Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CC0566

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali H. Saugmandsgaard Øe, ippreżentati fl-4 ta’ Mejju 2017.
    Konrad Erzberger vs TUI AG.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Kammergericht Berlin.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-ħaddiema – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Elezzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema fil-bord ta’ sorveljanza ta’ kumpannija – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita d-dritt tal-vot u l-eliġibbiltà unikament għall-ħaddiema ta’ stabbilimenti li jinsabu fit-territorju nazzjonali.
    Kawża C-566/15.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:347

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    SAUGMANDSGAARD ØE

    ppreżentati fl-4 ta’ Mejju 2017 ( 1 )

    Kawża C-566/15

    Konrad Erzberger

    vs

    TUI AG

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Kammergericht Berlin (qorti reġjonali superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja)]

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-ħaddiema – Ugwaljanza fit-trattament – Artikoli 18 u 45 TFUE – Elezzjoni tar-rappreżentanti tal-impjegati fi ħdan il-korp ta’ superviżjoni ta’ kumpannija – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita d-dritt tal-vot u ta’ kandidatura lill-ħaddiema impjegati fit-territorju nazzjonali biss”

    I. Introduzzjoni

    1.

    Il-kawża preżenti għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Kammergericht Berlin (qorti reġjonali superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja), li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18 TFUE dwar il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità u tal-Artikolu 45 TFUE dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema.

    2.

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Konrad Erzberger, azzjonist u TUI AG, kumpannija Ġermaniża, dwar il-kostituzzjoni tal-kunsill ta’ superviżjoni ta’ din il-kumpannija. B’mod partikolari, l-azzjonist jinvoka n-nuqqas ta’ kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża dwar it-tmexxija konġunta tal-ħaddiema fil-kumpannija mal-Artikoli 18 u 45 TFUE, sa fejn din tipprevedi li huma biss il-ħaddiema impjegati fl-istabbilimenti ta’ kumpannija jew fil-gruppi ta’ kumpanniji li hija parti minnhom din il-kumpannija li jinsabu fit-territorju Ġermaniż li jiddisponu minn dritt tal-vot u ta’ kandidatura fl-elezzjoni tar-rappreżentanti tal-impjegati fi ħdan il-korp ta’ superviżjoni ta’ din il-kumpannija.

    3.

    Il-kwistjoni fil-kawża prinċipali hija dik jekk, fil-kuntest ta’ skema nazzjonali ta’ parteċipazzjoni tal-ħaddiema, l-Istati Membri jistgħux ikunu marbuta, abbażi tal-Artikoli 18 u 45 TFUE, sabiex jagħtu lill-ħaddiema impjegati f’sussidjarji stabbiliti fl-Istati Membri l-oħra, l-istess dritt tal-vot u ta’ kandidatura li jibbenefikaw minnu l-ħaddiema nazzjonali.

    4.

    F’dawn il-konklużjonijiet, ser nispjega r-raġunijiet għalfejn nikkunsidra li din id-domanda għandha tingħata risposta negattiva u li l-Artikoli 18 u 45 TFUE ma jopponux skema nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    II. Il-kuntest ġuridiku Ġermaniż

    A. Il-liġi fuq it-tmexxija konġunta

    5.

    L-Artikolu 1 tal-Gesetz über die Mitbestimmung der Arbeitnehmer (MitbestG) (liġi fuq it-tmexxija konġunta tal-ħaddiema) tal-4 ta’ Mejju 1976 ( 2 ) (iktar ’il quddiem il-“liġi fuq it-tmexxija konġunta”), intitolat “Impriżi previsti”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Fl-impriżi

    1.

    stabbiliti taħt forma ta’ kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata, kumpannija in akkomandita permezz ta’ azzjonijiet, ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata jew ta’ kooperattiva u

    2.

    li timpjega b’mod ġenerali iktar minn 2,000 persuna,

    il-liġi preżenti tirrikonoxxi għall-impjegati d-dritt għal tmexxija konġunta.”

    6.

    L-Artikolu 3 tal-liġi fuq it-tmexxija konġunta, intitolat “L-impjegati u l-impriża”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Huma kkunsidrati bħala impjegati fis-sens ta’ din il-liġi

    1.

    il-persuni msemmija fl-Artikolu 5(1) [tal-Betriebsverfassungsgesetz (BetrVG) (liġi dwar il-kostituzzjoni soċjali tal-impriża)], bl-eċċezzjoni tal-livelli ogħla msemmija fl-Artikolu 5(3) tal-imsemmija liġi,

    2.

    il-livelli ogħla msemmija fl-Artikolu 5(3) tal-liġi li tirrigwarda l-kostituzzjoni soċjali tal-impriża.

    Il-persuni previsti fl-Artikolu 5(2) tal-liġi dwar il-kostituzzjoni soċjali tal-impriża ma humiex impjegati fis-sens tal-liġi preżenti.”

    7.

    L-Artikolu 5 tal-liġi fuq it-tmexxija konġunta, intitolat “Il-gruppi tal-impriżi”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Meta impriża […] tkun l-impriża dominanti fi ħdan ta’ grupp [Artikolu 18(1) tal-Aktiengesetz (liġi fuq il-kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbiltà limitata)], is-sitwazzjoni tal-impjegati tal-impriżi fil-grupp hija simili għall-impjegati tal-impriża dominanti għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din il-liġi […]”.

    8.

    L-Artikolu 7 tal-liġi fuq it-tmexxija konġunta, intitolat “Kompożizzjoni tal-korp ta’ superviżjoni”, jipprovdi fil-punt 3 tal-paragrafu 1, fil-punt 3 tal-paragrafu 2 u fil-paragrafu 4 ( 3 ) tiegħu:

    “(1)   Il-korp ta’ superviżjoni ta’ impriża

    […]

    3.

    li tgħodd normalment iktar minn 20,000 impjegat huwa kompost minn għaxar membri li jirrappreżentaw lill-azzjonisti u minn għaxar membri li jirrappreżentaw lill-impjegati.

    […]

    (2)   Fost il-membri tal-korp ta’ superviżjoni li jirrappreżentaw lill-impjegati għandu jkun hemm

    […]

    3.

    f’korp ta’ superviżjoni li għandu għaxar rappreżentanti tal-impjegati, seba’ impjegati tal-impriża u tliet rappreżentanti tal-unions.

    […]

    (4)   L-impjegati tal-impriża previsti fil-paragrafu 2 għandhom ikunu laħqu l-età ta’ 18-il sena u jkunu ilhom jaħdmu fl-impriża għal mill-inqas sena. Mas-sena li fiha ingħaqdu mal-impriża, għandhom jiżdiedu l-perijodi ta’ xogħol f’impriża oħra li fihom l-impjegati jieħdu sehem fl-elezzjonijiet tal-membri tal-korp ta’ superviżjoni tal-imsemmija impriża abbażi ta’ din il-liġi. Dawn il-perijodi għandhom ikunu immedjatament preċedenti għall-mument li fih l-impjegati kisbu d-dritt li jipparteċipaw fl-elezzjonijiet tal-membri tal-korp ta’ superviżjoni tal-impriża. Il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà l-oħra previsti fl-Artikolu 8(1) ta’ din il-liġi dwar il-kostituzzjoni soċjali tal-impriża għandhom jiġu ssodisfatti”.

    9.

    L-Artikolu 10 tal-liġi fuq it-tmexxija konġunta, intitolat “Elezzjoni tad-delegati”, jipprevedi fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

    “(1)   L-impjegati għandhom jeleġġu lid-delegati b’vot proporzjonali sigriet f’kull stabbiliment tal-impriża.

    (2)   L-impjegati tal-impriża li laħqu l-età ta’ 18-il sena għandhom id-dritt jivvotaw fl-elezzjoni tad-delegati. It-tieni sentenza tal-Artikolu 7 tal-liġi Ġermaniżi li tirrigwarda l-kostituzzjoni soċjali tal-impriża tapplika mutatis mutandis.

    (3)   Jistgħu jiġu eletti bħala delegati l-impjegati previsti fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 2 li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà previsti fl-Artikolu 8 tal-liġi Ġermaniża li tirrigwarda l-kostituzzjoni soċjali tal-impriża.”

    B. Il-liġi li tirrigwarda l-kostituzzjoni soċjali tal-impriża

    10.

    L-Artikolu 7 tal-liġi li tirrigwarda l-kostituzzjoni soċjali tal-impriża, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-pubblikazzjoni tal-25 ta’ Settembru 2001 ( 4 ), intitolat “Dritt tal-vot” jipprovdi:

    “L-impjegati kollha tal-istabbiliment li laħqu l-età ta’ 18-il sena għandhom id-dritt tal-vot. Jekk impjegati jkunu tqiegħdu għad-dispożizzjoni minn persuna li timpjega oħra, fid-dawl tal-eżekuzzjoni tas-servizzi, dawn igawdu wkoll mid-dritt tal-vot jekk it-tul tat-tqegħid għad-dispożizzjoni jaqbeż it-tliet xhur.”

    11.

    L-Artikolu 8 tal-liġi li tirrigwarda l-kostituzzjoni soċjali tal-impriża, intitolat “Eliġibbiltà”, jipprovdi:

    “(1)   Huma eliġibbli l-votanti kollha assenjati lill-istabbiliment għal iktar minn sitt xhur jew li jaħdmu mid-dar, prinċipalment għal dan l-istabbiliment, għal iktar minn sitt xhur. Il-perijodi li fihom l-impjegat ħadem, immedjatament qabel l-assenjazzjoni preżenti, fi ħdan stabbiliment ieħor tal-istess impriża jew tal-istess grupp ta’ impriżi jiġu ddebitati fuq din l-anzjanità fis-servizz ta’ sitt xhur [Artikolu 18(1) tal-liġi fuq il-kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbiltà limitata]. Ma huwiex eliġibbli kull min tilef il-kapaċità li jikseb id-drittijiet fil-każ ta’ elezzjonijiet pubbliċi bħala konsegwenza ta’ kundanna kriminali.

    (2)   Jekk l-istabbiliment ilu jeżisti għal inqas minn sitt xhur, b’deroga mid-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 dwar l-anzjanità fis-servizz ta’ sitt xhur, huma eliġibbli l-impjegati li jaħdmu fl-istabbiliment fil-mument tal-ftuħ tal-elezzjoni tal-kunsill tal-impriża u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà l-oħra.”

    III. Il-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    12.

    Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, K. Erzberger, huwa azzjonist tal-konvenuta, TUI, kumpannija li għandha s-sede tagħha f’Berlin (il-Ġermanja) u f’Hannover (il-Ġermanja). TUI hija l-kap ta’ grupp ta’ kumpanniji li hija tikkontrolla (iktar ’il quddiem, il-“grupp TUI”), attiv fis-settur tat-turiżmu. Il-grupp TUI jopera fuq livell dinji u jimpjega madwar 10103 persuna fil-Ġermanja u madwar 39536 persuna fl-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea. La TUI u lanqas ebda mill-kumpanniji tal-grupp TUI ma jiddisponu minn fergħat dipendenti jew minn stabbilimenti fi Stati Membri oħra għajr dawk fejn għandhom is-sede tagħhom.

    13.

    Skont il-liġi fuq it-tmexxija konġunta, il-korp ta’ superviżjoni ta’ TUI ( 5 ) fih 20 membru li huma komposti minn għaxar rappreżentanti tal-azzjonisti u minn għaxar membri li jirrappreżentaw lill-impjegati ( 6 ).

    14.

    L-Artikolu 98 tal-liġi fuq il-kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbiltà limitata jipprevedi l-possibbiltà, fil-każ ta’ tilwim fuq id-dispożizzjonijiet legali applikabbli għall-kostituzzjoni ta’ korp ta’ superviżjoni, ta’ azzjoni legali. K. Erzberger għamel użu minn din il-possibbiltà.

    15.

    K. Erzberger isostni b’mod partikolari li l-korp ta’ superviżjoni ta’ TUI ma ġiex ikkostitwit b’mod tajjeb u taħt il-forma dovuta. L-imsemmi korp kellu jiġi kkostitwit biss minn membri maħtura mill-azzjonisti tal-kumpannija. Il-leġiżlazzjoni Ġermaniża dwar it-tmexxija konġunta tal-ħaddiema ma kellhiex tiġi applikata għall-kostituzzjoni tiegħu, peress li din tippreġudika lill-Artikoli 18 u 45 TFUE. Min-naħa l-oħra, TUI tqis li, essenzjalment, din il-leġiżlazzjoni hija konformi mad-dritt tal-Unjoni.

    16.

    Adita bil-kawża fl-ewwel istanza, il-Landgericht Berlin (qorti reġjonali ta’ Berlin, il-Ġermanja) iddeċidiet, permezz ta’ digriet tat-12 ta’ Mejju 2015, li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża dwar it-tmexxija konġunta ma tippreġudikax id-dritt tal-Unjoni.

    17.

    K. Erzberger appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju li tenniet xi dubji fir-rigward tal-konformità tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża dwar it-tmexxija konġunta mad-dritt tal-Unjoni.

    18.

    F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, abbażi tal-opinjoni popolari fid-duttrina u fil-ġurisprudenza Ġermaniża ( 7 ), “impjegat” ifisser, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-liġi fuq it-tmexxija konġunta, l-impjegati tal-impriża li jinsabu fuq it-territorju nazzjonali biss. Għalkemm dan ma jirriżultax mill-kliem tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi, din il-konklużjoni għandha tkun ibbażata fuq approċċ li jgħaqqad flimkien lill-prinċipju ta’ territorjalità, li jipprovdi li l-ordni soċjali Ġermaniż ma jistax jiġi estiż għat-territorju tal-Istati l-oħra, mal-oriġini tal-imsemmija liġi ( 8 ).

