This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62014CJ0525
Judgment of the Court (Second Chamber) of 22 September 2016.#European Commission v Czech Republic.#Failure of a Member State to fulfil obligations — Free movement of goods — Article 34 TFEU — Quantitative restrictions on imports — Measures having equivalent effect — Precious metals hallmarked in a third country in accordance with Netherlands legislation — Import into the Czech Republic after being put into free circulation — Refusal to recognise the hallmark — Consumer protection — Proportionality — Admissibility.#Case C-525/14.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-22 ta’ Settembru 2016.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ċeka.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Moviment liberu tal-merkanzija – Artikolu 34 TFUE – Restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni – Miżuri li għandhom effett ekwivalenti – Metalli prezzjużi mbollati f’pajjiż terz b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni Olandiża – Importazzjoni fir-Repubblika Ċeka wara rilaxx għal ċirkulazzjoni libera – Rifjut ta’ rikonoxximent ta’ boll – Protezzjoni tal-konsumaturi – Proporzjonalità – Ammissibbiltà.
Kawża C-525/14.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-22 ta’ Settembru 2016.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ċeka.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Moviment liberu tal-merkanzija – Artikolu 34 TFUE – Restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni – Miżuri li għandhom effett ekwivalenti – Metalli prezzjużi mbollati f’pajjiż terz b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni Olandiża – Importazzjoni fir-Repubblika Ċeka wara rilaxx għal ċirkulazzjoni libera – Rifjut ta’ rikonoxximent ta’ boll – Protezzjoni tal-konsumaturi – Proporzjonalità – Ammissibbiltà.
Kawża C-525/14.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:714
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
22 ta’ Settembru 2016 ( *1 )
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Moviment liberu tal-merkanzija — Artikolu 34 TFUE — Restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni — Miżuri li għandhom effett ekwivalenti — Metalli prezzjużi mbollati f’pajjiż terz b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni Olandiża — Importazzjoni fir-Repubblika Ċeka wara rilaxx għal ċirkulazzjoni libera — Rifjut ta’ rikonoxximent ta’ boll — Protezzjoni tal-konsumaturi — Proporzjonalità — Ammissibbiltà”
Fil-Kawża C‑525/14,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fl-20 ta’ Novembru 2014,
Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Němečková kif ukoll minn E. Manhaeve u G. Wilms, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, T. Müller u J. Vláčil kif ukoll minn J. Očková, bħala aġenti,
konvenuta,
sostnuta minn:
Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn D. Colas u R. Coesme, bħala aġenti,
intervenjenti,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, C. Toader, A. Rosas, A. Prechal u E. Jarašiūnas (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Frar 2016,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ Mejju 2016,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi rrifjutat li tirrikonoxxi ċerti bolol ta’ garanzija Olandiżi, b’mod partikolari l-bolol tal-uffiċċju ta’ garanzija WaarborgHolland (iktar ’il quddiem, il-“bolol ta’ garanzija ta’ WaarborgHolland”), ir-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 34 TFUE. |
Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
2 |
Billi qieset li l-prattika tal-Puncovní úřad (uffiċċju ta’ garanzija, ir-Repubblika Ċeka, iktar ’il quddiem, l-“uffiċċju ta’ garanzija Ċek”), li tirrifjuta li tirrikonoxxi l-bolol ta’ garanzija ta’ WaarborgHolland, uffiċċju ta’ garanzija indipendenti stabbilit fil-Pajjiżi l-Baxxi u li għandu fergħat fi Stati terzi u, konsegwentement, li teżiġi l-imbollar fuq il-metalli prezzjużi kkonċernati ta’ boll ta’ garanzija Ċek addizzjonali, kienet tmur kontra l-Artikolu 34 TFUE, permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Settembru 2011, il-Kummissjoni intimat lir-Repubblika Ċeka tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha. |
3 |
Fl-ittra ta’ risposta tagħha tat-30 ta’ Novembru 2011, ir-Repubblika Ċeka ma kkontestatx ir-rifjut ta’ rikonoxximent tagħha ta’ dawn il-bolol. Madankollu, dan l-Istat Membru sostna, essenzjalment, li din il-kawża tirrigwarda l-moviment liberu tas-servizzi u mhux dak tal-merkanzija, u li dan ir-rifjut ta’ rikonoxximent kien iġġustifikat minħabba l-impossibbiltà li ssir distinzjoni, fost l-imsemmija bolol, bejn dawk imbollati barra t-territorju tal-Unjoni Ewropea u dawk imbollati fit-territorju tal-Unjoni Ewropea. |
4 |
Wara li eżaminat l-argumenti tar-Repubblika Ċeka inklużi f’din l-ittra, fit-30 ta’ Mejju 2013, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika Ċeka, li fiha hija nnotat li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-merkanzija huma applikabbli għal oġġetti rrilaxxati fiċ-ċirkulazzjoni libera fl-Unjoni, u, għaldaqstant, għal oġġetti li joriġinaw minn Stati terzi u li ġew regolarment importati fi Stat Membru b’mod konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 29 TFUE. Il-Kummissjoni stiednet lir-Repubblika Ċeka sabiex tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha mal-Artikolu 34 TFUE fi żmien xahrejn mid-data li fiha hija tirċievi l-imsemmija opinjoni. |
5 |
Fl-ittra ta’ risposta tagħha tat-23 ta’ Lulju 2013, ir-Repubblika Ċeka żammet il-pożizzjoni tagħha, filwaqt li enfasizzat, b’mod partikolari, li r-rifjut ta’ rikonoxximent tal-bolol ta’ garanzija ta’ WaarborgHolland kien iġġustifikat mill-ħtieġa li l-konsumaturi jiġu protetti. Peress li ma kinitx issodisfatta b’din ir-risposta, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors. |
6 |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Frar 2015, ir-Repubblika Franċiża talbet li tiġi awtorizzata tintervjeni f’din il-kawża insostenn tal-konklużjonijiet tar-Repubblika Ċeka. Permezz ta’ deċiżjoni tat-24 ta’ Marzu 2015, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ din it-talba. |
Fuq it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali
7 |
