EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0545

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-11 ta’ Lulju 2013.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ċeka.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Trasport — Direttiva 91/440/KEE — Żvilupp tal-linji tal-ferrovija Komunitarji — Artikolu 10(7) — Korp regolatorju — Kompetenzi — Direttiva 2001/14/KE — Allokazzjoni tal-kapaċità ta’ infrastruttura ferrovjarja — Artikolu 4(1) — Qafas għall-impożizzjoni ta’ tariffi — Artikolu 6(2) — Miżuri intiżi biex jinkoraġġixxu l-amministratur tal-infrastruttura biex inaqqas l-ispejjeż ta’ provvista tal-infrastruttura u l-livell ta’ tariffi ta’ aċċess — Artikolu 7(3) — Iffissar tat-tariffi miġbura fuq il-provvisti minimi kollha u l-aċċess min-netwerk għall-infrastrutturi ta’ servizzi — Spiża imputabbli direttament għall-operat tas-servizz ferrovjarju — Artikolu 11 — Sistema ta’ titjib tas-servizzi — Artikolu 30(5) — Korp regolatorju — Kompetenzi — Azzjoni amministrattiva kontra d-deċiżjonijiet tal-korp ta’ kontroll.
Kawża C‑545/10.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:509

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

11 ta’ Lulju 2013 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Trasport — Direttiva 91/440/KEE — Żvilupp tal-linji tal-ferrovija Komunitarji — Artikolu 10(7) — Korp regolatorju — Kompetenzi — Direttiva 2001/14/KE — Allokazzjoni tal-kapaċità ta’ infrastruttura ferrovjarja — Artikolu 4(1) — Qafas għall-impożizzjoni ta’ tariffi — Artikolu 6(2) — Miżuri intiżi biex jinkoraġġixxu l-amministratur tal-infrastruttura biex inaqqas l-ispejjeż ta’ provvista tal-infrastruttura u l-livell ta’ tariffi ta’ aċċess — Artikolu 7(3) — Iffissar tat-tariffi miġbura fuq il-provvisti minimi kollha u l-aċċess min-netwerk għall-infrastrutturi ta’ servizzi — Spiża imputabbli direttament għall-operat tas-servizz ferrovjarju — Artikolu 11 — Sistema ta’ titjib tas-servizzi — Artikolu 30(5) — Korp regolatorju — Kompetenzi — Azzjoni amministrattiva kontra d-deċiżjonijiet tal-korp ta’ kontroll”

Fil-Kawża C-545/10,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fit-23 ta’ Novembru 2010,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Šimerdová u H. Støvlbæk, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek u T. Müller kif ukoll minn J. Očková, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn:

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn S. Centeno Huerta, bħala aġent,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, A. Borg Barthet (Relatur), E. Levits, J.-J. Kasel u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Settembru 2012,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Diċembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tikkonstata li, billi ma ħadietx il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex tikkonforma ruħha ma’:

l-Artikoli 4(1), 6(2), 7(3), 11 u 30(5), tad-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet [l-impożizzjoni ta’ tariffi] għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 404), kif emendata bid-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 227, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2001/14”), u

l-Artikolu 10(7) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE, tad-29 ta’ Lulju 1991, dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 341), kif emendata bid-Direttiva 2004/51/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 251, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 91/440”),

ir-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt dawn l-artikoli.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 91/440

2

L-Artikolu 10(7) tad-Direttiva 91/440 kien jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għar-regolamenti Komunitarji u nazzjonali li jirrigwardaw il-politika ta’ kompetizzjoni u l-istituzzjonijiet b’responsabbiltà f’dak il-qasam, il-korp regolatorju stabbilit taħt l-Artikolu 30 tad-Direttiva [2000/14], jew kwalunkwe korp ieħor li jgawdi l-istess grad ta’ indipendenza għandu jissorvellja l-kompetizzjoni fis-swieq tas-servizzi ferrovjarji, inkluż is-suq tat-trasport ferrovjarju ta’ merkanzija.

Dak il-korp għandu jkun stabbilit skont ir-regoli tal-Artikolu 30 (1) tal-imsemmija Direttiva. Kull applikant jew parti interessata tista’ tippresenta lment ma’ dan il-korp jekk iħoss li jkun ġie trattat inġustament, kien soġġett għal diskriminazzjoni jew ġie b’xi mod inġurjat. Fuq il-bażi ta’ l-ilment u, fejn xieraq, fuq l-inizzjattiva tiegħu stess, il-korp regolatorju għandu jiddeċiedi kemm jista’ jkun malajr dwar miżuri xierqa biex jiġu ikkoreġuti xi żviluppi mhux mixtieqa f’dawn is-swieq. Sabiex jassigura l-possibbiltà meħtieġa ta’ kontroll ġudizzjarju u l-kooperazzjoni rekwiżita bejn il-korpi regolatorji nazzjonali, l-Artikolu 30 (6) u l-Artikolu 31 ta’ l-imsemmija Direttiva għandhom japplikaw f’dan il-kuntest.”

Id-Direttiva 2001/14

3

Skont il-premessa 11 tad-Direttiva 2001/14:

“(11)

Il-piżijiet [L-impożizzjoni ta’ tariffi] u skemi ta’ allokazzjoni ta’ kapaċità għandhom jippermettu aċċess ugwali u non-diskriminatorju għall-impriżi kollha u jippruvaw sa fejn possibbli jissodisfaw il-bżonnijiet ta’ l-utenti kollha u t-tipi ta’ traffiku b’mod ġust u non-diskriminatorju.”

4

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/36 kien jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu qafas tal-piżijiet [tal-impożizzjoni ta’ tariffi] waqt li jirrespettaw l-indipendenza ta’ l-amministrazzjoni stabbilita fl- Artikolu 4 tad-Direttiva 91 /440/KEE.

Bla ħsara għall-kundizzjoni msemmija ta’ indipendenza ta’ l-amministrazzjoni, l-Istati Membri għandhom ukoll jistabbilixxu regoli speċifiċi dwar il-piżijiet [tariffi] jew jiddelegaw dawn il-poteri għall-amministratur ta’ l-infrastruttura.”

5

Skont l-Artikolu 6(2) u (3) tal-imsemmija direttiva:

“2.   Amministraturi ta’ l-infrastruttura għandhom, b’konsiderazzjoni xierqa għas-sigurtà u għall-manutenzjoni u t-titjib tal-kwalità tas-servizz ta’ l-infrastruttura, jingħataw inċentivi biex inaqqsu l-ispejjeż tal-fornitura ta’ l-infrastruttura u l-livell ta’ piżijiet [tariffi] ta’ l-aċċess.

3.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li d-dispożizzjoni stabbilita fil-paragrafu 2 tiġi implimentata, jew permezz ta’ ftehim kontrattwali bejn l-awtorità kompetenti u l-amministratur ta’ l-infrastruttura li jkopri terminu ta’ mhux inqas minn tliet snin li jipprovdi għal fondi mill-Istat jew permezz ta’ l-istabbiliment ta’ miżuri regolatorji xierqa b’ poteri adegwati”.

6

L-Artikolu 7(3) tal-istess direttiva kien jipprovdi:

“Bla ħsara għall-paragrafi 4 jew 5 jew għall-Artikolu 8, il-piżijiet [tariffi] għall-pakkett minimu ta’ l-aċċess u aċċess għall-binarju għal faċilitajiet tas-servizzi għandhom jiġu stabbiliti a bażi ta’ l-ispiża direttament involuta bħala riżultat ta’ l-operazzjoni tas-servizz tal-ferrovija.”

7

L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14 kien redatt kif ġej:

“1.   Skemi tal-piżijiet [sistemi ta’ impożizzjoni ta’ tariffi] infrastrutturali għandhom permezz ta’ skema tal-ħidma [sistema ta’ titjib tas-servizzi] jinkoraġġixxu l-impriżi tal-ferroviji u lill-amministratur ta’ l-infrastruttura biex jimminimizzaw it-telf [id-disturbi] u jtejbu l-ħidma [is-servizzi] tan-network tal-ferrovija. Dan jista’ jinkludi penali għal azzjonijiet li jtellfu l-operazzjoni [jiddisturbaw] tan-network, il-kumpens għall-impriżi li jbatu minn telf [dawn id-disturbi] u bonuses li jippremjaw ħidma aħjar minn dik li ġiet ippjanata.

2.   Il-prinċipji bażiċi ta’ l-iskema ta’ operazzjoni [tas-sistema ta’ titjib tas-servizzi] għandhom japplikaw man-network kollha”.

8

L-Artikolu 30 ta’ din id-direttiva kien jipprovdi:

“1.   Bla ħsara għall-Artikolu 21(6), l-Istati Membri għandhom jistabilixxu korp regulatorju. Dan il-korp, li jista’ jkun il-Ministeru responsabbli għall-affarijiet tat-trasport jew kwalunkwe korp ieħhor, għandu jkun indipendenti fl-organizzazzjoni tiegħu, fid-deċiżjonijiet tiegħu dwar fondi, struttura legali u t-teħid tad-deċiżjonijiet minn kull amministratur ta’ l-infrastruttura, korp tal-piżijiet [tal-impożizzjoni ta’ tariffi], korp jew applikant ta’ l-allokazzjoni. [...]

2.   Applikant għandu jkollu d-dritt li jappella lill-korp regolatorju jekk jemmen li ma ġiex ittrattat b’ mod ekwu, saret diskriminazzjoni kontrih jew ġie aggravat b’ kwalunkwe mod ieħor, u partikolarment kontra deċiżjonijiet addottati mill-amministratur ta’ l-infrastruttura jew meta approprjat, l-impriża tal-ferroviji li tikkonċerna:

a)

id-dikjarazzjoni tan-network;

b)

il-kriterji fih[a];

ċ)

il-proċess ta’ l-allokazzjoni u r-riżultat tiegħu;

d)

l-iskema tal-piżijiet [is-sistema ta’ impożizzjoni ta’ tariffi];

e)

livell jew struttura ta’ piżijiet infrastrutturali [tariffi għall-użu tal-infrastruttura] li hu meħtieġ jew li jista’ jkun meħtieġ li jħallas;

f)

it-tagħrif ipprovdut taħt l-Artikolu 10 tad-[Direttiva 91/440];

3.   Il-korp regulatorju għandu jassigura li l-piżijiet [t-tariffi] stabbiliti mill-amministratur ta’ l-infrastruttura jikkonformaw mal-Kapitolu II u ma humiex diskriminatorji. In-negozjati bejn l-applikanti u l-amministratur ta’ l-infrastruttura li jikkonċernaw il-livell ta’ piżijiet infrastrutturali [tariffi għall-użu tal-infrastruttura] għandhom jiġu permessi biss jekk dawn isiru taħt is-sorveljanza tal-korp regolatorju. Il-korp regolatorju għandu jintervieni jekk in-negozjati x’aktarx jikkontravenu r-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva.

