EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015TJ0510

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tat-2 ta’ Frar 2017.
Roberto Mengozzi vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea.
Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea TOSCORO – Indikazzjoni ġeografika protetta preċedenti ‘Toscano’ – Raġuni assoluta għal rifjut – Artikolu 142 tar-Regolament (KE) Nru 40/94 – Artikoli 13 u 14 tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92 – Dikjarazzjoni ta’ invalidità parzjali.
Kawża T-510/15.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2017:54

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

2 ta’ Frar 2017 ( *1 )

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea TOSCORO — Indikazzjoni ġeografika protetta preċedenti ‘Toscano’ — Raġuni assoluta għal rifjut — Artikolu 142 tar-Regolament (KE) Nru 40/94 — Artikoli 13 u 14 tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92 — Dikjarazzjoni ta’ invalidità parzjali”

Fil-Kawża T‑510/15,

Roberto Mengozzi, residenti f’Monaco (Monaco), irrappreżentat minn T. Schuffenecker, avukat,

rikorrent,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn A. Schifko u S. Crabbe, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri, bħala aġent,

intervenjenti,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Consorzio per la tutela dell’olio extravergine di oliva Toscano IGP, stabbilit f’Firenze (l-Italja), irrappreżentat minn F. Albisinni, avukat,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO, tal-5 ta’ Ġunju 2015 (Każ R 322/2014‑2), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn il-Consorzio per la tutela dell’olio extravergine di oliva Toscano IGP u R. Mengozzi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

komposta minn V. Tomljenović, President, A. Marcoulli (Relatur) u A. Kornezov, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Settembru 2015,

wara li rat ir-risposta tal-EUIPO ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Novembru 2015,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Novembru 2015,

wara li rat id-deċiżjoni tal-President tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Jannar 2016 li awtorizzat lir-Repubblika Taljana tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-EUIPO,

wara li rat in-nota ta’ intervent tar-Repubblika Taljana ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Marzu 2016,

wara li rat l-osservazzjonijiet tar-rikorrent ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ April 2016,

wara li rat l-assenjazzjoni mill-ġdid tal-kawża lis-Seba’ Awla,

wara li rat il-bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali,

wara li rat l-assenza ta’ talba għall-iffissar ta’ seduta min-naħa tal-partijiet prinċipali fit-terminu ta’ tliet ġimgħat li jibda jiddekorri min-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u billi ddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Fis-17 ta’ Ġunju 2002, ir-rikorrent, R. Mengozzi, ippreżenta applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea quddiem l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1)].

2

It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni huwa s-sinjal verbali TOSCORO.

3

Il-prodotti li għalihom ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 29 u 30 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti:

klassi 29: “Żjut u xaħmijiet għall-ikel; żjut għall-ikel veġetali u b’mod partikolari żejt taż-żebbuġa; krejjem tal-ikel u b’mod partikolari krejjem tal-ġewż; krejjem tal-qaqoċċ bil-meraq tat-tartufi; krejjem taż-żebbuġ ħodor u suwed; faqqiegħ biz-zalza u faqqiegħ xott”;

klassi 30: “Kafè, estratti tal-kafè u preparazzjonijiet abbażi tal-kafè; sostituti tal-kafè u estratti tas-sostituti tal-kafè; te, estratti tat-te u preparazzjonijiet abbażi tat-te; kawkaw u preparazzjonijiet abbażi tal-kawkaw, ċikkulata, prodotti taċ-ċikkulata, ħelu, prodotti tal-ħelu; zokkor; taħlil naturali; prodotti tal-ħami, ħobż, ħmira, ikel ħelu tal-għaġina; gallettini; kejkijiet, deżerti, pudini; silġijiet u ġelati, prodotti għall-preparazzjoni tas-silġijiet u ġelati; għasel u sostituti tal-għasel; ċereali għall-kolazzjon, ross, għaġin, prodotti tal-ikel magħmulin mir-ross, dqiq jew ċereali, ukoll fil-forma ta’ ikliet ippreparati minn qabel; prodotti li jagħtu togħma lill-ikel jew li jħawruh, zlazi għall-insalata, ħall, majoneż, pizza, zlazi u b’mod partikolari zlazi tat-tadam u zlazi veġetali”.

4

Fis-17 ta’ Novembru 2003, is-sinjal verbali TOSCORO ġie rreġistrat bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea bin-numru 002752509.

