Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CN0421

    Kawża C-421/15 P: Appell ippreżentat fid-29 ta’ Lulju 2015 minn Yoshida Metal Industry Co. Ltd mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fil-21 ta’ Mejju 2015 fil-Kawżi magħquda T-331/10 RENV u T-416/10 RENV – Yoshida Metal Industry Co. Ltd vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

    ĠU C 389, 23.11.2015, p. 13–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    23.11.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 389/13


    Appell ippreżentat fid-29 ta’ Lulju 2015 minn Yoshida Metal Industry Co. Ltd mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fil-21 ta’ Mejju 2015 fil-Kawżi magħquda T-331/10 RENV u T-416/10 RENV – Yoshida Metal Industry Co. Ltd vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

    (Kawża C-421/15 P)

    (2015/C 389/15)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Appellanti: Yoshida Metal Industry Co. Ltd (rappreżentanti: J. Cohen, Solicitor, G. Hobbs QC, T. St Quintin, Barrister)

    Parti oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), Pi-Design AG, Bodum France, Bodum Logistics A/S

    Talbiet

    Prinċipalment, l-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tal-21 ta’ Mejju 2015, Yoshida Metal Industry vs UASI, T-331/10 RENV u T-416/10 RENV;

    tilqa’ r-rikors tal-appellanti għal annullament fil-kawża li tat lok għas-sentenza appellata u tannulla d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-20 ta’ Mejju 2010 fil-Każ R 1235/2008-1;

    tilqa’ r-rikors tal-appellanti għal annullament fil-kawża li tat lok għas-sentenza appellata u tannulla d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-20 ta’ Mejju 2010 fil-Każ R 1237/2008-1;

    tikkundanna lill-Uffiċċju u l-intervenjenti għall-ispejjeż tagħhom kif ukoll għal dawk sostnuti mir-rikorrenti, inklużi l-ispejjeż irriżervati permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Marzu 2014, Pi-Design et vs Yoshida Metal Industry, C-337/12 P sa C-340/12 P.

    Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma jogħġobhiex tilqa’ t-talba prinċipali, ir-rikorrenti titlobha sussidjarjament, li:

    tannulla s-sentenza kkontestata sa fejn din tikkonċerna l-prodotti li ġejjin li għalihom ġew irreġistrati it-trade marks Komunitarji Nri 1 371 244 u 1 372 580: fil-klassi 8, mwielaq u kontentituri ta’ mwielaq; fil-klassi 21, għodod u reċipjenti għat-tindif jew għal kċina (mhux minn metalli prezzjużi, jew ibbanjati fihom) u blokok għas-skieken;

    tilqa’ r-rikors tal-appellanti għal annullament fil-kawża li tat lok għas-sentenza appellata u tannulla d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-20 ta’ Mejju 2010 fil-Każ R 1235/2008-1 sa fejn dan jikkonċerna l-prodotti li ġejjin li għalihom ġiet irreġistrata t-trade mark Komunitarja Nru 1 371 244: fil-klassi 8, mwielaq u kontentituri ta’ mwielaq; fil-klassi 21, għodod u reċipjenti għat-tindif jew għal kċina (mhux minn metalli prezzjużi, jew ibbanjati fihom) u blokok għas-skieken;

    tilqa’ r-rikors tal-appellanti għal annullament fil-kawża li tat lok għas-sentenza appellata u tannulla d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-20 ta’ Mejju 2010 fil-Każ R 1237/2008-1 sa fejn dan jikkonċerna l-prodotti li ġejjin li għalihom ġiet irreġistrata t-trade mark Komunitarja Nru 1 371 580: fil-klassi 8, mwielaq u kontentituri ta’ mwielaq; fil-klassi 21, għodod u reċipjenti għat-tindif jew għal kċina (mhux minn metalli prezzjużi, jew ibbanjati fihom) u blokok għas-skieken;

    tikkundanna lill-Uffiċċju u lill-intervenjenti għall-ispejjeż tagħhom kif ukoll għal dawk sostnuti mir-rikorrenti, inklużi l-ispejjeż irriżervati permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Marzu 2014, Pi-Design et vs Yoshida Metal Industry, C-337/12 P sa C-340/12 P.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka żewġ aggravji:

    l-ewwel aggravju huwa bbażat fuq il-fatt li s-sentenza appellata wettqet interpretazzjoni żbaljata u, konsegwentement, applikazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja (1) fir-rigward tas-sinjali suġġetti għal rappreżentazzjoni grafika fit-trade marks kontenzjużi;

    it-tieni aggravju huwa bbażat fuq il-fatt li, barra minn hekk jew sussidjarjament, is-sentenza appellata tikser id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 52(3) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja sa fejn din ma eżaminatx l-applikabbiltà tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja għal kull kategorija ta’ prodotti li għalihom ġew irreġistrati s-sinjali li huma s-suġġett ta’ rappreżentazzjoni grafika fit-trade marks ikkontestati.