4.   Il-korp regolatorju għandu l-awtorità jitlob informazzjoni relevanti mill-amministratur ta’ l-infrastruttura, applikanti u kull parti terza fl-Istat Membru kkonċernat, li għandha tiġi fornita mingħajr dewmien.

5.   Il-korp regolatorju għandu jiddeċiedi fuq kull ilment u jieħu azzjoni biex jirrimedja s-sitwazzjoni fi żmien massimu ta’ xahrejn minn meta jirċievi l-informazzjoni kollha.

Minkejja l-paragrafu 6, deċiżjoni tal-korp regolatorju għandha tkun torbot lill-partijiet kollha koperti minn dik id-deċiżjoni.

Fil-każ ta’ appell kontra rifjut li tingħata l-kapaċità infrastrutturali, jew kontra t-termini ta’ offerta għall-kapaċità, il-korp regolatorju għandu jew jikkonferma li ebda modifika tad-deċiżjoni ta’ l-amministratur ta’ l-infrastruttura ma hi meħtieġa, jew għandha teħtieġ modifika ta’ dik id-deċiżjoni skond id-direzzjonijiet speċifikati mill-korp regolatorju.

6.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiġi assigurat li deċiżjonijiet meħuda mill-korp regolatorju huma soġġetti għal rivista ġudizzjarja [stħarriġ ġudizzjarju]”.

Id-dritt Ċek

Il-liġi dwar il-linji tal-ferrovija

9

L-Artikolu 34ċ tal-Liġi Nru 266/1994 dwar il-Linji tal-Ferrovija (zákon č. 266/1994 Sb., o dráhách), tal-14 Diċembru 1994, fil-verżjoni tagħha applikabbli għal din il-kawża (iktar ’il quddiem “il-Liġi dwar il-Linji tal-Ferrovija”), huwa redatt kif ġej:

“Dikjarazzjoni tan-netwerk ferrovjarju nazzjonali u reġjonali

(1)   Il-korp ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet, wara konsultazzjoni mal-amministratur tal-linji tal-ferrovija, għandu jfassal, mhux iktar tard minn 12-il xahar qabel id-dħul fis-seħħ tal-iskeda ta’ servizz, id-dikjarazzjoni tan-netwerk ferrovjarju, u għandu jippubblikaha fil-Bullettin tat-Trasport u tat-Tariffi.

(2)   Id-dikjarazzjoni tan-netwerk ferrovjarju għandha tindika:

[...]

f)

il-kundizzjonijiet għall-irtirar tal-kapaċitajiet infrastrutturali attribwiti imma mhux użat jew parzjalment użati, inkluża l-informazzjoni dwar l-impożizzjoni ta’ tariffi għall-kapaċitajiet tat-trasport attribwiti u mhux użati;

g)

informazzjoni dwar l-impożizzjoni ta’ tariffi għall-allokazzjoni tal-kapaċitajiet infrastrutturali u dwar l-iffissar ta’ tariffi għall-użu tal-infrastruttura;

[...]”

10

L-Artikolu 34g ta’ din il-liġi jistabbilixxi:

“1)   L-applikant għal allokazzjoni ta’ kapaċitajiet tal-infrastruttura ferrovjarja jista’ jitlob lill-Uffiċċju tal-Linji tal-Ferrovija, f’terminu ta’ 15-il jum li jibda jiddekorri mill-pubblikazzjoni tad-dikjarazzjoni tan-netwerk ferrovjarju, sabiex jipproċedi għall-eżami tagħha, li jinkludi l-kriterji inklużi fiha.

2)   L-applikant għal allokazzjoni ta’ kapaċitajiet tal-infrastruttura ferrovjarja li l-korp ta’ allokazzjoni ma jkunx laqa’ t-talba tiegħu għandu d-dritt, skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 34e, li jitlob lill-Uffiċċju tal-Linji tal-Ferrovija, f’terminu ta’ 15-il jum li jibda jiddekorri min-notifika tad-dikjarazzjoni prevista fl-Artikolu 34e(4), sabiex jeżamina l-proċess ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura ferrovjarja, inkluż l-impatt tagħha u l-mod kif ġew iffissati l-prezzijiet.

3)   Jekk l-Uffiċċju tal-Linji tal-Ferrovija jikkonstata li fit-tfassil tad-dikjarazzjoni tan-netwerk, li tinkludi l-kriterji inklużi fiha, jew fil-proċess ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura ferrovjarja, inklużi r-riżultati tiegħu u l-mod kif ikunu ġew iffissati l-prezzijiet, tkun ġiet segwita proċedura inkorretta, huwa għandu jiddeċiedi li l-imsemmija dikjarazzjoni għandha tiġi mmodifikata, inklużi l-kriterji stabbiliti fiha, jew għandu jiddeċiedi dwar allokazzjoni ta’ dawn il-kapaċitajiet, u b’mod partikolari l-mod kif ġew iffissati l-prezzijiet”.

11

Skont l-Artikolu 56(ċ) tal-Liġi dwar il-Linji tal-Ferrovija, il-Ministeru tat-Trasport huwa “il-korp tal-appell fil-proċeduri amministrattivi, fl-oqsma rregolati minn din il-liġi, li jitressqu kontra d-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju tal-Linji tal-Ferrovija, tal-ispettorat tal-ferroviji u tal-komuni”.

Il-liġi fuq il-prezzijiet

12

Skont l-Artikolu 10(2) tal-Liġi Nru 526/1990 dwar il-prezzijiet (zákon č. 526/1990 Sb., o cenách), tas-27 ta’ Novembru 1990, fil-verżjoni tagħha applikabbli għal din il-kawża (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-prezzijiet”):

“Id-dispożizzjonijiet dwar il-leġiżlazzjoni tal-prezzijiet previsti fil-paragrafu 1 għandhom jiġu ppubblikati mill-Ministeru tal-Finanzi fil-Bullettin Uffiċjali tal-Prezzijiet […]. Huma għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali skont dispożizzjonijiet legali speċjali. […] Id-deċiżjoni dwar il-prezzijiet għandha ssir valida dakinhar li tiġi ppubblikata fil-Bullettin Uffiċjali korrispondenti u għandha tidħol fis-seħħ fid-data stabbilita fiha, imma mhux qabel dakinhar li tiġi ppubblikata.”

13

Skont l-Artikolu 10(2) tal-Liġi dwar il-prezzijiet, il-Ministeru tal-Finanzi jippubblika deċiżjoni (“Výměr”) li tistabbilixxi l-lista tal-oġġetti li prezzhom ikun qed jiġi rregolat. Il-Ministeru tal-Finanzi jippubblika din id-deċiżjoni kull sena fil-Bullettin Uffiċjali tal-Prezzijiet. Din tiffissa l-prezz massimu għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja interna, kemm nazzjonali kif ukoll reġjonali, fil-kuntest tal-operat tat-trasport ferrovjarju.

Il-Liġi dwar il-Fond Statali tal-Infrastrutturi tat-Trasport

14

Skont l-Artikolu 2 tal-Liġi dwar il-Fond Statali tal-Infrastrutturi tat-Trasport (Zákon č. 104/2000 Sb., o Státním fondu dopravní infrastruktury), tal-4 ta’ April 2000, fil-verżjoni tagħha applikabbli għal din il-kawża, (iktar ’il quddiem “il-Liġi dwar il-Fond Statali tal-Infrastrutturi tat-Trasport”):

“Il-Fond jalloka d-dħul tiegħu lill-iżvilupp, lill-kostruzzjoni, lill-manutenzjoni u lill-modernizzazzjoni tat-toroq u tal-awtostradi, tal-linji tal-ferrovija u tal-ilmijiet navigabbli kif ġej:

[...]

c)

il-finanzjament tal-kostruzzjoni, tal-modernizzazzjoni, tat-tiswija u tal-manutenzjoni tal-linji tal-ferrovija nazzjonali u reġjonali,

[...]

f)

l-għoti ta’ krediti għal xogħlijiet preparatorji jew għal proġetti, studji jew perizji għall-kostruzzjoni, għall-modernizzazzjoni jew għat-tiswija ta’ toroq jew ta’ awtostradi, ta’ ilmijiet navigabbli importanti għat-trasport u għall-kostruzzjoni ta’ linji tal-ferrovija nazzjonali jew reġjonali,

[...]”

Il-Liġi dwar il-kompetenzi tal-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni

15

Skont l-Artikolu 2 tal-Liġi Nru 273/1996 dwar il-kompetenzi tal-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni (zákon č. 273/1996 Sb., o působnosti Úřadu pro ochranu hospodářské soutěže), tal-11 ta’ Ottubru 1996, fil-verżjoni tagħha applikabbli għal din il-kawża (iktar ’il quddiem “il-Liġi dwar il-kompetenzi tal-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni”), dan il-korp, fost l-oħrajn:

“[...]

a)

joħloq il-kundizzjonijiet li jippermettu li tiġi promossa u li tinżamm il-kompetizzjoni,

b)

jiżgura sorveljanza fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi,

c)

għandu kompetenzi oħrajn iddefiniti minn lex specialis”.

Il-Liġi dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni

16

Skont l-Artikolu 1(1) tal-Liġi Nru 143/2001 dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni (zákon č. 143/2001 Sb., o ochraně hospodářské soutěže a o změně některých zákonů), tal-4 ta’ April 2001, fil-verżjoni tagħha applikabbli għal din il-kawża (iktar ’il quddiem “il-Liġi dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni”), din tal-aħħar:

“[...] għandha torganizza l-protezzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tal-prodotti u tas-servizzi […] kontra kull prattika li timpedixxi, tirrestrinġi, twettaq distorsjoni ta’ jew thedded il-kompetizzjoni [permezz ta’]

a)

akkordji bejn il-kompetituri,

b)

operat abbużiv ta’ pożizzjoni dominanti min-naħa ta’ kompetituri, jew

c)

konċentrazzjoni ta’ impriżi kompetituri”.

Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

17

Fl-10 ta’ Mejju 2007, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lir-Repubblika Ċeka sabiex tiżgura ruħha mill-fatt li dan l-Istat Membru kien ittraspona b’mod korrett id-Direttivi 2001/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 376), 2001/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE dwar l-għoti ta’ liċenzji għal impriżi ferrovjarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 401), u 2001/14 (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“ewwel pakkett ferrovjarju”), fl-ordinament ġuridiku tagħha. L-awtoritajiet Ċeki wieġbu dan il-kwestjonarju permezz ta’ ittra fil-11 ta’ Lulju 2007.

18

Fil-21 ta’ Novembru 2007, il-Kummissjoni talbet preċiżazzjonijiet addizzjonali li r-Repubblika Ċeka pprovdiet permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Diċembru 2007.

19

Fis-27 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni, abbażi tal-informazzjoni mibgħuta mir-Repubblika Ċeka, intimat lil dan l-Istat Membru sabiex jikkonforma ruħu mad-Direttivi 91/440 u 2001/14 u, b’mod partikolari, mad-dispożizzjonijiet tagħhom dwar it-tariffi għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja kif ukoll ma’ dawk dwar il-korp regolatorju.

20

Fis-26 ta’ Awwissu 2008, ir-Repubblika Ċeka wieġbet għall-intimazzjoni tal-Kummissjoni.

21

Fid-9 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Ċeka opinjoni motivata li fiha, minn naħa, hija takkuża lil din tal-aħħar talli naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 4(1), 6(2), 7(3), 11 u 30(5) tad-Direttiva 2001/14 kif ukoll l-Artikolu 10(7) tad-Direttiva 91/440, u min-naħa l-oħra, din l-istituzzjoni kienet stiednet lir-Repubblika Ċeka biex tieħu l-miżuri meħtieġa biex tikkonforma ruħha mal-opinjoni motivata f’terminu ta’ xahrejn li jibdew jiddekorru mill-wasla ta’ din l-imsemmija opinjoni motivata.

22

Permezz ta’ ittra tat-8 Diċembru 2009, ir-Repubblika Ċeka wieġbet għall-imsemmija opinjoni motivata billi kkontestat in-nuqqasijiet li bihom ġiet akkużata mill-Kummissjoni.

23

Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors.

24

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-11 ta’ Lulju 2011, ir-Repubblika Taljana u r-Renju ta’ Spanja tħallew jintervjenu insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Ċeka. B’ittra tat-22 ta’ Settembru 2011, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Settembru 2011, ir-Repubblika Taljan irrinunċjat għat-talba għal intervent tagħha.

Fuq ir-rikors

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/14

L-argumenti tal-partijiet

25

Il-Kummissjoni ssostni li, billi tiffissa l-ammont massimu tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja, ir-Repubblika Ċeka kisret l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/14.

26

Din l-istituzzjoni ssostni li minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li d-dritt li għandu l-Istat Membru li jiffissa l-kuntest tal-impożizzjoni ta’ tariffi għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja għandu jirrispetta d-dritt tal-amministratur li jiddetermina l-ammont tat-tariffa u li jiġborha.

27

Issa, l-iffissar, b’deċiżjoni annwali tal-Ministeru tal-Finanzi, ta’ tariffa massima applikabbli għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja, skont l-Artikolu 10(2) tal-Liġi dwar il-prezzijiet, imur lil hinn mill-kuntest għall-impożizzjoni ta’ tariffa u mir-regoli li l-Istati Membri huma intitolati jiddefinixxu abbażi tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/14.

28

Ir-Repubblika Ċeka ssostni li n-nuqqas allegat jistrieħ fuq interpretazzjoni litterali u sistematika mill-Kummissjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/14, filwaqt li hemm bżonn li dan l-artikolu jiġi interpretat permezz ta’ interpretazzjoni teleoloġika biex tiġi ddeterminata l-portata tal-obbligi li jinsabu fih.

29

Skont dan l-Istat Membru, in-neċessità li jiġu eliminati l-impatti negattivi tal-pożizzjoni ta’ monopolju tal-amministratur tal-infrastruttura tagħmel parti mill-għan ġenerali tad-Direttiva 2001/14, u dan jispjega r-raġuni għaliex din tal-aħħar tagħti lill-Istati Membri l-kompetenza sabiex jistabbilixxu kuntest jew sistema għall-impożizzjoni ta’ tariffi.

30

F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Ċeka tippreċiża li, sa fejn il-pożizzjoni ta’ monopolju tal-amministratur tista’ timmanifesta ruħha permezz tal-iffissar ta’ ammont eċċessivament għoli ta’ tariffi li t-trasportatur ferrovjarju storiku biss jista’ jsostni, l-iffissar ta’ ammont massimu jippermetti li jintlaħaq l-għan imfittex mid-Direttiva 2001/14.

31

Barra minn hekk, l-iffissar tal-prezz massimu ma jfissirx li l-amministratur tal-infrastruttura ma jkunx jista’ jiddetermina huwa stess l-ammont tat-tariffi.

32

Ir-Renju ta’ Spanja essenzjalment isostni li l-iffissar ta’ ammont massimu ma jiprekludix lill-amministratur tal-infrastruttura milli konkretament jistabbilixxi t-tariffi.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

33

Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/14, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kuntest għall-impożizzjoni ta’ tariffi. Huma jistgħu jistabbilixxu wkoll regoli dwar l-impożizzjoni ta’ tariffi speċifiċi, filwaqt li josservaw l-indipendenza ta’ amministrazzjoni tal-amministratur tal-infrastruttura. Skont din id-dispożizzjoni, huwa dan tal-aħħar, minn naħa, li għandu jiddetermina t-tariffa għall-użu tal-infrastruttura u, min-naħa l-oħra, li għandu jipproċedi għall-ġbir tagħha.

34

Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi għalhekk allokazzjoni tal-kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-amministratur tal-infrastruttura f’dak li jikkonċerna s-sistemi ta’ impożizzjoni ta’ tariffi. Fil-fatt, huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu kuntest għall-impożizzjoni ta’ tariffi, filwaqt li huwa l-amministratur tal-infrastruttura li għandu jiddetermina t-tariffa u l-ġbir tagħha.

35

Sabiex jiġi ggarantit l-għan ta’ indipendenza ta’ amministrazzjoni tal-amministratur tal-infrastruttura, dan tal-aħħar għandu jgawdi, fil-kuntest tal-impożizzjoni ta’ tariffa kif iddefinita mill-Istati Membri, minn ċertu marġni ta’ manuvra biex jiġi ddeterminat l-ammont ta’ tariffi b’mod li jippermettilu li jużah bħala strument ta’ amministrazzjoni (sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-483/10, punt 49).

36

Issa, l-iffissar, b’deċiżjoni annwali tal-Ministeru tal-Finanzi, ta’ tariffa massima applikabbli għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja, skont l-Artikolu 10(2) tal-Liġi dwar il-prezzijiet, għandu bħala effett li jirrestrinġi l-marġni ta’ manuvra tal-amministratur tal-infrastruttura b’mod li huwa inkompatibbli mal-għanijiet tad-Direttiva 2001/14.

37

Għandu b’mod partikolari jiġi rrilevat li, skont kif previst fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva, l-amministratur tal-infrastruttura għandu jkun f’pożizzjoni li jiffissa jew li jżomm l-ogħla tariffi bbażati fuq l-ispiża għal tul twil ta’ żmien ta’ ċerti proġetti ta’ investiment.

38

Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li f’dan ir-rigward il-leġiżlatur Ċek mhux qed jimxi mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/14.

39

Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed inkwistjoni mill-argument tar-Repubblika Ċeka li huwa bbażat fuq il-ħtieġa li jiġi evitat li l-pożizzjoni ta’ monopolju tal-amministratur tal-infrastruttura tiġi mmanifestata permezz tal-iffissar ta’ tariffi ta’ ammont eċċessiv. Skont l-Artikolu 10(7) tad-Direttiva 91/440, huwa l-korp regolatorju stabbilit skont l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14, jew kwalunkwe korp ieħor li jgawdi mill-istess grad ta’ indipendenza, li għandu jissorvelja l-osservanza tal-kompetizzjoni fis-swieq tas-servizzi ferrovjarji, inkluż is-suq tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija. Fir-Repubblika Ċeka, dan il-kompitu ġie fdat lill-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni.

40

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, billi ffissat l-ammont massimu ta’ tariffi ta’ aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja, ir-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/14.

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ miżuri li jinkoraġġixxu l-amministratur biex inaqqas l-ispejjeż ta’ provvista tal-infrastruttura u l-ammont ta’ tariffi ta’ aċċess

L-argumenti tal-partijiet

41

Il-Kummissjoni ssostni li, billi ma adottatx il-miżuri intiżi biex jinkoraġġixxu l-amministratur biex inaqqas l-ispejjeż ta’ provvista tal-infrastruttura ferrovjarja u l-ammont ta’ tariffi ta’ aċċess għall-imsemmija infrastruttura, ir-Repubblika Ċeka kisret l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/14.

42

Skont din l-istituzzjoni, l-iskema ta’ inċentivi prevista minn din id-dispożizzjoni tippreżumi rabta diretta bejn l-għoti ta’ riżorsi finanzjarji u l-aġir tal-amministratur tal-infrastruttura, b’dan tal-aħħar ikollu jnaqqas l-ispejjeż tal-provvista tal-infrastruttura jew l-ammont tat-tariffi ta’ aċċess.

43

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li l-għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Fond Statali tal-Infrastrutturi tat-Trasport skont il-Liġi dwar il-Fond Statali tal-Infrastrutturi tat-Trasport huma intiżi biex itejbu l-istat tal-infrastrutturi ferrovjarji, iżda bl-ebda mod ma jikkostitwixxu inċentivi intiżi biex jinkoraġġixxu lill-amministratur biex inaqqas l-ispejjeż ta’ provvista tal-infrastruttura jew l-ammont ta’ tariffi.

44

Ir-Repubblika Ċeka ssostni li r-rwol mogħti lill-Istati Membri mill-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/14, jiġifieri li jinkoraġġixxi lill-amministratur tal-infrastrutturi b’inċentivi sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-provvista tal-infrastruttura kif ukoll tal-livell tat-tariffi ta’ aċċess, ma huwiex mingħajr kundizzjonijiet.

