;

    tikkundanna lil GE u lil RFA għall-ispejjeż.

    IV. Analiżi

    33.

    Kif diġà indikajt fil-kummenti introduttivi tiegħi, iż-żewġ appelli, prinċipali u inċidentali, imressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jqajmu diversi diffikultajiet kemm dwar l-ammissibbiltà kif ukoll fil-mertu. F’dan ir-rigward, huwa ta’ sorpriża wkoll li fid-dawl tal-kumplessità tal-kwistjonijiet imqajma u tal-pożizzjonijiet meħuda mill-Qorti Ġenerali, din ma għażlitx li f’dawn il-kawżi tagħti deċiżjoni b’kulleġġ ġudikanti estiż.

    34.

    B’hekk, kif juru l-argumenti ddedikati għall-eżami tal-appell prinċipali, inqis li l-argumenti magħmula mill-Kunsill u mill-Kummissjoni insostenn tal-ewwel aggravju bbażat, essenzjalment, fuq interpretazzjoni żbaljata tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, u għalhekk, fuq l-inammissibbiltà tar-rikors ta’ GE u ta’ RFA fl-ewwel istanza, huma tant serji li hemm lok li s-sentenza appellata tiġi annullata.

    35.

    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, iqajjem tliet aggravji insostenn tal-appell prinċipali tiegħu. Kif diġà ppreċiżajt, l-ewwel wieħed jirrigwarda l-ammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza ppreżentat minn GE u RFA f’isem l-erba’ produtturi Amerikani fil-kampjun, filwaqt li ż-żewġ aggravji l-oħra jirrigwardaw il-mertu tal-kawża, jiġifieri l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku magħmula mill-Qorti Ġenerali. Madankollu, fir-risposta tagħha l-Kummissjoni żżid li l-Qorti Ġenerali kellha tiddikjara r-rikors fl-ewwel istanza inammissibbli għar-raġuni li GE u RFA, fid-dawl tal-għan statutorju tagħhom, ma setgħux jirrappreżentaw lill-membri tagħhom b’mod validu.

    36.

    Fl-appell inċidentali tagħhom, GE u RFA jqajmu żewġ aggravji ta’ natura proċedurali li jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli, minn naħa, illimitat l-perimetru tal-locus standi tagħhom, f’isimhom proprju, għall-protezzjoni tal-garanziji proċedurali mogħtija mir-Regolament bażiku u, min-naħa l-oħra, ċaħdet il-locus standi ta’ GE u ta’ RFA f’isem il-membri l-oħra tagħhom minbarra għall-erba’ produtturi Amerikani fil-kampjun.

    37.

    L-ordni tal-eżami tal-kwistjonijiet imqajma minn dawn l-appelli ser tkun kif ġej. Fl-ewwel lok, ser neżamina l-kritika magħmula mill-Kummissjoni fil-konfront tal-Qorti Ġenerali li tgħid li din tal-aħħar naqset b’mod żbaljat milli tikkonstata n-nuqqas ta’ rappreżentattività ta’ GE u ta’ RFA li jaffettwa l-ammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza tagħhom (sezzjoni A). Fit-tieni lok, ser tiġi eżaminata l-ewwel parti tal-ewwel aggravju tal-Kunsill insostenn tal-appell prinċipali, ibbażata fuq l-interpretazzjoni żbaljata tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni (sezzjoni B), li fl-opinjoni tiegħi għandha tiġi milqugħa. Fit-tielet lok, wara li niċħad fil-qasir l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni dwar l-inammissibbiltà tal-appell inċidentali ta’ GE u ta’ RFA, ser nindirizza ż-żewġ aggravji fih imqajma (sezzjoni C), li fl-opinjoni tiegħi waħda mill-partijiet tagħhom għandha tiġi milqugħa wkoll. Finalment u fir-raba’ lok, u sussidjarjament, ser jiġu analizzati, wieħed wieħed, iż-żewġ aggravji tal-appell prinċipali bbażati fuq l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku (sezzjoni D u E).

    A.   Fuq l-oġġezzjoni tal-Kummissjoni dwar l-ammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza ta’ GE u ta’ RFA, ibbażata fuq l-ommissjoni tal-Qorti Ġenerali li tikkonstata n-nuqqas ta’ rappreżentattività jew tad-dritt ta’ azzjoni ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet

    1. L-argumenti tal-partijiet

    38.

    Il-Kummissjoni ssostni li r-rikors fl-ewwel istanza kellu jiġi ddikjarat inammissibbli, għar-raġuni li l-istatuti ta’ assoċjazzjoni ta’ GE u ta’ RFA ma jippermettulhomx jiddefendu l-interessi kummerċjali ta’ settur partikolari jew tal-membri tagħhom, liema raġuni ta’ inammissibbiltà għandha, barra minn hekk, tiġi eżaminata ex officio mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    39.

    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tispjega li, billi ddeskriviet lil GE u lil RFA bħala “assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-produtturi Amerikani tal-bijoetanol” (punt 1 tas-sentenza appellata) u sussegwentement bħala “assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi tal-industrija Amerikana tal-bijoetanol” (punt 42 tas-sentenza appellata), il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti. Fil-fatt, bħala assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru kkostitwiti skont id-District of Columbia Non-Profit Corporation Act (il-Liġi dwar l-Assoċjazzjonijiet Mingħajr Skop ta’ Lukru tad-Distrett ta’ Columbia), iż-żewġ assoċjazzjonijiet ma setgħux iwettqu attivitajiet ta’ difiża tal-interessi kummerċjali ta’ settur partikolari jew tal-membri tagħhom.

    40.

    Barra minn hekk, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, tali attività hija inkompatibbli mal-għan speċifiku ta’ GE, li huwa li “tippromwovi l-etanol bħala sors ta’ enerġija rinnovabbli, nadifa u sostenibbli” kif ukoll mal-għan soċjali ta’ RFA li huwa li “tippromwovi u ssostni l-iżvilupp ta’ industrija nazzjonali tal-karburanti rinnovabbli, vijabbli u kompetittivi” u li għalhekk jeskludu d-difiża tal-interessi kummerċjali tal-membri tagħha fit-territorju ta’ entitajiet jew ta’ pajjiż terz. Mill-bqija, GE u RFA mkien ma argumentaw li r-rikors fl-ewwel istanza tagħhom jaqa’ fl-għanijiet statutorji tagħhom, u dan billi l-Qorti Ġenerali kkonstatat, għall-kuntrarju, fil-punt 75 tas-sentenza appellata, li l-iskop tal-azzjoni ġudizzjarja tagħhom kien li “[tiġi protetta] l-industrija Amerikana tal-etanol”.

    41.

    GE u RFA jwieġbu li l-Kummissjoni, bħala “parti oħra” fl-appell, ma tistax tallega b’mod validu, f’dan l-istadju, l-iżnaturament tal-provi, mhux invokat dwar dan il-punt mill-Kunsill. Dawn l-assoċjazzjonijiet iżidu li l-fatt li huma ma għandhomx skop ta’ lukru bl-ebda mod ma jimplika li ma jistgħux jiddefendu l-interessi kummerċjali ta’ settur partikolari jew tal-membri tagħhom. Fir-rigward ta’ RFA, huma jippreċiżaw li l-Kummissjoni kkonkludiet b’mod arbitrarju li l-għan soċjali ta’ din l-assoċjazzjoni kien limitat għal kunsiderazzjonijiet nazzjonali u kien jeskludi d-difiża tal-interessi kummerċjali tal-membri tagħha fil-pajjiżi terzi. Madankollu, il-promozzjoni ta’ industrija nazzjonali hija marbuta wkoll mat-tkabbir tagħha, inkluż mal-esportazzjoni, li taqa’ fil-missjoni ta’ RFA.

    2. Evalwazzjoni

    42.

    Infakkar li, skont l-Artikolu 174 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-talbiet tar-risposta għandhom ikunu intiżi sabiex jintlaqa’ jew jiġi miċħud, totalment jew parzjalment, l-appell. Barra minn hekk, skont l-Artikoli 172 u 176 ta’ dawn ir-regoli, il-partijiet awtorizzati jippreżentaw risposta jistgħu jippreżentaw, permezz ta’ att separat, distint mir-risposta, appell inċidentali li, skont l-Artikolu 178(1) u t-tieni sentenza tal-Artikolu 178(3) tal-imsemmija regoli għandu jkun intiż għall-annullament, totali jew parzjali, tas-sentenza appellata abbażi ta’ aggravji u argumenti tad-dritt distinti minn dawk invokati fir-risposta.

    43.

    Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, minn dawn id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien jirriżulta li r-risposta ma tistax tkun intiża għall-annullament tas-sentenza appellata abbażi ta’ aggravji distinti u awtonomi minn dawk invokati fl-appell, peress li tali aggravji jistgħu jitressqu biss fil-kuntest ta’ appell inċidentali ( 8 ).

    44.

    Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli aċċettat, fil-punt 45 tas-sentenza appellata, li GE u RFA kellhom d-dritt ta’ azzjoni f’isem il-produtturi Amerikani tal-bijoetanol bi ksur manifest tal-istatuti ta’ assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ assoċjazzjonijiet.

    45.

    Minkejja li huwa minnu li l-Kunsill jattakka l-leġittimazzjoni attiva ta’ GE u ta’ RFA f’isem l-erba’ produtturi Amerikani tal-bijoetanol fil-kampjun, l-ilmenti tiegħu jirrigwardaw ir-rikonoxximent mill-Qorti Ġenerali tal-inċidenza diretta u individwali, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ta’ dawn l-erba’ produtturi u mhux, kif issostni l-Kummissjoni fir-risposta tagħha, il-kapaċità ta’ GE u ta’ RFA li jirrappreżentaw l-industrija Amerikana tal-bijoetanol.

    46.

    Għalhekk, fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni tqajjem b’mod ċar aggravju għall-annullament parzjali tas-sentenza appellata li huwa distint u awtonomu minn dak imqajjem fl-appell prinċipali ( 9 ). Konsegwentement, dan l-aggravju għall-annullament parzjali tas-sentenza appellata kellu jitqajjem, permezz ta’ att separat, fil-kuntest ta’ appell inċidentali, skont l-Artikoli 176 u 178 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    47.

    Madankollu, l-aggravju bbażat fuq l-inammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza taż-żewġ assoċjazzjonijiet, invokat mill-Kummissjoni, huwa mingħajr dubju aggravju ta’ ordni pubbliku. Huwa jista’, u anki għandu, jitqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni ( 10 ).

    48.

    Għalhekk, inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiċħad bħala inammissibbli l-kritika magħmula mill-Kummissjoni kontra s-sentenza appellata li l-Qorti Ġenerali żnaturat l-istatuti ta’ assoċjazzjoni ta’ GE u ta’ RFA billi aċċettat, essenzjalment, li d-difiża tal-interessi kollettivi tal-produtturi Amerikani tal-bijoetanol jaqgħu fil-għan soċjali tal-imsemmija assoċjazzjonijiet.

    49.

    Madankollu, inqis li l-Kummissjoni ma wrietx li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti, f’dan il-każ l-għan soċjali ta’ GE u ta’ RFA.

    50.

    Minn naħa, is-sempliċi fatt, imsemmi mill-Kummissjoni, li skont l-istatuti ta’ assoċjazzjoni tagħhom, l-assoċjazzjonijiet ma għandhom ebda skop ta’ lukru ma jfissirx li huma pprojbiti milli jirrappreżentaw l-interessi ta’ industrija, inkluż ġudizzjarjament, kif aċċettat il-Qorti Ġenerali. L-assenza ta’ skop ta’ lukru tal-assoċjazzjonijiet tirrigwarda ġeneralment il-projbizzjoni li jwettqu u li jiddistribwixxu benefiċċji favur il-membri tagħhom u l-Kummissjoni ma wrietx mod ieħor fil-każ ta’ GE u ta’ RFA, kif dawn tal-aħħar indikaw fir-replika tagħhom ippreżentata fil-kuntest tal-appell inċidentali.

    51.

    Min-naħa l-oħra, ma naqbilx mal-argument tal-Kummissjoni li huwa “manifest li l-protezzjoni tal-industrija Amerikana tal-etanol minn miżuri ta’ difiża kummerċjali meħuda mill-[Unjoni] ma taqax fil-għan [soċjali taż-żewġ assoċjazzjonijiet]” għar-raġuni li l-għan soċjali tagħhom huwa limitat għal kunsiderazzjonijiet nazzjonali. Fil-fatt, l-għan soċjali ta’ kull waħda mill-assoċjazzjonijiet, riprodott parzjalment mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha, huwa stabbilit b’mod suffiċjentement wiesa’ sabiex jinkludi azzjoni ġudizzjarja f’isem il-produtturi tal-bijoetanol Amerikani, bħal dik li huma ppreżentaw quddiem il-Qorti Ġenerali. Żgur li dan huwa l-każ fir-rigward tal-istatut ta’ assoċjazzjoni ta’ GE, li jippreċiża li din l-assoċjazzjoni għandha tieħu kull azzjoni neċessarja, xierqa, rakkomandabbli u opportuna sabiex tilħaq l-għan tagħha u kull azzjoni aċċessorja u marbuta mal-għanijiet tagħha. Fir-rigward ta’ RFA, inqis li l-iżnaturament tal-fatti allegat mill-Kummissjoni ma jistax jintwera mill-fatt li l-għan soċjali ta’ din l-assoċjazzjoni huwa li tippromwovi u ssostni l-iżvilupp ta’ industrija nazzjonali ta’ karburanti rinnovabbli kompetittiva. Għall-kuntrarju, fl-opinjoni tiegħi, il-protezzjoni ta’ din l-industrija mill-miżuri antidumping adottati minn entità terza, bħall-Unjoni, li jistgħu jaffettwaha, tista’ fil-verità tikkontribwixxi sabiex tiżgura l-iżvilupp kompetittiv tal-industrija Amerikana tal-karburanti rinnovabbli, bħall-bijoetanol, u tissodisfa l-għan soċjali ta’ din l-assoċjazzjoni.

    52.

    Għalhekk, nipproponi li l-oġġezzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tan-nuqqas ta’ rappreżentattività u tad-dritt ta’ azzjoni ta’ GE u ta’ RFA f’isem il-produtturi Amerikani tal-bijoetanol, imqajma fir-risposta tagħha, għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

    B.   Fuq l-ewwel aggravju tal-appell prinċipali, ibbażat fuq l-interpretazzjoni żbaljata tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

    53.

    Essenzjalment, dan l-aggravju jinqasam f’żewġ partijiet. Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, il-Kunsill isostni li, billi kkonludiet li l-erba’ produtturi fil-kampjun, irrappreżentati minn GE u RFA, kienu direttament ikkonċernati mir-Regolament kontenzjuż, il-Qorti Ġenerali marret kontra l-interpretazzjoni ta’ din il-kundizzjoni stabbilita mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Fit-tieni parti, il-Kunsill jallega li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-kundizzjoni ta’ inċidenza individwali, prevista fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, mingħajr ma spjegat jew uriet għaliex l-erba’ produtturi fil-kampjun kellhom kwalitajiet li jiddistingwuhom minn produtturi Amerikani tal-bijoetanol oħra.

    54.

    Kif diġà indikajt, inqis li l-ewwel parti invokata mill-Kunsill għandha tiġi milqugħa, u fid-dawl tan-natura kumulattiva taż-żewġ rekwiżiti ta’ ammissibbiltà stabbiliti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, l-eżami tat-tieni parti jsir superfluwu.

    1. Sinteżi tal-argumenti tal-partijiet dwar l-ewwel parti tal-ewwel aggravju, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi fir-rigward tal-konklużjoni li l-erba’ produtturi fil-kampjun, irrappreżentati minn GE u RFA, kienu direttament ikkonċernati mir-Regolament kontenzjuż

    55.

    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jallega li l-Qorti Ġenerali kienet kisret il-kundizzjoni dwar l-inċidenza diretta prevista fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja, mhux billi kkonstatat li r-Regolament kontenzjuż kien jipproduċi effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali tal-erba’ produtturi fil-kampjun, irrappreżentati minn GE u RFA, iżda billi enfasizzat, l-iktar l-iktar, effett indirett fuq is-sitwazzjoni ekonomika ta’ dawn l-operaturi li ma jesportawx il-prodotti tagħhom fis-suq tal-Unjoni. Issa, skont dawn l-istituzzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà ċaħdet, b’mod partikolari fis-sentenza tat‑28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni (C‑456/13 P, EU:C:2015:284), it-teżi li tgħid li, sabiex tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni tal-inċidenza diretta, huwa suffiċjenti li jintwera li l-miżura kkontestata għandha konsegwenzi purament ekonomiċi jew twassal għal żvantaġġ kompetittiv. F’dan il-każ, l-iżbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali jirriżultaw b’mod partikolari mill-punti 110, 111, 114, 116 u 117 tas-sentenza appellata. Il-Kummissjoni żżid li fl-applikazzjoni tal-ġurisprudenza dwar il-kundizzjoni ta’ inċidenza diretta, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 93 sa 104 tas-sentenza appellata, qieset b’mod żbaljat li, sabiex tiġi stabbilita din l-inċidenza, huwa suffiċjenta li l-erba’ produtturi fil-kampjun ikunu mmanifatturaw prodott li, fil-każ ta’ esportazzjoni minn terz lejn l-Unjoni, kien suġġett għal dazju antidumping. Tali perċezzjoni tħawwad dak li huwa dirett ma’ dak li huwa indirett u dak li huwa legali ma’ dak li huwa ekonomiku. Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, it-tentattiv ta’ GE u ta’ RFA li jaħbu, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, il-kontenut fattwali tas-sentenza appellata ma jbiddel xejn minn din l-analiżi.

    56.

    GE u RFA jwieġbu fl-ewwel lok li l-Kunsill jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa mill-ġdid il-konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali, ħaġa li ma taqax fil-kompetenza tal-qorti tal-appell. Din il-kritika, li tirrigwarda l-evalwazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 103 u 114 tas-sentenza appellata, hija għalhekk inammissibbli. Fit-tieni lok, GE u RFA jqisu li l-fatt li kwantitajiet kbar ta’ bijoetanol li pproduċew l-erba’ produtturi fil-kampjun kienu ġew esportati lejn l-Unjoni u li dawn kienu identifikati bħala produtturi/esportaturi fir-Regolament kontenzjuż kien suffiċjenti sabiex il-Qorti Ġenerali tikkonstata li dawn l-operaturi kienu direttament ikkonċernati mill-imsemmi regolament. Il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonstatat li l-erba’ produtturi fil-kampjun kienu produtturi Amerikani tal-bijoetanol li jesportaw il-produzzjoni tagħhom lejn l-Unjoni u li, ladarba d-dazji antidumping kienu imposti fuq din il-produzzjoni, dawn affettwaw il-pożizzjoni legali ta’ dawn il-kumpanniji. Fi kwalunkwe każ, sa fejn il-produtturi fil-kampjun kienu jafu li l-bejgħ tagħhom kien intiż għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni u kellhom għalhekk prezz għall-esportazzjoni, l-assenza ta’ bejgħ dirett ma hijiex rilevanti. Skont GE u RFA, l-inċidenza kienet diretta wkoll fis-sitwazzjoni ta’ esportatur potenzjali tal-prodott ikkonċernat fl-Unjoni. Barra minn hekk, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata mill-istituzzjonijiet insostenn tat-teżi tagħhom ma hijiex rilevanti għaliex ma tirrigwardax il-kriterju ta’ inċidenza diretta jew tirrigwarda sitwazzjonijiet fattwali mhux komparabbli.

