Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CN0098

    Kawża C-98/15: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Social no 33 de Barcelona (Spanja) fis-27 ta’ Frar 2015 – María Begoña Espadas Recio vs Servicio Público de Empleo Estatal (SPEE)

    ĠU C 171, 26.5.2015, p. 17–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    26.5.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 171/17


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Social no 33 de Barcelona (Spanja) fis-27 ta’ Frar 2015 – María Begoña Espadas Recio vs Servicio Público de Empleo Estatal (SPEE)

    (Kawża C-98/15)

    (2015/C 171/20)

    Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

    Qorti tar-rinviju

    Juzgado de lo Social no 33 de Barcelona

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: María Begoña Espadas Recio

    Konvenut: Servicio Público de Empleo Estatal (SPEE)

    Domandi preliminari

    1)

    B’applikazzjoni tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Bruno et (C-395/08 u C-396/08, EU:C:2010:329), il-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time anness mad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997, li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC (iktar ’il quddiem il-“Ftehim Qafas”) (1) għandha titqies li tapplika għal benefiċċju kontributtiv tal-qgħad bħal dak stabbilit mill-Artikolu 210 tal-liġi ġenerali dwar is-sigurtà soċjali Spanjola, li huwa ffinanzjat esklużivament mill-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-ħaddiem u mill-impriżi li impjegawh, u li huwa kkalkolat skont perijodi ta’ impjieg li għalihom tħallsu kontribuzzjonijiet matul is-sitt snin li jippreċedu s-sitwazzjoni legali ta’ qgħad?

    2)

    Fil-każ ta’ risposta fil-pożittiv, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Bruno et (C-395/08 u C-396/08, EU:C:2010:329), il-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik tal-Artikolu 3(4) tad-Digriet Irjali Nru 625/1985, tat-2 ta’ April 1985, (leġiżlazzjoni dwar il-benefiċċji tal-qgħad) li tirreferi għaliha r-raba’ regola tal-ewwel paragrafu tas-seba’ dispożizzjoni addizzjonali tal-liġi ġenerali dwar is-sigurtà soċjali, li – fis-sitwazzjonijiet ta’ xogħol part-time “vertikali” (tlett ijiem fil-ġimgħa biss) – ma tiħux inkunsiderazzjoni l-ġranet mhux maħduma għall-finijiet tal-kalkolu tat-tul tal-benefiċċju tal-qgħad, minkejja li jkunu tħallsu l-kontribuzzjonijiet li jikkorrispondu għal dawn il-ġranet, ħaġa li għandha l-effett li tnaqqas it-tul tal-benefiċċju tal-qgħad?

    3)

    Il-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq is-sess stabbilita mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 79/7/KEE (2), għandha tiġi interpretata fis-sens li topponi jew tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik tal-Artikolu 3(4) tad-Digriet Irjali Nru 625/1985, tat-2 ta’ April 1985 (leġiżlazzjoni dwar il-benefiċċji tal-qgħad), li, fis-sitwazzjonijiet ta’ xogħol part-time “vertikali” (tlett ijiem fil-ġimgħa biss), ma tiħux inkunsiderazzjoni bħala ġranet ta’ kontribuzzjoni l-ġranet mhux maħduma, ħaġa li għandha l-effett li tnaqqas it-tul tal-benefiċċju tal-qgħad?


    (1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 267.

    (2)  Direttiva tal-Kunsill, tad-19 ta’ Diċembru 1978, dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 215).


    Top