    19.

    Il-qorti tar-rinviju tirrileva wkoll li, abbażi tal-ġurisprudenza tal-Bundesarbeitsgericht (qorti federali tax-xogħol, il-Ġermanja) ( 9 ), il-liġi li tirrigwarda l-kostituzzjoni soċjali tal-impriża, li l-Artikolu 5(1) tagħha jipprovdi definizzjoni tal-kunċett ta’ “impjegat” li jirreferi għalih l-Artikolu 3 tal-liġi fuq it-tmexxija konġunta ( 10 ), ma tapplikax għall-istabbilimenti ta’ impriżi Ġermaniżi li jinsabu barra.

    20.

    Skont il-qorti tar-rinviju, minn dawn l-elementi jirriżulta li huma biss l-impjegati li jaħdmu fil-Ġermanja li jistgħu jeleġġu lill-membri tal-kunsill ta’ superviżjoni li jirrappreżenta lill-impjegati, jiġu eletti bħala delegati u jsiru membri tal-kunsill ta’ superviżjoni. Barra minn hekk, impjegat ikollu jtemm il-funzjonijiet li jeżerċita fi ħdan il-kunsill ta’ superviżjoni meta jieħu xogħol fi Stat Membru ieħor, anki meta jibqa’ impjegat mill-kumpannija Ġermaniża jew minn impriża fl-istess grupp.

    21.

    Il-qorti tar-rinviju tqis li huwa possibbli li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża fir-rigward tat-tmexxija konġunta tipproduċi diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, fis-sens tal-Artikolu 18 TFUE, fis-sens li, bil-kontra tal-impjegati li jaħdmu fil-Ġermanja, dawk li huma impjegati fi Stat Membru ieħor, u li jista’ jiġi preżunt li, bħala regola ġenerali, ma humiex Ġermaniżi, ma jistgħux jeleġġu l-korp ta’ superviżjoni tal-konvenuta jew jiġu eletti fih u, bħala konsegwenza, ma humiex irrappreżentati suffiċjentement fil-korp ta’ superviżjoni tagħha. Il-qorti tar-rinviju tqis li l-ebda ġustifikazzjoni suffiċjenti ma hija identifikabbli f’dan ir-rigward.

    22.

    Fi kwalunkwe każ, il-qorti tar-rinviju tqis li huwa konċepibbli li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża dwar it-tmexxija konġunta tippreġudika lill-moviment liberu tal-ħaddiema, previst mill-Artikolu 45 TFUE. B’hekk, minħabba r-riskju tat-telf tal-istatus ta’ membru ta’ korp ta’ superviżjoni, din il-leġiżlazzjoni tista’, jekk ikun il-każ, tiddiswadi lill-impjegati milli jippreżentaw il-kandidatura tagħhom għal pożizzjonijiet effettivament proposti u, għal dan il-għan, milli jiċċirkulaw liberament fuq it-territorju tal-Istati Membri.

    23.

    Fuq din il-bażi, il-Kammergericht Berlin (qorti reġjonali superjuri ta’ Berlin) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “Huwa kompatibbli mal-Artikolu 18 TFUE (nondiskriminazzjoni) u mal-Artikolu 45 TFUE (moviment liberu tal-ħaddiema) li Stat Membru jagħti d-dritt li wieħed jivvota u li wieħed joħroġ bħala kandidat għar-rappreżentanti tal-impjegati fil-korp ta’ superviżjoni ta’ kumpannija biss lil dawk il-ħaddiema li huma impjegati fi stabbilimenti tal-kumpannija jew fil-kumpanniji tal-grupp fit-territorju nazzjonali?”

    24.

    Xi osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn K. Erzberger, TUI, il-Betriebsrat der TUI AG/TUI Group Services GmbH, Franz Jakobi et u Vereinte Dienstleistungsgewerkschaft ver.di (iktar ’il-quddiem, flimkien, “Betriebsrat der TUI et”), Vereinigung Cockpit e.V li adottat l-osservazzjonijiet tal-Betriebsrat der TUI et, mill-Gvern Ġermaniż u mill-Gvern Awstrijak kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Waqt is-seduta li nżammet fl-24 ta’ Jannar 2017, K. Erzberger, TUI, Betriebsrat der TUI et, il-Gvern Ġermaniż, Franċiż, Lussemburgiż, Olandiż u Awstrijak, l-Awtorità ta’ sorveljanza AELE kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom.

    IV. Analiżi ġuridika

    A. Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

    25.

    Preliminarjament, TUI ssostni li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domanda preliminari, peress li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

    26.

    F’dan il-kuntest, din il-parti tirrileva, b’mod partikolari, li r-rikorrent fil-kawża prinċipali, K. Erzberger, peress li huwa azzjonist tal-kumpannija konvenuta u mhux impjegat tagħha, ma huwiex affettwat mill-allegati effetti diskriminatorji jew restrittivi tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża kkonċernata, argument li tressaq ukoll minn Betriebsrat der TUI et kif ukoll mill-Gvern Lussemburgiż u Awstrijak.

    27.

    F’dan ir-rigward, nosserva li skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi preliminarjament fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni li ma tinsabx fil-kuntest tad-dritt tal-Unjoni u meta s-suġġett tal-kawża ma jippreżenta l-ebda element ta’ rabta ma’ kwalunkwe mis-sitwazzjonijiet previsti mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati ( 11 ).

    28.

    Madankollu, ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tieħu deċiżjoni dwar talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun waħda ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji biex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jsirulha ( 12 ).

    29.

    Issa, dan ma huwiex il-każ fil-kawża preżenti.

    30.

    Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li, bħala azzjonist ta’ TUI, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali K. Erzberger, ma huwiex previst mid-dispożizzjonijiet Ġermaniżi dwar it-tmexxija konġunta tal-ħaddiema, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-parti interessata għamlet użu mid-dritt tagħha, prevista mid-dritt nazzjonali ( 13 ), li tibda azzjoni legali, fil-każ ta’ tilwim dwar id-dispożizzjonijiet legali applikabbli għall-kostituzzjoni tal-kunsill ta’ superviżjoni, billi invokat, b’mod partikolari, in-nuqqas ta’ applikabbiltà ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għall-kostituzzjoni tal-kunsill ta’ superviżjoni ta’ TUI, minħabba l-fatt li dawn huma kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li d-deċiżjoni tagħha fuq ir-rikors ippreżentat minn K. Erzberger tiddependi mir-risposta li ser tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda preliminari. Fil-fatt, skont din il-qorti, jekk il-leġiżlazzjoni Ġermaniża dwar it-tmexxija konġunta tirriżulta totalment jew parzjalment inapplikabbli minħabba l-fatt li tikser id-dritt tal-Unjoni, ikun jeħtieġ li jintlaqa’ ir-rikors parzjalment jew kompletament.

    31.

    Isegwi li l-interpretazzjoni tal-Artikoli 18 u 45 TFUE mitluba mill-qorti tar-rinviju għandha rabta diretta mas-suġġett tal-kawża prinċipali.

    32.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domanda preliminari.

    B. Fuq il-mertu

    1.   Fuq is-suġġett tad-domanda preliminari

    33.

    Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi fuq il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża dwar it-tmexxija konġunta ( 14 ) tal-ħaddiema mal-Artikoli 18 u 45 TFUE, u dan minn diversi aspetti.

    34.

    Minn naħa, din il-qorti tistaqsi jekk, fir-rigward tal-impjegati tal-grupp TUI li jaħdmu fi Stati Membri oħra barra l-Ġermanja, din il-leġiżlazzjoni twassalx għal diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, peress li, bil-kontra tal-impjegati tal-grupp li jaħdmu fil-Ġermanja, dan l-impjegati tal-ewwel ma jiddisponux minn dritt tal-vot u ta’ kandidatura fl-elezzjonijiet tar-rappreżentati tal-ħaddiema fi ħdan il-kunsill ta’ superviżjoni tal-kumpannija parent tal-grupp (TUI).

    35.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li TUI ma għandhiex fergħat dipendenti jew stabbilimenti fi Stati Membri oħra ( 15 ). Għaldaqstant, l-analiżi esposta f’dawn il-konklużjonijiet ma tipprevedix il-każ fejn l-impjegat jaħdem fi stabbiliment jew fergħa dipendenti fi Stat Membru barra dak li fih hija stabbilita l-kumpannija. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi ddeterminat jekk leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirriżultax f’diskriminazzjoni kontra l-impjegati tal-grupp TUI impjegati fis-sussidjarji tal-grupp stabbiliti fi Stati Membri oħra ( 16 ).

    36.

    Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tistaqsi fuq il-punt jekk, fir-rigward tal-impjegati tal-grupp TUI impjegati fil-Ġermanja, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża tikkostitwixxix restrizzjoni għall-moviment liberu tal-ħaddiema, peress li, minħabba r-riskju tat-telf tad-dritt tal-vot u ta’ kandidatura, din il-leġiżlazzjoni tista’ tiddiswadi lil dawn il-ħaddiema milli jitolbu jew jaċċettaw pożizzjoni fi Stat Membru ieħor jew li trendi inqas attraenti tali bidla.

    37.

    B’hekk, id-domanda preliminari tipprevedi żewġ sitwazzjonijiet differenti li jirrigwardaw żewġ kategoriji ta’ impjegati, li għandha ssir distinzjoni ċara bejniethom waqt l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni.

    2.   Fuq id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li għandhom jiġu interpretati

    38.

    Għandu jiġi kkonstatat li d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tirreferi kemm għall-Artikolu 18 TFUE, li jistabbilixxi l-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, kif ukoll għall-Artikolu 45 TFUE dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema.

    39.

    Abbażi ta’ ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 18 TFUE ma huwiex intiż li japplika b’mod awtonomu ħlief f’sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni li fir-rigward tagħhom it-Trattat ma jistabbilixxix regoli speċifiċi dwar nondiskriminazzjoni ( 17 ). Issa, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni huwa speċifikament espress, fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema, fl-Artikolu 45(2) TFUE ( 18 ).

    40.

    Għaldaqstant, ma hemmx lok, għall-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiddeċiedi fir-rigward tal-Artikolu 18 TFUE jekk l-Artikolu 45 TFUE huwa applikabbli fil-kawża preżenti.

    41.

    F’dan l-istadju nindika li fl-opinjoni tiegħi, l-Artikolu 45 TFUE ma japplikax fuq l-impjegati tal-grupp TUI li jaħdmu barra mill-Ġermanja, iżda li din id-dispożizzjoni tista’ tapplika, fl-opinjoni tiegħi, fuq l-impjegati tal-grupp li jaħdmu fil-Ġermanja.

    3.   Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 45 TFUE

    a)   Fuq il-kunċett tal-“kondizzjonijiet l-oħra tax-xogħol”

    42.

    Qabel kollox, għandu jitfakkar li l-Artikolu 45(2) TFUE jipprevedi li l-moviment liberu tal-ħaddiema jimplika l-abolizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni, ibbażata fuq in-nazzjonalità, bejn il-ħaddiema tal-Istati Membri, f’dak li jirrigwarda l-impjieg, il-paga u l-kondizzjonijiet l-oħra tax-xogħol ( 19 ).

    43.

    Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kunċett tal-“kondizzjonijiet l-oħra tax-xogħol”, għandu jinftiehem bħala li jgawdi minn portata estensiva, sa fejn din id-dispożizzjoni tipprevedi l-ugwaljanza fit-trattament għal dak kollu li huwa marbut direttament jew indirettament mal-eżerċizzju ta’ attività bi ħlas fl-Istat Membru ospitanti ( 20 ).

    44.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, iqis li d-dritt tal-vot u ta’ kandidatura fl-elezzjonijiet tar-rappreżentanti tal-ħaddiema fil-kunsill ta’ superviżjoni tal-kumpannija, hekk kif previst mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża kkonċernata, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “kondizzjonijiet l-oħra tax-xogħol”, fis-sens tal-Artikolu 45(2) TFUE ( 21 ). Fil-fatt, abbażi ta’ din il-leġiżlazzjoni, id-dritt tal-vot u ta’ kandidatura jiddependi preċiżament fuq il-punt jekk persuna tgawdix mill-kwalità ta’ “impjegat”, fis-sens tal-imsemmija leġiżlazzjoni ( 22 ). Għaldaqstant, jirrigwarda direttament l-eżerċizzju ta’ attività bi ħlas fil-Ġermanja.

    b)   Fuq l-eżistenza ta’ fattur ta’ rabta mad-dritt tal-Unjoni

    1) Osservazzjonijiet ġenerali

    45.

    Sabiex l-Artikolu 45 TFUE ikun applikabbli fil-kawża preżenti, jeħtieġ ukoll li l-kawża prinċipali tippreżenta rabta ma’ waħda mis-sitwazzjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni.

    46.

    TUI, Betriebsrat der TUI et u l-Gvern Ġermaniż jikkontestaw l-applikabbiltà tal-Artikolu 45 TFUE fil-kawża preżenti, billi jinvokaw, sostanzjalment, in-nuqqas ta’ element transkonfinali. Min-naħa l-oħra, K. Erzberger, l-Awtorità ta’ sorveljanza AELE u l-Kummissjoni jqisu li tali element huwa preżenti b’mod effettiv, b’mod partikolari peress li impjegat li jaħdem għal kumpannija Ġermaniża li jieħu pożizzjoni fi Stat Membru ieħor jitlef id-dritt tiegħu tal-vot u ta’ kandidatura fl-elezzjonijiet tal-kunsill ta’ superviżjoni, anki jekk jibqa’ impjegat minn din il-kumpannija.

