EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CC0407

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Mengozzi, ippreżentati fit-3 ta’ Settembru 2015.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:534

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ppreżentati fit-3 ta’ Settembru 2015 ( 1 )

Kawża C‑407/14

María Auxiliadora Arjona Camacho

vs

Securitas Seguridad España, SA

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Qorti tax-Xogħol Nru 1 ta’ Córdoba (Juzgado de lo Social Nru 1 de Córdoba (Spanja)]

“Ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa — Kundizzjonijiet ta’ impjieg — Tkeċċija diskriminatorja — Ugwaljanza fit-trattament — Ksur — Artikolu 6 tad-Direttiva 2006/54/KE — Rekwiżit ta’ riparazzjoni jew ta’ kumpens disważiv — Kumpens sħiħ — Kumpens adegwat — Sanzjoni — Setgħat tal-qorti nazzjonali li timponi danni punittivi”

1. 

Stat Membru jissodisfa r-rekwiżit ta’ riparazzjoni jew ta’ kumpens disważiv stabbiliti mid-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol ( 2 ), jekk jillimita ruħu biex jistabbilixxi, fil-każ ta’ tkeċċija diskriminatorja, kumpens sħiħ biss għad-dannu mġarrab mill-vittma u jekk id-dritt nazzjonali tiegħu ma jistabbilixxix l-għoti, f’tali każ, ta’ danni punittivi? Din hija l-kwistjoni mqajma minn dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

2. 

Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti, għall-ewwel darba, interpretazzjoni tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2006/54 li jobbliga lill-Istati Membri li jimplementaw il-miżuri neċessarji sabiex jiġi kkumpensat id-dannu mġarrab b’mod disważiv u proporzjonat, il-ġurisprudenza preċedenti tagħha mogħtija fuq kwistjonijiet simili tista’ tippermettili li niċċara b’mod effettiv il-portata ta’ dan l-artikolu.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-Direttiva 2006/54

3.

Il-premessa 33 tad-Direttiva 2006/54 tfakkar li “[k]ien deċiż b’mod ċar mill-Qorti tal-Ġustizzja li, sabiex ikun effettiv, il-prinċipju ta’ trattament ugwali jimplika li, il-kumpens mogħti għal kwalunkwe ksur irid ikun adegwat skond il-ħsara mġarrba.”

4.

Id-Direttiva 2006/54 “fiha dispożizzjonijiet biex jiġi implimentat il-prinċipju ta’ trattament ugwali f’relazzjoni ma’ [...] il-kondizzjonijiet tax-xogħol, inkluża l-paga” ( 3 ) u “fiha wkoll dispożizzjonijiet biex ikun żgurat li din l-implimentazzjoni tkun aktar effettiva permezz ta’ l-istabbiliment ta’ proċeduri xierqa” ( 4 ).

5.

L-Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/54 jistabbilixxi li “[m]’għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni diretta jew indiretta minħabba s-sess fis-settur pubbliku jew f’dak privat, inklużi l-korpi pubbliċi, b’relazzjoni għal […] l-kondizzjonijiet tax-xogħol, inlużi sensji […]”.

6.

L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2006/54 jgħid:

“L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-sistema legali nazzjonali tagħhom dawk il-miżuri li jkunu meħtieġa sabiex jassiguraw kumpens jew riparazzjoni reali u effettivi, kif jistabbilixxu l-Istati Membri, għat-telf u l-ħsara mġarrba minn persuna bħala riżultat ta’ diskriminazzjoni abbażi ta’ sess, b’mod li jkun dissważiv u proporzjonat għall-ħsara mġarrba. Tali kumpens jew riparazzjoni ma jistgħux ikunu ristretti bl-iffissar ta’ limitu ogħla minn qabel, ħlief meta min iħaddem jista’ jipprova li l-unika ħsara li l-applikant ġarrab bħala riżultat ta’ diskriminazzjoni fis-sens ta’ din id-Direttiva tkun ir-rifjut li tkun ikkunsidrata l-applikazzjoni għax xogħol tiegħu/tagħha.”

7.

L-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/54 jirrigwarda s-sanzjonijiet. Dan jgħid:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva, u għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li jiġu applikati. Il-penali, li jistgħu jinkludu l-paga ta’ kumpens lill-vittma, iridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-5 ta’ Ottubru 2005 u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien għal kwalunkwe emenda sussegwenti li taffetwahom.”

8.

L-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 2006/54 jippreċiża li “[l]-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli għall-ħarsien tal-prinċipju tat-trattament ugwali minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva”.

B – Id-dritt Spanjol

9.

Il-Liġi Organika Nru 3/2007 għall-ugwaljanza effettiva bejn in-nisa u l-irġiel (Ley Orgánica 3/2007 para la igualdad efectiva de mujeres y hombres), tat-22 ta’ Marzu 2007 ( 5 ) ittrasponiet b’mod partikolari, fl-ordinament ġuridiku Spanjol, id-Direttiva 2006/54. Fl-Artikolu 10 ta’ din il-liġi hemm stabbilit li “[l]-atti u l-klawżoli kuntrattwali li jikkostitwixxu jew iwasslu għad-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess huma kkunsidrati bħala nulli u mingħajr effett, u joħolqu r-responsabbiltà [tal-awtur tagħhom] permezz ta’ sistema ta’ riparazzjonijiet jew kumpensi reali, effettivi u proporzjonati fir-rigward tad-dannu mġarrab, kif ukoll, jekk ikun il-każ, minn sistema effikaċi u disważiva ta’ sanzjonijiet li jipprevjenu l-implementazzjoni ta’ aġir diskriminatorju”.

10.

L-Artikolu 183 tal-Liġi Nru 36/2011, dwar ir-regolamentazzjoni tal-ġurisdizzjoni soċjali (Ley 36/2011 reguladora de la jurisdicción social), tal-10 ta’ Ottubru 2011 ( 6 ), huwa fformulat kif ġej:

“1.   Meta s-sentenza tiddikjara l-eżistenza ta’ ksur, il-qorti għandha tiddeċiedi dwar l-ammont ta’ danni dovuti, jekk ikun il-każ, lir-rikorrenti li tkun ġarrbet id-diskriminazzjoni jew xi ksur ieħor tad-drittijiet fundamentali tagħha u tal-libertajiet pubbliċi tagħha, kemm għad-dannu morali kif ukoll għall-ksur tad-dritt fundamentali kif ukoll għad-dannu addizzjonali li jirriżulta.

2.   Il-qorti għandha tiddeċiedi dwar l-ammont ta’ danni, u għandha tiddeterminahom b’mod prudenzjali meta jidher li jkun wisq diffiċli jew oneruż biex jiġi stabbilit l-ammont eżatt, sabiex il-vittma tingħata kumpens suffiċjenti u sabiex hija tiġi stabbilita mill-ġdid, sa fejn ikun possibbli, fis-sitwazzjoni li kienet fiha qabel il-ksur, kif ukoll biex isir kontribut għall-għan tal-prevenzjoni tad-dannu”.