    2. Evalwazzjoni

    57.

    Kif ġustament fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 67 tas-sentenza appellata, liema punt huwa barra minn hekk stabbilit f’dan il-każ, il-kunċett ta’ inċidenza diretta previst fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jeħtieġ li jiġi ssodisfatti żewġ kriterji kumulattivi. Minn naħa, l-att ikkontestat għandu joħloq direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-persuna li titlob l-annullament tiegħu. Min-naħa l-oħra, dan l-att ma jħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tiegħu li għandhom jimplimentawh, peress li dan huwa ta’ natura purament awtomatika u jirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli oħra intermedjarji ( 11 ).

    58.

    F’dan il-każ, hija biss l-applikazzjoni tal-ewwel kriterju, jiġifieri l-effetti diretti tar-Regolament kontenzjuż fuq is-sitwazzjoni legali tal-erba’ produtturi fil-kampjun, li hija s-suġġett tal-kritika magħmula mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fir-rigward tas-sentenza appellata.

    59.

    F’dan ir-rigward, hemm lok li qabelxejn jiġu miċħuda l-allegazzjonijiet ta’ GE u ta’ RFA li jgħidu li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju tal-Kunsill hija intiża sabiex jiġu kkontestati, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-konstatazzjonijiet u l-evalwazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali.

    60.

    Fil-fatt, kif ser nispjega f’iktar dettall, jidhirli li l-Kunsill qiegħed jaqra b’mod korrett il-premessi ta’ natura fattwali li fuqhom il-Qorti Ġenerali bbażat il-konklużjoni legali tagħha li l-erba’ produtturi fil-kampjun kienu direttament ikkonċernati mir-Regolament kontenzjuż, konklużjoni li hija kkontestata mill-istituzzjonijiet. Għall-kuntrarju, huma pjuttost GE u RFA li, f’diversi okkażjonijiet fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, jipprovaw ibiddlu l-konstatazzjonijiet u l-evalwazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata.

    61.

    Ħalli nispjega ruħi.

    62.

    Il-partijiet fil-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali ddiskutew fit-tul dwar jekk matul l-investigazzjoni l-erba’ produtturi fil-kampjun esportawx il-produzzjoni tagħhom tal-bijoetanol lejn l-Unjoni, jew jekk, għall-kuntrarju, dawn l-esportazzjonijiet twettqux mill-operaturi tas-suq/blenders indipendenti.

    63.

    Kif tfakkar mill-Qorti Ġenerali fil-punt 94 tas-sentenza appellata, ir-Regolament kontenzjuż jippreċiża li, peress li ebda wieħed mill-erba’ produtturi fil-kampjun ma esporta huwa stess bijoetanol fis-suq tal-Unjoni, il-bejgħ tagħhom sar fis-suq intern (Amerikan) lil operaturi tas-suq/blenders indipendenti li sussegwentement ħalltu l-bijoetanol u l-fjuwil sabiex jbigħuh mill-ġdid fis-suq intern u fis-suq tal-esportazzjoni, b’mod partikolari lejn l-Unjoni.

    64.

    Wara d-diversi konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 95 sa 102 tas-sentenza appellata, li ma humiex ikkontestati f’dan l-appell, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 103 tal-imsemmija sentenza, li “ġie stabbilit b’mod suffiċjenti li l-volumi kunsiderevoli ħafna ta’ bijoetanol li nxtraw matul il-perijodu tal-investigazzjoni mit-tmien operaturi tas-suq/blenders investigati mingħand [l-erba’] produtturi Amerikani ta’ bijoetanol inklużi fil-kampjun ġew fil-parti l-kbira esportati lejn l-Unjoni. […]”.

    65.

    Billi użat forma mhux personali u indiretta, li barra minn hekk diġà kienet preżenti fil-punt 97 tas-sentenza appellata (“[…] volum għoli ta’ bijoetanol provenjenti mill-erba’ produtturi fil-kampjun kien ġie esportat b’mod regolari lejn l-Unjoni matul il-perijodu tal-investigazzjoni”), il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx, lanqas b’mod impliċitu, u għall-kuntrarju ta’ dak sostnut minn GE u RFA quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li dawn il-kumpanniji kienu jesportaw huma stess il-produzzjoni tagħhom lejn l-Unjoni.

    66.

    Fil-fatt, mill-punt 103 tas-sentenza appellata jirriżulta neċessarjament li l-Qorti Ġenerali aċċettat li l-bijoetanol prodott mill-erba’ produtturi fil-kampjun kien “nxt[ara]” mill-operaturi tas-suq/blenders indipendenti investigati qabel ma ġie esportat, minn dawn tal-aħħar, fil-parti l-kbira lejn l-Unjoni. Għalhekk, kif tirrileva l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali kkonstatat biss li l-bijoetanol prodott mill-erba’ produtturi fil-kampjun kien indirettament mibgħut lejn is-suq tal-Unjoni, jiġifieri permezz tal-intervent ta’ operaturi tas-suq/blenders indipendenti, wara li dawn ħalltuh mal-fjuwil.

    67.

    Ebda parti tas-sentenza appellata ma tissuġġerixxi li l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet lill-produtturi Amerikani tal-bijoetanol l-istatus ta’ esportatur. L-assenza ta’ rikonoxximent ta’ tali kwalità tirriżulta espressament mill-punt 110 tas-sentenza appellata li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li produttur jista’ jinsab “sostanzjalment milqut” mill-impożizzjoni ta’ dazji antidumping fuq il-prodott importat fl-Unjoni, “anki jekk ma għandux il-kwalità ta’ esportatur tal-imsemmija prodotti”. Permezz tal-punt 111 tal-imsemmija sentenza hija kkonfermat ukoll li l-erba’ produtturi fil-kampjun “kienu jipproduċu l-bijoetanol fl-istat pur tiegħu matul il-perijodu tal-investigazzjoni u li huma l-prodotti tagħhom li l-operaturi tas-suq/blenders kienu jħalltu mal-fjuwil u kienu jesportaw lejn l-Unjoni”.

    68.

    Għalhekk, għall-kuntrarju ta’ dak sostnut minn GE u RFA, il-Kunsill, u wisq inqas il-Kummissjoni, imkien ma jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa mill-ġdid il-fatti. Dawn l-istituzzjonijiet iwettqu, għall-kuntrarju, qari leali tal-punti rilevanti tas-sentenza appellata.

    69.

    Il-kritika tal-Kunsill, bħal dik tal-Kummissjoni, hija limitata sabiex tikkontesta d-deduzzjoni legali magħmula mill-Qorti Ġenerali li essenzjalment l-impożizzjoni ta’ dazji antidumping previst mir-Regolament kontenzjuż wasslet għal effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali tal-erba’ produtturi fil-kampjun minħabba l-istatus tagħhom ta’ produttur Amerikan tal-bijoetanol, li parti mill-produzzjoni tiegħu kienet esportata lejn l-Unjoni.

    70.

    Issa, inqis li din il-kritika hija fondata għaliex il-motivi mqajma mill-Qorti Ġenerali sabiex tikkonkludi li r-Regolament kontenzjuż joħloq effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ dawn l-erba’ operaturi huma, fl-opinjoni tiegħi, insuffiċjenti u żbaljati.

    71.

    Qabelxejn, infakkar li fil-punt 104 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tiddeduċi mill-evalwazzjonijiet li jinsabu fil-punti 97 sa 103 tal-imsemmija sentenza li l-erba’ produtturi fil-kampjun kienu direttament ikkonċernati, b’mod partikolari fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 67 tal-imsemmija sentenza, filwaqt li, fil-punti 106 sa 117 ta’ din l-istess sentenza, hija ċaħdet waħda waħda l-oġġezzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni għal din il-konklużjoni.

    72.

    Il-punti 97 sa 102 tas-sentenza appellata jinkludu biss kunsiderazzjonijiet dwar id-destinazzjoni, il-volum u l-karatteristiċi tal-produzzjoni tal-bijoetanol tal-erba’ produtturi Amerikani fil-kampjun. Kif diġà semmejt, fil-punt 103 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet minn dawn il-kunsiderazzjonijiet li kienet stabbilixxiet b’mod suffiċjenti li volumi kunsiderevoli ħafna ta’ bijoetanol mixtri mingħand il-produtturi fil-kampjun mill-operaturi tas-suq/blenders indipendenti kienu fil-parti l-kbira esportati lejn l-Unjoni.

    73.

    Għalkemm dawn l-evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomika ma humiex ineżatti u fi kwalunkwe każ ma humiex ikkontestati mill-Kunsill, madankollu dawn huma insuffiċjenti sabiex juru, kif essenzjalment qieset il-Qorti Ġenerali fil-punt 104 tas-sentenza appellata, li d-dazji antidumping stabbiliti mir-Regolament kontenzjuż jaffettwaw direttament is-sitwazzjoni legali tal-erba’ produtturi fil-kampjun.

    74.

    Fil-fatt, il-konstatazzjoni li qabel l-introduzzjoni tad-dazji antidumping, il-produzzjoni tal-bijoetanol tal-produtturi fil-kampjun kienet tispiċċa fis-suq tal-Unjoni bl-intervent ta’ operaturi tas-suq/blenders indipendenti, wara li titħallat mal-fjuwil, xorta ma tfissirx li ġie pprovat li s-sitwazzjoni legali tal-erba’ produtturi fil-kampjun inbidlet bl-impożizzjoni ta’ dawn id-dazji.

    75.

    Deċiżjoni bħal din tippermetti li jiġi preżunt li kull produttur ta’ pajjiż terz li l-prodotti tiegħu jispiċċaw fis-suq tal-Unjoni huwa direttament affettwat, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, mill-istabbiliment ta’ dazji antidumping imposti fuq l-imsemmija prodotti.

    76.

    Issa, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regolamenti li jistabbilixxu dazju antidumping għandhom, min-natura u mill-portata tagħhom, natura normattiva, peress li japplikaw għall-operaturi ekonomiċi kollha u għalhekk huwa biss minħabba ċerti ċirkostanzi partikolari li d-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-regolamenti jistgħu jikkonċernaw direttament (u individwalment) lill-produtturi u lill-esportaturi tal-prodott inkwistjoni li lilhom huma imputati l-prattiki ta’ dumping billi tintuża data li toriġina mill-attività kummerċjali tagħhom ( 12 ).

    77.

    Is-sempliċi fatt li prodott jispiċċa fis-suq tal-Unjoni, anki f’volum kunsiderevoli, ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi meqjus li, ladarba dan il-prodott jiġi affettwat mill-impożizzjoni ta’ dazju antidumping, il-produttur tiegħu huwa direttament affettwat fis-sitwazzjoni legali tiegħu mill-imsemmi dazju.

    78.

    Kieku dan kien il-każ, in-natura normattiva tar-regolamenti antidumping tkun nieqsa minn kull bażi. Fi kliem ieħor, kull produttur ta’ prodott li jkun is-suġġett ta’ dazju antidumping jitqies awtomatikament, minħabba l-kwalità oġġettiva tiegħu ta’ produttur tal-imsemmi prodott, bħala direttament affettwat mir-regolament li jistabbilixxi dan id-dazju.

    79.

    Il-fatt li dan il-produttur kien ipparteċipa fl-investigazzjoni billi kien inkluż fil-kampjun użat fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament kontenzjuż ma jbiddilx din l-evalwazzjoni. Fil-fatt, l-inklużjoni ta’ impriża f’kampjun rappreżentattiv fil-kuntest tal-investigazzjoni magħmula mill-Kummissjoni jista’ jikkostitwixxi l-iktar l-iktar indizju tal-inċidenza individwali tal-operatur ( 13 ). Dan ma jfissirx li s-sitwazzjoni legali ta’ dan il-produttur hija direttament affettwata bl-impożizzjoni ta’ dazji antidumping definittivi fl-aħħar ta’ din l-investigazzjoni.

    80.

    Il-konklużjoni li wasslet għaliha l-Qorti Ġenerali b’mod prematur fil-punt 104 tas-sentenza appellata jidhirli li hija iktar u iktar suġġetta għall-kritika peress li, fl-istess ħin, il-Qorti Ġenerali qatt ma kkontradixxiet il-konstatazzjoni magħmula fir-Regolament kontenzjuż, u mfakkra fil-punt 94 tas-sentenza appellata, li tgħid li l-produtturi inkwistjoni kienu jwettqu l-bejgħ tagħhom fis-suq intern (Amerikan) lil operaturi tas-suq/blenders indipendenti għall-finijiet tal-bejgħ mill-ġdid minn dawn tal-aħħar, kemm fis-suq intern Amerikan kif ukoll fis-suq tal-esportazzjoni, imfakkra wkoll fil-punt 102 tas-sentenza appellata, li jipprovdi li ma huwiex possibbli li l-valuri normali jiġu pparagunati mal-prezzijiet għall-esportazzjoni korrispondenti, konstatazzjonijiet li jikkorroboraw it-teżi tal-istituzzjonijiet li l-produtturi fil-kampjun kienu jbigħu l-produzzjoni tagħhom fis-suq intern Amerikan lill-imsemmija operaturi tas-suq/blenders u ma kellhom ebda influwenza fuq id-destinazzjoni u fuq it-tarifikazzjoni tal-bejgħ għall-esportazzjoni.

    81.

    L-evalwazzjonijiet magħmula fil-punti 107 sa 110 u 114 sa 117 tas-sentenza appellata, fil-forma ta’ ċaħda tal-argumenti mqajma mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, ma humiex iktar konvinċenti.

    82.

    L-ewwel nett, il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, esposti fil-punti 107 sa 110 tas-sentenza appellata, li jipprovdu essenzjalment li l-inċidenza diretta ta’ operatur skont regolament li jimponi dazji antidumping ma tiddependix fuq l-istatus tiegħu ta’ produttur jew esportatur, peress li produttur li għandu l-kwalità ta’ esportatur tal-prodotti esportati li fuqhom huwa impost dazju antidumping, jista’ jkun “sostanzjalment milqut” mill-impożizzjoni ta’ tali dazju fuq il-prodott ikkonċernat, ma jwiġbux, b’mod definittiv, għall-kwistjoni tal-inċidenza diretta tas-sitwazzjoni legali tal-erba’ produtturi fil-kampjun mill-impożizzjoni ta’ dazji antidumping permezz tar-Regolament kontenzjuż.

    83.

    Ċertament, naqbel li s-sempliċi status bħala produttur ta’ operatur ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi eskluż ipso jure li tkun issodisfatta l-kundizzjoni tal-inċidenza diretta ta’ dan l-operatur, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

    84.

    Madankollu, il-Qorti Ġenerali naqset milli tispjega għaliex produttur ta’ pajjiż terz li jbigħ il-prodotti tiegħu biss fis-suq intern tal-imsemmi pajjiż lil operaturi oħra li, wara li jżidu sustanza oħra, ibiegħu mill-ġdid il-prodott, f’dan is-suq intern kif ukoll fis-suq tal-esportazzjoni, jista’ jkollu s-sitwazzjoni legali tiegħu direttament mibdula bl-impożizzjoni ta’ dazji antidumping fuq dan il-prodott, applikabbli fis-suq tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-fatt li fil-punt 110 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wżat it-termini “sostanzjalment milquta”, fir-rigward tal-kundizzjoni tal-inċidenza diretta, jista’ juri mhux biss approssimazzjoni ta’ ordinament terminoloġiku iżda ukoll fundamentalment in-nuqqas ta’ eżami reali tal-effett tal-impożizzjoni ta’ dazji antidumping fuq is-sitwazzjoni legali tal-produtturi Amerikani tal-bijoetanol fil-kampjun, fir-rigward tal-kundizzjoni tal-inċidenza diretta prevista mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kif ukoll tal-argument tal-istituzzjonijiet li r-Regolament kontenzjuż għandu biss effett indirett, ta’ natura ekonomika, fuq is-sitwazzjoni ta’ dawn il-produtturi.

    85.

    It-tieni nett, kunsiderazzjonijiet fuq l-istess linja japplikaw għall-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jinsabu fil-punti 114 sa 116 tas-sentenza appellata.

    86.

    Fl-ewwel lok, fil-punt 114 ta’ din is-sentenza, li jimmerita li jiġi riprodott kollu, il-Qorti Ġenerali tippreċiża li “[…] anki jekk jitqies li l-operaturi tas-suq/blenders ibatu d-dazju antidumping u jseħħ li l-katina kummerċjali tal-bijoetanol tiġi interrotta b’mod li dawn ma jkunux f’pożizzjoni li jpoġġu l-oneru tad-dazju antidumping fuq il-produtturi, għandu madankollu jitfakkar li l-istabbiliment ta’ dazju antidumping ibiddel il-konsegwenzi legali li taħthom il-kummerċjalizzazzjoni tal-bijoetanol prodott mill-erba’ produtturi fil-kampjun isseħħ fis-suq tal-Unjoni. Għalhekk, il-pożizzjoni legali tal-produtturi inkwistjoni fis-suq tal-Unjoni hija, f’kull każ, direttament u sostanzjalment milquta”. Barra minn hekk, fil-punt 115 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll l-argument, imressaq mill-Kummissjoni, tal-effett indirett biss tal-impożizzjoni ta’ dazji antidumping fuq is-sitwazzjoni tal-erba’ produtturi fil-kampjun billi rrilevat li l-Kummissjoni tiżbalja meta “tikkontesta l-fatt li impriża tal-katina kummerċjali differenti minn […] l-aħħar esportatur, li jiġi kkonstatat li jwettaq id-dumping, tista’ tikkontesta dazju antidumping […]”.

    87.

    Jidhirli li dawn il-punti tas-sentenza appellata jinkludu żewġ żbalji ta’ liġi.

    88.

    Minn naħa, il-Qorti Ġenerali tonqos milli tispjega b’liema mod produttur ta’ pajjiż terz, bħal kull wieħed mill-erba’ produtturi fil-kampjun, li jbigħ il-prodott tiegħu fis-suq intern tal-imsemmi pajjiż lil operaturi indipendenti biss, fejn ikun ġie kkonstatat li dawn tal-aħħar iwettqu dumping, jista’ jkun direttament milqut fil-pożizzjoni legali tiegħu mill-impożizzjoni ta’ dazji antidumping li jolqtu l-prodott esportat minn dawn l-operaturi indipendenti, anki jekk dawn tal-aħħar ma jistgħux jgħaddu d-dazji antidumping fuq dan il-produttur.

    89.

    Fi kliem ieħor, jekk, fl-ipoteżi eżaminata mill-Qorti Ġenerali fil-punti 114 u 115 tas-sentenza appellata, l-operaturi tas-suq/blenders iwettqu dumping u jbatu d-dazji antidumping kollha imposti mir-Regolament kontenzjuż fis-suq tal-Unjoni, ma nifhimx kif is-sitwazzjoni legali tal-produtturi tal-prodott inkwistjoni, li jbigħu dan il-prodott esklużivament fis-suq intern Amerikan, tista’ tkun direttament milquta bil-ġbir ta’ dawn id-dazji.

    90.

