EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0416

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tas-17 ta’ Settembru 2015.
Fratelli De Pra SpA u SAIV SpA vs Agenzia Entrate - Direzione Provinciale Ufficio Controlli Belluno u Agenzia Entrate - Direzione Provinciale Ufficio Controlli Vicenza.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Commissione Tributaria Regionale di Mestre-Venezia.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Netwerks u servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet – Direttivi 2002/19/KE, 2002/20/KE, 2002/21/KE, 2002/22/KE – Moviment liberu ta’ tagħmir terminali ta’ telekomunikazzjonijiet mobbli terrestri – Direttiva 1999/5/KE – Miżata għall-użu ta’ tagħmir terminali – Awtorizzazzjoni ġenerali jew liċenzja ta’ użu – Kuntratt ta’ abbonament li jissostitwixxi awtorizzazzjoni ġenerali jew liċenzja – Trattament iddifferenzjat tal-utenti bi jew mingħajr kuntratt ta’ abbonament.
Kawża C-416/14.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:617

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

17 ta’ Settembru 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Netwerks u servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet — Direttivi 2002/19/KE, 2002/20/KE, 2002/21/KE, 2002/22/KE — Moviment liberu ta’ tagħmir terminali ta’ telekomunikazzjonijiet mobbli terrestri — Direttiva 1999/5/KE — Miżata għall-użu ta’ tagħmir terminali — Awtorizzazzjoni ġenerali jew liċenzja ta’ użu — Kuntratt ta’ abbonament li jissostitwixxi awtorizzazzjoni ġenerali jew liċenzja — Trattament iddifferenzjat tal-utenti bi jew mingħajr kuntratt ta’ abbonament”

Fil-Kawża C‑416/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-qorti fiskali reġjonali ta’ Mestre-Venezia (Commissione tributaria regionale di Mestre-Venezia, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Awwissu 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Settembru 2014, fil-proċedura

Fratelli De Pra SpA

SAIV SpA

vs

Agenzia Entrate - Direzione Provinciale Ufficio Controlli Belluno,

Agenzia Entrate - Direzione Provinciale Ufficio Controlli Vicenza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn A. Ó Caoimh, President tal-Awla, C. Toader u C. G. Fernlund (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Fratelli De Pra SpA u SAIV SpA, minn C. Toniolo, C. Basso u G. Toniolo, avukati,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Varone, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braga da Cruz kif ukoll minn L. Nicolae u D. Recchia, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 1999/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Marzu 1999, dwar it-tagħmir tar-radju u tagħmir terminali ta’ telekomunikazzjonijiet u r-rikonoxximent reċiproku tal-konformità tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 23, p. 254), b’mod partikolari l-Artikolu 8 tagħha, tad-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva tal-Aċċess) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 323), tad-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 337), kif emendata bid-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009 (ĠU L 337, p. 37, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2002/20”), tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru [Qafas]) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349) u tad-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 367), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009 (ĠU L 337, p. 11, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2002/22”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn, minn naħa, Fratelli De Pra SpA (iktar ’il quddiem “De Pra”) u l-Agenzia Entrate - Direzione Provinciale Ufficio Controlli Belluno (awtorità tat-taxxa – direttorat provinċjali ta’ Belluno) u, min-naħa l-oħra, SAIV SpA (iktar ’il quddiem “SAIV”) u l-Agenzia Entrate - Direzione Provinciale Ufficio Controlli Vicenza (awtorità tat-taxxa – direttorat provinċjali ta’ Vicenza) dwar ir-rifjut, minn dawn id-direttorati tat-taxxa, għat-talbiet għal rimbors tal-miżata ta’ konċessjoni tal-gvern (iktar ’il quddiem il-“MKG”) imħallsa minn De Pra u SAIV għal kuntratti ta’ abbonament għal servizz ta’ telefonija mobbli.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 1999/5

3

Il-premessa 32 tad-Direttiva 1999/5 tiddikjara li “tagħmir tar-radju u tagħmir terminali ta’ telekomunikazzjoni li jikkonforma mal-ħtiġijiet essenzjali rilevanti għandhom ikunu permessi li jiċċirkolaw b’mod ħieles; billi dak it-tagħmir għandu jkun permess li jitqiegħed fis-servizz għall-għan maħsub tiegħu; billi t-tqegħid fis-servizz jista’ jkun suġġett għall-awtorizzazzjoni dwar l-użu ta’ l-ispettru tar-radju u d-dispożizzjoni tas-servizz konċernat”.

4

L-Artikolu 1(1) u (4) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi li:

“1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas regolatorju għat-tqegħid fis-suq, moviment liberu u tqegħid fis-servizz fil-Komunità ta’ tagħmir tar-radju u tagħmir terminali ta’ telekomunikazzjoni.

[...]

4.   Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għat-tagħmir elenkat f’Anness I.”

5

L-Artikolu 8(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi li:

“L-Istati Membri m’għandhomx jipprojbixxu, jirrestrinġu jew ma jħallux t-tqegħid fis-suq jew it-tqegħid fis-servizz fuq it-territorju tagħhom apparat li jġorr il-marka CE [...]”

Id-Direttiva 2002/19

6

Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2002/19 tarmonizza l-mod li bih l-Istati Membri jirregolaw l-aċċess għan-networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u għall-faċilitajiet assoċjati, kif ukoll l-interkonnessjoni tagħhom. Hija tikkonċerna r-relazzjonijiet bejn il-fornituri ta’ networks u ta’ servizzi. Hija tistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi għall-operaturi u għall-impriżi li jfittxu interkonnessjoni u/jew aċċess għan-networks tagħhom jew faċilitajiet assoċjati.

