Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CN0105

    Kawża C-105/15 P: Appell ippreżentat fl-4 ta’ Marzu 2015 minn Konstantinos Mallis u minn Elli Konstantinou Malli mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (l-Ewwel Awla) fis-16 ta’ Ottubru 2014 fil-Kawża T-327/13, Mallis u Malli vs Il-Kummissjoni u Il-Bank Ċentrali Ewropew

    ĠU C 178, 1.6.2015, p. 2–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    1.6.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 178/2


    Appell ippreżentat fl-4 ta’ Marzu 2015 minn Konstantinos Mallis u minn Elli Konstantinou Malli mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (l-Ewwel Awla) fis-16 ta’ Ottubru 2014 fil-Kawża T-327/13, Mallis u Malli vs Il-Kummissjoni u Il-Bank Ċentrali Ewropew

    (Kawża C-105/15 P)

    (2015/C 178/02)

    Lingwa tal-kawża: il-Grieg

    Partijiet

    Appellanti: Konstantinos Mallis u Elli Konstantinou Malli (rappreżentanti: E. Efstathiou, K. Efstathiou u K. Liasidou, avukati)

    Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea u Il-Bank Ċentrali Ewropew

    Talbiet

    tannulla s-sentenza appellata;

    tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tilqa’ l-eċċezzjoni ta’ inammissibblità u, b’mod partikolari, id-deċiżjoni li “dikjarazzjoni tal-grupp tal-euro ma tistax titqies bħala att li huwa maħsub li jipproduċi effetti legali fil-konfront ta’ terzi” u konsegwentement fil-konfront tar-rikorrenti u li bid-dikjarazzjoni kkontestata l-grupp tal-euro “pproduċa, b’mod ġenerali ħafna, rendikont ta’ ċerti miżuri maqbula fuq il-livell politiku mar-Repubblika ta’ Ċipru”;

    tannulla d-digriet appellat li permezz tiegħu t-tnaqqis tal-valur tad-depożiti ġie imputat lir-Repubblika ta’ Ċipru mingħajr ma ġiet attribwita xi mġieba, att jew deċiżjoni lill-grupp tal-euro, lill-appellati jew lil dawn tal-aħħar permezz tal-grupp tal-euro;

    tannulla l-kundanna tar-rikorrenti għall-ispejjeż.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    Ir-rikorrenti jinvokaw erba’ aggravji insostenn tal-appell tagħhom. Dawn huma:

    1.

    Id-digriet appellat huwa vvizzjat minn nuqqas ta’ motivazzjoni u ngħata abbażi ta’ interpretazzjoni żbaljata tal-fatti u tal-liġi fir-rigward tal-istituzzjoni li effettivament adottat id-deċiżjoni dwar it-tnaqqis tal-valur tad-depożiti “bail in”.

    2.

    Id-digriet appellat ingħata bi ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, peress li l-Qorti Ġenerali interpretat ħażin il-fatt li, indipendentement mit-tip jew mill-forma li ħadet id-deċiżjoni kkontestata tal-grupp tal-euro, din kienet, f’dan il-każ, att li jista’ jiġi kkontestat.

    3.

    Id-digriet appellat huwa vvizzjat peress li l-Qorti Ġenerali, fl-għoti tad-digriet, ma eżaminatx ir-relazzjoni ġuridika u fattwali bejn il-Kummissjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-grupp tal-euro, u lanqas ma eżaminat il-fatt li abbażi tal-prinċipju ta’ legal causation u tal-kriterju tal-awtur veru, l-atti tal-grupp tal-euro kienu jikkostitwixxu atti tal-Bank Ċentrali Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea, li kellhom jaġixxu b’mod konformi mat-Trattat u mal-Protokolli tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mad-dritt sekondarju u derivat.

    Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx il-mertu tal-argumenti u tal-ilmenti tar-rikorrenti u għalhekk żbaljat meta ċaħdet ir-rikors għal annullament.

    4.

    Ladarba dan l-appell jiġi milqugħ, ir-rikorrenti ma għandhomx jiġu kkundannati għall-ispejjeż tal-appell u għal dawk tal-proċeduri fl-ewwel istanza.


    Top