5

Ir-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji Nru 2004/001, tal-5 ta’ Jannar 2004.

6

Fl-10 ta’ Diċembru 2012, l-intervenjent, il-Consorzio per la tutela dell’olio extravergine di oliva Toscano IGP, ippreżenta talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark ikkontestata quddiem l-EUIPO abbażi tal-Artikolu 7(1)(c), (g), u (k) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 52(1)(a) tal-istess regolament.

7

It-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet ibbażata fuq l-indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP) “Toscano”, irreġistrata fl-Unjoni Ewropea skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92, tal-14 ta’ Lulju 1992, dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni tal-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 13, p. 4) [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006, tal-20 ta’ Marzu 2012, dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (ĠU 2008, L 335M, p. 213), li min-naħa tiegħu ġie ssostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Novembru 2012, dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU 2012, L 343, p. 1)]. Ir-reġistrazzjoni tal-IĠP “Toscano” ingħatat għall-prodott “żejt taż-żebbuġa” permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 644/98, tal-20 ta’ Marzu 1998, li jissupplimenta l-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1107/96 dwar ir-reġistrazzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni tal-oriġini skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 22, p. 333).

8

It-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ġiet ifformulata fir-rigward tal-prodotti kollha koperti mit-trade mark ikkontestata.

9

Fid-29 ta’ Novembru 2013, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni laqgħet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għal ċerti prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 29 (“żjut u xaħmijiet għall-ikel”; “żjut għall-ikel veġetali u b’mod partikolari żejt taż-żebbuġa”) u 30 (“prodotti li jagħtu togħma lill-ikel jew li jħawruh, zlazi għall-insalata”).

10

Fis-27 ta’ Jannar 2014, ir-rikorrent ippreżenta appell quddiem l-EUIPO, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. L-intervenjent ippreżenta wkoll appell inċidentali minn din id-deċiżjoni.

11

Permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Ġunju 2015 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO laqa’ parzjalment l-appell tar-rikorrent u tal-intervenjent. Fl-ewwel lok, huwa indika li l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 207/2009 ma kienx applikabbli f’dan il-każ sa fejn din id-dispożizzjoni ma kinitx fis-seħħ fid-data tal-preżentata tat-trade mark ikkontestata. Fit-tieni lok, filwaqt li rrefera għall-Artikolu 142 tar-Regolament Nru 40/94, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-Artikolu 13(1) u l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 2081/92 kienu direttament applikabbli f’dan il-każ. Fuq din il-bażi, fid-dawl tax-xebh viżiv u fonetiku tas-sinjali kunfliġġenti, huwa kkonkluda li l-użu tas-sinjal TOSCORO kien jikkostitwixxi evokazzjoni tal-IĠP inkwistjoni għal ċerti prodotti li jaqgħu fil-klassi 29 (“żjut u xaħmijiet għall-ikel”, “żjut għall-ikel veġetali u b’mod partikolari żejt taż-żebbuġa” u “krejjem taż-żebbuġ ħodor u suwed”) u li kien hemm lok li t-trade mark ikkontestata tiġi ddikjarata invalida fir-rigward ta’ dawn il-prodotti.

It-talbiet tal-partijiet

12

Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Bord tal-Appell ikkunsidra li t-trade mark ikkontestata kienet invalida għall-prodotti “żjut u xaħmijiet għall-ikel”, “żjut għall-ikel veġetali u b’mod partikolari żejt taż-żebbuġa” u “krejjem taż-żebbuġ ħodor u suwed”;

tiddikjara l-validità tat-trade mark ikkontestata u żżommha fuq ir-reġistru tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea għall-prodotti preċitati;

tikkundanna lill-EUIPO u lill-intervenjent għall-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti quddiem il-Bord tal-Appell.

13

L-EUIPO u l-intervenjent jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

14

Ir-Repubblika Taljana titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors.

Id-dritt

15

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(k) tar-Regolament Nru 207/2009 u tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1151/2012. It-tieni motiv huwa bbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni fl-analiżi tax-xebh tas-sinjali kunfliġġenti fil-kuntest tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 1151/2012. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 15 tal-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ (TRIPS), tal-15 ta’ April 1994 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 305, iktar ’il quddiem il-“Ftehim TRIPS”), li jikkostitwixxi l-Anness 1 C tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 82).