    47.

    Nosserva li, fir-rigward tal-kwistjoni tal-applikabbiltà tal-Artikolu 45 TFUE, għandha ssir distinzjoni bejn iż-żewġ kategoriji ta’ impjegati msemmija fid-domanda preliminari, jiġifieri, minn naħa, l-impjegati tal-grupp TUI li jaħdmu fis-sussidjarji stabbiliti fi Stati Membri oħra barra l-Ġermanja, u, min-naħa l-oħra, dawk impjegati fil-Ġermanja ( 23 ).

    2) Fuq l-impjegati tal-grupp TUI li jaħdmu fis-sussidjarji stabbiliti fi Stati Membri oħra

    48.

    Fir-rigward tal-impjegati tal-grupp TUI li jaħdmu fis-sussidjarji stabbiliti fl-Istati Membri l-oħra barra l-Ġermanja, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-impjegati ma humiex neċessarjament persuni li għamlu użu mid-dritt ta’ moviment liberu tagħhom, abbażi tal-Artikolu 45 TFUE. Fil-fatt, hemm probabbiltà qawwija li din il-kategorija ta’ impjegati tinkludi numru kbir ta’ persuni li huma ċittadini jew residenti tal-Istat Membru li fih hija stabbilita s-sussidjarja u fejn hija eżerċitata l-attività bi ħlas tagħhom.

    49.

    Issa, ir-rikonoxximent tal-applikabbiltà tal-Artikolu 45 TFUE għal tali persuni li qatt ma għamlu użu mid-dritt ta’ moviment liberu tagħhom u li ma jippreżentaw, barra minn hekk, l-ebda rabta mas-suq ta’ xogħol tal-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu hija kkontestata, minħabba s-sempliċi fatt li s-sussidjarja li huma impjegati minnha hija kkontrollata minn kumpannija stabbilita fl-imsemmi Stat Membru, sa fejn naf jien, ma ssib l-ebda preċedent fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema ( 24 ).

    50.

    Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li d-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-persuni huma intiżi li jiffaċilitaw, għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea, l-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali ta’ kull xorta fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, u jipprekludu l-miżuri li jistgħu jisfavorixxu lil dawk iċ-ċittadini meta jkunu jixtiequ jeżerċitaw attività ekonomika fit-territorju ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom. F’dan il-kuntest, iċ-ċittadini tal-Istati Membri jiddisponi, b’mod partikolari, mid-dritt li jidderivaw direttament mit-Trattat, li jitilqu mill-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom sabiex imorru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u jgħixu fih, sabiex jeżerċitaw attività ekonomika ( 25 ).

    51.

    B’hekk, l-Artikolu 45 TFUE jiggarantixxi, ġeneralment, il-moviment liberu minn żewġ perspettivi. Minn naħa, iċ-ċittadini tal-Istati Membri għandhom id-dritt, abbażi ta’ dan l-artikolu, li jibbenefikaw mill-istess trattament bħall-ħaddiema nazzjonali fis-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti ( 26 ). Min-naħa l-oħra, l-imsemmi artikolu jipprojbixxi lill-Istat Membru ta’ oriġini milli jirrestrinġi indebitament id-dritt taċ-ċittadini tiegħu milli jitilqu mit-territorju tiegħu sabiex jeżerċitaw attività ekonomika fi Stat Membru ieħor ( 27 ).

    52.

    Is-sitwazzjoni tal-impjegati tal-grupp TUI li jaħdmu għas-sussidjarji stabbiliti fi Stati Membri oħra ma tikkorrispondi għal ebda minn dawn l-eżempji jekk dawn qatt ma eżerċitaw id-dritt ta’ moviment liberu tagħhom ( 28 ). L-applikazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE għal dawn l-impjegati timplika għaldaqstant estensjoni kunsiderevoli tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu ( 29 ).

    53.

    Issa, minn perspettiva teleoloġika, qed naraha diffiċli li l-għan tal-Artikolu 45 TFUE ikun jista’ jiġġustifika tali estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, nikkunsidra li n-natura transkonfinali tar-relazzjonijiet fl-intern ta’ grupp ta’ kumpanniji ma tbiddel xejn mill-fatt li s-sitwazzjoni tal-imsemmija impjegati hija, fir-realtà, purament interna, peress li l-elementi kollha li jiddeterminaw is-sitwazzjoni tax-xogħol tagħhom huma limitati għall-intern ta’ Stat Membru wieħed biss ( 30 ).

    54.

    Bħala eżempju, inqis li s-sitwazzjoni ta’ impjegat li jaħdem għas-sussidjarja Franċiża tal-grupp TUI hija purament interna għar-Repubblika Franċiża. Dan l-impjegat huwa b’hekk impjegat fi Franza minn kumpannija stabbilita abbażi tad-dritt Franċiż ( 31 ), li għalih huwa suġġett ukoll, ġeneralment, il-kuntratt tax-xogħol tiegħu ( 32 ) u, b’mod iktar ġenerali, il-kundizzjonijiet tax-xogħol tiegħu ( 33 ). F’dan ir-rigward, il-lokalizzazzjoni tal-proprjetà jew tal-kontroll tal-kumpannija li għaliha jaħdem l-imsemmi impjegat ma għandhiex impatt fuq is-sitwazzjoni tax-xogħol li hija, fil-fatt, kompletament simili għal dik ta’ impjegati oħra li jaħdmu fi Franza.

    55.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, nikkunsidra li l-fatt li l-kumpannija li timpjega lill-impjegat tinżamm jew hija kkontrollata minn kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor ma huwiex fih innifsu suffiċjenti sabiex jikkostitwixxi fattur ta’ rabta ma’ kwalunkwe mis-sitwazzjonijiet previsti mill-Artikolu 45 TFUE. Fi kliem ieħor, il-moviment liberu tal-ħaddiema ma jistax jiġi affettwat mill-akkwist ta’ min jimpjega minn kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor. Fil-fatt, mill-perspettiva tas-sitwazzjoni tal-ħaddiem, din iċ-ċirkustanza tikkostitwixxi fattur estern li ma għandu l-ebda rabta mal-azzjonijiet tal-ħaddiem ( 34 ).

    56.

    Din il-konklużjoni ma tistax titpoġġa indiskussjoni mill-argumenti invokati minn K. Erzberger li jipprovdu, minn naħa, li l-impjegati li jaħdmu fis-sussidjarji ta’ TUI li jinsabu fi Stati Membri oħra huma direttament ikkonċernati mid-deċiżjonijiet tal-kunsill ta’ superviżjoni ta’ TUI ( 35 ), u, min-naħa l-oħra, l-esklużjoni ta’ dawn l-impjegati mis-sistema Ġermaniża ta’ tmexxija konġunta tirriżulta f’sovrarappreżentazzjoni tal-interessi tal-impjegati nazzjonali fi ħdan dan il-kunsill, liema ħaġa hija partikolarment problematika fil-każ ta’ deċiżjonijiet fuq l-istabbiliment jew l-għeluq ta’ stabbilimenti fi Stati Membri oħra ( 36 ).

    57.

    Fil-fatt, bla ħsara għar-rilevanza ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet fil-kuntest politiku nazzjonali, għandu jiġi kkonstatat li dawn ma humiex ta’ natura li jpoġġu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE xi sitwazzjonijiet li ma jippreżentaw l-ebda fattur ta’ rabta mal-moviment liberu tal-ħaddiema.

    58.

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nikkunsidra li l-Artikolu 45 TFUE ma japplikax fir-rigward tal-impjegati tal-grupp TUI li jaħdmu fis-sussidjarji tal-grupp li jinsabu fi Stati Membri oħra ( 37 ).

    59.

    Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li jidher li jallegaw K. Erzberger u l-Kummissjoni, l-Artikolu 18 TFUE lanqas ma jista’ japplika għal dawn l-impjegati. Hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit minn dan l-artikolu ma jistax japplika f’sitwazzjonijiet purament interni ta’ Stat Membru li ma jippreżentaw l-ebda rabta ta’ konnessjoni ma’ kwalunkwe mis-sitwazzjonijiet previsti mid-dritt tal-Unjoni ( 38 ).

    3) Fuq l-impjegati tal-grupp TUI li jaħdmu fil-Ġermanja

    60.

    Fir-rigward tal-impjegati tal-grupp TUI li jaħdmu fil-Ġermanja, inqis, min-naħa l-oħra, li, kuntrarjament għal dak li jallegaw TUI u l-Gvern Ġermaniż, l-Artikolu 45 TFUE jista’ japplika.

    61.

    B’hekk nikkunsidra li ninsabu fil-preżenza ta’ sitwazzjoni prevista fl-Artikolu 45 TFUE, fejn impjegat tal-grupp TUI li jaħdem fil-Ġermanja jitlaq jew jixtieq jitlaq minn dan l-Istat Membru sabiex jieħu pożizzjoni f’sussidjarja li tappartjeni lill-istess grupp stabbilita fi Stat Membru ieħor.

    62.

    B’differenza minn TUI, nikkunsidra li din ma hijiex perspettiva professjonali purament ipotetika, ta’ natura li trendi inapplikabbli lill-Artikolu 45 TFUE ( 39 ). Anzi bil-kontra, fil-każ fejn grupp ta’ kumpanniji ta’ natura transkonfinali, bħal dak li tagħmel parti minnu l-kumpannija konvenuta ( 40 ), il-possibbiltà li impjegat jiġi ttrasferit, kemm fuq inizjattiva tiegħu stess, kif ukoll fuq talba ta’ min jimpjegah, bejn żewġ kumpanniji membri tal-grupp, li jinsabu fi Stati Membri differenti, tidhirli kompletament konċepibbli.

    63.

    Lanqas ma nista’ naqbel mal-argument li jidher li jsostni l-Gvern Ġermaniż li jgħid li l-Artikolu 45 TFUE ma jistax japplika għall-impjegati tal-grupp TUI li jaħdmu fil-Ġermanja, peress li l-Artikolu 45(3)(c) TFUE jagħti biss lill-ħaddiema d-dritt li jirrisjedu fi Stat Membru sabiex jeżerċitaw impjieg “skond il-liġijiet, regolamenti u regoli amministrattivi li jirregolaw l-impjieg tal-ħaddiema ta’ dak l-Istat”.

    64.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-paragrafu 3 tal-Artikolu 45 TFUE ma huwiex intiż biex jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi artikolu, iżda pjuttost li jippreċiża l-kontenut tad-dritt tal-moviment liberu, fil-każ fejn dan l-Artikolu jista’ jiġi applikat effettivament ( 41 ).

    65.

    Fl-aħħar, nosserva li, bil-kontra ta’ dak li jidhru li jallegaw TUI u l-Gvern Ġermaniż, in-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fuq il-livell tal-Unjoni fir-rigward tat-tmexxija konġunta tal-ħaddiema ma jista’ jkollu l-ebda impatt fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 45 TFUE fil-kawża prinċipali.

    66.

    Għalkemm huwa minnu li, fin-nuqqas ta’ tali armonizzazzjoni ( 42 ), l-Istati Membri huma, bħala prinċipju, liberi sabiex jiddeterminaw il-grad tal-involviment tal-ħaddiema fil-ġestjoni tal-kumpanniji li joperaw fuq it-territorji rispettivi tagħhom, dawn għandhom jeżerċitaw din il-kompetenza b’rispett għad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 45 TFUE dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema ( 43 ).

    67.

    Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nikkunsidra li l-Artikolu 45 TFUE jista’ japplika fir-rigward tal-impjegati tal-grupp TUI li jaħdmu fil-Ġermanja, meta jitilqu jew jixtiequ jitilqu minn dan l-Istat Membru bil-għan li jieħdu pożizzjoni f’waħda mis-sussidjarji marbuta mal-grupp li tinsab fi Stat Membru ieħor.

    68.

    Għaldaqstant hemm lok, fir-rigward ta’ din is-sitwazzjoni, li jsiru xi mistoqsijiet dwar il-kompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-Artikolu 45 TFUE. Min-naħa l-oħra, ma hemmx lok li tiġi eżaminata din il-leġiżlazzjoni fid-dawl tal-Artikolu 18 TFUE ( 44 ).

    69.

    Fl-analiżi li ġejja, ser nesponi r-raġunijiet għalfejn nikkunsidra li tali leġiżlazzjoni ma tirrestrinġix il-moviment liberu tal-ħaddiema [taqsima (a) tat-Titolu 4]. Sussidjarjament, ser nispjega r-raġunijiet għalfejn nikkunsidra li l-effetti restrittivi eventwali ta’ tali leġiżlazzjoni huma ġġustifikati minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali [taqsima (b) tat-Titolu 4].

    4.   Fuq il-kompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-Artikolu 45 TFUE

    a)   Fuq in-nuqqas ta’ restrizzjoni

    70.

    Għandu jitfakkar li, abbażi ta’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, anki jekk, skont il-kliem tagħhom, id-dispożizzjonijiet relattivi għall-moviment liberu tal-ħaddiema huma intiżi, b’mod partikolari, biex jiżguraw il-benefiċċju tat-trattament nazzjonali fl-Istat Membru ospitanti, dawn jipprekludu wkoll lill-Istat Membru ta’ oriġini milli jfixkel il-libertà ta’ xi wieħed miċ-ċittadini tiegħu li jaċċetta u jeżerċita impjieg fi Stat Membru ieħor ( 45 ).

    71.

