EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CC0211

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Wahl, ippreżentati fl-4 ta’ Frar 2016.
Orange vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Kompetizzjoni – Għajnuna mill-Istat – Għajnuna mogħtija mir-Repubblika Franċiża lil France Télécom – Riforma tal-metodu ta’ finanzjament tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-uffiċjali tal-Istat li jaħdmu ma’ France Télécom – Tnaqqis tal-kumpens dovut lill-Istat minn France Télécom – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern taħt ċerti kundizzjonijiet – Kunċett ta’ ‘għajnuna’ – Kunċett ta’ ‘vantaġġ ekonomiku’ – Natura selettiva – Effett fuq il-kompetizzjoni – Żnaturament tal-fatti – Nuqqas ta’ motivazzjoni – Sostituzzjoni tal-motivi.
Kawża C-211/15 P.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:78

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fl-4 ta Frar 2016 ( 1 )

Kawża C‑211/15 P

Orange SA, li kienet France Télécom

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Appell — Għajnuna mogħtija mir-Repubblika Franċiża lil France Télécom fir-rigward tar-riforma tal-metodu ta’ finanzjament tal‑pensjonijiet tal-irtirar tal-uffiċjali tal-Istat li jaħdmu ma’ France Télécom — Tnaqqis tal‑kumpens dovut lill-Istat minn France Télécom — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern taħt ċerti kundizzjonijiet — Eżistenza ta’ vantaġġ — Qafas ta’ riferiment rilevanti — Teħid inkunsiderazzjoni ta’ “żvantaġġ strutturali”

1. 

B’dan l-appell, Orange SA (iktar ’il quddiem “Orange”), li kienet France Télécom, trid tikseb l‑annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tas-26 ta’ Frar 2015, Orange vs Il‑Kummissjoni ( 2 ), li permezz tagħha din ċaħdet it-talba tagħha għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/540/UE, tal-20 ta’ Diċembru 2011, dwar l-għajnuna mill-Istat Nru C 25/08 (ex NN 23/08) riforma tal-mod ta’ finanzjament tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-uffiċjali tal-Istat li jaħdmu ma’ France Télécom imwettqa mir-Repubblika Franċiża favur France Télécom ( 3 ).

2. 

Fost il-mistoqsijiet imqajma f’dan l-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja hija b’mod partikolari mitluba tistabbilixxi jekk kienx korrett li l-Qorti Ġenerali kkonfermat id-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku favur France Télécom. Għandu jiġi eżaminat b’mod partikolari jekk il-“qafas ta’ riferiment” magħżul mill‑Kummissjoni Ewropea, sabiex tidentifika tali vantaġġ, kienx ġie ddefinit korrettament fir-rigward tal-miżuri kkontestati msejħa “ta’ kumpens”, adottati fil-kuntest partikolari tar‑riforma tal-metodu ta’ finanzjament tal-pensjonijiet tal-irtirar tal‑uffiċjali tal-Istat li qabel kienu jaħdmu ma’ France Télécom.

3. 

Fl-opinjoni tiegħi, il-kawża toffri okkażjoni partikolari ferm sabiex jiġi ppreċiżat li, bl-eċċezzjoni tal-każ li jissodisfa l-kriterji stabbiliti fis-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg ( 4 ), il-fatt li miżura statali jkollha bħala għan li teħles lil impriża minn allegat żvantaġġ strutturali jew kompetittiv ma jistax jippermetti li din il‑miżura ma tikkwalifikax bħala għajnuna, fis-sens tal‑Artikolu 107(1) TFUE.

I – Il-fatti li wasslu għall-kawża

4.

Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif jirriżultaw mis-sentenza appellata, jistgħu jiġu deskritti fil-qosor bil-mod segwenti:

“1

Il-miżuri li huma s-suġġett ta’ din il-kawża jikkonsistu fil-bidliet introdotti fl-1996 fl-iskema tal-obbligi li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta[l-appellanti], Orange, li qabel kienet tissejjaħ France Télécom, fir-rigward tal-ħlas tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-persunal tagħha li għandu l‑istatus ta’ uffiċjal.

2

Din l-iskema, li kienet stabbilita sa mit-twaqqif, fl-1990, ta’ France Télécom bħala impriża indipendenti mill‑amministrazzjoni tal-Istat, permezz tal-Liġi Nru°90‑568, tat‑2 ta’ Lulju 1990, relatata mal-organizzazzjoni tas-servizz pubbliku tal-posta u tat-telekomunikazzjonijiet (JORF tat-8 ta’ Lulju 1990, p. 8069, iktar ’il quddiem il-‘liġi tal-1990’), ġiet emendata permezz tal-Liġi Nru°96‑660, tas-26 ta’ Lulju 1996, relatata mal-impriża nazzjonali France Télécom (JORF tas-26 ta’ Lulju 1996, p. 11398, iktar ’il quddiem ‘il-liġi tal-1996’). L‑iskema l-ġdida ġiet introdotta, minn naħa, meta France Télécom twaqqfet bħala kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata kif ukoll meta ġiet offruta fis-suq u meta nfetħet parti akbar tal-kapital tagħha, u min-naħa l-oħra, meta nfteħu totalment għall‑kompetizzjoni is-swieq fejn hija kienet topera, fi Franza u fl‑Istati Membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea.

3

F’dak li jikkonċerna r-responsabbiltajiet relatati mal‑finanzjament tal-benefiċċji soċjali tal-persunal li għandu l‑istatus ta’ uffiċjal pubbliku, il-liġi tal-1996 emendat il‑kumpens li l-Artikolu 30 tal-liġi tal-1990 kien impona fuq France Télécom li tħallas lit-Teżor għal-likwidazzjoni u l-ħlas tal-pensjonijiet tal-uffiċjali tagħha mill-Istat (iktar ’il quddiem il‑“miżura kkontestata”).

4

Il-liġi tal-1990 kienet tipprevedi li France Télécom kienet obbligata tħallas lit-Teżor, inkambju għal-likwidazzjoni u l-ħlas tal-pensjonijiet allokati għall-uffiċjali tagħha, l-ammont li jitnaqqas mis-salarju tal-uffiċjal, li r-rata tiegħu kienet stabbilita mill‑Artikolu L.61 tal-Kodiċi tal-pensjonijiet ċivili u militari tal-irtirar Franċiż u kontribuzzjoni supplimentari li tippermetti t-teħid ta’ responsabbiltà kollha għall‑ispejjeż tal-pensjonijiet mogħtija u li għandhom jingħataw lill-uffiċjali rtirati.

5

France Télécom ipparteċipat ukoll fl-iskemi msejħa ta’ ‘kumpens’ u ta’ ‘kumpens żejjed’, li jipprevedu trasferimenti bil-għan li jiżguraw il-bilanċ bejn l-iskemi tal-irtirar ta’ uffiċjali ta’ entitajiet pubbliċi oħra.

6

Il-liġi tal-1996 emendat il-kumpens previst fl-Artikolu 30 tal‑liġi tal-1990 skont il-modalitajiet esposti kif ġej. L-ewwel nett, France Télécom kienet obbligata tħallas l-ammont li jitnaqqas mis-salarju tal-uffiċjal, li l-ammont tiegħu kien baqa’ l‑istess meta mqabbel mal-liġi tal-1990. It-tieni nett, hija kienet suġġetta għal ‘kontribuzzjoni tal-persuna li timpjega ta’ natura liberatorja’ li ssostitwixxiet il-kontribuzzjoni tal-persuna li timpjega preċedenti. Din il-kontribuzzjoni l-ġdida kienet ibbażata fuq ‘rata ta’ ekwità kompetittiva’ li minn naħa tagħha hija bbażata fuq ibbilanċjar tal-livell ta’ kontribuzzjonijiet soċjali u fiskali obbligatorji, ibbażati fuq is-salarji, bejn France Télécom u l‑impriżi l-oħra fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet li jaqgħu taħt il‑liġi komuni tas‑servizzi soċjali, li tinkludi r-riskji komuni għall-impjegati tas‑settur privat u għall-uffiċċjali tal-Istat u li teskludi r-riskji mhux komuni għall-impjegati tas-settur privat u għall-uffiċċjali tal-Istat (b’mod partikolari l-qgħad u d-djun tal‑impjegati f’każ ta’ rimedju ġudizzjarju jew likwidazzjoni tal‑impriża). It-tielet nett, France Télécom kienet suġġetta għal ‘kontribuzzjoni fissa eċċezzjonali’, li ġiet stabbilita bil-Liġi Nru 96‑1181, tal-31 ta’ Diċembru 1996, dwar il-finanzi għas-sena 1997 (JORF tal-31 ta’ Diċembru 1996, p. 19490), fl-ammont ta’ Frank Franċiż 37.5 biljuni (ekwivalenti għal EUR 5.7 biljuni). Din l‑aħħar kontribuzzjoni kienet tinkludi, minn naħa, l‑ammont tal-provvedimenti annwali (EUR 3.6 biljuni) li France Télécom kienet stabbilixxiet sa mill-1996 sabiex tilqa’ għall‑obbligi tal-irtirar futur li ġew previsti dak iż-żmien u, min‑naħa l-oħra, ammont addizzjonali (EUR 2.1 biljuni).

7

Barra minn hekk, il-liġi tal-1996 eskludiet lil France Télécom mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskemi ta’ kumpens u ta’ kumpens żejjed.

[…]

9

Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Mejju 2008, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Franċiża bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura stipulata fl-Artikolu 108(2) TFUE (iktar ’il quddiem id‑“deċiżjoni ta’ ftuħ”) kontra l-għajnuna inkwistjoni. Ir‑Repubblika Franċiża ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fit‑18 ta’ Lulju 2008.

[…]

12

Fl-20 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni [kkontestata], li tiddikjara l-għajnuna inkwistjoni kompatibbli mas-suq intern taħt ċerti kundizzjonijiet.