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(k) tar-Regolament Nru 207/2009 u tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1151/2012

16

Ir-rikorrent jispeċifika li huwa ma huwiex qed jikkontesta l-applikabbiltà tal-Artikolu 7(1)(k) tar-Regolament Nru 207/2009 għal dan il-każ. Madankollu, huwa jqis li l-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. B’mod partikolari, ir-rikorrent isostni li l-kelma “toscano” tirreferi għal persuna li tabita fir-reġjun tat-Toscana, fl-Italja. Għaldaqstant, l-IĠP inkwistjoni hija deskrittiva tal-prodotti kollha li ġejjin minn dan ir-reġjun u l-kelma “toscano” hija ġenerika, pereżempju għaż-żejt taż-żebbuġa. Ir-rikorrent jindika li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1151/2012 jipprevedi li l-IĠP “ma għandhomx isiru ġeneriċi”. F’dan il-kuntest, il-kelma “toscoro”, li ma tevoka bl-ebda mod ir-reġjun tat-Toscana, ma tistax tiġi konfuża mal-IĠP inkwistjoni għaż-żejt taż-żebbuġa jew prodotti simili.

17

L-EUIPO, sostnut mir-Repubblika Taljana, u l-intervenjent jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrent.

18

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-kliem “ma jistgħux isiru ġeneriċi”, iċċitati mir-rikorrent bħala li huma l-kliem tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1151/2012, fil-fatt jirreferu għall-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1151/2012 li jipprevedi li “[i]d-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti ma għandhomx isiru ġeneriċi”.

19

Għandu jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 53 tal-istess statut, u skont l-Artikolu 177(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikors għandu jinkludi espożizzjoni fil-qosor tal-motivi invokati. Din l-espożizzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi fuq ir-rikors, skont il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra insostenn tiegħu [ara s-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2012, Omya vs UASI – Alpha Calcit (CALCIMATT), T‑547/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:178, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata].

20

Issa, f’dan il-każ, għalkemm ir-rikorrent jinvoka, insostenn tal-motiv tiegħu, l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1151/2012, huwa jiċċita d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(2) tal-istess regolament. Barra minn hekk, ir-rikorrent fl-ebda punt tar-rikors tiegħu ma speċifika b’mod ċar kif id-dispożizzjonijiet invokati kellhom jiġu applikati mill-Bord tal-Appell u lanqas għaliex, f’dan il-kuntest, huwa kiser l-Artikolu 7(1)(k) tar-Regolament Nru 207/2009, ukoll invokat mir-rikorrent. Barra minn hekk, kif jirriżulta b’mod ċar mill-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-Artikolu 7(1)(k) tar-Regolament Nru 207/2009 ma kienx applikabbli f’dan il-każ. Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta wkoll li l-Bord tal-Appell applika d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 2081/92 u mhux dawk tar-Regolament Nru 1151/2012, invokat mir-rikorrent quddiem il-Qorti Ġenerali. Għalhekk, kif isostni l-EUIPO fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, l-espożizzjoni tal-ewwel motiv ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 177(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura.

21

Għall-kompletezza, għandu jitfakkar li r-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali huwa maħsub sabiex isir stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell, fis-sens tal-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 207/2009, u li, fil-proċeduri għal annullament, il-legalità tal-att ikkontestat għandha tiġi evalwata abbażi tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data li fiha ġie adottat l-att. Għalhekk, il-funzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex li teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi ta’ fatt fid-dawl tal-provi ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha [ara s-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2014, Unister vs UASI (Ab in den urlaub), T‑273/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:568, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata]. Punti ta’ fatt li jiġu invokati quddiem il-Qorti Ġenerali mingħajr ma jkunux tressqu qabel quddiem l-istanzi tal-EUIPO jistgħu jaffettwaw il-legalità ta’ tali deċiżjoni biss jekk l-EUIPO messu ħadhom inkunsiderazzjoni ex officio. [ara s-sentenza tas-6 ta’ Frar 2013, Maharishi Foundation vs UASI (MÉDITATION TRANSCENDANTALE), T‑426/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:63, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata]. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 188 tar-Regoli tal-Proċedura, in-noti ppreżentati mill-partijiet fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali ma jistgħux jibdlu s-suġġett tat-tilwima quddiem il-Bord tal-Appell.