    F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dispożizzjonijiet nazzjonali li jfixklu jew jiddiswadu ċittadin ta’ Stat Membru milli jitlaq mill-Istat ta’ oriġini tiegħu sabiex jeżerċita d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu jikkostitwixxu ostakolu għal din il-libertà, anki jekk dawn huma applikabbli indipendentement min-nazzjonalità tal-ħaddiema kkonċernati ( 46 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat ukoll li l-Artikolu 45 TFUE jipprekludi kull miżura nazzjonali li, anki jekk tapplika mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, tista’ tfixkel jew trendi inqas attraenti l-eżerċizzju, min-naħa taċ-ċittadini tal-Unjoni, tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat ( 47 ).

    72.

    Billi jibbażaw ruħhom fuq din il-ġurisprudenza, K. Erzberger, l-Awtorità ta’ sorveljanza AELE u l-Kummissjoni jsostni li l-esklużjoni tal-impjegati tal-grupp TUI li jaħdmu fi Stati Membri oħra mill-iskema ta’ tmexxija konġunta toħloq restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-ħaddiema fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE. Skont dawn, il-fatt li impjegat li jaħdem fil-Ġermanja jitlef id-dritt tal-vot u ta’ kandidatura fl-elezzjonijiet tar-rappreżentanti tal-ħaddiema fi ħdan il-kunsill ta’ superviżjoni tal-kumpannija parent tal-grupp, jekk jiġi ttrasferit lejn sussidjarja tal-grupp stabbilita fi Stat Membru ieħor, jista’ jwassal sabiex jiddiswadieh milli jagħmel użu mid-dritt ta’ moviment liberu tiegħu jew, mill-inqas, sabiex irendi inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt. Dan ikun iktar minnu b’mod partikolari għall-impjegati li diġà ġew eletti fil-kunsill ta’ superviżjoni, peress li dawn l-impjegati jkollhom jirrinunzjaw il-mandat tagħhom fi ħdan il-kunsill, meta jbiddlu l-post tax-xogħol lejn sussidjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor ( 48 ).

    73.

    Minn naħa tagħhom, TUI, Betriebsrat der TUI et, il-Gvern Ġermaniż, Lussemburgiż, Olandiż u Awstrijak isostnu li ma hemmx restrizzjoni tal-moviment liberu tal-ħaddiema.

    74.

    Qabel kollox, nosserva li skont it-termini tal-Artikolu 45(3)(c) TFUE, id-dritt tal-moviment liberu tal-ħaddiema, stabbilit minn dan l-artikolu, fih, b’mod partikolari, id-dritt li “joqgħod f’kull Stat Membru sabiex jaħdem f’impjieg skond il-liġijiet, regolamenti u regoli amministrattivi li jirregolaw l-impjieg tal-ħaddiema ta’ dak l-Istat” ( 49 ).

    75.

    B’hekk, il-ħaddiem migrant jibbenefika, abbażi tal-Artikolu 45 TFUE, minn trattament ugwali bħall-ħaddiema nazzjonali fl-Istat Membru ospitanti, b’mod li jista’ jeżerċita attività ekonomika b’konformità mal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 45 TFUE, ma jagħtix lill-imsemmi ħaddiem id-dritt li “jesporta” il-kundizzjonijiet ta’ xogħol li kien jibbenefika minnhom fl-Istat Membru ta’ oriġini lejn Stat Membru ieħor. Fil-fatt, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali Fennelly, fil-Konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Graf, “normalment, il-ħaddiem migrant għandu jaċċetta s-suq tax-xogħol nazzjonali hekk kif inhu” ( 50 ). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    76.

    Loġikament, hija ġurisprudenza stabbilita li l-Artikolu 45 TFUE ma jipprovdix għad-differenzi fit-trattament eventwali li jistgħu jirriżultaw, bejn Stat Membru u ieħor, minn differenzi fil-liġijiet li jeżistu bejn l-Istati Membri differenti, mill-mument li dawn jaffettwaw il-persuni kollha li jaqgħu taħt l-applikazzjoni tagħhom, skont kriterji oġġettivi u mingħajr kunsiderazzjoni għan-nazzjonalità tagħhom” ( 51 ). Fl-istess sens, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, f’dak li jikkonċerna l-Artikolu 18 TFUE, li ma nistgħux nikkunsidraw bħala kuntrarja għall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali minħabba l-fatt biss li l-Istati Membri l-oħra japplikaw dispożizzjonijiet inqas stretti ( 52 ).

    77.

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li d-dritt primarju tal-Unjoni ma jistax jiggarantixxi lil persuna assigurata li trasferiment fi Stat Membru ieħor barra l-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu huwa newtrali fir-rigward tas-sigurtà soċjali, peress li tali trasferiment, fid-dawl tad-differenzi eżistenti bejn l-iskemi u l-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri, jista’, skont il-każ, ikunu iktar jew inqas vantaġġuż għall-persuna kkonċernata fuq il-livell tal-protezzjoni soċjali ( 53 ). Fl-opinjoni tiegħi, dan ir-raġunament huwa direttament trasponibbli għall-iskemi tal-Istati Membri dwar il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema. F’dan ir-rigward infakkar li d-dritt tal-vot u ta’ kandidatura fl-elezzjonijiet tar-rappreżentanti tal-ħaddiema fil-kunsill ta’ superviżjoni tal-kumpannija, hekk kif previst mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża kkonċernata, jikkostitwixxi, fl-opinjoni tiegħi, kundizzjoni tax-xogħol fis-sens tal-Artikolu 45(2) TFUE ( 54 ).

    78.

    Fl-opinjoni tiegħi, minn dan isegwi li impjegat li telaq mill-Ġermanja, bil-għan li jeżerċita attività ekonomika fi Stat Membru ieħor, ma jistax jippreżerva, abbażi tal-Artikolu 45 TFUE, il-benefiċċju tad-drittijiet ta’ parteċipazzjoni li tipprevedi l-leġiżlazzjoni Ġermaniża. Min-naħa l-oħra, dan jibbenefika fl-imsemmi Stat Membru minn drittijiet ta’ parteċipazzjoni, sa fejn il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru tagħtih tali drittijiet.

    79.

    Fil-kawża preżenti, għad hemm madankollu l-kwistjoni jekk dawn il-konklużjonijiet humiex validi wkoll fil-każ ta’ trasferiment tal-impjegat fi ħdan il-grupp ta’ kumpanniji. Fi kliem ieħor, għandu jiġi ddeterminat jekk l-impjegat li huwa ttrasferit minn kumpannija lejn oħra, filwaqt li dawn huma stabbiliti fi Stati Membri differenti iżda huma parti mill-istess grupp, jistax jinvoka l-Artikolu 45 TFUE bil-għan li jippreżerva, wara t-trasferiment tiegħu, ċerti drittijiet fir-rigward tat-tmexxija konġunta fi ħdan il-kumpannija parent tal-grupp li għandu abbażi tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu. Huwa essenzjalment dan li jallegaw K. Erzberger, l-Awtorità ta’ sorveljanza AELE u l-Kummissjoni.

    80.

    Inqis li din id-domanda jistħoqqilha risposta negattiva.

    81.

    Fil-fatt, ma nsib l-ebda bażi fit-Trattati jew fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex titwettaq distinzjoni bejn l-impjegat li jbiddel xogħolu bejn żewġ kumpanniji mhux konnessi stabbiliti fi Stati Membri differenti u dak li kien is-suġġett ta’ trasferiment bejn żewġ kumpanniji li huma parti mill-istess grupp ta’ kumpanniji iżda stabbiliti fi Stat Membri differenti. Mill-perspettiva tal-moviment liberu tal-ħaddiema, dan huwa, fiż-żewġ każijiet, ċaqliq minn Stat Membru lejn ieħor, bl-implikazzjonijiet kollha li jirriżultaw minnha għall-impjegat, fosthom b’mod partikolari bidla fil-kondizzjonijiet tax-xogħol applikabbli. Hekk kif diġà indikajt, in-natura transkonfinali tal-grupp ta’ kumpanniji ma tneħħi xejn mill-fatt li s-sitwazzjoni ta’ xogħol tal-impjegat hija prinċipalment iddeterminata skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih hija eżerċitata l-attività bi ħlas ( 55 ).

    82.

    Għalkemm għandi simpatija lejn l-idea li tgħid li kull ħaddiem impjegat minn grupp ta’ kumpanniji għandu jibbenefika, fi ħdan l-Unjoni, mill-istess drittijiet ta’ parteċipazzjoni fi ħdan dan il-grupp, b’mod indipendenti mill-lokalizzazzjoni tal-post tax-xogħol tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, l-involviment tal-ħaddiema fil-ġestjoni tal-kumpanniji nazzjonali tal-Istati Membri ma kinitx is-suġġett ta’ armonizzazzjoni fuq livell Ewropew ( 56 ). Fin-nuqqas ta’ tali armonizzazzjoni, inqis li l-kwistjoni sabiex jiġu inklużi jew le l-impjegati ta’ grupp li jaħdmu fi Stati Membri oħra fl-iskema nazzjonali ta’ parteċipazzjoni tiddependi fuq l-għażla tal-Istati Membri ( 57 ).

    83.

    Fi kliem ieħor, inqis li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri ma humiex marbuta, abbażi tal-Artikolu 45 TFUE, li jagħtu lill-ħaddiema li jitilqu mit-territorju tagħhom sabiex iwettqu attività ekonomika fi Stat Membru ieħor, l-istess drittijiet ta’ parteċipazzjoni li jgawdu minnhom l-impjegati li jaħdmu fit-territorju nazzjonali, iżda li jibqgħu liberi li jagħmlu dan abbażi tad-dritt nazzjonali tagħhom ( 58 ).

    84.

    Għaldaqstant, nikkonkludi li leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li l-impjegati li jaħdmu fl-istabbilimenti ta’ kumpannija jew tal-kumpanniji fil-grupp li jinsabu fit-territorju nazzjonali biss ikollhom dritt tal-vot u ta’ kandidatura fl-elezzjonijiet tar-rappreżentanti tal-ħaddiema fi ħdan il-kunsill ta’ superviżjoni tal-kumpannija ma tikkostitwixxix restrizzjoni għall-moviment liberu tal-ħaddiema fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE.

    85.

    Għall-finijiet ta’ kompletezza u fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tirriżulta f’restrizzjoni tal-moviment liberu tal-ħaddiema, fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE, ser nesponi fit-taqsima li ġejja r-raġunijiet għalfejn inqis li tali restrizzjoni hija, f’kull każ, iġġustifikata ( 59 ).

    b)   Sussidjarjament, fuq l-eżistenza eventwali ta’ ġustifikazzjoni

    86.

    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, miżura nazzjonali li tista’ tostakola l-moviment liberu tal-ħaddiema, li hija, bħala prinċipju, ipprojbita mill-Artikolu 45 TFUE, ma tistax tiġi ammessa ħlief meta ssegwi wieħed mill-għanijiet leġittimi stabbiliti fit-Trattat jew jekk hija ġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Xorta, f’każ bħal dan, ikun meħtieġ li l-applikazzjoni tagħha tkun adattata sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan inkwistjoni u ma teċċedix dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq ( 60 ).

    87.

    Fil-kawża preżenti, l-ebda wieħed mill-għanijiet leġittimi espliċitament imsemmija fl-Artikolu 45(3) TFUE ma ġew invokati mill-partijiet u persuni interessati li ppreżentaw xi osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ( 61 ). Min-naħa l-oħra, dawn il-partijiet u persuni interessati jinvokaw raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni twassal għal restrizzjoni tal-moviment liberu tal-ħaddiema fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE.

    1) Fuq ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali invokati

    88.

    TUI u l-Gvern Ġermaniż u Awstrijak jinvokaw, essenzjalment, ġustifikazzjonijiet ibbażati fuq il-prinċipju ta’ territorjalità, hekk kif huma rrikonoxxuti mid-dritt internazzjonali u mid-dritt tal-Unjoni ( 62 ). Minn dan il-prinċipju jirriżulta li l-kompetenza tal-leġiżlatur Ġermaniż hija limitata għat-territorju Ġermaniż, liema ħaġa tostakola l-inklużjoni tal-ħaddiema impjegati fi Stati Membri oħra mill-iskema ta’ tmexxija konġunta Ġermaniża. Il-Gvern Franċiż huwa pjuttost tal-opinjoni li l-kawża preżenti tagħti l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tistabbilixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li hija bbażata fuq il-ħtieġa li tiġi rrikonoxxuta d-diversità tal-mudelli soċjali fl-Istati Membri fir-rigward tar-rappreżentazzjoni tal-ħaddiema. Bl-istess mod, Betriebsrat der TUI et, jirreferu għall-Artikolu 4(2) TUE, li abbażi tiegħu l-Unjoni tirrispetta l-identità nazzjonali tal-Istati Membri. Fl-aħħar, il-Kummissjoni tqis li l-ħtieġa li jiġi żgurat funzjonament tajjeb tar-regoli dwar it-tmexxija konġunta tista’ tiġġustifika restrizzjoni tal-moviment liberu tal-ħaddiema, liema ħaġa għandha tiġi ddeterminata mill-qorti nazzjonali ( 63 ).

    89.

    Min-naħa l-oħra, K. Erzberger u l-Awtorità ta’ sorveljanza AELE huma tal-opinjoni li r-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali invokati fil-kawża preżenti ma jistgħux jiġġustifikaw ir-restrizzjoni tal-moviment liberu tal-ħaddiema li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni. Din il-pożizzjoni hija l-istess, jidhirli, bħal dik tal-qorti tar-rinviju ( 64 ).