Wara li ġew ippreżentati l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Mejju 2016, ir-Repubblika Ċeka talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, billi sostniet, essenzjalment li “parti sostanzjali [ta’ dawn il-konkloużjonijiet] huma bbażati fuq diversi suppożizzjonijiet żbaljati”. |
8 |
Madankollu, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jipprevedux il-possibbiltà, għall-partijiet, li jippreżentaw osservazzjonijiet b’risposta għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (sentenzi tas-17 ta’ Lulju 2014, Il‑Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑335/12, EU:C:2014:2084, punt 45, u tal-4 ta’ Mejju 2016, Il‑Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑346/14, EU:C:2016:322, punt 23). |
9 |
Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx diskuss mill-partijiet. |
10 |
F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, tikkunsidra li għandha l-elementi kollha meħtieġa sabiex tiddeċiedi u li l-kawża ma għandhiex tiġi eżaminata fid-dawl ta’ fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tagħha jew fid-dawl ta’ argument li ma ġiex diskuss quddiemha. |
11 |
Konsegwentement, ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura. |
Fuq ir-rikors
Fuq l-ammissibbiltà
L-argumenti tal-partijiet
12 |
Ir-Repubblika Ċeka tqajjem l-inammissibbiltà tar-rikors sa fejn jiġi allegat ksur tal-Artikolu 34 TFUE fir-rigward ta’ “ċerti bolol ta’ garanzija Olandiżi”. Din l-espressjoni, kif ukoll il-kliem “b’mod partikolari” użati mill-Kummissjoni fil-konklużjonijiet tagħha, jindikaw li s-suġġett tat-tilwima jirrigwarda wkoll bolol oħra ta’ garanzija Olandiżi, minbarra dawk ta’ WaarborgHolland. Issa, matul il-proċedura prekontenzjuża u fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni pprovat tistabbilixxi biss in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat minnha fir-rigward tal-bolol ta’ garanzija ta’ WaarborgHolland. F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li t-tilwima tirrigwarda, b’mod astratt, in-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ metalli prezzjużi li għalihom ma huwiex possibbli li jiġi stabbilit jekk ġewx imbollati fi Stat terz jew fit-territorju tal-Unjoni. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li hemm nuqqas ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni fir-rikors u li, għalhekk, ir-rikors huwa ammissibbli biss sa fejn huwa jirrigwarda l-bolol ta’ garanzija ta’ WaarborgHolland. |
13 |
Il-Kummissjoni ssostni li r-rikors tagħha huwa ammissibbli fl-intier tiegħu. Fl-ittra ta’ intimazzjoni, hija indikat b’mod ġenerali lir-Repubblika Ċeka li, skont l-Artikolu 34 TFUE, hija kellha l-obbligu taċċetta l-merkanzija li, minn naħa, tkun ġiet ikkontrollata u mmarkata b’bolla skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru fiż-Żona Ekonomika Ewropea (EEE) u, min-naħa l-oħra, tkun ġiet ikkummerċjalizzata legalment fi Stat Membru ieħor taż-Żona Ekonomika Ewropea. Barra minn hekk, fl-opinjoni motivata, hija kkonkludiet li r-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 34 TFUE peress li “ma tirrikonoxxix ċerti bolol ta’ garanzija Olandiża”. Din il-formulazzjoni ġiet meħuda mill-petitum tar-rikors u ma ġietx ikkontestata mir-Repubblika Ċeka. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
14 |
Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ teżamina ex officio jekk il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 258 TFUE għall-preżentata ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ġewx issodisfatti (sentenza tal-14 ta’ Jannar 2010, Il‑Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, C‑343/08, EU:C:2010:14, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata) u peress li r-rikors ma jirrigwardax dispożizzjoni leġiżlattiva jew regoli nazzjonali, iżda prattika tal-uffiċċju ta’ garanzija Ċek, għandu jitfakkar, b’mod preliminari, li prattika amministrattiva ta’ Stat Membru tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu meta tippreżenta ċertu livell ta’ konsistenza u ta’ ġeneralità (sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑387/99, EU:C:2004:235, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-5 ta’ Marzu 2009, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑88/07, EU:C:2009:123, punt 54). |
15 |
F’dan il-każ, ir-Repubblika Ċeka ma tikkontestax li l-prattika tal-uffiċċju ta’ garanzija, imsemmija mill-Kummissjoni, u li l-eżistenza tagħha ġiet pprovata minnha permezz ta’ żewġ komunikazzjonijiet tal-President ta’ dan l-uffiċċju, annessi mar-rikors tagħha, tissodisfa dawn il-kriterji. Dan l-Istat Membru lanqas ma jikkontesta li din il-prattika hija imputabbli lilu. Minflok, huwa jikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors sa fejn ma huwiex ċar u preċiż. |
16 |
Skont l-Artikolu 120(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-ġurisprudenza relatata miegħu, kull rikors promotur għandu jindika s-suġġett tat-tilwima, il-motivi u l-argumenti invokati kif ukoll espożizzjoni sommarja tal-imsemmija motivi. Din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha. Minn dan jirriżulta li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom huwa bbażat rikors għandhom jirriżultaw b’mod koerenti u li jinftiehem mit-test tar-rikors stess, u li t-talbiet ta’ dan tal-aħħar għandhom ikunu fformulati b’mod mhux ekwivoku sabiex jiġi evitat li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi ultra petita jew tonqos milli tiddeċiedi fuq ilment (sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, C‑545/10, EU:C:2013:509, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-23 ta’ Frar 2016, Il‑Kummissjoni vs L-Ungerija, C‑179/14, EU:C:2016:108, punt 141). |
17 |
