SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

9 ta’ Lulju 2015 ( *1 )

“Appell — Kompetizzjoni — Akkordji — Artikolu 101 TFUE — Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE — Suq dinji ta’ pannelli tal-kristalli likwidi (LCD) — Iffissar tal-prezzijiet — Multi — Linji gwida għall-kalkolu tal-multi (2006) — Punt 13 — Determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ b’rabta mal-ksur — Bejgħ intern tal-prodott ikkonċernat barra miż-ŻEE — Teħid inkunsiderazzjoni ta’ bejgħ ta’ prodotti lesti li jintegraw il-prodott ikkonċernat lil terzi fiż-ŻEE”

Fil-Kawża C-231/14 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-8 ta’ Mejju 2014,

InnoLux Corp., preċedentement Chimei InnoLux Corp., stabbilita f’Miaoli County (Tajwan), irrappreżentata minn J.-F. Bellis, avukat, u R. Burton, solicitor,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Biolan, F. Ronkes Agerbeek u P. Van Nuffel, bħala aġenti, b’domiċilju fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Ó Caoimh (Relatur), C. Toader, E. Jarašiūnas u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Frar 2015,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-30 ta’ April 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, InnoLux Corp., preċedentement Chimei InnoLux Corp. (iktar ’il quddiem “InnoLux”), titlob l-annullament parzjali tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea InnoLux vs Il-Kummissjoni (T‑91/11, EU:T:2014:92, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din il-qorti tal-aħħar, minn naħa, irriformat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 8761 finali, tat-8 ta’ Diċembru 2010, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 [TFUE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (Każ COMP/39.309 – LCD), li sommarju tagħha ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta’ Ottubru 2011 (ĠU C 295, p. 8, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inkwistjoni”), billi ffissat il-multa imposta fuqha fl-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni fl-ammont ta’ EUR 288000000 u, min-naħa l-oħra, ċaħdet, fir-rigward tal-kumplament, ir-rikors tagħha intiż għall-annullament parzjali tal-imsemmija deċiżjoni, sa fejn din tikkonċernaha, kif ukoll għat-tnaqqis tal-ammont ta’ din il-multa.

Il-kuntest ġuridiku

2

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU 2003, L 1, p. 1), jipprevedi fl-Artikolu 23(2) u (3) tiegħu:

“2.   Il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża meta, jew b’intenżjoni jew b’negligenza:

(a)

jiksru l-Artikolu [101 TFUE] jew [102 TFUE] [...]

[...]

Għal kull impriża [...] li [tipparteċipa] fil-ksur, il-multi mhux ser jaqbżu l-10 % tat-total ta’ valur tal-bejgħ fis-sena kummerċjali preċedenti.

[...]

3.   Fit-twaħħil ta’ l-ammont li jrid jiġi mmultat, rigward irrid jingħata lejn il-gravità u it-tul tal-ksur.”

3

Il-punt 13 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida għall-kalkolu tal-multi”) jipprovdi, taħt it-titolu “Determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ”:

“Sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta, il-Kummissjoni ser tuża l-valur tal-bejgħ ta’ oġġetti jew servizzi, iġġenerat mill-impriża, b’konnessjoni diretta jew indiretta [...] mal-ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat fit-territorju taż-[Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE)] [...]”

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni inkwistjoni

4

Il-fatti li wasslu għall-kawża u għad-deċiżjoni inkwistjoni, kif jirriżultaw mill-punti 1 sa 27 tas-sentenza appellata, jistgħu jiġu esposti fil-qosor kif ġej.

5

Chi Mei Optoelectronics Corp. (iktar ’il quddiem “CMO”) kienet kumpannija rregolata mid-dritt Tajwaniż li kienet tikkontrolla grupp ta’ kumpanniji stabbiliti fid-dinja kollha u attivi fil-produzzjoni ta’ screens tal-kristalli likwidi b’livell attiv (“Liquid Crystal Displays”, iktar ’il quddiem l-“LCD”).

6

Fl-20 ta’ Novembru 2009, CMO kkonkludiet ftehim ta’ konċentrazzjoni mal-kumpanniji InnoLux Display Corp. u TPO Displays Corp. Skont dan il-ftehim, b’effett mit-18 ta’ Marzu 2010, TPO Displays Corp. u CMO waqfu milli jeżistu. L-entità ġuridika superstiti bidlet isimha darbtejn, minn InnoLux Display Corp. għal Chimei InnoLux Corp. u, finalment, għal InnoLux Corp., l-appellanti f’dan l-appell.

7

Fir-rebbiegħa tas-sena 2006, Samsung Electronics Co. Ltd (iktar ’il quddiem “Samsung”), kumpannija rregolata mid-dritt Korean, ippreżentat lill-Kummissjoni Ewropea talba sabiex tingħata immunità minn multa fuq il-bażi tal-Komunikazzjoni dwar l-immunità minn multi u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-każijiet ta’ akkordji (ĠU 2002, C 45, p. 3). F’din l-okkażjoni, Samsung ċaħdet l-eżistenza ta’ akkordju bejn diversi impriżi, fosthom ir-rikorrenti, dwar ċerti tipi ta’ LCD.

8

Fit-23 ta’ Novembru 2006, il-Kummissjoni tat lil Samsung l-immunità kundizzjonali, konformement mal-punt 15 ta’ din il-komunikazzjoni, filwaqt li rrifjutatha lil parteċipant ieħor fl-akkordju, jiġifieri LG Display Co. Ltd (iktar ’il quddiem “LGD”), kumpannija oħra rregolata mid-dritt Korean.

9

Fis-27 ta’ Mejju 2009, il-Kummissjoni tat bidu għall-proċedura amministrattiva u adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li ntbagħtet lil sittax-il kumpannija, fosthom CMO u żewġ sussidjarji Ewropej miżmuma 100 % minnha, jiġifieri Chi Mei Optoelectronics BV u Chi Mei Optoelectronics UK. Din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet spjegat, partikolarment, ir-raġunijiet li għalihom, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, dawn iż-żewġ sussidjarji ta’ CMO kellhom jinżammu responsabbli in solidum għall-ksur imwettaq minn din tal-aħħar.

10

Id-destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet urew lill-Kummissjoni, bil-miktub, il-fehma tagħhom dwar l-oġġezzjonijiet imqajma fir-rigward tagħhom fit-terminu previst. Barra minn hekk, diversi minn dawn id-destinatarji, fosthom l-appellanti, eżerċitaw id-dritt għal smigħ orali tagħhom, waqt is-seduta li nżammet fit-22 u fit-23 ta’ Settembru 2009.

11

Permezz ta’ talba għal informazzjoni tal-4 ta’ Marzu 2010 u permezz ta’ ittra tas-6 ta’ April 2010, il-partijiet ġew partikolarment mistiedna sabiex jissottomettu informazzjoni dwar il-valur tal-bejgħ li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-multa u sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din il-kwistjoni. CMO wieġbet għal din l-ittra fit-23 ta’ April 2010.

12

Fit-8 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni inkwistjoni. Din kienet indirizzata lil sitta mis-sittax-il kumpannija destinatarja tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, fosthom l-appellanti, LGD u AU Optronics Corp. (iktar ’il quddiem “AUO”). Min-naħa l-oħra, is-sussidjarji tal-appellanti ma ssemmewx iktar.