    2) Fuq il-ġustifikazzjoni bbażata fuq il-prinċipju ta’ territorjalità

    90.

    Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tal-kawża preżenti, il-prinċipju ta’ territorjalità huwa invokat bħala ostakolu sabiex l-iskema ta’ tmexxija konġunta Ġermaniża tiġi applikata fuq l-impjegati li jaħdmu barra mill-Ġermanja. Fil-fatt, mill-imsemmi prinċipju jirriżulta li l-leġiżlatur Ġermaniż ma għandux il-kompetenza leġiżlattiva neċessarja sabiex jinkludi lil dawn l-impjegati fl-imsemmija skema.

    91.

    Hekk kif jirriżulta mill-analiżi esposta iktar ’il fuq, inqis li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma hijiex marbuta, abbażi tal-Artikolu 45 TFUE, li tagħti lill-impjegati li jitilqu mit-territorju tagħha sabiex jeżerċitaw attività ekonomika fi Stat Membru ieħor, l-istess drittijiet ta’ parteċipazzjoni bħal dawk li jibbenefikaw minnhom l-impjegati li jaħdmu fil-Ġermanja skont il-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni ( 65 ). Fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li din il-leġiżlazzjoni toħloq restrizzjoni għall-moviment liberu tal-ħaddiema, fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE, inqis madankollu li l-prinċipju ta’ territorjalità ma jostakolax lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja milli tinkludi lill-impjegati tal-ewwel mill-iskema ta’ tmexxija konġunta tagħha.

    92.

    Il-prinċipju ta’ territorjalità kien ġie rrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala għan leġittimu li jista’ jiġġustifika restrizzjoni tal-moviment liberu, b’mod partikolari fil-kuntest tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar it-tassazzjoni li jostakolaw il-libertà ta’ stabbiliment stabbilita mit-Trattat ( 66 ). F’dan ir-rigward, l-imsemmi prinċipju ta’ spiss ġie kkunsidrat flimkien ma għan leġittimu ieħor, jiġifieri dak taż-żamma tat-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri ( 67 ). F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-prinċipju ta’ territorjalità għandu l-funzjoni li jintroduċi, fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, in-neċessità li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-limiti tal-kompetenza fiskali tal-Istati Membri ( 68 ).

    93.

    Niddubita serjament li l-ġurisprudenza fir-rigward tat-tassazzjoni hija trasponibbli fil-kawża preżenti.

    94.

    Fl-ewwel lok, fil-qasam tat-tassazzjoni, il-prinċipju ta’ territorjalità, hekk kif irrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja, huwa intiż biex isolvi problemi speċifiċi f’dan il-qasam, fosthom b’mod partikolari dawk sabiex tiġi eliminata t-tassazzjoni doppja ( 69 ) u sabiex jiġu evitati s-sitwazzjonijiet ta’ natura li jikkompromettu d-dritt tal-Istat Membru ta’ oriġini sabiex jeżerċita l-kompetenza fiskali tiegħu fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa fuq it-territorju tiegħu ( 70 ).

    95.

    Issa, fil-kuntest tal-iskema ta’ parteċipazzjoni tal-ħaddiema, tali problemi ma jippreżentawx ruħhom. B’hekk inqis li xejn ma jipprekludi li ħaddiem impjegat minn sussidjarja stabbilita fi Stat Membru barra dak li tinstab fih il-kumpannija parent, jibbenefika minn “rappreżentazzjoni doppja”, jiġifieri, minn naħa, fi ħdan is-sussidjarja, abbażi tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tal-impjieg, u, min-naħa l-oħra, fi ħdan il-kumpannija parent, b’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru fejn hija stabbilita din il-kumpannija.

    96.

    Fit-tieni lok, kuntrarjament għal dak li jallegaw TUI, kif ukoll il-Gvern Ġermaniż u tal-Pajjiżi l-Baxxi, inqis li l-inklużjoni fl-iskema ta’ tmexxija konġunta Ġermaniża tal-impjegati li jaħdmu fi Stati Membri oħra ma timplikax, fiha innifisha, interferenza fis-sovranità jew fil-kompetenzi leġiżlattivi tal-Istati Membri l-oħra. Fil-fatt, inqis, bħall-Awtorità ta’ sorveljanza AELE u l-Kummissjoni, li l-kwistjoni sabiex isir magħruf liema huma l-impjegati li jistgħu jipparteċipaw fl-elezzjonijiet tal-membri tal-kunsill ta’ superviżjoni ta’ kumpannija Ġermaniża taqa’ kompletament taħt is-setgħa tal-leġiżlatur Ġermaniż ( 71 ). Fi kliem ieħor, ma hemmx kunflitt ta’ kompetenza ( 72 ).

    97.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis li l-esklużjoni tal-ħaddiema impjegati fi Stati Membri oħra mill-iskema ta’ tmexxija konġunta Ġermaniża ma tistax titqies bħala estensjoni tal-prinċipju ta’ territorjalità.

    98.

    Madankollu, il-Gvern Ġermaniż huwa tal-opinjoni li l-kwistjoni ta’ extraterritorjalità hija rilevanti fil-kuntest tal-iskema ta’ tmexxija konġunta Ġermaniża, minħabba l-fatt li l-imsemmija skema timponi, fil-kuntest tar-regolament elettorali ( 73 ), ċerti obbligi fuq livell ta’ organizzazzjoni u tal-implementazzjoni tal-elezzjonijiet, fuq il-kumpanniji kollha li huma parti mill-grupp ta’ kumpanniji, kif ukoll fuq l-impjegati kandidati fl-elezzjonijiet ( 74 ). B’hekk, abbażi ta’ dan ir-regolament, l-elezzjonijiet tal-kunsill ta’ superviżjoni tal-kumpannija Ġermaniża ma humiex organizzati b’mod ċentrali mid-diretturi ta’ din il-kumpannija, iżda pjuttost b’mod diċentralizzat mill-impjegati innifishom fi ħdan kull kumpannija fil-grupp. Issa, peress li s-sussidjarji stabbiliti fi Stati Membri oħra u l-impjegati tagħhom ma humiex suġġetti għad-dritt Ġermaniż, il-leġiżlatur Ġermaniż ma huwiex f’pożizzjoni li jimponi xi obbligi fuqhom b’konformità mar-regolament elettorali u, konsegwentement, li jinkludihom fl-iskema ta’ tmexxija konġunta Ġermaniża.

    99.

    Għaldaqstant, nosserva li huwa d-disinn speċifiku tal-iskema ta’ tmexxija konġunta Ġermaniża, u, b’mod partikolari, l-obbligi li jirriżultaw mir-regolament elettorali li jostakolaw, skont il-Gvern Ġermaniż li l-impjegati li jaħdmu fl-Istati Membri l-oħra jkunu inklużi f’din l-iskema. Għaldaqstant, l-esklużjoni ta’ dawn l-impjegati ma hijiex neċessità assoluta marbuta mas-setgħa leġiżlattiva tal-leġiżlatur Ġermaniż, iżda pjuttost il-konsegwenza ta’ ċerti għażliet li dan għamel, f’dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, il-modalitajiet tal-elezzjonijiet ( 75 ).

    100.

    Għaldaqstant, għandu jiġi mistoqsi jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax tiġi ġġustifikata mill-għan li tiġi ggarantita l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fil-kumpannija, b’konformità mal-partikolaritajiet soċjali, ekonomiċi u kulturali, hekk kif isostnu, essenzjalment il-Gvern Franċiż u Betriebsrat der TUI et ( 76 ).

    3) Fuq il-ġustifikazzjoni bbażata fuq l-għan li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fil-kumpannija b’konformità mal-partikolaritajiet soċjali, ekonomiċi u kulturali nazzjonali

    101.

    Għandu jiġi kkonstatat li, filwaqt li Betriebsrat der TUI et jibbażaw ruħhom fuq l-Artikolu 4(2) TUE ( 77 ), li abbażi tiegħu l-Unjoni tirrispetta l-identità nazzjonali tal-Istati Membri inerenti għall-istrutturi fundamentali politiċi u kostituzzjonali tagħhom, din id-dispożizzjoni ma ġietx invokata mill-Gvern Ġermaniż ( 78 ).

    102.

    Madankollu, dan il-Gvern jindika li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża dwar it-tmexxija konġunta tal-ħaddiema u d-dispożizzjonijiet tar-regolamenti elettorali li jirregolaw b’mod konkret l-elezzjonijiet tal-membri tal-kunsill ta’ superviżjoni li jirrappreżenta lill-ħaddiema, huma adattati għall-istrutturi imprenditorjali, soċjali u sindakali Ġermaniżi u li din il-leġiżlazzjoni ma sservix biss l-interessi tal-ħaddiema, iżda pjuttost l-interess ġenerali, sa fejn tipprevedi li tiżgura l-kooperazzjoni u l-integrazzjoni billi tieħu inkunsiderazzjoni wkoll interessi oħra barra l-interessi diretti ( 79 ). Waqt is-seduta, dan il-Gvern indika wkoll li t-tmexxija konġunta tal-ħaddiema hija element ċentrali tal-kultura ta’ kooperazzjoni fil-Ġermanja u li hija tikkostitwixxi l-iżvilupp legali tal-libertà sindakali u tippermetti l-eżerċizzju ta’ din il-libertà li hija ggarantita mill-Grundgesetz (liġi fundamentali) ( 80 ).

    103.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, neżita li nikklassifika lill-iskema ta’ tmexxija konġunta Ġermaniża bħala element ta’ identità nazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 4(2) TUE. Madankollu, ma hemm l-ebda dubju, fl-opinjoni tiegħi, li l-iskema tikkostitwixxi element essenzjali tas-suq tax-xogħol Ġermaniż u, b’mod iktar wiesgħa, tal-ordni soċjali Ġermaniż.

    104.

    Isegwi li, għandu jiġi kkonstatat li l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fil-ġestjoni tal-kumpannija tikkostitwixxi għan leġittimu fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni ( 81 ). Madankollu, id-dritt tal-Unjoni jirrikonoxxi d-diversità tar-regoli u tal-prattiki nazzjonali fil-qasam tal-politika soċjali ( 82 ) u, b’mod iktar partikolari, f’dak li jikkonċerna l-mod kif ir-rappreżentanti tal-impjegati huma involuti fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-kumpanniji ( 83 ). Fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, dan iħalli b’hekk lill-Istati Membri, minn naħa, l-għażla jekk jadottawx jew le leġiżlazzjoni dwar l-involviment tal-ħaddiema fil-kumpannija, u, min-naħa l-oħra, jitħallew jiddeterminaw il-modalitajiet tal-iskemi rispettivi tagħhom f’dan ir-rigward ( 84 ).

    105.

    Fir-rigward tal-partikolaritajiet tal-iskema ta’ tmexxija konġunta Ġermaniża, għandu jiġi kkonstatat li din l-iskema hija kkaratterizzata minn grad partikolarment elevat ta’ involviment tal-ħaddiema fil-ġestjoni tal-kumpannija ( 85 ). Fl-istess ħin, l-imsemmija skema tipprevedi, abbażi tar-regolament elettorali ( 86 ), xi proċeduri relattivament kumplessi, li fihom diversi passi proċedurali, intiżi sabiex jassiguraw l-iżvolġiment tajjeb tal-elezzjonijiet tar-rappreżentanti tal-ħaddiema u sabiex jiggarantixxu elezzjonijiet liberi, xierqa u sigrieti tal-membri tal-kunsill ta’ superviżjoni li jirrappreżenta lill-ħaddiema ( 87 ). F’dan il-kuntest, il-Gvern Ġermaniż indika li l-iskema ta’ tmexxija konġunta Ġermaniża hija mfassla abbażi tal-prinċipju li jgħid li l-organizzazzjoni u l-implementazzjoni tal-elezzjonijiet tar-rappreżentanti tal-ħaddiema huma fdati lill-impjegati li għandhom jorganizzawhom huma stess, fi ħdan kull kumpannija fil-grupp, u li għandhom jikkooperaw mal-unions u mal-kumpanniji tal-grupp.

    106.

    Inqis li, fil-kuntest ta’ tali skema nazzjonali ta’ parteċipazzjoni tal-ħaddiema, tali kunsiderazzjonijiet dwar il-modalitajiet tal-organizzazzjoni u tal-implementazzjoni tal-elezzjonijiet li jikkostitwixxu l-espressjoni ta’ ċerti għażliet ta’ politika ekonomika u soċjali leġittimi, jirrilevaw, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, mill-evalwazzjoni tal-Istati Membri ( 88 ). Għaldaqstant, fl-opinjoni tiegħi, leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija ġġustifikata mill-għan li jikkonsisti fil-garanzija ta’ parteċipazzjoni tal-ħaddiema fil-kumpannija b’konformità mal-partikolaritajiet soċjali, ekonomiċi u kulturali nazzjonali.

    107.

    Barra minn hekk, inqis li din il-leġiżlazzjoni hija proporzjonata fil-konfront ta’ dan l-għan, jiġifieri li hija adattata sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fil-kumpannija b’konformità mal-partikolaritajiet soċjali, ekonomiċi u kulturali nazzjonali, u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.

    108.

    F’dan ir-rigward, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li ma huwiex indispensabbli li miżura restrittiva tikkorrispondi għal disinn użat mill-Istati Membri kollha f’dak li jikkonċerna lill-modalitajiet ta’ protezzjoni ta’ dritt fundamentali jew tal-interess leġittimu inkwistjoni u li, bil-kontra, in-neċessità u l-proporzjonalità tad-dispożizzjonijiet meħuda f’dan il-qasam ma humiex esklużi minħabba s-sempliċi raġuni li Stat Membru għażel sistema ta’ protezzjoni differenti minn dik adottata minn Stat Membru ieħor ( 89 ).