Barra minn hekk, minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat taħt l-Artikolu 258 TFUE, l-ittra ta’ intimazzjoni indirizzata mill-Kummissjoni lill-Istat Membru u sussegwentement l opinjoni motivata maħruġa minnha jiddefinixxu s-suġġett tal-kawża, li konsegwentement, ma jistax jiġi estiż iktar. Fil-fatt, il-possibbiltà għall-Istat Membru kkonċernat li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu tikkostitwixxi, anki jekk iqis li ma hemmx lok li jagħmel użu minnha, garanzija essenzjali mixtieqa mit-Trattat u l-osservanza tagħha hija rekwiżit proċedurali sostanzjali għar-regolarità tal-proċedura intiża sabiex jiġi kkonstatat nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq obbligu. Konsegwentement, l-opinjoni motivata u r-rikors tal-Kummissjoni għandhom ikunu bbażati fuq l-istess ilmenti bħal dawk fl-ittra ta’ intimazzjoni li tibda l-proċedura prekontenzjuża (sentenzi tad-29 ta’ Settembru 1998, Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑191/95, EU:C:1998:441, punt 55, kif ukoll tal-10 ta’ Settembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑457/07, EU:C:2009:531, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
18 |
L-opinjoni motivata u r-rikors ippreżentat skont tal-Artikolu 258 TFUE għandhom, b’dan il-mod, jippreżentaw l-ilmenti b’mod koerenti u b’mod preċiż sabiex l-Istat Membru u l-Qorti tal-Ġustizzja jkunu jistgħu jifhmu eżattament il-portata tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni allegat, u din hija kundizzjoni neċessarja sabiex l-imsemmi Stat ikun jista’ jsostni b’mod utli l-motivi tad-difiża tiegħu u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tivverifika l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat (sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 2010, Il‑Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑535/07, EU:C:2010:602, punt 42, kif ukoll tat-3 ta’ Marzu 2011, Il‑Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑50/09, EU:C:2011:109, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
19 |
F’dan il-każ, sa fejn, bl-użu tal-kliem “ċerti bolol ta’ garanzija Olandiżi” fil-petitum tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tinkludi fir-rikors tagħha bolol oħra ta’ garanzija Olandiżi għajr dawk imsemmija espressament fih, jiġifieri l-bolol ta’ garanzija ta’ WaarborgHolland, dan ir-rikors ma jissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regoli tal-Proċedura u tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 16 ta’ din is-sentenza, peress li l-imsemmi rikors ma jippreċiżax liema huma dawn il-bolol oħra u peress li l-użu tal-kelma “ċerti” jeskludi li dan jista’ jirreferi għall-bolol kollha ta’ garanzija Olandiżi. |
20 |
Barra minn hekk, għalkemm l-ittra ta’ intimazzjoni kienet tirrigwarda l-applikazzjoni tal-Artikolu 34 TFUE u l-ġurisprudenza relatata miegħu għall-metalli prezzjużi, b’mod ġenerali, hija semmiet espressament il-bolol ta’ garanzija ta’ WaarborgHolland biss. Fir-rigward tal-petitum tar-rikors, għalkemm fil-bidu tad-dispożittiv tal-opinjoni motivata isemmi “ċerti bolol ta’ garanzija Olandiża”, il-motivi ta’ din l-opinjoni kienu jirrigwardaw biss il-bolol ta’ garanzija WaarborgHolland. Għaldaqstant, ir-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza kif imfakkra fil-punti 17 u 18 ta’ din is-sentenza lanqas ma jistgħu jitqiesu bħala ssodisfatti. |
21 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli sa fejn jirrigwarda r-rifjut ta’ rikonoxximent allegat tal-bolol ta’ garanzija Olandiża minbarra dawk imqiegħda minn WaarborgHolland. |
Fuq il-mertu
L-argumenti tal-partijiet
22 |
Il-Kummissjoni ssostni li t-tqegħid, fir-Repubblika Ċeka, ta’ bolla addizzjonali fuq ċerti metalli prezzjużi importati minn Stati Membri oħra, minkejja l-fatt li dawn il-metalli prezzjużi diġà ġew imbollati skont il-leġiżlazzjoni Olandiża u kkummerċjalizzati fl-Unjoni, tikkostitwixxi restrizzjoni mhux iġġustifikata għall-moviment liberu tal-merkanzija. |
23 |
Ir-Repubblika Ċeka ma għandha l-ebda bażi biex issostni li, sabiex jibbenefikaw mill-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, il-metalli prezzjużi li joriġinaw minn Stati terzi mhux biss għandhom ikunu rrilaxxati għal ċirkulazzjoni libera fl-Unjoni, iżda għandhom ukoll ikunu sussegwentement kkummerċjalizzati fi Stat Membru, li għandu jkun, barra minn hekk, dak l-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu irregolat it-tqiegħid tal-bolla, jiġifieri, f’dan il-każ, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, meta prodotti li joriġinaw minn Stat terz jiġu rrilaxxati għal ċirkulazzjoni libera fl-Unjoni, huma għandhom jibbenefikaw mill-istess trattament bħall-merkanzija li toriġina mill-Unjoni. Għaldaqstant, il-libertà ta’ moviment tal-merkanzija tapplika għall-metalli prezzjużi imbollati fi Stat terz minn fergħa ta’ uffiċċju ta’ garanzija stabbilita fi Stat Membru, f’dan il-każ, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, u li jinsabu f’ċirkulazzjoni libera fl-Unjoni. |
24 |
Il-kummerċjalizzazzjoni b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ hija waħda mir-rekwiżiti għar-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera, u għalhekk kundizzjoni għall-kisba tal-istatus ta’ merkanzija tal-Unjoni, u mhux stadju addizzjonali għall-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku. Barra minn hekk, l-Istat Membru għar-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera jista’ jkun differenti minn dak li l-leġiżlazzjoni tiegħu rregolat l-imbollar tal-metalli inkwistjoni. Din il-pożizzjoni hija kkonfermata, fost l-oħrajn, permezz tar-Regolament (KE) Nru 764/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Lulju 2008, li jistabbilixxi l-proċeduri relatati mal-applikazzjoni ta’ ċerti regoli tekniċi nazzjonali għal prodotti legalment kummerċjalizzati fi Stat Membru ieħor u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 3052/95/KE (ĠU L 218, p. 21), kif ukoll permezz tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Lulju 2008, li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 (ĠU 2008, L 218, p. 30). |
25 |
B’dan il-mod, peress li l-metalli prezzjużi ġew irrilaxxati għal ċirkulazzjoni libera, il-fatt li ma ġewx imbollati fit-territorju tal-Unjoni huwa irrilevanti. |
26 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri ma jistgħux jeżiġu imbollatura ġdida tal-prodotti importati minn Stat Membru ieħor fejn ingħataw boll ta’ garanzija u ġew ikkummerċjalizzati b’mod legali skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat, meta l-indikazzjonijiet ipprovduti permezz ta’ dan il-boll ta’ garanzija jkunu ekwivalenti għal dawk preskritti fl-Istat Membru ta’ importazzjoni u li jinftiehmu mill-konsumaturi tiegħu. F’dan il-każ, il-bolol ta’ garanzija ta’ WaarborgHolland, għalkemm ġew imbollati fi Stat terz, jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-indikazzjonijiet li huma jagħtu huma ekwivalenti għal dawk preskritti mir-Repubblika Ċeka u jinftiehmu mill-konsumaturi ta’ dan l-Istat Membru. |
