EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CN0342

Kawża C-342/15: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija) fit-8 ta’ Lulju 2015 – Leopoldine Gertraud Piringer

ĠU C 354, 26.10.2015, p. 11–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

26.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 354/11


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija) fit-8 ta’ Lulju 2015 – Leopoldine Gertraud Piringer

(Kawża C-342/15)

(2015/C 354/14)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Oberster Gerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti u appellanti: Leopoldine Gertraud Piringer

Domandi preliminari

1)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 77/249/KEE, biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju effettiv tal-libertà biex jiġu pprovduti servizzi minn avukati (1), għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jista’ jeskludi, mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi mill-avukati, l-awtentifikazzjoni tal-firem fuq id-dokumenti meħtieġa għall-ħolqien jew għat-trasferiment ta’ drittijiet fi proprjetà immobbli u jista’ jirriżerva l-eżerċizzju ta’ din l-attività għan-nutara?

2)

L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tal-Istat tar-reġistru (l-Awstrija) li tirriżerva għan-nutara l-awtentifikazzjoni tal-firem fuq id-dokumenti meħtieġa għall-ħolqien jew għat-trasferiment ta’ drittijiet fi proprjetà immobbli, bil-konsegwenza li d-dikjarazzjoni li tiċċertifika li l-firma hija awtentika, magħmula minn avukat stabbilit fir-Repubblika Ċeka fl-Istat ta’ stabbiliment tiegħu ma hijiex irrikonoxxuta fl-Istat tar-reġistru, meta, fid-dritt Ċek, din id-dikjarazzjoni għandha l-istess valur legali bħal awtentifikazzjoni mill-awtoritajiet,

b’mod partikolari għaliex,

a)

il-kwistjoni tar-rikonoxximent, fl-Istat tar-reġistru, ta’ dikjarazzjoni, magħmula fir-Repubblika Ċeka minn avukat stabbilit hemmhekk, li tiċċertifika li l-firma hija awtentika fuq talba ta’ inklużjoni fir-reġistru tal-artijiet, tikkonċerna l-provvista, minn avukat, ta’ servizz li ma jistax jiġi pprovdut mill-avukati stabbiliti fit-territorju tal-Istat tar-reġistru u r-rifjut li tiġi rrikonoxxuta tali dikjarazzjoni ma jaqax, għaldaqstant, taħt il-projbizzjoni ta’ restrizzjonijiet

jew

b)

l-esklużività mogħtija lin-nutara għal din l-attività hija ġġustifikata bl-għan li tiġi ggarantita l-legalità u ċ-ċertezza legali tal-atti (tad-dokumenti marbuta ma’ tranżazzjonijiet legali) u għaldaqstant b’raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali u hija barra minn hekk meħtieġa sabiex jintlaħaq dan l-għan fl-Istat tar-reġsitru?


(1)  Direttiva tal-Kunsill 77/249/KEE, tat-22 ta’ Marzu 1977, biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju effettiv tal-libertà biex jiġu pprovduti servizzi minn avukati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 52).


Top