13

Fid-deċiżjoni [kkontestata], il-Kummissjoni ikkonstatat li l‑miżura kkontestata kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis‑sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

14

F’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, l-evalwazzjoni tal‑vantaġġ ekonomiku, il-Kummissjoni stabilixxiet li l-miżura kkontestata kienet tagħti vantaġġ ekonomiku lil France Télécom, inkwantu kienet timponi obbligu ġdid u tqil fuq l-Istat fir‑rigward tal-likwidazzjoni u l-ħlas tal-pensjonijiet allokati għall‑uffiċjali ta’ France Télécom, filwaqt li tnaqqas il‑kumpens li France Télécom kienet ħallset minn qabel.

15

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni, minn naħa, fil‑premessa 105 tad-deċiżjoni [kkontestata], ikkalkolat l-ammont tal-għajnuna inkwistjoni bħala d-differenza annwali bejn il‑kontribuzzjoni tal-persuna li timpjega ta’ natura liberatorja mħallsa minn France Télécom skont il-liġi tal-1996 u l-obbligi li hija kienet ħallset skont il-liġi tal-1990, u, min-naħa l-oħra, fil-premessa 113 tad-deċiżjoni [kkontestata], ikkunsidrat li l-ħlas tal‑kontribuzzjoni fissa eċċezzjonali kien naqqas l-ammont tal‑għajnuna li minnha kienet tibbenefika France Télécom.

16

Il-Kummissjoni stabilixxiet ukoll li l-miżura kkontestata kienet selettiva minħabba li kienet tikkonċerna biss lil France Télécom u li hija kienet tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni għaliex kienet tippermetti lil France Télécom tiddisponi minn bilanċ finanzjarju mnaqqas, li kien jippermettilha tiżviluppa fis‑swieq ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet li kienu nfetħu b’mod gradwali għall-kompetizzjoni, fi Franza u fi Stati Membri oħra.

17

Il-Kummissjoni mbagħad ipproċediet b’evalwazzjoni tal‑kompatibbiltà tal-miżura kkontestata mas-suq intern, fis-sens tal‑Artikolu 107(3)(ċ) TFUE u kkonkludiet li din ma kinitx tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità, inkwantu ma kinitx tippermetti bbilanċjar tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni. Skont il-Kummissjoni, il-kumpens finanzjarju mħallas minn France Télécom lill-Istat ma kienx ikopri l-obbligi soċjali kollha li kellhom jitħallsu mill-baġit tal-kompetituri ta’ France Télécom.

18

Għaldaqstant, il-Kummissjoni stabilixxiet li, sabiex jiġi ssodisfatt il‑kriterju ta’ konformità mal-interess komuni previst fl‑Artikolu 107(3) TFUE, il-kompatibbiltà mas-suq intern tal‑għajnuna inkwistjoni kienet tirrikjedi li l-kontribuzzjoni tal-persuna li timpjega ta’ natura liberatorja li kellha titħallas minn France Télécom tiġi kkalkolata u mħallsa b’mod li jsiru ugwali l‑livelli tal-obbligi soċjali u fiskali obbligatorji kollha, ibbażati fuq is‑salarji, bejn France Télécom u l-impriżi l-oħra fis-settur tat‑telekomunikazzjonijiet li jaqgħu taħt il-liġi komuni tas-servizzi soċjali, billi jiġu kkunsidrati wkoll ir-riskji mhux komuni tal‑impjegati tas-settur privat u tal-uffiċjali impjegati minn France Télécom. Din il-kontribuzzjoni kellha titħallas minn France Télécom mill‑ġurnata meta l-ammont tal-kontribuzzjoni fissa eċċezzjonali, kapitalizzata bir-rata ta’ aġġornament li tirriżulta mill‑applikazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il‑metodu ta’ ffissar tar-rati ta’ referenza u ta’ aġġornament (ĠU 1996, C 232, p. 10, iktar ’quddiem il-‘komunikazzjoni dwar ir‑rati ta’ riferiment), ikun laħaq l-ammont ta’ kontribuzzjonijiet u obbligi li France Télécom kellha tħallas skont l-Artikolu 30 tal‑liġi tal-1990.

19

Id-dispożittiv tad-deċiżjoni [kkontestata] jipprevedi kif ġej:

‘Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat li tirriżulta mit-tnaqqis tal-kumpens li għandu jitħallas lill-Istat għal-likwidazzjoni u l-ħlas tal-pensjonijiet allokati, b’applikazzjoni tal-Kodiċi tal-pensjonijiet tal-irtirar ċivili u militari, lill‑uffiċjali ta’ France Télécom b’applikazzjoni tal-[liġi tal-1996] li temenda l-[liġi tal-1990] hi kompatibbli mas-suq intern, skont il‑kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2.

Artikolu 2

Il-kontribuzzjoni ta’ min iħaddem ta’ natura liberatorja, dovuta minn France Télécom skont l-Artikolu 30(c) tal-[liġi tal-1990], għandha tiġi kkalkolata u tinġabar b’mod li tibbilanċja l-livelli tal-obbligi soċjali u fiskali obbligatorji kollha bbażati fuq is-salarji bejn France Télécom u l‑impriżi l-oħra fis-settur tat-telekomunikazzjoni li jirriżultaw mil-liġi komuni tas-servizzi soċjali.

Biex tiġi ssodisfata din il-kundizzjoni, mhux aktar minn seba’ xhur wara n-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, ir-Repubblika Franċiża:

a)

għandha temenda l-Artikolu 30 tal-[liġi tal-1990] u t-testi regolatorji jew oħrajn maħruġa għall-applikazzjoni tagħha b’mod li l-bażi tal-kalkolu u l-ġbir tal-kontribuzzjoni ta’ min iħaddem ta’ natura liberatorja, dovuta minn France Télécom, ma jkunux limitati biss għar-riskji komuni għall-impjegati rregolati bil-liġi privata u għall-uffiċjali tal-Istat imma jinkludu wkoll ir-riskji mhux komuni;

b)

tiġbor mingħand France Télécom, mill-ġurnata meta l-ammonti ta’ kontribuzzjoni eċċezzjonali implimentata bil-[liġi tal-1996] kapitalizzati bir-rata ta’ aġġornament li tirriżulta mill‑applikazzjoni tal-[komunikazzjoni dwar ir-rati ta’ riferiment] applikabbli f’dan il-każ jugwalaw l-ammont tal‑kontribuzzjonijiet u l-obbligi li France Télécom kienet tkompli tħallas skont l-Artikolu 30 tal-[liġi tal-1990] fl-abbozz inizjali tagħha, kontribuzzjoni ta’ min iħaddem ta’ natura liberatorja kkalkolata skont il-metodi speċifikati fil-punt a), b’kunsiderazzjoni tar-riskji komuni u mhux komuni għall‑impjegati rregolati bil-liġi privata u għall-uffiċjali tal‑Istat’”

II – Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

5.

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑22 ta’ Awwissu 2012, Orange ippreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

6.

Insostenn tar-rikors tagħha, Orange invokat erba’ motivi. L‑ewwel motiv kien ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni kif ukoll fuq ksur tal-obbligu tal-motivazzjoni, inkwantu l-Kummissjoni kkunsidrat li l-miżura kkontestata kienet tikkostitwixxi għajnuna mill‑Istat fis-sens tall-Artikolu 107(1) TFUE. It-tieni motiv, invokat sussidjarjament, kien ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni fl‑eżami tal-kompatibbiltà mas-suq intern tal-miżura kkontestata. It‑tielet motiv, invokat ukoll sussidjarjament, kien ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni u ta’ ksur tal-obbligu tal-motivazzjoni fl-evalwazzjoni tal‑perijodu li matulu l-għajnuna ddefinita fid-deċiżjoni kkontestata ġiet innewtralizzata mill-kontribuzzjoni fissa eċċezzjonali. Ir-raba’ motiv kien ibbażat fuq ksur tad-drittijiet ta’ difiża.

7.

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir‑rikors fl-intier tiegħu u kkundannat lil Orange għall-ispejjeż.

8.

Id-deċiżjoni kkontestata kienet ukoll is-suġġett ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Marzu 2012 mir‑Repubblika Franċiża fil-Kawża T‑135/12. Is-sentenza mogħtija f’din l-aħħar kawża ( 5 ), li ċaħdet ukoll l-imsemmi rikors u kkundannat lir-Repubblika Franċiża għall‑ispejjeż, għall-kuntrarju, ma ġietx appellata.

III – It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal‑Ġustizzja

9.

Orange titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tiddeċiedi b’mod finali dwar il-mertu u tilqa’ t-talbiet tagħha mressqa fl-ewwel stanza;

sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

10.

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell, u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

11.

Il-partijiet esponew il-pożizzjonijiet tagħhom bil-miktub u oralment matul is-seduta tat-3 ta’ Diċembru 2015.

IV – Analiżi tal-appell

12.

Fil-kuntest tal-appell tagħha, l-appellanti tressaq tliet aggravji, ibbażati fuq żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tagħha, rispettivament, tal-eżistenza tal-għajnuna mill-Istat fis-sens tal‑Artikolu 107(1) TFUE, tal-kompatibbiltà tal-miżura kkontestata mas-suq intern u tal-perijodu li matulu l-għajnuna ddefinita fid‑deċiżjoni kkontestata ġiet innewtralizzata mill-kontribuzzjoni fissa eċċezzjonali.

13.

Peress li l-kwistjonijiet imqajma fil-kuntest tal-ewwel aggravju huma delikati, ser nikkonċentra l-analiżi tiegħi fuq dan, filwaqt li nippreċiża li l-aggravji l-oħrajn invokati ma jidhirlix li joħolqu xi diffikultajiet partikolari.

A – Kunsiderazzjonijiet preliminari dwar il-kuntest ta ’ elaborazzjoni u dwar in-natura tal-miżuri kkontestati

14.

Kif semmejt fl-introduzzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet, din il‑kawża hija relatata ma’ miżuri nazzjonali ta’ kumpens partikolari ferm mogħtija fil-kuntest tar-riforma tal-istatus ta’ France Télécom wara l-privatizzazzjoni ta’ din tal-aħħar.

15.

Sabiex nanalizzaw tajjeb il-kwistjonijiet li ġew sottomessi lilna, jidhirli utli li nfakkar u nagħti ċerti preċiżjonijiet dwar in-natura tal‑miżuri kkontestati u dwar il-kuntest tal-żvilupp tagħhom.

16.