27 |
Barra minn hekk, ir-Repubblika Ċeka ma pprovatx li r-restrizzjoni inkwistjoni hija xierqa biex tiżgura li jintlaħaq l-għan tal-protezzjoni tal-konsumaturi u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li WaarborgHolland huwa uffiċċju ta’ garanzija suġġett għad-dritt Olandiż kif ukoll għas-sorveljanza tal-awtoritajiet pubbliċi Olandiżi u li ġie akkreditat minn organu Olandiż ta’ akkreditazzjoni skont ir-Regolament Nru 765/2008, u li dawn l-awtoritajiet pubbliċi jiżguraw il-kontroll tal-fergħat tal-uffiċċji tal-garanzija tagħhom kemm fl-Istati Membri, kif ukoll fl-Istati terzi. |
28 |
Ir-Repubblika Ċeka ssostni li, sa fejn ir-rikors huwa ammissibbli, huwa infondat. L-ewwel nett, wara li ppreċiżat li l-bolol ta’ garanzija imsemmija fl-osservazzjonijiet tagħha huma biss dawk ta’ WaarborgHolland, dan l-Istat Membru jsostni li l-metalli prezzjużi mbollati fi Stat terz ma jibbenefikawx mill-moviment liberu tal-merkanzija żgurat mill-Artikolu 34 TFUE, anki jekk huma ġew imbollati skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru. |
29 |
Sabiex ikun applikabbli, il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku jeżiġi li żewġ stadji konsekuttivi jiġu segwiti, jiġifieri r-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera tal-merkanzija fl-Unjoni skont l-Artikolu 29 TFUE, li jfisser li l-formalitajiet tal-importazzjoni jkunu twettqu u d-dazji doganali jew piżijiet ekwivalenti pagabbli jkunu nġabru fl-Istat Membru inkwistjoni, sussegwentement il-kummerċjalizzazzjoni tal-merkanzija fis-suq ta’ dan l-Istat Membru skont il-leġiżlazzjoni mhux tariffarja tagħha. F’din il-kawża, dawn l-istadji ma ġewx osservati peress li l-metalli prezzjużi inkwistjoni, għalkemm ġew ċertament imbollati skont il-leġiżlazzjoni Olandiża, ġew imbollati fi Stat terz u ma ġewx ikkummerċjalizzati fit-territorju Olandiż. |
30 |
It-tieni nett, fir-rigward tar-restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-metalli prezzjużi mbollati fil-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika Ċeka tqis li hija ġġustifikata min-neċessità ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u li hija proporzjonata għal dan il-għan. F’dan ir-rigward, dan l-Istat Membru jsostni li huwa impossibbli għalih li jagħmel distinzjoni bejn dawn il-metalli prezzjużi u dawk li ġew imbollati bl-istess bolol ta’ garanzija fi Stat terz. It-tqegħid ta’ boll ta’ garanzija Ċek addizzjonali huwa għaldaqstant l-uniku mod li r-Repubblika Ċeka għandha sabiex tikkontrolla d-dħul, fis-suq tal-Unjoni, tal-merkanzija imbollata fi Stati terzi. Il-possibbiltà għall-awtoritajiet Olandiżi li jikkontrollaw l-imbollar fi Stati terzi hija insuffiċjenti, bħalma huwa insuffiċjenti l-kontroll tal-kampjuni u tal-imbollar imwettaq f’dawn l-Istati terzi. Dan l-Istat Membru josserva wkoll li, fir-rigward tal-imbollar ta’ oġġetti tal-metall prezzjuż, ma teżistix, fl-Unjoni, sistema ta’ rikonoxximent tal-awtoritajiet ta’ evalwazzjoni tal-konformità tal-Istati terzi. |
31 |
Ir-Repubblika Franċiża, li tintervjeni insostenn tar-Repubblika Ċeka, tqis, prinċipalment, li l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku tal-metalli prezzjużi imbollati hija suġġetta għal kundizzjoni addizzjonali li ma tapplikax għal tipi oħra ta’ prodotti, jiġifieri l-kundizzjoni li l-imbollar isir fit-territorju tal-Istat Membru esportatur minn organu indipendenti stabbilit f’dan l-Istat Membru. Din il-kundizzjoni hija spjegata min-natura partikolari tal-attività ta’ imbollar li taqa’ taħt il-prerogattiva tas-sovranità ta’ garanzija statali. Konsegwentement, l-oġġetti imbollati fit-territorju ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru esportatur jew fit-territorju ta’ Stat terz, bħalma huwa l-każ f’dan il-każ għall-bolol ta’ garanzija ta’ WaarborgHolland, ma jibbenefikawx mill-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku. Ir-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera ta’ tali oġġett fi Stat Membru huwa insuffiċjenti f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, l-allegat ksur tal-Artikolu 34 TFUE ma huwiex stabbilit. |
32 |
Sussidjarjament, ir-Repubblika Franċiża ssostni li, fl-ipoteżi li l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku huwa applikabbli, ir-restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-merkanzija li tirriżulta mir-rifjut tar-rikonoxximent mill-awtoritajiet Ċeki tal-bolol ta’ garanzija ta’ WaarborgHolland hija konformi mal-Artikolu 34 TFUE, peress li hija ġġustifikata minn għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u ta’ garanzija ta’ lealtà tat-tranżazzjonijiet kummerċjali u li hija proporzjonata għal dan il-għan. |
33 |
Bħala risposta, il-Kummissjoni ssostni b’mod partikolari li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma jirriżultax li sabiex tibbenefika mill-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, l-attività ta’ imbollar għandha sseħħ fit-territorju tal-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu jirregola l-imbollar. Barra minn hekk, skont ir-Regolament Nru 765/008, l-Istati Membri huma obbligati jirrikonoxxu l-ekwivalenza tas-servizzi pprovduti minn uffiċċju ta’ garanzija akkreditat taħt dan ir-regolament, anki jekk il-fergħa tal-uffiċċju ta’ garanzija awtorizzat responsabbli għall-imbollar ma tkunx tinsab fit-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni jew fit-territorju tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza li l-indipendenza tal-uffiċċji tal-garanzija Olandiżi jew tal-organu ta’ akkreditazzjoni Olandiż ma hijiex ikkontestata u li l-garanziji ta’ indipendenza mogħtija mill-uffiċċju tal-kontroll awtorizzat mill-Istat Membru esportatur ma għandhomx neċessarjament jikkoinċidu ma’ dawk previsti mill-Istat Membru ta’ importazzjoni. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
34 |