II – Il-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

11.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tkeċċiet mix-xogħol mill-persuna li timpjegaha fl-2014. Wara proċedura ta’ konċiljazzjoni li ma rnexxietx, hija adixxiet lill-qorti tar-rinviju sabiex, minn naħa waħda, tikkonstata n-nullità tat-tkeċċija tagħha, sa fejn tikkostitwixxi diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ sess u, min-naħa l-oħra, li tikseb kumpens filwaqt li talbet l-għoti ta’ EUR 6000 bħala danni għad-dannu morali.

12.

Il-qorti tar-rinviju tippreżupponi li din it-tkeċċija tikkostitwixxi diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess, u dan imur kontra l-leġiżlazzjoni Spanjola li kienet ittrasponiet ir-regoli tad-Direttiva 2006/54. Fir-rigward tad-dritt Spanjol, it-tkeċċija tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandha tiġi kkunsidrata bħala nulla ( 7 ).

13.

Għal raġunijiet li ma tispeċifikax fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-qorti tar-rinviju tinforma lill-Qorti tal-Ġustizzja li lesta li tagħti lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali s-somma ta’ EUR 3000 bħala danni liema somma, fil-fehma tagħha u skont id-dritt nazzjonali tagħha, tidher li hija suffiċjenti bħala kumpens ġust għad-dannu mġarrab.

14.

Filwaqt li tagħmel hekk, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar kemm dan il-kumpens huwa suffiċjenti meta wieħed jikkunsidra li d-danni għandhom biss għan ta’ kumpens, filwaqt li d-Direttiva 2006/54, u iktar preċiżament l-Artikolu 18 tagħha jidhru wkoll li jeħtieġu mill-Istati Membri miżuri sabiex jiddiswadu lill-awturi ta’ diskriminazzjoni milli jadottaw tali aġir.

15.

Il-qorti a quo għalhekk tikkunsidra li dan l-għan ta’ disważjoni jintlaħaq jekk il-persuna li timpjega setgħet tiġi kkundannata tħallas EUR 3000 addizzjonali bħala danni li hija tiddeskrivi bħala “punittivi”. Madankollu, dan il-kunċett huwa estranju għat-tradizzjoni ġuridika Spanjola. Għalhekk, din il-qorti ma hijiex awtorizzata mid-dritt nazzjonali tagħha li tiddeċiedi kundanna bħal dik.

16.

Billi poġġiet fid-dubju l-konformità tad-dritt Spanjol mar-rekwiżiti stabbiliti mid-Direttiva 2006/54, il-Qorti tax-Xogħol Nru 1 ta’ Córdoba (Juzgado de lo Social Nru 1 de Córdoba, Spanja) ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri, u b’deċiżjoni tar-rinviju li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Awwissu 2014, tadixxi lil din tal-aħħar fuq il-bażi tal-Artikolu 267 TFUE, bid-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2006/54/KE , sa fejn dan jafferma li l-kumpens lill-vittma ta’ diskriminazzjoni minħabba s-sess għandu jkollu natura dissważiva (kif ukoll effettiv u proporzjonali għad-dannu subit), jista’ jiġi interpretat fis-sens li dan jippermetti lill-qorti nazzjonali tagħti lill-vittma, b’mod verament addizzjonali, danni punittivi raġonevoli – jiġifieri somma addizzjonali li, għalkemm tmur lil hinn mill-kumpens sħiħ tad-dannu reali subit mill-vittma, isservi ta’ eżempju għal oħrajn (minbarra l-eżempju li din tikkostitwixxi għall-awtur tad-dannu) – sakemm din is-somma tibqa’ fil-limiti ta’ dak li huwa proporzjonali u dan inkluż meta dan il-kunċett ta’ danni punittivi ma jifformax parti mit-tradizzjoni ġuridika tal-qorti nazzjonali?”

17.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, mill-Gvern ta’ Spanja u mill-Gvern tar-Renju Unit kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

III – Analiżi ġuridika

18.

Filwaqt li bbażat id-domanda preliminari tagħha fuq l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2006/54, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kumpens sħiħ waħdu għad-dannu mġarrab mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huwiex biżżejjed biex jiżgura n-natura disważiva tar-riparazzjoni jew tal-kumpens fis-sens ta’ dak l-artikolu jew, għall-kuntrarju, għandux jiġi dedott minn dan ir-rekwiżit ta’ disważjoni l-obbligu għall-qorti nazzjonali li tikkundanna lill-persuna li timpjega li tkun instabet responsabbli minn diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess biex tħallas danni punittivi anki, fi kwalunkwe każ, jekk id-dritt Spanjol ma jippermettix li wieħed imur lil hinn mill-kumpens sħiħ biss tad-dannu lill-vittma.

19.

Biex tingħata risposta għal din id-domanda, l-ewwel nett għandu jiġi enfasizzat il-fatt li l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2006/54 jidħol fil-linja tad-dispożizzjonijiet ekwivalenti li jinsabu fid-direttivi preċedenti li d-Direttiva 2006/54 kkompletat u kkonsolidat. It-tieni nett, għandha tiġi analizzata l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja deċiża fuq il-bażi ta’ dawk id-direttivi – ġurisprudenza li tibqa’ għal kollox rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Il-konklużjonijiet li jinġibdu mill-analiżi testwali, teleoloġika u ġurisprudenzjali jwassluni biex nikkunsidra li għandha tingħata risposta negattiva għad-domanda preliminari li saret lill-Qorti tal-Ġustizzja. Fl-aħħar nett ser niżviluppa żewġ sensiliet ta’ osservazzjonijiet finali favur tali risposta, li, minn naħa, juru l-assenza ta’ armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ riparazzjoni jew ta’ kumpens u, min-naħa l-oħra, il-problema tal-effett dirett tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2006/54.

A – Analiżi testwali u teleoloġika

20.

Li tintlaħaq l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa huwa kemm kompitu kif ukoll mira mogħtija mit-Trattati lill-Unjoni Ewropea ( 8 ). Id-Direttiva 2006/54 għalhekk tfakkar l-istatus bħala “prinċipju fundamentali”, fid-dritt tal-Unjoni ta’ din l-ugwaljanza ( 9 ). Għaldaqstant huwa loġikament, u fil-linja tad-direttivi li huwa fassal mill-ġdid ( 10 ), li l-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa l-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess.

21.

Preċiżament peress li ma hijiex kwistjoni, fejn wieħed jikkuntenta ruħu b’dikjarazzjoni ta’ prinċipju, iżda, għall-kuntrarju, iridu jintlaħqu riżultati konkreti stabbiliti mid-dritt primarju li “l-Istati Membri jkollhom il-proċeduri xierqa” ( 11 ) sabiex jiġu osservati l-obbligi imposti mid-Direttiva 2006/54 li tqis essenzjali “[g]ħall-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipju ta’ trattament ugwali” ( 12 ).

22.