22

Issa, kif jirrileva l-EUIPO fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, ir-rikorrent qatt ma ressaq l-argument, quddiem l-istanzi tal-EUIPO, li l-IĠP inkwistjoni kienet saret ġenerika u lanqas ma invoka, f’dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1151/2012 li kien invoka quddiem il-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda element li jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-fatti mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ex officio mill-EUIPO, ħaġa li, barra minn hekk, mhux qiegħed jallega r-rikorrent.

23

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball ta ’ evalwazzjoni fl-analiżi tax-xebh tas-sinjali kunfliġġenti

24

Ir-rikorrent isostni li, anki jekk l-IĠP ma saritx ġenerika, ħaġa li ma jammettix, il-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ evalwazzjoni fl-analiżi tiegħu tax-xebh tas-sinjali kunfliġġenti fil-kuntest tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 1151/2012. Fuq il-livell fonetiku, il-kelma “toscoro” tiġi ppronunzjata, għall-inqas bl-Ingliż, bit-Taljan u bl-Ispanjol, b’enfasi fuq l-aħħar sillaba. Il-kelma “toscoro” tiġi ppronunzjata, għall-inqas bl-Ingliż, b’enfasi fuq is-sillaba tan-nofs. Għalhekk, is-sinjali kunfliġġenti huma differenti f’dan ir-rigward. Huma wkoll differenti fuq il-livell viżiv, minħabba l-ortografija rispettiva tagħhom. Fl-aħħar nett, fuq il-livell kunċettwali, il-kelma “toscoro” hija kelma vvintata, filwaqt li l-IĠP inkwistjoni twassal il-kunċett ta’ żejt taż-żebbuġa mit-Toscana. Għalhekk, is-sinjali kunfliġġenti huma, fuq dan il-livell ukoll, differenti. Il-Bord tal-Appell ma kellux għalfejn jaqsam it-trade mark ikkontestata u l-IĠP inkwistjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrent jindika li l-IĠP inkwistjoni ma għandhiex reputazzjoni. F’dan il-kuntest, il-konsumatur medju ma huwiex ser iħawwad is-sinjali kunfliġġenti u r-rikorrent jikkontesta l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell li t-trade mark ikkontestata ser tevoka l-IĠP inkwistjoni. Ir-rikorrent iżid li l-Bord tal-Appell wettaq żbalji ta’ evalwazzjoni, minn naħa, billi ċaħad l-argument tiegħu li l-EUIPO kien irreġistra trade marks simili ħafna għall-IĠP inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, billi kkunsidra li l-krema taż-żebbuġ kienet paragunabbli maż-żejt taż-żebbuġa.

25

L-EUIPO, sostnut mir-Repubblika Taljana, u l-intervenjent jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrent.

26

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrent jikkontesta, minn naħa, il-paragun tas-sinjali kunfliġġenti magħmul mill-Bord tal-Appell u, min-naħa l-oħra, il-konklużjoni li ż-żejt taż-żebbuġa u l-krejjem taż-żebbuġ ħodor u suwed huma prodotti tal-istess tip.

27

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, il-Bord tal-Appell ma applikax l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 1151/2012. Fil-fatt, wara li kkunsidra li l-Artikolu 7(1)(k) tar-Regolament Nru 207/2009 ma kienx applikabbli f’dan il-każ (punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata), huwa speċifika li din id-dispożizzjoni kienet fil-fatt sempliċement ikkodifikat ir-regoli li jirriżultaw mill-Artikolu 13(1) u mill-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 2081/92 li kienu, min-naħa tagħhom, direttament applikabbli f’dan il-każ skont l-Artikolu 142 tar-Regolament Nru 40/94. Il-Bord tal-Appell żied li, għalkemm kien obbligat jieħu inkunsiderazzjoni l-istess raġuni assoluta ta’ invalidità invokata mill-parti fil-kawża, huwa kien ukoll obbligat jeħodha inkunsiderazzjoni konformement mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fid-data tal-preżentata tat-trade mark ikkontestata (punti 27 u 28 tad-deċiżjoni kkontestata). Issa, ir-rikorrent ma jikkontestax, quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-raġunament segwit mill-Bord tal-Appell f’dan ir-rigward.