45

Fil-fatt, huwa biss ladarba jintlaħaq livell suffiċjenti ta’ kwalità u ta’ sigurtà tal-infrastruttura ferrovjarja fuq in-netwerk kollu jew, tal-inqas, fuq il-parti kbira tiegħu li l-Istati Membri huma obbligati li jilħqu u jfittxu l-għan intiż minn din id-dispożizzjoni.

46

Issa, fid-dawl tal-istat attwali tal-infrastruttura ferrovjarja Ċeka, l-implementazzjoni tal-obbligu previst fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/14 ma tistax tiġi żgurata b’mod sħiħ mingħajr it-tqegħid fil-perikolu tas-sigurtà jew tal-kwalità tas-servizzi tal-infrastruttura inkwistjoni.

47

Fi kwalunkwe każ, ir-Repubblika Ċeka ssostni li l-inċentivi msemmija fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/14 huma attwalment mwettqa permezz tal-Fond Statali tal-Infrastrutturi tat-Trasport. Fil-fatt, dan tal-aħħar, permezz ta’ sussidji allokati mill-Istat, jerfa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħu l-parti l-kbira tal-ispejjeż ta’ manutenzjoni tal-linji tal-ferrovija, b’mod li, mingħajr dawn is-sussidji, l-ammont ta’ tariffi għall-użu tal-infrastruttura jkun bil-bosta ogħla.

48

Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li ma huwiex raġonevoli li jitnaqqas l-ammont tat-tariffi ta’ aċċess mingħajr ma jiġi l-ewwel nett immodernizzat in-netwerk ferrovjarju u, għalhekk, jitnaqqsu l-ispejjeż ta’ manutenzjoni.

49

Dan l-Istat Membru jsostni barra minn hekk li l-implementazzjoni tal-miżuri intiżi għat-tnaqqis tal-ispejjeż għandha ssir fil-kuntest tal-għan imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/14, li jipprovdi li l-kontijiet tal-amministratur tal-infrastruttura għandhom ikunu fi bilanċ mingħajr għajnuna finanzjarja mill-Istat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

50

Mill-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/14 jirriżulta li l-amministratur tal-infrastruttura, filwaqt li josserva r-rekwiżiti fil-qasam tas-sigurtà kif ukoll li jżomm u jtejjeb il-kwalità tas-servizz tal-infrastruttura, għandu jiġi inkoraġġit b’inċentivi sabiex inaqqas l-ispejjeż tal-fornitura tal-infrastruttura u l-livell tat-tariffi ta’ aċċess għall-użu ta’ din tal-aħħar.

51

L-Artikolu 6(3) ta’ l-imsemmija direttiva jipprovdi li l-obbligu li jirriżulta mill-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu għandu jiġi implementat jew fil-kuntest ta’ kuntratt multiannwali, konkluż bejn l-amministratur tal-infrastruttura u l-awtorità kompetenti, li jistabbilixxi l-finanzjament mill-Istat, jew permezz ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi xierqa, li jistabbilixxu s-setgħat neċessarji.

52

F’din il-kawża, fir-rigward tal-argument tar-Repubblika Ċeka bbażat fuq id-deterjorament tal-infrastruttura ferrovjarja, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, għalkemm huwa minnu li, skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/14, l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-istat ta’ din l-infrastruttura fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 6(2) u (3) ta’ din id-direttiva, xorta jibqa’ l-fatt li huma għandhom ukoll, jew li jiżguraw li jiġu konklużi kuntratti multiannwali ta’ finanzjament li jinkludu inċentivi, jew jistabbilixxu kuntest leġiżlattiv f’dan ir-rigward.

53

Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-istat iddeterjorat tal-infrastruttura ma jeskludix l-adozzjoni ta’ miżuri li għandhom l-għan li jiżguraw li l-ispejjeż marbuta mal-amministrazzjoni tal-infrastruttura, minn naħa, jikkorrispondu għal dawk ta’ infrastruttura amministrata b’mod effikaċi u, min-naħa l-oħra, ma jinkludux spejjeż frivoli, li jiġu mberbqa mill-amministratur tal-infrastruttura.

54

F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi ppreċiżat li l-inċentivi li għandhom jiġu adottati, u b’mod partikolari l-għanijiet konkreti mfittxa mill-Istati Membri permezz ta’ dawn tal-aħħar, għandhom ikunu kompatibbli mar-rekwiżiti fil-qasam tas-sigurtà u maż-żamma ta’ kwalità ta’ servizz tal-infrastruttura ferrovjarja, skont kif ipprovdut fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/14.

55

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-finanzjament mill-Istat tal-amministratur tal-infrastruttura msemmija mir-Repubblika Ċeka, għalkemm jista’ jkollu l-effett li jnaqqas l-ispejjeż ta’ provvista tal-infrastruttura u l-livell tat-tariffi ta’ aċċess, waħdu ma għandux effett fir-rigward tal-imsemmi amministratur, sa fejn dan il-finanzjament ma jinvolvi l-ebda impenn min-naħa ta’ dan tal-aħħar.

56

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma adottatx miżuri intiżi biex jinkoraġġixxu lill-amministratur biex inaqqas l-ispejjeż ta’ provvista tal-infrastruttura ferrovjarja u l-livell tat-tariffi ta’ aċċess għall-imsemmi infrastruttura, ir-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/14.

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-kunċett ta’ “l-ispiża direttament involuta bħala riżultat ta’ l-operazzjoni tas-servizz tal-ferrrovija [l-ispiża imputabbli direttament għall-operat tas-servizz ferrovjarju]”, fis-sens tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2001/14

L-argumenti tal-partijiet

57

Il-Kummissjoni ssostni li fir-Repubblika Ċeka, it-tariffi miġbura għas-servizzi minimi kollha u għall-aċċess min-netwerk għall-infrastrutturi tas-servizzi ma humiex ugwali għall-ispejjeż imputabbli direttament għall-operat tas-servizz ferrovjarju, bi ksur ta’ dak li jipprevedi l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2001/14.

58

Skont din l-istituzzjoni, il-kunċett ta’ “l-ispiża direttament involuta bħala riżultat ta’ l-operazzjoni tas-servizz tal-ferrrovija [l-ispiża imputabbli direttament għall-operat tas-servizz ferrovjarju]”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jirreferi għall-kunċett ta’ “spiża marġinali”. Dan l-aħħar kunċett jikkorrispondi biss, skont il-Kummissjoni, għall-ispejjeż irrappreżentati mill-movimenti effettivi ta’ ferroviji u mhux għall-ispejjeż fissi, peress li dawn tal-aħħar ma jvarjawx skont l-operat tas-servizz ferrovjarju.

59

Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika Ċeka ssostni li, peress li la d-Direttiva 2001/14 u lanqas dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni ma jippreċiżaw l-ispejjeż li jaqgħu jew li ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “l-ispiża direttament involuta bħala riżultat ta’ l-operazzjoni tas-servizz tal-ferrrovija [l-ispiża imputabbli direttament għall-operat tas-servizz ferrovjarju]”, għandu jiġi vverifikat, sabiex dawn jiġu ddeterminati, jekk hemmx rabta kawżali diretta bejn l-ispejjeż ikkonċernati u l-operat tas-servizz ferrovjarju, jiġifieri li jiġi stabbilit jekk dawn l-ispejjeż ġewx effettivament sostnuti għall-finijiet tal-operat ta’ tali servizz. Għaldaqstant, jaqgħu taħt dan il-kunċett l-ispejjeż kollha marbuta direttament ma’ attività jew ma’ suġġett li l-assenza jew in-nuqqas jipprojbixxi lill-ferroviji milli jiċċirkolaw.

60

Dan l-Istat Membru jippreċiża li fir-Repubblika Ċeka l-proċedura tal-iffissar mill-amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja tal-ammont tat-tariffi li jirriżulta mill-Artikolu 34ċ tal-Liġi dwar il-Linji tal-Ferrovija, moqri flimkien mad-dikjarazzjoni tan-netwerk ferrovjarju Nru 57822/10-OŘ, dwar il-ħinijiet għall-perijodu 2010/2011 (iktar ’il quddiem, id-“dikjarazzjoni tan-netwerk 2010/2011”), adottata mill-imsemmi amministratur skont din id-dispożizzjoni, tiggarantixxi li dan l-ammont jieħu biss inkunsiderazzjoni l-ispejjeż direttament marbuta mal-operat tas-servizz ferrovjarju. Sabiex jiġi ddeterminat jekk spiża partikolari, jew kategorija ta’ spejjeż, tkunx imputabbli direttament għall-operat tas-servizz ferrovjarju, għandu jiġi eżaminat jekk din l-ispiża, jew din il-kategorija ta’ spejjeż, tiġix iġġenerata bl-operat ta’ trasport ferrovjarju partikolari.

61

Billi tibbaża ruħha fuq il-parir tal-Komunità tal-Impriżi Ferrovjarji u Infrastrutturali Ewropej (CER), maħruġ f’Mejju 2011 u dwar ir-riformulazzjoni tal-ewwel pakkett ferrovjarju, ir-Repubblika Ċeka ssostni, b’mod partikolari, li l-ispejjeż marbuta mal-programmazzjoni, mal-allokazzjoni tal-mogħdijiet, mal-amministrazzjoni tat-traffiku, mad-dispaċċ u mas-sinjalazzjoni ta’ moviment ta’ ferrovija għandhom jaqgħu fil-kategorija ta’ spejjeż imputabbli direttament għall-operat ta’ servizz ferrovjarju.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

62

Skont l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2001/14, it-tariffi mħallsa għall-provvisti minimi kollha u għall-aċċess permezz tan-netwerk għall-infrastruttura ta’ servizzi għandhom ikunu ugwali għall-ispiża direttament involuta għall-operat tas-servizz ferrovjarju, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 4 jew 5 ta’ dan l-Artikolu jew tal-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva.

63

Skont il-Kummissjoni, “l-ispiża direttament involuta bħala riżultat ta’ l-operazzjoni tas-servizz tal-ferrrovija [l-ispiża imputabbli direttament għall-operat tas-servizz ferrovjarju]”, fis-sens tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2001/14, għandha tinftiehem bħala l-ispiża marġinali imputabbli għall-operat reali tas-servizz ferrovjarju. Matul is-seduta, il-Kummissjoni ppreċiżat li dan jikkorrispondi prinċipalment għall-ispejjeż marbuta mal-ħsarat fil-linji tal-ferrovija minħabba l-użu li jirriżultaw miċ-ċirkulazzjoni tal-ferroviji. Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika Ċeka tqis li l-ispejjeż li jistgħu jiġu kkunsidrati sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tat-tariffi huma dawk li fir-rigward tagħhom tista’ tiġi stabbilita rabta kawżali diretta mal-operat tas-servizz ferrovjarju, jiġifieri l-ispejjeż meħtieġa għall-operat tal-imsemmi servizz.

