This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62015TN0115
Case T-115/15: Action brought on 5 March 2015 — Deza v ECHA
Kawża T-115/15: Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Marzu 2015 – DEZA vs ECHA
Kawża T-115/15: Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Marzu 2015 – DEZA vs ECHA
ĠU C 178, 1.6.2015, p. 14–15
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
1.6.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 178/14 |
Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Marzu 2015 – DEZA vs ECHA
(Kawża T-115/15)
(2015/C 178/16)
Lingwa tal-kawża: iċ-Ċekk
Partijiet
Rikorrenti: Deza a.s. (Valašské Meziříčí, ir-Repubblika Ċeka) (rappreżentant: P. Dejl, avukat)
Konvenuta: Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi
Talbiet
— |
tannulla d-deċiżjoni tad-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi tat-12 ta’ Diċembru 2014, bir-referenza ED/108/2014, li taġġorna u tikkompleta l-entrata eżistenti dwar is-sustanza DEHP fil-lista ta’ sustanzi eliġibbli biex jiġu eventwalment inklużi fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (1); |
— |
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż. |
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.
1. |
L-ewwel motiv ibbażat fuq in-natura ultra vires tad-deċiżjoni kkontestata. Ir-rikorrenti tiddikjara li d-deċiżjoni kkontestata hija ultra vires, minħabba li i) ir-Regolament Nru 1907/2006 ma jawtorizzax lill-konvenuta taġġorna l-lista għal eventwali inklużjoni fl-Anness XIV fis-sens tal-Artikolu 59(1) tal-imsemmi regolament, ii) l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kienet ippreċeduta minn proċedura tal-konvenuta li tmur kontra l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006 u iii) id-deċiżjoni kkontestata u l-proċedura tal-konvenuta ta’ qabel l-adozzjoni tagħha jevitaw il-proċedura prevista għal dan il-għan mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mill-Parlament Ewropew |
2. |
It-tieni motiv ibbażat fuq ksur, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, tal-prinċipju ta’ ċertezza legali F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali, peress li i) din tindika s-sustanza bis(2-ethylhexyl) phthalate (DEHP) bħala sustanza li tfixkel is-sistema endokrina filwaqt li d-dritt tal-Unjoni la jiddefinixxi din is-sustanza u lanqas il-kriterji għall-identifikazzjoni u li din id-definizzjoni jew il-kriterji tagħha huma stabbiliti mill-Kummissjoni fuq il-bażi tar-regolamenti u tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew, u ii) li din id-deċiżjoni ġiet adottata fil-kuntest ta’ proċedura li għadha għaddeja, għalkemm fi stadju avvanzat, dwar l-awtorizzazzjoni tas-sustanza DEHP identifikata bħala sustanza tossika għar-riproduzzjoni fis-sens tal-Artikolu 57(ċ) tar-Regolament Nru 1907/2006. |
3. |
It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ibbażata fuq konstatazzjonijiet xjentifiċi konvinċenti u oġġettivi F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija żbaljata peress li ma hijiex ibbażata fuq konstatazzjonijiet xjentifiċi konvinċenti u oġġettivi li jistabbilixxu li s-sustanza DEHP tissodisfa l-kriterji kollha stabbiliti fl-Artikolu 57(f) tar-Regolament Nru 1907/2006. |
4. |
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tar-rikorrenti u tal-prinċipji sanċiti fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata u l-proċedura tal-konvenut ta’ qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni jiksru d-drittijiet tagħha u l-prinċipji sanċiti fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ ċertezza legali, id-dritt għal għal smigħ xieraq u d-dritt għat-tgawdija paċifika tal-proprjetà. |
(1) Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, p. 1)