28

Fuq il-kwistjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli għall-kawża, għandu jitfakkar li l-Artikolu 142 tar-Regolament Nru 40/94, kif applikabbli f’dan il-każ, jipprevedi li “[d]an ir-regolament m’għandux jaffetwa ir-Regolament […] Nru 2081/92 […], u b’mod partikolari l-Artikolu 14 […]”. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 2081/92 applikabbli f’dan il-każ, jiddisponi b’mod partikolari li, “[m]eta […] l-indikazzjoni ġeografika jkunu rreġistrati [tkun irreġistrata] skond dan ir-Regolament, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ marka li tikkorrispondi ma’ waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13 u li għandha x’taqsam ma’ l-istess tip ta’ prodott għandha tiġi rrifjutata, sakemm dik l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-marka kienet sottomessa wara d-data tal-publikazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(2) [tal-istess regolament]”. Min-naħa tiegħu, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 2081/92 jipprevedi li “[t]rademarks reġistrati bi ksur ta’ l-ewwel subparagrafu [ta’ din id-dispożizzjoni] għandhom jiġu dikjarati bħala invalidati”.

29

Minn dan jirriżulta li l-EUIPO huwa obbligat japplika r-Regolament Nru 40/94 b’mod li ma jaffettwax il-protezzjoni mogħtija lill-IĠP mir-Regolament Nru 2081/92. B’mod partikolari, l-EUIPO għandu, skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 2081/92, jirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ kull trade mark li tkun tinsab f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13 tal-istess regolament u li tirrigwarda l-istess tip ta’ prodott u, jekk it-trade mark tkun diġà ġiet irreġistrata, għandu jiddikjaraha invalida [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2007, Consorzio per la tutela del formaggio Grana Padano vs UASI ‑ Biraghi (GRANA BIRAGHI), T‑291/03, EU:T:2007:255, punti 53 sa 56].

30

F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell applika l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 2081/92, li jiddisponi li “[l]-ismijiet irreġistrati għandhom jkunu protetti kontra […] kwalunkwe użu ħażin, imitazzjoni jew evokazzjoni, anke jekk l-oriġini vera tal-prodott hija ndikata jew jekk l-isem protett huwa tradott jew użat flimkien ma’ xi espressjoni bħal m’huma ‘stil’, ‘tip’, ‘metodu’, ‘kif prodott fi’, ‘imitazzjoni’, jew‘simili’”. Fid-dawl tax-xebh viżiv u fonetiku tas-sinjali kunfliġġenti, huwa kkonkluda li l-użu tas-sinjal TOSCORO kien jikkostitwixxi evokazzjoni tal-IĠP inkwistjoni għal ċerti prodotti li jaqgħu fil-klassi 29.

31

Il-kunċett ta’ evokazzjoni, meħud mill-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 2081/92, ikopri ipoteżi li fiha t-terminu użat sabiex jindika prodott jinkorpora parti minn denominazzjoni protett, b’mod li meta l-konsumatur jkollu quddiemu l-isem tal-prodott, ix-xbiha li tiskatta f’moħħu hija dik tal-prodott li d-denominazzjoni tiegħu hija protetta (sentenzi tal-4 ta’ Marzu 1999, Consorzio per la tutela del formaggio Gorgonzola, C‑87/97, EU:C:1999:115, punt 25, u tas-26 ta’ Frar 2008, Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑132/05, EU:C:2008:117, punt 44). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni r-relazzjoni fonetika u viżiva li tista’ teżisti bejn l-ismijiet ta’ bejgħ. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat ukoll li hija kellha, skont il-każ, tieħu inkunsiderazzjoni il-“prossimità kunċettwali” li teżisti bejn il-kliem f’lingwi differenti. Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jista’ jkun hemm evokazzjoni ta’ denominazzjoni protetta anki fl-assenza ta’ kwalunkwe probabbiltà ta’ konfużjoni bejn il-prodotti kkonċernati, peress li dak li huwa importanti, b’mod partikolari, huwa li ma tinħoloqx f’moħħ il-pubbliku assoċjazzjoni ta’ ideat dwar l-oriġini tal-prodott u li operatur ma japprofittax b’mod inġust mir-reputazzjoni ta’ IĠP (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla, C‑75/15, EU:C:2016:35, punti 3335 u 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Barra minn hekk, fid-dawl tal-għanijiet tar-Regolament Nru 2081/92, li jikkonsistu b’mod partikolari f’li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-konsumaturi (sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2002, Bigi, C‑66/00, EU:C:2002:397, punt 31), għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-aspettattivi preżunti ta’ konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u prudenti (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016 (Viiniverla, C‑75/15, EU:C:2016:35, punti 24 u 25). Għandu jitfakkar ukoll li dan il-konsumatur normalment jipperċepixxi trade mark fl-intier tagħha u ma joqgħodx jeżamina d-diversi dettalji tagħha (sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2007, UASI vs Shaker, C‑334/05 P, Ġabra, EU:C:2007:333, punt 35). Fl-aħħar nett, fid-dawl tas-sinjali kunfliġġenti, il-konsumatur huwa l-konsumatur tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Jannar 2016, Viiniverla, C‑75/15, EU:C:2016:35, punt 27).