64

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 2001/14 ma tinkludi ebda definizzjoni tal-kunċett ta’ “l-ispiża direttament involuta bħala riżultat ta’ l-operazzjoni tas-servizz tal-ferrrovija” u li ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tiddetermina l-ispejjeż li jaqgħu jew dawk li ma jaqgħux taħt dan il-kunċett.

65

Minbarra dan, fir-rigward ta’ kunċett li jaqa’ taħt ix-xjenza ekonomika li l-applikazzjoni tiegħu tqajjem, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 93 tal-konklużjonijiet tiegħu, diffikultajiet prattiċi kunsiderevoli, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri jgawdu minn ċerta marġni ta’ diskrezzjoni għall-finijiet tat-traspożizzjoni u tal-applikazzjoni ta’ dan il-kunċett fid-dritt intern.

66

Minn dan isegwi li f’din il-kawża għandu jiġi vverifikat jekk il-leġiżlazzjoni Ċeka tippermettix li jiġi inkluż il-kalkolu tat-tariffi miġbura għas-servizzi minimi kollha u l-aċċess min-netwerk għall-infrastrutturi ferrovjarji tal-elementi li manifestament ma humiex direttament imputabbli għall-operat tas-servizz ferrovjarju.

67

Skont il-Kummissjoni, mid-Digriet Nru 501/2005 li jiffissa l-ispejjeż, sostnuti mill-amministratur tal-linji tal-ferrovija, marbuta mal-operat u mal-funzjonament, mal-modernizzazzjoni u mal-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija (vyhláška č. 501/2005 Sb., o vymezení nákladů provozovatele dráhy spojených s provozováním a zajišťováním provozuschopnosti, modernizace a rozvoje železniční dopravní cesty), tat-8 Diċembru 2005 (iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 501/2005”) jirriżulta li l-ispejjeż ġenerali huma inklużi fil-kalkolu tat-tariffi. Barra minn hekk, hija ssostni li l-ammont tat-tariffi fir-Repubblika Ċeka huwa ddeterminat fuq il-bażi ta’ “mudell ta’ kapaċità” ta’ allokazzjoni tal-ispejjeż previsti. Issa, il-Kummissjoni tqis li l-Istati Membri ma jistgħux jikkalkolaw b’dan il-mod l-ispejjeż direttament imputabbli għall-operat reali. Barra minn hekk, hija tqis li minn dan id-digriet jirriżulta li l-ispejjeż ġenerali huma inklużi fil-kalkolu tat-tariffi.

68

Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika Ċeka tqis li d-Digriet Nru 501/2005 jikkonċerna biss id-determinazzjoni tal-ispejjeż li ġew sostnuti mill-amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja qabel l-1 ta’ Lulju 2008 u li, f’ebda każ, dan it-test ma jservi ta’ bażi għall-iffissar tal-ammont tat-tariffi marbuta mal-użu tal-imsemmija infrastruttura. Għalhekk, mingħajr ma tikkontesta li l-ispejjeż ġenerali kienu, skont l-imsemmi digriet, inklużi fil-kalkolu tal-ispejjeż sostnuti mill-amministratur tal-infrastruttura, ir-Repubblika Ċeka madankollu ssostni li ma huwiex meħud inkunsiderazzjoni l-kalkolu tat-tariffi msemmija fl-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2001/14. Barra minn hekk, dan l-Istat Membru jsostni li l-mudell ta’ kapaċità ma huwiex kapaċi jiddetermina l-ammont tat-tariffi iżda kien biss jikkostitwixxi wieħed mill-parametri għall-kalkolu tal-prezz massimu għall-użu tal-infrastruttura tal-ferrovija minn ferrovija partikolari f’sezzjoni ddeterminata.#

69

Skont ir-Repubblika Ċeka, il-proċedura għad-determinazzjoni tal-ammont tat-tariffi tirriżulta mill-Artikolu 34ċ tal-Liġi dwar il-Linji tal-Ferrovija, moqri flimkien mad-Dikjarazzjoni tan-netwerk 2010/2011, li jadatta dan l-ammont skont it-tip ta’ ferrovija, tat-toqol tal-imsemmija ferrovija u tad-distanza magħmula. Il-metodu tal-kalkolu tal-prezz għall-użu tas-servizz ta’ trasport jieħu inkunsiderazzjoni wkoll regoli speċifiċi kif ukoll il-kuntest għall-impożizzjoni ta’ tariffi, kif ġew iddefiniti mill-awtorità regolatorja, tal-ispejjeż marbuta mal-operat tas-servizz, espressi f’ferrovija-kilometri, tal-ispejjeż imputabbli direttament għall-funzjonament tas-servizz iġġenerati mill-operat tat-trasport ferrovjarju, espressi f’tunnellata-kilometri, kif ukoll tal-ispejjeż addizzjonali direttament marbuta mal-użu tas-servizz ta’ trasport.

70

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tan-nuqqas allegat. Għalhekk, hija hi li għandha tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja bl-elementi neċessarji għall-verifika tal-eżistenza ta’ dan in-nuqqas, mingħajr ma tibbaża ruħha fuq kwalunkwe preżunzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-28 ta’ Frar 2013, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-555/10, punt 62, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-556/10, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71

Issa, f’din il-kawża, ir-Repubblika Ċeka tikkontesta li d-Digriet Nru 501/2005 u l-mudell ta’ jservu ta’ bażi għall-iffissar tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura u l-Kummissjoni ma rnexxiliex turi l-fondatezza tal-allegazzjoni tagħha f’dan ir-rigward.

72

Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-leġiżlazzjoni Ċeka, u b’mod iktar preċiż id-Dikjarazzjoni tan-netwerk 2010/2011, tinkludi l-elementi li jippermettu lill-amministratur tal-infrastruttura biex jiddetermina, u għall-korp regolatorju li jivverifika, l-ammont tat-tariffi skont ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2001/14. Fir-rigward tal-applikazzjoni konkreta tal-imsemmija elementi, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma pprovdietx eżempji konkreti li juru li fir-Repubblika Ċeka t-tariffi ta’ aċċess huma ffissati bi ksur tal-imsemmi rekwiżit. Issa, skont ġurisprudenza mfakkra fil-punt 70 ta’ din is-sentenza, din tal-aħħar ma tistax f’dan ir-rigward tibbaża ruħha fuq kwalunkwe preżunzjonijiet.

73

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tielet motiv invokat mill-Kummissjoni insostenn tar-rikors tagħha għandu jiġi ddikjarat bħala infondat.

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ sistema ta’ titjib tas-servizzi

L-argumenti tal-partijiet

74

Il-Kummissjoni ssostni li billi ma ġiet stabbilita l-ebda sistema ta’ titjib tas-servizzi tali li tinkoraġġixxi lill-impriżi ferrovjarji u lill-amministratur tal-infrastruttura jimminimizzaw id-disturbi u jtejbu s-servizzi tan-netwerk ferrovjarju, ir-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 11(1) u (2) tad-Direttiva 2001/14.

75

Ir-Repubblika Ċeka ssostni li, fid-dawl tal-grad ta’ armonizzazzjoni li ntlaħaq fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni ma stabbilietx in-natura insuffiċjenti tas-sistema ta’ titjib tas-servizzi stabbilita bid-Dikjarazzjoni tan-netwerk 2010/2011, deċiż fuq il-bażi tal-Artikolu 34ċ tal-Liġi dwar il-Linji tal-Ferrovija.

76

Dan l-Istat Membru sussegwentement jgħid li l-Artikolu 51(1) sa (4) u (6) sa (8) tal-Liġi dwar il-Linji tal-Ferrovija jipprovdi għall-impożizzjoni ta’ multi fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi intiżi biex jiġi ggarantit l-operat tan-netwerk jew fl-assenza tal-miżuri meħuda sabiex jiġi rrimedjati d-disturbi tiegħu.

77

Fl-aħħar nett, fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika Ċeka tindika li l-Artikolu 34ċ(2)(k) tal-Liġi dwar il-Linji tal-Ferrovija, kif emendata bil-Liġi Nru 134/2011 (zákon č. 134/2011 Sb., kterým se mění zákon č. 266/1994 Sb.), tat-3 ta’ Mejju 2011, issa jipprovdi li d-dikjarazzjoni tan-netwerk għandha tinkludi “delimitazzjoni ta’ sistema ta’ inċentivi finanzjarji għall-awtorità responsabbli mill-allokazzjoni u għat-trasportatur sabiex jiġu minimizzati d-disturbi fl-infrastruttura u tiżdied il-permeabbiltà tagħha għall-finijiet tan-negozjar ta’ kuntratt għall-operat tas-servizz ferrovjarju; is-sistema tista’ tinkludi multi u kumpensi”.

78

Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li għandha tiġi analizzata kull miżura konkreta u li għandu jiġi eżaminat jekk, fis-sistema kollha ta’ impożizzjoni ta’ tariffi għall-infrastruttura ferrovjarja, dawn il-miżuri humiex effikaċi sabiex jimminimizzaw id-disturbi u jtejbu l-funzjonament tan-netwerk ferrovjarju, fejn dawn tal-aħħar huma l-għanijiet imfittxa mid-Direttiva 2001/14.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

79

Skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2001/14, is-sistemi ta’ impożizzjoni ta’ tariffi għall-użu tal-infrastruttura għandhom jinkoraġġixxu lill-impriżi ferrovjarji u lill-amministratur tal-infrastruttura biex inaqqsu għall-minimu d-disturbi u li jtejbu s-servizzi tan-netwerk ferrovjarju billi jistabbilixxu sistema ta’ titjib tas-servizzi. Skont din l-istess dispożizzjoni, din is-sistema tista’ tinkludi multi, kumpens u bonus ta’ inċentivi.