Skont il-liġi tal-1990, France Télécom ġiet ikkostitwita bħala operatur pubbliku b’personnalità ġuridika, filwaqt li qabel, hija kienet tifforma, flimkien ma’ La Poste, Direttorat Ġenerali tal-Ministeru tal‑Posta u t-Telekomunikazzjonijiet Franċiża.

17.

Minkejja din il-bidla fl-istatus, hija kompliet tirrekluta persuni li għandhom l-istatus ta’ uffiċjali tal-Istat, u dan baqa’ jseħħ sal‑1997.

18.

Bil-għan tal-kontinwità tal-prattika baġitarja preċedenti f’dak li jirrigwarda l-finanzjament tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-ex uffiċjali ta’ France Télécom, il-liġi tal-1990 kienet tipprevedi fl-Artikolu 30 tagħha, minn naħa, li l-likwidazzjoni u l-ħlas tal-pensjonijiet allokati lill‑uffiċjali ta’ France Télécom kellhom isiru mill-Istat u, min‑naħa l-oħra, li, inkambju, France Télécom kienet obbligata tħallas lit-Teżor mhux biss l-ammont li jitnaqqas mis-salarju tal-uffiċjali tagħha, imma wkoll “kontribuzzjoni supplementari” li tippermetti t‑teħid ta’ responsabbiltà kollha għall-ispejjeż tal-pensjonijiet marbuta mal-uffiċjali rtirati tagħha.

19.

Il-kontribuzzjoni supplementari, msejħa tal-“persuna li timpjega”, li kellha titħallas minn France Télécom, kienet iffissata abbażi tad-differenza bejn l-ammont totali tal-pensjonijiet imħallas mill‑Istat Franċiż u l-parti mħallsa mill-uffiċjali attivi fuq is‑salarji tagħhom.

20.

Fi kliem ieħor, France Télécom kellha tassumi r-responsabbiltà għall-ispejjeż kollha tal-pensjoni tal-persunal uffiċjal irtirat tagħha (inkluż l-ex uffiċjali tal-Ministeru tal-Posta u t-Telekomunikazzjonijiet), bit-tnaqqis tal‑ammont mis-salarju tal-persunal uffiċjal attiv tagħha.

21.

Għandu jiġi nnutat li, fil-fatt, France Télécom kienet iddaħħal fil-kontijiet l‑ispejjeż marbuta mal-pensjonijiet tal-irtirar abbażi tal-kontribuzzjonijiet imħallsa. Minħabba n-natura ċerta taż-żieda f’dawn l-ispejjeż, fid-dawl tal-iżvilupp prevedibbli tal-pensjonijiet tal-irtirar li għandhom jitħallsu lill-ex uffiċjali tagħha, France Télécom kienet iddaħħal ukoll fil‑kontijiet tagħha provvediment annwali intiż sabiex jifrex l-effett stmat taż-żidiet futuri tal-ħlasijiet fuq perijodu ta’ 30 sena. L-ammont tal-provvediment hekk stabbilit sal-1996 kien ta’ madwar EUR 3.6 biljuni ( 6 ).

22.

Permezz tal-liġi tal-1996, France Télécom ġiet stabbilita bħala kumpannija b’responsabbiltà limitata fid-dritt Franċiż. Minkejja li France Télécom waqfet ir-reklutaġġ tal-uffiċjali mill-1997, il-korp tal‑uffiċjali ta’ din l-impriża li kien diġà stabbilit xorta baqa’ jaħdem magħha, filwaqt li żamm l-istatus kif ukoll il-garanziji tiegħu, inkluż kundizzjonijiet ta’ xogħol identiċi għal dawk tal-uffiċjali tal-Istat.

23.

Issa, is-somma li tirriżulta mill-ammont imnaqqas mis-salarju tal-uffiċjali attivi ta’ France Télécom kien jonqos ftit ftit mal-irtirar tagħhom, filwaqt li dan l-irtirar kien iżid, fl-istess ħin, l-ispejjeż marbuta mal-imsemmi rtirar, b’tali mod li l-kontribuzzjoni supplimentari kienet intiża għal żieda kostanti (sakemm ir-rata ta’ mewt tal-irtirati tissupera lil dik tal-irtirati l-ġodda).

24.

Kien f’dawn il-kundizzjonijiet li l-leġiżlatur Franċiż iddeċieda li jimmodifika l-iskema ta’ ffinanzjar ta’ rtirar tal-uffiċjali ta’ France Télécom.

25.

Skont il-liġi tal-1996, din tal-aħħar minn issa ’l quddiem hija biss suġġetta għall‑ħlas ta’ kontribuzzjoni liberatorja li tippermetti li jiġu bbilanċjati l-obbligi soċjali bbażati fuq is-salarji bejn France Télécom u l-impriżi l-oħra tas-settur ta’ telekomunikazzjonijiet, fir-rigward tar-riskji li huma komuni għall-impjegati rregolati mill-liġi komuni u għall‑uffiċjali tal-Istat. Dan jimplika li l-obbligu finanzjarju impost fuq France Télécom huwa limitat għall-ħlas ta’ kontribuzzjoni, iżda li l‑ispejjeż marbuta mal-ħlas tal-pensjonijiet tal-ex uffiċjali tagħha huma r-responsabbiltà tal-Istat. Dan ifisser ukoll li France Télécom ma hijiex suġġetta għall-ħlas ta’ ċerti kontribuzzjonijiet mħallsa mill-kompetituri ta’ France Télécom sabiex jassiguraw ir-riskji mhux komuni għall‑impjegati u għall-uffiċjali, b’mod partikolari l‑qgħad u d-djun tal‑impjegati f’każ ta’ rimedju ġudizzjarju jew ta’ likwidazzjoni tal‑impriża.

26.

Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li r-riforma tal-finanzjament tal-pensjonijiet tal-irtirar ta’ France Télécom saret fil-kuntest tal‑liberalizzazzjoni dejjem tiżdied tas-swieq ta’ telekomunikazzjonijiet fil‑livell Ewropew u għalhekk potenzjalment ħalliet l-effetti tagħha fuq suq progressivament miftuħ għall-kompetizzjoni. B’hekk il-Kummissjoni irrilevat, fil-premessa 49 tad-deċiżjoni kkontestata, li “ix-xewqa li tiġi nkoraġġita l-espansjoni ta’ France Télécom fi swieq Ewropej minbarra Franza tidher fl-isfond tal-Liġi tal-1996 u tal-ftuħ tal-impriża għall‑kapital privat, kif jirriżulta mill-istqarrijiet waqt id-diskussjoni tal‑abbozz”.

B – Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq żbalji ta ’ liġi fl-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti biex il-miżura kkontestata tiġi kklassifikata bħala “għajnuna mill-Istat ” fis-sens tal‑Artikolu 107(1) TFUE

27.

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti tikkontesta l‑klassifikazzjoni tal-miżura kkontestata bħala “għajnuna mill-Istat” taħt diversi aspetti, li jikkoinċidu parzjalment. Jiena nirrileva b’mod partikolari li l-problematika tal-identifikazzjoni ta’ vantaġġ ekonomiku fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, suġġett tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, hija marbuta mill-qrib ma’ dik tas-selettività tal-miżura kkontestata, imsemmija fit-tieni parti ta’ dan l-aggravju u li seta’ jkun previst eżami ta’ dawn il-kwistjonijiet kollha.

28.

Minkejja din il-konstatazzjoni, dehrli li huwa preferibbli, sabiex tinqara aħjar, li tingħata tweġiba għall-ewwel aggravju billi tiġi segwita, kemm jista’ jkun, l-istruttura tal-argument ippreżentat mill-appellanti.

1. Dwar l-ewwel parti, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi mwettqa mill‑Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tagħha relatata mal-eżistenza ta’ vantaġġ

a) L-argumenti tal-appellanti

29.

Orange tenfasizza, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, favur France Télécom. Fl‑opinjoni tagħha, il-miżura kkontestata, jiġifieri t-tnaqqis, introdott bil-liġi tal-1996, tal-kontribuzzjonijiet għall-pensjonijiet tal-irtirar li kellhom jitħallsu minn France Télécom, kienet intiża sabiex ikun ikkumpensat dak li hija ssejjaħ “żvantaġġ strutturali”. Dan l‑iżvantaġġ jirriżulta mil‑liġi tal-1990 li ħolqot spejjeż sinjifikattivi f’dak li jikkonċerna l‑finanzjament tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-ex uffiċjali tagħha meta mqabbla mal-ispejjeż sostnuti minn operaturi ekonomiċi kompetituri oħrajn. Il-miżura kkontestata għalhekk ma kellhiex effett li tqiegħedha f’pożizzjoni kompetittiva iktar favorevoli meta mqabbla mal-impriżi kompetittivi.

30.

L-argument tagħha huwa artikolat b’mod skematiku fuq tliet punti.

31.

Fl-ewwel lok, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkunsidrat, fil-punti 42 u 43 tas-sentenza appellata, li n-natura kumpensatorja tal-miżura kkontestata ma tippermettix li titwarrab il‑kwalifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat, bl-unika eċċezzjoni ta’ każijiet li fihom l-intervent statali inkwistjoni għandu jiġi kkunsidrat bħala kumpens għas-servizzi mwettqa minn impriżi responsabbli minn servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali sabiex jeżegwixxu obbligi ta’ servizz pubbliku, skont il-prinċipji stabbiliti mis-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg ( 7 ). F’dan ir-rigward, hija tikkunsidra li l-interpretazzjoni ta’ ċerti sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 8 ) u tal-Qorti Ġenerali ( 9 ) mogħtija fis-sentenza appellata hija żbaljata.

32.

Fit-tieni lok, Orange tikkunsidra li l-pożizzjoni tagħha, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ żvantaġġ strutturali, issib appoġġ qawwi fis-sentenza Enirisorse ( 10 ), kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat fil‑punti 39 u 41 tas-sentenza appellata.

33.

