Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013TN0456

Kawża T-456/13: Rikors ippreżentat fil- 21 ta’ Awwissu 2013 — Sea Handling vs Il-Kummissjoni

ĠU C 298, 12.10.2013, p. 10–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU C 298, 12.10.2013, p. 8–9 (HR)

12.10.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 298/10


Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Awwissu 2013 — Sea Handling vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-456/13)

2013/C 298/17

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Sea Handling SpA (Somma Lombardo, l-Italja) (rappreżentanti: B. Nascimbene u M. Merola, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni kkontestata li permezz tagħha l-Kummissjoni rrifjutat li tagħti lil SEA Handling S.p.A aċċess għad-dokumenti msemmija fit-talba tas-27 ta’ Frar 2013;

tordna lill-Kummissjoni turi d-dokumenti mitluba lir-rikorrenti;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors ġie ppreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta li tagħti lir-rikorrenti aċċess għal dokumenti li jinsabu fil-pussess tagħha, li jikkonċernaw il-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2012 dwar iż-żidiet f’kapital li l-kumpannija SEA S.p.A għamlet favur SEA Handling (proċedura SA.21420 — Italie/SEA Handling).

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

(1)

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-ordni proċedurali

F’dan ir-rigward qed jiġi invokat ksur tal-Artikoli 7(1) u (3), u 8(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), kif ukoll tal-Artikoli 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea sa fejn, minn naħa, il-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni kkontestata kienet ikkaratterizzata minn perijodi ta’ silenzju mhux iġġustifikat u estensjonijiet li ma kinux immotivati b’mod adegwat, u sa fejn, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu previst affettwa d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

(2)

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

F’dan ir-rigward qiegħed jiġi sostnut li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni u minn ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, sa fejn din titlaq mill-prinċipju li l-aċċess għad-dokumenti kien ikun ta’ ħsara gravi kemm għall-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni kif ukoll għall-investigazzjonijiet diġà konklużi, mingħajr ma tispeċifika n-natura tal-ħsara inkwistjoni.

(3)

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

F’dan ir-rigward qiegħed jiġi ddikjarat li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni u minn ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, sa fejn din tiddikjara li jekk it-talba għal aċċess tintlaqa’ dan ikun ta’ ħsara għall-interessi kummerċjali tal-lanjanti, mingħajr ma tispjega liema huma dawn l-interessi, u b’dan il-mod ostakolat indirettament il-proċedura ta’ investigazzjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, sa fejn din ma għamlitx distinzjoni bejn l-interessi privati u l-interess pubbliku marbut mal-iżvolġiment xieraq tal-investigazzjonijiet, billi interpretat b’mod wiesa’ wisq l-interessi protetti mill-Artikolu 4(2) tar-Regolament iċċitat iktar ’il fuq.

(4)

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

F’dan ir-rigward qiegħed jiġi ddikjarat li d-deċiżjoni kkontestata hija wkoll ivvizzjata mill-fatt li ma ġietx eżaminata l-possibbiltà li r-rikorrenti tingħata aċċess parzjali biss għad-dokumenti mitluba.

(5)

Il-ħames motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 1049/2001 u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, anki f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

F’dan ir-rigward qiegħed jiġi ddikjarat li d-deċiżjoni kkontestata hija ivvizzjata minn nuqqas ta’ evalwazzjoni tal-eċċezzjonijiet applikati fid-dawl tal-interess pubbliku. B’mod partikolari, il-Kummissjoni rrifjutat l-aċċess għad-dokumenti mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri marbut mal-iżvelar tad-dokumenti mitluba, u mingħajr ma naqqset l-effetti konkreti li tali żvelar kellu jipproduċi fuq l-interessi kummerċjali ta’ terzi u fuq l-attivitajiet ta’ investigazzjoni protetti mill-Artikolu 4(2) tar-regolament iċċitat iktar ’il fuq.


Top