Id-Direttiva 2002/20

7

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/20 jiddefinixxi l-“awtorizzazzjoni ġenerali” bħala “qafas legali stabbilit mill-Istat Membru li jiżgura d-drittijiet biex ikunu provduti n-netwerks jew is-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika u jippreskrivi l-obbligi speċifiċi tas-settur li jistgħu japplikaw għat-tipi kollha, jew għal tipi speċifiċi, ta’ netwerks u servizzi tal-komunikazzjoni elettronika, skont din id-Direttiva”.

8

L-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, intitolat “Ħlasijiet amministrattivi”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1(a) tiegħu, li:

“Kull ħlas amministrattiv impost fuq impriżi li jfornu servizz jew network taħt l-awtorizzazzjoni ġenerali jew li lilhom ikun ingħata dritt ta’ użu, għandu:

a)

fit-total, ikopri biss l-ispejjeż amministrattivi magħmula fl-amministrazzjoni, kontroll u infurzar ta’ l-iskema ta’ l-awtorizzazzjoni ġenerali u tad-drittijiet ta’ użu u l-obbligi speċifiċi kif imsemmija f’Artikolu 6(2), li jistgħu jinkludu spejjeż għall-kooperazzjoni internazzjonali, armonizzazzjoni u standardizzazzjoni, analiżi tas-suq, solveljanza tal-konformità u kontrolli oħra tas-suq, kif ukoll ħidma regolatorja li tinvolvi l-preparazzjoni u l-infurzar ta’ leġislazzjoni sekondarja u deċiżjonijiet amministrattivi, bħal deċiżjonijiet dwar l-aċċess u l-interkonnessjoni [...]”

Id-Direttiva 2002/22

9

Skont l-Artikolu 1(1) tagħha, id-Direttiva 2002/22 tikkonċerna l-provvista ta’ networks u ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi lill-utenti finali. Hija intiża b’mod partikolari li tiżgura d-disponibbiltà, fl-Unjoni Ewropea kollha, ta’ servizzi ta’ kwalità tajba aċċessibbli għall-pubbliku.

10

Skont l-Artikolu 1(2) tagħha, għal dak li jirrigwarda l-provvista ta’ servizz universali f’ambjent ta’ swieq miftuħa u kompetittivi, id-Direttiva 2002/22 tiddefinixxi s-sett minimu ta’ servizzi ta’ kwalità speċifikata li għalih l-utenti finali kollha għandhom aċċess bi prezz li jista’ jintlaħaq fid-dawl tal-kundizzjonijiet speċifiċi nazzjonali, mingħajr distorzjoni tal-kompetizzjoni.

11

L-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kuntratti”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jabbonaw għal servizzi li jipprovdu konnessjoni lil network ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi u/jew servizzi tal-komunikazzjoni elettronika pubblikament disponibbli, konsumaturi, u utenti oħra aħħarin li hekk jitolbu, għandhom dritt għal kuntratt ma’ impriża jew impriżi li jipprovdu tali konnessjoni u/jew servizzi. Tali kuntratt għandu mill-anqas jispeċifika f’forma ċara, komprensiva u ħafifa u aċċessibbli:

[...]”

12

Fost il-punti elenkati fl-Artikolu 21(1) hemm l-identità u l-indirizz tal-impriża, is-servizzi pprovduti, id-dettalji tal-prezzijiet u tat-tariffi pprattikati, it-tul tal-kuntratt u l-kundizzjonijiet għat-tiġdid u t-terminazzjoni tas-servizzi u tal-kuntratt.

Id-dritt Taljan

13

L-Artikolu 1 tad-Digriet Nru 641 tal-President tar-Repubblika li jirregola l-miżati ta’ konċessjoni tal-gvern (decreto del Presidente della Repubblica n. 641, disciplina delle tasse sulle concessioni governative), tas-26 ta’ Ottubru 1972 (Suppliment ordinarju għall-GURI Nru 292, tal-11 ta’ Novembru 1972, iktar ’il quddiem id-“Digriet Presidenzjali Nru 641/1972”), jistabbilixxi li:

“L-atti amministrattivi u l-atti l-oħra elenkati fit-tariffa annessa għandhom ikunu suġġetti għall-[MKG] sal-limitu u skont il-modalitajiet indikati fl-imsemmija tariffa.”

14

L-Artikolu 21 tat-tariffa annessa mad-Digriet Presidenzjali Nru 641/1972, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem it-“tariffa annessa”), jipprevedi li kull “liċenzja jew [kull] dokument li jissostitwixxiha għall-użu ta’ tagħmir terminali għall-komunikazzjoni bir-radju mobbli terrestri pubblika għal kull xahar ta’ użu” huma suġġetti għall-MKG.

15

Il-paragrafu 1 tal-Artikolu 21 jistabbilixxi li:

“Il-miżata hija dovuta għax-xhur ta’ użu indikati f’kull waħda mill-fatturi, flimkien mat-tariffa.”