Fit-tielet u l-aħħar lok, Orange ssostni li l-Qorti Ġenerali tat definizzjoni żbaljata, fil-punt 41 tas-sentenza appellata, lill-qafas ta’ riferiment, jiġifieri s-sitwazzjoni “tip” li tippermetti li tiġi stabbilita s‑sitwazzjoni normalment applikabbli. F’dan il-każ, hemm lok li tinżamm bħala punt ta’ riferiment l-iskema applikabbli għall-impriżi kompetituri għall-kontribuzzjonijiet għall-finanzjament tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-persunal tagħhom u mhux dik li tirriżulta mis-sitwazzjoni li kienet dik ta’ France Télécom li kieku l-liġi tal-1990 kienet għadha fis‑seħħ.

b) Evalwazzjoni

34.

Qabel nitratta iktar speċifikament l-aspetti differenti tal-argument tal-appellanti– li huma relatati finalment mal-istess problema –, hemm lok li jitfakkar li, abbażi ta’ ġurisprudenza stabbilita ferm, huma b’mod partikolari kkunsidrati bħala għajnuna l-interventi li, f’forom differenti, itaffu l-piżijiet li normalment jaffettwaw il-baġit ta’ impriża u li, għalhekk, mingħajr ma jkunu sussidji fil-veru sens tal-kelma, ikunu tal-istess natura u għandhom effetti identiċi ( 11 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, spjegat li l-ispejjeż marbuta mar-remunerazzjoni tal‑impjegati tagħhom jitfgħu piż, min-natura tagħhom, fuq il-baġit tal‑impriżi, irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk l-ispejjeż jirriżultawx minn obbligi legali jew minn ftehimiet kollettivi ( 12 ).

35.

Skont ġurisprudenza daqstant stabbilita, il-kunċett ta’ “vantaġġ” inerenti għall-kwalifika ta’ miżura bħala għajnuna mill-Istat huwa ta’ natura oġġettiva, indipendentement mill-motivi tal-awturi tal-miżura inkwistjoni. Għalhekk, in-natura tal-għanijiet segwiti mill-miżuri tal‑Istat u l-ġustifikazzjoni tagħhom huma nieqsa minn kull impatt fuq il-kwalifika tagħhom bħala għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, l‑Artikolu 107(1) TFUE ma jagħmilx distinzjoni skont il-kawżi jew l‑għanijiet tal-interventi mill-Istat, iżda jiddefinixxihom skont l-effetti tagħhom ( 13 ).

36.

, l-appellanti ma kkontestatx espliċitament fil-kuntest ta’ din il-parti ( 14 ), il-punt tat-tluq tal-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, kif ifformulat fil-punt 37 tas-sentenza appellata. Dan il-punt jindika li, “f’dan il-każ, huwa stabbilit li, bit-tnaqqis tal‑obbligi soċjali stabbiliti skont il-liġi tal-1990, il-liġi tal-1996 tejbet is-sitwazzjoni ġuridika ta’ France Télécom meta mqabbla mal-iskema preċedenti u għalhekk ħolqot, fil-prinċipju, vantaġġ għal din tal-aħħar”.

37.

Madankollu tqum il-kwistjoni f’dan il-każ dwar jekk il-Qorti Ġenerali, b’xi mod jew ieħor, interpretatx ħażin il-metodoloġija ta’ identifikazzjoni ta’ vantaġġ billi kkonfermat il-metodu użat mill‑Kummissjoni fid‑deċiżjoni kkontestata. Minkejja t-tekniċità relattiva tal-miżuri inkwistjoni, l-għażla tal-punt ta’ riferiment rilevanti, li hija kruċjali sabiex jiġi identifikat il-vantaġġ ekonomiku li minnu France Télécom kienet ibbenefikat u, għalhekk, sabiex dawn il-miżuri ta’ “għajnuna mill‑Istat” jiġu kkwalifikati fis-sens tal‑Artikolu 107(1) TFUE, hija ta’ natura li tiġi mistħarrġa fil-kuntest ta’ appell ( 15 ).

38.

F’dan ir-rigward, infakkar li l-Kummissjoni kkunsidrat bħala l‑“iskema normali”, jiġifieri l-iskema ta’ riferiment li minnha tidderoga l-miżura kkontestata adottata fl-1996, dik applikabbli għall-pensjonijiet tal-irtirar tal-uffiċjali ta’ France Télécom mill-privatizzazzjoni ta’ din tal-aħħar fl‑1990. Din il-għażla ġiet ikkonfermata mill-Qorti Ġenerali fil-punti 37 et seq. tas-sentenza appellata.

39.

Fl-opinjoni tiegħi, ma hemmx riskju ta’ ċensura.

40.

L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument meħud mis-sentenza Enirisorse ( 16 ), jekk huwa veru li, skont din is-sentenza, miżura ma għandhiex tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat meta hija tillimita ruħha tevita li l-baġit tal-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna jitgħabba b’obbligu li, f’sitwazzjoni normali, ma kienx jeżisti, huwa neċessarju li jiġi stabbilit li l-miżura kkontestata hija marbuta mal-miżura statali preċedenti u li hija għandha l-għan li tneħħi l-effetti ta’ din l-aħħar miżura. Din is-sentenza ma għandhiex l-għan li tistabbilixxi kwalunkwe teorija ta’ żvantaġġ strutturali, iżda hija relatata, kif korrettament semmiet il-Qorti Ġenerali, mal-każ, kompletament partikolari, ta’ skema li tidderoga mid-dritt komuni doppjament.

41.

Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat li s-sentenza Enirisorse (C‑237/04, EU:C:2006:197) ittrattat miżura statali partikolari ferm relatata ma’ regola ġenerali tad-dritt ċivili, li ma kinitx tippermetti l-irtirar tal‑azzjonisti ta’ kumpannija bir-rimbors tal-azzjonijiet tagħhom ħlief f’każijiet limitati elenkati. B’deroga għal din ir-regola ġenerali, il‑leġiżlatur Taljan kien ippreveda li l-azzjonisti tal-impriża Sotocarbo biss setgħu jirtiraw f’ċertu numru ta’ każijiet filwaqt li jibbenefikaw mill-imsemmi rimbors. Din il-fakultà ta’ deroga ġiet żviluppata permezz ta’ liġi stabbilita ftit snin wara, liġi li kienet tipprevedi li, fil-każ li l‑azzjonisti ta’ Sotocarbo, fosthom l-impriża Enirisorse, kienu ser jużaw il-fakultà tagħhom ta’ rtirar, l-ammont tal-azzjonijiet tagħhom ma kienx ser jiġi rimborsat iktar minn dakinhar ’il quddiem. Din l-aħħar miżura kienet intiża preċiżament sabiex tneħħi l-vantaġġ li l-imsemmija azzjonisti kienu jiksbu bl-applikazzjoni tal-imsemmija skema, filwaqt li timponilhom, għall-użu tal-fakultà eċċezzjonali tal-irtirar, ir-rinunzja għal kull dritt fuq il-patrimonju tal-kumpannija u li jħallsu l-bilanċ tal‑azzjonijiet li għadu dovut. Il-miżura kienet tevita għalhekk li l‑applikazzjoni tal-iskema eċċezzjonali tgħabbi l-baġit tal-kumpannija inkwistjoni b’obbligu, jiġifieri r-rimbors tal-azzjonijiet tal-azzjonisti tal‑kumpannija, li ma kinitx previst mill-iskema li kienet normalment applikabbli għalihom.

42.

F’din il-kawża, is-soluzzjoni użata mill-Qorti tal-Ġustizzja, ikkaratterizzata mill-prattiċità, kienet ibbażata fuq il-fatt li l-miżura kkontestata kienet intimament marbuta mal-iskema derogatorja preċedentement applikabbli. Din il-miżura, li llimitat ruħha tinnewtralizza l-vantaġġ preċedentement mogħti lil Enirisorse taħt il‑forma ta’ fakultà eċċezzjonali ta’ rtirar, ma kellhiex għalhekk l-effett li tagħti vantaġġ ekonomiku lill-kumpannija Sotacarbo ( 17 ).

43.

Dan ma huwiex il-każ f’dan il-każ.

44.

Fil-fatt, France Télécom kienet, bis-saħħa tal-liġi tal-1990, mgħobbija b’obbligu speċifiku li kien distint b’mod ċar minn dak li kien impost bl-iskema komuni ta’ dritt tal-pensjonijiet, iżda li ma jistax ikun ikkunsidrat bħala deroga tad-dritt komuni, peress li l-kontribuzzjonijiet li jikkonċernaw il-pensjonijiet tal-uffiċjali ma kinux suġġetti, minn qabel, għall-iskema komuni ta’ kontribuzzjonijiet ta’ pensjoni tal-irtirar. Fil-fatt, is-sistema ta’ finanzjament tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-uffiċjali tirriżulta minn skema ġuridikament distinta u separata b’mod ċar mill-iskema applikabbli għall-impjegati tas-settur privat, bħall-impjegati tal‑kompetituri ta’ France Télécom.

45.

Ma jidhirx, b’mod partikolari, li l-kontribuzzjonijiet li jikkonċernaw l-ispejjeż tal-pensjonijiet tal-uffiċjali tal-Istat huma suġġetti għall-iskema komuni tal-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni tal-irtirar, ħaġa li kieku tippermetti li jiġi konkluż li din tal-aħħar tikkostitwixxi l-iskema normalment applikabbli f’dan il-każ. Kuntrarjament għal dak li tallega Orange, il-miżura kkontestata ma hijiex intiża sabiex tevita li France Télécom tkun suġġetta għal obbligu li, f’sitwazzjoni normali, ma għandux ikun ta’ piż fuq il-baġit tagħha. F’dan il-każ, ma jistax jiġi sostnut b’mod validu li l-iskema applikabbli b’effett mis-sena 1996 serviet sabiex tirrimedja l-fatt li France Télécom kienet ġiet esposta għal obbligi supplimentari li jirriżultaw minn skema speċifika li ma kinitx applikabbli għall-impriżi kompetituri suġġetti għad-dritt komuni fil-kundizzjonijiet normali tas-suq.

46.

Ċertament, huwa magħruf ferm li huma kkunsidrati bħala “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE l-miżuri mogħtija permezz ta’ riżorsi tal-Istat li jpoġġu lill-impriża benefiċjarja f’sitwazzjoni finanzjarja iktar favorevoli minn dik tal-kompetituri tagħha jew li għandhom jiġu kkunsidrati bħala vantaġġ ekonomiku li l‑impriża benefiċjarja ma kinitx tikseb f’kundizzjonijiet normali tas‑suq ( 18 ).