    F’tali ipoteżi, ċertament huwa possibbli, kif issostni l-Kummissjoni, li l-impożizzjoni ta’ dazji antidumping ikollha konsegwenzi fuq il-volum tal-bejgħ imwettaq mill-produtturi tal-bijoetanol fis-suq intern Amerikan lil operaturi tas-suq/blenders indipendenti; fil-fatt, dawn tal-aħħar jistgħu jnaqqsu x-xiri tagħhom intiż għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni, mingħajr ma jkunu f’pożizzjoni li jikkumpensaw dan it-tnaqqis biż-żieda tal-provvisti tagħhom intiżi għas-suq intern Amerikan jew għal swieq oħra tal-esportazzjoni, li ma jkunux tal-Unjoni. Madankollu, dawn il-konsegwenzi huma ta’ natura ekonomika u għalhekk, fil-fehma tiegħi, huma insuffiċjenti sabiex juru li l-impożizzjoni ta’ dazji antidumping tbiddel direttament is-sitwazzjoni legali tal-produtturi inkwistjoni fis-suq tal-Unjoni. Fir-realtà, f’dan il-każ, u għall-kuntrarju ta’ dak li indikat il-Qorti Ġenerali fit-tieni sentenza tal-punt 76 tas-sentenza appellata, il-produtturi Amerikani tal-bijoetanol ma għandhomx “pożizzjoni legali” fis-suq tal-Unjoni.

    91.

    Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali donnha, tal-inqas b’mod impliċitu, tagħti importanza lill-fatt li l-produtturi inkwistjoni pparteċipaw fl-investigazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni. Issa, kif diġà semmejt fil-punt 84 ta’ dawn il-konklużjonijiet, tali parteċipazzjoni tista’, l-iktar l-iktar, tkun rilevanti fil-kuntest tal-verifika ta’ jekk hijiex issodisfatta l-kundizzjoni tal-inċidenza individwali ta’ operatur, iżda mhux fl-eżami tal-kundizzjoni tal-inċidenza diretta, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

    92.

    Fit-tieni lok, l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 116 tas-sentenza appellata lanqas ma jwasslu sabiex ixejjnu dak li ngħad u sabiex jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ġustament ikkonkludiet li l-erba’ produtturi fil-kampjun kienu direttament ikkonċernati mir-Regolament kontenzjuż.

    93.

    Minn naħa, fl-opinjoni tiegħi, huwa żbaljat li jiġi pretiż li “l-istruttura tal-arranġamenti kuntrattwali bejn operaturi ekonomiċi fi ħdan il-katina kummerċjali tal-bijoetanol ma għandha ebda effett fuq il-kwistjoni jekk produttur tal-bijoetanol huwiex direttament ikkonċernat mir-regolament [kontenzjuż]” u li jiġi sostnut il-kuntrarju iwassal sabiex “jitqies li huwa biss produttur li jbigħ direttament il-prodott tiegħu lill-importatur fl-Unjoni li jista’ jkun direttament ikkonċernat […] liema ħaġa b’ebda mod ma’ taqa’ taħt ir-regolament bażiku”.

    94.

    Fil-fatt, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li barra minn hekk hija ċċitata b’mod korrett mill-Qorti Ġenerali fil-punti 70 u 71 tas-sentenza appellata, turi li s-sitwazzjonijiet li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet l-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati minn operaturi ekonomiċi kontra regolamenti li jistabbilixxu dazji antidumping huma bbażati b’mod partikolari fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-partikolaritajiet tar-relazzjonijiet kummerċjali ma’ operaturi oħra, b’mod partikolari għall-finijiet tal-kostruzzjoni tal-prezz għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

    95.

    Għalhekk, ma nifhimx għal liema raġuni l-partikolaritajiet tal-istruttura tal-arranġamenti kuntrattwali bejn il-produtturi Amerikani tal-bijoetanol u l-operaturi tas-suq/blenders indipendenti għandhom jaħarbu din il-loġika, anki meta dan it-teħid inkunsiderazzjoni iwassal sabiex jeskludi l-inċidenza diretta tal-imsemmija produtturi.

    96.

    Barra minn hekk, ma nistax naqbel mad-dikjarazzjoni li din il-konklużjoni twassal sabiex l-inċidenza diretta ta’ produttur tiġi aċċettata biss jekk dan tal-aħħar ibiegħ il-produzzjoni tiegħu direttament fis-suq tal-Unjoni. Fil-fatt huma prevedibbli ipoteżijiet oħra, preċiżament skont l-arranġamenti kummerċjali, bħall-bejgħ lil intermedjarji/esportaturi marbuta mal-produttur inkwistjoni. Fi kwalunkwe każ, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali, il-fatt li r-Regolament bażiku huwa silenżjuz dwar din il-kwistjoni ma għandux effett, peress li l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament, bħal dak inkwistjoni f’din il-kawża, huma rregolati mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

    97.

    Min-naħa l-oħra, għall-kuntrarju ta’ dak li ddikjarat il-Qorti Ġenerali fl-aħħar sentenza tal-punt 116 tas-sentenza appellata, l-approċċ tal-istituzzjonijiet, li miegħu naqbel, ma għandux “l-effett li jirrestrinġi l-protezzjoni legali tal-produtturi [tal-prodotti] milquta minn dazji antidumping sempliċement skont l-istruttura kummerċjali tal-esportazzjonijiet”.

    98.

    Kif diġà għidt, dan l-approċċ huwa bbażat fuq l-eżami tal-kundizzjonijiet dwar l-inċidenza diretta ta’ dawn il-produtturi, li huma rregolati mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

    99.

    Barra minn hekk, jekk jiġi kkonstatat, kif qiegħed nipproponi, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi rrikonoxxiet l-inċidenza diretta tal-erba’ produtturi fil-kampjun permezz tar-Regolament kontenzjuż, dan ma jfissirx li dawn il-produtturi jkunu mċaħħda minn protezzjoni legali.

    100.

    Fil-fatt, operatur, li fir-rigward tiegħu jkun ġie kkonstatat mingħajr ebda dubju li huwa ma jkunx direttament u individwalment ikkonċernat mir-regolament li jistabbilixxi dazji antidumping, ma jistax jiġi pprojbit, inkluż, fl-opinjoni tiegħi, fil-kuntest ta’ intervent volontarju, milli jeċċepixxi l-invalidità ta’ tali regolament quddiem qorti ta’ Stat Membru adita b’tilwima marbuta mad-dazji li għandhom jitħallsu lill-awtoritajiet doganali jew fiskali kompetenti ( 14 ).

    101.

    Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, il-Qorti Ġenerali vvizzjat is-sentenza appellata b’diversi żbalji ta’ liġi billi kkonludiet li l-erba’ produtturi fil-kampjun kienu direttament affettwati mir-Regolament kontenzjuż.

    102.

    Konsegwentement, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-ewwel parti tal-ewwel aggravju tal-Kunsill u tannulla s-sentenza appellata, mingħajr il-bżonn li teżamina t-tieni parti ta’ dan l-aggravju. Ser neżamina l-konsegwenzi ta’ dan l-annullament fuq it-tilwima fl-ewwel istanza fil-punt 251 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    103.

    Madankollu, irrid nippreċiża li l-annullament propost tas-sentenza appellata huwa biss parzjali. Fil-fatt, dan jirrigwarda biss l-ammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza ta’ GE u ta’ RFA f’isem l-erba’ produtturi Amerikani tal-bijoetanol fil-kampjun u mhux f’isimhom jew f’isem il-membri l-oħra ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet li ma humiex l-imsemmija produtturi fil-kampjun.

    104.

    Il-fondatezza tal-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar dawn l-aspetti l-oħra tal-ammissibbiltà tar-rikors ta’ GE u ta’ RFA huma s-suġġett tal-appell inċidentali ppreżentat minn dawn tal-aħħar, li għalhekk għandhom jiġu eżaminati f’dan l-istadju.

    C.   Fuq l-appell inċidentali

    105.

    Qabel nindirizza l-aggravji insostenn tal-appell inċidentali ppreżentat minn GE u RFA, għandhom jiġu analizzati l-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni għall-ammissibbiltà tiegħu.

    1. Fuq l-ammissibbiltà tal-appell inċidentali

    a) Sommarju tal-argumenti tal-partijiet

    106.

    Fir-risposta u fil-kontroreplika tagħha għall-appell inċidentali, il-Kummissjoni ssostni, fl-ewwel lok, li dan l-appell huwa inammissibbli peress li ġie ppreżentat minn avukat subdelegat mill-avukat mandatarju ta’ GE u ta’ RFA bi ksur tal-Artikolu 44(1)(b) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Skont il-Kummissjoni, tali subdelega ma hijiex awtorizzata mill-imsemmi artikolu tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u, fi kwalunkwe każ, ma hijiex koperta mill-mandat mogħti lil P. Vander Schueren minn GE u RFA sabiex tirrappreżentahom fil-kuntest ta’ din il-kawża.

    107.

    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tallega li l-appell inċidentali ppreżentat minn GE u RFA huwa inammissibbli għar-raġuni li dawn l-assoċjazzjonijiet ma humiex awtorizzati b’mod validu, fid-dawl tal-istatuti ta’ assoċjazzjoni rispettivi tagħhom, sabiex jirrappreżentaw l-interessi kummerċjali tal-membri tagħhom.

    108.

    GE u RFA jikkontestaw dawn iż-żewġ argumenti.

    b) Evalwazzjoni

    109.

    Indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni – li f’dan il-każ la ma hija l-parti li ppreżentat l-appell prinċipali u lanqas l-istituzzjoni li adottat ir-Regolament kontenzjuż, u li għalhekk ma hijiex, għall-kuntrarju tal-Kunsill, “appellata” fil-kuntest tal-appell inċidentali – tistax, b’mod awtonomu, tqajjem eċċezzjoni ta’ inamissibbiltà li l-Kunsill ma qajjimx, l-oġġezzjonijiet tagħha dwar l-ammissibbiltà tal-appell inċidentali għandhom, fl-opinjoni tiegħi, jiġu miċħuda.

    110.

    Fir-rigward tal-ewwel argument, infakkar li, skont l-Artikolu 119(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-appell inċidentali skont l-Artikolu 177(2) ta’ dawn ir-regoli, l-avukati għandhom jippreżentaw fir-Reġistru dokument uffiċjali jew mandat maħruġ mill-parti li huma jirrappreżentaw. Bl-istess mod, l-Artikolu 173(2) tar-Regoli tal-Proċeduri tal-Qorti tal-Ġustizzja jippreċiża li l-Artikolu 119(2) ta’ dawn ir-regoli japplika wkoll għar-risposta fil-kuntest ta’ appell. Barra minn hekk, mill-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex jibbenefikaw mill-privileġġi, immunitajiet u faċilitajiet imsemmija fl-Artikolu 43 tal-imsemmija regoli, l-avukati għandhom jiġġustifikaw minn qabel il-kwalità tagħhom permezz ta’ mandat maħruġ mill-parti li huma jirrappreżentaw, meta din tal-aħħar hija persuna morali rregolata mid-dritt privat.

    111.

    Għalhekk, sabiex jirrappreżenta b’mod validu parti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, inkluż fil-kuntest ta’ appell u ta’ appell inċidentali, avukat għandu jkollu dokument uffiċjali jew mandat mogħti minn din il-parti.

    112.

    Mingħajr ma tikkontesta l-validità tal-mandat maħruġ minn GE u RFA lil P. Vander Schueren sabiex tirrappreżenta lil dawn l-assoċjazzjonijiet fil-kuntest ta’ din il-kawża, il-Kummissjoni ssostni li din l-avukat issubdelegat ir-rappreżentanza ta’ dawn iż-żewġ partijiet lil M. Peristeraki.

    113.

    Issa, dan l-argument huwa bbażat fuq qari żbaljat tad-dokumenti ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, huwa minnu li M. Peristeraki ppreżentat, b’mezz elettroniku, l-att promotur tal-appell inċidentali, billi użat kont li jagħtiha aċċess għall-applikazzjoni informatika msejħa “e-Curia” ( 15 ), iżda jibqa’ l-fatt li P. Vander Schueren ffirmat l-oriġinal tal-appell inċidentali, kif ukoll ir-risposta għall-appell prinċipali. Għalhekk din l-avukat ma ssubdelegatx il-mandat mogħti lilha minn GE u RFA sabiex tirrappreżenta lil dawn l-assoċjazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    114.

    Fir-rigward tat-tieni argument imressaq mill-Kummissjoni, fl-opinjoni tiegħi, dan lanqas ma jista’ jirnexxi peress li dan jista’ jwassal l-iktar l-iktar għall-inammissibbiltà tat-tieni aggravju invokat insostenn tal-appell inċidentali, iżda mhux għall-ammissibbiltà tal-appell inċidentali kollu. Fil-fatt, l-ilment tal-Kummissjoni huwa manifestament ineffettiv għal dak li jirrigwarda l-ewwel aggravju tal-appell inċidentali li jirrigwarda l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar il-locus standi ta’ GE u ta’ RFA mhux f’isem il-membri tagħhom iżda f’isimhom stess. Fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tat-tieni aggravju tal-appell inċidentali, dan jikkoninċidi mal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, esposta fir-risposta tal-Kummissjoni, dwar in-nuqqas ta’ rappreżentattività u d-dritt ta’ azzjoni ta’ GE u ta’ RFA f’isem il-produtturi Amerikani tal-bijoetanol quddiem il-Qorti Ġenerali, li qiegħed nipproponi li tiġi miċħuda fil-punti 50 u 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Dawn il-kunsiderazzjonijiet huwa validi wkoll għal dak li jirrigwarda l-ammissibbiltà tal-appell inċidentali ppreżentat minn GE u RFA, u għalhekk nirreferi għalihom.

    115.

    Konsegwentement, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-appell inċidentali.

    116.

    Għalhekk, hemm lok li jiġu eżaminati ż-żewġ aggravji tal-appell inċidentali. Peress li t-tieni wieħed minn dawn l-aggravji jirrigwarda, bħall-ewwel aggravju tal-appell prinċipali tal-Kunsill, l-ammissibbiltà tar-rikors tal-ewwel istanza f’isem il-membri ta’ GE u ta’ RFA (din id-darba, għal dak li jirrigwarda, il-membri l-oħra ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet li ma humiex l-erba’ produtturi Amerikani tal-bijoetanol fil-kampjun), nipproponi li naqleb l-ordni tal-analiżi ta’ dawn l-aggravji u nibda’ għalhekk mit-tieni wieħed.

    2. Fuq it-tieni aggravju tal-appell inċidentali, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi dwar ir-rifjut li jingħata locus standi lil GE u lil RFA f’isem il-membri l-oħra tagħhom li ma humiex l-erba’ produtturi Amerikani fil-kampjun

    a) Sommarju tal-argumenti tal-partijiet

    117.

    GE u RFA jallegaw li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdithom mil-locus standi f’isem il-membri l-oħra tagħhom li ma humiex il-produtturi Amerikani tal-bijoetanol fil-kampjun, jiġifieri l-ewwel nett, l-operaturi tas-suq/blenders Murex u CHS, u t-tieni nett, il-membri l-oħra mhux fil-kampjun.

    118.

    Qabelxejn, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat fil-punti 52 sa 55 tas-sentenza appellata, li d-difiża tal-interessi ta’ Murex u ta’ CHS ma setgħetx tiġġustifika l-ammissibbiltà tar-rikors, peress li dawn kienu sempliċement membri “assoċjati” ta’ GE u ta’ RFA u għalhekk ma kellhomx dritt ta’ vot. Fil-fatt, skont GE u RFA, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrikonoxxi l-locus standi ta’ assoċjazzjonijiet ma tagħmel ebda distinzjoni bejn il-membri assoċjati u l-membri l-oħra u, għall-kuntrarju, tiddikjara b’mod ċar li huwa ammissibbli r-rikors ippreżentat minn assoċjazzjoni li taġixxi f’isem wieħed jew iktar mill-membri tagħha li huma stess setgħu jippreżentaw rikors ammissibbli.

    119.

    Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll b’mod żbaljat fil-punt 152 sa 154 tas-sentenza appellata, li l-membri l-oħra ta’ GE u ta’ RFA mhux inklużi fil-kampjun ta’ produtturi-esportaturi ma kinux direttament ikkonċernati mir-Regolament kontenzjuż.

    120.

    GE u RFA jżidu li l-Qorti Ġenerali naqset ukoll milli teżamina l-kwistjoni tal-inċidenza individwali tagħhom. Madankollu, huma intervjenew matul il-proċedura fil-kwalità ta’ rappreżentanti tal-membri kollha tagħhom.

    121.

    Il-Kunsill isostni li t-tieni aggravju tal-appell inċidentali huwa inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondat fid-dritt. Qabelxejn, huwa jenfasizza li l-eżami intiż sabiex jiddetermina, minn naħa, jekk il-membri assoċjati ta’ GE u ta’ RFA għandhomx grad ta’ affiljazzjoni suffiċjenti sabiex iż-żewġ assoċjazzjonijiet ikunu jistgħu jirrappreżentawhom, u min-naħa l-oħra, jekk ir-Regolament kontenzjuż joħloqx effetti fuq il-membri tal-assoċjazzjonijiet mhux inklużi fil-kampjun ta’ produtturi-esportaturi, iqajjem kwistjonijiet ta’ fatt u mhux ta’ liġi. Issa, iż-żewġ assoċjazzjonijiet ma wrewx li l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 52 sa 55 tas-sentenza appellata, dwar ir-rabtiet li huma għandhom mal-membri assoċjati tagħhom jiżnaturaw l-elementi ta’ prova. Bl-istess mod, fil-punti 152 sa 154 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat biss il-fatti, mingħajr ma daħlet fi kwistjonijiet ta’ liġi.

    122.

    Fi kwalunkwe każ, fl-opinjoni tal-Kunsill, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi billi ċaħdet il-locus standi taż-żewġ assoċjazzjonijiet f’isem Murex u CHS. F’dan ir-rigward, huwa jenfasizza li GE u RFA ma kkwotaw ebda element ta’ natura li juri li d-distinzjoni bejn il-membri “assoċjati” u l-membri l-oħra ta’ assoċjazzjoni ma kinitx rilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-locus standi tagħha. Huwa josserva li, fil-każ kuntrarju, membru assoċjat ta’ assoċjazzjoni li ma jistax jinfluwenza d-deċiżjonijiet tagħha jista’ jkun parti minn proċedura li tista’ taffettwa l-interessi tagħha. Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali lanqas ma wettqet żball ta’ liġi billi ċaħdet il-locus standi taż-żewġ assoċjazzjonijiet f’isem il-membri l-oħra tagħhom mhux fil-kampjun.

    123.

    Il-Kummissjoni ssostni l-argumenti tal-Kunsill.

    b) Evalwazzjoni

    124.

    Fir-rigward tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju tal-appell inċidentali li permezz tiegħu GE u RFA jikkontestaw il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-inammissibbiltà tar-rikors tal-ewwel istanza f’isem il-produtturi Amerikani mhux fil-kampjun, fl-opinjoni tiegħi, din għandha tiġi miċħuda, mingħajr il-bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tagħha.

    125.

    Fil-fatt, jekk, kif nipproponi, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta aċċettat li l-erba’ produtturi Amerikani tal-bijoetanol fil-kampjun kienu direttament milquta mir-Regolament kontenzjuż, u li kif naħseb u nissuġġerixxi fil-punt 251 ta’ dawn il-konklużjonijiet, għandha tiġi kkonstatata l-inammissibbiltà tar-rikors tal-ewwel istanza, tali konstatazzjoni tapplika b’iktar saħħa għal dak li jirrigwarda r-rikors ta’ GE u ta’ RFA ppreżentat f’isem il-produtturi Amerikani tal-bijoetanol mhux fil-kampjun. Għalhekk, l-ilmenti magħmula kontra l-punti 151 sa 154 tas-sentenza appellata ma jistgħux jintlaqgħu.