16

L-Artikolu 3 tad-Digriet Ministerjali Nru 33/90 dwar is-servizzi ta’ komunikazzjoni bir-radju mobbli terrestri pubblika jistabbilixxi li:

“L-abbonat jista’ jakkwista jew jiżgura huwa stess il-manutenzjoni ta’ terminali ta’ utenti jew jikkuntattja s-SIP (Società italiana per l’esercizio telefonico). Il-kumpannija konċessjonarja SIP għandha tagħti lill-utent id-dokument li jattesta l-kwalità tiegħu ta’ abbonat għas-servizz. Dan id-dokument, li jissostitwixxi għall-finijiet kollha l-liċenzja ta’ stazzjon tar-radju, għandu jkun fih l-elementi li juru t-tip ta’ apparat terminali użat u l-approvazzjoni ta’ dan tal-aħħar u għandu jiġi ppreżentat mill-abbonat lill-awtorità pubblika fuq talba ta’ din tal-aħħar.

17

L-Artikolu 8 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 269/2001, intiż li jittrasponi d-Direttiva 1999/5, huwa fformulat kif ġej:

“It-tqegħid fis-suq u t-tqegħid fis-servizz ta’ apparati li għandu l-marka CE, li tattesta l-konformità tagħhom mad-dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet, ma għandux jiġi pprojbit, limitat jew b’xi mod ieħor imwaqqaf.”

18

L-Artikolu 160 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 259 li jistabbilixxi l-Kodiċi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (decreto legislativo n. 259 – Codice delle comunicazioni elettroniche), tal-1 ta’ Awwissu 2003 (Suppliment ordinarju għall-GURI Nru 214, tal-15 ta’ Settembru 2003), huwa fformulat kif ġej:

“1.   Għal kull stazzjon tar-radju li kien is-suġġett ta’ awtorizzazzjoni ta’ eżerċizzju, il-liċenzja speċifika maħruġa mill-amministrazzjoni tal-posta u tat-telekomunikazzjonijiet għandha tinżamm.

2.   Għall-istazzjonijiet li jirċievu s-servizz ta’ xandir, it-titolu ta’ abbonament jissostitwixxi l-liċenzja.”

19

L-Artikolu 2(4) tad-Digriet Liġi Nru 4/2014, ikkonvertit fil-Liġi Nru 50/2014, jistabbilixxi:

“Għall-finijiet tal-Artikolu 21 tat-tariffa annessa mad-[Digriet Presidenzjali Nru 641/1972], id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 160 tad-Digriet Leġiżlattiv [Nru 259/2003] għandhom jiġu interpretati fis-sens li stazzjon tar-radju jinkludi wkoll it-tagħmir terminali ta’ komunikazzjoni bir-radju mobbli terrestri.”

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

20

De Pra u SAIV talbu, rispettivament, lill-awtorità tat-taxxa – direttorat provinċjali ta’ Belluno u lill-awtorità tat-taxxa – direttorat provinċjali ta’ Vicenza r-rimbors tas-somom imħallsa minnhom għall-MKG. Minħabba r-rifjut minn dawn id-direttorati tat-taxxa, huma ressqu separatament rikors quddiem il-qorti fiskali reġjonali ta’ Mestre-Venezia.

21

Insostenn ta’ dawn ir-rikorsi, huma jsostnu li l-prinċipju ta’ moviment liberu u ta’ tqegħid fis-servizz ta’ apparati terminali stabbilit mid-Direttiva 1999/5 huwa inkompatibbli ma’ miżura amministrattiva bħall-awtorizzazzjoni ġenerali jew il-liċenzja prevista mil-leġiżlazzjoni Taljana. Peress li l-MKG għandha titqies bħala taxxa, huma jsostnu li, fl-assenza ta’ fatt li jagħti lok għaliha, huma għandhom id-dritt għar-rimbors tas-somom imħallsa għal tali miżata.

22

Għalkemm il-qorti tar-rinviju tiċċita fid-deċiżjonijiet tar-rinviju tagħha d-digrieti Agricola Esposito (C‑492/09, EU:C:2010:766) u Umbra Packaging (C‑355/13, EU:C:2013:867), li jirrigwardaw miżata bħall-MKG, hija tqis madankollu li minn meta ngħataw dawn id-digrieti tfaċċaw elementi ġodda u li dawn ma jippermettux li hija tiddeċiedi l-kawżi mressqa quddiemha. Hija ssemmi f’dan ir-rigward it-tliet elementi segwenti.

23

L-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx, f’dawn id-digrieti, fuq il-kompatibbiltà ta’ miżata bħall-MKG fir-rigward tad-Direttiva 1999/5.

24

It-tieni nett, l-Istat Taljan adotta l-Artikolu 2(4) tad-Digriet Liġi Nru 4/2014, ikkonvertit fil-Liġi Nru 50/2014, wara l-imsemmija digrieti.

25

It-tielet nett, il-qorti ta’ kassazzjoni (Corte suprema di cassazione) bħala assemblea plenarja ddeċidiet, permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Mejju 2014, u għalhekk ukoll wara dawn id-digrieti, li d-Direttiva 1999/5 ma kinitx tipprevali fuq id-Direttivi 2002/19, 2002/20, 2002/21 u 2002/22 (iktar ’il quddiem, flimkien, id-“Direttivi netwerks”) imsemmija minn De Pra u SAIV u li awtorizzazzjoni ġenerali jew liċenzja fis-sens tad-Direttiva 2002/20 kienet għaldaqstant neċessarja għall-użu tat-terminali ta’ tagħmir ikkonċernati.