Billi s-sempliċi implementazzjoni ta’ proċeduri ma hijiex, madankollu biżżejjed biex tiggarantixxi l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-individwi għandhom skont id-Direttiva 2006/54, l-Artikolu 18, imdaħħal fit-taqsima “Rimedji” tal-kapitolu ddedikat għar-rimedji u infurzar, itenni n-novità introdotta mid-Direttiva 2002/73 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Settembru 2002, li temenda d-Direttiva 76/207 ( 13 ), meta jippreċiża liema skop dawn il-proċeduri jridu jilħqu, jiġifieri l-kumpens jew ir-riparazzjoni ( 14 ) tad-dannu mġarrab mill-vittma.

23.

Għall-Istati Membri, dan huwa obbligu ta’ riżultat (“sabiex jassiguraw kumpens jew riparazzjoni reali u effettivi”), filwaqt li d-Direttiva 2006/54 tħallilhom l-għażla, essenzjalment, tal-mezzi ( 15 ) (“kif jistabbilixxu l-Istati Membri […] b’mod li jkun dissważiv u proporzjonat għall-ħsara mġarrba ”). Jirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2006/54 li dan ma jimponi fuq l-Istati Membri l-ebda miżura partikolari u jħallihom fil-libertà li jagħżlu fost is-soluzzjonijiet differenti xierqa biex iwettqu l-għan segwit mid-Direttiva 2006/54 ( 16 ). Għalhekk, l-istandard li bih tiġi mkejla l-azzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess qiegħed fit-twettiq tal-għan segwit minn din d-direttiva u l-garanzija tal-effettività tagħha permezz tat-tħaris tad-drittijiet tal-partijiet fil-kawża.

24.

L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2006/54 ma jistax jiġi analizzat mingħajr ma jsir riferiment għall-Artikolu 25 ta’ dik id-direttiva, li jissellef kliem minn dan l-Artikolu 18 peress li fih il-leġiżlatur isostni li s-sanzjonijiet li l-Istati Membri huma mitluba li japplikaw “jistgħu jinkludu l-paga ta’ kumpens lill-vittma” u għandhom ikunu, bħal fil-każ tal-kumpens jew tar-riparazzjoni li dan l-Artikolu 18 jsemmi, “effettivi, proporzjonati u dissważivi”. Permezz ta’ dan, il-leġiżlatur tal-Unjoni jeħtieġ mill-Istati Membri li huma jimplementaw “penali effettivi, proporzjonati u dissważivi fil-każ ta’ ksur ta’ l-obbligi skond din id-[Direttiva 2006/54]” ( 17 ). Għaldaqstant, hija din il-ħtieġa li ġiet ikkonkretizzata fl-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/54, bl-isem ta’ “Penali” ( 18 ) u mdaħħla fil-kapitolu tat-Titolu III ddedikat għad-dispożizzjonijiet orizzontali ta’ natura ġenerali. Dak l-Artikolu 25 jobbliga wkoll lill-Istati Membri li jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-miżuri adottati fuq il-bażi tagħhom.

25.

Biex nirrikapitula, l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2006/54 huwa limitat biex jeħtieġ li r-riparazzjoni jew il-kumpens ikunu effettivi, proporzjonali u disważivi. Meta dan l-artikolu jinqara waħdu, jidher ċar li l-kumpens jew ir-riparazzjoni bħala tali ma humiex ikkonċepiti bħala sanzjoni mil-leġiżlatur. Id-dimensjoni punittiva tal-miżuri li l-Istati Membri għandhom jadottaw ma hijiex prevista b’mod espliċitu ħlief fl-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/54 ( 19 ).

26.

Jibqa’ biex jiġi vverifikat jekk l-analiżi tal-ġurisprudenza tikkonfermax din l-ewwel impressjoni li nħolqot mill-analiżi letterali u teleoloġika tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2006/54, billi din id-direttiva għandha tiġi interpretata inkunsiderazzjoni tal-acquis ġurisprudenzjali kollu li ppreċeda l-adozzjoni tagħha u li għalih kultant tagħmel riferiment espliċitu ( 20 ).

B – L-Istat tal-ġurisprudenza eżistenti

27.

Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma ddeċidiet sa issa preċiżament fuq l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Artikolu 18 tad-Direttiva 2006/54, hija madankollu kellha diversi okkażjonijiet sabiex tieħu pożizzjoni fuq id-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-direttivi preċedenti għad-Direttiva 2006/54, fosthom, l-ewwel nett, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 76/207 ( 21 ).

28.

Meta wieħed janalizza l-ġurisprudenza tagħha, tista’ tinġibed il-konklużjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm hija kienet diġà kkwalifikat bħala “sanzjoni” miżura ta’ kumpens, qatt ma rrikjediet li din tal-aħħar tmur lil hinn minn kumpens “adegwat”. Issa, fil-fehma tiegħi, id-dritt Spanjol kif deskritt mill-qorti nazzjonali, joffri l-garanziji kollha għal tali kumpens.

1. Ir-rekwiżit ta’ disważjoni fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa ssodisfatt jekk il-kumpens previst ikun “adegwat”

29.

Il-problema tal-mezzi tal-ġlieda kontra l-aġir diskriminatorju bbażat fuq is-sess fir-relazzjonijiet ta’ xogħol ma hijiex ġdida. Il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet adita diversi drabi dwar din il-kwistjoni. Issa jiena tal-fehma li l-konklużjoni li waslet għaliha ( 22 ) fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 76/207 tapplika, mutatis mutandis, għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2006/54 li huwa jissostitwixxi u jippreċiża, u dan l-artikolu tal-aħħar iħalli fl-istess libertà lill-Istati Membri dwar it-tip ta’ miżuri li jiġu adottati kif għamel fi żmienu l-Artikolu 6 tad-Direttiva 76/207.

30.

Fid-dawl ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 76/207, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2006/54 jobbliga lill-Istati Membri li jintroduċu fl-ordinament ġuridiku intern tagħhom il-miżuri meħtieġa biex kull persuna li tqis lilha nnifisha leża minn diskriminazzjoni tkun tista’ tikseb kumpens. Dawk l-Istati huma obbligati li jieħdu miżuri li jkunu effikaċi biżżejjed biex jintlaħaq l-għan ta’ din id-direttiva u biex jagħmlu mezz li dawn il-miżuri jkunu jistgħu jiġu invokati effettivament quddiem il-qrati nazzjonali mill-persuni kkonċernati mingħajr ma d-dritt tal-Unjoni jippreskrivi forma partikolari għal dawn il-miżuri. Għalhekk dawn il-miżuri jistgħu jieħdu forom diversi, bħall-obbligu li jiġi rreklutat il-kandidat iddiskriminat, ir-riintegrazzjoni tal-persuna mkeċċija għal raġuni diskriminatorja jew ukoll kumpens pekunjarju adegwat ( 23 ).

31.

Fl-1984, sena li fiha tat is-sentenzi von Colson u Kamann (14/83, EU:C:1984:153) kif ukoll Harz (79/83, EU:C:1984:155), il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat li tinterpreta l-Artikolu 6 tad-Direttiva 76/207 fis-sens li ippreskriva lill-Istati Membri li jadottaw miżura partikolari, f’dan il-każ li l-persuna li timpjega li tkun responsabbli minn diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess tiġi obbligata li tikkonkludi kuntratt ta’ xogħol mal-kandidat għall-impjieg li l-kandidatura tiegħu tkun ġiet imwarrba għal raġuni diskriminatorja.