    126.

    Min-naħa l-oħra, l-ewwel parti tat-tieni aggravju tal-appell inċidentali, li jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli, fil-punti 52 sa 55 tas-sentenza appellata, ikkonstatat l-inammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza ta’ GE u ta’ RFA f’isem iż-żewġ operaturi tas-suq/blenders li pparteċipaw fl-investigazzjoni, jiġifieri Murex u CHS, hija inqas faċli li tiġi risolta u finalment jidhirli li hija fondata.

    127.

    Qabelxejn, fl-opinjoni tiegħi, għall-kuntarju ta’ dak allegat mill-Kunsill, din il-parti hija ammissibbli.

    128.

    Fil-fatt, għall-kuntrarju ta’ dak sostnut mill-Kunsill, GE u RFA mkien ma jikkontestaw il-konstatazzjonijiet fattwali tal-Qorti Ġenerali li Murex u CHS kienu biss membri assoċjati mingħajr dritt ta’ vot fi ħdan l-imsemmija assoċjazzjonijiet. Għall-kuntrarju, dawn l-assoċjazzjonijiet jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli għall-finijiet tal-verifika tal-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament ta’ assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-interessi tal-membri tagħha, introduċiet kriterju ta’ distinzjoni bbażat, essenzjalment, fuq l-eżistenza jew le ta’ dritt ta’ vot tal-membri tagħha fi ħdan l-organi tal-assoċjazzjoni, li huwa arbitrarju u, għalhekk, żbaljat. Din il-kwistjoni, li tirrigwarda wkoll l-estensjoni tal-istħarriġ tal-qorti tal-ewwel istanza dwar l-ammissibbiltà tar-rikorsi miġjuba quddiemha, hija ċertament kwistjoni ta’ liġi li taqa’ fil-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fil-kuntest ta’ appell.

    129.

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-punt tat-tluq tal-eżami tal-mertu ta’ din il-parti għandu, fl-opinjoni tiegħi, jikkonsisti f’li jiġi imfakkar li, skont l-ipoteżi inkwistjoni, l-ammissibbiltà ta’ rikors ta’ assoċjazzjoni professjonali li hija inkarigata tiddefendi l-interessi kollettivi tal-membri tagħha tiddependi mil-locus standi individwali tal-impriżi li hija tirrappreżenta jew ta’ xi wħud minnhom ( 16 ).

    130.

    Għalhekk, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ir-rikors ta’ assoċjazzjoni li taġixxi f’isem wieħed jew iktar mill-membri tagħha li setgħu huma stess ippreżentaw rikors ammissibbli ( 17 ) huwa amissibbli u dan peress li dawn ma ppreżentawx huma stess rikors, sabiex jiddefendu l-interessi tagħhom stess ( 18 ).

    131.

    GE u RFA ma jikkontestawx din il-ġurisprudenza, liema fatt issemma ukoll b’mod korrett mill-Qorti Ġenerali fil-punti 45 sa 51 tas-sentenza appellata. Barra minn hekk, dawn l-assoċjazzjonijiet jibbażaw ruħhom fuq din il-ġurisprudenza sabiex jiddeduċu li billi l-kwalità ta’ membri, anki “assoċjati”, ta’ Murex u CHS tal-assoċjazzjonijiet ma hijiex ikkontestata, il-Qorti Ġenerali kellha tivverifika biss jekk Murex u CHS kinux direttament u individwalment ikkonċernati mir-Regolament kontenzjuż sabiex jiddeterminaw jekk ir-rikors ta’ GE u ta’ RFA f’isimhom kienx ammissibbli.

    132.

    Fid-dawl tal-konstatazzjonijiet differenti magħmula mill-Qorti Ġenerali, jiena naħseb li GE u RFA għandhom raġun.

    133.

    Qabelxejn infakkar li, fil-punti 42 u 78 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li GE u RFA jirrappreżentaw “l-interessi tal-industrija tal-bijoetanol”. Fi kliem ieħor, kif ippreċiżajt ukoll fil-punti 50 u 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti Ġenerali ġustament qieset li l-għan statutorju ta’ kull waħda minn dawn l-assoċjazzjonijiet jawtorizzaha taġixxi sabiex tiddefendi l-interessi kollettivi tal-membri tagħha.

    134.

    Għalhekk, huwa stabbilit li, anki jekk għandhom status ta’ membru “assoċjat”, kemm Murex kif ukoll CHS jappartjenu għall-kategorija ta’ “membri” ta’ GE u RFA, rispettivament, u jipparteċipaw fil-laqgħat ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet.

    135.

    Finalment, ebda punt tas-sentenza appellata ma jsemmi li GE u RFA, li pparteċipaw fl-investigazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni, u li l-missjonijiet statutorji tagħhom jinkludu d-difiża tal-interessi kollettivi tal-membri tagħhom, kisbu mandat speċifiku, wara vot ta’ dawn tal-aħħar, sabiex jirrappreżentawhom ġudizzjarjament.

    136.

    Madankollu, fil-punt 55 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li “mingħajr dritt ta’ vot, CHS u Murex ma għandhomx il-possibbiltà li jinvokaw l-interessi tagħhom matul eventwali rappreżentanza tagħhom mill-assoċjazzjoni kkonċernata. F’dawn iċ-ċirkustanzi u fin-nuqqas ta’ provi oħra li jistgħu juru li membru ‘assoċjat’ għandu tali possibbiltà li jinvoka l-interessi tiegħu, għandu jiġi konkluż li, f’dan il-każ, [RFA] ma għandhiex locus standi sa fejn din tosserva li hija kienet tirrappreżenta lil CHS u li [GE] ma għandhiex locus standi sa fejn din tosserva li hija kienet tirrappreżenta lil Murex” ( 19 ).

    137.

    Għalhekk, permezz ta’ din il-konklużjoni, il-Qorti Ġenerali fl-aħħar mill-aħħar introduċiet kriterju addizzjonali għall-kundizzjonijiet meħtieġa mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 129 u 130 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jiġifieri li sabiex GE u RFA jaġixxu f’isem Murex u CHS rispettivament, huma għandhom mhux biss juru li dawn tal-aħħar kienu direttament u individwalment ikkonċernati mir-Regolament kontenzjuż, iżda wkoll u preliminarjament li dawn l-operaturi għandhom ikunu jistgħu, taħt piena tal-inammissibbilta tal-azzjoni ġudizzjarja ta’ GE u RFA, “jinvokaw” fi ħdan l-organi tal-imsemmija assoċjazzjonijiet, l-interessi individwali tagħhom qabel kull azzjoni intiża sabiex tiddefendi l-interessi kollettivi li l-imsemmija assoċjazzjonijiet huma inkarigati li jiddefendu.

    138.

    Issa, iż-żieda, permezz ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji, ta’ tali kriterju għall-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà, diġà suffiċjentement stretti, previsti mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, tikkostitwixxi, fil-fehma tiegħi, ksur ta’ din id-dispożizzjoni, li barra minn hekk, ma huwiex suffiċjentement motivat.

    139.

    Barra minn hekk, l-approċċ meħud mill-Qorti Ġenerali huwa ta’ natura li jintroduċi sors ta’ inċertezza legali għall-persuni morali kkonċernati, kif isostnu GE u RFA.

    140.

    Fil-fatt, dan l-approċċ iqajjem inevitabbilment il-kwistjoni dwar liema huma l-limiti u kif għandhom jiġu trattati sitwazzjonijiet analogi. Barra minn hekk, x’jiġri mill-ammissibbiltà ta’ azzjoni mibdija minn assoċjazzjoni professjonali inkarigata mid-difiża tal-interessi kollettivi tal-membri tagħha, fil-każ li wieħed minnhom la jipparteċipa fid-deċiżjoni li jiġi ppreżentat rikors għal annullament quddiem il-qorti tal-Unjoni u lanqas juri nuqqas ta’ qbil magħha? X’jiġri wkoll mill-ammissibbiltà ta’ rikors ta’ assoċjazzjoni f’isem il-membri tagħha li jistgħu jeżerċitaw id-dritt ta’ vot parzjalment biss, dwar ċerti deċiżjonijiet tal-assoċjazzjoni?

    141.

    Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ assoċjazzjonijiet li l-istatut ta’ assoċjazzjoni tagħhom huwa rregolat mid-dritt ta’ pajjiż terz, bħal f’dan il-każ, ma huwiex eskluż li, jekk l-approċċ tal-Qorti Ġenerali jiġi aċċettat, kunsiderazzjonijiet prattiċi, bħal ksur tad-dritt ta’ dan il-pajjiż jew id-diffikultajiet li tinftiehem lingwa jew lingwi hemm mitkellma, iwasslu sabiex sitwazzjonijiet identiċi jingħataw trattament differenti. Għalhekk, l-istituzzjonijiet u sussegwentement il-Qorti Ġenerali jkunu f’pożizzjoni li jevalwaw l-istatuti ta’ assoċjazzjoni ta’ assoċjazzjoni professjonali li tirrappreżenta, pereżempju, industrija Tajlandiża rregolata mid-dritt Tajlandiż?

    142.

    Konsegwentement, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nqis li, billi ssuġġettat l-ammissibbiltà ta’ rikors ta’ GE u ta’ RFA f’isem Murex u CHS għal kriterju preliminari u addizzjonali għall-kundizzjonijiet previsti mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, li għandu jwassal, fir-rigward ta’ dan il-punt, għall-annullament tas-sentenza appellata.

    143.

    Fil-punt 252 ta’ dawn il-konklużjonijiet ser neżamina l-konsegwenzi ta’ dan l-annullament fuq it-tilwima fl-ewwel istanza.

    3. Fuq l-ewwel aggravju tal-appell inċidentali, ibbażat fuq limitazzjoni żbaljata tal-perimetru tal-locus standi tal-assoċjazzjonijiet GE u RFA f’isimhom stess

    a) Sommarju tal-argumenti tal-partijiet

    144.

    Fl-ewwel lok, GE u RFA jikkontestaw il-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 79 tas-sentenza appellata, li tipprovdi li r-Regolament kontenzjuż ma biddilx is-sitwazzjoni legali, id-drittijiet u l-obbligi tagħhom. Huma jqisu li regolament li jistabbilixxi dazju antidumping jista’ jaffettwa s-sitwazzjoni legali ta’ parti fil-kawża mhux bis-sempliċi ħlas ta’ dazju antidumping biss. Huma jenfasizzaw ukoll li huma pparteċipaw b’mod attiv fil-proċedura amministrattiva bil-għan li jirrappreżentaw b’mod xieraq lill-membri tagħhom quddiem l-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Barra minn hekk, GE u RFA jargumentaw li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi, fil-punt 86 tas-sentenza appellata, ċaħdet ir-rilevanza tas-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il‑Kummissjoni (C‑313/90, EU:C:1993:111), għar-raġuni li l-pożizzjoni tar-rikorrenti bħala assoċjazzjonijiet rappreżentattivi ma kinitx komparabbli ma’ dik ta’ negozjatur li jaġixxi formalment f’isem il-membri tiegħu bħal f’din il-kawża.

    145.

    Fit-tieni lok, GE u RFA jikkontestaw il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, esposta fil-punti 85 u 87 tas-sentenza appellata, li tgħid li huma ma jistgħux jitqiesu bħala direttament u individwalment ikkonċernati mir-regolament ikkontestat ħlief fir-rigward tal-għaxar motiv tar-rikors tagħhom, intiż għall-protezzjoni tal-garanziji proċedurali mogħtija lilhom mill-Artikolu 6(4), l-Artikolu 19(1) u (2), u l-Artikolu 20(2), (4) u (5) tar-Regolament bażiku.

    146.

    Dawn l-assoċjazzjonijiet jenfasizzaw li ż-żewġ sentenzi li fuqhom ibbażat ruħha l-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward, jiġifieri s-sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 1983, Fediol vs Il‑Kummissjoni (191/82, EU:C:1983:259, punt 31), u tas‑17 ta’ Jannar 2002, Rica Foods vs Il‑Kummissjoni (T‑47/00, EU:T:2002:7, punt 55), ma jistabbilixxux il-fondatezza tagħha. Minkejja li minn dawn is-sentenzi jista’ jiġi dedott li parti fil-kawża tista’ tkun individwalment ikkonċernata minn att biss “meta l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli tagħtiha ċerti garanziji proċedurali”, min-naħa l-oħra, dawn ma jikkonfermawx it-teżi li din il-kwalità għandha tkun limitata għal dawk il-motivi li jallegaw ksur ta’ drittijiet proċedurali biss.

    147.

    GE u RFA jqisu li, ladarba tiġi kkonstatata l-inċidenza diretta u individwali ta’ parti fil-kawża, ir-rikors ta’ din tal-aħħar għandu jitqies ammissibbli fl-intier tiegħu. Il-partijiet ikkonċernati kollha fis-sens tar-Regolament bażiku, kemm jekk huma produtturi, esportaturi, importaturi jew l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, igawdu l-istess drittijiet skont dan ir-regolament.

    148.

    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jargumenta li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi billi llimitat il-locus standi taż-żewġ assoċjazzjonijiet b’mod individwali għall-għaxar motiv tagħhom, ibbażat fuq ksur tal-garanziji proċedurali tagħhom.

    b) Evalwazzjoni

    149.

    Preliminarjament, infakkar li, fil-proċess li tiddeċiedi dwar l-interess proprju ta’ GE u RFA, il-Qorti Ġenerali aċċettat, fil-punti 85 u 87 tas-sentenza appellata, li dawn l-assoċjazzjonijiet kienu direttament u individwalment ikkonċernati mir-Regolament kontenzjuż peress li bħala partijiet ikkonċernati fil-proċedura, huma jibbenefikaw mill-garanziji proċedurali mogħtija mill-Artikolu 6(7), l-Artikolu 19(1) u (2), u l-Artikolu 20(2), (4) u (5) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet li GE u RFA jistgħu jinvokaw b’mod ammissibbli biss l-għaxar motiv tar-rikors fl-ewwel istanza, peress li dan kien l-uniku motiv intiż għas-salvagwardja tad-drittijiet proċedurali tagħhom.

    150.

    Hemm lok li jiġi rrilevat li ħadd mill-partijiet ikkonċernati ma jikkontesta li l-Qorti Ġenerali ġustament aċċettat l-ammissibbiltà tal-għaxar motiv tar-rikors fl-ewwel istanza, u wisq inqas l-evalwazzjoni tagħha li huwa biss dan il-motiv li huwa intiż għas-salvagwardja tad-drittijiet proċedurali rrikonoxxuti f’dan il-każ lil GE u RFA, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku ċċitati iktar ’il fuq.

    151.

    Min-naħa l-oħra, GE u RFA jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli llimitat il-perimetru tal-ammissibbiltà tal-azzjoni tagħhom, f’isimhom stess, għall-imsemmi motiv, filwaqt li fil-fehma tagħhom, ladarba ġie rrikonoxxut id-dritt ta’ azzjoni tagħhom, huma kienu awtorizzati jikkontestaw il-legalità tal-mertu tar-Regolament kontenzjuż.

    152.

    Insostenn ta’ dan l-argument, GE u RFA jressqu essenzjalment tliet ilmenti kontra l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punti 79, 81 u 85 sa 87 tas-sentenza appellata, li l-ebda wieħed minnhom ma jidhirli li huwa fondat.

    153.

    L-ewwel nett, fl-opinjoni tiegħi, għandha tiġi manifestament miċħuda l-kritika fir-rigward tal-punt 79 tas-sentenza appellata li tgħid li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkonkludiet li GE u RFA ma kinux direttament ikkonċernati mir-Regolament kontenzjuż sa fejn dan jimponi dazji antidumping. Fil-fatt, indipendentement mill-iżbalji ta’ liġi kkonstatati iktar kmieni, fl-opinjoni tiegħi huwa ovvju li bħal ma ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, l-impożizzjoni ta’ dazji antidumping ma biddlitx is-sitwazzjoni legali ta’ GE u RFA, b’mod individwali, b’mod partikolari peress li din ma imponiet ebda obbligu fuqhom, billi dawn l-assoċjazzjonijiet ma kellhomx iħallsu l-imsemmi dazju b’mod individwali.

    154.

    It-tieni nett, għal dak li jirrigwarda l-ilment fir-rigward tal-punti 81 u 85 sa 87 tas-sentenza appellata, għandu jiġi enfasizzat qabelxejn li, skont il-ġurisprudenza ġustament imfakkra mill-Qorti Ġenerali fil-punt 81 tas-sentenza appellata, il-fatt li persuna tintervjeni fil-proċedura li twassal għall-adozzjoni ta’ att tal-Unjoni huwa biss ta’ natura li jindividwalizza lil din il-persuna fir-rigward tal-att inkwistjoni meta l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli tagħtiha ċerti garanziji proċedurali ( 20 ).

    155.

    Huwa minnu li, kif isostnu GE u RFA, mis-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 1983, Fediol vs Il‑Kummissjoni (191/82, EU:C:1983:259, punt 31) ma jirriżultax b’mod espress li l-fatt li jiġu rrikonoxxuti garanziji proċedurali lill-assoċjazzjonijiet, bħal GE u RFA, jimplika li huwa ammissibbli biss il-motiv li jkun ibbażat fuq allegat ksur tal-imsemmija garanziji.

    156.

    Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, billi fakkret l-imsemmija sentenza u ċaħdet appell bħala manifestament infondat, li persuna jew entità li għandha tali dritt proċedurali ma tistax bħala prinċipju tingħata, fil-presenza ta’ kwalunkwe garanzija proċedurali, locus standi kontra att tal-Unjoni sabiex tikkontesta l-legalità tal-mertu tiegħu ( 21 ). Fil-fatt, kif jirriżulta b’mod partikolari mis-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 1983, Fediol vs Il‑Kummissjoni (191/82, EU:C:1983:259, punt 31), il-portata eżatta tad-dritt ta’ azzjoni ta’ individwu kontra att tal-Unjoni tiddependi mil-pożizzjoni legali stabbilita favur tiegħu mid-dritt tal-Unjoni intiża sabiex tipproteġi l-interessi leġittimi hekk irrikonoxxuti.

    157.

    Minn dan jirriżulta li s-sempliċi fatt li tiġi invokata l-eżistenza ta’ garanziji proċedurali, u anki meta l-appellanti fl-appell inċidentali jistgħu jibbenefikaw b’mod personali minn tali garanziji proċedurali, ma jistax iwassal għall-ammissibbiltà tar-rikors peress li dan huwa bbażat fuq aggravji bbażati fuq il-ksur ta’ regoli sostantivi ( 22 ).

    158.

    Issa, f’dan il-każ GE u RFA la indikaw u lanqas urew, insostenn tal-appell inċidentali tagħhom, li r-Regolament bażiku jagħti lill-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi, f’isimhom stess, drittijiet ta’ natura sostantiva jew jimponi fuqhom, f’isimhom, obbligi ta’ natura sostantiva, li jaqbżu l-garanziji proċedurali rrikonoxxuti lilhom mill-imsemmi regolament u li jiġġustifikaw li l-Qorti Ġenerali teżamina l-motivi l-oħra tar-rikors fl-ewwel istanza invokati mill-imsemmija assoċjazzjonijiet, b’mod individwali, kontra l-validità tar-Regolament kontenzjuż għal dak li jirrigwarda l-mertu.