13

Fid-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ akkordju bejn sitt manifatturi internazzjonali kbar ta’ LCD, fosthom l-appellanti, LGD u AUO, fir-rigward taż-żewġ kategoriji li ġejjin ta’ dawn il-prodotti, ta’ daqs ugwali jew ikbar minn tnax-il pulzier: l-LCD għal teknoloġiji tal-informazzjoni, bħal dawk maħsuba għall-kompjuters portabbli kompatti u l-moniters tal-kompjuter, u l-LCD għat-televiżjonijiet (iktar ’il quddiem, meqjusa flimkien, l-“LCD suġġetti għal kartell”).

14

Skont id-deċiżjoni inkwistjoni, dan l-akkordju ħa l-forma ta’ ksur uniku u kontinwu skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”), li seħħ, bejn il-5 ta’ Ottubru 2001 u l-1 ta’ Frar 2006, bħala minimu. Matul dan il-perijodu, il-parteċipanti fl-akkordju żammew diversi laqgħat multilaterali, li huma sejħu “laqgħat Cristal”. Dawn il-laqgħat kellhom għan li kien b’mod ċar antikompetittiv, peress li dawn kienu l-okkażjoni għall-parteċipanti, b’mod partikolari, li jiffissaw prezzijiet minimi għal-LCD suġġetti għal kartell, sabiex jiddiskutu l-ippjanar tal-prezz sabiex jiġi evitat it-tnaqqis u sabiex jikkoordinaw iż-żidiet fil-prezz kif ukoll il-livelli ta’ produzzjoni. Matul il-perijodu ta’ ksur, il-parteċipanti fl-akkordju ltaqgħu ma’ xulxin b’mod bilaterali u ta’ spiss skambjaw informazzjoni dwar is-suġġetti diskussi waqt il-“laqgħat Cristal”. Barra minn hekk, huma ħadu miżuri sabiex jivverifikaw jekk id-deċiżjonijiet adottati matul dawn il-laqgħat kinux applikati.

15

Għall-iffissar tal-multi imposti mid-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni użat il-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi. B’applikazzjoni tagħhom, il-Kummissjoni ddefinixxiet il-valur tal-bejgħ ta’ LCD suġġetti għal kartell direttament jew indirettament ikkonċernat mill-ksur. Għal dan il-għan, hija stabbilixxiet it-tliet kategoriji li ġejjin ta’ bejgħ imwettaq mill-parteċipanti fl-akkordju:

il-kategorija ta’ “bejgħ ŻEE dirett”, li jinkludi l-bejgħ ta’ LCD suġġetti għal kartell lil impriża oħra fi ħdan iż-ŻEE;

il-kategorija ta’ “bejgħ ŻEE dirett permezz ta’ prodotti pproċessati”, li tinkludi l-bejgħ ta’ LCD suġġetti għal kartell integrati, fi ħdan il-grupp li jagħmel parti minnu l-produttur, fi prodotti lesti li jinbiegħu lil impriża oħra fiż-ŻEE; u

il-kategorija ta’ “bejgħ indirett”, li tinkludi l-bejgħ ta’ LCD suġġetti għal kartell lil impriża oħra li tinsab barra miż-ŻEE, li sussegwentement tinkludi dawn l-LCD fi prodotti lesti li hija tbigħ fiż-ŻEE.

16

Madankollu, il-Kummissjoni qieset li hija setgħet tillimita ruħha li tieħu inkunsiderazzjoni l-ewwel żewġ kategoriji msemmija iktar ’il fuq, peress li l-inklużjoni tat-tielet kategorija ma hijiex neċessarja sabiex il-multi imposti jkunu jistgħu jilħqu livell dissważiv suffiċjenti.

17

Fir-rigward tar-rikorrenti, il-Kummissjoni ċaħdet l-oġġezzjonijiet tagħha marbuta mal-fatt, partikolarment, li l-valur tal-bejgħ rilevanti kellu jiġi kkalkolat mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-“bejgħ ŻEE dirett permezz ta’ prodotti pproċessati”.

18

Barra minn hekk, skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom f’każijiet ta’ akkordji, il-Kummissjoni kkonfermat l-immunità totali mogħtija lil Samsung. Madankollu, hija kkunsidrat li l-kooperazzjoni pprovduta mill-appellanti ma kienet tagħtiha dritt għal ebda tnaqqis tal-multa.

19

Fid-dawl, partikolarment, ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni, fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni inkwistjoni, ikkundannat lill-appellanti għall-ħlas ta’ multa ta’ EUR 300000000.

Is-sentenza kkontestata

20

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Frar 2011, l-appellanti ppreżentat quddiemha kawża għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni inkwistjoni u għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuqha permezz ta’ din id-deċiżjoni.

21

Insostenn tat-talba tagħha, l-appellanti qajmet tliet motivi, li fosthom, b’mod partikolari, l-ewwel wieħed kien ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni applikat kunċett legalment inkorrett, jiġifieri dak tal-“bejgħ ŻEE dirett permezz ta’ prodotti pproċessati”, meta ddeterminat il-valur tal-bejgħ rilevanti għall-kalkolu tal-multa, u t-tielet wieħed kien ibbażat fuq il-fatt li l-valur tal-bejgħ rilevanti miżmum mill-Kummissjoni fir-rigward tagħha kien jinkludi b’mod żbaljat bejgħ ieħor li ma kienx relatat mal-bejgħ tal-LCD suġġetti għal kartell.

22

Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet dan l-aħħar motiv u, konsegwentement, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, naqset l-ammont tal-multa tal-appellanti għal EUR 288000000. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-kumplament tar-rikors.

It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

23

Permezz tal-appell tagħha, l-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla parzjalment is-sentenza appellata, sa fejn din ċaħdet ir-rikors tagħha għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni inkwistjoni;

tannulla parzjalment id-deċiżjoni inkwistjoni u, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, tnaqqas l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u kif ukoll il-Qorti Ġenerali.

24

Il-Kummissjoni titlob li l-appell jiġi miċħud u li l-appellanti tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

Fuq it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

25

Wara li ġew ippreżentati l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, il-Kummissjoni talbet, permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Mejju 2015, li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura. Insostenn ta’ din it-talba, il-Kummissjoni sostniet, essenzjalment, li l-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali jinterpretaw ħażin xi wħud mill-argumenti tagħha u huma bbażati fuq siltiet tal-appell li huma qarrieqa u vvizzjati bi żbalji ta’ fatt.

26

Għandu jitfakkar li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jipprevedux il-possibbiltà, għall-partijiet, li jippreżentaw osservazzjonijiet b’risposta għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (ara s-sentenza Vnuk, C‑162/13, EU:C:2014:2146, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu d-dmir li pubblikament, bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiha jipproponi konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jeħtieġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta bil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali u lanqas bil-motivazzjoni li wasslet għall-imsemmija konklużjonijiet (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Parker Hannifin Manufacturing u Parker-Hannifin, C-434/13 P, EU:C:2014:2456, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Konsegwentement, in-nuqqas ta’ qbil ta’ parti mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ikunu liema jkunu l-kwistjonijiet li huwa jeżamina fihom, ma jistax fih innifsu jikkostitwixxi raġuni sabiex tinfetaħ mill-ġdid il-proċedura orali (sentenza E.ON Energie vs Il-Kummissjoni, C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punt 62).

