EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62015CC0201
Opinion of Advocate General Wahl delivered on 9 June 2016.#Anonymi Geniki Etairia Tsimenton Iraklis (AGET Iraklis) v Ypourgos Ergasias, Koinonikis Asfalisis kai Koinonikis Allilengyis.#Request for a preliminary ruling from the Symvoulio tis Epikrateias.#Reference for a preliminary ruling — Directive 98/59/EC — Approximation of the laws of the Member States relating to collective redundancies — Article 49 TFEU — Freedom of establishment — Charter of Fundamental Rights of the European Union — Article 16 — Freedom to conduct a business — National legislation conferring upon an administrative authority the power to oppose collective redundancies after assessing the conditions in the labour market, the situation of the undertaking and the interests of the national economy — Acute economic crisis — Particularly high national unemployment rate.#Case C-201/15.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Wahl, ippreżentati fid-9 ta’ Ġunju 2016.
Anonymi Geniki Etairia Tsimenton Iraklis (AGET Iraklis) vs Ypourgos Ergasias, Koinonikis Asfalisis kai Koinonikis Allilengyis.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Symvoulio tis Epikrateias.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 98/59/KE – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri dwar it-tkeċċijiet kollettivi – Artikolu 49 TFUE – Libertà ta’ stabbiliment – Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 16 – Libertà tal-impriża – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkonferixxi lil awtorità amministrattiva s-setgħa li topponi tkeċċijiet kollettivi wara evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol, tas-sitwazzjoni tal-impriża u tal-interess tal-ekonomija nazzjonali – Kriżi ekonomika gravi – Rata ta’ qgħad nazzjonali partikolarment għolja.
Kawża C-201/15.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Wahl, ippreżentati fid-9 ta’ Ġunju 2016.
Anonymi Geniki Etairia Tsimenton Iraklis (AGET Iraklis) vs Ypourgos Ergasias, Koinonikis Asfalisis kai Koinonikis Allilengyis.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Symvoulio tis Epikrateias.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 98/59/KE – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri dwar it-tkeċċijiet kollettivi – Artikolu 49 TFUE – Libertà ta’ stabbiliment – Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 16 – Libertà tal-impriża – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkonferixxi lil awtorità amministrattiva s-setgħa li topponi tkeċċijiet kollettivi wara evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol, tas-sitwazzjoni tal-impriża u tal-interess tal-ekonomija nazzjonali – Kriżi ekonomika gravi – Rata ta’ qgħad nazzjonali partikolarment għolja.
Kawża C-201/15.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:429
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
WAHL
ippreżentati fid-9 ta’ Ġunju 2016 ( 1 )
Kawża C‑201/15
Anonymi Geniki Etairia Tsimenton Iraklis (AGET Iraklis)
vs
Ypourgos Ergasias, Koinonikis Asfalisis kai Koinonikis Allilengyis
Parti intervenjenti:
Enosi Ergazomenon Tsimenton Chalkidas
[Talba għal deċiżjoni preliminari mis-Symvoulio tis Epikrateias (il-kunsill tal-istat, il-Greċja)]
“Tkeċċijiet kollettivi — Direttiva 98/59/KE — Artikoli 2 sa 5 — Artikoli 49 u 63 TFUE — Rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, mill-awtorità amministrattiva kompetenti, ta’ talba sabiex isiru t-tkeċċijiet kollettivi — Talbiet li jiġu kkunsidrati fuq il-bażi ta’ kriterji ekonomiċi — Proporzjonalità”
1. |
L-Unjoni Ewropea hija bbażata fuq ekonomija tas-suq ħieles, fatt li jimplika li l-impriżi għandu jkollhom il-libertà li jmexxu n-negozju tagħhom kif jidhrilhom xieraq. Mela x’inhuma l-limiti għall-intervent tal-Istati Membri sabiex jiżguraw is-sigurtà tal-impjieg tal-ħaddiema? Dik hija l-kwistjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tirriżolvi f’din it-talba għal deċiżjoni preliminari. |
2. |
B’mod iktar speċifiku, inqalgħet kwistjoni wara r-rifjut tal-awtoritajiet Griegi li r-rikorrenti fil-proċeduri prinċipali — sussidjarja ta’ LafargeHolcim Ltd, impriża preżenti f’diversi Stati Membri, inkluża l-Greċja — titħalla tagħmel sensji kollettivi. Fil-Greċja, it-tkeċċijiet kollettivi huma suġġetti għal awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel. Dan wassal lis-Symvoulio tis Epikrateias (il-kunsill tal-istat, il-Greċja) biex jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja żewġ domandi dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Grega ma’, l-ewwel nett, id-Direttiva 98/59/KE ( 2 ) u, t-tieni nett, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tal-kapital (Artikoli 49 u 63 TFUE). |
3. |
F’dan l-isfond, il-każ tal-lum huwa xiehda, għal darba oħra, tas-sinjifikat dejjiemi tad-dritt primarju kif ipparagunat mal-firxa li qed tiżdied tal-leġiżlazzjoni sekondarja. Kif se naraw, filwaqt li l-leġiżlazzjoni Griega tidher li hija kompatibbli mad-Direttiva 98/59, ma jistax jingħad l-istess fir-rigward tal-libertajiet fundamentali ssalvagwardati taħt it-Trattat FUE. |
I – Il-kuntest ġuridiku
A – Direttiva 98/59
4. |
L-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/59 (taħt it-Taqsima II – “L-informazzjoni u l-konsultazzjoni”) jipprovdi li: “1. Meta dak li jħaddem ikun qed jikkontempla redundancies kollettivi, huwa għandu jibda konsultazzjonijiet mar-rappreżentanti tal-ħaddiema fi żmien tajjeb bl-iskop li jintlaħaq ftehim. 2. Dawn il-konsultazzjonijiet għandhom, mill-inqas, ikopru mezzi u miżuri li jevitaw redundancies kollettivi jew tnaqqis ta’ numri ta’ impjegati affettwati, u biex jittaffew il-konsegwenzi billi jkun hemm rikors għal miżuri soċjali magħhom immirati, inter alia, li jgħinu għall-impjieg jew it-taħriġ mll-ġdid tal-ħaddiema mingħajr xogħol […] 3. Sabiex jgħinu r-rappreżentanti tal-ħaddiema biex jagħmlu proposti kostruttivi, min iħaddem għandu fi żmien tajjeb matul il-konsultazzjonijiet: […]
[…] Min iħaddem għandu jgħaddi lill-awtorità pubblika kompetenti kopja ta’, mill-inqas, l-elementi tal-kommunikazzjoni bil-miktub li hemm previsti fl-ewwel subparagrafu, l-punt (b), is-subpunti (i) sa (v). […]” |
5. |
It-Taqsima III tad-Direttiva 98/59 tirrigwarda “Il-proċedura għal redundancies kollettivi” u fiha żewġ dispożizzjonijiet, jiġifieri l-Artikoli 3 u 4. Skont l-Artikolu 3: “1. Kull min iħaddem għandu jinnotifika lill-awtorità pubblika kompetenti bil-miktub dwar kull pjan ta’ redundancies kollettivi. […] Din in-notifika għandu jkollha l-informazzjoni rilevanti kollha li tikkonċerna r-redundancies kollettivi u l-konsultazzjonijiet ippjanati mar-rappreżentanti tal-ħaddiema previsti fl-Artikolu 2, u partikolarment ir-raġunijiet għar-redundancy, in-numru ta’ ħaddiema li ser jisfgħu mingħajr xogħol, in-numru ta’ ħaddiema normalment impjegati u l-perijodu li fih il-redundancy għandu jiġi effettwat. 2. Min iħaddem għandu jgħaddi lir-rapreżentanti tal-ħaddiema kopja tan-notifika prevista fil-paragrafu 1. Ir-rappreżentanti tal-ħaddiema jistgħu jibħagtu xi kummenti li jista’ jkollhom lill-awtorità pubblika kompetenti”. |
6. |