32.

Fl-2015, fil-mument meta l-Qorti tal-Ġustizzja ġiet adita b’din il-kawża għal deċiżjoni preliminari, ma kien hemm l-ebda bidla sostanzjali fid-dritt tal-Unjoni sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tasal għal riżultat differenti, jiġifieri sabiex tippreskrivi lill-Istati Membri l-adozzjoni ta’ miżuri speċifiċi bħall-impożizzjoni ta’ danni punittivi.

33.

Ir-riferiment għall-effett disważiv li jinsab l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2006/54 ma huwiex ta’ natura li jibdel din il-konstatazzjoni.

34.

Fil-fatt it-test tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2006/54 jinkludi riferiment għall-effett disważiv tar-riparazzjoni jew tal-kumpens hekk kif dawn huma organizzati mill-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali. Madankollu, id-dissważjoni, għalkemm nieqsa mill-ittra tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 76/207, kienet diġà preżenti fil-ħsieb tal-Qorti tal-Ġustizzja meta hija interpretatu fis-sens li, “għalkemm applikazzjoni sħiħa tad-Direttiva [76/207] ma timponix [...] forma speċifika ta’ sanzjoni fil-każ ta’ ksur tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni, din għandha madankollu tinftiehem li s-sanzjoni għandha tkun tali li tiżgura protezzjoni ġudizzjarja effettiva u effikaċi. Barra minn hekk, għandha verament ikollha, fil-konfront tal-persuna li timpjega, effett disważiv reali. Jirriżulta minn dan illi meta l-Istat Membru jagħżel li jissanzjona ksur tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni permezz tal-għoti ta’ kumpens, din għandha tkun f’kull każ adegwata għad-dannu mġarrab” ( 24 ).

35.

Nieħdu żewġ tagħlimiet minn din il-ġurisprudenza. Minn naħa, l-oriġini tar-riferiment, li hemm fl-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/54, għall-kumpens bħala forma ta’ sanzjoni b’mod ċar tidher f’din il-linja ġurisprudenzjali. Min-naħa l-oħra, fil-ħsieb tal-Qorti tal-Ġustizzja, kumpens adegwat huwa, fi kwalunkwe każ, ta’ natura li jiggarantixxi protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet mogħtija, fir-rigward tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq is-sess, lill-partijiet fil-kawża. Barra minn hekk, huwa preċiżament għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja kkuntentat ruħha b’kumpens adegwat, li jibqa’ proporzjonat mad-dannu mġarrab, li dan ma jikkostitwixxix “sanzjoni” reali, fis-sens punittiv tal-kelma ( 25 ).

36.

Barra minn hekk, billi r-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u ta’ disważjoni “jinvolvu t-teħid in kunsiderazzjoni tal-karatteristiċi proprji għal kull każ ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza” ( 26 ), il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi każ b’każ dwar in-natura suffiċjenti tal-miżuri meħuda mill-Istati Membri biex jimplementaw l-Artikolu 6 tad-Direttiva 76/207 u, għaldaqstant, sabiex jiżguraw traspożizzjoni effikaċi ta’ din id-direttiva.

37.

Għalhekk, leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita d-drittijiet għal kumpens tal-vittmi ta’ diskriminazzjoni fl-aċċess għall-impjieg għal kumpens purament simboliku ma tikkonformax mar-rekwiżiti ta’ traspożizzjoni bħal dik ( 27 ). Meta kumpens jieħu forma pekunjarja, huwa eskluż li l-Istati Membri jiffissaw a priori limitu għall-kumpens ( 28 ).

38.

Fir-rigward ta’ tkeċċija diskriminatorja, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li “it-twaqqif mill-ġdid tas-sitwazzjoni ta’ ugwaljanza ma tistax titwettaq fin-nuqqas ta’ riintegrazzjoni tal-persuna ddiskriminata, jew, alternattivament, ta’ kumpens pekunjarju tad-dannu mġarrab” ( 29 ), bil-kundizzjoni li dak il-kumpens ikun adegwat jiġifieri “li jippermetti li jkun hemm kumpens sħiħ tad-danni effettivament imġarrba mill-fatt tat-tkeċċija diskriminatorja, skont ir-regoli nazzjonali applikabbli” ( 30 ).

39.

Jirriżulta minn dak li ntqal iktar ’il fuq li, meta ddeċidiet li hija konformi mal-Artikolu 6 tad-Direttiva 76/207 leġiżlazzjoni nazzjonali li kienet toffri kumpens pekunjarju adegwat għad-dannu mġarrab, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li dak il-kumpens kien jissodisfa r-rekwiżit ta’ disważjoni li hija qieset li kien moħbi wara l-intenzjoni tal-leġiżlatur espressa permezz tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 76/207. Fi kliem ieħor, fir-rigward ta’ riparazzjoni jew kumpens, l-effett disważiv ma jiddependix neċessarjament, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, mill-inklużjoni ta’ element punittiv dirett.

2. Applikazzjoni għall-każ preżenti

40.

Illum, billi r-rekwiżit ta’ disważjoni huwa espliċitu fid-Direttiva 2006/54, fil-fehma tiegħi, ma hemmx raġuni għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja għandha twarrab din il-linja ġurisprudenzjali. Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk id-dritt Spanjol joffrix lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali l-garanziji kollha ta’ kumpens adegwat.

41.

F’dan ir-rigward, jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari li d-dritt Spanjol jipprevedi li l-qorti tiddeċiedi n-nullità tal-atti adottati bi ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa ( 31 ) u li din in-nullità tinkludi mekkaniżmu ta’ kumpens għad-dannu, billi l-ordinament ġuridiku Spanjol iddeċieda, bħala miżura biex jintlaħaq l-għan ta’ ugwaljanza fil-possibbiltajiet effettivi previst fid-Direttiva 2006/54, il-forma ta’ kumpens pekunjarju. Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra a quo li s-somma ta’ EUR 3000 hija biżżejjed għall-“kumpens ġust” għad-dannu tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ( 32 ). Dejjem skont id-dritt nazzjonali, id-danni huma intiżi li jikkumpensaw il-vittma tad-danni kollha mġarrba, inkluż id-dannu morali u huma kkalkolati b’mod li l-vittma, sa fejn huwa possibbli, titqiegħed mill-ġdid fis-sitwazzjoni preċedenti għad-diskriminazzjoni li tkun seħħet ( 33 ). Billi d-dannu morali, min-natura tiegħu, huwa diffiċli li jiġi kkwantifikat, id-dritt Spanjol rrikonoxxa lill-qorti s-setgħa li tirregola d-danni sabiex tkun tista’ tikkunsidra l-livell ta’ gravità tal-ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa. L-għoti ta’ danni jippermetti b’hekk li jiġi kopert il-valur sħiħ tat-telf imġarrab mill-vittma (damnum emergens) inklużi l-profitti li tkun waqfet milli tagħmel jew in-nuqqas ta’ qligħ (lucrum cessans).

42.