29

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni suffiċjenti jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet jew mill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza Nordzucker, C-148/14, EU:C:2015:287, punt 24).

30

Dan ma huwiex il-każ fil-każ ineżami. Fil-fatt, bħall-appellanti, il-Kummissjoni esponiet, kemm waqt il-fażi bil-miktub tal-proċedura kif ukoll fil-fażi orali tagħha, l-argumenti kollha ta’ fatt u ta’ liġi tagħha insostenn tal-pretensjonijiet tagħha. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li hija għandha l-elementi kollha neċessarji sabiex tiddeċiedi u li dawn l-elementi kienu s-suġġett ta’ trattazzjonijiet li saru quddiemha.

31

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

Fuq l-appell

32

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka żewġ aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi, peress li, għall-kalkolu tal-ammont tal-multa, il-Qorti Ġenerali, bi ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, ħadet inkunsiderazzjoni, bl-użu tal-kunċett ta’ “bejgħ ŻEE dirett permezz ta’ prodotti pproċessati”, il-bejgħ intern tal-prodotti kkonċernati mill-ksur imwettaq mill-appellanti barra ż-ŻEE, minħabba l-fatt biss li dawn il-prodotti ġew integrati fil-prodotti lesti għall-bejgħ lil terzi indipendenti fiż-ŻEE. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi, sa fejn il-Qorti Ġenerali, fl-applikazzjoni ta’ dan il-kunċett għal kull wieħed mill-parteċipanti fl-akkordju vertikalment integrati, kisret il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

Fuq l-ewwel aggravju, dwar it-teħid inkunsiderazzjoni, għall-kalkolu tal-ammont tal-multa, tal-bejgħ ta ’ prodotti lesti li jintegraw il-prodotti kkonċernati mill-ksur

L-argumenti tal-partijiet

33

Fl-ewwel lok, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li, bi ksur tal-punt 13 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi, inkludiet fil-valur tal-bejgħ ikkunsidrat għall-kalkolu tal-multa l-bejgħ tagħha fiż-ŻEE ta’ prodotti lesti, bħala “bejgħ ŻEE dirett permezz ta’ prodotti pproċessati”, meta dan il-bejgħ ma huwiex relatat mal-ksur, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

34

Fil-fatt, skont l-appellanti, peress li l-ksur ikkonstatat fid-deċiżjoni inkwistjoni jkopri biss il-pannelli LCD u mhux il-prodotti lesti li fihom dawn huma integrati, l-uniku bejgħ fi ħdan iż-ŻEE b’rabta mal-ksur fis-sens tal-istess punt 13 huwa dak ta’ LCD mibjugħa lil terzi jew ipprovduti fi ħdan il-grupp lil klijenti relatati. Għalkemm LCD huwa komponent tal-prodott lest, l-għan tal-bejgħ ma huwiex LCD intiż sabiex jiġi integrat fi prodott lest, iżda l-prodott lest fih innifsu. Issa, il-bejgħ ta’ prodotti lesti ma jsirx fis-suq kkonċernat mill-ksur. Konsegwentement, bejgħ ta’ prodotti lesti fi ħdan iż-ŻEE ma jistax jirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-suq tal-LCD fiż-ŻEE. Dan il-bejgħ ma jaqax għalhekk taħt il-konstatazzjoni ta’ ksur li saret fid-deċiżjoni inkwistjoni.

35

L-appellanti tqis ukoll li l-Qorti Ġenerali stabbilixxiet, b’mod żbaljat, distinzjoni bejn il-kunsinni interni li saru mill-parteċipanti fl-akkordju vertikalment integrati, skont jekk dawn jifformawx impriża unika max-xerrej li miegħu huma relatati, li jikkorrispondu għall-kategorija ta’ “bejgħ ŻEE dirett permezz ta’ prodotti pproċessati”, jew jekk dawn ma jifformawx tali impriża unika ma’ dan ix-xerrej, li jikkorrispondu għall-kategorija ta’ “bejgħ ŻEE dirett”. Fil-fatt, ma hemm xejn fil-konstatazzjoni ta’ ksur li jiġġustifika tali distinzjoni, peress li din il-konstatazzjoni tinkludi l-bejgħ intragrupp.

36

F’dan ir-rigward, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ġġudikat, fil-punti 48 u 49 tas-sentenza appellata, li l-għażla li jittieħed inkunsiderazzjoni “bejgħ ŻEE dirett permezz ta’ prodotti pproċessati” hija ġġustifikata speċjalment minħabba li mill-provi jirriżulta li l-bejgħ ta’ LCD suġġetti għal kartell intern għall-impriżi involuti fl-akkordju kien isir bi prezzijiet influwenzati minn dan l-akkordju u li dawn kienu jafu li l-prezzijiet tal-LCD suġġetti għal kartell kienu jaffettwaw lil dawk tal-prodotti lesti li jintegrawhom. Dawn il-konstatazzjonijiet jipprevedu, fil-fatt, lill-parteċipanti kollha fl-akkordju. Id-distinzjoni bejn il-bejgħ intern “reali”, li jista’ jitqies bħala tali għall-kalkolu tal-multa, u dak li ma huwiex “reali”, li jista’ jiġi injorat u ssostitwit bil-bejgħ “reali” lil terzi ta’ pannelli LCD integrati fi prodott lest, hija, konsegwentement, totalment artifiċjali.

37

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni injorat il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali li toħroġ mis-sentenza Europa Carton vs Il-Kummissjoni (T-304/94, EU:T:1998:89), ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (C-580/12 P, EU:C:2014:2363), sa fejn, minflok ma qieset il-bejgħ intern bl-istess mod bħall-bejgħ lil terzi, din l-istituzzjoni applikat għal ċerti destinatarji tad-deċiżjoni inkwistjoni kriterju differenti għad-determinazzjoni tal-post tal-bejgħ intern tagħhom.

38

Skont l-appellanti, fil-każ ta’ bejgħ ta’ LCD lil terzi, il-kriterju użat mill-Kummissjoni huwa l-lok tal-kunsinna ta’ LCD intiżi sabiex jiġu integrati fil-prodotti lesti, irrispettivament mil-lok tal-bejgħ tal-prodotti lesti. Min-naħa l-oħra, dwar il-kunsinni interni ta’ LCD magħmula minn InnoLux, dan il-kriterju jirreferi għal-lok tal-kunsinna tal-prodott lest li jintegra fih l-LCD, irrispettivament mil-lok tal-integrazzjoni tal-LCD fil-prodotti lesti. Il-Kummissjoni b’hekk ittrattat b’mod differenti, b’mod inqas favorevoli, il-kunsinni interni ta’ LCD li saru minn ċerti destinatarji vertikalment integrati. Fir-realtà, peress li l-akkordju kien jikkonċerna kemm il-bejgħ intern kif ukoll il-bejgħ lil terzi, l-applikazzjoni korretta tas-sentenza Europa Carton vs Il-Kummissjoni (T-304/94, EU:T:1998:89) kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-kunsinni kollha ta’ LCD li saru minn kull parteċipant fl-akkordju fi ħdan iż-ŻEE, kemm jekk dawn saru fi ħdan il-grupp kif ukoll jekk dawn saru favur terzi.