33

Fir-rigward tal-paragun tas-sinjali kunfliġġenti, l-argumenti tar-rikorrent huma bbażati essenzjalment, fuq il-fatt li s-sinjali huma differenti u li, konsegwentement, it-trade mark ikkontestata ma tevokax l-IĠP inkwistjoni.

34

Madankollu, kif irrileva ġustament il-Bord tal-Appell, il-bidu ta’ kull sinjal huwa identiku, jiġifieri l-element “tosc”. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, bħala prinċipju, il-konsumatur normalment jagħti iktar attenzjoni lill-bidu ta’ sinjal milli lill-aħħar parti tiegħu [sentenzi tas-16 ta’ Marzu 2005, L’Oréal vs UASI – Revlon (FLEXI AIR), T‑112/03, EU:T:2005:102, punti 64 u 65, u tal-15 ta’ Lulju 2015, Westermann Lernspielverlag vs UASI – Diset (bambinoLÜK), T‑333/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:490, punt 26].

35

Barra minn hekk, l-ittra finali taż-żewġ sinjali kunfliġġenti hija wkoll identika, jiġifieri l-ittra “o”.

36

Għalhekk, is-sinjali kunfliġġenti, li kull wieħed minnhom huwa kompost minn seba’ ittri u tliet sillabi, għandhom inkomuni ħames ittri mqegħdin b’mod identiku.

37

Għalhekk, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li s-sinjali kunfliġġenti kienu jippreżentaw xebh qawwi fuq il-livell viżiv, u dan minkejja d-differenza kkostitwita mill-preżenza rispettiva tal-elementi “or” u “an”. Fil-fatt, kif irrileva ġustament il-Bord tal-Appell, din id-differenza, li tirrigwarda żewġ ittri li jinsabu fin-nofs tas-sinjali kunfliġġenti, ma tikkumpensax għax-xebh sinjifikattiv irrilevat preċedentement u li jirrigwarda l-bidu u l-aħħar tal-imsemmija sinjali.

38

Bl-istess mod, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li s-sinjali kunfliġġenti kienu jippreżentaw xebh qawwi fuq il-livell fonetiku. Fil-fatt, is-sinjali kunfliġġenti għandhom inkomuni l-ewwel u l-aħħar sillabi. Id-differenza li tirrigwarda s-sillaba tagħhom tan-nofs ma tistax tqiegħed fid-dubju x-xebh sinjifikattiv li jeżisti bejn is-sinjali, kif korrettement irrileva l-Bord tal-Appell. Fir-rigward tal-fatt sostnut mir-rikorrent li s-sinjali kunfliġġenti jiġu ppronunzjati, bl-Ingliż, b’enfasi differenti, dan ma jistax iqiegħed fid-dubju x-xebh fonetiku li jeżisti bejniethom u lanqas il-fatt li, fil-lingwi l-oħra, huma ppronunzjati b’aċċent toniku identiku.

39

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi kkunsidrat li teżisti relazzjoni viżiva u fonetika bejn is-sinjali kunfliġġenti.

40

L-argument tar-rikorrent, anki jekk wieħed jassumi li huwa stabbilit, intiż sabiex isostni li l-kelma “toscoro” hija kelma vvintata, mingħajr tifsira partikolari, filwaqt li l-IĠP inkwistjoni twassal il-kunċett ta’ żejt taż-żebbuġa mit-Toscana, ma jistax iwassal sabiex jiġi konkluż li t-trade mark ikkontestata ma tevokax l-IĠP inkwistjoni. Fil-fatt, minbarra l-fatt li din iċ-ċirkustanza ma hijiex ta’ natura li tqiegħed fid-dubju r-relazzjoni viżiva u fonetika tas-sinjali kunfliġġenti, ir-rabta li teżisti bejn IĠP u l-prodott protett hija inerenti għan-natura stess tal-IĠP u ma tistax twassal sabiex iddgħajjef il-protezzjoni li jagħtihom id-dritt tal-Unjoni.