80

Minn dan jirriżulta, minn naħa, li l-Istati Membri għandhom jinkludu fis-sistema ta’ impożizzjoni ta’ tariffi tal-infrastruttura sistema ta’ titjib tas-servizzi intiża biex tinkoraġġixxi kemm lill-impriżi ferrovjarji kif ukoll lill-amministratur tal-infrastruttura biex itejbu s-servizzi tan-netwerk. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-tip ta’ inċentivi li jistgħu jiġu implementati mill-Istati Membri, dawn tal-aħħar iżommu l-libertà tal-għażla tal-miżuri konkreti li jifformaw parti mill-imsemmija sistema sakemm dawn jikkostitwixxu ġabra koerenti u trasparenti li tista’ tiġi kklassifikata bħala “sistema ta’ titjib tas-servizzi” (sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64).

81

Issa, f’din il-kawża, il-liġijiet u ftehim invokat mir-Repubblika Ċeka ma jistgħux jitqiesu bħala li jikkostitwixxu tali ġabra.

82

Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-Artikolu 34ċ tal-Liġi dwar il-Linji tal-Ferrovija, għandu jiġi kkonstatat li dan ma jinkludi l-ebda dispożizzjoni li tistabbilixxi l-inklużjoni, fid-dikjarazzjoni tan-netwerk, ta’ sistema ta’ titjib tas-servizzi. Fir-rigward tad-Dikjarazzjoni tan-netwerk 2010/2011, għandu jiġi rrilevat li, skont il-punt 6.4 ta’ din tal-aħħar, l-amministratur tal-infrastruttura jeċċedi għat-talba eventwali ta’ trasportatur dwar l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ kumpens finanzjarju permezz ta’ penali kuntrattwali reċiproċi li l-prinċipji tagħhom għandhom jiġu ddefiniti b’kuntratt. Minn dan isegwi li, anki jekk jiġi preżunt li tali sistema, li l-applikazzjoni tagħha hija f’idejn il-kontraenti, kienet applikabbli fi tmien it-terminu tal-opinjoni motivata, hija għandha biss natura fakultattiva u ma tistax għalhekk titqies bħala li tikkostitwixxi l-implementazzjoni kompluta u adegwata tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14.

83

Sussegwentement, fir-rigward tal-Artikolu 51(1) sa (4) u (6) sa (8) tal-Liġi dwar il-Linji tal-Ferrovija, imsemmi mir-Repubblika Ċeka fil-kontroreplika tagħha, għandu jiġi rrilevat li dan l-artikolu, sa fejn sempliċement jimponi multi, jew fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi intiżi biex jiġi ggarantit l-operat tan-netwerk, jew fl-assenza tal-miżuri meħuda sabiex jiġi rrimedjat d-deterjorament tiegħu, ma jistax jitqies bħala li jistabbilixxi sistema ta’ titjib tas-servizzi fi ħdan is-sistema ta’ impożizzjoni ta’ tariffi tal-infrastruttura, fis-sens tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14.

84

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 2 tal-Liġi dwar il-Fond Statali tal-Infrastrutturi tat-Trasport, inkwantu jipprovdi biss għall-għoti ta’ għajnuna finanzjarja sabiex jiġi mantenut jew imtejjeb l-istat tal-infrastrutturi ferrovjarji, ma jistax jitqies bħala li jistabbilixxi sistema ta’ natura li tinkoraġġixxi lill-impriżi ferrovjarji u lill-amministratur tal-infrastruttura biex itejbu s-servizzi tan-netwerk.

85

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont is-sitwazzjoni tal-Istat Membru kif tirriżulta meta jiskadi t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u l-bidliet li jkunu saru sussegwentement ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-528/10, punt 26, u, f’dan is-sens, tat-28 ta’ Frar 2013, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija, C-473/10, punt 96).

86

Għalhekk, peress li l-Liġi Nru 134/2011, tat-3 ta’ Mejju 2011, li ġiet adottata wara t-terminu stabbilit mill-Kummissjoni fl-opinjoni motivata tagħha tad-9 ta’ Ottubru 2009, kienet skadiet, din il-liġi emendatorja ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-fondatezza ta’ dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

87

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, fid-data tal-iskadenza tat-terminu previst fl-opinjoni motivata, ir-Repubblika Ċeka ma kinitx implementat sistema ta’ titjib tas-servizz ta’ natura li tinkoraġġixxi lill-impriżi ferrovjarji u lill-amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja biex inaqqsu kemm jista’ jkun it-tfixkil u biex itejbu s-servizzi tan-netwerk ferrovjarju, skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14.

88

Għaldaqstant, ir-raba’ motiv imqajjem mill-Kummissjoni insostenn tar-rikors tagħha għandu jintlaqa’.

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ azzjoni amministrattiv preliminari kontra d-deċiżjonijiet tal-korp regolatorju u n-nuqqas ta’ kompetenza ta’ dan tal-aħħar li jaġixxi ex officio

L-argumenti tal-partijiet

89

Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2001/14 għandu l-għan li jippermetti li l-korp regolatorju jiddeċiedi b’mod għal kollox indipendenti u li jadotta b’mod rapidu u effikaċi miżuri adattati sabiex jinstab rimedju għal funzjonament ħażin fis-suq. Il-Kummissjoni żżied tgħid li l-paragrafu 6 tal-istess artikolu ma jintroduċix il-possibbiltà ta’ stħarriġ amministrattiv tad-deċiżjonijiet tal-korp regolatorju, iżda jistabbilixxi biss il-possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju.

90

Issa, mill-Artikolu 56(ċ) tal-Liġi dwar il-Linji tal-Ferrovija jirriżulta li d-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju tal-Linji tal-Ferrovija, li huwa l-korp regolatorju fir-Repubblika Ċeka, jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kontestazzjoni permezz ta’ azzjoni amministrattiv quddiem il-Ministru tat-Trasport, u dan bi ksur tal-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2001/14.

91

Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2001/14 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-korp regolatorju jagħti d-deċiżjonijiet tiegħu u jadotta miżuri fir-rigward tal-oqsma kollha previsti fl-Artikolu 30 ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari dawk elenkati fil-paragrafi 2 u 3 tal-imsemmi artikolu. Issa, mill-Artikolu 36g tal-Liġi dwar il-Linji tal-Ferrovija jirriżulta b’mod ċar li l-Uffiċċju tal-Linji tal-Ferrovija biss huwa awtorizzat li jeżamina, fuq talba ta’ applikant, id-dikjarazzjoni tan-netwerk ferrovjarju, f’dak li jirrigwarda l-kriterji li din id-dikjarazzjoni tinkludi, kif ukoll il-proċess ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura ferrovjarja. Il-Kummissjoni tiddeduċi minn dan li l-imsemmi Uffiċċju ma huwiex awtorizzat li jadotta deċiżjonijiet jew miżuri korrettivi fl-oqsma kollha msemmija fl-Artikolu 30(2) u (3) tad-Direttiva 2011/14, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-livell jew l-istruttura tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja li applikant, fis-sens tal-Artikolu 2(b) ta’ din id-direttiva, għandu, jew jista’, iħallas, kif previst fl-Artikolu 30(2)(e) tal-imsemmija direttiva.

92

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 30(3) tad-Direttiva 2001/14 jeżiġi li, fl-oqsma msemmija f’din id-dispożizzjoni, il-korp regolatorju jaġixxi ex officio, filwaqt li l-Artikolu 34g tal-Liġi dwar il-Linji tal-Ferroviji jipprovdi li l-Uffiċċju tal-Linji tal-Ferrovija għandu jaġixxi biss fuq it-talba ta’ applikant.

93

Min-naħa tagħha, ir-Repubblika Ċeka ssostni li, l-ewwel nett, id-Direttiva 2001/14 ma tipprekludix li d-deċiżjonijiet tal-korp regolatorju jkunu bilfors suġġetti, qabel l-eżami eventwali mill-qorti, għall-istħarriġ ta’ korp indipendenti ieħor fi ħdan is-setgħa eżekuttiva.

94

B’mod partikolari, ma jistgħux jiġu dedotti mill-Artikolu 30(6) tad-Direttiva 2001/14 rekwiżiti dwar l-organizzazzjoni interna tal-proċedura amministrattiva tal-Istati Membri u dawn tal-aħħar huma bħala regola ġenerali liberi li jorganizzaw ir-regoli proċedurali tagħhom.

95

It-tieni nett, fir-rigward tal-kompetenza tal-korp regolatorju, ir-Repubblika Ċeka ssostni li, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu abbażi tal-Artikolu 258 TFUE, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Issa, l-opinjoni motivata nnotifikata minn din l-istituzzjoni ma semmgħiet, ħlief l-Artikolu 30(2)(e) tad-Direttiva 2001/14, l-ebda dispożizzjoni oħra li kienet is-suġġett ta’ traspożizzjoni żbaljata fid-dritt nazzjonali f’dak li jirrigwarda l-portata tas-setgħa tal-Uffiċċju tal-Linji tal-Ferrovija. Konsegwentement, ir-Repubblika Ċeka tipproponi li tiġi eżaminata biss it-traspożizzjoni tal-Artikolu 30(2)(e) tad-Direttiva 2001/14 inkwantu l-uniku motiv redatt b’mod biżżejjed preċiż, skont ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

96

F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Ċeka ssostni li l-kompetenza tal-Uffiċċju tal-Linji tal-Ferrovija, fid-dawl tal-Artikolu 30(2)(e) tad-Direttiva 2001/14, hija kompletament koperta mill-Artikolu 34g moqri flimkien mal-Artikolu 34ċ(2) tal-Liġi dwar il-Linji tal-Ferrovija. Fil-fatt, mill-imsemmija dispożizzjonijiet jirriżulta li s-setgħa tal-Uffiċċju tal-Linji tal-Ferrovija tinkludi l-eżami tal-livell tat-tariffi jew tal-istruttura tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura. Issa, skont ir-Repubblika Ċeka, jekk il-korp regolatorju ġie ddotat bis-setgħa neċessarja sabiex jadotta miżuri fis-sens tal-Artikolu 30(2)(e) tad-Direttiva 2001/14, loġikament minn dan isegwi li huwa ddotat bis-setgħa neċessarja sabiex jagħti bidu ex officio għall-proċedura ta’ eżami fil-kuntest tal-kontroll mill-Istat.