Bis-saħħa tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 98/59: “1. Il-redundancies kollettivi pproġettati nnotifikati lill-awtorità pubblika kompetenti m’għandhomx iseħħu qabel 30 ġurnata wara n-notifika msemmija fl-Artikolu 3(1) bla ħsara għal xi dispożizzjonijiet li jirregolaw id-drittijiet individwali fir-rigward ta’ l-avviż tat-tkeċċijiet mix-xogħol. L-Istati Membri jistgħu jagħtu l-poter lill-awtorità pubblika kompetenti sabiex tnaqqas il-perijodu msemmi fis-subparagrafu preċedenti. 2. Il-perijodu msemmi fil-paragrafu 1 għandu jintuża mill-awtorità pubblika kompetenti sabiex jinstabu soluzzjonijiet għall-problemi kkawżati mir-redundancies kollettivi proġettati. 3. Meta l-perijodu inizjali previst fil-paragraph 1 huwa iqsar minn 60 ġurnata, l-Istati Membri jistgħu jagħtu l-poter lill-awtorià pubblika kompetenti biex testendi l-perijodu inizjali ta’ 60 ġurnata wara n-notika meta l-problemi kkawżati mill-pjanijiet proġettati ta’ redundancies kollettivi x’aktarx ma tinstabx soluzzjoni għalihom fil-perijodu inizjali. L-Istati Membri jistgħu jagħtu lill-awtorità pubblika kompetenti poteri iktar wiesgtra ta’ estenzjoni. Min iħaddem għandu jkun infurmat bl-estenzjoni u l-bażi tagħha qabel ma jiskadi l-perijodu tal-bidu msemmi fil-paragrafu 1. […]” |
7. |
L-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/59 jipprovdi: “Din id-Direttiva ma għandhiex taffetwa d-dritt ta’ l-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li huma iktar favorevoli għal ħaddiema jew li jippromovu jew li jippermettu l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettivi iktar favorevoli għall-ħaddiema”. |
B – Il-leġiżlazzjoni Griega
8. |
Id-Direttiva 98/59 ġiet implementata fid-dritt Grieg bin-Nomos Nru 1387/1983 Elenchos omadikon apolyseon kai alles diataxeis (Liġi Nru 1387/1983 dwar ir-reviżjoni tat-tkeċċijiet kollettivi u dispożizzjonijiet oħra), tat-18 ta’ Awwissu 1983, kif emendata (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 1387/1983”) ( 3 ). L-Artikolu 3 ta’ dik il-liġi (“Obbligi ta’ informazzjoni u konsultazzjoni ta’ min iħaddem”) jipprovdi: “1. Qabel it-tkeċċijiet kollettivi, min iħaddem għandu jagħmel konsultazzjonijiet mar-rappreżentanti tal-ħaddiema bil-għan li ssir investigazzjoni tal-possibbiltà li jiġu evitati jew jitnaqqsu t-tkeċċijiet u l-konsegwenzi negattivi tagħhom. 2. Min iħaddem għandu:
[…] 3. Kopji ta’ dawk id-dokumenti għandhom jiġu sottomessi minn min iħaddem lill-prefett u lill-ispettur tax-xogħol. Jekk l-impriża jew l-unità operattiva għandha friegħi f’iktar minn prefettura waħda, id-dokumenti ta’ hawn fuq għandhom jiġu sottomessi lill-Ministru tax-Xogħol u lis-Soma Epitheorisis Ergasias (Ispettorat tax-Xogħol) responsabbli għaż-żona fejn jinsabu l-unità jew il-fergħa operattiva fejn it-tkeċċijiet kollha jew il-biċċa l-kbira tagħhom huma skedati li jseħħu.” |
9. |
L-Artikolu 5 tal-Liġi Nru 1387/1983 (“Proċedura għat-tkeċċijiet kollettivi”) jipprovdi: “Il-perijodu ta’ konsultazzjoni bejn il-ħaddiema u min iħaddem għandu jkun ta’ 20 jum li jibda mid-data tal-istedina ta’ min iħaddem għall-konsultazzjoni indirizzata lir-rappreżentanti tal-ħaddiema fit-tifsira tal-artikolu preċedenti. L-eżitu tal-konsultazzjonijiet għandu jitniżżel fil-minuti ffirmati miż-żewġ partijiet u sottomessi minn min iħaddem lill-prefett jew lill-Ministru tax-Xogħol, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(3). 2. Jekk ikun hemm ftehim bejn il-partijiet […], it-tkeċċijiet kollettivi għandhom isiru skont il-kontenut tal-ftehim kollettiv […] 3. Jekk ma jkunx hemm ftehim bejn il-partijiet, il-prefett jew il-Ministru tax-Xogħol jistgħu, b’deċiżjoni mmotivata maħruġa fi żmien għaxart ijiem mid-data meta l-minuti msemmija jiġu sottomessi u wara li jitqiesu d-dokumenti fil-fajl u jiġu evalwati l-kundizzjonijiet fis-suq tax-xogħol, is-sitwazzjoni tal-impriża u l-interessi tal-ekonomija nazzjonali, jew jestendu l-konsultazzjonijiet għal 20 jum addzzjonali wara talba minn wieħed mill-partijiet interessati jew ma jawtorizzawx uħud jew it-keċċijiet kollettivi kollha pproġettati. Qabel ma tinħareġ id-deċiżjoni msemmija, il-prefett jew il-Ministru tax-Xogħol jista’ jitlob opinjoni mill-Epitropi Ipourgiou Ergasias (Kumitat tal-Ministeru tax-Xogħol) […] jew mill-Anotato Symvoulio Ergasias (Kunsill Suprem tax-Xogħol) rispettivament. Dawn il-korpi konsultattivi, il-prefett jew il-Ministru tax-Xogħol jistgħu jsejħu quddiemhom u jisimgħu lir-rappreżentanti tal-ħaddiema […] u min iħaddem ikkonċernat, kif ukoll persuni li għandhom għarfien speċjalizzat dwar kwstjonijiet tekniċi individwali. 4. Min iħaddem jista’ jagħmel sensji kollettivi sa fejn huwa hekk speċifikat fid-deċiżjoni tal-prefett jew tal-Ministru tax-Xogħol. Jekk ma tittieħed ebda deċiżjoni bħal dik fit-termini preskritti, it-tkeċċijiet kollettivi għandhom isiru sa fejn huwa miftiehem minn min iħaddem matul il-konsultazzjonijiet.” |
10. |
Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 6(1) tal-Liġi Nru 1387/1983, “sensji kollettivi li jseħħu bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Liġi għandhom ikunu invalidi”. |
II – Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari
11. |
Anonymi Geniki Etairia Tsimenton Iraklis (iktar ’il quddiem “AGET Iraklis” jew “il-Kumpannija”) hija attiva fil-manifattura, id-distribuzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tas-siment u għandha tliet impjanti fil-Greċja (Agria Volou, Aliveri u Chaldika). |
12. |
Jirriżulta mid-digriet tar-rinviju li minn Novembru 2011 sa Diċembru 2012, AGET Iraklis talbet diversi drabi lill-ħaddiema u lir-rappreżentanti tagħhom fl-impjant tagħha f’Chaldika biex jipparteċipaw f’laqgħat bl-għan li tiġi aġġustata mill-ġdid l-iskeda tax-xogħol tal-impjant u biex tiġi pprovduta informazzjoni u konsultazzjoni fid-dawl tat-tnaqqis fl-attivitajiet tal-impjant minħabba domanda mnaqqsa għal-prodott tagħha, sabiex jinstabu soluzzjonijiet alternattivi u għalhekk jiġu evitati sensji kollettivi. |
13. |
B’deċiżjoni tal-25 ta’ Marzu 2013, il-bord tad-diretturi tal-kumpannija approvaw programm ta’ ristrutturazzjoni tal-produzzjoni tas-siment tagħha (iktar ’il quddiem “il-Programm”). Il-Programm inkluda l-għeluq permanenti tal-impjant ta’ Chaldika minħabba, b’mod partikolari, it-tnaqqis fl-attività ta’ kostruzzjoni f’Attiki u kapaċità ta’ produzzjoni eċċessiva tas-siment, sabiex tiġi żgurata vijabbiltà fil-futur tal-Kumpannija. |
14. |
Permezz ta’ ittri tas-26 ta’ Marzu u l-1 ta’ April 2013, AGET Iraklis stiednet lill-Enosi Ergazomenon Tsimenton Chalkidas (is-sindakat tal-ħaddiema tal-impjant tal-Kumpannija f’Chaldika, iktar ’il quddiem “is-Sindakat tal-Ħaddiema”) għal laqgħat li kellhom isiru, rispettivament, fid-29 ta’ Marzu 2013 u l-4 ta’ April 2013, sabiex tiġi pprovduta informazzjoni u sabiex tkun possibbli konsultazzjoni fuq il-Programm sabiex, inter alia, tiġi investigata l-possibbiltà ta’ evitar jew tnaqqis ta’ sensji u l-konsegwenzi negattivi tagħhom. |
15. |
Billi s-Sindakat tal-Ħaddiema ma attendiex dawk il-laqgħat, fis-16 ta’ April 2013 il-Kumpannija talbet bil-miktub lill-Ypourgos Ergasias, Koinonikis Asfalisis kai Koinonikis Allilengyis (Ministru tax-Xogħol, is-Sigurtà Soċjali u l-Ħarsien, iktar ’il quddiem “il-Ministru”) l-awtorizzazzjoni sabiex il-Programm jidħol fis-seħħ. |
16. |
Il-kwistjoni ġiet irriferita lill-Kunsill Suprem tax-Xogħol għal opinjoni. Fl‑24 ta’ April 2013, wara li nstemgħu l-partijiet ikkonċernati, il-Kunsill Suprem tax-Xogħol irrakkomanda li l-Programm jiġi rrifjutat minħabba n-nuqqas tal-Kumpannija li tipprovdi ġustifikazzjoni suffiċjenti, b’mod partikolari, peress li l-ħtieġa ta’ sensji kollettivi pproġettati ma ġietx issostanzjata u l-argumenti tal-Kumpannija ġew ikkunsidrati bħala vaġi wisq. |
17. |
Fuq il-bażi ta’ dik ir-rakkomandazzjoni, il-Ministru, fis-26 ta’ April 2013, irrifjuta li jagħti l-awtorizzazzjoni mitluba (iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni kkontestata”). |
18. |
Il-Kumpannija ppreżentat rikors fejn talbet l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata quddiem is-Symvoulio tis Epikrateias (il-kunsill tal-istat). Billi kellha dubji, fid-dawl tal-argumenti mressqa mill-Kumpannija, dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 5(3) tal-Liġi Nru 1387/1983 mad-Direttiva 98/59 u l-Artikoli 49 u 63 TFUE, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet fis-7 ta’ April 2015 li tissospendi l-proċeduri u tirreferi d-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:
|
19. |
Ġew ippreżentati sottomissjonijiet bil-miktub mill-Kumpannija, mis-Sindakat tal-Ħaddiema, mill-Gvern Grieg, u mill-Kummissjoni. Fis-seduta li saret fil-25 ta’ April 2016, tressqu l-argumenti orali minn dawk il-partijiet u mill-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA (iktar il-quddiem l-“ESA”). |
III – Analiżi
20. |
Il-punt ta’ liġi li qed jiġi sottomess għall-kunsiderazzjoni f’dawn il-proċeduri ilu żmien mingħajr soluzzjoni ( 4 ). |
21. |
Biż-żewġ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment trid tkun taf jekk dispożizzjoni bħall-Artikolu 5(3) tal-Liġi Nru 1387/1983 (iktar ’il quddiem “ir-regola inkwisjtoni”), li, fost affarijiet oħra, teħtieġ li min iħaddem jikseb awtorizzazzjoni amministrattiva qabel ma jwettaq sensji kollettivi, u li tirrendi din l-awtorizzazzjoni dipendenti fuq il-kundizzjonijiet fis-suq tax-xogħol; is-sitwazzjoni tal-impriża; u l-interessi tal-ekonomija nazzjonali, hijiex kompatibbli ma’, minn naħa, id-Direttiva 98/59 u, min-naħa l-oħra, l-Artikoli 49 u 63 TFUE. Jekk dan ma jkunx il-każ, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf ukoll jekk dispożizzjoni bħal dik tistax tkun kompatibbli mar-regoli msemmijin iktar ’il fuq fejn hemm raġunijiet soċjali serji biex jiġġustifikawha, bħal kriżi ekonomika akuta u qgħad għoli ħafna. |
22. |
Għalkemm il-qorti tar-rinviju tiddistingwi bejn iż-żewġ domandi tagħha skont ir-raġunijiet għal ġustifikazzjoni, naħseb li huwa iktar xieraq li naqsam l-analiżi tiegħi tad-domandi magħmula fuq il-bażi tar-regoli rilevanti tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, se nibda l-kunsiderazzjonijiet tiegħi billi ninterpreta d-Direttiva 98/59, qabel ma ngħaddi għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu. |
A – Id-Direttiva 98/59
23. |
Mill-bidu nett infakkar li, bl-armonizzazzjoni tar-regoli applikabbli għat-tkeċċijiet kollettivi, il-leġiżlatura tal-Unjoni Ewropea riedet kemm li tiżgura l-protezzjoni paragunabbli għad-drittijiet tal-ħaddiema f’diversi Stati Membri kif ukoll l-armonizzazzjoni tal-ispejjeż li dawn ir-regoli protettivi jfissru għal impriżi tal-Unjoni Ewropea ( 5 ). |
24. |
Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 98/59 min iħaddem huwa obbligat li jibda konsultazzjonijiet fi żmien tajjeb mar-rappreżentanti tal-ħaddiema meta jkun “qed jikkontempla redundancies kollettivi”’. Bis-saħħa tal-Artikolu 2(2), il-konsultazzjonijiet għandhom ikopru, inter alia, il-possibbiltà li jiġu evitati t-tkeċċijiet kollettivi kkontemplati jew li jiġi mnaqqas in-numru ta’ ħaddiema affettwati. Il-proċedura ta’ konsultazzjoni għandha tinbeda minn min iħaddem ladarba tkun ittieħdet id-deċiżjoni strateġika jew kummerċjali li ġġiegħlu jikkontempla jew jippjana sensji kollettivi ( 6 ). Dik il-proċedura hija mfissra fl-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 98/59. |
25. |
L-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/59 joħloq dmir ta’ notifika: min iħaddem għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti bil-miktub dwar sensji kollettivi pproġettatti u jibgħat kopja tan-notifika lir-rappreżentant tal-ħaddiema. Dawn tal-aħħar imbagħad jistgħu jibagħtu kull kumment li jista’ jkollhom lill-awtorità pubblika kompetenti. |
26. |
L-Artikolu 4 tad-Direttiva 98/59 jistabbilixxi dispożizzjoni “stand-still” li l-għan tagħha huwa, skont it-tieni paragrafu tiegħu, li jipprovdi lill-awtorità pubblika kompetenti b’biżżejjed żmien biex issib soluzzjonijiet għall-problemi mqajmin mit-tkeċċijiet kollettivi pproġettati. Għalkemm id-direttiva tipprovdi 30 jum bħala perijodu ta’ “riflessjoni” wara n-notifika tal-miżuri ta’ sensja maħsuba, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) u (3), l-Istati Membri jistgħu jagħtu lill-awtorità pubblika kompetenti s-setgħa li dak il-perijodu jitnaqqas jew jiġi estiż. |
27. |
Madankollu, id-Direttiva 98/59 ma tistabbilixxix regoli dwar l-organizzazzjoni interna ta’ impriżi jew ġestjoni tal-persunal ( 7 ), u lanqas ma taffettwa l-libertà ta’ min iħaddem li jagħti jew ma jagħtix sensji kollettivi. L-unika għan tagħha huwa li tipprovdi għal konsultazzjoni mas-sindakati u għan-notifika tal-awtorità pubblika kompetenti qabel ma jsiru t-tkeċċijiet, jiġifieri għall-armonizzazzjoni tal-proċedura li għandha tiġi segwita meta jsiru t-tkeċċijiet kollettivi ( 8 ). |
28. |
Issa, l-Artikolu 5(3) tal-Liġi Nru 1387/1983 tidher, b’mod partikolari, li ddaħħal fis-seħħ lill-Artikolu 4 tad-Direttiva 98/59 fid-dritt Grieg, għalkemm it-tul tal-perijodu ta’ “riflessjoni” ġie mmodifikat. Madankollu, u iktar importanti minn hekk, fil-każ ta’ nuqqas ta’ ftehim bejn il-partijiet, dik id-dispożizzjoni tirrendi t-twettiq tal-miżuri ta’ sensji maħsuba dipendenti fuq l-awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel (li titqies li tkun ingħatat taċitament meta jiskadi t-terminu ta’ għaxart ijiem). Il-Liġi Nru 1387/1983 tispeċifika li applikazzjonijiet sabiex jitwettqu sensji kollettivi għandhom jiġu kkunsidrati fuq il-bażi tal-kriterji li ġejjin: il-kundizzjonijiet fis-suq tax-xogħol, is-sitwazzjoni tal-impriża u l-interessi tal-ekonomija nazzjonali. Bis-saħħa tal-Artikolu 6 tal-Liġi Nru 1387/1983, l-awtorizzazzjoni hija kundizzjoni għall-validità tal-miżuri tat-tkeċċijiet. |
29. |
Għalhekk, jidher li l-Artikolu 5(3) tal-Liġi Nru 1387/1983 mhux biss jimplementa d-Direttiva 98/59 fid-dritt Grieg, imma jistabbilixxi wkoll ir-rekwiżiti sostantivi dwar iċ-ċirkustanzi jew il-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jiġu affettwati t-tkeċċijiet. Fi kliem ieħor, jirregola meta jista’ jkun iġġustifikat li tintemm relazzjoni ta’ impjieg. Għall-finijiet tal-kawża prinċipali, dik hija l-parti tar-regola inkwistjoni li qed tiġi kkontestata. |
30. |
Iżda, jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq fil-punt 27 li d-Direttiva 98/59 ma tirregolax il-libertà (jew l-assenza tagħha) ta’ min iħaddem li jagħti sensji kollettivi. Huwa d-dritt nazzjonali li għandu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet sostantivi li taħthom relazzjonijiet ta’ impjieg kollettivi jistgħu jintemmu fuq bażi kollettiva ( 9 ). |
31. |
Għaldaqstant, jiena nikkondividi s-sottomissjoni tal-Kummissjoni li l-Artikolu 5(3) tal-Liġi Nru 1387/1983, sa fejn dan jillimita l-libertà ta’ min iħaddem li jagħti sensji kollettivi, ma jidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/59. Għalhekk, ma għandu konnessjoni ta’ xejn ma’ dik id-direttiva. |
32. |
Billi r-regola inkwistjoni — jew tal-inqas il-parti tagħha li hija kkontestata — ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/59, ma tistax tikkostitwixxi dispożizzjoni statutorja iktar favorevoli għall-ħaddiema (każ ta’ “implementazzjoni żejda”) fit-tifsira tal-Artikolu 5 ta’ dik id-direttiva. Għaldaqstant, ma nistax nara kif ir-regola inkwistjoni tpoġġi fil-perikolu l-applikazzjoni effettiva tad-Direttiva ( 10 ). |
33. |
Fl-aħħar nett, u għall-kompletezza, għandi nżid ngħid li jsegwi minn dak li ntqal li, mill-perspettiva tad-Direttiva 98/59, ma tagħmilx differenza jekk, flimkien mal-kriterji msemmija iktar ’il fuq fil-punt 28, jeżistu raġunijiet soċjali serji — bħal kriżi ekonomika akuta u qgħad għoli ħafna. |
34. |
Għaldaqstant nikkonkludi li d-Direttiva 98/59 ma tipprekludix dispożizzjoni bħall-Artikolu 5(3) tal-Liġi Nru 1387/1983, li teħtieġ li kull min iħaddem jikseb awtorizzazzjoni amministrattiva qabel ma jagħti sensji kollettivi. Jiena se niddedika l-bqija tal-analiżi tiegħi għad-dispożizzjonijiet tal-liġi primarja msemmijin mill-qorti tar-rinviju. |