41

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha u, b’mod partikolari, tar-relazzjoni viżiva u fonetika li teżisti bejn is-sinjali kunfliġġenti, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li l-kelma “toscoro” tista’ tevoka l-IĠP “Toscano” meta l-konsumatur jkun fil-preżenza ta’ prodotti tal-istess tip bħal dak kopert mill-imsemmija IĠP. Fil-fatt, ix-xebh viżiv u fonetiku jkunu ta’ natura li x-xbiha li tiskatta f’moħħ il-konsumatur hija dik taż-żejt taż-żebbuġa li jibbenefika mill-IĠP “Toscano”, meta jkun fil-preżenza ta’ prodott tal-istess tip bid-denominazzjoni “toscoro” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2008, Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑132/05, EU:C:2008:117, punt 48).

42

Fir-rigward tal-prodotti kkonċernati, ir-rikorrent ma jikkontestax il-konklużjoni tal-Bord tal-Appell, li, barra minn hekk, ma hijiex ivvizzjata bi żball ta’ evalwazzjoni, li ż-żejt taż-żebbuġa huwa inkluż fil-prodotti “żjut u xaħmijiet għall-ikel” u “żjut għall-ikel veġetali u b’mod partikolari żejt taż-żebbuġa” koperti mit-trade mark ikkontestata u li jaqgħu fil-klassi 29. Għalhekk, dawn il-prodotti huma tal-istess tip bħaż-żejt taż-żebbuġa protett mill-IĠP inkwistjoni.

43

Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent jikkontesta l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell li t-trade mark ikkontestata tevoka l-IĠP inkwistjoni għall-prodotti “krejjem taż-żebbuġ ħodor u suwed”, li jaqgħu wkoll fil-klassi 29.

44

Għandu jitfakkar li l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 2081/92, kif applikabbli f’dan il-każ, jipprevedi r-rifjut tar-reġistrazzjoni ta’ kull trade mark li tkun tinsab f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13 tal istess regolament u li tirrigwarda l-istess tip ta’ prodott. Għalhekk, il-prodott inkwistjoni ma għandux għalfejn ikun neċessarjament identiku għall-prodott li huwa s-suġġett tal-IĠP iżda għandu jaqsam miegħu ċerti karatteristiċi komuni.

45

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-krejjem taż-żebbuġ, minn naħa, u ż-żejt taż-żebbuġ, min-naħa l-oħra, jaqsmu bejniethom karatteristika importanti, jiġifieri li huma prodotti tal-ikel idderivati miż-żebbuġ. Għalhekk, l-ingredjent prinċipali tagħhom huwa identiku. Barra minn hekk, għandha tiġi miċħuda l-asserzjoni, manifestament infondata, tar-rikorrent li skontha, essenzjalment, il-krejjem taż-żebbuġa huma essenzjalment “prodotti kożmetiċi”. Fil-fatt, minbarra l-fatt li din l-asserzjoni ma hijiex issostanzjata, hija tikkontradixxi t-titolu u n-nota ta’ spjega dwar il-prodotti fil-klassi 29 tal-klassifikazzjoni ta’ Nice, li jkopru essenzjalment prodotti tal-ikel. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell ikkunsidra ġustament, mingħajr ma r-rikorrent ressaq provi dettaljati f’dan ir-rigward, li l-kunċett ta’ “krejjem taż-żebbuġa” kien vag biżżejjed sabiex jinkludi krejjem prodotti miż-żejt taż-żebbuġa u li teżisti, għalhekk, prossimità ċerta bejn il-krejjem taż-żebbuġa u ż-żejt taż-żebbuġa. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li l-provi prodotti mill-intervenjent quddiem l-EUIPO, b’mod partikolari fil-kuntest tal-osservazzjonijiet tiegħu tal-5 ta’ Lulju 2013, juru li ċerti preparazzjonijiet tal-ikel fil-vażetti, ippreparati abbażi taż-żebbuġ, jinkludu bħala ingredjent iż-żejt taż-żebbuġa, li fi kwalunkwe każ jibbenefika mill-IĠP inkwistjoni. Għalhekk, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li l-krejjem taż-żebbuġa kienu prodotti tal-istess tip bħaż-żejt taż-żebbuġa protetti mill-IĠP inkwistjoni.