97

Fir-replika tagħha l-Kummissjoni tosserva li mill-Artikolu 34g tal-Liġi dwar il-Linji tal-Ferrovija jirriżulta b’mod ċar li l-kompetenzi tal-Uffiċċju tal-Linji tal-Ferroviji huma limitati għall-kontroll tad-dikjarazzjoni tan-netwerk u tal-proċess ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura ferrovjarja. Hija żżied tgħid li, skont din id-dispożizzjoni, dan il-kontroll iseħħ fuq il-bażi ta’ lment ta’ applikant ippreżentat f’terminu ta’ ħmistax-il jum li jibdew jiddekorru mill-pubblikazzjoni tad-dikjarazzjoni tan-netwerk ferrovjarju jew min-notifika tal-avviż imsemmi fis-subparagrafu 4 tal-Artikolu 34(e) tal-Liġi dwar il-Linji tal-Ferrovija. Skont din l-istituzzjoni, minn dan isegwi li l-kompetenzi tal-Uffiċċju tal-Linji tal-Ferrovija ma jikkorrispondux għall-kompetenzi li korp regolatorju għandu jassumi abbażi tal-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2001/14.

98

Fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika Ċeka ssostni li l-motivi tal-Kummissjoni, għajr dak li jirrigwarda l-kompetenza tal-korp regolatorju dwar il-livell tat-tariffi, għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli. F’dan ir-rigward, dan l-Istat Membru jsostni li fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni ddelimitat is-suġġett tal-motiv bl-istess mod bħal fl-opinjoni motivata, fis-sens li kien jirrigwarda biss il-portata tal-kompetenza tal-Uffiċċju tal-Linji tal-Ferrovija dwar il-livell tat-tariffa. Min-naħa l-oħra, fir-replika tagħha, il-Kummissjoni sostniet ħames motivi ġodda dwar it-traspożizzjoni tal-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 201/14, li ma jinsab la fl-opinjoni motivata u lanqas fir-rikors promotur, bi ksur tad-dritt ta’ dan l-Istat Membru għal smigħ xieraq.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

– Fuq l-ewwel parti tal-ħames motiv

99

Permezz tal-ewwel parti tal-ħames motiv, il-Kummissjoni ssostni li, skont l-Artikolu 56 tal-Liġi dwar il-Linji tal-Ferrovija, id-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju tal-Linji tal-Ferrovija huma s-suġġett ta’ rikors quddiem il-Ministeru tat-Trasport. Issa, tali azzjoni amministrattiv preliminari tikser l-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2001/14.

100

Ir-Repubblika Ċeka ssostni, kuntrarjament, li d-Direttiva 2001/14, interpretata fid-dawl tal-prinċipju tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, ma tipprekludix li d-deċiżjonijiet tal-korp regolatorju jkunu obbligarjament suġġetti, qabel l-eventwali stħarriġ ġudizzjarju, għal stħarriġ ta’ korp amministrattiv ieħor.

101

F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jiġi kkonstatat li l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14 la jipprovdi u lanqas jeskludi b’mod espress il-possibbiltà għall-Istati Membri li jistabbilixxu tali stħarriġ amministrattiv preliminari.

102

Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 30(1) ta’ din id-direttiva jqiegħed fuq l-Istati Membri l-obbligu li jistabbilixxu korp regolatorju li jista’, b’mod partikolari, ikun il-Ministeru responsabbli għall-kwistjonijiet ta’ trasport.

103

Fl-aħħar nett, skont il-paragrafu 6 tal-imsemmi artikolu, id-deċiżjonijiet adottati mill-korp regolatorju skont il-paragrafu 5 ta’ dan l-istess artikolu għandhom ikunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju.

104

Mill-istruttura tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-deċiżjonijiet amministrattivi adottati mill-korp regolatorju ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju.

105

Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ħames motiv għandu jitqies bħala fondat.

– Fuq it-tieni parti tal-ħames motiv

106

Permezz tat-tieni parti tal-ħames motiv, il-Kummissjoni takkuża lir-Repubblika Ċeka talli ma tatx lill-Uffiċċju tal-Linji tal-Ferroviji l-kompetenzi kollha li tali korp għandu jkollu abbażi tal-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2001/14.

107

Skont ir-Repubblika Ċeka, il-motivi tal-Kummissjoni li ma humiex dawk marbuta mal-kompetenza tal-korp regolatorju li jirrigwardaw il-livell ta’ tariffi għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli.

108

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 120(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-ġurisprudenza relatata miegħu jirriżulta li kull rikors promotur għandu jindika s-suġġett tal-kawża kif ukoll sunt tal-motivi u li din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha. Minn dan jirriżulta li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom huwa bbażat rikors għandhom jiġu indikati b’mod koerenti u li jkunu jistgħu jiftiehmu mit-test tar-rikors innifsu u li t-talbiet ta’ dan tal-aħħar għandhom jiġu redatti b’mod mhux ekwivoku sabiex jiġi evitat li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi ultra petita jew tonqos milli tiddeċiedi fuq motiv (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-16 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C-165/08, Ġabra p. I-5267, punt 42, u tal-14 ta’ Jannar 2010, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, C-343/08, Ġabra p. I-275, punt 26).

109

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat skont l-Artikolu 258 TFUE, dan għandu jippreżenta l-motivi b’mod koerenti u preċiż, sabiex jippermetti lill-Istat Membru u lill-Qorti tal-Ġustizzja jkunu jistgħu jifhmu eżattament il-portata tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni kkontestat, u din hija kundizzjoni neċessarja sabiex l-imsemmi Stat ikun jista’ jsostni b’mod effettiv l-eċċezzjonijiet tiegħu u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tivverifika l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

110

F’din il-kawża, fir-rigward tal-kompetenzi tal-korp regolatorju, il-Kummissjoni, fir-rikors tagħha, sostniet li l-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2001/14 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan il-korp għandu jkun jista’ jagħti deċiżjonijiet u jadotta miżuri fil-oqsma kollha msemmija f’dan l-artikolu, u b’mod partikolari dawk elenkati fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan tal-aħħar.

111

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest ta’ din l-akkuża, din l-istituzzjoni semmgħiet biss il-kompetenza msemmija fil-paragrafu 2(e) tal-imsemmi Artikolu 30, dwar il-livell jew l-istruttura tat-tariffi għall-użu, kif ukoll l-allegata impossibbiltà għall-Uffiċċju tal-Linji tal-Ferrovija li jaġixxi ex officio.

112

Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ħames motiv huwa ammissibbli biss inkwantu l-allegat n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu tal-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2001/14 jikkonċerna l-kompetenza msemmija fil-paragrafu 2(e) ta’ dan l-artikolu kif ukoll il-kapaċità tal-korp regolatorju li jaġixxi ex officio.

113

Fir-rigward, l-ewwel nett, il-kapaċità tal-korp regolatorju li jaġixxi ex officio, il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 34g tal-Liġi dwar il-Linji tal-Ferrovija jipprevedi li l-Uffiċċju tal-Linji tal-Ferrovija għandu jaġixxi biss fuq it-talba ta’ applikant, filwaqt li l-Artikolu 30(3) tad-Direttiva 2001/14 jeżiġi li l-korp regolatorju jaġixxi ex officio. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq interpretazzjoni tal-Artikolu 34g tal-Liġi dwar il-Linji tal-Ferrovija li tipprovdi, bħal fil-każ tal-proċeduri msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu, li d-dritt ta’ azzjoni legali li l-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu jirrikonoxxi lill-Uffiċċju tal-Linji tal-Ferrovija huwa suġġett għat-tressiq ta’ talba f’dan is-sens minn applikant, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2001/14.

114

Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 34g(3) tal-Liġi dwar il-Linji tal-Ferrovija hija madankollu kkontestata mir-Repubblika Ċeka. Fil-fatt, dan l-Istat Membru jafferma li l-kontroll mill-Istat fil-qasam tal-linji tal-ferrovija huwa eżerċitat abbażi tal-Artikolu 58(2) tal-Liġi dwar il-Linji tal-Ferrovija, li jipprovdi li l-korp regolatorju jivverifika “jekk l-obbligi li għandhom il-proprjetarju tal-linji tal-ferrovija, l-amministratur tal-linji tal-ferrovija u t-trasportatur, kif inhuma previsti mil-liġi, ikunux qed jitwettqu u jkunux qed jiġu sodisfatti fil-kuntest tal-operat tal-linji tal-ferrovija u tat-trasport ferrovjarju”.

115

Skont dan l-Istat Membru, l-imsemmija dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-Liġi Nru 552/1991 dwar il-kontroll mill-Istat (zákon č.552/1991 Sb. o státní kontrole), tas-6 ta’ Diċembru 1991, fil-verżjoni tagħha applikabbli għal din il-kawża, li tagħti lill-korpi responsabbli għall-eżerċizzju tal-kontroll mill-Istat is-setgħa li jwettqu verifiki u, abbażi tagħhom, li jagħtu bidu għal proċedura ta’ ksur, jadottaw miżuri korrettivi jew jimponu multi għal ksur amministrattiv hekk ikkonstatati, tagħti lill-korp regolatorju d-dritt li jadotta ex officio d-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 34g(3) tal-Liġi dwar il-Linji tal-Ferrovija.

116

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ir-responsabbiltà li tiġi stabbilita l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat taqa’ fuq il-Kummissjoni. Għalhekk, hija din l-istituzzjoni li għandha tippreżenta lill-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tivverifika l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, mingħajr ma tista’ tibbaża ruħha fuq kwalunkwe preżunzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, punt 62, u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punt 66).

117

F’din il-kawża, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 34g(3) tal-Liġi dwar il-Linji tal-Ferrovija mressqa mill-Kummissjoni hija kkontestata mir-Repubblika Ċeka li tirreferi għad-dispożizzjonijiet, ta’ portata iktar ġenerali, li jimmilitaw favur interpretazzjoni kuntrarja.

118

Issa, il-Kummissjoni ma wrietx in-natura żbaljata tal-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mressqa mir-Repubblika Ċeka. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li hija ma rnexxiliex turi l-fondatezza tal-allegazzjoni tagħha li tipprovdi li l-Uffiċċju tal-Linji tal-Ferrovija ma għandux il-kapaċità li jaġixxi ex officio.