26

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti fiskali reġjonali ta’ Mestre-Venezia ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Fir-rigward tat-tagħmir terminali għall-komunikazzjoni bir-radju mobbli terrestri, il-leġiżlazzjoni nazzjonali kif tirriżulta mid-dispożizzjonijiet magħquda ta’:

l-Artikolu 2(4) tad-Digriet Liġi Nru 4/2014, ikkonvertit f’Liġi Nru 50/2014;

l-Artikolu 160 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 259/2003;

l-Artikolu 21 tat-[tariffa mehmuża],

u li, meta tassimila t-tagħmir terminali għall-istazzjonijiet tar-radju, timponi fuq l-utent obbligu sabiex jikseb awtorizzazzjoni ġenerali kif ukoll il-ħruġ ta’ liċenzja speċifika ta’ stazzjon tar-radju, li jagħti lok għall-ħlas ta’ miżata, hija kompatibbli mad-dritt Komunitarju (id-Direttiva 1995/5/KE, kif ukoll id-[Direttivi netwerks])?

Konsegwentement, u sa fejn jirrigwarda speċifikatament l-użu ta’ tagħmir terminali, il-pretensjoni tal-Istat Taljan li jimponi fuq l-utent il-ksib ta’ awtorizzazzjoni ġenerali u ta’ liċenzja ta’ stazzjoni tar-radju, minkejja li t-tqegħid fis-suq, il-moviment liberu u t-tqegħid fis-servizz ta’ tagħmir terminali huma diġà rregolati kompletament mid-dritt Komunitarju (id-Direttiva 1999/5/KE), li ma jimponi ebda awtorizzazzjoni ġenerali u /jew liċenzja, hija kompatibbli mad-dritt Komunitarju?

Dan meta huwa magħruf barra minn hekk li l-leġiżlazzjoni nazzjonali timponi awtorizzazzjoni ġenerali u liċenzja minkejja li:

l-awtorizzazzjoni ġenerali hija miżura li ma tirrigwardax l-utent ta’ tagħmir terminali, iżda biss l-impriżi li jixtiequ jipprovdu netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Artikoli 1, 2 u 3 tad-Direttiva […] 2002/20/KE);

il-konċessjoni hija prevista għad-drittijiet individwali ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju u għad-drittijiet ta’ użu ta’ numri, sitwazzjonijiet ċertament mhux relatati mal-użu ta’ tagħmir terminali;

il-leġiżlazzjoni Komunitarja ma tipprovdi għal ebda obbligu li tinkiseb awtorizzazzjoni ġenerali jew il-ħruġ ta’ liċenzja għat-tagħmir terminali;

l-Artikolu 8 tad-Direttiva 1999/5/KE jipprovdi li l-Istati Membri ‘m’għandhomx jipprojbixxu, jirrestrinġu jew ma jħallux t-tqegħid fis-suq jew it-tqegħid fis-servizz fuq it-territorju tagħhom apparat li jġorr il-marka CE’; u li

hemm differenza sostanzjali u leġiżlattiva bejn stazzjoni tar-radju u t-tagħmir terminali tar-radju mobbli terrestri, li ma jistgħux jitqiesu simili?

2)

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali kif tirriżulta mid-dispożizzjonijiet magħquda ta’:

l-Artikolu 2(4) tad-Digriet Liġi Nru 4/2014, ikkonvertit f’Liġi Nru 50/2014

l-Artikolu 160 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 259/2003;

l-Artikolu 21 tat-[tariffa mehmuża];

l-Artikolu 3 tad-Digriet Ministerjali Nru 33/1990;

li skontha

il-kuntratt msemmi fl-Artikolu 20 [tad-Direttiva 2002/22/KE] – konkluż bejn l-operatur u l-utent, li jirregola r-relazzjonijiet kummerċjali bejn il-konsumaturi u l-utenti finali minn naħa u impriża waħda jew aktar li jipprovdu l-konnessjoni u s-servizzi relatati min-naħa l-oħra – jista’ jiswa ‘fih innifsu’ bħala dokument minflok l-awtorizzazzjoni ġenerali u/jew il-liċenzja ta’ stazzjon tar-radju, mingħajr ebda intervent, attività jew kontroll mill-amministrazzjoni pubblika;

il-kuntratt għandu jinkludi wkoll id-dettalji tat-tip ta’ tagħmir terminali u l-approvazzjoni tagħha (li ma hijiex prevista mill-Artikolu 8 [tad-Direttiva 1999/5/KE])

hija kompatibbli mad-dritt Komunitarja (id-Direttiva 1999/5/KE u d-Direttiva 2002/22/KE, b’mod partikolari l-Artikolu 20 tagħha)?

3)

Id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 2(4) tad-Digriet-Liġi Nru 4/2014, sussegwentement ikkonvertit fil-Liġi 50/2014, kif ukoll l-Artikolu 160 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 259/2003 u tal-Artikolu 21 tat-[tariffa mehmuża], li jipprovdu għall-obbligu ta’ awtorizzazzjoni ġenerali u wara tal-liċenzja ta’ stazzjon tar-radju li jirriżulta biss fir-rigward ta’ kategorija partikolari ta’ utenti, jiġifieri dawk li għamlu kuntratt imsejjaħ formalment abbonament, filwaqt li l-ebda awtorizzazzjoni ġenerali jew liċenza ma hija prevista għall-utenti ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għall-motiv biss li l-kuntratt li għamlu jissejjaħ b’mod differenti ([jiġifieri] servizz imħallas minn qabel jew servizz top-up) huma kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju mfakkra iktar ’il fuq?

