Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015TN0601

    Kawża T-601/15: Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Ottubru 2015 – CEVA vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 429, 21.12.2015, p. 28–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    21.12.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 429/28


    Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Ottubru 2015 – CEVA vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-601/15)

    (2015/C 429/36)

    Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

    Partijiet

    Rikorrenti: Centre d’étude et de valorisation des algues SA (CEVA) (Pleubian, Franza) (rappreżentant: E. De Boissieu, avukat)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas lis-CEVA s-somma ta’ EUR 59  103,21 skont il-Grant Agreement;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Permezz ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob il-kundanna tal-Kummissjoni għall-ħlas tal-ewwel rata tal-kontribuzzjoni finanzjarja mogħtija fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt SEABIOPLAS u tal-ftehim ta’ sussidji tagħha (“Grant Agreement”), dwar proġett ta’ riċerka u ta’ żvilupp teknoloġiku fil-qasam “L-alka li tirriżulta mill-akkwakultura sostenibbli bħala materja prima għall-bijoplastik bijodegradabbli”, wara tpaċija awtomatika għall-istess ammont magħmula minnha bħala rkupru, skont konklużjonijiet ta’ awditu finanzjarju tal-OLAF, tas-somom imħallsa lir-rikorrenti fil-kuntest tal-kuntratt PROTOP.

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, motiv uniku, ibbażat fuq żbalji mwetttqa mill-Kummissjoni li jaffettwaw l-irkupru permezz ta’ tpaċija tal-ammonti riċevibbli tas-somom imħallsa mill-Kummissjoni lir-rikorrrenti. Ir-rikorrenti ssostni essenzjalment f’dan ir-rigward, li l-kundizzjonijiet ta’ tpaċija ma humiex issodisfatti. L-ewwel nett, l-ammont riċevibbli tal-Kummissjoni fuq ir-rikorrenti ma huwa la ċert u lanqas dovut. Sussegwentement, il-Kummissjoni ma osservatx l-Artikolu 87(2), dwar l-irkupru ta’ ammonti riċevibbli bi tpaċija, u l-Artikolu 88 dwar l-ikupru meta ma jsirx ħlas volontarju, tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012, tad-29 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma għandha ebda azzjoni kuntrattwali fir-rigward tagħha. Sussidjarjament, fil-każ fejn il-Qorti Ġenerali tqis it-tpaċija bħala fondata, ir-rikorrenti ssostni li r-rimbors totali tas-sussidju li hija rċeviet imur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità u jirrappreżenta arrikkiment indebitu tal-Kummissjoni.


    Top