    159.

    Konsegwentement, fl-opinjoni tiegħi, it-tieni lment imqajjem minn GE u RFA ma jistax jirnexxi.

    160.

    It-tielet nett, GE u RFA jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli eskludiet f’dan il-każ is-soluzzjoni li tirriżulta mis-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il-Kummissjoni (C‑313/90, EU:C:1993:111, punti 28 sa 30) billi ċaħdet it-teżi ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet li tgħid li huma jgawdu minn status komparabbli ma’ dak ta’ negozjatur, fis-sens tal-imsemmija sentenza, u b’hekk għandhom locus standi.

    161.

    Huwa minnu li l-irwol ta’ assoċjazzjoni fil-kuntest ta’ proċedura li wasslet għall-adozzjoni ta’ att, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, jista’ jiġġustifika l-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat minn din l-assoċjazzjoni, minkejja li l-membri tagħha ma humiex direttament u individwalment ikkonċernati mill-imsemmi att, meta l-pożizzjoni tagħha ta’ negozjatur tkun ġiet affettwata minn dan tal-aħħar ( 23 ).

    162.

    Madankollu, inqis li billi qieset li s-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il‑Kummissjoni (C‑313/90, EU:C:1993:111) ma hijiex applikabbli f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi.

    163.

    Fil-fatt, għandu jitfakkar li, fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, iċ-CIRFS kienet l-interlokutriċi tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni ta’ “dixxiplina” fil-qasam ta’ għajnuna lis-settur tal-fibri sintetiċi kif ukoll dwar il-proroga u l-adattament tagħha u kienet segwiet b’mod attiv in-negozjati mal-Kummissjoni matul il-proċedura qabel il-kawża, b’mod partikolari billi ssottomettiet osservazzjonijiet bil-miktub u billi żammet kuntatt mill-qrib mad-dipartimenti kompetenti ta’ din l-istituzzjoni ( 24 ).

    164.

    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kawża li wasslet għas-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il‑Kummissjoni (C‑313/90, EU:C:1993:111) kienet tikkonċerna wkoll sitwazzjoni partikolari fejn ir-rikorrent kien jokkupa pożizzjoni ta’ negozjatur ċirkuskritta b’mod ċar u marbuta mill-qrib mas-suġġett stess tad-deċiżjoni, li poġġietu f’sitwazzjoni ta’ fatt li kienet tikkaratterizzah meta mqabbel ma’ kull persuna oħra ( 25 ), sitwazzjoni ta’ fatt, prevista fil-kuntest tal-proċeduri skont l-Artikolu 108(2) TFUE, li hija stess ikklassifikat bħala partikolari, u anki eċċezzjonali ( 26 ).

    165.

    Issa, GE u RFA mkien ma wrew li bħala rappreżentanti professjonali ta’ industrija li tista’ tkun is-suġġett ta’ miżuri antidumping adottati mill-Kunsill, is-sitwazzjoni tagħhom kienet analoga għas-sitwazzjoni eċċezzjonali tan-negozjatur fl-oriġini tal-kawża li wasslet għas-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il-Kummissjoni (C‑313/90, EU:C:1993:111), kif ġustament iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 86 tas-sentenza appellata.

    166.

    Għalhekk nipproponi li t-tielet ilment kif ukoll l-ewwel aggravju kollu tal-appell inċidentali għandhom jiġu miċħuda.

    167.

    F’dan l-istadju, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, għall-kuntrarju ta’ dak li jiena nipproponilha, li tiċħad l-ewwel aggravju tal-appell prinċipali tal-Kunsill, għandhom jiġu eżaminati, sussidjarjament, it-tieni u t-tielet aggravji ta’ dan l-appell li t-tnejn li huma jirrigwardaw il-mertu tal-kawża deċiża mill-Qorti Ġenerali.

    D.   Fuq it-tieni aggravju tal-appell prinċipali, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku

    168.

    Preliminarjament, il-Kunsill jirrileva li fit-tmiem tal-analiżi magħmula fil-punti 174 sa 246 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-istituzzjonijiet kienu obbligati, mingħajr ebda eċċezzjoni, jikkalkolaw rata ta’ dazju antidumping individwali għal kull produttur meqjus fil-kampjun. Huwa jikkunsidra li la l-Ftehim Antidumping tal-WTO u lanqas l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku ma jeħtieġu li l-istituzzjonijiet jagħmlu l-impossibbli, billi l-istruttura u l-mod ta’ funzjonament tal-industrija tal-bijoetanol ma joffru sempliċement l-ebda mezz ta’ kalkolu ta’ marġni individwali għall-erba’ produtturi fil-kampjun, irrappreżentanti minn GE u RFA.

    169.

    It-tieni aggravju tal-appell jinkludi, essenzjalment, tliet partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat li l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku jimplimenta l-Artikoli 6.10 u 9.2 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO u għandu jiġi interpretat b’mod konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, li hija contra legem. Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju, il-Kunsill jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli żnaturat il-kunċett ta’ “fornitur”, li jinsab fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, billi estendietu għall-erba’ produtturi Amerikani tal-bijoetanol fil-kampjun. Finalment, fit-tielet parti, il-Kunsill jilmenta li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat it-terminu “mhux prattikabbli” fis-sens tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku.

    1. Fuq l-ewwel parti tat-tieni aggravju tal-appell, ibbażata fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-konstatazzjoni li l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku jimplimenta l-Artikoli 6.10 u 9.2 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO u għandu jiġi interpretat b’mod konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet

    a) L-argumenti tal-partijiet

    170.

    Skont il-Kunsill, il-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi billi interpretat l-Artikolu 9(5) tar-Regolament antidumping bażiku fid-dawl tal-Artikoli 6.10 u 9.2 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO, billi f’dan ir-rigward ibbażat ruħha fuq l-intenzjoni espressa mil-leġiżlatur tal-Unjoni waqt l-emenda ta’ dan ir-regolament fl‑2012 sabiex jimplimenta d-deċiżjoni tal-organu tal-appell tal-Organu għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tal-WTO tal‑15 ta’ Lulju 2011 fil-kawża KE-Elementi ta’ twaħħil (WT/DS397/AB/R) (iktar ’il quddiem ir-“rapport ‘Elementi ta’ twaħħil’”).

    171.

    Qabelxejn, fil-punti 174 sa 184 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat li l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku jimplimenta l-Artikolu 9.2 kif ukoll l-Artikolu 6.10 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO. Madankollu, huma d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(6) u tal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku li għandhom l-għan li jimplimentaw l-Artikolu 6.10 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO, u mhux dawk tal-Artikolu 9(5) tiegħu. Il-Kunsill jenfasizza li f’dan ir-rigward, fil-punti 178 u 179 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq il-fatt li r-Regolament (UE) Nru 765/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ġunju 2012 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea ( 27 ) kien emenda l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku minħabba li ma kienx konformi mal-Artikoli 6.10 u 9.2 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO, kif ikkonstatat mir-rapport “Elementi ta’ twaħħil”. Madankollu, skont il-Kunsill, l-emenda marġinali tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku permezz tar-Regolament Nru 765/2012 ma tistax twassal sabiex jiġi konkluż li l-verżjoni oriġinali ta’ din id-dispożizzjoni tirrifletti l-obbligu tal-Unjoni li tittrasponi l-Artikoli 6.10, 9.2 u 18.4 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO fl-ordinament legali tagħha.

    172.

    Sussegwentement, il-Kunsill isostni li hemm differenza bejn il-formulazzjoni tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 9.2 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO, peress li din l-aħħar dispożizzjoni tipprovdi biss l-obbligu tal-awtoritajiet li “isemmu l-isem” tal-fornitur u mhux li jiġi speċifikat “[l-ammont ta]d-dazju [impost]”. Il-ksur tal-Ftehim Antidumping tal-WTO ikkonstatat mir-rapport “Elementi ta’ twaħħil”, li jirrigwarda biss l-importazzjonijiet li joriġinaw mill-pajjiż li ma għandux ekonomika tas-suq, ma jistax għalhekk jiġi invokat abbażi tas-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 1991, Nakajima vs Il‑Kunsill (C‑69/89, EU:C:1991:186, punti 26 sa 31).

    173.

    Finalment, il-Kunsill jargumenta li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku skont l-Artikoli 9.2 u 6.10 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO, mogħtija mill-Qorti Ġenerali fil-punti 227 sa 233 tas-sentenza appellata, hija contra legem. Fil-fatt, l-istruttura, il-ġenesi u l-formulazzjoni tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku jindikaw b’mod ċar li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jippermetti lill-awtorità inkarigata bl-investigazzjoni li tiddetermina rata ta’ dazju fuq skala nazzjonali, minflok rati ta’ dazju individwali, fil-każijiet fejn id-determinazzjoni ta’ rati ta’ dazju individwali tkun “mhux prattikabbli”, u mhux biss fil-każ ta’ teħid ta’ kampjun. Billi ddeċidiet, fil-punti 227 sa 233 tas-sentenza appellata, li fil-formulazzjoni tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku ma hemm xejn li jipprekludi interpretazzjoni tat-terminu “mhux prattikabbli” skont l-Artikoli 6.10 u 9.2 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO, il-Qorti Ġenerali marret lil hinn, fl-opinjoni tal-Kunsill, mil-limiti ta’ interpretazzjoni konformi.

    174.

    Il-Kummissjoni ssostni l-argumenti tal-Kunsill, filwaqt li tammetti li hemm “xebh kbir” bejn il-formulazzjoni tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku u tal-Artikolu 9.2 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO. Fir-replika tagħha, hija żżid li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fis-sentenza tagħha tal‑4 ta’ Frar 2016, C & J Clark International u Puma (C‑659/13 u C‑34/14, EU:C:2016:74, punti 85 sa 92), li l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku ma huwiex intiż sabiex jeżegwixxi r-regoli tal-WTO, b’tali mod li l-argumenti kollha tal-assoċjazzjonijiet huma ddestinati li jfallu.

    175.

    Fl-ewwel lok, GE u RFA jwieġbu li, peress li ddeċidiet li l-leġiżlatur tal-Unjoni kien wera, billi adotta l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, l-intenzjoni tiegħu li jeżegwixxi obbligu partikolari assunt fil-kuntest tal-Ftehim Antidumping tal-WTO, il-Qorti Ġenerali għamlet konstatazzjoni ta’ fatt, li l-kontestazzjoni tagħha mill-Kunsill hija inammissibbli fl-istadju ta’ appell.

    176.

    Fit-tieni lok, dawn l-assoċjazzjonijiet isostnu li l-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku jimplimenta l-Artikoli 6.10 u 9.2 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO, fid-dawl tar-Regolament Nru 765/2012. Kieku dan ma kienx il-każ, kienet tkun ammissibbli referenza espliċita biss.

    177.

    GE u RFA jikkontestaw ukoll li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku b’konformità mal-Artikoli 6.10 u 9.2 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO hija contra legem. Mill-punt 339 tar-rapport “Elementi ta’ twaħħil” jirriżulta b’mod ċar li l-eċċezzjonijiet għall-obbligu li jiġi stabbilit marġni ta’ dumping individwali jirrigwardaw is-sitwazzjoni li fiha l-awtorità inkarigata bl-investigazzjoni tirrikorri għall-kampjun.

    b) Evalwazzjoni

    178.

    Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għal dan il-każ, jistabbilixxi li “[d]azju ta’ kontra d-dumping [għandu] jiġi mpost f’ammonti xierqa f’kull każ, fuq bażi mhux diskriminatorja fuq importazzjonijiet ta’ prodott mill-għejun kollha li jinstab li kien l-oġġett ta’ dumping u li kkawża l-ħsara, ħlief għall-importazzjonijiet minn dawk l-għejun li dwarhom ġew aċċettati garanziji skond it-termini [tar-Regolament bażiku]. Ir-Regolament li jimponi d-dazju għandu jispeċifika d-dazju għal kull fornitur jew, jekk dan mhux prattikabbli, u b’mod ġenerali fejn jgħodd l-Artikolu 2(7)(a) [tal-istess regolament] għal kull pajjiż ikkonċernat li jforni” ( 28 ).

    179.

    L-Artikolu 6.10 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO jipprovdi li “l-awtortajiet għandhom, bħala regola, jistabbilixxu marġini individwali għal kull esportatur magħruf jew għal produtturi kkonċernati bil-prodott li qed ikun investigat. F’każijiet meta n-numru ta’ esportaturi, produtturi, importaturi jew tipi ta’ prodotti huwa kbir wisq sal-punt li jrendi din id-determinazzjoni impratikkabli, l-awtoritajiet jistgħu jillimitaw l-eżaminazzjoni […] għal numru raġonevoli ta’ partijiet interessati jew prodotti permezz ta’ l-użu ta’ kampjuni […]”.

    180.

    L-Artikolu 9.2 ta’ dan l-istess ftehim jistabbilixxi li “[m]eta dazju kontra d-damping [dumping] jiġu mposti fir-rigward ta’ kwalunkwe prodotti, dan it-tip ta’ dazju f’kull każ jinġabar f’ammonti xierqa, fuq bażi mhux diskriminatorja ta’ l-importazzjoni ta’ dawn il-prodotti mis-sorsi kollha li jitqiesu għad-damping jew li qegħdin jikkawżaw ħsara, ħlief fil-rigward ta’ importazzjoni minn sorsi fejn l-intrapriża tal-prezzijiet ġew aċċettati skond it-termini ta’ dan il-Ftehim. L-awtoritajiet għandhom isemmu l-isem tal-fornitur jew fornituri tal-prodott ikkonċernat. Jekk, madankollu, ħafna fornituri mill-istess pajjiż huma nvoluti, u jekk huwa imprattikabbli li ssemmi l-fornituri kollha, l-awtoritatjiet jistgħu jsemmu l-pajjiż fornitur ikkonċernat.”

    181.

    Fl-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli fil-punt 180 tas-sentenza appellata ddeċidiet li, bl-adozzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jeżegwixxi obbligu partikolari assunt fil-kuntest tal-WTO, f’dan il-każ l-Artikoli 6.10 u 9.2 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO, fis-sens tal-ġurisprudenza msejħa “Nakajima” (sentenza tas‑7 ta’ Mejju 1991, Nakajima vs Il‑Kunsill, C‑69/89, EU:C:1991:186). Essenzjalment, skont ir-raġunament magħmul mill-Qorti Ġenerali – u kkontestat mill-istituzzjonijiet – l-intenzjoni (inizjali) tal-leġiżlatur tal-Unjoni hija dedotta mill-emenda magħmula lill-ewwel u lit-tieni subparagrafi tal-Artikolu 9(5) permezz tar-Regolament (UE) Nru 765/2012, wara r-rapport “Elementi ta’ twaħħil”.

    182.

    L-istituzzjonijiet jikkritikaw ukoll lill-Qorti Ġenerali talli, abbażi tar-raġunament preċedenti, hija qieset, b’mod partikolari fil-punt 184 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku għandu jiġi interpretat b’mod konformi mal-Artikoli 6.10 u 9.2 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO, anki jekk huma jammettu li teżisti analoġija jew “xebh kbir”, sabiex nuża l-espressjoni użata mill-Kummissjoni, bejn id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku u dawk tal-Artikolu 9.2 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO.

    183.

    Naqbel biss parzjalment mal-argumenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni.

    184.

    Huwa minnu li s-sempliċi paragun tal-formulazzjoni tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, li jirrigwarda l-impożizzjoni ta’ dazju antidumping, u dak tal-Artikolu 6.10 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO, li jirrigwarda l-użu tal-proċedura ta’ teħid ta’ kampjun għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping b’mod partikolari fil-każ ta’ numru kbir ħafna ta’ produtturi u ta’ esportaturi, juri b’mod evidenti li l-ewwel wieħed minn dawn l-artikoli ma għandux l-għan li jittrasponi l-obbligu partikolari li jinsab fit-tieni wieħed.

    185.

    Il-fatt li l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, sa fejn id-dispożizzjonijiet tiegħu jirrigwardaw il-pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq, ġie meqjus inkompatibbli b’mod partikolari mal-Artikoli 6.10 u 9.2 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO fir-rapport “Elementi ta’ twaħħil”, bl-ebda mod ma jfisser li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni jeżegwixxi obbligu partikolari assunt skont l-Artikolu 6.10 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO.

    186.

    Barra minn hekk, raġunament analogu jirriżulta mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑4 ta’ Frar 2016, C & J Clark International u Puma (C‑659/13 u C‑34/14, EU:C:2016:74), mogħtija ftit xhur qabel is-sentenza appellata, iżda li ma hijiex iċċitata f’din tal-aħħar. Fil-fatt, minkejja li f’dik is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat b’mod partikolari r-rapport “Elementi ta’ twaħħil” filwaqt li fakkret li l-Organu għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tal-WTO kien ikkonstata li parti mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, applikabbli f’dik l-epoka, kienu inkompatibbli ma’ wħud mir-regoli tal-WTO, dan ma żammhiex milli tqis li l-Ftehim Antidumping tal-WTO ma setax jiġi invokat minn individwu sabiex jikkontesta l-legalità ta’ regolament li jimponi dazju antidumping definittiv. Essenzjalment, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li sa fejn id-dispożizzjonijiet tal-ewwel u tat-tieni subparagrafi tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku jirreferu għall-Artikolu 2(7) tal-imsemmi regolament, li jistabbilixxi skema speċjali ta’ regoli ddettaljati relatati mal-kalkolu tal-valur normali fir-rigward tal-importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq, dawn id-dispożizzjonijiet jifformaw parti integrali mill-imsemmija skema u jikkostitwixxu għalhekk l-espressjoni tar-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jadotta approċċ speċifiku għall-ordinament ġuridiku ta’ din tal-aħħar fir-rigward tal-imsemmija pajjiżi distint mir-regoli tal-Ftehim Antidumping tal-WTO ( 29 ).

    187.

    Għalhekk, ma nistax naqbel mal-argument tal-Kummissjoni li s-sentenza tal‑4 ta’ Frar 2016, C & J Clark International u Puma (C‑659/13 u C‑34/14, EU:C:2016:74) tikkostitwixxi, fiha nnifisha, bażi għall-annullament tas-sentenza appellata għar-raġuni li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddikjara li l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku ma jeżegwixxi ebda obbligu partikolari assunt fil-kuntest tal-Ftehim Antidumping tal-WTO. Fil-fatt, minn naħa, f’dik is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet biss dwar id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku ta’ dik l-epoka, li kienu jirreferu għall-iskema speċjali, imsemmija preċedentement, relatata mal-pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq stabbilita mill-Artikolu 2(7) tal-imsemmi regolament. Għalhekk, is-sentenza C & J Clark International u Puma (C‑659/13 u C‑34/14, EU:C:2016:74) ma tirrigwardax id-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, li għadhom fis-seħħ, b’mod partikolari s-sustanza tal-ewwel subparagrafu tiegħu, li jipprovdi li regolament li jimponi dazju antidumping għandu jispeċifika l-ammont tad-dazju impost għal kull fornitur jew, jekk dan ma jkunx prattikabbli, l-isem tal-pajjiż fornitur ikkonċernat, fil-kuntest ta’ pajjiż terz li għandu ekonomija tas-suq, liema dispożizzjonijiet huma ineżami f’din il-kawża.