Hija bil-kundizzjoni sine qua non que li d-dritt nazzjonali jistabbilixxi kumpens pekunjarju sħiħ tal-aspetti kollha tad-dannu mġarrab mill-vittma ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess u proporzjonali għal din tal-aħħar, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tikkonferma, li l-mekkaniżmu ta’ kumpens deskritt iktar ’il fuq għandu jiġi deċiż b’mod konformi mal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2006/54.

43.

Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk sempliċement tikkonferma l-ġurisprudenza preċedenti stabbilita tagħha meta tiddeċiedi li dan il-kumpens sħiħ huwa adegwat u, għalhekk, biżżejjed biex jiġi żgurat effett disważiv reali tal-miżuri nazzjonali li l-Istati Membri għandhom jimplementaw biex tiġi ggarantita l-effettività tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2006/54.

C – Osservazzjonijiet finali

44.

Fi kwalunkwe każ, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi mod ieħor – quod non – hija ma tistax tieħu pożizzjoni, kif tistedinha l-qorti tar-rinviju, favur impożizzjoni ta’ danni punittivi fuq il-persuna li timpjega tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

45.

Fil-fatt, minn naħa, id-Direttiva 2006/54 ma għamlitx armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ riparazzjoni jew ta’ kumpens tad-dannu mġarrab mill-fatt ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u, min-naħa l-oħra, għandi dubji serji dwar il-kapaċità tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2006/54 li jipproduċi effett dirett fil-kuntest tal-kwistjoni prinċipali.

1. Assenza ta’ armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ riparazzjoni jew ta’ kumpens għad-dannu mġarrab

46.

Sa hemmhekk, l-intervent tal-Qorti tal-Ġustizzja kien li tiddefinixxi b’mod inċiżiv, fin-negattiv, dak li d-Direttiva 76/207 kienet teħtieġ mill-Istati Membri meta ddeċidiet dak li ma kienx konformi. Hija qatt ma ddettat l-aġir tagħhom. Issa, id-domanda tal-qorti tar-rinviju qed teħtieġ mill-Qorti tal-Ġustizzja – peress li d-Direttiva 2006/54 stess dan ma tagħmlux – li hija tagħmel, fil-ġurisprudenza tagħha, qabża kwalitattiva kolossali li jidhirli li tmur ferm lil hinn mill-kamp ta’ ġurisdizzjonijiet tagħha.

47.

Li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi mingħajr sfumaturi li l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2006/54 għandu jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi li l-Istati Membri jipprevedu, fil-każijiet ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, l-għoti ta’ danni punittivi lill-vittmi jwassalha li tieħu pożizzjoni b’mod definittiv f’dibattitu li fil-fehma tiegħi, ma tistax tiġbed mingħand l-Istati Membri.

48.

Fil-fatt, fl-Istati Membri li ma jafux istituzzjoni bħal din ( 34 ), l-introduzzjoni ta’ danni punittivi hija s-suġġett ta’ dibattiti u l-kwistjoni hija ġeneralment diskussa ħafna ( 35 ). Id-danni punittivi ta’ spiss jitqiesu bħala bidla ta’ paradigma fid-dritt tar-responsabbiltà. Ċerti sistemi ġuridiċi jibqgħu marbutin ħafna mal-idea li s-sistema ta’ responsabbiltà għandu jkollha funzjoni strettament riparatriċi. Id-danni huma, skont metodu kważi kontabbli, mogħtija sabiex jikkumpensaw b’mod sħiħ id-dannu mġarrab, la iżjed u lanqas inqas, għaliex ikun irid jiġi stabbilit mill-ġdid l-ekwilibriju miksur bl-aġir diskriminatorju. Madankollu, il-garanzija li jinkiseb kumpens sħiħ diġà huwa kkonċepit, fih innifsu, bħala mezz biex jiddiswadi aġir bħal dak.

49.

Bid-danni punittivi, is-sistema ta’ responsabbiltà tiġi miżjuda b’funzjoni moralista, proprjament punittiva. Huma espressjoni tat-teorija tal-piena privata, ma tibqax kwistjoni ta’ kumpens, iżda wkoll li jingħataw danni flimkien mal-kumpens sħiħ, fejn ikun ittamat li, minħabba n-natura repressiva tagħhom, dawn jiddiswadu mhux biss lill-awtur tad-dannu, jekk ikun il-każ, milli jerġa’ jwettaq l-aġir diskriminatorju tiegħu, iżda ukoll lill-awturi l-oħrajn li jaġixxu b’dak il-mod.

50.

Jista’ jkun għal kollox problematiku għal ċerti Stati Membri, ibda mir-Renju ta’ Spanja, li jistabbilixxu danni punittivi preċiżament għaliex dan jista’ jiġi kkonċepit bħala l-indħil ta’ għodda ġuridika kważi kriminali fil-qasam tar-responsabbiltà ċivili. Barra minn hekk, id-dħul obbligatorju ta’ danni punittivi jista’ jikkuntrasta, kif osservat il-qorti tar-rinviju, mal-prinċipju tal-projbizzjoni tal-arrikkiment indebitu li jipprevali fil-parti l-kbira tal-Istati Membri ( 36 ). Sakemm ma jiġix previst li d-danni punittivi jitħallsu lit-Teżor pubbliku, imma mbagħad tqum effettivament il-kwistjoni tal-benefiċjarju jew benefiċjarji ta’ dawk id-danni ( 37 ).

51.

Fil-fehma tiegħi, li jiġi deċiż li l-Istati Membri jiġu obbligati, skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2006/54, li jistabbilixxu l-għoti ta’ danni punittivi jwassal għal armonizzazzjoni ġudizzjarja tal-kundizzjonijiet ta’ riparazzjoni jew ta’ kumpens fil-każijiet ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, fejn niddubita kemm din kienet mixtieqa mil-leġiżlatur tal-Unjoni, tal-inqas imwassla sa dan il-livell ta’ preċiżjoni ( 38 ).

52.

Dak li jkun jista’ jiddispjaċih minn dan, tant kemm għandi għarfien li s-sistema ta’ responsabbiltà deskritta iktar ’il fuq għadha ’l bogħod milli tissodisfa b’mod sistematikament sodisfaċenti l-funzjoni riparatriċi tagħha. Madankollu, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, niddubita li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tmur ferm iktar lil hinn fuq dak li tista’ tirrikjedi f’termini ta’ riparazzjoni jew ta’ kumpens. Inżid ngħid li l-insuffiċjenzi eventwali tas-sistema ta’ responsabbiltà kienu ġew ikkumpensati fid-Direttiva 2006/54 mill-Artikolu 25 tagħha li jobbliga lill-Istati Membri li jadottaw sistema ta’ sanzjonijiet.

53.

Fl-aħħar nett, skont id-Direttiva 2006/54, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess issir f’żewġ stadji. Fl-Artikolu 18 tagħha hemm l-istadju tar-riparazzjoni jew tal-kumpens, fejn kif rajna dawn għandhom ikunu adegwati. Imbagħad, hemm, fl-Artikolu 25 ta’ din id-direttiva, l-istadju tas-sanzjoni jew tal-kastig, li mhux neċessarjament konkomitanti mal-istadju tar-riparazzjoni jew tal-kumpens u lanqas ma huwa kumulattiv ( 39 ). L-impożizzjoni ta’ danni punittivi tirrigwarda iktar dan it-tieni stadju, iżda jistgħu jiġu mmaġinati forom oħrajn ta’ sanzjoni mingħajr ma l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tippreskrivi waħda partikolari ( 40 ).

