Επιλέξτε τις πειραματικές λειτουργίες που θέλετε να δοκιμάσετε

Το έγγραφο αυτό έχει ληφθεί από τον ιστότοπο EUR-Lex

Έγγραφο 62015TN0497

    Kawża T-497/15: Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Awwissu 2015 – Oltis Group vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 389, 23.11.2015, σ. 59 έως 60 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    23.11.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 389/59


    Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Awwissu 2015 – Oltis Group vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-497/15)

    (2015/C 389/68)

    Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek

    Partijiet

    Rikorrenti: Oltis Group (Olomouc, ir-Repubblika Ċeka) (rappreżentant: P. Konečný, avukat)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tiċħad l-offerta, jew offerti tar-rikorrenti, għall-programmi ta’ innovazzjoni “Il-Programm ta’ Innovazzjoni IP 4 – Soluzzjonijiet IT għal Servizzi Ferrovjarji Attraenti” u “Il-Programm ta’ Innovazzjoni IP 5 – Tekonoloġiji għal Frejt Ewropew Sostenibbli & Attraenti” fil-kuntest tal-proġett “Shift2Rail”;

    tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter min-naħa tal-korp ta’ evalwazzjoni

    F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti ssostni b’mod partikolari li l-korp ta’ evalwazzjoni ma kellux il-fakultà, fl-azzjoni tiegħu, li jissostitwixxi ruħu għad-dritt esklużiv tal-kandidat, sabiex jgħaqqad diversi offerti separati għall-għoti tal-istatus ta’ membru assoċjat tal-kumpannija “Shift2Rail” f’offerta waħda u b’hekk ivvizzja il-proċedura ta’ evalwazzjoni tagħha. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li, jekk is-sottomissjoni ta’ żewġ offerti separati minn offerent wieħed għal programmi ta’ innovazzjoni differenti ma kinitx possibbli skont id-dokumenti relatati mal-għoti tal-kuntratt, mill-persperttiva tal-korp ta’ evalwazzjoni, u jekk dawn id-dokumenti ma jipprovdux għal tali sitwazzjoni, allura hija kellha tiġi avżata dwar dan skont il-Parti 8.2 tad-dokumenti tal-għoti, u għalhekk għandha żżomm id-dritt tagħha li tiddisponi mill-offerti magħmula tagħha.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq l-inkompatibbiltà tal-proċedura segwita mill-korp ta’ evalwazzjoni mad-dokumenti relatati mal-għoti

    Ir-rikorrenti ssostni f’dan ir-rigward li l-korp ta’ evalwazzjoni ma aġixxiex skont id-dokumenti għall-għoti, peress li ddisponiet mill-offerti tar-rikorrenti mingħajr ma nnotifikatha jew ma kkuntattjatha sabiex tikkjarifika xi ambigwitajiet jew żbalji.

    Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-korp ta’ evalwazzjoni kellu jevalwa (u jagħti punti lil) l-offerti tagħha separatament, anki wara li ġew magħquda f’offerta waħda, peress li huwa biss billi ssegwi din il-proċedura li l-prinċpiju ta’ evalwazzjoni oġġettiva jista’ jiġi soddisfatt. Il-proċedura li segwa l-korp ta’ evalwazzjoni, meta evalwa l-offerti tar-rikorrenti flimkien u wkoll billi ta l-punti billi evalwa l-kriterji flimkien, hija qarrieqa, diskriminatorja u kuntrarja għall-prinċipju bażiku ta’ dokumenti għall-għoti tal-kuntratt, u trendi d-deċiżjoni impossibbli li tiġi mistħarrġa.


    Επάνω