47.

Ir-riferiment għall-kundizzjonijiet normali tas-suq u/jew għas‑sitwazzjoni ta’ kompetituri oħra ma jidhirlix li jagħmel sens ħlief fil‑każ fejn huwa mixtieq eżami komparattiv fid-dawl tal-miżura speċifika inkwistjoni, li ma tistax tiġi analizzata, waħedha, bħala “benefiċċju pożittiv” jew bħala miżura ekwivalenti għal tali benefiċċju. Fi kliem ieħor, din il-ġurisprudenza ma tistax tkun ikkunsidrata bħala effettiva fil-każ fejn in-natura ad hoc tal-miżura inkwistjoni, li hija imposta f’dan il-każ minħabba l-bidla fl-istatus ta’ France Télécom, hija rrikonoxxuta b’mod ċar. Barra minn hekk, jiena ninnota ċerta inkoerenza li tallega, minn naħa, li France Télécom hija ikkonfrontata, minħabba l-liġi tal-1990, bi żvantaġġ strutturali – li b’xi mod ipoġġieha f’sitwazzjoni partikolari ferm – u, min-naħa l-oħra, li huwa neċessarju li tiġi evalwata l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku fid-dawl tal‑“kundizzjonijiet normali tas-suq”.

48.

It-tieni nett, l-argument ta’ Orange bbażat, b’mod iktar ġenerali, fuq il-fatt li l-miżura kkontestata kienet intiża sabiex teħles lil din tal‑aħħar minn żvantaġġ jew difett strutturali lanqas ma huwa konvinċenti.

49.

Il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt spjegat li l-fatt li Stat Membru jfittex li japprossimizza, permezz ta’ miżuri unilaterali, il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni eżistenti f’ċertu settur ekonomiku ma’ dawk li jipprevalu fi Stati Membri oħra, ma jistax ineħħi minn dawn il-miżuri kkontestati n-natura tagħhom ta’ għajnuna ( 19 ).

50.

Din il-ġurisprudenza tidħol fl-espansjoni immedjata tar-regola li ma hemmx lok, sabiex miżura tiġi kkunsidrata bħala għajnuna mill-Istat, li jiġu eżaminati l-kawżi jew l-għanijiet ta’ din il‑miżura, għaliex huma importanti biss l-effetti ta’ din tal-aħħar. Barra minn hekk jiena tal-opinjoni li l-fatt li awtorità statali tfittex li tikkumpensa permezz tal-introduzzjoni ta’ miżuri speċifiċi l-impożizzjoni ta’ obbligi speċifiċi, li jirriżultaw minn bidla fl-istatus ta’ entità partikolari, iżda mingħajr rabta mal-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku fil-kundizzjonijiet iddefiniti mis-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg ( 20 ), ma għandux ineżża’ lil dawn il-miżuri mill-vantaġġ ekonomiku ta’ natura li jiġu kkwalifikati bħala “għajnuna mill-Istat” skont l-Artiklu 107(1) TFUE. Għalkemm ma jistax ikun innegat li l-Qorti Ġenerali setgħet twarrab din ir-regola f’ċerti okkażjonijiet, il-każijiet imsemmija ( 21 ) jibqgħu, sa fejn naf jiena, iżolati ( 22 ) u, fi kwalunkwe każ, ma ġewx ikkonfermati mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 23 ).

51.

Hija ssib ukoll sostenn ċert fil-fatt li l-kumpens tal-iżvantaġġi strutturali jista’, jekk ikun il-każ, jiġi kkunsidrat fil-qafas tal-eżami tal‑kompatibbiltà ta’ miżura ta’ għajnuna mill-Istat partikolari mas-suq komuni, skont l-Artikolu 107(3) TFUE, bħal dawk li jieħdu l-forma ta’ għajnuniet reġjonali ( 24 ) jew ambjentali ( 25 ).

52.

Fi kwalunkwe każ u kif irrelevajt qabel fir-rigward tal-isfond tal‑miżura kkontestata, ma jiena xejn konvint li France Télécom subiet, fil-verità, minħabba l-adozzjoni tal-liġi tal-1990, żvantaġġ strutturali jew kompetittiv, żvantaġġ li l-liġi tal-1996 kienet intiża li tirrimedja.

53.

Fl-opinjoni tiegħi, il-liġi tal-1990 kellha bħala effett li tistabbilixxi skema ta’ finanzjament totalment speċifika tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-ex uffiċjali ta’ France Télécom. Fl-applikazzjoni ta’ din l-iskema, l‑Istat huwa, finalment, dejjem l-uniku wieħed responsabbli għall-ħlas tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-uffiċjali.

54.

Dak li kienet intiża li tirregola din il-liġi huwa l-kumpens li kellu jitħallas minn France Télécom minħabba t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-uffiċjali tal-Istat, kumpens li ma jidhirx li kien, fih innifsu, ta’ żvantaġġ għal din tal-aħħar.

55.

Kif irrilevat il-Kummissjoni fil-premessa 103 tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma dan ġie kkontestat serjament mill-appellanti fl‑ewwel stanza, l-obbligu li minnu France Télécom ġiet meħlusa ma kien la ġdid, għaliex il-liġi tal-1990 irrepettiet il-prassi baġitarja preċedenti, la imprevedibbli, għaliex l-impriża kkostitwixxiet proviżjonijiet għal il-għan, u lanqas deroga mid-dritt komuni tas‑sigurtà soċjali, għaliex dan ma japplikax għall-kumpens imħallas minn France Télécom.

56.

Il-fatt li l-obbligu finanzjarju impost fuq France Télécom permezz tal-liġi tal-1990 inħass sussegwentement bħala żvantaġġ, saħansitra eżorbitanti, minħabba n-numru dejjem jonqos ta’ uffiċjali attivi u kontributuri li hija timpjega ma huwiex marbut mal-eżistenza ta’ vantaġġ strutturali. Din is-sitwazzjoni tirriżulta mill-għażla tal-leġiżlatur li jżomm fl-impjieg ċertu numru ta’ uffiċjali fi ħdan l-entità France Télécom, bil‑vantaġġi u l‑iżvantaġġi li jirriżultaw minnha, minkejja l-bidla fl‑istatus tagħha.

57.

It-tielet nett, għandi nenfasizza, sabiex nespandi fuq dak li semmejt hawn fuq dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lis‑sentenza Enirisorse (C‑237/04, EU:C:2006:197), li l-qafas ta’ riferiment magħżul, jiġifieri s-“sitwazzjoni normali” li magħha għandha tiġi mqabbla s-sitwazzjoni li tirriżulta mill-miżura inkwistjoni, ma jistax jiġi assimilat mal-“iskema applikabbli għall-impriżi kompetituri ta’ France Télécom għall-kontribuzzjonijiet tal-persuna li timpjega ta’ rtirar previsti mill‑iskema ġenerali ta’ sigurtà soċjali”. L-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku ma tistax tkun analizzata skont l-obbligu sostnut mill‑kompetituri ta’ France Télécom għall-kontribuzzjonijiet tal‑iskema ġenerali, għas-sempliċi raġuni li l-obbligu sostnut minn France Télécom għall-finanzjament tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-persunal tagħha li kien ex uffiċjal ma għandu l-ebda rabta mal-imsemmija skema ġenerali.

58.

L-adozzjoni tal-liġi tal-1990 tidħol fl-espansjoni tal-iskema ta’ finanzjament tal-pensjonijiet tal-irtirar fis-seħħ sa issa. Il-liġi tal-1996, minn naħa l-oħra, emendat b’mod qawwi l-obbligu finanzjarju li France Télécom kellha ssostni minħabba l-għażla li żżomm fl-impjieg uffiċjali fi ħdanha.

59.

Fl-aħħar nett, hemm lok li jiġi eżaminat, skont l-obbligu impost fuq il-qorti li teżamina l-eżistenza ta’ eventwali kontradizzjoni fil‑motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jekk teżistix kontradizzjoni bejn, minn naħa, il-premessa 97 tad-deċiżjoni kkontestata (li tindika li “id-disponibbiltà ta’ uffiċjali mħarrġa mill-Istat lil France Télécom bla ebda kumpens għall-pensjonijiet imħallsa jew li jridu jitħallsu tagħti vantaġġ ċar lil din tal-aħħar”) u, min-naħa l-oħra, il‑premessa 102 tal-istess deċiżjoni (li ssemmi li “biex tiġi evalwata s‑sitwazzjoni ta’ France Télécom, is-sitwazzjoni ta’ referenza għandha tkun dik ta’ impriża, pubblika jew privata, li timpjega uffiċjali li żammew il-kuntratt tagħhom”) kif ukoll ir-riferiment għar-rata ta’ ekwità kompetittiva fl-eżami tal-kompatibbiltà tal-għajnuna skont l‑Artikolu 107(3)(ċ) TFUE.

60.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, permezz tal-premessa 97 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni twieġeb għall-argument li France Télécom kienet sofriet żvantaġġ strutturali minħabba l-liġi tal-1990.

61.

Fir-rigward tal-premessa 102 ta’ din l-istess deċiżjoni, din kienet intiża sabiex tagħmel approssimazzjoni mas-sitwazzjoni partikolari ta’ La Poste, li kienet tikkonċerna miżura simili għall-każ preżenti. Il-Kummissjoni enfasizzat b’mod partikolari f’din il-premessa li “l-iskema tal-irtirar tal-uffiċjali ta’ France Télécom qabel ir-riforma tal-1996 kienet l-istess bħal dik tal-iskema komparabbli applikata għal La Poste fl-istess perjodu”.

62.