2. Il-problema tal-effett dirett tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2006/54

54.

Jekk jiġi rrikonoxxut lill-qorti tar-rinviju li għandha l-possibbiltà li timponi danni punittivi fuq il-persuna li timpjega li tkun instabet ħatja ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess f’isem l-effettività tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2006/54 u fis-silenzju tad-dritt nazzjonali, dan inevitabbilment iqajjem il-kwistjoni tal-effett dirett ta’ dan l-artikolu.

55.

Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-vittma ta’ tkeċċija diskriminatorja tista’ tibbaża ruħha, kontra l-persuna li timpjegaha, fuq dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 76/207, partikolarment biex titwarrab dispożizzjoni nazzjonali li timponi limiti fuq l-ammont ta’ danni li jista’ jinkiseb bħala kumpens ( 41 ). Madankollu, minn naħa, niddubita li soluzzjoni bħal dik tista’ tiġi trasposta fir-rigward ta’ danni punittivi, tant li ma jidhirx evidenti li jista’ jiġi dedott mis-sempliċi qari tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2006/54 li dan jimponi dak l-obbligu fuq l-Istati Membri. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-ġurisprudenza li għadni kif għamilt riferiment għaliha ngħatat f’kuntest fejn il-persuna li timpjega kienet awtorità tal-Istat, li ma jidhirx li huwa l-każ ta’ din il-kawża. Jekk jiġi deċiż, fil-kawża prinċipali, li l-qorti nazzjonali hija obbligata li timponi danni punittivi skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2006/54, dan jista’ b’hekk iwassal sabiex jiġi stabbilit l-effett dirett orizzontali ta’ dak l-artikolu.

D – Konklużjoni tal-analiżi

56.

Skont l-analiżi tiegħi, jiena intiż biex nikkonkludi, għalhekk, li l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2006/54 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri huma liberi li jagħżlu l-mezzi għall-implementazzjoni biex jiggarantixxu li r-riparazzjoni jew il-kumpens offerti lill-vittmi ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva jkunu dissważivi sakemm it-twettiq tal-għan segwit minn din tal-aħħar jiġi żgurat. Mingħajr ma jipprekludih, ma jeħtieġx lill-Istati Membri li jistabbilixxu l-ħlas ta’ danni punittivi lill-vittma. Fi kwalunkwe każ, ma huwiex permess lill-qorti nazzjonali li tiddeċiedi kundanna għal dawk id-danni fis-silenzju tad-dritt nazzjonali.

57.

Meta l-Istati Membri jagħżlu kumpens f’forma pekunjarja, dak il-kumpens, biex jissodisfa r-rekwiżit tad-disważjoni, għandu jkun adegwat, jiġifieri għandu jkun sħiħ u jieħu debitament inkunsiderazzjoni l-komponenti kollha ta’ dannu mġarrab kif ukoll il-livell ta’ gravità tal-ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiżgura jekk dan huwiex il-każ.

IV – Konklużjoni

58.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi d-domanda magħmula mill-Qorti tax-Xogħol Nru 1 ta’ Córdoba kif ġej:

L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri huma liberi li jagħżlu l-mezzi għall-implementazzjoni biex jiggarantixxu li r-riparazzjoni jew il-kumpens offerti lill-vittmi ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva jkunu disważivi sakemm it-twettiq tal-għan segwit minn din tal-aħħar jiġi żgurat. Mingħajr ma jipprekludih, ma jeħtieġx lill-Istati Membri li jistabbilixxu l-ħlas ta’ danni punittivi lill-vittma. Fi kwalunkwe każ, ma huwiex permess lill-qorti nazzjonali li tiddeċiedi kundanna għal dawk id-danni fis-silenzju tad-dritt nazzjonali.

Barra minn hekk, meta l-Istati Membri jagħżlu kumpens f’forma pekunjarja, dak il-kumpens, biex jissodisfa r-rekwiżit tad-disważjoni, għandu jkun adegwat, jiġifieri għandu jkun sħiħ u jieħu debitament inkunsiderazzjoni l-komponenti kollha ta’ dannu mġarrab kif ukoll il-livell ta’ gravità tal-ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiżgura jekk dan huwiex il-każ.


( 1 )   Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 )   ĠU L 204, p. 23.

( 3 )   Punt (b) tat-tieni pararafu tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2006/54.

( 4 )   It-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2006/54.

( 5 )   BOE Nru 71, tat-23 ta’ Marzu 2007, p. 12611.

( 6 )   BOE Nru 245, tal-11 ta’ Ottubru 2011.

( 7 )   Skont l-Artikolu 108(2) tal-Liġi Nru 36/2011.

( 8 )   Ara l-premessa 2 tad-Direttiva 2006/54. L-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa hija stabbilita wkoll fl-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2007 C 303, p. 1).

( 9 )   Ara l-premessa 2 tad-Direttiva 2006/54.

( 10 )   Fil-fatt id-Direttiva 2006/54 għaqqdet f’test uniku d-dispożizzjonijiet prinċipali li kienu jeżistu fil-qasam (u li sa dakinhar kienu jinsabu fi ħdan id-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 187), tad-Direttiva tal-Kunsill 86/378/KEE, tal-24 ta’ Lulju 1986, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għal irġiel u nisa fi skemi tax-xogħol ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 327), tad-Direttiva tal-Kunsill 75/117/KEE, tal-10 ta’ Frar 1975, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ndaqs għall-irġiel u għan-nisa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 327) u tad-Direttiva tal-Kunsill 97/80/KE tal-15 ta’ Diċembru 1997, dwar il-piż tal-prova f’każijiet ta’ diskriminazzjoni bbażati fuq is-sess (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 264)

( 11 )   Premessa 28 tad-Direttiva 2006/54.

( 12 )   Premessa 29 tad-Direttiva 2006/54. Enfasi magħmula minni.

( 13 )   ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 255.

( 14 )   “Indemnización o reparación” fil-verżjoni Spanjola tad-Direttiva 2006/54, “Schadenersatz oder Entschädigung” fil-verżjoni Ġermaniża tad-Direttiva 2006/54, “Compensation or reparation” fil-verżjoni Ingliża tad-Direttiva 2006/54, “Risarcimento o riparazione” fil-verżjoni Taljana tad-Direttiva 2006/54, “Indemnización o reparación” fil-verżjoni Spanjola tad-Direttiva 2006/54 u

“indemnização ou reparação” fil-verżjoni Portugiża tad-Direttiva 2006/54.

( 15 )   Ara s-sentenzi von Colson u Kamann (14/83, EU:C:1984:153, punt 15); Harz (79/83, EU:C:1984:155, punt 15), kif ukoll Marshall (C‑271/91, EU:C:1993:335, punti 17 u 18).