    Insostenn tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti ssostni essenzjalment l-elementi li ġejjin:

    Fil-punt 39, is-sentenza appellata tikkonstata li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(1)(ċ)(ii) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja japplikaw għal kull sinjal, kemm jekk bidimensjonali u kemm jekk tridimensjonali, peress li l-karatteristiċi kollha essenzjali ta’ sinjal jissodisfaw funzjoni teknika. Madankollu, peremezz ta’ din il-konstatazzjoni u billi tapplikaha għat-trade marks kontenzjużi, is-sentenza appellata tikser (u, konsegwentement, u xxejjen mill-effett tagħhom) il-konstatazzjonijiet tas-sentenza Lego Juris vs UASI, C-48/09 P, EU:C:2010:516, punt 48, jiġifieri, minn-naħa, li l-imsemmija dispożizzjonijiet ma jostakolawx ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark “għas-sempliċi raġuni li hija tippreżenta karatteristiċi utilitarji” u, min-naħa l-oħra, li t-termini “esklużivament” u “neċessarja” jservu f’dawn id-dispożizzjonijiet sabiex jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni biss għall-“forom ta’ prodott li jinkorporaw soluzzjoni teknika biss”.

    Skont il-konstatazzjonijiet tas-sentenza Lego Juris vs L-UASI, C-48/09 P, EU:C:2010:516, il-Qorti Ġenerali kellha tikkonkludi li l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja ma jimponi l-ebda kundizzjoni legali li s-sinjal bidimensjonali jew tridimensjonali m’għandux ikollhom karatteristika utilitarja u li ma jostakolax ir-reġistrazzjoni ta’ sinjali “ibridi” li jinkludu elementi ta’ diżinn dekorattivi importanti mill-perspettiva viżiva li mhux biss “jinkorporaw soluzzjoni teknika”, iżda għandhom ukoll funzjoni distintiva bħal dik li huma mistennija li jkollhom it-trade marks. Madankollu, il-Qorti Ġenerali injorat b’mod żbaljat kriterji legali rilevanti (u, konsegwentement, ma implementathomx) għall-applikazzjoni tla-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja u billi ma bbażatx ruħha fuq il-priniċpju li s-sinjali suġġetti għal rappreżentazzjoni grafika fit-trade marks kontenzjużi jikkostitwixxu sinjali “ibridi”, li jinkludu elementi ta’ diżinn dekorattivi (diżinni importanti mill-perspettiva viżiva għal kull osservant fil-forma ta’ tikek suwed maħluqa b’ibbuzzar u bl-għoti tal-kulur lill-partijiet ibbuzzati) li, kif tikkonfema d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-31 ta’ Ottubru 2001 ċċitata fil-punt 5 tas-sentenza appellata, huma ta’ natura distintiva.

    Kieku l-Qorti Ġenerali Tribunal ma wettqitx interpretazzjoni u, kosegwentement, applikazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja, billi adottat u implementat approċċ żbaljat għall-kapaċità tal-partijiet ibbuzzati li jkollhom kemm natura distintiva għas-sinjali li huma s-suġġett ta’ rappreżentazzjoni grafika fit-trade marks kontenzjużi, din kienet tikkonkludi li d-dispożizzjonijiet iċċitati iktar 'il fuq ma kinux jeskludu ir-reġisytrazzjoni ta’ dawn is-sinjali u li d-deċiżjonijiet f’sens kuntrarju tal-Ewwel Bord tal-Uffiċċju kienu vvizzjati bi żball u kellhom jiġu annullati.

    Insostenn tat-tieni aggravju, l-appellanti essenzjalment issostni dan li ġej:

    Skont l-Artikolu 52(3) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja, il-Qorti Ġenerali kienet obbligata li teżamina jekk l-Artikolu 7(1)(e)(ii), tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja kellux l-effett li jannulla s-sinjali li huma s-suġġett ta’ rappreżentazzjoni grafika fit-trade marks kontenzjużi peress li dawn huma biss “forom ta’ prodott li jinkorporaw soluzzjoni teknika biss” (b’segwitu għas-sentenza Lego Juris vs UASI, C-48/09 P, EU:C:2010:516, punt 48), għall-prodotti kollha li għalihom ġew irreġistrati jew li għal uħud minnhom biss u, f’dan l-aħħar imsemmi każ, għal-liema kategoriji ta’ prodotti li għalihom ġew irreġistrati s-sinjali. Il-Qorti Ġenerali ma wettqitx dan l-eżami, li huwa kundizzjoni essenzjali, u għalhekk naqset milli tagħmel konstatazzjonijiet li fuqhom kienet tiddependi neċessarjament il-legalità tal-konklużjonijiet tagħha fir-rigward tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja.

    Barra minn hekk u fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tissodisfa l-kundizzjoni essenzjali tal-Artikolu 52(3) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja billi timplementa r-raġunament li hija segwiet għall-konstatazzjonijiet tagħha abbażi tal-Artikolu 7(3)(e)(ii), għall-prodotti kollha li ma għandhomx imqabad li għalihom ġew irreġistrati s-sinjali li huma s-suġġett ta’ rappreżentazzjoni grafika fit-trade marks kontenzjużi. B’mod partikolari, is-sinjali ġew irreġistrati għall-kategoriji li ġejjin ta’ prodotti li ma għandhom imqabad li għalihom il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali abbażi tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja ma jistgħux japplikaw skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 52(3) tiegħu: fil-klassi 8, mwielaq u kontentituri ta’ mwielaq; fil-klassi 21, għodod u reċipjenti għat-tindif jew għal kċina (mhux minn metalli prezzjużi, jew ibbanjati fihom) u blokok għas-skieken.


    (1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (Verżjoni kodifikata) (ĠU L 78, p. 1).


    Top