Fir-rigward tar-riferiment għar-rata ta’ ekwità kompetittiva fil‑kuntest tal-eżami tal-kompatibbiltà tal-għajnuna, dan ġej, kif ġustament spjegat il-Kummissjoni waqt is-seduta, mill-fatt li d-data ta’ riferiment sabiex ikun identifikat il-vantaġġ li jikkostitwixxi l-għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE hija differenti f’dan il-każ minn dik li hija rilevanti għall-eżami tal-kompatibbiltà tal-għajnuna fis-sens tal‑Artikolu 107(3)(ċ). L-identifikazzjoni tal-vantaġġ għandha ssir skont l-effetti prodotti mid-data tal-adozzjoni tal-miżura kkontestata. Min‑naħa l-oħra, l-eżami tal-kompatibbiltà ta’ miżura ta’ għajnuna għandu natura ta’ potenzjal kbir u jeżiġi, li jitqiegħed, f’sitwazzjoni ta’ liberalizzazzjoni bl-aħjar mod tas-swieq tat-telekomunikazzjonijiet u ta’ tneħħija tal-vantaġġi u tal-obbligi li ċerti operaturi storiċi jiffaċċjaw minħabba l-introduzzjoni ta’ ċerti monopolji preċedenti tal-Istat.

63.

Konsegwentement, jiena tal-opinjoni li d-deċiżjoni kkontestata ma għandhiex kontradizzjonijiet dwar dan il-punt u li, għalhekk, l‑ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda.

2. Dwar it-tieni parti, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tagħha relatata man-natura selettiva tal‑miżura kkontestata

64.

Orange tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 52 u 53 tas-sentenza appellata, li l-miżura kkontestata kienet selettiva minħabba li kienet tikkonċerna biss lil Orange. Hija tal-opinjoni li miżura statali individwali ma hijiex selettiva ħlief jekk tiffavorixxi lil impriża partikolari meta mqabbla ma’ impriżi oħra li jinstabu f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika komparabbli. Orange tikkunsidra li, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tillimita ruħha tassumi li r-rekwiżit ta’ selettività kien issodisfatt minħabba n-natura totalment ad hoc tal-miżura kkontestata.

65.

Jiena fermament tal-opinjoni li din il-parti ma għandhiex tiġi milqugħa.

66.

Kif semmejt reċentament fil-kawża li wasslet għas-sentenza Il‑Kummissjoni vs MOL ( 26 ), l-eżami tar-rekwiżit ta’ selettività msemmi fl-Artikolu 107(1) TFUE ma jagħmilx sens ħlief meta jkun hemm miżura statali ta’ applikazzjoni ġenerali.

67.

Ir-rekwiżit ta’ selettività ma għandux, fil-fatt, l-istess rwol skont jekk il‑miżura inkwistjoni hijiex kkunsidrata bħala għajnuna individwali jew bħala skema ġenerali ta’ għajnuna. Fl-evalwazzjoni ta’ miżura ta’ natura individwali, l-identifikazzjoni tal-vantaġġ ekonomiku tippermetti, bħala regola, li tiġi preżunta l-“ispeċifiċità” tagħha u, għaldaqstant, li jiġi konkluż li din għandha wkoll natura selettiva. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-eżami ta’ skema ta’ natura ġenerali, is-selettività tippermetti li jiġi identifikat jekk il-vantaġġ preżunt, għalkemm indirizzat lill-operaturi ekonomiċi fuq bażi ġenerali, fir-realtà jkunx ta’ benefiċċju biss għal ċerti tipi ta’ impriżi jew gruppi ta’ impriżi, meta jitqiesu l-kriterji oġġettivi stipulati fih ( 27 ).

68.

Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ippreċiżat li, fil-każ ta’ għajnuna individwali, l-identifikazzjoni tal-vantaġġ ekonomiku tippermetti, bħala regola, li s-selettività tagħha tiġi preżunta ( 28 ), u dan, jidhirli, indipendentament mill-kwistjoni dwar jekk jeżistux fis-suq jew fis-swieq ikkonċernati operaturi li jinstabu f’sitwazzjoni fattwali jew ġuridika komparabbli.

69.

Issa, il-miżura kkontestata f’dan il-każ, li tikkonsisti fit-tnaqqis tal-obbligi marbuta biss mal-irtirar tal-uffiċjali ta’ France Télécom, kif jirriżulta mid-dispożittiv implementat bil-liġi tal-1996, mingħajr dubju għandha natura individwali. L-eżami tas-selettività tal-miżura inkwistjoni rrakkomandat minn Orange, f’kuntest tali, ma jagħmilx sens.

70.

Il-ġurisprudenza invokata mill-appellanti, li hija relatata ma’ miżuri leġiżlattivi ta’ applikazzjoni ġenerali, f’dan ir-rigward ma hija tal-ebda għajnuna għall-appellanti.

71.

Fil-fatt, qabel xejn, fir-rigward tal-kawża li wasslet għas-sentenza 3M Italia ( 29 ), hemm lok li jiġi rrilevat li fiha ġiet ikkontestata, quddiem il-qorti Taljana, dispożizzjoni nazzjonali ta’ natura fiskali ( 30 ), mill‑perspettiva b’mod partikolari tad-dritt tal-għajnuna mill-Istat. Mitluba sabiex tippreċiża dwar il-punt jekk u sa fejn l-intervent statali kkontestat kien ta’ natura li jissodisfa r-rekwiżit ta’ selettività previst fl‑Artikolu 107(1) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex jiġi evalwat jekk miżura, li hija espressament ikkunsidrat bħala “ġenerali” ( 31 ), kellhiex natura selettiva, kellu jiġi eżaminat jekk, fil‑kuntest ta’ sistema ġuridika partikolari, din il-miżura kinitx tikkostitwixxi vantaġġ għal ċerti impriżi meta mqabbla ma’ oħrajn li jinstabu f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika komparabbli. Minflok ma toffri sostenn għall-pożizzjoni difiża minn Orange, din l-aħħar kunsiderazzjoni tikkonferma l-idea li l-eżami tas-selettività ta’ miżura jagħmel sens biss fil-preżenza ta’ miżura ta’ ordni ġenerali li topera distinzjoni bejn impriżi li ma tirriżultax “min-natura jew mill‑istruttura tas-sistema li [tagħmel] parti minnha” ( 32 ).

72.

Bl-istess mod, il-kawża li wasslet għas-sentenza Trapeza Eurobank Ergasias (C‑690/13, EU:C:2015:235), kienet tirrigwarda l‑privileġġi li minnhom kienet tibbenefika s-soċjetà bankarja Agrotiki Trapeza tis Ellados AE (ATE), bis-saħħa tal-Liġi 4332/1929 ( 33 ), jiġifieri l‑eżenzjoni minn ċerti spejjeż, bħad-dritt li unilateralment tirreġistra ipoteka fuq immobbli li jappartjenu lill-agrikolturi jew individwi oħra li jeżerċitaw attività relatata mal-attività agrikola, id-dritt li tibda proċedura ta’ rkupru forzat permezz ta’ sempliċi dokument b’firma privata u l-eżenzjoni mill-ispejjeż u mid-dazji waqt ir-reġistrazzjoni ta’ din l-ipoteka u ta’ dan l-irkupru forzat. F’dan il-kuntest, adita b’talba għal deċiżjoni preliminari intiża sabiex jiġi stabbilit jekk din il-miżura nazzjonali setgħetx tikkwalifika bħala “għajnuna mill-Istat” skont l‑Artikolu 87(1) KE (li sar l-Artikolu 107(1) TFUE), il-Qorti tal‑Ġustizzja llimitat ruħha sabiex tindika li “mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma [kienx jirriżulta] li l-banek l-oħra [kienu] jibbenefikaw minn tali eżenzjoni, fatt dan li jindika li din il-miżura hija ta’ natura selettiva”.

3. Dwar it-tielet parti, ibbażata fuq żbalji ta’ ligi mwettqa mill‑Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tagħha relatata mal-kriterju tal‑effett tal-kompetizzjoni

73.

Orange tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żbalji ta’ liġi u li ma ssodisfatx l-obbligu ta’ motivazzjoni meta kkunsidrat, fil-punti 63 u 64 tas-sentenza appellata, li l-kriterju tal-effett fuq il-kompetizzjoni kien issodisfatt, peress li r-riżorsi finanzjarji meħlusa permezz tal-miżura kkontestata setgħu jiffavorixxu l-iżvilupp tal-attivitajiet ta’ Orange fis-swieq reċentement miftuħa għall-kompetizzjoni u li hija kienet irrikonoxxiet li l-imsemmija miżura kienet indispensabbli sabiex tippermettilha tipparteċipa fl-iżvilupp tal-kompetizzjoni. Hija tenfasizza b’mod partikolari li l-Qorti Ġenerali kellha, wara l-eżami tagħha tal‑evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni, tikkonkludi li l‑eżistenza ta’ effett antikompetittiv ma ġiex stabbilit b’mod validu, peress li l-qafas ta’ riferiment partikolari kien jinkludi biss lil Orange u li l-Kummissjoni kienet hi stess irrikonoxxiet li l-miżura inkwistjoni kienet neċessarja sabiex tiżgura kompetizzjoni skont il-merti f’suq li kien ser jinfetaħ għall-kompetizzjoni.

74.

Din l-aħħar parti tal-ewwel aggravju fl-opinjoni tiegħi għandha wkoll tiġi miċħuda.

75.

Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, jiena tal-opinjoni li s-sentenza appellata turi b’mod ċar ir-raġunijiet li għalihom il-Qorti Ġenerali kkonfermat l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kundizzjoni relatata mad-distorzjoni tal-kompetizzjoni., B’konformità mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill‑ġurisprudenza stabbilita ferm f’dan il-qasam ( 34 ), il‑motivazzjoni mogħtija ppermettiet lill‑persuni kkonċernati jsiru jafu r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata s‑sentenza appellata u lill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha l-elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha fil-qasam tal-appell.

76.

Barra minn hekk, jiena nikkunsidra li l-kunsiderazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali ma humiex ivvizzjati bi żbalji. B’mod partikolari, il-fatt, mill-bidu rrikonoxxut minn Orange, li r-riżorsi finanzjarji meħlusa permezz ta’ din il-miżura, li fl-1996 l-ammont reali tagħhom tela’ għal iktar minn EUR 13-il biljun, setgħu jiffavorixxu l‑iżvilupp tal‑attivitajiet tal-appellanti jindika preċiżament li dan kellu impatt, tal‑inqas potenzjali, fuq il-kompetizzjoni, u dan indipendament mill‑kwistjoni dwar liema għan, jekk ikun il-każ ta’ interess komuni, din il-miżura kienet intiża li tilħaq.

77.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jiena nissuġġerixxi li l-ewwel aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud.