( 16 )   Ara, mutatis mutandis, is-sentenzi von Colson u Kamann (14/83, EU:C:1984:153, punt 18); Harz (79/83, EU:C:1984:155, punt 18), kif ukoll Paquay (C‑460/06, EU:C:2007:601, punt 44).

( 17 )   Premessa 35 tad-Direttiva 2006/54.

( 18 )   “Sanciones” fil-verżjoni Spanjola tad-Direttiva 2006/54, “Sanktionen” fil-verżjoni Ġermaniża tad-Direttiva 2006/54, “Penalties” fil-verżjoni Ingliża tad-Direttiva 2006/54, “Sanzioni” fil-verżjoni Taljana tad-Direttiva 2006/54, “Sanciones” fil-verżjoni Spanjola tad-Direttiva 2006/54 u “Sanções” fil-verżjoni Portugiża tad-Direttiva 2006/54.

( 19 )   Ċertament, l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/54 jikkunsidra li dawk is-sanzjonijiet jistgħu jieħdu l-forma ta’ kumpensi mħallsa lill-vittma. Madankollu, dan jirriżulta minn konfużjoni semantika li toriġina fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja: ara infra l-punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 20 )   Ara, b’mod partikolari, il-premessa 33 tad-Direttiva 2006/54. Wieħed jinnota wkoll li kemm l-Artikolu 18 kif ukoll l-Artikolu 25, li se neżamina ftit iktar tard, tad-Direttiva 2006/54 jikkorrispondu mad-dispożizzjonijiet introdotti mid-Direttiva 2002/73.

( 21 )   Liema artikolu jgħid li “[l]-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-sistema legali nazzjonali tagħhom dawk il-miżuri li jenħtieġu biex il-persuni kollha li jqisu li sarilhom xi tort bin-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali […], ikunu jistgħu ikomplu t-talbiet tagħhom permezz ta’ proċedura ġudizzjarja wara li jkunu possibilment irrikorrew għand l-awtoritajiet kompetenti l-oħra”. L-Artikolu 6 tad-Direttiva 76/207 kien ġie emendat mill-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 2002/73 biex jingħata formulazzjoni qrib dak li mbagħad sar l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2006/54 (ara b’mod iktar partikolari Artikolu 6(3) tal-verżjoni kkonsolidata tad-Direttiva 76/207). Id-Direttiva 2002/73 hija wkoll fl-oriġini tal-introduzzjoni, fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess għal dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tax-xogħol, ta’ dispożizzjoni distinta ddedikata għas-sanzjonijiet (ara l-Artikolu 8d tal-verżjoni kkonsolidata tad-Direttiva 76/207, li sar fil-mument tar-riformulazzjoni, l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/54).

( 22 )   Li tgħid li jirriżulta mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 76/207 li “l-Istati Membri huma obbligati jieħdu dawk il-miżuri li jkunu effikaċi biżżejjed biex jilħqu l-għan tad-direttiva u li jagħmlu mezz li dawn il-miżuri jkunu jistgħu jiġu invokati effettivament mill-persuni kkonċernati fil-qrati nazzjonali. Miżuri bħal dawn jistgħu, pereżempju, jinkludu dispożizzjonijiet li jeżiġu li l-persuna li timpjega li tirrekluta lill-kandidat iddiskriminat jew li tiżgura kumpens pekunjarju adegwat […]. Madankollu għandu jiġi kkonstatat li d-direttiva ma timponix sanzjoni speċifika iżda tħalli lill-Istati Membri fil-libertà li jagħżlu bejn soluzzjonijiet differenti xierqa biex jilħqu l-għan tagħha” (sentenzi von Colson u Kamann, 14/83, EU:C:1984:153, punt 18, kif ukoll Harz,79/83, EU:C:1984:155, punt 18).

( 23 )   Il-Qorti tal-Ġustizzja anki pprevediet li d-diversi miżuri jistgħu jkunu, “imsaħħa, jekk ikun il-każ, b’sistema ta’ multa” (ara s-sentenza von Colson u Kamann, 14/83, EU:C:1984:153, punt 18). Fil-fehma tiegħi, taħt il-qafas tad-Direttiva 2006/54, sistema bħal dik tirrigwarda l-ewwel nett rekwiżiti stabbiliti mill-Artikolu 25 ta’ din l-aħħar direttiva (ara infra l-punt 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 24 )   Sentenzi von Colson u Kamann (14/83, EU:C:1984:153, punt 23) kif ukoll Harz (79/83, EU:C:1984:155, punt 23). Dwar in-natura dissważiva, ara wkoll is-sentenza Marshall (C‑271/91, EU:C:1993:335, punt 24). Fuq in-natura adegwata tal-kumpens, ara wkoll is-sentenzi von Colson u Kamann (14/83, EU:C:1984:153, punt 28); Harz (79/83, EU:C:1984:155, punt 28); Marshall (C‑271/91, EU:C:1993:335, punt 26) kif ukoll Paquay (C‑460/06, EU:C:2007:601, punti 46 u 49).

( 25 )   Ċerti kummentaturi jaraw f’dan konfużjoni deplorevoli bejn il-kunċetti ġuridiċi, ara Van Gerven, W., “Of rights, remedies and procedures”, Common Market Law Review 2000, p. 530 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 11.

( 26 )   Sentenzi Marshall (C‑271/91, EU:C:1993:335, punt 25) u Paquay (C‑460/06, EU:C:2007:601, punt 45).

( 27 )   Ara s-sentenzi von Colson u Kamann (14/83, EU:C:1984:153, punt 24) kif ukoll Harz (79/83, EU:C:1984:155, punt 24).

( 28 )   Sentenza Marshall (C‑271/91, EU:C:1993:335, punti 30 u 32). Il-leġiżlatur ikkunsidra debitament din il-ġurisprudenza, ara l-premessa 33 u t-tieni sentenza tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2006/54.

( 29 )   Sentenza Marshall (C‑271/91, EU:C:1993:335, punt 25). Enfasi magħmula minni.

( 30 )   Sentenza Marshall (C‑271/91, EU:C:1993:335, punt 26).

( 31 )   Artikolu 10 tal-Liġi Organika Nru 3/2007.

( 32 )   Punt 2.2.2 tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

( 33 )   Artikolu 183 tal-Liġi 36/2011.

( 34 )   Jirriżulta għalhekk minn analiżi ta’ malajr komparattiva li l-Istati Membri fejn l-ordinament ġuridiku tagħhom jipprevedi danni punittivi huma fil-biċċa l-kbira fil-minoranza fi ħdan tal-Unjoni Ewropea.

( 35 )   Għal sunt tal-kwistjoni f’dak li jikkonċerna l-ordinament ġuridiku Franċiż, ara Méadel, J., “Faut-il introduire la faute lucrative en droit français ?”, Les Petites Affiches, 17 ta’ April 2007, Nru 77, p. 6.