    188.

    Għalhekk, minkejja li, fl-opinjoni tiegħi, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkonstatat li l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku jikkostitwixxi l-eżekuzzjoni ta’ obbligu partikolari assunt fir-rigward tal-Artikolu 6.10 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO, madankollu l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza C & J Clark International u Puma (C‑659/13 u C‑34/14, EU:C:2016:74) ma timplikax li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li, billi adotta l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jeżegwixxi l-obbligu partikolari assunt skont l-Artikolu 9.2 tal-imsemmi ftehim.

    189.

    Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, dan l-iżball jirriżulta mir-raġunament magħmul fil-punti 178 sa 183 tas-sentenza appellata. Fil-fatt, minn dawn il-punti tas-sentenza appellata jirriżulta li mill-emenda magħmula lill-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku permezz tar-Regolament Nru 765/2012, b’mod partikolari wara l-adozzjoni ta’ rapport “Elementi ta’ twaħħil”, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jeżegwixxi l-obbligu partikolari li jinsab fl-Artikolu 9.2 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO billi jadotta l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, fil-verżjoni oriġinali tiegħu.

    190.

    Issa, fl-ewwel lok, jidhirli ġuridikament diffiċli li jiġi ddeterminat b’mod retroattiv l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jeżegwixxi obbligu partikolari assunt fil-kuntest tal-Ftehim Antidumping tal-WTO fil-mument tal-adozzjoni tar-Regolament bażiku fl‑2009 abbażi biss tal-emendi magħmula lil dan ir-regolament fl‑2012. Għall-kuntrarju, huwa neċessarju li jkun jista’ jiġi dedott mid-dispożizzjoni speċifika tad-dritt tal-Unjoni kkonċernata li din hija intiża li timplimenta, fid-dritt tal-Unjoni, tali obbligu partikolari li jirriżulta mill-Ftehim tal-WTO ( 30 ).

    191.

    Fit-tieni lok, l-emendi lill-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku magħmula fl‑2012 kienu jirrigwardaw, kif diġà indikajt, l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-imsemmi artikolu fid-dispożizzjonijiet tagħhom relatati mal-iskema speċifika applikabbli għad-dumping li joriġina minn pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq, skont l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, dawn l-emendi ma jirrigwardawx id-dispożizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(5), inkwistjoni f’din il-kawża.

    192.

    Il-fatt, imsemmi mill-Qorti Ġenerali fil-punti 182 u 183 tas-sentenza appellata insostenn tal-argument tagħha, li dawn l-emendi ġustament ma jirrigwardawx id-dispożizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku mkien ma juri li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-mument tal-adozzjoni tal-imsemmi artikolu, kien li jeżegwixxi obbligu partikolari assunt fil-kuntest tal-Ftehim Antidumping tal-WTO. Pjuttost jiena konvint li dan il-fatt isostni t-teżi kuntrarja.

    193.

    Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, huwa żbaljat li fil-punti 178 sa 183 il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku jeżegwixxi obbligi partikolari assunti fil-kuntest tal-Artikoli 6.10 u 9.2 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO.

    194.

    Madankollu, fil-fehma tiegħi, dan l-iżball ma huwiex suffiċjenti sabiex iwassal għall-annullament tas-sentenza appellata.

    195.

    Fil-fatt, kif jirriżulta mill-motivi sussegwenti tas-sentenza appellata, b’mod partikolari mill-punti 184, 193 u 227 tal-imsemmija sentenza, fl-opinjoni tiegħi, il-Qorti Ġenerali sostniet ġustament li d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku għandhom jiġu interpretati b’mod konformi mal-Artikoli 6.10 u 9.2 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO, b’mod partikolari fid-dawl tal-formulazzjoni essenzjalment analoga tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku u tal-Artikolu 9.2 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO.

    196.

    Fuq livell ta’ prinċipji, hemm lok li jitfakkar li l-assenza ta’ effett dirett ta’ dispożizzjoni ta’ ftehim internazzjonali ma tostakolax l-invokazzjoni tiegħu għall-finijiet ta’ interpretazzjoni konformi mad-dritt sekondarju tal-Unjoni. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li s-supremazija tal-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni fuq l-atti tad-dritt sekondarju ta’ din tal-aħħar titlob li dawn tal-aħħar jiġu interpretati, sa fejn huwa possibbli, b’konformità ma’ dawn il-ftehimiet ( 31 ), inkluż meta d-dispożizzjonijiet ta’ dawn tal-aħħar ma jkollhomx effett dirett ( 32 ). Kemm il-Kunsill kif ukoll il-Kummissjoni jaqblu.

    197.

    L-użu ta’ interpretazzjoni konformi ta’ att tad-dritt sekondarju tal-Unjoni fid-dawl ta’ ftehim internazzjonali jippreżumi madankollu koerenza interpretattiva bejn ir-regoli differenti u japplika biss “sa fejn huwa possibbli”.

    198.

    Dan ifisser li r-regola tad-dritt sekondarju tal-Unjoni li għandha tiġi interpretata għandha tħalli spazju għal diversi interpretazzjonijiet possibbli. Min-naħa l-oħra, meta t-tifsira tagħha hija ambigwa u kuntrastanti mal-portata tad-dispożizzjoni, ta’ grad iktar għoli, tal-ftehim internazzjonali, hija ma tistax tiġi intepretata konformement ma’ din tal-aħħar, għaliex ikun biss bis-saħħa ta’ interpretazzjoni contra legem – li xxejjen tali dispożizzjoni mill-kontenut normattiv tagħha – li jkun possibbli li wieħed jasal għal riżultat konformi mal-imsemmi ftehim ( 33 ). F’dak il-każ, l-interpretazzjoni tar-regola tad-dritt sekondarju tal-Unjoni għandha tkun iddeterminata mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni r-regola tad-dritt internazzjonali.

    199.

    Barra minn hekk, inżid li fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim WTO li fid-dawl tagħhom għandha ssir, sa fejn huwa possibbli, l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet diversi drabi għal rapporti ta’ grupp speċjali jew tal-organu tal-appell tal-WTO insostenn tal-imsemmija interpretazzjoni ( 34 ).

    200.

    F’dan il-każ, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat, f’dan l-istadju tal-analiżi, mingħajr ma tiġi eżaminata iktar fil-fond il-formulazzjoni tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku u dik tal-Artikolu 9.2 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO, li, insostenn tal-ilment li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod contra legem l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, la l-Kunsill u lanqas il-Kummissjoni ma wrew li d-dispożizzjonijiet u t-termini rilevanti tal-Artikolu 9(5) tal-imsemmi regolament għandhom jingħataw neċessarjament interpretazzjoni kuntrarja għall-istess dispożizzjonijiet u termini użati fl-Artikolu 9.2 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO. Għall-kuntrarju, billi argumentaw essenzjalment li dawn id-dispożizzjonijiet u t-termini tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku għandhom jingħataw interpretazzjoni differenti, xi kultant iktar ristrett fir-rigward tat-terminu “fornituri” u xi kultant iktar wiesa’ għal dak li jirrigwarda l-aġġettiv “mhux prattikabbli”, minn dik mogħtija mill-Qorti Ġenerali, fl-aħħar mill-aħħar l-istituzzjonijiet ammettew li dan l-artikolu jista’ jingħata diversi interpretazzjonijiet possibbli ( 35 ). Issa, f’dan il-każ, is-supremazija tal-ftehim internazzjonali fuq ir-regoli tad-dritt sekondarju tal-Unjoni jitlob li din tkun interpretazzjoni li tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-ftehim internazzjonali inkwistjoni li jipprevalixxi.

    201.

    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi enfasizzat li fil-punt 222 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret il-“paralleliżmu qawwi” muri fil-punt 344 tar-rapport “Elementi ta’ twaħħil” bejn l-Artikolu 9.2 u l-Artikolu 6.10 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO, sa fejn dan tal-aħħar jistabbilixxi d-determinazzjoni ta’ marġni ta’ dumping individwali, li għandha bħala konsegwenza li tobbliga l-awtoritajiet inkwistjoni jimponu dazji antidumping fuq bażi individwali kif previst mill-Artikolu 9.2 tal-imsemmi ftehim.

    202.

    Mingħajr ma jallegaw li l-Qorti Ġenerali żnaturat ir-rapport “Elementi ta’ twaħħil”, l-istituzzjonijiet, b’mod partikolari l-Kummissjoni, donnhom jikkontestaw ir-raġunament ibbażat fuq il-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni abbażi tal-kuntest storiku, tal-istruttura u tal-iskop tal-imsemmija dispożizzjonijiet kollha.

    203.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li insostenn ta’ dan l-argument, il-Kummissjoni rriproduċiet partijiet twal mill-memorandum tagħha ppreżentat quddiem l-organu tal-appell fir-rapport “Elementi ta’ twaħħil”, billi rreferiet għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 9.2 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO stess, filwaqt li ppreċiżat, essenzjalment, li l-fatt li dan l-artikolu baqa’ ma nbidilx, anki wara ż-żieda, wara l-Uruguay Round, tax-“xenarju“ tat-teħid ta’ kampjun, previst fl-Artikolu 6.10 tal-imsemmi ftehim, ifisser li s-sens tad-dispożizzjonijiet tiegħu, b’mod partikolari t-terminu “imprattikabbli”, ma setax jinbidel bl-adozzjoni tal-imsemmi Artikolu 6.10.

    204.

    Issa, tali raġunament, ibbażat fuq l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tal-Artikoli 9.2 u 6.10 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO, bl-ebda mod ma juri fl-opinjoni tiegħi li, minkejja l-formulazzjoni analoga tagħhom mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi Artikolu 9.2, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku kellhom neċessarjament jingħataw interpretazzjoni tant differenti minn dik tal-Artikolu 9.2 li kienet possibbli biss interpretazzjoni tar-regola tad-dritt tal-Unjoni li hija irrikonċiljabbli ma’ dik tar-regola tad-dritt internazzjonali.

    205.

    Barra minn hekk, kif ser neżamina iktar fid-dettall fil-punt 231 ta’ dawn il-konklużjonijiet, minkejja li l-organu tal-appell fir-rapport “Elementi ta’ twaħħil” baqa’ prudenti dwar is-sens li għandu jingħata lid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 6.10 u 9.2 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO, xorta jibqa’ l-fatt li huwa ċaħad it-teżi tal-istituzzjonijiet. B’mod partikolari, kif ġie enfasizzat b’mod korrett fil-punt 223 tas-sentenza appellata, l-organu tal-appell jippreċiża, fil-punt 354 tar-rapport “Elementi ta’ twaħħil” li l-Artikolu 9.2 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO jobbliga lill-awtoritajiet jistabbilixxu d-dazji imposti fuq kull fornitur, ħlief meta dan ma jkunx prattikabbli, meta bosta fornituri jkunu kkonċernati. Għalhekk, bħal ma għamlu quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kunsill u l-Kummissjoni qegħdin jippruvaw jikkontestaw mill-ġdid l-interpretazzjoni ta’ dan il-ftehim mogħtija mill-organu tal-appell. Madankollu, din il-linja ta’ raġunament bl-ebda mod ma ssostni l-argument tagħhom li billi interpretat l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku b’mod konformi mal-Artikoli 9.2 u 6.10 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta adottat interpretazzjoni contra legem tar-regola tad-dritt sekondarju tal-Unjoni.

    206.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi aċċettat li minkejja l-iżbalji ta’ liġi osservati fil-punti 184 sa 193 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti Ġenerali ġustament qieset li d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku għandhom jiġu interpretati b’mod konformi mal-Artikoli 9.2 u 6.10 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO.

    207.

    Għalhekk nipproponi li l-ewwel parti tat-tieni aggravju tal-appell prinċipali tiġi miċħuda.

    2. Fuq it-tieni parti tat-tieni aggravju tal-appell, ibbażata fuq żnaturament tal-kunċett ta’ “fornitur”, li jinsab fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, estiż għall-erba’ produtturi Amerikani fil-kampjun

    a) L-argumenti tal-partijiet

    208.

    Il-Kunsill jaċċetta li, fil-punt 187 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali applikat il-kriterju legali xieraq billi qieset li, skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 9.2 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO, dazju antidumping individwali għandu, bħala prinċipju, jiġi impost fuq kull “fornitur”. Madankollu, il-Kunsill iqis legalment żbaljata l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, magħmula fil-punt 201 tas-sentenza appellata, li l-produtturi Amerikani fil-kampjun għandhom jiġu rrikonoxxuti bħala fornituri, ladarba dawn nżammu fil-kampjun ta’ produtturi/esportaturi mill-istituzzjonijiet. Minn naħa, il-Kunsill itenni mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu, mogħtija fil-kuntest tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, li l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku ma jistax jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 6.10 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO. Min-naħa l-oħra, huwa jsostni li, skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, huwa biss “għejun [sors ta’ importazzjonijiet] […] li jinstab li kien l-oġġett ta’ dumping u li kkawża l-ħsara” li jista’ jitqies li huwa “fornitur”. Madankollu, il-produtturi Amerikani fil-kampjun, li lilhom ma ġiex imputat id-dumping sa fejn dawn jiddedikaw biss parti mill-produzzjoni tagħhom għall-esportazzjoni u ma għandhomx prezz għall-esportazzjoni, ma jistgħux jitqiesu bħala fornituri. Il-Kunsill ifakkar li għalkemm dawn il-produtturi ġew inklużi inizjalment fil-kampjun ta’ produtturi/esportaturi mill-awtorità responsabbli mill-investigazzjoni, dan kien biss għaliex fl-applikazzjoni għat-teħid ta’ kampjun huma kienu indikaw b’mod żbaljat li kienu jesportaw il-bijoetanol.

    209.

    Il-Kummissjoni taqbel mal-pożizzjoni tal-Kunsill. Hija żżid li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fil-punti 207 sa 210 tas-sentenza appellata u li tgħid li l-istituzzjonijiet setgħu jibbażaw ruħhom fuq l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, hija żbaljata fil-liġi. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprevedi l-każ fejn tkun teżisti “assoċjazzjoni jew arranġament ta’ kumpens bejn l-esportatur u l-importatur jew parti terza”, li jwassal għall-assenza ta’ prezz għall-esportazzjoni jew għan-nuqqas ta’ affidabbiltà tiegħu u għalhekk għal sitwazzjoni li fiha l-produttur effettivament jesporta l-prodott. Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 9.5 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO u mill-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku, li jirrigwardaw id-drittijiet individwali għall-“produtturi fil-pajjiżi esportaturi in kwistjoni li ma mportawx il-prodott lill-Membru importatur waqt il-perjodu investigattiv”, liema sitwazzjoni kienet dik tal-erba’ produtturi Amerikani fil-kampjun.

    210.

    GE u RFA jsostnu li l-argumenti tal-Kunsill li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-kunċett “fornitur” huma inammissibbli, sa fejn jikkontestaw il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tgħid li, billi żammet l-erba’ produtturi Amerikani fil-kampjun ta’ “produtturi-esportaturi”, l-istituzzjoni stess kienet għamlithom “fornituri tal-prodott li huwa s-suġġett tad-dumping”. Dwar il-mertu, GE u RFA jqisu li għall-kuntrarju ta’ dak li jiddikjara l-Kunsill, li jfittex deliberatament li jaħbi s-sens reali tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata fis-sens li huwa biss “sors [ta’ importazzjonijiet] li fir-rigward tagħhom ikun ġie kkonstatat li huma s-suġġett ta’ dumping u li jikkawżaw ħsara li jista’ jitqies li huwa fornitur”.

    b) Evalwazzjoni

    211.

    Qabelxejn, hemm lok li tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ din il-parti tat-tieni aggravju tal-appell imqajma minn GE u RFA għar-raġuni li l-Kunsill ried jikkontesta l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, iktar milli jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tevalwa mill-ġdid il-fatti tal-kawża, il-Kunsill jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli wettqet żball meta kklassifikat lill-erba’ produtturi Amerikani tal-bijoetanol bħala “fornituri” fis-sens tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, kif interpretat fid-dawl tal-Artikoli 6.10 u 9.2 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO. Tali kwistjoni ta’ klassifikazzjoni legali tal-fatti żgur li taqa’ fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

    212.

    Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li l-Kunsill ma jikkontestax li, kemm skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku kif ukoll skont l-Artikolu 9(2) tal-Ftehim Antidumping tal-WTO, dazju antidumping għandu, bħala prinċipju, jiġi impost fuq kull “fornitur” fuq l-importazzjonijiet ta’ prodott, ikun xi jkun is-sors li minnu joriġinaw, li fir-rigward tagħhom ikun ġie kkonstatat li huma s-suġġett ta’ dumping u li jikkawżaw ħsara, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 187 tas-sentenza appellata.

    213.

    Hija biss il-kwalità ta’ “fornitur” tal-erba’ produtturi Amerikani fil-kampjun, sostnuta mill-Qorti Ġenerali, li hija kkontestata mill-istituzzjonijiet. Fil-fatt, dawn tal-aħħar iqisu li, għall-kuntrarju ta’ dak konkluż mill-Qorti Ġenerali, din il-kwalità ma tistax tirriżulta biss mill-fatt li produttur ttieħed f’kampjun għall-finijiet tal-investigazzjoni u kkopera fiha.

    214.

    Essenzjalment, skont dawn l-istituzzjonijiet, operaturi li ma jesportawx il-produzzjoni tagħhom u li ma għandhomx prezz għall-esportazzjoni ma jistgħux jitqiesu li huma “fornituri” fis-sens tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku.

    215.

    Dan l-argument huwa strettament marbut ma’ dak imressaq mill-istituzzjonijiet fil-kuntest tal-eżami tal-inċidenza diretta tal-erba’ produtturi Amerikani kkonċernati. Barra minn hekk, fil-punt 198 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rreferiet hija stess għall-evalwazzjoni tagħha, magħmula fil-punti 93 sa 104 tas-sentenza appellata fil-kuntest tal-eżami tal-inċidenza diretta ta’ dawn il-produtturi, li fl-aħħar tagħha hija essenzjalment ikkonkludiet l-eżistenza ta’ importazzjonijiet tal-bijoetanol fl-Unjoni li jirriżultaw parzjalment mill-produzzjoni ta’ dawn il-produtturi suġġetti għad-dazju antidumping impost mir-Regolament kontenzjuż.

    216.

    Għalhekk, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkonferma l-analiżi tal-Qorti Ġenerali dwar l-ammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza ppreżentat f’isem l-erba’ produtturi Amerikani fil-kampjun billi tiċħad l-ewwel aggravju tal-appell tal-Kunsill, hija għandha taċċetta wkoll il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li dawn l-erba’ produtturi għandhom jiġu kklassifikati bħala “fornituri” ta’ importazzjonijiet tal-bijoetanol li huma s-suġġett ta’ dumping, fis-sens tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku u li għalihom il-Kunsill għandu, bħala prinċipju, jikkalkula marġni individwali kif ukoll jistabbilixxi dazji antidumping individwali għal kull wieħed minnhom. Fil-fatt, fl-opinjoni tiegħi, f’dan il-każ huwa evidenti li dawn il-produtturi huma “sorsi” ta’ importazzjonijiet tal-prodott milqut mid-dazju antidumping impost mir-Regolament kontenzjuż, kif il-Qorti Ġenerali kkonstatat fil-punt 198 tas-sentenza appellata.