B – Artikoli 49 u 63 TFUE
1. Libertà ta’ stabbiliment u/jew movment liberu tal-kapital?
35. |
Billi d-domandi magħmulin għal deċiżjoni preliminari jagħmlu riferiment kemm għall-Artikoli 49 kif ukoll għall-Artikolu 63 TFUE, għandu jiġi stabbilit jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tidħolx fil-kuntest tal-libertà ta’ stabbiliment, tal-moviment liberu tal-kapital jew taż-żewġ libertajiet ( 11 ). |
36. |
Minn naħa, id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li japplikaw għall-pussess ta’ ishma, minn ċittadini ta’ Stat Membru, fil-kapital ta’ kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor li bihom ikunu jistgħu jeżerċitaw influwenza definita fuq id-deċiżjonijiet tal-kumpannija u sabiex jiġu ddeterminati l-attivitajiet tagħha, jidħlu fil-qasam ratione materiae tal-Artikolu 49 TFUE. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 63 TFUE jkopri, b’mod partikolari, l-investimenti diretti fil-forma ta’ parteċipazzjoni f’impriża permezz ta’ żamma ta’ ishma li tippermetti li wieħed jipparteċipa b’mod effettiv fil-ġestjoni u l-kontroll tagħha, kif ukoll investimenti tal-portafoll, jiġifieri, il-kisba ta’ titoli fis-suq kapitali bl-intenzjoni biss li jsir investiment finanzjarju mingħajr ebda intenzjoni li jiġu influwenzati l-ġestjoni u l-kontroll tal-impriża ( 12 ). |
37. |
Leġiżlazzjoni nazzjonali li tapplika mhux biss għal dawk l-ishma li jippermettu lid-detentur li jeżerċita influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet ta’ kumpannija u li jiġu ddeterminati l-attivitajiet tagħha, iżda li tapplika indipendentement mid-daqs tas-sehem li azzjonist ikollu f’kumpannija tista’ taqa’ kemm taħt l-Artikolu 49 TFUE kif ukoll taħt l-Artikolu 63 TFUE ( 13 ). |
38. |
Sabiex jiġi ddeterminat liema libertà tapplika (jekk mhux it-tnejn), għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tal-leġiżlazzjoni kkonċernata ( 14 ). |
39. |
Il-Liġi Nru 1387/1983, skont it-titolu tagħha, għandha l-għan li tikkontrolla t-tkeċċijiet kollettivi u li timplementa d-Direttiva 98/59 fid-dritt Grieg. Dan iġiegħelni naħseb li, bħad-direttiva, għandha l-intenzjoni li tirregola l-kundizzjonijiet li taħthom min iħaddem jista’ jirrikorri għal sensji kollettivi u l-proċedura li tiġi segwita f’dak ir-rigward. |
40. |
Għalhekk tirrigwarda essenzjalment relazzjoni ta’ impjieg. |
41. |
Dak jikkonferma li l-Artikolu 49 TFUE biss huwa applikabbli. Fil-fatt, il-libertà ta’ stabbiliment tirrigwarda attività ta’ min jaħdem għal rasu fit-territorju ta’ kwalunkwe Stat Membru ieħor, fil-forma ta’ impriżi, aġenziji, friegħi jew sussidjarji ( 15 ). Dik l-attività tista’ teħtieġ li jiġi impjegat persunal biex dik l-attività tiġi moqdija u żviluppata, f’liema każ tkun tinkludi relazzjoni tal-impjieg. |
42. |
Fid-dawl tas-suġġett tagħha, jidher li r-regola inkwistjoni hija rilevanti biss għall-ishma li jinvolvu l-eżerċizzju ta’ influwenza definita fit-tifsira tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 36 iktar ’il fuq — bl-iktar eżempju komuni jkunu l-ishma maġġoritarji. Ishma maġġoritarji jippermettu lid-detentur tagħhom li jaġixxi bħala dak li finalment jimpjega l-ħaddiema tal-kumpannija sussidjarja. |
43. |
AGET Iraklis issostni li, imma ma tispjegax għaliex, il-kwistjoni tinvolvi wkoll il-moviment liberu tal-kapital. Fil-fatt, nifhem li f’dan il-każ AGET Iraklis hija sussidjarja ta’ LafargeHolcim, li jfisser li din tal-aħħar għandha l-maġġoranza tal-ishma tal-ewwel. Dawk l-ishma maġġoritarji u, għaldaqstant, l-influwenza definita fuq AGET Iraklis, jeskludu l-applikazzjoni tal-Artikolu 63 TFUE. |
44. |
Hu x’inhu l-każ, meta l-libertà ta’ stabbiliment tkun inkisret, ma jkunx meħtieġ li jiġi kkunsidrat ukoll jekk id-dispożizzjoni fuq il-libertà ta’ moviment tal-kapital inkisirx ukoll ( 16 ). |
45. |
Fid-dawl tal-preċedenti, se nikkunsidra r-regola inkwistjoni mil-lat tal-libertà ta’ stabbiliment. |
2. In-natura restrittiva tar-regola inkwistjoni
46. |
Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 49 TFUE jipprekludi restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment, jiġifieri kull miżura nazzjonali li tista’ xxekkel jew tirrendi inqas attraenti l-eżerċizzju minn ċittadini tal-Unjoni tal-libertà ta’ stabbiliment iggarantita mit-Trattat FUE. Il-kunċett ta’ restrizzjoni jkopri l-miżuri meħudin minn Stat Membru li, għalkemm applikabbli indistintament, jaffettwaw l-aċċess għas-suq għall-impriżi ta’ Stati Membri oħrajn u għalhekk jostakolaw il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni Ewropea ( 17 ). |
47. |
Bħala prinċipju, rekwiżit ta’ informazzjoni minn qabel jikkostitwixxi tali restrizzjoni ( 18 ). Għalkemm dik il-linja ġurisprudenzjali tikkonċerna, essenzjalment, sitwazzjonijiet fejn stabbilimenti twaqqfu pjuttost milli ċċekknu, fil-fehma tiegħi japplika l-istess raġunament. Fil-fatt, fil-proċeduri ewlenin, ir-regola inkwistjoni tillimita l-libertà ta’ impriża li timpjega li tagħti sensji kollettivi peress li, jekk ma tiġix osservata r-regola, it-tkeċċijiet ikunu invalidi. Għalhekk, regola bħal dik tinterferixxi direttament mal-organizzazzjoni interna tal-impriżi u mal-ġestjoni tal-persunal tagħhom u possibbilment tesponi lill-impriżi għar-riskju li joperaw bit-telf. Mhux ta’ b’xejn li l-Gvern Grieg jirrikonoxxi, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li r-regola inkwisjtoni tista’ tkun restrittiva. |
48. |
Barra minn hekk, hemm element transkonfinali ċar: AGET Iraklis hija sussidjarja ta’ LafargeHolcim. Għalhekk, l-argumenti tas-Sindakat tal-Ħaddiema u tal-Gvern Grieg li l-kawża prinċipali tirrigwarda sitwazzjoni għalkollox interna u/jew ipotetika, li tressqu fis-seduta għall-ewwel darba, għandhom jiġu miċħudin ( 19 ). |
49. |
Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati skont id-drittijiet fundamentali kif stabbiliti fil-Karta. ( 20 ) Għalhekk, l-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat skont l-Artikolu 16 tal-Karta, li jistabbilixxi l-libertà tal-intrapriża. Kif jidher ċar mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti bħala gwida għall-interpretazzjoni tal-Karta ( 21 ) li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u l-Artikolu 52(7) tal-Karta, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tagħha, il-libertà tal-intrapriża tinkludi (i) il-libertà biex tiġi eżerċitata attività ekonomika jew kummerċjali; (ii) il-libertà kuntrattwali; u (iii) il-kompetizzjoni libera ( 22 ). |
50. |
Ir-restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment identifikata iktar ’il fuq fil-punt 47 tammonta wkoll għal restrizzjoni fuq l-eżerċizzju tal-libertà tal-intrapriża. Barra minn hekk, tirrestrinġi l-libertà kuntrattwali ta’ min iħaddem, billi jkun meħtieġ li jikseb awtorizzazzjoni anterjuri qabel ma jkun jista’ jittermina kuntratti tal-impjieg. |