119

Fir-rigward, it-tieni nett, il-kompetenza msemmija fl-Artikolu 30(2)(e) tad-Direttiva 2001/14, għandu jiġi rrilevat li r-Repubblika Ċeka ssostni, minn naħa, li, skont l-Artikolu 34g(1) u (3) tal-Liġi dwar il-Linji tal-Ferrovija, moqri flimkien mal-Artikolu 34ċ(2) ta’ din tal-aħħar, l-Uffiċċju tal-Linji tal-Ferrovija huwa awtorizzat, fil-kuntest tal-eżami tal-kriterji stabbiliti fid-dikjarazzjoni tan-netwerk, jeżamina l-informazzjoni fuq it-tariffa għall-allokazzjoni tal-kapaċitajiet u d-determinazzjoni tat-tariffa għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja. Min-naħa l-oħra, l-eżami tal-livell speċifiku tat-tariffa għall-użu tal-infrastruttura li impriża tat-trasport partikolari għandha tħallas huwa bbażat fuq l-Artikolu 34g(2) u (3) tal-imsemmija liġi. Abbażi tal-imsemmija dispożizzjonijiet, l-Uffiċċju tal-Linji tal-Ferrovija huwa awtorizzat jeżamina l-proċedura ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura ferrovjarja, li element indispensabbli minnha, skont id-dispożizzjonijiet espliċiti tal-liġi, huwa d-determinazzjoni tal-livell speċifiku tat-tariffa ta’ aċċess għall-infrastruttura.

120

Ir-Repubblika Ċeka żżied tgħid li l-kriterji tad-dikjarazzjoni tan-netwerk huma stabbiliti fl-Artikolu 34ċ(2) tal-Liġi dwar il-Linji tal-Ferrovija. Fost dawn il-kriterji hemm l-informazzjoni dwar it-tariffa tal-allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura ferrovjarja kif ukoll dwar l-iffissar tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja.

121

Kif ġustament affermat ir-Repubblika Ċeka, l-informazzjoni dwar it-tariffi tal-allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura ferrovjarja u dwar l-iffissar tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja ma huma xejn ħlief mod ieħor kif jiġi indikat il-livell tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura li ntalbu jew jistgħu jintalbu. Bl-istess mod, il-modalitajiet tal-iffissar tal-prezzijiet imsemmija fl-Artikolu 34g tal-Liġi dwar il-Linji tal-Ferrovija, li l-eżami tagħhom għandu jsir mill-korp regolatorju, jinkludu l-istruttura tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura.

122

Għalhekk, sa fejn il-korp regolatorju għandu s-setgħa li jieħu deċiżjonijiet dwar il-bidliet tad-dikjarazzjoni tan-netwerk, inkluż dawk dwar il-kriterji li hija tistabbilixxi, jew dwar l-allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura ferrovjarja, u b’mod partikolari dwar l-iffissar tal-prezzijiet, id-dispożizzjonijiet nazzjonali invokati mir-Repubblika Ċeka ma jidhrux prima facie bħala insuffiċjenti fir-rigward tar-rekwiżiti tal-Artikolu 30(2)(e) tad-Direttiva 2001/14.

123

Issa, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 70 ta’ din is-sentenza, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, għandha tkun il-Kummissjoni li tistabbilixxi l-eżistenza tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Għalhekk, hija din l-istituzzjoni li għandha tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja bl-elementi neċessarji għall-verifika magħmula minn din tal-aħħar dwar l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas, u dan mingħajr ma tkun tista’ tibbaża ruħha fuq xi preżunzjonijiet.

124

F’din il-kawża, għandu madankollu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma rnexxiliex turi l-fondatezza tal-allegazzjoni tagħha fir-rigward tal-kompetenzi tal-korp regolatorju f’dak li jikkonċerna l-livell jew l-istruttura tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura.

125

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-motiv tal-Kummissjoni dwar it-terminu ta’ ħmistax-il jum, previst fl-Artikolu 34g tal-Liġi dwar l-Linji tal-Ferrovija, għall-preżentata ta’ lment tressaq għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika tagħha. Issa, peress li s-suġġett ta’ rikors huwa bbażat fuq l-Artikolu 258 TFUE huwa limitat mill-proċedura prekontenzjuża prevista f’dan l-artikolu, dan ir-rikors għandu jkun ibbażat fuq l-istess raġunijiet u motivi bħal dawk li jinsabu fl-opinjoni motivata, b’tali mod li motiv li ma huwiex ifformulat fl-opinjoni motivata huwa inammissibbli fl-istadju tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Frar 2006, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C-305/03, Ġabra p. I-1213, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, l-imsemmi motiv għandu jitqies bħala inammissibbli.

126

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, billi stabbiliet li d-deċiżjonijiet tal-korp regolatorju għandhom ikunu s-suġġett ta’ azzjoni amministrattiv preliminari, ir-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2001/14.

Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq l-ineżistenza tal-korp imsemmi fl-Artikolu 10(7) tad-Direttiva 91/440

L-argumenti tal-partijiet

127

Il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 10(7) tad-Direttiva 91/440, peress li fir-Repubblika Ċeka ma jeżistix korp bħal dak imsemmi minn din id-dispożizzjoni u li jeżerċita l-funzjonijiet li din tistabbilixxi.

128

Skont il-Kummissjoni, mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(7) tad-Direttiva 91/440 jirriżulta li l-kontroll tal-kompetizzjoni fis-swieq tas-servizzi ferrovjarji jista’ jiġi fdat jew lill-korp regolatorju stabbilit skont l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14, jew lil kwalunkwe korp ieħor li jgawdi l-istess grad ta’ indipendenza. F’każ daqskemm fl-ieħor, il-korp inkwistjoni għandu jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(7) tad-Direttiva 91/440, jiġifieri li jiġi stabbilit skont ir-regoli previsti fl-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2001/14, li jittratta l-ilmenti tal-applikanti u li jiddeċiedi, abbażi ta’ lment jew ex officio, il-miżuri xierqa sabiex jiġu kkorreġuti żviluppi mhux mixtieqa fis-swieq.

129

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tgħid li fir-Repubblika Ċeka, il-kompetizzjoni fis-swieq ferrovjarji hija kkontrollata mill-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni, li l-kompetenzi tiegħu huma ddefiniti mil-Liġi dwar il-kompetenzi tal-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni.

130

Issa, mid-dispożizzjonijiet Ċeki jirriżulta li l-kompetenza tal-imsemmi Uffiċċju hija limitata għal kwistjonijiet direttament marbuta mal-kompetizzjoni fis-suq tas-servizzi ferrovjarji. Minn dan il-Kummissjoni tiddeduċi li dan l-uffiċċju ma jeżerċitax il-funzjonijiet kollha li għandu jeżerċita skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(7) tad-Direttiva 91/440, b’mod li ma jistax jiġi kkunsidrat bħala korp li jissodisfa l-funzjonijiet elenkati f’din id-dispożizzjoni. Il-Kummissjoni ssostni, b’mod partikolari, li l-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni ma jistax jisma’ lmenti ta’ applikanti li jħossu li ġew ittrattati inġustament, li kienu suġġetti għal diskriminazzjoni jew li sfaw leżi b’xi mod ieħor, u ma jistax, abbażi ta’ lment jew ex officio, jagħti deċiżjonijiet dwar miżuri xierqa biex jiġu rrimedjati żviluppi negattivi fis-suq tas-servizzi ferrovjarji.

131

Ir-Repubblika Ċeka ssostni li dan il-motiv għandu jiġi ddikjarat inammissibbli. Fil-fatt, il-Kummissjoni qajmet dan l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 10(7) tad-Direttiva 91/440 biss fl-istadju tar-rikors, b’mod li dan l-Istat Membru ġie miċħud mill-possibbiltà li jwieġeb b’mod utli għal din il-kritika matul il-fażi qabel il-preżentata ta’ dan ir-rikors.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

132

Preliminarjament, għandu jitfakkar li s-suġġett ta’ rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 258 TFUE huwa limitat mill-proċedura prekontenzjuża prevista f’dan l-artikolu. Konsegwentement, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jkun ibbażat fuq motivi identiċi għal dawk li jinsabu fl-opinjoni motivata (ara s-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-211/08, Ġabra p. I-5267, punt 33).

133

F’din il-kawża, għandu jiġi rrilevat li, fl-opinjoni motivata tagħha, il-Kummissjoni akkużat lir-Repubblika Ċeka talli naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 10(7) tad-Direttiva 91/440, sa fejn id-Direttivi 91/440 u 2001/14 ma kinux jippermettu li l-funzjonijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni u dawk imsemmija fl-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14 jitqassmu f’bosta korpi. Il-Kummissjoni akkużat lir-Repubblika Ċeka wkoll bil-fatt li l-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni ma huwiex iddotat bil-kompetenzi msemmija fl-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14, bħal pereżempju l-kontroll tad-dikjarazzjoni tan-netwerk stabbilita mill-amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja jew l-impożizzjoni tat-tariffi, iżda għandu l-awtorità biss fir-rigward tal-ksur klassiku fil-qasam tal-kompetizzjoni.

134

Issa, fil-kuntest tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni takkuża lir-Repubblika Ċeka talli ma tatx lill-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni s-setgħat meħtieġa biex jeżerċita l-funzjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(7) tad-Direttiva 91/440.

135

Konsegwentement, is-sitt motiv tal-Kummissjoni għandu jiġi ddikjarat bħala inammissibbli, għaliex ma tqajjimx matul il-proċedura prekontenzjuża.

136

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok, minn naħa, li jiġi kkonstatat li, billi ma adottatx il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex tikkonforma ruħha mal-Artikoli 4(1), 6(2), 11 u 30(5) tad-Direttiva 2001/14, ir-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt dawn id-dispożizzjonijiet u, min-naħa l-oħra, li tiċħad il-kumplament tar-rikors tal-Kummissjoni.

Fuq l-ispejjeż

137

Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet rispettivament jitilfu kap wieħed jew iktar, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha. Peress li l-Kummissjoni u r-Repubblika Ċeka rispettivament tilfu kap wieħed jew iktar, għandu jiġi deċiż li dawn tal-aħħar ibatu l-ispejjeż tagħhom.

138

Skont l-Artikolu 140(1) tal-istess Regoli, li jipprovdi li l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom, ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi ma’ adottatx il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex tikkonforma ruħha mal-Artikoli 4(1), 6(2), 11 u 30(5) tad-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet [l-impożizzjoni ta’ tariffi] kif emendata bid-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, ir-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt dawn id-dispożizzjonijiet.

 

2)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

 

3)

Il-Kummissjoni Ewropea, ir-Repubblika Ċeka u r-Renju ta’ Spanja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.

Top