46

L-argumenti l-oħrajn tar-rikorrent ma humiex tali li jistgħu jqiegħdu fid-dubju dawn il-konklużjonijiet.

47

Fir-rigward tal-fatt li l-EUIPO rreġistrat trade marks li huma simili ħafna għall-IĠP inkwistjoni, għandu jitfakkar li d-deċiżjonijiet li l-Bordijiet tal-Appell huma mitluba jieħdu, skont ir-Regolament Nru 40/94, fir-rigward tar reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark, jaqgħu taħt l eżerċizzju ta’ kompetenza limitata u mhux ta’ setgħa diskrezzjonali. Għalhekk, kif indika ġustament il-Bord tal-Appell, il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell għandha tiġi evalwata biss fuq il-bażi ta’ dan ir-regolament, kif interpretat mill-qorti tal-Unjoni, u mhux fuq il-bażi ta’ prassi deċiżjonali preċedenti għalihom (sentenza tas-26 ta’ April 2007, Alcon vs UASI, C‑412/05 P, EU:C:2007:252, punt 65). Barra minn hekk, anki jekk jitqies li, permezz tal-argumenti tiegħu, ir-rikorrent jinvoka, fil-fatt, ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu jitfakkar li l-osservanza ta’ dan il-prinċipju għandha tiġi kkonċiljata mal-osservanza tal-prinċipju ta’ legalità. Barra minn hekk, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba, l-eżami ta’ kull applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandu jkun strett u komplet u għandu jseħħ f’kull każ speċifiku (sentenza tal-10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, C‑51/10 P, EU:C:2011:139, punti 75 u 77). Issa, għar-raġunijiet preċedenti, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni. Minn dan isegwi li r-rikorrent ma jistax jinvoka, għall-finijiet li tiġi invalidata l-konklużjoni li għaliha wasal il-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata, deċiżjonijiet preċedenti tal-EUIPO [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Mejju 2012, Universal Display vs UASI (UniversalPHOLED), T‑435/11, mhux ippubblikata, EU:T:2012:210, punt 39]. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li d-deċiżjonijiet tal-EUIPO invokati mir-rikorrent jirreferu għal sinjali differenti minn dawk imsemmija f’din il-kawża.

48

Fir-rigward tal-argument tar-rikorrent li l-IĠP inkwistjoni ma għandhiex reputazzjoni, u jekk wieħed jassumi li tali argument huwa ammissibbli quddiem il-Qorti Ġenerali, huwa ineffettiv peress li, kif jirrileva l-EUIPO fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, ir-reputazzjoni ta’ IĠP ma hijiex kundizzjoni għall-protezzjoni tagħha.

49

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 15 tal-Ftehim TRIPS

50

Ir-rikorrent isostni li t-trade mark ikkontestata tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 15 tal-Ftehim TRIPS u l-IĠP inkwistjoni dawk tal-Artikolu 22 tal-imsemmi ftehim. Peress li ż-żewġ skemi ta’ reġistrazzjoni jeskludu lil xulxin, skont ir-rikorrent, it-trade mark ikkontestata għandha tkompli tiġi elenkata fir-reġistru tat-trade marks tal-Unjoni.

51

L-EUIPO, sostnut mir-Repubblika Taljana, u l-intervenjent jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrent.

52

Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 188 tar-Regoli tal-Proċedura, in-noti ppreżentati mill-partijiet fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali ma jistgħux jibdlu s-suġġett tat-tilwima quddiem il-Bord tal-Appell.

53

Issa, kif irrileva ġustament l-EUIPO fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, l-Artikolu 15 tal-Ftehim TRIPS, moqri flimkien mal-Artikolu 22 tal-istess ftehim, qatt ma ġew invokati mir-rikorrent quddiem l-istanzi tal-EUIPO.

54

Konsegwentement, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

55

Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tat-tieni kap tat-talbiet.

Fuq l-ispejjeż

56

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

57

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

58

Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż tal-EUIPO u tal-intervenjent, kif mitlub minn dawn tal-aħħar.

59

Ir-Repubblika Taljana għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Roberto Mengozzi huwa kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti mill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) u mill-Consorzio per la tutela dell’olio extravergine di oliva Toscano IGP.

 

3)

Ir-Repubblika Taljana għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Tomljenović

Marcoulli

Kornezov

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-2 ta’ Frar 2017.

Firem


( *1 ) * Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top