3. Ġustifikazzjoni, idonjità u neċessità
a) Rimarki preliminari u kunsiderazzjoni tal-interess pubbliku prevalenti
51. |
Skont id-duttrina Gebhard, ir-restrizzjonijiet għandhom jissodisfaw erba’ kundizzjonijiet sabiex ikunu kompatibbli mad-dritt tal-UE: għandhom jiġu applikati b’mod mhux diskriminatorju, għandhom ikunu ġġustifikati għal raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku; għandhom ikunu idonei biex jiżguraw li jintlaħaq l-għan mixtieq; u ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-għan ( 23 ). |
52. |
Barra minn hekk, isegwi mill-Artikolu 52(1) tal-Karta u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-libertà tal-intrapriża ggarantita mill-Artikolu 16 tal-Karta ma hijiex assoluta, u tista’ tiġi rregolata ( 24 ). |
53. |
Ir-regola inkwistjoni tapplika b’mod li ma huwiex diskriminatorju. Għalhekk, hemm bżonn li jiġi kkunsidrat jekk il-kriterji li jifdal — dwar il-ġustifikazzjoni, l-idonjetà u n-neċessità – humiex issodisfatti, peress li dan l-eżerċizzju, fil-fehma tiegħi, huwa bażikament l-istess wieħed taħt l-Artikolu 49 TFUE u l-Artikolu 16 tal-Karta. |
54. |
Il-Gvern Grieg, appoġġat mis-Sindakat tal-Ħaddiema, isostni li r-regola inkwistjoni hija ġġustifikata għal raġunijiet tal-protezzjoni tal-ħaddiema. |
55. |
Jirriżulta mid-domandi magħmula li l-ewwel domanda trid lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra jekk it-tliet kriterji użati fl-Artikolu 5(3) tal-Liġi Nru 1387/1983 — jiġifieri, il-kundizzjonijiet fis-suq tax-xogħol, is-sitwazzjoni tal-impriża u l-interessi tal-ekonomija nazzjonali — jistgħux jitqiesu li jippromwovu l-protezzjoni tal-ħaddiema b’mod xieraq, u b’mod li ma huwiex sproporzjonat. It-tieni domanda preliminari essenzjalment hija verżjoni kkwalifikata tax-“xenarju bażiku” li hemm fl-ewwel domanda: il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-fatt li hemm kriżi ekonomika akuta akkumpanjata b’rati ta’ qgħad għoljin ħafna ( 25 ) jistax jiġġustifika r-regola inkwistjoni jekk dak ma huwiex diġà il-każ fix-“xenarju bażiku”. |
56. |
Kif jgħid sew is-Sindakat tal-Ħaddiema, mill-perspettiva tal-leġiżlatura tal-UE, jirriżulta mill-Artikolu 9 TFUE li livell għoli ta’ impjiegi u protezzjoni soċjali adegwata huma kunsiderazzjonijiet li l-Unjoni Ewropea għandha tikkunsidra meta tiddefinixxi u timplementa l-politiki u l-attivitajiet tagħha. B’mod korrispondenti, il-protezzjoni tal-ħaddiema tqieset mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala waħda mir-raġunijiet imperattivi fl-interess pubbliku li tista’ tippermetti Stat Membru li jidderoga mid-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu fit-Trattat FUE ( 26 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja, speċifikament, aċċettat li ż-żamma tal-impjieg f’impriżi ta’ daqs żgħir u medju tista’, fit-teorija, tkun aċċettabbli bħala ġustifikazzjoni ( 27 ). |
57. |
Imbagħad, mill-bidu nett, irrid ngħid li, meta tivverifika jekk it-tliet kriterji msemmijin fl-Artikolu 5(3) tal-Liġi Nru 1387/1983 humiex xierqa u ma jmorrux lil hinn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan tal-protezzjoni tal-ħaddiema, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħmel eżerċizzju ta’ bbilanċjar. Fi kliem ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ssib bilanċ bejn il-protezzjoni tal-ħaddiema u l-libertà ta’ stabbiliment ta’ min iħaddem. Bl-istess mod, dan jinvolvi l-ibbilanċjar tal-libertà tal-intrapriża sanċit fl-Artikolu 16 tal-Karta fil-konfront ta’ dispożizzjonijiet oħrajn li hemm fit-Titolu IV tal-Karta (“Solidarjetà”). F’dak li se jsegwi, se nipprova nipprovdi ftit gwida fuq dan. |
b) L-eżerċizzju ta’ bbilanċjar: elementi ta’ riflessjoni
58. |
Qabelxejn, għalkemm l-Artikolu 27 tal-Karta, li jikkonċerna d-dritt tal-ħaddiema għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni fi ħdan l-impriża, jidher li huwa rilevanti mal-ewwel daqqa t’għajn, fil-fatt ma jżid xejn utli fil-kwistjoni: skont is-sentenza Association de médiation sociale, l-Artikolu 27 tal-Karta għandu jiġi mfisser b’mod iktar speċifiku fid-dritt tal-Unjoni jew dak nazzjonali biex dak l-artikolu ikun effettiv għalkollox ( 28 ). Fuq dak il-punt, isegwi mill-ispjegazzjoni awtorevoli dwar dik id-dispożizzjoni (ara l-punt 49 iktar ’il fuq) li dik l-espressjoni speċifika tista’ tinstab, inter alia, fid-Direttiva 98/59. Madankollu, kif intqal fil-bidu, dik id-direttiva ma hijiex rilevanti għal-legalità tar-regola inkwistjoni. Għalhekk, l-Artikolu 27 tal-Karta huwa irrilevanti għall-finijiet tat-test tal-ibbilanċjar li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħmel. Fi kwalunkwe każ, għalkemm is-Sindakat tal-Ħaddiema jargumenta mod ieħor fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, id-digriet tar-rinviju jidher li jindika li saru tentattivi sabiex il-ħaddiema kkonċernati jiġu informati u kkonsultati dwar il-Programm. |
59. |
Imbagħad, meta l‑Kummissjoni ssemmi l-Artikolu 30 tal-Karta dan jidher li huwa rilevanti, billi dik id-dispożizzjoni tipprovdi għall-protezzjoni tal-ħaddiema fil-każ ta’ tkeċċija inġusta. Madankollu, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali, dik id-dispożizzjoni ma tipprovdix obbligi speċifiċi ( 29 ). Fil-fatt, id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Association de médiation sociale tidher f’ħafna aspetti li tapplika wkoll għall-Artikolu 30 tal-Karta. Kull ma nista’ niddeduċi direttament minn kliem l-Artikolu 30 tal-Karta huwa, li minn naħa, ma jiggarantixxix dritt għal impjieg permanenti u, min-naħa l-oħra, li l-kwistjoni essenzjali huwa l-aċċertament ta’ x’jammonta, għall-finijiet ta’ eżerċizzju ta’ ristrutturar, għal “tkeċċija ġusta”. |
60. |
B’mod iktar speċifiku, minbarra li jagħmlu riferiment għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni ta’ impjegati fil-każ tal-insolvenza ta’ min iħaddem u tat-trasferiment ta’ impriżi, li l-ebda waħda ma hija ta’ rilevanza diretta fil-kwistjoni inkunsiderazzjoni, l-ispjegazzjonijiet marbuta mal-Artikolu 30 tal-Karta (ara l-punt 49 iktar ’il fuq) jiddikjaraw li dan l-artikolu “huwa ispirat mill-Artikolu 24 tal-Karta Soċjali [Ewropea] riveduta” ( 30 ). Fl-Appendiċi tal-Karta Soċjali — li, skont l-Artikolu N tagħha, jifforma parti integrali minnha — it-tielet paragrafu tat-taqsima marbuta mal-Artikolu 24 jelenka b’mod mhux eżawrjenti numru ta’ raġunijiet illegali għal tkeċċija. L-ebda raġuni minn dawn ma tikkonċerna tkeċċija għal raġunijiet purament ekonomiċi, u lanqas ma jistgħu jiġu assimilati ma’ tali raġunijiet ( 31 ). |
61. |
F’dawk iċ-ċirkustanzi, jidhirli li l-limitu sabiex jiġi ddeterminat x’tikkostitwixxi “tkeċċija ġusta” ma jistax jitqiegħed fil-għoli żżejjed, billi dan ikollu bħala konsegwenza li impriża tiġi mġiegħla li tissospendi l-pjanijiet ta’ ristrutturar tagħha għal perijodu mhux iddeterminat, bir-riskju li tibqa’ ekonomikament ineffiċjenti. |