    109.

    Barra minn hekk, għandu jiġi rrikonoxxut li ma huwiex possibbli li jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni personali tas-sistema ta’ tmexxija konġunta Ġermaniża l-ħaddiema impjegati barra mill-Ġermanja mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu emendati l-karatteristiċi fundamentali tal-imsemmija skema. Fil-fatt, tali estensjoni tal-iskema Ġermaniża tippresupponi li r-responsabbiltà tal-organizzazzjoni u tal-implementazzjoni tal-elezzjonijiet kellhom jiġu ttrasferiti mill-impjegati u mill-kumpanniji tal-grupp lejn id-direzzjoni tal-kumpannija parent Ġermaniża, liema ħaġa tkun kuntrarja għall-prinċipji li fuqhom hija bbażata l-imsemmija skema.

    110.

    Għalkemm huwa possibbli effettivament, hekk kif tissuġġerixxi l-Kummissjoni, li l-kumpannija parent tkun obbligata li tikkonferixxi, għall-kompożizzjoni tal-kunsill ta’ superviżjoni tagħha, dritt tal-vot u ta’ kandidatura lill-impjegati li jaħdmu fl-Istati Membri l-oħra wkoll, abbażi tal-influwenza determinanti tagħha fuq il-kumpanniji tal-grupp, nikkunsidra li l-Istati Membri ma humiex marbuta, abbażi tad-dritt tal-Unjoni, li jirrikorru għal tali approċċ fil-kuntest tal-iskemi ta’ involviment tal-ħaddiema fil-kumpannija.

    111.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis li, fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tirriżulta f’restrizzjoni tal-moviment liberu tal-ħaddiema fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE, għandha tiġi kkunsidrata, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, bħala ġġustifikata ż-żamma ta’ tali leġiżlazzjoni sa fejn din hija r-riflessjoni ta’ ċerti għażliet ta’ politika ekonomika u soċjali leġittimi li jappartjenu lill-Istati Membri.

    112.

    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, inqis li l-Artikolu 45 TFUE ma jipprekludix tali leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li abbażi tagħha huma biss l-impjegati li jaħdmu fl-istabbilimenti ta’ kumpannija jew fil-kumpanniji tal-grupp li jinsabu fit-territorju nazzjonali li jiddisponu minn dritt ta’ vot u ta’ kandidatura fl-elezzjonijiet tar-rappreżentanti tal-ħaddiema fi ħdan il-kunsill ta’ superviżjoni ta’ din il-kumpannija.

    V. Konklużjoni

    113.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mil-Kammergericht Berlin (qorti reġjonali superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja):

    L-Artikoli 18 u 45 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li huma biss l-impjegati li jaħdmu fl-istabbilimenti ta’ kumpannija jew fil-kumpanniji tal-grupp li jinsabu fit-territorju nazzjonali li jiddisponu minn dritt ta’ vot u ta’ kandidatura fl-elezzjonijiet tar-rappreżentanti tal-ħaddiema fi ħdan il-kunsill ta’ superviżjoni ta’ din il-kumpannija.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) BGBl. 1976 I p. 1153.

    ( 3 ) Skont il-punti 1 u 2 tal-Artikolu 7(1) u l-punti 1 u 2 tal-Artikolu 7(2) tal-liġi fuq it-tmexxija konġunta, il-korp ta’ superviżjoni huwa kompost, rispettivament, għall-impriżi li ma għandhomx normalment iktar minn 10000 impjegat u għall-impriżi li għandhom normalment iktar minn 10000 impjegat iżda inqas minn 20000 impjegat, minn tnax u minn sittax-il membru, fejn in-nofs jirrappreżentaw lill-impjegati (maqsuma bejn impjegati tal-impriża u minn rappreżentanti tal-unions).

    ( 4 ) BGBl. 2001 I p. 2518.

    ( 5 ) Il-Gvern Ġermaniż jispjega, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li, abbażi tad-dritt Ġermaniż, il-kunsill ta’ superviżjoni u l-kunsill ta’ amministrazzjoni huma korpi tal-kumpannija. Filwaqt li l-kunsill tal-amministrazzjoni huwa responsabbli għall-ġestjoni tal-kumpannija, il-kunsill ta’ superviżjoni għandu bħala missjoni s-superviżjoni tal-kunsill ta’ amministrazzjoni (sistema ta’ żewġ livelli).

    ( 6 ) Ara l-Artikolu 7 tal-liġi fuq it-tmexxija konġunta, riprodott fil-punt 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Infakkar li, fost l-għaxar rappreżentanti tal-impjegati, seba’ huma impjegati tal-impriża u tlieta huma rappreżentanti tal-unions.

    ( 7 ) Il-qorti tar-rinviju tagħmel referenza partikolari għad-deċiżjoni tal-5 ta’ Ġunju 1979 tal-Landgericht Düsseldorf (qorti reġjonali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) (25 AktE 1/78, DB 1979, p. 1451). Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-ġurisprudenza Ġermaniża fuq dan is-suġġett ma hijiex inekwivoka. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tindika li, permezz ta’ digriet tas-16 ta’ Frar 2015, il-Landgericht Frankfurt am Main (qorti reġjonali ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja) (Beschluss Az. 3-16 O 1/14) iddeċidiet li l-impjegati li jaħdmu barra ma humiex esklużi mit-tmexxija konġunta u li għaldaqstant għandhom jieħdu sehem fl-elezzjoni tar-rappreżentanti tal-impjegati fi ħdan il-korp ta’ superviżjoni. Skont il-Gvern Ġermaniż, din id-deċiżjoni għad ma għandhiex is-saħħa ta’ res judicata u l-proċedura hija attwalment sospiża bi stennija tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża preżenti.

    ( 8 ) Skont il-qorti tar-rinviju, ir-rieda tal-leġiżlatur Ġermaniż li ma jinkludix lill-impjegati li jaħdmu fi Stati Membri oħra fit-tmexxija konġunta (fil-kuntest ta’ grupp ta’ impriżi) tirriżulta minn rapport tal-Ausschuss für Arbeit und Sozialordnung des Bundestages (kummissjoni tax-xogħol u l-ordni soċjali tal-Bundestag Ġermaniż) tal-10 ta’ Marzu 1976 (BT-Drucksache 7/4845, p. 4).

    ( 9 ) Il-qorti tar-rinviju tagħmel referenza għad-deċiżjoni tat-22 ta’ Marzu 2000 tal-Bundesarbeitsgericht (qorti federali tax-xogħol) (7 ABR 34/98, NZA 2000, p. 1119 [1121]).

    ( 10 ) Ara l-punt 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 11 ) Ara, b’mod partikolari, id-digriet tal-25 ta’ Jannar 2007, Koval’ský (C‑302/06, mhux ippubblikat, EU:C:2007:64, punt 20).

    ( 12 ) Ara s-sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2016, Ranks u Vasiļevičs (C‑166/15, EU:C:2016:762, punt 22).

    ( 13 ) Ara l-punt 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 14 ) Nosserva li d-dritt Ġermaniż jiddistingwi bejn żewġ tipi ta’ tmexxija konġunta għall-impjegati, jiġifieri, minn naħa, it-tmexxija konġunta li hija eżerċitata fuq il-livell tal-istabbiliment, permezz tal-Bord tat-tmexxija (Betriebsrat) u, min-naħa l-oħra, it-tmexxija konġunta li hija eżerċitata fuq il-livell tal-kumpannija fi ħdan il-korp ta’ superviżjoni (Aufsichtsrat). Il-kawża preżenti tikkonċerna biss lit-tieni tip ta’ tmexxija konġunta. Ara, b’mod partikolari, Henssler, M., “Arbeitnehmermitbestimmung im deutschen Gesellschaftsrecht”, Unternehmens-Mitbestimmung der Arbeitnehmer im Recht der EU-Mitgliedstaaten, Verlag Recht und Wirtschaft GmbH, Heidelberg, 2004, p. 133.

    ( 15 ) Ara l-punt 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 16 ) Ara, ukoll, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 17 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Schiebel Aircraft (C‑474/12, EU:C:2014:2139, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2015, Nagy (C‑583/14, EU:C:2015:737, punt 24).

    ( 18 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Diċembru 2011, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (C‑253/09, EU:C:2011:795, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll, tal-4 ta’ Settembru 2014, Schiebel Aircraft (C‑474/12, EU:C:2014:2139, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 19 ) Ara s-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2017, Eschenbrenner (C‑496/15, EU:C:2017:152, punt 32).

    ( 20 ) Ara s-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2003, Wählergruppe Gemeinsam (C‑171/01, EU:C:2003:260, punt 85). F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod partikolari li l-Artikolu 45(2) TFUE japplika għad-dritt tal-vot u għad-dritt ta’ kandidatura għall-elezzjonijiet organizzati fi ħdan korpi bħalma huma l-kmamar professjonali li tagħhom il-ħaddiema kkonċernati huma obbligati li jkunu membri u li jħallsu miżata u li huma responsabbli mid-difiża kif ukoll mir-rappreżentanza tal-interessi ta’ dawn il-ħaddiema. Ara s-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2004, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, (C‑465/01, EU:C:2004:530, punti 28 u 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, ukoll, is-sentenza tat-18 ta’ Mejju 1994, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, (C‑118/92, EU:C:1994:198).

    ( 21 ) Barra minn hekk, din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-partijiet u mill-partijiet interessati li ppreżentaw l-osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Issa, filwaqt li rrikonoxxiet li d-dritt tal-vot u ta’ kandidatura għall-elezzjonijiet fil-kunsill ta’ superviżjoni jikkostitwixxu kundizzjoni ta’ xogħol fis-sens tal-Artikolu 45(2) TFUE, il-Betriebsrat der TUI et jikkunsidraw li dan ma huwiex minnu għall-mandat fi ħdan il-kunsill ta’ superviżjoni. Inqis li ma hemmx lok li ssir tali distinzjoni bejn, minn naħa, id-dritt ta’ kandidatura u, min-naħa l-oħra, il-mandat fi ħdan il-kunsill ta’ superviżjoni. Fil-fatt, dawn iż-żewġ aspetti huma, fl-opinjoni tiegħi, marbuta b’mod strett.

    ( 22 ) Ara l-punti 5 sa 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 23 ) Ara l-punti 33 sa 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 24 ) Ninnota li, b’differenza mill-kawża preżenti, dik li tat lok għas-sentenza tat-8 ta’ Mejju 1994, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, (C‑118/92, EU:C:1994:198), ikkonċernat leġiżlazzjoni li tirrifjuta d-dritt ta’ parteċipazzjoni f’elezzjonijiet fi ħdan il-kmamar professjonali, liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra impjegati fl-Istat Membru kkonċernat.

    ( 25 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2016, Pöpperl (C‑187/15, EU:C:2016:550, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 26 ) Ara wkoll l-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2011, dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2011, L 141, p. 1), li jipprevedu l-ugwaljanza fit-trattament ta’ ħaddiem ċittadin ta’ Stat Membru impjegat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

    ( 27 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Artikolu 45 TFUE jipprekludi wkoll leġiżlazzjoni li toħloq żvantaġġ għall-ħaddiem biss minħabba li juża d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu. Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2011, Casteels (C‑379/09, EU:C:2011:131, punti 29 u 30), kif ukoll tat-13 ta’ Lulju 2016, Pöpperl (C‑187/15, EU:C:2016:550, punti 24 sa 26).

    ( 28 ) Ninnota li, sa fejn tali impjegat ikun eżerċita effettivament id-dritt ta’ moviment liberu tiegħu, meta jkun ġie ttrasferit lejn pajjiż barrani minn stabbiliment jew minn sussidjarja tal-grupp li tinstab fil-Ġermanja, is-sitwazzjoni tiegħu taqa’ taħt l-ipoteżi l-oħra prevista fid-domanda preliminari, jiġifieri dik li tikkonċerna lill-impjegati tal-grupp li jaħdmu fil-Ġermanja. Ara l-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 29 ) F’dan ir-rigward, ninnota li r-raġunament elaborat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-30 ta’ April 1996, Boukhalfa (C‑214/94, EU:C:1996:174), invokata mill-Kummissjoni, ma huwa bl-ebda mod applikabbli fil-każ preżenti. Dan huwa minnu wkoll f’dak li jikkonċerna lis-sentenzi tas-6 ta’ Ġunju 2000, Angonese (C‑281/98, EU:C:2000:296), tas-16 ta’ Jannar 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑388/01, EU:C:2003:30) u tal-11 ta’ Jannar 2007, ITC (C‑208/05, EU:C:2007:16), invokati mill-Awtorità tas-sorveljanza AELE.

    ( 30 ) Biex infakkar, abbażi ta’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-persuni ma jistgħux jiġu applikati fuq attivitajiet li ma jippreżentaw l-ebda fattur ta’ rabta ma’ kwalunkwe mis-sitwazzjonijiet previsti mid-dritt tal-Unjoni u fejn l-elementi kollha huma limitati għall-intern ta’ stat Membru uniku. Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Brouillard (C‑298/14, EU:C:2015:652, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà ta’ stabbiliment, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-moviment liberu tal-kapital, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten (C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 47).

    ( 31 ) Ara, f’dak li jikkonċerna r-rabta ta’ kumpannija mal-ordinament ġuridiku ta’ Stat Membru, is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1999, Centros (C‑212/97, EU:C:1999:126, punt 20); tal-5 ta’ Novembru 2002, Überseering (C‑208/00, EU:C:2002:632, punt 57); tat-30 ta’ Settembru 2003, Inspire Art (C‑167/01, EU:C:2003:512, punt 97), kif ukoll tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation (C‑374/04, EU:C:2006:773, punt 43).

