Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013TN0352

    Kawża T-352/13 P: Appell ippreżentat fit- 2 ta’ Lulju 2013 minn BX mis-sentenza mogħtija fl- 24 ta’ April 2013 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-88/11, BX vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 252, 31.8.2013, p. 39–40 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
    ĠU C 252, 31.8.2013, p. 25–26 (HR)

    31.8.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 252/39


    Appell ippreżentat fit-2 ta’ Lulju 2013 minn BX mis-sentenza mogħtija fl-24 ta’ April 2013 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-88/11, BX vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-352/13 P)

    2013/C 252/67

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Appellant: BX (Washington, l-Istati Uniti) (rappreżentant: R. Rata, avukat)

    Appellata: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    L-appellant jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla s-sentenza mogħtija fl-24 ta’ April 2013 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-88/11;

    tannulla d-deċiżjoni kkontestata tal-Bord tal-Għażla li ma tinkludix lill-appellant fil-lista ta’ kandidati li għaddew mill-kompetizzjoni EPSO/AD/148/09-RO (ĠU 2009 C 14 A, p. 1), u

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka sitt aggravji.

    (1)

    L-ewwel aggravju jsostni li l-konklużjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (punt 33 tas-sentenza) li timplika li l-appellant ma ssodisfax il-livell ta’ prova meħtieġ hija inapplikabbli f’din il-kawża.

    (2)

    It-tieni aggravju jsostni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball ta’ liġi meta kkonstata li kandidat li l-marka inizjali tiegħu kienet ogħla mill-marka eliminatorja skont dawn il-kriterji prestabbiliti ma huwiex intitolat għal evalwazzjoni komparattiva (punt 41) għaliex:

    skont ġurisprudenza stabbilita, kull kandidat f’kompetizzjoni EPSO għandu dritt għal evalwazzjoni komparattiva, irrispettivament mill-fatt jekk l-evalwazzjoni inizjali tiegħu teċċedix jew le l-marka eliminatorja;

    il-bord ma osservax debitament l-obbligu tiegħu ta’ evalwazzjoni komparattiva mhux biss fil-konfront tal-appellant iżda wkoll fil-konfront tal-kandidati l-oħra kollha għall-eżami orali għaliex iż-żmien mogħti għas-sessjoni ta’ evalwazzjoni finali kien manifestament insuffiċjenti; u

    is-sentenza appellata ma hijiex ibbażata fuq argumenti rilevanti mqajma mill-appellant u ma tiħux inkunsiderazzjoni l-inkoerenza tal-argumenti tal-appellata

    (3)

    It-tielet aggravju jsostni li l-konklużjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fil-punt 45 tas-sentenza appellata, li jipprovdi li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma nkisirx, hija inkorretta.

    (4)

    Ir-raba’ aggravju jsostni li r-regoli ta’ kompożizzjoni tal-bord inkisru għaliex

    il-kompożizzjoni tal-bord kienet żbilanċjata (il-ħames inċiż tal-Artikolu 3 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea):

    it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball ta’ liġi meta kkonstata li huwa paċifiku li l-bord ikun kompost minn tliet membri matul l-eżami orali tal-appellant (punt 49 tas-sentenza appellata)

    it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkwota b’mod inkorrett is-sentenza Bartha vs Il-Kummissjoni biex isostni l-konklużjoni tiegħu li l-prinċipju ta’ rappreżentazzjoni bbilanċjata bejn irġiel u nisa fil-kompożizzjoni ta’ bord kien ġie osservat.

    il-preżenza fl-istess ħin ta’ membri permanenti u membri supplenti fil-bord matul l-eżamijiet orali wasslu f’din il-kawża għal proċedura illegali (punt 50)

    il-prinċipju ta’ stabbiltà ta’ bord inkiser (punt 51).

    (5)

    Il-ħames aggravju jsostni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball meta ddeċieda li l-fatti fil-kawża ma kinux jiġġustifikaw l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura (punt 81) għaliex l-appellata kkonċediet li ċ-ċaħda tal-ilmenti amministrattivi preċedenti tal-appellant kienet ibbażata fuq motivażżjoni żbaljata u l-appellata għalhekk għandha tbati l-ispejjeż.

    (6)

    Is-sitt aggravju jsostni li t-talba għal danni morali kienet iġġustifikata.


    Top