62. |
Qabel ma nikkunsidra jekk ir-regola inkwistjoni hijiex xierqa għall-għan tal-protezzjoni tal-ħaddiema u jekk tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dak l-għan, numru ta’ rimarki oħrajn jistgħu jiggwidaw lill-Qorti tal-Ġustizzja meta tagħmel l-eżerċizzju ta’ bbilanċjar tagħha. |
63. |
L-ewwel nett, id-Direttiva 98/59 tirrappreżenta kompromess li ntlaħaq fil-livell tal-UE bejn il-bżonn li l-ħaddiema jiġu protetti u l-kunsiderazzjoni li għandha tingħata lil min iħaddem (ara l-punt 23 iktar ’il fuq). Dan il-kompromess huwa fil-forma ta’ proċedura protettiva (obbligu ta’ stand-still flimkien ma’ perijodu ta’ riflessjoni) li ma taffettwax id-dritt ta’ min iħaddem milli jorganizza mill-ġdid l-impriża li timpjega. Impożizzjoni unilaterali ta’ obbligi addizzjonali fuq min iħaddem, biex b’hekk jitneħħa l-inċentiv tal-ħaddiema sabiex jipparteċipaw f’negozjati ma’ min jimpjega, mingħajr ma jiġi pprovdut ebda mekkaniżmu ta’ salvagwardja kumpensatorju li jikkunsidra s-sitwazzjoni ta’ min iħaddem, tikkrea r-riskju li jinħoloq żbilanċ mil-lat tal-Artikolu 49 TFUE u l-Artikolu 16 tal-Karta. |
64. |
It-tieni nett, u bħala segwitu fuq dak il-punt, anki f’sitwazzjoni ta’ “implementazzjoni żejda”, fis-sentenza Alemo-Herron et, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tibbilanċja reċentement il-protezzjoni tal-ħaddiema mad-drittijiet ta’ min iħaddem fir-rigward tar-regoli tal-Unjoni fuq is-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ li jkun hemm trasferiment ta’ impriżi. Il-kwistjoni kienet jekk dawk ir-regoli tal-Unjoni jipprekludux Stat Membru milli jkun meħtieġ li min iħaddem privat, li jieħu impjegati minn min iħaddem fis-settur pubbliku, isegwi l-ftehim kollettiv tas-settur pubbliku applikabbli stipulat fil-kuntratt ta’ impjieg oriġinali (protezzjoni “dinamika”), filwaqt li ma jkollu l-ebda vuċi fuq il-medja tan-negozjati. L-Avukat Ġenerali ssuġġerixxa li jiġi adottat l-approċċ li tkun il-qorti nazzjonali li tiddeċiedi jekk dan kienx ksur tal-Artikolu 16 tal-Karta. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex eżitazzjonijiet: hija ddeċidiet li kien hemm ksur, peress li tali rekwiżit naqqas serjament il-libertà kuntrattwali ta’ min iħaddem b’mod li affettwa negattivament l-essenza stess tal-libertà tal-intrapriża ( 32 ). |
65. |
L-aħħar punt dwar l-eżerċizzju tal-ibbilanċjar li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħmel ċertament huwa l-iktar deċiżiv: il-libertà ta’ stabbiliment ma tistax tiġi llimitata għad-dritt biss għall-impriżi li jistabbilixxu ruħhom fi Stati Membri oħrajn. Biex din il-libertà tkun verament effettiva, għandha tagħti wkoll grupp ekonomiku transkonfinali id-dritt li jċekken u, fl-aħħar mill-aħħar, ixolji stabbiliment fi Stat Membru. Fi kliem ieħor, biex iħalli lil Stat Membru ( 33 ) — anki jekk dan huwa sempliċiment sabiex titwettaq attività ekonomika fi Stat Membru fejn hemm iktar qligħ ( 34 ). |
c) It-tliet kriterji kkunsidrati f’iżolament
66. |
Issa, fir-rigward tat-tliet kriterji stabbiliti fl-Artikolu 5(3) tal-Liġi Nru 1387/1983, l-ewwel kriterju jirrigwarda l-interess tal-ekonomija nazzjonali. Bħall-Kummissjoni, nemmen li kriterju bħal dak jinvolvi għan purament ekonomiku li ma jistax jiġġustifika r-restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment (u lanqas il-libertà tal-intrapriża) ( 35 ). |
67. |
Iż-żewġ kriterji li jibqa’, dwar il-kundizzjonijiet fis-suq tax-xogħol u s-sitwazzjoni tal-impriża, ma għandhomx l-istess difett. Madankollu, fil-fehma tiegħi, li wieħed jirrikorri għal dawk il-kriterji la huwa xieraq biex jintlaħaq l-għan tal-protezzjoni tal-ħaddiema, u lanqas ma huwa limitat għal dak li huwa strettament meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-għan. |
68. |
Fir-rigward tal-idonjità tal-kriterju dwar il-kundizzjonijiet fis-suq tax-xogħol, bħala illustrazzjoni, xenarju kontrofattwali jista’ jkun eżempju utli. Għaliex fil-fatt, ma huwiex diffiċli li jiġi immaġinat x’jista’ jiġri f’każ ta’ rifjut amministrattiv biex isiru t-tkeċċijiet. Fil-każ li l-ineffiċjenza ekonomika tal-impriża li timpjega ikkawżata b’tali rifjut tagħmilha insolventi, dik l-impriża jkollha inċentiva ċara li tibda proċeduri għall-ħall u l-istralċ tagħha, fejn wara ma tkunx iktar marbuta bid-Direttiva 98/59 ( 36 ) u, presumibbilment, ma jkollhiex il-fondi meħtieġa biex tħallas lill-ħaddiema kkonċernati fil-każ li r-regola inkwistjoni tibqa’ tapplika għal sitwazzjoni bħal dik. Inċidentalment, dak jipperikola wkoll l-impjiegi ta’ dawk il-ħaddiema li ma ngħatawx is-sensja. Għaldaqstant, niddubita kemm ir-regola inkwistjoni tista’ tikkontribwixxi, b’xi mod sinjifikattiv, għat-tnaqqis fir-rata tal-qgħad. |
69. |
Fi kwalunkwe każ, il-kriterju relatat mas-suq tax-xogħol li, kif qed nifhem jien, essenzjalment jirrigwarda ċ-ċifri tal-qgħad, ma huwiex idoneu biex jintlaħaq l-għan li tiġi żgurata l-istabbiltà tal-impjiegi għall-ħaddiema. Fil-fatt, ma jipprovdix rimedju għall-problemi li jagħmlu s-sitwazzjoni tal-ħaddiema kkonċernati inċerta. Essenzjalment, jammonta għaċ-ċaħda tad-dritt ta’ min iħaddem li jittermina relazzjoni ta’ impjieg għar-raġuni li ġeneralment ma huwiex deżiderabbli li jkun hemm iktar nies qiegħda. |
70. |
Fuq kemm huwa idonju l-kriterju dwar is-sitwazzjoni tal-impriża, l-argument li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jistgħu jkunu iktar adattati mill-persuni fil-ġestjoni ta’ dik l-impriża biex jiddeterminaw x’inhu l-iktar xieraq fis-sitwazzjoni tagħha jidhirli li huwa kemxejn sorprendenti. Fi kwalunkwe każ, ma narax li huwa xieraq li l-ħaddiema jiġu protetti billi l-awtorità titħalla twarrab id-deċiżjonijiet kummerċjali li jittieħdu, fl-aħħar mill-aħħar, mill-impriża li qed timpjega. |
71. |
Barra minn hekk, kif sostniet il-Kumpannija, il-kriterji statutorji ma humiex ċari u jagħtu diskrezzjoni eċċessivament wiesgħa lill-amministrazzjoni b’detriment għaċ-ċertezza legali ta’ min iħaddem. Fil-fatt, dan jidher li mill-bidu nett ixejjen kull tentattiv possibbli sabiex jitlaħaq ftehim bonarju bejn dawk li jħaddmu u l-ħaddiema billi jitneħħa l-bżonn għan-negozjati – kif tixhed il-kwistjoni li qed tiġi eżaminata. Setgħet kienet alternattiva l-elenkar tat-tipi ta’ tkeċċijiet ikkunsidrati bħala mhux ġustifikati, bħal fil-każ tal-lista li tidher fit-tielet paragrafu tal-Appendiċi tal-Karta Soċjal fir-rigward tal-Artikolu 24 tagħha. |
72. |