Skont ġurisdizzjoni stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull leġiżlazzjoni kummerċjali tal-Istati Membri li tista’ tostakola, direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE (sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1974, Dassonville, 8/74, EU:C:1974:82, punt 5, u tas-16 ta’ Jannar 2014, Juvelta, C‑481/12, EU:C:2014:11, punt 16). |
35 |
Għalhekk, l-ostakoli għall-moviment liberu tal-merkanzija li jirriżultaw, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, mill-applikazzjoni, minn Stat Membru, għal merkanzija li tkun ġejja minn Stati Membri oħra, fejn huma mmanifatturati u kkummerċjalizzati skont il-liġi, ta’ regoli dwar ir-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfatti minn tali merkanzija, anki jekk dawn ir-regoli japplikaw mingħajr distinzjoni għall-prodotti kollha, jikkostitwixxu miżuri li għandhom effett ekwivalenti ipprojbiti mill-Artikolu 34 TFUE, sakemm din l-applikazzjoni ma tkunx tista’ tiġi ġġustifikata minn għan ta’ interess ġenerali li jista’ jipprevali fuq ir-rekwiżiti tal-moviment liberu tal-merkanzija (ara, f’dan is-sens, sentenza tal-20 ta’ Frar 1979, Rewe-Zentral, imsejħa Cassis de Dijon, 120/78, EU:C:1979:42, punt 8, kif ukoll is-sentenzi tal-15 ta’ Settembru 1994, Houtwipper, C‑293/93, EU:C:1994:330, punt 11, u tas-16 ta’ Jannar 2014, Juvelta, C‑481/12, EU:C:2014:11, punt 17). |
36 |
Għandu jitfakkar ukoll li, skont l-Artikolu 28(2) TFUE, il-projbizzjoni ta’ restrizzjonijiet kwantitattivi bejn l-Istati Membri, prevista fl-Artikoli 34 sa 37 TFUE, tapplika għall-prodotti li joriġinaw fl-Istati Membri kif ukoll għall-prodotti ġejjin minn pajjiżi mhux membri li huma f’ċirkulazzjoni libera fl-Istati Membri. Skont l-Artikolu 29 TFUE, jitqiesu li huma f’ċirkulazzjoni libera fi Stat Membru, prodotti li ġejjin minn Stati terzi jekk il-formalitajiet tal-importazzjoni jkunu twettqu u d-dazji doganali jew piżijiet ekwivalenti pagabbli jkunu nġabru f’dan l-Istat Membru, u li ma kinux ibbenefikaw minn xi rifużjoni totali jew parzjali ta’ dawn id-dazji jew piżijiet. |
37 |
Minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li, fir-rigward tal-moviment liberu tal-merkanzija ġewwa l-Unjoni, il-prodotti fiċ-ċirkulazzjoni libera huma assimilati definittivament u kompletament mal-prodotti li joriġinaw fl-Istati Membri u li, konsegwentement, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 34 TFUE huma applikabbli mingħajr distinzjoni għall-prodotti li joriġinaw mill-Unjoni u għal dawk li ġew irrilaxxati għal ċirkulazzjoni libera f’xi wieħed mill-Istati Membri, irrispettivament mill-oriġini tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1976, Donckerwolcke u Schou,41/76, EU:C:1976:182, punti 17 u 18; tat-18 ta’ Novembru 2003, Budějovický Budvar, C‑216/01, EU:C:2003:618, punt 95, kif ukoll tas-16 ta’ Lulju 2015, UNIC u Uni.co.pel, C‑95/14, EU:C:2015:492, punt 41). |
38 |
Madankollu, jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li t-tqegħid fis-suq jikkostitwixxi l-fażi ta’ wara l-importazzjoni. Bl-istess mod li prodott immanifatturat legalment fl-Unjoni ma jistax jiġi kkummerċjalizzat biss minħabba din iċ-ċirkustanza, l-importazzjoni legali ta’ prodott ma timplikax li dan jiġi awtomatikament introdott fis-suq. Prodott li ġej minn Stat terz li jinsab f’ċirkulazzjoni libera huwa għalhekk assimilat għall-prodotti li joriġinaw minn Stati Membri fir-rigward tal-eliminazzjoni tad-dazji doganali u tar-restrizzjonijiet kwantitattivi bejn l-Istati Membri. Madankollu, sa fejn ma teżistix leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tarmonizza l-kundizzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti inkwistjoni, l-Istat Membru li fihom ġew irrilaxxati f’ċirkulazzjoni libera jista’ jopponi ruħu għad-dħul tagħhom fis-suq jekk huma ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-rigward mid-dritt nazzjonali f’konformità mad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tat-30 ta’ Mejju 2002, Expo Casa Manta, C‑296/00, EU:C:2002:316, punti 31 u 32, kif ukoll tat-12 ta’ Lulju 2005, Alliance for Natural Health et, C‑154/04 u C‑155/04, EU:C:2005:449, punt 95). |
39 |
Kif ġie rrilevat, essenzjalment, mill-Avukat Ġenerali fil-punti 57 u 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku stabbilit fil-ġurisprudenza msemmija fil-punt 35 ta’ din is-sentenza jista’ jiġi applikat biss għall-kummerċ, ġewwa l-Unjoni, ta’ merkanzija li toriġina minn Stati terzi li tinsab f’ċirkulazzjoni libera u li ma ġietx ikkumerċjalizzata legalment fit-territorju ta’ Stat Membru qabel l-esportazzjoni tagħha għal Stat Membru differenti minn dak li fih hija tinsab f’ċirkulazzjoni libera. |
40 |
F’dan il-każ, huwa paċifiku li dan ir-rikors ma għandux bħala suġġett ir-rifjut ta’ rikonoxximent tal-bolol ta’ garanzija ta’ WaarborgHolland, u l-bolol addizzjonali li jistgħu jkunu meħtieġa bħala konsegwenza mir-Repubblika Ċeka fil-mument ta’ importazzjoni diretta minn Stat terz għat-territorju tagħha, ta’ metalli prezzjużi imbollati b’bolol ta’ garanzija ta’ WaarborgHolland li tqiegħdu barra mill-Unjoni. Dan ir-rikors lanqas ma għandu bħala suġġett il-bolol li jaqgħu taħt il-Konvenzjoni dwar il-Kontroll u l-Imbollar ta’ Oġġetti tal-Metall Prezzjuż, iffirmat fi Vjenna fil-15 ta’ Novembru 1972 u emendat fit-18 ta’ Mejju 1988, jew il-bolol li jaqgħu taħt trattati bilaterali ta’ rikonoxximent reċiproku tal-bolol ta’ garanzija mqiegħda fuq l-oġġetti tal-metall prezzjuż li ġew konklużi bejn ċerti Stati Membri u Stati terzi, bħal dawk imsemmija mill-Avukat Ġenerali fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tiegħu. |
41 |
Għall-kuntrarju, permezz tal-imsemmi rikors, il-Kummissjoni tikkontesta l-konformità mal-Artikolu 34 TFUE tal-prattika Ċeka li tikkonsisti fin-nuqqas ta’ rikonoxximent tal-bolol ta’ garanzija ta’ WaarborgHolland, li huma bolol ta’ garanzija, u konsegwentement, li teżiġi boll addizzjonali tal-metalli prezzjużi inkwistjoni għall-importazzjoni fir-Repubblika Ċeka tal-metalli prezzjużi mmarkati b’dawn il-bolol li jkunu jew ingħataw bolla ta’ garanzija u ġew ikkummerċjalizzati b’mod legali fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi, jew skont il-każ, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, jew ingħataw bolla ta’ garanzija fit-territorju ta’ Stat terz skont il-leġiżlazzjoni Olandiża u jinsabu f’ċirkulazzjoni libera fi Stat Membru li ma huwiex ir-Repubblika Ċeka, sew jekk ikun ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jew Stat Membru ieħor. |