4)

L-Artikolu 8 tad-Direttiva [...] 1999/5/KE jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 2(4) tad-Digriet Liġi Nru 4/2014, sussegwentement ikkonvertit fil-Liġi Nru 50/2014 kif ukoll tal-Artikolu 160 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 259/2003, u tal-Artikolu 21 tat-[tariffa mehmuża], u li jipprovdi:

intervent amministrattiv intiż għall-ħruġ tal-awtorizzazzjoni ġenerali u ta’ liċenzja ta’ stazzjon tar-radju,

il-ħlas ta’ miżata [ta’ konċessjoni tal-gvern] għal dan l-intervent,

sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jikkostitwixxu limitazzjoni għat-tqegħid fis-servizz, għall-użu u għall-moviment liberu ta’ tagħmir terminali?”

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

27

Permezz tal-ewwel tliet domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Taljana mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni. Għandu jitfakkar, madankollu, li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi, fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari, fuq il-kompatibbiltà ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali ma’ dawn ir-regoli. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex tagħti lill-qorti tar-rinviju l-elementi ta’ interpretazzjoni kollha li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni li jistgħu jippermettu lil din tal-aħħar tevalwa tali konformità sabiex tiddeċiedi l-kawża li jkollha quddiemha (ara s-sentenza Transportes Urbanos u Servicios Generales, C‑118/08, EU:C:2010:39, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll id-digriet Agricola Esposito, C‑492/09, EU:C:2010:766, punt 19).

Fuq l-ewwel u r-raba ’ domanda

28

Permezz tal-ewwel u tar-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 1999/5, b’mod partikolari l-Artikolu 8 tagħha, u d-Direttivi netwerks għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-applikazzjoni ta’ miżata, bħall-MKG, li permezz tagħha l-użu ta’ tagħmir terminali ta’ komunikazzjoni bir-radju mobbli terrestri, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ abbonament, huwa suġġett għal awtorizzazzjoni ġenerali jew għal liċenzja kif ukoll għall-ħlas ta’ tali miżata.

29

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà qieset, fid-digriet Agricola Esposito (C‑492/09, EU:C:2010:766), li tnejn mid-Direttivi netwerks, jiġifieri d-Direttivi 2002/20 u 2002/21, ma jipprekludux miżata bħall-MKG. Hija kkonfermat din l-analiżi għal dak li jikkonċerna d-Direttiva 2002/20 fid-digriet Umbra Packaging (C‑355/13, EU:C:2013:867).

30

F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk id-Direttiva 1999/5 kif ukoll id-Direttivi netwerks jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik li tistabbilixxi l-MKG, billi tenfasizza f’dan ir-rigward li din il-leġiżlazzjoni tipprevedi l-obbligu mhux biss li titħallas il-MKG, iżda speċjalment li tinkiseb awtorizzazzjoni mill-amministrazzjoni. Hija ssemmi wkoll bidliet allegati fid-dritt Taljan meta mqabbla mas-sitwazzjoni li kienet teżisti fid-data meta ngħataw dawn id-digrieti.

31

Għal dak li jirrigwarda dawn il-bidliet, esposti fil-punti 24 u 25 ta’ din is-sentenza, dwar l-adozzjoni tal-Artikolu 2(4) tad-Digriet Liġi Nru 4/2014, ikkonvertit fil-Liġi Nru 50/2014, kif ukoll dwar l-għoti ta’ deċiżjoni tal-qorti ta’ kassazzjoni, għandu jiġi kkonstatat madankollu li dawn ma għandhom l-ebda effett fuq l-interpretazzjoni tad-Direttivi 2002/20 u 2002/21 mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija digrieti.

32

Fil-fatt, mill-informazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-emendi għad-dritt Taljan li għalihom tirreferi jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti u ma jżidu ebda obbligu ġdid.

Fuq id-Direttiva 1999/5

33

Skont il-premessa 32 tagħha, id-Direttiva 1999/5 hija intiża sabiex tiżgura l-moviment liberu, b’mod partikolari ta’ tagħmir terminali ta’ telekomunikazzjonijiet li huwa konformi ma’ ċerti rekwiżiti essenzjali ddefiniti minn din id-direttiva. Skont l-Artikolu 1 tagħha, din id-direttiva tistabbilixxi b’hekk qafas leġiżlattiv għat-tqegħid fis-suq, għall-moviment liberu u għat-tqegħid fis-servizz fl-Unjoni Ewropea b’mod partikolari ta’ dan it-tagħmir. L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Moviment liberu ta’ apparat”, jippreċiża li l-Istati Membri ma għandhomx jipprojbixxu, jirrestrinġu jew iwaqqfu t-tqegħid fis-suq jew it-tqegħid fis-servizz fuq it-territorju tagħhom ta’ apparat li jkollu l-marka CE msemmija fl-Anness VII, li tindika l-konformità tiegħu mad-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva 1999/5.

34

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk l-issuġġettar għal awtorizzazzjoni jew għall-ħlas ta’ miżata bħal dik prevista fil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali joħloqx ostakoli li jmorru kontra din id-direttiva u b’mod partikolari l-Artikolu 8 tagħha.