Għall-kompletezza, kif il-Gvern Grieg jindika b’mod korrett fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, meta l-Istati Membri jadottaw miżura li tidderoga mill-prinċipju sanċit fid-dritt tal-UE, għandhom juru f’kull każ individwali li l-miżura tikkonforma mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, u jakkumpanjaw ir-raġunament tagħhom b’analiżi tagħha u b’evidenza speċifika li tissustanzja l-argumenti mressqa ( 37 ). Biżżejjed jingħad f’dan il-kuntest li jiena ma nikkunsidrax li l-Gvern Grieg ipprovda lill-Qorti tal-Ġustizzja b’tali analiżi u b’evidenza biex jissostanzja l-pretenzjoni li jagħmel li r-regola inkwistjoni fil-fatt tipproteġi lill-ħaddiema. |
73. |
Fil-fatt, meta ssir restrizzjoni fuq il-possibbiltà ta’ min iħaddem li jkeċċi l-ħaddiem kollettivament, ir-regola inkwistjoni tagħti biss l-impressjoni li tipproteġi l-ħaddiema. Għaliex l-ewwel nett, dik il-protezzjoni hija temporanja biss sakemm min iħaddem isir insolventi. Iżda iktar importanti minn hekk, il-ħaddiema jiġu protetti l-aħjar minn ambjent ekonomiku li jħeġġeġ impjieg stabbli. Mil-lat storiku, l-idea li r-relazzjonijiet ta’ impjieg jinżammu artifiċjalment, minkejja bażi ekonomika defiċjenti, ġiet ippruvata u falliet f’ċerti ġurisdizzjonijiet ewlenin magħrufa ħafna. Dak jipprovdi konferma li, meta stabbiliet proċedura protettiva effettiva imma flessibbli, id-Direttiva 98/59 tipprovdi protezzjoni ġenwina għall-ħaddiema, filwaqt li sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel bħal dik inkwisjtoni, li mhux ta’ b’xejn taqa’ ’l barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, dan ma tagħmlux. |
74. |
Dan iwassalni biex nikkonkludi li, fil-kwistjoni li qed nikkunsidraw, l-idea ta’ eżerċizzju ta’ bbilanċjar hija fil-fatt żbaljata: il-protezzjoni tal-ħaddiema kkonċernati ma tmurx kontra l-libertajiet ta’ stabbiliment u d-dritt tal-intrapriża. |
75. |
Għaldaqstant nikkunsidra li r-regola inkwistjoni ma hijiex xierqa biex jintlaħaq l-għan tal-protezzjoni tal-ħaddiema. Barra minn hekk, għall-istess raġunijiet, jiena nikkunsidra li fi kwalunkwe każ tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jiġu protetti l-ħaddiema. |
d) Konklużjoni provviżorja
76. |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, jiena nikkunsidra li r-regola inkwistjoni ma hijiex xierqa biex tipproteġi l-ħaddiema u, fi kwalunkwe każ, tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex tipproteġi dak l-għan. |
e) L-isfond li jikkonsisti minn kriżi ekonomika akuta u rati għoljin ħafna ta’ qgħad
77. |
Fl-aħħar nett, dwar it-tieni domanda magħmula dwar jekk il-preżenza ta’ kriżi ekonomika akuta akkumpanjata b’rati ta’ qgħad mhux tas-soltu u estremament għoljin tistax tibdel ir-risposta negattiva mogħtija għall-ewwel domanda, ir-risposta tiegħi għal darba oħra hija “le”. |
78. |
Dawk iċ-ċirkustanzi, għalkemm b’mod ċar huma serji ħafna, ma jistgħux jiġġustifikaw ir-restrizzjoni tal-libertajiet ta’ stabbiliment u li jitmexxa negozju meta l-kriterji statutorji ma jistgħux jagħmlu hekk minnhom innifishom. |
79. |
Barra minn hekk, hemm diversi raġunijiet oħra għaliex dawk iċ-ċirkustanzi ma jistgħux jibdlu dak ir-riżultat. L-ewwel nett, kriżi ekonomika akuta u rati ta’ qgħad għoljin ħafna jammontaw fihom innifishom — tal-inqas parzjalment — għal fatturi purament ekonomiċi. It-tieni nett, b’riferiment għall-ġurisprudenza li tirrigwarda d-Direttiva 98/59, ngħid li l-effetti soċjoekonomiċi li jirriżultaw minn sensji kollettivi jinħassu f’kuntest lokali u f’ambjent soċjali partikolari, mhux fil-livell nazzjonali ( 38 ). It-tielet nett, ma hemmx għalfejn wieħed jaħseb li kriżi ekonomika severa ma taffettwax lin-negozji bl-istess mod bħall-ħaddiema. |
80. |
Li jwassalni għall-aħħar punt tiegħi: b’żieda ma’ dak li għedt iktar ’il fuq fil-punt 61, u kif tgħid il‑Kummissjoni, fi żminijiet ta’ kriżi, huwa daqstant ieħor importanti li jitnaqqsu l-fatturi kollha li jiddisswadu impriżi ġodda milli jinvestu, billi l-effiċjenza ekonomika tista’ tgħin biex tistimula l-ħolqien tax-xogħol u t-tkabbir ekonomiku. Nippreżumi li dik hija r-raġuni għaliex il-Greċja, bħala kundizzjoni għall-assistenza finanzjarja pprovduta mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà, aċċettat li “tagħmel reviżjonijiet rigorużi u modernizzazzjoni ta’ negozjati kollettivi, azzjoni industrijali u, skont id-direttiva tal-UE rilevanti u l-aħjar prattika, it-tkeċċijiet kollettivi, skont l-iskeda taż-żmien u l-approċċ miftiehem mal-Istituzzjonijiet. Fuq il-bażi ta’ dawk ir-reviżjonijiet, il-politiki tas-suq tax-xogħol għandhom jiġu allinjati mal-aħjar prattiċi internazzjonali u Ewropej, u ma għandhomx jinvolvu ritorn lejn modalitajiet ta’ politika tal-imgħoddi li ma humiex kompatibbli mal-għanijiet tal-promozzjoni ta’ tkabbir sostenibbli u inklużiv” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 39 ). |
f) Konklużjoni finali
81. |
Mir-raġunijiet msemmjin iktar ’il fuq isegwi li nikkunsidra li l-Artikolu 49 TFUE, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 16 tal-Karta, jipprekludi dispożizzjoni bħar-regola inkwistjoni. Il-fatt li l-Istat Membru kkonċernat jista’ jkun għaddej minn kriżi ekonomika akuta, akkumpanjata minn rati ta’ qgħad għoljin ħafna, dan ma jaffettwahx. |
IV – Konklużjoni
82. |
Fuq il-bażi ta’ dak li ngħad iktar ’il fuq, jiena nikkunsidra li d-domandi magħmula għandhom jingħataw risposta fis-sens li, b’interpretazzjoni korretta, l-Artikolu 49 TFUE, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 16 tal-Karta, jipprekludi dispożizzjoni bħall-Artikolu 5(3) tan-Nomos Nru 1387/1983 Elenchos omadikon apolyseon kai alles diataxeis (Liġi Nru 1387/1983 dwar ir-reviżjoni tat-tkeċċijiet kollettivi u dispożizzjonijiet oħra), tat-18 ta’ Awwissu 1983 (FEK A’ 110/18-19.8.1983), li jeħtieġ lil min iħaddem li jikseb awtorizzazzjoni amministrattiva qabel ma jingħataw sensji kollettivi, u li din l-awtorizzazzjoni tkun tiddependi fuq il-kundizzjonijiet fis-suq tax-xogħol, is-sitwazzjoni tal-impriża u l-interessi tal-ekonomija nazzjonali. Dan ma huwiex affettwat mill-fatt li l-Istat Membru kkonċernat jista’ jkun għaddej minn kriżi ekonomika akuta, akkumpanjata minn rati ta’ qgħad għoljin ħafna. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE, tal-20 ta’ Lulju 1998, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar redundancies kollettivi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu Vol. 3, p. 327).
( 3 ) FEK A’ 110/18-19.8.1983.
( 4 ) Ara s-sentenza tal-15 ta’ Frar 2007f’Athinaïki Chartopoïïa, C‑270/05, EU:C:2007:101, punt 37.
( 5 ) Sentenza tad-9 ta’ Lulju 2015f’Balkaya, C‑229/14, EU:C:2015:455, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 6 ) Sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009f’Akavan Erityisalojen Keskusliitto AEK et, C‑44/08, EU:C:2009:533, punti 39, 47 u 48.
( 7 ) Ara, f’dak is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 1995, Rockfon, C‑449/93, EU:C:1995:420, punt 21.