( 36 )   Li l-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma kellha l-intenzjoni li tpoġġi fid-dubju, wara li kienet iddeċidiet ripetutament li “id-dritt [tal-Unjoni] ma jipprekludix li l-qrati nazzjonali milli jiżguraw li l-protezzjoni tad-drittijiet iggarantiti mill-ordinament ġuridiku [tal-Unjoni] ma twassalx għal arrikkiment indebitu tal-persuni intitolati” [sentenza Manfredi et (C‑295/04 sa C‑298/04, EU:C:2006:461, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata)].

( 37 )   Għalhekk, id-danni punittivi jistgħu jingħataw għall-benefiċċju kemm tal-vittma kif ukoll tat-Teżor pubbliku kif ukoll lit-tnejn. Madankollu, fil-kunċett li jidher li l-qorti tar-rinviju adottat, dawn id-danni jibbenefikaw lill-vittma tad-dannu.

( 38 )   Dan id-dubju jkompli jiżdied bil-fatt li, sa fejn naf jien, il-Kummissjoni ma tat bidu għall-ebda proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra l-Istati Membri – il-maġġoranza – li l-ordinament ġuridiku tagħhom ma jipprevedix l-għoti ta’ dawn id-danni. F’dan ir-rigward, huwa interessanti li jiġi nnutat li, fir-rapport tagħha fuq l-applikazzjoni tad-Direttiva 2002/73 – dik li introduċiet l-ekwivalenti tal-Artikoli 18 u 25 tad-Direttiva 2006/54 fid-Direttiva 76/207 – il-Kummissjoni kkonstatat li l-maġġoranza tal-Istati Membri ssodisfaw l-obbligu tagħhom li jintroduċu sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi, minkejja li, kif enfasizzajt iktar ’il fuq, maġġoranza kbira ta’ Stati Membri ma għandhomx il-mekkaniżmu tad-danni punittivi [ara r-rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, COM(2009) 409 finali, p. 7].

( 39 )   Pereżempju, fl-ipoteżi fejn id-dannu huwa kkawżat mhux lil persuna partikolari iżda lil grupp li eventwalment jiġi difiż minn assoċjazzjoni, jista’ jiġi mmaġinat li ma jkunx hemm kumpens fis-sens tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2006/54. Min-naħa l-oħra, għandu jkun hemm sanzjoni fis-sens tal-Artikolu 25 ta’ dik id-direttiva.

( 40 )   Hemm firxa sħiħa ta’ sanzjonijiet għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri, kemm sanzjonijiet ta’ natura ekonomika (bħall-multi jew id-danni punittivi), sanzjonijiet iktar psikoloġiċi li jaqgħu taħt il-metodu “name and shame” (bħall-kundanna li tingħata apoloġija lill-vittma, eventwalment magħquda ma’ miżuri ta’ pubbliċità bħall-pubblikazzjoni tal-kundanna f’gazzetta) jew anki l-esklużjoni tal-għoti ta’ benefiċċji tal-Istat lil kull persuna li tkun instabet ħatja ta’ diskriminazzjoni.

( 41 )   Anki hawnhekk, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija fuq il-bażi tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 76/207 tista’ tiġi invokata b’mod effettiv. Fil-punt 27 taż-żewġ sentenzi ewlenin tagħha von Colson u Kamann (14/83, EU:C:1984:153) kif ukoll Harz (79/83, EU:C:1984:155), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fl-ewwel lok, li din id-direttiva ma kinitx tinkludi, “f’dak li għandu x’jaqsam ma’ sanzjonijiet fil-każ ta’ diskriminazzjoni eventwali [,] obbligu inkundizzjonat u speċifiku biżżejjed li jista’ jiġi invokat minn individwu, fin-nuqqas ta’ miżuri ta’ applikazzjoni adottati fit-termini, bl-intenzjoni li jinkiseb kumpens speċifiku skont id-direttiva [76/207] meta tali konsegwenza ma hijiex prevista jew permessa mil-leġiżlazzjoni nazzjonali”.

Fit-tieni stadju, il-Qorti tal-Ġustizzja rfinat il-pożizzjoni tagħha fis-sentenza Johnston (222/84, EU:C:1986:206), li fiha ddeċidiet, fil-punti 58 u 59 ta’ din is-sentenza, li “jirriżulta mill-[Artikolu 6 tad-Direttiva 76/207], interpretat fid-dawl ta’ prinċipju ġenerali li huwa l-espressjoni tiegħu, li kull persuna li tqis lilha nnifisha leża minn diskriminazzjoni bejn irġiel u nisa għandha jkollha azzjoni ġudizzjarja effettiva, din id-dispożizzjoni hija suffiċjentement preċiża u inkundizzjonata biex tkun tista’ tiġi invokata kontra Stat Membru li ma jiżgurax l-applikazzjoni sħiħa tiegħu fl-ordinament ġuridiku intern tiegħu […] Id-dispożizzjoni tal-Artikolu 6 li tgħid li persuna li tqis lilha nnifisha leża minn diskriminazzjoni bejn irġiel u nisa għandha jkollha azzjoni ġudizzjarja effettiva, tista’ tiġi invokata minn individwi kontra Stat membru li ma jkunx żgura l-applikazzjoni sħiħa”.

Fit-tielet stadju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza Marshall (C‑271/91, EU:C:1993:335), li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 76/207 seta’ jiġi invokat minn individwu kontra l-persuna li timpjega pubblika meta d-dritt nazzjonali, minflok ma jipprevedi kumpens sħiħ għad-dannu mġarrab, jillimita, għall-kuntrarju, dak il-kumpens minn qabel. Billi l-Artikolu 6 tad-Direttiva 76/207 jirrappreżenta “element indispensabbli biex jintlaħaq l-għan fundamentali tal-ugwaljanza fit-trattament” (punt 34), “id-dispożizjonijiet magħquda tal-Artikolu 6 u tal-Artikolu 5 [ta’ din id-]Direttiva jnisslu, għall-persuna leża mill-fatt ta’ tkeċċija diskriminatorja, drittijiet li hija tkun tista’ tibbaża fuqhom quddiem il-qrati nazzjonali, kontra l-Istat u l-awtoritajiet li jwettquhom. Il-fatt li titħalla għażla lill-Istati Membri fost soluzzjonijiet differenti biex jintlaħaq l-għan imfittex mid-Direttiva [76/207], skont sitwazzjonijiet li jistgħu jinqalgħu, ma jistax ikollu l-konsegwenza li jipprekludi lill-individwu li jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 6 f’sitwazzjoni, bħal dik fil-kawża prinċipali, fejn l-awtoritajiet ma jkollhom l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni fl-implementazzjoni tas-soluzzjoni magħżula” (punti 35 u 36). Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet “li persuna leża mill-fatt ta’ tkeċċija diskriminatorja tista’ tibbaża ruħha fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 ta’ [din id-]Direttiva kontra awtorità tal-Istat li taġixxi bħala persuna li timpjega biex twarrab dispożizzjoni nazzjonali li timponi limiti fuq l-ammont tad-danni li jistgħu jinkisbu bħala kumpens” (punt 38). Nenfasizza li l-Avukat Ġenerali Van Gerven kien stieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi l-effett dirett orizzontali tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 76/207 [ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Van Gerven fil-kawża Marshall (C‑271/91, EU:C:1993:30, punt 21)].

Top