C – Dwar it-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji ta ’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tagħha relatata mal-kompatibbiltà mas-suq intern tal-miżura kkontestata

1. Dwar l-ewwel parti, ibbażata fuq żnaturament tal-fatti u fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali fl‑evalwazzjoni tagħha dwar l-għan tal-kontribuzzjoni fissa eċċezzjonali

78.

Orange tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti li kienu sottomessi lilha u kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha meta kkunsidrat, fil‑punti 93 u 94 tas-sentenza appellata, li l-kliem tal-Artikolu 30 tal‑liġi tal-1990, kif emendat bl-Artikolu 6 tal-liġi tal-1996, ma jipprekludix l‑interpretazzjoni li l-kontribuzzjoni fissa eċċezzjonali ma tikkostitwixxix obbligu soċjali, iżda tilħaq għanijiet oħra, u li, għalhekk, il-Kummissjoni ma wettqitx żbalji ta’ liġi meta kkunsidrat li l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tar-riskji mhux komuni fil-kontribuzzjoni tal-persuna li timpjega ta’ natura liberatorja ma setgħatx tkun ikkumpensata bl‑imsemmija kontribuzzjoni.

79.

Jiena tal-opinjoni li din il-parti tal-argument tal-appellanti ma tistax tiġi milqugħa.

80.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-istħarriġ tal-iżnaturament tal-fatti, li, bħala eċċezzjoni għall-prinċipju li ma hijiex responsabbiltà tal-Qorti tal-Ġustizzja, adita b’appell, li tistħarreġ il-fatti, għandu jiġi interpretat b’mod ristrettiv, iwassal f’dan il-każ sabiex jiġi stabbilit jekk jirriżultax b’mod manifest mid-dokumenti li l-Qorti Ġenerali bidlet il-portata li kellha tingħata lil-liġi tal-1996 ( 35 ).

81.

Huwa preċiżament iktar il-każ li jiġi stabbilit jekk il‑kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 92 u 93 tas-sentenza appellata fir-rigward tan-natura tal-kontribuzzjonijiet kkontestati deskritti fl‑Artikolu 6 tal-liġi tal-1996 humiex manifestament żbaljati.

82.

Dan ma jidhirx li huwa l-każ.

83.

Kif jirriżulta mid-dokumenti tal-proċess, l-Artikolu 30 tal-liġi tal-1990, li ġie emendat bl-Artikolu 6 tal-liġi tal-1996, jimponi lil France Télécom tħallas lit-Teżor bħala kumpens għall-ħlas mill-Istat tal‑pensjonijiet allokati, minn naħa, “kontribuzzjoni tal-persuna li timpjega ta’ natura liberatorja li r-rata tagħha [...] għandha tiġi kkalkolata b’mod li jsiru ugwali l-livelli tal‑obbligi soċjali u fiskali obbligatorji bbażati fuq is-salarji bejn France Télécom u l-impriżi l-oħra fis-settur tat‑telekomunikazzjonijiet li jaqgħu taħt il-liġi komuni tas-servizzi soċjali”, [ara l-punt (c) ta’ din id-dispożizzjoni]. Din id-dispożizzjoni timponi, min-naħa l-oħra, fil-punt (d) tagħha “kontribuzzjoni fissa eċċezzjonali li l-modalitajiet tagħħa għandhom jiġu stabbiliti bil-liġi dwar il-finanzi”.

84.

Billi kkonfermat, fil-punti 92 u 94 tas-sentenza appellata, il‑konklużjoni tal-Kummissjoni li, differenti mill-kontribuzzjoni fissa eċċezzjonali, il-kontribuzzjoni tal-persuna li timpjega ma kellhiex bħala għan li tilħaq ir-rata ta’ ekwità kompetittiva u li, għalhekk, l-assenza tat‑teħid inkunsiderazzjoni tar-riskji mhux komuni fil-kontribuzzjoni tal-persuna li timpjega ta’ natura liberatorja ma setgħatx tkun ikkumpensata mill‑kontribuzzjoni fissa eċċezzjonali, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma żnaturat il-fatti, u lanqas, fl-opinjoni tiegħi, ma wettqet żball ta’ liġi li għandu jiġi kkundannat fil-kuntest ta’ dan l-appell.

85.

Kuntrarjament għall-pożizzjoni difiża mill-appellanti, il-punt 93 tas-sentenza appellata ma jittrattax biss il-kwistjoni jekk il‑kontribuzzjoni fissa eċċezzjonali prevista fl-Artikolu 30 tal-liġi tal-1996 tikkostitwixxix jew le “obbligu soċjali” għal Orange, iżda jfittex li jistabbilixxi jekk din il-kontribuzzjoni kinitx, bħall‑kontribuzzjoni tal-persuna li timpjega ta’ natura liberatorja, effettivament intiża sabiex tiżgura r-rata ta’ ekwità kompetittiva. Il‑Qorti Ġenerali għalhekk riedet twieġeb għal argument, speċifikament imressaq mill-appellanti u espost fil-punt 91 tas-sentenza appellata, dwar ir-rabta li għandha tiġi stabbilita bejn it-tnaqqis tal‑kontribuzzjoni fissa eċċezzjonali u l-ħlas tal-kontribuzzjoni tal-persuna li timpjega.

86.

Barra minn hekk, jiena tal-opinjoni li l-kunsiderazzjonijiet imsemmija mill-Qorti Ġenerali fil-punti 92 sa 94 tas-sentenza appellata ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala vvizzjati b’nuqqas ta’ motivazzjoni. Jidher, fil-fatt, li l-Qorti Ġenerali, wieġbet b’mod suffiċjenti fid-dritt l-argument invokat mill-appellanti f’dan il-kuntest. Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma ta’ natura li jippermettu lill-appellanti jkunu jafu r-raġunijiet li għalihom il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument filwaqt li jagħtu lill-Qorti tal-Ġustizzja elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha ( 36 ).

87.

Fl-aħħar nett, bl-allegazzjoni ta’ żball ta’ liġi mwettaq mill‑Qorti Ġenerali, jidhirli li l-appellanti fil-verità għandha l-intenzjoni li tikkontesta l-evalwazzjoni tal-fatti kif imwettqa mill-Qorti Ġenerali. Issa, din l-evalwazzjoni ma tikkostitwixxix kwistjoni tad-dritt sottomess, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 37 ).

2. Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni mwettaq mill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tagħha tal-“preċedent La Poste” ( 38 )

88.

Orange tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu tal‑motivazzjoni tagħha billi llimitat ruħha, fil-punti 99 sa 101 tas-sentenza appellata, li tuża l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni, mingħajr ma għamlet analiżi tal-argumenti ppreżentati minn Orange sabiex tistabbilixxi li dawn il-kunsiderazzjonijiet kienu żbaljati. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx l-argumenti l-oħra ppreżentati minn Orange intiżi sabiex jiġi stabbilit li l-Kummissjoni ma kinitx fondata li tittratta b’mod differenti r-riforma tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-uffiċjali li jaħdmu ma’ Orange u dik tal-uffiċjali li jaħdmu ma’ La Poste.

89.

Jiena tal-opinjoni li l-argument żviluppat fil-kuntest ta’ din il-parti għandu jiġi ddikjarat ineffettiv, peress li jirrigwarda motivi li jekk jiġu annullati ma jwasslux għall-annullament tas-sentenza appellata ( 39 ).

90.

Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li l-kunsiderazzjonijiet esposti mill-Qorti Ġenerali fil-punti 99 sa 101 tas-sentenza appellata fir‑rigward tal-valur li għandu jingħata lid-Deċiżjoni 2008/204 ngħataw biss b’mod addizzjonali, kif jirriżulta b’mod ċar mill-użu, fil‑bidu tal-punt 99 ta’ din is-sentenza, tal-espressjoni “Barra minn hekk”.

91.

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi ppreċiżat li, permezz tat-tieni parti tat-tieni motiv imressaq quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti, essenzjalment, enfasizzat li, billi rrifjutat li tapplika għal din il‑proċedura l-istess raġunament bħal dak applikat fid-Deċiżjoni 2008/204, li tikkonċerna riforma li kienet komparabbli ma’ dik li ġiet implementata għall-appellanti, il-Kummissjoni kienet wettqet diversi żbalji ta’ evalwazzjoni u kisret il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza fit-trattament ( 40 ).

92.

Bħala tweġiba għal dan l-argument, il-Qorti Ġenerali indikat, kif kienet enfasizzat il-Kummissjoni, li kien biss fil-kuntest tal‑Artikolu 107(3)(ċ) TFUE li kellha tiġi evalwata l-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata li għajnuna ma tissodisfax il‑kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ din id-deroga, u mhux fid-dawl ta’ allegata prattika preċedenti ( 41 ).

93.

Kien biss b’mod kumplimentari li l-Qorti Ġenerali osservat li, fil‑premessi 152 sa 165 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eskludiet li, fiż-żmien tar-riformi rispettivi li jikkonċernawhom, La Poste u France Télécom kienu jinstabu f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika simili ( 42 ). Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-evalwazzjoni tal‑kontribuzzjoni fissa eċċezzjonali fiż-żewġ eżempji, li l-appellanti tikkontesta f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-Kummissjoni kienet sostniet li l-kundizzjoni li timponi l-allokazzjoni mill-ġdid tal‑kontribuzzjoni fissa eċċezzjonali ta’ La Poste kienet ġiet stabbilita wara li kienet fetħet il-proċedura formali ta’ eżami. Tali sitwazzjoni ppermettitilha tevalwa din il-kontribuzzjoni fir-rigward tar-rata ta’ ekwità kompetittiva, filwaqt li l-impożizzjoni ta’ kontribuzzjoni fissa eċċezzjonali fil-każ ta’ France Télécom kienet ġiet introdotta ferm qabel u barra mill-kuntest tal-proċedura mibdija mill-Kummissjoni ( 43 ).

94.

Peress li t-tieni parti tat-tieni aggravju għandha tiġi ddikjarata ineffettiva, hemm lok li t-tieni aggravju jiġi miċħud bħala parzjalment infondat u parzjalment ineffettiv.