42 |
Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi li oġġetti magħmula minn metalli prezzjużi importati minn Stati Membri oħra, li fihom huma legalment kkummerċjalizzati u imbollati skont il-leġiżlazzjoni ta’ dawn l-Istati, jiġu suġġetti għall-imbollar mill-ġdid fl-Istat Membru ta’ importazzjoni għandha l-effett li tirrendi l-importazzjonijiet iktar diffiċli u bi prezz ogħla u, għalhekk, tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni skont l-Artikolu 34 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 2001, Il‑Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑30/99, EU:C:2001:346, punt 27, kif ukoll tas-16 ta’ Jannar 2014, Juvelta, C‑481/12, EU:C:2014:11, punti 18 u 20). |
43 |
Dan huwa wkoll il-każ fir-rigward tal-prattika inkwistjoni. Fil-fatt, skont din il-prattika, il-metalli prezzjużi ttimbrati b’bolol ta’ garanzija ta’ WaarborgHolland, uffiċċju ta’ garanzija Olandiż, irrispettivament minn jekk ġewx legalment imbollati u kkummerċjalizzati fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi jew, skont il-każ, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, jew jekk ġewx imbollati fit-territorju ta’ Stat terz skont il-leġiżlazzjoni Olandiża u rrilaxxati għal ċirkulazzjoni libera fi Stat Membru u ġewx jew le legalment kkummerċjalizzati fit-territorju ta’ Stat Membru, ma jistgħux jiġu kkummerċjalizzati fit-territorju tar-Repubblika Ċeka qabel ma jkunu ġew suġġetti għal kontroll u ttimbrati b’boll ta’ garanzija addizzjonali f’dan l-Istat Membru tal-aħħar, u dan huwa tali li jirrendi l-importazzjoni ta’ dawn il-prodotti fit-territorju ta’ dan l-Istat minn Stati Membri oħra iktar diffiċli u bi prezz ogħla. |
44 |
Il-prattika msemmija hija, għalhekk, ipprojbita mill-Artikolu 34 TFUE, sakemm ma tkunx tista’ tiġi ġġustifikata oġġettivament. |
45 |
F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE tista’ tkun iġġustifikata minn waħda mir-raġunijiet ta’ interess ġenerali elenkati fl-Artikolu 36 TFUE jew minn rekwiżiti imperattivi (sentenzi tal-10 ta’ Frar 2009, Il‑Kummissjoni vs L-Italja, C‑110/05, EU:C:2009:66, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-6 ta’ Settembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑150/11, EU:C:2012:539, punt 53). |
46 |
F’dan il-każ, ir-Repubblika Ċeka tinvoka rekwiżit imperattiv abbażi tal-ħtieġa li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-konsumaturi. |
47 |
Fil-fatt, f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-obbligu tal-importatur li jqiegħed fuq ix-xogħlijiet magħmula minn metalli prezzjużi boll li jindika l-finezza tagħhom huwa, bħala regola ġenerali, ta’ natura li jiżgura protezzjoni effettiva għall-konsumaturi u jippromwovi l-lealtà tat-tranżazzjonijiet kummerċjali (sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 2001, Il‑Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑30/99, EU:C:2001:346, punt 29, u tas-16 ta’ Jannar 2014, Juvelta, C‑481/12, EU:C:2014:11, punt 21). |
48 |
Madankollu, f’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li Stat Membru ma jistax jimponi l-imbollar mill-ġdid fuq prodotti importati minn Stat Membru ieħor, li fih huma ġew legalment ikkummerċjalizzati u imbollati skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat, peress li l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-boll oriġinali, irrispettivament mill-forma, huma ekwivalenti għal dawk stipulati mill-Istat Membru ta’ importazzjoni u jinftiehmu mill-konsumaturi ta’ dan tal-aħħar (sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 2001, Il‑Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑30/99, EU:C:2001:346, punt 30, u tas-16 ta’ Jannar 2014, Juvelta, C‑481/12, EU:C:2014:11, punt 22). |
49 |
Madankollu, f’dan il-każ, ma humiex inkwistjoni l-ekwivalenza bejn l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-bolol ta’ garanzija ta’ WaarborgHolland u dawk preskritti mir-Repubblika Ċeka għall-bolol ta’ garanzija tagħha, u lanqas il-fatt li jinftiehmu mill-konsumaturi ta’ dan l-Istat Membru tal-aħħar, elementi li r-Repubblika Ċeka ma tikkontestax, iżda huwa inkwistjoni l-livell ta’ garanzija mogħti mill-imbollar imwettaq fit-territorju ta’ Stati terzi mill-fergħat ta’ uffiċċju ta’ garanzija Olandiż, f’dan il-każ WaarborgHolland li, skont il-liġi Olandiża, huwa awtorizzat jeżerċita għall-inqas parti mill-attivitajiet ta’ imbollar tiegħu barra mit-territorju tal-Unjoni. |
50 |
Fil-fatt, ir-Repubblika Ċeka, sostnuta mir-Repubblika Franċiża, tosserva li tali boll ittimbrat barra mit-territorju tal-Unjoni, għalkemm ikun twettaq mill-fergħat ta’ uffiċċju ta’ garanzija indipendenti li, b’mod konformi mad-dritt tal-Istat Membru kkonċernat, huwa awtorizzat jeżerċita parti mill-attivitajiet tiegħu fit-territorju ta’ Stati terzi, ma joffrix garanziji suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat bħala ekwivalenti għal boll ittimbrat minn organu indipendenti ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru. Fid-dawl tal-ostakoli eżistenti fl-eżerċizzju ta’ kontroll suffiċjenti, l-affidabbiltà ta’ tali mbollar imwettaq barra mit-territorju tal-Unjoni ma tistax, skont dawn l-Istati Membri, tiġi ggarantita mill-Istat Membru li għalih dan l-organu huwa suġġett, fuq l-attivitajiet tiegħu imwettqa fit-territorju ta’ Stati terzi. |
51 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fir-rigward tar-rekwiżit li boll jitqiegħed minn persuna ġuridika li tissodisfa ċerti kundizzjonijiet ta’ kompetenza u indipendenza, huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li Stat Membru, filwaqt li jsostni li l-funzjoni ta’ garanzija ta’ boll tista’ tiġi żgurata biss mill-intervent tal-organu kompetenti tal-Istat Membru ta’ importazzjoni, ma jistax jopponi ruħu għall-kummerċjalizzazzjoni fit-territorju tiegħu ta’ xogħlijiet magħmula minn metalli prezzjużi imbollati fl-Istat Membru ta’ esportazzjoni minn organu indipendenti. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ kontrolli doppji, fl-Istat Membru ta’ esportazzjoni u fl-Istat Membru ta’ importazzjoni, ma tistax tiġi ġġustifikata jekk ir-riżultati tal-kontroll imwettaq fl-Istat Membru tal-oriġini jissodisfaw il-bżonnijiet tal-Istat Membru ta’ importazzjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-funzjoni ta’ garanzija ta’ boll hija ssodisfatta meta dan jitqiegħed minn organu indipendenti fl-Istat Membru ta’ esportazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 1994, Houtwipper, C‑293/93, EU:C:1994:330, punti 17 sa 19). |
