Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013TN0481

    Kawża T-481/13: Rikors ippreżentat fis- 6 ta’ Settembru 2013 — Systran vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 336, 16.11.2013, p. 27–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
    ĠU C 336, 16.11.2013, p. 26–26 (HR)

    16.11.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 336/27


    Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Settembru 2013 — Systran vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-481/13)

    2013/C 336/57

    Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

    Partijiet

    Rikorrenti: Systran SA (Pariġi, Franza) (rappreżentant: J. Hoss, avukat)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet tar-rikorrenti

    tannulla d-deċiżjonijiet tal-5 ta’ Lulju 2013 u tal-21 ta’ Awwissu 2013 meħudin mill-Kummissjoni Ewropea, alternattivament mill-Unjoni Ewropea;

    tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea u l-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Permezz ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li permezz tagħhom hija pproċediet, wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ April 2013, Il-Kummissjoni vs Systran u Systran Luxembourg (C-103/11 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), għall-irkupru tal-interessi kumpensatorji flimkien mal-interessi moratorji mid-19 ta’ Awwissu 2013 fuq l-ammont li l-Kummisjoni kienet ħallset lir-rikorrenti bħala danni wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Diċembru 2010, Systran u Systran Luxembourg vs Il-Kummissjoni (T-19/07, Ġabra p. II-6083), annullata permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tlett motivi.

    (1)

    L-ewwel motiv huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tieħu d-deċiżjonijiet ikkontestati, sa fejn il-Kummissjoni ma kellhiex il-kompetenza sabiex tagħti interessi kumpensatorji lilha nnfisha, peress li dawn l-interessi jistgħu jingħataw biss minn qorti peress li dawn ikollhom l-għan li jagħmlu tajjeb għal dannu li jirriżulta min-nuqqas ta’ eżekuzzjoni minn parti tal-obbligi tagħha. Ir-rikorrenti ssostni li l-għoti tal-interessi kumpensatorji ma jaqawx fil-likwidazzjoni tal-effetti ta’ sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    (2)

    It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt Ewropew, kemm fir-rigward tal-għoti tal-interessi kif ukoll fir-rigward tal-prinċipju ġenerali tal-projbizzjoni tal-arrikkiment indebitu. Ir-rikorrenti ssostni li:

    il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ġenerali tad-dritt Ewropew alternattivament il-prinċipju komuni għall-Istati Membri dwar l-għoti ta’ interessi kumpensatorji, fl-assenza totali ta’ fatt dannuż imputabbli lir-rikorrenti;

    il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ġenerali tal-projbizzjoni tal-arrikkiment indebitu billi tefgħet ir-responsabbiltà ta’ persuna ġuridika rreġsitrata taħt id-dritt privat, obbligu mhux previst mit-trattati u, fi kwalunkwe każ, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-ammont ta’ interessi, billi tat lilha nnifisha ammont ta’ interessi f’daqqa miżjud bi 2 % minħabba l-inflazzjoni.

    (3)

    It-tielet motiv huwa ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter imwettaq mill-Kummissjoni, sa fejn hi ma setgħetx tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 299 TFUE sabiex titlob l-ħlas ta’ interessi kumpensatorji fl-assenza ta’ bażi legali li tagħtiha din il-kompetenza u ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li tikkundanna lir-rikorrenti biex tħallashom.


    Top