    217.

    Fir-rigward tal-kritika tal-Kummissjoni relatata mal-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku (ara l-punti 207 u 210 tas-sentenza appellata), fl-opinjoni tiegħi din għandha tiġi miċħuda. Għall-kuntrarju ta’ dak li tallega l-Kummissjoni, din id-dispożizzjoni ma hijiex limitata għall-każ fejn tkun teżisti “assoċjazzjoni jew arranġament ta’ kumpens bejn l-esportatur u l-importatur jew parti terza”, li jwassal għall-assenza ta’ prezz għall-esportazzjoni jew għan-nuqqas ta’ affidabbiltà tiegħu u għalhekk għal sitwazzjoni li fiha l-produttur effettivament jesporta l-prodott. Kif enfasizzat il-Qorti Ġenerali fil-punti 207 u 210 tas-sentenza appellata, l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku jirregola wkoll il-każ ta’ assenza ta’ prezz għall-esportazzjoni billi jippermetti l-kostituzzjoni mill-ġdid ta’ dan il-prezz ( 36 ). Fi kwalunkwe każ, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 210 tas-sentenza appellata, diffikultà fid-determinazzjoni tal-prezz għall-esportazzjoni ma jkollha ebda effett fuq il-kwistjoni dwar jekk jeżistix obbligu li jiġi applikat dazju antidumping individwali fil-konfront ta’ ċerti operaturi.

    218.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ewwel aggravju tal-appell prinċipali sa fejn il-Kunsill jeċċepixxi l-inammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza ppreżentat minn GE u RFA f’isem l-erba’ produtturi Amerikani fil-kampjun, fl-opinjoni tiegħi jkun hemm ukoll lok sabiex tiġi miċħuda t-tieni parti tat-tieni aggravju tal-appell prinċipali.

    3. Fuq it-tielet parti tat-tieni aggravju tal-appell, ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tat-terminu “mhux prattikabbli”, fis-sens tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku

    a) L-argumenti tal-partijiet

    219.

    Fil-fehma tal-Kunsill, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat it-terminu “mhux prattikabbli” li jinsab fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku u fl-Artikolu 9.2 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO.

    220.

    Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta fil-punt 225 tas-sentenza appellata ddeċidiet li “mill-ftehim antidumping tal-ODK [WTO] ma jirriżultax li teżisti eċċezzjoni għall-obbligu li jiġi stabbilit dazju antidumping individwali għal produttur inkluż fil-kampjun li kkoopera fl-investigazzjoni meta l-istituzzjonijiet iqisu li ma jkunux f’pożizzjoni li jistabbilixxu għalih prezz għall-esportazzjoni individwali”. Fil-fatt, l-analiżi tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward hija bbażata fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6.10 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO mogħtija fir-rapport “Elementi ta’ twaħħil”. Madankollu din l-interpretazzjoni ma hijiex rilevanti, peress li l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku ma jittrasponix din id-dispożizzjoni.

    221.

    L-istess japplika għall-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punt 233 tas-sentenza appellata.

    222.

    Il-Kummissjoni tosserva li l-Qorti Ġenerali ma wieġbitx għall-argument fuq il-mertu ppreżentat mill-istituzzjonijiet, li jgħid li l-istabbiliment ta’ prezz għall-esportazzjoni ma kienx prattikabbli f’sitwazzjoni li fiha l-produttur ma jesportax, u għall-kuntrarju qieset li tali interpretazzjoni hija inkompatibbli mal-Artikoli 9.2 u 6.10 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO. Issa, tali interpretazzjoni hija inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni, li tfakkar li l-Kunsill diġà spjega kif l-interpretazzjoni tat-terminu “mhux prattikabbli” mogħtija mill-Qorti Ġenerali fil-punti 213 sa 244 tas-sentenza appellata, tmur kontra l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, tipprova turi kif din tmur kontra l-Artikolu 9.2 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO ukoll. Jekk it-terminu “mhux prattikabbli” jiġi ristrett għall-fornituri mhux inklużi fil-kampjun, din id-dispożizzjoni titlef l-effett utili tagħha, kif il-Kummissjoni kienet diġà argumentat fil-komunikazzjoni tagħha ppreżentata fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tar-rapport “Elementi ta’ twaħħil”. Madankollu, l-argumenti ppreżentati ma ġewx miċħuda minn dan tal-aħħar. It-teżi kuntrarja, sostnuta mill-Qorti Ġenerali fil-punti 222 sa 225 tas-sentenza appellata, hija infondata fid-dritt.

    223.

    GE u RFA jqisu li l-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ interpretazzjoni tat-terminu “mhux prattikabbli” fis-sens tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku.

    b) Evalwazzjoni

    224.

    Kif diġà enfasizzajt, l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku jipprovdi li r-regolament li jistabbilixxi dazju antidumping għandu jippreċiża l-ammont ta’ dazju impost fuq kull fornitur, ħlief meta dan “mhux prattikabbli”, f’liema każ l-isem tal-pajjiż fornitur ikkonċernat biss ikun meħtieġ.

    225.

    Skont l-Artikolu 9.2 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO, meta jiġi impost dazju antidumping, l-awtoritajiet (responsabbli mill-investigazzjoni) għandhom isemmu l-isem tal-fornitur jew tal-fornituri tal-prodott ikkonċernat ħlief meta jkunu involuti ħafna fornituri mill-istess pajjiż u jekk ikun “imprattikabbli” li jingħataw l-ismijiet tagħhom kollha, f’liema każ l-awtoritajiet jistgħu jsemmu l-isem tal-pajjiż fornitur ikkonċernat.

    226.

    Barra minn hekk, l-Artikolu 6.10 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO jeħtieġ, bħala prinċipju, li l-awtoritajiet jiddeterminaw marġni ta’ dumping individwali għal kull esportatur magħruf jew produttur ikkonċernat, ħlief meta n-numru b’mod partikolari ta’ esportaturi jew ta’ produtturi jkun tant kbir li l-istabbiliment ta’ tali determinazzjoni jkun “imprattikabbli”, f’liema każ l-awtoritajiet jistgħu jillimitaw l-eżami tagħhom għal numru raġonevoli ta’ partijiet ikkonċernati jew ta’ prodotti billi jirrikorru għat-teħid ta’ kampjuni.

    227.

    Permezz ta’ din il-parti, il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkritikaw, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali talli (a) qieset li t-terminu “imprattikabbli” (“impracticable” fil-lingwa Ingliża) użat fl-Artikolu 6.10 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO għandu effett fuq il-portata tal-istess terminu użat fl-Artikolu 9.2 tal-imsemmi ftehim u (b) interpretat it-terminu “imprattikabbli” li jinsab fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku f’sens analogu għal dan l-istess terminu użat fl-artikoli ċċitati iktar ’il fuq tal-Ftehim Antidumping tal-WTO. Skont l-istituzzjonijiet, billi adottat dan l-approċċ, il-Qorti Ġenerali neħħiet l-effett utli tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku billi llimitat il-każijiet fejn ma huwiex prattikabbli li jiġi ddeterminat dazju antidumping u marġni ta’ dumping individwali unikament għas-sitwazzjoni ta’ produtturi mhux inklużi fil-kampjun.

    228.

    Il-kritika magħmula mill-istituzzjonijiet għar-raġunament tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-interpretazzjoni u l-portata tal-aġġettiv “imprattikabbli” ma tikkonvinċinix.

    229.

    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-eżami tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6.10 u 9.2 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO, infakkar qabelxejn li, fil-punti 217 sa 224 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rriproduċiet biss il-punti rilevanti tar-rapport “Elementi ta’ twaħħil”. La l-Kunsill u lanqas il-Kummissjoni ma lmentaw li l-Qorti Ġenerali żnaturat dawn il-punti tal-imsemmi rapport, jiġifieri li għamlet qari manifestament kuntrarju għall-kontenut ta’ dan id-dokument ( 37 ) jew li wettqet ommissjoni jew selezzjoni ta’ ċerti partijiet minn dan ir-rapport li jwasslu għal impressjoni manifestament qarrieqa u żbaljata tal-kontenut tiegħu ( 38 ).

    230.

    Barra minn hekk, ninnota li l-Qorti Ġenerali ġabret fedelment dawn il-punti tar-rapport “Elementi ta’ twaħħil”. B’mod partikolari, fil-punt 220 tas-sentenza appelleta, il-Qorti Ġenerali rrilevat b’mod korrett li kull eċċezzjoni għar-regola ġenerali stabbilita fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 6.10 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO għandha tkun prevista fil-ftehimiet ikkonċernati. Bl-istess mod, fil-punt 222 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret li l-organu tal-appell kien spjega li hemm “paralleliżmu qawwi” bejn l-Artikoli 6.10 u 9.2 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO u li, billi t-tnejn li huma jużaw it-terminu “imprattikabbli” sabiex jiddeskrivu l-każijiet fejn tapplika l-eċċezzjoni, dan it-terminu jindika li ż-żewġ eċċezzjonijiet jirrelataw mas-sitwazzjoni li fiha awtorità tiddetermina marġni ta’ dumping bl-użu ta’ kampjun.

    231.

    Ċertament, kif irrilevat ukoll il-Qorti Ġenerali fil-punt 222 tas-sentenza appellata, l-organu tal-appell tal-WTO osserva wkoll li t-talba mressqa quddiemu ma kienet tikkonċerna la l-firxa tal-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 9.2 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO u lanqas il-kwistjoni dwar jekk din l-eċċezzjoni u dik stabbilita fl-Artikolu 6.10 tal-imsemmi ftehim kinux jikkoinċidu eżattament ( 39 ). Madankollu, kif turi wkoll il-Qorti Ġenerali fil-punt 223 tas-sentenza appellata, l-organu tal-appell ikkonkluda fil-punt 354 tar-rapport “Elementi ta’ twaħħil” li l-Artikolu 9.2 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO jobbliga lill-awtoritajiet jippreċiżaw id-dazji imposti fuq kull fornitur, ħlief meta dan ma jkunx prattikabbli, meta jkunu involuti diversi fornituri. Il-Qorti Ġenerali ġustament fakkret ukoll li, fil-punt 376 tar-rapport “Elementi ta’ twaħħil”, l-organu tal-appell kien ippreċiża li l-Artikoli 6.10 u 9.2 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO ma jipprekludux li l-awtorità inkarigata bl-investigazzjoni tiddetermina marġni ta’ dumping uniku u dazju ta’ dumping uniku għal ċertu numru ta’ esportaturi jekk din tistabbilixxi li dawn jikkostitwixxu entità unika għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmija artikoli.

    232.

    Fil-punt 225 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali finalment wasslet għall-konsegwenza legali mill-interpretazzjoni tal-Artikoli 6.10 u 9.2 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO, kif mogħtija mill-organu tal-appell fir-rapport “Elementi ta’ twaħħil”. Huwa għalhekk li l-Qorti Ġenerali rrilevat li mill-imsemmi rapport jirriżulta li “meta l-awtorità [inkarigata bl-investigazzjoni] tuża t-teħid ta’ kampjun bħal f’dan il-każ, il-ftehim antidumping jistabbilixxi l-obbligu li jiġu stabbiliti marġni ta’ dumping individwali u li jiġu stabbiliti dazji antidumping individwali għal kull fornitur li jikkoopera fl-investigazzjoni u li dan l-obbligu, fil-prinċipju, għandu bħala eċċezzjonijiet, l-ewwel nett, il-każ tal-produtturi jew tal-esportaturi mhux inklużi fil-kampjun […] u, it-tieni nett, il-każ tal-operaturi li jikkostitwixxu entità unika. Madankollu, mill-ftehim antidumping tal-ODK [WTO] ma jirriżultax li teżisti eċċezzjoni għall-obbligu li jiġi stabbilit dazju antidumping individwali għal produttur inkluż fil-kampjun li kkoopera fl-investigazzjoni meta l-istituzzjonijiet iqisu li ma jkunux f’pożizzjoni li jistabbilixxu għalih prezz għall-esportazzjoni individwali”.

    233.

    Għalkemm huwa minnu li l-istituzzjonijiet jesprimu n-nuqqas ta’ qbil tagħhom ma’ din l-evalwazzjoni, huma mkien ma juru li l-konklużjoni li għaliha wasslet il-Qorti Ġenerali mill-qari tal-interpretazzjoni mogħtija mill-organu tal-appell fir-rapport “Elementi ta’ twaħħil” żnaturat l-analiżi tiegħu jew, tal-inqas, wasslet għal interpretazzjoni żbaljata tal-Artikoli 6.10 u 9.2 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO. L-argument invokat mill-Kunsill, li jgħid li l-Artikolu 6.10 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO ma huwiex rilevanti, għandu jiġi miċħud b’mod ċar għaliex huwa intiż biss sabiex jikkontesta l-evalwazzjoni magħmula mill-organu tal-appell fir-rapport “Elementi ta’ twaħħil” fir-rigward tar-relazzjoni bejn dan l-artikolu u l-Artikolu 9.2 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO. L-istess japplika għall-ilment tal-Kummissjoni li permezz tiegħu tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-analiżi tal-Artikolu 9.2 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO, b’mod partikolari tat-terminu “imprattikabbli”, li hija kienet esponiet fil-memorandum tagħha ppreżentat quddiem l-organu tal-appell fil-kawża “Elementi ta’ twaħħil”. Fil-fatt, b’mod partikolari, kif jirriżulta mill-punti 346 sa 348 tar-rapport tal-organu tal-appell, it-teżi tal-Kummissjoni li tipprovdi li “imprattikabbli” (“impracticable” fil-lingwa Ingliża) tfisser “ineffettiv” (“ineffective” fil-lingwa Ingliża) kienet miċħuda b’mod ċar mill-organu tal-appell ( 40 ). Kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 222 tas-sentenza appellata, l-organu tal-appell ikkonstata paralleliżmu qawwi bejn l-Artikolu 9.2 u l-Artikolu 6.10 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO, li, fil-fehma tiegħi, jista’ jiġġustifika perfettament il-konklużjoni li wasslet għaliha l-Qorti Ġenerali fil-punt 225 tas-sentenza appellata.

    234.

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, il-Qorti Ġenerali essenzjalment ċaħdet it-teżi sostnuta mill-Kunsill li l-aġġettiv “mhux prattikabbli” għandu jinftiehem b’mod wiesa’ b’tali mod li jagħti marġni ta’ diskrezzjoni sostanzjali lill-istituzzjonijiet fir-rigward tal-possibbiltajiet li jirrinunzjaw għall-impożizzjoni ta’ dazji antidumping individwali. Il-Qorti Ġenerali fakkret li l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku għandu jiġi interpretat b’mod konformi mal-Artikoli 6.10 u 9.2 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO, li jimplika għalhekk li l-aġġettiv “mhux prattikabbli” użat f’dawn it-tliet artikoli kellu tifsira analoga u li l-eċċezzjoni għad-determinazzjoni ta’ marġni ta’ dumping individwali kif ukoll għall-impożizzjoni ta’ dazji antidumping individwali li dan it-terminu jkopri, meta l-istituzzjonijiet ikunu rrikorrew għat-teħid ta’ kampjun, bħal f’dan il-każ, hija possibbli biss għall-impriżi li ma jifformawx parti mill-kampjun u li ma għandhomx b’mod ieħor dritt għal dazju antidumping individwali tagħhom stess (ara l-punti 227 sa 232 tas-sentenza appellata).

    235.

    Issa, fid-dawl tal-fatt li, minn naħa, kif indikajt bi tweġiba għall-ewwel parti tat-tieni aggravju tal-appell prinċipali, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku għandu jiġi interpretat b’mod konformi mal-Artikoli 6.10 u 9.2 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO u li, min-naħa l-oħra, l-istituzzjonijiet imkien ma wrew li l-aġġettiv “mhux prattikabbli” li jinsab fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku jista’ jingħata biss sinjifikat jew portata dijametrikament oppost għal dawk mogħtija lill-istess aġġettiv użat fl-Artikoli 9.2 u 6.10 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO, b’tali mod li l-Qorti Ġenerali wettqet interpretazzjoni contra legem tar-regola tad-dritt sekondarju tal-Unjoni, inqis li l-argument tal-istituzzjonijiet għandu jiġi miċħud.

    236.

    Inżid li, għall-kuntrarju ta’ dak li sostniet ukoll il-Kummissjoni, billi adottat interpretazzjoni stretta tal-eċċezzjoni li jkopri l-użu tat-terminu “mhux prattikabbli”, il-Qorti Ġenerali imkien ma neħħiet l-effett utli tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku. Fil-fatt, kif il-Qorti Ġenerali stess indikat fil-punt 232 tas-sentenza appellata, l-eċċezzjoni, minħabba n-natura mhux prattikabbli tagħha, għad-determinazzjoni, bħala prinċipju, ta’ marġni ta’ dumping u ta’ dazju antidumping individwali, tapplika mhux biss għall-produtturi jew esportaturi mhux inklużi fil-kampjun iżda wkoll għal dawk li jikkostitwixxu entità unika. Barra minn hekk, interpretazzjoni stretta ta’ eċċezzjoni għal regola stabbilita minn dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tagħti drittijiet lil persuni fiżiċi jew morali hija konformi mal-metodu ta’ interpretazzjoni ta’ eċċezzjonijiet sostnut mill-qorti tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, naqbel b’mod partikolari mal-argument tal-Qorti Ġenerali, espost fil-punt 228 tas-sentenza appellata u li ma kienx is-suġġett ta’ kritika speċifika min-naħa tal-istituzzjonijiet, li jipprovdi li l-aċċettazzjoni ta’ interpretazzjoni “iktar ġenerali” tat-terminu “mhux prattikabbli”, kif sostna l-Kunsill, għandha l-konsegwenza li tagħti lil dan tal-aħħar marġni ta’ diskrezzjoni estremament wiesa’ fir-rigward tal-possibbiltajiet li jirrinunzja għall-impożizzjoni ta’ dazji antidumping individwali.

    237.

    Għalhekk, inqis li l-istituzzjonijiet ma wrewx li, billi adottat interpretazzjoni tat-terminu “mhux prattikabbli”, li jinsab fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, li hija analoga għal dik tal-istess terminu li jinsab fl-Artikoli 6.10 u 9.2 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO, il-Qorti Ġenerali vvizzjat is-sentenza appellata bi żball ta’ liġi.

    238.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, nipproponi li t-tielet parti tat-tieni aggravju tal-appell prinċipali, kif ukoll, konsegwentement, l-imsemmi aggravju kollu, jiġi miċħud.

    E.   Fuq it-tielet aggravju tal-appell prinċipali, ibbażat fuq żnaturament tal-fatti li wassal lill-Qorti Ġenerali tikkonkludi li l-kalkolu ta’ dazji individwali kien “prattikabbli”

    1. Sommarju tal-argumenti tal-partijiet

    239.

    Il-Kunsill jenfasizza li, fil-punti 202 sa 211 u 242 sa 245 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li ma kienx imprattikabbli li jiġu applikati dazji antidumping individwali, sa fejn il-Kummissjoni setgħet tikkostitwixxi mill-ġdid il-prezzijiet ipprattikati mill-produtturi Amerikani meħuda fil-kampjun. B’hekk, il-Qorti Ġenerali għamlet konstatazzjonijiet ta’ fatt materjalment ineżatti u żnaturat il-provi prodotti lilha. Fil-fatt, peress li l-bijoetanol li joriġina minn diversi produtturi Amerikani kien imħallat mill-operaturi tas-suq/blenders indipendenti qabel ma ġie esportat, ma kienx possibbli li jsir magħruf la l-valur normali u lanqas i-prezz għall-esportazzjoni ta’ kull produttur, ħaġa li l-istituzzjonijiet urew. Peress li l-informazzjoni pprovduta mill-produtturi ma setgħetx tintuża għall-finijiet ta’ kalkolu tal-marġni ta’ dumping, il-Qorti Ġenerali b’hekk wettqet żball ta’ liġi billi injorat din il-prova tan-natura manifestament imprattikabbli ta’ tali kalkolu.