52 |
Madankollu, fid-dawl tar-riskju ta’ frodi eżistenti fis-suq tal-oġġetti tal-metall prezzjuż, bidliet żgħar fil-kontenut tal-metall prezzjuż li jistgħu jkollhom effett sostanzjali fuq il-marġni tal-profitt tal-manifattur, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-għażla ta’ miżuri xierqa biex dan ir-riskju jiġi indirizzat taqa’ f’idejn l-Istati Membri, li għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 1994, Houtwipper, C‑293/93, EU:C:1994:330, punti 21 u 22). |
53 |
F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, jekk l-għażla bejn it-twettiq ta’ kontroll a priori minn organu indipendenti u sistema li tippermetti lill-manifatturi tal-Istat Membru ta’ esportazzjoni li jimbollaw huma stess il-merkanzija inkwistjoni taqa’ fid-diskrezzjoni ta’ kull Stat Membru, Stat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu teżiġi li l-boll jitqiegħed minn organu indipendenti ma jistax jopponi ruħu għall-kummerċjalizzazzjoni fit-territorju tiegħu ta’ oġġetti magħmula minn metall prezzjuż importati minn Stati Membri oħra meta dawn l-oġġetti jkunu ġew effettivament imbollati minn organu indipendenti fl-Istat Membru ta’ esportazzjoni. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-garanziji ta’ indipendenza mogħtija mill-organu tal-Istat Membru ta’ esportazzjoni ma għandhomx neċessarjament jikkoinċidu ma dawk previsti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru ta’ importazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Settembru 1994, Houtwipper, C‑293/93, EU:C:1994:330, punti 20, 22, 23 u 27, kif ukoll tas-16 ta’ Jannar 2014, Juvelta, C‑481/12, EU:C:2014:11, punti 36 u 37). |
54 |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma ddeċidiet dwar bolol ta’ garanzija mqiegħda fit-territorju ta’ Stati terzi. Issa, f’dan ir-rigward, fid-dawl tar-riskju ta’ frodi eżistenti fis-suq tal-metalli prezzjużi u tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet lill-Istati Membri fir-rigward tal-għażla tal-miżuri xierqa biex dan ir-riskju jiġi indirizzat, għandu jiġi ammess li, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, Stat Membru jista’, fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-frodi sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-konsumaturi fit-territorju tiegħu, ma jaċċettax li l-uffiċċju jew l-uffiċċji ta’ garanzija tiegħu, jew l-entitajiet oħra li huwa jawtorizza għat-tqegħid tal-bolol ta’ garanzija ta’ dan l-Istat Membru fuq il-metalli prezzjużi, iqiegħdu l-imsemmija bolol fit-territorju ta’ Stati terzi. |
55 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni u minbarra l-każijiet li huma rregolati minn ftehim internazzjonali, li, bħalma tfakkar fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, ma humiex is-suġġett ta’ dan ir-rikors, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, Stat Membru huwa ġġustifikat li ma jikkunsidrax li l-bolol ta’ garanzija mqiegħda fit-territorju ta’ Stati terzi joffru livell ta’ protezzjoni għall-konsumaturi ekwivalenti għall-bolol ta’ garanzija imqiegħda minn organi indipendenti fit-territorju tal-Istati Membri. |
56 |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma tistax tagħmel argument effettiv abbażi tar-Regolament Nru 765/2008 biex issostni li, peress li WaarborgHolland huwa korp ta’ valutazzjoni tal-konformità akkreditat mill-organu Olandiż ta’ akkreditazzjoni taħt dan ir-regolament, ir-Repubblika Ċeka hija, fi kwalunkwe każ, obbligata taċċetta fit-territorju tagħha l-metalli prezzjużi mmarkati b’bolol ta’ garanzija ta’ dan il-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità meta huma jkunu importati minn Stat Membru ieħor mingħajr ma tkun tista’ teżerċita kontroll jew, jekk ikun il-każ, titlob boll ta’ garanzija addizzjonali. |
57 |
Fil-fatt, minn naħa, filwaqt li l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 765/2008 jipprevedi li, fejn korp ta’ valutazzjoni tal-konformità jitlob l-akkreditament, huwa għandu jagħmel dan, fil-prinċipju, mal-korp nazzjonali ta’ akkreditament tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit, dan ir-regolament jibqa’ sieket rigward il-kwistjoni tat-territorju fejn il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità jistgħu jew għandhom jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom u sa liema punt l-akkreditazzjoni mogħtija lilhom mill-organu nazzjonali ta’ akkreditazzjoni skont dan ir-regolament, tistax jew le, jew għandhiex jew le, tkopri wkoll l-attivitajiet tal-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità mwettqa mill-fergħat tagħhom fit-territorju ta’ Stati terzi. Min-naħa l-oħra, u barra minn hekk, il-kwistjoni dwar jekk il-prattika Ċeka kkontestata mill-Kummissjoni hijiex konformi mar-Regolament Nru 765/2008 ma taqax taħt is-suġġett ta’ dan ir-rikors. |
58 |
Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-eżerċizzju tal-fakultà rrikonoxxuta lill-Istati Membri fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, ma tistax tiġi ġġustifikata jekk, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, ir-riżultati tal-kontroll imwettaq fl-Istat Membru minn fejn huma esportati il-metalli prezzjużi inkwistjoni jissodisfaw il-bżonnijiet tal-Istat Membru ta’ importazzjoni. |
59 |
Issa, dan huwa neċessarjament il-każ, f’dan il-każ, għall-metalli prezzjużi imbollati minn WaarborgHolland fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi u kkummerċjalizzati legalment f’dan l-Istat Membru, jew skont il-każ, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 53 ta’ din is-sentenza. |
60 |
