Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CN0310

    Kawża C-310/14: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Helsingin hovioikeus (ir-Repubblika tal-Finlandja) fit- 30 ta’ Ġunju 2014 – Nike European Operations Netherlands BV vs Sportland Oy, fi stralċ

    ĠU C 292, 1.9.2014, p. 19–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    1.9.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 292/19


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Helsingin hovioikeus (ir-Repubblika tal-Finlandja) fit-30 ta’ Ġunju 2014 – Nike European Operations Netherlands BV vs Sportland Oy, fi stralċ

    (Kawża C-310/14)

    2014/C 292/24

    Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż

    Qorti tar-rinviju

    Helsingin hovioikeus

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: Nike European Operations Netherlands BV

    Konvenuta: Sportland Oy, fi stralċ

    Domandi preliminari

    1)

    L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kliem “dak l-att fil-każ relevanti” jfissru li l-att ma jistax jiġi kkontestat, meta jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża?

    2)

    Jekk ir-risposta għad-domanda 1) hija affermattiva u jekk il-konvenut f’tali azzjoni invoka d-dispożizzjoni ta’ liġi fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 13, li jipprovdi li l-ħlas ta’ dejn li għandu jitħallas jista’ jiġi kkontestat biss fiċ-ċirkustanzi li huma previsti fih u li ma humiex elenkati fl-azzjoni mressqa taħt il-liġi tal-Istat fejn inbdew il-proċeduri ta’ insolvenza,

    (i)

    hemm raġunijiet li jipprekludu li l-Artikolu 13 jiġi interpretat fis-sens li l-parti li tikkontesta l-att għandha, wara li ssir taf b’din id-dispożizzjoni, tinvoka dawn iċ-ċirkustanzi jekk, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru fejn inbdew il-proċeduri ta’ insolvenza, hija marbuta tispjega ċ-ċirkustanzi kollha li fuqhom tkun ibbażata l-azzjoni kkontestata, jew

    (ii)

    huwa neċessarju li l-konvenut juri li dawn iċ-ċirkustanzi ma kinux jeżisti f’din il-kawża u li, konsegwentement, skont il-dispożizzjoni inkwistjoni, il-kontestazzjoni hija impossibbli, mingħajr ma l-parti li tikkontesta l-att ma tkun marbuta tinvoka b’mod speċjali dawn iċ-ċirkustanzi?

    3)

    Irrispettivament mir-risposta għall-domanda 2(i), l-Artikolu 13 għandu jiġi interpretat fis-sens li

    (i)

    huwa l-konvenut li għandu l-oneru tal-prova li ċ-ċirkustanzi msemmija fid-dispożizzjoni ma jeżistux f’din il-kawża, jew

    (ii)

    l-oneru tal-prova dwar l-eżistenza ta’ dawn iċ-ċirkustanzi jista’ jiġi ddeterminat skont il-liġi applikabbli għall-att, li hija dik ta’ Stat Membru differenti minn dak tal-ftuħ tal-proċedura u li tipprovdi li l-oneru tal-prova hija l-parti li tikkontesta l-att, jew

    (iii)

    l-Artikolu 13 jista’ wkoll jiġi interpretat fis-sens li din id-domanda tal-oneru tal-prova hija rregolata skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali tal-Istat tal-forum?

    4)

    L-Artikolu 13 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kliem “ma tippermettix xi meżżi biex jiġi disputat dak l-att” ikopru, minbarra d-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar l-insolvenza, li għaliha huwa suġġett l-att, ukoll id-dispożizzjonijiet u l-prinċipji ġenerali ta’ din il-liġi, applikabbli għall-att?

    5)

    Jekk ir-risposta tad-domanda 4) hija affermattiva,

    (i)

    l-Artikolu 13 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konvenut għandu juri li l-liġi fis-sens tal-Artikolu 13 ma tinkludix dispożizzjonijiet jew prinċipji ġenerali jew oħrajn, li skonthom kontestazzjoni abbażi ta’ punti ta’ fatt hija possibbli u

    (ii)

    skont l-Artikolu 13, qorti tista’, meta hija tikkunsidra li l-konvenut ikun ippreżenta spjegazzjonijiet suffiċjenti dwar is-suġġett, tqis li l-parti l-oħra għandha tipproduċi l-prova ta’ dispożizzjoni jew ta’ prinċipju tal-leġiżlazzjoni fil-qasam ta’ falliment jew tal-liġi ġenerali applikabbli għall-att, li huma ta’ Stat Membru ieħor minbarra l-Istat tal-ftuħ tal-proċeduri fis-sens tal-Artikolu 13, li tipprovdi li l-kontestazzjoni hija madankollu possibbli?


    (1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191).


    Top