    ( 32 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 593/2008, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008, L 177, p. 6), li abbażi tiegħu, fin-nuqqas ta’ għażla eżerċitata mill-partijiet, il-kuntratt individwali tax-xogħol huwa rregolat mil-liġi tal-pajjiż li fih jew, fin-nuqqas ta’ dan, li minnu l-ħaddiem, b’eżekuzzjoni tal-kuntratt, iwettaq ġeneralment xogħolu.

    ( 33 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 74 u 75 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 34 ) Min-naħa l-oħra, l-istruttura u l-kompożizzjoni tal-kapital tas-sussidjarja jista’ jkun rilevanti fir-rigward tal-applikabbiltà ta’ dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat dwar il-libertajiet fundamentali. B’hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà tal-istabbiliment, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li japplikaw għall-kontroll minn ċittadin tal-Istat Membru kkonċernat, fil-kapital ta’ kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor, ta’ sehem li jippermettilha teżerċita influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet ta’ din il-kumpannija u tiddetermina l-attivitajiet tagħha. Ara s-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2007, Rewe Zentralfinanz (C‑347/04, EU:C:2007:194, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). Min-naħa l-oħra, meta d-dispożizzjonijiet nazzjonali jkunu jikkonċernaw ishma miksuba bl-iskop waħdieni li jsir investiment finanzjarju, mingħajr ma tkun tista’ tiġi eżerċitata influwenza fuq l-amministrazzjoni jew il-kontroll tal-impriża, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu evalwati biss fid-dawl tal-moviment liberu tal-kapital. Ara s-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2012, Test Claimants in the FII Group Litigation (C‑35/11, EU:C:2012:707, punt 92).

    ( 35 ) F’dan ir-rigward, K. Erzberger jirrileva li ż-żona ta’ influwenza tal-imsemmi kunsill ma hijiex limitata għat-territorju Ġermaniż, iżda tinkludi t-totalità tal-grupp ta’ kumpanniji, inklużi l-istabbilimenti u s-sussidjarji li jinsabu fi Stati Membri oħra.

    ( 36 ) Ara, fir-rigward tal-allegat “defiċit ta’ leġittimità” tas-sistema ta’ tmexxija konġunta Ġermaniża, fir-rigward tal-esklużjoni tal-impjegati li jaħdmu barra mit-territorju Ġermaniż, Hellgardt, A., “Unionsrechtswidrigkeit der deutschen Mitbestimmung” u Hellwig, H.-J., “Vorschlag zur Einbeziehung im Ausland tätiger Arbeitnehmer in die deutsche Unternehmensmitbestimmung: Inpflichtnahme des Vorstands anstelle der Betriebsverfassungsorgane zur Organisation der Wahlen”, Deutsche Mitbestimmung unter europäischem Reformzwang, Fachmedien Recht und Wirtschaft, dfv Mediengruppe, Frankfurt am Main, 2016, p. 25, 26, 162 u 163, rapport tal-Kommission Mitbestimmung, Mitbestimmung und neue Unternehmenskulturen, Bilanz und Perspektiven, Verlag Bertelsmann Stiftung, Gütersloh, 1998, p. 106 u 107, u l-proposta tal-grupp tax-xogħol “Unternehmerische Mitbestimmung” (ZIP 2009, p. 885), taqsima A.II.1.

    ( 37 ) Nixtieq ninnota li l-analiżi esposta fil-konklużjonijiet preżenti ma tikkonċernax il-każ fejn l-impjegat jaħdem fi stabbiliment jew fergħa dipendenti li tinsab fi Stat Membru ieħor barra dak li fiha hija stabbilita l-kumpannija, peress li din il-konfigurazzjoni ma hijiex preżenti fil-kawża prinċipali. Ara l-punti 12 u 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li jista’ jkun neċessarju, fil-futur, li jingħataw xi preċiżazzjonijiet fir-rigward tal-applikabbiltà tal-Artikolu 45 TFUE f’tali sitwazzjoni. Fil-fatt, fil-każ fejn l-impjegat jaħdem direttament għall-kumpannija, ir-relazzjoni tax-xogħol tgawdi hija stess minn natura transkonfinali.

    ( 38 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Jannar 1986, Hurd (44/84, EU:C:1986:2, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 39 ) F’dan ir-rigward, nosserva li r-raġunament elaborat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 1984, Moser (180/83, EU:C:1984:233), invokat minn TUI, ma huwiex applikabbli fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti, peress li jipprevedi eżempju distint minn dak suġġett għall-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-kawża preżenti.

    ( 40 ) Biex infakkar, il-grupp TUI jimpjega madwar 10103 persuna fil-Ġermanja u madwar 39536 persuna fl-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni. Ara l-punt 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 41 ) Skont l-Artikolu 45(3)(c) TFUE, “[Il-moviment liberu tal-ħaddiema] għandu jinkludi d-dritt, mingħajr preġudizzju għal-limitazzjonijiet gustifkati minħabba ordni pubbliku, sigurta’ pubblika u saħħa pubblika”“li joqgħod f’kull Stat Membru sabiex jaħdem f’impjieg skond il-liġijiet, regolamenti u regoli amministrattivi li jirregolaw l-impjieg tal-ħaddiema ta’ dak l-Istat” (enfasi miżjuda minni). Min-naħa l-oħra, nikkunsidra li din id-dispożizzjoni hija tassew rilevanti peress li tirrigwarda d-determinazzjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni kkontestata tirriżultax f’restrizzjoni tal-moviment liberu tal-ħaddiema. Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 74 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 42 ) Bl-eċċezzjoni ta’ dak li jikkonċerna lis-Kumpannija Ewropea (KE), lis-Soċjetà Kooperattiva Ewropea (SKE), l-impriżi ta’ dimensjoni Komunitarja u l-gruppi ta’ impriżi ta’ dimensjoni Komunitarja kif ukoll il-mergers transkonfinali ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju, il-kwistjoni tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fil-kumpannija ma kinitx is-suġġett, sakemm mhux qed nieħu żball, ta’ leġiżlazzjoni fuq livell Ewropew. Ara f’dan ir-rigward, rispettivament, Direttiva tal-Kunsill 2001/86/KE, tat-8 ta’ Ottubru 2001, li tissupplimenta l-Istatut għal kumpannija Ewropea fir-rigward tal-involviment tal-impjegati [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 272), Direttiva tal-Kunsill 2003/72/KE, tat-22 ta’ Lulju 2003, li tissupplimenta l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea fir-rigward tal-involviment tal-impjegati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 4, p. 338), Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2009/38/KE, tas-6 ta’ Mejju 2009, dwar l-istabbiliment ta’ Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew jew proċedura fl-impriżi fuq skala Komunitarja u fil-gruppi tal-impriżi fuq skala Komunitarja għall-għanijiet ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni tal-impjegati (ĠU 2009, L 122, p. 28) u l-Artikolu 16 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2005/56/KE, tas-26 ta’ Ottubru 2005, dwar mergers transkonfinali ta’ kumpanniji ta’ responsabbiltà limitata (ĠU 2005, L 310, p. 1).

    ( 43 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, Martens (C‑359/13, EU:C:2015:118, punt 23).

    ( 44 ) Ara l-punti 39 u 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 45 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ Mejju 2016, Kohll u Kohll-Schlesser (C‑300/15, EU:C:2016:361, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 46 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2005, Kranemann (C‑109/04, EU:C:2005:187, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 47 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2011, Casteels (C‑379/09, EU:C:2011:131, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 48 ) Barra t-telf tal-influwenza u tal-preġju, impjegat membru tal-kunsill ta’ superviżjoni jitlef ukoll, skont K. Erzberger, id-drittijiet finanzjarji marbuta mal-parteċipazzjoni tiegħu f’dan il-korp, fil-każ ta’ trasferiment lejn Stat Membru ieħor. Skont din il-parti, il-membri tal-kunsill ta’ superviżjoni ta’ TUI jiksbu, skont l-istatut tal-kumpannija konvenuta, allowance fissa ta’ EUR 50000 fis-sena, flimkien ma’ allowance fil-konfront tas-servizzi pprovduti, li magħha jiżdiedu ukoll xi biljetti ta’ attendenza. Il-presidenti u r-rappreżentanti tagħhom jiksbu multiplu ta’ din l-allowance.

    ( 49 ) Enfasi miżjuda minni. Ara wkoll, l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 492/2011, li abbażi tiegħu “[k]walunkwe ċittadin ta’ xi Stat Membru u kull min iħaddem li jkunu qegħdin iwettqu xi attività fit-territorju ta’ xi Stat Membru jistgħu jiskambjaw l-applikazzjonijiet tagħhom għal u l-offerti tagħhom ta’ impjieg, u jistgħu jikkonkludu u jħaddmu kuntratti ta’ impjieg skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ stabbiliti b’liġi, regolament, jew azzjoni amministrativa, mingħajr l-ebda diskriminazzjoni riżultanti minnhom”. (enfasi miżjuda minni).

    ( 50 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Fennelly fil-Kawża Graf (C‑190/98, EU:C:1999:423, punt 32).

    ( 51 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 1978, Kenny (1/78, EU:C:1978:140, punt 18).

    ( 52 ) Ara s-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 1995, Fishermen’s Organisations et (C‑44/94, EU:C:1995:325, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 53 ) Ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2016, Pöpperl (C‑187/15, EU:C:2016:550, punt 24). Ara wkoll, fir-rigward tat-tassazzjoni, is-sentenzi tas-26 ta’ April 2007, Alevizos (C‑392/05, EU:C:2007:251, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tat-2 ta’ Marzu 2017, Eschenbrenner (C‑496/15, EU:C:2017:152, punt 46).

    ( 54 ) Ara l-punti 42 sa 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 55 ) Ara l-punti 53 sa 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 56 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ninnota li l-Kummissjoni pproponiet, fl-1972, sabiex tarmonizza parzjalment ir-regoli tal-Istati Membri dwar il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fin-nominazzjoni jew fir-revoka tal-membri tal-korp ta’ superviżjoni tal-kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbiltà limitata, li madankollu ma kisbitx l-appoġġ tal-Kunsill. Ara, b’mod partikolari, it-tmien premessa u l-Artikolu 4 ta’ din il-proposta, ippreżentata mill-Kummissjoni fid-9 ta’ Ottubru 1972, għal ħames direttiva intiża sabiex tikkoordina l-garanziji meħtieġa fl-Istati Membri, mill-kumpanniji, fis-sens tal-Artikolu 58(2) tat-Trattat, sabiex jiġu protetti l-interessi, kemm tal-assoċjati kif ukoll tat-terzi f’dak li jikkonċerna l-istruttura tal-kumpanniji b’responsabbiltà limitata, kif ukoll tas-setgħat u tal-obbligi tal-korpi tagħhom [COM(1972)887]. Il-proposta ġiet irtirata bil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Diċembru 2001 [COM (2001)763 finali/2].

    ( 57 ) Ninnota li l-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-involviment tal-ħaddiema huma s-suġġett ta’ diverġenzi kunsiderevoli. Ara, f’dan ir-rigward, l-Anness III tar-rapport finali tal-grupp ta’ esperti, Systèmes européens d’implication des salariés, ta’ Mejju 1997 (rapport Davignon) (C4-0455/97) u l-punt 3.2 tar-rapport tar-Reflection Group On the Future of EU Company Law tal-5 ta’ April 2011, it-tnejn ippreparati fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni. Iż-żewġ rapporti jsemmu espliċitament lis-sistema ta’ tmexxija konġunta Ġermaniża. Ara wkoll, Unternehmens-Mitbestimmung der Arbeitnehmer im Recht der EU-Mitgliedstaaten (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 14) u Wansleben, T., “Arbeitnehmermitbestimmung auf Organebene in den Mitgliedstaaten der Europäischen Union im Rechtsvergleich”, Deutsche Mitbestimmung unter europäischem Reformzwang (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 36), p. 108 sa 134.

    ( 58 ) Ċerti Stati Membri jagħtu effettivament lill-ħaddiema impjegati fi Stati Membri oħra d-dritt tal-vot u ta’ kandidatura fl-elezzjonijiet tal-korpi ta’ amministrazzjoni jew ta’ ġestjoni tal-kumpanniji nazzjonali. Ara, f’dak li jikkonċerna lid-Danimarka, l-Artikolu 140(1) u l-Artikolu 141(1) u (3) tal-lovbekendtgørelse nr. 1089 om aktie- og anpartsselskaber (selskabsloven) (Digriet Legali Nru 1089 tal-kumpanniji), tal-14 ta’ Settembru 2015, u l-Artikoli 2, 15, 16 u 48 tal-bekendtgørelse Nru 344 om medarbejderrepræsentation i aktie- og anpartsselskaber (Digriet Nru 344 fuq ir-rappreżentazzjoni tal-ħaddiema fil-kumpanniji) tat-30 ta’ Marzu 2012. Abbażi tal-imsemmija dispożizzjonijiet, l-impjegati li jaħdmu fl-istabbilimenti ta’ kumpannija Daniża li jinsabu fi Stati Membri oħra tal-Unjoni u taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) huma inklużi fl-iskema ta’ parteċipazzjoni fil-korp ta’ ġestjoni ta’ din il-kumpannija. Barra minn hekk, l-assemblea ġenerali tal-kumpannija Daniża tista’ wkoll tiddeċiedi li tinkludi lill-impjegati li jaħdmu fis-sussidjarji ta’ din il-kumpannija li jinsabu fi Stati Membri oħra tal-Unjoni u taż-ŻEE fl-iskema ta’ parteċipazzjoni fil-korp ta’ ġestjoni tal-kumpannija parent Daniża. L-Awtorità ta’ sorveljanza AELE tindika li l-leġiżlazzjoni Norveġiża tipprevedi wkoll il-possibbiltà li jiġu inklużi l-impjegati tal-grupp li jaħdmu barra fl-iskema ta’ parteċipazzjoni fil-korp ta’ superviżjoni tal-kumpannija parent Norveġiża.