    240.

    Il-Kummissjoni tqis li l-Kunsill fisser b’mod ċar u preċiż kif il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti. Ladarba l-operaturi tas-suq/blenders indipendenti ħalltu l-bijoetanol li joriġina minn produtturi differenti nazzjonali sabiex jiksbu taħlita waħda, kien impossibbli li jiġu ddeterminati l-prezzijiet individwali għall-esportazzjoni. Barra minn hekk, minn perspettiva prattika, ma kien ikollu ebda sens li jiġi ddeterminat prezz għall-esportazzjoni u marġni ta’ dumping individwali, għaliex l-awtoritajiet doganali ma kellhom l-ebda mezz sabiex japplikaw tali marġni.

    241.

    GE u RFA jallegaw li it-tielet aggravju tal-Kunsill huwa inammissibbli, sa fejn ma jipprovdix preżentazzjoni li tinftiehem tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom huwa bbażat, bi ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, il-Kunsill jiddikjara biss li l-kalkolu ta’ marġni ta’ dumping individwali għall-produtturi Amerikani fil-kampjun kien imprattikabbli, mingħajr madankollu ma jispjega kif il-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi billi wasslet għal konklużjoni differenti. Is-sempliċi fatt li l-bijoetanol kien imħallat qabel l-esportazzjoni tiegħu ma jurix waħdu li tali kalkolu kien manifestament imprattikabbli jew impossibbli.

    242.

    Sussegwentement, huma jargumentaw li, fil-punti 242 u 243 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali spjegat b’mod ċar u sempliċi kif jiġi kkalkolat b’mod konkret il-marġni ta’ dumping fil-każ ta’ diffikultajiet sabiex jiġi ddeterminat il-valur normali jew il-prezz għall-esportazzjoni għal ċerti produtturi jew esportaturi. Peress li l-Kunsill ma kkontestax dawn l-argumenti u lanqas ma spjega kif il-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi, huma jitolbu li dan l-aggravju jiġi miċħud bħala infondat.

    2. Evalwazzjoni

    243.

    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jilmenta li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti, meta hija ddeċidiet, fil-punti 242 sa 245 tas-sentenza appellata, li l-Kunsill kien ikkonkluda b’mod żbaljat li l-impożizzjoni ta’ dazji antidumping individwali għall-produtturi Amerikani tal-bijoetanol fil-kampjun kien “mhux prattikabbli” fis-sens tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku.

    244.

    Dan l-ilment ma jikkonvinċinix.

    245.

    Qabelxejn, għandu jitfakkar li r-raġunament li wassal lill-Qorti Ġenerali sabiex tikkonkludi li l-Kunsill wettaq żball seħħ f’żewġ stadji. Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat, fil-punti 239 u 240 tas-sentenza appellata, li l-Kunsill, minn naħa, kien bbaża l-eċċezzjoni għar-regola li tikkonsisti fid-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping individwali u fl-istabbiliment tad-dazji antidumping individwali fuq raġunijiet differenti mill-eċċezzjoni li tirrigwarda lill-produtturi jew esportaturi mhux inklużi fil-kampjun jew minn dik li tirrigwarda lill-operaturi li jikkostitwixxu entità unika, u min-naħa l-oħra, li l-Kunsill ma invokax li l-eċċezzjoni li applika kienet ibbażat fuq eċċezzjoni oħra li tirriżulta mill-ftehimiet tal-WTO. Fit-tieni lok, fl-evalwazzjoni li tinsab fil-punti 242 sa 245 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali spjegat mill-ġdid, b’mod partikolari billi rreferiet għall-punti 202 sa 211 tas-sentenza appellata, ir-raġunijiet li għalihom l-argumenti tal-istituzzjonijiet dwar id-diffikultajiet marbuta mad-determinazzjoni tal-valur normali u tal-prezz għall-esportazzjoni ta’ ċerti produtturi, kif ukoll dawk marbuta mal-possibbiltà li jiġi ttraċċat il-perkors tal-prodotti tal-erba’ produtturi Amerikani fil-kampjun, ma jippermettux li dawn l-istituzzjonijiet jiġu eżentati mill-obbligu tagħhom li jikkalkolaw marġni ta’ dumping u dazju antidumping individwali għal dawn il-produtturi. Fid-dawl ta’ dawk il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet għalhekk li xejn ma jippermetti lill-istituzzjonijiet jqisu li, f’dan il-każ, l-istabbiliment ta’ dazji antidumping kien “mhux prattikabbli” fis-sens tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku.

    246.

    Peress li l-ewwel raġunament tal-Qorti Ġenerali, espost fil-punti 239 sa 240 tas-sentenza appellata, ma huwiex is-suġġett ta’ kritika mill-Kunsill, jew li tali kritika, li tikkoinċidi ħafna ma’ dik magħmula fil-kuntest tat-tieni aggravju tal-appell prinċipali, għandha fl-opinjoni tiegħi tiġi miċħuda, l-evalwazzjoni li tinsab f’dawn iż-żewġ punti tas-sentenza appellata huma, fil-fehma tiegħi, suffiċjenti sabiex jiġi miċħud it-tielet aggravju tal-appell.

    247.

    Fi kwalunkwe każ, minbarra li t-tielet aggravju tal-appell prinċipali huwa iktar intiż sabiex jikkonstata żball ta’ raġunament u/jew ta’ interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku, pjuttost milli żnaturament tal-fatti mwettaq mill-Qorti Ġenerali, inqis li l-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, esposti fil-punti 242 tas-sentenza appellata, relatati mad-diffikultajiet sabiex jiġi ddeterminat il-valur normali u l-prezz għall-esportazzjoni, ma jinkludux tali żball, kif diġà indikajt fil-punt 217 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, l-evalwazzjoni esposta fil-punti 239 u 242 tas-sentenza appellata twassal neċessarjament għaċ-ċaħda tal-allegat żnaturament tal-fatti invokat mill-Kunsill fit-tielet aggravju tal-appell prinċipali.

    248.

    Konsegwentement, nipproponi li dan l-aggravju jiġi miċħud.

    V. Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

    249.

    Kif ippreċiżajt fil-punti 102 u 142 ta’ dawn il-konklużjonijiet rispettivament, inqis li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju tal-appell prinċipali kif ukoll it-tieni parti tat-tieni aggravju tal-appell inċidentali għandhom jiġu milqugħa. Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata minn dan l-aspett.

    250.

    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha.

    251.

    Inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja tinsab fi stat li tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza ppreżentat minn GE u RFA f’isem l-erba’ produtturi Amerikani tal-bijoetanol fil-kampjun, ikkontestata mill-Kunsill. Fl-opinjoni tiegħi, f’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li r-rikors ta’ GE u ta’ RFA huwa inammissibbli, peress li dawn l-assoċjazzjonijiet ma wrewx li l-imsemmija produtturi kienu direttament affettwati, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, mid-dazji antidumping imposti mir-Regolament kontenzjuż.

    252.

    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-locus standi ta’ GE u ta’ RFA f’isem Murex u CHS, peress li l-partijiet ma ħadux pożizzjoni dwar din il-kwistjoni waqt il-proċedura fl-ewwel istanza, b’mod partikolari dwar jekk dawn iż-żewġ operaturi tas-suq/blenders indipendenti kinux direttament u individwalment ikkonċernati mir-Regolament kontenzjuż, il-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża f’dan ir-rigward.

    253.

    Konsegwentement, inqis li hemm lok li din il-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex hija tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tar-rikors ta’ GE u ta’ RFA f’isem Murex u CHS u, jekk ikun il-każ, dwar il-motivi kollha rilevanti li jirrigwardaw il-mertu.

    254.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ispejjeż għandhom jiġu rriżervati.

    VI. Konklużjoni

    255.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

    1)

    Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Growth Energy u Renewable Fuels Association vs Il‑Kunsill (T‑276/13, EU:T:2016:340), hija annullata.

    2)

    Ir-rikors fl-ewwel istanza huwa miċħud bħala inammissibbli sa fejn jirrigwarda lil Patriot Renewable Fuels LLC, Plymouth Energy Company LLC, POET LLC u Platinum Ethanol LLC.

    3)

    Il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea sa fejn tirrigwarda l-ammissibbiltà tar-rikors ta’ Growth Energy u Renewable Fuels Association ippreżentat f’isem Murex u CHS rispettivament.

    4)

    L-ispejjeż huma rriżervati.


    ( 1 ) Lingwa Oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) ĠU 2013, L 49, p. 10, iktar ’il quddiem ir-“Regolament kontenzjuż”.

    ( 3 ) ĠU 2009, L 343, p. 51, rettifiki fil-ĠU 2010, L 7, p. 22, fil-ĠU 2011, L 293, p. 39 u fil-ĠU 2016, L 44, p. 20.

    ( 4 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 21, Vol. 11, p. 189.

    ( 5 ) ĠU 2011, C 345, p. 7.

    ( 6 ) Għall-kuntrarju tal-erba’ produtturi l-oħra rrappreżentati minn GE u RFA quddiem il-Qorti Ġenerali, Marquis Energy ppreżentat r-rikors għal annullament tagħha proprju kontra r-Regolament Nru 157/2013, li ntlaqa’ mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Marquis Energy vs Il-Kunsill (T‑277/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:343). Din is-sentenza hija s-suġġett ta’ appell eżaminat fil-konklużjonijiet tiegħi tallum stess fil-Kawża C‑466/16 P, Il‑Kunsill vs Marquis Energy.

    ( 7 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti.

    ( 8 ) Sentenzi tal‑10 ta’ Novembru 2016, DTS Distribuidora de Televisión Digital vs Il‑Kummissjoni (C‑449/14 P, EU:C:2016:848, punti 99 sa 101) u tat‑30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill (C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punt 20).

    ( 9 ) Kif ammettiet il-Kummissjoni fir-risposta tagħha, dan l-aggravju għal annullament ma jirrigwardax il-partijiet tas-sentenza appellata u d-dispożittiv tagħha relatati mal-ammissibbiltà tar-rikors ta’ GE u ta’ RFA f’isimhom stess.

    ( 10 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ April 2004, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑298/00 P, EU:C:2004:240, punt 35) u tas‑27 ta’ Frar 2014, Stichting Woonlinie et vs Il‑Kummissjoni (C‑133/12 P, EU:C:2014:105, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). Infakkar ukoll li l-Artikolu 150 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jindika li din tal-aħħar tista’, f’kull ħin, tiddeċiedi ex officio dwar l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku.

    ( 11 ) Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punt 66) u d-digriet tal‑10 ta’ Marzu 2016, SolarWorld vs Il‑Kummissjoni (C‑142/15 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:163, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 12 ) Ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Marzu 1990, Gestetner Holdings vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑156/87, EU:C:1990:116, punt 17) u tas‑16 ta’ April 2015, TMK Europe (C‑143/14, EU:C:2015:236, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 13 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2002, BSC Footwear Supplies et vs Il‑Kunsill (T‑598/97, EU:T:2002:52, punt 61) u d-digiret tas‑7 ta’ Marzu 2014, FFESI vs Il‑Kunsill (T‑134/10, mhux ippubblikat, EU:T:2014:143, punt 58).

    ( 14 ) Ara, b’mod partikolari f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2016, Portmeirion Group (C‑232/14, EU:C:2016:180, punti 23 sa 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). Infakkar li, f’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja biss għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddikjara l-invalidità ta’ att tal-Unjoni u li qorti li d-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rikors ġudizzjarju tad-dritt intern għandha tissospendi l-proċedura quddiemha u tressaq talba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja permezz tar-rinviju preliminari għall-evalwazzjoni tal-validità, jekk din il-qorti tqis li motiv jew motivi ta’ invalidità mressqa quddiemha huma fondati: ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA (C-344/04, EU:C:2006:10, punti 27 sa 32); tat‑28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni (C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punti 44 sa 48) u tat‑13 ta’ Marzu 2018, European Union Copper Task Force vs Il‑Kummissjoni (C‑384/16 P, EU:C:2018:176, punt 115).

    ( 15 ) B’mod partikolari, skont id-Deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑13 ta’ Settembru 2011 dwar il-preżentata u r-riċezzjoni ta’ atti proċedurali permezz tal-applikazzjoni e-Curia (ĠU 2011, C 289, p. 7).

    ( 16 ) Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 2006, Il‑Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni (C‑182/03 u C‑217/03, EU:C:2006:416, punt 56) u tat‑13 ta’ Marzu 2018, European Union Copper Task Force vs Il‑Kummissjoni (C‑384/16 P, EU:C:2018:176, punt 87).

    ( 17 ) Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni (C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 18 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2009, Confservizi vs Il‑Kummissjoni (T‑292/02, EU:T:2009:188, punt 55) u d-digriet tad‑29 ta’ Marzu 2012, Asociación Española de Banca vs Il‑Kummissjoni (T‑236/10, EU:T:2012:176, punt 25).

    ( 19 ) Korsiv miżjud minni.

    ( 20 ) Ara s-sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 1983, Fediol vs Il‑Kummissjoni (191/82, EU:C:1983:259, punt 31) u tal‑1 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs Jégo-Quéré (C‑263/02 P, EU:C:2004:210, punt 47); ara wkoll, id-digrieti tas‑17 ta’ Frar 2009, Galileo Lebensmittel vs Il‑Kummissjoni (C‑483/07 P, EU:C:2009:95, punt 53) u tal‑5 ta’ Mejju 2009, WWF-UK vs Il‑Kunsill (C‑355/08 P, mhux ippubblikat, EU:C:2009:286, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 21 ) Digriet tal‑5 ta’ Mejju 2009, WWF-UK vs Il‑Kunsill (C‑355/08 P, mhux ippubblikat, EU:C:2009:286, punt 44).

    ( 22 ) Ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑5 ta’ Mejju 2009, WWF-UK vs Il‑Kunsill (C‑355/08 P, mhux ippubblikat, EU:C:2009:286, punti 4748).

    ( 23 ) Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2018, European Union Copper Task Force vs Il‑Kummissjoni (C‑384/16 P, EU:C:2018:176, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 24 ) Kif miġbura fil-qosor mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2009, 3F vs Il‑Kummissjoni (C‑319/07 P, EU:C:2009:435, punt 86).

    ( 25 ) Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2009, 3F vs Il‑Kummissjoni (C‑319/07 P, EU:C:2009:435, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 26 ) Sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2009, 3F vs Il‑Kummissjoni (C‑319/07 P, EU:C:2009:435, punti 88 sa 92).

    ( 27 ) ĠU 2012, L 237, p. 1.

    ( 28 ) Korsiv miżjud minni.

    ( 29 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Frar 2016, C & J Clark International u Puma (C‑659/13 u C‑34/14, EU:C:2016:74, punti 9192 kif ukoll 97 u 98).

    ( 30 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Il‑Kummissjoni vs Rusal Armenal (C‑21/14 P, EU:C:2015:494, punt 46).

    ( 31 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑7 ta’ Ġunju 2007, Řízení Letového Provozu (C‑335/05, EU:C:2007:321, punt 16), u tal‑10 ta’ Novembru 2011, X u X BV (C‑319/10 u C‑320/10, mhux ippubblikata, EU:C:2011:720, punt 44).

    ( 32 ) Ara, b’mod partikolari, fir-rigward tal-GATS, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2007, Řízení Letového Provozu (C‑335/05, EU:C:2007:321, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata), u fir-rigward tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, is-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2011, Lesoochranárske zoskupenie (C‑240/09, EU:C:2011:125, punti 4551). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Řízení Letového Provozu (C‑335/05, EU:C:2007:103, punt 57).

    ( 33 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Řízení Letového Provozu (C‑335/05, EU:C:2007:103, punt 58). Il-prinċipju li jgħid li l-interpretazzjoni konformi ta’ regola ma’ regola ta’ grad iktar għoli ma tistax isservi ta’ bażi għal interpretazzjoni contra legem kien is-suġġett ta’ ġurisprudenza abbondanti, żviluppata fil-kuntest tar-relazzjoni bejn d-dritt tal-Unjoni u d-dritt nazzjonali: ara b’mod partikolari, is-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale (C‑176/12, EU:C:2014:2, punt 39) u tat‑8 ta’ Novembru 2016, Ognyanov (C‑554/14, EU:C:2016:835, punt 66).

    ( 34 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2011, X u X BV (C‑319/10 u C‑320/10, mhux ippubblikata, EU:C:2011:720, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 35 ) F’dan ir-rigward, infakkar li l-Kummissjoni aċċettat li jeżisti “xebh kbir” bejn il-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku (b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tiegħu) u dik tal-Artikolu 9.2 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO. Fir-rigward tat-terminu “mhux prattikabbli”, mis-sommarju tal-espożizzjoni tal-argumenti tal-Kunsill quddiem il-Qorti Ġenerali jirriżulta b’mod ċar li l-Kunsill jiddefendi interpretazzjoni “iktar ġenerali” ta’ dan it-terminu użat fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku minn dak li jista’ jirriżulta mill-interpretazzjoni ta’ dan l-istess terminu użat fl-Artikoli 9.2 u 6.10 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO, fid-dawl tar-rapport “Elementi ta’ twaħħil” u li finalment intgħażlet mill-Qorti Ġenerali (ara b’mod partikolari l-punti 215 u 227 tas-sentenza appellata).

    ( 36 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2017, RFA International vs Il‑Kummissjoni (C‑239/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:337, punti 535).

    ( 37 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Franza vs Il‑Kummissjoni (C‑601/11 P, EU:C:2013:465, punt 106).

    ( 38 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda ArcelorMittal Tubular Products Ostrava et vs Il‑Kunsill u Il‑Kunsill vs Hubei Xinyegang Steel (C‑186/14 P u C‑193/14 P, EU:C:2015:767, punt 72).

    ( 39 ) Fil-fatt, il-kawża “Elementi ta’ twaħħil” kienet tirrigwarda l-esklużjoni tal-prinċipju ta’ kull kalkolu ta’ marġni u ta’ dazju individwali għall-esportaturi u produtturi ta’ pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq, kif previst mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, li jirreferi għall-Artikolu 2(7) ta’ dan ir-regolament, qabel ma ġie emendat permezz tar-Regolament Nru 765/2012.

    ( 40 ) Fil-punt 347 tar-rapport “Elementi ta’ twaħħil”, l-organu tal-appell ippreċiża li “the notion of ‘ineffective’ is not included in the notion of ‘impracticable’. In particular, we observe that the notion of ‘ineffective’ is concerned with bring about or producing an effect or result, which is absent from the notion of ‘impracticable’, which describes the action itself”. Fil-punt 348 tal-istess rapport, l-organu tal-appell indika li: “Article 9.2., third sentence, allows Members to name the supplying country concerned only when it is impracticable to name individual suppliers; it does not permit naming the supplying country when the imposition of individual duties is ineffective because it may result in circumvention of the anti-dumping duties”.

    Top