39

Fit-tielet lok, l-appellanti ssostni li mis-sentenza Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni (C-89/85, C-104/85, C-114/85, C-116/85, C-117/85 u C-125/85 sa C-129/85, EU:C:1993:120) jirriżulta li l-kompetenza tal-Unjoni Ewropea ma testendix għal kull bejgħ li jsir fiż-ŻEE, iżda unikament għall-bejgħ tal-prodott ikkonċernat li jsir fiż-ŻEE u li jaqa’ taħt l-azzjoni miftiehma li hija s-suġġett tal-konstatazzjoni ta’ ksur. Issa, f’dan il-każ, il-ksur jikkonċerna biss l-LCD u mhux il-prodotti lesti downstream li jintegrawhom. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkunsidrat, fil-punt 70 tas-sentenza appellata, li s-sentenza Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni (C-89/85, C-104/85, C-114/85, C-116/85, C‑117/85 u C-125/85 sa C-129/85, EU:C:1993:120) tippermetti t-teħid inkunsiderazzjoni tal-kunsinni interni ta’ LCD li saru mill-appellanti barra miż-ŻEE minħabba l-integrazzjoni tagħhom minn kumpanniji li jappartjenu għall-istess impriża fi prodotti lesti u tal-bejgħ tagħhom minn din l-impriża fi ħdan iż-ŻEE.

40

L-appellanti tqis ukoll li l-Qorti Ġenerali, meta tindika, fil-punt 46 tas-sentenza appellata, li l-bejgħ ta’ prodotti lesti li jintegraw l-LCD “ħoloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fiż-ŻEE” tinjora l-kriterju stipulat fis-sentenza Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni (C-89/85, C-104/85, C-114/85, C-116/85, C‑117/85 u C-125/85 sa C-129/85, EU:C:1993:120). Fil-fatt, dan il-bejgħ ta’ prodotti lesti ma sarx fis-suq taż-ŻEE affettwat mill-ksur. Bħala definizzjoni, dan il-bejgħ ma jistax, għalhekk, jirrestrinġi l-kompetizzjoni f’dan is-suq. Ma huwiex suffiċjenti li jiġi identifikat il-“bejgħ b’rabta maż-ŻEE” sabiex tiġi stabbilita l-kompetenza tal-Unjoni skont il-kriterju stabbilit fis-sentenza Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni (C-89/85, C-104/85, C-114/85, C-116/85, C-117/85 u C‑125/85 sa C-129/85, EU:C:1993:120). Min-naħa l-oħra, għandha tintwera l-eżistenza ta’ bejgħ, fi ħdan iż-ŻEE, tal-prodott affettwat mill-ksur, jiġifieri l-LCD.

41

Fir-raba’ lok, l-appellanti tqis li huwa kuntrarju għall-punt 33 tas-sentenza Istituto Chemioterapico Italiano u Commercial Solvents vs Il-Kummissjoni (6/73 u 7/73, EU:C:1974:18) li jitqies li l-kunsinni interni ta’ LCD lil installazzjonijiet ta’ produzzjoni li jinsabu fiż-ŻEE, bħal fil-każ ta’ Samsung, ma humiex bejgħ fiż-ŻEE meta l-prodotti finali li jintegraw l-LCD jinbiegħu barra miż-ŻEE. Il-perspettiva li l-bejgħ intern ta’ LCD fiż-ŻEE jillimita l-kompetizzjoni fi ħdan dan it-territorju biss meta l-prodott lest li jintegra fih l-LCD jinbiegħ fiż-ŻEE hija żbaljata.

42

Fil-ħames lok, l-appellanti ssostni li l-kriterju użat mill-Kummissjoni u mill-Qorti Ġenerali sabiex jiġi identifikat il-lok tal-kunsinni interni tagħha jinvolvi riskju ta’ sanzjonijiet konkorrenti u ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni ma’ awtoritajiet oħra tal-kompetizzjoni, fis-sens li dan jista’ jwassal għall-effett li l-istess tranżazzjoni tagħti lok għal konstatazzjoni ta’ ksur u għal sanzjoni min-naħa ta’ diversi awtoritajiet tal-kompetizzjoni madwar id-dinja. Għalhekk, f’dan il-każ, jekk il-Kummissjoni timponi multa fuq tranżazzjoni li tinvolvi komponent li tiegħu saret kunsinna barra miż-ŻEE fuq il-bażi tal-fatt li prodott lest li jintegra fih dan il-komponent ikun inbiegħ fiż-ŻEE, l-istess tranżazzjoni tista’ tiġi ssanzjonata kemm barra miż-ŻEE kif ukoll fi ħdanha.

43

Il-Kummissjoni tqis li r-raġunament li l-Qorti Ġenerali adottat sabiex tiċħad l-argumentazzjoni tal-appellanti ma huwiex legalment żbaljat. Konsegwentement, l-ewwel aggravju ma huwiex fondat. Barra minn hekk, l-aħħar argument imressaq fil-kuntest tiegħu huwa ġdid u, għalhekk, inammissibbli, peress li dan tqajjem għall-ewwel darba fl-ambitu ta’ dan l-appell.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

44

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti ssostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta inkludiet fil-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-multa imposta fuqha, bħala “bejgħ ŻEE dirett permezz ta’ prodotti pproċessati”, il-bejgħ tagħha fiż-ŻEE ta’ prodotti lesti li sar, wara li l-LCD suġġetti għal kartell ġew integrati fihom, mis-sussidjarji tagħha li jinsabu barra ż-ŻEE u li huma miżmuma 100 % minnha, meta dan il-bejgħ ma huwiex relatat mal-ksur. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali injorat kemm il-punt 13 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi kif ukoll il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali u l-limiti tal-kompetenza territorjali tal-Kummissjoni.

45

Għandu jitfakkar li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi li, għal kull impriża u għal kull assoċjazzjoni ta’ impriżi li tipparteċipa fil-ksur, il-multa ma għandhiex teċċedi 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali tagħha magħmul matul is-sena kummerċjali preċedenti.

46

Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkunsidrat, il-Kummissjoni għandha tevalwa, f’kull każ speċifiku u fid-dawl tal-kuntest tiegħu kif ukoll tal-għanijiet segwiti mis-sistema ta’ sanzjonijiet stabbilita mill-imsemmi regolament, l-impatt imfittex fuq l-impriża kkonċernata, b’mod partikolari, billi tieħu inkunsiderazzjoni dħul mill-bejgħ li jirrifletti s-sitwazzjoni ekonomika reali tagħha waqt il-perijodu li fih twettaq il-ksur (sentenzi Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, C‑76/06 P, EU:C:2007:326, punt 25; Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni, C-580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 53, kif ukoll LG Display u LG Display Taiwan vs Il-Kummissjoni, C-227/14 P, EU:C:2015:258, punt 49).