D – Dwar it-tielet aggravju, ibbażat fuq żbalji ta ’ liġi mwettqa mill‑Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tagħha relatata mal-perijodu li fih l-għajnuna ġiet innewtralizzata mill-kontribuzzjoni fissa eċċezzjonali

95.

Orange tgħid li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti u wettqet sostituzzjoni ta’ motivi meta kkunsidrat, fil-punti 107 u 108 tas‑sentenza appellata, li t-tneħħija tal-obbligi ta’ kumpens u ta’ kumpens żejjed kienet tagħmel parti mill-għajnuna ddefinita fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li l-premessa 119 tad‑deċiżjoni kkontestata tillimita ruħha sabiex tikkonkludi li l-għajnuna kkontestata tikkonsisti fit-tnaqqas tal-kumpens li jikkostitwixxi l‑kontribuzzjoni tal-persuna li timpjega mingħajr ma jissemmew l-obbligi ta’ kumpens u ta’ kumpens żejjed.

96.

L-argument żviluppat mill-appellanti huwa intiż sabiex jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli pproċediet b’mod żbaljat għal sostituzzjoni ta’ motivi fir-rigward tad-definizzjoni preċiża tal-għajnuna inkwistjoni.

97.

Dan l-argument ftit li xejn jikkonvinċini.

98.

Ċertament, fil-punt 107 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li “[kien] veru li, sfortunatament, il-premessa 119 tad‑deċiżjoni [kkontestata], li [kienet tinkludi] l-konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ għajnuna skont l-Artikolu 107(1) TFUE, kienet [tillimita] ruħha sabiex tindika li l-għajnuna [kienet tikkonsisti] fit-tnaqqis tal-‘kumpens li jikkostitwixxi l-kontribuzzjoni tal-persuna li timpjega’ mingħajr ma ssemmi l-obbligi ta’ kumpens u ta’ kumpens żejjed”.

99.

Madankollu l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, minkejja din l‑impreċiżjoni fid-definizzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, “[kien] jirriżulta kemm mill-kuntest tad-deċiżjoni [kkontestata] kif ukoll mill-Artikolu 1 tagħha li l-għajnuna [kienet tikkonsisti], skont il-Kummissjoni, fit-tnaqqis tal-kumpens imħallas minn qabel mi[ll-appellanti], li [kien jinkludi] neċessarjament l-obbligi kollha sostnuti minn din tal-aħħar qabel id-dħul fis-seħħ tal-miżura kkontestata”.

100.

Fid-dawl ta’ din l-aħħar kunsiderazzjoni u peress li ġie ppreċiżat li l-Qorti Ġenerali espressament irreferiet għad-definizzjoni tal‑għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata ( 44 ) kif ukoll għall-indikazzjonijiet li jinsabu fil-premessi 18 (inkluż it-tabella Nru 1) u 105 ta’ din id-deċiżjoni ( 45 ), fl-opinjoni tiegħi l-Qorti Ġenerali kienet korretta li waslet għall-konklużjoni li l-Kummissjoni ma naqsitx mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha ( 46 ).

101.

Għar-raġunijiet kollha preċedenti, jidhirli li hemm lok li dan l‑aħħar aggravju jiġi miċħud bħala infondat u, għaldaqstant, li l-appell jiġi miċħud kollu kemm hu.

V – Konklużjoni

102.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi li l‑Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara u tiddeċiedi kif ġej:

1)

L-appell huwa miċħud.

2)

Orange hija kkundannata għall-ispejjeż.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) T‑385/12, EU:T:2015:117, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”.

( 3 ) ĠU 2012, L 279, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”.

( 4 ) C‑280/00, EU:C:2003:415.

( 5 ) Sentenza Franza vs Il‑Kummissjoni (T‑135/12, EU:T:2015:116).

( 6 ) Ara l-premessa 19 tad-deċiżjoni kkontestata.

( 7 ) C‑280/00, EU:C:2003:415.

( 8 ) Sentenza Comitato Venezia vuole vivereet vs Il‑Kummissjoni (C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punti 90 sa 92).

( 9 ) Sentenza British Telecommunications u BT Pension Scheme Trustees vs Il‑Kummissjoni (T‑226/09 u T‑230/09, EU:T:2013:466, punt 71).

( 10 ) C‑237/04, EU:C:2006:197.

( 11 ) Sentenzi France Télécom vs Il‑Kummissjoni (C‑81/10 P, EU:C:2011:811, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata) u Eventech (C‑518/13, EU:C:2015:9, punt 33 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

( 12 ) Sentenza Belġju vs Il‑Kummissjoni (C‑5/01, EU:C:2002:754, punt 39).

( 13 ) Sentenzi France Télécom vs Il‑Kummissjoni (C‑81/10 P, EU:C:2011:811, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll BVVG (C‑39/14, EU:C:2015:470, punt 52 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

( 14 ) Min-naħa l-oħra, hija kkritikat lill-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tat-tielet parti tal‑ewwel aggravju, li llimitat ruħha tikkonstata li l-liġi tal-1996 kienet tejbet is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ France Télécom “mingħajr ma analizzat l-effett reali jew potenzjali fuq is-suq inkwistjoni”.

( 15 ) Dan anki jekk ċerti partijiet tal-argument ta’ Orange jidhru relatati jew ma’ argumenti li diġà tressqu quddiem il-Qorti Ġenerali, jew mal-evalwazzjoni u mal-klassifikazzjoni tal-fatti li saru mill-Qorti Ġenerali.

( 16 ) C-237/04, EU:C:2006:197, punti 43 sa 49.

( 17 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Enirisorse (C‑237/04, EU:C:2006:21, punt 32).

( 18 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Libert et (C‑197/11 u C‑203/11, EU:C:2013:288, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll Franza vs Il‑Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 19 ) Ara s-sentenza Comitato Venezia vuole vivereet vs Il‑Kummissjoni (C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata), li tannulla dwar dan l-aspett il-metodu każwistiku rrakkomandat mill‑Qorti Ġenerali fis-sentenza Hotel Cipriani et vs Il‑Kummissjoni (T‑254/00, T‑270/00 u T‑277/00, EU:T:2008:537).

( 20 ) C‑280/00, EU:C:2003:415.

( 21 ) Sentenzi Danske Busvognmænd vs Il‑Kummissjoni (T‑157/01, EU:T:2004:76, punti 196 et seq.) u Hotel Cipriani et vs Il‑Kummissjoni (T‑254/00, T‑270/00 u T‑277/00, EU:T:2008:537, punti 86 et seq.).

( 22 ) Kif jixhdu s-sentenzi l-iktar reċenti tal-Qorti Ġenerali (ara, b’mod partikolari, is‑sentenza British Telecommunications u BT Pension Scheme Trustees vs Il‑KummissjoniT‑226/09 u T‑230/09, EU:T:2013:466, punt 71 u d-digriet Stahlwerk Bous vs Il‑Kummissjoni, T‑172/14 R, EU:T:2014:558, punt 59).

( 23 ) Ara s-sentenza Comitato Venezia vuole vivereet vs Il‑Kummissjoni (C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punti 9294 sa 96).

( 24 ) Ara, b’mod partikolari, fil-kawża msejħa “des Açores”, is-sentenza Il-Portugall vs Il‑Kummissjoni (C‑88/03, EU:C:2006:511, punt 77).

( 25 ) Ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi (C‑279/08 P, EU:C:2011:551, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 26 ) C‑15/14 P, EU:C:2015:362, punt 60.

( 27 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il‑Kummissjoni vs MOL (C‑15/14 P, EU:C:2015:32, punti 50 sa 52).

( 28 ) Ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs MOL (C‑15/14 P, EU:C:2015:362, punt 60).

( 29 ) C‑417/10, EU:C:2012:184.

( 30 ) Jiġifieri l-Artikolu 3(2a)(b) tad-Digriet-Liġi Nru 40/2010 (GURI Nru 71, tas-26 ta’ Marzu 2010), mibdul, b’emendi, fil-Liġi Nru 73/2010 (GURI Nru 120, tal-25 ta’ Mejju 2010).

( 31 ) Ara l-punt 39 ta’ din is-sentenza.

( 32 ) Ara l-punti 40 sa 43 tal-imsemmija sentenza.

( 33 ) FEK A’ 283.

( 34 ) Ara, fost diversi kawżi, is-sentenzi ArcelorMittal Luxembourg vs Il‑Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et (C‑201/09 P u C‑216/09 P, EU:C:2011:190, punt 78); Land Burgenland et vs Il‑Kummissjoni (C‑214/12 P, C‑215/12 P u C‑223/12 P, EU:C:2013:682, punt 81), u Franza vs Il‑Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217, punt 88).

( 35 ) Għal stampa relattivament reċenti tan-natura tal-istħarriġ magħmul mill-Qorti tal‑Ġustizzja fir-rigward tal-portata tad-dritt nazzjonali inkwistjoni, ara l-approċċ użat fil-kawża li wasslet għas-sentenza Franza vs Il‑Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217, punti 78 sa 83).

( 36 ) Ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33.

( 37 ) Sentenza Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs Alliance One International et (C‑628/10 P u C‑14/11 P, EU:C:2012:479, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 38 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/204/KE, tal-10 ta’ Ottubru 2007, rigward l-għajnuna mill-Istat mogħtija minn Franza f’dak li jikkonċerna r-riforma tal-metodu ta’ finanzjament għall-pensjonijiet għall-uffiċjali tas-servizz pubbliku impjegati ma’ La Poste (ĠU 2008, L 63, p. 16).

( 39 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Aéroports de Paris vs Il‑Kummissjoni (C‑82/01 P, EU:C:2002:617, punti 4167 u l-ġurisprudenza ċċitata); Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 148 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll, InnoLux vs Il‑Kummissjoni (C‑231/14 P, EU:C:2015:451, punt 83).

( 40 ) Ara l-punt 97 tas-sentenza appellata.

( 41 ) Ara l-punt 98 tas-sentenza appellata.

( 42 ) Ara l-punt 99 tas-sentenza appellata.

( 43 ) Ara l-punt 100 tas-sentenza appellata.

( 44 ) Ara l-punt 104 tas-sentenza appellata.

( 45 ) Ara l-punt 105 tas-sentenza appellata.

( 46 ) Ara l-punt 109 tas-sentenza appellata.

Top