    ( 59 ) Għall-finijiet ta’ kompletezza, nirrileva li, f’dan il-każ, il-ġurisprudenza Graf (sentenza tas-27 ta’ Jannar 2000, C‑190/98, EU:C:2000:49, punti 24 u 25 u l-ġurisprudenza ċċitata), invokata minn diversi partijiet u persuni interessati, ma tistax tapplika għal leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, it-telf tad-dritt tal-vot u ta’ kandidatura fl-elezzjonijiet tar-rappreżentanti tal-ħaddiem fi ħdan il-kunsill ta’ superviżjoni tal-kumpannija u, jekk ikun il-każ, tat-telf tal-mandat fi ħdan dan il-kunsill, fil-każ tat-trasferiment tal-impjegat lejn Stat Membru ieħor, ma tistax titqies, fl-opinjoni tiegħi, bħala ċirkustanza inċerta wisq u indiretta fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-1 ta’ April 2008, Il-Gvern tal-Komunità Franċiża vs Il-Gvern tal-Wallonja (C‑212/06, EU:C:2008:178, punt 51). Ara wkoll, f’sens analogu u fir-rigward tal-moviment liberu tal-kapital, stabbilit fl-Artikoli 63 TFUE et seq, is-sentenza tal-14 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑274/06, mhux ippubblikata, EU:C:2008:86, punt 24).

    ( 60 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2013, Zentralbetriebsrat der gemeinnützigen Salzburger Landeskliniken (C‑514/12, EU:C:2013:799, punti 35 u 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 61 ) Infakkar li l-Artikolu 45(3) TFUE jaċċetta restrizzjonijiet iġġustifikati minn raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika.

    ( 62 ) Issir referenza partikolari għas-sentenzi tal-24 ta’ Novembru 1992, Poulsen u Diva Navigation (C‑286/90, EU:C:1992:453, punti 928 u 29); tal-14 ta’ Lulju 1994, Peralta (C‑379/92, EU:C:1994:296, punti 46 u 47); tal-5 ta’ Ottubru 1994, van Schaik (C‑55/93, EU:C:1994:363, punt 16); tat-13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer (C‑446/03, EU:C:2005:763, punti 36 et seq), kif ukoll tad-29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus (C‑371/10, EU:C:2011:785, punti 43 et seq).

    ( 63 ) F’dan ir-rigward, din il-qorti għandha tivverifika b’mod partikolari, skont il-Kummissjoni, jekk it-tmexxija konġunta abbażi tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża tistax tiġi estiża għal impjegati li jaħdmu fi Stati Membri oħra minn perspettiva prattika u organizzattiva.

    ( 64 ) Ara l-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 65 ) Ara l-punt 83 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Barra minn hekk, id-direttivi relattivi għall-involviment tal-ħaddiema fil—Kumpannija Ewropea (SE) u fis-Soċjetà Kooperattiva Ewropea (SKE) lanqas ma jipprevedu l-applikazzjoni tal-iskema ta’ parteċipazzjoni nazzjonali lill-ħaddiema impjegati fi Stati Membri oħra. Ara, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet ta’ referenza previsti fl-ewwel subparagrafu tal-Parti 1(a) u (b) tal-Anness tad-Direttivi 2001/86 u 2003/72. Dan huwa minnu wkoll f’dak li jikkonċerna l-kumitat ta’ impriża Ewropea fl-impriżi ta’ dimensjoni Komunitarja u l-gruppi tal-impriżi ta’ dimensjoni Komunitarja, skont l-indikazzjonijiet sussidjarji adottati mill-Istati Membri abbażi tad-Direttiva 2009/38. Ara l-punt 1(b) tal-Anness I ta’ din l-aħħar direttiva.

    ( 66 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer (C‑446/03, EU:C:2005:763, punt 39). Għall-kompletezza, nixtieq nippreċiża li r-rikonoxximent minn naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-prinċipju ta’ territorjalità ma huwiex limitat għall-qasam tat-tassazzjoni. Madankollu, il-ġurisprudenza relattiva għall-imsemmi prinċipju f’oqsma oħra ma tikkonċernax lill-libertajiet fundamentali tat-Trattat u għaldaqstant, ma tippreżenta l-ebda interess fil-kawża preżenti.

    ( 67 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2006, N (C‑470/04, EU:C:2006:525, punti 41 sa 46); tad-29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus (C‑371/10, EU:C:2011:785, punti 45 sa 48); tas-16 ta’ April 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑591/13, EU:C:2015:230, punti 64 u 65), kif ukoll tat-8 ta’ Ġunju 2016, Hünnebeck (C‑479/14, EU:C:2016:412, punt 65). Ara, ukoll, is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2002, Cura Anlagen (C‑451/99, EU:C:2002:195, punt 40), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li huwa mixtieq li l-Istati Membri “jaqsmu bejniethom din il-kompetenza fiskali fuq il-bażi ta’ kriterji bħat-territorju li fih karozza tintuża realment jew ir-residenza tas-sewwieq, li huma komponenti diversi tal-prinċipju tat-territorjalità” (enfasi miżjuda minni).

    ( 68 ) Ara s-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2007, Rewe Zentralfinanz (C‑347/04, EU:C:2007:194, punt 69). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel referenza għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-Kawża Rewe Zentralfinanz (C‑347/04, EU:C:2006:350, punt 49).

    ( 69 ) Ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑503/14, EU:C:2016:979, punti 50 u 51 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 70 ) Ara, b’mod partikolari, lis-sentenza tas-16 ta’ April 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑591/13, EU:C:2015:230, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 71 ) F’dan ir-rigward, il-kawża preżenti tiddistingwi ruħha minn dik li tat lok għas-sentenza tal-14 ta’ Lulju 1994, Peralta (C‑379/92, EU:C:1994:296), invokata minn TUI u mill-Gvern Ġermaniż.

    ( 72 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tad-29 ta’ Marzu 2007, Rewe Zentralfinanz (C‑347/04, EU:C:2007:194, punt 69), u tat-8 ta’ Ġunju 2016, Hünnebeck (C‑479/14, EU:C:2016:412, punt 66). Sabiex infakkar, ċerti Stati Membri tal-Unjoni u taż-ŻEE jagħtu effettivament lill-ħaddiema impjegati fi Stati Membri oħra d-dritt tal-vot u ta’ kandidatura fl-elezzjonijiet li jikkonċernaw il-korpi ta’ amministrazzjoni jew ta’ ġestjoni tal-kumpanniji nazzjonali. Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 73 ) Il-Gvern Ġermaniż jirreferi, b’mod partikolari, għad-Dritte Wahlordnung zum Mitbestimmungsgesetz (3. WOMitbestG) (it-tielet regolament elettorali li jimplementa l-liġi fuq it-tmexxija konġunta) tas-27 ta’ Mejju 2002 (BGBl. 2002 I, p. 1741), kif emendat l-iktar reċentement mill-Verordnung (regolament) tas-26 ta’ Awwissu 2015 (BGBl. 2015 I p. 1443).

    ( 74 ) B’mod partikolari, il-Gvern isemmi l-obbligu tas-sussidjarja li ssostni l-istabbiliment ta’ kumitati elettorali, li tipprovdi listi tal-persunal u informazzjoni oħra sabiex il-kumitati jkunu jistgħu jistabbilixxu r-reġistri elettorali, skont id-dispożizzjonijiet Ġermaniżi rilevanti, u sabiex jagħtu ħin liberu bi ħlas lill-impjegati sabiex iwettqu d-doveri tal-kumitat elettorali.

    ( 75 ) Waqt is-seduta, il-Gvern Ġermaniż irrikonoxxa, b’risposta għal domanda magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, li, fil-każ fejn it-tmexxija konġunta tiġi organizzata b’tali mod li d-direzzjoni tal-kumpannija parent tagħti d-dritt tal-vot u ta’ kandidatura lill-impjegati li jaħdmu fis-sussidjarji barranin tagħha u li torganizza hija stess l-elezzjoni, ma jkunx hemm interferenza fil-kompetenzi ta’ Stati Membri oħra.

    ( 76 ) Ara l-punt 88 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 77 ) Ara l-punt 88 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 78 ) Biex infakkar, is-salvagwardja tal-identità nazzjonali tal-Istati Membri ġiet irrikonoxxuta wkoll fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja bħala li tikkostitwixxi għan leġittimu rrispettat mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Ara s-sentenza tat-2 ta’ Lulju 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑473/93, EU:C:1996:263, punt 35). Ara wkoll, f’dak li jikkonċerna l-Artikolu 4(2) TUE, is-sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2010, Sayn-Wittgenstein (C‑208/09, EU:C:2010:806, punt 92); tat-12 ta’ Mejju 2011, Runevič-Vardyn u Wardyn (C‑391/09, EU:C:2011:291, punt 86), kif ukoll tat-2 ta’ Ġunju 2016, Bogendorff von Wolffersdorff (C‑438/14, EU:C:2016:401, punt 73).

    ( 79 ) Billi jibbaża ruħu fuq id-deċiżjoni tal-Bundesverfassungsgericht (qorti kostituzzjonali federali, il-Ġermanja), tal-1 ta’ Marzu 1979 (1 BvR 532/77, 1 BvL 21/78, 1 BvR 419/78, u 1 BvR 533/77) (NJW 1979, p. 699), punt 189, il-Gvern Ġermaniż jirrileva li l-leġiżlazzjoni dwar it-tmexxija konġunta tal-ħaddiema għandha bħala għan li ttaffi, permezz ta’ parteċipazzjoni istituzzjonalizzata tad-deċiżjonijiet imprenditorjali, is-setgħa deċiżjonali ta’ terzi li, f’kumpanniji ta’ ċertu daqs, huwa inerenti għall-fatt li l-impjegati huma suġġetti għas-setgħa tad-direzzjoni u ta’ organizzazzjoni ta’ persuni esterni għall-kumpannija u li tissostitwixxi l-leġittimazzjoni ekonomika tad-direzzjoni tal-kumpannija b’leġittimazzjoni soċjali. Ara, f’dak li jikkonċerna l-iżvilupp tal-iskema tat-tmexxija konġunta Ġermaniża, il-kapitolu 3 tar-rapport tal-Kommission Mitbestimmung, Mitbestimmung und neue Unternehmenskulturen, Bilanz und Perspektiven (iċċitat iktar ’il fuq, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

    ( 80 ) Il-Gvern isemmi wkoll il-fatt li, f’ittra konġunta miftuħa, l-organizzazzjonijiet ċentrali tal-imsieħba soċjali Ġermaniżi iddeskrivew l-imsemmija skema bħala pilastru soċjali essenzjali tas-sistema soċjali u tas-suq tax-xogħol Ġermaniż. Dejjem skont dan il-Gvern, il-President Ġermaniż indika wkoll li t-tmexxija konġunta tirrappreżenta element ta’ kultura nazzjonali stabbilit sew, b’element bażiku ta’ identità.

    ( 81 ) Ara, b’mod partikolari, il-punt 17 tal-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema, li jirreferi għaliha l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 151 TFUE. Ara, barra minn hekk, l-Artikolu 153(1)(f) TFUE. Ara wkoll, l-Artikolu 27 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea li jirrigwarda d-dritt għall-informazzjoni u ta’ konsultazzjoni tal-ħaddiema fi ħdan l-impriża.

    ( 82 ) Ara, b’mod partikolari, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 151 TFUE u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 152 TFUE.

    ( 83 ) Ara l-premessi 5 u 9 tad-Direttivi 2001/86 u 2003/72. Ara, f’dak li jikkonċerna l-prinċipju ta’ sussidjarjetà, il-premessa 20 tad-Direttiva 2009/38. Ninnota li, bil-kontra ta’ din id-direttiva tal-aħħar, id-Direttivi 2001/86 u 2003/72 ġew adottati mhux abbażi tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-politika soċjali, iżda pjuttost fuq abbażi tal-Artikolu 352 TFUE.

    ( 84 ) Ara, f’dak li jikkonċerna d-differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri f’dan ir-rigward, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 85 ) Sabiex infakkar, abbażi tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża dwar it-tmexxija konġunta, l-impjegati inklużi fl-iskema tat-tmexxija konġunta jingħataw, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-dritt sabiex jaħtru, flimkien mal-unions, in-nofs tal-membri tal-korp ta’ superviżjoni tal-kumpannija. Ara l-punt 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 86 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 73 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 87 ) Skont il-Gvern Ġermaniż, fi grupp ta’ ċertu daqs, l-elezzjonijiet tal-imsemmija membri jdumu bejn sitta u tnax il-xahar u l-preparazzjonijiet jibdew, fil-prattika, ħafna iktar qabel.

    ( 88 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Lulju 1981, Oebel (155/80, EU:C:1981:177, punt 12), u tat-23 ta’ Novembru 1989, B & Q (C‑145/88, EU:C:1989:593, punt 14).

    ( 89 ) Ara s-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Bogendorff von Wolffersdorff (C‑438/14, EU:C:2016:401, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    Top