47

Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa permessibbli li, għad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm id-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża li jikkostitwixxi indikazzjoni, anki jekk approssimattiva u imperfetta, tad-daqs tagħha u tas-saħħa ekonomika tagħha kif ukoll il-parti minn dan id-dħul li ġej mill-prodotti li huma s-suġġett tal-ksur u li għalhekk hija tali li tindika l-kobor tiegħu (sentenzi Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, EU:C:1983:158, punt 121; Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni, C-580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 54, kif ukoll LG Display u LG Display Taiwan vs Il-Kummissjoni, C‑227/14 P, EU:C:2015:258, punt 50).

48

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għalkemm l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jagħti lill-Kummissjoni marġni ta’ diskrezzjoni, huwa madankollu jillimita l-eżerċizzju tagħha billi jistabbilixxi kriterji oġġettivi li għandhom jiġu segwiti minnha. Għalhekk, minn naħa, l-ammont tal-multa li tista’ tiġi imposta fuq impriża huwa suġġett għal limitu massimu li jista’ jiġi kkwantifikat u li huwa assolut, b’tali mod li l-ammont massimu tal-multa li jista’ jiġi impost fuq impriża partikolari jista’ jiġi ddeterminat minn qabel. Min-naħa l-oħra, l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali hija llimitata wkoll mir-regoli ta’ kondotta li l-Kummissjoni imponiet fuqha nfisha, inklużi l-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi (sentenzi Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni, C-580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 55, kif ukoll LG Display u LG Display Taiwan vs Il-Kummissjoni, C-227/14 P, EU:C:2015:258, punt 51).

49

Skont il-punt 13 ta’ dawn il-linji gwida, “[s]abiex jiġi stabbilit l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta, il-Kummissjoni tuża l-valur tal-bejgħ ta’ beni jew servizzi, imwettaq mill-impriża, f’relazzjoni diretta jew indiretta mal-ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat ġewwa t-territorju taż-ŻEE” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Dawn l-istess linji gwida jispeċifikaw, fil-punt 6 tagħhom, li “l-fatt li l-valur tal-bejgħ relatat mal-ksur jiġi kkombinat mat-tul ta’ dan tal-aħħar jitqies li jipprovdi valur ta’ sostituzzjoni adatt sabiex tiġi riflessa l-importanza ekonomika tal-ksur kif ukoll sabiex jiġi rifless il-piż relattiv ta’ kull impriża li tipparteċipa fil-ksur”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

50

Għalhekk, il-punt 13 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi għandu l-għan li jżomm bħala punt ta’ tluq għall-kalkolu tal-multa imposta fuq impriża ammont li jirrifletti l-importanza ekonomika tal-ksur u l-piż relattiv ta’ din l-impriża fih (sentenzi Team Relocations et vs il-Kummissjoni, C-444/11 P, EU:C:2013:464, punt 76; Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni, C-580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 57, kif ukoll LG Display u LG Display Taiwan vs Il-Kummissjoni, C-227/14 P, EU:C:2015:258, punt 53).

51

Konsegwentement, il-kunċett ta’ valur tal-bejgħ previst fil-punt 13 jinkludi l-bejgħ li sar fis-suq affettwat mill-ksur fiż-ŻEE, mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk dan il-bejgħ kienx fil-fatt ġie affettwat minn dan il-ksur, peress li l-parti mid-dħul li ġejja mill-bejgħ tal-prodotti li huma s-suġġett tal-ksur tipprovdi l-aħjar possibbiltà għall-għarfien tal-importanza ekonomika ta’ dan il-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Team Relocations et vs Il-Kummissjoni, C-444/11 P, EU:C:2013:464, punti 75 sa 78; Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni, C-580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 57 sa 59; Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, C-286/13 P, EU:C:2015:184, punti 148 u 149, kif ukoll LG Display u LG Display Taiwan vs Il-Kummissjoni, C-227/14 P, EU:C:2015:258, punti 53 sa 58 u 64).

52

F’dan il-każ, huwa stabbilit, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punti 73 u 90 tas-sentenza appellata, li l-bejgħ tal-appellanti meħud inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multa bħala “bejgħ ŻEE dirett permezz ta’ prodotti pproċessati” ma sarx fis-suq tal-prodott affettwat mill-ksur, f’dan il-każ is-suq tal-LCD suġġetti għal kartell, iżda f’suq ta’ prodotti distint minnu, jiġifieri s-suq downstream tal-prodotti lesti li jintegraw l-LCD suġġetti għal kartell, peress li l-LCD suġġetti għal kartell kienu s-suġġett, f’tali każ, ta’ bejgħ intern barra miż-ŻEE bejn l-appellanti u s-sussidjarji vertikalment integrati tagħha.

53

Madankollu, mill-punt 45 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-bejgħ tal-prodotti lesti li jintegraw l-LCD suġġetti għal kartell ma ttiħdux inkunsiderazzjoni sal-valur sħiħ tagħhom, iżda biss sal-frazzjoni ta’ dan il-valur li setgħet tikkorrispondi għall-valur tal-LCD suġġetti għal kartell integrati fil-prodotti lesti, peress li dawn tal-aħħar ġew mibjugħa mill-impriża li taħtha taqa’ l-appellanti lil terzi indipendenti stabbiliti fiż-ŻEE. Din il-konstatazzjoni ma ġietx ikkontestata.

54

Kuntrarjament għal dak sostnut mill-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta ġġudikat, b’mod partikolari, fil-punt 47 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni setgħet tieħu inkunsiderazzjoni bejgħ ta’ prodotti lesti għall-kalkolu tal-ammont tal-multa.

55

Minkejja li, ċertament, il-kunċett ta’ “valur tal-bejgħ” previst fil-punt 13 tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi ma jistax jiġi estiż sabiex jinkludi l-bejgħ imwettaq mill-impriża inkwistjoni li bl-ebda mod ma jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-akkordju imputat (ara s-sentenzi Team Relocations et vs Il-Kummissjoni, C‑444/11 P, EU:C:2013:464, punt 76; Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni, C-580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 57, kif ukoll LG Display u LG Display Taiwan vs Il-Kummissjoni, C-227/14 P, EU:C:2015:258, punt 53), ikun kuntrarju għall-għan imfittex mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 li l-parteċipanti f’akkordju vertikalment integrati jkunu jistgħu, sempliċement minħabba li jkunu integraw il-prodotti li huma s-suġġett tal-ksur fil-prodotti lesti barra miż-ŻEE, jeskludu mill-kalkolu tal-multa l-frazzjoni tal-valur tal-bejgħ tagħhom ta’ dawn il-prodotti lesti fiż-ŻEE li tista’ tikkorrispondi mal-valur tal-prodotti li huma s-suġġett tal-ksur.

56

Fil-fatt, kif il-Qorti Ġenerali essenzjalment irrilevat fil-punt 71 tas-sentenza appellata, u kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet ukoll, l-impriżi vertikalment integrati jistgħu jieħdu vantaġġ minn ftehim orizzontali ta’ ffissar ta’ prezzijiet konkluż bi ksur tal-Artikolu 101 TFUE mhux biss fil-bejgħ lil terzi indipendenti fis-suq tal-prodott li huwa s-suġġett ta’ dan il-ksur, iżda wkoll fis-suq downstream tal-prodotti pproċessati li fil-kompożizzjoni tagħhom jidħlu dawn il-prodotti, u dan fuq żewġ bażijiet differenti. Jew dawn l-impriżi jgħaddu ż-żidiet fil-prezz tal-input li jirriżultaw minħabba l-ksur fuq il-prezz tal-prodotti pproċessati, jew inkella dawn ma jgħadduhomx, fatt li jagħtihom vantaġġ fl-ispiża meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom li jiksbu dan l-istess input fis-suq tal-prodotti li huwa s-suġġett tal-ksur (sentenza Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni, C-580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 60).