35

Għal dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ obbligu għall-konsumatur finali li jikseb awtorizzazzjoni, għandu jiġi osservat li, skont il-qorti tar-rinviju, il-qorti ta’ kassazzjoni ddeċidiet li kuntratt ta’ abbonament propost minn operatur tan-netwerk tat-telefon huwa t-titolu legali li jippermetti lil dan il-konsumatur juża t-tagħmir terminali u jissostitwixxi fl-effetti kollha tagħha l-liċenzja magħrufa bħala “liċenzja ta’ stazzjon tar-radju”. Mit-tieni domanda preliminari jirriżulta li dan il-kuntratt jista’ jiswa, fih innifsu, bħala dokument minflok l-awtorizzazzjoni ġenerali u/jew il-liċenzja ta’ stazzjon tar-radju, mingħajr ebda intervent, attività jew kontroll mill-amministrazzjoni.

36

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, De Pra u SAIV indikaw fl-istess sens li l-leġiżlatur nazzjonali ħoloq fictio juris bl-għan uniku li jżomm il-fatt li jagħti lok għall-ġbir tal-MKG meta jiġu konklużi kuntratti ta’ abbonament għal servizz ta’ telefonija mobbli. Huma enfasizzaw li ebda azzjoni partikolari ma twettqet għal dan il-għan mill-amministrazzjoni.

37

Jidher għalhekk li ebda approvazzjoni jew dokument ma huwa meħtieġ mill-amministrazzjoni, peress li l-kuntratt ta’ abbonament jissostitwixxi l-awtorizzazzjoni jew il-liċenzja ta’ stazzjon tar-radju u jikkostitwixxi l-fatt li jagħti lok għall-MKG.

38

Jekk dan huwa minnu, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, tali leġiżlazzjoni ma tirrikjedi ebda intervent mill-amministrazzjoni li jista’ joħloq ostakolu għall-moviment liberu ta’ dan it-tagħmir u li jista’ jippreġudika d-Direttiva 1999/5.

39

Sussegwentement, għal dak li jikkonċerna l-applikazzjoni ta’ miżata bħall-MKG, din ma tapplikax għat-tagħmir terminali ta’ komunikazzjoni bir-radju mobbli terrestri, iżda tapplika għal kuntratti ta’ abbonament sottoskritti għall-użu ta’ dan it-tagħmir. Għandu jiġi kkonstatat li tali impożizzjoni ma tinterferixxix fil-bejgħ tal-imsemmi tagħmir terminali, li jista’ jinbiegħ mingħajr l-obbligu ta’ sottoskrizzjoni għal kuntratt ta’ abbonament fl-Italja u, f’kull każ, lanqas ma tapplika għat-tagħmir terminali li joriġina minn Stati Membri oħra, b’tali mod li din lanqas ma tikkostitwixxi ostakolu għall-moviment liberu ta’ dan it-tagħmir.

Fuq id-Direttivi netwerks

40

Għal dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, id-Direttivi 2002/20 u 2002/21, għandu jitfakkar qabelxejn li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà qieset li dawn ma japplikawx għal miżata bħall-MKG, li tirrigwarda l-użu ta’ tagħmir terminali ta’ komunikazzjoni bir-radju mobbli terrestri. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li tali miżata ma għandhiex, bħala bażi taxxabbli, il-provvista ta’ netwerks u ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u li l-użu privat ta’ servizz ta’ telefonija mobbli minn abbonat ma jippreżupponix il-provvista ta’ netwerk jew ta’ servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fis-sens tad-Direttiva 2002/20 (digriet Agricola Esposito, C‑492/09, EU:C:2010:766, punt 35). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 2002/21 ma tapplikax għat-tagħmir li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 1999/5 li tkopri l-użu ta’ tagħmir terminali ta’ telekomunikazzjonijiet intiżi għal użu privat, fosthom it-telefons ċellulari (digriet Agricola Esposito, C‑492/09, EU:C:2010:766, punt 42).

41

Sussegwentement, għandu jingħad ukoll li l-argument ta’ De Pra u ta’ SUIV, li jgħid li miżata bħall-MKG tmur kontra l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/20 sa fejn din ma hijiex miżata amministrattiva ta’ natura remuneratorja intiża li tkopri unikament l-ispejjeż amministrattivi relatati mal-ħruġ, mal-ġestjoni, mal-kontroll u mal-implementazzjoni tas-sistema ta’ awtorizzazzjoni ġenerali applikabbli, ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet preċedentement li miżata, li l-fatt li jagħti lok għaliha ma jkunx marbut mal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ġenerali li permezz tagħha jista’ jinkiseb aċċess għas-suq tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, iżda jkun marbut mal-użu tas-servizzi ta’ telefonija mobbli pprovduti mill-operaturi, u li fl-aħħar mill-aħħar isir mill-utent ta’ dawn is-servizzi, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12 (ara s-sentenza Vodafone Malta u Mobisle Communications, C‑71/12, EU:C:2013:431, punti 25 kif ukoll 29).

42

Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-obbligu li tinkiseb awtorizzazzjoni ġenerali li ma huwiex previst mid-Direttiva 2002/20 u li jista’ jmur kontra tali direttiva, għandu jiġi kkonstatat, hekk kif jirriżulta mill-punti 35 sa 37 ta’ din is-sentenza, li awtorizzazzjoni ġenerali, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li magħha l-kuntratt ta’ abbonament huwa assimilat, hija intiża biss li sservi bħala fatt li jagħti lok għall-MKG. Għaldaqstant, hija ma għandhiex bħala għan li tawtorizza l-provvista ta’ servizzi ta’ netwerks u ma tmurx kontra l-obbligi li jirriżultaw minn din id-direttiva.