( 8 ) Ara, f’dak is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, Agorastoudis et, C‑187/05 sa C‑190/05, EU:C:2006:535, punti 35 u 36 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 9 ) Dan jirriżulta mill-fatt li, b’differenza mit-test adottat finalment mill-Kunsill, l-Artikolu 3 tal-proposta oriġinali tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Novembru 1972 għad-Direttiva tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri marbuta mat-tkeċċijiet [COM(72) 1400] inkluda speċifikament is-setgħa tal-awtorità kompetenti li tirrifjuta li tawtorizza t-tkeċċijiet innotifikati kollha jew parti minnhom. Il-kummentaturi nnotaw li ċerti Stati Membri kienu kontra l-għoti ta’ dik is-setgħa lill-awtoritajiet pubbliċi, ara Freedland, M.R., ‘Employment Protection: Redundancy Procedures and the EEC’, Industrial Law Journal, Vol. 5-6, Oxford University Press, Oxford, 1976, p. 27.
( 10 ) F’dak ir-rigward, il-każ inkunsiderazzjoni għandu b’hekk jiġi ddifferenzjat miċ-ċirkustanzi tas-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2009, Mono Car Styling, C‑12/08, EU:C:2009:466, punti 35 u 36; u tat‑18 ta’ Lulju 2013, Alemo-Herron et, C‑426/11, EU:C:2013:521, punt 36. F’dan l-aħħar każ, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat — fir-rigward ta’ direttiva ta’ protezzjoni tal-impjieg simili — li miżuri ta’ “implementazzjoni żejda” għandhom jikkonformaw mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
( 11 ) Sentenza tat-13 ta’ Marzu 2014, Bouanich, C‑375/12, EU:C:2014:138, punt 24.
( 12 ) Sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010f’Idryma Typou, C‑81/09, EU:C:2010:622, punti 47 u 48 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 13 ) Sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010f’Idryma Typou, C‑81/09, EU:C:2010:622, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 14 ) Sentenza tat-13 ta’ Novembru 2012, Test Claimants in the FII Group Litigation, C‑35/11, EU:C:2012:707, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 15 ) Ara, f’dak is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Novembru 1995f’Gebhard, C‑55/94, EU:C:1995:411, punt 23.
( 16 ) Ara, bħala eżempju, is-sentenza tat-18 ta’ Novembru 1999f’X u Y, C‑200/98, EU:C:1999:566, punt 30.
( 17 ) Sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2015f’Grupo Itevelesa et, C‑168/14, EU:C:2015:685, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 18 ) Sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2013f’Venturini et, C‑159/12 sa C‑161/12, EU:C:2013:791, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 19 ) Waqt is-seduta ġie diskuss ukoll jekk ir-regola inkwistjoni kinitx tirrestrinġi d-dritt ta’ stabbiliment ta’ LafargeHolcim jew ta’ AGET Iraklis. Iżda, billi jappartjenu għall-istess unità ekonomika, jidhirli li dik id-diskussjoni hija immaterjali.
( 20 ) Fi kwalunkwe każ, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tipprovdi risposta utli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tkun rikjesta li tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-UE li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fid-domandi tagħha, ara s-sentenza tas-26 ta’ Mejju 2016Kohll u Kohll-Schlesser, C‑300/15, EU:C:2016:361, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 21 ) ĠU 2007 C 303, p. 17.
( 22 ) Ara, b’analoġija, inter alia, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Alemo-Herron et, C‑426/11, EU:C:2013:521, punti 30 sa 32 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll “Freedom to conduct a business: exploring the dimensions of a fundamental right”, Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, Awwissu 2015, p. 21.
( 23 ) Ara s-sentenzi tat-30 ta’ Novembru 1995, Gebhard, C‑55/94, EU:C:1995:411, punt 37 u, f’dak is-sens, tat-22 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑438/08, EU:C:2009:651, punt 46.
( 24 ) Skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-dritt tal-intrapriża “għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ [dik il-libertà]. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn”. Ara wkoll is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2012, Deutsches Weintor, C‑544/10, EU:C:2012:526, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 25 ) Skont id-digriet tar-rinviju, ir-rata tal-qgħad fil-Greċja għall-2013 kienet ta’ 27.3 %. Il-Gvern Grieg iżid jgħid, fl-osservazzjonijiet tiegħu, li r-rati għall-2008 u l-2014 kienu, rispettivament, 7.8 % u 26.5 %.
( 26 ) Ara s-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2007, International Transport Workers’ Federation u Finnish Seamen’s Union, C‑438/05, EU:C:2007:772, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 27 ) Ara s-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2007Geurts u Vogten, C‑464/05, EU:C:2007:631, punt 26.
( 28 ) Sentenza tal-15 ta’ Jannar 2014, C‑176/12, EU:C:2014:2, punt 45.
( 29 ) Ara s-sentenzi tal-4 ta’ Diċembru 2013 fis-sentenza ETF vs Schuerings, T‑107/11 P, EU:T:2013:624, punt 100; u fis-sentenza ETF vs Michel, T‑108/11 P, EU:T:2013:625, punt 101.
( 30 ) L-Artikolu 24 tal-Karta Soċjali Ewropea (Riveduta) (“Id-dritt għall-protezzjoni f’każijiet ta’ terminazzjoni tal-impjieg), tat-3 ta’ Mejju 1996, ETS Nru 163, jipprovdi, inter alia, li “sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv tad-dritt tal-ħaddiema għall-protezzjoni f’każijiet ta’ terminazzjoni tal-impjieg, il-Partijiet huma impenjati li jirrikonoxxu: (a) id-dritt tal-ħaddiema kollha li ma jkollhomx l-impjieg tagħhom itterminat mingħajr raġunijiet validi għal tali terminazzjoni minħabba l-kapaċità jew l-aġir tagħhom jew minħabba r-rekwiżiti operattivi tal-impriża, stabbiliment jew servizz; (b) id-dritt tal-ħaddiema li l-impjieg tagħhom jiġi tterminat mingħajr raġuni valida għal kumpens adegwat jew għajnuna xierqa oħra” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
( 31 ) Ir-raġunijiet mhux iġġustifikati għal tkeċċija stabbiliti fl-Appendiċi tal-Karta Soċjali Ewropea riveduta huma dawn: (a) sħubija f’sindakat jew parteċipazzjoni f’attivitajiet sindakali barra l-ħinijiet tax-xogħol, jew, bil-kunsens ta’ min iħaddem, fil-ħinijiet tax-xogħol; (b) li wieħed jipprova jiġi elett bħala, jaġixxi jew ikun aġixxa fil-kapaċità ta’, rappreżentant tal-ħaddiema; (c) it-tressiq ta’ lment jew il-parteċipazzjoni fi proċeduri kontra min iħaddem li jinvolvi ksur allegat ta’ liġijiet jew regolamenti jew li jirrikorri lejn awtoritajiet amministrattivi kompetenti; (d) razza, kulur, sess, status konjugali, responsabbiltajiet tal-familja, tqala, reliġjon, opinjoni politika, oriġini nazzjonali jew soċjali; (e) leave tal-maternità jew tal-ġenituri; (f) assenza temporanja mix-xogħol minħabba mard jew korriment [traduzzjoni mhux uffiċjali].
( 32 ) Sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, C‑426/11, EU:C:2013:521, punt 36, imqabbla mal-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón f’dak il-każ (C‑426/11, EU:C:2013:82, punti 55 u 57).
( 33 ) Ara, fuq din il-kwistjoni, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio,C‑210/06, EU:C:2008:723, punt 113.
( 34 ) B’mod kurjuż, u kuntrarjament għall-ESA (li, insostenn tal-fehma tagħha, qagħdet fuq is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2007, Columbus Container Services, C‑298/05, EU:C:2007:754, punt 33), fuq dan il-punt il‑Kummissjoni argumentat, waqt is-seduta, li l-libertà tal-istabbiliment ma hijiex imfixkla meta, minn naħa, impriża tiġi prekluża milli tħalli l-Istat Membru ta’ stabbiliment sabiex tagħmel profitt x’imkien ieħor. Min-naħa l-oħra, il‑Kummissjoni argumentat li din il-libertà hija ristretta meta l-impriża ma tistax sempliċiment tagħlaq l-istabbiliment tagħha u tmur xi mkien ieħor. Jiena nqis dik id-distinzjoni artifiċjali u, fi kwalunkwe każ, mhux fattibbli.
( 35 ) Ara, inter alia, is-sentenza tal-24 ta’ Marzu 2011Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑400/08, EU:C:2011:172, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 36 ) Ara, f’dak is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2011Claes et, C‑235/10 to C‑239/10, EU:C:2011:119, punt 58.
( 37 ) Sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2012, Caves Krier Frères, C‑379/11, EU:C:2012:798, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 38 ) Ara s-sentenza tat-30 ta’ April 2015USDAW u Wilson, C‑80/14, EU:C:2015:291, punti 51 u 64 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 39 ) Stqarrija tal-Euro Summit [Laqgħa Għolja Ewropea] tat-12 ta’ Lulju 2015 (referenza tad-dokument SN 4070/15), p. 3, irratifikata mill-Greċja bħala Liġi Nru 4334/2015 dwar arranġamenti urġenti għan-negozjar u l-konklużjoni ta’ ftehim mal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà, Gazzetta Uffiċjali, vol. A 80 tas-16 ta’ Lulju 2015, p. 755 (verżjoni Ingliża p. 748).