57

Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali kienet korretta meta ġġudikat, fil-punti 70 u 71 tas-sentenza appellata, li, meta impriża vertikalment integrata tintegra l-prodotti suġġetti għall-ksur fil-prodotti lesti fl-unitajiet ta’ produzzjoni tagħha li jinsabu barra miż-ŻEE, il-bejgħ minn din l-impriża ta’ dawn il-prodotti lesti fiż-ŻEE lil terzi indipendenti jista’ jaffettwa l-kompetizzjoni fis-suq ta’ dawn il-prodotti u, għalhekk, tali ksur jista’ jitqies li kellu riperkussjonijiet fiż-ŻEE, anki jekk is-suq tal-prodotti lesti inkwistjoni jikkostitwixxi suq distint mis-suq affettwat minn dan il-ksur.

58

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat ukoll, fil-punti 48 u 49 tas-sentenza appellata, minn naħa, li mill-provi previsti partikolarment fil-premessa 394 tad-deċiżjoni inkwistjoni, li ma ġietx dibattuta quddiem din il-qorti, jirriżulta li l-bejgħ intern tal-LCD suġġetti għal kartell lill-impriżi li pparteċipaw fl-akkordju sar bi prezzijiet influwenzati minnu u, min-naħa l-oħra, li jirriżulta, partikolarment, mill-premessi 92 u 93 ta’ din id-deċiżjoni li l-imsemmija parteċipanti kienu jafu li l-prezzijiet ta’ dawn l-LCD suġġetti għal kartell kienu jaffettwaw il-prezzijiet tal-prodotti lesti li jintegrawhom.

59

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-Qorti Ġenerali li għandha l-kompetenza li tikkonstata u tevalwa l-fatti u, bħala prinċipju, li teżamina l-provi li hija tkun kkonstatat insostenn ta’ dawn il-fatti. Fil-fatt, ladarba dawn il-provi jkunu nkisbu b’mod regolari, u l-prinċipji ġenerali tad-dritt kif ukoll ir-regoli ta’ proċedura applikabbli fir-rigward tal-oneru u tal-produzzjoni tal-prova jkunu ġew osservati, hija biss il-Qorti Ġenerali li tista’ tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-provi li jkunu tressqu quddiemha. Għalhekk, din l-evalwazzjoni ma tikkostitwixxix, mingħajr ħsara għall-każ ta’ żnaturament ta’ dawn il-provi, kwistjoni ta’ dritt sottomessa, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza E.ON Energie vs il-Kummissjoni, C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60

Issa, jekk l-appellanti, insostenn tal-ewwel aggravju tagħha, issostni li l-provi kkonstatati fil-punti 48 u 49 tas-sentenza appellata kienu jipprevedu mhux biss lill-impriżi vertikalment integrati li għalihom il-Kummissjoni użat il-kunċett ta’ “bejgħ ŻEE dirett permezz ta’ prodotti pproċessati”, iżda wkoll parteċipanti oħra fl-akkordju, jew dawn ilkoll, hija ma tikkritikax, madankollu, lill-Qorti Ġenerali li żnaturat dawn il-provi.

61

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali kienet korretta meta kkonstatat, fil-punti 46, 70 u 84 tas-sentenza appellata, li l-bejgħ tal-prodotti lesti, minkejja li ma sarx fis-suq tal-prodott affettwat mill-ksur, ħoloq madankollu distorsjoni tal-kompetizzjoni fiż-ŻEE, bi ksur tal-Artikolu 101 TFUE, bi ħsara, partikolarment, għall-konsumaturi. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkunsidrat, b’mod partikolari, fil-punti 47 u 87 ta’ din is-sentenza, li l-bejgħ tal-prodotti lesti kellu rabta mal-ksur fiż-ŻEE, fis-sens tal-punt 13 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi.

62

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-esklużjoni ta’ dan il-bejgħ għandu l-effett li jimminimizza artifiċjalment il-ksur imwettaq minn impriża partikolari, peress li l-fatt biss li jiġi eskluż it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali bejgħ fil-fatt affettwat mill-akkordju fiż-ŻEE jwassal sabiex finalment tiġi imposta multa mingħajr rabta reali mal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-akkordju f’dan it-territorju (ara, b’analoġija, is-sentenzi Team Relocations et vs il-Kummissjoni, C‑444/11 P, EU:C:2013:464, punt 77; Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni, C-580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 58, kif ukoll LG Display u LG Display Taiwan vs Il-Kummissjoni, C-227/14 P, EU:C:2015:258, punt 54).

63

B’mod partikolari, kif il-Qorti Ġenerali kkonstatat fil-punti 46, 47, 71 u 74 tas-sentenza appellata, in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-valur ta’ dan il-bejgħ iwassal neċessarjament għall-effett li jingħata vantaġġ, mingħajr ġustifikazzjoni, lill-impriżi vertikalment integrati li, bħall-appellanti, jintegraw parti sinjifikattiva mill-prodotti li huma s-suġġett tal-ksur fl-unitajiet ta’ produzzjoni tagħhom stabbiliti barra ż-ŻEE, b’mod li jkunu jistgħu jaħarbu minn sanzjoni proporzjonata għall-importanza tagħhom fis-suq ta’ dawn il-prodotti u għall-ħsara tal-aġir tagħhom fuq il-kompetizzjoni fiż-ŻEE.

64

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata minħabba li stabbilixxiet distinzjoni bejn il-bejgħ li jsir mill-parteċipanti fl-akkordju skont jekk dawn jifformawx jew le impriża unika flimkien mal-kumpanniji li jintegraw l-prodotti affettwati mill-ksur fil-prodotti lesti.

65

Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ impriża, fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni, għandu jinftiehem bħala li jirreferi għal unità ekonomika, anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika hija kkostitwita minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Hydrotherm Gerätebau, 170/83, EU:C:1984:271, punt 11, kif ukoll Arkema vs Il-Kummissjoni, C-520/09 P, EU:C:2011:619, punt 37).

66

Konsegwentement, kif il-Qorti Ġenerali kkonstatat korrettement fil-punt 90 tas-sentenza appellata, il-parteċipanti fl-akkordju li, bħall-appellanti, jifformaw impriża unika, fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, bl-unitajiet ta’ produzzjoni li jintegraw il-prodotti kkonċernati fil-prodotti lesti jinsabu f’sitwazzjoni oġġettivament differenti mill-parteċipanti fl-akkordju li, bħall-appellanti fil-kawża li wasslet għas-sentenza LG Display u LG Display Taiwan (C-227/14 P, EU:C:2015:258, punti 46 u 47), jifformaw impriża distinta, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, mill-impriża li twettaq l-imsemmija integrazzjoni. Fil-fatt, filwaqt li, fl-ewwel każ, il-bejgħ tal-prodott ikkonċernat huwa ta’ natura interna, fit-tieni każ, dan il-bejgħ isir lil impriżi terzi indipendenti. Din id-differenza fis-sitwazzjoni oġġettiva tiġġustifika għalhekk li dan il-bejgħ jiġi ttrattat b’mod differenti. Issa, l-appellanti ma kkontestatx, fl-ambitu ta’ dan l-appell, il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jidhru, partikolarment, fil-punti 70 u 90 tas-sentenza appellata dwar in-natura unika jew le tal-impriżi li jipparteċipaw fl-akkordju.