43

Għal dak li jirrigwarda, it-tieni nett, id-Direttivi 2002/19 u 2002/22, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2002/19 tarmonizza l-aċċess għan-networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u għall-faċilitajiet assoċjati, kif ukoll l-interkonnessjoni tagħhom. Hija tikkonċerna r-relazzjonijiet bejn il-fornituri ta’ networks u ta’ servizzi u mhux l-użu ta’ apparati ta’ telefonija mobbli mill-utenti finali.

44

Id-Direttiva 2002/22 tikkonċerna, skont l-Artikolu 1 tagħha, l-provvista ta’ networks u ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi lill-utenti finali. Hija intiża sabiex tiżgura d-disponibbiltà, fl-Unjoni kollha, ta’ servizzi ta’ kwalità tajba aċċessibbli għall-pubbliku. Għal dak li jirrigwarda l-provvista ta’ servizz universali, hija tiddefinixxi s-sett minimu ta’ servizzi ta’ kwalità speċifikata li għalih l-utenti finali kollha għandhom aċċess bi prezz li jista’ jintlaħaq fid-dawl tal-kundizzjonijiet speċifiċi nazzjonali, mingħajr distorzjoni tal-kompetizzjoni.

45

Għaldaqstant, din id-direttiva tipprevedi regoli minimi u ma tipprekludix l-applikazzjoni ta’ miżuri oħra, b’mod partikolari ta’ natura fiskali, li ma jkollhom ebda effett fuq dawn ir-regoli.

46

Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għar-raba’ domanda hija li d-Direttiva 1999/5, b’mod partikolari l-Artikolu 8 tagħha, u d-Direttivi netwerks għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-applikazzjoni ta’ miżata, bħall-MKG, li permezz tagħha l-użu ta’ tagħmir terminali ta’ komunikazzjoni bir-radju mobbli terrestri, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ abbonament, huwa suġġett għal awtorizzazzjoni ġenerali jew għal liċenzja kif ukoll għall-ħlas ta’ tali miżata, peress li l-kuntratt ta’ abbonament jissostitwixxi fih innifsu l-liċenzja jew l-awtorizzazzjoni ġenerali u li, għalhekk, ebda intervent ma huwa meħtieġ f’dan ir-rigward mill-amministrazzjoni.

Fuq it-tieni domanda

47

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2002/22 u l-Artikolu 8 tad-Direttiva 1999/5 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ miżata bħall-MKG, l-assimilazzjoni ma’ awtorizzazzjoni ġenerali jew ma’ liċenzja ta’ stazzjon tar-radju ta’ kuntratt ta’ abbonament għal servizz ta’ telefonija mobbli, li għandu barra minn hekk jippreċiża t-tip ta’ tagħmir terminali kkonċernat u l-approvazzjoni li għaliha kien suġġett.

48

Għal dak li jirrigwarda, qabelxejn, l-assimilazzjoni ta’ tali kuntratt ta’ abbonament ma’ awtorizzazzjoni ġenerali jew ma’ liċenzja ta’ stazzjon tar-radju, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ miżata bħall-MKG, biżżejjed jitfakkar li d-Direttiva 2002/22 tirrigwarda l-provvista ta’ networks u ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi lill-utenti finali u li hija ma tirregolax l-impożizzjoni ta’ miżata bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali. Minn dan jirriżulta li din id-direttiva ma tipprekludix li l-leġiżlatur nazzjonali jistabbilixxi li l-fatt li jagħti lok għal din il-miżata jkun il-kuntratt ta’ abbonament konkluż bejn il-fornitur ta’ servizzi ta’ telefonija mobbli u l-utent ta’ tagħmir terminali u li dan il-kuntratt jiġi assimilat mal-awtorizzazzjoni ġenerali prevista minn din il-miżata.

49

Għal dak li jirrigwarda, sussegwentement, il-kontenut ta’ dan il-kuntratt ta’ abbonament, l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2002/22 jippreċiża l-elementi li dan għandu “mill-inqas” jispeċifika.

50

Għaldaqstant, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 20 jirriżulta li dan tal-aħħar ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-kuntratti ta’ abbonament għal servizzi ta’ telefonija mobbli għandhom jinkludu, minbarra l-elementi imposti mid-Direttiva 2002/22, elementi oħra bħat-tip ta’ tagħmir terminali inkwistjoni u l-approvazzjoni li għaliha kien suġġett. Minn dan jirriżulta wkoll li dawn l-elementi addizzjonali ma jikkostitwixxux ostakolu għall-moviment liberu tat-tagħmir inkwistjoni, li jmur kontra l-Artikolu 8 tad-Direttiva 1999/5.

51

Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2002/22 u l-Artikolu 8 tad-Direttiva 1999/5 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ miżata bħall-MKG, l-assimilazzjoni ma’ awtorizzazzjoni ġenerali jew ma’ liċenzja ta’ stazzjon tar-radju ta’ kuntratt ta’ abbonament għal servizz ta’ telefonija mobbli, li għandu barra minn hekk jippreċiża t-tip ta’ tagħmir terminali kkonċernat u l-approvazzjoni li għaliha kien suġġett.