Dan jgħodd ukoll għall-każ tal-metalli prezzjużi immarkati b’boll ta’ garanzija ta’ WaarborgHolland imqiegħed fi Stat terz, li ġew irrilaxxati għal ċirkulazzjoni libera fl-Unjoni u li, qabel l-esportazzjoni tagħhom lejn ir-Repubblika Ċeka, ġew ikkumerċjalizzati legalment fit-territorju ta’ Stat Membru li, b’mod simili għar-Repubblika Ċeka, għażel li ma jaċċettax li l-uffiċċju jew l-uffiċċji ta’ garanzija tiegħu, jew l-entitajiet oħra li huwa jawtorizza sabiex iqiegħdu bolol ta’ garanzija ta’ dan l-Istat Membru fuq il-metalli prezzjużi, iqiegħdu l-imsemmija bolol fit-territorju ta’ Stati terzi. Fil-fatt, f’dan il-każ, għandu jitqies li l-kontroll imwettaq minn tali Stat Membru waqt il-kummerċjalizzazzjoni tal-metalli prezzjużi kkonċernati fit-territorju tiegħu jissodisfa l-bżonnijiet tar-Repubblika Ċeka, peress li, f’dan il-każ, dawn iż-żewġ Stati Membri isegwu livelli ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-konsumaturi. |
61 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, fil-każijiet identifikati fil-punti 59 u 60 ta’ din is-sentenza, ir-rifjut ta’ rikonoxximent tal-bolol ta’ garanzija ta’ WaarborgHolland mir-Repubblika Ċeka ma jistax jiġi ġġustifikat u, konsegwentement, l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa stabbilit. |
62 |
Min-naħa l-oħra, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fir-rigward ta’ metalli prezzjużi li ġew immarkati b’boll ta’ garanzija ta’ WaarborgHolland fit-territorju ta’ Stat terz, li ġew irrilaxxati għal ċirkulazzjoni libera fl-Unjoni u li huma esportati lejn ir-Repubblika Ċeka mingħajr ma jkunu legalment ikkummerċjalizzati qabel fi Stat Membru, kif ukoll fir-rigward ta’ tali merkanzija li, ladarba mqiegħda f’ċirkulazzjoni libera, ġiet ikkummerċjalizzata legalment fi Stat Membru li ma jeżiġix il-boll ta’ garanzija tal-metalli prezzjużi minn organu indipendenti, jew fi Stat Membru li jeżiġi tali boll, iżda li jaċċetta li dan jitqiegħed fit-territorju ta’ Stat terz, ir-riżultati tal-kontroll imwettaq mill-Istat Membru li minnu l-metalli prezzjużi inkwistjoni jiġu esportati ma jissodisfawx il-bżonnijiet tar-Repubblika Ċeka. |
63 |
Madankollu, filwaqt li l-prattika Ċeka inkwistjoni tista’ għalhekk, tiġi ġġustifikata in parti b’mod partikolari għaliex il-metalli prezzjużi inkwistjoni jistgħu ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni legali fi Stat Membru, sabiex din il-ġustifikazzjoni tkun tista’ tiġi aċċettata, ikun jinħtieġ ukoll li din il-prattika tkun adatta sabiex tiżgura li jintlaħaq dan l-għan u li hija ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għal dan il-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Frar 2009, Il‑Kummissjoni vs L-Italja, C‑110/05, EU:C:2009:66, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-16 ta’ Jannar 2014, Juvelta, C‑481/12, EU:C:2014:11, punt 29). |
64 |
Issa, huwa paċifiku li l-prattika Ċeka inkwistjoni għandha bħala suġġett il-metalli prezzjużi mmarkati b’bolol ta’ garanzija ta’ WaarborgHolland b’mod ġenerali, u mhux biss il-metalli prezzjużi mmarkati b’bolol ta’ garanzija ta’ WaarborgHolland imqiegħda fit-territorju ta’ Stati terzi u, barra minn hekk, dan mingħajr distinzjoni skont il-kundizzjonijiet li fihom dawn il-metalli prezzjużi jiġu esportati lejn ir-Repubblika Ċeka, jiġifieri, b’mod partikolari, skont jekk humiex esportati lejn ir-Repubblika Ċeka wara li jkunu ġew sempliċement irrilaxxati għal ċirkulazzjoni libera fi Stat Membru ieħor, jew wara li jkunu ġew ukoll ikkummerċjalizzati legalment fi Stat Membru ieħor. |
65 |
F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Ċeka tinvoka l-impossibbiltà li ssir distinzjoni, fost il-bolol ta’ garanzija ta’ WaarborgHolland, bejn dawk li tqiegħdu fit-territorju ta’ Stati terzi u dawk li tqiegħdu fl-Unjoni, billi dawn il-bolol huma identiċi irrispettivament mill-post fejn tqiegħdu. Madankollu, tali ċirkustanza ma tippermettix li din il-prattika, sa fejn tista’ tiġi ġġustifikata, titqies bħala proporzjonata għall-għan segwit. |
66 |
Fil-fatt, huwa possibbli, pereżempju meta tintalab mill-importatur fir-Repubblika Ċeka prova dokumentali li tiċċertifika fejn tqiegħed il-boll ta’ garanzija inkwistjoni kif ukoll, jekk ikun il-każ, il-post fl-Unjoni fejn il-metalli prezzjużi ikkonċernati ġew irrilaxxati għal ċirkulazzjoni libera u kkummerċjalizzati legalment, li jiġi llimitat ir-rifjut ta’ rikonoxximent ta’ bolol ta’ garanziji ta’ WaarborgHolland għal dawk il-każijiet biss fejn kontroll addizzjonali tal-imsemmija metalli prezzjużi mill-awtoritajiet Ċeki jkun effettivament iġġustifikat għall-protezzjoni tal-konsumaturi, u dan jikkostitwixxi miżura inqas restrittiva għal-libertà ta’ moviment tal-merkanzija mir-rifjut ġenerali ta’ rikonoxximent ta’ dawn il-bolol ta’ garanzija u tal-bolla ta’ garanzija addizzjonali tal-metalli prezzjużi kollha mmarkati bl-imsemmija bolol ta’ garanzija. |
67 |
Il-fatt li, f’tali każ, ma jkunx possibbli għall-konsumatur finali li jivverifika huwa stess jekk il-boll ta’ garanzija ta’ WaarborgHolland, imqiegħed fuq metall prezzjuż tqegħidx fit-territorju ta’ Stat terz jew inkella fl-Unjoni, u li huwa jista’, konsegwentement, jiġi mqarraq fir-rigward il-kwalità ta’ dan, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Ċeka, ma jistax jistabbilixxi l-proporzjonalità tal-prattika inkwistjoni, sakemm ma jitqiesx li tali konsumatur ma jkunx jista’ jafda l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fir-rigward tal-kontroll tagħhom tal-kwalità tal-prodotti li jdaħħlu fis-suq tal-imsemmi Stat Membru, u dan ma jistax jiġi aċċettat. |
68 |
Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li, min-natura ġenerali u sistematika tagħha, sa fejn tista’ tiġi ġġustifikata mill-protezzjoni tal-konsumaturi, il-prattika Ċeka inkwistjoni hija sproporzjonata meta mqabbla mal-għanijiet li hija ssegwi. |
69 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li, peress li rrifjutat li tirrikonoxxi l-bolol ta’ garanzija ta’ WaarborgHolland, ir-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 34 TFUE u, min-naħa l-oħra, għandu jiġi miċħud il-kumplament tar-rikors. |
Fuq l-ispejjeż
70 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-ewwel sentenza tal-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Peress li r-rikors tal-Kummissjoni huwa parzjalment inammissibbli, għandu jiġi deċiż li l-Kummissjoni u r-Repubblika Ċeka għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. |
71 |
Skont l-Artikolu 140(1) tal-istess regolament, li jipprovdi li l-Istati Membri li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom, ir-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.