67

Ċertament, kif l-appellanti sostniet, fis-sentenza Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (C-580/12 P, EU:C:2014:2363, point 59), il-Qorti tal-Ġustizzja ġġudikat, f’kuntest intern għaż-ŻEE, li, għad-determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-ammont tal-multi imposti għall-ksur tal-Artikolu 101 TFUE, ma hemmx lok li ssir distinzjoni skont jekk dan il-bejgħ sarx ma’ terzi indipendenti jew ma’ entitajiet li jappartjenu lill-istess impriża.

68

Madankollu, minn din is-sentenza ma jirriżultax, kuntrarjament għal dak li l-appellanti sostniet matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-bejgħ intern għandu jiġi ttrattat bl-istess mod bħall-bejgħ lil terzi indipendenti, fis-sens li, ladarba, fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, tqis biss dak li sar fiż-ŻEE, bl-istess mod, huwa biss il-bejgħ intern li sar fiż-ŻEE li għandu jitqies għall-kalkolu tal-multa.

69

Kif il-Qorti Ġenerali essenzjalment iddeċidiet fil-punti 73 u 74 tas-sentenza appellata, jirriżulta biss mis-sentenza Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (C-580/12 P, EU:C:2014:236) li l-valur tal-bejgħ li għandu jitqies għall-kalkolu tal-multa imposta fuq impriża vertikalment integrata għandu, fil-prinċipju, jinkludi l-bejgħ kollu tal-prodott affettwat mill-ksur fiż-ŻEE, inkluż il-bejgħ intern ta’ dan il-prodott li sar fi ħdan din l-impriża.

70

Madankollu, ma hemm xejn li jeskludi, fil-każ fejn, bħal f’dan il-każ, il-bejgħ intern li jirrigwarda l-prodott ikkonċernat mill-ksur ikun sar fi ħdan impriża vertikalment integrata barra miż-ŻEE, li jittieħed inkunsiderazzjoni, għall-iffissar tal-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuq parteċipant f’akkordju relatat ma’ din l-impriża, il-bejgħ ta’ prodotti lesti li sar minnha fiż-ŻEE lil terzi indipendenti. Għall-kuntrarju, kif tfakkar fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, jirriżulta preċiżament mill-punt 60 tas-sentenza Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (C-580/12 P, EU:C:2014:2363) li dan il-bejgħ għandu, fil-prinċipju, jittieħed inkunsiderazzjoni sa fejn dan ġie affettwat min dan il-ksur.

71

F’dan ir-rigward, l-argumenti invokati mill-appellanti dwar il-kompetenza territorjali tal-Kummissjoni huma għalkollox irrilevanti.

72

Ċertament, kif il-Qorti Ġenerali fakkret fil-punt 58 tas-sentenza appellata, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, meta impriżi stabbiliti barra miż-ŻEE, iżda li jipproduċu beni li huma mibjugħa fiż-ŻEE lil terzi, jiftiehmu dwar il-prezzijiet li jakkordaw lill-klijenti tagħhom fiż-ŻEE u jimplementaw dan il-ftehim billi jbigħu bi prezzijiet effettivament ikkoordinati, huma jkunu qed jipparteċipaw fi ftehim li għandu l-għan u l-effett li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-suq intern, fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, u li l-Kummissjoni hija territorjalment kompetenti sabiex tipproċedi kontra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni,C-89/85, C-104/85, C-114/85, C‑116/85, C-117/85 u C-125/85 sa C-129/85, EU:C:1993:120, punti 13 u 14).

73

F’dan il-każ, huwa madankollu stabbilit li l-Kummissjoni kienet kompetenti sabiex tapplika l-Artikolu 101 TFUE għall-akkordju inkwistjoni, ladarba, kif jirriżulta mill-punti 42 u 66 tas-sentenza appellata, il-parteċipanti fih, fosthom l-appellanti, implementaw dan il-ftehim ta’ portata mondjali fiż-ŻEE billi biegħu f’dan it-territorju l-prodott affettwat mill-ksur lil terzi indipendenti.

74

Dan l-aggravju tal-appell jittratta, madankollu, kwistjoni distinta, jiġifieri l-kalkolu tal-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuq l-appellanti għal dan il-ksur tal-Artikolu 101 TFUE. F’dan ir-rigward, huwa importanti, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 46 sa 51 ta’ din is-sentenza, li jiġi ddeterminat il-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, sabiex l-ammont ta’ din il-multa jirrifletti l-importanza ekonomika tal-ksur u l-piż relattiv tal-appellanti fih. Issa, kif jirriżulta mill-punti 52 sa 70 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kienet korretta meta kkunsidrat li l-Kummissjoni setgħet, għal dan il-għan, fejn il-bejgħ intern tal-prodott ikkonċernat mill-ksur sar mill-appellanti barra miż-ŻEE, tieħu inkunsiderazzjoni l-bejgħ ta’ prodotti lesti li sar minnha fiż-ŻEE lil terzi indipendenti.

75

Fir-rigward, f’dan il-kuntest, tal-pretensjoni tal-appellanti li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan il-bejgħ għall-kalkolu ta’ multa imposta fuq il-bażi tal-ksur tal-Artikolu 101 TFUE jista’ jwassal għall-effett li l-istess aġir antikompetittiv jagħti lok għal sanzjonijiet konkorrenti imposti mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ Stat terz, għandu jiġi osservat li, kuntrarjament għal dak li l-Kummissjoni ssostni, din il-pretensjoni hija ammissibbli fl-istadju ta’ dan l-appell fid-dawl tal-Artikolu 170(1) tar-Regoli tal-Proċedura, peress li ma tibdilx is-suġġett tat-tilwima. Madankollu, huwa suffiċjenti li jitfakkar li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ġġudikat, la l-prinċipju ne bis in idem u lanqas kwalunkwe prinċipju tad-dritt ieħor ma jista’ jobbliga lill-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-proċeduri u s-sanzjonijiet li għalihom tkun suġġetta impriża fi Stati terzi (ara s-sentenzi Showa Denko vs Il-Kummissjoni, C‑289/04 P, EU:C:2006:431, punti 52 sa 58; SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, C‑308/04 P, EU:C:2006:433, punti 28 sa 34, u SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, C‑328/05 P, EU:C:2007:277, punti 24 sa 35).