Fuq it-tielet domanda

52

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni, kif jirriżulta mid-Direttiva 1999/5, mid-Direttivi netwerks u mill-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi trattament iddifferenzjat tal-utenti ta’ tagħmir terminali ta’ komunikazzjoni bir-radju mobbli terrestri, skont jekk jissottoskrivux għal kuntratt ta’ abbonament għal servizzi ta’ telefonija mobbli jew jekk jixtrux dawn is-servizzi fil-forma ta’ prepaid cards li għalihom jistgħu jinxtraw top-up vouchers, li jipprevedi li huma biss dawk tal-ewwel li huma suġġetti għal leġiżlazzjoni bħal dik li tistabbilixxi l-MKG.

53

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 20 tal-Karta jipprevedi li persuna hija ugwali f’għajnejn il-liġi. Madankollu, konformement mal-Artikolu 51 tagħha, id-dispożizzjonijiet tal-Karta huma intiżi għall-Istati Membri meta jkunu qed jimplementaw biss il-liġi tal-Unjoni. Issa, f’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mir-risposta mogħtija għall-ewwel u għar-raba’ domanda, peress li d-Direttivi netwerks ma jirregolawx l-applikazzjoni ta’ miżata, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, u li mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-imsemmija leġiżlazzjoni qed timplementa d-dritt tal-Unjoni, din id-dispożizzjoni ma għandhiex tiġi applikata fil-konfront ta’ tali leġiżlazzjoni.

54

Barra minn hekk, sa fejn din il-kwistjoni tikkonċerna l-applikazzjoni ta’ regola li tipprevedi awtorizzazzjoni mill-amministrazzjoni unikament fil-konfront tal-abbonati għal servizz ta’ telefonija mobbli, għandu jitfakkar, hekk kif jirriżulta mill-punt 38 ta’ din is-sentenza, li, fil-prattika, ebda intervent tal-amministrazzjoni ma jidher li huwa meħtieġ peress li l-kuntratt ta’ abbonament jissostitwixxi, fih innifsu, l-awtorizzazzjoni.

55

Minn dan jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda hija li, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, id-dritt tal-Unjoni, kif jirriżulta mid-Direttiva 1999/5, mid-Direttivi netwerks u mill-Artikolu 20 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix trattament iddifferenzjat tal-utenti ta’ tagħmir terminali ta’ komunikazzjoni bir-radju mobbli terrestri, skont jekk jissottoskrivux għal kuntratt ta’ abbonament għal servizzi ta’ telefonija mobbli jew jekk jixtrux dawn is-servizzi fil-forma ta’ prepaid cards li għalihom jistgħu jinxtraw top-up vouchers, li jipprevedi li huma biss dawk tal-ewwel li huma suġġetti għal leġiżlazzjoni bħal dik li tistabbilixxi l-MKG.

Fuq l-ispejjeż

56

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-Direttivi:

1999/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Marzu 1999, dwar it-tagħmir tar-radju u tagħmir terminali ta’ telekomunikazzjonijiet u r-rikonoxximent reċiproku tal-konformità tagħhom, b’mod partikolari l-Artikolu 8 tagħha,

2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva tal-Aċċess),

2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni), kif emendata bid-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009,

2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru [Qafas]), u

2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-applikazzjoni ta’ miżata, bħall-miżata ta’ konċessjoni tal-gvern, li permezz tagħha l-użu ta’ tagħmir terminali ta’ komunikazzjoni bir-radju mobbli terrestri, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ abbonament, huwa suġġett għal awtorizzazzjoni ġenerali jew għal liċenzja kif ukoll għall-ħlas ta’ tali miżata, peress li l-kuntratt ta’ abbonament jissostitwixxi fih innifsu l-liċenzja jew l-awtorizzazzjoni ġenerali u li, għalhekk, ebda intervent ma huwa meħtieġ f’dan ir-rigward mill-amministrazzjoni.

 

2)

L-Artikolu 20 tad-Direttiva 2002/22, kif emendata bid-Direttiva 2009/136, u l-Artikolu 8 tad-Direttiva 1999/5 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ miżata, bħall-miżata ta’ konċessjoni tal-gvern, l-assimilazzjoni ma’ awtorizzazzjoni ġenerali jew ma’ liċenzja ta’ stazzjon tar-radju ta’ kuntratt ta’ abbonament għal servizz ta’ telefonija mobbli, li għandu barra minn hekk jippreċiża t-tip ta’ tagħmir terminali kkonċernat u l-approvazzjoni li għaliha kien suġġett.

 

3)

F’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, id-dritt tal-Unjoni, kif jirriżulta mid-Direttivi 1999/5, 2002/19, 2002/20, kif emendata bid-Direttiva 2009/140, 2002/21 u 2002/22, kif emendata bid-Direttiva 2009/136, kif ukoll mill-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix trattament iddifferenzjat tal-utenti ta’ tagħmir terminali ta’ komunikazzjoni bir-radju mobbli terrestri, skont jekk jissottoskrivux għal kuntratt ta’ abbonament għal servizzi ta’ telefonija mobbli jew jekk jixtrux dawn is-servizzi fil-forma ta’ prepaid cards li għalihom jistgħu jinxtraw top-up vouchers, li jipprevedi li huma biss dawk tal-ewwel li huma suġġetti għal leġiżlazzjoni bħal dik li tistabbilixxi l-miżata ta’ konċessjoni tal-gvern.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top