76

Fir-rigward tal-pretensjoni tal-appellanti bbażata fuq il-punt 33 tas-sentenza Istituto Chemioterapico Italiano u Commercial Solvents vs il-Kummissjoni (6/73 u 7/73, EU:C:1974:18), huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li din is-sentenza ma għandha ebda rilevanza fil-kuntest ta’ dan l-aggravju, peress li din ma kinitx tikkonċerna, kif il-Qorti Ġenerali korrettament irrilevat fil-punt 87 tas-sentenza appellata, l-iffissar tal-ammont tal-multi imposti għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni previsti mit-Trattat FUE, iżda l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-projbizzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti stipulata l-Artikolu 102 TFUE, b’mod partikolari l-kundizzjoni marbuta mal-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

77

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tieni aggravju, marbut mal-prinċipju ta ’ nondiskriminazzjoni

L-argumenti tal-partijiet

78

Fl-ewwel lok, l-appellanti ssostni li d-distinzjoni li saret mill-Qorti Ġenerali bejn l-impriżi vertikalment integrati, fuq il-bażi ta’ jekk dawn jifformawx jew le impriża unika ma’ entitajiet relatati, ma hija bbażata fuq ebda differenza rilevanti. B’hekk, fis-sentenza LG Display u LG Display Taiwan vs Il-Kummissjoni (T‑128/11, EU:T:2014:88), il-Qorti Ġenerali, sabiex tiċħad l-argument li l-bejgħ ta’ LCD lill-kumpanniji parent tar-rikorrenti f’dik il-kawża għandu jiġi eskluż, ma invokatx il-fatt li l-bejgħ inkwistjoni kien sar fi ħdan impriża unika. Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 89 ta’ dik is-sentenza, qieset li l-bejgħ inkwistjoni kien, fir-realtà, bejgħ lil entitajiet relatati li jaqa’, fuq din il-bażi, taħt il-konstatazzjoni ta’ ksur, għas-sempliċi raġuni li l-bejgħ intragruppi kien kopert mill-akkordju. Issa, minn din il-perspettiva, ma hemmx l-iċken differenza bejn il-kunsinni intragruppi li saru mir-rikorrenti fil-kawża li wasslet għas-sentenza LG Display u LG Display Taiwan vs Il-Kummissjoni (T‑128/11, EU:T:2014:88) u dawk li saru mill-appellanti, inkwistjoni f’din il-kawża.

79

Skont l-appellanti, din id-distinzjoni hija wkoll nieqsa minn oġġettività u minn koerenza. Fil-punt 140 tas-sentenza LG Display u LG Display Taiwan vs Il-Kummissjoni (T-128/11, EU:T:2014:88), il-Qorti Ġenerali tiċċara li “l-kumpanniji sussidjarji miżmuma 100 % tqiesu li jaqgħu taħt l-istess impriża bħall-parteċipanti fl-akkordju, filwaqt li l-kumpanniji b’kapital azzjonarju fihom li kienu jifformaw parti mill-akkordju ma tqisux kumpanniji parent sa fejn ma ntweriex li l-kundizzjonijiet stabbiliti għal dan il-għan mill-ġurisprudenza kienu ssodisfatti”. Il-loġika ta’ distinzjoni stabbilita bejn il-kumpanniji vertikalment integrati, fuq il-bażi ta’ jekk il-bejgħ rilevanti sarx lil sussidjarji relatati jew lil kumpanniji parent relatati, hija madankollu diffiċli sabiex tinftiehem.

80

Fit-tieni lok, l-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta bbażat ruħha, fil-punti 93 u 94 tas-sentenza appellata, fuq il-prinċipju ta’ legalità sabiex tiċħad l-argumenti tagħha bbażati fuq il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil-fatt, jirriżulta mis-sentenza Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Alliance One International et (C‑628/10 P u C-14/11 P, EU:C:2012:479) li huwa biss meta parti titlob il-benefiċċju ta’ metodu ta’ kalkolu illegali tal-multa li l-prinċipju ta’ legalità jista’ jitqajjem biex dan il-benefiċċju jiġi rrifjutat lilha. Issa, f’dan il-każ, l-appellanti ġiet miċħuda mill-benefiċċju ta’ metodu perfettament legali fil-kalkolu tal-multa. Il-metodu applikat għall-kunsinni intragruppi ta’ LCD mibjugħa minn LGD u AUO huwa fil-fatt dak li l-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermaw il-fondatezza tiegħu fis-sentenzi Europa Carton vs Il-Kummissjoni (T-304/94, EU:T:1998:89) u KNP BT vs Il-Kummissjoni (C-248/98 P, EU:C:2000:625). Il-Qorti Ġenerali kkonfermat mill-ġdid il-legalità ta’ dan il-metodu fis-sentenza LG Display u LG Display Taiwan vs Il-Kummissjoni (T‑128/11, EU:T:2014:88) u, għaldaqstant, tikkontradixxi lilha nfisha fis-sentenza appellata.

81

Il-Kummissjoni tqis li dan l-aggravju huwa infondat u għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

82

It-tieni aggravju li jipprevedi, essenzjalment, li jikkontesta d-distinzjoni li saret mill-Qorti Ġenerali bejn il-parteċipanti fl-akkordju fuq il-bażi ta’ jekk dawn jifformawx jew le impriża unika mal-kumpanniji li jintegraw il-prodotti kkonċernati mill-ksur fil-prodotti lesti, dan għandu jiġi miċħud bħala infondat għall-istess raġunijiet imsemmija fil-punti 64 sa 66 ta’ din is-sentenza marbuta mal-ewwel aggravju.

83

Fi kwalunkwe każ, sa fejn dan l-aggravju jipprevedi l-punti 93 u 94 tas-sentenza appellata, dan għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv, sa fejn dan jinvolvi raġunijiet superfluwi li ma jistgħux iwasslu għall-annullament ta’ din is-sentenza (ara, partikolarment, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, EU:C:2005:408, punt 148 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84

Fil-fatt, fil-punt 92 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, mingħajr kontestazzjoni fl-ambitu ta’ dan l-appell, li, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni żbaljat meta naqset milli tikkunsidra li LGD u AOU fformaw impriża unika mal-kumpanniji li magħhom huma kienu relatati, dan il-fatt ma jista’ bl-ebda mod ikun ta’ vantaġġ għall-appellanti, peress li dawn l-allegati żbalji, anki jekk irriżultaw, ma jurux li l-kunċett ta’ “bejgħ ŻEE dirett permezz ta’ prodotti pproċessati” huwa, fih innifsu, żbaljat, billi d-definizzjoni ta’ dan il-kunċett hija indipendenti mill-każijiet li għalihom dan ġie jew ma ġiex applikat. Konsegwentement, billi l-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumentazzjoni tal-appellanti fuq dan il-punt bħala inammissibbli minħabba nuqqas ta’ interess ġuridiku, il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 93 u 94 tas-sentenza appellata dwar il-fondatezza ta’ din l-argumentazzjoni ġew ippreżentati sussidjarjament, kif jirriżulta wkoll mill-kliem “fi kwalunkwe każ” qabel dawn il-punti.

85

Fid-dawl tal-premess, hemm lok li t-tieni aggravju jiġi miċħud bħala, parzjalment, infondat u, parzjalment, ineffettiv.

86

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

87

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.

88

Peress li l-Kummissjoni talbet il-kundanna ta’ InnoLux għall-ispejjeż u l-aggravji ta’ din tal-aħħar ġew miċħuda, hemm lok li InnoLux tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

InnoLux Corp. hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.